EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016G1129(01)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar manwal aġġornat b'rakkomandazzjonijiet għall-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija u miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' vjolenza u inkwiet marbuta ma' partiti tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali, fejn ikun involut tal-anqas Stat Membru wieħed (“Manwal tal-UE dwar il-Futbol”)

OJ C 444, 29.11.2016, p. 1–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 444/1


Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar manwal aġġornat b'rakkomandazzjonijiet għall-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija u miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' vjolenza u inkwiet marbuta ma' partiti tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali, fejn ikun involut tal-anqas Stat Membru wieħed (“Manwal tal-UE dwar il-Futbol”)

(2016/C 444/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Billi:

(1)

L-objettiv tal-Unjoni Ewropea hu, fost oħrajn, li jipprovdi liċ-ċittadini bl-livell għoli ta' sigurtà fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja bl-iżvilupp ta' azzjoni komuni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija kif stabbilit taħt it-Titolu V tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Fil-21 ta' Ġunju 1999, il-Kunsill adotta riżoluzzjoni dwar manwal għall-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija u miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' vjolenza u inkwiet marbuta ma' partiti tal-futbol internazzjonali (1).

(3)

Din ir-riżoluzzjoni ġiet l-ewwel sostitwita mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2001 (2) u sussegwentement mir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2006 (3) u tat-3 ta' Ġunju 2010 (4) dwar manwal b'rakkomandazzjonijiet għall-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija u miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' vjolenza u inkwiet marbuta ma' partiti tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali, fejn ikun involut tal-anqas Stat Membru wieħed (minn hawn 'il quddiem il-Manwal tal-UE dwar il-Futbol).

(4)

Ir-riżoluzzjoni attwali tissuġġerixxi li jsiru emendi għall-manwal fid-dawl tal-esperjenzi reċenti.

(5)

Wara li ġew ikkunsidrati l-esperjenzi reċenti b'rabta mal-Kampjonati Ewropej fl-2012 u t-Tazza tad-Dinja 2014, l-iżvilupp tal-prattika tajba stabbilita fil-qafas ta' dawk it-tornej, kooperazzjoni estensiva bejn il-pulizija b'rabta ma' partiti internazzjonali u tal-klabbs fl-Ewropa b'mod ġenerali u l-fehmiet ta' 'l fuq minn 300 prattikant tal-pulizija (kmandanti tal-partiti, persunal ta' Punti Nazzjonali ta' Informazzjoni dwar il-Futbol u speċjalisti oħra taż-żamma tal-ordni fil-futbol) mill-25 pajjiż Ewropew (5) li pparteċipa fil-Proġett Pan-Ewropew dwar Taħriġ fiż-Żamma tal-Ordni Pubbliku fil-Futbol mill-Pulizija bejn l-2011 u l-2014, il-Manwal tal-UE dwar il-Futbol ġie rivedut u aġġornat.

(6)

Il-bidliet inklużi fil-manwal aġġornat anness huma mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti, b'mod partikolari l-qsim tar-responsabbiltajiet fost l-awtoritajiet u s-servizzi differenti fl-Istati Membri konċernati, u għall-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat tagħha skont it-Trattati,

B'DAN,

(1)

JITLOB li l-Istati Membri jkomplu jtejbu l-kooperazzjoni bejn il-pulizija fir-rigward ta' partiti tal-futbol (u, fejn adatt, avvenimenti sportivi oħrajn) b'dimensjoni internazzjonali.

(2)

JESIĠI li għal dak il-għan, il-manwal aġġornat anness ma' dan, li jipprovdi eżempji ta' metodi ta' ħidma rakkomandati bil-qawwa, għandu jkun disponibbli għal, u jiġi adottat minn, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi involuti fiż-żamma tal-ordni waqt partiti tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali.

(3)

JIDDIKJARA li, fejn ikun xieraq, il-metodi ta' ħidma rakkomandati jistgħu jiġu applikati għal avvenimenti sportivi internazzjonali kbar oħra.

(4)

Din ir-Riżoluzzjoni tissostitwixxi r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2010.

 


(1)  ĠU C 196, 13.7.1999, p. 1.

(2)  ĠU C 22, 24.1.2002, p. 1.

(3)  ĠU C 322, 29.12.2006, p. 1.

(4)  ĠU C 165, 24.6.2010, p. 1.

(5)  Awstrija, Belġju, Bulgarija, Ċipru, Danimarka, Estonja, Finlandja, Franza, Ġermanja, Greċja, Irlanda, Italja, Kroazja, Litwanja, Netherlands, Polonja, Portugall, Renju Unit, Rumanija, Spanja u Żvezja, kif ukoll Serbja, Turkija, Ukrajna u Żvizzera.


ANNESS

Manwal b'rakkomandazzjonijiet għall-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija u miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' vjolenza u inkwiet marbuta ma' partiti tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali, fejn ikun involut tal-anqas Stat Membru wieħed (“Manwal tal-UE dwar il-Futbol”)

Kontenut tal-Manwal

Kapitolu

Suġġett

Għan, Kamp ta' Applikazzjoni u Użu tal-Manwal 4

1

Ġestjoni u Skambju ta' Informazzjoni mill-Pulizija 5

1.1

Introduzzjoni 5

1.2

Kompiti b'Dimensjoni Internazzjonali 5

1.3

Skambju ta' Informazzjoni tal-Pulizija 6

1.3a

Definizzjonijiet 6

1.3b

Tipi ta' Informazzjoni 6

1.3c

Sekwenza Kronoloġika għall-Iskambju ta' Informazzjoni 6

1.3d

Skambju ta' Informazzjoni ma' Pajjiżi li Mhumiex fl-UE 7

1.4

Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u Kriminalità Serja u Organizzata 7

2

Gwida Ġenerali dwar ir-Rwol Nazzjonali u l-Kompiti tal-NFIPs 8

3

Kooperazzjoni bejn il-Pulizija Ospitanti u d-Delegazzjonijiet tal-Pulizija Viżitaturi 8

3.1

Prinċipji Ewlenin 8

3.2

Appoġġ għal Operazzjonijiet tal-Pulizija Ospitanti 8

3.3

Arranġamenti ta' Kooperazzjoni 9

3.4

Protokolli Mudell għal Partiti Uniċi 9

3.5

Spejjeż u Arranġamenti Finanzjarji 10

3.6

Żjarat minn Qabel 10

3.7

Akkumpanjament għal Delegazzjonijiet ta' Pulizija tal-Pajjiż Viżitatur (Ċiċeruni) 11

3.8

Kompożizzjoni tad-Delegazzjonijiet tal-Pulizija Viżitaturi 11

3.9

Kompiti Ewlenin tad-Delegazzjoni tal-Pulizija Viżitatura 12

3.10

Lingwa 13

3.11

Kooperazzjoni bejn Pulizija Ospitanti u Viżitaturi matul l-Avveniment 13

3.12

Użu ta' Flokkijiet ta' Identifikazzjoni 13

3.13

Akkreditazzjoni 13

3.14

Tornej tal-Futbol f'Pajjiżi mingħajr NFIP 13

3.14a

Ftehimiet Bilaterali 13

3.14b

Kooperazzjoni bejn NFIPs 14

3.15

Rwol tal-Interpol u l-Europol 14

4

Kooperazzjoni bejn il-Pulizija u l-Organizzatur 14

5

Kooperazzjoni bejn Pulizija u Aġenziji tal-Ġustizzja u tal-Prosekuzzjoni 15

6

Kooperazzjoni bejn Pulizija u Partitarji 16

7

Strateġija ta' Komunikazzjoni u tal-Media 16

7.1

Strateġija tal-Komunikazzjoni 16

7.2

Strateġija tal-Media 17

8

Laqgħat ta' Esperti tal-UE dwar is-Sikurezza u s-Sigurtà fil-Futbol 17

9

Lista ta' Dokumenti Rilevanti dwar is-Sikurezza u s-Sigurtà fl-Avvenimenti tal-Futbol 18

9.1

Dokumenti prinċipali adottati diġà mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 18

9.2

Dokumenti prinċipali adottati diġà mill-Kunsill tal-Ewropa 18

Appendix 1

Protocol for Deployment of Visiting Police Delegations (Prüm) 19

Appendix 2

Protocol for Deployment of Visiting Police Delegations (Non-Prüm) 25

Appendiċi 3

Speċifikazzjonijiet għal Flokkijiet ta' Identifikazzjoni tal-Pulizija 30

Appendiċi 4

Valutazzjoni Dinamika tar-Riskji u Ġestjoni tal-Folol 32

Appendiċi 5

Kategorizzazzjoni tal-Partitarji tal-Futbol 35

Għan, Kamp ta' Applikazzjoni u Użu tal-Manwal

L-għan ta' dan id-dokument huwa li jissaħħu s-sigurtà u s-sikurezza fil-partiti tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali, u b'mod partikolari biex tiġi massimizzata l-effikaċja tal-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija.

Il-kontenut, li hu konsistenti mal-prattika tajba stabbilita tal-adozzjoni ta' approċċ integrat bejn diversi aġenziji għas-sikurezza, is-sigurtà u s-servizz fil-futbol, jista' jiġi applikat, fejn ikun adatt, għal avvenimenti sportivi oħra b'dimensjoni internazzjonali jekk Stat Membru jiddeċiedi hekk.

Il-kontenut huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti, b'mod partikolari l-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tal-aġenziji differenti f'kull Stat Membru.

Għalkemm dan id-dokument jiffoka prinċipalment fuq il-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija, in-natura tal-ġestjoni tal-futbol (u avvenimenti sportivi oħra) li tinvolvi diversi aġenziji, hija riflessa fir-referenzi għall-interazzjoni tal-pulizija ma' sħab prinċipali oħra, bħall-organizzatur tal-avveniment, u l-partijiet konċernati, b'mod partikolari l-partitarji.

Il-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija u l-operazzjonijiet taż-żamma tal-ordni mill-pulizija fil-futbol għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipji tal-legalità, il-proporzjonalità u l-adegwatezza. Fl-Appendiċi 4 hemm eżempji dettaljati tal-prattika tajba b'rabta mal-valutazzjoni dinamika tar-riskju u l-ġestjoni tal-folol.

Filwaqt li l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru organizzatur hija responsabbli biex tipprovdi avveniment bla periklu u sigur, l-awtoritajiet fi stati parteċipanti, ġirien u ta' transitu għandhom responsabbiltà li jassistu fejn jeħtieġ il-każ.

Dan id-dokument għandu jitqassam b'mod wiesa' u jiġi applikat f'kull Stat Membru u pajjiżi Ewropej oħrajn u lil hinn sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta' sigurtà u sikurezza u tiġi żgurata kooperazzjoni internazzjonali effettiva bejn il-pulizija.

KAPITOLU 1

1.   Ġestjoni u Skambju ta' Informazzjoni mill-Pulizija

1.1.   Introduzzjoni

L-iskambju f'waqtu ta' informazzjoni preċiża huwa tal-aktar importanza fit-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza u l-prevenzjoni ta' vjolenza u diżordni relatati mal-futbol.

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/348/ĠAI, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/412/ĠAI tat-12 ta' Ġunju 2007, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi Punt Nazzjonali ta' Informazzjoni dwar il-Futbol (NFIP) biex jaġixxi bħala l-punt ta' kuntatt ċentrali nazzjonali għall-iskambju ta' informazzjoni rilevanti għall-partiti tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali, u għall-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija dwar il-partiti tal-futbol.

Fejn hemm kuntatt dirett bejn pulizija organizzaturi u viżitaturi, kwalunkwe informazzjoni skambjata għandha tiġi kondiviża simultanjament mal-NFIPs rilevanti. Tali kuntatt m'għandux jipperikola r-rwol prinċipali tal-NFIP fl-iżgurar tal-kwalità tal-informazzjoni u disseminazzjoni usa' lil sħab u awtoritajiet rilevanti oħra.

