EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2186

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2186 tal-25 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi l-format għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-prodotti tat-tabakk u biex din issir disponibbli (notifikata bid-dokument C(2015) 8162) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

OJ L 312, 27.11.2015, p. 5–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/2186/oj

27.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 312/5


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2186

tal-25 ta' Novembru 2015

li tistabbilixxi l-format għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-prodotti tat-tabakk u biex din issir disponibbli

(notifikata bid-dokument C(2015) 8162)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(5) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2014/40/UE tistipula li l-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk għandhom iressqu l-informazzjoni dwar l-ingredjenti u l-emissjonijiet tal-prodotti tat-tabakk, u l-informazzjoni dwar il-volumi ta' bejgħ tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati. L-informazzjoni għandha titressaq qabel ma jitqiegħdu fis-suq prodotti ġodda jew immodifikati. Għandu jiġi stabbilit il-format tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni, u tat-tressiq tagħha għad-disponibbiltà.

(2)

Fl-iżvilupp tal-format il-ġdid għar-rappurtar tal-ingredjenti tat-tabakk, fejn rilevanti għandhom jitqiesu l-esperjenza u l-għarfien miksuba mill-formati eżistenti.

(3)

Format ta' rappurtar elettroniku komuni għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar l-ingredjenti u l-emissjonijiet tal-prodotti tat-tabakk jippermetti li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jipproċessaw, iqabblu, janalizzaw u jaslu għall-konklużjonijiet mill-informazzjoni li jirċievu. Id-dejta tgħin ukoll biex jiġu identifikati l-addittivi li jridu jiddaħħlu fl-aġġornamenti tal-lista prijoritarja msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/40/UE, jipprovdu l-bażi li fuqu jkun jista' jiġi deċiż jekk il-livelli tal-kontenuti massimi għandhomx jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 7(5) u (11) ta' dik id-Direttiva, u jiffaċilitaw l-infurzar koerenti tal-projbizzjoni fuq il-prodotti b'togħma karatteristika, kif previst fl-Artikolu 7(1) ta' dik id-Direttiva.

(4)

Huwa essenzjali li jkun hemm punt tad-dħul elettroniku komuni għall-preżentazzjoni tad-dejta, biex jiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-obbligi tar-rappurtar stabbiliti fid-Direttiva 2014/40/UE. B'mod partikolari, punt tad-dħul komuni jiffaċilita u jarmonizza l-preżentazzjoni tad-dejta, mill-manifattur jew mill-importatur, lill-Istati Membri. Is-simplifikazzjoni tal-proċess tal-preżentazzjoni tnaqqas ukoll il-piż amministrattiv għall-manifatturi, għall-importaturi u għar-regolaturi nazzjonali, u tiffaċilita t-tqabbil tad-dejta. Biex ikunu jistgħu jittellgħu bosta dokumenti, jista' jiġi stabbilit repożitorju fil-livell tal-punt tad-dħul komuni biex jippermetti referenzi għal dokumenti mhux kunfidenzjali.

Il-punt tad-dħul komuni għandu jipprevedi l-għodda għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni li tkun tajba, kemm biex isservi kumpaniji li jkollhom stabbiliti soluzzjonijiet tal-Informatika komprensivi (preżentazzjonijiet minn sistema għall-oħra), kif ukoll lill-kumpaniji li ma jkollhomx dan it-tip ta' soluzzjonijiet, b'mod partikolari l-kumpaniji żgħar u medji. Il-kumpaniji jingħataw numru ta' identifikazzjoni tal-preżentatur, li għandu jintuża mill-istess kumpanija kull darba li tippreżenta l-informazzjoni.

(5)

L-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jagħmlu l-għodda għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar l-ingredjenti u dwar l-emissjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, disponibbli għall-manifatturi u l-importaturi, biex dawn jinnotifikaw il-prodotti l-ġodda tat-tabakk qabel ma jitqiegħdu fis-suq, b'konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2014/40/UE. L-għodda tista' tiffaċilita wkoll il-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-prodotti erbali tat-tipjip, skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/40/UE, kif ukoll il-preżentazzjoni ta' informazzjoni rilevanti oħra dwar il-prodotti tat-tabakk.

