EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0908

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/908 tas-26 ta' Frar 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji, il-proċedura u r-rekwiżiti biex tiġi stabbilita prattika tas-suq aċċettata u r-rekwiżiti biex tinżamm, tiġi terminata jew jiġu modifikati l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni tagħha (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/1087

OJ L 153, 10.6.2016, p. 3–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/908/oj

10.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/908

tas-26 ta' Frar 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji, il-proċedura u r-rekwiżiti biex tiġi stabbilita prattika tas-suq aċċettata u r-rekwiżiti biex tinżamm, tiġi terminata jew jiġu modifikati l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni tagħha

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1), u b'mod partikulari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(7) tiegħu,

Billi:

(1)

L-ispeċifikazzjoni ta' kriterji, proċeduri u rekwiżiti komuni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' arranġament uniformi fl-isfera ta' prattiki tas-suq aċċettati (AMPs), ittejjeb iċ-ċarezza tar-reġim legali li skontu dawn il-prattiki huma permessi u tippromwovi imġieba ġusta u effiċjenti fost il-parteċipanti fis-suq. Għandha tirrinforza wkoll il-funzjonament ordnat tas-suq u l-integrità tas-suq.

(2)

Sabiex tassigura li AMPs ma jkunux ta' theddida għall-innovazzjoni u t-tkomplija tal-iżvilupp dinamiku tas-swieq finanzjarji, xejriet ġodda jew ta' swieq emerġenti li jistgħu jirriżultaw fi prattiki tas-suq ġodda m'għandhomx awtomatikament jiġu preżunti li mhumiex aċċettabbli mill-awtoritajiet kompetenti. Minflok, dawn l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw jekk tali prattiki tas-suq jikkonformawx mal-kriterji stipulati f'dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) Nru 596/2014.

(3)

AMPs għandhom jiġu kondotti f'manjiera li tiżgura l-integrità tas-suq u l-ħarsien tal-investitur mingħajr ma joħolqu riskji għal parteċipanti oħra fis-suq u għal swieq oħra relatati. Konsegwentement, għandha tingħata attenzjoni dovuta lit-trasparenza u l-kundizzjonijiet li jiggvernaw il-prattiki tas-suq proposti għall-klassifikazzjoni bħala AMPs. Meta jiġi vvalutat il-livell ta' trasparenza ta' prattiki tas-suq proposti bħala AMPs kemm għall-pubbliku u kemm għall-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw l-istadji varji tat-twettiq ta' AMPs potenzjali. Konsegwentement, huwa xieraq li rekwiżiti ta' trasparenza speċifiċi għandhom jiġu stipulati għal dawk l-istadji, partikularment qabel l-AMP titwettaq minn parteċipanti tas-suq, matul it-twettiq tagħha u meta l-parteċipanti tas-suq jieqfu jwettqu l-AMP.

(4)

Prattiki tas-suq li jistgħu jiġu stabbiliti minn awtoritajiet kompetenti bħala AMPs jistgħu jkunu differenti fit-tip u n-natura. Meta tkun qed tistabbilixxi prattika tas-suq bħala AMP, awtorità kompetenti għandha tivvaluta l-frekwenza tad-divulgazzjoni meħtieġa mill-persuni kollha li se jwettquha sabiex tiżgura li hija adattata u xierqa għall-prattika tas-suq inkwistjoni. Il-frekwenza ta' divulgazzjoni għandha tilħaq bilanċ bejn il-ħtieġa li l-pubbliku jkun infurmat u li l-awtorità kompetenti tkun ipprovduta b'informazzjoni għall-monitoraġġ għaddej u l-piż fuq dawk li jwettqu l-AMP sabiex jiddivulgaw informazzjoni perjodikament. Barra minn hekk, meta jivvalutaw prattika tas-suq li tista' titwettaq barra minn ċentru tan-negozjar, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw jekk ir-rekwiżit għal livell sostanzjali ta' trasparenza għas-suq intlaħaqx.

(5)

L-awtoritajiet kompetenti li jkunu aċċettaw prattika tas-suq għandhom jiżguraw li hija mmonitorjata adegwatament b'diliġenza u attenzjoni dovuta. Għaldaqstant, persuni li jwettqu l-prattika tas-suq għandhom ikunu meħtieġa li jżommu rekords suffiċjenti tat-tranżazzjonijiet u l-ordnijiet kollha sabiex l-awtoritajiet kompletament jkunu jistgħu jissodisfaw il-funzjonijiet superviżorji tagħhom u jwettqu l-azzjonijiet ta' infurzar previsti fir-Regolament (UE) Nru 596/2014. Huwa tal-għola importanza wkoll li l-attività tat-twettiq tal-prattika tas-suq tkun tista' tingħaraf minn attivitajiet oħra ta' negozju li jwettqu fuq il-kont tagħhom stess jew fuq il-kont ta' klijenti. Dan jista' jintlaħaq billi jinżammu kontijiet separati.

