Help Print this page 

Document 32016R2286

Title and reference
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 tal-15 ta' Diċembru 2016 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta' politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta' dik il-valutazzjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE )

C/2016/8784

OJ L 344, 17.12.2016, p. 46–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/2286/oj
Languages, formats and link to OJ
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html HR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
PDF pdf BG pdf ES pdf CS pdf DA pdf DE pdf ET pdf EL pdf EN pdf FR pdf HR pdf IT pdf LV pdf LT pdf HU pdf MT pdf NL pdf PL pdf PT pdf RO pdf SK pdf SL pdf FI pdf SV
Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal
 To see if this document has been published in an e-OJ with legal value, click on the icon above (For OJs published before 1st July 2013, only the paper version has legal value).
Multilingual display
Text

17.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 344/46


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2286

tal-15 ta' Diċembru 2016

li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta' politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta' dik il-valutazzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6d(1) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Korp tar-Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjoni Elettronika (il-BEREC),

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-fornituri tar-roaming ma għandhom jimponu l-ebda ħlas supplimentari addizzjonali mal-prezz bl-imnut domestiku fuq il-klijenti tar-roaming fl-Istati Membri għas-sejħiet tar-roaming regolati magħmulin jew riċevuti, għall-messaġġi SMS tar-roaming regolati mibgħutin jew għas-servizzi regolati tar-roaming tad-dejta użati, inkluż il-messaġġi MMS, soġġett għal “politika tal-użu ġust”. Din id-dispożizzjoni tapplika mill-15 ta' Ġunju 2017, sakemm l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat flimkien mal-proposta dwar is-suq tar-roaming bl-ingrossa msemmija fl-Artikolu 19(2) ta' dak ir-Regolament, ikun beda japplika minn dik id-data.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 jipprevedi li f'ċirkostanzi speċifiċi u eċċezzjonali, fornitur tar-roaming jista' jressaq applikazzjoni lill-awtorità regolatorja nazzjonali tiegħu għal awtorizzazzjoni biex japplika ħlas supplimentari fuq il-klijenti tar-roaming tiegħu. Ma' din l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għandu jingħata t-tagħrif kollu meħtieġ biex jintwera li, fin-nuqqas ta' ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut, il-fornitur ma jkunx jista' jkopri l-ispejjeż tal-provvista tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut, b'mod li tiddgħajjef is-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu.

(3)

Biex madwar l-Unjoni tkun żgurata applikazzjoni konsistenti ta' kull politika li jkollha l-għan li tipprevjeni l-użu abbużiv jew anomalu tas-servizzi tar-roaming (“politika tal-użu ġust”) u tal-awtorizzazzjonijiet biex jiġi applikat ħlas supplimentari, hu meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta' din il-politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta' dik il-valutazzjoni.

(4)

B'konformità mar-Regolament (UE) Nru 531/2012, politika tal-użu ġust għandha l-għan li tipprevjeni l-użu abbużiv jew anomalu mill-klijenti tar-roaming tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut bil-prezz domestiku applikabbli, bħall-użu ta' servizzi bħal dawn għal finijiet oħra minbarra l-ivvjaġġar perjodiku, bħal pereżempju l-użu ta' servizzi bħal dawn fuq bażi permanenti. Il-miżuri ta' implimentazzjoni għandhom jiżguraw li l-possibbiltà li tiġi applikata politika tal-użu ġust tar-roaming biex jintlaħaq dan l-objettiv ma tiġix sfruttata mill-fornituri tar-roaming għal finijiet oħra, għad-detriment tal-klijenti tar-roaming impenjati fi kwalunkwe forma ta' vjaġġar perjodiku.

(5)

Jekk fl-Unjoni jitneħħew il-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut, l-istess kundizzjonijiet tariffarji jkunu japplikaw għall-użu tas-servizzi mobbli waqt ir-roaming fl-Unjoni, kemm fil-pajjiż tal-abbonament tal-mowbajl tal-klijent kif ukoll 'il barra minnu. Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 għandu l-għan li jelimina d-differenzi bejn il-prezzijiet domestiċi u dawk tar-roaming waqt l-ivvjaġġar perjodiku fl-Unjoni, u hekk isir possibbli l-“uża r-roaming qisek qiegħed pajjiżek” (“roaming like at home”). Madankollu, dawn ir-regoli mhumiex maħsuba biex jippermettu roaming permanenti fl-Unjoni, jiġifieri meta klijent fi Stat Membru bi prezzijiet domestiċi mobbli ogħla jixtri servizzi mingħand operaturi stabbiliti fi Stati Membri bi prezzijiet domestiċi mobbli orħos, u fi Stati Membri fejn normalment il-klijent ma jkunx residenti u ma jkollux rabtiet stabbli oħra bi preżenza frekwenti u sostanzjali fit-territorju tagħhom, bil-ħsieb li juża r-roaming b'mod permanenti fl-ewwel Stat Membru.

(6)

L-użu tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut bil-prezz domestiku applikabbli fuq bażi permanenti għal finijiet oħra minbarra l-ivvjaġġar perjodiku, x'aktarx li jfixkel il-kompetizzjoni, jagħmel pressjoni biex jiżdiedu l-prezzijiet domestiċi fis-swieq domestiċi u jpoġġi f'riskju l-inċentivi tal-investiment fis-swieq domestiċi u fis-swieq miżjura. Fis-suq miżjur, l-operaturi miżjura jkollhom jikkompetu direttament mal-fornituri tas-servizzi domestiċi ta' Stati Membri oħra, meta l-prezzijiet, l-ispejjeż, il-kundizzjonijiet regolatorji u kompetittivi jaf ikunu differenti ħafna, u abbażi ta' kundizzjonijiet tar-roaming bl-ingrossa stabbiliti qrib l-ispiża għall-uniku fini li jiffaċilitaw ir-roaming perjodiku. Għall-operatur domestiku, l-użu permanenti tat-tariffi domestiċi bir-roaming jaf iwassal għal ċaħda jew restrizzjoni tas-servizzi tar-roaming bl-ingrossa mill-operaturi miżjura, jew il-forniment mill-operatur domestiku ta' volumi domestiċi ristretti jew l-applikazzjoni ta' prezzijiet domestiċi ogħla, b'effetti konsegwenzjali fuq l-abbiltà tal-operatur domestiku li jaqdi lill-klijenti domestiċi normali tiegħu f'pajjiżu u 'l barra minn pajjiżu.

(7)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ta' implimentazzjoni bbażati fuq prinċipji ċari u ta' applikazzjoni ġenerali li jkunu jistgħu jinkludu l-bosta mudelli diversi ta' vjaġġar perjodiku mill-klijenti tar-roaming, sabiex jiġi żgurat li dik il-politika tal-użu ġust ma tkunx ostaklu għat-tgawdija sħiħa tal-“uża r-roaming qisek qiegħed pajjiżek” minn dawk il-klijenti. Għall-finijiet ta' politika tal-użu ġust li għandha tiġi applikata minn fornitur tar-roaming, normalment il-klijent għandu jitqies li jkun qed jivvjaġġa b'mod perjodiku fl-Unjoni u 'l barra minn pajjiżu meta dak il-klijent normalment ikun residenti fl-Istat Membru tal-fornitur tar-roaming jew meta jkollu rabtiet stabbli ma' dak l-Istat Membru bi preżenza frekwenti u sostanzjali fit-territorju tiegħu, u jkun jikkonsma servizzi regolati tar-roaming bl-imnut f'xi Stat Membru ieħor.

(8)

Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 jipprevedi li b'politika tal-użu ġust, il-klijenti tal-fornitur tar-roaming għandhom ikunu jistgħu jikkonsmaw volumi ta' servizzi regolati tar-roaming bl-imnut bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut li huma konsistenti mal-pjanijiet tat-tariffi domestiċi rispettivi tagħhom.

(9)

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-fornituri tar-roaming joffru, u li l-klijenti tar-roaming deliberatament jagħżlu, tariffi tar-roaming alternattivi skont l-Artikolu 6e(3) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, li jistgħu jinkludu l-użu ta' kundizzjonijiet kuntrattwali li ma jaqgħux taħt politika tal-użu ġust stabbilita skont dan ir-Regolament.

