EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1952

Regolament (UE) 2016/1952 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2008/92/KE (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 311, 17.11.2016, p. 1–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1952/oj

17.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 311/1


REGOLAMENT (UE) 2016/1952 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Ottubru 2016

dwar l-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2008/92/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-kompetittività, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-enerġija huma l-miri globali ta’ unjoni tal-enerġija reżiljenti b’politika progressiva dwar it-tibdil fil-klima.

(2)

Hija meħtieġa data ta’ kwalità għolja, komparabbli, aġġornata, affidabbli u armonizzata dwar il-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku mposti fuq il-konsumaturi finali sabiex tiġi abbozzata politika tal-unjoni tal-enerġija u jsir monitoraġġ tas-swieq tal-enerġija tal-Istati Membri.

(3)

Dan ir-Regolament jimmira li jipprovdi qafas komuni għall-istatistika Ewropea biex jirfdu l-politiki tal-enerġija b’mod partikolari lejn il-ħolqien ta’ suq intern tal-enerġija kompletament integrat għall-konsumaturi. Għandha ssir disponibbli iktar trasparenza dwar il-kostijiet u l-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll fil-livell tal-appoġġ pubbliku, biex titjieb l-integrazzjoni tas-suq. Dan ir-Regolament ma jinvolvi l-ebda armonizzazzjoni tal-istruttura tal-prezzijiet jew tal-imposti fost l-Istati Membri.

(4)

Sal-lum, id-Direttiva 2008/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) ipprovdiet qafas komuni għall-produzzjoni, it-trażmissjoni u d-disseminazzjoni ta’ statistika komparabbli dwar il-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku imposti fuq il-konsumaturi industrijali fl-Unjoni.

(5)

Il-ġbir tad-data dwar il-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku imposti fuq il-konsumaturi finali fis-settur domestiku s’issa twettaq fuq bażi ta’ qbil volontarju.

(6)

Il-kumplessità dejjem tikber tas-suq intern tal-enerġija tagħmilha dejjem iktar diffiċli biex tinkiseb data tal-prezzijiet li hija affidabbli u aġġornata dwar gass naturali u l-elettriku fin-nuqqas ta’ obbligi legali vinkolanti biex tiġi pprovduta tali data, b’mod partikolari għas-settur domestiku.

(7)

Sabiex ikun garantit ir-rapportar tad-data tal-prezzijiet ta’ kwalità għolja għas-settur domestiku u għas-settur mhux domestiku, il-ġbir taż-żewġ tipi ta’ data għandu jkun kopert minn att leġiżlattiv.

(8)

Fil-biċċa l-kbira ta’ Stati Membri, id-data dwar is-sistemi ta’ trażmissjoni tinstab għand ir-regolaturi tal-enerġija. Madankollu, għadd ħafna ikbar ta’ kompilaturi tad-data huma involuti fil-kostijiet tad-distribuzzjoni u r-rapportar tad-data huwa kkunsidrat aktar diffiċli f’xi Stati Membri. Minħabba s-sinifikat tal-kostijiet tad-distribuzzjoni u l-ħtieġa għat-trasparenza f’din il-kwistjoni, il-ġbir tad-data dwar il-prezzijiet tal-gass naturali u l-elettriku għandu jsegwi l-prattiċi stabbiliti fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika.

(9)

Is-sistema tal-livelli tal-konsum użata mill-Kummissjoni (Eurostat) fil-pubblikazzjoni tal-prezzijiet tagħha għandha tiżgura trasparenza tas-suq u disseminazzjoni mifruxa tad-data tal-prezzijiet mhux kunfidenzjali, u għandha tippermetti l-kalkolu tal-aggregati Ewropej.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) huwa l-qafas ta’ referenza għall-istatistika Ewropea. Dak ir-Regolament jipprovdi għall-ġbir ta’ statistika f’konformità mal-prinċipji ta’ imparzjalità, trasparenza, affidabbiltà, oġġettività, indipendenza professjonali u kosteffettività, filwaqt li tiġi protetta l-kunfidenzjalità statistika.

(11)

L-Istati Membri għandhom jiġbru d-data dwar il-prezzijiet tal-gass naturali u l-elettriku billi jużaw l-aktar sorsi u metodi xierqa li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa.

