EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016L1919
Directive (EU) 2016/1919 of the European Parliament and of the Council of 26 October 2016 on legal aid for suspects and accused persons in criminal proceedings and for requested persons in European arrest warrant proceedings
Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew
Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew
OJ L 297, 4.11.2016, p. 1–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 04/11/2016
4.11.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 297/1 |
DIRETTIVA (UE) 2016/1919 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-26 ta' Ottubru 2016
dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 82(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz ta' att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tiġi żgurata l-effikaċja tad-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat kif previst fid-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) billi titqiegħed l-assistenza ta' avukat imħallas mill-Istati Membri għad-dispożizzjoni ta' persuni ssuspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali u ta' persuni rijkesti li huma soġġetti għal proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI (4) (persuni rikjesti). |
(2) |
Permezz tal-istabbiliment ta' regoli minimi komuni dwar id-dritt għal għajnuna legali għal persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti, din id-Direttiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta' xulxin, u b'hekk ittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonjiet f'materji kriminali. |
(3) |
It-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), l-Artikolu 6(3)(c) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-Artikolu 14(3)(d) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) jinkorporaw id-dritt għalgħajnuna legali fi proċedimenti kriminali skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dawk id-dispożizzjonijiet. Il-Karta għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati, u l-Istati Membri huma partijiet għall-KEDB u l-ICCPR. Madankollu, l-esperjenza wriet li dan waħdu mhux dejjem jipprovdi livell suffiċjenti ta' fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta' Stati Membri oħra. |
(4) |
Fit-30 ta' Novembru 2009, il-Kunsill adotta Riżoluzzjoni dwar Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni ssuspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (5) (“il-Pjan Direzzjonali”). Permezz ta' approċċ gradwali, il-Pjan Direzzjonali jappella għall-adozzjoni ta' miżuri rigward id-dritt għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni (miżura A), id-dritt għall-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-informazzjoni dwar l-akkużi (miżura B), id-dritt għall-parir legali u l-għajnuna legali (miżura C), id-dritt li persuna tikkomunika mal-qraba, ma' min iħaddem u mal-awtoritajiet konsulari (miżura D), u garanziji speċjali għal persuni ssuspettati jew akkużati li jkunu vulnerabbli (miżura E). |
(5) |
Fil-11 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew laqa' l-Pjan Direzzjonali u inkludih bħala parti mill-Programm ta' Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (6) (punt 2.4). Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-karattru mhux eżawrjenti tal-Pjan Direzzjonali billi stieden lill-Kummissjoni teżamina elementi ulterjuri ta' drittijiet proċedurali minimi għall-persuni ssuspettati u akkużati, u tivvaluta jekk hemmx bżonn jiġu indirizzati kwistjonijiet oħra, pereżempju l-preżunzjoni ta' innoċenza, sabiex tiġi promossa kooperazzjoni aħjar f'dak il-qasam. |
(6) |
Ħames miżuri dwar id-drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali ġew adottati s'issa skont il-Pjan Direzzjonali, speċifikament id-Direttivi 2010/64/UE (7), 2012/13/UE (8), 2013/48/UE, (UE) 2016/343 (9) u (UE) 2016/800 (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. |
(7) |
Din id-Direttiva hija relatata mat-tieni parti tal-miżura C tal-Pjan Direzzjonali, fir-rigward tal-għajnuna legali. |