(10)

Sabiex ikun żgurat li s-servizzi tar-roaming bl-imnut ma jkunux soġġetti għal użu abbużiv jew anomalu mhux relatat mal-ivvjaġġar perjodiku 'l barra mill-Istat Membru ta' residenza tal-klijent jew mill-Istat Membru li l-klijent ikollu rabtiet stabbli miegħu bi preżenza frekwenti u sostanzjali fit-territorju tiegħu, il-fornituri tar-roaming jaf ikunu jeħtieġu jistabbilixxu l-post ta' residenza normali tal-klijenti tar-roaming tagħhom jew l-eżistenza ta' rabtiet stabbli bħal dawn. Filwaqt li jqis il-forom ta' prova li s-soltu jintużaw fl-Istati Membri rispettivi u l-livell tar-riskju ta' użu abbużiv jew anomalu, il-fornitur tar-roaming għandu jkun jista' jispeċifika l-evidenza raġonevoli tal-post ta' residenza li għandha tingħata, bis-superviżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali fejn jidħlu l-proporzjonalità tal-piż dokumentarju ġenerali u l-adegwatezza tiegħu fil-kuntest nazzjonali. Evidenza bħal din, fir-rigward ta' utenti individwali, tista' tinkludi dikjarazzjoni mill-klijent, il-preżentazzjoni ta' dokument validu li jikkonferma l-Istat Membru ta' residenza tal-klijent, speċifikazzjoni tal-indirizz postali jew l-indirizz fejn jintbagħat il-kont tal-klijent għal servizzi oħra pprovduti fl-Istat Membru fornitur tar-roaming, dikjarazzjoni mingħand istituzzjoni tal-edukazzjoni terzjarja fuq reġistrazzjoni għal korsijiet full-time, prova ta' reġistrazzjoni fuq reġistru elettorali lokali jew ta' ħlas ta' taxxi lokali/fuq kull ras. Fil-każ tal-klijenti tan-negozju, evidenza bħal dik tista' tinkludi dokumentazzjoni dwar il-post tal-inkorporazzjoni jew tal-istabbiliment tal-entità korporattiva, il-post tal-prestazzjoni effettiva tal-attività ekonomika ewlenija tagħha, jew il-post ewlieni fejn l-impjegati identifikati li jużaw SIMcard partikolari jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom. Rabtiet stabbli ma' Stat Membru li jinvolvu preżenza frekwenti u sostanzjali fit-territorju tiegħu jistgħu jirriżultaw minn relazzjoni ta' impjieg sostenibbli u full-time, inkluż dik tal-ħaddiema transfruntiera; relazzjonijiet kuntrattwali fit-tul li jinvolvu grad simili ta' preżenza fiżika ta' persuna li taħdem għal rasha, il-parteċipazzjoni f'korsijiet ta' studju full-time rikorrenti; jew minn sitwazzjonijiet oħra, bħal dawk ta' ħaddiema ssekondati jew ta' persuni rtirati, kull meta dawn jinvolvu l-istess livell ta' preżenza territorjali.

(11)

Il-fornituri tar-roaming għandhom jillimitaw l-applikazzjonijiet għas-sottomissjoni ta' evidenza ta' residenza normali jew ta' rabtiet stabbli oħra li jinvolvu preżenza frekwenti u sostanzjali fit-territorju tiegħu wara l-konklużjoni ta' kuntratt partikolari strettament għas-sitwazzjonijiet meta d-dejta li trid tinġabar għal skopijiet ta' fatturazzjoni jidher li tkun tipprovdi indikazzjonijiet ta' użu abbużiv jew anomalu mhux relatati mal-ivvjaġġar perjodiku. L-evidenza mitluba għandha tkopri biss dak li hu strettament meħtieġ u proporzjonat biex tiġi kkonfermata r-rabta tal-klijent mal-Istat Membru tal-fornitur tar-roaming. L-ebda rekwiżit ta' dokumentazzjoni ma għandu jkun impost fuq il-klijenti biex isostnu l-konformità mal-kundizzjonijiet għal politika tal-użu ġust mingħajr tali raġunijiet. B'mod partikolari, ma għandux ikun hemm rekwiżit għas-sottomissjoni rikorrenti ta' tali dokumentazzjoni li ma tkunx relatata ma' valutazzjoni bbażata fuq ir-riskju tal-probabbiltà ta' użu abbużiv jew anomalu.

(12)

Biex il-klijenti jkunu jistgħu jikkonsmaw volumi ta' servizzi regolati tar-roaming bl-imnut bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut li jkun konsistenti mal-pjanijiet tat-tariffi domestiċi rispettivi tagħhom, il-fornitur tar-roaming, bħala regola ġenerali, ma għandu jimponi l-ebda limitu fuq il-volumi tas-servizzi mobbli disponibbli lill-klijenti tar-roaming għajr għal-limitu domestiku, meta dak il-klijent ikun qed jivvjaġġa b'mod perjodiku fl-Unjoni. Dawn il-limiti nazzjonali għandhom jinkludu politika tal-użu ġust applikabbli fir-rigward tal-użu domestiku tal-pjan tariffarju.

(13)

F'ċerti pjanijiet tariffarji domestiċi, deskritti minn hawn 'il quddiem bħala pakketti ta' dejta miftuħa, il-konsum tad-dejta jista' jkun bla limitu jew jista' jipprovdi volumi ta' dejta bi prezz domestiku impliċitu għal kull unità baxx meta mqabbel mal-ħlas tar-roaming bl-ingrossa regolat massimu msemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012. Fin-nuqqas ta' salvagwardji speċifiċi għal volumi eċċezzjonali għal dawn il-pakketti ta' dejta miftuħa, huwa aktar probabbli li dawn il-pjanijiet tariffarji, u mhux il-pjanijiet tariffarji oħra, ikunu soġġetti għal bejgħ mill-ġdid organizzat lil persuni mhux residenti jew li ma jkollhomx rabtiet stabbli li jinvolvu preżenza frekwenti u sostanzjali fl-Istat Membru tal-fornitur tar-roaming. Barra minn hekk, tali użu anomalu jew abbużiv ta' pakketti ta' dejta miftuħa waqt ir-roaming jista' jwassal għall-għajbien ta' dawn il-pjanijiet tariffarji mis-swieq domestiċi, jew għar-restrizzjoni tar-roaming b'dawn il-pjanijiet tariffarji, għad-detriment tal-utenti domestiċi, u li jmur kontra l-objettiv tar-Regolament (UE) Nru 531/2012. Dan ir-riskju huwa konsiderevolment inqas akut għal servizzi ta' telefonati bil-vuċi u ta' SMS, peress li dawn is-servizzi huma soġġetti għal limitazzjonijiet fiżiċi jew temporali akbar, u x-xejriet fl-użu attwali kienu stabbli jew naqsu matul l-aħħar snin. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-operaturi li jieħdu miżuri biex jindirizzaw xejriet atipiċi ħafna fl-użu tas-servizzi tar-roaming bil-vuċi jew SMS li jirriżultaw minn attivitajiet frodulenti. Filwaqt li huwa neċessarju li jiġu pprovduti salvagwardji addizzjonali kontra tali riskji akbar ta' użu abbużiv ta' servizzi tar-roaming ta' dejta bl-imnut bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut b'pakketti ta' dejta miftuħa, il-konsumatur domestiku li jivvjaġġa perjodikament fl-Unjoni għandu madankollu jkollu l-possibbiltà li jikkonsma volumi bl-imnut ta' dawn is-servizzi ekwivalenti għad-doppju tal-volumi li jistgħu jinxtraw bil-limitu tar-roaming ta' dejta bl-ingrossa bi prezz ugwali għall-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut ġenerali, eskluż il-VAT, tal-komponent tas-servizzi mobbli tal-pjan tariffarju domestiku għall-perjodu ta' fatturazzjoni kollu inkwistjoni. Dan jirrappreżenta volum li hu konsistenti ma' dak il-pjan tariffarju domestiku, peress li jadatta għall-prezz bl-imnut domestiku tal-pjan tariffarju kkonċernat, u għalhekk jista' jiġi applikat fil-każ ta' pakketti ta' dejta miftuħa, inkluż meta jkun f'pakkett ma' servizzi bl-imnut mobbli oħra. L-applikazzjoni tal-irdoppjar tirrifletti b'mod adegwat li l-operaturi spiss jinnegozjaw prezzijiet tar-roaming ta' dejta bl-ingrossa li jkunu inqas mil-livelli massimi applikabbli, u li l-klijenti spiss ma jikkonsmawx id-dejta kollha allokata lilhom skont il-pjan tariffarju tagħhom. F'dan ir-rigward, it-trasparenza għall-konsumatur tiġi żgurata permezz tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, skont liema Regolament il-fornitur tar-roaming għandu jibgħat avviż lill-klijent tar-roaming meta l-volum applikabbli tal-użu ġust tas-servizzi regolati tar-roaming tad-dejta jkun ġie kkonsmat kollu, fejn jindika il-ħlas supplimentari li jiġi applikat fuq kwalunkwe konsum addizzjonali tas-servizzi regolati tar-roaming tad-dejta mill-klijent tar-roaming.

(14)

Bl-għan li jiġi indirizzat ir-riskju li l-abbonamenti mħallsa minn qabel, li ma jinvolvux impenn fit-tul, jiġu użati għal skopijiet ta' roaming permanenti biss, il-fornitur tar-roaming għandu jkun intitolat, bħala alternattiva għall-eżiġenza tal--għoti ta' evidenza ta' residenza jew ta' rabtiet stabbli li jinvolvu preżenza frekwenti u sostanzjali fit-territorju tal-Istat Membru ta' dak il-fornitur tar-roaming, li jillimita l-użu ta' servizzi tar-roaming ta' dejta bl-imnut bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut b'abbonament imħallas minn qabel għall-volumi li jistgħu jinxtraw bil-limitu tar-roaming ta' dejta bl-ingrossa bl-ammont monetarju li jifdal, eskluż il-VAT, disponibbli f'dak l-abbonament imħallas minn qabel fil-mument tal-konsum tar-roaming.

