Help Print this page 

Document 32016L0680

Title and reference
Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI
  • In force
OJ L 119, 4.5.2016, p. 89–131 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/680/oj
Languages, formats and link to OJ
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html HR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
PDF pdf BG pdf ES pdf CS pdf DA pdf DE pdf ET pdf EL pdf EN pdf FR pdf HR pdf IT pdf LV pdf LT pdf HU pdf MT pdf NL pdf PL pdf PT pdf RO pdf SK pdf SL pdf FI pdf SV
Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal
 To see if this document has been published in an e-OJ with legal value, click on the icon above (For OJs published before 1st July 2013, only the paper version has legal value).
Multilingual display
Text

4.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/89


DIRETTIVA (UE) 2016/680 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta' April 2016

dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 16(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (1),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali hija dritt fundamentali. L-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) u l-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li kull persuna għandu jkollha d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.

(2)

Il-prinċipji ta', u r-regoli dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, tkun xi tkun in-nazzjonalità jew ir-residenza tagħhom, għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom, b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali. Din id-Direttiva hija maħsuba biex tikkontribwixxi għall-kisba ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

(3)

L-iżviluppi teknoloġiċi rapidi u l-globalizzazzjoni ġabu sfidi ġodda għall-protezzjoni tad-data personali. L-iskala tal-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data personali żdiedet b'mod sinifikanti. It-teknoloġija tippermetti li d-data personali tiġi pproċessata fuq skala mingħajr preċedenti sabiex jitwettqu attivitajiet bħall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali.

(4)

Il-fluss liberu ta' data personali bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika fl-Unjoni u t-trasferiment ta' tali data personali lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, għandu jkun iffaċilitat filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali. Dawk l-iżviluppi jirrikjedu l-bini ta' qafas b'saħħtu u iżjed koerenti għall-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni, appoġġat minn infurzar qawwi.

(5)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tapplika għall-ipproċessar kollu ta' data personali fl-Istati Membri kemm fis-setturi pubbliċi kif ukoll f'dawk privati. Madankollu, hija ma tapplikax għall-ipproċessar tad-data personali matul l-attività li taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità, bħal attivitajiet fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali.

(6)

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (4) tapplika fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija f'materji kriminali u dik ġudizzjarja. Il-kamp ta' applikazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni Qafas huwa limitat għall-ipproċessar tad-data personali trażmessa jew magħmula disponibbli bejn l-Istati Membri.

(7)

L-iżgurar ta' livell konsistenti u għoli ta' protezzjoni tad-data personali ta' persuni fiżiċi u l-iffaċilitar tal-iskambju ta' data personali bejn awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri hija kruċjali sabiex tkun assigurata l-kooperazzjoni effettiva ġudizzjarja f'materji kriminali u dik tal-pulizija. Għal dak il-għan, il-livell ta' protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika, għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. Il-protezzjoni effettiva tad-data personali fl-Unjoni kollha tirrikjedi t-tisħiħ tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-obbligi ta' dawk li jipproċessaw id-data personali, kif ukoll setgħat ekwivalenti għall-monitoraġġ u l-iżgurar ta' konformità mar-regoli għall-protezzjoni tad-data personali fl-Istati Membri.

(8)

L-Artikolu 16(2) TFUE jobbliga lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jistabbilixxu r-regoli rigward il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u r-regoli rigward il-moviment liberu tad-data personali.

(9)

Fuq dik il-bażi, ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistabbilixxi regoli ġenerali għall-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u sabiex ikun assigurat il-moviment liberu tad-data personali fi ħdan l-Unjoni.

(10)

Fid-Dikjarazzjoni Nru 21 dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali, annessa mal-att finali tal-konferenza intergovernattiva li adottat it-Trattat ta' Lisbona, il-konferenza rrikonoxxiet li regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni ta' data personali u l-moviment liberu ta' data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u dik tal-pulizija, ibbażati fuq l-Artikolu 16 TFUE, jistgħu jirriżultaw neċessarji minħabba n-natura speċifika ta' dawk l-oqsma.

(11)

Għalhekk hu xieraq għal dawk l-oqsma li jiġu indirizzati minn direttiva li tistipula regoli speċifiċi relatati mal-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika, filwaqt li tiġi rrispettata n-natura speċifika ta' dawk l-attivitajiet. Tali awtoritajiet kompetenti jistgħu jinkludu mhux biss awtoritajiet pubbliċi bħall-awtoritajiet ġudizzjarji, il-pulizija jew awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi iżda wkoll kwalunkwe korp jew entità fdata mil-liġi ta' Stat Membru li teżerċita awtorità pubblika u setgħat pubbliċi għall-finijiet ta' din id-Direttiva. Fejn tali korp jew entità tipproċessa data personali għal finijiet oħra għajr għal finijiet ta' din id-Direttiva, japplika r-Regolament (UE) 2016/679. Ir-Regolament (UE) 2016/679 għalhekk japplika f'każijiet fejn korp jew entità jiġbru d-data personali għal finijiet oħra u jkomplu jipproċessaw dik id-data personali sabiex jikkonformaw ma' obbligu legali li għalih ikunu soġġetti. Pereżempju, għall-finijiet ta' investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali, l-istituzzjonijiet finanzjarji jżommu ċerta data personali li tkun proċessata minnhom, u jipprovdu dik id-data personali biss lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f'każijiet speċifiċi u f'konformità mal-liġi ta' Stat Membru. Korp jew entità li jipproċessa data personali f'isem dawn l-awtoritajiet fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandu jkun marbut b'kuntratt jew att legali ieħor u bid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-proċessuri skont din id-Direttiva, filwaqt li l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 tibqa' ma tiġix affettwata għall-ipproċessar ta' data personali mill-proċessur barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(12)

L-attivitajiet imwettqa mill-pulizija jew awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi huma ffukati prinċipalment fuq il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inklużi l-attivitajiet tal-pulizija mingħajr għarfien preċedenti jekk inċident hux reat kriminali jew le. Tali attivitajiet jistgħu jinkludu wkoll l-eżerċizzju ta' awtorità billi jieħdu miżuri koerċittivi bħal attivitajiet tal-pulizija waqt dimostrazzjonijiet, avvenimenti sportivi kbar u rvellijiet. Huma jinkludu wkoll iż-żamma tal-ordni pubbliku bħala kompitu konferit fuq il-pulizija jew fuq awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi oħra fejn tkun meħtieġa għas-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika u għall-interessi fundamentali tas-soċjetà protetti mil-liġi, li jistgħu jwasslu għal reat kriminali. L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw awtoritajiet kompetenti b'kompiti oħra li mhumiex neċessarjament imwettqa għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika, sabiex l-ipproċessar tad-data personali għal dawk il-finijiet l-oħra, sakemm dan huwa fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679.

(13)

Reat kriminali skont it-tifsira ta' din id-Direttiva għandu jkun kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti tal-Ġustizzja”).

(14)

Peress li din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta' data personali matul attività li taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà nazzjonali, attivitajiet ta'aġenziji jew unitajiet li jittrattaw kwistjonijiet ta' sigurtà nazzjonali u l-ipproċessar ta' data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) ma għandhomx jitqiesu bħala attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(15)

Sabiex jiġi żgurat l-istess livell ta' protezzjoni għall-persuni fiżiċi permezz ta' drittijiet li jistgħu jiġu infurzati legalment fl-Unjoni kollha u sabiex jiġu evitati diverġenzi li jxekklu l-iskambju ta' data personali bejn l-awtoritajiet kompetenti, din id-Direttiva għandha tipprovdi għal regoli armonizzati għall-protezzjoni u l-moviment liberu ta' data personali proċessata għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika. L-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri ma għandhiex tirriżulta fi tnaqqis tal-protezzjoni tad-data personali li jipprovdu iżda għandha, bil-kontra, tfittex li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni fi ħdan l-Unjoni. L-Istati Membri ma għandhomx jinżammu milli jipprovdu salvagwardji ogħla minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data, fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti.

(16)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali. Skont ir-Regolament (UE) 2016/679, id-data personali f'dokumenti uffiċjali miżmuma minn awtorità pubblika jew korp pubbliku jew privat għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess tal-pubbliku tista' tiġi żvelata minn dik l-awtorità jew dak il-korp f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għalih tkun soġġetta l-awtorità jew il-korp pubbliku sabiex issir rikonċiljazzjoni bejn l-aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

(17)

Il-protezzjoni mogħtija minn din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni fiżiċi, ta' kwalunkwe nazzjonalità jew il-post ta' residenza tagħhom, b'rabta mal-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

(18)

Sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta' riskju serju ta' ċirkomvenzjoni, il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi għandha tkun teknoloġikament newtrali u ma għandhiex tiddependi fuq it-teknika użata. Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi għandha tapplika għall-ipproċessar tad-data personali permezz ta' mezzi awtomatiċi kif ukoll għall-ipproċessar manwali, jekk id-data personali titqiegħed jew tkun maħsuba biex titqiegħed f'sistema ta' arkivjar. Fajls jew settijiet ta' fajls kif ukoll il-qxur ta' barra tagħhom, li mhumiex strutturati skont kriterji speċifiċi ma għandhomx jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(19)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) japplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u atti legali oħrajn tal-Unjoni applikabbli għal tali proċessar tad-data personali għandhom jiġu adattati għall-prinċipji u r-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679.

(20)

Din id-Direttiva ma żżommx lill-Istati Membri milli jispeċifikaw operazzjonijiet ta' pproċessar u proċeduri ta' pproċessar fir-regoli nazzjonali dwar proċeduri kriminali b'rabta mal-ipproċessar ta' data personali minn qrati u awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn, b'mod partikolari fir-rigward ta' data personali li tinsab f'deċiżjoni ġudizzjarja jew f'rekords fir-rigward tal-proċedimenti kriminali.

(21)

Il-prinċipji ta' protezzjoni tad-data għandhom japplikaw għal kwalunkwe informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli. Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika hijiex identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li raġonevolment x'aktarx li jintużaw, bħas-singolarizzazzjoni, mill-kontrollur jew minn persuna oħra biex jidentifikaw l-individwu direttament jew indirettament. Sabiex jiġi aċċertat liema mezzi raġonevolment x'aktarx li jintużaw għall-identifikazzjoni tal-persuna fiżika, għandhom jitqiesu l-fatturi oġġettivi kollha, bħall-ispejjeż tal-identifikazzjoni u l-ammont ta' żmien meħtieġ għaliha, b'kont meħud tat-teknoloġija disponibbli dakinhar tal-ipproċessar u tal-iżviluppi teknoloġiċi. Il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data personali għalhekk ma għandhomx japplikaw għal informazzjoni anonima, jiġifieri informazzjoni li mhijiex marbuta ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli jew għal data personali li ssir anonima b'tali mod li s-suġġett tad-data ma jibqax identifikabbli.

(22)

L-awtoritajiet pubbliċi li lilhom tiġi żvelata d-data personali f'konformità ma' obbligu legali għat-twettiq tal-missjoni uffiċjali tagħhom, bħalma huma l-awtoritajiet tat-taxxa u tad-dwana, l-unitajiet tal-investigazzjoni finanzjarja, l-awtoritajiet amministrattivi indipendenti, jew l-awtoritajiet tas-suq finanzjarju, responsabbli għar-regolamentazzjoni u s-sorveljanza tas-swieq tat-titoli, ma għandhomx jitqiesu bħala riċevituri jekk jirċievu data personali li hija meħtieġa biex titwettaq inkjesta partikolari fl-interess ġenerali, skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru. It-talbiet għall-iżvelar mibgħuta mill-awtoritajiet pubbliċi għandhom dejjem ikunu bil-miktub, motivati u okkażjonali u ma għandhomx jikkonċernaw is-sistema ta' arkivjar sħiħa jew iwasslu għall-interkonnessjoni tas-sistemi ta' arkivjar. L-ipproċessar ta' data personali minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi għandu jkun f'konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data skont l-għanijiet tal-ipproċessar.

(23)

Id-data ġenetika għandha tiġi definita bħala data personali relatata mal-karatteristiċi ġenetiċi ta' persuna fiżika li ntirtu jew inkisbu li jagħtu informazzjoni unika dwar il-fiżjoloġija jew is-saħħa ta' dik il-perusna fiżika, u li tirriżulta mill-analiżi ta' kampjun bijoloġiku mill-persuna fiżika kkonċernata, b'mod partikolari kromosomika, tal-aċidu deossiribonuklejku (DNA) jew tal-aċidu ribonuklejku (RNA), jew mill-analiżi ta' element ieħor li jippermetti li tinkiseb informazzjoni ekwivalenti. Meta titqies il-kumplessità u s-sensittività tal-informazzjoni ġenetika, hemm riskju kbir ta' użu ħażin u użu mill-ġdid għal diversi finijiet mill-kontrollur. Kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq karatteristiċi ġenetiċi għandha fil-prinċipju tkun ipprojbita.

(24)

Id-data personali dwar is-saħħa għandha tinkludi d-data kollha dwar l-istatus tas-saħħa ta' suġġett tad-data li tiżvela informazzjoni relatata mal-istatus tas-saħħa fiżika jew mentali tas-suġġett tad-data fil-passat, fil-preżent jew fil-ġejjieni. Din tinkludi informazzjoni miġbura dwar il-persuna fiżika matul ir-reġistrazzjoni għal, jew il-forniment ta', servizzi tal-kura tas-saħħa kif imsemmi fid-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) lil dik il-persuna fiżika; numru, simbolu jew element partikolari assenjat lil persuna fiżika għall-identifikazzjoni unika tal-persuna fiżika għall-finijiet ta' saħħa; informazzjoni miġbura mill-ittestjar jew l-eżami ta' parti mill-ġisem jew sustanza tal-ġisem, inkluż minn data ġenetika u kampjuni bijoloġiċi; u kwalunkwe informazzjoni dwar, pereżempju, marda, diżabbiltà, riskju ta' mard, storja medika, kura klinika, jew l-istat fiżjoloġiku jew bijomediku tas-suġġett tad-data indipendentement mis-sors tiegħu, pereżempju mingħand tabib jew professjonista tas-saħħa ieħor, sptar, apparat mediku jew test dijanjostiku in vitro.

(25)

L-Istati Membri kollha huma affiljati mal-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' Pulizija Kriminali (Interpol). Sabiex twettaq il-missjoni tagħha, l-Interpol tirċievi, taħżen u tiċċirkola data personali biex tgħin lill-awtoritajiet kompetenti fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali. Għalhekk, huwa xieraq li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Interpol bil-promozzjoni ta' skambju effiċjenti tad-data personali filwaqt li jiġi żgurat rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku ta' data personali. Meta data personali tkun trasferita mill-Unjoni lejn l-Interpol, u għal pajjiżi li ddelegaw membri fl-Interpol, din id-Direttiva għandha tapplika, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar it-trasferimenti internazzjonali. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/69/ĠAI (8) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI (9).

(26)

Kull ipproċessar ta' data personali għandu jkun legali, ġust u trasparenti fir-rigward tal-persuni fiżiċi kkonċernati u jiġi pproċessat biss għal skopijiet speċifiċi stipulati mil-liġi. Dan minnu nnifsu ma jipprevjenix lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi milli jwettqu attivitajiet bħal investigazzjonijiet bil-moħbi jew sorveljanza bil-vidjo. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jsiru għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tiegħu sakemm ikunu stipulati mil-liġi u jikkostitwixxu miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika filwaqt li jitqiesu kif mistħoqq l-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata. Il-prinċipju tal-protezzjoni tad-data tal-ipproċessar ġust huwa nozzjoni distinta mid-dritt ta' proċess ġust kif definit fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB). Il-persuni fiżiċi għandhom isiru konxji mir-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet b'rabta mal-ipproċessar tad-data personali tagħhom u kif għandhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'rabta mal-ipproċessar. B'mod partikolari, l-iskopijiet speċifiċi li għalihom tiġi pproċessata d-data personali għandhom ikunu espliċiti u leġittimi u stabbiliti fil-mument meta tinġabar id-data. Id-data personali għandha tkun adegwata u rilevanti għall-iskopijiet li għalihom tkun qiegħda tiġi pproċessata. Għandu, b'mod partikolari, jiżgura li d-data personali miġbura ma tkunx eċċessiva u ma tinżammx għal aktar żmien minn dak meħtieġ għall-iskop li għalih tkun ġiet ipproċessata. Id-data personali għandha tkun ipproċessata biss jekk l-iskop tal-ipproċessar ma jkunx jista' jintlaħaq mod ieħor b'mod raġonevoli. Sabiex jiġi żgurat li d-data ma tinżammx għal aktar żmien minn kemm hu meħtieġ, il-kontrollur għandu jistabbilixxi limiti ta' żmien għat-tħassir jew għal rieżami perjodiku. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu salvagwardji xierqa għad-data personali miżmuma għal perijodi itwal għall-arkivjar fl-interess tal-pubbliku, għall-użu xjentifiku, statistiku jew storiku.

(27)

Għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jipproċessaw data personali, li tkun miġbura fil-kuntest tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali speċifiċi lil hinn minn dak il-kuntest sabiex jiġi żviluppat fehim tal-attivitajiet kriminali, u tar-rabtiet li jsiru bejn ir-reati kriminali differenti individwati.

(28)

Sabiex tinżamm s-sigurtà rigward l-ipproċessar u ma jsirx ipproċessar bi ksur ta' din id-Direttiva, id-data personali għandha tiġi pproċessata b'mod li jiżgura livell xieraq ta' sigurtà u kunfidenzjalità, inkluż billi jkun hemm prevenzjoni ta' aċċess mhux awtorizzat għal jew użu ta' data personali u t-tagħmir użat għall-ipproċessar, u li jieħu kont tal-aqwa kwalità disponibbli u t-teknoloġija, l-ispejjeż ta' implimentazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mar-riskji u n-natura tad-data personali li għandha tiġi protetta.

(29)

Id-data personali għandha tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva u ma għandhiex tiġi pproċessata għal finijiet li mhumiex kompatibbli mal-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra jew il-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika. Jekk id-data personali tiġi pproċessata mill-istess kontrollur jew wieħed ieħor għal fini fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva minbarra dak li għalih inġabret, tali pproċessar għandu jkun permess taħt il-kundizzjoni li dan l-ipproċessar jiġi awtorizzat skont dispożizzjonijiet legali applikabbli u li jkun neċessarju u proporzjonali għal dak il-fini l-ieħor.

(30)

Il-prinċipju tal-preċiżjoni tad-data għandu jiġi applikat filwaqt li jitqiesu n-natura u l-objettiv tal-ipproċessar ikkonċernat. B'mod partikolari fi proċeduri ġudizzjarji, id-dikjarazzjonijiet li jkun fihom data personali huma bbażati fuq il-perċezzjoni suġġettiva tal-persuni fiżiċi u mhux dejjem ikunu verifikabbli. Konsegwentement, ir-rekwiżit tal-preċiżjoni ma għandux jirrigwarda l-preċiżjoni ta' dikjarazzjoni iżda sempliċiment il-fatt li tkun saret dikjarazzjoni speċifika.

(31)

Huwa inerenti għall-ipproċessar ta' data personali fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u tal-kooperazzjoni tal-pulizija li tiġi pproċessata data personali relatata ma' kategoriji differenti ta' suġġetti tad-data. Għalhekk, fejn applikabbli u sa fejn ikun possibbli, għandha ssir distinzjoni ċara bejn data personali ta' kategoriji differenti tas-suġġetti tad-data bħal persuni suspettati: persuni kkundannati għal reat kriminali; vittmi u partijiet oħra, bħal xhieda; persuni li għandhom informazzjoni rilevanti jew kuntatti; u assoċjati ta' suspettati u kriminali misjuba ħatja. Dan ma għandux jipprevjeni l-applikazzjoni tad-dritt tal-preżunzjoni tal-innoċenza kif garantita mill-Karta u mill-KEDB, kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rispettivament.

(32)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li data personali li ma tkunx preċiża, kompleta jew li ma għadhiex aġġornata ma tiġix trasferita jew issir disponibbli. Sabiex jiġu żgurati l-ħarsien tal-persuni fiżiċi, il-preċiżjoni, il-kompletezza jew sa liema punt id-data personali tkun aġġornata u l-affidabbiltà tad-data personali trażmessa jew li ssir disponibbli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, sa fejn ikun possibbli, iżidu l-informazzjoni meħtieġa fit-trażmissjonijiet kollha ta' data personali.

