EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1166

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1166 tas-17 ta' Mejju 2016 li jemenda l-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-termini tax-xiri tal-pitravi fis-settur taz-zokkor mill-1 ta' Ottubru 2017

C/2016/2783

OJ L 193, 19.7.2016, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/1166/oj

19.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 193/17


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1166

tas-17 ta' Mejju 2016

li jemenda l-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-termini tax-xiri tal-pitravi fis-settur taz-zokkor mill-1 ta' Ottubru 2017

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 125(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 125 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-bdiewa tal-pitravi u l-impriżi taz-zokkor għandhom jikkonkludu ftehimiet interprofessjonali bil-miktub. L-Anness XI ta' dak ir-Regolament jistabbilixxi ċerti kundizzjonijiet għax-xiri tal-pitravi sal-aħħar tal-kampanja ta' kummerċjalizzazzjoni 2016/2017, filwaqt li l-Anness X ta' dak ir-Regolament jistabbilixxi dawk it-termini mill-1 ta' Ottubru 2017, meta s-sistema ta' kwoti ser tkun intemmet.

(2)

Sabiex jitqiesu l-karetteristiċi speċifiċi tas-settur taz-zokkor u l-iżvilupp mistenni fis-settur fil-perjodu wara li tintemm is-sistema ta' kwoti, it-termini tax-xiri għall-pitravi msemmija fl-Anness X għandhom jiġu emendati.

(3)

Mill-1 ta' Ottubru 2017, is-settur taz-zokkor tal-pitravi se jkollu bżonn jadatta għat-tmiem tas-sistema ta' kwoti, inkluż it-tmiem tal-prezz minimu tal-pitravi u r-regolamentazzjoni tal-kwantitajiet tal-produzzjoni domestika. Għalhekk, is-settur jeħtieġ qafas legali ċar f'din it-tranżizzjoni minn settur regolat b'mod qawwi għal wieħed aktar liberalizzat. Il-bdiewa u l-impriżi taz-zokkor talbu għal aktar ċertezza legali rigward ir-regoli applikabbli għall-mekkaniżmi ta' qsim tal-valur, inkluż il-bonuses u t-telf tas-suq ibbażati fuq il-prezzijiet rilevanti tas-suq.

(4)

Il-katina tal-provvista taz-zokkor tal-unjoni hija kkaratterizzata minn ħafna bdiewa tal-pitravi taz-zokkor, ħafna minnhom żgħar, u numru limitat ta' impriżi taz-zokkor, fil-parti l-kbira kbar. Minħabba l-ħtieġa li l-fornituri tal-pitravi jippjanaw u jorganizzaw il-provvisti tal-pitravi għall-fabbriki taz-zokkor matul il-perjodi tal-ħsad tal-pitravi, hemm interess għall-bdiewa li jiġu nnegozjati ċerti termini marbuta mal-klawżoli dwar il-qsim tal-valur għax-xiri tal-pitravi mill-impriżi kkonċernati. Din hi karatteristika inerenti għall-katina tal-provvista taz-zokkor li tibqa' fis-seħħ indipendentement minn jekk ikunx hemm sistema ta' kwoti fis-seħħ jew le. Il-klawżoli dwar il-valur tal-qsim imsemmija fil-Parti XI tal-Anness XI tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 attwalment jippermettu lill-bdiewa tal-pitravi u l-impriżi taz-zokkor li jiżguraw il-provvisti tagħhom f'termini predefiniti ta' xiri b'ċertezza ta' qsim tal-profitti u tal-ispejjeż iġġenerati mill-katina tal-provvista għall-benefiċċju tal-bdiewa tal-pitravi. Il-benefiċċju tal-qsim tal-valur jittrażmetti direttament lill-bdiewa s-sinjali tal-prezzijiet fis-suq.

(5)

L-iżvilupp mistenni tas-settur fil-perjodu wara li tintemm is-sistema ta' kwoti, flimkien mal-prezzijiet relattivament baxxi taz-zokkor osservati dan l-aħħar, x'aktarx li iżommu lura lill-proċessuri l-ġodda taz-zokkor tal-pitravi milli jidħlu fis-suq, għaliex l-investimenti meħtieġa biex tinħoloq faċilità tal-ipproċessar taz-zokkor ikunu jirrikjedu prezz taz-zokkor ogħla mill-prezz tas-suq previst fil-kampanji ta' kummerċjalizzazzjoni sussegwenti biex jagħmlu qligħ. Il-prospetti għall-perjodu ta' żmien medju tal-Kummissjoni jipprevedu prezzijiet li jaġġustaw il-prezzijiet aktar 'l isfel wara li tkun ġiet fi tmiemha s-sistema ta' kwoti. B'hekk, l-istruttura attwali tal-industrija taz-zokkor tal-UE, inkluża r-relazzjoni bejn l-bdiewa tal-pitravi u l-impriżi taz-zokkor, hija mistennija li tippersisti fil-kampanji ta' kummerċjalizzazzjoni wara t-tneħħija tas-sistema ta' kwoti peress li huwa previst li ftit se jkunu l-impriżi ġodda li jidħlu fis-suq.

(6)

Fin-nuqqas ta' klawżoli dwar il-preservazzjoni tal-valur ta' qsim, il-pożizzjoni tal-bdiewa tal-pitravi fil-katina tal-ikel tista' tiġi kompromessa. Meta tintilef il-possibilità ta' negozjar tal-klawżoli dwar il-qsim ta' valur, u speċjalment f'sitwazzjoni ta' prezzijiet baxxi, il-bdiewa tal-pitravi jistgħu jkunu b'mod ċar fi żvantaġġ ekonomiku.

(7)

Għalhekk, ir-raġuni li jiġi emendat l-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 biex jippermetti n-negozjar ta' klawżoli dwar il-qsim ta' valur jibqa' validu. Għaldaqstant, hemm il-possibbiltà li l-bżonn li jiġu nnegozjati tali klawżoli jibqa' anke wara l-1 ta' Ottubru 2017.

(8)

Biex jiġu ffaċilitati n-negozjati tal-klawżoli dwar il-qsim tal-valur, huwa xieraq li tali negozjati jkunu possibbli biss bejn impriża u l-fornituri attwali jew potenzali tagħha.

(9)

Sabiex jiġi żgurat proċess flessibbli ta' negozjar, l-introduzzjoni ta' klawżola dwar il-qsim tal-valur għandu jkun fakultattiv.

(10)

Għalhekk, l-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jiġi emendat skont dan.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Parti XI tal-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jiżdied il-punt 5 li ġej:

“5.

Intrapriża taz-zokkor u l-bejjiegħa tal-pitravi kkonċernati jistgħu jaqblu fuq il-klawżoli dwar il-qsim tal-valur, inklużi l-klawżoli dwar il-bonuses u t-telf tas-suq, li jiddeterminaw kif kull evoluzzjoni tal-prezzijiet rilevanti tas-suq jew suq komoditarju oħra tiġi allokata bejniethom.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


Top