Ir-relazzjoni bejn l-NFIP u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandha tkun soġġetta għal-liġijiet nazzjonali applikabbli.

Skont l-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/348/ĠAI, kull Stat Membru għandu jassigura li l-punt nazzjonali tiegħu ta' informazzjoni dwar il-futbol ikun kapaċi jwettaq b'mod effiċjenti u malajr il-kompiti assenjati lilu.

Biex ikun effettiv, il-persunal tal-NFIP għandu jkun imħarreġ u attrezzat biex jipprovdi sors nazzjonali ta' kompetenza esperta rigward iż-żamma tal-ordni mill-pulizija fil-futbol u kwistjonijiet assoċjati ta' sigurtà u sikurezza.

1.2.   Kompiti b'Dimensjoni Internazzjonali

L-NFIP jappoġġa l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Abbażi tal-informazzjoni li ġiet analizzata u vvalutata, il-proposti jew ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa jintbagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jgħinu fl-iżvilupp ta' politika dwar kwistjonijiet relatati mal-futbol li tinvolvi diversi aġenziji.

L-NFIP jaħdem mill-qrib mal-pulizija lokali fir-rigward ta' partiti tal-futbol nazzjonali jew internazzjonali. Biex dan l-appoġġ jingħata b'mod għalkollox effettiv, l-informazzjoni dwar ir-rwol importanti tal-NFIP għandha titqassam b'mod ġenerali u tinftiehem mill-aġenziji kollha tal-pulizija f'kull Stat Membru.

Kull Stat Membru għandu wkoll jagħmel arranġamenti biex jistabbilixxi netwerk nazzjonali ta' persunal maħtur tal-pulizija lokali inkarigat biex jiġbor u jipprovdi lill-NFIP l-informazzjoni u l-intelligence kollha dwar l-avvenimenti tal-futbol fil-lokalità tiegħu.

Għall-benefiċċju tal-NFIPs ta' pajjiżi oħra, jeħtieġ li kull NFIP jżomm analiżi aġġornata tar-riskji (1) dwar il-klabbs u t-tim nazzjonali tagħhom stess. L-analiżi tar-riskji hija ġeneralment kondiviża mal-NFIPs oħra bl-użu tal-formoli disponibbli fuq il-websajt tal-NFIPs (www.nfip.eu). (2) Hu enfasizzat, madankollu, li r-riskju jvarja u jiddependi minn għadd ta' fatturi. Għaldaqstant, matul avveniment ikun jeħtieġ issir valutazzjoni dinamika tar-riskju.

Kull NFIP għandu jkollu aċċess għall-bażi ta' data rilevanti nazzjonali tal-pulizija. L-iskambju ta' informazzjoni personali hu soġġett għal-liġi nazzjonali u internazzjonali applikabbli, speċjalment id-Deċiżjoni ta' Prüm (3) jew ftehimiet binazzjonali jew multilaterali.

L-NFIP jeħtieġ jieħu ħsieb li kull informazzjoni tkun soġġetta għal kontroll tal-kwalità fir-rigward tal-kontenut.

L-informazzjoni kollha għandha tiġi skambjata bl-użu ta' formoli adatti pprovduti fuq il-websajt tal-NFIP.

1.3.   Skambju ta' Informazzjoni tal-Pulizija

1.3a    Definizzjonijiet

It-terminu “avveniment” f'dan il-manwal jintuża biex ifisser partita speċifika jew tornew tal-futbol speċifiku fl-aspetti kollha tagħhom. It-terminu “pulizija ospitanti” jintuża biex ifisser il-pulizija tal-pajjiż fejn qed issir il-partita jew it-tornew. It-terminu “pulizija viżitaturi” jintuża biex jiddeskrivi l-pulizija ta', jew minn, pajjiż fejn ikun jinsab it-tim jew it-timijiet parteċipanti.

1.3b    Tipi ta' Informazzjoni

Tista' ssir distinzjoni bejn informazzjoni ġenerali u informazzjoni personali.

(a)   Informazzjoni ġenerali

Informazzjoni ġenerali tinkludi informazzjoni strateġika u tattika mfassla biex tinforma t-tħejjijiet u l-operazzjonijiet ta' avveniment b'rabta mal-identifikazzjoni u l-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta' riskji għas-sikurezza u s-sigurtà, it-twettiq ta' analiżi dinamika tar-riskju qabel l-avveniment u kontinwament, u r-rispons xieraq u proporzjonat għar-riskji għas-sikurezza u s-sigurtà hekk kif ifeġġu matul l-avveniment.

(b)   Informazzjoni personali

F'dan il-kuntest, informazzjoni personali tirreferi għal informazzjoni dwar individwi li l-pulizija jqisu bħala li jippreżentaw riskju potenzjali għas-sigurtà pubblika b'rabta mal-avveniment. Din tista' tinkludi individwi li b'mod evidenti kkawżaw jew ikkontribwew għal vjolenza u diżordni b'rabta ma' partiti tal-futbol preċedenti.

1.3c    Sekwenza Kronoloġika għall-Iskambju ta' Informazzjoni

Tista' ssir distinzjoni bejn tliet fażijiet: qabel, matul u wara l-avveniment. Dawn it-tliet fażijiet mhux bilfors ikunu dejjem strettament separati.

Qabel l-avveniment:

L-NFIP ospitanti jgħaddi r-rekwiżiti ta' informazzjoni lill-NFIP tal-pajjiż/pajjiżi viżitaturi. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu:

analiżi tar-riskju tal-partitarji tat-tim viżitatur;

informazzjoni rilevanti oħra rigward is-sikurezza u s-sigurtà u tal-avveniment, eż. dettalji tal-vjaġġi tal-partitarji u theddid ieħor għall-ordni pubbliku.

L-NFIP tal-pajjiż viżitatur/pajjiżi viżitaturi jwieġeb għar-rekwiżiti ta' informazzjoni tal-NFIP tal-pajjiż ospitanti u, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jipprovdi kull informazzjoni rilevanti lil kwalunkwe NFIP ieħor konċernat.

L-NFIP tal-pajjiż ospitanti jipprovdi informazzjoni dwar il-leġislazzjoni applikabbli u l-politika tal-awtoritajiet (eż. il-politika dwar l-alkoħol), l-organizzazzjoni tal-avveniment u dwar il-persunal prinċipali tas-sikurezza u s-sigurtà.

L-informazzjoni rilevanti kollha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-NFIPs l-oħrajn konċernati u tiddaħħal fil-websajt tal-NFIP permezz tal-formoli adatti.

L-NFIP tal-pajjiż viżitatur/pajjiżi viżitaturi jintalab jipprovdi informazzjoni f'waqtha u preċiża rigward il-movimenti ta' partitarji riskjużi u dawk mhux riskjużi, it-tim parteċipanti (fejn hemm theddida) u l-bejgħ ta' biljetti, flimkien ma' kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.

L-NFIP tal-pajjiż ospitanti jipprovdi informazzjoni lill-NFIP tal-pajjiż viżitatur/pajjiżi viżitaturi, b'mod partikolari dwar l-integrazzjoni tad-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura fl-operazzjoni taż-żamma tal-ordni tal-pajjiż ospitanti, kif ukoll informazzjoni għall-partitarji viżitaturi, eċċ.

Matul l-avveniment

L-NFIP tal-pajjiż ospitanti jista' jitlob konferma tal-informazzjoni pprovduta qabel u jitlob analiżi aġġornata tar-riskji. It-talba titressaq u titwieġeb permezz ta' sistema ta' uffiċjali ta' kollegament, jekk tali sistema tkun ġiet stabbilita.

L-NFIP tal-pajjiż ospitanti għandu jgħarraf lill-NFIP tal-pajjiż viżitatur meta jseħħu inċidenti rilevanti matul l-avveniment.

L-NFIP tal-pajjiż/pajjiżi viżitatur jissorvelja u, fejn meħtieġ, jipprovdi lill-NFIP ospitanti informazzjoni aġġornata dwar il-movimenti u dwar fejn jinsabu l-partitarji viżitaturi. Tiġi pprovduta wkoll lill-pajjiż ospitanti u kwalunkwe NFIP rilevanti ieħor informazzjoni utli dwar inċidenti relatati mal-avveniment fil-pajjiż ta' oriġini matul il-partiti jew it-tornej.

Tiġi pprovduta wkoll lill-NFIPs tal-pajjiż ta' oriġini u l-pajjiżi rilevanti ta' transitu informazzjoni ġenerali rigward ir-ritorn tal-partitarji, inkluż dawk li jkunu tkeċċew u/jew inċaħdilhom id-dħul.

Wara l-avveniment

Fi żmien ħamest ijiem mill-avveniment, l-NFIP tal-pajjiż ospitanti jipprovdi lil-NFIP tal-pajjiż viżitatur (permezz tal-formoli adatti mill-websajt tal-NFIP) b'informazzjoni:

rigward l-imġiba tal-partitarji sabiex l-analiżi tar-riskji tista' tiġi aġġornata mill-NFIPs tal-pajjiż/klabb li huma jappoġġaw u/jew il-post tar-residenza tagħhom;

dwar l-utilità operattiva tal-informazzjoni li huma pprovdew u tal-appoġġ ipprovdut mid-delegazzjoni(jiet) tal-pulizija viżitaturi;

id-deskrizzjoni ta' kwalunkwe inċident: isir skambju ta' informazzjoni dwar arresti jew sanzjonijiet skont il-liġi nazzjonali u internazzjonali. Meta jkun possibbli din l-informazzjoni għandha tinkludi:

dettalji personali tal-persuni arrestati/kundannati li wettqu reati;

isem l-awtorità responsabbli tal-infurzar tal-liġi;

reġistru tal-avvenimenti (jekk ikun disponibbli);

id-deċiżjoni tal-qorti (jekk tkun disponibbli);

il-provi disponibbli (b'mod partikolari ritratti/filmati ta' viżitaturi li wettqu reat li għadhom mhumiex identifikati).

Imbagħad, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-NFIP tal-pajjiż ospitanti u d-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura, l-NFIP viżitatur jaġġorna l-analiżi ġenerika tiegħu tar-riskji.

L-NFIPs ospitanti u viżitaturi jikkooperaw biex jivvalutaw l-effikaċja tal-arranġamenti għall-iskambju ta' informazzjoni u l-ħidma tad-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura.

1.3d    Skambju ta' Informazzjoni ma' Pajjiżi li Mhumiex fl-UE

L-NFIPs huma l-mezz xieraq għall-iskambju ta' informazzjoni ma' NFIPs ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE. Jekk pajjiż ma jkollux NFIP, id-dipartiment governattiv responsabbli għal kwistjonijiet ta' żamma tal-ordni pubbliku għandu jintalab jaħtar punt ta' kuntatt ċentrali tal-pulizija. Id-dettalji tal-kuntatt għandhom jintbagħtu lil NFIPs oħra u jiddaħħlu fil-websajt tal-NFIP.

1.4.   Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u Kriminalità Serja u Organizzata

Għall-iskambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja u organizzata, l-aġenzija kompetenti tal-pulizija fil-pajjiż ospitanti tista' tikkomunika permezz ta' kwalunkwe netwerk eżistenti jew uffiċjali ta' kollegament speċjalizzati maħtura għal dak l-għan.

KAPITOLU 2

2.   Gwida Ġenerali dwar ir-Rwol Nazzjonali u l-Kompiti tal-NFIPs

F'livell nazzjonali, l-NFIP għandu jservi bħala sors nazzjonali ta' kompetenza esperta fuq iż-żamma tal-ordni waqt il-futbol. Biex jaqdi dan ir-rwol, l-NFIP għandu jwettaq sensiela ta' kompiti essenzjali relatati mal-futbol, inkluż:

koordinament tal-iskambju ta' informazzjoni dwar partiti tal-futbol milgħuba f'kompetizzjonijiet domestiċi;

ġbir u analiżi ta' data dwar inċidenti marbuta mal-futbol (ġewwa u barra l-istadiums) kif ukoll arresti u detenzjonijiet assoċjati u l-eżitu ta' kwalunkwe proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva konsegwenti;

ġbir u analiżi ta' informazzjoni dwar l-impożizzjoni ta' miżuri ta' esklużjoni u, fejn adatt, ġestjoni tal-konformità ma' dawk il-miżuri ta' esklużjoni;

fejn adatt, koordinament u organizzazzjoni tat-taħriġ u l-ħidma ta' uffiċjali tal-intelligence u/jew ta' spotters.