(8) |
L-għajnuna legali għandha tkopri l-ispejjeż tad-difiża ta' persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti. Meta jagħtu l-għajnuna legali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu li persuni ssuspettati jew akkużati jew persuni rikjesti jħallsu parti minn dawk l-ispejjeż huma stess, skont ir-riżorsi finanzjarji tagħhom. |
(9) |
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/800, din id-Direttiva m'għandhiex tapplika fejn persuni ssuspettati jew akkużati, jew persuni rikjesti jkunu rrinunzjaw għad-dritt tagħhom ta' aċċess għal avukat skont rispettivament, l-Artikolu 9 jew l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2013/48/UE, u ma jkunux irrevokaw tali rinunzja, jew fejn l-Istati Membri jkunu applikaw id-derogi temporanji skont l-Artikolu 3(5) jew (6) tad-Direttiva 2013/48/UE, għat-tul ta' żmien ta' tali deroga. |
(10) |
Fejn persuna li ma kinitx inizjalment persuna ssuspettata jew akkużata, bħal xhud, issir persuna ssuspettata jew akkużata, dik il-persuna għandu jkollha dritt li ma tinkriminax lilha nnifisha u d-dritt li tibqa' siekta, skont il-liġi tal-Unjoni u l-KEDB, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Qorti tal-Ġustizzja) u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB). Għaldaqstant din id-Direttiva tagħmel referenza espliċita għas-sitwazzjoni prattika fejn tali persuna ssir persuna ssuspettata jew akkużata matul l-interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra ta' infurzar tal-liġi fl-ambitu ta' proċedimenti kriminali. Fejn, matul tali interrogazzjoni, persuna li ma tkunx persuna ssuspettata jew akkużata ssir persuna ssuspettata jew akkużata, l-interrogazzjoni għandha tiġi sospiża minnufih. Madankollu, għandu jkun possibbli li titkompla l-interrogazzjoni fejn il-persuna kkonċernata tkun ġiet infurmata li saret persuna ssuspettata jew akkużata u dik il-persuna tkun tista' teżerċita kompletament id-drittijiet previsti f'din id-Direttiva. |
(11) |
F'xi Stati Membri awtorità li ma tkunx qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali jkollha l-kompetenza li timponi sanzjonijiet għajr iċ-ċaħda tal-libertà fir-rigward ta' reati relattivament minuri. Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, fir-rigward ta' reati tat-traffiku li jitwettqu fuq skala kbira u li jista' jkun li jiġu stabbiliti b'segwitu għal kontroll tat-traffiku. F'tali sitwazzjonijiet, ma jkunx raġonevoli li l-awtoritajiet kompetenti jiġu rikjesti jiżguraw id-drittijiet kollha previsti f'din id-Direttiva. Fejn il-liġi ta' Stat Membru tipprevedi l-impożizzjoni ta' sanzjoni minn tali awtorità fir-rigward ta' reati minuri u jkun hemm dritt ta' appell jew il-possibilità li l-każ jiġi rinvijat b'xi mod ieħor quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali, din id-Direttiva għandha għaldaqstant tapplika biss għall-proċedimenti li jinġiebu quddiem dik il-qorti b'segwitu għal tali appell jew rinviju. |
(12) |
F'xi Stati Membri, ċerti reati minuri, b'mod partikolari reati minuri tat-traffiku, reati minuri fir-rigward ta' regolamenti muniċipali ġenerali u reati minuri kontra l-ordni pubbliku, jitqiesu bħala reati kriminali. F'tali sitwazzjonijiet, ma jkunx raġonevoli li l-awtoritajiet kompetenti jiġu rikjesti jiżguraw id-drittijiet kollha previsti taħt din id-Direttiva. Fejn il-liġi ta' Stat Membru tipprevedi li fir-rigward ta' reati minuri ma tistax tiġi imposta ċ-ċaħda tal-libertà bħala sanzjoni, din id-Direttiva għandha għaldaqstant tapplika biss għall-proċedimenti quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali. |
(13) |
L-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal reati minuri hija soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f'din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jkunu jistgħu japplikaw test tal-mezzi, test tal-mertu, jew it-tnejn li huma sabiex jiddeterminaw jekk l-għajnuna legali għandhiex tingħata. Sakemm dan jikkonforma mad-dritt għal proċess ġust, jista' jitqies li t-test tal-mertu ma ġiex sodisfatt fir-rigward ta' ċerti reati minuri. |
