Help Print this page 

Document 32017D0179

Title and reference
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/179 tal-1 ta' Frar 2017 li tistabbilixxi l-arranġamenti proċedurali meħtieġa għall-funzjonament tal-Grupp ta' Kooperazzjoni skont l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni

C/2017/0438
  • In force
OJ L 28, 2.2.2017, p. 73–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/179/oj
Languages, formats and link to OJ
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html HR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
PDF pdf BG pdf ES pdf CS pdf DA pdf DE pdf ET pdf EL pdf EN pdf FR pdf HR pdf IT pdf LV pdf LT pdf HU pdf MT pdf NL pdf PL pdf PT pdf RO pdf SK pdf SL pdf FI pdf SV
Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal
 To see if this document has been published in an e-OJ with legal value, click on the icon above (For OJs published before 1st July 2013, only the paper version has legal value).
Multilingual display
Text

2.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 28/73


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/179

tal-1 ta' Frar 2017

li tistabbilixxi l-arranġamenti proċedurali meħtieġa għall-funzjonament tal-Grupp ta' Kooperazzjoni skont l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(5) tagħha,

Billi:

(1)

Kooperazzjoni strateġika bejn l-Istati Membri u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni, l-esperjenza u l-aħjar prattika dwar is-sigurtà tas-sistemi tan-netwerks u tal-informazzjoni hija essenzjali għal rispons effettiv għall-isfidi ta' inċidenti u riskji relatati mas-sigurtà ta' dawn is-sistemi fl-Unjoni.

(2)

Sabiex jappoġġa u jiffaċilita l-kooperazzjoni strateġika u l-iskambju ta' informazzjoni fost l-Istati Membri u sabiex tinbena fiduċja bejniethom, l-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2016/1148, jistabbilixxi grupp ta' kooperazzjoni magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni

(3)

Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2016/1148, il-Grupp ta' Kooperazzjoni għandu jwettaq il-kompiti tiegħu abbażi ta' programmi ta' ħidma biennali, li l-ewwel wieħed minnhom għandu jkun stabbilit sad-9 ta' Frar 2018. Fost il-kompiti tiegħu, il-Grupp ta' Kooperazzjoni għandu jipprovdi gwida strateġika għall-attivitajiet tal-Iskwadri ta' Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters, għandu jiskambja informazzjoni u l-aħjar prattika, u jiddiskuti il-kapaċitajiet u l-istat ta' tħejjija tal-Istati Membri. Il-Grupp ta' Kooperazzjoni huwa wkoll meħtieġ iħejji sad-9 ta' Awwissu 2018 u kull sena u nofs wara, rapport li janalizza l-esperjenza miksuba mill-kooperazzjoni strateġika mwettqa skont dan l-Artikolu.

(4)

Skont l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva (UE) 2016/1148 għall-perjodu mid-9 ta' Frar 2017 sad-9 ta' Novembru 2018 u biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri sabiex jieħdu approċċ konsistenti fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' operaturi ta' servizzi essenzjali, il-Grupp ta' Kooperazzjoni għandu jiddiskuti l-proċess, is-sustanza u t-tip ta' miżuri nazzjonali li jippermettu l-identifikazzjoni ta' operaturi ta' servizzi essenzjali f'settur speċifiku. Il-Grupp ta' Kooperazzjoni għandu jiddiskuti wkoll, wara talba ta' Stat Membru, abbozz ta' miżuri nazzjonali speċifiċi ta' dak l-Istat Membru rigward l-identifikazzjoni ta' operaturi ta' servizzi essenzjali f'settur speċifiku.

(5)

Skont l-Artikolu 14(7) tad-Direttiva (UE) 2016/1148 l-awtoritajiet kompetenti li jaġixxu flimkien fi ħdan il-Grupp ta' Kooperazzjoni jistgħu jfasslu u jadottaw linji gwida dwar iċ-ċirkostanzi li fihom l-operaturi ta' servizzi essenzjali huma mitluba jinnotifikaw inċidenti, inklużi l-parametri li jiddeterminaw il-kobor tal-impatt ta' inċident.

(6)

Skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva (UE) 2016/1148 il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-segretarjat tal-Grupp ta' Kooperazzjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi wkoll appoġġ segretarjali għas-sottogrupp maħluq skont din id-Deċiżjoni.

(7)

Il-Group ta' Kooperazzjoni għandu jiġi ppresedut minn rappreżentant tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-President għandu jkun megħjun fil-qadi ta' dmirijietu minn rappreżentanti ta l-Istati Membru li jkollhom il-Presidenza preċedenti kif ukoll dik suċċessiva tal-Kunsill tal-Unjoni. Il-President jista' jispeċifika l-kompiti li fir-rigward tagħhom dik l-għajnuna tista' tkun meħtieġa. F'każ li Stat Membru li għandu l-Presidenza tal-Kunsill se jżomm lura milli jippresiedi l-Grupp, għandu jiġi elett president supplenti b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tal-Grupp.