NFIP jista' jidħol fi ftehim bilaterali formali ma' pajjiż terz rigward l-iskambju ta' ċerta informazzjoni skont il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom. Din l-informazzjoni ma tistax titqassam lil ħaddieħor mingħajr il-qbil tal-oriġinatur.

L-NFIPs jistgħu jaqdu rwol essenzjali billi jgħinu lill-kmandanti tal-pulizija tal-partita jwettqu l-prijoritajiet strateġiċi u operattivi tagħhom fil-partiti kollha ta' dimensjoni internazzjonali. Il-prijoritajiet prinċipali għall-operazzjonijiet taż-żamma tal-ordni pubbliku ospitanti għandhom jinkludu:

ħolqien ta' ambjent bla periklu, sigur u akkoljenti għall-partitarji u l-komunitajiet lokali;

ġestjoni tal-aspetti kollha tal-avveniment relatati maż-żamma tal-ordni pubbliku;

stabbiliment tat-tħejjijiet għaż-żamma tal-ordni pubbliku u l-istrateġiji operattivi informati mill-valutazzjonijiet tal-pulizija dwar ir-riskju;

monitoraġġ ta' xenarji ta' riskju emerġenti u rispons proporzjonat, permezz ta' intervent immirat bikri, biex jiġi evitat li r-riskju jiskala;

l-ikbar użu possibbli ta' informazzjoni u pariri dwar id-dinamika tal-partitarji viżitaturi pprovduti mid-delegazzjonijiet tal-pulizija viżitaturi; u

faċilitazzjoni ta' fehim dwar kif l-aħjar jiġu integrati kulturi, stili u tattiki potenzjalment differenti ta' żamma tal-ordni pubbliku fl-operazzjoni ospitanti taż-żamma tal-ordni.

KAPITOLU 3

3.   Kooperazzjoni bejn il-Pulizija Ospitanti u d-Delegazzjonijiet tal-Pulizija Viżitaturi

3.1.   Prinċipji Ewlenin

Il-pajjiżi li għandhom il-possibbiltà legali li ma jħallux li partitarji riskjużi jivvjaġġaw barra mill-pajjiż għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiksbu dan l-objettiv b'mod effettiv u għandhom jinfurmaw lill-pajjiż organizzatur skont il-każ. Kull pajjiż għandu jieħu l-miżuri kollha possibbli biex ma jħallix li ċ-ċittadini tiegħu jipparteċipaw fi u/jew jorganizzaw disturbi fl-ordni pubbliku f'pajjiż ieħor.

L-esperjenza ġenerali fl-Ewropa tul l-għaxar snin li għaddew hi xhieda tar-rwol kruċjali tad-delegazzjonijiet tal-pulizija viżitaturi fl-appoġġ għall-operazzjonijiet tal-pulizija tal-pajjiżi ospitanti.

3.2.   Appoġġ għal Operazzjonijiet tal-Pulizija Ospitanti

Minbarra l-iskambju komprensiv ta' informazzjoni, u skont il-prinċipji fil-kapitolu 1 ta' dan il-manwal, l-NFIP organizzatur, wara konsultazzjoni mill-qrib mal-aġenzija operattiva kompetenti taż-żamma tal-ordni pubbliku, għandu jistieden delegazzjoni tal-pulizija viżitatura mill-pajjiż jew pajjiżi viżitaturi kull meta jkun hemm tornew ewlieni.

Biex jagħtu valur miżjud lill-operazzjonijiet ta' żamma tal-ordni tal-pajjiż organizzatur, huwa essenzjali li d-delegazzjonijiet tal-pulizija viżitaturi jinkludu persunal b'għarfien u esperjenza tad-dinamika u l-imġiba tal-partitarji viżitaturi.

Waqt avveniment, id-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura għandha titqies bħala sors ewlieni ta' informazzjoni dwar il-partitarji viżitaturi, l-imġiba tagħhom u kwalunkwe riskju potenzjali. Dan il-valur miżjud għall-kmandant tal-pulizija ospitanti jista' jinkludi:

ġestjoni adatta tal-folla tal-partitarji regolari;

kisba u tqassim ta' informazzjoni qabel u dakinhar tal-partita;

monitoraġġ mill-qrib tal-avvenimenti sabiex il-pulizija tal-pajjiż organizzatur jingħataw informazzjoni preċiża u f'waqtha;

monitoraġġ u interpretazzjoni tal-imġiba tal-partitarji viżitaturi u identifikazzjoni u monitoraġġ ta' partitarji riskjużi u xenarji potenzjali ta' riskju biex jinfurmaw valutazzjoni dinamika kontinwa tar-riskju (ara l-Appendiċi 5);

fejn ikun hemm qbil mal-kap tad-delegazzjoni viżitatura, u wara valutazzjoni tar-riskju mill-pulizija, intervent proattiv sabiex kwalunkwe mġiba ħażina tal-partitarji viżitaturi ma tiskalax;

komunikazzjoni mal-partitarji viżitaturi u servizz ta' kollegament bejn il-partitarji u l-pulizija ospitanti li jgħin biex jindirizza kwalunkwe problema potenzjali jew emerġenti;

ġbir ta' provi ta' kwalunkwe kriminalità, imġiba ħażina u reati kriminali u identifikazzjoni ta' viżitaturi li jwettqu reat.

3.3.   Arranġamenti ta' Kooperazzjoni

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/348/ĠAI, għal partiti tal-futbol uniċi b'dimensjoni internazzjonali, l-istedina formali lil delegazzjoni tal-pulizija viżitatura għandha tgħaddi mingħand l-NFIP fil-pajjiż ospitanti. Waqt li tqis l-għanijiet speċifiċi tal-kooperazzjoni, l-istedina għandha tindika l-kompożizzjoni tad-delegazzjoni u tiċċara r-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom. Għandha wkoll tispeċifika t-tul ta' żmien intenzjonat li d-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura ser iddum fil-pajjiż ospitanti.

Għal tornej internazzjonali u partiti uniċi (jekk jintalab hekk minn kwalunkwe NFIP) l-istedina formali lil delegazzjoni tal-pulizija viżitatura għandha tintbagħat mill-awtorità kompetenti fil-pajjiż ospitanti, fuq parir mill-NFIP tal-pajjiż ospitanti, u tista' tkun soġġetta għal qbil intergovernattiv.

Jekk ma tiġix mistiedna delegazzjoni ta' pulizija viżitatura mill-NFIP ospitanti, l-NFIP tal-pajjiż viżitatur jista', jekk iqis li jkun xieraq, iressaq proposta proattiva lill-NFIP ospitanti biex tintbagħat delegazzjoni. Jekk l-NFIP ospitanti ma jaċċettax il-proposta, kwalunkwe delegazzjoni tal-pulizija li tivvjaġġa tkun qed taġixxi f'kapaċità mhux uffiċjali barra mill-ambitu ta' dan il-manwal.

L-istedina dettaljata biex jiġi pprovdut appoġġ għandha tkun miftiehma bejn l-NFIPs konċernati minn qabel sew ta' tornew u/jew partita unika sabiex id-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura jkollha biżżejjed żmien biex tipprepara. Għal din ir-raġuni, stedina biex jiġi pprovdut appoġġ għandha tiġi ppreżentata malajr kemm jista' jkun wara li titħabbar id-data tal-partita.

Għal partiti uniċi b'dimensjoni internazzjonali d-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura tkun teħtieġ tal-anqas tliet ġimgħat biex tipprepara. Jekk ikun hemm preavviż ta' inqas minn tliet ġimgħat għal partita (pereżempju fl-aħħar stadji ta' kompetizzjoni Ewropea għall-klabbs jew minħabba żieda fil-livell tar-riskju) l-istedina għandha tintbagħat minnufih. Għal tornej internazzjonali, id-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura tkun teħtieġ tal-anqas 16-il ġimgħa żmien biex tipprepara.

Id-dettalji tal-arranġamenti (eż. setgħat tal-pulizija, tagħmir, uniformijiet eċċ.) għad-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura jiġu nnegozjati bejn l-NFIPs, wara konsultazzjoni mal-pulizija lokali għall-partita unika.

3.4.   Protokolli Mudell għal Partiti Uniċi

It-Taqsima 3.14 tipprovdi mudell għan-negozjar ta' ftehimiet bilaterali dwar arranġamenti internazzjonali ta' kooperazzjoni bejn il-pulizija li jkunu japplikaw fir-rigward ta' tornej prinċipali tal-futbol.

Madanakollu, hu rakkomandat bis-sħiħ li l-arranġamenti għall-iskjerament ta' delegazzjoni ta' pulizija viżitatura għal partiti uniċi b'dimensjoni internazzjonali għandhom ikunu miftiehma minn qabel mill-pajjiż ospitanti u dak tal-viżitaturi u jiġu stabbiliti fi protokoll. Protokolli mudell jinsabu fl-Appendiċi 1, għal użu f'każ li ż-żewġ pajjiżi jkunu parti mit-Trattat ta' Prüm, u fl-Appendiċi 2, għal użu f'każ li pajjiż minnhom jew it-tnejn ma jkunux soġġetti għat-Trattat ta' Prüm.

Jekk ma jkunx hemm fis-seħħ ftehim governattiv binazzjonali, dawn l-arranġamenti għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI (4) u l-liġijiet nazzjonali applikabbli.

Id-delegazzjoni viżitatura ma għandhiex tkun ikbar minn kif miftiehem mal-NFIP ospitanti u għandha tirrispetta l-arranġamenti għall-kmand u l-kontroll tal-pulizija ospitanti. Jekk taġixxi b'mod li mhux fit-termini tal-ftehim tkun qed taġixxi barra mill-ambitu ta' dan il-manwal u t-Trattati u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill applikabbli tal-UE.

3.5.   Spejjeż u Arranġamenti Finanzjarji

L-ispejjeż involuti għall-ospitar u l-iskjerament ta' delegazzjoni tal-pulizija viżitatura jvarjaw skont għadd ta' fatturi, inkluż id-daqs tal-delegazzjoni, id-distanza u l-mezz tal-ivvjaġġar, eċċ., iżda bħala medja l-ispejjeż mhumiex għolja u jirrappreżentaw investiment sod fit-tnaqqis tal-periklu u r-riskji għas-sigurtà. (5) Hu rakkomandat bis-sħiħ li kull Stat Membru jalloka baġit biex jospita u jibgħat delegazzjonijiet ta' pulizija viżitaturi għall-partiti kollha b'dimensjoni internazzjonali.

F'kull okkażjoni l-pajjiż ospitanti għandu jħallas għall-akkomodazzjoni, ikliet (jew sussistenza) u l-ivvjaġġar domestiku meħtieġ fil-pajjiż ospitanti, waqt li l-pajjiż viżitatur għandu jħallas għall-ivvjaġġar internazzjonali u s-salarji tal-membri tad-delegazzjoni involuti (ħlief jekk l-NFIPs rispettivi jaqblu b'mod eċċezzjonali dwar arranġamenti alternattivi). Dawn l-arranġamenti jeħtieġ jiġu ċċarati fil-protokoll imsemmi qabel għall-iskjerament ta' delegazzjonijiet ta' pulizija viżitaturi, kif disponibbli fuq il-websajt tal-NFIPs.