(15)

Il-fornitur tar-roaming għandu jkun jista' jieħu miżuri biex jikxef u jipprevjeni l-użu abbużiv jew anomalu mis-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut bil-prezzijiet domestiċi, għal finijiet oħra minbarra l-ivvjaġġar perjodiku. Fl-istess ħin, il-klijenti tar-roaming għandhom ikunu protetti minn kwalunkwe miżura li tista' taffettwa b'xi mod il-kapaċità tagħhom li jużaw servizzi regolati tar-roaming bl-imnut bil-prezzijiet domestiċi waqt li jkunu qed jivvjaġġaw perjodikament fl-Unjoni, barra minn pajjiżhom. Il-miżuri biex jikxfu u jipprevjenu l-użu abbużiv jew anomalu tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut bi prezzijiet domestiċi għandhom ikunu sempliċi u trasparenti, u għandhom jimminimizzaw il-piż amministrattiv għal konsumaturi tar-roaming kif ukoll it-twissijiet eċċessivi u bla ħtieġa. B'konformità mar-rekwiżit ta' residenza jew ta' rabtiet stabbli li jinvolvu preżenza frekwenti u sostanzjali fil-pajjiż tal-fornitur tar-roaming, l-indikaturi li jissostanzjaw il-probabbiltà ta' użu abbużiv jew anomalu għandhom ikunu bbażati fuq indikaturi oġġettivi bbażati fuq xejriet tat-traffiku li jindikaw in-nuqqas ta' preżenza fiżika prevalenti tal-klijent tar-roaming fil-pajjiż tal-fornitur tar-roaming jew ta' użu domestiku prevalenti tas-servizzi mobbli domestiċi. B'definizzjoni, dawn l-indikaturi oġġettivi għandhom jiġu stabbiliti matul ċertu perjodu ta' żmien. Dan il-perjodu għandu jkun twil biżżejjed, mill-inqas erba' xhur, li jippermetti lill-klijenti tar-roaming jikkunsmaw is-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut bi prezzijiet domestiċi meta jkunu f'xi forma ta' vjaġġar perjodiku prevedibbli fl-Unjoni. L-indikaturi tal-preżenza fil-pajjiż tal-fornitur tar-roaming m'għandhomx jiġu affettwati b'mod negattiv minn roaming involontarju f'reġjuni fuq il-fruntiera. F'dan ir-rigward, is-sitwazzjoni tal-klijenti tar-roaming involantarju u dik tal-ħaddiema transfruntiera għandha tittieħed inkunsiderazzjoni billi jitqies li l-illoggjar man-netwerk tal-fornitur tar-roaming fi kwalunkwe punt f'jum speċifiku jindika jum ta' preżenza domestika għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-indikaturi oġġettivi. F'konformità mar-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-fornituri tar-roaming għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni adegwata sabiex il-klijenti tagħhom ikunu jistgħu jevitaw fil-ħin l-okkorrenzi ta' roaming involontarju. Il-preżenza u l-konsum 'l barra mill-Unjoni m'għandhomx jaffettwaw b'mod negattiv il-kapaċità tal-klijent tar-roaming li jgawdi mill-“uża r-roaming qisek qiegħed f'pajjiżek” fl-Unjoni, peress li dawn ma jistgħux jitqiesu bħala indikaturi tar-riskju li l-klijent ikun qed japprofitta mir-roaming bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut fl-Istat Membru tal-fornitur tar-roaming għal finijiet oħra minbarra l-ivvjaġġar perjodiku fl-Unjoni. F'dan ir-rigward, dawn il-preżenza u konsum għandhom jitqiesu bħala ta' natura domestika għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-indikaturi oġġettivi. Il-fornitur tar-roaming jista' joqgħod ukoll fuq kwalunkwe evidenza ċara oħra ta' użu abbużiv jew anomalu ta' servizzi regolati tar-roaming bl-imnut bi prezzijiet domestiċi, bħal xi abbonament li bilkemm jintuża fl-Istat Membru tal-fornitur tar-roaming iżda jintuża l-aktar waqt ir-roaming, jew meta diversi abbonamenti jintużaw sekwenzjalment mill-istess klijent waqt li jkun roaming.

(16)

B'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 li jissalvagwardjaw it-trasparenza fl-użu tas-servizzi tar-roaming u bi qbil mar-regoli dwar il-kuntratti fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, il-klawżoli kuntrattwali li jipprevedu politika tal-użu ġust għandhom jiġu kkomunikati b'mod ċar lill-klijenti qabel ma dawn jidħlu fis-seħħ. Il-politiki tal-użu ġust applikati minn fornitur tar-roaming skont dan ir-Regolament għandhom jiġu notifikati mill-fornitur tar-roaming lill-awtorità regolatorja nazzjonali,

(17)

L-ipproċessar tad-dejta dwar it-traffiku u l-lok hu soġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). B'mod partikolari, l-Artikolu 6 jippermetti lill-fornitur tar-roaming li jipproċessa d-dejta dwar it-traffiku li tkun meħtieġa biex isiru l-kontijiet tal-abbonati jew il-ħlasijiet tal-interkonnessjoni. L-applikazzjoni ta' miżuri mill-fornitur tar-roaming biex jikxfu u jipprevjenu l-użu abbużiv jew anomalu tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut bi prezzijiet domestiċi ma għandhiex twassal għall-ħażna u l-ipproċessar awtomatizzat tad-dejta tal-klijenti identifikabbli personalment, inkluż id-dejta dwar it-traffiku u l-lok, li mhix relatata jew proporzjonata mal-għan tal-kxif u l-prevenzjoni tal-użu abbużiv jew anomalu.

(18)

B'mod partikolari, il-fornitur tar-roaming għandu jkun kapaċi jikxef u jipprevjeni li, bi ksur tal-kundizzjonijiet kuntrattwali fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa jew bl-imnut, partijiet terzi jisfruttaw it-traffiku tal-“uża r-roaming qisek qiegħed pajjiżek” għall-arbitraġġ tal-prezzijiet biex jiksbu vantaġġ ekonomiku bil-bejgħ lil klijenti li normalment mhumiex residenti jew ma għandhomx rabtiet stabbli mal-Istat Membru tal-fornitur tar-roaming. Meta l-operatur jistabbilixxi, b'evidenza oġġettiva u sostanzjata, dan l-abbuż sistematiku tal-attività, l-operatur għandu jinnotifika lill-awtorità regolatorja nazzjonali l-elementi li jikkaratterizzaw l-abbuż sistematiku u l-miżuri meħuda biex tkun żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet kollha tal-kuntratt sottostanti sa mhux aktar tard minn meta tittieħed il-miżura.

(19)

F'każijiet speċifiċi, meta l-operatur ikollu evidenza sostanzjata tax-xejriet tal-użu ta' klijent tar-roaming partikolari li juru probabbiltà ta' konsum abbużiv jew anomalu tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut fil-livelli domestiċi tal-prezzijiet għal finijiet oħra minbarra l-ivvjaġġar perjodiku, minkejja l-evidenza dokumentarja ta' residenza jew ta' rabtiet stabbli mogħtija minn dak il-klijent, dan għandu javża lill-klijenti bir-riskju ta' attivazzjoni ta' ħlas supplimentari tar-roaming. Il-kriterji oġġettivi li jistgħu jintużaw bħala indikaturi li jissostanzjaw il-probabbiltà ta' użu abbużiv jew anomalu għandhom jiġu ddefiniti minn qabel fil-kuntratt.

(20)

Il-possibbiltà għall-fornitur tar-roaming li japplika ħlasijiet addizzjonali hija mingħajr preġudizzju għal xi miżuri proporzjonati li jistgħu jittieħdu, skont il-liġi nazzjonali b'konformità mal-liġi tal-Unjoni, fil-każ li l-klijent ikun ipprovda attivament tagħrif mhux preċiż, ħalli tkun żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet kollha tal-kuntratt sottostanti.

(21)

Il-fornituri tar-roaming li japplikaw politika tal-użu ġust għandhom jistabbilixxu proċeduri trasparenti, sempliċi u effiċjenti biex jindirizzaw l-ilmenti tal-klijenti b'rabta mal-applikazzjoni ta' dik il-politika. B'konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, f'kull każ, il-klijenti tar-roaming għandu jkollhom aċċess għall-korp kompetenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti, li għandu jsolvi t-tilwim pendenti b'mod ġust u malajr bejn il-klijenti u l-fornituri tar-roaming li ġġib magħha l-applikazzjoni ta' politika tal-użu ġust b'konformità mal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(22)

B'konformità mar-Regolament (UE) Nru 531/2012, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iwettqu monitoraġġ u jissorveljaw strettament l-applikazzjoni tal-politika tal-użu ġust biex ikun żgurat li kull politika tal-użu ġust applikata mill-fornituri domestiċi ma xxekkilx id-disponibbiltà tal-“uża r-roaming qisek qiegħed pajjiżek” għall-klijenti. Jekk l-awtorità regolatorja nazzjonali ssib li nkisru l-obbligi stabbiliti bir-Regolament dwar ir-roaming, l-awtorità nazzjonali għandha s-setgħa biex teżiġi l-waqfien minnufih ta' dan il-ksur.

(23)

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u għall-obbligi eżistenti bil-liġi tal-Unjoni, jew bil-liġi nazzjonali b'konformità mal-liġi tal-Unjoni. Dan jinkludi b'mod partikolari d-dritt tal-utenti finali li jużaw netwerks u servizzi mobbli tal-komunikazzjoni elettronika f'xi Stat Membru irrispettivament min-nazzjonalità jew mill-post tar-residenza tagħhom fl-Unjoni; ir-regoli nazzjonali li jeżiġu prova tal-identità jew evidenza dokumentarja oħra biex tinkiseb SIMcard jew inkella għall-abbonament ma' dawn in-netwerks jew dawn is-servizzi; kull miżura nazzjonali b'rabta mal-kontinwità tas-servizz jew mal-kreditu mħallas minn qabel b'numru jew SIMcard partikolari. u d-dritt tal-fornituri tas-servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi li japplikaw miżuri adegwati f'konformità mal-liġi nazzjonali sabiex jikkombattu l-frodi.

