EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0939

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta' Mejju 2017 dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju

OJ L 142, 2.6.2017, p. 4–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/939/oj

2.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 142/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/939

tal-11 ta' Mejju 2017

dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/938 tat-23 ta' Settembru 2013 (2), il-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju (“il-Konvenzjoni”) ġiet iffirmata fl-10 ta' Ottubru 2013 f'isem l-Unjoni Ewropea, soġġetta għall-konklużjoni tagħha f'data aktar tard.

(2)

Il-Konvenzjoni ġiet adottata f'Kumamoto fl-10 ta' Ottubru 2013. Il-Konvenzjoni tipprevedi qafas għall-kontroll u l-limitazzjoni tal-użu tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju, u għall-kontroll u l-limitazzjoni tal-emissjonijiet antropoġeniċi u r-rilaxxi tal-merkurju u l-komposti tal-merkurju fl-arja, fl-ilma u fl-art, bil-għan li jitħarsu s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

(3)

Il-merkurju huwa sustanza kkaratterizzata min-natura transfruntiera tagħha. Għaldaqstant, tinħtieġ azzjoni globali biex jiġi żgurat il-ħarsien tal-individwi u tal-ambjent fl-Unjoni b'mod komplementari għall-miżuri domestiċi.

(4)

Is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali (3) jistabbilixxi l-objettiv fit-tul ta' ambjent mhux tossiku u jiddikjara li, għal dak il-għan, tinħtieġ azzjoni biex sal-2020 tiġi żgurata l-minimizzazzjoni tal-effetti negattivi sinifikanti tas-sustanzi kimiċi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent.

(5)

L-Istrateġija Komunitarja dwar il-Merkurju tal-2005, kif rieżaminata fl-2010, hi maħsuba biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-merkurju, tnaqqas il-provvista u d-domanda għall-merkurju, tipproteġi kontra l-esponiment għall-merkurju u tippromwovi azzjoni internazzjonali dwar il-merkurju.

(6)

Il-Kunsill itenni l-impenn tiegħu, kif mistqarr fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta' Marzu 2011, għall-objettiv ġenerali ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent mir-rilaxx tal-merkurju u tal-komposti tiegħu billi jimminimizza u, fejn ikun fattibbli, jelimina finalment ir-rilaxxi antropoġeniċi globali tal-merkurju fl-arja, fl-ilma u fl-art. Il-Konvenzjoni tikkontribwixxi biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(7)

Skont l-Artikolu 30(3) tal-Konvenzjoni, jenħtieġ li l-Unjoni, fl-istrument ta' approvazzjoni tagħha, tiddikjara l-firxa tal-kompetenza tagħha fir-rigward tal-kwistjonijiet irregolati mill-Konvenzjoni.

(8)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Konvenzjoni tiġi approvata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni Ewropea.

Id-Dikjarazzjoni dwar il-Kompetenza meħtieġa mill-Artikolu 30(3) tal-Konvenzjoni hija b'dan approvata wkoll.

It-test tal-Konvenzjoni u d-Dikjarazzjoni dwar il-Kompetenza huma mehmużin ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna jew persuni awtorizzati li jiddepożitaw, f'isem l-Unjoni, l-istrument ta' approvazzjoni stipulat fl-Artikolu 30(1) tal-Konvenzjoni, flimkien mad-Dikjarazzjoni dwar il-Kompetenza.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Mejju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

R. GALDES


(1)  Approvazzjoni tas-27 ta' April 2017 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/938 tat-23 ta' Settembru 2013 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju (ara paġna 2 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).


TRADUZZJONI

ANNESS

IL-KONVENZJONI TA' MINAMATA DWAR IL-MERKURJU

Il-Partijiet għal din il-Konvenzjoni,

Filwaqt li jirrikonoxxu li l-merkurju huwa sustanza kimika ta' tħassib globali minħabba t-trasportazzjoni atmosferika tiegħu fuq distanza twila, il-persistenza tiegħu fl-ambjent ladarba jiġi introdott b'mod antropoġeniku, l-abbiltà tiegħu ta' bijoakkumulazzjoni fl-ekosistemi u l-effetti negattivi sinifikanti tiegħu fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent,

Filwaqt li jfakkru d-deċiżjoni 25/5 tal-20 ta' Frar 2009 tal-Kunsill Governattiv tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent sabiex tinbeda azzjoni internazzjonali għall-immaniġġjar tal-merkurju b'mod effiċjenti, effettiv u koerenti,

Filwaqt li jfakkru l-paragrafu 221 tad-dokument finali tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli “The future we want” (Il-futur li rridu), li talab għal eżitu b'suċċess tan-negozjati fuq strument globali legalment vinkolanti dwar il-merkurju sabiex jiġu indirizzati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent,

Filwaqt li jfakkru r-riaffermazzjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fir-rigward tal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta' Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, inkluż, fost l-oħrajn, ir-responsabbiltajiet komuni iżda differenzjati u r-rikonoxximent taċ-ċirkostanzi u tal-kapaċitajiet rispettivi tal-Istati, kif ukoll il-ħtieġa ta' azzjoni globali,

Konxji mit-tħassib dwar is-saħħa, speċjalment fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, li jirriżulta mill-esponiment għall-merkurju ta' popolazzjonijiet vulnerabbli, speċjalment in-nisa, it-tfal u, eventwalment, il-ġenerazzjonijiet futuri,

Filwaqt li jinnotaw il-vulnerabbiltajiet partikolari tal-ekosistemi tal-Artiku u tal-komunitajiet indiġeni minħabba l-bijomanjifikazzjoni tal-merkurju u l-kontaminazzjoni ta' ikel tradizzjonali u billi huma mħassba dwar il-komunitajiet indiġeni b'mod aktar ġenerali fir-rigward tal-effetti tal-merkurju,

Filwaqt li jirrikonoxxu l-lezzjonijiet sostanzjali dwar il-Marda ta' Minamata, b'mod partikolari l-effetti serji għas-saħħa u għall-ambjent li jirriżultaw mit-tniġġis tal-merkurju, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat l-immaniġġjar xieraq tal-merkurju u l-prevenzjoni ta' tali avvenimenti fil-ġejjieni,

Filwaqt li jenfasizzaw l-importanza ta' appoġġ finanzjarju, tekniku, teknoloġiku u dak maħsub għall-bini tal-kapaċità, b'mod partikolari għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u għall-pajjiżi b'ekonomiji fi tranżizzjoni, bil-għan li jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali għall-immaniġġjar tal-merkurju, kif ukoll għall-promozzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni,

Filwaqt li jirrikonoxxu wkoll l-attivitajiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa favur il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem b'rabta mal-merkurju u r-rwoli tal-ftehimiet ambjentali multilaterali rilevanti, speċjalment il-Konvenzjoni ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom u l-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-Proċedura ta' Kunsens Infurmat Minn Qabel għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi Perikolużi fil-Kummerċ Internazzjonali,

Filwaqt li jirrikonoxxu din il-Konvenzjoni u ftehimiet internazzjonali oħrajn fil-qasam tal-ambjent u l-kummerċ isostnu lil xulxin,

Filwaqt li jenfasizzaw li f'din il-Konvenzjoni ma hemm xejn li huwa maħsub li jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi ta' xi Parti li jirriżultaw minn xi ftehim internazzjonali eżistenti,

Filwaqt li jifhmu li l-premessa ta' hawn fuq mhijiex maħsuba biex toħloq ġerarkija bejn din il-Konvenzjoni u strumenti internazzjonali oħra,

Filwaqt li jinnotaw li f'din il-Konvenzjoni ma hemm xejn li jwaqqaf Parti milli tieħu miżuri domestiċi addizzjonali li jkunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni fi sforz sabiex is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent jiġu protetti mill-esponiment għall-merkurju b'konformità mal-obbligi l-oħrajn ta' dik il-Parti skont il-liġi internazzjonali applikabbli,

Ftiehmu kif ġej:

Artikolu 1

Objettiv

L-objettiv ta' din il-Konvenzjoni huwa li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minn emissjonijiet antropoġeniċi u minn rilaxxi tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni:

(a)

“Estrazzjoni tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira” tfisser attività ta' estrazzjoni tad-deheb imwettqa minn minaturi individwali jew impriżi żgħar bi produzzjoni u investiment kapitali limitati;

(b)

“L-aqwa tekniki disponibbli” tfisser dawk it-tekniki li huma l-aktar effettivi għall-prevenzjoni u, fejn din ma tkunx prattikabbli, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u tar-rilaxxi tal-merkurju fl-arja, fl-ilma u fuq l-art, kif ukoll tal-impatt ta' tali emissjonijiet u rilaxxi fuq l-ambjent b'mod ġenerali, billi jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi għal Parti jew faċilità partikolari fit-territorju ta' dik il-Parti. F'dan il-kuntest:

 

“L-aqwa” tfisser l-aktar effettivi sabiex jinkiseb livell ġenerali għoli ta' protezzjoni tal-ambjent b'mod ġenerali;

 

Tekniki “Disponibbli” tfisser, fir-rigward ta' Parti jew faċilità partikolari fit-territorju ta' dik il-Parti, dawk it-tekniki żviluppati fuq skala li tippermetti l-implimentazzjoni f'settur industrijali rilevanti taħt kondizzjonijiet ekonomikament u teknikament vijabbli, b'kunsiderazzjoni tal-ispejjeż u tal-benefiċċji, kemm jekk dawk it-tekniki jintużaw jew jiġu żviluppati fit-territorju ta' dik il-Parti jew le, diment li jkunu aċċessibbli għall-operatur tal-faċilità kif stabbilit minn dik il-Parti; u

 

“Tekniki” tfisser it-teknoloġiji użati, il-prattiki operattivi u l-modi kif jiġu ddisinjati, mibnija, miżmuma, imħaddma u ddekummissjonati l-installazzjonijiet;

(c)

“L-aqwa prattiki ambjentali” tfisser l-applikazzjoni tal-aktar kombinazzjoni xierqa ta' miżuri u strateġiji għall-kontroll ambjentali;

(d)

“Merkurju” tfisser merkurju elementali (Hg(0), Nru tal-CAS 7439-97-6);

(e)

“Kompost tal-merkurju” tfisser kwalunkwe sustanza li tikkonsisti f'atomi tal-merkurju u atomu wieħed jew aktar ta' elementi kimiċi oħrajn li jistgħu jiġu sseparati f'komponenti differenti biss permezz ta' reazzjonijiet kimiċi;

(f)

“Prodott miżjud bil-merkurju” tfisser prodott jew komponent ta' prodott li fih il-merkurju jew kompost tal-merkurju li kien miżjud b'mod intenzjonali;

(g)

“Parti” tfisser organizzazzjoni reġjonali jew Statali għall-integrazzjoni ekonomika li tat il-kunsens tagħha sabiex tintrabat b'din il-Konvenzjoni u li għaliha l-Konvenzjoni tkun fis-seħħ;

(h)

“Partijiet preżenti u li jivvotaw” tfisser il-Partijiet preżenti u li jitfgħu vot affermattiv jew negattiv waqt laqgħa tal-Partijiet;

(i)

“Estrazzjoni primarja tal-merkurju” tfisser estrazzjoni fejn il-materjal prinċipali mfittex ikun il-merkurju;

(j)

“Organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika” tfisser organizzazzjoni magħmula minn Stati sovrani ta' reġjun partikolari li lilha jkunu għaddew il-kompetenza fir-rigward ta' materji li huma rregolati minn din il-Konvenzjoni u li tkun ġiet debitament awtorizzata, f'konformità mal-proċeduri interni tagħha, sabiex tiffirma, tirratifika, taċċetta jew tapprova din il-Konvenzjoni jew sabiex taderixxi magħha; u

(k)

“Użu permess” tfisser kwalunkwe użu minn Parti tal-merkurju jew tal-komposti tal-merkurju konsistenti ma' din il-Konvenzjoni, inkluż, iżda mhux limitat għal, użi konsistenti mal-Artikoli 3, 4, 5, 6 u 7.

Artikolu 3

Kummerċ u sorsi tal-provvista ta' merkurju

1.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu:

(a)

Ir-referenzi għall-“merkurju” jinkludu taħlitiet tal-merkurju ma' sustanzi oħrajn, inkluż ligi tal-merkurju, b'konċentrazzjoni tal-merkurju ta' mill-inqas 95 fil-mija skont il-piż; u

(b)

“Komposti tal-merkurju” tfisser klorur tal-merkurju (I) (magħruf ukoll bħala kalomel), ossidu tal-merkurju (II), sulfat tal-merkurju (II), nitrat tal-merkurju (II), ċinnabar u sulfur tal-merkurju.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għal:

(a)

Kwantitajiet ta' merkurju jew komposti tal-merkurju li jridu jintużaw għar-riċerka fuq skala ta' laboratorju jew bħala standard ta' referenza; jew

(b)

Kwantitajiet ta' traċċi ta' merkurju jew komposti tal-merkurju li jokkorru b'mod naturali preżenti f'tali prodotti bħal metalli li mhumiex merkurju, metalli mhux maħduma jew prodotti minerali, inkluż faħam, jew prodotti derivati minn dawn il-materjali, kif ukoll kwantitajiet ta' traċċi mhux intenzjonati fi prodotti kimiċi; jew

(c)

Prodotti miżjudin bil-merkurju.

3.   Kull Parti ma għandhiex tippermetti l-estrazzjoni primarja tal-merkurju li ma kienx qiegħed jitwettaq fit-territorju tagħha fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni.

4.   Kull Parti għandha tippermetti biss l-estrazzjoni primarja tal-merkurju li kien qiegħed jitwettaq fit-territorju tagħha fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għal perjodu sa ħmistax-il sena wara dik id-data. Matul dan il-perjodu, il-merkurju miksub minn tali estrazzjoni għandu jintuża biss fil-manifattura ta' prodotti miżjudin bil-merkurju skont l-Artikolu 4, fil-proċessi tal-manifattura skont l-Artikolu 5 jew inkella jintrema skont l-Artikolu 11, billi jintużaw operazzjonijiet li ma jwasslux għal irkupru, riċiklaġġ, reklamazzjoni, użu mill-ġdid dirett jew użi alternattivi.

5.   Kull Parti għandha:

(a)

Tagħmel ħilitha sabiex tidentifika ħażniet individwali tal-merkurju jew tal-komposti tal-merkurju li jaqbżu l-50 tunnellata metrika, kif ukoll sorsi ta' provvista tal-merkurju li jiġġeneraw ħażniet li jaqbżu l-10 tunnellati metriċi fis-sena, li jkunu jinsabu fit-territorju tagħha;

(b)

Tieħu miżuri sabiex tiżgura li, meta l-Parti tiddetermina li huwa disponibbli merkurju eċċessiv mid-dekummissjonar ta' faċilitajiet kloroalkali, tali merkurju jintrema skont il-linji gwida għall-immaniġġjar ambjentalment korrett imsemmi fil-paragrafu 3(a) tal-Artikolu 11, billi jintużaw operazzjonijiet li ma jwasslux għal irkupru, riċiklaġġ, reklamazzjoni, użu mill-ġdid dirett jew użijiet alternattivi.

6.   Kull Parti ma għandhiex tippermetti l-esportazzjoni tal-merkurju ħlief:

(a)

Lil Parti li tkun ipprovdiet lill-Parti li tesporta bil-kunsens bil-miktub tagħha u biss għall-iskop ta:

(i)

Użu permess għall-Parti li timporta skont din il-Konvenzjoni; jew

(ii)

Ħażna temporanja ambjentalment korretta kif stabbilit fl-Artikolu 10; jew

(b)

Lil Parti terza li tkun ipprovdiet lill-Parti li tesporta bil-kunsens bil-miktub tagħha, inkluż ċertifikazzjoni li turi li:

(i)

Il-Parti terza għandha miżuri fis-seħħ sabiex tiżgura l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u sabiex tiżgura l-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 10 u 11; u

(ii)

Tali merkurju jintuża biss għal użu li huwa permess lil Parti skont din il-Konvenzjoni jew għal ħażna temporanja ambjentalment korretta kif stabbilit fl-Artikolu 10.