(14) |
Il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward ta' ċerti reati minuri ma għandux jaffettwa l-obbligi tal-Istati Membri taħt il-KEDB li jiżguraw id-dritt għal proċess ġust, inkluż il-ksib ta' assistenza ta' avukat. |
(15) |
Sakemm dan ikun kompatibbli mad-dritt għal proċess ġust, is-sitwazzjonijiet li ġejjin ma jikkostitwixxux ċaħda tal-libertà fi ħdan it-tifsira ta' din id-Direttiva: l-identifikazzjoni tal-persuna ssuspettata jew akkużata; id-determinazzjoni ta' jekk għandhiex tinbeda investigazzjoni; il-verifika tal-pussess ta' armi jew kwistjonijiet simili oħra ta' sikurezza; it-twettiq ta' atti investigattivi jew atti ta' ġbir ta' provi apparti dawk speċifikament imsemmija f'din id-Direttiva, bħal tfittxijiet fuq il-persuna, eżamijiet fiżiċi, testijiet tad-demm, testijiet għall-alkoħol jew testijiet simili, jew it-teħid ta' ritratti jew tal-marki tas-swaba; it-tressiq tal-persuna ssuspettata jew akkużata quddiem awtorità kompetenti skont il-liġi nazzjonali. |
(16) |
Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħtu għajnuna legali f'sitwazzjonijiet li ma jkunux koperti minn din id-Direttiva, pereżempju meta jitwettqu atti investigattivi jew atti ta' ġbir ta' provi apparti dawk speċifikament imsemmija f'din id-Direttiva. |
(17) |
Skont l-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB, il-persuni ssuspettati jew akkużati li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi biex iħallsu għall-assistenza ta' avukat għandu jkollhom id-dritt għal għajnuna legali meta l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedu dan. Din ir-regola minima tippermetti li l-Istati Membri japplikaw test tal-mezzi, test tal-mertu jew it-tnejn li huma. L-applikazzjoni ta' dawk it-testijiet m'għandhiex tintroduċi limiti għal, jew derogi minn, id-drittijiet jew il-garanziji proċedurali li huma żgurati mill-Karta u l-KEDB, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-QEDB. |
(18) |
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġamenti prattiċi fir-rigward tal-għoti ta' għajnuna legali. Tali arranġamenti jistgħu jistabbilixxu li l-għajnuna legali tingħata b'segwitu għal talba minn persuna ssuspettata, persuna akkużata jew persuna rikjesta. Minħabba, b'mod partikolari, il-ħtiġijiet ta' persuni vulnerabbli, tali talba m'għandhiex, madankollu, tkun kundizzjoni sostantiva għall-għoti tal-għajnuna legali. |
(19) |
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu għajnuna legali mingħajr dewmien żejjed u sa mhux aktar tard mill-interrogazzjoni tal-persuna kkonċernata mill-pulizija, minn awtorità oħra ta' infurzar tal-liġi jew minn awtorità ġudizzjarja, jew qabel l-atti investigattivi jew l-atti ta' ġbir ta' provi speċifiċi msemmija f'din id-Direttiva jitwettqu. Jekk l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux jistgħu jagħmlu dan, huma għandhom mill-inqas jagħtu għajnuna legali urġenti jew proviżorja qabel ma jseħħ tali interrogatorju jew qabel tali atti investigattivi jew atti ta' ġbir ta' provi jitwettqu. |
(20) |
Fid-dawl tal-ispeċifiċità tal-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva li jirrigwardaw biss persuni rikjesti għandha tqis din l-ispeċifiċità u m'għandha bl-ebda mod tippreġudika l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' din id-Direttiva. |
(21) |