(6)

Meta tkun qed terġa' tiddaħħal id-dejta, anki l-korrezzjonijiet ta' żbalji li ddaħħlu qabel, l-informazzjoni għandha tiddaħħal permezz tal-punt tad-dħul komuni.

(7)

Filwaqt li hija r-responsabbiltà sħiħa tal-Istati Membri li, skont il-bżonn, jiġbru, jivverifikaw, janalizzaw u jxandru d-dejta li tkun inġabret bi qbil ma' din id-Deċiżjoni, dawn għandu jkollhom il-possibbiltà li jżommu d-dejta li tkun tressqet lilhom f'faċilitajiet tal-Kummissjoni. Is-servizz li toffri l-Kummissjoni għandu jagħti l-għodda teknika lill-Istati Membri li tgħinhom jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/40/UE. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tiżviluppa ftehim standard tal-livelli tas-servizz. Il-Kummissjoni għandha żżomm kopja off-line tad-dejta li tkun tressqet permezz tal-punt tad-dħul komuni biex tkun applikata d-Direttiva 2014/40/UE.

(8)

Il-manifatturi u l-importaturi għandhom jiġu mfakkra biex id-dejta li jagħtu lill-Istati Membri jżommuha aġġornata. Biex it-tqabbil tad-dejta fl-Unjoni jkun faċli, l-Istati Membri għandhom ifakkru lill-manifatturi u lill-importaturi jdaħħlu l-aġġornamenti bħalma huma d-dejta dwar il-bejgħ annwali, tul l-ewwel sitt xhur tas-sena kalendarja sussegwenti. Fil-kaz li jkun hemm tibdiliet żgħar f'lottijiet tal-prodotti, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-manifatturi u lill-importaturi biex kull sena jippreżentaw l-informazzjoni dwar il-kwantitajiet reali fil-prodotti tat-tabakk, u biex iżommu din l-informazzjoni aġġornata.

(9)

Meta jkunu qegħdin jippreżentaw l-informazzjoni dwar prodotti li għandhom l-istess kompożizzjoni u tifsila, il-manifatturi u l-importaturi għandhom, kemm jista' jkun, jużaw l-istess numru ta' identifikazzjoni tal-prodott, ikunu xi jkunu l-marki tad-ditta u s-sottotip, mingħajr differenza anki jkunux fis-suq ta' Stat Membru wieħed jew ta' għadd ta' Stati Membri.

(10)

Jixraq li jiġu stabbiliti r-regoli dwar kif il-Kummissjoni għandha tittratta d-dejta kunfidenzjali biex kemm jista' jkun tkun iggarantita għall-pubbliku l-iżjed trasparenza tal-informazzjoni dwar il-prodotti filwaqt li jinżammu s-sigrieti kummerċjali. L-aspettattivi leġittmi tal-konsumaturi li jkollhom aċċess għall-informazzjoni xierqa dwar il-kontenut tal-prodotti li jkunu biħsiebhom jikkunsmaw għandhom jitqiesu flimkien mal-interessi tal-manifatturi li jipproteġu r-riċetti tal-prodotti tagħhom. Filwaqt li jitqiesu dawn l-interessi konfliġġenti, għandha tinżamm kunfidenzjali b'mod partikolari dejta li tista' tkun tikxef togħmiet użati fi kwantitajiet żgħar fi prodotti speċifiċi.

(11)

Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata skont ir-regoli u s-salvagwardji stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(12)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/40/UE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi format komuni għar-rappurtar u x-xandir ta' informazzjoni dwar l-ingredjenti fil-prodotti tat-tabakk, dwar l-emissjonijiet tagħhom u dwar il-volumi tal-bejgħ.

Artikolu 2

Il-format għall-preżentazzjoni tad-dejta

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk jagħtu l-informazzjoni dwar l-ingredjenti, l-emissjonijiet u l-volumi tal-bejgħ imsemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/40/UE, kif ukoll il-modifiki li jsiru fil-prodotti u l-irtirar mis-suq tagħhom, skont il-format previst fl-Anness.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk idaħħlu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 permezz tal-punt tad-dħul komuni għall-preżentazzjoni tad-dejta.

