EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2242

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2242 tad-9 ta' Diċembru 2016 li tistipula l-kummerċjalizzazzjoni temporanja ta' żerriegħa tal-varjetà ta' Hordeum vulgare L. Scrabble, li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE (notifikata bid-dokument C(2016) 8106) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE )

C/2016/8106

OJ L 337, 13.12.2016, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/2242/oj

13.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 337/22


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2242

tad-9 ta' Diċembru 2016

li tistipula l-kummerċjalizzazzjoni temporanja ta' żerriegħa tal-varjetà ta' Hordeum vulgare L. Scrabble, li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE

(notifikata bid-dokument C(2016) 8106)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta' Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(1) tagħha,

Billi:

(1)

Fi Spanja l-kwantità ta' żerriegħa ċċertifikata disponibbli tat-tieni ġenerazzjoni ta' Hordeum vulgare L. li tissodisfa l-kundizzjoni tal-punt 1(A) tal-Anness II tad-Direttiva 66/402/KEE fir-rigward tal-purità minima taż-żerriegħa hija insuffiċjenti minħabba l-problemi li seħħew matul il-proċess tal-produzzjoni tas-sena li għaddiet u għalhekk mhijiex xierqa biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta' dak l-Istat Membru.

(2)

Id-domanda għal din iż-żerriegħa ma tistax tiġi sodisfatta miż-żerriegħa minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fid-Direttiva 66/402/KEE.

(3)

Konsegwentement, Spanja għandha tiġi awtorizzata li tippermetti l-kummerċjalizzazzjoni taż-żerriegħa ta' dik il-varjetà soġġetta għal ħtiġijiet inqas stretti.

(4)

Barra minn hekk, l-Istati Membri l-oħra li jinsabu f'pożizzjoni li jipprovdu lil Spanja b'żerriegħa ta' dik il-varjetà, irrispettivament minn jekk iż-żerriegħa tkunx inħasdet fi Stat Membru jew f'pajjiż terz kopert mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE (2), għandhom ikunu awtorizzati biex jippermettu l-kummerċjalizzazzjoni ta' din iż-żerriegħa biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern u jiġi evitat it-tfixkil tiegħu.

(5)

Peress li din id-Deċiżjoni tintroduċi deroga mill-istandards tar-regoli tal-Unjoni, huwa xieraq li tiġi llimitata l-kwantità ta' żerriegħa li tikkonforma ma' rekwiżiti inqas stretti għall-minimu meħtieġ biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' Spanja. Sabiex jiġi żgurat li l-ammont totali ta' żerriegħa awtorizzat li jiġi introdott fis-suq skont din id-Deċiżjoni ma jaqbiżx il-kwantità massima koperta minn din id-Deċiżjoni, huwa xieraq li Spanja topera bħala koordinatur peress li ppreżentat it-talba rispettiva għall-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-iktar li hija mħassba dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta' dik il-varjetà.

(6)

Peress li l-istipular tad-deroga mill-istandards tar-regoli tal-Unjoni, il-kummerċjalizzazzjoni taż-żerriegħa li tikkonforma ma' rekwiżiti inqas stretti tenħtieġ li tkun temporanja sal-31 ta' Diċembru 2018, minħabba li dan iż-żmien huwa meħtieġ biex jippermetti l-produzzjoni ta' dik iż-żerriegħa u evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-varjetà konċernata.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni taż-żerriegħa ta' Hordeum vulgare L. (xgħir) tal-kategorija “żerriegħa ċċertifikata tat-tieni ġenerazzjoni” li tagħmel parti mill-varjetà Scrabble, li ma tissodisfax ir-rekwiżiti fir-rigward tal-purità tal-varjetà stabbiliti fil-punt 1(A) tal-Anness II tad-Direttiva 66/402/KEE għandha tiġi awtorizzata għal kwantità li ma taqbiżx is-6 000 tunnellata u għal perjodu li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2018, sakemm il-purità minima ma tkunx taħt is-97 %.

Artikolu 2

Kull fornitur taż-żerriegħa li jixtieq jintroduċi fis-suq iż-żerriegħa msemmija fl-Artikolu 1 għandu japplika għall-awtorizzazzjoni mill-Istat Membru li huwa stabbilit fih. L-applikazzjoni għandha tispeċifika l-kwantità ta' żerriegħa li l-fornitur ikun jixtieq jintroduċi fis-suq.

L-Istat Membru konċernat għandu jawtoriżża lill-fornitur biex iqiegħed dik iż-żerriegħa fis-suq, sakemm:

(a)

ma jkunx hemm biżżejjed evidenza biex ikun hemm dubju dwar jekk fornitur huwiex kapaċi jintroduċi fis-suq l-ammont ta' żerriegħa li jkun applika għall-awtorizzazzjoni tagħha; jew

(b)

l-għoti tal-awtorizzazzjoni ma twassalx biex tinqabeż il-kwantità massima ta' żerriegħa msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin amministrattivament fl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Spanja għandha taġixxi bħala l-Istat Membru koordinatur sabiex tiżgura li l-kwantità totali ta' żerriegħa awtorizzata għall-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni mill-Istati Membri skont din id-Deċiżjoni, ma taqbiżx il-kwantità massima ta' żerriegħa msemmija fl-Artikolu 1.

Kull Stat Membru li jirċievi applikazzjoni skont l-Artikolu 2 għandu javża minnufih lill-Istat Membru koordinatur bl-ammont kopert mill-applikazzjoni. L-Istat Membru koordinatur għandu jgħarraf minnufih lil dak l-Istat Membru dwar jekk l-awtorizzazzjoni tistax twassal biex tinqabeż il-kwantità massima.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom javżaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-kwantitajiet li tkun ingħatatilhom l-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU 125, 11.7.1966, p. 2309/66.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-pajjiżi terzi fuq l-uċuħ tar-raba' li jipproduċu ż-żerriegħa u dwar l-ekwivalenza taż-żerriegħa prodotta fil-pajjiżi terzi (ĠU L 8, 14.1.2003, p. 10).


Top