3.6.   Żjarat minn Qabel

Il-pulizija fil-pajjiż ospitanti għandha tipprovdi lill-membri prinċipali tad-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura opportunità li jiffamiljarizzaw ruħhom mal-organizzazzjoni tal-operazzjonijiet tal-pulizija fil-pajjiż ospitanti u/jew il-belt/il-bliet tal-avveniment u mal-post fejn hemm l-istadium, u biex isiru jafu l-kmandant(i) operattiv(i) fil-belt jew fil-bliet tal-avveniment dakinhar tal-partiti:

għal tornej internazzjonali, dan għandu jsir tal-anqas sitt ġimgħat qabel it-tornew (eż. billi jiġu ospitati sessjonijiet ta' ħidma jew seminars għal membri prinċipali tad-delegazzjonijiet tal-pulizija viżitaturi).

għal partiti uniċi b'dimensjoni internazzjonali, dan għandu jsir f'waħda mill-ġranet qabel il-partita.

Żjarat minn qabel bħal dawn jipprovdu opportunità ideali lir-rappreżentanti tal-pulizija ospitanti u viżitaturi biex jimmassimizzaw il-kooperazzjoni internazzjonali billi:

jaqsmu bejniethom informazzjoni loġistika dwar l-arranġamenti tal-partitarji fil-belt ospitanti;

iżuru l-postijiet fejn il-partitarji viżitaturi mistennija jinġemgħu qabel u wara l-partita;

jiddiskutu u jiftiehmu dwar ir-rwol tad-delegazzjoni viżitatura;

iżidu l-għarfien dwar it-tħejjijiet u l-operazzjonijiet għaż-żamma tal-ordni pubbliku fil-pajjiż ospitanti;

jippjanaw għall-integrazzjoni tad-delegazzjoni viżitatura fl-operazzjoni;

jidentifikaw id-dispożizzjonijiet leġislattivi rilevanti u l-livelli ta' tolleranza tal-pulizija;

jiżviluppaw il-fiduċja u linji ta' kollegament effettivi bejn iż-żewġ aġenziji tal-pulizija; u

fejn ikun meħtieġ, jidentifikaw miżuri biex jisseparaw il-gruppi ta' partitarji fil-belt ospitanti.

3.7.   Akkumpanjament għal Delegazzjonijiet ta' Pulizija tal-Pajjiż Viżitatur

Huwa assolutament importanti li tiġi żgurata s-sikurezza tal-membri kollha tad-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura u dan għandu jkun rifless fil-valutazzjonijiet kollha tar-riskji mill-pulizija ospitanti u dik viżitatura fir-rigward tal-iskjerament tal-pulizija.

Il-membri viżitaturi ta' delegazzjoni tal-pulizija, b'mod partikolari l-uffiċjal ta' kollegament, il-koordinatur tal-operazzjonijiet u l-uffiċjali tal-pulizija operattivi (ara hawn taħt) għandhom jaħdmu flimkien ma' uffiċjali tal-pulizija lokali (komunement magħrufa bħala ċiċeruni) li huma nfushom għandhom ikunu uffiċjali tal-pulizija fis-servizz b'esperjenza fiż-żamma tal-ordni waqt il-futbol fil-belt jew pajjiż tagħhom stess, inkluż familjarità maż-żona tal-avveniment u ż-żoni b'riskji potenzjali.

Iċ-ċiċeruni:

għandhom ikunu integrati fl-operazzjoni nazzjonali/lokali taż-żamma tal-ordni u jkunu kapaċi jgħaddu informazzjoni li tippermetti lill-kmandanti operattivi tal-pulizija jieħdu deċiżjonijiet importanti;

għandu jkollhom għarfien tal-organizzazzjoni, il-proċessi u l-istruttura tal-kmand tal-pulizija;

ma għandhomx ikunu inkarigati mill-monitoraġġ tal-partitarji riskjużi ta' pajjiżhom meta jkunu skjerati biex jakkumpanjaw membri ta' delegazzjoni tal-pulizija viżitatura;

għandhom ikunu informati bir-reqqa dwar l-operazzjoni taż-żamma tal-ordni tal-pajjiż ospitanti, ir-responsabbiltajiet tagħhom, u dwar il-kompiti li mistennija jwettqu l-membri tad-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura;

għandhom ikunu responsabbli għas-sikurezza tad-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura u jipprovdu linja ta' komunikazzjoni mal-pulizija ospitanti;

għandhom ikunu skjerati mad-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura sakemm iddum l-operazzjoni; dan ikun ta' għajnuna biex tiġi żviluppata relazzjoni ta' ħidma effettiva;

għandhom jaħdmu mad-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura b'lingwa komuni miftiehma minn qabel.

3.8.   Kompożizzjoni tad-Delegazzjonijiet tal-Pulizija Viżitaturi

Id-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura għandha tkun magħmula b'mod li tkun kapaċi tappoġġa l-operazzjoni taż-żamma tal-ordni tal-pajjiż ospitanti.

Skont in-natura preċiża tal-appoġġ li għandu jingħata, il-kompożizzjoni tad-delegazzjoni tista' tkun kif ġej:

1.

kap tad-delegazzjoni inkarigat fil-funzjoni u l-ġerarkija mid-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura;

2.

uffiċjal ta' kollegament (jew aktar jekk miftiehem mill-NFIPs rispettivi) responsabbli b'mod partikolari għall-iskambju ta' informazzjoni bejn pajjiżu u l-pajjiż organizzatur;

3.

koordinatur tal-operazzjonijiet responsabbli għall-koordinament tal-ħidma tal-uffiċjali tal-pulizija operattivi viżitaturi;

4.

spotters tal-pulizija bi dmirijiet ta' spotting, kollegament mal-partitarji, skorta u dmirijiet oħra;

5.

kelliemi/uffiċjal tal-istampa għall-kollegament mal-media.

Matul tornej internazzjonali l-uffiċjal ta' kollegament x'aktarx ikun ibbażat f'Ċentru għall-Koordinazzjoni tal-Informazzjoni tal-Pulizija (PICC) uniku jew binazzjonali, filwaqt li l-koordinatur tal-operazzjonijiet jista' jkun ibbażat f'ċentru lokali tal-informazzjoni fil-belt fejn isir l-avveniment. Għal partiti uniċi jistgħu jkunu bbażati fl-NFIP tal-pajjiż organizzatur jew xi ambjent adatt ieħor.

Għal partita unika l-uffiċjal ta' kollegament/koordinatur tal-operazzjonijiet għandu jaħdem mill-qrib mal-pulizija ospitanti fil-belt fejn issir il-partita.

Il-pulizija ospitanti għandhom jipprovdu lill-uffiċjali ta' kollegament/koordinaturi tal-operazzjonijiet aċċess għat-tagħmir tekniku rilevanti biex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom b'mod effettiv.

Id-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura tista' tkun skjerata bi lbies pajżan jew bl-uniformi.

3.9.   Kompiti Ewlenin tad-Delegazzjoni tal-Pulizija Viżitatura

Biex jagħtu valur miżjud lill-operazzjonijiet tal-pulizija tal-pajjiż organizzatur, huwa essenzjali li d-delegazzjonijiet tal-pulizija viżitaturi jinkludu persunal b'għarfien u esperjenza tad-dinamika u l-imġiba tal-partitarji viżitaturi.

Id-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura għandu jkollha l-kompetenzi li ġejjin:

għarfien prattiku tajjeb ta' dan il-manwal;

fehim tal-proċessi meħtieġa biex jiġi ffaċilitat l-iskambju internazzjonali ta' informazzjoni;

il-kapaċità li jirrappreżentaw lil pajjiżhom u r-rwol tagħhom b'mod effettiv fil-kollegamenti mas-servizzi tal-pulizija tal-pajjiż organizzatur (jiġifieri li jkunu diplomatiċi, kunfidenti fihom infushom, indipendenti u li kapaċi jikkomunikaw b'lingwa komuni maqbula minn qabel);

għarfien ġenerali tas-sitwazzjoni fejn jikkonċerna vjolenza/diżordni b'rabta mal-futbol f'pajjiżhom.

Il-kompiti prinċipali tad-delegazzjoni jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

jiġbru u jittrasferixxu informazzjoni/intelligence fi ħdan id-delegazzjoni tagħhom u lill-pulizija ospitanti;

jiżguraw skjerament effettiv tal-uffiċjali tal-pulizija operattivi tagħhom (bl-uniformi u/jew pajżana) sabiex jaqdu rwol integrali fl-operazzjoni tal-pulizija ospitanti għall-avveniment;

jipprovdu pariri fil-ħin u preċiżi lill-kmandant tal-pulizija ospitanti.

Ir-rwol ewlieni tal-kap tad-delegazzjoni hu li jaġixxi bħala konsulent strateġiku u tattiku għall-awtoritajiet ospitanti.

Ir-rwol ewlieni ta' uffiċjal ta' kollegament u/jew koordinatur tal-operazzjonijiet (li tista' tkun u tista' ma tkunx l-istess persuna skont il-ftehim bilaterali dwar l-iskjerament tal-pulizija) hu li jiffaċilita skambju effettiv ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pajjiż viżitatur u dak ospitanti b'rabta ma' partita unika tal-futbol jew tornew. Jekk ma jkun maħtur la uffiċjal ta' kollegament u lanqas koordinatur tal-operazzjonijiet, il-funzjonijiet tagħhom għandhom jitwettqu mill-kap tad-delegazzjoni.

Uffiċjali operattivi tal-pulizija skjerati f'delegazzjoni huma magħrufa bħala spotters tal-pulizija.

Spotters tal-pulizija, kemm jekk bl-uniformi kif ukoll pajżana, jistgħu:

jintużaw mill-pulizija ospitanti bħala mezz ta' interazzjoni mal-partitarji viżitaturi biex jgħin fil-ġestjoni tal-folol;

jgħin fit-tnaqqis tal-anonimità ta' partitarji riskjużi fil-folla, u l-kapaċità tagħhom li jinstigaw u/jew jipparteċipaw f'atti ta' vjolenza jew diżordni mingħajr konsegwenzi ulterjuri.

L-ispotters għandu jkollhom esperjenza fiż-żamma tal-ordni waqt partiti tal-futbol f'pajjiżhom.

Huma għandhom:

ikollhom il-ħiliet u l-esperjenza li jikkomunikaw b'mod effettiv (fejn ikun adatt) biex jinfluwenzaw l-imġiba tal-partitarji; u/jew

ikunu speċjalisti fl-imġiba tal-partitarji tagħhom u r-riskji potenzjali li jippreżentaw; u

ikunu kapaċi jikkomunikaw b'mod effettiv mal-pulizija ospitanti matul l-avveniment dwar it-tip ta' riskju li l-partitarji viżitaturi jistgħu jkunu jew ma jkunux jippreżentaw waqt ħin u f'post speċifiku.

L-ispotters għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw informazzjoni pożittiva, kif ukoll negattiva, dwar il-partitarji viżitaturi tagħhom. Dan jippermetti lill-kmandanti tal-pulizija tal-pajjiż ospitanti li jieħdu deċiżjonijiet bilanċjati dwar il-ħtieġa li jintervjenu jew li jiffaċilitaw l-imġiba leġittima tal-partitarji.

Soġġett għall-qbil mill-pajjiż ospitanti, l-ispotters viżitaturi jistgħu wkoll jiġu skjerati għall-ġbir ta' intelligence/provi, bl-użu tat-tagħmir miftiehem, biex jintużaw mill-pulizija tal-pajjiż organizzatur jew għal finijiet ta' prosekuzzjoni f'pajjiżhom.

3.10.   Lingwa

Il-pajjiżi konċernati għandhom jagħmlu arranġamenti minn qabel dwar il-lingwa.

Fejn ikun possibbli, id-delegazzjonijiet tal-pulizija viżitaturi għandhom jinkludu persunal kompetenti fil-lingwa tal-pajjiż ospitanti biex jiffaċilita l-komunikazzjoni bejn il-persunal tal-pulizija ospitanti u viżitatur.