Il-persuni rikjesti għandu jkollhom id-dritt għall-għajnuna legali fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni. Barra minn hekk, persuna rikjesta li tkun soġġetta għal proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew sabiex titmexxa prosekuzzjoni kriminali u li teżerċita d-dritt tagħha li tqabbad avukat fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-mandat skont id-Direttiva 2013/48/UE għandu jkollha d-dritt għal għajnuna legali f'dak l-Istat Membru għall-finijiet ta' tali proċedimenti fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni, sa fejn l-għajnuna legali tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja, kif stipulat fl-Artikolu 47 tal-Karta. Dan ikun il-każ fejn l-avukat fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni ma jkunx jista' jwettaq il-kompiti tiegħu fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest Ewropew b'mod effikaċi u effiċjenti mingħajr l-assistenza ta' avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat. Kwalunkwe deċiżjoni fir-rigward tal-għoti ta' għajnuna legali fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat għandha tittieħed minn awtorità li tkun kompetenti biex tieħu tali deċiżjonijiet f'dak l-Istat Membru, abbażi ta' kriterji stabbiliti minn dak l-Istat Membru meta jimplimenta din id-Direttiva. |
(22) |
Biex jiżguraw aċċess effettiv għas-servizzi ta' avukat minn persuni rikjesti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni rikjesti jkollhom dritt għall-għajnuna legali sakemm jiġu konsenjati jew sakemm id-deċiżjoni biex ma jiġux konsenjati ssir finali. |
(23) |
Meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw rispett għad-dritt fundamentali għall-għajnuna legali kif previst mill-Karta u mill-KEDB. Meta jagħmlu dan, għandhom jirrispettaw il-Prinċipji u l-Linji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Aċċess għall-Għajnuna Legali fis-Sistemi tal-Ġustizzja Kriminali. |
(24) |
Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar il-preżenza obbligatorja ta' avukat, awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi, mingħajr dewmien żejjed, jekk għandhiex tingħata għajnuna legali jew le. L-awtorità kompetenti għandha tkun awtorità indipendenti li hija kompetenti biex tieħu d-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta' għajnuna legali, jew qorti, inklużi dawk komposti minn imħallef wieħed. F'sitwazzjonijiet urġenti, l-involviment temporanju tal-pulizija u l-prosekuzzjoni għandu madankollu jkun ukoll possibbli sa fejn dan ikun meħtieġ biex l-għajnuna legali tingħata f'waqtha. |
(25) |
Fejn tkun ingħatat għajnuna legali lil persuna ssuspettata, persuna akkużata jew persuna rikjesta, mod wieħed kif tiġi żgurata l-effikaċja u l-kwalità tagħha hu billi tiġi ffaċilitata l-kontinwità fir-rappreżentanza legali tagħha. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-kontinwità tar-rappreżentanza legali matul il-proċedimenti kriminali kollha, kif ukoll — fejn ikun rilevanti — fl-ambitu tal-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew. |
(26) |
Għandu jiġi pprovdut taħriġ adegwat lill-persunal involut fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-għajnuna legali fil-proċedimenti kriminali u fil-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew. Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u d-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura madwar l-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jitolbu li dawk responsabbli għat-taħriġ tal-imħallfin jipprovdu tali taħriġ lill-qrati u l-imħallfin li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta' għajnuna legali. |
(27) |
Il-prinċipju tal-effikaċja tal-liġi tal-Unjoni jirrikjedi li l-Istati Membri jimplimentaw rimedji adegwati u effikaċi fil-każ li jkun hemm ksur ta' dritt mogħti lil individwi skont il-liġi tal-Unjoni. Għandu jkun hemm rimedju effikaċi disponibbli fejn id-dritt għal għajnuna legali jkun imminat jew l-għoti ta' għajnuna legali jiddewwem jew jiġi miċħud kompletament jew parzjalment. |
(28) |
Sabiex tiġi sorveljata u evalwata l-effikaċja ta' din id-Direttiva, hemm bżonn li tinġabar id-data rilevanti mid-data disponibbli fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva. Din id-data tinkludi, fejn ikun possibbli, l-għadd ta' talbiet għal għajnuna legali fi proċedimenti kriminali, kif ukoll fil-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew fejn l-Istat Membru kkonċernat jaġixxi bħala l-Istat Membru ta' eżekuzzjoni jew dak li joħroġ il-mandat, l-għadd tal-każijiet meta tkun ingħatat l-għajnuna legali, u l-għadd ta' każijiet fejn tkun ġiet miċħuda talba għal għajnuna legali. Għandha tinġabar ukoll data dwar l-ispejjeż għall-għoti ta' għajnuna legali lill-persuni ssuspettati jew akkużati u lill-persuni rikjesti sa fejn ikun possibbli. |