(6)

L-istatus tal-entità li twettaq il-prattika tas-suq aċċettata hija element partikulari li jrid jiġi kkunsidrat, speċjalment meta dik l-entità tkun qed taġixxi f'isem jew fuq kont ta' persuna oħra li hija l-benefiċjarja diretta tal-prattika tas-suq. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw jekk il-fatt li tkun persuna taħt superviżjoni huwa rilevanti għall-aċċettazzjoni ta' prattika tas-suq partikulari taħt konsiderazzjoni.

(7)

Meta jiġi vvalutat l-impatt ta' prattiki tas-suq propost għall-klassifikazzjoni bħala AMPS fuq il-likwidità u l-effiċjenza tas-suq, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw l-objettiv ta' prattiki tas-suq, pereżempju, jekk, f'ċirkustanza partikolari, l-objettiv huwa li jiġu promossi prattiki tas-suq kummerċjali regolari ta' strumenti finanzjarji mhux likwidi, sabiex jiġi evitat kull abbuż mis-suq, jew li tipprovdi kwotazzjonijiet meta jkun hemm riskju li ma jkunx hemm kontropartijiet għal operazzjonijiet kummerċjali jew li jiġu ffaċilitati l-operazzjonijiet ordnati fejn parteċipant għandu pożizzjoni dominanti. Fir-rigward tal-prezzijiet, dawn l-objettivi jistgħu wkoll ifittxu li jimminimizzaw il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet minħabba firxiet eċċessivi u limitati tal-provvista jew id-domanda ta' strument finanzjarju mingħajr ma jiġi kompromess l-iżvilupp tas-suq, li jipprovdi trasparenza fil-prezzijiet jew biex tiffaċilita evalwazzjoni ġusta tal-prezzijiet fi swieq fejn ħafna tranżazzjonijiet huma mwettqa 'l barra minn ċentru tan-negozjar.

(8)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

(9)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(10)

Sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'urġenza u li d-dispożizzjonijiet previsti f'dan ir-Regolament ikunu japplikaw mill-istess data bħal dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 596/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DIŻPOŻIZZJONI ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “persuni taħt superviżjoni” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

ditti tal-investiment awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3);

(b)

istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

(c)

kontropartijiet finanzjarji kif definit fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

(d)

kwalunkwe persuna soġġetta għal awtorizzazzjoni, rekwiżiti organizzazzjonali u s-superviżjoni minn “awtorità finanzjarja kompetenti” jew “awtorità regolatorja nazzjonali” kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

(e)

kwalunkwe persuna soġġetta għal awtorizzazzjoni, rekwiżiti organizzazzjonali u s-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti, ir-regolaturi u l-aġenziji responsabbli għal swieq tal-komoditajiet attwali jew tad-derivattivi;

(f)

operaturi b'obbligi ta' konformità skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra.

KAPITOLU II

PRATTIKI TAS-SUQ AĊĊETTATI

TAQSIMA 1

L-istabbiliment ta' prattika tas-suq aċċettata

Artikolu 2

Rekwiżiti ġenerali

1.   Qabel ma jistabbilixxu prattika tas-suq bħala prattika tas-suq aċċettata (AMP) l-awtoritajiet kompetenti għandhom:

(a)

jevalwaw il-prattika tas-suq kontra kull wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u speċifikati aktar fit-Taqsima 2 ta' dan il-Kapitolu;

(b)

jikkonsultaw kif xieraq mal-korpi rilevanti inkluż, bħala minimu, rappreżentanti tal-emittenti, id-ditti ta' investiment, l-istituzzjonijiet ta' kreditu, l-investituri, il-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet, l-operaturi tas-suq li joperaw faċilità multilaterali tan-negozjar (MTF) jew f'faċilità organizzata tan-negozjar (OTF) u l-operaturi ta' suq regolat, u awtoritajiet oħra dwar kemm hu xieraq li tiġi stabbilita prattika tas-suq bħala AMP.

2.   L-awtoritajiet kompetenti li għandhom l-intenzjoni li jistabbilixxu prattika tas-suq bħala AMP għandhom jinnotifikaw lill-ESMA u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra dwar dik l-intenzjoni skont il-proċedura stipulata fit-Taqsima 3, bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness.

