EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0479

Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2015 dwar regoli komuni għall-esportazzjoni (kodifikazzjoni)

OJ L 83, 27.3.2015, p. 34–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/479/oj

27.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/34


REGOLAMENT (UE) 2015/479 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2015

dwar regoli komuni għall-esportazzjoni

(kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1061/2009 (3) ġie emendat b'mod sostanzjali (4). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, dak ir-Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

Il-politika kummerċjali komuni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi.

(3)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli komuni għall-esportazzjoni mill-Unjoni.

(4)

L-esportazzjoni hija kważi kompletament liberalizzata fl-Istati Membri kollha. Għalhekk huwa possibbli li jkun aċċettat, bħala prinċipju tal-Unjoni, il-prinċipju li l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi mhix soġġetta għal kwalunkwe restrizzjoni kwantitattiva, ħlief għad-derogi previsti f'dan ir-Regolament u bla ħsara għal dawk il-miżuri li Stati Membi jistgħu jieħdu f'konformità mat-Trattat.

(5)

Il-Kummissjoni għandha tkun infurmata kull meta Stat Membru jikkunsidra li miżuri protettivi jistgħu ikunu meħtieġa minħabba żviluppi eċċezzjonali fis-suq.

(6)

Huwa essenzjali li jsir eżami fil-livell tal-Unjoni, b'mod partikolari fuq il-bażi ta' informazzjoni ta' dak it-tip, tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-esportazzjoni, tax-xejriet tal-esportazzjoni, tad-diversi aspetti tas-sitwazzjoni ekonomika u kummerċjali, u tal-miżuri li jkollhom jittieħdu skont il-każ.

(7)

Minn dak l-eżami jista' jsir evidenti li l-Unjoni għandha teżerċita sorveljanza fuq ċerti esportazzjonijiet, jew li jiġu introdotti miżuri protettivi interim bħala salvagwardja kontra prattiċi mhux previsti.

(8)

Kwalunkwe miżura protettiva meħtieġa mill-interessi tal-Unjoni għandha tkun adottata skont l-obbligi internazzjonali eżistenti.

(9)

Hu neċessarju li l-Istati Membri li huma marbuta b'impenji internazzjonali jiġu awtorizzati li jwaqqfu, f'każijiet ta' diffikultajiet attwali jew potenzjali ta' fornitura, sistema għall-allokazzjoni ta' prodotti taż-żejt bejn il-partijiet kontraenti biex jikkonformaw mal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw fir-rigward tal-pajjiżi terzi, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Unjoni adottati bl-istess għan. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tapplika sakemm il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw miżuri xierqa skont l-impenji li jieħdu l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha.

(10)

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti kollha, sew jekk ikunu industrijali jew agrikoli. Għandu jopera b'mod komplementarju għall-istrumenti li jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, u għall-istrumenti speċjali adottati skont l-Artikolu 352 tat-Trattat għal prodotti agrikoli proċessati. Kwalunkwe koinċidenza bejn id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet ta' dawk l-istrumenti, b'mod partikolari l-klawsoli protettivi tagħhom, għandha madanakollu tkun evitata.

(11)

L-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament jeħtieġ li jkun hemm kondizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta' miżuri protettivi. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

PRINĊIPJU BAŻIKU

Artikolu 1

L-esportazzjoni ta' prodotti mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi għandha tkun ħielsa, jiġifieri, ma għandhiex tkun soġġetta għal restrizzjonijiet kwantitattivi, bl-eċċezzjoni ta' dawk ir-restrizzjonijiet li huma applikati f'konformità ma' dan ir-Regolament.

KAPITOLU II

PROĊEDURA TA' INFORMAZZJONI U KONSULTAZZJONI TAL-UNJONI

Artikolu 2

Jekk, bħala riżultat ta' kwalunkwe żviluppi mhux tas-soltu fis-suq, Stat Membru jikkunsidra li jistgħu jkunu meħtieġa miżuri protettivi skont it-tifsira tal- Kapitolu III, hu għandu jinnotifika lill-Kummissjoni, li għandha tavża lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat dwar is-Salvagwardji, stabbilit bir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 4

Għall-iskop tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u kummerċjali f'dak li jirrigwardja prodott partikolari, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri sabiex jagħtu l-informazzjoni statistika dwar ix-xejriet tas-suq għal dak il-prodott u, għal dak l-għan, billi jaġixxu skont il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom u skont proċedura speċifikata mill-Kummissjoni, jissorveljaw l-esportazzjoni ta' prodott bħal dak. L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe passi li jkunu meħtieġa sabiex jissodisfaw it-talbiet tal-Kummissjoni u għandhom jagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra.