(24)

Billi x-xejriet fl-użu tar-roaming ivarjaw matul is-sena, l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari għar-roaming li jippreżentaw il-fornituri tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tagħhom, għandhom jiġu vvalutati abbażi tad-dejta dwar it-traffiku li tkopri mill-inqas 12-il xahar. Sabiex jiġi kkalkulat il-volum tat-traffiku matul is-sena, għandu jkun possibbli li l-fornitur tar-roaming juri l-projezzjonijiet tat-traffiku. Dawn il-projezzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq dejta attwali bħad-dejta attwali dwar l-użu tar-roaming, l-estrapolazzjonijiet ta' użu domestiku attwali għall-użu tar-roaming, l-estrapolazzjonijiet ta' użu attwali tar-roaming ta' subsett sinifikanti ta' klijenti tar-roaming li jużaw pjanijiet tariffarji tal-“uża r-roaming qisek qiegħed pajjiżek” għall-klijenti tar-roaming kollha skont ir-regoli tal-“uża r-roaming qisek qiegħed pajjiżek”, b'konformità mal-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) Nru 531/2012. Meta jiġu rieżaminati l-applikazzjonijiet għal deroga ta' sostenibbiltà minn applikanti differenti, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li s-suppożizzjonijiet użati minn kull applikant biex jikkalkula l-volumi projettati jkunu konsistenti, wara li jitqiesu d-differenzi rilevanti tal-pożizzjonament kummerċjali u l-bażijiet tal-klijenti.

(25)

Kull dejta dwar l-ispiża u d-dħul li tappoġġa l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari għar-roaming li jippreżentaw il-fornituri tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tagħhom, għandha tkun ibbażata fuq il-kontijiet finanzjarji li jistgħu jiġu aġġustati għal-projezzjonijiet tal-volum tat-traffiku. Devjazzjonijiet mill-projezzjonijiet tal-ispiża abbażi tal-kontijiet finanzjarji għandhom ikunu permessi biss jekk dawn jiġu sostnuti bi provi ta' impenji finanzjarji li jkunu diġà saru qabel tibda l-applikazzjoni.

(26)

Għandha tiġi prevista metodoloġija armonizzata biex jiġu stabbiliti l-ispejjeż u d-dħul tal-provvista ta' servizzi regolati tar-roaming bl-imnut, bil-għan li tkun żgurata l-konsistenza tal-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari li jippreżentaw il-fornituri tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tagħhom.

(27)

Il-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut jinkludi żewġ kategoriji ġenerali tal-ispejjeż: l-ispiża biex jinxtara l-aċċess għar-roaming bl-ingrossa minn netwerks miżjura għat-traffiku żbilanċjat, u spejjeż oħra speċifiċi għar-roaming. B'konformità mar-Regolament (UE) Nru 531/2012, l-ispiża biex jinxtara l-aċċess għar-roaming bl-ingrossa minn netwerks miżjura għat-traffiku żbilanċjat ikopruha t-tariffi tar-roaming bl-ingrossa effettivi li huma applikati għall-volumi li bihom it-traffiku tar-roaming 'il barra tal-fornitur tar-roaming jaqbżu t-traffiku tar-roaming 'il ġewwa. Fil-każ tal-fornituri tar-roaming li, domestikament, jixtru l-aċċess bl-ingrossa minn fornitur tar-roaming ieħor (pereżempju, Operaturi ta' Netwerk Mobbli Virtwali), l-ispiża tal-aċċess għar-roaming bl-ingrossa għal dawk il-fornituri tista' tkun ogħla minn dik għall-fornitur, meta l-operatur domestiku tan-netwerk ospitanti jitlob ħlas mill-fornitur tar-roaming li jkun qed jixtri l-aċċess bl-ingrossa domestiku bi prezz tal-aċċess għar-roaming bl-ingrossa ogħla minn dak miksub mill-operaturi tan-netwerk miżjur għalih stess u/jew il-forniment ta' servizzi relatati. Din l-ispiża għolja tal-aċċess għar-roaming bl-ingrossa tista' twassal biex il-fornituri tar-roaming li jixtru l-aċċess domestiku bl-ingrossa jippreferu li jitolbu l-approvazzjoni biex japplikaw ħlas supplimentari għar-roaming, u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iqisu sew dan l-aspett meta jirrevedu dawn l-applikazzjonijiet.

(28)

L-ispejjeż l-oħra speċifiċi-għar-roaming biex jingħataw servizzi regolati tar-roaming bl-imnut huma komuni għall-forniment tas-servizzi tar-roaming fl-Unjoni u fil-pajjiżi li mhumiex tal-UE u xi wħud huma komuni wkoll għall-forniment bl-ingrossa u bl-imnut tas-servizzi tar-roaming. Għall-finijiet ta' applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari tar-roaming li jippreżenta fornitur tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu, dawk l-ispejjeż komuni għandhom jiġu allokati għall-forniment tas-servizzi tar-roaming bl-imnut fi ħdan l-Unjoni u, fil-każ ta' dawk li huma komuni għall-forniment bl-imnut u bl-ingrossa, tas-servizzi tar-roaming skont il-proporzjon ġenerali għad-dħul finanzjarju tar-roaming 'il ġewwa u 'l barra.

(29)

L-ispejjeż biex jingħataw servizzi regolati tar-roaming bl-imnut jistgħu jiġu kkalkulati wkoll li jinkludu proporzjon ta' spejjeż konġunti u komuni li jiġġarrbu biex jingħataw is-servizzi bl-imnut mobbli b'mod ġenerali, diment li l-kalkolu jkun jirrifletti l-proporzjon użat għall-allokazzjoni ta' dawn is-servizzi tad-dħul mill-forniment tas-servizzi bl-imnut mobbli l-oħra kollha.

(30)

Biex jinstab l-ammont tad-dħul mill-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari li jippreżenta fornitur tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu, għandha tqis bis-sħiħ id-dħul kollu tan-negozju bl-imnut miġbur direttament għall-forniment tas-servizzi bl-imnut mobbli li joriġinaw fi Stat Membru miżjur, bħalma hu d-dħul għat-traffiku li jaqbeż il-volumi skont xi politika tal-użu ġust jew minn servizzi regolati tar-roaming alternattivi, kif ukoll kull ħlas ieħor għal kull unità jew ħlas ieħor li jġib miegħu l-użu tas-servizzi bl-imnut mobbli fi Stat Membru miżjur.

(31)

Peress li s-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut jingħataw skont il-kundizzjonijiet domestiċi applikabbli, dawn għandhom jitqiesu li jiġġeneraw parti mid-dħul minn ħlasijiet perjodiċi fissi għall-forniment tas-servizzi bl-imnut mobbli domestiċi. Għalhekk dawn għandhom jitqiesu meta tkun qed tiġi vvalutata l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari għar-roaming li jippreżenta fornitur tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu skont il-metodoloġija stabbilita f'dan ir-Regolament. Għal dak il-fini, id-dħul minn kull servizz bl-imnut mobbli għandu jkun allokat abbażi ta' kjavi li tirrifletti l-proporzjon bejn it-traffiku ta' bosta servizzi mobbli, ponderat skont il-proporzjon bejn il-ħlasijiet tar-roaming bl-ingrossa medji għal kull unità.

(32)

Biex jitqies li għandu l-effett li jdgħajjef is-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tal-operatur, kull marġini nett tar-roaming bl-imnut li jirriżulta mit-tnaqqis tal-ispejjeż biex jingħataw is-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut mid-dħul korrispondenti għandu jkun negattiv għallinqas b'ammont li jiġġenera riskju ta' effett apprezzabbli fuq l-evoluzzjoni tal-prezzijiet domestiċi. B'mod partikolari, biex jitqies li jagħti lok għal riskju bħal dan, il-marġni nett negattiv tar-roaming bl-imnut għallinqas għandu jirrappreżenta proporzjon apprezzabbli ta' qligħ ġenerali, qabel id-deprezzament tat-taxxa tal-interess u l-amortizzament, mill-forniment ta' servizzi mobbli oħra.

(33)

Anki meta l-marġni nett tar-roaming bl-imnut ikun jirrappreżenta proporzjon apprezzabbli tal-marġni ġenerali għall-forniment ta' servizzi mobbli oħra, ċerti ċirkustanzi speċifiċi, bħal-livell tal-kompetizzjoni fis-suq domestiku, jew il-karatteristiċi speċifiċi tal-applikant xorta jistgħu jeskludu r-riskju ta' effett apprezzabbli fuq l-evoluzzjoni tal-prezzijiet domestiċi.

(34)

Fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex japplika ħlas supplimentari tar-roaming li jippreżenta fornitur tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu, il-fornitur tar-roaming għandu jagħti stima tat-telf minħabba l-forniment ta' “uża r-roaming qisek qiegħed f'pajjiżek” u l-arranġamenti korrispondenti għall-applikazzjoni tal-ħlas supplimentari meħtieġ biex dawn jiġu rkuprati, filwaqt li jitqiesu l-ħlasijiet bl-ingrossa massimi applikabbli.

(35)

Għandu jkun possibbli li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jagħtu awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari tar-roaming mill-ewwel jum tal-applikazzjoni tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut fl-Unjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 531/2012. Għal dak l-għan, l-iskambji bejn il-fornitur tar-roaming li jivvaluta tali applikazzjoni u l-awtorità regolatorja nazzjonali, kif ukoll l-għoti ta' informazzjoni u dokumentazzjoni rilevanti f'dan ir-rigward, jistgħu jiġu previsti qabel dik id-data.