7.   Parti li tesporta tista' tistrieħ fuq notifika ġenerali mibgħuta lis-Segretarjat mill-Parti li timporta jew minn Parti terza bħala l-kunsens bil-miktub mitlub mill-paragrafu 6. Tali notifika ġenerali għandha tistabbilixxi l-patti u l-kondizzjonijiet li skonthom il-Parti li timporta jew il-Parti terza tipprovdi l-kunsens tagħha. In-notifika tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe żmien minn dik il-Parti jew minn Parti terza. Is-Segretarjat għandu jżomm reġistru pubbliku għal dawn in-notifiki kollha.

8.   Kull Parti ma għandhiex tippermetti l-importazzjoni tal-merkurju mingħand Parti terza li lilha tipprovdi l-kunsens bil-miktub tagħha sakemm il-Parti terza ma tkunx ipprovdiet ċertifikat li l-merkurju mhuwiex ġej minn sorsi identifikati bħala mhux awtorizzati fil-paragrafu 3 jew fil-paragrafu 5 (b).

9.   Parti li tissottometti notifika ġenerali ta' kunsens skont il-paragrafu 7 tista' tiddeċiedi li ma tapplikax il-paragrafu 8, diment li hija żżomm restrizzjonijiet komprensivi fuq l-esportazzjoni tal-merkurju u jkollha miżuri domestiċi fis-seħħ li jkunu maħsuba biex jiżguraw li l-merkurju importat jiġi mmaniġġjat b'mod li jkun ambjentalment korrett. Il-Parti għandha tipprovdi notifika ta' tali deċiżjoni lis-Segretarjat, inkluż informazzjoni li tiddeskrivi r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-miżuri regolatorji domestiċi, kif ukoll informazzjoni dwar il-kwantitajiet u l-pajjiżi ta' oriġini tal-merkurju importat minn Partijiet terzi. Is-Segretarjat għandu jżomm reġistru pubbliku għal dawn in-notifiki kollha. Il-Kumitat dwar l-Implimentazzjoni u l-Konformità għandu janalizza u jevalwa kwalunkwe notifika bħal din u informazzjoni ta' appoġġ skont l-Artikolu 15 u jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet, kif xieraq, lill-Konferenza tal-Partijiet.

10.   Il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 9 għandha tkun disponibbli sakemm tiġi fi tmiemha t-tieni laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet. Wara dak iż-żmien, ma għandhiex tibqa' disponibbli, sakemm il-Konferenza tal-Partijiet ma tiddeċidix xi mod ieħor permezz ta' maġġoranza sempliċi tal-Partijiet preżenti u li vvotaw fir-rigward ta' Parti li tkun ipprovdiet notifika skont il-paragrafu 9 qabel tmiem it-tieni laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet.

11.   Kull Parti għandha tinkludi fir-rapporti tagħha, sottomessi skont l-Artikolu 21, informazzjoni li turi li r-rekwiżiti ta' dan l-Artikolu ġew issodisfati.

12.   Il-Konferenza tal-Partijiet għandha fl-ewwel laqgħa tagħha tipprovdi aktar gwida fir-rigward ta' dan l-Artikolu, b'mod partikolari fir-rigward tal-paragrafi 5 (a), 6 u 8, filwaqt li għandha tiżviluppa u tadotta l-kontenut meħtieġ taċ-ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafi 6 (b) u 8.

13.   Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tevalwa jekk il-kummerċ tal-komposti speċifiċi tal-merkurju jikkompromettix jew le l-objettiv ta' din il-Konvenzjoni u għandha tikkunsidra jekk tali komposti speċifiċi tal-merkurju għandhomx, permezz tal-elenkar tagħhom f'Anness addizzjonali adottat skont l-Artikolu 27, ikunu soġġetti għall-paragrafi 6 u 8.

Artikolu 4

Prodotti miżjudin bil-merkurju

1.   Kull Parti ma għandhiex tippermetti, billi tieħu l-miżuri xierqa, il-manifattura, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta' prodotti miżjudin bil-merkurju elenkati fil-Parti I tal-Anness A wara d-data ta' eliminazzjoni gradwali speċifikata għal dawk il-prodotti, ħlief meta l-esklużjoni tkun speċifikata fl-Anness A jew il-Parti tkun irreġistrat eżenzjoni skont l-Artikolu 6.

2.   Bħala alternattiva għall-paragrafu 1, Parti tista' tindika, fiż-żmien tar-ratifika jew mad-dħul fis-seħħ ta' emenda għall-Anness A, li hija se timplimenta miżuri jew strateġiji differenti biex tindirizza l-prodotti elenkati fil-Parti I tal-Anness A. Parti tista' tagħżel din l-alternattiva biss jekk hija tkun tista' turi li diġà naqqset għal livell de minimis il-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-maġġoranza l-kbira tal-prodotti elenkati fil-Parti I tal-Anness A, kif ukoll li implimentat miżuri jew strateġiji maħsuba biex inaqqsu l-użu tal-merkurju fi prodotti addizzjonali mhux elenkati fil-Parti I tal-Anness A fiż-żmien li hija tinnotifika lis-Segretarjat bid-deċiżjoni tagħha li tuża din l-alternattiva. Barra minn hekk, Parti li tagħżel din l-alternattiva għandha:

(a)

Mal-ewwel opportunità li jkollha, tirrapporta lill-Konferenza tal-Partijiet, deskrizzjoni tal-miżuri jew tal-istrateġiji implimentati, inkluż kwantifikazzjoni tat-tnaqqis miksub;

(b)

Timplimenta miżuri jew strateġiji maħsuba biex inaqqsu l-użu tal-merkurju fi kwalunkwe prodott elenkat fil-Parti I tal-Anness A li għalih għadu ma nkiseb ebda valur de minimis;

(c)

Tikkunsidra miżuri addizzjonali maħsuba biex jinkiseb aktar tnaqqis; u

(d)

Ma tkunx eliġibbli li titlob eżenzjonijiet skont l-Artikolu 6 għal kwalunkwe kategorija ta' prodotti li għaliha tkun intgħażlet din l-alternattiva.

Sa mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għandha, bħala parti mill-proċess ta' rieżami skont il-paragrafu 8, tanalizza l-progress u l-effettività tal-miżuri meħuda skont dan il-paragrafu.

3.   Kull Parti għandha tieħu l-miżuri għall-prodotti miżjudin bil-merkurju elenkati fil-Parti II tal-Anness A skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fih.

4.   Is-Segretarjat għandu, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Partijiet, jiġbor u jżomm informazzjoni dwar il-prodotti miżjudin bil-merkurju u l-alternattivi tagħhom, u għandu jqiegħed tali informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Is-Segretarjat għandu jqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kull informazzjoni rilevanti oħra sottomessa mill-Partijiet.

5.   Kull Parti għandha tieħu miżuri sabiex tipprevjeni l-inkorporazzjoni fi prodotti mmuntati ta' prodotti miżjudin bil-merkurju, li l-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tagħhom mhumiex permessi skont dan l-Artikolu.

6.   Kull Parti għandha tiskoraġġixxi l-manifattura u d-distribuzzjoni fil-kummerċ ta' prodotti miżjudin bil-merkurju li mhuma koperti mill-ebda użu magħruf ta' prodotti miżjudin bil-merkurju qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni, sakemm ma ssirx valutazzjoni tar-riskji u tal-benefiċċji tal-prodott li turi li hemm benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent. Parti għandha tipprovdi lis-Segretarjat, kif xieraq, b'informazzjoni dwar kwalunkwe prodott bħal dan, inkluż kwalunkwe informazzjoni dwar ir-riskji u l-benefiċċji tal-prodott għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent. Is-Segretarjat għandu jqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

7.   Parti tista' tissottometti proposta lis-Segretarjat għall-elenkar ta' prodott miżjud bil-merkurju fl-Anness A, li għandha tinkludi informazzjoni relatata mad-disponibbiltà, il-fattibbiltà teknika u ekonomika u r-riskji u l-benefiċċji għall-ambjent u s-saħħa tal-alternattivi mhux tal-merkurju għall-prodott, filwaqt li titqies l-informazzjoni skont il-paragrafu 4.

8.   Mhux iktar tard minn ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tirrevedi l-Anness A u tista' tikkunsidra emendi għal dak l-Anness skont l-Artikolu 27.

9.   Meta tiġi biex tanalizza l-Anness A skont il-paragrafu 8, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tikkunsidra mill-inqas:

(a)

Kwalunkwe proposta sottomessa skont il-paragrafu 7;

(b)

L-informazzjoni magħmula disponibbli skont il-paragrafu 4; u

(c)

Id-disponibbiltà għall-Partijiet ta' alternattivi mingħajr merkurju li huma teknikament u ekonomikament fattibbli, b'kunsiderazzjoni tar-riskji u l-benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

Artikolu 5

Proċessi tal-manifattura li fihom jintużaw il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju

1.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu u tal-Anness B, il-proċessi tal-manifattura li fihom jintużaw il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju ma għandhomx jinkludu proċessi li jużaw prodotti miżjudin bil-merkurju, proċessi għall-manifattura ta' prodotti miżjudin bil-merkurju jew proċessi li jipproċessaw skart li jkun fih il-merkurju.

2.   Kull Parti ma għandhiex tippermetti, billi tieħu l-miżuri xierqa, l-użu tal-merkurju jew tal-komposti tal-merkurju fil-proċessi għall-manifattura elenkati fil-Parti I tal-Anness B wara d-data ta' eliminazzjoni gradwali speċifikata f'dak l-Anness għall-proċessi individwali, ħlief meta l-Parti tkun irreġistrat eżenzjoni skont l-Artikolu 6.

3.   Kull Parti għandha tieħu l-miżuri sabiex tillimita l-użu tal-merkurju jew komposti tal-merkurju fil-proċessi elenkati fil-Parti II tal-Anness B skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fih.

4.   Is-Segretarjat għandu, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Partijiet, jiġbor u jżomm informazzjoni dwar il-proċessi li jużaw il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju u l-alternattivi tagħhom, filwaqt li għandu jqiegħed tali informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Il-Partijiet jistgħu jissottomettu wkoll informazzjoni rilevanti oħra, li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mis-Segretarjat.

5.   Kull Parti b'faċilità waħda jew aktar li jużaw il-merkurju jew komposti tal-merkurju fil-proċessi tal-manifattura elenkati fl-Anness B għandha:

(a)

Tieħu miżuri sabiex tindirizza l-emissjonijiet u r-rilaxxi tal-merkurju jew ta' komposti tal-merkurju minn dawk il-faċilitajiet;

(b)

Tinkludi fir-rapporti tagħha, sottomessi skont l-Artikolu 21, informazzjoni dwar il-miżuri meħuda skont dan il-paragrafu; u

(c)

Tagħmel ħilitha sabiex tidentifika l-faċilitajiet fit-territorju tagħha li jużaw il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju għall-proċessi elenkati fl-Anness B u tissottometti lis-Segretarjat, mhux iktar tard minn tliet snin mid-data ta' dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għaliha, informazzjoni dwar in-numru u t-tipi tat-tali faċilitajiet u l-ammont annwali stmat ta' merkurju jew komposti tal-merkurju użati f'dawk il-faċilitajiet. Is-Segretarjat għandu jqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

6.   Kull Parti ma għandhiex tippermetti l-użu tal-merkurju jew ta' komposti tal-merkurju f'faċilità li ma kinitx teżisti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni u li tuża l-proċessi tal-manifattura elenkati fl-Anness B. Ma għandha tapplika ebda eżenzjoni għal dawn il-faċilitajiet.

7.   Kull Parti għandha tiskoraġġixxi l-iżvilupp ta' kull faċilità li tuża kwalunkwe proċess ta' manifattura ieħor li fih jintużaw il-merkurju jew komposti tal-merkurju b'mod intenzjonali, li ma kienx jeżisti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni, ħlief meta l-Parti tkun tista' turi għas-sodisfazzjon tal-Konferenza tal-Partijiet li l-proċess tal-manifattura jipprovdi benefiċċji sinifikanti għas-saħħa u għall-ambjent, kif ukoll li mhija disponibbli l-ebda alternattiva mingħajr merkurju li hija teknikament u ekonomikament fattibbli u li tipprovdi tali benefiċċji.

8.   Il-Partijiet huma mħeġġin jiskambjaw informazzjoni dwar żviluppi teknoloġiċi rilevanti ġodda, alternattivi mingħajr merkurju ekonomikament u teknikament fattibbli, u miżuri u tekniki possibbli sabiex jitnaqqas u, fejn ikun fattibbli, jiġi eliminat l-użu tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fil-proċessi tal-manifattura elenkati fl-Anness B kif ukoll l-emissjonijiet u r-rilaxxi tal-merkurju u l-komposti tal-merkurju minn dawn il-proċessi.

9.   Kwalunkwe parti tista' tissottometti proposta sabiex jiġi emendat l-Anness B sabiex jiġi elenkat proċess tal-manifattura li fih jintużaw il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju. Għandha tinkludi informazzjoni marbuta mad-disponibbiltà, il-fattibbiltà teknika u ekonomika u r-riskji u l-benefiċċji għall-ambjent u s-saħħa tal-alternattivi mingħajr merkurju għall-proċess.

10.   Mhux iktar tard minn ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tirrevedi l-Anness A u tista' tikkunsidra emendi għal dak l-Anness skont l-Artikolu 27.

11.   Meta tiġi biex tirrevedi l-Anness B skont il-paragrafu 10, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tikkunsidra mill-inqas:

(a)

Kwalunkwe proposta sottomessa skont il-paragrafu 9;

(b)

L-informazzjoni magħmula disponibbli skont il-paragrafu 4; u

(c)

Id-disponibbiltà għall-Partijiet ta' alternattivi mingħajr merkurju li huma teknikament u ekonomikament fattibbli, b'kunsiderazzjoni tar-riskji u l-benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

Artikolu 6

Eżenzjonijiet disponibbli għal Parti fuq talba

1.   Kwalunkwe organizzazzjoni reġjonali jew Statali għall-integrazzjoni ekonomika tista' tirreġistra għal eżenzjoni waħda jew aktar mid-dati ta' eliminazzjoni gradwali elenkati fl-Anness A u fl-Anness B, li minn hawn 'il quddiem issir referenza għaliha bħala “eżenzjoni”, billi tinnotifika lis-Segretarjat bil-miktub:

(a)

Malli ssir Parti għal din il-Konvenzjoni; jew

(b)

Fil-każ ta' kwalunkwe prodott miżjud bil-merkurju, li jiżdied permezz ta' emenda għall-Anness A jew kwalunkwe proċess tal-manifattura li fih jintuża l-merkurju, li jiżdied permezz ta' emenda għall-Anness B, sa mhux aktar tard mid-data li fiha tidħol fis-seħħ l-emenda applikabbli għall-Parti.

Kull reġistrazzjoni bħal din għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni li tispjega l-ħtieġa tal-Parti għall-eżenzjoni.

2.   Eżenzjoni tista' tiġi rreġistrata jew għal kategorija elenkata fl-Anness A jew B, jew inkella għal subkategorija identifikata minn kwalunkwe organizzazzjoni reġjonali jew Statali għall-integrazzjoni ekonomika.

3.   Kull Parti li jkollha eżenzjoni waħda jew aktar għandha tiġi identifikata f'reġistru. Is-Segretarjat għandu jistabbilixxi u jżomm ir-reġistru u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku.

4.   Ir-reġistru għandu jinkludi:

(a)

Lista tal-Partijiet li għandhom eżenzjoni waħda jew aktar;

(b)

L-eżenzjoni jew l-eżenzjonijiet irreġistrata/i għal kull Parti; u

(c)

Id-data ta' skadenza għal kull eżenzjoni.

5.   Sakemm Parti ma tindikax perjodu iqsar fir-reġistru, l-eżenzjonijiet kollha skont il-paragrafu 1 għandhom jiskadu ħames snin wara d-data tal-eliminazzjoni gradwali rilevanti elenkata fl-Anness A jew B.