KAPITOLU III

MIŻURI PROTETTIVI

Artikolu 5

1.   Sabiex tkun evitata sitwazzjoni kritika li toriġina minħabba nuqqas ta' prodotti essenzjali, jew sabiex tkun rimedjata sitwazzjoni ta' dak it-tip, u meta l-interessi tal-Unjoni jitolbu intervent immedjat, il-Kummissjoni, fuq talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, u filwaqt li tqis in-natura tal-prodotti u l-karatteristiċi partikolari l-oħra tat-transazzjonijiet ikkonċernati, tista' tagħmel l-esportazzjoni ta' prodott soġġett għall-produzzjoni ta' awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni, li l-għoti tagħha għandu jkun irregolat minn dispożizzjonijiet ta' dan it-tip u fil-limiti li l-Kummissjoni tfassal f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 3(2), jew, f'każijiet ta' urġenza, skont l-Artikolu 3(3).

2.   Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri għandhom ikunu notifikati bil-miżuri meħuda. Miżuri bħal dawn għandhom jidħlu fis-seħħ immedjatament.

3.   Il-miżuri jistgħu jkunu limitati għall-esportazzjoni lejn ċerti pajjiżi jew għall-esportazzjoni minn ċerti reġjuni tal-Unjoni. Huma ma għandhomx jaffetwaw prodotti li jkunu diġà fi triqithom lejn il-fruntiera tal-Unjoni.

4.   Fejn l-intervent tal-Kummissjoni jkun intalab minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni f'konformità mal-paragrafu 1 f'perijodu massimu ta' ħamest ijiem tax-xogħol mid-data meta tirċievi t-talba.

5.   Fejn il-Kummissjoni tkun aġixxiet skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, hija għandha, sa mhux aktar tard minn 12-il jum tax-xogħol wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura li tkun ħadet, tiddeċiedi jekk tadottax miżuri xierqa kif stipulat fl-Artikolu 6. Jekk, wara sitt ġimgħat mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura, ma tkun ġiet adottata l-ebda miżura, il-miżura kkonċernata għandha titqies li tkun tħassret.

Artikolu 6

1.   Fejn meħtieġ fl-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista', filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 3(2), tadotta miżuri xierqa:

(a)

biex jiġi evitat li tqum sitwazzjoni kritika minħabba nuqqas ta' prodotti essenzjali, jew sabiex tirrimedja għal tali sitwazzjoni;

(b)

biex ikun possibbli li obbligi internazzjonali miftiehma mill-Unjoni jew mill-Istati Membri kollha jkunu issodisfati, b'mod partikolari dawk li jkollhom x'jaqsmu ma' negozju fi prodotti primarji.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu limitati għall-esportazzjoni lejn ċerti pajjiżi jew għall-esportazzjoni minn ċerti reġjuni tal-Unjoni. Huma ma għandhomx jaffetwaw prodotti li jkunu diġà fi triqithom lejn il-fruntiera tal-Unjoni.

3.   Meta jiġi introdotti restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni, għandu jkun ikkunsidrat b'mod partikolari:

(a)

il-volum tal-oġġetti esportati skont kuntratti konklużi fuq termini u kondizzjonijiet normali qabel id-dħul fis-seħħ ta' miżura protettiva skont it-tifsira ta' dan il-Kapitolu u notifikat mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni f'konformità mal-liġijiet nazzjonali tiegħu; u

(b)

il-bżonn li jkun evitat li jiġi preġudikat l-ilħuq tal-għan wara l-introduzzjoni tar-restrizzjonijiet kwantitattivi.

Artikolu 7

1.   Filwaqt li tkun fis-seħħ kwalunkwe miżura msemmija fl-Artikoli 5 u 6, il-Kummissjoni tista', jew fuq talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess:

(a)

teżamina l-effetti tal-miżura;

(b)

taċċerta jekk l-applikazzjoni tal-miżura għadhiex neċessarja.

Fejn il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni tal-miżura tkun għadha meħtieġa, hija għandha tinforma lill-Istati Membri.

2.   Fejn il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe miżura prevista fl-Artikolu 5 jew 6 għandha titħassar jew tiġi emendata, hija għandha taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 3(2).