3.   Meta l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu prattika tas-suq bħala AMP f'konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u ma' dan ir-Regolament, għandhom jippubblikaw fuq is-sit elettroniku tagħhom id-deċiżjoni li tistabbilixxi prattika tas-suq bħala AMP u deskrizzjoni AMP konċernat, skont il-mudell stabbilit fl-Anness li jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni tat-tipi ta' persuni li jistgħu jwettqu l-AMP;

(b)

deskrizzjoni tat-tipi ta' persuna jew grupp ta' persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-prestazzjoni tal-AMP, jew billi jwettqu dan direttament jew permezz tal-ħatra ta' persuna oħra li jwettqu l-AMP (“benefiċjarju”);

(c)

deskrizzjoni tat-tip ta' strument finanzjarju li għalih tirrelata l-AMP;

(d)

indikazzjoni ta' jekk l-AMP tistax titwettaq għal perjodu speċifiku ta' żmien u deskrizzjoni ta' sitwazzjonijiet jew kondizzjonijiet li jwasslu għal interruzzjoni temporanja, is-sospensjoni jew it-tmiem ta' din il-prattika.

Il-persuni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu responsabbli għal kwalunkwe deċiżjoni ta' negozjar, inklużi, is-sottomissjoni ta' ordni, il-kanċellazzjoni jew l-emenda ta' ordni, u l-konklużjoni ta' tranżazzjoni jew għat-twettiq ta' negozjar b'rabta mal-AMP.

TAQSIMA 2

Speċifikazzjoni tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġu stabbiliti prattiki tas-suq

Artikolu 3

Trasparenza

1.   Fid-determinazzjoni ta' jekk prattika tas-suq tistax tkun stabbilita bħala AMP u jekk tkunx tissodisfa l-kriterju stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżaminaw jekk il-prattika tas-suq tkunx tiżgura li l-informazzjoni li ġejja se jiġu żvelati lill-pubbliku:

(a)

qabel ma titwettaq il-prattika tas-suq bħala AMP:

(i)

l-identitajiet tal-benefiċjarji u l-persuni li se jwettquha u l-persuna fosthom li hija responsabbli li tissodisfa r-rekwiżiti ta' trasparenza skont il-punti (b) u (c) ta' dan il-paragrafu;

(ii)

l-identifikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji li għalihom l-AMP għandu japplika;

(iii)

il-perjodu li matulu l-AMP se titwettaq u sitwazzjonijiet jew kundizzjonijiet li jwasslu għall-interruzzjoni temporanja, is-sospensjoni jew it-tmiem tat-twettiq tagħha;

(iv)

l-identifikazzjoni tal-postijiet tan-negozjar li fihom l-AMP se titwettaq, u, fejn applikabbli, indikazzjoni dwar il-possibbiltà li jiġu eżegwiti tranżazzjonijiet barra minn ċentru tan-negozjar;

(v)

referenza għall-ogħla ammonti ta' flus kontanti u ta' numru ta' strumenti finanzjarji allokati għat-twettiq tal-AMP, jekk applikabbli.

(b)

ġaladarba l-prattika tas-suq titwettaq bħala AMP:

(i)

fuq bażi perjodika, dettalji tal-attività ta' negozjar relatati mal-prestazzjoni tal-AMP bħall-għadd ta' tranżazzjonijiet eżegwiti, volum innegozjat, id-daqs medju tat-tranżazzjonijiet u firxiet medji kwotat, il-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet eżegwiti;

(ii)

kwalunkwe bidliet fl-informazzjoni li kienet żvelata preċedentament dwar l-AMP, inklużi bidliet relatati mar-riżorsi disponibbli f'termini ta' flus u strumenti finanzjarji, bidla li tirrigwarda l-identità tal-persuni li jwettqu l-AMP, u kull bidla fl-allokazzjoni ta' flus kontanti jew ta' strumenti finanzjarji fil-kontijiet tal-benefiċjarju u l-persuni li jwettqu l-AMP.

(c)

meta l-prattika tas-suq ma tibqax titwettaq bħala AMP fuq l-inizjattiva tal-persuna li kienet qed twettaqha, tal-benefiċjarju jew tat-tnejn li huma:

(i)

il-fatt li t-twettiq tal-AMP waqaf;

(ii)

deskrizzjoni ta' kif tkun twettqet l-AMP;

(iii)

ir-raġunijiet jew il-kawżi għat-twaqqif tat-twettiq tal-AMP.