(33)

Meta din id-Direttiva tirreferi għal-liġi ta' Stat Membru, bażi legali jew miżura leġiżlattiva, dan mhux neċessarjament jeħtieġ att leġiżlattiv adottat minn Parlament, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti skont l-ordni kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, tali liġi ta' Stat Membru, bażi legali jew miżura leġiżlattiva bħal din għandha tkun ċara u preċiża u l-applikazzjoni tagħha prevedibbli għal dawk soġġetti għaliha, kif mitlub mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-liġi ta' Stat Membru li tirregola l-ipproċessar tad-data personali fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandha tispeċifika minn tal-inqas l-objettivi, id-data personali li għandha tiġi pproċessata, il-finijiet tal-ipproċessar u l-proċeduri biex jiġu ppreservati l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data personali u l-proċeduri għall-qerda tagħha, biex b'hekk jiġu pprovduti garanziji biżżejjed kontra r-riskju tal-abbuż u tal-arbitrarjetà.

(34)

L-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika għandu jkopri kwalunkwe operazzjoni jew sett ta' operazzjonijiet li jitwettqu fuq data personali jew settijiet ta' data personali għal dawk il-finijiet, kemm permezz ta' mezzi awtomatizzati jew mod ieħor, bħall-ġabra, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidla, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-allinjament jew il-kombinament, ir-restrizzjoni tal-ipproċessar, it-tħassir jew il-qerda. B'mod partikolari, ir-regoli ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw għat-trażmissjoni ta' data personali għall-finijiet ta' din id-Direttiva għal riċevitur li ma jkunx soġġett għal din id-Direttiva. Tali riċevitur għandu jkun persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li lilu tiġi żvelata legalment id-data personali mill-awtorità kompetenti. Fejn id-data personali tkun inġabret inizjalment minn awtorità kompetenti għal wieħed mill-finijiet ta' din id-Direttiva, ir-Regolament (UE) 2016/679 għandu japplika għall-ipproċessar ta' dik id-data għal finijiet minbarra l-finijiet ta' din id-Direttiva fejn tali pproċessar jiġi awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru. B'mod partikolari, ir-regoli tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom japplikaw għat-trażmissjoni ta' data personali għal finijiet li jaqgħu barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Għall-ipproċessar ta' data personali minn riċevitur li mhuwiex awtorità kompetenti jew li mhux qed jaġixxi bħala tali skont it-tifsira ta' din id-Direttiva u li lilu tiġi żvelata data personali legalment minn awtorità kompetenti, għandu japplika r-Regolament (UE) 2016/679. Waqt l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom ukoll ikunu jistgħu jispeċifikaw aktar l-applikazzjoni tar-regoli tar-Regolament (UE) 2016/679, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fih.

(35)

Sabiex ikun legali, l-ipproċessar ta' data personali taħt din id-Direttiva għandu jkun neċessarju għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess tal-pubbliku minn awtorità kompetenti bbażata fuq il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika. Dawk l-attivitajiet għandhom ikopru l-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data. It-twettiq tal-kompiti ta' prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali istituzzjonalment mogħti mil-liġi lill-awtoritajiet kompetenti jippermettilhom li jirrikjedu jew li jordnaw lil persuni fiżiċi jikkonformaw mat-talbiet magħmula. F'dan il-każ, il-kunsens tas-suġġett tad-data, kif definit fir-Regolament (UE) 2016/679, ma għandux jipprovdi raġuni legali għall-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti. Fejn is-suġġett tad-data jintalab ikun konformi ma' obbligu legali, is-suġġett tad-data ma jkollux għażla ġenwina u libera, u b'hekk ir-reazzjoni tas-suġġett tad-data ma tkunx tista' tiġi kkunsidrata bħala indikazzjoni mogħtija liberament tax-xewqa tiegħu. Dan ma għandux jipprekludi lill-Istati Membri milli jipprovdu bil-liġi li s-suġġett tad-data jista' jaqbel mal-ipproċessar tad-data personali tiegħu għall-finijiet ta' din id-Direttiva, bħal testijiet tad-DNA f'investigazzjonijiet kriminali jew il-monitoraġġ tal-post tiegħu jew tagħha b'tikketti elettroniċi għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali.

(36)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li fejn il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru applikabbli għall-awtorità kompetenti ta' trażmissjoni tipprovdi kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli f'ċirkostanzi speċifiċi għall-ipproċessar ta' data personali, bħall-użu ta' kodiċijiet ta' ġestjoni, l-awtorità kompetenti ta'trażmissjoni għandha tinforma lir-riċevitur ta' tali data personali b'dawk il-kundizzjonijiet u l-ħtieġa li dawn jiġu rrispettati. Tali kundizzjonijiet jistgħu, pereżempju, jinkludu projbizzjoni kontra t-trażmissjoni ulterjuri ta' data personali lil oħrajn, jew li tintuża għal finijiet oħrajn għajr dawk li għalihom ġiet trażmessa lir-reċipjent, jew li jgħarraf lis-suġġett tad-data f'każ ta' limitu fuq id-dritt ta' informazzjoni mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti ta' trażmissjoni. Dawk l-obbligi għandhom japplikaw ukoll għal trasferimenti mill-awtorità kompetenti ta' trażmissjoni lil riċevituri f'pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti ta' trażmissjoni ma tapplikax tali kundizzjonijiet għal riċevituri fi Stati Membri oħra jew għal aġenziji, uffiċċji u korpi stabbiliti skont il-Kapitoli 4 u 5 tat-Titlu V tat-TFUE ħlief dawk applikabbli għal trażmissjonijiet ta' data simili fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità kompetenti.

(37)

Data personali li, min-natura tagħha, tkun partikolarment sensittiva fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, jistħoqqilha protezzjoni speċifika billi l-kuntest tal-ipproċessar tagħha jista' joħloq riskji sinifikanti għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Dik id-data personali għandha tinkludi data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, fejn l-użu tat-terminu “oriġini razzjali” f'din id-Direttiva ma jimplikax li l-Unjoni taċċetta teoriji li jippruvaw jiddeterminaw l-eżistenza ta' razez umani separati. Tali data personali ma għandhiex tiġi pproċessata, sakemm l-ipproċessar ma jkunx soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data stabbiliti bil-liġi u sakemm ma jkunx permess f'każijiet awtorizzati bil-liġi; jew jekk mhux diġà awtorizzati minn tali liġi l-ipproċessar ikun meħtieġ biex jipproteġi l-interessi importanti tas-suġġett tad-data jew ta' persuna oħra; jew l-ipproċessar huwa relatat ma' data li ssir pubblika b'mod ċar mis-suġġett tad-data. Salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jistgħu jinkludu l-possibbiltà li dik id-data tinġabar biss b'rabta ma' data oħra dwar l-il-persuna fiżika kkonċernata, il-possibbiltà li tkun żgurata b'mod adatt id-data miġbura, regoli aktar stretti dwar l-aċċess tal-persunal tal-awtorità kompetenti għad-data u l-projbizzjoni tat-trażmissjoni ta' dik id-data. L-ipproċessar ta' tali data għandu wkoll ikun permess bil-liġi meta s-suġġett tad-data jkun qabel b'mod espliċitu mal-ipproċessar li, b'mod partikolari jinvadi l-privatezza tiegħu. Madankollu, il-kunsens mis-suġġett tad-data ma għandux fih innifsu jipprovdi bażi legali għall-ipproċessar ta' tali data personali sensittiva mill-awtoritajiet kompetenti.

(38)

Is-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li ma jkunx soġġett għal deċiżjoni li tevalwa aspetti personali relatati miegħu jew magħha, li tkun imsejsa biss fuq ipproċessar awtomatizzat u li tipproduċi effetti legali ħżiena li jirrigwardawh jew li taffettwah b'mod sinifikanti. Fi kwalunkwe każ, ipproċessar bħal dan għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, inkluża l-għoti ta' informazzjoni speċifika tas-suġġett għad-data u d-dritt li dan jikseb intervent uman, partikolarment biex jesprimi l-fehma tiegħu, biex jingħata spjegazzjoni tad-deċiżjoni li tkun intlaħqet wara tali valutazzjoni jew biex jikkontesta d-deċiżjoni. It-tfassil ta' profili li jwassal għal diskriminazzjoni kontra persuni fiżiċi abbażi ta' data personali li, min-natura tagħha, hija partikolarment sensittiva fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali għandu jkun projbit, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 21 u 52 tal-Karta.

(39)

Sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, kwalunkwe informazzjoni għas-suġġett tad-data għandha tkun aċċessibbli faċilment, inkluż fuq is-sit web tal-kontrollur, u faċli biex tinftiehem, u tuża lingwaġġ ċar u sempliċi. Tali informazzjoni għandha tiġi adattata għall-ħtiġijiet ta' persuni vulnerabbli bħalma huma t-tfal.

(40)

Għandhom jiġu pprovduti modalitajiet sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva, inkluż mekkaniżmi sabiex jitolbu, u jekk applikabbli jinkisbu, bla ħlas, b'mod partikolari, l-aċċess għal u r-rettifika jew it-tħassir ta' data personali u r-restrizzjoni tal-ipproċessar. Il-kontrollur għandu jkun obbligat iwieġeb għal rikjesti tas-suġġett tad-data mingħajr dewmien bla bżonn, ħlief jekk il-kontrollur japplika limitazzjonijiet għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data f'konformità ma' din id-Direttiva. Barra minn hekk, meta r-rikjesti jkunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, bħal meta s-suġġett tad-data mingħajr raġuni u ripetutament jitlob informazzjoni jew meta s-suġġett tad-data jabbuża mid-dritt tiegħu li jirċievi l-informazzjoni, pereżempju, billi jipprovdi informazzjoni falza jew qarrieqa meta jagħmel it-talba, il-kontrollur għandu jkun jista' jimponi tariffa raġonevoli jew jirrifjuta li jieħu azzjoni fuq it-talba.

(41)

Meta l-kontrollur jitlob li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali neċessarja biex tiġi kkonfermata l-identità tas-suġġett tad-data, dik l-informazzjoni għandha tiġi pproċessata biss għal dak l-iskop speċifiku u ma għandhiex tinħażen għal aktar milli meħtieġ għal dak l-għan.

(42)

Mill-inqas l-informazzjoni mniżżla hawn taħt għandha ssir disponibbli lis-suġġett tad-data: l-identità tal-kontrollur, l-eżistenza tal-operazzjoni ta' pproċessar, il-finijiet tal-ipproċessar, u d-dritt li jitressaq ilment u l-eżistenza tad-dritt li jintalbu mingħand il-kontrollur aċċess għal u r-rettifika jew it-tħassir ta' data personali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar. Dan jista' jsir fuq is-sit web tal-awtorità kompetenti. Barra minn hekk, f'każijiet speċifiċi u sabiex tippermetti l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu, is-suġġett tad-data għandu jiġi infurmat dwar il-bażi ġuridika għall-ipproċessar u kemm żmien ser iddum maħżuna d-data, sakemm tali informazzjoni ulterjuri tkun meħtieġa, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-data tiġi pproċessata, biex ikun garantit ipproċessar ġust fir-rigward tas-suġġett tad-data.

(43)

Persuna fiżika għandu jkollha d-dritt ta' aċċess għal data li tinġabar li tikkonċernaha, u li teżerċita dan id-dritt faċilment u f'intervalli raġonevoli, sabiex tkun konxja tal-legalità tal-ipproċessar u tivverifikah. Kull suġġett tad-data għandu għalhekk ikollu d-dritt li jkun jaf u li jikseb komunikazzjoni dwar il-finijiet li għalihom id-data tkun qed tiġi pproċessata, il-perijodu ta' żmien li matulu d-data tkun ġiet proċessata, u r-riċevituri tad-data, inklużi dawk fil-pajjiżi terzi. Fejn tali komunikazzjoni tinkludi informazzjoni dwar l-oriġini tad-data personali, l-informazzjoni ma għandhiex tiżvela l-identità ta' persuni fiżiċi, b'mod partikolari sorsi kunfidenzjali. Biex dan id-dritt jitħares, huwa biżżejjed li s-suġġett tad-data jkollu fil-pussess tiegħu ġabra sħiħa fil-qosor ta' dik id-data f'għamla li tista' tinftiehem, jiġifieri għamla li tippermetti li s-suġġett tad-data jsir konxju minn dik id-data u jivverifika jekk tkunx preċiża u jekk tkunx ġiet ipproċessata f'konformità ma' din id-Direttiva, sabiex ikun possibbli għalih li jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilu minn din id-Direttiva. Din it-taqsira tista' tingħata fil-forma ta' kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata.

(44)

L-Istati Membri għandhom jitħallew jadottaw miżuri leġiżlattivi li jittardjaw, jirrestrinġu jew iħallu barra informazzjoni għas-suġġetti tad-data jew jirrestrinġu, b'mod sħiħ jew parzjali, l-aċċess għad-data personali tagħhom sa fejn u sakemm tali miżura tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f'soċjetà demokratika b'kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet fundamentali u l-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata, sabiex jiġi evitat it-tfixkil f'inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali, sabiex ikun evitat li jiġu preġudikati l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, sabiex tiġi protetta s-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, jew sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni oħra. Il-kontrollur għandu jivvaluta, permezz ta' eżami konkret u individwali ta' kull każ, jekk id-dritt tal-aċċess għandux ikun parzjalment jew totalment ristrett.

(45)

Kwalunkwe rifjut jew restrizzjoni tal-aċċess għandha fil-prinċipju ssir bil-miktub lis-suġġett tad-data u tinkludi r-raġunijiet fattwali jew legali li fuqhom tkun imsejsa d-deċiżjoni.

(46)

Kwalunkwe restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data għandha tikkonforma mal-Karta u mal-KEDB, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rispettivament, u b'mod partikolari għandha tirrispetta l-essenza ta' dawk id-drittijiet u l-libertajiet.

(47)

Persuna fiżika għandu jkollha d-dritt li jkollha d-data personali mhux preċiża dwarha rettifikata, b'mod partikolari meta tirrelata mal-fatti, u d-dritt għal tħassir meta l-ipproċessar ta' tali data jikser din id-Direttiva. Madankollu, id-dritt għal rettifika ma għandux jaffettwa, pereżempju, il-kontenut ta' xhieda. Persuna fiżika għandu jkollha d-dritt ukoll għar-restrizzjoni tal-ipproċessar meta hija tikkontesta l-preċiżjoni tad-data personali u l-preċiżjoni jew l-impreċiżjoni tagħha ma tistax tkun aċċertata jew meta d-data personali jkollha tinżamm għal skop ta' evidenza. B'mod partikolari, minflok ma titħassar id-data personali, l-ipproċessar għandu jiġi ristrett jekk f'każ speċifiku jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li t-tħassir jista' jaffettwa l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data. F'dan il-każ, id-data ristretta għandha tiġi pproċessata biss għall-fini li impedixxa t-tħassir tagħha. Il-metodi li jirrestrinġu l-ipproċessar ta' data personali jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, iċ-ċaqliq tad-data magħżula għal sistema oħra tal-ipproċessar, pereżempju għall-finijiet ta' arkivjar, jew li d-data magħżula ma tibqax disponibbli. F'sistemi tal-arkivjar awtomatiku, ir-restrizzjoni tal-ipproċessar għandha fil-prinċipju tiġi żgurata b'mezzi tekniċi. Il-fatt li l-ipproċessar tad-data personali huwa ristrett għandu jiġi indikat fis-sistema b'tali mod li jkun ċar li l-ipproċessar tad-data personali huwa ristrett. Tali rettifika jew tħassir ta' data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar għandha tkun komunikata lir-riċevituri li lilhom tiġi żvelata d-data u lill-awtoritajiet kompetenti minn fejn tkun oriġinat id-data impreċiża. Il-kontrolluri għandhom jastjenu wkoll milli jkomplu jxerrdu tali data.

(48)

Meta l-kontrollur jiċħad lil suġġett tad-data mid-dritt tiegħu jew tagħha għall-informazzjoni, l-aċċess għal, jew ir-rettifika jew it-tħassir ta' data personali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar, is-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jitlob li l-awtorità nazzjonali superviżorja tivverifika l-legalità tal-ipproċessar. Is-suġġett tad-data għandu jiġi infurmat b'dak id-dritt. Meta l-awtorità superviżorja taġixxi f'isem is-suġġett tad-data, is-suġġett tad-data għandu jiġi infurmat mill-awtorità superviżorja li tal-inqas saru l-verifiki jew l-eżamijiet kollha meħtieġa mill-awtorità superviżorja. L-awtorità superviżorja għandha tinforma wkoll lis-suġġett tad-data dwar id-dritt li jfittex rimedju ġudizzjarju.

(49)

Meta d-data personali tiġi pproċessata fil-kors ta' investigazzjoni kriminali u proċedimenti tal-qorti f'materji kriminali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu li l-eżerċizzju tad-dritt għall-informazzjoni, l-aċċess għal, u r-rettifika jew it-tħassir ta' data personali u r-restrizzjoni tal-ipproċessar jitwettqu skont ir-regoli nazzjonali dwar proċedimenti ġudizzjarji.

(50)

Għandha tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-kontrollur għal kwalunkwe pproċessar ta' data personali li jitwettaq mill-kontrollur jew f'isem il-kontrollur. B'mod partikolari, il-kontrollur għandu jkun obbligat jimplimenta miżuri xierqa u effettivi u għandu jkun jista' juri li l-attivitajiet ta' pproċessar huma f'konformità ma' din id-Direttiva. Tali miżuri għandhom jikkunsidraw in-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-għanijiet tal-ipproċessar u r-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi. Il-miżuri meħuda mill-kontrollur għandhom jinkludu t-tfassil u l-implimentazzjoni ta' salvagwardji speċifiċi fir-rigward tat-trattament ta' data personali ta' persuni fiżiċi vulnerabbli, bħalma huma t-tfal.

(51)

Ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, bi probabbiltà u gravità li jvarjaw, jistgħu jirriżultaw minn ipproċessar ta' data li tista' twassal għal dannu fiżiku, materjali jew mhux materjali, b'mod partikolari: meta l-ipproċessar jista' jagħti lok għal diskriminazzjoni, serq ta' identità jew frodi, telf finanzjarju, dannu għar-reputazzjoni, telf ta' kunfidenzjalità ta' data protetta mis-segretezza professjonali, it-treġġigħ lura mhux awtorizzat tal-psewdonimizzazzjoni, jew kwalunkwe żvantaġġ ekonomiku jew soċjali sinifikanti ieħor; meta s-suġġetti tad-data jistgħu jiġu mċaħħda mid-drittijiet u l-libertajiet tagħhom jew mill-eżerċizzju ta' kontroll fuq id-data personali tagħhom; meta tiġi pproċessata data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew is-sħubija fi trade union; meta data ġenetika jew data bijometrika tiġi proċessata biex tiġi identifikata persuna b'mod uniku jew meta tiġi proċessata data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali jew kundanni kriminali u reati jew miżuri ta' sigurtà relatati; meta l-aspetti personali jiġu evalwati, b'mod partikolari l-analiżi u t-tbassir ta' aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi jew l-interessi personali, l-affidabbiltà jew l-imġiba, il-post jew il-movimenti, sabiex jinħolqu jew jintużaw profili personali; meta tiġi proċessata data personali ta' persuni fiżiċi vulnerabbli, b'mod partikolari t-tfal; jew meta l-ipproċessar jinvolvi ammont kbir ta' data personali u jaffettwa numru kbir ta' suġġetti tad-data.

(52)

Il-probabbiltà u l-gravità tar-riskju għandhom jiġu ddeterminati b'referenza għan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-għanijiet tal-ipproċessar. Ir-riskju għandu jiġi evalwat abbażi ta' valutazzjoni oġġettiva, li permezz tagħha jiġi stabbilit jekk l-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data jinvolvux riskju għoli. Riskju għoli huwa riskju partikolari ta' preġudizzju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data.

(53)

Il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali titlob li għandhom jittieħdu miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, biex jiżguraw li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva. L-implimentazzjoni ta' tali miżuri ma għandhiex tiddependi biss fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi. Sabiex ikun jista' juri konformità ma' din id-Direttiva, il-kontrollur għandu jadotta politiki interni u jimplimenta miżuri, li b'mod partikolari jaderixxu għall-prinċipji tal-protezzjoni tad-data bid-disinn u l-protezzjoni tad-data b'mod awtomatiku. Meta l-kontrollur ikun wettaq valutazzjoni tal-impatt tal-protezzjoni tad-data skont din id-Direttiva, għandhom jitqiesu r-riżultati meta jitfasslu dawk il-miżuri u l-proċeduri. Il-miżuri jistgħu jikkonsistu minn, fost affarijiet oħrajn, l-użu ta' psewdonimizzazzjoni, kmieni kemm jista' jkun. L-użu ta' psewdonimizzazzjoni għall-finijiet ta' din id-Direttiva jista' jservi bħala għodda li tista' tiffaċilita, b'mod partikolari, il-fluss liberu ta' data personali fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

(54)

Il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data kif ukoll ir-responsabbiltà tal-kontrolluri u l-proċessuri, ukoll f'rabta mal-monitoraġġ mill-awtoritajiet superviżorji u l-miżuri tagħhom, titlob attribuzzjoni ċara tar-responsabbiltajiet stipulati f'din id-Direttiva, inkluż fejn kontrollur jistabbilixxi l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar flimkien ma' kontrolluri oħra jew meta attività ta' pproċessar titwettaq f'isem kontrollur.