Artikolu 3

Il-ħżin tad-dejta

L-Istati Membri għandhom ikunu intitolati li jużaw is-servizz tal-ħżin tad-dejta li toffri l-Kummissjoni biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2014/40/UE sakemm ikunu ffirmaw ftehim mal-Kummissjoni tal-livell tas-servizz.

Artikolu 4

In-numru tal-identifikazzjoni ta' min idaħħal id-dejta

Qabel ma jippreżenta l-informazzjoni għall-ewwel darba lill-Istati Membri skont din id-Deċiżjoni, il-manifattur jew l-importatur għandu japplika għal numru tal-identifikazzjoni (ID tal-Preżentatur) li jiġi ġġenerat mill-operatur tal-punt tad-dħul komuni. Il-manifattur jew l-importatur għandu, meta jintalab, jippreżenta dokument li juri l-identità tal-kumpanija u jawtentifika l-attivitajiet tagħha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat fejn tkun stabbilita l-kumpanija. L-ID tal-Preżentatur għandha tintuża għal kull preżentazzjoni u korrispondenza sussegwenti.

Artikolu 5

In-numru tal-identifikazzjoni tal-prodott

1.   Abbażi tal-ID tal-Preżentatur imsemmija fl-Artikolu 4, il-manifattur jew l-importatur għandu jassenja ID tal-Prodotti tat-Tabakk (ID-PT) lil kull prodott li jkun se jirrapporta dwaru.

2.   Meta tingħata informazzjoni dwar prodotti tal-istess kompożizzjoni u tfassil, il-manifatturi u l-importaturi għandhom, kemm jista' jkun, jużaw l-istess ID-PT, partikolarment meta d-dejta tiddaħħal minn membri differenti ta' grupp ta' kumpaniji. Dan għandu jsir mingħajr ma jagħmlu differenza l-marka, is-sottotip u l-għadd ta' swieq li jkunu mdaħħlin fihom il-prodotti.

3.   Meta l-manifattur jew l-importatur ma jkunx jista' jiżgura li tintuża l-istess ID-PT għal prodotti bl-istess kompożizzjoni u tifsila, għandu mill-inqas jagħti kemm jista' jkun, l-ID-PT li jkunu ġew assenjati lil dawn il-prodotti.

Artikolu 6

Id-dejta kunfidenzjali u l-iżvelar tad-dejta

1.   Fil-preżentazzjoni tagħhom, il-manifatturi u l-importaturi għandhom jimmarkaw l-informazzjoni kollha li fil-fehma tagħhom tkun sigriet kummerċjali jew tkun kunfidenzjali għal xi raġuni oħra, u għandhom, jekk jintalbu, jagħtu r-raġunijiet għaliex iqisu li l-informazzjoni tkun kunfidenzjali.

2.   Meta tkun qed tuża l-informazzjoni ppreżentata biex tapplika d-Direttiva 2014/40/UE u r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), per prinċipju, il-Kummissjoni ma għandhiex tqis l-informazzjoni li ġejja bħala kunfidenzjali jew sigriet kummerċjali:

(a)

iż-żieda u l-kwantità ta' addittivi minbarra t-togħmiet, fil-prodotti tat-tabakk kollha;

(b)

iż-żieda u l-kwantità tal-ingredjenti, minbarra l-addittivi f'kwantitajiet 'il fuq minn 0,5 % tal-piż totali ta' unità tal-prodott tat-tabakk, fil-prodotti tat-tabakk kollha;

(c)

iż-żieda u l-kwantità tal-ħwawar individwali, li jintużaw f'kwantitajiet 'il fuq minn 0,1 % tal-piż totali ta' unità tal-prodott tat-tabakk, fis-sigaretti kollha u fit-tabakk kollu tat-trembil personali;

(d)

fil-każ tat-tabakk tal-pipa, tas-sigarri, tas-sigarilli, ta' prodotti tat-tabakk li ma jintużawx għat-tipjip, u kull prodott tat-tabakk ieħor, iż-żieda u l-kwantità tat-togħmiet individwali li jintużaw f'kwantitajiet 'il fuq minn 0,5 % tal-piż totali ta' unità tal-prodott tat-tabakk;

(e)

l-istudji u d-dejta li tkun ġiet ippreżentata skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2014/40/UE, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw it-tossiċità u d-dipendenza. Meta dawn l-istudji jkollhom xi rabta ma' marki partikolari, ir-referenzi kollha, espliċiti u impliċiti, għall-marka, għandhom jitneħħew, u ssir aċċessibbli verżjoni editjata.