Għall-finijiet tal-punt (b)(i), fejn diversi tranżazzjonijiet huma mwettqa f'sessjoni waħda ta' negozju, iċ-ċifri aggregati ta' kuljum jistgħu jkunu aċċettabbli f'dak li għandu x'jaqsam mal-kategoriji xierqa ta' informazzjoni.

2.   Fid-determinazzjoni ta' jekk prattika tas-suq tistax tkun stabbilita bħala AMP u jekk tkunx tissodisfa l-kriterju stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżaminaw jekk il-prattika tas-suq tkunx tiżgura li l-informazzjoni li ġejja se jiġu żvelati lilhom:

(a)

qabel ma prattika tas-suq titwettaq bħala AMP, l-arranġamenti jew il-kuntratti bejn benefiċjarji identifikati u l-persuni li se jwettqu l-prattika tas-suq ġaladarba tkun stabbilita bħala AMP fejn dawn l-arranġamenti jew kuntratti huma meħtieġa għat-twettiq tagħha;

(b)

ġaladarba din il-prattika tas-suq hija mwettqa bħala AMP, rapport perjodiku lill-awtorità kompetenti li jipprovdi dettalji dwar it-tranżazzjonijiet eżegwiti u dwar l-operazzjonijiet ta' kwalunkwe arranġament jew kuntratt bejn il-benefiċjarju u l-persuni li jwettqu l-AMP.

Artikolu 4

Salvagwardji tal-operazzjonijiet tal-forzi tas-suq u l-interazzjoni tal-forzi tal-provvista u d-domanda

1.   Fid-determinazzjoni ta' jekk prattika tas-suq proposta li tkun stabbilita bħala AMP tkunx tissodisfa l-kriterju stipulat fil-punt (b) tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw jekk il-prattika tas-suq tkunx tillimita l-opportunitajiet għal parteċipanti oħra fis-suq li jirreaġixxu għal tranżazzjonijiet. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw ukoll tal-inqas il-kriterji li ġejjin dwar it-tipi ta' persuni li ser iwettqu l-prattika tas-suq, ladarba jkunu stabbiliti bħala AMP:

(a)

jekk humiex persuni taħt sorveljanza;

(b)

jekk humiex membri ta' ċentru ta' negozjar fejn l-AMP se titwettaq;

(c)

jekk iżommux rekords tal-ordnijiet u tat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-prattika tas-suq imwettqa b'mod li jippermetti li jingħarfu faċilment minn attivitajiet kummerċjali oħra, inkluż permezz taż-żamma ta' kontijiet separati għat-twettiq tal-AMP, b'mod partikolari biex juri li l-ordnijiet introdotti jiddaħħlu separatament u b'mod individwali mingħajr ma jaggregaw ordnijiet minn diversi klijenti;

(d)

jekk ikunu daħħlu fis-seħħ proċeduri interni speċifiċi li jippermettu:

(i)

l-identifikazzjoni immedjata tal-attivitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-prattika tas-suq;

(ii)

id-disponibbiltà malajr tar-rekords tal-ordnijiet u t-tranżazzjonijiet rilevanti lill-awtorità kompetenti meta mitluba;

(e)

jekk ikollhomx ir-riżorsi għall-konformità u l-verifika meħtieġa biex ikunu jistgħu jissorveljaw u jiżguraw il-konformità kontinwa mal-kundizzjonijiet stabbiliti għall-AMP;

(f)

jekk iżommux ir-rekords imsemmija fil-punt (c) għal perjodu ta' mill-inqas ħames snin.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu sa fejn il-prattika tas-suq tistabbilixxi lista ex ante tal-kundizzjonijiet ta' kummerċ għat-twettiq tagħha bħala AMP, inklużi limiti fir-rigward ta' prezzijiet u volumi u limiti fuq il-pożizzjonijiet.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw sa fejn il-prattika tas-suq u l-arranġament jew kuntratt għat-twettiq tagħha:

(a)

jippermettu lill-persuna li twettaq l-AMP li taġixxi b'mod indipendenti mill-benefiċjarju mingħajr ma tkun soġġetta għal istruzzjonijiet, informazzjoni jew influwenza mill-benefiċjarju fir-rigward tal-mod li bih għandu jitwettaq in-negozjar;

(b)

jipprevedu l-evitar ta' konflitti ta' interess bejn il-benefiċjarju u l-klijenti tal-persuna li twettaq l-AMP.

Artikolu 5

Impatt fuq il-likwidità u l-effiċjenza tas-suq.

