EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1042

Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1042 tal-24 ta' Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, fir-rigward tal-limitazzjoni kwantitattiva applikabbli għax-xiri sfurzat ta' trab tal-ħalib xkumat

OJ L 170, 29.6.2016, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1042/oj

29.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/1042

tal-24 ta' Ġunju 2016

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, fir-rigward tal-limitazzjoni kwantitattiva applikabbli għax-xiri sfurzat ta' trab tal-ħalib xkumat

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib qed jesperjenza perjodu mtawwal ta' żbilanċ serju fis-suq. Filwaqt li fl-2015 id-domanda għall-importazzjoni fid-dinja għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib baqgħet stabbli b'mod ġenerali meta mqabbla mal-2014, il-produzzjoni żdiedet b'mod sinifikanti fl-Unjoni u fir-reġjuni ewlenin l-oħra tal-esportazzjoni.

(2)

L-investimenti fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-ħalib fl-Unjoni, li saru bi tħejjija tat-tmiem tal-kwoti tal-ħalib u fid-dawl tal-prospetti pożittivi fit-terminu medju fis-suq dinji, wasslu għal żieda b'rata kostanti fil-produzzjoni tal-ħalib fl-Unjoni.. Il-volumi ta' ħalib żejda li jiġu prodotti għandhom jiġu pproċessati fi prodotti li jinħażnu fit-tul bħal butir u trab tal-ħalib xkumat.

(3)

Konsegwentement, fis-snin 2014 u 2015 il-prezzijiet tat-trab tal-ħalib xkumat fl-Unjoni naqsu, hekk kif laħqu l-prezz ta' intervent pubbliku.

(4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 (1) jistabbilixxi limitazzjonijiet kwantitattivi għax-xiri sfurzat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat bil-prezz fiss imsemmi f'dak ir-Regolament. Ladarba dawk il-limiti jintlaħqu, ix-xiri sfurzat għandu jitwettaq permezz ta' proċedura tal-offerti biex jiġi determinat il-prezz massimu tax-xiri sfurzat.

(5)

Il-limitazzjoni kwantitattiva inizjali ta' 109 000 tunnellata għax-xiri sfurzat ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1370/2013 intlaħqet fil-31 ta' Marzu 2016.

(6)

Sabiex is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib jiġi mgħejjun isib bilanċ ġdid fis-sitwazzjoni serja prevalenti tas-suq u biex tinżamm il-fiduċja fl-effettività tal-mekkaniżmi ta' intervent pubbliku, il-limitazzjonijiet kwantitattivi għal xiri sfurzat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss kienu rduppjaw għas-sena 2016 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/591 (2).

(7)

Qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2016/591 saret proċedura tal-offerti li fiha nxtraw b'mod sfurzat 27 000 tunnellata ta' trab tal-ħalib xkumat.

(8)

Minn meta reġa' beda x-xiri sfurzat bi prezz fiss taħt il-limitu kwantitattiv il-ġdid, il-kwantitajiet ta' trab tal-ħalib xkumat mixtrija kull ġimgħa kienu konsiderevolment ogħla milli kienu fil-bidu tas-sena. Għalhekk, huwa mistenni li l-limitazzjoni kwantitattiva l-ġdida se tintlaħaq malajr.

(9)

Fejn tinbeda proċedura tal-offerti qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, kwalunkwe volumi li jkun inxtra taħt dik il-proċedura ma għandhomx jitqies biex jiġu determinati l-volumi disponibbli għax-xiri sfurzat ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss fl-2016.

(10)

Sabiex ikun żgurat li l-miżura temporanja prevista f'dan ir-Regolament ikollha impatt immedjat fuq is-suq u tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“B'deroga mill-ewwel subparagrafu, fis-sena 2016, il-limitazzjonijiet kwantitattivi għax-xiri sfurzat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss għandu jkun ta' 100 000 tunnellata għall-butir u ta' 350 000 tunnellata għat-trab tal-ħalib xkumat. Kwalunkwe volumi li nxtraw taħt proċedura tal-offerti diġa mibdija fid-29 ta' Ġunju 2016 m'għandhomx jitnaqqsu minn dawk il-limitazzjonijiet kwantitattivi.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/591 tal-15 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, fir-rigward tal-limitazzjonijiet kwantitattivi applikabbli għax-xiri sfurzat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat (ĠU L 103, 19.4.2016, p. 3).


Top