(12)

Id-data dwar il-prezzijiet imposti fuq il-konsumaturi finali tal-gass naturali u tal-elettriku għandha tippermetti t-tqabbil mal-prezzijiet ta’ komoditajiet oħrajn tal-enerġija.

(13)

L-informazzjoni tal-ġbir tad-data dwar il-prezzijiet u l-kwalità tad-data għandha tiġi pprovduta bħala parti mill-proċedura standard ta’ rapportar.

(14)

Data dettaljata dwar it-tqassim tal-livelli tal-konsum u l-ishma tas-suq rispettivi tagħhom huma parti essenzjali mill-istatistika tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku.

(15)

L-analiżi tal-prezzijiet tista’ titwettaq biss jekk tkun disponibbli statistika uffiċjali ta’ kwalità għolja mill-Istati Membri fir-rigward tal-komponenti u s-subkomponenti differenti tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku. Metodoloġija riveduta għall-ġenerazzjoni ta’ tqassim dettaljat tal-komponenti u s-subkomponenti varji tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku imposti fuq il-konsumaturi finali se tippermetti li jiġi analizzat l-impatt ta’ aspetti differenti fuq il-prezzijiet finali.

(16)

Id-data pprovduta lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet tal-bejgħ lill-konsumaturi finali, u t-tqassim tal-għadd ta’ konsumaturi finali skont il-konsum f’kull livell tal-konsum, għandu jkun fiha l-informazzjoni neċessarja biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi dwar miżuri jew proposti xierqa f’rabta mal-politika tal-enerġija.

(17)

Fehim tajjeb tat-taxxi, t-tariffi, il-levies u l-imposti f’kull Stat Membru huwa essenzjali għall-iżgurar tat-trasparenza tal-prezzijiet. Ġiet identifikata l-importanza tat-tqassim tad-data dwar il-kostijiet tan-netwerk, it-taxxi, t-tariffi, il-levies u l-imposti.

(18)

L-Istati Membri li fihom hemm konsum baxx tal-gass naturali bħala proporzjon tal-konsum finali tal-enerġija tad-djar għandhom jiġu eżentati mill-obbligu li jfornu data dwar il-prezzijiet tal-gass natural għall-konsumaturi domestiċi finali.

(19)

Il-Kummissjoni (Eurostat) flimkien mal-Istati Membri, sabiex ittejjeb l-affidabbiltà tad-data, għandha tivvaluta u, jekk ikun hemm bżonn, ittejjeb, il-metodoloġija għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data f’mod preċiż, f’konformità mal-qafas tal-governanza għall-istatistika. Għalhekk, ir-rapporti tal-kwalità għandhom jitħejjew regolarment u l-valutazzjonijiet tal-kwalità tad-data tal-prezzijiet għandhom jitwettqu regolarment.

(20)

Abbażi ta’ talba motivata minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tkun intitolata tagħti derogi lil dak l-Istat Membru b’rabta mal-obbligi speċifiċi li għalihom l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għas-sistema nazzjonali tal-istatistika ta’ dak l-Istat Membru tirrikjedi adattamenti maġġuri jew aktarx twassal għal piż addizzjonali sinifikanti fuq dawk li jwieġbu.

(21)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni fir-rigward tal-format u l-arranġamenti għat-trażmissjoni ta’ data, rekwiżiti tekniċi għall-iżgurar fir-rigward tal-kontenut għar-rapporti standard tal-kwalità, u l-għoti ta’ derogi. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(22)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ qafas legali komuni għall-produzzjoni sistematika ta’ statistika Ewropea dwar il-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

(23)

Id-Direttiva 2008/92/KE għandha għalhekk titħassar.

(24)

Il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika ġie kkonsultat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta’ statistika Ewropea komparabbli dwar il-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku għad-djar u l-konsumaturi finali mhux domestiċi fl-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“awtoprodutturi”, “konsum finali tal-enerġija” u “unità domestika” għandhom l-istess tifsira bħal dik attribwita lil dawk it-termini fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

(2)

“trażmissjoni”, “distribuzzjoni”, “konsumatur”, “konsumatur finali”, “konsumatur domestiku”, “konsumatur mhux domestiku” u “provvista” għandhom l-istess tifsira bħal dik attribwita lil dawk it-termini fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), meta użati f’rabta mal-elettriku;

(3)

“trażmissjoni”, “distribuzzjoni”, “forniment”, “konsumatur”, “konsumatur domestiku”, “konsumatur mhux domestiku” u “konsumatur finali” għandhom l-istess tifsira bħal dik attribwita lil dawk it-termini fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), meta użati f’rabta mal-gass naturali;

(4)

“komponent tan-netwerk” tfisser il-kombinament tal-kostijiet tan-netwerk tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni kif stipulat fil-punt 6 tal-Anness I u fil-punt 5 tal-Anness II.