6.   Il-Konferenza tal-Partijiet tista', fuq it-talba ta' Parti, tiddeċiedi li testendi eżenzjoni għal ħames snin sakemm il-Parti ma titlobx perjodu iqsar. Fit-teħid ta' din id-deċiżjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għandha żżomm f'moħħha:

(a)

Rapport mill-Parti li jiġġustifika l-ħtieġa tal-estensjoni tal-eżenzjoni u li jispjega l-attivitajiet imwettqa u ppjanati sabiex tiġi eliminata l-ħtieġa għall-eżenzjoni b'mod fattibbli mill-aktar fis;

(b)

L-informazzjoni disponibbli, inkluż fir-rigward tad-disponibbiltà ta' prodotti u proċessi alternattivi mingħajr merkurju jew li jinvolvu l-konsum ta' inqas merkurju mill-użu eżenti; u

(c)

L-attivitajiet ippjanati jew li qegħdin jitwettqu bħalissa bil-għan li tiġi pprovduta ħażna ambjentalment korretta ta' merkurju u r-rimi tal-iskart tal-merkurju.

Eżenzjoni tista' tiġi estiża darba biss għal kull prodott u għal kull data ta' eliminazzjoni gradwali.

7.   Parti tista', fi kwalunkwe żmien, tirtira eżenzjoni permezz ta' notifika bil-miktub lis-Segretarjat. L-irtirar ta' eżenzjoni għandu jidħol fis-seħħ fid-data speċifikata fin-notifika.

8.   Minkejja l-paragrafu 1, ebda organizzazzjoni reġjonali jew Statali għall-integrazzjoni ekonomika ma tista' tirreġistra talba għal eżenzjoni wara ħames snin mid-data tal-eliminazzjoni gradwali tal-prodott jew tal-proċess rilevanti elenkat fl-Anness A jew B, sakemm Parti waħda jew aktar ma jibqgħux irreġistrati għal eżenzjoni għal dak il-prodott jew proċess, wara li jkunu ngħataw estensjoni skont il-paragrafu 6. F'dak il-każ, organizzazzjoni reġjonali jew Statali għall-integrazzjoni ekonomika tista', fiż-żminijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 (a) u (b), tirreġistra talba għal eżenzjoni għal dak il-prodott jew proċess, li għandha tiskadi għaxar snin wara d-data tal-eliminazzjoni gradwali rilevanti.

9.   L-ebda Parti ma jista' jkollha eżenzjoni fis-seħħ f'xi żmien wara 10 snin mid-data tal-eliminazzjoni gradwali tal-prodott jew tal-proċess elenkat fl-Anness A jew B.

Artikolu 7

Estrazzjoni tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira

1.   Il-miżuri msemmija f'dan l-Artikolu u fl-Anness C għandhom japplikaw għall-ipproċessar u għall-estrazzjoni tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira, fejn tintuża l-amalgamazzjoni tal-merkurju għall-estrazzjoni tad-deheb mill-minerali.

2.   Kull Parti li għandha pproċessar u estrazzjoni tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira soġġetti għal dan l-Artikolu fit-territorju tagħha għandha tieħu passi sabiex tnaqqas u, fejn ikun fattibbli, telimina l-użu tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fit-tali attivitajiet ta' pproċessar u estrazzjoni, u l-emissjonijiet u r-rilaxxi fl-ambjent tal-merkurju li jirriżulta minn dawn l-attivitajiet.

3.   Kull Parti għandha tinnotifika lis-Segretarjat jekk, fi kwalunkwe żmien, il-Parti tistabbilixxi li l-ipproċessar u l-estrazzjoni tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira fit-territorju tagħha huma aktar minn insinifikanti. Jekk tistabbilixxi dan, il-Parti għandha:

(a)

Tiżviluppa u timplimenta pjan ta' azzjoni nazzjonali b'konformità mal-Anness C;

(b)

Tissottometti l-pjan ta' azzjoni nazzjonali tagħha lis-Segretarjat sa mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni jew tliet snin wara n-notifika mibgħuta lis-Segretarjat, skont liema data tkun l-aktar tard; u

(c)

Minn hemm 'il quddiem, tipprovdi rieżami kull tliet snin tal-progress li sar fl-issodisfar tal-obbligi tagħha skont dan l-Artikolu u tinkludi dawn ir-rieżamijiet fir-rapporti tagħha sottomessi skont l-Artikolu 21.

4.   Il-partijiet jistgħu jikkooperaw ma' xulxin u mal-organizzazzjonijiet intergovernattivi rilevanti u ma' entitajiet oħrajn, kif xieraq, sabiex jilħqu l-objettivi ta' dan l-Artikolu. Tali kooperazzjoni tista' tinkludi:

(a)

L-iżvilupp ta' strateġiji għall-prevenzjoni tad-devjazzjoni tal-merkurju jew ta' komposti tal-merkurju għall-użu fl-ipproċessar u fl-estrazzjoni tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira;

(b)

L-edukazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u inizjattivi ta' bini tal-kapaċità;

(c)

Il-promozzjoni tar-riċerka fi prattiki alternattivi u sostenibbli mingħajr merkurju;

(d)

L-għoti ta' assistenza teknika u finanzjarja;

(e)

Sħubiji li jassistu fl-implimentazzjoni tal-impenji tagħhom skont dan l-Artikolu; u

(f)

L-użu tal-mekkaniżmi ta' skambju ta' informazzjoni eżistenti maħsuba biex jippromwovu l-għarfien, l-aqwa prattiki ambjentali u t-teknoloġiji alternattivi li huma ambjentalment, teknikament, soċjalment u ekonomikament vijabbli.

Artikolu 8

Emissjonijiet

1.   Dan l-Artikolu jikkonċerna l-kontroll u, fejn fattibbli, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju, sikwit espress bħala “merkurju totali”, fl-atmosfera permezz ta' miżuri maħsuba biex jikkontrollaw l-emissjonijiet mis-sorsi puntiformi li jaqgħu fi ħdan il-kategoriji ta' sorsi elenkati fl-Anness D.

2.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu:

(a)

“Emissjonijiet” tfisser l-emissjonijiet ta' merkurju jew komposti tal-merkurju fl-atmosfera;

(b)

“Sors rilevanti” ifisser sors li jaqa' fi ħdan waħda mill-kategoriji ta' sorsi elenkati fl-Anness D. Parti tista', jekk tagħżel li tagħmel dan, tistabbilixxi l-kriterji għall-identifikazzjoni tas-sorsi koperti fi ħdan kategorija ta' sorsi msemmija fl-Anness D, sakemm dawk il-kriterji għal kwalunkwe kategorija jkunu jinkludu mill-inqas 75 fil-mija tal-emissjonijiet minn dik il-kategorija;

(c)

“Sors ġdid” tfisser kwalunkwe sors rilevanti fi ħdan kategorija elenkata fl-Anness D, li l-kostruzzjoni jew il-modifika sostanzjali tiegħu tinbeda mill-inqas sena wara d-data ta':

(i)

Id-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni għall-Parti kkonċernata; jew

(ii)

Id-dħul fis-seħħ għall-Parti kkonċernata ta' emenda għall-Anness D fejn is-sors isir soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni biss permezz ta' dik l-emenda;

(d)

“Modifika sostanzjali” tfisser modifika ta' sors rilevanti li tirriżulta f'żieda sinifikanti fl-emissjonijiet, minbarra kwalunkwe bidla fl-emissjonijiet li tirriżulta minn irkupru ta' prodott sekondarju. Għandu jkun f'idejn il-Parti li tiddeċiedi jekk modifika hijiex sostanzjali jew le;

(e)

“Sors eżistenti” tfisser kwalunkwe sors rilevanti li mhuwiex sors ġdid;

(f)

“Valur ta' limitu tal-emissjonijiet” tfisser limitu fuq il-konċentrazzjoni, il-massa jew ir-rata tal-emissjonijiet tal-merkurju jew tal-komposti tal-merkurju, sikwit espress bħala “merkurju totali”, li joħroġ minn sors puntiformi.

3.   Parti b'sorsi rilevanti għandha tieħu miżuri sabiex tikkontrolla l-emissjonijiet u tista' tħejji pjan nazzjonali li jistabbilixxi l-miżuri li jridu jittieħdu għall-kontroll tal-emissjonijiet u l-miri, l-għanijiet u r-riżultati mistennija. Kwalunkwe pjan għandu jiġi sottomess lill-Konferenza tal-Partijiet fi żmien erba' snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għal dik il-Parti. Jekk Parti tiżviluppa pjan ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 20, il-Parti tista' tinkludih fil-pjan imħejji skont dan il-paragrafu.

4.   Għas-sorsi ġodda tagħha, kull Parti għandha tirrikjedi l-użu tal-aqwa tekniki disponibbli u tal-aqwa prattiki ambjentali sabiex tikkontrolla u, fejn fattibbli, tnaqqas l-emissjonijiet, mill-aktar fis prattikabbli, iżda mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għal dik il-Parti. Parti tista' tuża l-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet li huma konsistenti mal-applikazzjoni tal-aqwa tekniki disponibbli.

5.   Għas-sorsi eżistenti tagħha, kull Parti għandha tinkludi fi kwalunkwe pjan nazzjonali, u għandha timplimenta, waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin, billi tqis iċ-ċirkostanzi nazzjonali, kif ukoll il-fattibbiltà ekonomika u teknika u l-affordabbiltà tal-miżuri, malli jkun prattiku, iżda mhux aktar tard minn għaxar snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni:

(a)

Mira kkwantifikata għall-kontroll u, fejn fattibbli, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet minn sorsi rilevanti;

(b)

Il-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet għall-kontroll u, fejn fattibbli, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet minn sorsi rilevanti;

(c)

L-użu tal-aqwa tekniki disponibbli u tal-aqwa prattiki ambjentali għall-kontroll tal-emissjonijiet minn sorsi rilevanti;

(d)

Strateġija ta' kontroll ta' diversi sustanzi li jniġġsu li trendi benefiċċji kollaterali għall-kontroll tal-emissjonijiet tal-merkurju;

(e)

Miżuri alternattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet minn sorsi rilevanti.

6.   Il-partijiet jistgħu japplikaw l-istess miżuri għas-sorsi eżistenti rilevanti kollha jew jistgħu jadottaw miżuri differenti fir-rigward ta' kategoriji ta' sorsi differenti. L-objettiv ta' dawk il-miżuri applikati minn Parti għandu jkun li jinkiseb progress raġonevoli fit-tnaqqis tal-emissjonijiet matul iż-żmien.

7.   Kull Parti għandha tistabbilixxi, malli jkun prattiku u mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għaliha u, minn hemm 'il quddiem, iżżomm inventarju tal-emissjonijiet minn sorsi rilevanti.

8.   Il-Konferenza tal-Partijiet għandha, fl-ewwel laqgħa tagħha, tadotta gwida dwar:

(a)

L-aqwa tekniki disponibbli u l-aqwa prattiki ambjentali, billi tieħu f'kunsiderazzjoni kwalunkwe differenza bejn is-sorsi ġodda u dawk eżistenti u l-ħtieġa li jitnaqqsu l-effetti transmedjali; u

(b)

L-appoġġ għall-Partijiet fl-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati fil-paragrafu 5, b'mod partikolari fid-determinazzjoni tal-miri u fl-iffissar tal-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet.

9.   Il-Konferenza tal-Partijiet għandha, malli jkun prattiku, tadotta gwida dwar:

(a)

Il-kriterji li jistgħu jiżviluppaw il-Partijiet skont il-paragrafu 2 (b);

(b)

Il-metodoloġija għat-tħejjija tal-inventarji tal-emissjonijiet.

10.   Il-Konferenza tal-Partijiet għandha żżomm taħt rieżami, u taġġorna kif xieraq, il-gwida żviluppata skont il-paragrafi 8 u 9. Il-Partijiet għandhom iqisu l-gwida meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan l-Artikolu.

11.   Kull Parti għandha tinkludi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu minnha fir-rapporti tagħha sottomessi skont l-Artikolu 21, b'mod partikolari informazzjoni dwar il-miżuri li ħadet skont il-paragrafi 4 sa 7 u l-effettività tal-miżuri.

Artikolu 9

Rilaxxi

1.   Dan l-Artikolu jikkonċerna l-kontroll u, fejn ikun fattibbli, it-tnaqqis tar-rilaxxi tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju, ta' sikwit espress bħala “merkurju totali”, fuq l-art u fil-baħar mis-sorsi puntiformi rilevanti mhux indirizzati f'dispożizzjonijiet oħrajn ta' din il-Konvenzjoni.

2.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu:

(a)

“Rilaxxi” tfisser rilaxxi ta' merkurju jew komposti tal-merkurju fl-art jew fil-baħar;

(b)

“Sors rilevanti” tfisser kwalunkwe sors puntiformi antropoġeniku sinifikanti ta' rilaxx kif identifikat minn Parti, li mhuwiex indirizzat f'dispożizzjonijiet oħrajn ta' din il-Konvenzjoni;

(c)

“Sors ġdid” tfisser kwalunkwe sors rilevanti, li l-kostruzzjoni jew il-modifika sostanzjali tiegħu tinbeda mill-inqas sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni għall-Parti kkonċernata;

(d)

“Modifika sostanzjali” tfisser modifika ta' sors rilevanti li tirriżulta f'żieda sinifikanti fir-rilaxxi, minbarra kwalunkwe bidla fir-rilaxxi li tirriżulta minn irkupru ta' prodott sekondarju. Għandu jkun f'idejn il-Parti li tiddeċiedi jekk modifika hijiex sostanzjali jew le;

(e)

“Sors eżistenti” tfisser kwalunkwe sors rilevanti li mhuwiex sors ġdid;

(f)

“Valur ta' limitu tar-rilaxx” tfisser limitu fuq il-konċentrazzjoni jew il-massa tal-merkurju jew tal-komposti tal-merkurju, ta' sikwit espress bħala “merkurju totali”, li jiġi rrilaxxat minn sors puntiformi.

3.   Kull Parti għandha, mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni u fuq bażi regolari minn hemm 'il quddiem, tidentifika l-kategoriji tas-sorsi puntiformi rilevanti.

4.   Parti b'sorsi rilevanti għandha tieħu miżuri sabiex tikkontrolla r-rilaxxi u tista' tħejji pjan nazzjonali li jistabbilixxi l-miżuri li għandhom jittieħdu għall-kontroll tar-rilaxxi, kif ukoll il-miri, l-għanijiet u l-eżiti mistennija. Kwalunkwe pjan għandu jiġi sottomess lill-Konferenza tal-Partijiet fi żmien erba' snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għal dik il-Parti. Jekk Parti tiżviluppa pjan ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 20, il-Parti tista' tinkludih fil-pjan imħejji skont dan il-paragrafu.

5.   Il-miżuri għandhom jinkludu waħda jew aktar minn dawn li ġejjin, kif xieraq:

(a)

Il-valuri ta' limitu tar-rilaxxi għall-kontroll u, fejn fattibbli, għat-tnaqqis tar-rilaxxi minn sorsi rilevanti;

(b)

L-użu tal-aqwa tekniki disponibbli u tal-aqwa prattiki ambjentali għall-kontroll tar-rilaxxi minn sorsi rilevanti;

(c)

Strateġija ta' kontroll ta' diversi sustanzi li jniġġsu li trendi benefiċċji kollaterali għall-kontroll tar-rilaxxi tal-merkurju;

(d)

Miżuri alternattivi li jnaqqsu r-rilaxxi minn sorsi rilevanti.

6.   Kull Parti għandha tistabbilixxi, malli jkun prattiku u mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għaliha u, minn hemm 'il quddiem, iżżomm inventarju tar-rilaxxi minn sorsi rilevanti.