3.11.   Kooperazzjoni bejn Pulizija Ospitanti u Viżitaturi matul l-Avveniment

Id-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura għandha tinżamm informata bil-pjan operattiv tal-pulizija ospitanti (inkluż il-filosofija tagħhom dwar il-ġestjoni tal-folol u l-livelli ta' tolleranza għall-imġiba). Għandha tkun integrata għalkollox fl-operazzjoni tal-pulizija ospitanti (u tingħata l-possibbiltà li tattendi u tipparteċipa f'laqgħat ta' informazzjoni qabel il-partita u ta' stħarriġ informattiv wara l-partita).

Il-pulizija ospitanti u d-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura għandhom iżommu lill-NFIPs rispettivi tagħhom informati bl-iżviluppi tul l-operazzjoni u fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol jippreżentaw lill-NFIP tagħhom rapport ta' wara l-partita.

Id-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura għandha dejjem tiżgura li l-azzjonijiet tagħha ma jipperikolawx bla bżonn is-sikurezza ta' persuni oħra (6).

3.12.   Użu ta' Flokkijiet ta' Identifikazzjoni

Meta jkun hemm qbil konġunt għal raġunijiet tattiċi, uffiċjal(i) tal-pulizija viżitaturi li ma jkunux skjerati bl-uniformi jistgħu jużaw il-flokkijiet ta' identifikazzjoni standard luminużi u distintivi tal-pulizija viżitaturi deskritti fl-Appendiċi 4. Kull uffiċjal tal-pulizija viżitatur għandu jieħu dan il-flokk miegħu meta jivvjaġġa barra minn pajjiżu.

3.13.   Akkreditazzjoni

Il-forza tal-pulizija tal-pajjiż organizzatur, f'konsultazzjoni mal-organizzaturi tal-futbol, għandha tiżgura li, fejn ikun adatt, id-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura jkollha aċċess u akkreditazzjoni għall-istadium (siġġijiet mhux meħtieġa), biex id-delegazzjoni tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha b'mod effettiv. L-istewards u persunal ieħor għas-sikurezza u s-sigurtà għandhom jiġu mgħarrfa b'dan fl-informazzjoni mogħtija qabel il-logħba.

3.14.   Tornej tal-Futbol f'Pajjiżi mingħajr NFIP

Kif inhu enfasizzat f'dan il-manwal kollu, u b'mod partikolari fil-Kapitolu 1 hawn fuq, meta partita jew tornew tal-futbol jintlagħbu fi Stat mingħajr NFIP, kull skambju ta' informazzjoni għandu jsir bejn il-punt ta' kuntatt maħtur tal-pulizija fil-pajjiż ospitanti u l-NFIP tal-pajjiż viżitatur.

Matul l-avveniment, il-punt ta' kuntatt maħtur tal-pulizija tal-pajjiż ospitanti għandu jikkomunika mal-NFIP tal-pajjiż(i) viżitatur(i) permezz tal-uffiċjal ta' kollegament maħtur tad-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura, jekk ikun inħatar wieħed.

3.14a    Ftehimiet Bilaterali

Hu rakkomandat bil-qawwa li, fi stadju bikri tat-tħejjijiet, il-pajjiżi parteċipanti fl-avveniment għandhom jadottaw ftehim bilaterali mal-awtoritajiet ospitanti li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-iskambju ta' informazzjoni, l-iskjerament tad-delegazzjonijiet tal-pulizija viżitaturi u kwistjonijiet oħra ta' kooperazzjoni bejn il-pulizija b'rabta mal-avveniment. Ftehimiet bilaterali bħal dan jistgħu jinkludu wkoll oqsma ta' kooperazzjoni governattiva u ġudizzjarja. Id-dokument 12261/16 juri mudell għal ftehim bilaterali. Dan jinkludi l-lista ta' kwistjonijiet li għandhom jitqiesu u jiġu miftiehma bejn iż-żewġ partijiet. Ma hux ftehim mudell iżda pjuttost għajnuna għan-negozjati bilaterali.

3.14b    Kooperazzjoni bejn NFIPs

Fit-tħejjija sabiex jassistu f'tornej ewlenin, hu rakkomandat li l-NFIPs għandhom:

jaqsmu mal-awtoritajiet ospitanti informazzjoni dwar diskussjonijiet/negozjati bilaterali;

jibdew fi stadju bikri u jibqgħu jżommu djalogu mal-awtoritajiet ospitanti, bl-użu ta' aġenziji internazzjonali, b'mod partikolari l-Interpol, biex jenfasizzaw ir-rwol importanti tan-netwerk Ewropew tal-NFIPs; u

jagħmlu żjarat koordinati fl-ibliet u l-istadiums rilevanti fejn ser isir l-avveniment fil-pajjiż ospitanti biex jiċċaraw l-arranġamenti lokali u jrawmu djalogu effettiv f'livell nazzjonali u lokali.

3.15.   Rwol tal-Interpol u l-Europol

In-netwerk tal-NFIPs jipprovdi mezz adatt u fil-ħin għall-iskambju ta' informazzjoni dwar ġestjoni tal-folol, sikurezza pubblika u ordni pubbliku, u riskji assoċjati. Skont il-liġi Ewropea, hu obbligatorju li jsir dan l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-aġenziji taż-żamma tal-ordni ospitanti u viżitaturi permezz tal-NFIPs rispettivi jew il-punt ta' kuntatt maħtur tal-pulizija ospitanti u l-uffiċjali ta' kollegament tal-pulizija viżitaturi skjerati fil-pajjiż ospitanti matul avveniment.

Madanakollu, l-NFIPs jistgħu jikkomunikaw mal-Interpol jew il-Europol dwar rabtiet bejn l-attivitajiet ta' gruppi ta' partitarji riskjużi u rabtiet ma' kriminalità serja u organizzata jew kriminalità oħra mhux relatata mal-futbol.

Barra minn hekk, il-Europol, l-Interpol u/jew aġenziji oħra fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, bħall-Frontex, jista' jkollhom rwol importanti, skont il-mandati legali tagħhom, fl-appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi li jospitaw it-tornej internazzjonali prinċipali tal-futbol. Dan jista' jinkludi l-għoti ta' servizzi varji ta' appoġġ, informazzjoni u analiżi rilevanti, u valutazzjonijiet tat-theddida fir-rigward ta' kriminalità serja u organizzata u/jew terroriżmu.

Pereżempju, matul it-tornej prinċipali:

jista' jiġi skjerat tim ta' appoġġ tal-Interpol għal avvenimenti kbar biex jappoġġa l-attività tal-infurzar tal-liġi ospitanti matul tornew prinċipali;

il-Europol jista' jiskjera l-persunal tiegħu fiċ-ċentru ta' koordinazzjoni tal-pulizija ospitanti biex jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni, biex jipprovdi intelligence u appoġġ analitiku fir-rigward ta' kriminalità organizzata, terroriżmu u forom oħra ta' kriminalità serja;

persunal ospitanti u tal-Frontex jista' jkollhom fis-seħħ arranġamenti bilaterali għal operazzjonijiet transfruntiera.

F'dawk iċ-ċirkostanzi, l-NFIPs tal-pajjiżi viżitaturi, jew il-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-pulizija viżitaturi, għandhom jieħdu ħsieb li jiksbu tagħrif fi stadju bikri dwar il-funzjonijiet preċiżi ta' dawn l-aġenziji u jikkomunikaw kif meħtieġ dwar kwistjonijiet ta' interess komuni.

KAPITOLU 4

4.   Kooperazzjoni bejn il-Pulizija u l-Organizzatur

Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-pulizija u l-awtoritajiet tal-istadium/l-organizzatur tal-partita (u partijiet oħra involuti, inkluż kwalunkwe kumpanija tas-sigurtà privata u stewards li joperaw fl-istadiums) hija essenzjali għat-twettiq tal-arranġamenti tas-sikurezza u s-sigurtà fl-istadiums.

Is-sħubija prinċipali f'livell lokali hija bejn il-kmandant tal-pulizija għall-partita u l-individwu maħtur mill-organizzatur tal-partita b'responsabbiltà għas-sikurezza u l-ġestjoni tal-folla fl-istadium (ġeneralment imsejjaħ l-uffiċjal tas-sikurezza fl-istadium, għalkemm f'xi pajjiżi jintuża t-terminu uffiċjal tas-sigurtà).

Il-kmandant tal-pulizija u l-uffiċjal tas-sikurezza fl-istadium għandhom jaħdmu flimkien fuq bażi komplementari, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet, kompetenzi u dmirijiet rispettivi tagħhom. Dawn jistgħu jkunu stipulati fil-leġislazzjoni nazzjonali jew fir-regolamenti tal-istadium jew speċifikati fi ftehim bil-miktub bejn l-organizzatur u l-pulizija (spiss deskritt bħala dikjarazzjoni tal-intenzjoni) li jispeċifika r-rwol tal-pulizija (jekk ikun hemm) f'funzjonijiet kruċjali ta' ġestjoni tal-folla. Dawn il-funzjonijiet jinkludu: appoġġ lill-persunal tas-sikurezza (stewards) fil-prevenzjoni u l-indirizzar ta' kwalunkwe diżordni pubbliku jew kriminalità oħra; attivazzjoni tal-proċeduri ta' emerġenza tal-organizzatur; u d-determinazzjoni taċ-ċirkostanzi meta l-pulizija għandhom jieħdu kontroll tal-istadium kollu jew parti minnu f'xenarji ta' emerġenza jew inċident gravi, kif ukoll il-proċedura kif dan għandu jsir u għar-ritorn eventwali tal-kontroll lill-organizzatur.

Kooperazzjoni mill-qrib għandha tiżgura wkoll li l-organizzatur iqis il-fehmiet tal-pulizija dwar għadd ta' konsiderazzjonijiet importanti għas-sikurezza ġewwa l-istadiums. Dan il-metodu jkopri għadd ta' aspetti importanti, inkluż l-użu tas-CCTV għall-finijiet ta' ġestjoni tal-folla u ġbir ta' provi; arranġamenti komuni jew allokati għall-komunikazzjoni fl-istadiums; l-użu possibbli ta' stewards viżitaturi f'kapaċità ta' kollegament kemm fl-istadiums kif ukoll fil-vjaġġ lejn u minn stadium; arranġamenti għal kamra tal-kontroll għal diversi aġenziji, li tinkludi post tal-kmand tal-pulizija fejn ikun adatt.

Ir-Rakkomandazzjoni Konsolidata 1/2015 dwar approċċ integrat għas-sikurezza, is-sigurtà u s-servizz, tal-Kumitat Permanenti tal-Kunsill tal-Ewropa, tagħti gwida dettaljata dwar dan.

KAPITOLU 5

5.   Kooperazzjoni bejn Pulizija u Aġenziji tal-Ġustizzja u tal-Prosekuzzjoni

Il-kontenut ta' dan il-kapitolu għandu jitqies fil-kuntest ta' varjazzjonijiet kbar fl-istruttura u l-kompetenzi tal-aġenziji tal-ġustizzja u l-prosekuzzjoni fl-Istati Membri.

Jista' jkun hemm benefiċċji sinifikanti mill-kooperazzjoni fil-qrib bejn il-pulizija u l-aġenziji tal-ġustizzja u tal-prosekuzzjoni fir-rigward ta' partiti uniċi kif ukoll ta' tornej.

Filwaqt li l-pajjiż ospitanti għandu s-sovranità u l-ġurisdizzjoni li jittratta kull reat allegat marbut mal-avveniment li jitwettaq f'dak il-pajjiż, il-pulizija u awtoritajiet oħra fl-Istati Membri u l-korpi kompetenti tal-UE (eż. l-Eurojust) għandhom jappoġġaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi tal-pajjiż ospitanti meta jkun possibbli u permissibbli.

L-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li jkun possibbli li jittrattaw malajr u b'mod xieraq ir-reati marbuta mal-avveniment.

Il-pulizija u awtoritajiet oħrajn ospitanti għandhom jinformaw lill-pulizija u lill-partitarji tal-pajjiż viżitatur bil-leġislazzjoni domestika rilevanti u/jew bil-proċeduri kriminali, ċivili jew amministrattivi flimkien mal-pieni massimi għall-aktar reati komuni relatati mal-futbol.

