EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1358

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1358 tal-20 ta' Lulju 2017 dwar l-identifikazzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tal-ICT għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/5055

OJ L 190, 21.7.2017, p. 16–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/1358/oj

21.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/16


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1358

tal-20 ta' Lulju 2017

dwar l-identifikazzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tal-ICT għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-pjattaforma Ewropea ta' bosta partijiet interessati dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT u l-esperti fis-settur

Billi:

(1)

L-istandardizzazzjoni għandha rwol importanti fil-ħidma favur l-istrateġija Ewropa 2020, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”. Diversi inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 jisħqu fuq l-importanza tal-istandardizzazzjoni volontarja fis-swieq tal-prodotti jew tas-servizzi sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà bejn il-prodotti u s-servizzi, sabiex jitrawwem l-iżvilupp teknoloġiku u biex jingħata appoġġ lill-innovazzjoni.

(2)

L-istandards huma essenzjali għall-kompetittività Ewropea u kruċjali għall-innovazzjoni u għall-progress. Ir-rilevanza tagħhom hija enfasizzata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-inizjattivi reċenti għat-tlestija tas-Suq Uniku (2) u tas-Suq Uniku Diġitali (3), fejn ir-rwol tal-istandardizzazzjoni u tal-interoperabbiltà fil-ħolqien ta' Ekonomija Diġitali Ewropea huwa msaħħaħ bl-adozzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-Prijoritajiet tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali (4) li tistabbilixxi approċċ strateġiku u politiku komprensiv għall-istandardizzazzjoni għal teknoloġiji tal-ICT ta' prijorità li huma fundamentali għat-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali.

(3)

Fis-soċjetà diġitali, l-istrumenti tal-istandardizzazzjoni huma indispensabbli biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tan-netwerks u tas-sistemi. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: il-mixja 'l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020” (5) tirrikonoxxi l-ispeċifiċità tal-istandardizzazjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (l-ICT), fejn is-soluzzjonijiet, l-applikazzjonijiet u s-servizzi ħafna drabi jiġu żviluppati minn Fora u Konsorzji globali tal-ICT, li saru organizzazzjonijiet ewlenin għall-iżvilupp tal-istandards tal-ICT.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 għandu l-għan li jimmodernizza u jtejjeb il-qafas Ewropew tal-istandardizzazzjoni. Jistabbilixxi sistema li biha l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tidentifika l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT maħruġin minn organizzazzjonijiet li mhumiex organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni Ewropej, internazzjonali jew nazzjonali, u li huma l-aktar rilevanti u aċċettati. Il-possibbiltà li tintuża l-medda sħiħa tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT fl-akkwist ta' ħardwer, softwer u servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni se tippermetti l-interoperabbiltà bejn l-apparati, is-servizzi u l-applikazzjonijiet, se tgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jevitaw ir-restrizzjonijiet li jseħħu meta x-xerrej pubbliku ma jkunx jista' jibdel il-fornitur wara l-iskadenza tal-kuntratt tal-akkwist minħabba l-użu ta' soluzzjonijiet proprjetarji tal-ICT, u se tħeġġeġ il-kompetizzjoni fil-provvista ta' soluzzjonijiet interoperabbli tal-ICT.

(5)

Sabiex l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT ikunu eleġibbli għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku, iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Il-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti tiggarantixxi lill-awtoritajiet pubbliċi li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT ikunu stabbiliti skont il-prinċipji tat-trasparenza, tal-aċċess miftuħ, tal-imparzjalità u tal-kunsens li huma rrikonoxxuti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-qasam tal-istandardizzazzjoni.

(6)

Id-deċiżjoni li tiġi identifikata l-ispeċifikazzjoni tal-ICT għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Pjattaforma Ewropea ta' bosta partijiet interessati dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT, stabbilita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/C 349/04 (6) ikkumplimentata minn forom oħra ta' konsultazzjoni ta' esperti fis-settur.