7.   Il-Konferenza tal-Partijiet għandha, malli jkun prattiku, tadotta gwida dwar:

(a)

L-aqwa tekniki disponibbli u l-aqwa prattiki ambjentali, billi tieħu f'kunsiderazzjoni kwalunkwe differenza bejn is-sorsi ġodda u dawk eżistenti u l-ħtieġa li jitnaqqsu l-effetti transmedjali;

(b)

Il-metodoloġija għat-tħejjija tal-inventarji tar-rilaxxi.

8.   Kull Parti għandha tinkludi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu minnha fir-rapporti tagħha sottomessi skont l-Artikolu 21, b'mod partikolari informazzjoni dwar il-miżuri li ħadet skont il-paragrafi 3 sa 6 u l-effettività tal-miżuri.

Artikolu 10

Ħażna temporanja ambjentalment korretta tal-merkurju, apparti skart tal-merkurju

1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għall-ħażna temporanja ambjentalment korretta ta' merkurju u komposti tal-merkurju kif definiti fl-Artikolu 3 li ma jaqgħux taħt it-tifsira tad-definizzjoni ta' skart tal-merkurju stipulata fl-Artikolu 11.

2.   Kull Parti għandha tieħu miżuri sabiex tiżgura li l-ħażna temporanja ta' merkurju u komposti tal-merkurju maħsuba għal użu awtorizzat lil Parti skont din il-Konvenzjoni ssir b'mod ambjentalment korrett, filwaqt li titqies kwalunkwe linja gwida, u skont kwalunkwe rekwiżit, adottat skont il-paragrafu 3.

3.   Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tadotta linji gwida dwar il-ħażna temporanja ambjentalment korretta ta' tali merkurju u komposti tal-merkurju, billi tieħu f'kunsiderazzjoni kwalunkwe linji gwida rilevanti żviluppati skont il-Konvenzjoni ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti Li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom u gwida rilevanti oħra. Il-Konferenza tal-Partijiet tista' tadotta rekwiżiti għall-ħżin temporanju fl-Anness addizzjonali għal din il-Konvenzjoni skont l-Artikolu 27.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw, kif xieraq, ma' xulxin u mal-organizzazzjonijiet intergovernattivi rilevanti u entitajiet oħrajn, sabiex isaħħu l-bini tal-kapaċità għall-ħżin ambjentalment korrett tat-tali merkurju u komposti tal-merkurju.

Artikolu 11

Skart tal-merkurju

1.   Id-definizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom għandhom japplikaw għall-iskart kopert minn din il-Konvenzjoni għall-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea. Il-Partijiet għal din il-Konvenzjoni li mhumiex Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea għandhom jużaw dawk id-definizzjonijiet bħala gwida kif applikati għal skart kopert minn din il-Konvenzjoni.

2.   Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni, l-iskart tal-merkurju tfisser sustanzi jew oġġetti:

(a)

Li jikkonsistu f'merkurju jew komposti tal-merkurju;

(b)

Li fihom merkurju jew komposti tal-merkurju; jew

(c)

Li huma kkontaminati bil-merkurju jew bil-komposti tal-merkurju,

fi kwantità ikbar mil-livelli limiti rilevanti definiti mill-Konferenza tal-Partijiet, b'kollaborazzjoni mal-korpi rilevanti tal-Konvenzjoni ta' Basilea b'mod armonizzat, li jintremew jew li huma maħsubin sabiex jintremew jew li hemm bżonn jintremew skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali jew din il-Konvenzjoni. Din id-definizzjoni teskludi l-piż eċċessiv, il-ġebel u l-irmied mormija mill-estrazzjoni fil-minjieri, ħlief mill-estrazzjoni primarja tal-merkurju, sakemm ma jkunx fihom merkurju jew komposti tal-merkurju 'l fuq mil-livelli limiti definiti mill-Konferenza tal-Partijiet.

3.   Kull Parti għandha tieħu l-miżuri xierqa sabiex l-iskart tal-merkurju:

(a)

Jiġi mmaniġġjat b'mod ambjentalment korrett, filwaqt li jitqiesu l-linji gwida żviluppati skont il-Konvenzjoni ta' Basilea u skont ir-rekwiżiti li l-Konferenza tal-Partijiet trid tadotta f'Anness addizzjonali skont l-Artikolu 27. Meta tiġi biex tiżviluppa r-rekwiżiti, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tieħu f'kunsiderazzjoni r-regolamenti u l-programmi għall-immaniġġjar tal-iskart tal-Partijiet;

(b)

Jiġi rkuprat, irriċiklat, irriġenerat jew użat mill-ġdid direttament biss għal użu permess għal Parti skont din il-Konvenzjoni jew għal rimi ambjentalment korrett skont il-paragrafu 3 (a);

(c)

Għall-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea, ma jiġix ittrasportat tul il-fruntieri internazzjonali għajr għall-finijiet tar-rimi ambjentalment korrett f'konformità ma' dan l-Artikolu u ma' dik il-Konvenzjoni. F'ċirkostanzi fejn il-Konvenzjoni ta' Basilea ma tapplikax għat-trasport tul il-fruntieri internazzjonali, Parti għandha tippermetti tali trasport biss wara li tieħu f'kunsiderazzjoni r-regoli, l-istandards u l-linji gwida internazzjonali rilevanti.

4.   Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tfittex li tikkoopera mill-qrib mal-korpi rilevanti tal-Konvenzjoni ta' Basilea fir-rieżami u l-aġġornament, kif xieraq, tal-linji gwida msemmijin fil-paragrafu 3 (a).

5.   Il-partijiet huma mħeġġa sabiex jikkooperaw ma' xulxin, mal-organizzazzjonijiet intergovernattivi rilevanti u ma' entitajiet oħrajn, kif xieraq, sabiex jiżviluppaw u jżommu kapaċità nazzjonali, reġjonali u globali għall-immaniġġjar tal-iskart tal-merkurju b'mod ambjentalment korrett.

Artikolu 12

Siti kkontaminati

1.   Kull Parti għandha tagħmel ħilitha sabiex tiżviluppa strateġiji xierqa għall-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tas-siti kkontaminati bil-merkurju jew b'komposti tal-merkurju.

2.   Kull azzjoni maħsuba biex tnaqqas ir-riskji kkawżati minn tali siti għandha titwettaq b'mod li jirrispetta l-ambjent u li jinkorpora, fejn xieraq, valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent mill-merkurju jew mill-komposti tal-merkurju li jkun fihom.

3.   Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tadotta gwida dwar l-immaniġġjar ta' siti kkontaminati, li tista' tinkludi metodi u approċċi għal:

(a)

L-identifikazzjoni u l-karatterizzazzjoni tas-siti;

(b)

L-involviment tal-pubbliku;

(c)

Il-valutazzjonijiet tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent;

(d)

L-għażliet għall-immaniġġjar tar-riskji kkawżati mis-siti kkontaminati;

(e)

L-evalwazzjoni tal-benefiċċji u tal-ispejjeż; u

(f)

Il-validazzjoni tar-riżultati.

4.   Il-partijiet huma mħeġġa sabiex jikkooperaw fl-iżvilupp ta' strateġiji u fl-implimentazzjoni ta' attivitajiet maħsuba biex jidentifikaw, jivvalutaw, jipprijoritizzaw, jimmaniġġjaw u, kif xieraq, jirrimedjaw is-siti kkontaminati.

Artikolu 13

Il-mekkaniżmu u r-riżorsi finanzjarji

1.   Kull Parti timpenja ruħha li tipprovdi, skont il-kapaċitajiet tagħha, riżorsi fir-rigward ta' dawk l-attivitajiet nazzjonali li huma maħsuba biex jimplimentaw din il-Konvenzjoni, f'konformità mal-politiki, il-prijoritajiet, il-pjanijiet u l-programmi nazzjonali tagħha. It-tali riżorsi jistgħu jinkludu finanzjament domestiku permezz tal-politiki, l-istrateġiji ta' żvilupp u l-baġits nazzjonali rilevanti, kif ukoll finanzjament bilaterali u multilaterali, flimkien mal-involviment tas-settur privat.

2.   L-effettività ġenerali tal-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni mill-Partijiet minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp se tkun relatata mal-implimentazzjoni effettiva ta' dan l-Artikolu.

3.   Sorsi multilaterali, reġjonali u bilaterali ta' assistenza finanzjarja u teknika, kif ukoll il-bini tal-kapaċità u t-trasferiment tat-teknoloġija, huma mħeġġa, fuq bażi urġenti, li jsaħħu u jżidu l-attivitajiet tagħhom fuq il-merkurju b'appoġġ tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp li huma Partijiet fl-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni b'rabta mar-riżorsi finanzjarji, l-assistenza teknika u t-trasferiment tat-teknoloġija.

4.   Il-Partijiet, fl-azzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-finanzjament, għandhom iqisu bis-sħiħ il-ħtiġijiet speċifiċi u ċ-ċirkostanzi speċjali tal-Partijiet li huma Stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw jew pajjiżi l-anqas żviluppati.

5.   Hawnhekk huwa definit mekkaniżmu għall-provvista ta' riżorsi finanzjarji adegwati, prevedibbli u f'waqthom. Il-Mekkaniżmu għandu l-għan li jappoġġja lill-Partijiet minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u lill-Partijiet b'ekonomiji fi tranżizzjoni fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom skont din il-Konvenzjoni.

6.   Il-Mekkaniżmu għandu jinkludi:

(a)

Il-Fond Fiduċjarju tal-Faċilità għall-Ambjent Dinji; u

(b)

Programm internazzjonali speċifiku maħsub biex jappoġġja l-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika.

7.   Il-Fond Fiduċjarju tal-Faċilità għall-Ambjent Dinji għandu jipprovdi riżorsi finanzjarji ġodda, prevedibbli, adegwati u f'waqthom bil-għan li jlaħħaq mal-ispejjeż b'appoġġ għall-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni kif maqbula mill-Konferenza tal-Partijiet. Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni, il-Fond Fiduċjarju tal-Faċilità għall-Ambjent Dinji għandu jitħaddem skont il-gwida tal-Konferenza tal-Partijiet u jkun iwieġeb lilha. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tipprovdi gwida dwar l-istrateġiji globali, il-politiki, il-prijoritajiet tal-programm u l-eliġibbiltà għall-aċċess għall-aċċess tar-riżorsi finanzjarji u l-utilizzazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tipprovdi gwida dwar lista indikattiva tal-kategoriji tal-attivitajiet li jistgħu jirċievu appoġġ mill-Fond Fiduċjarju tal-Faċilità għall-Ambjent Dinji. Il-Fond Fiduċjarju tal-Faċilità għall-Ambjent Dinji għandu jipprovdi riżorsi bil-għan li jlaħħaq mal-ispejjeż inkrementali maqbula tal-benefiċċji ambjentali globali u mal-ispejjeż sħaħ maqbula ta' xi attivitajiet abilitanti.

8.   Meta jiġi biex jipprovdi r-riżorsi għal attività, il-Fond Fiduċjarju tal-Faċilità għall-Ambjent Dinji għandu jieħu f'kunsiderazzjoni t-tnaqqis potenzjali tal-merkurju ta' attività proposta b'mod relattiv mal-ispejjeż tagħha.

9.   Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni, il-Programm imsemmi fil-paragrafu 6 (b) se jitħaddem taħt il-gwida tal-Konferenza tal-Partijiet u jkun iwieġeb lilha. Matul l-ewwel laqgħa tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tiddeċiedi dwar l-istituzzjoni ospitanti għall-Programm, li għandha tkun entità eżistenti, filwaqt li tipprovdi gwida għal tali programm, inkluż dwar it-tul tiegħu. Il-Partijiet kollha u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn huma mistiedna sabiex jipprovdu riżorsi finanzjarji għall-Programm, fuq bażi volontarja.

10.   Waqt l-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, din tal-aħħar u l-entitajiet li jikkostitwixxu l-Mekkaniżmu għandhom jaqblu fuq l-arranġamenti maħsuba biex idaħħlu fis-seħħ il-paragrafi ta' hawn fuq.

11.   Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tanalizza, sa mhux aktar tard mit-tielet laqgħa tagħha u minn hemm 'il quddiem fuq bażi regolari, il-livell ta' finanzjament, il-gwida pprovduta mill-Konferenza tal-Partijiet lill-entitajiet fdati sabiex joperazzjonalizzaw il-Mekkaniżmu stabbilit skont dan l-Artikolu u l-effettività tagħhom, kif ukoll l-abbiltà tagħhom li jindirizzaw il-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tal-Partijiet minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u tal-Partijiet minn pajjiżi b'ekonomiji fi tranżizzjoni. Fuq il-bażi ta' dan ir-rieżami, għandha tieħu azzjoni xierqa sabiex ittejjeb l-effettività tal-Mekkaniżmu.

12.   Il-Partijiet kollha, skont il-kapaċitajiet tagħhom, huma mistiedna sabiex jikkontribwixxu għall-Mekkaniżmu. Il-Mekkaniżmu għandu jħeġġeġ il-provvista tar-riżorsi minn sorsi oħrajn, inkluż mis-settur privat, filwaqt li għandu jfittex li jingrana tali riżorsi għall-attivitajiet li huwa jappoġġa.

Artikolu 14

Il-bini tal-kapaċità, l-assistenza teknika u t-trasferiment tat-teknoloġija

1.   Il-partijiet għandhom jikkooperaw ma' xulxin sabiex jipprovdu, skont il-kapaċitajiet rispettivi tagħhom, il-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika xierqa u f'waqthom lill-Partijiet minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, b'mod partikolari Partijiet minn pajjiżi l-anqas żviluppati jew minn Stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, kif ukoll Partijiet b'ekonomiji fi tranżizzjoni, bil-għan li jgħinuhom fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom skont din il-Konvenzjoni.

2.   Il-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika skont il-paragrafu 1 u l-Artikolu 13 jistgħu jingħataw permezz ta' arranġamenti reġjonali, subreġjonali u nazzjonali, inkluż miċ-ċentri reġjonali u subreġjonali eżistenti, b'mezzi bilaterali u multilaterali oħrajn u permezz ta' sħubijiet, inkluż dawk li jinvolvu lis-settur privat. Jeħtieġ li jkun hemm impenn favur il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ma' ftehimiet ambjentali multilaterali oħrajn fil-qasam tas-sustanzi kimiċi u tal-iskart sabiex tissaħħaħ l-effettività tal-assistenza teknika u l-għoti tagħha.

3.   Il-Partijiet minn pajjiżi żviluppati u Partijiet oħrajn bil-kapaċitajiet tagħhom għandhom, permezz tal-appoġġ mis-settur privat u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn kif xieraq, jippromwovu u jiffaċilitaw l-iżvilupp, it-trasferiment u d-diffużjoni ta', u l-aċċess għal, teknoloġiji alternattivi ambjentalment korretti lill-Partijiet minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, b'mod partikolari l-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, u Partijiet b'ekonomiji fi tranżizzjoni, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom ħalli jimplimentaw din il-Konvenzjoni b'mod effettiv.

4.   Il-Konferenza tal-Partijiet għandha, sat-tieni laqgħa tagħha u minn hemm 'il quddiem fuq bażi regolari, u billi tqis is-sottomissjonijiet u r-rapporti mill-Partijiet, inkluż dawk stipulati fl-Artikolu 21, kif ukoll l-informazzjoni pprovduta minn partijiet ikkonċernati oħrajn:

(a)

Tqis l-informazzjoni dwar l-inizjattivi eżistenti u l-progress li sar fir-rigward tat-teknoloġiji alternattivi;

(b)

Tqis il-ħtiġijiet tal-Partijiet, b'mod partikolari tal-Partijiet minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, fir-rigward tat-teknoloġiji alternattivi; u

(c)

Tidentifika l-isfidi li ħabbtu wiċċhom magħhom il-Partijiet, b'mod partikolari l-Partijiet minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, fit-trasferiment tat-teknoloġija.

5.   Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif il-bini tal-kapaċità, l-assistenza teknika u t-trasferiment tat-teknoloġija jistgħu jkomplu jittejbu skont dan l-Artikolu.