Artikolu 3

Sorsi tad-data

L-Istati Membri għandhom jiġbru data dwar il-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku, u l-komponenti u s-subkomponenti tagħhom li jikkonċernaw il-kostijiet, it-taxxi, it-tariffi, il-levies u l-imposti tan-netwerk, u dwar il-volumi tal-konsum, b’konformità mal-Annessi I u II. Għandhom jintużaw wieħed jew aktar minn dawn is-sorsi li ġejjin, wara li jittieħed kont tal-prinċipji tat-tnaqqis tal-piż fuq dawk li jwieġbu u tas-simplifikazzjoni amministrattiva:

(a)

stħarriġiet tal-istatistika;

(b)

sorsi amministrattivi;

(c)

sorsi oħra li japplikaw metodi ta’ stima statistika.

Artikolu 4

Kopertura

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġbir u l-kompilazzjoni tad-data, f’konformità mal-Annessi I u II jipprovdu data ta’ kwalità għolja komprensibbli u komparabbli li tkun rappreżentattiva tal-prezzijiet u tal-konsum tal-gass naturali u tal-elettriku rispettivi tagħhom.

2.   L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jittrażmettu data dwar il-prezzijiet tal-gass naturali għall-konsumaturi domestiċi jekk il-konsum tal-gass naturali fis-settur domestiku jkun responsabbli għal inqas minn 1,5 % tal-konsum nazzjonali finali tal-enerġija fis-settur domestiku.

3.   Ta’ mill-inqas kull tliet snin, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tirrevedi liema Stati Membri mhumiex obbligati jittrażmettu data skont il-paragrafu 2.

Artikolu 5

Trażmissjoni tad-data

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-data lill-Kummissjoni (Eurostat) kif stipulat fl-Annessi I u II.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-format u l-arranġamenti għat-trażmissjoni tad-data kif stipulat fl-Annessi I u II. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 10(2).

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu statistika lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien tliet xhur mit-tmiem tal-perjodu ta’ referenza rilevanti.

Artikolu 6

Perjodi ta’ referenza u frekwenza tat-trażmissjoni

1.   Il-perjodi ta’ referenza għad-data speċifikata fl-Annessi I u II għandhom ikunu annwali (Jannar sa Diċembru) jew biannwali (Jannar sa Ġunju u Lulju sa Diċembru). L-ewwel perjodi ta’ referenza għandhom jibdew fl-2017.

2.   Il-frekwenza tat-trażmissjoni għandha tkun:

(a)

annwali (għall-perjodu minn Jannar sa Diċembru) għad-data msemmija fil-punti 6(a) u 7 tal-Anness I u l-punti 5(a) u 6 tal-Anness II;

(b)

biannwali (għall-perjodi minn Jannar sa Ġunju u minn Lulju sa Diċembru) għad-data msemmija fil-punt 6(b) tal-Anness I u l-punt 5(b) tal-Anness II.

Artikolu 7

Żgurar tal-kwalità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kwalità tad-data pprovduta f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, japplikaw il-kriterji standard tal-kwalità stabbiliti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

2.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni (Eurostat), mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe bidla metodoloġika jew bidla oħra li jista’ jkollha impatt sinifikanti fuq l-istatistika tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku, u fi kwalunkwe każ mhux iktar tard minn xahar wara li tokkorri dik il-bidla.

3.   Kull tliet snin, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) rapport standard tal-kwalità dwar id-data f’konformità mal-kriterji tal-kwalità stabbiliti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-ambitu u l-ġbir tad-data, il-kriterji tal-kalkolu, il-metodoloġija u s-sorsi tad-data użati, u kwalunkwe bidla fihom.