(55)

It-twettiq ta' pproċessar għandu jitmexxa minn att legali li jinkludi kuntratt li jorbot lill-proċessur mal-kontrollur u li jistipula, b'mod partikolari, li l-proċessur għandu jaġixxi biss fuq struzzjonijiet mingħand il-kontrollur. Il-proċessur għandu jqis il-prinċipju tal-protezzjoni tad-data b'intenzjoni u b'mod awtomatiku.

(56)

Sabiex tintwera l-konformità ma' din id-Direttiva, il-kontrollur jew il-proċessur għandu jżomm rekords rigward il-kategoriji kollha tal-attivitajiet ta' pproċessar ta' data personali taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Kull kontrollur u proċessur għandu jkun obbligat li jikkoopera mal-awtorità superviżorja u jagħmel dawk ir-rekords, disponibbli lilha meta ssir talba għalihom, sabiex ikunu jistgħu jservu għas-sorveljanza ta' dawk l-operazzjonijiet ta' pproċessar. Il-kontrollur jew il-proċessur li jipproċessa d-data personali f'sistemi ta' pproċessar mhux awtomatizzati għandu jkollu fis-seħħ metodi effettivi li bihom tintwera l-legalità tal-ipproċessar, li jippermettu awtomonitoraġġ u li jassiguraw l-integrità tad-data u s-sigurtà tad-data, bħal reġistrazzjonijiet jew forom oħra ta' rekords.

(57)

Għandhom jinżammu reġistrazzjonijiet għall-inqas għal operazzjonijiet f'sistemi ta' pproċessar awtomatizzati bħall-ġbir, il-bidla, il-konsultazzjoni, l-iżvelar inkluż trasferimenti, il-kombinament jew it-tħassir. L-identifikazzjoni tal-persuna li tkun ikkonsultat jew żvelat data personali għandha tiġi rreġistrata u minn dik l-identifikazzjoni għandu jkun possibbli li tiġi stabbilita ġustifikazzjoni għall-operazzjonijiet ta' pproċessar. Ir-reġistrazzjonijiet għandhom jintużaw biss għall-verifika tal-legalità tal-ipproċessar, l-awtomonitoraġġ, għall-iżgurar tal-integrità tad-data u għas-sigurtà tad-data u l-proċedimenti kriminali. L-awtomonitoraġġ jinkludi wkoll proċeduri dixxiplinarji interni mill-awtoritajiet kompetenti.

(58)

Għandha titwettaq valutazzjoni tal-impatt tal-protezzjoni tad-data mill-kontrollur, meta jkun probabbli li l-operazzjonijiet ta' pproċessar jirriżultaw f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data minħabba n-natura tagħhom, il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom jew il-finijiet, li għandhom jinkludu, b'mod partikolari, il-miżuri, is-salvagwardji u l-mekkaniżmi previsti biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali u biex tintwera l-konformità ma' din id-Direttiva. Il-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom ikopru sistemi u proċessi rilevanti tal-operazzjonijiet ta' pproċessar tad-data personali, iżda mhux każijiet individwali.

(59)

Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, il-kontrollur jew il-proċessur għandhom jikkonsultaw mal-awtorità superviżorja, f'ċerti każijiet, qabel l-ipproċessar.

(60)

Sabiex iżomm is-sigurtà u jipprevjeni pproċessar li jikser din id-Direttiva, il-kontrollur jew il-proċessur għandu jevalwa r-riskji inerenti fl-ipproċessar u għandu jimplimenta miżuri sabiex itaffi dawk ir-riskji, bħall-kriptaġġ. Tali miżuri għandhom jiżguraw livell xieraq ta' sigurtà inkluż il-kunfidenzjalità, u jikkunsidraw l-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni b'rabta mar-riskju u n-natura tad-data personali li għandha tkun protetta. Fil-valutazzjoni tar-riskji għas-sigurtà tad-data, għandom jitqiesu r-riskji tal-ipproċessar tad-data, bħall-qerda, telfien, bidla jew żvelar mhux awtorizzat ta', jew aċċess aċċidentali jew illegali għal data personali trażmessa, maħżuna jew inkella pproċessata li jista', b'mod partikolari, iwassal għal dannu fiżiku, materjali jew mhux materjali. Il-kontrollur u l-proċessur għandhom jiżguraw li l-ipproċessar ta' data personali ma jitwettaqx minn persuni mhux awtorizzati.

(61)

Il-ksur ta' data personali tista', jekk ma tiġix indirizzata b'mod xieraq u fil-ħin, tirriżulta f'dannu fiżiku, materjali jew mhux materjali għall-persuni fiżiċi bħat-telf ta' kontroll tad-data personali tagħhom jew limitazzjoni tad-drittijiet tagħhom, diskriminazzjoni, serq tal-identità jew frodi, telf finanzjarju, it-treġġigħ lura mhux awtorizzat tal-psewdonimizzazzjoni, dannu għar-reputazzjoni, telf ta' kunfidenzjalità tad-data personali protetta mis-segretezza professjonali jew kwalunkwe żvantaġġ ekonomiku jew soċjali sinifikanti ieħor għall-persuna fiżika kkonċernata. Għaldaqstant, malli l-kontrollur isir konxju li sar ksur tad-data personali, il-kontrollur għandu, jinnotifika l-ksur tad-data personali lill-awtorità superviżorja mingħajr dewmien bla bżonn u, fejn fattibbli, mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li jkun sar jaf bih, sakemm il-kontrollur ma jkunx kapaċi juri, f'konformità mal-prinċipju tar-responsabbiltà, li l-ksur tad-data personali probabbilment ma jirriżultax f'riskju għad-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi. Meta tali notifika ma tkunx tista' tinkiseb fi żmien 72 siegħa, ir-raġunijiet għad-dewmien flimkien man-notifika u l-informazzjoni tista' tiġi pprovduta f'fażijiet mingħajr aktar dewmien indebitu.

(62)

Persuni fiżiċi għandhom jiġu infurmati mingħajr dewmien żejjed meta l-ksur ta' data personali x'aktarx jirriżulta f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa. Il-komunikazzjoni għandha tiddeskrivi n-natura tal-ksur tad-data personali u tinkludi rakkomandazzjonijiet għall-persuna fiżika kkonċernata biex jitnaqqsu l-effetti negattivi potenzjali. Il-komunikazzjoni lis-suġġetti tad-data għandhom isiru meta jkun raġonevolment fattibbli, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtorità superviżorja, u b'mod li jirrispetta l-gwida mogħtija minnha jew minn awtoritajiet rilevanti oħra. Pereżempju, il-bżonn li jitnaqqas riskju immedjat ta' dannu jitlob għal komunikazzjoni immedjata lis-suġġetti tad-data, filwaqt li l-ħtieġa li jiġu implimentati miżuri adatti kontra ksur ta' data kontinwu jew simili jista' tiġġustifika aktar żmien għall-komunikazzjoni. Fejn jiġi evitat it-tfixkil ta' inkjesti uffiċjali jew legali, investigazzjonijiet jew proċeduri, fejn jiġi evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew fejn l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn ma jistgħux jinkisbu bid-dewmien jew bir-restrizzjoni tal-komunikazzjoni ta' ksur tad-data personali għall-persuna fiżika kkonċernata, tali komunikazzjoni tista', f'ċirkostanzi eċċezzjonali, titħalla barra.

(63)

Il-kontrollur għandu jaħtar persuna li tassistih jissorvelja l-konformità interna mad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva, ħlief meta Stat Membru jiddeċiedi li jeżenta qrati u awtoritajiet ġudizzjarji indipendenti oħrajn meta jkunu qegħdin jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom. Dik il-persuna għandha tkun membru tal-persunal eżistenti tal-kontrollur li tkun irċeviet taħriġ speċjali tal-liġi u tal-prattika dwar il-protezzjoni tad-data sabiex tikseb għarfien espert f'dak il-qasam. Il-livell meħtieġ ta' għarfien espert għandu jkun stabbilit, b'mod partikolari, skont l-ipproċessar tad-data li jkun sar u l-protezzjoni meħtieġa għad-data personali pproċessata mill-kontrollur. Il-kompiti tiegħu jew tagħha jistgħu jitwettqu fuq bażi part-time jew full-time. Uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jista' jinħatar b'mod konġunt minn diversi kontrolluri, filwaqt li jittieħed kont tal-istruttura organizzattiva u d-daqs tagħhom, pereżempju fil-każ ta' riżorsi kondiviżi f'unitajiet ċentrali. Dik il-persuna tista' wkoll tinħatar għal pożizzjonijiet differenti fl-istruttura tal-kontrolluri rilevanti. Dik il-persuna għandha tgħin lill-kontrollur u l-impjegati li jipproċessaw data personali billi tinformahom u tagħtihom pariri dwar il-konformità mal-obbligi rilevanti tagħhom tal-protezzjoni tad-data. Tali uffiċjali tal-protezzjoni tad-data għandhom ikunu f'pożizzjoni li jaqdu d-dmirijiet u l-kompiti tagħhom b'mod indipendenti skont il-liġi ta' Stat Membru.

(64)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li trasferiment għal pajjiż terz jew għal organizzazzjoni internazzjonali jseħħ biss jekk ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika, u li l-kontrollur fil-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali tkun awtorità kompetenti fit-tifsira ta' din id-Direttiva. Trasferiment għandu jsir biss mill-awtoritajiet kompetenti li jaġixxu bħala kontrolluri, ħlief meta l-proċessuri jkunu b'mod espliċitu ngħataw struzzjonijiet biex jittrasferixxu f'isem il-kontrolluri. Tali trasferiment jista' jsir f'każijiet fejn il-Kummissjoni tkun iddeċidiet li l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni jiżguraw livell ta' protezzjoni adegwat, jew meta jiġu pprovduti salvagwardji adatti jew meta japplikaw derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi. Meta d-data personali tkun trasferita mill-Unjoni lil kontrolluri, proċessuri jew riċevituri oħra f'pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, il-livell ta' protezzjoni tal-persuni fiżiċi mogħti fl-Unjoni minn din id-Direttiva ma għandux jiddgħajjef, inkluż f'każijiet ta' trasferimenti ulterjuri ta' data personali mill-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali lil kontrolluri, jew proċessuri fl-istess pajjiż terz jew f'ieħor jew f'organizzazzjoni internazzjonali oħra.

(65)

Fejn tiġi trasferita data personali minn Stat Membru għal pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, tali trasferiment, fil-prinċipju, għandu jseħħ biss wara li l-Istat Membru li minnu nkisbet id-data jkun ta l-awtorizzazzjoni tiegħu għat-trasferiment. L-interessi ta' kooperazzjoni effiċjenti fl-infurzar tal-liġi jitolbu, li fejn in-natura ta' theddida għas-sigurtà pubblika ta' Stat Membru jew pajjiż terz jew għall-interessi essenzjali ta' Stat Membru tkun tant immedjata li jsir impossibbli li tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel fi żmien adegwat, l-awtorità kompetenti għandha tkun tista' tittrasferixxi d-data personali rilevanti għall-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali konċernata mingħajr tali awtorizzazzjoni minn qabel. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kwalunkwe kundizzjoni speċifika li tirrigwarda t-trasferiment għandha tiġi kkomunikata lil pajjiżi terzi u/jew organizzazzjonijiet internazzjonali. It-trasferimenti ulterjuri ta' data personali għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti li tkun wettqet it-trasferiment oriġinali. Meta tiddeċiedi dwar talba għall-awtorizzazzjoni ta' trasferiment ulterjuri, l-awtorità kompetenti li wettqet it-trasferiment oriġinali għandha tieħu kont debitu tal-fatturi rilevanti kollha, inkluża s-serjetà tar-reat kriminali, il-kundizzjonijiet speċifiċi li soġġett għalihom, u għal fini tagħhom id-data kienet oriġinarjament trasferita, in-natura u l-kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena kriminali, u l-livell ta' protezzjoni tad-data personali fil-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali fejn id-data personali tiġi trasferita ulterjorment. L-awtorità kompetenti li wettqet it-trasferiment oriġinali għandha tissuġġetta wkoll it-trasferiment ulterjuri għal kundizzjonijiet speċifiċi. Tali kondizzjonijiet speċifiċi jistgħu jiġu deskritti, pereżempju, b'kodiċijiet ta' ġestjoni.

(66)

Il-Kummissjoni għandha tkun tista' tiddeċiedi b'effett għall-Unjoni kollha li ċerti pajjiżi terzi, territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar fi ħdan pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali, joffru livell adegwat ta' protezzjoni tad-data, u b'hekk jipprovdu ċertezza legali u uniformità fl-Unjoni kollha rigward il-pajjiżi terzi jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali li huma kkunsidrati li jipprovdu tali livell ta' protezzjoni. F'dawn il-każijiet, it-trasferimenti tad-data personali għal dawk il-pajjiżi jkunu jistgħu isiru mingħajr il-ħtieġa li tinkiseb xi awtorizzazzjoni speċifika, ħlief meta Stat Membru ieħor li minnu tkun inkisbet id-data jkollu jagħti l-awtorizzazzjoni tiegħu għat-trasferiment.

(67)

F'konformità mal-valuri fundamentali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, b'mod partikolari l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-Kummissjoni, fil-valutazzjoni tagħha tal-pajjiż terz, jew ta' territorju jew settur speċifikat f'pajjiż terz, għandha tikkunsidra kif pajjiż terz partikolari jirrispetta l-istat tad-dritt, l-aċċess għall-ġustizzja kif ukoll ir-regoli u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi ġenerali u settorjali tagħha, inkluż leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà pubblika, id-difiża u s-sigurtà nazzjonali, kif ukoll l-ordni pubbliku u l-liġi kriminali. L-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' adegwatezza fir-rigward ta' territorju jew settur speċifikat f'pajjiż terz għandha tieħu kont ta' kriterji ċari u oġġettivi, bħall-attivitajiet ta' pproċessar speċifiċi u l-kamp ta' applikazzjoni tal-istandards legali applikabbli u l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-pajjiż terz. Il-pajjiż terz għandu joffri garanziji li jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni essenzjalment ekwivalenti għal dak żgurat fl-Unjoni, b'mod partikolari meta d-data tkun ipproċessata f'settur speċifiku wieħed jew aktar. B'mod partikolari, il-pajjiż terz għandu jiżgura sorveljanza effettiva u indipendenti tal-protezzjoni tad-data u jipprovdi mekkaniżmi ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-protezzjoni tad-data, u s-suġġetti tad-data għandhom jingħataw drittijiet effettivi u infurzabbli u rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv.

(68)

Minbarra l-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom il-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ukoll tal-obbligi li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz jew tal-organizzazzjoni internazzjonali f'sistemi multilaterali jew reġjonali b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' dawn l-obbligi. B'mod partikolari, għandu jittieħed kont tal-adeżjoni ta' pajjiż terz għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta' Jannar 1981 dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali u l-Protokoll Addizzjonali tagħha. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit bir-Regolament (UE) 2016/679 (il-“Bord”) meta tivvaluta l-livell ta' protezzjoni f'pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Kummissjoni għandha wkoll tikkunsidra kwalunkwe deċiżjoni ta' adegwatezza rilevanti tal-Kummissjoni adottata skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(69)

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-funzjonament tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-protezzjoni f'pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali. Fid-deċiżjonijiet ta' adegwatezza tagħha, il-Kummissjoni għandha tipprovdi għal mekkaniżmu ta' reviżjoni perjodika tal-funzjonament tagħhom. Dik ir-reviżjoni perjodika għandha ssir b'konsultazzjoni mal-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni u għandha tqis l-iżviluppi rilevanti kollha fil-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali.

(70)

Il-Kummissjoni għandha tkun tista' wkoll tirrikonoxxi wkoll li pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat fi ħdan pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali, ma jibqgħux jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni tad-data. Konsegwentement, it-trasferiment ta' data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali għandu jkun ipprojbit, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti f'din id-Direttiva li jirrelataw ma' trasferimenti soġġetti għal salvagwardji u derogi xierqa għal sitwazzjonijiet speċifiċi. Għandhom ikunu previsti proċeduri għall-konsultazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u dawn il-pajjiżi terzi jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tinforma, b'mod f'waqtu, lill-pajjiż terz jew lill-organizzazzjoni internazzjonali bir-raġunijiet u tidħol f'konsultazzjonijiet miegħu sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni.

(71)

Trasferimenti li mhumiex ibbażati fuq tali deċiżjoni ta' adegwatezza għandhom ikunu permessi biss fejn jiġu pprovduti salvagwardji adegwati fi strument legalment vinkolanti, li jiżguraw il-protezzjoni tad-data personali, jew fejn il-kontrollur ikun ivvaluta ċ-ċirkustanzi kollha dwar it-trasferiment tad-data u, abbażi ta' dik il-valutazzjoni, jikkunsidra li jeżistu salvagwardji adatti fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali. Tali strumenti legalment vinkolanti jistgħu, pereżempju, jkunu ftehimiet bilaterali legalment vinkolanti li jkunu ġew konklużi mill-Istati Membri u implimentati fl-ordni legali tagħhom u li jistgħu jiġu infurzati mis-suġġetti tad-data tagħhom, li jiżguraw konformità mar-rekwiżiti ta' protezzjoni tad-data u d-drittijiet tas-suġġetti tad-data, inkluż id-dritt li jinkiseb rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju effettiv. Il-kontrollur għandu jkun jista' jieħu kont tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni konklużi bejn l-Europol jew l-Eurojust u pajjiżi terzi li jippermettu l-iskambju ta' data personali meta jwettqu l-valutazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha rigward it-trasferiment tad-data. Il-kontrollur għandu jkun jista' jqis ukoll il-fatt li t-trasferiment ta' data personali ser ikun soġġett għal obbligi ta' kunfidenzjalità u l-prinċipju tal-ispeċifiċità, u dan jiżgura li d-data mhux ser tiġi pproċessata għal skopijiet oħrajn għajr għall-iskopijiet tat-trasferiment. Barra minn hekk, il-kontrollur għandu jkun jista' jqis li d-data personali mhijiex ser tintuża biex tintalab, tingħata jew tiġi eżegwita l-piena tal-mewt jew kwalunkwe għamla oħra ta' trattament krudili u inuman. Filwaqt li dawk il-kundizzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala salvagwardji xierqa li jippermettu t-trasferiment ta' data, il-kontrollur għandu jkun jista' jitlob salvagwardji addizzjonali.

(72)

Fejn ma teżisti l-ebda deċiżjoni dwar l-adegwatezza jew salvagwardja xierqa, trasferiment jew kategorija ta' trasferimenti tista' sseħħ biss f'sitwazzjonijiet speċifiċi, jekk tkun meħtieġa, għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew persuna oħra, jew is-salvagwardja ta' interessi leġittimi tas-suġġett tad-data fejn il-liġi tal-Istat Membru li jittrasferixxi d-data personali tipprevedi dan; għall-prevenzjoni ta' theddid immedjat u serju għas-sigurtà pubblika ta' Stat Membru jew pajjiż terz; f'każ individwali għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika; jew f'każ individwali għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' pretensjonijiet legali. Dawk id-derogi għandhom ikunu interpretati b'mod ristrett u ma għandhomx jippermettu t-trasferimenti frekwenti, massivi u strutturali ta' data personali jew trasferimenti fuq skala kbira ta' data iżda għandhom ikunu limitati għad-data strettament meħtieġa. Trasferimenti bħal dawn għandhom jiġu dokumentati u għandhom ikunu disponibbli għall-awtorità superviżorja fuq talba sabiex tiġi ssorveljata l-legalità tat-trasferiment.