Artikolu 15

Il-Kumitat għall-Implimentazzjoni u l-Konformità

1.   Mekkaniżmu huwa b'dan stabbilit, li jinkludi Kumitat bħala korp sussidjarju tal-Konferenza tal-Partijiet, li huwa maħsub biex jippromwovi l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta' din il-Konvenzjoni u janalizzaw il-konformità magħhom. Il-mekkaniżmu, inkluż il-Kumitat, għandu jkun faċilitattiv fin-natura tiegħu u għandu jagħti attenzjoni partikolari lill-kapaċitajiet nazzjonali rispettivi u liċ-ċirkostanzi tal-Partijiet.

2.   Il-Kumitat għandu jippromwovi l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta' din il-Konvenzjoni u janalizza l-konformità magħhom. Il-Kumitat għandu jeżamina l-kwistjonijiet individwali u sistemiċi tal-implimentazzjoni u l-konformità, filwaqt li jagħmel rakkomandazzjonijiet, kif xieraq, lill-Konferenza tal-Partijiet.

3.   Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn 15-il membru, maħtura mill-Partijiet u eletti mill-Konferenza tal-Partijiet, b'kunsiderazzjoni xierqa għar-rappreżentazzjoni ġeografika ekwitabbli bbażata fuq il-ħames reġjuni tan-Nazzjonijiet Uniti; l-ewwel membri għandhom jiġu eletti fl-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet u minn hemm 'il quddiem f'konformità mar-regoli tal-proċedura approvati mill-Konferenza tal-Partijiet skont il-paragrafu 5; il-membri tal-Kumitat għandu jkollhom kompetenza f'kamp rilevanti għal din il-Konvenzjoni u jirriflettu bilanċ xieraq ta' kompetenzi.

4.   Il-Kumitat jista' jqis il-kwistjonijiet fuq il-bażi ta':

(a)

Sottomissjonijiet bil-miktub minn kwalunkwe Parti fir-rigward tal-konformità tagħha stess;

(b)

Rapporti nazzjonali f'konformità mal-Artikolu 21; u

(c)

Talbiet mill-Konferenza tal-Partijiet.

5.   Il-Kumitat għandu jelabora r-regoli ta' proċedura tiegħu, li għandhom ikunu soġġetti għal approvazzjoni mit-tieni laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet; il-Konferenza tal-Partijiet tista' tadotta termini ta' referenza oħrajn għall-Kumitat.

6.   Il-Kumitat għandu jagħmel kull sforz sabiex jadotta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu b'kunsens. Jekk l-isforzi kollha għall-kunsens ikunu ġew eżawriti u jibqa' ma jintlaħaq ebda kunsens, tali rakkomandazzjonijiet għandhom finalment jiġu adottati b'vot ta' maġġoranza ta' tliet kwarti tal-membri preżenti u li jivvotaw, abbażi ta' kworum ta' żewġ terzi tal-membri.

Artikolu 16

Aspetti tas-saħħa

1.   Il-Partijiet huma mħeġġa:

(a)

Jippromwovu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji u programmi maħsuba biex jidentifikaw u jipproteġu lill-popolazzjonijiet f'riskju, b'mod partikolari l-popolazzjonijiet vulnerabbli, u li jistgħu jinkludu l-adozzjoni ta' linji gwida dwar is-saħħa bbażati fuq ix-xjenza relatati mal-esponiment għall-merkurju u għal komposti tal-merkurju, l-iffissar ta' miri għat-tnaqqis tal-esponiment għall-merkurju u, fejn xieraq, l-edukazzjoni pubblika, bil-parteċipazzjoni tas-settur tas-saħħa pubblika u ta' setturi involuti oħrajn;

(b)

Jippromwovu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' programmi preventivi u edukattivi bbażati fuq ix-xjenza dwar l-esponiment okkupazzjonali għall-merkurju u għal komposti tal-merkurju;

(c)

Jippromwovu servizzi xierqa ta' kura tas-saħħa għall-prevenzjoni, it-trattament u l-kura għall-popolazzjonijiet affettwati mill-esponiment għall-merkurju jew għal komposti tal-merkurju; u

(d)

Jistabbilixxu u jsaħħu, kif xieraq, il-kapaċitajiet istituzzjonali u professjonali tas-saħħa għall-prevenzjoni, id-dijanjożi, it-trattament u l-monitoraġġ tar-riskji għas-saħħa relatati mal-esponiment għall-merkurju u għall-komposti tal-merkurju.

2.   Meta tiġi biex tikkunsidra l-kwistjonijiet jew l-attivitajiet relatati mas-saħħa, il-Konferenza tal-Partijiet għandha:

(a)

Tikkonsulta u tikkollabora mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u ma' organizzazzjonijiet intergovernattivi rilevanti oħrajn, kif xieraq; u

(b)

Tippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u ma' organizzazzjonijiet intergovernattivi rilevanti oħrajn, kif xieraq.

Artikolu 17

Skambju tal-informazzjoni

1.   Kull Parti għandha tiffaċilita l-iskambju ta':

(a)

Informazzjoni xjentifika, teknika, ekonomika u legali dwar il-merkurju u l-komposti tal-merkurju, inkluż informazzjoni tossikoloġika, ekotossikoloġika u dwar is-sikurezza;

(b)

Informazzjoni dwar it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tal-produzzjoni, tal-użu, tan-negozjar, tal-emissjonijiet u tar-rilaxxi tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju;

(c)

Informazzjoni dwar alternattivi teknikament u ekonomikament vijabbli għal:

(i)

Prodotti miżjudin bil-merkurju;

(ii)

Proċessi tal-manifattura li fihom jintużaw il-merkurju jew komposti tal-merkurju; u

(iii)

Attivitajiet u proċessi li jeħilsu jew jirrilaxxaw merkurju jew komposti tal-merkurju;

inkluż informazzjoni dwar ir-riskji għas-saħħa u għall-ambjent u dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi ta' dawn l-alternattivi; u

(d)

Informazzjoni epidemjoloġika dwar l-impatti fuq is-saħħa assoċjati mal-esponiment għall-merkurju u għall-komposti tal-merkurju, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u ma' organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn, kif xieraq.

2.   Il-partijiet jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 direttament, permezz tas-Segretarjat, jew b'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn, inkluż is-segretarjati tal-konvenzjonijiet għas-sustanzi kimiċi u l-iskart, kif xieraq.

3.   Is-Segretarjat għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni fl-iskambju tal-informazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu, kif ukoll mal-organizzazzjonijiet rilevanti, inkluż is-segretarjati tal-ftehimiet ambjentali multilaterali u ta' inizjattivi internazzjonali oħrajn. Minbarra l-informazzjoni mill-Partijiet, din l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni minn organizzazzjonijiet intergovernattivi u mhux governattivi b'kompetenza fil-qasam tal-merkurju, kif ukoll minn istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali b'tali għarfien espert.

4.   Kull Parti għandha taħtar punt fokali nazzjonali għall-iskambju ta' informazzjoni skont din il-Konvenzjoni, inkluż fir-rigward tal-kunsens tal-Partijiet li jimportaw skont l-Artikolu 3.

5.   Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni, l-informazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza tal-bnedmin u tal-ambjent ma għandhiex titqies bħala kunfidenzjali. Il-partijiet li jiskambjaw informazzjoni oħra skont din il-Konvenzjoni għandhom jipproteġu kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali kif maqbul b'mod reċiproku.

Artikolu 18

L-informazzjoni pubblika, is-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni

1.   Kull Parti għandha, skont il-kapaċitajiet tagħha, tippromwovi u tiffaċilita:

(a)

L-għoti lill-pubbliku tal-informazzjoni disponibbli dwar:

(i)

L-effetti tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fuq is-saħħa u l-ambjent;

(ii)

L-alternattivi għall-merkurju u għall-komposti tal-merkurju;

(iii)

Is-suġġetti identifikati fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 17;

(iv)

Ir-riżultati tal-attivitajiet tagħha ta' riċerka, żvilupp u monitoraġġ skont l-Artikolu 19; u

(v)

L-attivitajiet għall-issodisfar tal-obbligi tagħha skont din il-Konvenzjoni;

(b)

L-edukazzjoni, it-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni pubblika relatati mal-effetti tal-esponiment għall-merkurju u għall-komposti tal-merkurju fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent b'kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet intergovernattivi u mhux governattivi rilevanti u l-popolazzjonijiet vulnerabbli, kif xieraq.

2.   Kull Parti għandha tuża l-mekkaniżmi eżistenti jew tqis l-iżvilupp ta' mekkaniżmi, bħal reġistri dwar ir-rilaxx u t-trasferiment ta' sustanzi li jniġġsu, fejn applikabbli, għall-ġbir u t-tixrid ta' informazzjoni dwar l-istimi tal-kwantitajiet annwali tagħha tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju li jiġu emessi, rilaxxati jew li jintremew permezz ta' attivitajiet tal-bniedem.

Artikolu 19

Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-monitoraġġ

1.   Il-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw ma' xulxin bil-għan li jiżviluppaw u jtejbu, billi jqisu ċ-ċirkostanzi u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom:

(a)

L-inventarji tal-użu, tal-konsum u tal-emissjonijiet antropoġeniċi fl-arja u tar-rilaxxi fil-baħar u fuq l-art ta' merkurju u komposti tal-merkurju;

(b)

L-immudellar u l-monitoraġġ ġeografikament rappreżentattiv tal-livelli tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju f'popolazzonijiet vulnerabbli u f'mezzi ambjentali, inkluż mezzi bijotiċi bħal ħut, mammiferi tal-baħar, fkieren tal-baħar u għasafar, kif ukoll il-kollaborazzjoni fil-ġbir u l-iskambju ta' kampjuni xierqa u rilevanti;

(c)

Il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, minbarra l-impatti soċjali, ekonomiċi u kulturali, b'mod partikolari fir-rigward tal-popolazzjonijiet vulnerabbli;

(d)

Il-metodoloġiji armonizzati għall-attivitajiet imwettqa skont is-subparagrafi (a), (b) u (c);

(e)

L-informazzjoni dwar iċ-ċiklu ambjentali, it-trasport (inkluż it-trasport fuq distanza twila u d-depożizzjoni), it-trasformazzjoni u d-destin tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju f'firxa ta' ekosistemi, b'kunsiderazzjoni xierqa tad-distinzjoni bejn l-emissjonijiet u r-rilaxxi antropoġeniċi u naturali tal-merkurju, kif ukoll tal-mobbilizzazzjoni mill-ġdid tal-merkurju minn depożizzjoni storika;

(f)

L-Informazzjoni dwar il-kummerċ u n-negozjar tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju, kif ukoll ta' prodotti miżjudin bil-merkurju; u

(g)

Informazzjoni u riċerka dwar id-disponibbiltà teknika u ekonomika tal-prodotti u l-proċessi mingħajr merkurju u dwar l-aqwa tekniki disponibbli u l-aqwa prattiki ambjentali sabiex jitnaqqsu u jiġu ssorveljati l-emissjonijiet u r-rilaxxi tal-merkurju u l-komposti tal-merkurju.

2.   Il-partijiet għandhom, fejn xieraq, jibnu fuq in-netwerks ta' monitoraġġ u l-programmi ta' riċerka eżistenti fit-twettiq tal-attivitajiet identifikati fil-paragrafu 1.

Artikolu 20

Pjanijiet ta' implimentazzjoni

1.   Kull Parti tista', wara valutazzjoni inizjali, tiżviluppa u twettaq pjan ta' implimentazzjoni, billi tqis iċ-ċirkostanzi domestiċi tagħha, għall-issodisfar tal-obbligi skont din il-Konvenzjoni. Kwalunkwe pjan bħal dan għandu jintbagħat lis-Segretarjat hekk kif jiġi żviluppat.

2.   Kull Parti tista' teżamina u taġġorna l-pjan ta' implimentazzjoni tagħha, billi tqis iċ-ċirkostanzi domestiċi tagħha u billi tirreferi għall-gwida pprovduta mill-Konferenza tal-Partijiet u għal gwida rilevanti oħra.

3.   Il-partijiet għandhom, fit-twettiq tal-ħidma msemmija fil-paragrafi 1 u 2, jikkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali sabiex jiffaċilitaw l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, ir-rieżami u l-aġġornament tal-pjanijiet ta' implimentazzjoni tagħhom.

4.   Il-partijiet jistgħu wkoll jikkoordinaw flimkien fuq il-pjanijiet reġjonali maħsuba biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 21

Ir-rapportar

1.   Kull Parti għandha tirrapporta lill-Konferenza tal-Partijiet, permezz tas-Segretarjat, dwar il-miżuri li ħadet sabiex timplimenta d-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni u dwar l-effettività ta' dawn il-miżuri u l-isfidi possibbli fl-issodisfar tal-objettivi tal-Konvenzjoni.

2.   Kull Parti għandha tinkludi fir-rapportar tagħha l-informazzjoni mitluba fl-Artikoli 3, 5, 7, 8 u 9 ta' din il-Konvenzjoni.

3.   Il-Konferenza tal-Partijiet għandha, waqt l-ewwel laqgħa tagħha, tiddeċiedi dwar it-twaqqit u l-format tar-rapportar li għandhom jiġu segwiti mill-Partijiet, filwaqt li tqis ix-xewqa tal-koordinazzjoni tar-rapportar ma' konvenzjonijiet rilevanti oħrajn dwar is-sustanzi kimiċi u l-iskart.

Artikolu 22

Evalwazzjoni tal-effettività

1.   Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tevalwa l-effettività ta' din il-Konvenzjoni, billi tibda mhux aktar tard minn sitt snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni u minn hemm 'il quddiem perjodikament f'intervalli li għandhom jiġu deċiżi minnha.

2.   Sabiex tiffaċilita l-evalwazzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għandha, fl-ewwel laqgħa tagħha, tibda tistabbilixxi l-arranġamenti bil-għan li tipprovdi lilha nnifisha b'data ta' monitoraġġ komparabbli dwar il-preżenza u l-moviment tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fl-ambjent, kif ukoll ix-xejriet fil-livelli tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju osservati fil-mezzi bijotiċi u fil-popolazzjonijiet vulnerabbli.

3.   L-evalwazzjoni għandha ssir fuq il-bażi tal-informazzjoni xjentifika, ambjentali, teknika, finanzjarja u ekonomika disponibbli, inkluż:

(a)

Rapporti u informazzjoni oħra dwar il-monitoraġġ ipprovduti lill-Konferenza tal-Partijiet skont il-paragrafu 2;

(b)

Rapporti sottomessi skont l-Artikolu 21;

(c)

Informazzjoni u rakkomandazzjonijiet ipprovduti skont l-Artikolu 15; u

(d)

Rapporti u informazzjoni rilevanti oħra dwar it-tħaddim tal-arranġamenti għall-assistenza finanzjarja, għat-trasferiment tat-teknoloġija u għall-bini tal-kapaċità li ddaħħlu fis-seħħ skont din il-Konvenzjoni.

Artikolu 23

Konferenza tal-Partijiet

1.   Il-konferenza tal-Partijiet hija b'dan stabbilita.

2.   L-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għandha tinbeda mid-Direttur Eżekuttiv tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent mhux aktar tard minn sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni. Wara dan, il-laqgħat ordinarji tal-Konferenza tal-Partijiet għandhom isiru f'intervalli regolari li jiġu deċiżi mill-Konferenza.

3.   Il-laqgħat straordinarji tal-Konferenza tal-Partijiet għandhom jinżammu drabi oħra, skont kif ikun meħtieġ mill-Konferenza, jew fuq talba bil-miktub minn waħda mill-Partijiet, sakemm, fi żmien sitt xhur minn meta t-talba tkun ġiet ikkomunikata lilhom mis-Segretarjat, din tkun appoġġjata minn tal-anqas terz tal-Partijiet.

4.   Waqt l-ewwel laqgħa tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet għandha taqbel b'kunsens fuq u tadotta r-regoli ta' proċedura u r-regoli finanzjarji għaliha nnifisha u għal kwalunkwe wieħed mill-korpi sussidjarji tagħha, kif ukoll dispożizzjonijiet finanzjarji li jirregolaw il-funzjonament tas-Segretarjat.

