EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0591

Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/591 tal-15 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, rigward il-limitazzjonijiet kwantitattivi applikabbli għax-xiri sfurzat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat

OJ L 103, 19.4.2016, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/591/oj

19.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/3


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/591

tal-15 ta' April 2016

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, rigward il-limitazzjonijiet kwantitattivi applikabbli għax-xiri sfurzat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib qed jesperjenza perjodu mtawwal ta' żbilanċ serju fis-suq. Filwaqt li fl-2015 d-domanda għall-importazzjoni fid-dinja għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib baqgħet stabbli b'mod ġenerali meta mqabbla mal-2014, il-produzzjoni żdiedet b'mod sinifikanti fl-Unjoni u fir-reġjuni ewlenin l-oħra tal-esportazzjoni.

(2)

L-investimenti li saru fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-ħalib fl-Unjoni, magħmula bi tħejjija tat-tmiem tal-kwoti tal-ħalib u fid-dawl tal-prospetti pożittivi ta' terminu medju fis-suq dinji, wasslu għal żieda b'rata kostanti fil-produzzjoni tal-ħalib fl-Unjoni. Il-volumi ta' ħalib żejda li jiġu prodotti għandhom jiġu pproċessati fi prodotti li jinħażnu fit-tul bħal butir u trab tal-ħalib xkumat.

(3)

Konsegwentement, fis-snin 2014 u 2015 il-prezzijiet tal-butir u tat-trab tal-ħalib xkumat fl-Unjoni naqsu, hekk kif il-prezzijiet tat-trab tal-ħalib xkumat laħqu l-prezz ta' intervent pubbliku. Il-prezzijiet tal-butir għadhom ogħla mill-prezz ta' intervent pubbliku, iżda huma taħt pressjoni biex jitnaqqsu.

(4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 (1) jistabbilixxi limitazzjonijiet kwantitattivi għal xiri sfurzat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat bil-prezz fiss imsemmi f'dak ir-Regolament. Ladarba dawk il-limiti jintlaħqu, ix-xiri sfurzat għandu jitwettaq permezz ta' proċedura tal-offerti biex jiġi stabbilit il-prezz massimu tax-xiri sfurzat.

(5)

Bħala miżura eċċezzjonali biex tkun żgurata d-disponibbiltà mingħajr problemi tal-mekkaniżmu ta' intervent pubbliku f'sitwazzjoni ta' tfixkil fis-suq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1549 (2) mexxa 'il quddiem il-bidu tal-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għas-sena 2016 għall-1 ta' Jannar.

(6)

Fil-perjodu ta' intervent pubbliku addizzjonali miftuħ permezz tar-Regolament Delegat (UE) 2015/1549 għas-sena 2016, intlaħaq nofs il-volum tal-limitazzjoni kwantitattiva stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1370/2013 għal xiri sfurzat ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss.

(7)

Sabiex is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib jiġi mgħejjun biex jinstab bilanċ ġdid fis-sitwazzjoni serja prevalenti tas-suq, u tinżamm il-fiduċja fl-effettività tal-mekkaniżmi ta' intervent pubbliku, huwa xieraq li fis-sena 2016 jiżdiedu l-limitazzjonijiet kwantitattivi għax-xiri sfurzat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss.

(8)

Fejn proċedura tal-offerti tinbeda qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, kwalunkwe volumi li nxtraw bix-xiri sfurzat taħt dik il-proċedura fl-2016 ma għandhomx jitqiesu biex jiġu determinati l-volumi disponibbli għax-xiri sfurzat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss.

(9)

Sabiex ikun żgurat li l-miżuri temporanji previsti f'dan ir-Regolament ikollhom impatt immedjat fuq is-suq u jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“B'deroga mill-ewwel subparagrafu, fis-sena 2016, il-limitazzjonijiet kwantitattivi għax-xiri sfurzat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss għandu jkun ta' 100 000 tunnellata għall-butir u 218 000 tunnellata għat-trab tal-ħalib xkumat. Kwalunkwe volumi li nxtraw taħt proċedura tal-offerti diġa mibdija fid-19 ta' April 2016 m'għandhomx jitnaqqsu minn dawk il-limitazzjonijiet kwantitattivi.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' April 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12).

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1549 tas-17 ta' Settembru 2015 li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fil-forma tal-estensjoni tal-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għall-2015 u l-avvanzar tal-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat fl-2016 (ĠU L 242, 18.9.2015, p. 28).


Top