Fid-determinazzjoni ta' jekk prattika tas-suq proposta li tkun stabbilita bħala AMP tkunx tissodisfa l-kriterju stipulat fil-punt (c) tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw l-impatt li jkollha l-prattika tas-suq għallinqas fuq dawn l-elementi li ġejjin:

(a)

il-volum nnegozjat;

(b)

l-għadd ta' ordnijiet fir-reġistru tal-ordnijiet (il-fond tal-ordni);

(c)

il-ħeffa tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet;

(d)

prezz medju peżat skont il-volum ta' prezz tal-għeluq ta' kuljum ta' sessjoni unika;

(e)

il-firxa prezz/offerta, ċaqliq fil-prezzijiet u l-volatilità;

(f)

ir-regolarità ta' kwotazzjonijiet jew tranżazzjonijiet.

Artikolu 6

Impatt fuq il-funzjonament xieraq tas-suq

1.   Fid-determinazzjoni ta' jekk prattika tas-suq proposta li tkun stabbilita bħala AMP tkunx tissodisfa l-kriterju stipulat fil-punt (d) tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu dawn l-elementi li ġejjin:

(a)

il-possibbiltà li l-prattika tas-suq tista' taffettwa l-proċessi ta' formazzjoni tal-prezzijiet f'ċentru tan-negozjar;

(b)

il-limitu sa fejn il-prattika tas-suq tista' tiffaċilita l-evalwazzjoni ta' prezzijiet u ordnijiet mdaħħla fil-ktieb tal-ordnijiet u jekk it-tranżazzjonijiet li għandhom jitwettqu jew ordnijiet li għandhom ikunu introdotti għat-twettiq tagħha bħala AMP jiksrux ir-regoli korrispondenti ta' negozjar tal-post tan-negozjar;

(c)

il-modalitajiet li bihom l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tiġi żvelata lill-pubbliku anki fejn din tkun żvelata fuq is-sit elettroniku tal-pjattaforma tan-negozju rilevanti u, meta xieraq, fejn fl-istess ħin tkun rilaxxata fuq is-siti elettroniċi tal-benefiċjarji;

(d)

il-limitu sa fejn il-prattika tas-suq tistabbilixxi lista ex ante ta' sitwazzjonijiet jew kundizzjonijiet meta t-twettiq tagħha bħala AMP jiġi temporanjament sospiż jew ristrett, fost oħrajn perjodi ta' negozjar jew fażijiet partikolari bħal fażijiet tal-irkant, akkwiżizzjonijiet, offerti pubbliċi inizjali, żidiet fil-kapital, offerti sekondarji.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, prattika tas-suq fejn tranżazzjonijiet u ordnijiet jkunu ssorveljati f'ħin reali mill-operatur tas-suq jew id-ditta ta' investiment jew l-operaturi tas-suq li jħaddmu MTF jew OTF għandhom jiġu kkunsidrati wkoll.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw sa liema punt il-prattika tas-suq jippermetti:

(a)

ordnijiet relatati mal-eżekuzzjoni tagħha li għandhom jiġu ppreżentati u mwettqa matul il-fażijiet tal-irkant tal-ftuħ jew tal-għeluq ta' sessjoni tan-negozjar;

(b)

ordnijiet jew tranżazzjonijiet relatati mal-eżekuzzjoni tagħha li jiġu introdotti jew imwettqa matul perjodi meta jitwettqu operazzjonijiet ta' xiri lura u ta' stabilizzazzjoni.

Artikolu 7

Riskji għall-integrità ta' swieq relatati

Fid-determinazzjoni ta' jekk prattika tas-suq proposta li tkun stabbilita bħala AMP tkunx tissodisfa l-kriterju stipulat fil-punt (e) tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu:

(a)

jekk it-tranżazzjonijiet relatati mat-twettiq tal-prattika tas-suq, ġaladarba jkunu stabbiliti bħala AMP jiġux irrappurtati lill-awtoritajiet kompetenti fuq bażi regolari;

(b)

jekk ir-riżorsi (flus kontanti jew strumenti finanzjarji) allokati għat-twettiq tal-AMP huma proporzjonati u konformi mal-objettivi tal-AMP innifsu;

(c)

in-natura u l-livell ta' kumpens għal servizzi pprovduti fi ħdan għat-twettiq ta' AMP u jekk dan il-kumpens huwiex stabbilit bħala ammont fiss; fejn kumpens varjabbli huwa propost, m'għandux iwassal għal imġiba li tista' tkun ta' ħsara għall-integrità tas-suq jew għall-funzjonament ordnat tas-suq u għandu jkun disponibbli għall-awtorità kompetenti għal valutazzjoni;