Artikolu 7

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


ANNESSI

1.   DESKRIZZJONIJIET TAT-TAQSIMIET

Huma obbligatorji t-taqsimiet kollha fil-format komuni mmarkati b'(M).

It-taqsimiet obbligatori filtri dipendenti (F) jsiru obbligatorji jekk tintagħżel risposta speċifika f'risposta preċedenti varjabbli.

It-taqsimiet (AUTO) ġġenerati mis-sistema huma ġġenerati awtomatikament mis-sistema tas-softwer.

Fit-taqsimiet fejn ir-risposta tintagħażel minn fuq lista, it-tabelli ta' referenza korrispondenti se jingħataw, jinżammu, u jiġu ppubblikati f'sit web tal-Kummissjoni.

2.   KARATTERISTIKI TAL-PREŻENTATUR

Il-preżentatur ikun jew il-manifattur jew l-importatur li jkun responsabbli tad-dejta ppreżentata.

Attribut #

Attribut

Deskrizzjoni

Rappurtar

Il-preżentatur iqis li din l-informazzjoni hija kunfidenzjali

 

ID_Preżentatur

L-ID tal-Preżentatur hija n-numru ta' identifikazzjoni li tingħata skont l-Artikolu 4

M

 

 

Isem_Preżentatur

L-isem uffiċjali tal-preżentatur fil-livell tal-Istati Membri, marbut man-numru tal-VAT

M

 

 

SME_Preżentatur

Indikazzjoni li l-preżentatur jew, jekk ikun hemm, il-kumpanija ġenitur tiegħu, ikun jew tkun SME kif iddefinit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (1)

M

 

 

VAT_Preżentatur

In-numru tal-VAT tal-preżentatur

M

 

 

Tip_Preżentatur

Indikazzjoni dwar huwiex manifattur jew importatur il-preżentatur

M

 

 

Indirizz_Preżentatur

L-indirizz tal-preżentatur

M

 

 

Pajjiż_Preżentatur

Il-pajjiż fejn hu stabbilit il-preżentatur

M

 

 

Telefown_Preżentatur

In-numru tat-telefown tal-kumpanija tal-preżentatur

M

 

 

E-Mail_Preżentatur

L-indirizz tal-e-Mail funzjonali tal-kumpanija tal-preżentatur

M

 

 

Il-Preżentatur_Għandu_Kumpanija_Ġenitur

Immarka l-kaxxa jekk il-preżentatur huwa fergħa ta' kumpanija prinċipali

M

 

 

Preżentatur_Għandu_Kumpanija_Affiljata

Immarka l-kaxxa jekk il-preżentatur għandu kumpanija affiljata

M

 

 

Il-Preżentatur_Jaħtar_Rappreżentant

Immarka l-kaxxa jekk il-preżentatur ħatar terza parti biex tippreżenta d-dejta f'ismu (“rappreżentant”)

M

 

2.1.   Il-karatteristiki tal-kumpanija Ġenitur tal-Manifattur/Importatur

Għandha tingħata l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija ġenitur: In-numru tal-ID tal-Preżentatur, jekk għandu, l-isem uffiċjali, il-pajjiż, in-numru u l-indirizz tal-e-Mail funzjonali tan-negozju.

2.2.   Il-karatteristiki tal-kumpanija affiljata tal-Manifattur/Importatur

Għal kull kumpanija affiljata għandha tingħata l-informazzjoni li ġejja: In-numru tal-ID tal-Preżentatur, jekk għandu, l-isem uffiċjali, il-pajjiż, in-numru u l-indirizz tal-e-Mail funzjonali tan-negozju.