(7)

Il-pjattaforma Ewropea ta' bosta partijiet interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT evalwat u tat parir pożittiv dwar l-identifikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għar-referenzjar li ġejjin fl-akkwist pubbliku: “Simple Knowledge Organization System” (minn hawn 'il quddiem imsejħa “SKOS”), u “Resource Description Framework 1.0 and 1.1” (minn hawn 'il quddiem imsejħa “RDF 1.0 & 1.1”) żviluppati mill-Konsorzju tal-World Wide Web (W3C); “Service Metadata Publisher 1.0” (minn hawn 'il quddiem “SMP 1.0”) żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Avvanz tal-Istandards tal-Informazzjoni Strutturata (Organization for the Advancement of Structured Information Standards — OASIS); “MIME-Based Secure Peer-to-Peer Business Data Interchange Using HTTP, Applicability Statement 2”, RFC 4130 (minn hawn 'il quddiem imsejħa “AS2”) u l-“Internationalized Resource Identifiers” RFC 3987 (minn hawn 'il quddiem imsejħa “IRIs”) żviluppati mill-Internet Engineering Task Force (IETF); “Data Foundation & Terminology Model”, “PID Information Types API”, “Data Type Registries Model” u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi “Practical Policies Recommendations”, kollha żviluppati mir-Research Data Alliance (RDA). Sussegwentement, l-evalwazzjoni u l-pariri tal-pjattaforma ġew sottomessi għall-konsultazzjoni tal-esperti settorjali li kkonfermaw il-parir pożittiv dwar l-identifikazzjoni tagħha.

(8)

L-ispeċifikazzjoni teknika “SKOS” żviluppata mill-W3C tagħmel is-sistemi tal-organizzazzjoni tal-għarfien mhux formali disponibbli onlajn għall-pubbliku b'mod strutturat, bil-għan li torganizza u tipprovdi aċċess għall-għarfien dwar it-tifsira u l-koeżjoni tat-termini sottostanti. Il-mudell tad-dejta “SKOS” jipprovdi passaġġ ta' migrazzjoni standard b'kost baxx għall-portabilità tas-sistemi tal-organizzazzjoni tal-għarfien eżistenti għall-web semantiku. L-“SKOS” jipprovdi wkoll lingwa ħafifa u intuwittiva għall-iżvilupp u l-qsim ta' sistemi ta' organizzazzjoni tal-għarfien ġodda. Jista' jintuża waħdu, jew flimkien ma' lingwi ta' rappreżentazzjoni tal-għarfien formali bħal-lingwa Web Ontology (OWL).

(9)

L-“RDF 1.0” żviluppat ukoll mill-W3C huwa mudell standard għall-iskambju ta' dejta fuq il-web b'karatteristiċi li jiffaċilitaw il-fużjoni tad-dejta, anki jekk l-iskemi sottostanti huma differenti, u jappoġġa b'mod speċifiku l-evoluzzjoni ta' skemi matul iż-żmien mingħajr il-ħtieġa li jinbidlu l-konsumaturi tad-dejta. L-“RDF 1.1” huwa evoluzzjoni tal-“RDF 1.0”, b'retrokompatibilità, bl-użu ta' identifikaturi internazzjonalizzati, irfinar tal-użu tat-tipi ta' dejta u tags tal-lingwa dwar il-literali, u għadd ta' formati ta' serjalizzazzjoni ġodda.

(10)

L-ispeċifikazzjoni teknika “SMP 1.0” żviluppata mill-OASIS tiddiffenixxi protokoll għall-pubblikazzjoni ta' metadejta tas-servizz fi ħdan netwerk 4-corner, fejn l-entitajiet jiskambjaw dokumenti tan-negozju permezz tas-servizzi gateway intermedjarji (xi kultant imsejħa Punti ta' Aċċess). Biex jintbagħat dokument tan-negozju f'netwerk 4-corner b'suċċess, entità trid tkun kapaċi tiskopri metadejta kritika dwar id-destinatarju (il-punt tat-tmiem) tad-dokument kummerċjali, bħat-tipi ta' dokumenti li l-punt tat-tmiem ikun kapaċi jirċievi u l-metodi ta' trasport appoġġati. Il-benefiċjarju jagħmel din il-metadejta disponibbli għal entitajiet oħra fin-netwerk permezz ta' servizz ta' Service Metadata Publisher. L-ispeċifikazzjoni tiddeskrivi l-iskambji tat-talba/tweġiba bejn is-Service Metadata Publisher u klijent li jixtieq jiskopri informazzjoni fil-punt tat-tmiem.

(11)

L-“AS2” żviluppat mill-IETF huwa wieħed mill-aktar metodi popolari għat-trasport ta' dejta kummerċjali strutturata b'mod sigur u affidabbli permezz tal-Internet. Essenzjalment, dan jinvolvi żewġ kompjuters — klijent u server — konnessi permezz tal-web bil-metodu punt għal punt. L-AS2 joħloq “pakkett” għad-dejta kummerċjali strutturata, biex tkun tista' tintbagħat b'mod sigur — bl-użu ta' ċertifikati diġitali u kriptaġġ — fuq l-Internet. L-AS2 jintuża minn organizzazzjonijiet tas-settur privat u pubbliku u mill-gvernijiet f'bosta Stati Membri kemm għal każijiet ta' użu speċifiku kif ukoll għall-implimentazzjonijiet tal-infrastruttura ġenerali għall-appoġġ tat-trasferiment sigur ta' messaġġi u dokumenti kummerċjali.