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

Artikolu 8

Fir-rigward tal-prodotti elenkati fl-Anness I, sakemm il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw miżuri xierqa skont l-impenji internazzjonali li jidħlu fihom l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha, l-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għar-regoli adottati mill-Unjoni f'dan il-qasam, ikunu awtorizzati li jimplimentaw is-sistema ta' tqassim ta' emerġenza li tintroduċi obbligu ta' allokazzjoni fil-konfront ta' pajjiżi terzi, prevista fl-impenji internazzjonali li jidħlu fihom qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kumissjoni bil-miżuri li jkollhom il-ħsieb li jadottaw. Il-miżuri adottati għandhom jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 9

Il-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' difiża kummerċjali, li tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 22a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (7).

Artikolu 10

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet oħrajn tal-Unjoni, dan ir-Regolament ma għandux jipprevjeni l-adozzjoni jew l-applikazzjoni minn Stat Membru ta' restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni fuq il-bażi ta' moralità pubblika, ordni pubbliku jew sigurtà pubblika, jew il-ħarsien tas-saħħa u l-ħajja tal-bnedmin, tal-annimali jew tal-pjanti; il-ħarsien ta' teżori nazzjonali li jkollhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku, jew il-ħarsien ta' propjetà industrijali jew kummerċjali.

Artikolu 11

Dan ir-Regolament ma għandux jippreġudika l-operat tal-istrumenti li jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, jew tal-istrumenti speċjali adottati skont l-Artikolu 352 tat-Trattat għal prodotti agrikoli proċessati. Huwa għandu jopera b'mod komplementarju għal dawk l-istrumenti.

Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għal prodotti koperti minn tali strumenti u li fir-rigward tagħhom ir-regoli tal-Unjoni dwar negozju ma' pajjiżi terzi jagħmlu dispożizzjoni għall-applikazzjoni ta' restrizzjonijiet kwantitattivi għall-esportazzjoni. L-Artikolu 4 ma japplikax għal prodotti li fir-rigward tagħhom tali regoli jirrikjedu li tiġi ppreżentata liċenzja jew dokument ieħor għall-esportazzjoni.

Artikolu 12

Ir-Regolament (KE) Nru 1061/2009, huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 13

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  Opinjoni tal-10 ta' Diċembru 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 2015.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1061/2009 tad-19 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għall-esportazzjonjiet (ĠU L 291, 7.11.2009, p. 1).

(4)  Ara l-Anness II.

(5)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (Ara paġna 16 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).


ANNESS I

Prodotti msemmija fl-Artikolu 8

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

2709 00

Żjut tal-petroleum u żjut miksuba minn minerali tal-bitum, mhux raffinati

2710

Żjut tal-petroleum u żjut miksuba minn minerali tal-bitum, ta' xort'oħra minn dawk mhux raffinati; preparati mhux speċifikati jew inklużi mkien ieħor, li jkun fihom 70 % jew iktar skont il-piż ta' żjut tal-petroleum jew ta' żjut miksuba minn minerali bituminużi, liema iż-żjut bħala l-kostitwenti bażiċi tal-preparati; żjut għar-rimi:

2710 11 11 sa 2710 11 90

Żjut ħfief

2710 19 11 sa 2710 19 99

Żjut medji

2710 19 31 sa 2710 19 99

Żjut tqal, ħlief żjut ta' lubrikazzjoni, użati f'arloġġi u fl-arloġġi tal-polz, ippreżentati f'kontenituri żgħar li ma jkunx fihom iktar minn 250 g nett ta' żejt

2711

Gassijiet tal-petroleum u idrokarburi gassużi oħra:

Likwifikati

2711 12

– –

Propan:

– – –

Propan ta' purità ta' mhux inqas minn 99 %

– – –

Oħrajn

2711 13

– –

Butani

Fi stat gassuż:

ex 2711 29 00

– –

Oħrajn:

– – –

Propan

– – –

Butani


ANNESS II

Ir-Regolament imħassar flimkien mal-emenda għalih

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1061/2009

(ĠU L 291, 7.11.2009, p. 1)

 

Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1)

Il-punt 21biss tal-Anness


ANNESS III

Tabella ta' Korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 1061/2009

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 4

Artikolu 3

Artikolu 5

Artikolu 4

Artikolu 6

Artikolu 5

Artikolu 7

Artikolu 6

Artikolu 8

Artikolu 7

Artikolu 9

Artikolu 8

Artikolu 9a

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 12

Artikolu

Artikolu 13

Anness I

Anness I

Anness II

Anness II

Anness III

Anness III


Top