4.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tivvaluta l-kwalità tad-data pprovduta, u għandha tuża dik il-valutazzjoni u analiżi tar-rapporti dwar il-kwalità msemmijin fil-paragrafu 3 sabiex tħejji u tippubblika rapport dwar il-kwalità tal-istatistika Ewropea koperta b’dan ir-Regolament.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti tekniċi għall-iżgurar tal-kwalità fir-rigward tal-kontenut tar-rapporti tal-kwalità imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 8

Disseminazzjoni

Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tiddissemina l-istatistika tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku mhux aktar tard minn ħames xhur wara t-tmiem ta’ kull perjodu ta’ referenza.

Artikolu 9

Derogi

1.   Id-derogi jistgħu jingħataw mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni f’rabta mal-obbligi speċifiċi li għalihom l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għas-sistema nazzjonali tal-istatistika ta’ Stat Membru tirrikjedi adattamenti maġġuri jew aktarx twassal għal piż addizzjonali sinifikanti fuq dawk li jwieġbu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformitá mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 10(2).

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat għandu jissottometti talba debitament motivata lill-Kummissjoni sat-8 ta’ Awwissu 2017.

3.   Derogi mogħtija skont il-paragrafu 1 għandhom jibqgħu fis-seħħ għall-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli u fi kwalunkwe każ għal mhux aktar minn tliet snin.

4.   Stat Membru li ngħata deroga skont il-paragrafu 1 għandu japplika d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2008/92/KE għat-tul taż-żmien tad-deroga.

Artikolu 10

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 11

Tħassir tad-Direttiva 2008/92/KE

1.   Id-Direttiva 2008/92/KE titħassar b’effett mill-1 ta’ Marzu 2017.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, id-Direttiva 2008/92/KE għandha tkompli tapplika skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra huma referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Ottubru 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

I. LESAY


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Settembru 2016 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2016.

(2)  Id-Direttiva 2008/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 li tikkonċerna l-proċedura Komunitarja sabiex tittejjeb it-trasparenza ta’ prezzijiet tal-gass u tal-elettriku imposti fuq konsumaturi industrijali (ĠU L 298, 7.11.2008, p. 9).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU L 304, 14.11.2008, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).

(7)  Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).


ANNESS I

PREZZIJIET TAL-GASS NATURALI

Dan l-Anness jistabbilixxi l-metodoloġija għall-ġbir u l-kompilazzjoni tad-data statistika dwar il-prezzijiet tal-gass naturali għall-unitajiet domestiċi u l-konsumaturi finali mhux domestiċi.

1.   Prezzijiet

Il-prezzijiet għandhom ikunu dawk imposti fuq konsumaturi domestiċi u konsumaturi finali mhux domestiċi li jixtru l-gass naturali għall-użu tagħhom stess li jiġi distribwit mis-sistema prinċipali.

2.   Gass naturali

Il-gass naturali għandu jinkludi gass naturali u fjuwils gassużi oħrajn imħallta bil-gass naturali fin-netwerk tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, bħall-bijogass. Fjuwils gassużi oħrajn li huma distribwiti min-netwerks dedikati mingħajr ma jitħalltu bil-gass naturali (eż. gass għall-produzzjoni tal-gass, gass għall-produzzjoni tal-kokk, gass għall-forn tal-blast u bijogass) għandhom jiġu esklużi.

3.   Unitajiet tar-rapportar

Id-data għandha tinkludi l-konsumaturi kollha domestiċi u l-konsumaturi finali mhux domestiċi tal-gass naturali, iżda għandha teskludi lil dawk il-konsumaturi li jużaw il-gass naturali biss għal:

il-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-impjanti tal-enerġija jew f’impjanti ta’ sħana u enerġija kombinati (CHP); jew

skopijiet mhux tal-enerġija (eż. għall-użu fl-industrija tas-sustanzi kimiċi).

4.   Unitajiet tal-kejl

Il-prezzijiet għandhom ikunu l-prezzijiet nazzjonali medji imposti fuq il-konsumaturi domestiċi u l-konsumaturi finali mhux domestiċi.

Il-prezzijiet għandhom ikunu espressi fil-munita nazzjonali għal kull gigajoule (GJ). L-unità tal-enerġija użata għandha titkejjel abbażi tal-valur kalorifiku gross (GCV).