5.   Il-Konferenza tal-Partijiet għandha żżomm l-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni taħt rieżami u evalwazzjoni kontinwi. Hija għandha twettaq il-funzjonijiet assenjati lilha minn din il-Konvenzjoni u, għal dak il-għan, hija għandha:

(a)

Tistabbilixxi tali korpi sussidjarji skont kif tqis li huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni;

(b)

Tikkoopera, fejn xieraq, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u mal-korpi intergovernattivi u mhux governattivi kompetenti;

(c)

Tanalizza b'mod regolari l-informazzjoni kollha li titqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha u tas-Segretarjat skont l-Artikolu 21;

(d)

Tqis kull rakkomandazzjoni sottomessa lilha mill-Kumitat għall-Implimentazzjoni u l-Konformità;

(e)

Tqis u tieħu kull azzjoni addizzjonali li tista' tkun meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni; u

(f)

Tanalizza l-Annessi A u В skont l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5.

6.   Il-Nazzjonijiet Uniti, l-aġenziji speċjalizzati tagħha u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, kif ukoll kull Stat li ma jkunx Parti għal din il-Konvenzjoni, jistgħu jkunu rrappreżentati bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet. Kwalunkwe korp jew aġenzija, kemm jekk nazzjonali kif ukoll internazzjonali, governattivi jew mhux governattivi, li jkunu kkwalifikati f'materji koperti minn din il-Konvenzjoni u li jkunu informaw lis-Segretarjat bix-xewqa tagħhom li jkunu rrappreżentati waqt laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet bħala osservaturi, jistgħu jitħallew ikunu preżenti sakemm ma jkunx hemm mill-inqas terz tal-Partijiet preżenti li joġġezzjonaw għal dan. Id-dħul u l-parteċipazzjoni tal-osservaturi għandhom ikunu soġġetti għar-regoli ta' proċedura adottati mill-Konferenza tal-Partijiet.

Artikolu 24

Is-Segretarjat

1.   Is-Segretarjat huwa b'dan stabbilit.

2.   Il-funzjonijiet tas-Segretarjat għandhom ikunu:

(a)

Li jagħmel l-arranġamenti għal-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet u tal-korpi sussidjarji tiegħu, filwaqt li jipprovdilhom is-servizzi meħtieġa;

(b)

Li jiffaċilita l-assistenza lill-Partijiet, b'mod partikolari Partijiet minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u Partijiet b'ekonomiji fi tranżizzjoni, fuq talba, fl-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni;

(c)

Li jikkoordina, kif xieraq, mas-segretarjati tal-korpi internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari konvenzjonijiet oħrajn dwar is-sustanzi kimiċi u l-iskart;

(d)

Li jassisti lill-Partijiet fl-iskambju ta' informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni;

(e)

Li jħejji u jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Partijiet ir-rapporti perjodiċi bbażati fuq l-informazzjoni riċevuta skont l-Artikoli 15 u 21 u informazzjoni oħra disponibbli;

(f)

Li jiffirma, taħt it-tutela ġenerali tal-Konferenza tal-Partijiet, tali arranġamenti amministrattivi u kuntrattwali li jistgħu jkunu meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-funzjonijiet tiegħu; u

(g)

Li jwettaq il-funzjonijiet l-oħrajn tas-segretarjat speċifikati f'din il-Konvenzjoni u tali funzjonijiet oħrajn li jistgħu jiġu ddeterminati mill-Konferenza tal-Partijiet.

3.   Il-funzjonijiet tas-segretarjat għal din il-Konvenzjoni għandhom jitwettqu mid-Direttur Eżekuttiv tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, sakemm il-Konferenza tal-Partijiet ma tiddeċidix, permezz ta' maġġoranza ta' tliet kwarti tal-Partijiet preżenti u li jivvotaw, li tafda l-funzjonijiet tas-segretarjat lil waħda jew aktar mill-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħra.

4.   Il-Konferenza tal-Partijiet, b'konsultazzjoni mal-korpi internazzjonali xierqa, tista' tipprevedi kooperazzjoni u koordinazzjoni mtejba bejn is-Segretarjat u s-segretarjati tal-konvenzjonijiet l-oħrajn dwar is-sustanzi kimiċi u l-iskart. Il-Konferenza tal-Partijiet, b'konsultazzjoni mal-korpi internazzjonali xierqa, tista' tipprovdi aktar gwida dwar din il-materja.

Artikolu 25

Is-soluzzjoni tat-tilwim

1.   Il-partijiet għandhom ifittxu li jsolvu kwalunkwe tilwima bejniethom fir-rigward tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni permezz ta' negozjati jew b'mezzi amikevoli oħrajn tal-għażla tagħhom.

2.   Meta jirratifikaw, jaċċettaw, japprovaw, jew jaqblu mal-Konvenzjoni, jew f'kull ħin wara dan, Parti li ma tkunx organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali tista' tiddikjara permezz ta' strument bil-miktub mibgħut lid-Depożitarju li, rigward kull kwistjoni li tikkonċerna l-interpretazzjoni jew applikazzjoni tal-Konvenzjoni, hija tirrikonoxxi wieħed jew aktar mill-mezzi li ġejjin għal soluzzjoni ta' kwistjonijiet bħala obbligatorji relatati ma' kull Parti li taċċetta l-istess obbligu:

(a)

Arbitraġġ skont il-proċedura stabbilita fil-Parti I tal-Anness E;

(b)

Preżentazzjoni tat-tilwima quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja.

3.   Parti li hija organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali tista' tagħmel dikjarazzjoni bl-istess effett b'rabta mal-arbitraġġ skont il-paragrafu 2.

4.   Dikjarazzjoni magħmula skont il-paragrafu 2 jew 3 għandha tibqa' fis-seħħ sakemm tiskadi f'konformità mat-termini tagħha jew sa tliet xhur wara li tkun ġiet iddepożitata n-notifika bil-miktub tar-revoka tagħha mad-Depożitarju.

5.   L-iskadenza tad-dikjarazzjoni, in-notifika ta' revoka jew id-dikjarazzjoni ġdida ma għandhom bl-ebda mod jaffettwaw il-proċeduri pendenti quddiem it-tribunal ta' arbitraġġ jew il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, ħlief jekk il-partijiet fit-tilwima jaqblu mod ieħor.

6.   Jekk il-partijiet f'tilwima ma jkunux aċċettaw l-istess mezzi ta' soluzzjoni tat-tilwim skont il-paragrafu 2 jew 3, u jekk ma setgħux isolvu t-tilwima tagħhom permezz tal-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 fi żmien tnax-il xahar wara n-notifika minn Parti waħda lil oħra li tindika li tikkonferma li teżisti tilwima bejniethom, it-tilwima għandha tiġi sottomessa lil kummissjoni ta' konċiljazzjoni fuq it-talba ta' kwalunkwe parti fit-tilwima. Il-proċedura stabbilita fil-Parti II tal-Anness E għandha tapplika għall-konċiljazzjoni skont dan l-Artikolu.

Artikolu 26

Emendi għall-Konvenzjoni

1.   L-emendi għal din il-Konvenzjoni jistgħu jiġu proposti minn kwalunkwe Parti.

2.   L-emendi għal din il-Konvenzjoni għandhom jiġu adottati f'laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet. It-test ta' kull emenda proposta għandu jkun ikkomunikat lill-Partijiet mis-Segretarjat tal-anqas sitt xhur qabel il-laqgħa li matulha l-emenda tiġi proposta għall-adozzjoni. Is-Segretarjat għandu wkoll jikkomunika l-emenda proposta lill-firmatarji ta' din il-Konvenzjoni u, għall-fini ta' informazzjoni, lid-Depożitarju.

3.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jilħqu ftehim b'kunsens fuq kwalunkwe emenda proposta għal din il-Konvenzjoni. Jekk l-isforzi għall-kunsens jiġu eżawriti, u ma jintlaħaq l-ebda ftehim peress li jkun falla kull tentattiv ieħor l-emenda għandha tkun adottata b'vot ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Partijiet preżenti u li jivvotaw fil-laqgħa.

4.   L-emenda adottata għandha tiġi kkomunikata mid-Depożitarju lill-Partijiet kollha għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni.

5.   Ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni ta' emenda għandha tiġi nnotifikata lid-Depożitarju bil-miktub. L-emenda adottata f'konformità mal-paragrafu 3 għandha tidħol fis-seħħ għall-Partijiet li jkunu taw il-kunsens tagħhom li jintrabtu biha fid-disgħin jum wara d-data tad-depożitu tal-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni permezz ta' mill-inqas tliet kwarti tal-Partijiet li kienu Partijiet fiż-żmien meta ġiet adottata l-emenda. Minn hemm 'il quddiem, l-emenda għandha tidħol fis-seħħ għal kwalunkwe Parti oħra fid-disgħin jum wara d-data li fiha dik il-Parti tiddepożita l-istrument tagħha ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tal-emenda.

Artikolu 27

Adozzjoni u emenda ta' annessi

1.   L-annessi ta' din il-Konvenzjoni għandhom jifformaw parti integrali minnha u, ħlief jekk espressament ipprovdut mod ieħor, referenza għal din il-Konvenzjoni tikkostitwixxi fl-istess ħin referenza għall-annessi tagħha.

2.   Kwalunkwe anness addizzjonali adottat wara d-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni għandu jkun ristrett għal materji proċedurali, xjentifiċi, tekniċi jew amministrattivi.

3.   Il-proċedura li ġejja għandha tapplika għall-proposta, għall-adozzjoni u għad-dħul fis-seħħ tal-annessi addizzjonali ta' din il-Konvenzjoni:

(a)

L-annessi addizzjonali għandhom jiġu proposti u adottati skont il-proċedura stipulata fil-paragrafi 1-3 tal-Artikolu 26;

(b)

Kwalunkwe Parti li ma tkunx tista' taċċetta anness addizzjonali għandha tinnotifika b'dan lid-Depożitarju, bil-miktub, fi żmien sena mid-data tal-komunikazzjoni mid-Depożitarju dwar l-adozzjoni ta' tali anness. Id-Depożitarju għandu jinnotifika lill-Partijiet kollha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe notifika bħal din li jirċievi. Parti tista' fi kwalunkwe ħin tinnotifika lid-Depożitarju, bil-miktub, li hija se tirtira notifika preċedenti ta' nuqqas ta' aċċettazzjoni fir-rigward ta' Anness addizzjonali u, minn hemm 'il quddiem, l-Anness għandu jidħol fis-seħħ għall-Parti soġġett għas-subparagrafu (c); u

(c)

Malli tiskadi sena mid-data tal-komunikazzjoni mid-Depożitarju tal-adozzjoni tal-anness addizzjonali, l-Anness jidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha li ma jkunux issottomettew notifika skont id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (b).

4.   Il-proposta, l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-emendi għall-annessi ta' din il-Konvenzjoni għandhom ikunu soġġetti għall-istess proċeduri bħall-proposta, l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta' annessi addizzjonali għall-Konvenzjoni, ħlief li emenda għal anness ma għandhiex tidħol fis-seħħ fir-rigward ta' kwalunkwe Parti li tkun għamlet dikjarazzjoni fir-rigward tal-emenda tal-annessi skont il-paragrafu 5 tal-Artikolu 30, f'liema każ kwalunkwe emenda bħal din għandha tidħol fis-seħħ għal tali Parti fid-disgħin jum mindu tkun iddepożitat mad-Depożitarju l-istrument tagħha ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni fir-rigward tat-tali emenda.

5.   Jekk l-Anness addizzjonali jew emenda għall-Anness tkun konnessa ma' emenda għal din il-Konvenzjoni, l-Anness jew l-emenda addizzjonali m'għandhiex tidħol fis-seħħ qabel dak iż-żmien li fih l-emenda għal din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ.

Artikolu 28

Dritt għall-vot

1.   Kull Parti għal din il-Konvenzjoni għandu jkollha vot wieħed, għajr kif stipulat fil-paragrafu 2.

2.   Organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika għandha, fuq materji li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, teżerċita d-dritt tagħha li tivvota b'numru ta' voti ugwali għan-numru ta' Stati membri tagħha li huma Partijiet għal din il-Konvenzjoni. Tali organizzazzjoni ma għandhiex teżerċita d-dritt tagħha li tivvota jekk kwalunkwe wieħed mill-Istati membri tagħha jeżerċita d-dritt tiegħu li jivvota u viċi versa.

Artikolu 29

Firma

Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-iffirmar f'Kumamoto, il-Ġappun, mill-Istati kollha u mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika fl-10 u fil-11 ta' Ottubru 2013 u, minn hemm 'il quddiem, fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York sad-9 ta' Ottubru 2014.

Artikolu 30

Ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni

1.   Din il-Konvenzjoni għandha tkun soġġetta għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika. Hija għandha tkun miftuħa għall-adeżjoni mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika minn dak il-jum wara d-data li fiha l-Konvenzjoni tingħalaq għall-iffirmar. L-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni għandhom ikunu ddepożitati mad-Depositarju.

2.   Kwalunkwe organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li ssir Parti għal din il-Konvenzjoni mingħajr ma ebda wieħed mill-Istati membri tagħha jkun Parti, għandha tintrabat bl-obbligi kollha skont il-Konvenzjoni. Fil-każ ta' organizzazzjonijiet bħal dawn, li wieħed jew aktar mill-Istati membri tagħhom ikunu Parti għal din il-Konvenzjoni, l-organizzazzjoni u l-Istati membri tagħha għandhom jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għat-twettiq tal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni. F'dawn il-każijiet, l-organizzazzjoni u l-Istati membri tagħha ma jkunux intitolati li jeżerċitaw id-drittijiet taħt il-Konvenzjoni fl-istess żmien.

3.   Fl-istrument tagħha ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, l-organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika għandha tiddikjara l-firxa tal-kompetenza tagħha fir-rigward tal-materji rregolati minn din il-Konvenzjoni. Kwalunkwe organizzazzjoni bħal din għandha tinforma lid-Depożitarju, li min-naħa tiegħu għandu jinforma lill-Partijiet dwar kwalunkwe modifika rilevanti tal-firxa tal-kompetenza tagħha.

4.   Kull organizzazzjoni reġjonali jew Statali għall-integrazzjoni ekonomika hija mħeġġa sabiex tibgħat lis-Segretarjat, fiż-żmien tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni tal-Konvenzjoni, informazzjoni dwar il-miżuri meħuda minnha biex timplimenta l-Konvenzjoni.

5.   Fl-istrument tagħha ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, kwalunkwe Parti tista' tiddikjara li, fir-rigward ta' dan, kwalunkwe emenda għal anness għandha tidħol fis-seħħ biss malli jiġi ddepożitat l-istrument tagħha ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni f'dan ir-rigward.

Artikolu 31

Id-dħul fis-seħħ

1.   Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-disgħin jum wara d-data tad-depożitu tal-ħamsin strument ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni.

2.   Għal kull Stat jew organizzazzjoni reġjonali tal-integrazzjoni ekonomika li tirratifika, taċċetta jew tapprova din il-Konvenzjoni jew taderixxi għaliha wara d-depożitu tal-ħamsin strument ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-disgħin jum wara d-data tad-depożitu minn tali Stat jew tali organizzazzjoni reġjonali tal-integrazzjoni ekonomika tal-istrument tiegħu jew tagħha ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, l-ebda strument iddepożitat minn organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika ma għandu jitqies bħala addizzjonali għal dawk iddepożitati mill-Istati membri ta' dik l-organizzazzjoni.

Artikolu 32

Ir-riżervi

Ma tista' ssir ebda riżerva għal din il-Konvenzjoni.

Artikolu 33

L-irtirar

1.   F'kull waqt wara tliet snin mid-data li fiha din il-Konvenzjoni tkun daħlet fis-seħħ għal Parti, din il-Parti tista' tirtira mill-Konvenzjoni billi tagħti notifika bil-miktub lid-Depożitarju.