(d)

jekk it-tip ta' persuni li ser iwettqu l-AMP jiżguraw, fejn xieraq għas-suq taħt konsiderazzjoni, separazzjoni adegwata tal-assi ddedikati għat-twettiq tal-AMP mill-assi tal-klijenti tagħha, jekk ikun hemm, jew l-assi tagħha stess;

(e)

jekk il-kompiti rispettivi tal-benefiċjarji u tal-persuni li jwettqu l-AMP jew, fejn xieraq, id-dazji kondiviżi minnhom humiex definiti b'mod ċar;

(f)

jekk it-tip ta' persuni li se jwettqu l-AMP jkollhomx fis-seħħ struttura organizzattiva u arranġamenti interni adegwati biex ikun żgurat li d-deċiżjonijiet tal-kummerċ dwar l-AMP jibqgħu kunfidenzjali minn unitajiet oħra fi ħdan dik il-persuna u indipendenti minn ordnijiet għan-negozjar li jaslu mingħand il-klijenti, ġestjoni ta' portafoll jew ordnijiet li jsiru f'isimha;

(g)

jekk il-proċess ta' rappurtar adegwat bejn il-benefiċjarju u l-persuna li se jwettqu l-AMP jinsabx f'postu biex jippermetti l-iskambju ta' tagħrif meħtieġ biex jissodisfa l-obbligi kuntrattwali jew legali rispettivi tagħhom, jekk applikabbli.

Artikolu 8

Investigazzjoni tal-prattika tas-suq

Fid-determinazzjoni ta' jekk prattika tas-suq proposta li tkun stabbilita bħala AMP tkunx tissodisfa l-kriterju stipulat fil-punt (f) tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom b'mod partikulari jikkunsidraw ir-riżultat ta' kwalunkwe investigazzjoni fis-swieq li jimmonitorjaw li jistgħu jiddubitaw l-AMP li tkun se tiġi stabbilita.

Artikolu 9

Karatteristiċi strutturali tas-suq

Meta tittieħed inkonsiderazzjoni, skont il-punt (g) tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, il-parteċipazzjoni ta' investituri fil-livell ta' konsum fis-suq rilevanti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw mill-inqas:

(a)

l-impatt li l-prattika tas-suq jista' jkollha fuq l-interessi tal-investituri fil-livell ta' konsum fejn il-prattika tas-suq tikkonċerna l-istrumenti finanzjarji nnegozjati fi swieq li fihom l-investituri fil-livell tal-konsum jipparteċipaw;

(b)

jekk il-prattika tas-suq iżżid il-probabbiltà li investituri bl-imnut li jsibu kontropartijiet fi strumenti finanzjarji b'likwidità baxxa, mingħajr ma żżid ir-riskji sostnuti minnhom.

TAQSIMA 3

Proċeduri

Artikolu 10

Notifika meta jkun hemm l-intenzjoni li tiġi stabbilita prattika tas-suq aċċettabbli

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw, f'konformità mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-intenzjoni tagħhom li jistabbilixxu AMP bil-posta jew bl-e-Mail lill-ESMA u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra simultanjament, bl-użu ta' lista ta' punti ta' kuntatt identifikati minn qabel li għandhom jiġu stabbiliti u mantenuti b'mod regolari mill-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA.

2.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

dikjarazzjoni tal-intenzjoni li tiġi stabbilita AMP, inkluż id-data mistennija ta' stabbiliment;

(b)

l-identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti li tinnotifika u d-dettalji ta' kuntatt tal-persuna(i) ta' kuntatt fi ħdan l-awtorità kompetenti (l-isem, in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-posta elettronika professjonali, titlu);

(c)

deskrizzjoni dettaljata tal-prattika tas-suq inkluż:

(i)

l-identifikazzjoni tat-tipi ta' strument finanzjarju u ċentri tan-negozjar li fihom se titwettaq l-AMP;

(ii)

it-tipi ta' persuni li jistgħu jwettqu l-AMP;

(iii)

it-tip ta' benefiċjarji;

(iv)

l-indikazzjoni ta' jekk il-prattika tas-suq tistax titwettaq għal perjodu speċifikat ta' żmien u ta' kwalunkwe sitwazzjonijiet jew kondizzjonijiet li jwasslu għal interruzzjoni temporanja, sospensjoni jew terminazzjoni ta' din il-prattika.

(d)

ir-raġuni li għaliha l-prattika tista' tikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

(e)

id-dettalji tal-valutazzjoni li ssir skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.