Il-prezzijiet għandhom jiġu ponderati skont is-sehem mis-suq tal-impriżi tal-provvista tal-gass naturali f’kull livell tal-konsum. Jekk ma jkunx possibbli li jiġu kkalkulati l-prezzijiet medji ponderati, jistgħu jiġu fornuti l-prezzijiet medji aritmetiċi. Fi kwalunkwe każ, id-data għandha tkopri sehem rappreżentattiv tas-suq nazzjonali.

5.   Livelli tal-konsum

Il-prezzijiet għandhom ikunu bbażati fuq sistema ta’ livelli tal-konsum annwali standard tal-gass naturali.

(a)

Għall-konsumaturi domestiċi, għandhom japplikaw il-livelli li ġejjin:

Livell tal-konsum

Konsum annwali tal-gass naturali (GJ)

 

Minimu

Massimu

Livell D1

 

< 20

Livell D2

≥ 20

< 200

Livell D3

≥ 200

 

(b)

Għall-konsumaturi finali mhux domestiċi, għandhom japplikaw il-livelli li ġejjin:

Livell tal-konsum

Konsum annwali tal-gass naturali (GJ)

 

Minimu

Massimu

Livell I1

 

< 1 000

Livell I2

≥ 1 000

< 10 000

Livell I3

≥ 10 000

< 100 000

Livell I4

≥ 100 000

< 1 000 000

Livell I5

≥ 1 000 000

< 4 000 000

Livell I6

≥ 4 000 000

 

6.   Livell ta’ dettall

Il-prezzijiet għandhom jinkludu l-imposti kollha li jridu jitħallsu: imposti tan-netwerk flimkien mal-enerġija kkunsmata nieqes kwalunkwe tnaqqis jew primjum, flimkien ma’ kwalunkwe imposta oħra (eż. kiri tal-miter, imposti permanenti). L-imposti tal-konnessjoni inizjali għandhom jiġu esklużi.

Id-data dettaljata għandha tiġi trażmessa kif speċifikat hawn taħt.

(a)   Livell ta’ dettall meħtieġ għall-komponenti u s-subkomponenti

Il-prezzijiet għandhom jitqassmu fi tliet komponenti ewlenin u f’subkomponenti separati.

Il-prezz finali tal-konsumatur għall-gass naturali skont il-livell tal-konsum huwa s-somma tat-tliet komponenti ewlenin: il-komponent tal-enerġija u l-provvista, il-komponent tan-netwerk (trażmissjoni u distribuzzjoni) u l-komponent li jinkludi t-taxxi, t-tariffi, il-levies u l-imposti.

Komponent u Subkomponent

Deskrizzjoni

Enerġija u provvista

Dan il-komponent għandu jinkludi l-prezz tal-komodità għall-gass naturali li jitħallas mill-fornitur jew il-prezz tal-gass naturali fil-punt tad-dħul fis-sistema ta’ trażmissjoni, inkluż, jekk applikabbli, il-kostijiet tal-utent finali li ġejjin: il-kostijiet tal-ħżin flimkien ma’ kostijiet marbuta mal-bejgħ tal-gass naturali lill-konsumaturi finali.

Netwerk

Il-prezz tan-netwerk għandu jinkludi l-kostijiet tal-utent finali li ġejjin: tariffi tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, telf tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, kostijiet tan-netwerk, kostijiet tas-servizz ta’ wara l-bejgħ, kostijiet tas-servizz tas-sistema u l-kiri tal-miter u l-kostijiet tal-użu tal-miter.

Subkomponent

Il-komponent tan-netwerk għandu jitqassam f’kostijiet tan-netwerk tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-utent finali, kif ġej:

1.

Sehem medju relattiv tal-kostijiet tat-trażmissjoni għall-konsumaturi domestiċi u sehem medju relattiv tal-kostijiet tat-trażmissjoni għall-konsumaturi finali mhux domestiċi, espress bħala perċentwal tal-kostijiet totali tan-netwerk.

2.

Sehem medju relattiv tal-kostijiet tad-distribuzzjoni għall-konsumaturi domestiċi u sehem medju relattiv tal-kostijiet ta’ distribuzzjoni għall-konsumaturi finali mhux domestiċi, espress bħala perċentwal tal-kostijiet totali tan-netwerk.

Taxxi, tariffi, levies u imposti

Dan il-komponent huwa s-somma tas-subkomponenti kollha (taxxi, tariffi, levies u imposti) elenkati hawn taħt.

