EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1843

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1843 tat-18 ta' Ottubru 2016 dwar il-miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-akkreditazzjoni tal-laboratorji uffiċjali li jwettqu t-testijiet uffiċjali għat-Trichinella (Test b'rilevanza għaż-ŻEE )

C/2016/6564

OJ L 282, 19.10.2016, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1843/oj

19.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/38


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1843

tat-18 ta' Ottubru 2016

dwar il-miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-akkreditazzjoni tal-laboratorji uffiċjali li jwettqu t-testijiet uffiċjali għat-Trichinella

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar s-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikulari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula bidliet sinifikanti fir-regoli u l-proċeduri għall-kontrolli uffiċjali. Dan japplika mill-1 ta' Jannar 2006. Madankollu, l-applikazzjoni b'effett immedjat minn dik id-data ta' għadd ta' regoli u proċeduri minn dawn kienet se ġġib magħha diffikultajiet prattiċi f'ċerti każijiet.

(2)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004, il-laboratorji li jwettqu analiżi tal-kampjuni li jittieħdu waqt il-kontrolli uffiċjali jridu jkunu akkreditati skont ċerti standards Ewropej imsemmijin f'dak ir-Regolament. Madankollu, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2013 (2) jistabbilixxi ċerti miżuri tranżizzjonali, fosthom deroga minn dak ir-rekwiżit għal-laboratorji, biex jippermetti tranżizzjoni mingħajr xkiel għall-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli u l-proċeduri l-ġodda. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 702/2013 japplika sal-31 ta' Diċembru 2016.

(3)

Ir-Rapport tat-28 ta' Lulju 2009 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 852/2004, (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene (3), (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ir-Rapport”), “jimmira li jippreżenta l-esperjenza miksuba b'mod fattwali, inklużi d-diffikultajiet li l-partijiet interessati ltaqgħu magħhom fl-2006, fl-2007 u fl-2008 matul l-implimentazzjoni tal-pakkett [dwar l-iġjene]”.

(4)

Ir-rapport jinkludi l-esperjenzi miksuba b'rabta mal-miżuri tranżizzjonali, inklużi dawk stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004. Ir-rapport jindika li għad hemm diffikultajiet b'rabta mal-akkreditament tal-laboratorji li jkunu jinsabu fil-biċċeriji.

(5)

Fis-6 ta' Mejju 2013, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, tar-regoli dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti, dwar il-materjal riproduttiv tal-pjanti, u dwar prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (4). Dik il-proposta tistipula t-tħassir tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 u tipprevedi deroga possibbli mill-akkreditazzjoni għal-laboratorji uffiċjali li l-unika attività tagħhom hija li jiċċekkjaw jekk hemmx it-Trichinella fil-laħam.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistipula miżuri tranżizzjonali oħrajn sakemm il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw dak ir-Regolament il-ġdid.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi stipulat perjodu tranżizzjonali ieħor li matulu għandhom ikomplu japplikaw il-miżuri tranżizzjonali rilevanti li bħalissa hemm stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 702/2013.

(8)

Il-miżuri stipulati f' dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 għal perjodu tranżitorju mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Artikolu 2

B'deroga mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-awtorità kompetenti tista' taħtar laboratorju li jwettaq testijiet uffiċjali għat-Trichinella u li jkun jinsab f'biċċerija jew fi stabbiliment li jittratta t-tjur, dejjem jekk il-laboratorju, għalkemm ma jkunx akkreditat skont l-istandard Ewropew imsemmi fil-punt (a) ta' dak il-paragrafu, jipprovdi lill-awtorità kompetenti garanziji sodisfaċenti li għandu fis-seħħ skemi għall-kontroll tal-kwalità għall-analiżijiet tal-kampjuni li jwettaq bl-iskop ta' kontrolli uffiċjali.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2013 tat-22 ta' Lulju 2013 dwar miżuri tranżitorji għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-akkreditament tal-laboratorji uffiċjali li jwettqu t-testijiet uffiċjali għat-Trichinella u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1162/2009 (ĠU L 199, 24.7.2013, p. 3).

(3)  COM(2009) 403 finali.

(4)  COM(2013) 265 finali.


Top