(36)

B'konformità mar-Regolament (UE) Nru 531/2012, l-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari tar-roaming għandha tingħata minn awtorità regolatorja nazzjonali għal perjodu ta' 12-il xahar. Sabiex iġedded l-awtorizzazzjoni, il-fornitur tar-roaming għandu jaġġorna l-informazzjoni u jippreżentaha lill-awtorità regolatorja nazzjonali kull 12-il xahar f'konformità mal-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012.

(37)

Minħabba l-obbligi li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jissorveljaw strettament l-applikazzjoni ta' politika tal-użu ġust u l-miżuri dwar is-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut, kif ukoll li jirrapportaw kull sena lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, dan ir-Regolament għandu jispeċifika l-informazzjoni minima li għandha tinġabar u tintbagħat lill-Kummissjoni biex din tkun tista' tagħmel monitoraġġ tal-applikazzjoni tagħha.

(38)

B'konformità mar-Regolament (UE) Nru 531/2012, perjodikament il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami ta' dan l-att ta' implimentazzjoni fid-dawl tal-iżviluppi fis-suq.

(39)

Il-Kumitat għall-Komunikazzjoni ma tax opinjoni.

(40)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jiġi interpretat u applikat b'konformità ma' dawk id-drittijiet u l-prinċipji, b'mod partikolari d-dritt tar-rispett tal-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà li jsir negozju. Kull ipproċessar tad-dejta personali skont dan ir-Regolament għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt tar-rispett tal-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għandu jkun konformi mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), mad-Direttiva 2002/58/KE, kif emendata bid-Direttivi 2006/24/KE (6) u 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). B'mod partikolari, il-fornituri tas-servizzi għandhom jiżguraw li kwalunkwe pproċessar tad-dejta personali skont dan ir-Regolament għandu jkun meħtieġ u proporzjonat sabiex jikseb l-għan rilevanti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TAQSIMA I

ID-DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati biex tkun żgurata l-implimentazzjoni konsistenti ta' politika tal-użu ġust li l-fornituri tar-roaming jaf japplikaw għall-konsum tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut mogħtija bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut b'konformità mal-Artikolu 6b tar-Regolament (UE) Nru 531/2012.

2.   Dan jistabbilixxi wkoll regoli dettaljati dwar:

(a)

l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-fornituri tar-roaming biex japplikaw ħlas supplimentari tar-roaming li jiġu ppreżentati skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tagħhom;

(b)

il-metodoloġija li għandhom japplikaw l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jivvalutaw jekk il-fornitur tar-roaming ikunx stabbilixxa li ma jistax ikopri l-ispejjeż għall-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming, bil-konsegwenza li tiddgħajjef is-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu.

Artikolu 2

Id-definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet fir-Regolament (UE) Nru 531/2012.

2.   Għandhom japplikaw ukoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“rabtiet stabbli” ma' Stat Membru li tfisser il-preżenza fit-territorju tal-Istat Membru li tirriżulta minn relazzjoni ta' impjieg sostenibbli u full-time, inkluż dik tal-ħaddiema transfruntiera; minn relazzjonijiet kuntrattwali fit-tul li jinvolvu grad simili ta' preżenza fiżika ta' persuna li taħdem għal rasha; mill-parteċipazzjoni f'korsijiet ta' studju full-time rikorrenti; jew minn sitwazzjonijiet oħra, bħal dawk ta' ħaddiema ssekondati jew ta' persuni rtirati, kull meta dawn jinvolvu l-istess livell ta' preżenza territorjali;

(b)

“servizzi bl-imnut mobbli” tfisser servizzi mobbli pubbliċi tal-komunikazzjoni pprovduti lill-utenti finali, li jinkludu s-servizzi bil-vuċi, bl-SMS u bid-dejta;

(c)

“pakkett ta' dejta miftuħa” tfisser pjan tariffarju għall-provvista ta' servizz(i) bl-imnut mobbli li ma jillimitax il-volum ta' servizzi bl-imnut ta' dejta mobbli inklużi mal-ħlas ta' spiża perjodika fissa jew li għalihom il-prezz domestiku għal kull unità tas-servizzi bl-imnut ta' dejta mobbli, li jinkiseb billi l-prezz bl-imnut domestiku ġenerali, eskluż il-VAT, għal servizzi mobbli li jikkorrispondu għall-perjodu ta' fatturazzjoni kollu jiġi diviż bil-volum totali tas-servizzi bl-imnut ta' dejta mobbli disponibbli domestikament, ikun inqas mill-ħlas tar-roaming bl-ingrossa regolat massimu msemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012;

(d)

“pjan tariffarju mħallas minn qabel” tfisser pjan tariffarju li permezz tiegħu jiġu pprovduti s-servizzi bl-imnut mobbli fuq tnaqqis ta' kreditu disponibbli mill-klijent lill-fornitur abbażi ta' kull unità, qabel il-konsum, u li minnu l-konsumatur ikun jista' jirtira mingħajr penali f'każ ta' eżawriment jew ta' skadenza ta' kreditu;

(e)

“Stat Membru miżjur” tfisser Stat Membru li mhux dak tal-fornitur domestiku tal-klijent tar-roaming;

(f)

“marġni tas-servizzi mobbli” tfisser il-qligħ, qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-ammortizzament, mill-bejgħ tas-servizzi mobbli minbarra s-servizzi tar-roaming bl-imnut provduti fl-Unjoni, li għalhekk jeskludi l-ispejjeż u d-dħul mis-servizzi tar-roaming bl-imnut;

(g)

“grupp” tfisser impriża prinċipali u kull impriża sussidjarja tagħha soġġetta għall-kontroll tal-impriża prinċipali skont it-tifsira tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (8).

TAQSIMA II

IL-POLITIKA TAL-UŻU ĠUST

Artikolu 3

Il-prinċipju bażiku

1.   Il-fornitur tar-roaming għandu jipprovdi servizzi regolati tar-roaming bl-imnut bil-prezz domestiku lill-klijenti tar-roaming tiegħu li normalment huma residenti fl-Istat Membru tiegħu jew li jkollhom rabtiet stabbli bi preżenza frekwenti u sostanzjali fl-Istat Membru tiegħu, meta dawn ikunu qed jivvjaġġaw perjodikament fl-Unjoni.

2.   Kwalunkwe politika tal-użu ġust li japplikaw il-fornituri tar-roaming biex jipprevjenu l-użu abbużiv jew anomalu tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 u għandha tiżgura li l-klijenti kollha jkollhom aċċess għas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut bil-prezz domestiku waqt li jkunu qed jivvjaġġaw perjodikament fl-Unjoni bl-istess kundizzjonijiet daqslikieku dawn is-servizzi ġew ikkonsmati f'pajjiżhom.

Artikolu 4

L-użu ġust

1.   Għall-finijiet ta' kwalunkwe politika tal-użu ġust, il-fornitur tar-roaming jista' jitlob lill-klijenti tar-roaming tiegħu biex jipprovdu prova ta' residenza normali fl-Istat Membru tal-fornitur tar-roaming jew ta' rabtiet stabbli ma' dak l-Istat Membru bi preżenza frekwenti u sostanzjali fit-territorju tiegħu.

2.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe limitu domestiku tal-volum, fil-każ ta' pakkett ta' dejta miftuħa, il-klijent tar-roaming għandu jkun jista' jikkonsma, waqt li jivvjaġġa perjodikament fl-Unjoni, volum ta' servizzi ta' roaming tad-dejta bl-imnut bil-prezz domestiku bl-imnut ekwivalenti għal mill-inqas id-doppju tal-volum miksub billi l-prezz bl-imnut domestiku ġenerali ta' dak il-pakkett ta' dejta miftuħa jiġi diviż, eskluż il-VAT, korrispondenti għall-perjodu kollu tal-kont, bil-ħlas tar-roaming bl-ingrossa regolat massimu msemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012.

Fil-każ tal-bejgħ ta' servizzi bl-imnut mobbli miġbura f'pakkett ma' servizzi jew terminali oħra, il-prezz bl-imnut domestiku ġenerali ta' dak il-pakkett ta' dejta għandu jiġi determinat, għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(c) u ta' dan il-paragrafu, billi jitqies il-prezz applikat għall-bejgħ separat tal-komponent tas-servizzi bl-imnut mobbli tal-pakkett, eskluż il-VAT, jekk disponibbli, jew il-prezz tal-bejgħ ta' dawn is-servizzi bl-istess karatteristiċi fuq bażi awtonoma.

3.   Fil-każ ta' pjanijiet ta' tariffi mħallsa minn qabel, bħala alternattiva għar-rekwiżit tal-politika tal-użu ġust imsemmi fil-paragrafu 1, il-fornitur tar-roaming jista' jillimita l-konsum ta' servizzi ta' roaming tad-dejta bl-imnut fl-Unjoni bil-prezz bl-imnut domestiku għal volumi ekwivalenti għal mill-inqas il-volum miksub billi l-ammont globali, eskluż il-VAT, ta' kreditu disponibbli li jifdal u diġà mħallsa mill-konsumatur lill-fornitur jiġi diviż, fil-waqt tal-bidu tar-roaming, bil-ħlas tar-roaming bl-ingrossa regolat massimu msemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012.