Subkomponent

Is-subkomponenti li ġejjin għandhom jiġu trażmessi bħala entrati individwali għal kull livell tal-konsum definit fil-punt 5.

1.

It-taxxa fuq il-valur miżjud kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1).

2.

Taxxi, tariffi, levies jew imposti marbuta mal-promozzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u l-ġenerazzjoni tas-CHP.

 

3.

Taxxi, tariffi, levies jew imposti marbuta ma’ kumulazzjonijiet strateġiċi, pagamenti tal-kapaċità u s-sigurtà tal-enerġija; taxxi fuq id-distribuzzjoni tal-gass naturali; kostijiet imqassma u levies għall-finanzjament tal-awtoritajiet regolatorji tal-enerġija jew l-operaturi tas-suq u tas-sistema.

4.

Taxxi, tariffi, levies jew imposti marbuta mal-kwalità tal-arja u għal finijiet ambjentali oħra; taxxi fuq l-emissjonijiet tad-CO2 jew gassijiet serra oħrajn.

5.

It-taxxi, it-tariffi, il-levies jew l-imposti l-oħrajn kollha mhux koperti minn kwalunkwe waħda mill-erba’ kategoriji preċedenti: appoġġ għat-tisħin distrettwali; imposti fiskali lokali jew reġjonali; kumpens għall-gżejjer; tariffi ta’ konċessjoni marbuta ma’ liċenzji u tariffi għall-okkupar ta’ art u proprjetà pubblika jew privata minn netwerks jew apparat ieħor.

(b)   Livell ta’ dettall abbażi tat-tassazzjoni

Il-prezzijiet għandhom jitqassmu f’dawn it-tliet livelli li ġejjin:

Livell

Deskrizzjoni

Prezzijiet esklużi t-taxxi, it-tariffi, il-levies u l-imposti kollha

Dan il-livell tal-prezz għandu jinkludi biss il-komponent tal-enerġija u l-provvista u l-komponent tan-netwerk.

Prezzijiet esklużi t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u taxxi rikoverabbli oħrajn

Dan il-livell tal-prezz għandu jinkludi l-komponent tal-enerġija u l-provvista, il-komponent tan-netwerk u t-taxxi, it-tariffi, il-levies u l-imposti kkunsidrati bħala mhux rikoverabbli għall-konsumaturi finali mhux domestiċi. Għall-konsumaturi domestiċi dan il-livell tal-prezz għandu jinkludi l-komponenti tal-enerġija u n-netwerk u t-taxxi, it-tariffi, il-levies u l-imposti iżda jeskludi l-VAT.

Prezzijiet inklużi t-taxxi kollha

Dan il-livell tal-prezz għandu jinkludi l-komponent tal-enerġija u l-provvista, il-komponent tan-netwerk, u t-taxxi, it-tariffi, il-levies u l-imposti rikoverabbli u mhux rikoverabbli kollha, inkluża l-VAT.

7.   Volumi tal-konsum

L-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-informazzjoni dwar is-sehem relattiv tal-gass naturali f’kull livell tal-konsum abbażi tal-volum totali li għalih jirreferu l-prezzijiet.

Il-volumi tal-konsum annwali għal kull livell tal-konsum għandhom jiġu trażmessi darba fis-sena, flimkien mad-data tal-prezzijiet għat-tieni simestru.

Id-data ma għandhiex tkun iktar qadima minn sentejn.


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).


ANNESS II

PREZZIJIET TAL-ELETTRIKU

Dan l-Anness jistabbilixxi l-metodoloġija għall-ġbir u l-kompilazzjoni tad-data statistika dwar il-prezzijiet tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi u l-konsumaturi finali mhux domestiċi.

1.   Prezzijiet

Il-prezzijiet għandhom ikunu dawk mitluba minn konsumaturi domestiċi u konsumaturi finali mhux domestiċi li jixtru l-elettriku għall-użu tagħhom stess.

2.   Unitajiet tar-rapportar

Id-data għandha tinkludi l-konsumaturi kollha domestiċi u l-konsumaturi finali mhux domestiċi tal-elettriku, iżda l-elettriku ġġenerat u sussegwentement ikkunsmat mill-awtoprodutturi għandu jiġi eskluż mill-obbligu ta’ rapportar.

