EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0324

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/324 tas-7 ta' Marzu 2016 li jemenda u jikkoreġi l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta' ċerti addittivi tal-ikel permessi fil-kategoriji kollha tal-ikel (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/1344

OJ L 61, 8.3.2016, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/324/oj

8.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 61/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/324

tas-7 ta' Marzu 2016

li jemenda u jikkoreġi l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta' ċerti addittivi tal-ikel permessi fil-kategoriji kollha tal-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel biex jintużaw fl-ikel, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Dik il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, jew b'inizjattiva tal-Kummissjoni, jew wara li titressaq applikazzjoni.

(3)

Il-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel ġiet stabbilita abbażi tal-addittivi tal-ikel permessi għall-użu fl-ikel skont id-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/35/KE (3), 94/36/KE (4) u 95/2/KE (5) u wara li ġiet analizzata l-konformità tagħhom mal-Artikoli 6, 7, 8 u 16 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Il-lista tal-Unjoni tinkludi l-addittivi tal-ikel abbażi tal-kategoriji tal-ikel li magħhom jistgħu jiżdiedu.

(4)

Minħabba d-diffikultajiet li nħolqu matul it-trasferiment tal-addittivi tal-ikel għas-sistema l-ġdida ta' kategorizzazzjoni stipulata fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar ma ġiex ittrasferit mill-Artikolu 2(3)(b) tad-Direttiva 95/2/KE għat-Tabella 1 tal-Parti A tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Għandu jiġi żgurat li l-prinċipju ta' trasferiment ma japplikax għal dan l-ikel. Għaldaqstant, dik it-tabella għandha tiġi kkoreġuta biex tinkludi l-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar stipulata fid-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), kif ġie sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(5)

Fid-dawl tal-Artikolu 16 dwar l-użu ta' addittivi tal-ikel fl-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, huwa importanti li jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet tal-użu tal-addittivi tal-ikel elenkati fil-kategorija tal-ikel 0. “Addittivi tal-ikel permessi fil-kategoriji kollha tal-ikel” tal-Parti E tal-Anness II ta' dak ir-Regolament u li jiġi emendat it-titolu ta' dik il-kategorija.

(6)

Għaldaqstant, il-lista tal-addittivi tal-ikel tal-Unjoni trid tiġi ċċarata biex tirrifletti l-użi kollha skont l-Artikoli 6, 7, 8 u 16 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(7)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx mistenni li jkollu effett fuq saħħet il-bniedem. Minħabba li l-lista tal-Unjoni qed tiġi emendata sabiex tiċċara l-użi li huma diġà koperti mid-Direttivi 94/35/KE, 94/36/KE u 95/2/KE, din l-emenda tikkostitwixxi aġġornament ta' dik il-lista li ma jkunx mistenni li se jħalli effett fuq saħħet il-bniedem. Għaldaqstant, m'hemmx bżonn tintalab l-opinjoni tal-Awtorità.

(8)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu għalhekk jiġi emendat u kkoreġut skont dan.

(9)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/35/KE tat-30 ta' Ġunju 1994 dwar is-sustanzi li jagħtu ħlewwa għall-użu f'oġġetti tal-ikel (ĠU L 237, 10.9.1994, p. 3).

(4)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/36/KE tat-30 ta' Ġunju 1994 dwar il-kuluri għall-użu fl-ikel (ĠU L 237, 10.9.1994, p. 13).

(5)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 95/2/KE tal-20 ta' Frar 1995 dwar l-addittivi tal-ikel għajr kuluri u sostanzi li jagħtu ħlewwa (ĠU L 61, 18.3.1995, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta' nutriment partikolari (ĠU L 124, 20.5.2009, p. 21).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).


ANNESS

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat kif ġej:

1.

Wara l-annotazzjoni “12 tiżdied l-annotazzjoni 13 li ġejja fit-Tabella 1 tal-Parti A. Għaġin niexef, għajr għaġin mingħajr gluteina u/jew għaġin maħsub għal dieti ipoprotejċi, skont id-Direttiva 2009/39/KE”:

“13

Ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 609/2013 (*), inkluż l-ikel għal skopijiet mediċi speċjali għat-trabi u għat-tfal żgħar.

2.

Il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 hija emendata kif ġej:

(a)

it-titolu tal-kategorija tal-ikel “0. Addittivi tal-ikel permessi fil-kategoriji kollha tal-ikel” hija sostitwita kif ġej:

“0

Addittivi tal-ikel permessi fil-kategoriji kollha tal-ikel għajr l-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar, ħlief fejn ikun stipulat speċifikament.”

(b)

l-annotazzjonijiet għall-addittivi fil-kategorija tal-ikel “0. L-addittivi tal-ikel permessi fil-kategoriji kollha tal-ikel” huma sostitwiti kif ġej:

 

“E 290

Diossidu tal-karbonju

quantum satis

 

Jista' jintuża fl-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar.

 

E 338 — 452

Aċidu fosforiku — fosfati — difosfati — trifosfati- u polifosfati

10 000

(1) (4) (57)

Ikel fil-forma ta' trab niexef biss (jiġifieri ikel imnixxef matul il-proċess ta' produzzjoni, u taħlitiet minnu), minbarra l-ikel elenkat fit-tabella 1 tal-Parti A ta' dan l-Anness.

 

E 459

Beta-ċiklodestrin

quantum satis

 

Ikel fil-forma ta' pilloli u ta' pilloli miksija biss, minbarra l-ikel elenkat fit-tabella 1 tal-Parti A ta' dan l-Anness.

 

E 551 — 553

Diossidu tas-siliċju — silikati

10 000

(1) (57)

Ikel fil-forma ta' trab niexef biss (jiġifieri ikel imnixxef matul il-proċess ta' produzzjoni, u taħlitiet minnu), minbarra l-ikel elenkat fit-tabella 1 tal-Parti A ta' dan l-Anness.

 

E 551 — 553

Diossidu tas-siliċju — silikati

quantum satis

(1)

Ikel fil-forma ta' pilloli u ta' pilloli miksija biss, minbarra l-ikel elenkat fit-tabella 1 tal-Parti A ta' dan l-Anness.

 

E 938

Argon

quantum satis

 

Jista' jintuża fl-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar.

 

E 939

Elju

quantum satis

 

Jista' jintuża fl-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar.

 

E 941

Nitroġenu

quantum satis

 

Jista' jintuża fl-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar.

 

E 942

Ossidu nitruż

quantum satis

 

Jista' jintuża fl-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar.

 

E 948

Ossiġenu

quantum satis

 

Jista' jintuża fl-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar.

 

E 949

Idroġenu

quantum satis

 

Jista' jintuża fl-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar.”


(*)  Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).”


Top