4.   Fil-kuntest tal-ipproċessar tad-dejta dwar it-traffiku skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58/KE, biex jipprevjenu l-użu abbużiv jew anomalu tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut mogħtija bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, il-fornitur tar-roaming jista' japplika mekkaniżmi ta' kontroll ġusti, raġonevoli u proporzjonati bbażati fuq indikaturi oġġettivi marbuta mar-riskju ta' użu abbużiv jew anomalu lil hinn mill-ivvjaġġar perjodiku fl-Unjoni.

L-indikaturi oġġettivi jistgħu jinkludu miżuri biex jiġi stabbilit jekk il-klijenti jkollhomx il-konsum domestiku prevalenti fuq il-konsum tar-roaming jew jekk il-preżenza domestika tagħhom hijiex prevalenti fuq dik fi Stati Membri oħra tal-Unjoni.

Biex jiġi żgurat li l-klijenti tar-roaming impenjati fi vjaġġar perjodiku ma jiġux soġġetti għal twissijiet bla bżonn jew eċċessivi skont l-Artikolu 5(4), il-fornituri tar-roaming li japplikaw dawn il-miżuri biex jistabbilixxu xi riskju ta' użu abbużiv jew anomalu ta' servizzi roaming għandhom josservaw dawn l-indikaturi ta' preżenza u ta' konsum b'mod kumulattiv u għal perjodu ta' żmien ta' mill-inqas erba' xhur.

Il-fornitur tar-roaming għandu jispeċifika, fil-kuntratti mal-klijenti tar-roaming, is-servizz(i) bl-imnut mobbli li l-indikatur tal-konsum jirreferi għalih(om) u d-durata minima tal-perjodu ta' osservazzjoni.

Il-konsum domestiku prevalenti jew il-preżenza domestika prevalenti tal-klijent tar-roaming waqt il-perjodu ta' osservazzjoni definit għandhom jitqiesu bħala prova ta' użu mhux abbużiv u mhux anomalu ta' servizzi regolati tar-roaming bl-imnut.

Għall-iskop tat-tieni, it-tielet u l-ħames subparagrafu, kull jum li fih klijent tar-roaming ikun illoggja fuq in-netwerk domestiku għandu jingħadd bħala jum ta' preżenza fiżika ta' dak il-klijent.

Indikaturi oġġettivi oħra marbuta mar-riskju ta' użu abbużiv jew anomalu tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut mogħtija bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jistgħu jinkludu biss:

(a)

inattività fit-tul ta' SIMcard partikolari li tkun assoċjata li tintuża l-aktar, jekk mhux biss, għar-roaming;

(b)

l-abbonament u l-użu sekwenzjali ta' diversi SIMcards mill-istess klijent waqt ir-roaming.

5.   Meta l-fornitur tar-roaming jistabbilixxi, b'evidenza oġġettiva u sostanzjata, li xi SIMcards reġgħu nbigħu b'mod organizzat lil persuni li effettivament mhumiex residenti fl-Istat Membru ta' dak il-fornitur tar-roaming bl-imnut jew lil persuni li ma għandhomx rabtiet stabbli bi preżenza frekwenti u sostanzjali mal-Istat Membru ta' dak il-fornitur tar-roaming bl-imnut biex ikun jista' jsir konsum tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut mogħtija bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut minbarra għall-iskop tal-ivvjaġġar perjodiku, il-fornitur tar-roaming jista' jieħu miżuri proporzjonati minnufih biex jiżgura l-konformità mal-kundizzjonijiet kollha tal-kuntratt sottostanti.

6.   Meta jaġixxi skont din it-taqsima, il-fornitur tar-roaming għandu jikkonforma mad-Direttivi 2002/58/KE u 95/46/KE u mal-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom, u mar-Regolament (UE) 2016/679.

7.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-politiki tal-użu ġust definiti fit-termini kuntrattwali ta' tariffi tar-roaming alternattivi previsti skont l-Artikolu 6e(3) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012.

Artikolu 5

It-trasparenza u s-superviżjoni tal-politiki tal-użu ġust

1.   Meta fornitur tar-roaming japplika politika tal-użu ġust, fil-kuntratti mal-klijenti tar-roaming, dan għandu jinkludi t-termini u l-kundizzjonijiet kollha relatati ma' din il-politika, inkluż kull mekkaniżmu ta' kontroll applikat skont l-Artikolu 4(4). Bħala parti mill-politika tal-użu ġust, il-fornitur tar-roaming għandu jistabbilixxi proċeduri trasparenti, sempliċi u effiċjenti biex jindirizza l-ilmenti tal-klijenti dwar l-applikazzjoni ta' politika tal-użu ġust. Dan hu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-klijenti tar-roaming, b'konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, li jirrikorru għall-proċeduri sempliċi, trasparenti, ġusti u pronti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti stabbiliti fl-Istat Membru tal-fornitur tar-roaming b'konformità mal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2002/22/KE. Tali mekkaniżmu għall-ilmenti u proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim għandhom jippermettu lill-klijent tar-roaming jipprovdi evidenza li mhux juża s-servizzi regolati ta' roaming bl-imnut għal finijiet oħra minbarra l-ivvjaġġar perjodiku, b'rispons għal twissija skont il-paragrafu (3), l-ewwel subparagrafu.

2.   Il-politiki tal-użu ġust b'konformità ma' dan ir-Regolament għandhom jiġu notifikati mill-fornitur tar-roaming lill-awtorità regolatorja nazzjonali.

3.   Meta jkun hemm evidenza oġġettiva u sostanzjata, ibbażata fuq l-indikaturi oġġettivi msemmija fl-Artikolu 4(4), li tindika riskju ta' użu abbużiv jew anomalu ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut fl-Unjoni bil-prezz bl-imnut domestiku minn klijent partikolari, il-fornitur tar-roaming għandu jwissi l-konsumatur dwar skoperti ta' mġieba li jindikaw riskju bħal dan qabel ma japplikaxi ħlas supplimentari skont l-Artikolu 6e tar-Regolament (UE) Nru 531/2012.

Fil-każijiet meta tali riskju jirriżulta min-nuqqas ta' rispett tal-kriterji tal-prevalenza ta' konsum domestiku u tal-prevalenza ta' preżenza domestika matul il-perjodu ta' osservazzjoni definit, imsemmi fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 4(4), l-indikazzjonijiet addizzjonali ta' riskju li jirriżultaw mill-preżenza jew użu mhux domestiċi ġenerali tal-klijent tar-roaming għandhom jitqiesu għall-finijiet tar-riżoluzzjoni ta' kwalunkwe lment sussegwenti kif previst fil-paragrafu (1) jew tal-proċedura għar-riżoluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, rigward l-applikabbiltà ta' ħlas supplimentari.

Dan il-paragrafu għandu japplika irrispettivament mill-preżentazzjoni, min-naħa tal-klijent tar-roaming, ta' evidenza dokumentarja ta' residenza jew ta' rabtiet stabbli oħra bi preżenza frekwenti u sostanzjali fl-Istat Membru tal-fornitur tar-roaming skont l-Artikolu 4(1).

4.   Meta l-fornitur tar-roaming jagħti twissija lill-klijent tar-roaming skont il-paragrafu 3, il-fornitur għandu jinforma lill-klijent li, fin-nuqqas ta' bidla fix-xejra tal-użu f'perjodu li ma jistax ikun iqsar minn ġimagħtejn, li turi konsum jew preżenza domestiċi reali, jista' jiġi applikat ħlas supplimentari skont l-Artikolu 6e tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 għal kwalunkwe użu ulterjuri ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut bis-SIMcard inkwistjoni wara d-data ta' tali twissija.

5.   Il-fornitur tar-roaming għandu jieqaf japplika l-ħlas supplimentari malli l-użu tal-klijent ma jibqax jindika riskju ta' użu abbużiv jew anomalu tas-servizzi regolati ta' roaming bl-imnut abbażi tal-indikaturi oġġettivi msemmija fl-Artikolu 4(4).

6.   Meta fornitur tar-roaming jistabbilixxi li xi SIM cards reġgħu nbigħu b'mod organizzat lil persuni li normalment mhumiex residenti fl-Istat Membru ta' dak il-fornitur tar-roaming bl-imnut jew lil persuni li ma għandhomx rabtiet stabbli bi preżenza frekwenti u sostanzjali mal-Istat Membru ta' dak il-fornitur tar-roaming bl-imnut biex ikun jista' jsir konsum tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut minbarra għall-iskop tal-ivvjaġġar perjodiku 'l barra minn dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 4(3), l-operatur għandu jgħarraf lill-awtorità regolatorja nazzjonali bl-evidenza li toħroġ mill-abbuż sistematiku inkwistjoni u bil-miżura meħuda biex jiżgura l-konformità mal-kundizzjonijiet kollha tal-kuntratt sottostanti għallinqas fl-istess ħin meta tittieħed miżura bħal din.