(73)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri japplikaw ftehimiet internazzjonali bilaterali jew multilaterali fis-seħħ, konklużi ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija, għall-iskambju ta' informazzjoni rilevanti li tippermettilhom iwettqu x-xogħol legalment assenjat lilhom. Fil-prinċipju, dan isir permezz tal-kooperazzjoni, jew tal-inqas bil-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi terzi kkonċernati għall-finijiet ta' din id-Direttiva, xi kultant anke fin-nuqqas ta' ftehim internazzjonali bilaterali jew multilaterali. Madankollu, f'każijiet individwali speċifiċi, il-proċeduri regolari li jirrikjedu li tiġi kkuntattjata tali awtorità fil-pajjiż terz jistgħu jkunu ineffettivi jew inadegwati, b'mod partikolari minħabba li t-trasferiment ma setax jitwettaq fil-ħin, jew minħabba li dik l-awtorità fil-pajjiż terz ma tirrispettax l-istat tad-dritt jew in-normi u l-istandards tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem, b'tali mod li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jittrasferixxu data personali direttament lil riċevituri stabbiliti f'dawk il-pajjiżi terzi. Dan jista' jkun il-każ fejn ikun hemm bżonn urġenti għal trasferiment ta' data personali biex tiġi salvata l-ħajja ta' persuna li tkun qiegħda fil-periklu li ssir vittma ta reat kriminali jew fl-interess tal-prevenzjoni tat-twettiq imminenti ta' reat kriminali, inkluż it-terroriżmu. Anke jekk tali trasferiment bejn l-awtoritajiet kompetenti u riċevituri stabbiliti f'pajjiżi terzi għandu jsir biss f'każijiet individwali speċifiċi, din id-Direttiva għandha tipprevedi kundizzjonijiet biex jiġu regolati każijiet bħal dawn. Dawk id-dispożizzjonijiet ma għandhomx jitqiesu bħala derogi minn xi ftehim internazzjonali bilaterali jew multilaterali eżistenti fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f' materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija. Dawk ir-regoli għandhom japplikaw flimkien mar-regoli l-oħrajn ta' din id-Direttiva, partikolarment dawk dwar il-legalità tal-ipproċessar u tal-Kapitolu V.

(74)

Meta d-data personali taqsam il-fruntieri, hija tista' tpoġġi f'riskju l-kapaċità tal-persuni fiżiċi li jeżerċitaw id-drittijiet ta' protezzjoni tad-data sabiex jipproteġu lilhom infushom mill-użu jew l-iżvelar illegali ta' dik id-data. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jsibu li ma jistgħux jagħtu segwitu għall-ilmenti jew iwettqu investigazzjonijiet relatati mal-attivitajiet barra mill-fruntieri tagħhom. L-isforzi tagħhom biex jaħdmu flimkien f'kuntest transkonfinali jistgħu jkunu mxekkla wkoll minn setgħat preventivi jew ta' rimedju insuffiċjenti u reġimi legali inkonsistenti. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi promossa kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data biex tgħinhom fl-iskambju ta' informazzjoni mal-kontropartijiet barranin tagħhom.

(75)

L-istabbiliment fl-Istati Membri ta' awtoritajiet superviżorji, li jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b'indipendenza sħiħa, huwa komponent essenzjali tal-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom. L-awtoritajiet superviżorji għandhom jissorveljaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva u għandhom jikkontribwixxu għall-applikazzjoni konsistenti tagħhom kullimkien fl-Unjoni, sabiex jiġu protetti l-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw ma' xulxin u mal-Kummissjoni.

(76)

L-Istati Membri jistgħu jafdaw awtorità superviżorja diġà stabbilita taħt ir-Regolament (UE) 2016/679 bir-responsabbiltà għall-kompiti li jridu jitwettqu mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali li għandhom jiġu stabbiliti taħt din id-Direttiva.

(77)

L-Istati Membri għandhom jitħallew jistabbilixxu aktar minn awtorità superviżorja waħda biex jirriflettu l-istruttura kostituzzjonali, organizzattiva u amministrattiva tagħhom. Kull awtorità superviżorja għandha tingħata r-riżorsi finanzjarji u umani, bini u infrastruttura adegwati, li huma meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħhom, inkluż għall-kompiti relatati mal-assistenza reċiproka u l-kooperazzjoni ma' awtoritajiet superviżorji oħra madwar l-Unjoni. Kull awtorità superviżorja għandu jkollha baġit annwali pubbliku separat, li jista' jagħmel parti mill-baġit globali tal-istat jew nazzjonali.

(78)

L-awtoritajiet superviżorji għandhom ikunu soġġetti għal mekkaniżmi ta' kontroll jew monitoraġġ indipendenti f'dak li jirrigwarda n-nefqa finanzjarja tagħhom, sakemm tali kontroll finanzjarju ma jaffettwax l-indipendenza tagħhom.

(79)

Il-kundizzjonijiet ġenerali għall-membru jew il-membri tal-awtorità superviżorja għandhom jiġu stabbiliti bil-liġi tal-Istat Membru u għandhom b'mod partikolari jipprevedu li dawk il-membri għandhom jew jinħatru mill-Parlament jew mill-gvern jew mill-kap tal-Istat Membru abbażi ta' proposta mill-gvern jew minn membru tal-gvern, jew mill-Parlament jew il-kamra tiegħu, jew minn korp indipendenti li jiġi fdat bil-ħatra skont il-liġi ta' Stat Membru permezz ta' proċedura trasparenti. Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-awtorità superviżorja, il-membru jew il-membri għandhom jaġixxu b'integrità, għandhom jibqgħu lura minn kwalunkwe azzjoni li ma tkunx kompatibbli ma' dmirijiethom u matul il-mandat tagħhom, ma għandhomx jinvolvu ruħhom f'xi xogħol li ma jkunx kompatibbli, sew jekk bi qligħ sew jekk le. Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-awtorità superviżorja, il-persunal għandu jkun magħżul mill-awtorità superviżorja li tista' tinkludi intervent minn korp indipendenti fdat bil-liġi ta' Stat Membru.

(80)

Filwaqt li din id-Direttiva tapplika wkoll għall-attivitajiet tal-qrati nazzjonali u awtoritajiet ġudizzjarji oħra, il-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji ma għandhiex tkopri l-ipproċessar ta' data personali meta l-qrati jkunu qed jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom, bil-għan li tiġi salvagwardjata l-indipendenza tal-imħallfin fit-twettiq tal-kompiti ġudizzjarji tagħhom. Dik l-eżenzjoni għandha tkun limitata għal attivitajiet ġudizzjarji f'kawżi fil-qorti u ma tapplikax għal attivitajiet oħra fejn l-imħallfin jistgħu jkunu involuti skont il-liġi ta' Stat Membru. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprevedu wkoll li l-kompetenza tal-awtorità superviżorja ma tkoprix l-ipproċessar ta' data personali ta' awtoritajiet ġudizzjarji indipendenti oħrajn meta jkunu qed jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom, pereżempju l-uffiċċju tal-prosekuturi pubbliċi. Fi kwalunkwe każ, il-konformità mar-regoli ta' din id-Direttiva mill-qrati u awtoritajiet ġudizzjarji indipendenti oħrajn hija dejjem soġġetta għal sorveljanza indipendenti skont l-Artikolu 8(3) tal-Karta.

(81)

Kull awtorità superviżorja għandha titratta l-ilmenti mressqa minn kwalunkwe suġġett tad-data u għandha tinvestiga l-każ jew tressqu quddiem l-awtorità superviżorja kompetenti. L-investigazzjoni wara lment għandha titwettaq, soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja, sa fejn ikun xieraq fil-każ speċifiku. L-awtorità superviżorja għandha tinforma lis-suġġett tad-data dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment fi żmien raġonevoli. Jekk il-każ ikun jeħtieġ aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma' awtorità superviżorja oħra, informazzjoni intermedja għandha tiġi pprovduta lis-suġġett tad-data.

(82)

Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ effettiv, affidabbli u konsistenti tal-konformità u l-infurzar ta' din id-Direttiva fl-Unjoni kollha skont it-TFUE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom f'kull Stat Membru l-istess kompiti u setgħat effettivi, inklużi setgħat investigattivi, korrettivi u konsultattivi li jikkostitwixxu l-mezzi meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom. Madankollu, is-setgħat tagħhom ma għandhomx jinterferixxu ma' regoli speċifiċi għall-proċedimenti kriminali, inkluża l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, jew l-indipendenza tal-ġudikatura. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni skont il-liġi ta' Stat Membru, l-awtoritajiet superviżorji għandu wkoll ikollhom is-setgħa li jressqu ksur ta' din id-Direttiva quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji jew jieħdu sehem fi proċedimenti legali. Is-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji għandhom jiġu eżerċitati f'konformità ma' salvagwardji proċedurali xierqa stipulati bil-liġi tal-Unjoni u tal-Istat Membru, b'mod imparzjali, ġust u fil-mument opportun. B'mod partikolari, kull miżura għandha tkun xierqa, meħtieġa u proporzjonata sabiex tiġi żgurata l-konformità ma' din id-Direttiva, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali, ir-rispett tad-dritt ta' kull persuna li tinstema' qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqot ħażin lill-persuna konċernata, u jiġu evitati spejjeż żejda u inkonvenjenzi eċċessivi għall-persuna kkonċernata. Is-setgħat investigattivi rigward l-aċċess għall-bini għandhom jitħaddmu f'konformità ma' rekwiżiti speċifiċi fil-liġita' Stat Membru, bħalma huwa r-rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel. L-adozzjoni ta' deċiżjoni legalment vinkolanti għandha tkun soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li tkun adottat id-deċiżjoni.

(83)

L-awtoritajiet superviżorji għandhom jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u jipprovdu assistenza reċiproka, sabiex jiżguraw l-applikazzjoni u l-infurzar konsistenti tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva.

(84)

Il-Bord tad-Data għandu jikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti ta' din id-Direttiva kullimkien fl-Unjoni, inkluż billi jagħti parir lill-Kummissjoni u jippromwovi l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet superviżorji madwar l-Unjoni.

(85)

Kull suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja waħda u għal rimedju ġudizzjarju effettiv f'konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta, meta s-suġġett tad-data jqis li d-drittijiet tiegħu jew tagħha skont dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva jkunu qed jinkisru jew meta l-awtorità superviżorja ma tiħux azzjoni b'rabta ma' lment, tiċħad jew twarrab ilment parzjalment jew kompletament jew ma tiħux azzjoni meta dik l-azzjoni tkun meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data. L-investigazzjoni wara lment għandha titwettaq, soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja, sa fejn ikun xieraq fil-każ speċifiku. L-awtorità superviżorja kompetenti għandha tinforma lis-suġġett tad-data dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment fi żmien raġonevoli. Jekk il-każ ikun jeħtieġ aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma' awtorità superviżorja oħra, informazzjoni intermedja għandha tiġi pprovduta lis-suġġett tad-data. Bil-għan li tiffaċilita s-sottomissjoni ta' ilmenti, kull awtorità superviżorja għandha tieħu miżuri bħall-forniment ta' formola għas-sottomissjoni tal-ilmenti li tista' timtela wkoll b'mod elettroniku, mingħajr ma jiġu esklużi mezzi oħrajn ta' komunikazzjoni.

(86)

Kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti kontra deċiżjoni ta' awtorità superviżorja li tipproduċi effetti legali li jikkonċernaw dik il-persuna. Tali deċiżjoni tikkonċerna b'mod partikolari t-tħaddim ta' setgħat investigattivi, korrettivi u ta' awtorizzazzjoni mill-awtorità superviżorja jew iċ-ċaħda jew ir-rifjut ta' ilmenti. Madankollu, dak id-dritt ma jinkludix miżuri oħrajn tal-awtoritajiet superviżorji li mhumiex legalment vinkolanti, bħal opinjonijiet maħruġa jew pariri pprovduti mill-awtorità superviżorja. Il-proċedimenti kontra awtorità superviżorja għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità superviżorja u għandhom jitwettqu skont il-liġi ta' Stat Membru. Dawk il-qrati għandhom iħaddmu l-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha tinkludi ġurisdizzjoni biex jiġu eżaminati l-kwistjonijiet kollha ta' fatt u ta' liġi rilevanti għat-tilwim li jitressaq quddiemhom.

(87)

Meta s-suġġett tad-data jqis li jkun hemm ksur tad-drittijiet tiegħu skont din id-Direttiva, hu għandu jkollu d-dritt li jagħti mandat lil korp, li għandu l-għan li jipproteġi d-drittijiet u l-interessi tas-suġġetti tad-data b'rabta mal-protezzjoni tad-data personali tagħhom u li jkun kostitwit skont il-liġi ta' Stat Membru biex iressaq ilment f'ismu quddiem awtorità superviżorja u biex jeżerċita d-dritt għal rimedju ġudizzjarju. Id-dritt ta' rappreżentazzjoni tas-suġġetti tad-data għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-liġi proċedurali ta' Stat Membru li tista' teżiġi rappreżentazzjoni mandatorja tas-suġġetti tad-data quddiem qrati nazzjonali, permezz ta' avukat, kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE (10).

(88)

Kwalunkwe dannu li tista' ssofri persuna b'riżultat ta' pproċessar li jikser id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva għandu jingħata kumpens għalih mill-kontrollur jew kwalunkwe awtorità' kompetenti oħra taħt il-liġi ta' Stat Membru. Il-kunċett ta' dannu għandu jiġi interpretat b'mod wiesa' fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b'mod li jirrifletti b'mod sħiħ l-objettivi ta' din id-Direttiva. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe talba għal kumpens għal dannu li jirriżulta minn ksur ta' regoli oħra fil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru. Meta ssir referenza għal proċessar li huwa kontra l-liġi jew li jikser id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva din tkopri wkoll ipproċessar li jikser atti ta' implimentazzjoni adottati f'konformità ma' din id-Direttiva. Is-suġġetti tad-data għandhom jirċievu kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu li jkunu ġarrbu.

(89)

Għandhom jiġu imposti pieni fuq kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, sew jekk regolati b'liġi privata kif ukoll jekk bil-liġi pubblika, li tikser din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pieni jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jimplimentaw il-pieni.

(90)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat implimentattivi rigward il-livell adegwat ta' protezzjoni mogħti minn pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali u l-format u l-proċeduri għal assistenza reċiproka u l-arranġamenti għall-iskambju ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi fost l-awtoritajiet superviżorji, u bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-Bord. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(91)

Il-proċedura ta' eżami għandha tintuża għall-adozzjoni ta' atti ta' implimentazzjoni dwar il-livell adegwat ta' protezzjoni mogħti minn pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali u dwar il-format u l-proċeduri għal assistenza reċiproka u l-arranġamenti għall-iskambju ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi fost l-awtoritajiet superviżorji, u bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-Bord, minħabba li dawk l-atti huma ta' ambitu ġenerali.

(92)

Il-Kummissjoni għandha minnufih tadotta atti ta' implimentazzjoni applikabbli fejn, f'każijiet debitament ġustifikati relatati ma' pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li m'għadhomx jiżguraw livell ta' protezzjoni adegwat, meta raġunijiet imperattivi ta' urġenza jitolbu hekk.

(93)

Billi l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta' persuni fiżiċi u b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali u li jiġi żgurat l-iskambju liberu tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-Unjoni, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u iktarx minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif jinsab fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif jinsab f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dawk l-objettivi.

(94)

Dispożizzjonijiet speċifiċi ta' atti tal-Unjoni adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija li ġew adottati qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Direttiva, li jirregolaw l-ipproċessar ta' data personali bejn l-Istati Membri jew l-aċċess ta' awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri għas-sistemi ta' informazzjoni stabbiliti skont it-Trattati, ma għandhomx jiġu affettwati, bħal, pereżempju, id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni ta' data personali applikati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI (12), jew l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (13). Peress li l-Artikolu 8 tal-Karta u l-Artikolu 16 TFUE jirrikjedi li d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali jiġi żgurat b'mod konsistenti fl-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tevalwa s-sitwazzjoni fir-rigward tar-relazzjoni bejn din id-Direttiva u l-atti adottati qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Direttiva li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali bejn l-Istati Membri jew l-aċċess ta' awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri għas-sistemi ta' informazzjoni stabbiliti skont it-Trattati, sabiex tiġi vvalutata l-ħtieġa tal-allinjament ta' dawk id-dispożizzjonijiet speċifiċi ma' din id-Direttiva. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti bil-ħsieb li jiġu żgurati regoli legali konsistenti relatati mal-ipproċessar ta' data personali.

(95)

Sabiex tiġi żgurata protezzjoni komprensiva u konsistenti tad-data personali fl-Unjoni, ftehimiet internazzjonali li kienu ġew konklużi mill-Istati Membri qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, u li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni rilevanti applikabbli qabel dik id-data, għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu emendati, mibdula jew revokati.

(96)

L-Istati Membri għandhom jingħataw perijodu ta' mhux aktar minn sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva biex tiġi trasposta. L-ipproċessar li diġà jkun qed isir f'dik id-data għandu jsir konformi ma' din id-Direttiva fi żmien sentejn wara li din id-Direttiva tidħol fis-seħħ. Madankollu, fejn tali pproċessar ikun konformi mal-liġi tal-Unjoni applikabbli qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva fir-rigward tal-konsultazzjoni minn qabel tal-awtorità superviżorja ma għandhomx japplikaw għall-operazzjonijiet ta' pproċessar li jkunu diġà qed isiru f'dik id-data, peress li dawk ir-rekwiżiti, min-natura tagħhom stess, għandhom jiġu sodisfatti qabel l-ipproċessar. Fejn l-Istati Membri jużaw il-perijodu ta' implimentazzjoni itwal li jiskadi 7 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva sabiex jintlaħqu l-obbligi ta' reġistrazzjonijiet għal sistemi ta' pproċessar awtomatizzat stabbiliti qabel dik id-data, il-kontrollur jew il-proċessur għandu jkollu fis-seħħ metodi effettivi biex tintwera l-legalità tal-ipproċessar tad-data, biex jippermettu awtomonitoraġġ u biex jiżguraw l-integrità tad-data u s-sigurtà tad-data, bħala reġistrazzjonijiet jew forom oħra ta' rekords.

(97)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal kif stabbiliti fid-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

(98)

Id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI għandha għalhekk titħassar.

(99)

F'konformità mal-Artikolu 6a tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, kif anness għat-TUE u għat-TFUE, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex marbuta bir-regoli stabbiliti f'din id-Direttiva li huma relatati mal-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitolu 4 jew il-Kapitolu 5 tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-TFUE fejn ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jkunux marbuta bir-regoli li jirregolaw il-forom ta' kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali jew ta' kooperazzjoni tal-pulizija li jeħtieġu konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fuq il-bażi tal-Artikolu 16 TFUE.

(100)

F'konformità mal-Artikoli 2 u 2a tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, kif anness għat-TUE u għat-TFUE, id-Danimarka mhix marbuta bir-regoli stabbiliti f'din id-Direttiva jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħhom li huma relatati mal-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri meta jwettqu l-attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitolu 4 jew il-Kapitolu 5 tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-TFUE. Minħabba li din id-Direttiva tibni fuq l-acquis ta' Schengen, taħt it-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-TFUE, id-Danimarka, skont l-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(101)

Rigward l-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, kif previst mill-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja rigward l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (15).

(102)

Rigward l-Iżvizzera, din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, kif previst mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (16).

(103)

Rigward il-Liechtenstein, din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, kif previst mill-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (17).

(104)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta kif imħaddna fit-TFUE, b'mod partikolari d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali. Il-limitazzjonijiet imposti fuq dawn id-drittijiet huma skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta billi huma neċessarji sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni oħra.

(105)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni, l-Istati Membri impenjaw rwieħhom li jehmżu, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom ma' dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' Direttiva u l-partijiet korrispondenti ta' miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur jikkunsidra t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti bħala ġustifikata.

(106)

Is-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta opinjoni fis-7 ta' Marzu 2012 (18).

(107)

Din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jimplimentaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data dwar l-informazzjoni, l-aċċess għal u r-rettifika jew it-tħassir ta' data personali u r-restrizzjoni tal-ipproċessar fil-kors ta' proċeduri kriminali, u r-restrizzjonijiet possibbli tagħhom għalihom, fir-regoli nazzjonali dwar il-proċedura kriminali,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett u objettivi

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika.

2.   Skont din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali; u

(b)

jiżguraw li l-iskambju tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-Unjoni, fejn tali skambju jkun meħtieġ mill-Unjoni jew il-liġi ta' Stat Membru, la ma jkun ristrett u lanqas ipprojbit għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

3.   Din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jipprovdu salvagwardji ogħla minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1).

