EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0590

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/590 tal-11 ta' April 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

OJ L 103, 19.4.2016, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/590/oj

19.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/590

tal-11 ta' April 2016

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 21), li saret f'Pariġi mit-30 ta' Novembru sat-12 ta' Diċembru 2015, ġie adottat it-test ta' ftehim dwar it-tisħiħ tar-rispons globali għat-theddida tat-tibdil fil-klima. Il-Ftehim ta' Pariġi ser jidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara d-data li fiha tal-inqas 55 parti għall-Konvenzjoni li b'kollox jikkostitwixxu ta' mill-inqas 55 % tal-emissjonijiet totali tal-gass b'effett ta' serra, ikunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni. Il-partijiet għall-Konvenzjoni jinkludu l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

(2)

Il-Ftehim, fost l-oħrajn, jistabbilixxi mira fit-tul skont l-objettiv biex iż-żieda fit-temperatura globali tinżamm ħafna taħt iż-2 °C aktar mil-livelli pre-industrijali u biex jitkomplew l-isforzi biex tinżamm sa 1,5 °C aktar mil-livelli pre-industrijali. Sabiex tintlaħaq din il-mira, il-Partijiet ser iħejju, jikkomunikaw u jżommu kontributi suċċessivi determinati fil-livell nazzjonali.

(3)

Fis-6 ta' Marzu 2015, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kkomunikaw il-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali tagħhom, li jipprovdi impenn għal mira vinkolanti ta' tnaqqis domestiku ta' mill-inqas 40 % fl-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra sal-2030 meta mqabbla mal-1990, kif stipulat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar il-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030.

(4)

Il-Ftehim hu miftuħ għall-iffirmar fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York mit-22 ta' April 2016 sal-21 ta' April 2017.

(5)

Il-Ftehim huwa f'konformità mal-objettivi ambjentali tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 191 tat-Trattat, jiġifieri s-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem; u l-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

(6)

Teżisti leġislazzjoni tal-Unjoni li timplimenta wħud minn dawn l-objettivi. Parti minn din il-leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni ser ikollha tiġi riveduta biex jiġu implimentati ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim.

(7)

Għalhekk, il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data iktar tard,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Pariġi għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (1) huwa b'dan awtorizzat.

L-iffirmar għandu jseħħ fi New York fit-22 ta' April 2016, jew mill-aktar fis possibbli wara.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-11 ta' April 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

M.H.P. VAN DAM


(1)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


Top