2.3.   Ir-rappreżentant li jirrapporta f'isem il-preżentatur

Għar-rappreżentant għandha tingħata l-informazzjoni li ġejja: In-numru tal-ID tal-Preżentatur, jekk għandu, l-isem uffiċjali, il-pajjiż, in-numru u l-indirizz tal-e-Mail funzjonali tan-negozju.

3.   IL-PREŻENTAZZJONI TAL-INFORMAZZJONI DWAR IL-PRODOTT U DESKRIZZJONI TIEGĦU — PARTI A

Attribut #

Attribut

Deskrizzjoni

Rappurtar

Il-preżentatur iqis li din l-informazzjoni hija kunfidenzjali

 

Tip_Preżentazzjoni

It-tip tal-preżentazzjoni tal-prodott

M

 

 

Data_Bidu_Preżentazzjoni

Id-data tal-preżentazzjoni tiddaħħal awtomatikament meta l-utent jippreżenta l-informazzjoni dwar il-prodott

AWTO

 

 

ID_Prodott_(ID-PT)

L-ID-PT huwa n-numru ta' identifikazzjoni tal-prodott li jintuża fis-sistema fil-format “ID tal-preżentatur-sena-numru tal-prodott” (NNNNN-NN-NNNNN), meta

 

“ID tal-preżentatur” huwa n-numru tal-ID tal-preżentatur (ara fuq),

 

“sena” hija s-sena li fiha ġiet ippreżentata d-dejta dwar il-prodott għall-ewwel darba (2 figuri)

 

“in-numru tal-prodott” huwa n-numru li l-preżentatur ikun ta lill-prodott meta jkun qed idaħħal id-dejta għall-ewwel darba

M

 

 

Jeżisti_ID_Prodott_Ieħor

Indikazzjoni dwar jekk il-preżentatur jafx bi prodott(i) ieħor/oħrajn bl-istess tfassil u kompożizzjoni li huwa kkummerċjalizzat fl-UE b'ID-PT differenti

M

 

 

ID_Prodott_Ieħor

Lista tal-ID-PT tal-prodott(i) bl-istess tifsila u kompożizzjoni magħruf(in) mill-preżentatur. Jekk l-ID-PT tal-prodott(i) ma jkunx magħruf mill-preżentatur, għandhom mill-inqas jingħataw l-isem sħiħ kummerċjali u isem/ismijiet is-sottotip u isem l-Istat(i) Membru/i fejn il-prodott(i) qiegħed/qegħdin fis-suq.

F

 

 

Jeżisti_Prodott_Bl-Istess_Kompożizzjoni

Indikazzjoni ta' jekk il-preżentatur jafx bi prodott(i) ieħor/oħrajn bl-istess proporzjon ta' ingredjenti fil-kompożizzjoni tat-taħlita tat-tabakk

M

 

 

Prodott_Ieħor_Bl-Istess_Kompożizzjoni

Lista tal-ID-PT tal-prodott(i) bl-istess proporzjon ta' ingredjenti fil-kompożizzjoni tat-taħlita tat-tabakk. Jekk l-ID-PT tal-prodott(i) ma jkunx magħruf mill-preżentatur, għandhom mill-inqas jingħataw l-isem kummerċjali u isem/ismijiet is-sottotip u isem l-Istat(i) Membru/i fejn il-prodott(i) qiegħed/qegħdin fis-suq.

F

 

 

Tip_Prodott

It-tip ta' prodott tat-tabakk ikkonċernat

M

 

 

Tul_Prodott

It-tul medju ta' unità tal-prodott f'mm

F

 

 

Dijametru_Prodott

Id-dijametru medju (imkejjel fl-eħxen punt) ta' unità tal-prodott f'mm

F

 

 

Piż_Prodott

Il-piż ta' unità waħda tal-prodott (2), li jinkludi l-umdità, f'mg

M

 

 

Piż_Prodott_Tabakk

Il-piż totali tat-tabakk f'unità waħda tal-prodott f'mg

M

 

 

Identifikazzjoni_Manifattur_Prodott

Jekk il-preżentatur ma jkunx il-manifattur, l-isem/l-ismijiet uffiċjali tal-kumpanija/i tal-manifattur(i) tal-prodott u d-dettalji ta' kuntatt tagħhom. (3)

F

 

 