(29) |
Din id-Direttiva għandha tapplika għal persuni ssuspettati, persuni akkużati u persuni rikjesti irrispettivament mill-istatus legali, miċ-ċittadinanza jew min-nazzjonalità tagħhom. L-Istati Membri għandhom jirrispettaw u jiggarantixxu d-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, mingħajr ebda diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe motivazzjoni bħar-razza, il-kulur, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, il-lingwa, ir-reliġjon, l-opinjoni politika jew ta' tip ieħor, in-nazzjonalità, l-oriġini etnika jew soċjali, il-proprjetà, id-diżabilità jew it-twelid. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali rikonoxxuti mill-Karta u mill-KEDB, inklużi l-projbizzjoni tat-tortura u ta' trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, id-drittijiet tat-tfal, l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata f'konformita' ma' dawk id-drittijiet u prinċipji. |
(30) |
Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jestendu d-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva bil-għan li jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni. Tali livell ogħla ta' protezzjoni ma għandux jikkostitwixxi ostakolu għar-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi ġudizzjarji li dawk ir-regoli minimi huma mfassla biex jiffaċilitaw. Il-livell ta' protezzjoni provdut mill-Istati Membri qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-KEDB, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-QEDB. |
(31) |
Ladarba l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-iffissar ta' regoli minimi komuni dwar id-dritt ta' għajnuna legali għall-persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jista', minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, din tista' tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkiseb dak l-għan. |
(32) |
Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhumiex marbutin minnha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha. |
(33) |
Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u għalhekk mhijiex marbuta minnha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Suġġett
1. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar id-dritt għal għajnuna legali għal:
(a) |
persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali; u |
(b) |
persuni li jkunu soġġetti għal proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI (persuni rikjesti). |
2. Din id-Direttiva tikkomplementa d-Direttivi 2013/48/UE u (UE) 2016/800. Xejn f'din id-Direttiva ma għandu jiġi interpretat bħala limitazzjoni tad-drittijiet previsti f'dawk id-Direttivi.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
1. Din id-Direttiva tapplika għall-persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali li jkollhom dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat skont id-Direttiva 2013/48/UE u li:
(a) |
jiġu mċaħħda mil-libertà; |
(b) |
jkunu meħtieġa li jiġu assistiti minn avukat skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali; jew |
(c) |
jkunu meħtieġa jew permessi li jattendu għal att investigattiv jew att ta' ġbir ta' provi, inkluż bħala minimu dawn li ġejjin:
|
2. Din id-Direttiva tapplika wkoll, fil-mument tal-arrest fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni, għall-persuni rikjesti, li jkollhom dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat fis-sens tad-Direttiva 2013/48/UE.
3. Din id-Direttiva tapplika wkoll, bl-istess kundizzjonijiet kif previst fil-paragrafu 1, għall-persuni li ma kinux inizjalment persuni ssuspettati jew akkużati iżda li jsiru persuni ssuspettati jew akkużati matul l-interrogazzjoni mill-pulizija jew awtorità oħra ta' infurzar tal-liġi.