(12)

L-ispeċifikazzjoni teknika “IRIs” żviluppata mill-IETF hija element ta' protokoll li jestendi fuq l-iskema Uniform Resource Identifier (URI), li hija bbażata fuq is-sett ta' karattri ASCII, billi tappoġġa firxa ferm wiesgħa ta' sett ta' karattri li jintużaw fl-alfabett latin tal-UE li fihom ittri barra mis-sett ASCII jew jużaw script ieħor (il-Grieg, il-Bulgaru).

(13)

Ir-Research Data Alliance (RDA) hija organizzazzjoni internazzjonali ffokata fuq l-iżvilupp ta' attivitajiet tal-infrastruttura u komunitarji u rakkomandazzjonijiet maħsuba biex inaqqsu l-ostakoli tal-kondiviżjoni tad-dejta u l-iskambju u l-aċċellerazzjoni tal-innovazzjoni mmexxija mid-dejta madwar id-dinja. Hemm identifkati erba' speċifikazzjonijiet tekniċi mill-RDA. L-“RDA Data Foundation & Terminology Model” huwa mudell ewlieni, vokabolarju bażiku u għodda ta' riċerka tat-terminoloġija fundamentali li tiżgura li r-riċerkaturi jużaw terminoloġija komuni meta jirreferu għad-dejta; L-“RDA PID Information Types API — Persistent Identifier Type Registry” huwa mudell kunċettwali għall-istrutturar ta' informazzjoni ttajpjata biex il-PIDs jiġu identifikati aħjar, u interfaċja komuni għall-aċċess ta' din l-informazzjoni; L-“RDA Data Type Registries Model” huwa mudell tat-tip ta' dejta u reġistru (“MIME-types” għad-dejta) biex jgħin lill-għodda jinterpretaw, juru u jipproċessaw id-dejta; u “RDA Practical Policies recommendations” huwa sett ta' politiki li jistgħu jiġi mmanuvrati permezz ta' magni biex isaħħu l-fiduċja u l-interoperabbiltà,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mniżżlin fl-Anness huma eliġibbli għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji”. COM(2015) 550 final tat-28 ta' Ottubru 2015.

(3)  Il-Komunikazzjoni dwar Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa, COM(2015) 192 final tas-6 ta' Mejju 2015 u l-Komunikazzjoni dwar l-analiżi ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar is-Suq Uniku Diġitali COM(2017) 228 final tal-10 ta' Mejju 2017.

(4)  COM(2016)176 final tad-19 ta' April 2016.

(5)  KUMM(2011) 311 finali tal-1 ta' Ġunju 2011.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/C 349/04 tat-28 ta' Novembru 2011 li twaqqaf Pjattaforma Ewropea ta' bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT (ĠU C 349, 30.11.2011, p. 4).


ANNESS

Konsorzju tal-World Wide Web (W3C)  (1)

Nru

Titolu tal-ispeċifikazzjoni teknika tal-ICT

1

Simple Knowledge Organisation System (SKOS)

2

Resource Description Framework 1.0 and 1.1 (RDF 1.0 & 1.1)


OASIS (Organizzazzjoni għall-Avvanz tal-Istandards tal-Informazzjoni Strutturata)  (2)

Nru

Titolu tal-ispeċifikazzjoni teknika tal-ICT

1

Service Metadata Publisher 1.0 (SMP 1.0)


Internet Engineering Task Force (IETF)  (3)

Nru

Titolu tal-ispeċifikazzjoni teknika tal-ICT

1

MIME-Based Secure Peer-to-Peer Business Data Interchange Using HTTP, Applicability Statement 2, RFC 4130 (AS2)

2

Internationalized Resource Identifiers, RFC 3987 (IRIs)


Research Data Alliance (RDA)  (4)

Nru

Titolu tal-ispeċifikazzjoni teknika tal-ICT

1

TS1 Data Foundation & Terminology Model

2

TS2 PID Information Types API- Persistent Identifier Type Registry

3

TS3 Data Type Registries Model

4

TS4 Practical Policies recommendations


(1)  http://www.w3.org/

(2)  http://www.oasis-open.org/

(3)  http://www.ietf.org/

(4)  https://rd-alliance.org/


Top