TAQSIMA III

L-APPLIKAZZJONI U L-METODOLOĠIJA GĦALL-VALUTAZZJONI TAS-SOSTENIBBILTÀ TAT-TNEĦĦIJA TAL-ĦLASIJIET TAR-ROAMING BL-IMNUT

Artikolu 6

Id-dejta li tappoġġa l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari tar-roaming li jippreżenta fornitur tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu

1.   L-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari tar-roaming li jippreżentaw il-fornituri tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiku tagħhom (“l-applikazzjoni”), għandhom jiġu vvalutati abbażi tad-dejta dwar il-volumi ġenerali tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut mogħtija, mill-fornitur tar-roaming li qed japplika, projettati fuq perjodu ta' 12-il xahar li jibda mhux qabel il-15 ta' Ġunju 2017. Għall-ewwel applikazzjoni, dawn il-projezzjonijiet ta' volum għandhom jiġu stmati bl-użu ta' waħda minn dawn l-alternattivi jew ta' kombinazzjoni tagħhom:

(a)

il-volumi attwali ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut mogħtija mill-applikant bil-prezzijiet regolati tar-roaming bl-imnut applikabbli qabel il-15 ta' Ġunju 2017;

(b)

il-volumi projettati ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut wara l-15 ta' Ġunju 2017, fejn il-volumi pprojettati ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut matul il-perjodu inkwistjoni jkunu stmati abbażi tal-konsum domestiku bl-imnut attwali tas-servizzi mobbli u l-ħin li l-klijenti tar-roaming tal-applikant jgħaddu fl-Unjoni, barra minn pajjiżhom;

(c)

il-volumi projettati ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut wara l-15 ta' Ġunju 2017, fejn volumi ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut jiġu stmati abbażi tal-bidla proporzjonali fil-volumi ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut esperjenzati fil-pjanijiet tariffarji tal-applikant li jirrappreżentaw parti sostanzjali tal-bażi tal-klijenti li fuqhom l-applikant stabbilixxa l-prezzijiet ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut fil-livell domestiku għal perjodu ta' mill-inqas 30 jum, skont il-metodoloġija stipulata fl-Anness I.

Jekk tiġi aġġornata l-applikazzjoni mressqa skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-volumi ġenerali projettati tas-servizzi tar-roaming regolati għandhom jiġu aġġornati abbażi tax-xejra medja attwali tal-konsum tas-servizzi mobbli domestiċi mmultiplikati bl-għadd osservat ta' klijenti tar-roaming u l-ħin li jkunu għaddew fl-Istati Membri miżjura fit-12-il xahar ta' qabel.

2.   Kwalunkwe dejta dwar l-ispejjeż u d-dħul tal-applikant għandha tkun ibbażata fuq il-kontijiet finanzjarji, li għandhom ikunu disponibbli għall-awtorità regolatorja nazzjonali, u jistgħu jiġu aġġustati skont l-istimi tal-volumi b'konformità mal-paragrafu 1. Meta jiġu projettati l-ispejjeż, id-devjazzjoni miċ-ċifri li joħorġu mill-kontijiet finanzjarji passati għandhom jitqiesu biss jekk ikollhom l-appoġġ ta' evidenza ta' impenji finanzjarji għall-perjodu kopert mill-projezzjonijiet.

3.   L-applikant għandu jipprovdi d-dejta kollha meħtieġa li tintuża għall-kalkolu tal-marġni tas-servizzi mobbli u tal-ispejjeż u d-dħul attwali u projettati ġenerali tal-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming matul il-perjodu rilevanti.

Artikolu 7

Id-determinazzjoni ta' spejjeż speċifiċi għar-roaming għall-forniment ta' servizzi regolati tar-roaming bl-imnut

1.   Sabiex jiġi stabbilit li l-applikant ma jistax jirkupra l-ispejjeż tiegħu, bil-konsegwenza li tiddgħajjef is-sostenibbiltà tas-sistema tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu, għandhom jitqiesu biss dawn l-ispejjeż speċifiċi għar-roaming, jekk jiġu ssostanzjati fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari għar-roaming:

(a)

l-ispejjeż biex jinxtara l-aċċess tar-roaming bl-ingrossa;

(b)

l-ispejjeż bl-imnut speċifiċi għar-roaming.

2.   Fir-rigward tal-ispejjeż imġarrba biex jinxtraw is-servizzi regolati tar-roaming bl-ingrossa, għandu jitqies biss l-ammont b'kemm il-ħlasijiet ġenerali tal-applikant lil kumpaniji oħra li jipprovdu servizzi bħal dawn fl-Unjoni jaqbżu s-somom totali ġenerali dovuti lilu għall-forniment tal-istess servizzi lil fornituri oħra tar-roaming fl-Unjoni. Fir-rigward tas-somom dovuti lill-fornitur tar-roaming għall-forniment ta' servizzi regolati tar-roaming bl-ingrossa, il-fornitur tar-roaming għandu jassumi volumi projettati ta' dawn is-servizzi tar-roaming bl-ingrossa li jkunu konsistenti mas-suppożizzjoni li fuqha huma bbażati l-volumi projettati tiegħu fl-Artikolu 6(1).

3.   Fir-rigward tal-ispejjeż bl-imnut speċifiċi għar-roaming, għandhom jitqiesu dawn l-ispejjeż li ġejjin, jekk jiġu ssostanzjati fl-applikazzjoni:

(a)

l-ispejjeż tal-operat u l-ġestjoni tal-attivitajiet tar-roaming, inkluż is-sistemi u s-softwer għall-informazzjoni tan-negozju maħsuba apposta għall-operat u l-ġestjoni tar-roaming;

(b)

l-ispejjeż għall-ikklirjar tad-dejta u tal-pagamenti, inkluż l-ikklirjar tad-dejta u l-ispejjeż tal-ikklirjar finanzjarju;

(c)

l-ispejjeż tan-negozjati u tal-ftehim, inkluż l-ispejjeż ta' tariffi esterni u l-użu ta' riżorsi interni;

(d)

l-ispejjeż imġarrba għall-konformità mar-rekwiżiti għall-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut stabbiliti bl-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, filwaqt li titqies il-politika tal-użu ġust applikabbli li jadotta l-fornitur tar-roaming.

4.   L-ispejjeż imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 3 għandhom jitqiesu biss b'mod proporzjonat mal-proporzjon tal-volum tat-traffiku ġenerali tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut tal-applikant mat-traffiku ġenerali bl-imnut 'il barra u bl-ingrossa 'l ġewwa tas-servizzi tar-roaming tiegħu, b'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness II, il-punti (1) u (2), u b'mod proporzjonat mal-proporzjon tal-ammont ġenerali tat-traffiku tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tiegħu fl-Unjoni mat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tiegħu fl-Unjoni u 'l barra mill-Unjoni, b'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness II, il-punti (1) u (3).

5.   L-ispejjeż imsemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 3 għandhom jitqiesu biss b'mod proporzjonat mal-proporzjon tal-volum tat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tal-applikant fl-Unjoni mat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tiegħu fl-Unjoni u 'l barra mill-Unjoni, b'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness II, il-punti (1) u (3).

Artikolu 8

L-allokazzjoni ta' spejjeż komuni u konġunti tal-imnut għall-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut

1.   Minbarra l-ispejjeż determinati skont l-Artikolu 7, fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari għar-roaming jista' jiddaħħal proporzjon tal-ispejjeż konġunti u komuni mġarrba għall-forniment tas-servizzi bl-imnut mobbli b'mod ġenerali. Jekk jiġu ssostanzjati fl-applikazzjoni, għandhom jitqiesu biss dawn l-ispejjeż li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż tal-fatturazzjoni u l-ġbir, inkluż kull spiża marbuta mal-ipproċessar, il-kalkolu, il-produzzjoni u n-notifika tal-kont attwali tal-klijent;

(b)

l-ispejjeż għall-bejgħ u d-distribuzzjoni, inkluż l-ispejjeż għall-operat tal-ħwienet u mezzi oħra tad-distribuzzjoni għall-bejgħ tas-servizzi bl-imnut mobbli;

(c)

l-ispejjeż għall-assistenza tal-klijenti, inkluż l-ispiża għat-tħaddim ta' kull servizz ta' assistenza tal-klijenti disponibbli għall-utent finali;

(d)

l-ispejjeż għall-ġestjoni tad-dejn mitluf, inkluż l-ispejjeż imġarrba bit-tħassir tad-dejn li ma jistax jinġabar u għall-ġbir tad-dejn mitluf;

(e)

l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni, inkluż l-ispejjeż kollha għar-reklamar tas-servizzi mobbli.

2.   Jekk jiġu ssostanzjati fl-applikazzjoni, l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu biss b'mod proporzjonat mal-proporzjon tat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tal-applikant fl-Unjoni mat-traffiku bl-imnut ġenerali tas-servizzi bl-imnut mobbli kollha, miksub bħala medja ponderata ta' dak il-proporzjon għal kull servizz mobbli, b'piżijiet li jirriflettu l-medja tal-prezzijiet rispettivi tar-roaming bl-ingrossa mħallsa mill-applikant b'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness II, il-punti (1) u (4).

Artikolu 9

Id-determinazzjoni tad-dħul mill-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut

1.   Għall-finijiet biex jiġi stabbilit li l-applikant ma jistax jirkupra l-ispejjeż tiegħu, bil-konsegwenza li tiddgħajjef is-sostenibbiltà tas-sistema tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu, għandu jitqies biss dan id-dħul u jiddaħħal fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari għar-roaming:

(a)

id-dħul li joħroġ direttament mit-traffiku tas-servizzi bl-imnut mobbli li joriġinaw fi Stat Membru miżjur;

(b)

proporzjon tad-dħul ġenerali mill-bejgħ tas-servizzi bl-imnut mobbli bbażat fuq ħlasijiet perjodiċi fissi.