2.   Din id-Direttiva tapplika għall-ipproċessar tad-data personali kompletament jew parzjalment b'mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b'mezzi awtomatizzati tad-data personali li tifforma parti minn sistema ta' arkivjar jew li tkun maħsuba biex tifforma parti minn sistema ta' arkivjar.

3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ipproċessar tad-data personali:

(a)

matul attività li taqa' barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

(b)

mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(1)

data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista' tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b'mod partikolari b'referenza għal mezz ta' identifikazzjoni bħal isem, numru ta' identifikazzjoni, data ta' lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta' dik il-persuna fiżika;

(2)

“ipproċessar” tfisser kwalunkwe attività jew sett ta' attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta' data personali, sew jekk b'mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b'xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

(3)

“restrizzjoni tal-ipproċessar” tfisser l-immarkar ta' data personali maħżuna bil-għan li jiġi limitat l-ipproċessar tagħha fil-ġejjieni;

(4)

“tfassil tal-profil” tfisser kwalunkwe forma ta' pproċessar awtomatizzat ta' data personali li jikkonsisti fl-użu ta' data personali biex jiġu evalwati ċerti aspetti personali relatati ma' persuna fiżika, b'mod partikolari biex jiġu analizzati jew imbassra aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi personali, l-interessi, l-affidabbiltà, l-imġiba, il-lokalizzazzjoni jew il-movimenti ta' dik il-persuna fiżika;

(5)

“psewdonimizzazzjoni” tfisser l-ipproċessar ta' data personali b'tali mod li d-data personali ma tkunx tista' tibqa' tiġi attribwita għal suġġett tad-data speċifiku mingħajr l-użu ta' informazzjoni addizzjonali, dment li tali informazzjoni addizzjonali tinżamm separatament u tkun soġġetta għal miżuri tekniċi u organizzattivi biex jiġi żgurat li d-data personali ma tiġix attribwita għal persuna fiżika identifikata jew identifikabbli;

(6)

“sistema ta' arkivjar” tfisser kwalunkwe sett strutturat ta' data personali li tkun aċċessibbli skont kriterji speċifiċi, sew jekk ċentralizzat, deċentralizzat jew mifrux fuq bażi funzjonali jew ġeografika;

(7)

“awtorità kompetenti” tfisser:

(a)

kwalunkwe awtorità kompetenti pubblika għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika; jew

(b)

kwalunkwe korp jew entità oħra fdata mil-liġi ta' Stat Membru li teżerċita awtorità pubblika u setgħat pubbliċi għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika;

(8)

“kontrollur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma' oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta' data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru;

(9)

“proċessur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jipproċessa data personali f'isem il-kontrollur;

(10)

“riċevitur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor, li lilha tiġi żvelata d-data personali, irrispettivament milli huwiex parti terza jew le. Madankollu, l-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jirċievu data personali fil-qafas ta' inkjesta partikolari f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru ma għandhomx jitqiesu bħala riċevituri; l-ipproċessar ta' dik id-data minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi għandu jkun f'konformità mar-regoli ta' protezzjoni tad-data applikabbli skont il-finijiet tal-ipproċessar;

(11)

“ksur ta' data personali” tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għal qerda aċċidentali jew illegali, telf, bidliet, żvelar mhux awtorizzat ta', jew aċċess għal, data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata b'xi mod ieħor;

(12)

data ġenetika” tfisser id-data personali relatata mal-karatteristiċi ġenetiċi ta' persuna fiżika li jkunu ntirtu jew inkisbu li tagħti informazzjoni unika dwar il-fiżjoloġija jew is-saħħa ta' dik il-persuna fiżika, u li tirriżulta, b'mod partikolari, minn analiżi ta' kampjun bijoloġiku mill-persuna fiżika inkwistjoni;

(13)

data bijometrika” tfisser data personali li tirriżulta mill-ipproċessar tekniku speċifiku relatat mal-karatteristiċi fiżiċi, fiżjoloġiċi jew tal-imġiba ta' persuna fiżika, li tippermetti jew tikkonferma l-identifikazzjoni unika ta' dik il-persuna fiżika, bħall-immaġnijiet tal-wiċċ jew id-data dattiloskopika;

(14)

data dwar is-saħħa” tfisser data personali relatata mas-saħħa fiżika jew mentali ta' persuna fiżika, inkluża l-provvista ta' servizzi tal-kura tas-saħħa, li tiżvela informazzjoni rigward l-istat ta' saħħitha;

(15)

“awtorità superviżorja” tfisser awtorità pubblika indipendenti li tiġi stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 41;

(16)

“organizzazzjoni internazzjonali” tfisser organizzazzjoni u l-korpi subordinati tagħha rregolati mid-dritt internazzjonali pubbliku jew kwalunkwe korp ieħor li jiġi stabbilit bi ftehim bejn żewġ pajjiżi jew aktar, jew abbażi tiegħu.

KAPITOLU II

Prinċipji

Artikolu 4

Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta' data personali

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali tkun:

(a)

ipproċessata b'mod legali u ġust;

(b)

miġbura għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessata b'mod li ma jkunx kompatibbli ma' dawk il-finijiet;

(c)

adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva għall-finijiet li għalih tiġi pproċessata;

(d)

tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; għandu jittieħed kull pass raġonevoli biex ikun żgurat li d-data personali impreċiża, b'kont meħud tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew tiġi rettifikata mingħajr dewmien;

(e)

miżmuma b'mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li tiġi pproċessata;

(f)

ipproċessata b'mod li tiżgura s-sigurtà xierqa tad-data personali, inkluż il-protezzjoni kontra proċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telfien, il-qerda jew il-ħsara inċidentali, bl-użu ta' miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa.

2.   L-ipproċessar mill-istess kontrollur jew minn wieħed differenti għal kwalunkwe wieħed mill-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) minbarra dak li għalih tinġabar id-data personali għandu jkun permess sakemm:

(a)

il-kontrollur ikun awtorizzat biex jipproċessa data personali bħal din għal dan il-fini skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru; u

(b)

l-ipproċessar huwa meħtieġ u proporzjonat għal dak il-fini l-ieħor skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru.

3.   L-ipproċessar mill-istess kontrollur jew minn wieħed differenti jista' jinkludi l-arkivjar fl-interess tal-pubbliku, l-użu xjentifiku, statistiku jew storiku, għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1), soġġetti għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data.

4.   Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafi 1, 2 u 3, u għandu jkun jista' juriha.

Artikolu 5

Limiti ta' żmien għall-ħażna u għar-rieżami

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li jiġu stabbiliti limiti taż-żmien għat-tħassir ta' data personali jew għal reviżjoni perjodika tal-ħtieġa li tinħażen id-data personali. Miżuri proċedurali għandhom jiżguraw li dawk il-limiti ta' żmien jiġu osservati.

Artikolu 6

Distinzjoni bejn kategoriji differenti ta' suġġett tad-data

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur, fejn applikabbli u safejn ikun possibbli, jagħmel distinzjoni ċara bejn data personali ta' kategoriji differenti ta' suġġetti tad-data, bħal:

(a)

persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li jkunu wettqu jew li jkunu ser iwettqu reat kriminali;

(b)

persuni misjuba ħatja ta' reat kriminali;

(c)

vittmi ta' reat kriminali jew persuni li ċerti fatti fir-rigward tagħhom jagħtu lok għal raġunijiet biex wieħed jemmen li huma jistgħu jkunu l-vittma ta' reat kriminali; u

(d)

partijiet oħra għal reat kriminali, bħal persuni li jistgħu jissejħu biex jixhdu f'investigazzjonijiet b'rabta ma' reati kriminali jew proċeduri kriminali sussegwenti, persuni li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar reati kriminali, jew kuntatti jew assoċjati ta' waħda mill-persuni msemmija fil-punti (a) u (b).

Artikolu 7

Distinzjoni bejn data personali u verifika tal-kwalità tad-data personali

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, kemm jista' jkun, issir distinzjoni bejn data personali bbażata fuq il-fatti u data personali bbażata fuq valutazzjonijiet personali.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li data personali li ma tkunx preċiża, mhux kompluta jew li ma tkunx għadha aġġornata ma tiġix trażmessa jew issir disponibbli. Għal dak il-għan, kull awtorità kompetenti għandha, sa fejn ikun possibbli, tivverifika l-kwalità tad-data personali qabel ma din tiġi trażmessa jew issir disponibbli. Sa fejn ikun possibbli, fit-trażmissjonijiet kollha ta' data personali, għandha tiżdied l-informazzjoni meħtieġa li tippermetti lill-awtorità kompetenti li tirċeviha tevalwa l-grad ta' preċiżjoni, kompletezza, u affidabbiltà tad-data personali, u l-punt sa fejn huma aġġornati.

3.   Jekk jirriżulta li tkun ġiet trażmessa data personali żbaljata jew li d-data personali tkun ġiet trażmessa b'mod illegali, ir-riċevitur għandu jiġi nnotifikat mingħajr dewmien. F'dan il-każ, id-data personali għandha tiġi rettifikata jew imħassra jew l-ipproċessar għandu jkun ristrett f'konformità mal-Artikolu 16.

Artikolu 8

Legalità tal-ipproċessar

1.   L-Istati Membri għandhom jippreveduli l-ipproċessar ikun legali biss jekk u sakemm dak l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir minn awtorità kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) u li jkun ibbażat fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru.

2.   Il-liġi tal-Istat Membru li tirregola l-ipproċessar fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandha tispeċifika tal-inqas l-objettivi tal-ipproċessar, id-data personali li għandha tiġi pproċessata u l-finijiet tal-ipproċessar.

Artikolu 9

Kundizzjonijiet speċifiċi għall-ipproċessar

1.   Data personali miġbura minn awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) ma għandhiex tiġi pproċessata għal finijiet li mhumiex dawk stipulati fl-Artikolu 1(1) sakemm tali pproċessar ma jkunx awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru. Meta d-data personali tkun proċessata għal tali finijiet oħra, ir-Regolament (UE) 2016/679 għandu japplika dment li l-ipproċessar ma jsirx f'attività li taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

2.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti jiġu inkarigati mil-liġi ta' Stat Membru bit-twettiq ta' kompiti oħra minbarra dawk imwettqa għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1), ir-Regolament (UE) 2016/679 għandu japplika għall-ipproċessar għal finijiet bħal dawn, inkluż għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika, sakemm l-ipproċessar ma jsirx f'attività li taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom, fejn il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru applikabbli għall-awtorità kompetenti ta' trażmissjoni tipprovdi kundizzjonijiet speċifiċi għall-ipproċessar, jipprevedu li l-awtorità kompetenti ta' trażmissjoni tinforma lir-riċevitur ta' tali dati personali dwar dawk il-kundizzjonijiet u l-ħtieġa li jkun hemm konformità magħhom.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtorità kompetenti ta' trażmissjoni ma tapplikax kundizzjonijiet skont il-paragrafu 3 għal riċevituri fi Stati Membri oħra jew għal aġenziji, uffiċċji u korpi stabbiliti skont il-Kapitoli 4 u 5 tat-Titlu V tat-TFUE li mhumiex dawk applikabbli għal trażmissjonijiet ta' data simili fl-Istat Membru tal-awtorità kompetenti ta' trażmissjoni.

Artikolu 10

Ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali

L-ipproċessar ta' data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija ma' trade union, u l-ipproċessar ta' data ġenetika, ta' data bijometrika bil-għan li tiġi identifika unikament persuna fiżika, ta' data dwar is-saħħa jew ta' data li tikkonċerna l-ħajja sesswali jew orjentazzjoni sesswali ta' persuna fiżika għandu jiġi permess biss meta verament ikun meħtieġ, soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, u biss:

(a)

fejn awtorizzat bil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru;

(b)

biex jiġu protetti l-interessi importanti tas-suġġett tad-data jew ta' persuna fiżika oħra; jew

(c)

fejn tali pproċessar ikun relatat ma' data li b'mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data.

Artikolu 11

Teħid ta' deċiżjonijiet individwali awtomatizzati

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li deċiżjoni bbażata biss fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż, it-tfassil tal-profil, li joħloq effett legali negattiv li jikkonċerna s-suġġett tad-data jew jaffettwah b'mod sinifikanti, tiġi pprojbita sakemm ma tkunx awtorizzata mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi tal-Istat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur u li tipprovdi salvagwardji adatti għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, mill-inqas id-dritt li jkun hemm intervent uman min-naħa tal-kontrollur.

2.   Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx ikunu bbażati fuq kategoriji speċjali ta' data personali msemmija fl-Artikolu 10, sakemm ma jkunux fis-seħħ miżuri xierqa biex jiġu salvagwardati d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data.

3.   It-tfassil ta' profil li jwassal għal diskriminazzjoni kontra persuni fiżiċi abbażi ta' kategoriji speċjali ta' data personali msemmija fl-Artikolu 10 għandu jkun ipprojbit, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.

KAPITOLU III

Drittijiet tas-suġġett tad-data

Artikolu 12

Komunikazzjoni u modalitajiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 u jagħmlu kwalunkwe komunikazzjoni fir-rigward tal-Artikoli 11, 14 sa 18 u 31 relatata mal-ipproċessar lis-suġġett tad-data f'forma konċiża, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta' lingwaġġ ċar u sempliċi. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta b'kull mezz xieraq, inkluż b'mod elettroniku. Bħala regola ġenerali, il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni fl-istess forma tat-talba.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont l-Artikoli 11 u 14 sa 18.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub dwar is-segwitu tat-talba tiegħu jew tagħha mingħajr dewmien bla bżonn.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-informazzjoni pprovduta taħt l-Artikolu 13 u kwalunkwe komunikazzjoni magħmula u azzjoni meħuda taħt l-Artikoli 11, 14 sa 18 u 31 jiġu pprovduti mingħajr ħlas. F'każ li r-rikjesti minn suġġett ta' data jkunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b'mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, il-kontrollur jista' jew:

(a)

jimponi ħlas raġonevoli b'kont meħud tal-ispejjeż amministrattivi biex tingħata l-informazzjoni jew il-komunikazzjoni jew tat-teħid tal-azzjoni mitluba; jew

(b)

jirrifjuta li jaġixxi fuq it-talba.

Il-kontrollur għandu jerfa' r-responsabbiltà li juri n-natura manifestament mingħajr bażi jew eċċessiva tat-talba.

5.   Meta l-kontrollur ikollu dubji raġonevoli dwar l-identità tal-persuna fiżika li tkun qed tagħmel it-talba msemmija fl-Artikoli 14 jew 16, il-kontrollur jista' jitlob li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex tiġi kkonfermata l-identità tas-suġġett tad-data.

Artikolu 13

Informazzjoni li għandha tkun disponibbli għal jew mogħtija lis-suġġett tad-data

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jagħmel tal-inqas l-informazzjoni li ġejja disponibbli għas-suġġett tad-data:

(a)

l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-kontrollur;

(b)

id-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli;

(c)

il-finijiet tal-ipproċessar li għalih id-data personali tkun maħsuba;

(d)

id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja u d-dettalji ta' kuntatt tal-awtorità superviżorja;

(e)

l-eżistenza tad-dritt li jintalbu mingħand il-kontrollur l-aċċess għal u r-rettifika jew it-tħassir ta' data personali u r-restrizzjoni tal-ipproċessar ta' data personali, dwar is-suġġett tad-data.

2.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jipprevedu bil-liġi li l-kontrollur jagħti lis-suġġett tad-data, f'każijiet speċifiċi, l-informazzjoni ulterjuri li ġejja biex ikun jista' jeżerċita d-drittijiet tiegħu:

(a)

il-bażi legali għall-ipproċessar;

(b)

il-perijodu li għalih ser tinħażen id-data personali, jew, fejn ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi determinat dak il-perijodu;

(c)

fejn applikabbli, il-kategoriji tar-riċevituri tad-data personali, inkluż f'pajjiż terz jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d)

fejn meħtieġ, informazzjoni ulterjuri, b'mod partikolari fejn id-data personali tinġabar mingħajr ma jkun jaf is-suġġett tad-data.

3.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jittardjaw, jirrestrinġu jew iħallu barra l-għoti tal-informazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 2 safejn, u sakemm tali miżura ma tikkostitwixxix miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika b'kont debitu tad-drittijiet fundamentali u l-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata, sabiex:

(a)

ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

(b)

ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali;

(c)

tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

(d)

tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali;

(e)

jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

4.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jistabbilixxu kategoriji ta' pproċessar li jistgħu jaqgħu kompletament jew parzjalment taħt kwalunque mill-punti elenkati fil-paragrafu 3.

Artikolu 14

Dritt ta' aċċess mis-suġġett tad-data

Soġġett għall-Artikolu 15, l-Istati Membri għandhom jipprevedu d-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi pproċessata, u, fejn dak hu l-każ, aċċess għal tali data personali u għall-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-finijiet u l-bażi legali għall-ipproċessar;

(b)

il-kategoriji ta' data personali kkonċernata;

(c)

ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata d-data personali, b'mod partikolari riċevituri f'pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d)

fejn possibbli, il-perijodu previst li għalih tkun ser tinħażen id-data personali, jew jekk dan ma jkunx possibbli, il-kriterji li jintużaw biex jiġi determinat dak il-perijodu;

(e)

l-eżistenza tad-dritt li jintalbu mingħand il-kontrollur ir-rettifika jew it-tħassir ta' data personali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar ta' data personali dwar is-suġġett tad-data;

(f)

id-dritt li jitressaq ilment quddiem l-awtorità superviżorja u d-dettalji ta' kuntatt tal-awtorità superviżorja;

(g)

komunikazzjoni tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata u ta' kull informazzjoni disponibbli dwar l-oriġini tagħha.

Artikolu 15

Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta' aċċess

1.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jirrestrinġu, b'mod sħiħ jew parzjali, id-dritt ta' aċċess tas-suġġett tad-data sa fejn, u sakemm tali restrizzjoni sħiħa jew parzjali tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika, b'kont debitu tad-drittijiet fundamentali u tal-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata, sabiex:

(a)

ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

(b)

ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali;

(c)

tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

(d)

tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali;

(e)

jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

2.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jistabbilixxu kategoriji ta' pproċessar li jistgħu jaqgħu kompletament jew parzjalment taħt il-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 1.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data, mingħajr dewmien żejjed, bil-miktub dwar kwalunkwe rifjut jew restrizzjoni ta' aċċess, u r-raġunijiet għar-rifjut jew għar-restrizzjoni. Tali informazzjoni tista' titħalla barra meta l-għoti tagħha jimmina fini stipulat fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data dwar il-possibbiltà li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja jew li jitlob rimedju ġudizzjarju.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jiddokumenta r-raġunijiet fattwali jew legali li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni. Dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-awtoritajiet superviżorji.

Artikolu 16

Dritt ta' rettifika jew tħassir ta' data personali u restrizzjoni fuq l-ipproċessar

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu d-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb mingħand il-kontrollur mingħajr dewmien bla bżonn ir-rettifika ta' data personali dwaru li ma tkunx eżatta. Filwaqt li jikkunsidraw il-fini tal-ipproċessar, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li s-suġġett tad-data jkollu d-dritt li jikseb l-ikkompletar tad-data personali mhux kompluta, inkluż permezz tal-għoti ta' dikjarazzjoni supplimentari.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-kontrollur li jħassar data personali mingħajr dewmien bla bżonn u jipprovdu għad-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta' data personali dwaru mingħajr dewmien bla bżonn meta l-ipproċessar jikser id-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikolu 4, 8 jew 10, jew meta d-data personali jkollha titħassar f'konformità ma' obbligu legali li għalih il-kontrollur huwa soġġett.

3.   Minflok it-tħassir, il-kontrollur għandu jillimita l-ippproċessar meta:

(a)

l-eżattezza tad-data personali tiġi kkontestata mis-suġġett tad-data u l-eżattezza jew l-ineżattezza ma tistax tkun aċċertata; jew

(b)

id-data personali tkun trid tinżamm għal finijiet ta' evidenza.

Meta l-ipproċessar jkun ristrett skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data qabel ineħħi r-restrizzjoni tal-ipproċessar.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub dwar kwalunkwe rifjut ta' rettifika jew tħassir ta' data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar, u r-raġunijiet għar-rifjut. L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jirrestrinġu, b'mod sħiħ jew parzjali, l-obbligu li tingħata tali informazzjoni sa fejn tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika, b'kont debitu għad-drittijiet fundamentali u tal-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata sabiex:

(a)

ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

(b)

ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali;

(c)

tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

(d)

tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali;

(e)

jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data dwar il-possibbiltà li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja jew li jitlob rimedju ġudizzjarju.