3.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi t-tabella għall-valutazzjoni ta' prattika tas-suq proposta bl-użu tal-mudell fl-Anness.

Artikolu 11

Opinjoni tal-ESMA

1.   Wara li tirċievi n-notifika msemmija fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u qabel ma toħroġ l-opinjoni meħtieġa skont dak il-paragrafu, l-ESMA għandha tagħti bidu, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' kwalunkwe awtorità kompetenti, proċess biex tipprovdi lill-awtorità kompetenti li tinnotifika b'kummenti, tħassib, nuqqas ta' ftehim jew talba għal kjarifiki preliminari, jekk ikun hemm, dwar il-prattika tas-suq notifikata. L-awtorità kompetenti li tinnotifika tista' tipprovdi kjarifika ulterjuri dwar il-prattika tas-suq innotifikat lill-ESMA.

2.   Fejn matul il-proċess imsemmi fil-paragrafu 1, kwalunkwe bidla fundamentali jew sinifikanti li taffettwa l-bażi jew is-sustanza tal-prattika tas-suq notifikata jew il-valutazzjoni mwettqa mill-awtorità kompetenti li tinnotifika, il-proċess tal-ħruġ tal-opinjoni tal-ESMA dwar il-prattika notifikata għandu jitwaqqaf. Jekk ikun il-każ, l-awtorità kompetenti għandha tibda proċess ġdid għall-istabbiliment ta' żvilupp bħala mudell modifikat f'konformità mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.

TAQSIMA 4

Manteniment, modifikazzjoni u terminazzjoni ta' prattiki tas-suq aċċettati

Artikolu 12

Eżami ta' AMP stabbilita

1.   L-awtoritajiet kompetenti li jkunu stabbilixxew AMPs għandhom jivvalutaw regolarment, u mill-inqas kull sentejn, jekk il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tal-AMP stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u fit-Taqsima 2 ta' dan il-Kapitolu jibqgħux jiġu sodisfatti.

2.   Minkejja l-eżami regolari skont l-Artikolu 13(8) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, il-proċess ta' valutazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi attivat ukoll:

(a)

meta kwalunkwe sanzjoni li tinvolvi AMP stabbilita tiġi imposta;

(b)

meta minħabba bidla sinifikanti fl-ambjent tas-suq imsemmi fl-Artikolu 13(8) ta' dan ir-Regolament, xi waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet ta' aċċettazzjoni ta' prattika stabbilita ma jibqgħux jiġu ssodisfati;

(c)

meta awtorità kompetenti jkollha raġunijiet biex tissuspetta li azzjonijiet kontra r-Regolament (UE) Nru 596/2014 qed jiġu jew ġew imwettqa minn benefiċjarji tal-AMP, jew minn persuni li jwettquha.

3.   Fil-każ li l-valutazzjoni tiżvela li AMP stabbilita ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti oriġinali ta' evalwazzjoni stabbilixxew fit-Taqsima 2, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jew jipproponu modifika tal-kundizzjonijiet tal-aċċettazzjoni jew jitterminaw l-AMP, b'kont meħud tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-ESMA dwar l-eżitu tal-proċess ta' evalwazzjoni, inkluż meta l-AMP tinżamm mingħajr modifikazzjoni.

5.   Fejn awtorità kompetenti tipproponi li timmodifika l-kundizzjonijiet tal-aċċettazzjoni ta' AMP stabbilita, din għandha tikkonforma mar-rekwiżiti fl-Artikolu 2.

6.   Fejn awtorità kompetenti tiddeċiedi li ttemm AMP stabbilita, għandha tiżvela pubblikament u tikkomunika simultanjament id-deċiżjoni tagħha lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kollha u lill-ESMA, waqt li tindika d-data ta' terminazzjoni, bil-għan li tiġi aġġornata l-lista ta' AMPs ippubblikata minnha skont l-Artikolu 13(9) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.

Artikolu 13

Kriterji għall-modifikazzjoni jew it-terminazzjoni ta' AMP stabbilita

Fid-determinazzjoni ta' jekk itemmux AMP stabbiliti jew jipproponux modifikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-aċċettazzjoni tagħha, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu:

(a)

sa liema punt il-benefiċjarji jew il-persuni li jwettqu l-AMP ikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti skont dak l-AMP;

(b)

sa liema punt il-komportament tal-benefiċjarji jew tal-persuni li jwettqu xi AMP irriżulta fil-fatt li kwalunkwe wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 ma baqax jiġi sodisfatt;

(c)

sa liema punt l-AMP ma ntużatx minn parteċipanti tas-suq għal perjodu ta' żmien;

