EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0758

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/758 tal-25 ta' April 2017 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fit-tmien laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes, fir-rigward tal-proposti għall-emendar tal-Annessi A, B u C

OJ L 113, 29.4.2017, p. 45–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/758/oj

29.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/45


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/758

tal-25 ta' April 2017

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fit-tmien laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes, fir-rigward tal-proposti għall-emendar tal-Annessi A, B u C

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-14 ta' Ottubru 2004, il-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (“il-Konvenzjoni”) ġiet approvata, f'isem il-Komunità Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE (1).

(2)

L-Unjoni implimentat l-obbligi stabbiliti fil-Konvenzjoni fid-dritt tal-Unjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(3)

L-Unjoni tagħmel enfasi kbira fuq il-ħtieġa għall-espansjoni gradwali tal-Annessi A, B u/jew Ċ tal-Konvenzjoni b'sustanzi ġodda li jissodisfaw il-kriterji għal materjali organiċi persistenti li jniġġsu (POPs, persistent organic pollutants), b'kont meħud tal-prinċipju prekawzjonarju, bl-għan li jintlaħaq l-objettiv tal-Konvenzjoni u jitwettaq l-impenn li daħlu għalih gvernijiet fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar f'Johannesburg fl-2002 sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-effetti ħżiena ta' sustanzi kimiċi sal-2020.

(4)

Taħt l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet (COP, Conference of the Parties) tista' tadotta deċiżjonijiet li jemendaw l-Annessi A, B u/jew Ċ tal-Konvenzjoni. Dawk id-deċiżjonijiet jidħlu fis-seħħ sena mid-data tal-komunikazzjoni mid-depożitarju ta' emenda, għajr għal dawk il-Partijiet għall-Konvenzjoni (“il-Partijiet”) li għażlu li ma jipparteċipawx.

(5)

Wara nomina tal-etere tad-dekabromodifenil kummerċjali (c-decaBDE) riċevuta mingħand in-Norveġja fl-2013, il-Kumitat għar-Reviżjoni ta' Materjali Organiċi Persistenti li Jniġġsu (POPRC, Persistent Organic Pollutants Review Committee), stabbilit taħt il-Konvenzjoni, ikkonkluda ħidmietu dwar c-decaBDE. Il-POPRC sab li c-decaBDE jissodisfa l-kriterji tal-Konvenzjoni għall-elenkar fl-Anness A tagħha. Fit-tmien laqgħa tagħha, is-COP hi mistennija tiddeċiedi dwar l-inklużjoni ta' c-decaBDE fl-Anness A tal-Konvenzjoni.

(6)

Il-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu tal-etere tad-dekabromodifenil bħala sustanza, bħala kostitwent f'sustanzi oħra, f'taħlitiet jew f'oġġetti hi limitata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/227 (3) li jistabbilixxi l-entrata 67 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (REACH) (“l-entrata 67”). Skont l-entrata 67, il-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu tal-etere tad-dekabromodifenil għandhom ikunu permessi biss għal żmien limitat għal inġenji tal-ajru ġodda u għal spare parts għal inġenji tal-ajru, għal vetturi bil-mutur, għal vetturi agrikoli u forestali u għal ċertu makkinarju.

(7)

Wara nomina tal-paraffini klorurati b'katina qasira (SCCPs) riċevuta mill-Unjoni fl-2006, il-POPRC sab li l-SCCPs jissodisfaw il-kriterji tal-Konvenzjoni għall-elenkar fl-Anness A tagħha. Fit-tmien laqgħa tagħha, is-COP hija mistennija tiddeċiedi dwar l-inklużjoni tal-SCCPs fl-Anness A tal-Konvenzjoni.

(8)

Il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-SCCPs huma pprojbiti, b'ċerti eżenzjonijiet, skont ir-Regolament (KE) Nru 850/2004, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2030 (5). Dak ir-Regolament emendat jispeċifika wkoll valuri ta' limitu għall-preżenza tal-SCCPs f'taħlitiet oħrajn tal-paraffini klorurati li jirriżultaw mill-proċess tal-manifattura. Peress li l-SCCPs huma kapaċi għat-trasport ambjentali fuq distanza twila, l-eliminazzjoni gradwali globali tal-użu ta' din is-sustanza tkun iktar ta' benefiċċju għaċ-ċittadin tal-Unjoni minn projbizzjoni waħedha taħt ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 fl-Unjoni.

(9)

Wara nomina tal-eżaklorobutadjen (HCBD) riċevuta mill-Unjoni fl-2011, il-POPRC sab li l-HCBD jissodisfa l-kriterji tal-Konvenzjoni għall-elenkar fl-Annessi A u Ċ tagħha. Fis-seba' laqgħa tagħha, is-COP iddeċidiet li telenka l-HCBD fl-Anness A tal-Konvenzjoni. Madankollu, is-COP adottat id-deċiżjoni SC-7/11, li permezz tagħha l-POPRC intalab jevalwa aktar l-HCBD fuq il-bażi ta' informazzjoni disponibbli ġdida relattivament għall-elenkar tiegħu fl-Anness C tal-Konvenzjoni u jagħmel rakkomandazzjoni lis-COP dwar l-elenkar tal-HCBD fl-Anness C għal kunsiderazzjoni ulterjuri fit-tmien laqgħa tagħha.