5.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jikkomunika r-rettifika ta' data personali ineżatta lill-awtorità kompetenti li mingħandha tkun oriġinat id-data personali ineżatta.

6.   L-Istati Membri għandhom, meta d-data personali tkun ġiet rettifkata jew imħassra jew l-ipproċessar ġie ristrett skont il-paragrafi 1, 2 u 3, jipprevedu li l-kontrollur jinnotifika lir-riċevituri u li r-riċevituri għandhom jirrettifikaw jew iħassru d-data personali jew jirrestrinġu l-ipproċessar tad-data personali taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

Artikolu 17

Eżerċizzju tad-drittijiet mis-suġġett tad-data u verifika mill-awtorità superviżorja

1.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 13(3), l-Artikolu 15(3) u l-Artikolu 16(4) l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri li jipprevedu li d-drittijiet tas-suġġett tad-data jistgħu jiġu eżerċitati wkoll permezz tal-awtorità superviżorja kompetenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data dwar il-possibbiltà li jeżerċita d-drittijiet tiegħu permezz tal-awtorità superviżorja skont il-paragrafu 1.

3.   Meta jiġi eżerċitat id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità superviżorja għandha tinforma lis-suġġett tad-data tal-inqas li jkunu saru l-verifiki kollha meħtieġa jew rieżami mill-awtorità superviżorja. L-awtorità superviżorja għandha tinforma wkoll lis-suġġett tad-data dwar id-dritt tiegħu li jfittex rimedju ġudizzjarju.

Artikolu 18

Drittijiet tas-suġġett tad-data f'investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmi fl-Artikoli 13, 14 u 16 jitwettaq skont il-liġi tal-Istat Membju fejn id-data personali tkun miżmuma f'deċiżjoni jew reġistru ġudizzjarju jew fil-fajl tal-każ ipproċessat matul l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti kriminali.

KAPITOLU IV

Kontrollur u proċessur

Taqsima 1

Obbligi ġenerali

Artikolu 19

Obbligi tal-kontrollur

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur, b'kont meħud tan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskji ta' probabbiltà u gravità diversa għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura u jkun jista' juri li pproċessar isir f'konformità ma' din id-Direttiva. Dawk il-miżuri għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati, fejn meħtieġ.

2.   Meta dawn ikunu proporzjonati fir-rigward tal-attivitajiet ta' pproċessar, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-implimentazzjoni ta' politiki adatti dwar il-protezzjoni tad-data mill-kontrollur.

Artikolu 20

Protezzjoni tad-data b'mod intenzjonat u b'mod awtomatiku

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, l-ispiża tal-implimentazzjoni u tan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar, kif ukoll il-riskji ta' probabbiltà u gravità diversa għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi kkawżati mill-ipproċessar, kemm fiż-żmien tad-determinazzjoni tal-mezzi għall-ipproċessar kif ukoll fiż-żmien tal-ipproċessar innifsu, jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, bħall-psewdonimizzazzjoni, li huma maħsuba biex jimplimentaw il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, bħalma hija l-minimizzazzjoni tad-data, b'mod effettiv u biex jiġu integrati s-salvagwardji meħtieġa fl-ipproċessar, sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva u jiġu protetti d-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiġi żgurat li, b'mod awtomatiku, tiġi pproċessata biss data personali li hi meħtieġa għal kull fini speċifiku tal-ipproċessar. Dak l-obbligu japplika għall-ammont ta' data personali miġbura, il-livell ta' pproċessar tagħha, il-perijodu tal-ħażna tagħha u l-aċċessibbiltà tagħha. B'mod partikolari, tali miżuri għandhom jiżguraw li b'mod awtomatiku d-data personali ma tkunx aċċessibbli mingħajr l-intervent tal-individwu għal għadd indefinit ta' persuni fiżiċi.

Artikolu 21

Kontrolluri konġunti

1.   L-Istati Membri għandhom, meta żewġ kontrolluri jew aktar jiddeterminaw flimkien il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, jipprevedu għalihom biex ikunu kontrolluri konġunti. Dawn għandhom, b'mod trasparenti, jistabbilixxu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għall-konformità ma' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data u l-kompiti rispettivi tagħhom biex jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 permezz ta' arranġament bejniethom, ħlief u sa fejn, ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-kontrolluri jkunu stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li jkunu soġġetti għaliha l-kontrolluri. L-arranġament għandu jaħtar punt ta' kuntatt għas-suġġetti tad-data. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu liema mill-kontrolluri jista' jaġixxi bħala punt ta' kuntatt uniku għas-suġġetti tad-data biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

2.   Irrispettivament mit-termini tal-arranġament imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li s-suġġett tad-data jista' jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva fir-rigward ta' u kontra kull wieħed mill-kontrolluri.

Artikolu 22

Proċessur

1.   L-Istati Membri għandhom, fejn l-ipproċessar isir f'isem il-kontrollur, jipprevedu li l-kontrollur juża biss proċessuri li jagħtu garanziji biżżejjed biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva u jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-proċessur ma jingaġġax proċessur ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni bil-miktub minn qabel speċifika jew ġenerali tal-kontrollur. Fil-każ ta' awtorizzazzjoni bil-miktub ġenerali, il-proċessur għandu jgħarraf lill-kontrollur bi kwalunkwe intenzjoni ta' tibdil rigward iż-żieda jew is-sostituzzjoni ta' proċessuri oħrajn, biex b'hekk jagħti l-opportunità lill-kontrollur li joġġezzjona għal tali bidliet.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-ipproċessar minn proċessur ikun regolat minn kuntratt jew att legali ieħor taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li hu vinkolanti għall-proċessur fir-rigward tal-kontrollur u li jistabbilixxi s-suġġett u t-tul tal-ipproċessar, in-natura u l-fini tal-ipproċessar, it-tip ta' data personali u l-kategoriji tas-suġġetti tad-data u l-obbligi u d-drittijiet tal-kontrollur. Dak il-kuntratt jew att legali għandu jistipula, b'mod partikolari, li l-proċessur:

(a)

jaġixxi biss fuq struzzjonijiet mingħand il-kontrollur;

(b)

jiżgura li l-persuni awtorizzati biex jipproċessaw id-data personali jkunu impenjaw ruħhom li jżommu l-kunfidenzjalità jew ikunu taħt obbligu statutorju adatt ta' kunfidenzjalità;

(c)

jassisti lill-kontrollur permezz ta' kwalunkwe mezz xieraq biex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tas-suġġett tad-data;

(d)

fuq l-għażla tal-kontrollur, iħassar jew jirritorna d-data personali kollha lill-kontrollur wara li jintemm l-għoti ta' servizzi ta' pproċessar ta' data, u jħassar kopji eżistenti sakemm il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru ma tirrikjedix il-ħżin tad-data personali;

(e)

jagħmel disponibbli għall-kontrollur kull informazzjoni meħtieġa biex tintwera l-konformità ma' dan l-Artikolu;

(f)

jikkonforma mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 biex jingaġġa proċessur ieħor.

4.   Il-kuntratt jew l-att legali ieħor imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jkun bil-miktub, inkluż f'forma elettronika.

5.   Jekk proċessur jiddetermina, fi ksur ta' din id-Direttiva, il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, dak il-proċessur għandu jitqies bħala kontrollur fir-rigward ta' dak l-ipproċessar.

Artikolu 23

Ipproċessar taħt l-awtorità tal-kontrollur jew il-proċessur

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-proċessur u kull persuna li taġixxi taħt l-awtorità tal-kontrollur jew tal-proċessur, li jkollhom aċċess għal data personali, ma jipproċessawhiex ħlief fuq struzzjonijiet mingħand il-kontrollur, sakemm ma jkunux meħtieġa jagħmlu dan mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru.

Artikolu 24

Reġistri ta' attivitajiet ta' pproċessar

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrolluri jżommu reġistru tal-kategoriji kollha ta' attivitajiet ta' pproċessar taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Dak ir-reġistru għandu jkollu l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kontrollur u fejn applikabbli, il-kontrollur konġunt u l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data;

(b)

il-finijiet tal-ipproċessar;

(c)

il-kategoriji ta' riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali, inklużi r-riċevituri f'pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d)

deskrizzjoni tal-kategoriji ta' suġġett tad-data u tal-kategoriji ta' data personali;

(e)

fejn applikabbli, l-użu tat-tfassil tal-profil;

(f)

fejn applikabbli, il-kategoriji tat-trasferimenti tad-data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali;

(g)

indikazzjoni tal-bażi legali tal-operazzjoni għall-ipproċessar, inklużi t-trasferimenti, li għaliha tkun maħsuba d-data personali;

(h)

fejn ikun possibbli, il-limiti ta' żmien previsti għat-tħassir tad-diversi kategoriji ta' data personali;

(i)

fejn ikun possibbli, deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta' sigurtà msemmija fl-Artikolu 29(1).

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu għal kull proċessur biex iżomm reġistru tal-kategoriji kollha ta' attivitajiet ta' pproċessar imwettqa f'isem il-kontrollur, li jkun fih:

(a)

l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-proċessur jew proċessuri, ta' kull kontrollur li l-proċessur qed jaġixxi f'ismu u, fejn applikabbli, l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data;

(b)

il-kategoriji tal-ipproċessar imwettaq f'isem kull kontrollur;

(c)

fejn applikabbli, it-trasferimenti ta' data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali fejn għandu struzzjonijiet espliċiti mill-kontrollur biex jagħmel dan, inkluża l-identifikazzjoni ta' dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali;

(d)

fejn ikun possibbli, deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta' sigurtà msemmija fl-Artikolu 29(1).

3.   Ir-reġistri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu bil-miktub, inkluż f'forma elettronika.

Jekk mitluba, il-kontrollur u l-proċessur għandhom jagħmlu dawk ir-reġistri disponibbli għall-awtorità superviżorja.

Artikolu 25

Reġistrar

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li r-reġistrazzjonijiet jinżammu tal-inqas għall-operazzjonijiet ta' pproċessar li ġejjin f'sistemi ta' pproċessar awtomatizzat: il-ġbir, il-bdil, il-konsultazzjoni, l-iżvelar inklużi trasferimenti, il-kombinament u t-tħassir. Ir-reġistrazzjonijiet tal-konsultazzjoni u l-iżvelar għandhom jagħmluha possibbli li jiġu stabbiliti l-ġustifikazzjoni, id-data u l-ħin ta' kull waħda minn dawn l-operazzjonijiet u, sa fejn possibbli, l-identifikazzjoni tal-persuna li tkun ikkonsultat jew żvelat id-data personali, u l-identità tar-riċevituri ta' tali data personali.

2.   Ir-reġistrazzjonijiet għandhom jintużaw biss għall-verifika tal-legalità tal-ipproċessar, l-awtomonitoraġġ, sabiex tiġi żgurata l-integrità u s-sigurtà tad-data personali u għal proċedimenti kriminali.

3.   Jekk mitluba, il-kontrollur u l-proċessur għandhom jagħmlu r-reġistrazzjonijiet disponibbli għall-awtorità superviżorja.

Artikolu 26

Kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur u l-proċessur jikkooperaw, fuq talba, mal-awtorità superviżorja fit-twettiq tal-kompiti tagħha.

Artikolu 27

Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data

1.   Fejn tip ta' pproċessar, partikolarment bl-użu ta' teknoloġiji ġodda, u b'kont meħud tan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar li x'aktarx jirriżultaw f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur iwettaq, qabel l-ipproċessar, valutazzjoni tal-impatt tal-operazzjonijiet ta' pproċessar previsti fuq il-protezzjoni tad-data personali.

2.   Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi mill-inqas deskrizzjoni ġenerali tal-operazzjonijiet ta' pproċessar previsti, valutazzjoni tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, il-miżuri previsti sabiex jindirizzaw dawk ir-riskji, salvagwardji, miżuri u mekkaniżmi ta' sigurtà li jiżguraw il-protezzjoni ta' data personali u li juru l-konformità ma' din id-Direttiva, b'kont meħud tad-drittijiet u l-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data u persuni oħrajn ikkonċernati.

Artikolu 28

Konsultazzjoni minn qabel mal-awtorità superviżorja

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jew il-proċessur jikkonsulta lill-awtorità superviżorja qabel l-ipproċessar ta' data personali li tkun ser tifforma parti minn sistema ġdida ta' arkivjar li tkun ser tinħoloq, fejn:

(a)

valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data kif previst fl-Artikolu 27 tindika li l-ipproċessar jirriżulta f'riskju għoli fin-nuqqas ta' miżuri meħuda mill-kontrollur biex jittaffa r-riskju; jew

(b)

it-tip ta' pproċessar, b'mod partikolari, meta jkunu qed jintużaw teknoloġiji, mekkaniżmi jew proċeduri ġodda, jinvolvi riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtorità superviżorja tiġi ikkonsultata matul it-tħejjija ta' proposta għal miżura leġiżlattiva li għandha tiġi adottata minn Parlament nazzjonali jew ta' miżura regolatorja bbażata fuq tali miżura leġiżlattiva, li hija relatata ma' pproċessar.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtorità superviżorja tista' tistabbilixxi lista tal-operazzjonijiet ta' pproċessar li huma soġġetti għal konsultazzjoni minn qabel skont il-paragrafu 1.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur għandu jipprovdi lill-awtorità superviżorja b'valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 27 u, fuq talba, kwalunkwe informazzjoni oħra li tippermetti lill-awtorità superviżorja tivvaluta l-konformità tal-ipproċessar u b'mod partikolari r-riskji għall-protezzjoni tad-data personali tas-suġġett tad-data u tas-salvagwardji relatati.

5.   L-Istati Membri għandhom, meta l-awtorità superviżorja tkun tal-opinjoni li l-ipproċessar previst imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jikser id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva, b'mod partikolari meta l-kontrollur ma jkunx identifika jew naqqas ir-riskju biżżejjed, jipprevedu li l-awtorità superviżorja tipprovdi, fi żmien sitt ġimgħat minn meta tirċievi t-talba għall-konsultazzjoni, parir bil-miktub lill-kontrollur u, fejn applikabbli, lill-proċessur, u tista' tuża kwalunkwe waħda mis-setgħat tagħha msemmija fl-Artikolu 47. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż b' xahar, b'kont meħud tal-kumplessità tal-ipproċessar intenzjonat. L-awtorità superviżorja għandha tinforma lill-kontrollur u, fejn applikabbli, il-proċessur b'tali estenzjoni fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba għall-konsultazzjoni, flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien.

Taqsima 2

Sigurtà tad-data personali

Artikolu 29

Sigurtà tal-ipproċessar

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur u l-proċessur, b'kunsiderazzjoni tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u n-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskju ta' probabbiltà u gravità diversa għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, sabiex jiżguraw livell ta' sigurtà xieraq għar-riskju, b'mod partikolari fir-rigward tal-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali msemmija fl-Artikolu 10.

2.   Fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat, kull Stat Membru għandu jipprevedi li l-kontrollur jew il-proċessur, wara evalwazzjoni tar-riskji, jimplimenta miżuri mfasslin sabiex:

(a)

jiċħad l-aċċess minn persuni mhux awtorizzati għat-tagħmir li jipproċessa użat għall-ipproċessar (“kontroll tal-aċċess għat-tagħmir”);

(b)

jipprevjeni l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzati tal-mezzi tad-data (“kontroll tal-mezzi tad-data”);

(c)

jipprevjeni d-dħul mhux awtorizzat ta' data personali u l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta' data personali kkonservata (“kontroll tal-konservazzjoni”);

(d)

jipprevjeni l-użu ta' sistemi awtomatizzati ta' pproċessar minn persuni mhux awtorizzati bl-użu ta' tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (“kontroll tal-utent”);

(e)

jiżgura li l-persuni awtorizzati biex jużaw sistema awtomatizzata ta' pproċessar jkollhom aċċess biss għad-data personali koperta mill-awtorizzazzjoni għall-aċċess tagħhom (“kontroll tal-aċċess għad-data”);

(f)

jiżgura li jkun possibbli li jiġu vverifikati u stabbiliti l-korpi li lilhom tkun intbagħtet jew saret disponibbli jew tista' tintbagħat jew issir disponibbli data personali bl-użu ta' tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (“kontroll tal-komunikazzjoni”);

(g)

jiżgura li jkun sussegwentement possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data personali ddaħħlet f'sistemi awtomatizzati ta' pproċessar u meta u minn min iddaħħlet id-data personali (“kontroll tad-dħul”);

(h)

jipprevjeni l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta' data personali waqt it-trasferiment tad-data personali jew waqt it-trasportazzjoni tal-mezzi tad-data (“kontroll tat-trasport”);

(i)

jiżgura li s-sistemi installati jistgħu, fil-każ ta' interruzzjoni, jiġu rkuprati (“irkupru”);

(j)

jiżgura li l-funzjonijiet tas-sistema jaħdmu, li s-sejbien ta' żbalji fil-funzjonijiet jiġi rrapportat (affidabbiltà) u li d-data personali kkonservata ma tistax tiġi korrotta permezz ta' funzjonament ħażin tas-sistema (“integrità”).

Artikolu 30

Notifika ta' ksur ta' data personali lill-awtorità superviżorja

1.   L-Istati Membri għandhom, f'każ ta' ksur tad-data personali, jipprevedu li l-kontrollur jinnotifika mingħajr dewmien bla bżonn u, fejn fattibbli, mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li jkun sar jaf bih, il-ksur tad-data personali lill-awtorità superviżorja, sakemm il-ksur ta' data personali x'aktarx ma jirriżultax f'riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi. Fejn in-notifika lill-awtorità superviżorja ma ssirx xi żmien 72 siegħa, din għandha tkun akkumpanjata minn raġunijiet għad-dewmien.

2.   Il-proċessur għandu jinnotifika lill-kontrollur mingħajr dewmien bla bżonn wara li jsir jaf bi ksur ta' data personali.

3.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha mill-anqas:

(a)

tiddeskrivi n-natura tal-ksur tad-data personali inklużi, fejn hu possibbli, il-kategoriji u l-għadd approssimattiv tas-suġġetti tad-data kkonċernati u l-kategoriji u l-għadd approssimattiv ta' reġistri tad-data personali kkonċernati;

(b)

tikkomunika l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jew ta' punt ta' kuntatt ieħor fejn tista' tinkiseb aktar informazzjoni;

(c)

tiddeskrivi l-konsegwenzi probabbli tal-ksur ta' data personali;

(d)

tiddeskrivi l-miżuri li ttieħdu jew proposti biex jittieħdu mill-kontrollur sabiex jindirizza l-ksur ta' data personali, inklużi, fejn xieraq, miżuri biex jiġu mitigati l-effetti negattivi possibbli tiegħu.

4.   Meta, u sa fejn, mhuwiex possibbli li tiġi pprovduta l-informazzjoni fl-istess ħin, l-informazzjoni tista' tiġi pprovduta f'fażijiet mingħajr aktar dewmien indebitu.

5.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jiddokumenta kwalunkwe ksur ta' data personali msemmi fil-paragrafu 1, fosthom il-fatti relatati mal-ksur tad-data personali, l-effetti tiegħu u l-azzjoni ta' rimedju meħuda. Dik id-dokumentazzjoni għandha tippermetti lill-awtorità superviżorja li tivverifika l-konformità ma' dan l-Artikolu.

6.   L-Istati Membri għandhom, fejn il-ksur tad-data personali jinvolvi data personali li ġiet trażmessa minn jew lill-kontrollur ta' Stat Membru ieħor, jipprevedu li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tiġi kkomunikata lill-kontrollur ta' dak l-Istat Membru mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 31

Komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data

1.   L-Istati Membri għandhom, fejn il-ksur ta' data personali x'aktarx jirriżulta f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi, li l-kontrollur jikkomunika l-ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien bla bżonn.

2.   Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiddeskrivi b'lingwaġġ ċar u sempliċi n-natura tal-ksur ta' data personali u għandha tinkludi tal-inqas l-informazzjoni u miżuri msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 30(3).

3.   Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun meħtieġa jekk xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

il-kontrollur ikun implimenta miżuri ta' protezzjoni teknoloġika u organizzattiva xierqa, u li dawk il-miżuri ġew applikati għad-data personali affettwata mill-ksur ta' data personali, b'mod partikolari dawk li jagħmlu d-data personali ma tinftiehemx minn kwalunkwe persuna li ma tkunx awtorizzata biex taċċessaha, bħall-kriptaġġ;

(b)

il-kontrollur ħa miżuri sussegwenti li jiżguraw li r-riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 1 mhux probabbli li jimmaterjalizza;

(c)

tkun tinvolvi sforz sproporzjonat. F'każ bħal dan, minflok għandu jkun hemm komunikazzjoni pubblika jew miżura simili fejn is-suġġetti tad-data jiġu infurmati b'mod għaldaqstant effettiv.

