EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0517

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/517 tas- 26 ta' Marzu 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004 li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 li jistabbilixxi imposta fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

OJ L 82, 27.3.2015, p. 73–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/517/oj

27.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/73


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/517

tas-26 ta' Marzu 2015

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004 li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 li jistabbilixxi imposta fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika) (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 81(1) u 83(4), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 mill-1 ta' Jannar 2014. Madankollu, l-Artikolu 230(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li, fir-rigward tas-sistema tal-limitazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib, it-Taqsima III tal-Kapitolu III tat-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 kif ukoll l-Artikolu 55, l-Artikolu 85 tiegħu u l-Annessi IX u X tiegħu ser ikomplu japplikaw sal-31 ta' Marzu 2015.

(2)

F'kuntest ta' prezzijiet baxxi għal ħalib u diffikultajiet finanzjarji fis-settur tal-ħalib, huwa xieraq li jitnaqqas il-piż finanzjarju għall-produtturi li jkollhom iħallsu xi imposta għaż-żejjed latata mis-sena tal-kwota tal-ħalib 2014/2015 kif imsemmi fl- Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004 (3). Għalhekk huwa xieraq li l-Istati Membri jitħallew jiddeċiedu, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti, biex tiġbor l-ammont dovut skont l-iskema ta' ħlas parzjali. Madankollu l-iskema ta' ħlas parzjali applikata bla interessi tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal- Artikolu 107(1) tat-Trattat, sakemm il-pagamenti differiti ma jkunux konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fir- Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 (4).

(3)

Fejn huma applikati l-iskemi ta' pagamenti parzjali, l-iskadenzi għall-kontrolli u n-notifiki għandhom jiġu adattati kif meħtieġ biex jiżguraw li l-kontrolli u n-notifiki finali jkopru l-pagamenti differiti. L-Istati Membri għandhom jintalbu jipprovdu informazzjoni dwar l-għadd ta' benefiċjarji fl-iskema ta' ħlas parzjali u l-ammont ta' flus li ma nġabrux lura minnhom f'kull sena tal-iskema ta' ħlas parzjali. Sat-30 ta' Novembru 2015, din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli fil-kolonna (d) tat-Tabella fil-Parti 2 tar-rapport li jinsab fl-Anness IIa tar-Regolament (KE) Nru 595/2004. Sal- 30 ta' Novembru 2016 u l- 30 ta' Novembru 2017, din l-informazzjoni għandha tiddaħħal f'kolonna (i) ta' dik it-tabella, bl-indikazzjoni “l-iskema tal-ħlas parzjali”.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 595/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 595/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Qabel l-1 ta' Ottubru ta' kull sena, ix-xerrejja u, fil-każ ta' bejgħ dirett, il-produtturi responsabbli għall-imposta għandhom iħallsu lill-awtorità kompetenti l-ammont dovut skont ir-regoli stabbiliti mill-Istat Membru, ix-xerrejja huma responsabbli għall-ġbir tal-imposta żejda fuq il-kunsinni dovuti mill-produtturi skont l-Artikolu 79 tar- Regolament (KE) Nru 1234/2007, b'konformità mal-Artikolu 81(1) ta' dak ir-Regolament.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 107 sa 109 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-pagament tal-ammont dovut relatat mal-perjodu ta' 12-il xahar sa mill-1 ta' April 2014, isir fi tliet ħlasijiet parzjali annwali mingħajr interessi.

L-ewwel pagament annwali, li jirrappreżentaw mill-anqas terz tal-ammont totali dovut, għandu jsir sat-30 ta' Settembru 2015. Sat-30 ta' Settembru 2016 għandhom jitħallsu mill-inqas żewġ terzi tal-ammont totali dovut. L-ammont totali għandu jitħallas sat-30 ta' Settembru 2017.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi huma l-benefiċjarji ta' din l-iskema tal-ħlas parzjali.”

;

(2)

Fl-Artikolu 19(3), wara t-tieni subparagrafu jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“B'deroga mit-tieni subparagrafu, l-Istati Membri li japplikaw l-iskema tal-ħlas parzjali prevista fl-Artikolu 15(1) għandhom ilestu r-rapport ta' spezzjoni sa mhux aktar tard minn 42 xahar wara t-tmiem tal-perjodu ta' 12-il xahar ikkonċernat.”

;

(3)

Fl-Artikolu 27, għandu jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

“7.   L-Istati Membri li japplikaw l-iskema tal-ħlas parzjali prevista fl-Artikolu 15(1) għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sat-30 ta' Novembru 2016 u sat-30 ta' Novembru 2017 dwar in-numru ta' benefiċjarji taħt l-iskema u l-ammont li jkun għadu ma nġabarx minnhom għal kull ħlas annwali billi jitniżżel isimhom fil-kolonna (i) tat-tabella fil-Parti 2 tar-rapport stabbilit fl-Anness IIa, billi jintuża l-kumment ‘l-iskema tal-ħlas parzjali’.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Done at Brussels, is-26 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 9)

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004 tat-30 ta' Marzu 2004 li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 li jistabbilixxi imposta fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 94, 31.3.2004, p. 22).


Top