(10)

Il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-HCBD huma pprojbiti fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 850/2004, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 519/2012 (6), iżda jista' jiġi prodott b'mod mhux intenzjonat f'xi attivitajiet industrijali. Tali attivitajiet huma koperti mid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u jirrikjedu l-applikazzjoni ta' ċerti miżuri għall-ġestjoni tal-emissjonijiet. Peress li l-HCBD hu kapaċi għat-trasport ambjentali fuq distanza twila, azzjoni globali fuq ir-rilaxx ta' din is-sustanza tkun iktar ta' benefiċċju għaċ-ċittadin tal-Unjoni mit-teħid waħdu fl-Unjoni tal-miżuri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 850/2004.

(11)

L-aċidu sulfoniku tal-perfluworoottan (PFOS) u d-derivattivi tiegħu huma elenkati fl-Anness B tal-Konvenzjoni b'għadd ta' “skopijiet aċċettabbli”. Is-COP se tintalab tirrivedi l-ħtieġa kontinwata ta' dawk l-iskopijiet aċċettabbli. Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 jipprojbixxi l-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-PFOS iżda jeżenta ċerti użi li għadhom meħtieġa fl-Unjoni. Konsegwentement, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġja t-tħassir tal-iskopijiet aċċettabbli għall-PFOS u d-derivattivi tiegħu li m'għadhomx meħtieġa mill-Partijiet, għajr dawk għal kisjiet fotoreżistenti u antiriflettivi għal semikondutturi, bħala aġent tal-inċiżjoni għal semikondutturi komposti u għal filtri taċ-ċeramika u fil-kisi tal-metall iebes f'sistemi ta' ċirkwit magħluq biss,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fit-tmien laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP) għall-Konvenzjoni ta' Stokkolma għandha tkun, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kumitat għar-Reviżjoni ta' Materjali Organiċi Persistenti li Jniġġsu, li tappoġġja:

l-elenkar tal-etere tad-dekabromodifenil (BDE-209) preżenti fl-etere tad-dekabromodifenil kummerċjali (c-decaBDE) fl-Anness A tal-Konvenzjoni b'eżenzjonijiet speċifiċi' għall-produzzjoni u għall-użu ta' decaBDE fi spare parts għall-industrija tal-karozzi. L-Unjoni għandha tappoġġja dak l-elenkar b'eżenzjonijiet speċifiċi addizzjonali għal inġenji tal-ajru u għal spare parts għal inġenji tal-ajru f'konformità mar-Regolament (UE) 2017/227, kif ukoll għal spare parts għal vetturi agrikoli u forestali u għal ċertu makkinarju, jekk Partijiet oħrajn jew partijiet ikkonċernati implikati direttament ikunu jistgħu juru l-ħtieġa tagħhom;

l-elenkar tal-paraffini klorurati b'katina qasira (SCCPs) fl-Anness A tal-Konvenzjoni;

l-elenkar tal-eżaklorobutadjen (HCBD) fl-Anness C tal-Konvenzjoni;

it-tneħħija tal-'iskopijiet aċċettabbli' li ġejjin mill-entrata dwar l-aċidu sulfoniku tal-perfluworoottan (PFOS) u d-derivattivi tiegħu fl-Anness B tal-Konvenzjoni: photo imaging, fluwidi idrawliċi tal-avjazzjoni, ċerti apparati mediċi (bħall-produzzjoni ta' saffi tal-kapolimeru tat-tetrafluworoetilen tal-etilen (ETFE) u ta' ETFE radjuopak, apparati mediċi dijanjostiċi in vitro, u filtri tal-kulur CCD), foam għat-tifi tan-nar, lixki għall-insetti għall-kontroll ta' nemel li jqattal-weraq, mill-ispeċijiet Atta u Acromyrmex.

2.   Jista' jsir qbil għal raffinament ta' din il-pożizzjoni, fid-dawl ta' żviluppi matul it-tmien laqgħa tas-COP, permezz ta' koordinament fuq il-post.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta' April 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

I. BORG


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE tal-14 ta' Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (ĠU L 209, 31.7.2006, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/227 tad-9 ta' Frar 2017 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-etere tal-bis(pentabromofenil) (ĠU L 35, 10.2.2017, p. 6).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2030 tat-13 ta' Novembru 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pollutanti organiċi persistenti fir-rigward tal-Anness I (ĠU L 298, 14.11.2015, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 519/2012 tad-19 ta' Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pollutanti organiċi persistenti fir-rigward tal-Anness I (ĠU L 159, 20.6.2012, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).


Top