2.   Kwalunkwe rtirar bħal dan għandu jidħol fis-seħħ mal-iskadenza ta' sena mid-data li fiha d-Depożitarju jirċievi n-notifika tal-irtirar, jew f'data aktar tard li tista' tiġi speċifikata fin-notifika tal-irtirar.

Artikolu 34

Id-depożitarju

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jkun id-Depożitarju ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 35

It-testi awtentiċi

Il-kopja oriġinali ta' din il-Konvenzjoni, li t-testi tagħha bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol huma awtentiċi ndaqs, għandha tiġi ddepożitata mad-Depożitarju.

B'XHIEDA TA' DAN is-sottoskritti, awtorizzati kif xieraq biex jagħmlu dan, iffirmaw din il-Konvenzjoni.

Magħmul f'Kumamoto, il-Ġappun, f'dan l-għaxar jum ta' Ottubru tas-sena elfejn u tlettax.

ANNESS A

PRODOTTI MIŻJUDIN BIL-MERKURJU

Il-prodotti li ġejjin huma esklużi minn dan l-Anness:

(a)

Il-prodotti li huma essenzjali għall-protezzjoni ċivili u għall-użi militari;

(b)

Il-prodotti għar-riċerka, għall-kalibrazzjoni tal-istrumentazzjoni jew għal użu bħala standard ta' referenza;

(c)

Meta ma tkun disponibbli l-ebda alternattiva fattibbli mingħajr merkurju għas-sostituzzjoni, is-swiċċijiet u r-rilejs, il-bozoz fluworexxenti b'katodu kiesaħ u l-bozoz fluworexxenti b'elettrodi esterni (CCFL u EEFL) għal skrins elettroniċi, kif ukoll apparat tal-kejl;

(d)

Il-prodotti li jintużaw fi prattiki tradizzjonali jew reliġjużi; u

(e)

Tilqimiet li jkun fihom it-tijomersal bħala preservattivi.

Parti I: Il-prodotti soġġetti għall-paragrafu 1 tal-Artikolu 4

Prodotti miżjudin bil-merkurju

Data li warajha l-manifattura, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-prodott ma għandhomx ikunu permessi (id-data tal-eliminazzjoni gradwali)

Batteriji, ħlief għal batteriji buttuna tal-ossidu taż-żingu tal-fidda b'kontenut ta' merkurju < 2 % u batteriji buttuna taż-żingu-arja b'kontenut ta' merkurju < 2 %

2020

Swiċċijiet u rilejs, ħlief il-pontijiet għall-kejl b'akkuratezza għolja ħafna tal-kapaċitanza u t-telf u swiċċijiet u rilejs tal-frekwenza tar-radju bi frekwenza għolja għal strumenti ta' monitoraġġ u kontroll b'kontenut massimu ta' merkurju ta' 20 mg għal kull pont, swiċċ jew rilej

2020

Bozoz fluworexxenti kompatti (CFLs) għal skopijiet ta' tidwil ġenerali li huma ≤ 30 watts b'kontenut ta' merkurju li jaqbeż il-5 mg għal kull berner tal-bozza

2020

Il-bozoz fluworexxenti lineari li ġejjin (LFLs) għal skopijiet ta' tidwil ġenerali:

(a)

Fosforu bi tliet strixxi < 60 watts b'kontenut ta' merkurju li jaqbeż il-5 mg għal kull bozza;

(b)

Fosforu tal-alofosfat ≤ 40 watts b'kontenut ta' merkurju li jaqbeż l-10 mg għal kull bozza

2020

Bozoz tal-merkurju (gass) taħt pressjoni għolja (HPMV) għal skopijiet ta' tidwil ġenerali

2020

Merkurju fil-bozoz fluworexxenti b'katodu kiesaħ u fil-bozoz fluworexxenti b'elettrodi esterni (CCFL u EEFL) għal skrins elettroniċi:

(a)

ta' tul qasir (≤ 500 mm) b'kontenut tal-merkurju ogħla minn 3,5 mg għal kull bozza

(b)

ta' tul medju (> 500 mm u ≤ 1 500  mm) b'kontenut tal-merkurju ogħla minn 5 mg għal kull bozza

(c)

ta' tul twil (> 1 500 mm) b'kontenut ta' merkurju ogħla minn 13 mg għal kull bozza

2020

Prodotti kożmetiċi (b'kontenut tal-merkurju ogħla minn 1ppm), inkluż sapun u kremi li jiċċaraw il-ġilda, iżda mhux inklużi prodotti kożmetiċi ta' madwar l-għajn fejn il-merkurju jintuża bħala preżervattiv u ma jkun hemm ebda preservattiv effettiv u sikur sostitut disponibbli (1)

2020

Pestiċidi, bijoċidi u antisettiċi topiċi

2020

L-apparati tal-kejl mhux elettroniċi li ġejjin ħlief apparati tal-kejl mhux elettroniċi installati f'tagħmir fuq skala kbira jew dawk użati għall-kejl bi preċiżjoni kbira, fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda alternattiva xierqa mingħajr merkurju:

(a)

barometri;

(b)

igrometri;

(c)

manometri;

(d)

termometri;

(e)

sfigmomanometri.

2020

Parti II: Il-prodotti soġġetti għall-paragrafu 3 tal-Artikolu 4

Prodotti miżjudin bil-merkurju

Dispożizzjonijiet

L-amalgama dentali

Il-miżuri li trid tieħu Parti biex tnaqqas l-użu tal-amalgama dentali għandhom jieħdu f'kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi domestiċi tal-Parti u l-gwida internazzjonali rilevanti u għandhom jinkludu żewġ miżuri jew iktar mil-lista li ġejja:

(i)

L-istabbiliment ta' objettivi nazzjonali li għandhom l-għan li jipprevjenu t-taħsir tas-snien u jippromwovu s-saħħa, u b'hekk jonqos il-bżonn ta' restorazzjoni dentali;

(ii)

L-istabbiliment ta' objettivi nazzjonali li għandhom l-għan li jnaqqsu l-użu tagħha;

(iii)

Il-promozzjoni tal-użu ta' alternattivi mingħajr merkurju kosteffikaċi u klinikament effettivi għar-restorazzjoni dentali;

(iv)

Il-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp ta' materjali ta' kwalità mingħajr merkurju għar-restorazzjoni dentali;

(v)

It-tħeġġiġ lil organizzazzjonijiet professjonali rappreżentattivi u lil skejjel tad-dentistrija u l-għoti ta' taħriġ u edukazzjoni lil professjonisti u studenti fil-qasam tad-dentistrija favur l-użu ta' alternattivi ta' restorazzjoni dentali mingħajr merkurju u dwar il-promozzjoni tal-aqwa prattiki tal-immaniġġjar;

(vi)

L-iskoraġġiment ta' poloz u programmi tal-assigurazzjoni li jiffavorixxu l-użu tal-amalgama dentali fuq ir-restorazzjoni dentali mingħajr merkurju;

(vii)

It-tħeġġiġ ta' poloz u programmi tal-assigurazzjoni li jiffavorixxu l-użu ta' alternattivi ta' kwalità għall-amalgama dentali għar-restorazzjoni dentali;

(viii)

Ir-restrizzjoni tal-użu tal-amalgama dentali għall-forma inkapsulata tagħha;

(ix)

Il-promozzjoni tal-użu tal-aqwa prattiki ambjentali f'faċilitajiet dentali sabiex jitnaqqsu r-rilaxxi tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fl-ilma u fuq l-art.


(1)  L-intenzjoni hija li ma jkunux koperti prodotti kożmetiċi, sapun jew kremi b'kontaminanti li jħallu traċċi tal-merkurju.

ANNESS B

PROĊESSI TAL-MANIFATTURA LI FIHOM JINTUŻAW IL-MERKURJU JEW IL-KOMPOSTI TAL-MERKURJU

Parti I: Il-proċessi soġġetti għall-paragrafu 2 tal-Artikolu 5

Il-proċessi ta' manifattura li jużaw il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju

Id-data tal-eliminazzjoni gradwali

Produzzjoni tal-kloroalkali

2025

Il-produzzjoni tal-aċetaldeid li fiha l-merkurju jew il-komposti tal-merkurju jintużaw bħala katalizzatur

2018

Parti II: Il-proċessi soġġetti għall-paragrafu 3 tal-Artikolu 5

Il-proċess li juża l-merkurju

Dispożizzjonijiet

Produzzjoni tal-monomer tal-klorur tal-vinil

Il-miżuri li jridu jieħdu l-Partijiet għandhom jinkludu iżda ma jkunux limitati għal:

(i)

It-tnaqqis tal-użu tal-merkurju f'termini tal-produzzjoni għal kull unità b'50 fil-mija sas-sena 2020 meta mqabbla mal-użu tal-2010;

(ii)

Il-promozzjoni tal-miżuri li jnaqqsu d-dipendenza fuq il-merkurju mill-estrazzjoni primarja;

(iii)

It-teħid ta' miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u r-rilaxxi tal-merkurju fl-ambjent;

(iv)

Is-sostenn tar-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward tal-katalizzaturi u l-proċessi mingħajr merkurju;

(v)

Ma jitħalliex isir użu mill-merkurju ħames snin wara li l-Konferenza tal-Partijiet tistabbilixxi li katalizzaturi mingħajr merkurju bbażati fuq il-proċessi eżistenti saru teknikament u ekonomikament fattibbli;

(vi)

Ir-rapportar lill-Konferenza tal-Partijiet dwar l-isforzi tagħhom sabiex jiżviluppaw u/jew jidentifikaw alternattivi u jeliminaw b'mod gradwali l-użu tal-merkurju skont l-Artikolu 21.

Sodju jew Metilat jew Etilat tal-Potassju

Il-miżuri li jridu jieħdu l-Partijiet għandhom jinkludu iżda ma jkunux limitati għal:

(i)

Il-miżuri sabiex jitnaqqas l-użu tal-merkurju bil-għan li jiġi eliminat b'mod gradwali dan l-użu kemm jista' jkun malajr u fi żmien 10 snin mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni;

(ii)

It-tnaqqis tal-emissjonijiet u r-rilaxxi f'termini ta' produzzjoni għal kull unità b'50 fil-mija sal-2020 meta mqabblin mal-2010;

(iii)

Il-projbizzjoni fuq l-użu ta' merkurju ġdid mill-estrazzjoni primarja;

(iv)

Is-sostenn tar-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward tal-proċessi mingħajr merkurju;

(v)

Ma jitħalliex isir użu mill-merkurju ħames snin wara li l-Konferenza tal-Partijiet tistabbilixxi li l-proċessi mingħajr merkurju saru teknikament u ekonomikament fattibbli;

(vi)

Ir-rapportar lill-Konferenza tal-Partijiet dwar l-isforzi tagħhom sabiex jiżviluppaw u/jew jidentifikaw alternattivi u jeliminaw b'mod gradwali l-użu tal-merkurju skont l-Artikolu 21.

Il-produzzjoni tal-poliuretan bl-użu ta' katalizzaturi li fihom il-merkurju

Il-miżuri li jridu jieħdu l-Partijiet għandhom jinkludu iżda ma jkunux limitati għal:

(i)

It-teħid ta' miżuri sabiex jitnaqqas l-użu tal-merkurju bil-għan li jiġi eliminat b'mod gradwali dan l-użu malajr kemm jista' jkun u fi żmien 10 snin mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni;

(ii)

It-teħid ta' miżuri li jnaqqsu d-dipendenza fuq il-merkurju mill-estrazzjoni primarja;

(iii)

It-teħid ta' miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u r-rilaxxi tal-merkurju fl-ambjent;

(iv)

It-tħeġġiġ tar-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward tal-katalizzaturi u l-proċessi mingħajr merkurju;

(v)

Ir-rapportar lill-Konferenza tal-Partijiet dwar l-isforzi tagħhom sabiex jiżviluppaw u/jew jidentifikaw alternattivi u jeliminaw b'mod gradwali l-użu tal-merkurju skont l-Artikolu 21.

Il-paragrafu 6 tal-Artikolu 5 ma għandux japplika għal dan il-proċess tal-manifattura.

ANNESS C

ESTRAZZJONI TAD-DEHEB ARTIĠJANALI U FUQ SKALA ŻGĦIRA

Il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali

1.

Kull Parti li hija soġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 7 għandha tinkludi fil-pjan ta' azzjoni nazzjonali tagħha:

(a)

Objettivi nazzjonali u miri ta' tnaqqis;

(b)

Azzjonijiet maħsuba biex jeliminaw:

(i)

Amalgamazzjoni sħiħa tal-minerali;

(ii)

Ħruq fil-miftuħ ta' amalgama jew amalgama pproċessata;

(iii)

Ħruq ta' amalgama f'żoni residenzjali; u

(iv)

Lissija ta' ċjanur f'sediment, minerali jew irmied li magħhom ikun żdied il-merkurju mingħajr ma l-ewwel jitneħħa l-merkurju;

(c)

Passi għall-iffaċilitar tal-formalizzazzjoni jew tar-regolamentazzjoni tas-settur tal-estrazzjoni tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira;

(d)

Stimi bażiċi tal-kwantitajiet ta' merkurju użat u l-prattiki użati fl-estrazzjoni tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira fit-territorju tagħha;

(e)

Strateġiji għall-promozzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u r-rilaxxi tal-merkurju u l-esponiment għalih fl-ipproċessar u fl-estrazzjoni tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira, inkluż il-metodi mingħajr merkurju;

(f)

Strateġiji għall-immaniġġjar tal-kummerċ u l-prevenzjoni tad-devjazzjoni tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju kemm minn sorsi domestiċi kif ukoll minn sorsi barranin għall-użu fl-ipproċessar u fl-estrazzjoni tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira;

(g)

Strateġiji għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati fl-implimentazzjoni u fl-iżvilupp kontinwu tal-pjan ta' azzjoni nazzjonali;

(h)

Strateġija tas-saħħa pubblika fuq l-esponiment għall-merkurju tal-minaturi fuq skala żgħira u artiġjanali għad-deheb u tal-komunitajiet tagħhom għall-merkurju. Tali strateġija għandha tinkludi, fost l-oħrajn, il-ġbir ta' data dwar is-saħħa, taħriġ għall-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa u sensibilizzazzjoni permezz tal-faċilitajiet tas-saħħa;

(i)

Strateġiji għall-prevenzjoni tal-esponiment ta' popolazzjonijiet vulnerabbli, b'mod partikolari tfal u nisa ta' età li jista' jkollhom it-tfal, speċjalment nisa tqal, għall-merkurju użat fl-estrazzjoni tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira;

(j)

Strateġiji għall-għoti ta' informazzjoni lill-minaturi fuq skala żgħira u artiġjanali għad-deheb u lill-komunitajiet affettwati; u

(k)

Skeda għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni nazzjonali.

2.

Kull Parti tista' tinkludi fil-pjan ta' azzjoni nazzjonali tagħha strateġiji addizzjonali maħsuba biex jintlaħqu l-objettivi tagħha, inkluż l-użu jew l-introduzzjoni ta' standards għall-estrazzjoni tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira mingħajr merkurju, kif ukoll mekkaniżmi jew għodod ta' kummerċjalizzazzjoni abbażi tas-suq.

ANNESS D

IL-LISTA TAS-SORSI PUNTIFORMI TA' EMISSJONIJIET TAL-MERKURJU U TAL-KOMPOSTI TAL-MERKURJU FL-ATMOSFERA

Il-kategorija tas-sors puntiformi:

 

Impjanti ta' produzzjoni tal-enerġija bil-faħam;

 

Bojlers industrijali mħaddma bil-faħam;

 

Proċessi ta' tidwib u inkaljar użati fil-produzzjoni ta' metalli mhux ferrużi; (1)

 

Faċilitajiet għall-inċinerazzjoni tal-iskart;

 

Faċilitajiet għall-produzzjoni tal-gagazza.


(1)  Għall-finijiet ta' dan l-Anness, “metalli mhux ferrużi” tirreferi għal ċomb, żingu, ram u deheb industrijali.