(8)

Il-ħidma tal-President għandha tkun irregolata mill-prinċipji tal-inklużjoni, tal-impenn, tar-rispett għad-diversità u tal-bini ta' kunsens. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-President tal-Grupp ta' Kooperazzjoni jiffaċilita l-impenn tal-membri kollha, li jippermetti diversità fl-opinjonijiet u l-pożizzjonijiet espressi u jipprova jagħmel ħiltu biex isib soluzzjonijiet li jgawdu l-akbar appoġġ possibbli fi ħdan il-Grupp ta' Kooperazzjoni.

(9)

Skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva (UE) 2016/1148, il-Grupp ta' Kooperazzjoni jista', fejn xieraq, jistieden rappreżentanti ta' partijiet ikkonċernati rilevanti biex jattendu l-laqgħat tal-grupp. Sabiex jiġi żgurat li mill-ewwel jum tal-adeżjoni l-pajjiżi aderenti jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2016/1148, xieraq li r-rappreżentanti ta' dawn il-pajjiżi jkunu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Grupp ta' Kooperazzjoni mid-data tal-iffirmar tat-Trattat tal-Adeżjoni. Id-deċiżjoni li jiġu mistiedna rappreżentanti ta' partijiet ikkonċernati jew esperti biex jattendu laqgħa jew parti partikolari minn laqgħa tal-Grupp ta' Kooperazzjoni għandha tittieħed mill-President, ħlief jekk b'maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti, il-grupp jopponi l-parteċipazzjoni tar-rappreżentant jew tal-espert ikkonċernat fil-laqgħa jew f'parti minnha.

(10)

Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva (UE) 2016/1148, l-Unjoni tista' tikkonkludi ftehimiet internazzjonali f'konformità mal-Artikolu 218 tat-TFUE ma' pajjiżi terzi jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali li se jippermettu u jorganizzaw il-parteċipazzjoni tagħhom f'xi attivitajiet tal-Grupp ta' Kooperazzjoni.

(11)

Fl-interess tal-effiċjenza, il-Grupp ta' Kooperazzjoni għandu jkollu l-possibilità li joħoloq sottogruppi.

(12)

Fl-interess tas-simplifikazzjoni, il-Grupp ta' Kooperazzjoni għandu jadotta regoli aktar dettaljati tal-proċedura, li jirrigwardaw b'mod partikolari, il-modalitajiet tad-distribuzzjoni ta' dokumentazzjoni, il-proċedura bil-miktub jew it-tfassil ta' sommarju tal-minuti tal-laqgħat.

(13)

Fil-prinċipju, id-diskussjonijiet tal-Grupp ma għandhomx ikunu miftuħa għall-pubbliku għaliex l-żvelar tagħhom jista' jkollu implikazzjonijiet negattivi fuq il-fiduċja u l-bini ta' fiduċja bejn il-membri, minħabba l-fatt li sikwit il-kwistjoni diskussa tikkonċerna s-sigurtà pubblika. Madankollu, il-Grupp jista' jiddeċiedi, bil-qbil tal-President li jiftaħ id-diskussjoni tiegħu dwar ċerti kwistjonijiet lill-pubbliku u anke li jiffaċilita l-żvelar pubbliku ta' dokumentazzjoni xierqa.

(14)

Bil-għan li jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-Grupp mill-jum imsemmi fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva (UE) 2016/1148, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(15)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2016/1148,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għan

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-arranġamenti proċedurali meħtieġa għall-funzjonament tal-Grupp ta' Kooperazzjoni (il-“Grupp”) stabbilit bl-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2016/1148.

Artikolu 2

Il-president tal-grupp

1.   Il-Grupp għandu jiġi ppresedut mir-rappreżentant tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-President għandu jkun megħjun fit-twettiq ta' dmirijietu minn rappreżentanti tal-Istati Membri li jkollhom l-Presidenza preċedenti u suċċessiva tal-Kunsill tal-Unjoni.

2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1 u wara talba minn rappreżentant tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, f'każ li Stat Membru se jżomm lura milli jippresiedi l-laqgħat tal-Grupp, il-Grupp jista' jiddeċiedi b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri komponenti tiegħu li jeleġġi l-president supplenti minn fost l-Istati Membri sakemm il-President li jmiss jieħu postu skont il-paragrafu 1.

Artikolu 3

Is-sejħa għal-laqgħat

1.   Il-laqgħat tal-Grupp għandhom jissejħu mill-president, fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara talba ta' maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Il-President għandu jipprovdi skeda indikattiva tal-laqgħat matul il-mandat tiegħu, filwaqt li jqis il-Programm ta' Ħidma tal-Grupp.

2.   Fil-prinċipju, il-laqgħat tal-Grupp għandhom isiru fil-bini tal-Kummissjoni.

Artikolu 4

Il-metodi ta' ħidma

Il-Grupp għandu jwettaq il-ħidma tiegħu b'kombinazzjoni ta' laqgħat f'forma fiżika jew virtwali u bil-proċedura bil-miktub.