2.   Id-dħul imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jinkludi:

(a)

kwalunkwe ħlas bl-imnut impost skont l-Artikolu 6e tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 għat-traffiku li jaqbeż kull politika tal-użu ġust li japplika l-fornitur tar-roaming;

(b)

kwalunkwe dħul minn servizzi regolati tar-roaming alternattivi skont l-Artikolu 6e(3) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012;

(c)

kwalunkwe prezz bl-imnut domestiku fatturat abbażi ta' kull unità jew b'eċċess ta' ħlasijiet perjodiċi fissi għall-forniment tas-servizzi bl-imnut mobbli u kkawżat bl-użu tas-servizzi bl-imnut mobbli fi Stat Membru miżjur.

3.   Sabiex jiġi stabbilit id-dħul imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1, fil-każ tal-bejgħ ta' servizzi bl-imnut mobbli miġbura f'pakkett ma' servizzi jew terminali oħra, għandu jitqies biss id-dħul marbut mal-bejgħ tas-servizzi bl-imnut mobbli. Dak id-dħul għandu jiġi determinat b'referenza għall-prezzijiet applikati għall-bejgħ b'mod separat ta' kull komponent tal-pakkett, jekk ikunu disponibbli, jew għall-bejgħ ta' dawn is-servizzi bl-istess karatteristiċi fuq bażi awtonoma.

4.   Sabiex jiġi ddeterminat il-proporzjon tad-dħul ġenerali mill-bejgħ ta' servizzi bl-imnut mobbli marbuta mal-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut, għandha tiġi applikata l-metodoloġija stabbilita fl-Anness II, il-punti (1) u (5).

Artikolu 10

Il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari għar-roaming li jippreżentaw il-fornituri tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tagħhom

1.   Meta jkunu qed jivvalutaw applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari tar-roaming li jippreżenta fornitur tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu, l-awtorità regolatorja nazzjonali tista' tikkonkludi li l-applikant ma jistax ikopri l-ispejjeż għall-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut, bil-konsegwenza li tiddgħajjef is-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu, biss meta l-marġni nett negattiv tar-roaming bl-imnut tal-applikant ikun ekwivalenti għal 3 % tal-marġni tas-servizzi mobbli jew iżjed.

Il-marġni nett tar-roaming bl-imnut għandu jkun l-ammont li jifdal meta l-ispejjeż għall-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut jitnaqqsu mid-dħul mill-forniment ta' dawn is-servizzi, kif stabbilit b'konformità ma' dan ir-Regolament. Biex tistabbilixxi dan, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tagħmel rieżami tad-dejta mogħtija fl-applikazzjoni biex tiżgura l-konformità mal-metodoloġija għad-determinazzjoni tad-dħul u tal-ispejjeż, kif stabbilit fl-Artikoli 7, 8 u 9.

2.   Meta l-valur assolut tal-marġni nett tar-roaming bl-imnut tal-applikant ikun ekwivalenti għal 3 % tal-marġni tas-servizzi mobbli jew iżjed, l-awtorità regolatorja nazzjonali xorta għandha tirrifjuta l-ħlas supplimentari meta tkun tista' tistabbilixxi li aktarx, minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi, se tiddgħajjef is-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi. Dawn iċ-ċirkustanzi jinkludu sitwazzjonijiet meta:

(a)

l-applikant huwa parti minn grupp u jkun hemm evidenza ta' trasferiment intern tal-prezzijiet favur il-kumpaniji sussidjarji l-oħra tal-grupp fl-Unjoni, b'mod partikolari fid-dawl ta' żbilanċ sostanzjali fil-ħlasijiet tar-roaming bl-ingrossa applikati fi ħdan il-grupp;

(b)

il-grad tal-kompetizzjoni fis-swieq domestiċi juri li hemm kapaċità biex jiġu assorbiti l-marġnijiet imnaqqsa;

(c)

l-applikazzjoni ta' politika tal-użu ġust aktar restrittiva, mill-ġdid b'konformità mal-Artikoli 3 u 4, tnaqqas il-marġni nett tar-roaming bl-imnut għal proporzjon inqas minn 3 %.

3.   Fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali fejn operatur ikollu marġni negattiv tas-servizzi mobbli u marġini nett negattiv tar-roaming bl-imnut, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tawtorizza l-applikazzjoni ta' ħlas supplimentari fuq is-servizzi regolati tar-roaming.

4.   Meta tawtorizza l-ħlas supplimentari għas-servizzi regolati tar-roaming, id-deċiżjoni finali tal-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tidentifika l-ammont tal-marġni negattiv determinat tar-roaming bl-imnut li jista' jiġi rkuprat bl-applikazzjoni ta' ħlas supplimentari bl-imnut fuq is-servizzi tar-roaming mogħtija fl-Unjoni. Il-ħlas supplimentari għandu jkun konsistenti mas-suppożizzjonijiet tat-traffiku tar-roaming li fuqhom tissejjes il-valutazzjoni tal-applikazzjoni u jiġi stabbilit b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

TAQSIMA IV

ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 11

Il-monitoraġġ tal-politika tal-użu ġust u l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari li jippreżentaw il-fornituri tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tagħhom

Biex isir monitoraġġ tal-applikazzjoni konsistenti tal-Artikoli 6b u 6c tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 u ta' dan ir-Regolament, u bil-għan li l-Kummissjoni tkun infurmata kull sena bl-applikazzjonijiet skont l-Artikolu 6d(5) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, b'mod regolari l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiġbru l-informazzjoni dwar:

(a)

kwalunkwe azzjoni li jieħdu biex jissorveljaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 6b tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 u r-regoli dettaljati stabbiliti f'dan ir-Regolament;

(b)

l-għadd ta' applikazzjonijiet biex jiġi applikat ħlas supplimentari tar-roaming li jiġu ppreżentati, awtorizzati u mġedda matul is-sena skont l-Artikolu 6c(2) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012;

(c)

kemm huma l-marġnijiet netti negattivi tar-roaming bl-imnut rikonoxxuti fid-deċiżjonijiet tagħhom biex jawtorizzaw ħlas supplimentari għar-roaming u l-arranġamenti li jikkonċernaw ħlas supplimentari li ġie ddikjarat fl-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari tar-roaming li ppreżentaw il-fornituri tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tagħhom.

Artikolu 12

Ir-rieżami

Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li twettaq rieżami aktar kmieni fid-dawl ta' esperjenza ta' implimentazzjoni inizjali u ta' kwalunkwe tibdil sinifikanti fil-fatturi msemmija fl-Artikolu 6d(2) tar-Regolament Nru 531/2012, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami ta' dan l-att ta' implimentazzjoni sa mhux aktar tard minn Ġunju 2019, wara li tikkonsulta lill-BEREC.

Artikolu 13

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 172, 30.6.2012, p. 10.

(2)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(3)  Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51).

(4)  Id-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ĠU L 337, 18.12.2009, p. 11).

(5)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(6)  Id- Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 54).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjoni bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33)


ANNESS I

Bidla proporzjonali fil-volumi attwali tas-servizzi regolati tar-roaming skont “uża r-roaming qisek qiegħed f'pajjiżek” meta mqabblin mal-istess perjodu fis-sena ta' qabel:

Formula

Fejn:

 

k = servizz (1 = bil-vuċi, 2 = SMS, 3 = tad-dejta);

 

n hija l-għadd ta' jiem tal-applikazzjoni ta' “uża r-roaming qisek qiegħed f'pajjiżek” (n≥ 30); u

 

t hija s-sena tal-ewwel applikazzjoni ta' “uża r-roaming qisek qiegħed f'pajjiżek”.

Dan il-persentaġġ għandu jintuża biex tiġi stmata l-bidla fil-volumi matul il-perjodu projettat ta' 12-il xahar billi jiġi mmultiplikat bil-volumi tas-sena ta' qabel.


ANNESS II

(1)

Il-piżijiet wi tas-servizzi bl-imnut mobbli:

Formula

Fejn:

 

k = servizz (1 = bil-vuċi, 2 = SMS, 3 = tad-dejta);

 

il-“prezz medju tar-roaming bl-ingrossa li jħallas l-operatur” tirreferi għall-prezz medju ta' kull unità għat-traffiku żbilanċjat imħallas mill-operatur għal kull servizz, fejn l-unità għal kull servizz hija ċenteżmi tal-euro kull (i) minuta, għal servizz bil-vuċi, (ii) SMS, għal SMS u (iii) MB, għal servizz tad-dejta).

(2)

Il-proporzjon tal-volum tat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tal-applikant mat-traffiku ġenerali bl-imnut 'il barra u bl-ingrossa 'l ġewwa tas-servizzi tar-roaming tiegħu:

Formula

Fejn:

k

=

servizz (1 = bil-vuċi, 2 = SMS, 3 = tad-dejta)

(3)

Il-proporzjon tal-volum tat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tal-applikant fl-Unjoni mat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tiegħu fl-Unjoni u 'l barra mill-Unjoni:

Formula

Fejn:

k

=

servizz (1 = bil-vuċi, 2 = SMS, 3 = tad-dejta).

(4)

Il-proporzjon tat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tal-applikant fl-Unjoni mat-traffiku bl-imnut ġenerali tas-servizzi bl-imnut mobbli kollha:

Formula

fejn

k

=

servizz (1 = bil-vuċi, 2 = SMS, 3 = tad-dejta)

(5)

Id-dħul bl-imnut tar-roaming fl-UE:

Formula

Fejn:

k

=

servizz (1 = bil-vuċi, 2 = SMS, 3 = tad-dejta).


Top