3.   Unitajiet ta’ kejl

Il-prezzijiet għandhom ikunu l-prezzijiet nazzjonali medji imposti fuq il-konsumaturi domestiċi u l-konsumaturi finali mhux domestiċi.

Il-prezzijiet għandhom ikunu espressi fil-munita nazzjonali għal kull kilowatt-siegħa (kWh).

Il-prezzijiet għandhom jiġu ponderati skont is-sehem tas-suq tal-impriżi tal-provvista tal-elettriku f’kull livell tal-konsum Jekk ma jkunx possibbli li jiġu kkalkulati l-prezzijiet medji ponderati, jistgħu jiġu fornuti l-prezzijiet medji aritmetiċi Fi kwalunkwe każ, id-data għandha tkopri sehem rappreżentattiv tas-suq nazzjonali.

4.   Livelli tal-konsum

Il-prezzijiet għandhom ikunu bbażati fuq sistema ta’ livelli tal-konsum annwali standard tal-elettriku.

(a)

Għall-konsumaturi domestiċi, għandhom japplikaw il-livelli li ġejjin:

Livell tal-konsum

Konsum annwali tal-elettriku (kWh)

Minimu

Massimu

Livell DA

 

< 1 000

Livell DB

≥ 1 000

< 2 500

Livell DC

≥ 2 500

< 5 000

Livell DD

≥ 5 000

< 15 000

Livell DE

≥ 15 000

 

(b)

Għall-konsumaturi finali mhux domestiċi, għandhom japplikaw il-livelli li ġejjin:

Livell tal-konsum

Konsum annwali tal-elettriku (MWh)

Minimu

Massimu

Livell IA

 

< 20

Livell IB

≥ 20

< 500

Livell IC

≥ 500

< 2 000

Livell ID

≥ 2 000

< 20 000

Livell IE

≥ 20 000

< 70 000

Livell IF

≥ 70 000

< 150 000

Livell IG

≥ 150 000

 

5.   Livell ta’ detall

Il-prezzijiet għandhom jinkludu l-imposti kollha li jridu jitħallsu: imposti tan-netwerk flimkien mal-enerġija kkunsmata, nieqes kwalunkwe tnaqqis jew primjum, flimkien ma’ kwalunkwe imposta oħra (eż. kiri tal-miter, imposti permanenti). L-imposti tal-konnessjoni inizjali għandhom jiġu esklużi.

Id-data dettaljata għandha tintbagħat kif speċifikat hawn taħt.

(a)   Livell ta’ dettall meħtieġ għall-komponenti u s-subkomponenti

Il-prezzijiet għandhom jiġu suddiviżi fi tliet komponenti ewlenin u f’ subkomponenti separati.

Il-prezz finali tal-konsumatur għall-elettriku skont il-livell tal-konsum huwa s-somma tat-tliet komponenti ewlenin: il-komponent tal-enerġija u tal-provvista, il-komponent tan-netwerk (trażmissjoni u distribuzzjoni) u l-komponent li jinkludi t-taxxi, t-tariffi, il-levies, u l-imposti.

Komponent u

Subkomponent

Deskrizzjoni

Enerġija u provvista

Dan il-komponent għandu jinkludi l-kostijiet tal-utent finali li ġejjin: ġenerazzjoni, aggregazzjoni, enerġija tal-bilanċ, kostijiet tal-enerġija fornuta, servizzi tal-konsumatur, ġestjoni ta’ wara l-bejgħ u kostijiet oħra tal-provvista.

Netwerk

Il-prezz tan-netwerk għandu jinkludi l-kostijiet tal-utent finali li ġejjin: tariffi tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, telf tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, kostijiet tan-netwerk, kostijiet tas-servizz ta’ wara l-bejgħ, kostijiet tas-servizz tas-sistema, u l-kiri tal-miter u l-kostijiet tal-użu tal-miter.

Subkomponent

Il-komponent tan-netwerk għandu jitqassam f’kostijiet tan-netwerk tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-utent finali, kif ġej:

 

1.

Sehem medju relattiv tal-kostijiet tat-trażmissjoni għall-konsumaturi domestiċi u sehem medju relattiv tal-kostijiet tat-trażmissjoni għall-konsumaturi finali mhux domestiċi, espress bħala perċentwal tal-kostijiet totali tan-netwerk.