Artikolu 5

L-aġenda

1.   Il-President, megħjun mis-segretarjat, għandu jfassal l-aġenda u jibgħatha lill-membri tal-Grupp.

2.   L-aġenda għandha tkun adottata mill-Grupp fil-bidu tal-laqgħa.

Artikolu 6

Ir-regoli tal-votazzjoni u l-pożizzjonijiet espressi mill-membri tal-Grupp

1.   Id-deċiżjonijiet tal-Grupp għandhom jittieħdu b'kunsens, sakemm mhux ipprovdut mod ieħor f'din id-Deċiżjoni.

2.   Meta ssir votazzjoni, il-Membri li vvotaw kontra jew li astjenew għandu jkollhom id-dritt għal sommarju tar-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħhom anness mad-dokument imressaq għall-vot.

3.   Il-Grupp għandu jadotta l-programm ta' ħidma tiegħu b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri komponenti tiegħu.

Artikolu 7

Il-partijiet terzi u l-esperti

1.   Ir-rappreżentanti ta' pajjiżi aderenti għandhom jiġu mistednin jattendu l-laqgħat tal-Grupp mid-data tal-iffirmar tat-Trattat tal-adeżjoni.

2.   Il-President jista' jiddeċiedi li jistieden rappreżentanti ta' partijiet ikkonċernati rilevanti jew esperti sabiex jipparteċipaw f'laqgħa tal-Grupp, jew f'parti minn laqgħa tal-Grupp, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jew wara talba ta' xi membru tal-Grupp. Madankollu, maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tal-Grupp tista' topponi tali parteċipazzjoni.

3.   Ir-rappreżentanti ta' partijiet terzi, il-partijiet ikkonċernati rilevanti u l-esperti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 la għandhom ikunu preżenti u lanqas ma għandhom jipparteċipaw waqt il-votazzjonijiet tal-Grupp.

Artikolu 8

Il-ħolqien ta' sottogruppi

1.   Il-Grupp jista' jwaqqaf sottogruppi biex jeżamina kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-ħidma tiegħu.

2.   Il-Grupp għandu jiddefinixxi t-termini ta' referenza tas-sottogruppi. Sottogrupp għandu jirrapporta lill-Grupp u ma għandux jibqa' jeżisti ladarba jkun issodisfa l-mandat tiegħu.

3.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ segretarjali għal kull sottogrupp imsemmi fil-paragrafu 1.

4.   Ir-regoli dwar l-aċċess għal dokumenti u dwar il-kunfidenzjalità msemmija fl-Artikolu 10, ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali msemmija fl-Artikolu 11 u r-regoli dwar l-ispejjeż tal-laqgħat imsemmija fl-Artikolu 12 għandhom japplikaw għas-sottogruppi.

Artikolu 9

Ir-regoli ta' proċeduri

1.   Il-grupp għandu jadotta, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri komponenti tiegħu, ir-regoli ta' proċedura tiegħu.

2.   Il-President jista' jipproponi wara talba minn membru tal-grupp jew fuq inizjattiva tiegħu stess, emendi għar-regoli ta' proċedura.

Artikolu 10

L-aċċess għad-dokumenti u l-kunfidenzjalità

1.   It-talbiet indirizzati lill-Grupp għal aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw l-attivitajiet tiegħu għandhom jiġu ttrattati mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

2.   Id-diskussjonijiet tal-Grupp ma għandhomx ikunu miftuħa għall-pubbliku. Bi qbil mal-President, il-Grupp jista' jiddeċiedi, għal ċerti suġġetti, li jiftaħ id-diskussjonijiet tiegħu għall-pubbliku.

3.   Id-dokumenti mibgħuta lill-membri tal-Grupp, lir-rappreżentanti ta' partijiet terzi u lill-esperti ma għandhomx jiġu żvelati lill-pubbliku, sakemm ma jingħatax aċċess għalihom skont il-paragrafu 1 jew sakemm dawn ma jinfetħux għall-pubbliku b'mod ieħor mill-Kummissjoni.

4.   Ir-regola tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-Unjoni stabbilita fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (3) u (UE, Euratom) 2015/444 (4) għandha tapplika għal kwalunkwe tali informazzjoni riċevuta, maħluqa jew trattata mill-Grupp. Informazzjoni trattata mill-Grupp li hija koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali għandha tkun protetta kif dovut.

5.   Il-membri tal-Grupp, kif ukoll ir-rappreżentanti ta' partijiet terzi, għandhom ikunu mitlubin jirrispettaw l-obbligi tal-kunfidenzjalità preskritti f'dan l-Artikolu. Il-president għandu/għandha jiżgura/tiżgura li r-rappreżentanti ta' partijiet terzi jkunu jafu bir-rekwiżiti dwar il-kunfidenzjalità imposti fuqhom.

Artikolu 11

Il-protezzjoni ta' dejta personali

L-ipproċessar ta' dejta personali mill-Uffiċċju għandu jkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

Artikolu 12

L-ispejjeż tal-laqgħat

1.   Il-Kummissjoni ma għandhiex tħallas lil dawk involuti fl-attivitajiet tal-Grupp għas-servizzi tagħhom.

2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar imġarrba mill-parteċipanti fil-laqgħat tal-Grupp jistgħu jiġu rrimborżati mill-Kummissjoni. Ir-rimborż għandu jsir f'konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati lis-servizzi tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 13

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


Top