ANNESS E

IL-PROĊEDURI TA' ARBITRAĠĠ U KONĊILJAZZJONI

Parti I: Il-proċedura ta' arbitraġġ

Il-proċedura ta' arbitraġġ għall-finijiet tal-paragrafu 2 (a) tal-Artikolu 25 ta' din il-Konvenzjoni għandha tkun kif ġej:

Artikolu 1

1.   Parti tista' tibda azzjoni ta' regress għall-arbitraġġ skont l-Artikolu 25 ta' din il-Konvenzjoni permezz ta' notifika bil-miktub indirizzata lill-parti jew lill-partijiet l-oħrajn fit-tilwima. In-notifika għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni ta' pretensjoni, flimkien ma' kwalunkwe dokumenti ta' sostenn. Tali notifika għandha tiddikjara l-materja tas-suġġett tal-arbitraġġ u tinkludi, partikolarment, l-Artikoli ta' din il-Konvenzjoni, li l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tagħhom huma inkwistjoni.

2.   Il-parti rikorrenti għandha tinnotifika lis-Segretarjat li qiegħda tirreferi tilwima għal arbitraġġ skont l-Artikolu 25 ta' din il-Konvenzjoni. In-notifika għandha tkun akkumpanjata min-notifika bil-miktub tal-parti rikorrenti, id-dikjarazzjoni tal-pretensjoni u d-dokumenti ta' sostenn imsemmija fil-paragrafu 1 ta' hawn fuq. Is-Segretarjat għandu jibgħat l-informazzjoni b'hekk riċevuta lill-Partijiet kollha.

Artikolu 2

1.   Jekk tilwima tiġi riferuta għal arbitraġġ skont l-Artikolu 1 ta' hawn fuq, ikun irid jiġi stabbilit tribunal tal-arbitraġġ. Dan għandu jkun magħmul minn tliet membri.

2.   Kull parti fit-tilwima għandha taħtar arbitru, u ż-żewġ arbitri b'hekk maħtura għandhom jinnominaw bi qbil bejniethom lit-tielet arbitru, li għandu jkun il-President tat-tribunal. F'tilwimiet bejn aktar minn żewġ partijiet, il-partijiet li jkunu fl-istess interess għandhom jaħtru arbitru konġunt bi ftehim. Il-President tat-tribunal ma għandux tal-istess nazzjonalità tal-ebda waħda mill-partijiet fit-tilwima u lanqas ma għandu jkollu l-post tar-residenza normali tas-soltu tiegħu fit-territorju ta' waħda minn dawn il-partijiet, la jkun impjegat minn xi ħadd minnhom u lanqas ma kellu x'jaqsam mal-każ f'xi kapaċità oħra.

3.   Kwalunkwe post tax-xogħol battal għandu jimtela bil-mod preskritt għall-ħatra inizjali.

Artikolu 3

1.   Jekk waħda mill-partijiet fit-tilwima ma taħtar l-ebda arbitru fi żmien xahrejn mid-data li fiha l-parti konvenuta tirċievi n-notifika tal-arbitraġġ, il-parti l-oħra tista' tinforma lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li min-naħa tiegħu għandu jagħmel il-ħatra fi żmien perjodu ieħor ta' xahrejn.

2.   Jekk il-President tat-tribunal tal-arbitraġġ ma jkunx inħatar fi żmien xahrejn minn wara l-ħatra tat-tieni arbitru, is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu, fuq it-talba ta' parti, jaħtar il-President fi żmien xahrejn oħra.

Artikolu 4

It-tribunal tal-arbitraġġ għandu jrendi d-deċiżjonijiet tiegħu skont id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni u skont il-liġi internazzjonali.

Artikolu 5

Sakemm il-partijiet fit-tilwima ma jaqblux mod ieħor, it-tribunal tal-arbitraġġ għandu jiddetermina r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

Artikolu 6

It-tribunal tal-arbitraġġ jista', fuq talba ta' waħda mill-partijiet fit-tilwima, jirrakkomanda miżuri temporanji essenzjali ta' protezzjoni.

Artikolu 7

Il-partijiet fit-tilwima għandhom jiffaċilitaw il-ħidma tat-tribunal tal-arbitraġġ u, b'mod partikolari, billi jużaw il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, għandhom:

(a)

Jipprovdulu d-dokumenti, l-informazzjoni u l-faċilitajiet kollha rilevanti; u

(b)

Jippermettulu, meta dan ikun meħtieġ, li jsejjaħ xhieda jew esperti u li jirċievi x-xhieda tagħhom.

Artikolu 8

Il-partijiet fit-tilwima u l-arbitri għandhom obbligu li jipproteġu l-kunfidenzjalità ta' kwalunkwe informazzjoni jew dokumenti li jirċievu b'mod kunfidenzjali matul il-proċedimenti tat-tribunal tal-arbitraġġ.

Artikolu 9

Sakemm it-tribunal tal-arbitraġġ ma jiddeterminax mod ieħor minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, l-ispejjeż tat-tribunal għandhom jiġġarrbu mill-partijiet fit-tilwima b'mod indaqs. It-tribunal għandu jżomm rekord tal-ispejjeż kollha tiegħu u għandu jforni dikjarazzjoni finali tagħhom lill-partijiet.

Artikolu 10

Parti li jkollha interess ta' natura legali fis-suġġett tat-tilwima li jista' jiġi affettwat mid-deċiżjoni tista' tintervjeni fil-proċedimenti bil-kunsens tat-tribunal tal-arbitraġġ.

Artikolu 11

It-tribunal tal-arbitraġġ jista' jisma' u jiddetermina l-kontropretensjonijiet li jirriżultaw direttament mis-suġġett tat-tilwima.

Artikolu 12

Id-deċiżjonijiet tat-tribunal tal-arbitraġġ kemm fuq il-proċedura kif ukoll fuq is-sustanza għandhom jittieħdu b'vot ta' maġġoranza tal-membri tiegħu.

Artikolu 13

1.   Jekk waħda mill-partijiet fit-tilwima ma tidhirx quddiem it-tribunal tal-arbitraġġ jew tonqos milli tiddefendi l-każ tagħha, il-parti l-oħra tista' titlob lit-tribunal sabiex jissokta l-proċedimenti u jieħu d-deċiżjoni tiegħu. L-assenza ta' parti jew in-nuqqas ta' parti milli tiddefendi l-każ tagħha ma għandu joħloq l-ebda ostaklu għall-proċedimenti.

2.   Qabel jagħti d-deċiżjoni finali tiegħu, it-tribunal tal-arbitraġġ għandu jissodisfa lilu nnifsu li l-pretensjoni għandha bażi soda fil-fatti u fil-liġi.

Artikolu 14

It-tribunal tal-arbitraġġ għandu jagħti d-deċiżjoni finali tiegħu fi żmien ħames xhur mid-data li fiha tiġi kostitwita b'mod sħiħ, sakemm ma jsibx li huwa neċessarju li jestendi l-limitu ta' żmien għal perjodu li ma għandux jaqbeż ħames xhur oħra.

Artikolu 15

Id-deċiżjoni finali tat-tribunal tal-arbitraġġ għandha tkun ristretta għas-suġġett tat-tilwima u għandha tindika r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata. Għandha tinkludi l-ismijiet tal-membri li pparteċipaw u d-data tad-deċiżjoni finali. Kwalunkwe membru tat-tribunal jista' jehmeż opinjoni separata jew differenti mid-deċiżjoni finali.

Artikolu 16

Id-deċiżjoni finali għandha torbot lill-partijiet fit-tilwima. L-interpretazzjoni ta' din il-Konvenzjoni mogħtija mid-deċiżjoni finali għandha torbot ukoll lill-Parti li tintervjeni skont l-Artikolu 10 ta' hawn fuq f'dak li għandu x'jaqsam ma' materji li fir-rigward tagħhom tkun intervjeniet dik il-Parti. Id-deċiżjoni finali għandha tkun mingħajr appell, sakemm il-partijiet fit-tilwima ma jkunux qablu bil-quddiem fuq proċedura tal-appell.

Artikolu 17

Kwalunkwe nuqqas ta' qbil li jista' jirriżulta bejn dawk marbuta bid-deċiżjoni finali skont l-Artikolu 16 ta' hawn fuq, fir-rigward tal-interpretazzjoni jew il-mod ta' implimentazzjoni ta' dik id-deċiżjoni finali, jista' jiġi sottomess minn kwalunkwe waħda minnhom sabiex tittieħed deċiżjoni dwaru mit-tribunal arbitrali li ta dik id-deċiżjoni finali.

Parti II: Il-proċedura ta' konċiljazzjoni

Il-proċedura ta' konċiljazzjoni għall-finijiet tal-paragrafu 6 tal-Artikolu 25 ta' din il-Konvenzjoni għandha tkun kif ġej:

Artikolu 1

Għandha tiġi indirizzata talba bil-miktub lis-Segretarjat minn parti fit-tilwima li tistabbilixxi kummissjoni ta' konċiljazzjoni skont il-paragrafu 6 tal-Artikolu 25 ta' din il-Konvenzjoni, flimkien ma' kopja lill-parti l-oħra jew lill-partijiet l-oħrajn fit-tilwima. Is-Segretarjat għandu jinforma b'dan minnufih lill-Partijiet kollha.

Artikolu 2

1.   Il-kummissjoni ta' konċiljazzjoni għandha, sakemm il-partijiet fit-tilwima ma jaqblux mod ieħor, tkun magħmula minn tliet membri, wieħed maħtur minn kull parti kkonċernata u President magħżul b'mod konġunt minn dawk il-membri.

2.   F'tilwimiet bejn aktar minn żewġ partijiet, il-partijiet bl-istess interess għandhom jaħtru lill-membru tal-kummissjoni tagħhom b'mod konġunt u bi qbil.

Artikolu 3

Jekk kwalunkwe ħatra mill-partijiet fit-tilwima ma ssirx fi żmien xahrejn mid-data li fiha s-Segretarjat jirċievi t-talba bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 1 ta' hawn fuq, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu, fuq talba minn kwalunkwe parti, jagħmel tali ħatra fi żmien perjodu ieħor ta' xahrejn.

Artikolu 4

Jekk il-President tal-kummissjoni ta' konċiljazzjoni ma jkunx intgħażel fi żmien xahrejn mill-ħatra tat-tieni membru tal-kummissjoni, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu, fuq talba minn kwalunkwe parti fit-tilwima, jaħtar lill-President fi żmien perjodu ieħor ta' xahrejn.

Artikolu 5

Il-kummissjoni ta' konċiljazzjoni għandha tassisti lill-partijiet fit-tilwima b'mod indipendenti u imparzjali fit-tentattiv tagħhom li jilħqu riżoluzzjoni amikevoli.

Artikolu 6

1.   Il-kummissjoni ta' konċiljazzjoni tista' twettaq il-proċedimenti ta' konċiljazzjoni b'tali mod li hija tqis li huwa xieraq, billi tieħu f'kunsiderazzjoni sħiħa ċ-ċirkostanzi tal-każ u l-fehmiet li jistgħu jesprimu l-partijiet fit-tilwima, inkluż kwalunkwe talba għal riżoluzzjoni rapida. Hija tista' tadotta r-regoli ta' proċedura tagħha stess, kif meħtieġ, sakemm il-partijiet ma jaqblux mod ieħor.

2.   Il-kummissjoni ta' konċiljazzjoni tista', fi kwalunkwe żmien matul il-proċedimenti, tagħmel proposti jew rakkomandazzjonijiet għal riżoluzzjoni tat-tilwima.

Artikolu 7

Il-partijiet fit-tilwima għandhom jikkooperaw mal-kummissjoni ta' konċiljazzjoni. B'mod partikolari, huma għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jikkonformaw mat-talbiet imressqa mill-kummissjoni sabiex jissottomettu materjal bil-miktub, jipprovdu evidenza u jattendu għal laqgħat. Il-partijiet u l-membri tal-kummissjoni ta' konċiljazzjoni għandhom obbligu li jipproteġu l-kunfidenzjalità ta' kwalunkwe informazzjoni jew dokumenti li jirċievu b'mod kunfidenzjali matul il-proċedimenti tal-kummissjoni.

Artikolu 8

Il-kummissjoni ta' konċiljazzjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b'vot ta' maġġoranza tal-membri tagħha.

Artikolu 9

Sakemm it-tilwima ma tkunx ġiet riżolta diġà, il-kummissjoni ta' konċiljazzjoni għandha tipprovdi rapport b'rakkomandazzjonijiet għal riżoluzzjoni tat-tilwima sa mhux aktar tard minn tnax-il xahar mid-data li fiha tkun ġiet kostitwita b'mod sħiħ, li l-partijiet fit-tilwima għandhom jikkunsidraw f'bona fede.

Artikolu 10

Kwalunkwe nuqqas ta' qbil dwar jekk il-kummissjoni ta' konċiljazzjoni għandhiex kompetenza sabiex tikkunsidra materja riferuta lilha għandu jiġi deċiż mill-kummissjoni.

Artikolu 11

L-ispejjeż tal-kummissjoni ta' konċiljazzjoni għandhom jiġġarrbu mill-partijiet fit-tilwima b'mod indaqs, sakemm ma jaqblux mod ieħor. Il-kummissjoni għandha żżomm rekord tal-ispejjeż kollha tagħha u għandha tforni dikjarazzjoni finali tagħhom lill-partijiet.


ANNESS

DIKJARAZZJONI TAL-KOMPETENZA MILL-UNJONI EWROPEA F'KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 30(3) TAL-KONVENZJONI TA' MINAMATA DWAR IL-MERKURJU

L-Istati li ġejjin huma attwalment Membri tal-Unjoni Ewropea: ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Iżvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

L-Artikolu 30(3) tal-Konvenzjoni ta' Minamata jipprevedi li: “3. Fl-istrument tagħha ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, l-organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika għandha tiddikjara l-firxa tal-kompetenza tagħha fir-rigward tal-materji rregolati minn din il-Konvenzjoni. Kwalunkwe organizzazzjoni bħal din għandha tinforma lid-Depożitarju, li min-naħa tiegħu għandu jinforma lill-Partijiet dwar kwalunkwe modifika rilevanti tal-firxa tal-kompetenza tagħha.”

L-Unjoni Ewropea tiddikjara li, f'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu, hi kompetenti biex tidħol fi ftehimiet internazzjonali, u biex timplimenta l-obbligi li jirriżultaw minnhom, li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin:

is-salvagwardja, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent;

il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;

l-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali;

il-promozzjoni ta' miżuri fuq livell internazzjonali biex jiġu trattati problemi ambjentali fuq livell reġjonali jew dinji, inkluż it-tibdil fil-klima.

Il-lista li ġejja ta' strumenti legali tal-Unjoni turi l-grad sa fejn l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza interna tagħha, f'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'rabta ma' materji rregolati mill-Konvenzjoni ta' Minamata. L-Unjoni għandha l-kompetenza li twettaq dawk l-obbligi mill-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju li fir-rigward tagħhom id-dispożizzjonijiet tal-istrumenti legali tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk elenkati hawn taħt, jistabbilixxu regoli komuni u dment li dawn ir-regoli komuni jiġu affettwati jew alterati fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tagħhom permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Minamata jew ta' att adottat fl-implimentazzjoni tagħha.

Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (1),

Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88),

Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1),

Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34),

Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59),

Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1),

Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1),

Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1),

Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal-14 ta' Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi (ĠU L 169, 12.7.1993, p. 1),

Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17),

Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-kontroll ta' perikli ta' inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 1),

Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta' Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1),

Direttiva 2004/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali (ĠU L 23, 26.1.2005, p. 3),

Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1),

Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3),

Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April tal-1999 dwar ir-rimi ta' skart f' terraferma (ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1),

Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta' skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).

Min-natura tiegħu, l-eżerċizzju tal-kompetenzi li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ttrasferixxew lill-Unjoni Ewropea skont it-Trattati huwa soġġett għal żvilupp kontinwu. Għaldaqstant, l-Unjoni tirriżerva d-dritt li taġġusta din id-Dikjarazzjoni.


(1)  ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1.


Top