Il-ftehimiet multilaterali eżistenti dwar assistenza legali reċiproka għandhom jintużaw bis-sħiħ, fejn ikun xieraq, għall-partiti kollha tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali. Barra minn hekk, pajjiż ospitanti jista' jiftiehem dwar arranġamenti bilaterali ma' kwalunkwe pajjiż għal assistenza legali reċiproka msaħħa qabel, matul u wara l-avveniment.

L-NFIPs tal-pajjiż/pajjiżi sostenituri għandhom jgħarrfu lill-NFIP tal-pajjiż organizzatur:

bi kwalunkwe possibbiltà legali (eż. mandati ta' projbizzjoni tal-futbol/projbizzjonijiet ta' ħruġ) li jkollhom biex ma jħallux partitarji riskjużi jattendu l-avveniment;

x'miżuri jistgħu jittieħdu mid-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura u/jew kwalunkwe aġenzija kompetenti oħra (eż. prosekuturi ta' kollegament viżitaturi) biex jiġbru provi ta' reati b'rabta mal-futbol imwettqa minn partitarji viżitaturi;

liema reati mwettqa fil-pajjiż ospitanti tista' ssir prosekuzzjoni kontrihom fil-pajjiż sostenitur (mar-ritorn tal-awtur tar-reat).

Il-pajjiż ospitanti jista' jistieden lil kwalunkwe pajjiż ieħor biex jibgħat prosekutur/imħallef ta' kollegament biex ikun preżenti matul l-avveniment.

Hu rakkomandat li, f'konformità mal-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data, l-awtorità ospitanti tipprovdi lid-delegazzjoni tal-pulizija u/jew l-aġenzija kompetenti viżitatura (eż. prosekuturi ta' kollegament viżitaturi) informazzjoni mir-rekords ġudizzjarji jew tal-qorti u rapporti tal-pulizija jew investigattivi, inkluż rekords ta' arrest, ta' ċittadini tagħhom.

Jew inkella, pajjiż sostenitur jista' jaqbel li jkollu disponibbli prosekutur/imħallef ta' kollegament lest biex jivvjaġġa lejn il-pajjiż ospitanti fuq talba, jew jaħtar prosekutur/imħallef ta' kollegament għal kollegament mal-awtorità ospitanti maħtura.

Fil-kamp ta' applikazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali, l-NFIP(s) ta' sostenn jippruvaw iwieġbu minnufih kwalunkwe talba għal aktar informazzjoni dwar individwi arrestati, bħal pereżempju dettalji ta' kundanni preċedenti, inkluż reati b'rabta mal-futbol.

L-ispejjeż kollha biex prosekuturi/imħallfin ta' kollegament jintbagħtu lejn il-pajjiż ospitanti għandhom ikunu soġġetti għal ftehim bilaterali.

Il-pajjiż organizzatur għandu jipprovdi l-mezzi ta' komunikazzjoni meħtieġa u faċilitajiet oħra għall-prosekuturi/imħallfin ta' kollegament viżitaturi.

KAPITOLU 6

6.   Kooperazzjoni bejn Pulizija u Partitarji

Il-kollegament tal-pulizija ma' gruppi ta' partitarji fil-livell nazzjonali u lokali jista' jkollu impatt kbir fuq it-tnaqqis tar-riskji għas-sikurezza u s-sigurtà f'partiti tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali. Din il-kooperazzjoni tista' madankollu tiġi mminata jekk ikun hemm xi perċezzjoni li r-rappreżentanti tal-partitarji qed jaħdmu f'isem il-pulizija u, pereżempju, jipprovdu data personali.

Id-delegazzjonijiet tal-pulizija u r-rappreżentanti tal-partitarji viżitaturi jistgħu jieħdu ħsieb jiżguraw li l-pulizija ospitanti jkunu konxji mill-karattru u l-kultura tal-partitarji viżitaturi. Il-pulizija ospitanti għandhom iqisu dan fil-valutazzjoni dinamika tagħhom tar-riskji.

Il-partitarji ospitanti, il-komunitajiet lokali u l-partitarji viżitaturi għandhom jingħataw informazzjoni potenzjalment importanti u serħan il-moħħ dwar avveniment. Uħud mill-mezzi ewlenin kif dan jinkiseb huma: strateġija effettiva għar-relazzjonijiet mal-media; użu tal-media soċjali/siti tal-Internet; fuljetti; u ħidma mill-qrib ma' Uffiċjali ta' Kollegament tal-Partitarji (SLOs) maħtura, rappreżentanti tal-partitarji u inizjattivi ffokati fuq il-partitarji (bħall-ambaxxati tal-partitarji).

Kooperazzjoni u komunikazzjoni kontinwi bejn il-pulizija u l-gruppi tal-partitarji jistgħu jservu biex jipprovdu bażi għal atmosfera bla periklu, sigura u akkoljenti għall-partitarji kollha, u jistgħu jipprovdu mezz biex tingħata informazzjoni importanti bħal pariri dwar l-ivvjaġġar, ir-rotot tal-aċċess għall-istadium, il-leġislazzjoni applikabbli u l-livelli ta' tolleranza għall-imġiba.

Il-pulizija ospitanti u dawk viżitaturi għandhom għalhekk ikollhom fis-seħħ strateġija biex jikkomunikaw mal-partitarji (imsejħa “djalogu”). Id-djalogu jista' jkun l-inkarigu ta' uffiċjali speċjalisti (u mħarrġa) tal-komunikazzjoni u/jew unitajiet operattivi fuq quddiem nett (kontroll tal-folol/ordni pubbliku) imħarrġa fit-teknika tal-komunikazzjoni u tar-riżoluzzjoni tal-konflitti.

Dan l-approċċ intwera li jgħin fil-promozzjoni tal-awtodixxiplina fost il-partitarji u jiffaċilita l-intervent bikri u adatt meta jfeġġu problemi jew riskji ta' sigurtà.

Gwida dettaljata dwar dan tinsab fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar manwal b'rakkomandazzjonijiet għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' vjolenza u diżordnijiet b'rabta ma' logħbiet tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali, fejn ikun involut tal-inqas Stat Membru wieħed, permezz tal-adozzjoni ta' prattiki tajba fir-rigward tal-kollegament tal-pulizija mal-partitarji (7).

KAPITOLU 7

7.   Strateġija ta' Komunikazzjoni u tal-Media

7.1.   Strateġija tal-Komunikazzjoni

Strateġija ta' komunikazzjoni effettiva u trasparenti hija integrali għal kunċett ta' sikurezza u sigurtà ta' suċċess għall-partiti tal-futbol, tornej u avvenimenti sportivi oħrajn b'dimensjoni internazzjonali.

L-aġenziji għaż-żamma tal-ordni tal-pajjiż ospitanti għandhom għalhekk jaħdmu mill-qrib mal-aġenziji governattivi u lokali, l-awtoritajiet/organizzaturi tal-futbol, il-media u l-gruppi tal-partitarji fit-tħejjija u t-twettiq ta' strateġija komprensiva ta' komunikazzjoni li tinvolvi diversi aġenziji.

Strateġija effettiva tal-media li tinvolvi diversi aġenziji hija aspett kruċjali ta' kwalunkwe strateġija ta' komunikazzjoni fejn jirrigwarda l-għoti lill-partijiet kollha, b'mod partikolari partitarji viżitaturi, ta' tagħrif importanti bħal pariri dwar l-ivvjaġġar, rotot ta' aċċess għall-istadium, leġislazzjoni applikabbli u livelli ta' tolleranza tal-imġiba.

L-għan ċentrali għandu jkun li tiġi proġettata stampa pożittiva tal-avveniment fost il-partitarji lokali u dawk viżitaturi, il-komunitajiet lokali, il-pubbliku ġenerali u l-individwi li jipparteċipaw fl-operazzjonijiet ta' sikurezza u sigurtà. Dan jista' jgħin biex jiġi ġġenerat ambjent akkoljenti għal dawk kollha involuti u jagħti kontribut kbir għat-tnaqqis tar-riskji għas-sikurezza u s-sigurtà.

7.2.   Strateġija tal-Media

L-istrateġija tal-media tal-pulizija (u dik usa' b'intervent minn diversi aġenziji) għandha tal-inqas ikollha l-għan li:

tipprovdi informazzjoni b'mod proattiv, miftuħ u trasparenti;

tipprovdi informazzjoni dwar it-tħejjijiet għas-sikurezza u s-sigurtà b'mod pożittiv u ta' serħan tal-moħħ;

tikkomunika l-intenzjoni tal-pulizija li tiffaċilita l-intenzjonijiet leġittimi tal-partitarji;

tiċċara liema tipi ta' mġiba mhumiex tollerati mill-pulizija;

tipprovdi informazzjoni awtorevoli dwar kwalunkwe inċident malajr kemm jista' jkun.

Il-pulizija għandhom jaħdmu mill-qrib mal-aġenziji governattivi u lokali, l-awtoritajiet/organizzaturi tal-futbol u, fejn adatt, il-gruppi tal-partitarji fl-istabbiliment u t-twettiq ta' strateġija tal-media li tinvolvi diversi aġenziji li:

tippromwovi b'mod proattiv stampa pożittiva tal-avveniment;

tiżgura li r-responsabbiltajiet jitqassmu b'mod ċar fost il-pulizija u l-aġenziji sħab f'termini ta' min imexxi l-komunikazzjoni mal-media dwar id-diversi aspetti ta' sikurezza u sigurtà (u lil hinn minn hekk);

tipprovdi sfond komuni u tagħti informazzjoni għall-kelliema kollha tal-pulizija u l-aġenziji sħab (il-materjal ta' informazzjoni għandu jiġi aġġornat regolarment biex jitqiesu t-temi jew il-mistoqsijiet rikorrenti u r-riskji jew l-avvenimenti emerġenti);

tiżgura li tiġi rilaxxata informazzjoni fattwali lill-media u/jew fuq l-Internet fuq bażi regolari fil-ġranet ta' qabel l-avveniment, matulu u warajh;

tipprovdi opportunitajiet regolari għal aġġornamenti informattivi lill-istampa/il-media;

tqis il-ħtiġijiet/interessi tal-kategoriji differenti ta' ġurnalisti/il-media.

KAPITOLU 8

8.   Laqgħat tal-Esperti tal-UE dwar is-Sikurezza u s-Sigurtà fil-Futbol

Hu rakkomandat ferm li, matul kull Presidenza tal-Kunsill tal-UE, il-Presidenza torganizza laqgħa tal-grupp ta' esperti għal avvenimenti sportivi prinċipali u li l-Presidenza tirrapporta lill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar ir-riżultat ta' dik il-laqgħa u dwar il-ħidma attwali tal-grupp ta' esperti.

Hu rakkomandat ukoll li kull Presidenza tospita laqgħa tal-Grupp ta' Riflessjoni Ewropew ta' esperti tas-sikurezza u s-sigurtà fil-futbol sabiex:

iħejji dokumentazzjoni rilevanti biex titqies mill-grupp ta' esperti għal avvenimenti sportivi prinċipali;

iħejji u jimmonitora l-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma tal-grupp ta' esperti għall-isports prinċipali;

jimmonitora xejriet/żviluppi ġodda fl-imġiba tal-partitarji u r-riskji assoċjati;

jimmonitora u jiffaċilita l-ħidma tan-netwerk Ewropew tal-NFIPs;

jikkondividi l-prattika tajba dwar il-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija u l-istrateġiji u t-tattiki għaż-żamma tal-ordni fl-avvenimenti tal-futbol;

jaħdem ma' istituzzjonijiet sħab fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta' approċċ integrat li jinvolvi diversi aġenziji għas-sikurezza, is-sigurtà u s-servizz fil-futbol; u

kwalunkwe kwistjoni oħra ta' interess u rilevanti.