4. Mingħajr preġudizzju għad-dritt għal proċess ġust, fir-rigward ta' reati minuri:
(a) |
fejn il-liġi ta' Stat Membru tipprevedi l-impożizzjoni ta' sanzjoni minn awtorità li ma tkunx qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali, u quddiem jew lil tali qorti jkun jista' jsir appell kontra l-impożizzjoni ta' tali sanzjoni jew ir-rinviju tagħha; jew |
(b) |
fejn iċ-ċaħda tal-libertà ma tkunx tista' tiġi imposta bħala sanzjoni, |
din id-Direttiva tapplika biss għall-proċedimenti quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali.
Fi kwalunkwe każ, din id-Direttiva tapplika meta tittieħed deċiżjoni dwar id-detenzjoni, u matul id-detenzjoni, fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti sal-konklużjoni tal-proċedimenti.
Artikolu 3
Definizzjoni
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, “għajnuna legali” tfisser il-finanzjament minn Stat Membru tal-assistenza minn avukat, biex ikun possibbli l-eżerċitar tad-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat.
Artikolu 4
Għajnuna legali fi proċedimenti kriminali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati u akkużati li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi biex iħallsu għall-assistenza ta' avukat ikollhom id-dritt għal għajnuna legali fejn l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedu dan.
2. L-Istati Membri jistgħu japplikaw test tal-mezzi, test tal-mertu, jew it-tnejn li huma sabiex jiddeterminaw jekk l-għajnuna legali għandhiex tingħata skont il-paragrafu 1.
3. Fejn Stat Membru japplika test tal-mezzi, huwa għandu jqis il-fatturi rilevanti u oġġettivi kollha, bħad-dħul, il-kapital u s-sitwazzjoni tal-familja tal-persuna kkonċernata, kif ukoll l-ispejjeż tal-assistenza minn avukat, u l-istandard tal-għajxien f'dak l-Istat Membru, sabiex jiġi determinat jekk, f'konformita' mal-kriterji applikabbli f'dak l-Istat Membru, persuna ssuspettata jew akkużata għandhiex biżżejjed riżorsi biex tħallas għall-assistenza minn avukat.
4. Fejn Stat Membru japplika test tal-mertu, huwa għandu jqis il-gravità tar-reat kriminali, il-kumplessità tal-każ u s-severità tas-sanzjoni li tista' tiġi imposta, sabiex jiġi determinat jekk l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedux l-għoti ta' għajnuna legali. Fi kwalunkwe każ, għandu jitqies li t-test tal-mertu jkun ġie sodisfatt fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
(a) |
fejn titressaq persuna ssuspettata jew akkużata quddiem qorti jew imħallef kompetenti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar id-detenzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva; u |
(b) |
matul id-detenzjoni. |
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna legali tingħata mingħajr dewmien żejjed, u sa mhux aktar tard minn qabel l-interrogazzjoni mill-pulizija, minn awtorità oħra ta' infurzar tal-liġi jew minn awtorità ġudizzjarja, jew qabel li l-atti investigattivi jew l-atti ta' ġbir ta' provi previsti fl-Artikolu 2(1)(c) jitwettqu.
6. L-għajnuna legali għandha tingħata għall-finijiet biss tal-proċedimenti kriminali fejn il-persuna kkonċernata tkun issuspettata jew akkużata b'reat kriminali.
Artikolu 5
L-għajnuna legali fil-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew
1. L-Istat Membru ta' eżekuzzjoni għandu jiżgura li l-persuni rikjesti jkollhom dritt għal għajnuna legali malli jiġu arrestati b'mandat ta' arrest Ewropew sal-mument tal-konsenja tagħhom, jew sa meta ssir finali d-deċiżjoni li l-konsenja ma ssirx.
2. L-Istat Membru li joħroġ il-mandat għandu jiżgura li l-persuni rikjesti li jkunu soġġetti għall-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew sabiex titmexxa prosekuzzjoni kriminali u li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jqabbdu avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat biex jassisti lill-avukat fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni skont l-Artikolu 10(4) u (5) tad-Direttiva 2013/48/UE jkollhom id-dritt għal għajnuna legali fl-Istat Membru li joħorġ il-mandat għall-finijiet ta' tali proċedimenti fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni, sa fejn l-għajnuna legali tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-aċċess effettiv għall-ġustizzja.