(d)

jekk bidla sinifikanti fl-ambjent tas-suq rilevanti msemmi fl-Artikolu 13(8) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tirriżulta fl-impossibbiltà li xi waħda mill-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tal-AMP ma tibqax sodisfatta jew li ma jkunx meħtieġ li tiġi sodisfatta, b'kunsiderazzjoni, b'mod partikolari:

(i)

jekk l-objettiv ta' din l-AMP sar impossibbli;

(ii)

jekk l-użu kontinwu tal-AMP stabbilita jistax jaffettwa b'mod ħażin l-integrità jew l-effiċjenza tas-swieq taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti;

(e)

jekk teżistix sitwazzjoni li taqa' taħt kwalunkwe dispożizzjoni ta' terminazzjoni ġenerali fl-AMP stabbilita innifisha.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONI FINALI

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Jibda japplika mit-3 ta' Lulju 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, is-26 ta' Frar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(4)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).


ANNESS

Mudell għan-notifikazzjoni tal-intenzjoni li jiġu stabbiliti prattiki tas-suq aċċettati

Prattiki tas-suq aċċettati (AMP) dwar [daħħal isem l-AMP]

Data proposta ta' stabbiliment tal-AMP: [daħħal id-data meta l-AMP hija maħsuba li tiġi stabbilita billi tiġi nnotifikata l-awtorità kompetenti]

Deskrizzjoni tal-AMP:

[daħħal it-test, inkluż l-identifikazzjoni tat-tipi ta' strument finanzjarju u ċentri ta' negozjar li fuqhom l-AMP se tiġi mwettqa; it-tipi ta' persuni li jistgħu jwettqu l-AMP; it-tipi ta' benefiċjarji, u, l-indikazzjoni ta' jekk il-prattika tas-suq tistax tiġi mwettqa għal perjodu ta' żmien determinat u ta' kwalunkwe sitwazzjonijiet jew kundizzjonijiet li jwasslu għal interruzzjoni temporanja, sospensjoni jew terminazzjoni tal-prattika]

Raġunijiet li għalihom il-prattika tista' tikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq

[daħħal it-test]

VALUTAZZJONI

Lista ta' kriterji kkunsidrati

Konklużjoni tal-awtorità kompetenti u raġunijiet

(a)

Livell ta' trasparenza pprovdut lis-suq

[daħħal it-test biex timla' r-raġuni għal dan il-kriterju]

(b)

Il-livell ta' salvagwardji tal-operat tal-forzi tas-suq u tal-interazzjoni xierqa bejn il-forzi tal-forniment u t-talba.

[daħħal it-test biex timla' r-raġuni għal dan il-kriterju]

(c)

L-impatt fuq il-likwidità u l-effiċjenza tas-suq.

[daħħal it-test biex timla' r-raġuni għal dan il-kriterju]

(d)

Il-mekkaniżmu tan-negozju tas-suq rilevanti u l-possibbiltà għal parteċipanti fis-suq li jirreaġixxu b'mod xieraq u fil-ħin għas-sitwazzjoni tas-suq ġdida maħluqa b'din il-prattika.

[daħħal it-test biex timla' r-raġuni għal dan il-kriterju]

(e)

Ir-riskji diretti u indiretti għall-integrità ta' swieq relatati, sew jekk regolati u sew jekk le, fl-istrumenti finanzjarji rilevanti fl-Unjoni.

[daħħal it-test biex timla' r-raġuni għal dan il-kriterju]

(f)

L-eżitu ta' kwalunkwe investigazzjoni tal-prattika tas-suq rilevanti minn xi awtorità kompetenti jew minn awtorità oħra, b'mod partikolari jekk il-prattika tas-suq rilevanti kisret ir-regoli jew ir-regolamenti mfassla sabiex jipprevjenu l-abbuż tas-suq, jew kodiċi ta' mġiba, irrispettivament minn jekk tkunx tikkonċerna, direttament jew indirettament, is-suq rilevanti jew swieq relatati fi ħdan l-Unjoni.

[daħħal it-test biex timla' r-raġuni għal dan il-kriterju]

(g)

Il-karatteristiċi strutturali tas-suq rilevanti, fost oħrajn, jekk huwiex regolat jew le, it-tipi ta' strumenti finanzjarji nnegozjati u t-tip ta' parteċipanti fis-suq, inkluż il-medda tal-parteċipazzjoni ta' investituri bl-imnut fis-suq rilevanti.

[daħħal it-test biex timla' r-raġuni għal dan il-kriterju]


Top