KAPITOLU 9

9.   Lista ta' Dokumenti Rilevanti dwar is-Sikurezza u s-Sigurtà fl-Avvenimenti tal-Futbol

9.1.   Dokumenti adottati diġà mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

1.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 1993 dwar ir-responsabbiltà tal-organizzaturi ta' avvenimenti sportivi (10550/93).

2.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 1996 dwar linji gwida għall-prevenzjoni u t-trażżin ta' diżordni marbuta ma' partiti tal-futbol, b'format standard anness għall-iskambju ta' intelligence tal-pulizija dwar persuni li jikkommettu vjolenza marbuta mal-futbol (ĠU C 131, 3.5.1996, p. 1).

3.

Azzjoni Konġunta tas-26 ta' Mejju 1997 dwar kooperazzjoni fuq iż-żamma tal-ordni u s-sigurtà (ĠU L 147, 5.6.1997, p. 1).

4.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 1997 dwar il-prevenzjoni u t-trażżin ta' vjolenza konnessa mal-futbol permezz tal-iskambju ta' esperjenza, l-esklużjoni mill-istadiums u l-politika dwar il-media (ĠU C 193, 24.6.1997, p. 1).

5.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 1999 dwar manwal għall-kooperazzjoni tal-pulizija fuq livell internazzjonali u miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' vjolenza u diżordni konnessi ma' partiti internazzjonali tal-futbol (ĠU C 196, 13.7.1999, p. 1).

6.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2001 dwar manwal b'rakkomandazzjonijiet għall-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija u miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-vjolenza u d-diżordni marbuta ma' partiti tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali, fejn ikun involut tal-anqas Stat Membru wieħed (ĠU C 22, 24.1.2002, p. 1).

7.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' April 2002 dwar sigurtà b'konnessjoni ma' logħbiet tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali (ĠU L 121, 8.5.2002, p. 1).

8.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-Istati Membri ta' projbizzjonijiet għall-aċċess għal postijiet tal-partiti tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali (ĠU C 281, 22.11.2003, p. 1).

9.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-4 ta' Diċembru 2006 dwar manwal b'rakkomandazzjonijiet għall-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija u miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-vjolenza u d-diżordni marbuta ma' partiti tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali, fejn ikun involut tal-anqas Stat Membru wieħed (ĠU C 322, 29.12.2006, p. 1).

10.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/412/ĠAI tat-12 ta' Ġunju 2007 li temenda d-Deċiżjoni 2002/348/ĠAI dwar sigurtà b'konnessjoni ma' logħbiet tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali (ĠU L 155, 15.6.2007, p. 76).

11.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-3 ta' Ġunju 2010 li temenda manwal b'rakkomandazzjonijiet għall-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija u miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-vjolenza u d-diżordni marbuta ma' partiti tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali, fejn ikun involut tal-anqas Stat Membru wieħed (ĠU C 165, 24.6.2010, p. 1).

9.2.   Dokumenti adottati mill-Kunsill tal-Ewropa

1.

Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar approċċ integrat għal sikurezza, sigurtà u servizz f'partiti tal-futbol u avvenimenti sportivi oħra 2016

2.

Rakkomandazzjoni (2015) 1 tal-Kumitat Permanenti dwar Sikurezza, Sigurtà u Servizz f'Partiti tal-Futbol u Avvenimenti Sportivi oħra (Rakkomandazzjoni Konsolidata).


(1)  Analiżi tar-riskji tfisser l-iżvilupp ta' profil dwar partitarji nazzjonali u tal-klabbs, inkluż gruppi riskjużi u r-relazzjoni tagħhom ma' partitarji oħrajn f'pajjiżhom u barra minnu inkluż gruppi ta' popolazzjoni lokali u ċ-ċirkostanzi li jistgħu jkabbru l-potenzjal ta' riskju (inkluż interazzjoni ma' pulizija u stewards).

(2)  Il-websajt tal-NFIPs hija websajt sigura ħafna disponibbli għall-użu esklużiv tal-NFIPs li fiha informazzjoni relatata ma' partiti tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali (eż. informazzjoni ġenerali dwar il-klabbs, rapporti ta' qabel u wara l-partiti).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).

(5)  Studju li sar fl-2014 ikkonferma li l-ispejjeż medji kienu baxxi u jirrappreżentaw investiment tajjeb għar-riżorsi baġitarji tal-pulizija:

l-ispiża medja mġarrba biex tiġi ospitata delegazzjoni viżitatura kienet irrappurtata bħala EUR 282 għal kull delegazzjoni, li tkopri l-akkomodazzjoni u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar intern;

l-ispiża medja mġarrba biex tiġi skjerata delegazzjoni tal-pulizija kienet irrappurtata bħala EUR 850 għal kull delegazzjoni, li tkopri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar internazzjonali u l-ispejjeż tal-uffiċjali.

(Ara wkoll ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-ispejjeż biex jiġu ospitati u skjerati delegazzjonijiet ta' pulizija tal-pajjiż viżitatur b'rabta mal-partiti tal-futbol (u avvenimenti sportivi oħra) b'dimensjoni internazzjonali, li fihom ikun involut tal-anqas Stat Membru wieħed, imniżżla f'11908/16).

(6)  Ara l-Artikoli 21 u 22 tad-Deċiżjoni ta' Prüm dwar ir-responsabbiltà ċivili u dik kriminali.

(7)  11907/16

Appendix 1

PROTOCOL FOR THE DEPLOYMENT OF VISITING POLICE DELEGATIONS FOR FOOTBALL MATCHES WITH AN INTERNATIONAL DIMENSION

(For use when both the host and visiting States are party to the Prüm Treaty)

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

RESPONSE REGARDING VISITING POLICE DELEGATION

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Appendix 2

PROTOCOL FOR THE DEPLOYMENT OF VISITING POLICE DELEGATIONS FOR FOOTBALL MATCHES WITH AN INTERNATIONAL DIMENSION

(Version to be used when either the organising or visiting State is not party to the Prüm Treaty)

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

RESPONSE REGARDING VISITING POLICE DELEGATION

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Appendiċi 3

SPEĊIFIKAZZJONIJIET GĦAL U KAMPJUN TA' FLOKKIJIET TA' IDENTIFIKAZZJONI TAL-PULIZIJA

Dan huwa flokk li jintlibes mill-għonq u mingħajr kmiem.

Kulur: BLU TAN-NATO.

Kodiċi tal-kulur: Pantone 279C.

Marki ta' Identifikazzjoni:

Kelma waħda: POLICE (bl-Ingliż biss) imdawra b'kaxxa — pożizzjonata fiċ-ċentru tal-flokk kemm fuq quddiem kif ukoll fuq wara.

Ittri u burdura ta' POLICE: Sfond Blu tan-NATO.

Kemm l-ittri kif ukoll il-kaxxa li ddawwarhom għandhom ikunu ta' lewn fidda luminuż.

Qisien tal-kaxxa = 25 cm × 9 cm.

L-ittri POLICE:

Wisa' = 1,3 cm kull ittra.

 

Għoli = 7,5 cm.

Quddiem tal-flokk:

 

Sider Xellug ('il fuq mill-kaxxa bl-ittri POLICE): Bandiera Nazzjonali 10 cm × 7 cm — irrakkmata/meħjuta jew f'but tal-plastik.

 

Sider Lemin ('il fuq mill-kaxxa POLICE): Simbolu tal-UE 8 cm × 8 cm.

 

Taħt il-kaxxa bl-ittri POLICE għandu jkun hemm faxxa ta' lewn fidda luminuż tul in-naħa ta' quddiem tal-flokk × 5 cm wiesgħa.

Wara tal-flokk:

 

Bandiera nazzjonali 'l fuq mill-kaxxa bl-ittri POLICE: 10 cm × 7 cm.

 

Il-flokkijiet ikunu jistgħu jiġu allaċċjati permezz tal-Velcro jew qafliet tat-tip popper fuq iż-żewġ naħat.

Nota: fejn ikun possibbli, l-ispeċifikazzjoni għandha tiddeskrivi l-materjal użat għall-flokk, inkluż jekk hux reżistenti għall-ilma u għan-nar, il-kapaċità protettiva u karatteristiċi oħra.

Image

Appendiċi 4

VALUTAZZJONI DINAMIKA TAR-RISKJI U ĠESTJONI TAL-FOLOL

B'kont meħud ta':

mudell għall-valutazzjoni dinamika tar-riskju fil-kuntest ta' partiti internazzjonali tal-futbol (8241/05);

proposti dwar il-prestazzjoni tattika tal-pulizija għall-ġestjoni tal-ordni pubbliku b'rabta ma' partiti internazzjonali tal-futbol (8243/05);

l-esperjenza u t-tagħlimiet miksuba minn Euro 2004 u tornej sussegwenti;

l-evalwazzjoni tal-filosofija dwar iż-żamma tal-ordni, magħrufa komunement bħala l-approċċ 3D (djalogu, deskalazzjoni u determinazzjoni), li ġiet applikata matul Euro 2008 u tornej sussegwenti;

għandhom jiġu applikati l-konsiderazzjonijiet li ġejjin fil-valutazzjoni tar-riskji għas-sikurezza u s-sigurtà qabel, matul u wara l-avveniment.

Prinċipji Ewlenin (f'konformità mal-liġi nazzjonali)

Il-ġestjoni effettiva tal-folol kif mifhuma llum il-ġurnata tenfasizza l-importanza li:

tinżamm il-perċezzjoni fost il-parteċipanti fil-folla ta' żamma tal-ordni xierqa;

jiġi evitat l-użu tal-forza kontra l-folol inġenerali meta tkun biss minoranza li tkun qed tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku;

“profil baxx” jew approċċ tattiku “gradat” għaż-żamma tal-ordni li jtejjeb il-kapaċità tal-pulizija għal komunikazzjoni, djalogu u valutazzjoni dinamika tar-riskju.

Faċilitazzjoni

L-approċċ strateġiku għandu jkun preventiv permezz ta' intervent b'impatt baxx aktar milli repressiv;

huwa importanti li f'kull stadju ta' operazzjoni, l-istrateġija u t-tattika tal-pulizija għandhom iqisu l-intenzjonijiet leġittimi tal-partitarji u jiffaċilitawhom, dment li dawn ikunu paċifiċi (eż. biex jiċċelebraw l-identità u l-kultura tagħhom, jivvjaġġaw lejn il-post tal-avveniment sportiv u lura b'mod sikur);

jekk ikun meħtieġ li jiġu imposti limiti fuq l-imġiba tal-partitarji, huwa importanti li jkun hemm komunikazzjoni ma' dawk il-partitarji dwar ir-raġuni għalfejn tkun ittieħdet azzjoni mill-pulizija u liema mezzi alternattivi jkunu qed jistabbilixxu l-pulizija biex jinkisbu għanijiet leġittimi.

Bilanċ

Matul kwalunkwe avveniment għall-folol il-livelli ta' riskju għall-ordni pubbliku jistgħu jinbidlu malajr;

huwa importanti li jkun hemm bilanċ proporzjonat bejn l-istil tal-iskjerament tal-pulizija u l-livell, is-sorsi u n-natura tar-riskju fil-punt tal-interazzjoni bejn il-pulizija u l-folla;

huwa importanti li ż-żamma tal-ordni tkun gradata u kapaċi tinbidel b'rispons dirett għan-natura u l-livelli tar-riskju li jfeġġu u li jonqsu;

fejn jintlaħaq bilanċ, ikun aktar probabbli li l-maġġoranza tan-nies fil-folla tqis l-azzjonijiet tal-pulizija bħala adatti u anqas probabbli li tappoġġa u tassoċja ruħha ma' min ifittex il-konfrontazzjoni;

għaldaqstant, biex tonqos il-probabbiltà ta' inċidenti u l-iskala tagħhom, huwa essenzjali li l-valutazzjonijiet tar-riskju jkunu preċiżi u jinformaw lit-tattika tal-pulizija f'kull ħin.