Filtru_Prodott

Jekk hemmx filtru fil-prodott

F

 

 

Tul_Filtru_Prodott

It-tul tal-filtru li jinsab fil-prodott f'mm

F

 

 

Indirizz_Post_Produzzjoni_Prodott

Għal kull manifattur, l-indirizz(i) tal-post(ijiet) fejn issir il-produzzjoni kollha

M

 

 

Fajl_Tekniku_Prodott

Dokument tekniku li jagħti deskrizzjoni ġenerali tal-addittivi li jintużaw u tal-proprjetajiet tagħhom

F

 

Fajl_Riċerka_Suq_Prodott

Dejta dwar studji interni u esterni dwar ir-riċerka tas-suq u l-preferenzi ta' gruppi diversi ta' konsumaturi, fosthom iż-żgħażagħ u l-pejjiepa attwali, b'rabta mal-ingredjenti u l-emissjonijiet, li għandu l-preżentatur, kif ukoll sommarji eżekuttivi dwar kull stħarriġ tas-suq li sar mal-introduzzjoni ta' prodotti ġodda. Din għandha tiġi aġġornata jekk ikun hemm xi dejta ġdida.

M

 

3.   L-INFORMAZZJONI DWAR IL-PRODOTT IL-PREŻENTAZZJONI U D-DESKRIZZJONI — PARTI B

Meta l-prodotti jinbiegħu taħt formati differenti, jew meta l-istess prodott jinbiegħ fi Stati Membri differenti, għandhom jiddaħħlu l-varjabbli li ġejjin għal kull format u għal kull Stat Membru.

Attribut #

Attribut

Deskrizzjoni

Rappurtar

Il-preżentatur iqis li din l-informazzjoni hija kunfidenzjali

 

Isem_Ditta_Prodott

L-isem kummerċjali li bih jiġi kkummerċjalizzat il-prodott fl-Istat Membru li qed tingħatalu l-informazzjoni.

M

 

 

Isem_Kummerċjali_Sottotip_Prodott

“L-isem tas-sottotip” tal-prodott (jekk jeżisti) kif inhu kkummerċjalizzat fl-Istat Membru li qed tingħatalu l-informazzjoni dwar il-prodott

M

 

 

Data_Ħruġ_Prodott

Id-data li fiha l-preżentatur biħsiebu joħroġ jew diġà ħareġ il-prodott fis-suq

M

 

 

Indikazzjoni_Rtirar_Prodott

Indikazzjoni li l-preżentatur biħsiebu jirtira jew diġà rtira l-prodott mis-suq

M

 

 

Data_Rtirar_Prodott

Id-data li fiha l-preżentatur biħsiebu jirtira jew diġà rtira l-prodott mis-suq

F

 

 

Numru_Preżentatur_Prodott

In-numru tal-ID li jintuża internament mill-preżentatur

M

Mill-inqas wieħed minn dawk in-numri għandu jintuża b'mod konsistenti għall-preżentazzjonijiet tal-istess preżentatur.

 

 

Numru_UPC_Prodott

UPC-12 (Universal Product Code) in-numru tal-kodiċi tal-prodotti speċifiku tal-prodott

 

 

Numru__EAN_Prodott

EAN_13 jew EAN-8, (European Article Number) in-numru mogħti lil oġġett Ewropew

 

 

Numru_GTIN_Prodott

GTIN (Global Trade Identification Number) in-numru tal-identifikazzjoni kummerċjali dinji tal-prodott

 

 

Numru_SKU_Prodott

SKU (Stock Keeping Unit) in-numru(i) tal-istokkjar ta' unità/unitajiet tal-prodott

 

 

Suq_Nazzjonali_Prodott

L-Istat Membru li lilu qed tingħata l-informazzjoni dwar il-prodott li tidher hawn taħt

M

 

 

Tip_Imballaġġ_Prodott

It-tip ta' imballaġġ li jkollu l-prodott

M

 

 

Unitajiet_Imballaġġ_Prodott

L-għadd ta' unitajiet individwali tal-prodott fl-imballaġġ ta' unità

M

 

 

Piż_Nett_Pakkett_Prodott

Il-piż nett ta' pakkett wieħed f'unità tal-prodott fi g

F

 