3. Id-dritt għal għajnuna legali msemmi fil-paragrafi 1 u 2 jista' jiġi soġġett għal test tal-mezzi skont l-Artikolu 4(3), li għandu japplika mutatis mutandis.
Artikolu 6
Deċiżjonijiet rigward l-għoti ta' għajnuna legali
1. Deċiżjonijiet dwar jekk għandhiex tingħata għajnuna legali jew le u dwar l-assenjar ta' avukati għandhom jittieħdu, mingħajr dewmien żejjed, minn awtorità kompetenti. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-awtorità kompetenti tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b'mod diliġenti, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti jiġu infurmati bil-miktub jekk it-talba tagħhom għall-għajnuna legali tiġi miċħuda totalment jew parzjalment.
Artikolu 7
Il-kwalità tas-servizzi ta' għajnuna legali u t-taħriġ
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri meħtieġa, inkluż fir-rigward tal-finanzjament, biex jiżguraw li:
(a) |
ikun hemm sistema effikaċi ta' għajnuna legali li tkun ta' kwalità adegwata; u |
(b) |
is-servizzi ta' għajnuna legali jkunu ta' kwalità adegwata biex jiggarantixxu l-ekwità tal-proċedimenti, filwaqt li tiġi rispettata kif dovut l-indipendenza tal-professjoni legali. |
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata taħriġ adegwat lill-persunal involut fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-għajnuna legali fi proċedimenti kriminali u fil-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew.
3. Filwaqt li jirrispettaw kif dovut l-indipendenza tal-professjoni legali u r-rwol ta' dawk responsabbli għat-taħriġ tal-avukati, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jippromwovu l-għoti ta' taħriġ adegwat għall-avukati li jipprovdu servizzi ta' għajnuna legali.
4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti jkollhom id-dritt, fuq talba tagħhom, li l-avukat assenjat lilhom biex jipprovdi servizzi ta' għajnuna legali jiġi sostitwit, fejn iċ-ċirkustanzi speċifiċi jiġġustifikaw dan.
Artikolu 8
Rimedji
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti jkollhom rimedju effettiv taħt il-liġi nazzjonali f'każ ta' ksur ta' drittijiethom taħt din id-Direttiva.
Artikolu 9
Persuni vulnerabbli
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bżonnijiet partikolari ta' persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti vulnerabbli jitqiesu fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.
Artikolu 10
L-għoti ta' dejta u rapport
1. Sal-25 ta' Mejju 2021 u kull tliet snin wara din id-data, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw id-dejta disponibbli lill-Kummissjoni li turi kif ġew implimentati d-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva.
2. Sal-25 ta' Mejju 2022 u kull tliet snin wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward tad-dritt għal għajnuna legali fi proċedimenti kriminali u fil-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew.
Artikolu 11
Nonregressjoni
L-ebda dispożizzjoni f'din id-Direttiva ma għandha tiġi interpretata bħala limitazzjoni jew deroga minn kwalunkwe wieħed mid-drittijiet u s-salvagwardji proċedurali żgurati taħt il-Karta, il-KEDB, jew dispożizzjonijiet rilevanti oħra tad-dritt internazzjonali jew tal-liġi ta' kwalunkwe Stat Membru li jipprovdu livell ta' protezzjoni ogħla.
Artikolu 12
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-25 ta' Mejju 2019. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.
.Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir din ir-referenza għandhom jigu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 13
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 14
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta' Ottubru 2016.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
I. LESAY
(1) ĠU C 226, 16.7.2014, p. 63.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 13 ta' Ottubru 2016.
(3) Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma' partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1).
(4) Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).
(5) ĠU C 295, 4.12.2009, p. 1.
(7) Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).
(8) Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1).
(9) Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU L 65, 11.3.2016, p. 1).
(10) Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma ssuspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1).