Distinzjoni

L-użu indiskriminat tal-forza jista' jikkontribwixxi għal eskalazzjoni ġenerali fil-livelli ta' diżordni pubbliku permezz tal-interazzjoni tagħha mad-dinamika tal-folla;

id-distinzjoni bejn partitarji individwali li verament jippreżentaw periklu u dawk li ma jagħmlux dan għandha għalhekk tkun integrata f'kull deċiżjoni strateġika u tattika relatata mal-ġestjoni tal-folol (eż. taħriġ, ippjanar, aġġornamenti informattivi u prattika operattiva);

mhux adatt li tittieħed azzjoni kontra folla sħiħa li tinzerta tkun preżenti f'post partikolari, sakemm ma jkunx evidenti li qegħdin uniformement ifittxu li jipprovokaw diżordni.

Djalogu

Komunikazzjoni proattiva mal-partitarji hija importanti. Dan jinkiseb l-aħjar minn uffiċjali tal-pulizija b'ħiliet tajbin ta' komunikazzjoni;

il-mira hija li tinħoloq atmosfera akkoljenti u jiġu evitati sorsi potenzjali ta' konflitt;

dan l-approċċ jista' jgħin fil-ġbir ta' informazzjoni ta' kwalità tajba rigward intenzjonijiet, perspettivi, preokkupazzjonijiet u sensittivitajiet tal-partitarji u kwalunkwe informazzjoni oħra dwar ir-riskju potenzjali;

jippermetti wkoll li l-pulizija jikkomunikaw tħassib dwar l-imġiba tal-partitarji, ir-riskji li jistgħu jiffaċċjaw u s-soluzzjonijiet għal kwalunkwe diffikultà li tfeġġ.

Mudelli ta' prattika tajba

Qabel l-avveniment

Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tqis:

il-kultura sottostanti tal-grupp ta' partitarji li qed jiġi kkontrollat (eż. imġiba karatteristika, motivazzjonijiet u intenzjonijiet);

kwalunkwe fattur li x'aktarx jaffettwa r-riskju, eż. l-attivitajiet ta' gruppi oħra (bħal partitarji opposti u/jew komunitajiet lokali), sensittivitajiet, l-imgħoddi, u kwalunkwe ħaġa oħra ta' sinifikat partikolari (dati, postijiet, forom ta' azzjoni, simboli);

kwalunkwe ċirkostanza li x'aktarx taffettwa l-imġiba jew ir-riskji li jippreżentaw dawk il-partitarji jew gruppi meqjusa li jippreżentaw riskju għall-ordni pubbliku.

Għandhom ikunu definiti l-livelli ta' tolleranza tal-imġiba u tingħata prijorità lill-komunikazzjoni tagħhom lill-organizzazzjonijiet tal-partitarji. Għandu jiġi kkunsidrat li l-partitarji jiġu inkoraġġuti jinġabru f'ambjent sikur/ikkontrollat (eż. żona tal-partitarji).

Abbażi ta' din l-informazzjoni u l-intelligence b'rabta mal-avveniment sportiv speċifiku għandu jkun possibbli li jitbassru u ssir distinzjoni bejn l-avvenimenti sportivi ta' riskju normali u dawk ta' riskju akbar għall-ordni pubbliku.

Huwa importanti li ssir distinzjoni ċara bejn ir-riskji għal tipi speċifiċi ta' inċidenti, bħall-ordni pubbliku, is-sikurezza pubblika, il-kriminalità b'rabta ma' avvenimenti tal-massa u t-terroriżmu.

Kuntatt inizjali

Peress li l-livell ta' riskju għall-ordni pubbliku mhuwiex fiss iżda huwa dinamiku ħafna, dan jista' jiżdied u jonqos malajr skont iċ-ċirkostanzi. Il-livelli ta' riskju għandhom għalhekk ikunu mmonitorati u vvalutati b'mod preċiż fuq bażi kontinwa.

Biex dan jinkiseb:

il-pulizija għandhom jinvolvu ruħhom f'livelli għoljin ta' interazzjoni interpersonali pożittiva mal-partitarji (qagħda mhux aggressiva, tbissima, jiġu skjerati f'pari jew fi gruppi żgħar b'uniformi standard, jinfirxu b'mod wiesa' u qalb il-folol, jakkomodaw talbiet għal ritratti, eċċ.);

fejn il-lingwa ma tkunx ostaklu, l-uffiċjali għandhom jippruvaw jikkomunikaw mal-partitarji biex jiġbru informazzjoni dwar imġiba, intenzjonijiet, preokkupazzjonijiet, sensittivitajiet u kwalunkwe kwistjoni oħra relatata mal-imġiba tal-partitarji;

l-unitajiet ta' intervent (jiġifieri “skwadri kontra l-irvellijiet” b'tagħmir protettiv, vetturi, eċċ.) għandhom jinżammu f'postijiet diskreti dment li s-sitwazzjoni ma tiddeterminax li jkun meħtieġ intervent aktar robust.

Dan jgħin lill-pulizija ospitanti tiġbor informazzjoni u jinforma d-deċiżjonijiet ta' kmand rigward l-iskjerament tattiku abbażi ta' valutazzjoni kontinwa u attwali tar-riskju.

Żieda fir-riskju

Fejn jiġu identifikati ċirkostanzi li jippreżentaw riskju huwa importanti li:

jiġi kkomunikat lil dawk li qed jippreżentaw ir-riskju li l-azzjonijiet tagħhom aktarx jipprovokaw intervent tal-pulizija;

fejn l-inċident ikun jinvolvi l-partitarji viżitaturi, il-valutazzjonijiet tal-pulizija ospitanti għandhom jiġu validati mid-delegazzjoni tal-pulizija viżitatura.

Jekk il-miżuri msemmija hawn fuq ma jsolvux is-sitwazzjoni, jista' jkun meħtieġ użu ulterjuri ta' forza mill-pulizija. L-għan tal-iskjerament tal-pulizija f'dan l-istadju hu li jnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ulterjuri. Għalhekk huwa essenzjali li kwalunkwe azzjoni ma tkattarx it-tensjoni (eż. l-użu indiskriminat tal-forza). Fejn jiġi identifikat potenzjal ta' żieda fir-riskju:

huwa essenzjali li l-informazzjoni dwar il-persuni li qed joħolqu r-riskju u n-natura tiegħu tiġi kkomunikata b'mod ċar lill-iskwadri ta' intervent li jkunu qed jiġu skjerati biex kwalunkwe użu tal-forza jkun immirat kif xieraq;

min ma jippreżenta ebda riskju għandu jitħalla jitlaq mill-inħawi u/jew jingħata ħin biex jimponi “awtodixxiplina”.

Deskalazzjoni

Ladarba l-inċident(i) jkunu ġew solvuti l-livelli taż-żamma tal-ordni għandhom jerġgħu lura għal livell xieraq.

Wara l-avveniment

Għandu jitwettaq stħarriġ informattiv bir-reqqa u għandha tiġi rreġistrata mal-NFIP kwalunkwe informazzjoni rilevanti (eż. il-kwalità tal-informazzjoni li tasal qabel u matul l-avveniment, l-imġiba u l-ġestjoni tal-partitarji, it-tattika tal-pulizija u l-infurzar tal-livelli ta' tolleranza).

Appendiċi 5

KATEGORIZZAZZJONI TAL-PARTITARJI TAL-FUTBOL

Nota: Fl-ippjanar ta' bosta operazzjonijiet ta' sigurtà taż-żamma tal-ordni, ir-riskju ppreżentat minn individwi jew gruppi huwa normalment definit bħala “riskju baxx” jew “riskju għoli” minħabba l-fatt li ebda persuna ma tista' tkun garantita li ma tippreżenta “ebda riskju”. (għal spjegazzjoni aktar dettaljata ara l-ISO 31000).

Madanakollu, mill-2010 'l hawn, it-terminoloġija użata għar-riskju ppreżentat mill-partitarji b'rabta ma' partiti tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali hija “riskjuż” u “mhux riskjuż”. Din it-terminoloġija tintuża u tinftiehem fil-kontinent kollu. Hija konsistenti mar-raġunament mogħti fil-linji gwida tal-ISO, fis-sens li hu rikonoxxut li mhux possibbli li jiġi determinat minn qabel b'mod preċiż il-livell ta' riskju possibbli li individwu jista' jippreżenta jew ma jippreżentax b'rabta ma' avveniment speċifiku tal-futbol. Dan tixhdu l-esperjenza estensiva fl-Ewropa li turi li hemm firxa wiesgħa u varjabbli ta' fatturi li jistgħu jinfluwenzaw l-imġiba ta' individwu jew grupp ta' individwi waqt avveniment.

Individwi kategorizzati mill-pulizija bħala partitarji ta' ftit jew xejn riskju jistgħu f'xi okkażjonijiet ikunu pprovokati minn ċirkostanzi negattivi biex jaġixxu b'manjiera vjolenti, diżordinata jew antisoċjali. Għall-kuntrarju, l-imġiba ta' individwi identifikati bħala partitarji riskjużi tista' wkoll tkun influwenzata minn ċirkostanzi pożittivi.

Hu għalhekk li proċess ta' analiżi dinamika kontinwa tar-riskji waqt avveniment huwa prerekwiżit ta' operazzjonijiet effettivi u proporzjonati ta' żamma tal-ordni fil-futbol.

Madanakollu, għall-finijiet ta' ppjanar, jeħtieġ li l-pulizija twettaq sensiela ta' valutazzjonijiet tar-riskju. Il-kategoriji “riskjuż” u “mhux riskjuż” għandhom jiġu applikati biex jgħinu lill-pulizija fit-tħejjijiet u l-analiżi tar-riskju qabel l-avveniment. Dawn il-kategoriji għandhom ikunu akkumpanjati minn spjegazzjoni taċ-ċirkostanzi li jistgħu jipprovokaw lill-“partitarji riskjużi” jirreaġixxu b'mod negattiv matul avveniment (ara l-ispjegazzjoni u l-lista ta' kontroll ta' hawn taħt). Dawn l-ispjegazzjonijiet huma għajnuna kruċjali għal tħejjijiet effettivi taż-żamma tal-ordni.

Definizzjoni ta' Partitarju “Riskjuż”

Persuna, magħrufa jew mhix, li f'ċerti ċirkostanzi tista' tippreżenta riskju ta' diżordni pubbliku jew imġiba antisoċjali, bi pjan jew spontanjament, waqt jew b'rabta ma' avveniment tal-futbol (ara l-Appendiċi 4 dwar valutazzjoni dinamika tar-riskji). Il-lista ta' kontroll ta' hawn taħt għandha tintuża biex tindika ċ-ċirkostanzi li jistgħu jinfluwenzaw ħażin l-imġiba u jiġġeneraw riskju.

Definizzjoni ta' Partitarju “Mhux Riskjuż”

Persuna, magħrufa jew mhix, li tista' titqies li normalment tippreżenta riskju minimu, jew ebda riskju, li tikkawża jew tikkontribwixxi għal vjolenza jew diżordni, bi pjan jew spontanjament, waqt jew b'rabta ma' avveniment tal-futbol.

LISTA TA' KONTROLL TA' PARTITARJI RISKJUŻI

Elementi ta' Riskju

Kummenti ta' Sostenn

Rivalità storika bejn klabbs jew gruppi ta' partitarji

 

Intelligence ta' vjolenza potenzjali

 

Possibbiltà ta' diżordni spontanja

Possibbiltà ta' mġiba razzista jew diskriminatorja

 

Possibbiltà ta' invażjoni tal-grawnd

 

Problemi relatati mal-alkoħol

 

Użu ta' armi

 

Perċezzjoni li t-tattika tal-pulizija hi inadatta jew sproporzjonata

 

Possibbiltà ta' theddida terroristika

 

Estremiżmu politiku/użu ta' banners ipprojbiti

 

Użu mistenni ta' logħob tan-nar

 

Partitarji li jivvjaġġaw mingħajr biljetti

 

Theddid għas-segregazzjoni (eż. suq iswed jew biljetti foloz)

 

Bejgħ/użu ta' drogi illegali

 

Oħrajn

 


Top