4.   Jekk il-kontrollur ma jkunx diġà kkomunika l-ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data, l-awtorità superviżorja, wara li tkun ikkunsidrat il-probabbiltà li l-ksur tad-data personali jirriżulta f'riskju għoli, tista' tirrikjedi minnu li jagħmel dan, jew tista' tiddeċiedi li kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 huma ssodisfati.

5.   Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu tista' tiġi ttardjata, ristretta jew titħalla barra soġġetta għall-kundizzjonijiet u abbażi tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 13(3).

Taqsima 3

Uffiċjal tal-protezzjoni tad-data

Artikolu 32

Ħatra tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jaħtar uffiċjal tal-protezzjoni tad-data. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw minn dak l-obbligu lil qrati u lil awtoritajiet ġudizzjarji indipendenti oħra meta jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom.

2.   L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu jinħatar abbażi ta' kwalitajiet professjonali tiegħu u, b'mod partikolari, l-għarfien espert tiegħu tal-liġi u tal-prattiki dwar il-protezzjoni tad-data u l-ħila li jwettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 34.

3.   Uffiċjal tal-protezzjoni tad-data uniku jista' jinħatar għal diversi awtoritajiet kompetenti, b'kont meħud tal-istruttura organizzattiva u d-daqs tagħhom.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jippubblika d-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u jikkomunikahom lill-awtorità superviżorja.

Artikolu 33

Pożizzjoni tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jiżgura li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jkun involut kif xieraq u f'waqtu fil-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data personali.

2.   Il-kontrollur għandu jappoġġa lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fit-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 34 billi jipprovdi r-riżorsi meħtieġa biex jitwettqu dawk il-kompiti u aċċess għad-data personali u l-operazzjonijiet ta' pproċessar, u biex iżomm l-għarfien espert tiegħu.

Artikolu 34

Kompiti tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jafda lill-uffiċjal tal-protezzjoni tal-data tal-anqas bil-kompiti li ġejjin:

(a)

jinforma u jagħti pariri lill-kontrollur u l-impjegati li jwettqu l-ipproċessar tal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva u skont dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni jew ta' Stat Membru dwar il-protezzjoni tad-data;

(b)

jissorvelja l-konformità ma' din id-Direttiva, ma' dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni jew ta' Stati Membri dwar il-protezzjoni tad-data u mal-politiki tal-kontrollur fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, inklużi l-assenjazzjoni tar-responsabbiltajiet, is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ tal-persunal involut f' attivitajiet ta' pproċessar, u l-verifiki relatati;

(c)

jagħti parir meta mitlub fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data u jissorvelja l-prestazzjoni tagħha skont l-Artikolu 27;

(d)

jikkoopera mal-awtorità superviżorja;

(e)

jaġixxi bħala l-punt ta' kuntatt għall-awtorità superviżorja dwar kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar, inkluż il-konsultazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 28, u li jiġi kkonsultat, kif adatt, fir-rigward ta' kwalunkwe suġġett ieħor.

KAPITOLU V

Trasferimenti tad-data personali lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali

Artikolu 35

Prinċipji ġenerali għat-trasferimenti tad-data personali

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li kull trasferiment minn awtoritajiet kompetenti ta' data personali li tkun qed tiġi pproċessata jew li tkun maħsuba biex tiġi pproċessata wara t-trasferiment lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, inkluż għal trasferimenti ulterjuri lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali jseħħ, soġġett għal konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dispożizzjonijiet oħra ta' din id-Direttiva, dment li jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f'dan il-Kapitolu, jiġifieri:

(a)

it-trasferiment huwa neċessarju għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1);

(b)

id-data personali hija ttrasferita lil kontrollur f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li jkun awtorità kompetenti għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1);

(c)

f'każ li d-data personali tiġi trażmessa jew issir disponibbli minn Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru ikun ta l-awtorizzazzjoni tiegħu minn qabel għat-trasferiment f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu;

(d)

il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta' adegwatezza skont l-Artikolu 36, jew fin-nuqqas ta' tali deċiżjoni ġew previsti jew diġà jeżistu salvagwardji xierqa skont l-Artikolu 37, jew, fin-nuqqas ta' deċiżjoni ta' adegwatezza skont l-Artikolu 36 u ta' salvagwardji xierqa f'konformità mal-Artikolu 37, japplikaw derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi skont l-Artikolu 38; u

(e)

fil-każ ta' trasferiment ulterjuri lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali oħra, l-awtorità kompetenti li tkun wettqet it-trasferiment oriġinali jew awtorità kompetenti oħra tal-istess Stat Membru tawtorizza t-trasferiment ulterjuri, wara li jittieħed kont debitu tal-fatturi rilevanti kollha, inkluża s-serjetà tar-reat kriminali, il-fini li għalih id-data personali kienet oriġinarjament trasferita u l-livell ta' protezzjoni tad-data personali fil-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li lilha tiġi trasferita ulterjorment id-data personali.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li t-trasferimenti mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel minn Stat Membru ieħor f'konformità mal-punt (c) tal-paragrafu 1 ikun permess biss jekk it-trasferiment tad-data personali ikun meħtieġ għall-prevenzjoni ta' theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika ta' Stat Membru jew pajjiż terz jew għall-interessi essenzjali ta' Stat Membru u l-awtorizzazzjoni minn qabel ma tkunx tista' tinkiseb fi żmien debitu. L-awtorità responsabbli għall-għoti ta' awtorizzazzjoni minn qabel għandha tkun infurmata mingħajr dewmien.

3.   Id-dispożizzjonijiet kollha f'dan il-Kapitolu għandhom jiġu applikati sabiex jiġi żgurat li l-livell ta' protezzjoni tal-persuni fiżiċi żgurat permezz ta' din id-Direttiva ma jiddgħajjifx.

Artikolu 36

Trasferimenti abbażi ta' deċiżjoni ta' adegwatezza

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li trasferiment ta' data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista' jseħħ jekk il-Kummissjoni tkun iddeċidiet li l-pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'dak il-pajjiż terz, jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni. Tali trasferiment ma għandu jkun jeħtieġ l-ebda awtorizzazzjoni speċifika.

2.   Meta tivvaluta l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni, il-Kummissjoni għandha, b'mod partikolari, tieħu kont tal-elementi li ġejjin:

(a)

l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, il-leġiżlazzjoni rilevanti, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, inkluż rigward is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà nazzjonali u l-liġi kriminali u l-aċċess minn awtoritajiet pubbliċi għad-data personali kif ukoll l-implimentazzjoni ta' tali leġiżlazzjoni, regoli dwar il-protezzjoni tad-data, regoli professjonali u miżuri ta' sigurtà, inklużi regoli għat-trasferiment ulterjuri ta' data personali lejn pajjiż terz ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali oħra, li jkunu konformi ma' dak il-pajjiż jew dik l-organizzazzjoni internazzjonali; il-ġurisprudenza, kif ukoll drittijiet effettivi u eżegwibbli tas-soġġetti tad-data u rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għas-soġġetti tad-data li d-data personali tagħhom tkun trasferita;

(b)

l-eżistenza u l-funzjonament effettiv ta' awtorità superviżorja indipendenti waħda jew aktar fil-pajjiż terz jew li għaliha organizzazzjoni internazzjonali tkun soġġetta, bir-responsabbiltà għall-assigurazzjoni u l-infurzar tal-konformità ma' regoli dwar il-protezzjoni tad-data inklużi, setgħat adegwati ta' infurzar, għall-assistenza u l-għoti ta' pariri lis-soġġetti tad-data fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri; u

(c)

l-impenji internazzjonali li jkunu daħlu għalihom il-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernati, jew obbligi oħra li jirriżultaw minn konvenzjonijiet jew strumenti legalment vinkolanti kif ukoll mill-parteċipazzjoni tagħhom f'sistemi multilaterali jew reġjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali.

3.   Il-Kummissjoni, wara li tkun ivvalutat l-adegwatezza tal-livell tal-protezzjoni, tista' tiddeċiedi, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, li pajjiż terz, territorju jew settur wieħed jew aktar speċifikat f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali jassiguraw livell adegwat ta' protezzjoni fit-tifsira tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-att ta' implimentazzjoni għandu jipprevedi mekkaniżmu għal rieżami perjodiku, tal-anqas kull erba' snin, li għandu jqis l-iżviluppi rilevanti kollha fil-pajjiż terz jew fl-organizzazzjoni internazzjonali. L-att ta' implimentazzjoni għandu jispeċifika l-applikazzjoni ġeografika u settorjali tiegħu, u, fejn applikabbli, jidentifika l-awtorità jew awtoritajiet superviżorji msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha, fuq bażi kontinwa, timmonitorja żviluppi f'pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tad-deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 3.

5.   Il-Kummissjoni għandha, meta l-informazzjoni disponibbli turi, b'mod partikolari wara r-rieżami msemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, li pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali ma għadhomx jassiguraw livell adegwat ta' protezzjoni fit-tifsira tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, sa fejn ikun meħtieġ, tirrevoka, temenda jew tissospendi d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu permezz ta' atti ta' implimentazzjoni mingħajr effett retroattiv. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).

Għal raġunijiet debitament ġustifikati imperattivi ta' urġenza, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni immedjatament skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 58(3).

6.   Il-Kummissjoni għandha tidħol f'konsultazzjonijiet mal-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali bil-ħsieb li tirrimedja s-sitwazzjoni li tirriżulta fid-deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 5.

7.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li deċiżjoni skont il-paragrafu 5 tkun mingħajr preġudizzju għat-trasferimenti tad-data personali lill-pajjiż terz, lit-territorju jew wieħed jew aktar setturi speċifikati f'dak il-pajjiż terz, jew lill-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni skont l-Artikoli 37 u 38.

8.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-sit web tagħha lista tal-pajjiżi terzi, territorji u setturi speċifikati fi ħdan pajjiż terz u organizzazzjonijiet internazzjonali li dwarhom tkun iddeċidiet li huwa żgurat jew m'għadux żgurat livell adegwat ta' protezzjoni.

Artikolu 37

Trasferimenti soġġetti għal salvagwardji xierqa

1.   Fin-nuqqas ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 36(3), l-Istati Membri għandhom jipprevedu li trasferiment ta' data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista' jsir fejn:

(a)

salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali huma previsti fi strument legalment vinkolanti; jew

(b)

il-kontrollur ikun ivvaluta ċ-ċirkostanzi kollha li jkollhom x'jaqsmu mat-trasferiment tad-data personali u jikkonkludi li jeżistu salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali.

2.   Il-kontrollur għandu jinforma lill-awtorità superviżorja dwar kategoriji ta' trasferimenti taħt il-punt (b) tal-paragrafu 1.

3.   Meta trasferiment ikun ibbażat fuq punt (b) tal-paragrafu 1, tali trasferiment għandu jkun dokumentat u d-dokumentazzjoni għandha ssir disponibbli għall-awtorità superviżorja meta titlobha, inklużi d-data u l-ħin tat-trasferiment, l-informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti li tirċeviha, il-ġustifikazzjoni għat-trasferiment u d-data personali trasferita.

Artikolu 38

Derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi

1.   Fin-nuqqas ta' deċiżjoni ta' adegwatezza skont l-Artikolu 36, jew ta' salvagwardji xierqa skont l-Artikolu 37, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li trasferiment jew kategorija ta' trasferimenti tad-data personali lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali tista' ssir biss bil-kondizzjoni li t-trasferiment ikun meħtieġ:

(a)

għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna oħra;

(b)

biex jiġu salvagwardjati l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, fejn il-liġi tal-Istat Membru li jkun qiegħed jittrasferixxi d-data personali tipprevedi dan;

(c)

għall-prevenzjoni ta' theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika ta' Stat Membru jew ta' pajjiż terz;

(d)

f'każijiet individwali għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1); jew

(e)

f'każ individwali għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża tat-talbiet legali relatati mal-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1).

2.   Id-data personali ma għandhiex tiġi ttrasferita jekk l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tiddetermina li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data kkonċernat jieħdu preċedenza fuq l-interess tal-pubbliku fit-trasferiment stipulat fil-punti (d) u (e) tal-paragrafu 1.

3.   Fejn trasferiment ikun ibbażat fuq il-paragrafu 1, tali trasferiment għandu jkun dokumentat u d-dokumentazzjoni għandha ssir disponibbli għall-awtorità superviżorja meta titlobha, inklużi d-data u l-ħin tat-trasferiment, l-informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti li tirċeviha, il-ġustifikazzjoni għat-trasferiment u d-data personali trasferita.

Artikolu 39

Trasferimenti tad-data personali lil riċevituri stabbiliti f'pajjiżi terzi

1.   Permezz ta' deroga mill-punt (b) fl-Artikolu 35(1) u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim internazzjonali msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru tista' tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-punt (7)(a) tal-Artikolu 3, f'każijiet individwali u speċifiċi, jittrasferixxu d-data personali direttament lir-riċevituri stabbiliti f'pajjiżi terzi biss jekk ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' din id-Direttiva u jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

it-trasferiment ikun strettament meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu tal-awtorità kompetenti li tittrasferixxi kif previst mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1);

(b)

l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tiddetermina li l-ebda dritt u libertà fundamentali tas-suġġett tad-data kkonċernat ma jieħdu preċedenza fuq l-interess pubbliku li jkun jeħtieġ it-trasferiment fil-każ partikolari;

(c)

l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tqis li t-trasferiment lil awtorità li hija kompetenti għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) f'pajjiż terz huwa ineffikaċi jew mhux xieraq, b'mod partikolari minħabba li t-trasferiment ma jistax isir fi żmien xieraq;

(d)

l-awtorità li hija kompetenti għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) fil-pajjiż terz hija informata mingħajr dewmien bla bżonn, sakemm dan ma jkunx ineffettiv jew mhux xieraq;

(e)

l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tinforma lir-riċevitur dwar il-fini jew finijiet speċifikati li għalihom id-data personali għandha biss tiġi pproċessata minn dan tal-aħħar dment li dan l-ipproċessar huwa neċessarju.

2.   Ftehim internazzjonali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun kwalunkwe ftehim bilaterali jew multilaterali internazzjonali fis-seħħ bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija.

3.   L-awtorità kompetenti li tittrasferixxi għandha tinforma lill-awtorità superviżorja dwar it-trasferimenti skont dan l-Artikolu.

4.   Meta trasferiment ikun ibbażat fuq il-paragrafu 1, tali trasferiment għandu jkun dokumentat.

Artikolu 40

Kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tad-data personali

Fir-rigward ta' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu passi xierqa biex:

(a)

jiżviluppaw mekkaniżmi ta' kooperazzjoni internazzjonali li jiffaċilitaw l-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni ta' data personali;

(b)

jipprovdu assistenza reċiproka internazzjonali fl-infurzar ta' leġiżlazzjoni għall-protezzjoni ta' data personali, inkluż permezz ta' notifika, riferiment tal-ilmenti, assistenza investigattiva u skambju ta' informazzjoni, soġġetti għal salvagwardji xierqa għall-protezzjoni ta' data personali u drittijiet u libertajiet fundamentali oħra;

(c)

jinvolvu lill-partijiet interessati rilevanti f'diskussjoni u attivitajiet immirati lejn aktar kooperazzjoni internazzjonali fl-infurzar ta' leġiżlazzjoni għall-protezzjoni ta' data personali;

(d)

jippromwovu l-iskambju u d-dokumentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u prattiki dwar il-protezzjoni ta' data personali, inkluż dwar konflitti ġurisdizzjonali ma' pajjiżi terzi.

KAPITOLU VI

Awtoritajiet superviżorji indipendenti

Taqsima 1

Status indipendenti

Artikolu 41

Awtorità superviżorja

1.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli għas-sorveljanza tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar u biex jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta' data personali fl-Unjoni (“awtorità superviżorja”).

2.   Kull awtorità superviżorja għandha tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti ta' din id-Direttiva madwar l-Unjoni. Għal dak il-fini, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw ma' xulxin u mal-Kummissjoni f'konformità mal-Kapitolu VII.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal awtorità superviżorja stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2016/679 biex tkun l-awtorità superviżorja msemmija f'din id-Direttiva u biex tassumi r-responsabbiltà għall-kompiti tal-awtoritajiet superviżorji li għandhom jiġu stabbiliti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

4.   Meta jkun hemm aktar minn awtorità superviżorja waħda stabbilita fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jaħtar l-awtorità superviżorja li għandha tirrappreżenta lil dawk l-awtoritajiet fil-Bord imsemmi fl-Artikolu 51.

Artikolu 42

Indipendenza

1.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi li kull awtorità superviżorja taġixxi b'indipendenza sħiħa fit-twettiq tal-kompiti tagħha u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha f'konformità ma' din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-membru jew membri tal-awtoritajiet superviżorji tagħhom, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom f'konformità ma' din id-Direttiva, jibqgħu ħielsa minn influwenza esterna sew jekk tkun diretta jew indiretta, u li la jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mingħand xi ħadd.

3.   Il-membri tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri għandhom joqogħdu lura minn xi azzjoni inkompatibbli mad-dmirijiet tagħhom u ma għandhomx, matul il-mandat tagħhom, jagħmlu xi xogħol inkompatibbli ieħor, kemm jekk bi qligħ kif ukoll jekk le.

4.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tiġi pprovduta bir-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji adegwati, il-bini u l-infrastruttura neċessarja għat-twettiq effettiv tal-kompiti u għall-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, inklużi dawk li jridu jitwettqu fil-kuntest ta' assistenza reċiproka, kooperazzjoni u parteċipazzjoni fil-Bord.

5.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tagħżel u jkollha l-persunal tagħha stess li għandu jkun soġġett għad-direzzjoni esklużiva tal-membru jew il-membri tal-awtorità superviżorja kkonċernata.

6.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tkun soġġetta għal kontroll finanzjarju li ma jaffettwax l-indipendenza tagħha u li jkollha baġits annwali separati, pubbliċi li jistgħu jkunu parti mill-baġit globali tal-istat jew nazzjonali.

Artikolu 43

Kondizzjonijiet ġenerali għall-membri tal-awtorità superviżorja

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li kull membru tal-awtoritajiet superviżorji jinħatar permezz ta' proċedura trasparenti:

mill-Parlament tagħhom;

mill-gvern tagħhom;

mill-kap ta' Stat tagħhom; jew

minn korp indipendenti fdat bil-ħatra taħt il-liġi tal-Istat Membru.

2.   Kull membru għandu jkollhom il-kwalifiki, l-esperjenza u l-ħiliet, partikolarment fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, meħtieġa biex jaqdu dmirijiethom u biex jeżerċitaw is-setgħat tagħhom.

3.   Id-dmirijiet ta' membru għandhom jintemmu fil-każ li jiskadi l-mandat, fil-każ ta' riżenja jew ta' irtirar obbligatorju, skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.

4.   Membru jista' jitkeċċa biss f'każijiet ta' mġiba ħażina serja jew jekk il-membru ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet.

Artikolu 44

Regoli dwar l-istabbiliment tal-awtorità superviżorja

1.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi għal dawn kollha li ġejjin:

(a)

it-twaqqif ta' kull awtorità superviżorja;

(b)

il-kwalifiki u l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà meħtieġa għall-ħatra bħala membru ta' kull awtorità superviżorja;

(c)

ir-regoli u l-proċeduri tal-ħatra tal-membru jew tal-membri ta' kull awtorità superviżorja;

(d)

it-tul tal-mandat tal-membru jew membri ta' kull awtorità superviżorjata' mhux inqas minn erba' snin, ħlief għall-ewwel ħatra wara s-6 ta' Mejju 2016, li parti minnha jista' jseħħ għal perijodu iqsar fejn dak ikun neċessarju għall-ħarsien tal-indipendenza tal-awtorità superviżorja permezz ta' proċedura ta' ħatra mqassma;

(e)

jekk u, jekk ikun il-każ, għal kemm il-mandat, il-membru jew membri ta' kull awtorità superviżorja għandhom ikunu eliġibbli għall-ħatra mill-ġdid;

(f)

il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-obbligi tal-membru jew membri u l-persunal ta' kull awtorità superviżorja, il-projbizzjonijiet ta' azzjonijiet, okkupazzjonijiet u benefiċċji inkompatibbli ma' dawn matul u wara l-mandat u r-regoli li jirregolaw it-tmiem tal-impjieg.