2.

Sehem medju relattiv tal-kostijiet tad-distribuzzjoni għall-konsumaturi domestiċi u sehem medju relattiv tal-kostijiet ta’ distribuzzjoni għall-konsumaturi finali mhux domestiċi, espress bħala perċentwal tal-kostijiet totali tan-netwerk.

Taxxi, tariffi, levies u imposti

Dan il-komponent huwa s-somma tas-subkomponenti kollha (taxxi, tariffi, levies u imposti) elenkati hawn taħt.

Subkomponent

Is-subkomponenti li ġejjin għandhom jintbagħtu bħala entrati individwali għal kull livell tal-konsum definit fil-punt 4.

 

1.

It-taxxa fuq il-valur miżjud kif definit fid-Direttiva 2006/112/KE.

2.

Taxxi, tariffi, levies jew imposti marbuta mal-promozzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u l-ġenerazzjoni tas-CHP.

3.

Taxxi, tariffi, levies jew imposti marbuta mal-pagamenti tal-kapaċità, is-sigurtà tal-enerġija u l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni; taxxi fuq ir-ristrutturar tal-industrija tal-faħam; taxxi fuq id-distribuzzjoni tal-elettriku; kostijiet imqassma (stranded costs) u levies fuq l-awtoritajiet regolatorji tal-finanzjament tal-enerġija jew l-operaturi tas-suq u tas-sistema.

4.

Taxxi, tariffi, levies jew imposti marbuta mal-kwalità tal-arja u għal finijiet ambjentali oħra; taxxi fuq l-emissjonijiet tad-CO2 jew gassijiet serra oħrajn.

5.

Taxxi, tariffi, levies jew imposti marbuta mas-settur nukleari, inkluż id-dekummisjonar nukleari, l-ispezzjonijiet u t-tariffi għall-installazzjonijiet nukleari.

6.

It-taxxi, it-tariffi, il-levies jew l-imposti l-oħrajn kollha mhux koperti minn kwalunkwe waħda mill-ħames kategoriji preċedenti: appoġġ għat-tisħin distrettwali; imposti fiskali lokali jew reġjonali; kumpens għall-gżejjer; tariffi ta’ konċessjoni marbuta ma’ liċenzji u tariffi għall-okkupar ta’ art u proprjetà pubblika jew privata minn netwerks jew apparat ieħor.

(b)   Livell ta’ dettall abbażi tat-tassazzjoni

Il-prezzijiet għandhom jinqassmu f’dawn it-tliet livelli li ġejjin:

Livell

Deskrizzjoni

Prezzijiet esklużi t-taxxi, it-tariffi, il-levies u l-imposti kollha

Dan il-livell tal-prezzijiet għandu jinkludi biss il-komponent tal-enerġija u l-provvista u l-komponent tan-netwerk.

Prezzijiet esklużi t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u taxxi rikoverabbli oħrajn

Dan il-livell tal-prezzijiet għandu jinkludi l-komponent tal-enerġija u l-provvista, il-komponent tan-netwerk u t-taxxi, it-tariffi, il-levies u l-imposti kkunsidrati bħala mhux rikoverabbli għall-konsumaturi finali mhux domestiċi. Għall-konsumaturi domestiċi dan il-livell tal-prezzijiet jinkludi l-komponenti tal-enerġija u n-netwerk u t-taxxi, it-tariffi, il-levies u l-imposti iżda jeskludi l-VAT.

Prezzijiet inklużi t-taxxi kollha

Dan il-livell tal-prezzijiet għandu jinkludi l-komponent tal-enerġija u l-provvista, il-komponent tan-netwerk, u t-taxxi, it-tariffi, il-levies u l-imposti rikoverabbli u mhux rikoverabbli kollha, inkluża l-VAT.

6.   Volumi tal-konsum

L-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-informazzjoni dwar is-sehem relattiv tal-elettriku f’kull livell tal-konsum abbażi tal-volum totali li għalih jirreferu l-prezzijiet.

Il-volumi tal-konsum annwali għal kull livell tal-konsum għandhom jiġu trażmessi darba fis-sena, flimkien mad-data tal-prezzijiet għat-tieni semestru.

Id-data ma għandhiex tkun iktar qadima minn sentejn.


Top