EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1369

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1369 tal-11 ta' Awwissu 2016 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/388 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja

C/2016/5166

OJ L 217, 12.8.2016, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 16/06/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1369/oj

12.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 217/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1369

tal-11 ta' Awwissu 2016

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/388 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament antidumping bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-20 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) fetħet investigazzjoni antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja. Fil-11 ta' Marzu 2015, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni antisussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-istess prodott li joriġina mill-Indja.

(2)

Fit-18 ta' Settembru 2015, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1559 (2) (“ir-regolament antidumping provviżorju”). Il-Kummissjoni ma imponietx dazju kumpensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili li joriġinaw mill-Indja.

(3)

Fis-17 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/388 (3) (“ir-regolament antidumping definittiv”) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/387 (4) (“ir-regolament kompensatorju definittiv”).

(4)

B'konformità mar-Regolament antidumping bażiku u r-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (“ir-Regolament antisussidji bażiku”) is-sussidji tal-esportazzjoni u l-marġini tad-dumping ma jistgħux jiġu kumulati peress li s-sussidji fuq l-esportazzjoni jikkawżaw dumping. Is-sussidji tal-esportazzjoni jnaqqsu l-prezzijiet tal-esportazzjoni u jżidu l-marġini tad-dumping. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li tlieta mill-iskemi ta' sussidju investigati kienu sussidji tal-esportazzjoni. Il-Kummissjoni naqqset id-dazji anti-dumping definittivi fl-investigazzjoni antidumping bl-ammonti tas-sussidju għall-esportazzjoni li nstabu fl-investigazzjoni antisussidji parallela (6).

(5)

Id-dazju antidumping definittiv kien stabbilit għal 0 % għal Electrosteel Castings Ltd (“ECL”) u 14,1 % għal Jindal Saw Ltd (“Jindal”) u l-kumpaniji l-oħra kollha fir-Regolament antidumping definittiv (7). Il-marġni ta' dumping kien stabbilit għal 4,1 % għal ECL u 19,0 % għal Jindal u l-kumpaniji l-oħra kollha fl-istess Regolament (8). Għalhekk, id-dazju antidumping definittiv impost kien taħt il-livell ta' marġni ta' dumping definittiv misjub għaż-żewġ kumpaniji.

(6)

L-Artikolu 2 tar-Regolament antidumping definittiv stipula li l-ammonti żgurati li jaqbżu r-rati kombinati tad-dazji antidumping u kompensatorji għandhom jiġu rilaxxati. Madankollu, għadd ta' awtoritajiet doganali nazzjonali indikaw lill-Kummissjoni li din id-dispożizzjoni, fil-forma attwali tagħha, toħloq xi konfużjoni fit-termini tal-implimentazzjoni effettiva fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 2 tar-Regolament antidumping definittiv jiġi emendat biex ikun ċar li l-ammonti żgurati li jaqbżu l-marġni ta' dumping biss li għandhom jiġu rilaxxati, peress li ma ġie impost l-ebda dazju kumpensatorju provviżorju.

(8)

Jekk l-ammont tad-dazji provviżorji miġbura b'mod definittiv skont l-Artikolu 2 tar-Regolament antidumping definittiv jaqbeż dak dovut skont ir-regolament preżenti, dak l-ammont jeħtieġ li jitħallas lura jew jiġi rimess.

(9)

Fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, il-Kummissjoni teskludi t-tubi u l-pajpijiet ta' ħadid fondut duttili mingħajr kisi intern jew estern (“pajpijiet bla kisi”) mill-prodott ikkonċernat fir-Regolamenti antidumping u kompensatorji definittivi (9). Il-Kummissjoni tqis li jkun xieraq li l-importazzjonijiet ta' pajpijiet bla kisi fl-Unjoni jkun monitorizzat. Għalhekk, se jiġu stabbiliti kodiċijiet TARIC separat għall-pajpijiet bla kisi.

(10)

L-emenda kienet ġiet żvelata lill-partijiet interessati u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma wasal l-ebda kumment li joġġezzjona għall-emenda.

(11)

Il-miżuri stipulati f 'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/388 jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

L-ammonti żgurati permezz tad-dazji antidumping provviżorji skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1559 għandhom jinġabru b'mod definittiv fir-rati li ġejjin, li jigwaljaw il-marġini ta' dumping definittiv misjuba:

Kumpanija

 

Electrosteel Casting Ltd

4,1 %

Jindal Saw Limited

19 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

19 %”

(2)

Jiddaħħlu l-Artikoli 1a u 1b li ġejjin:

“Artikolu 1a

Tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili mingħajr kisi intern u estern (“pajpijiet bla kisi”) għandhom ikunu koperti mill-kodiċijiet TARIC 7303001020 u 7303009020.

Artikolu 1b

L-ammont ta' dazji mħallsa jew imdaħħla fil-kontijiet skont l-Artikolu 2 u li jaqbeż lil dak stabbilit skont l-Artikolu 1 għandu jitħallas lura jew jiġi rimess.

Il-ħlas lura u r-remissjoni għandhom jintalbu mill-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli fi żmien kif stipulat fl-Artikolu 236 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (*) u fl-Artikolu 121 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**).

(*)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1)."

(**)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).”"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika retroattivament mid-19 ta' Marzu 2016, bl-eċċezzjoni tat-twaqqif tal-kodiċijiet TARIC 7303001020 u 7303009020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Awwissu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1559 tat-18 ta' Settembru 2015 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġina mill-Indja (ĠU L 244, 19.9.2015, p. 25).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/388 tas-17 ta' Marzu 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 73, 18.3.2016, p. 53).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/387 tas-17 ta' Marzu 2016 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 73, 18.3.2016, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.)

(6)  Ara l-premessa (160) tar-Regolament antidumping definittiv.

(7)  Ara l-Artikolu 1(2) tar-Regolament antidumping definittiv.

(8)  Ara l-premessa (160) tar-Regolament antidumping definittiv.

(9)  Ara l-Artikolu 1 u l-premessi (13) – (18) tar-regolament antidumping definittiv u l-Artikolu 1 u l-premessi (24) – (29) tar-Regolament kompensatorju definittiv.


Top