2.   Il-membru jew membri u l-persunal ta' kull awtorità superviżorja għandhom, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi tal-Istat Membru, ikunu soġġetti għad-dmir tas-segretezza professjonali kemm waqt il-mandat tagħhom kif ukoll wara, fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li jkunu saru jafu biha fil-kors tal-qadi tal-kompiti tagħhom jew l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom. Matul il-mandat tagħhom, dak id-dmir li tinżamm is-segretezza professjonali għandu japplika b'mod partikolari għar-rappurtar minn persuni fiżiċi ta' ksur ta' din id-Direttiva.

Taqsima 2

Kompetenza, kompiti u setgħat

Artikolu 45

Kompetenza

1.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi li kull awtorità superviżorja tkun kompetenti għat-twettiq tal-kompiti assenjati lilha u għall-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha skont din id-Direttiva fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess.

2.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi li kull awtorità superviżorja ma tkunx kompetenti għas-sorveljanza ta' operazzjonijiet ta' pproċessar tal-qrati meta jkunu qegħdin jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom. Stati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtorità superviżorja tagħhom ma tkunx kompetenti li tissorvelja l-operazzjonijiet ta' pproċessar ta' awtoritajiet ġudizzjarji indipendenti oħra meta jkunu qegħdin jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom.

Artikolu 46

Kompiti

1.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi, fuq it-territorju tiegħu, li kull awtorità superviżorja:

(a)

tissorvelja u tinforza l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva u l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħha;

(b)

tippromwovi s-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-pubbliku dwar ir-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet b'rabta mal-ipproċessar;

(c)

tagħti pariri, skont il-liġi tal-Istat Membru, lill-Parlament nazzjonali, lill-gvern, u lil istituzzjonijiet u korpi oħrajn dwar miżuri leġiżlattivi u amministrattivi marbutin mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar;

(d)

tippromwovi s-sensibilizzazzjoni tal-kontrolluri u l-proċessuri tal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva;

(e)

fuq talba, tipprovdi informazzjoni lil kwalunkwe suġġett tad-data dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu taħt din id-Direttiva u, jekk xieraq, tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji fi Stati Membri oħra għal dak il-għan;

(f)

tindirizza l-ilmenti mressqa minn suġġett tad-data, jew minn korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni f'konformità mal-Artikolu 55, u tinvestiga, sa fejn ikun xieraq, is-suġġett tal-ilment u tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni fi żmien raġonevoli, b'mod partikolari jekk tkun meħtieġa aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma' xi awtorità superviżorja oħra;

(g)

tiċċekkja l-legalità tal-ipproċessar skont l-Artikolu 17, u tinforma lis-suġġett tad-data fi żmien raġonevoli dwar l-eżitu tal-iċċekkjar skont il-paragrafu 3 ta' dak l-Artikolu jew dwar ir-raġunijiet għaliex l-iċċekkjar ma jkunx sar;

(h)

tikkoopera, inkluż billi tikkondividi l-informazzjoni u tipprovdi assistenza reċiproka, ma' awtoritajiet superviżorji oħra, bil-għan li tiġi żgurata l-konsistenza tal-applikazzjoni u l-infurzar ta' din id-Direttiva;

(i)

twettaq investigazzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluż abbażi ta' informazzjoni li taslilha mingħand awtorità superviżorja jew awtorità pubblika oħra;

(j)

tissorvelja żviluppi rilevanti, sa fejn ikollhom impatt fuq il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

(k)

tipprovdi parir dwar l-operazzjonijiet ta' pproċessar imsemmija fl-Artikolu 28; u

(l)

tikkontribwixxi għall-attivitajiet tal-Bord.

2.   Kull awtorità superviżorja għandha tiffaċilita t-tressiq ta' lmenti msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 1, permezz ta' miżuri bħal li tiġi pprovduta formola għat-tressiq ta' lment, li tista' timtela wkoll b'mod elettroniku, mingħajr ma jkunu esklużi mezzi oħrajn ta' komunikazzjoni.

3.   It-twettiq tal-kompiti ta' kull awtorità superviżorja għandu jkun bla ħlas għas-suġġett tad-data u għall-uffiċjali tal-protezzjoni tad-data.

4.   Meta talba tkun manifestament bla bażi jew eċċessiva, b'mod partikolari tkun ripetittiva, l-awtorità superviżorja tista' timponi ħlas raġonevoli bbażat fuq spejjeż amministrattivi, jew tista' tirrifjuta li taġixxi fuq it-talba. L-awtorità superviżorja għandha terfa' r-responsabbiltà li turi li t-talba hi manifestament bla bażi jew eċċessiva tat-talba.

Artikolu 47

Setgħat

1.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li kull awtorità superviżorja tiegħu jkollha setgħat investigattivi effettivi. Dawk is-setgħat għandhom jinkludu, tal-inqas is-setgħa li tikseb mill-kontrollur u l-proċessur aċċess għad-data personali kollha li qegħdin jiġu pproċessati u għall-informazzjoni kollha meħtieġa għall-qadi tal-kompiti tagħha.

2.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li kull awtorità superviżorja tiegħu jkollha s-setgħat korrettivi effettivi bħal, pereżempju:

(a)

li toħroġ twissijiet lill-kontrollur jew lill-proċessur li l-attivitajiet ta' pproċessar maħsubin x'aktarx jiksru d-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva;

(b)

li tordna lill-kontrollur jew proċessur biex iġib l-operazzjonijiet ta' pproċessar f'konformità mad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva, fejn hu xieraq, b'mod speċifikat u fi żmien perijodu speċifikat, b'mod partikolari billi jordna r-rettifika jew it-tħassir ta' data personali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar skont l-Artikolu 16;

(c)

li timponi limitazzjoni temporanja jew definittiva, inkluża projbizzjoni, fuq l-ipproċessar.

3.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li kull awtorità superviżorja jkollha setgħat konsultattivi effettivi li tagħti pariri lill-kontrollur skont il-proċedura ta' konsultazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 28 u li tagħti, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba, opinjonijiet lill-Parlament nazzjonali tiegħu u lill-gvern tiegħu jew, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, lil istituzzjonijiet u korpi oħrajn kif ukoll lill-pubbliku dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-protezzjoni tad-data personali.

4.   L-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-awtorità superviżorja skont dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għas-salvagwardji xierqa, inkluż rimedju ġudizzjarju effettiv u proċess ġust, kif stipulati fid-dritt tal-Unjoni u tal-Istati Membri skont il-Karta.

5.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li kull awtorità superviżorja jkollha s-setgħa li tressaq ksur ta' dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva għall-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji u, fejn ikun xieraq, tibda jew b'mod ieħor tidħol fi proċedimenti legali, sabiex tinforza d-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva.

Artikolu 48

Rappurtar ta' ksur

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu mekkaniżmi effikaċi biex jinkoraġġixxu rappurtar kunfidenzjali tal-ksur ta' din id-Direttiva.

Artikolu 49

Rapporti tal-attività

Kull awtorità superviżorja għandha tfassal rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħha, li jista' jinkludi lista tat-tipi ta' ksur innotifikat u t-tipi ta' pieni imposti. Dawk ir-rapporti għandhom jintbagħtu lill-Parlament nazzjonali, lill-gvern u lill-awtoritajiet l-oħra kif maħtura mil-liġi tal-Istat Membru. Għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku, għall-Kummissjoni u għall-Bord.

KAPITOLU VII

Kooperazzjoni

Artikolu 50

Assistenza reċiproka

1.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi li l-awtoritajiet superviżorji tagħhom jipprovdu lil xulxin b'informazzjoni rilevanti u assistenza reċiproka biex jimplimentaw u japplikaw din id-Direttiva b'mod konsistenti, u li jistabbilixxu miżuri għal kooperazzjoni effettiva ma' xulxin. L-assistenza reċiproka għandha tkopri, b'mod partikolari, ir-rikjesti għall-informazzjoni u l-miżuri ta' sorveljanza, bħal talbiet biex jitwettqu konsultazzjonijiet, spezzjonijiet u investigazzjonijiet.

2.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi li kull awtorità superviżorja tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex twieġeb għal talba ta' awtorità superviżorja oħra mingħajr dewmien bla bżonn u sa mhux aktar tard minn xahar wara li tkun irċeviet it-talba. Tali miżuri jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, it-trażmissjoni ta' informazzjoni rilevanti dwar it-twettiq ta' investigazzjoni.

3.   Talbiet għall-assistenza għandha tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż il-fini u r-raġunijiet għat-talba. L-informazzjoni skambjata għandha tintuża biss għall-fini li għalih intalbet.

4.   L-awtorità superviżorja li ssirilha t-talba ma għandhiex tirrifjuta li tikkonforma mat-talba sakemm:

(a)

ma tkunx kompetenti għas-suġġett tat-talba jew għall-miżuri li hija mitluba teżegwixxi; jew

(b)

il-konformità mat-talba tikser din id-Direttiva jew il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tkun soġġetta għalihom l-awtorità superviżorja riċeventi.

5.   L-awtorità superviżorja li ssirilha t-talba għandha tinforma lill-awtorità superviżorja li tagħmel it-talba dwar ir-riżultati jew, skont kif ikun il-każ, dwar il-progress jew il-miżuri meħuda sabiex iwieġbu għat-talba. L-awtorità superviżorja li ssirilha t-talba għandha tipprovdi raġunijiet għal kwalunkwe rifjut biex tkun konformi ma' talba skont il-paragrafu 4.

6.   L-awtoritajiet superviżorji li ssirilhom it-talba għandhom, bħala regola, jipprovdu l-informazzjoni mitluba minn awtoritajiet superviżorji oħrajn b'mezzi elettroniċi, bl-użu ta' format standardizzat.

7.   L-awtoritajiet superviżorji li ssirilhom it-talba ma għandhomx jitolbu ħlas għal kwalunkwe azzjoni meħuda minnhom wara talba għal assistenza reċiproka. L-awtoritajiet superviżorji jistgħu jaqblu dwar regoli biex jindennizzaw lil xulxin għal nefqa speċifika li tiġi mill-għoti ta' assistenza reċiproka f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

8.   Il-Kummissjoni tista', permezz tal-atti ta' implimentazzjoni, tispeċifika l-format u l-proċeduri għal assistenza reċiproka msemmija f'dan l-Artikolu u l-arranġamenti għall-iskambju ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi bejn l-awtoritajiet superviżorji, u bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-Bord. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).

Artikolu 51

Kompiti tal-Bord

1.   Il-Bord li ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2016/679 għandu jwettaq il-kompiti kollha li ġejjin b'rabta ma' pproċessar fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva:

(a)

jagħti parir lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-protezzjoni ta' data personali fl-Unjoni, inkluż dwar kwalunkwe emenda proposta għal din id-Direttiva;

(b)

jeżamina, fuq inizjattiva tiegħu stess, fuq talba ta' wieħed mill-membri tiegħu jew fuq talba tal-Kummissjoni, kwalunkwe kwistjoni li tkopri l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki sabiex jinkoraġġixxi l-applikazzjoni konsistenti ta' din id-Direttiva;

(c)

ifassal linji gwida għall-awtoritajiet superviżorji dwar l-applikazzjoni ta' miżuri msemmija fl-Artikolu 47(1) u (3);

(d)

joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (b) ta' dan is-subparagrafu biex jiġi stabbiliti ksur tad-data personali u determinat id-dewmien bla bżonn imsemmija tal-Artikolu 30(1) u (2) u għaċ-ċirkostanzi partikolari li fihom kontrollur jew proċessur ikun meħtieġ jinnotifika l-ksur tad-data personali;

(e)

joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (b) ta' dan is-subparagrafu rigward iċ-ċirkostanzi li fihom ksur ta' data personali x'aktarx li jirriżulta f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi kif imsemmi fl-Artikolu 31(1);

(f)

jirrieżamina l-applikazzjoni prattika tal-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki msemmija fil-punti (b) u (c);

(g)

jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjoni biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni f'pajjiż terz, territorju jew settur tal-ipproċessar fi ħdan pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluż biex jiġi vvalutat jekk tali pajjiż terz, territorju, settur speċifikat jew organizzazzjoni internazzjonali ma jkunux għadhom jiżguraw livell ta' protezzjoni adegwat;

(h)

jippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambju bilaterali u multilaterali effettiv ta' informazzjoni u l-aqwa prattiki bejn l-awtoritajiet superviżorji;

(i)

jippromwovi programmi ta' taħriġ komuni u jiffaċilita l-iskambji ta' persunal bejn l-awtoritajiet superviżorji, u, fejn adatt, mal-awtoritajiet superviżorji ta' pajjiżi terzi jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali;

(j)

jippromwovi l-iskambju ta' għarfien u dokumentazzjoni dwar il-liġi u l-prattika dwar il-protezzjoni tad-data ma' awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data fid-dinja kollha.

Fir-rigward tal-punt (g) tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Bord bid-dokumentazzjoni kollha neċessarji, inkluż korrispondenza mal-gvern tal-pajjiż terz, mat-territorju jew settur speċifikat fi ħdan dak il-pajjiż terz, jew mal-organizzazzjoni internazzjonali.

2.   Fejn il-Kummissjoni titlob parir mingħand il-Bord, hija tista' tindika limitu ta' żmien, billi tiġi kkunsidrata l-urġenza tal-kwistjoni.

3.   Il-Bord għandu jippreżenta l-opinjonijiet, il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet, u l-aħjar prattiki tiegħu lill-Kummissjoni u lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 58(1) u jagħmilhom pubbliċi.

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bord bl-azzjoni li hija tkun ħadet wara l-opinjonijiet, il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki maħruġa mill-Bord.

KAPITOLU VIII

Rimedji, responsabbiltà u pieni

Artikolu 52

Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja

1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li kull suġġett tad-data jkollu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja unika, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta' data personali marbuta miegħu jew magħha jikser id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun sar l-ilment għandha tgħaddih lill-awtorità superviżorja kompetenti, mingħajr dewmien bla bżonn, jekk l-ilment ma jkunx sar quddiem l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 45(1). Is-suġġett tad-data għandu jiġi infurmat dwar it-trażmissjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtorità superviżorja li magħha jkun sar l-ilment tipprovdi aktar assistenza malli ssir talba mis-suġġett tad-data.

4.   Is-suġġett tad-data għandu jiġi infurmat mill-awtorità superviżorja kompetenti dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment, inkluż dwar il-possibbiltà ta' rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 53.

Artikolu 53

Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja

1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, l-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dritt ta' persuna fiżika jew ġuridika għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta' awtorità superviżorja li tikkonċernahom.

2.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu jkollu dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn l-awtorità superviżorja li tkun kompetenti skont l-Artikolu 45(1) ma tittrattax ilment jew ma tinformax lis-suġġett tad-data fi żmien tliet xhur dwar il-progress jew l-eżitu ta' lment imressaq skont l-Artikolu 52.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-proċeduri kontra awtorità superviżorja jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità superviżorja.

Artikolu 54

Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 52, l-Istati Membri għandhom jipprevedu għad-dritt tas-suġġett tad-data għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn huwa jqis li d-drittijiet tiegħu stipulati f'dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva inkissru bħala riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b'nuqqas ta' konformità ma' dawk id-dispożizzjonijiet..

Artikolu 55

Rappreżentazzjoni tas-suġġetti tad-data

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, f'konformità mal-liġi proċedurali tal-Istat Membru, is-suġġett tad-data jkollu d-dritt jagħti mandat lil korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mhux bi skop ta' qligħ li jkunu ġew ikkostitwiti kif xieraq skont il-liġi ta' Stat Membru, li ma jkunux bi skop ta' qligħ, li l-għanijiet statutorji tagħhom huma fl-interess pubbliku u li huma attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom biex iressqu l-ilment f'ismu jew f'isimha u li jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 52, 53 u 54 f'ismu jew isimha.

Artikolu 56

Dritt ta' kumpens

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li kwalunkwe persuna li tkun sofriet dannu materjali jew mhux materjali b'riżultat ta' operazzjoni ta' pproċessar illegali jew ta' kwalunkwe att li jikser id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva jkollha dritt tirċievi kumpens għad-dannu mġarrab mill-kontrollur jew awtorità kompetenti oħra skont il-liġi tal-Istat Membru.

Artikolu 57

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

KAPITOLU IX

Atti ta' implimentazzjoni

Artikolu 58

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 93 tar-Regolament (UE) 2016/679. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

KAPITOLU X

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 59

Tħassir tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI

1.   Id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI hija b'dan imħassra b'effett mis-6 ta' Mejju 2018.

2.   Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra li saret referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 60

Atti tal-Unjoni diġà fis-seħħ

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-protezzjoni tad-data personali fl-atti legali tal-Unjoni li daħlu fis-seħħ fi jew qabel is-6 ta' Mejju 2016 fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija, li jirregolaw l-ipproċessar bejn l-Istati Membri u l-aċċess ta' awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri għas-sistemi ta' informazzjoni stabbiliti skont it-Trattati fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, ma għandhomx jiġu affettwati.

Artikolu 61

Relazzjoni ma' ftehimiet internazzjonali konklużi qabel fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija

Ftehimiet internazzjonali li jinvolvu t-trasferiment tad-data personali lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali li kienu ġew konklużi minn Stati Membri qabel is-6 ta' Mejju 2016 u li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni kif applikabbli qabel dik id-data għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew revokati.

Artikolu 62

Rapporti tal-Kummissjoni

1.   Sas-6 ta' Mejju 2022, u kull erba' snin minn dakinhar, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport dwar l-evalwazzjoni u r-rieżami ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapporti għandhom isiru pubbliċi.

2.   Fil-kuntest ta' dawn l-evalwazzjonijiet u rieżamijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha teżamina, b'mod partikolari, l-applikazzjoni u l-funzjonament tal-Kapitolu V dwar it-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali b'mod partikolari fir-rigward ta' deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 36(3) u l-Artikolu 39.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni mill-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji.

4.   Fit-twettiq tal-valutazzjonijiet u tar-rieżamijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-pożizzjonijiet u s-sejbiet tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u ta' entitajiet jew sorsi rilevanti oħra.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta, jekk ikun meħtieġ, proposti xierqa bil-ħsieb li tkun emendata din id-Direttiva, b'mod partikolari filwaqt li tqis l-iżviluppi fit-teknoloġiji tal-informatika u fid-dawl tal-istat ta' progress fis-soċjetà tal-informazzjoni.

6.   Sas-6 ta' Mejju 2019, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina atti legali oħra adottati mill-Unjoni li jirregolaw l-ipproċessar mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) inkluż dawk imsemmija fl-Artikolu 60, sabiex tevalwa l-ħtieġa li tallinjahom ma' din id-Direttiva u tagħmel, fejn adatt, il-proposti meħtieġa sabiex temenda dawk l-atti biex tiżgura approċċ konsistenti għall-protezzjoni tad-data personali fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 63

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sas-6 ta' Mejju 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet. Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mis-6 ta' Mejju 2018.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir din ir-referenza.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, Stat Membru jista' jipprovdi, b'mod eċċezzjonali, fejn dan ikun jinvolvi sforz sproporzjonat, għas-sistemi ta' pproċessar awtomatizzat stabbiliti qabel is-6 ta' Mejju 2016 biex jinġiebu f'konformità mal-Artikolu 25(1) sas-6 ta' Mejju 2023.

3.   B'deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, Stat Membru jista', f'ċirkostanzi eċċezzjonali, jġib sistema ta' pproċessar awtomatizzat kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-Artikolu 25(1) f'perijodu speċifikat wara l-perijodu msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jekk inkella din tikkawża diffikultajiet serji għat-tħaddim ta' dik is-sistema partikolari ta' pproċessar awtomatizzat. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bir-raġunijiet għal dawk id-diffikultajiet serji u r-raġunijiet għall-perijodu speċifikat li fih sistema partikolari ta' pproċessar awtomatizzat għandha tinġieb f'konformità mal-Artikolu 25(1). Il-perijodu speċifikat f'kull każ ma għandux ikun aktar tard mis-6 ta' Mejju 2026.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 64

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 65

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' April 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J.A. HENNIS-PLASSCHAERT


(1)  ĠU C 391, 18.12.2012, p. 127.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-8 ta' April 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016.

(3)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(4)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).

(8)  Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/69/ĠAI tal-24 ta' Jannar 2005 dwar l-iskambju ta' ċerta data mal-Interpol (ĠU L 27, 29.1.2005, p. 61).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta' Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63).

(10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE tat-22 ta' Marzu 1977 biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU L 78, 26.3.1977, p. 17).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).

(13)  L-Att tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2000 li jistabbilixxi skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 197, 12.7.2000, p. 1).

(14)  Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1).

(15)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(16)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(17)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(18)  ĠU C 192, 30.6.2012, p. 7.


Top