 

Volum_Bejgħ_Prodott

Informazzjoni dwar il-volum tal-bejgħ annwali tal-prodott f'kull Stat Membru, li għandu jiġi rrappurtat kull sena f'għadd ta' unitajiet tal-prodott jew f'kilogrammi għat-tabakk sfuż

M

 

 

Dejta_Oħra_Suq_Prodott

Dejta tas-suq supplimentari li għandu l-preżentatur. Din għandha tiġi aġġornata jekk ikun hemm xi dejta ġdida

F

 

4.   DESKRIZZJONI TAL-INGREDJENTI: TABAKK

Għal kull ingredjent tat-tabakk li jintuża fil-prodott, għandhom jiddaħħlu l-varjabbli li ġejjin għal kull kumbinament ta' metodu tat-trattament tal-weraq, mat-tip ta' weraq u mat-tip tal-parti.

Attribut #

Attribut

Deskrizzjoni

Rappurtar

Il-preżentatur iqis li din l-informazzjoni hija kunfidenzjali

 

Tip_Parti_Tabakk

It-tip tal-parti tat-tabakk (4).

M

 

 

Tip_Parti_Tabakk_Ieħor

L-isem tat-tip tal-parti tat-tabakk jekk “ieħor”.

F

 

 

Parti_Tabakk_Fajl_Deskrizzjoni

Deskrizzjoni ġenerali tat-tip tal-parti mmanifatturata fir-riċetta. Id-deskrizzjoni għandha tagħti informazzjoni dettaljata dwar il-kompożizzjoni kwantitattiva u kwalitattiva tat-tabakk immanifatturat

F

 

 

Fornitur_Parti_Tabakk_Immanifatturat

Għal kull fornitur, l-isem/l-ismijiet kummerċjali uffiċjali flimkien mad-dettalji tal-kuntatt (5)

F

 

 

Tip_Weraq_Tabakk

It-tip ta' weraq tat-tabakk li jintuża

M

 

 

Tip_Werqa_Tabakk_Ieħor

L-isem jew deskrizzjoni tat-tip tal-weraq tat-tabakk jekk “ieħor” jew “mhux speċifikat”

F

 

 

Metodu_Pproċessar_Weraq_Tabakk

Il-metodu li jintuża biex jiġu pproċessati l-weraq tat-tabakk

M

 

 

Metodu_Pproċessar_Weraq_Tabakk_Ieħor

L-isem tal-metodu tal-ipproċessar li jintuża jew deskrizzjoni tiegħu jekk ikun “ieħor”.

F

 

 

Kwantità_Tabakk

Il-piż f'mg ta' kull unità tal-prodott

M

 

5.   DESKRIZZJONI TAL-INGREDJENTI: ADDITTIVI U SUSTANZI JEW ELEMENTI OĦRAJN

Attribut #

Attribut

Deskrizzjoni

Rappurtar

Il-preżentatur iqis li din l-informazzjoni hija kunfidenzjali

 

Kategorija_Ingredjenti

Il-kategorija tal-komponent tal-prodott (eż. filtri, karti eċċ.)

M

 

 

Kategorija_Ingredjenti_Oħra

Il-kategorija tal-komponent tal-prodott jekk “oħra”

F

 

 

Isem_Ingredjent

L-isem kimiku tal-ingredjent

M

 

 

CAS_Ingredjent

In-numru tal-CAS (Chemical Abstracts Service) tal-ingredjent

M

 

 

CAS_Ingredjent_Addizzjonali

Fejn japplika, numri tal-CAS addizzjonali.

F

 

 

Numru_FEMA_Ingredjent

Jekk jeżisti, in-numru tal-FEMA (Flavour and Extract Manufacturers Association) tal-ingredjent

F

Jekk ma jeżistix numru tal-CAS, għandu jiddaħħal mill-inqas wieħed minn dawn in-numri msemmijin. Jekk jiddaħħal iżjed minn numru wieħed, dawn in-numri jridu jiddaħħlu fl-ordni ta' importanza li ġejja FEMA>Addittiv>FL>KE

 

 

Numru_Ingredjent_Addittiv

Jekk l-ingredjent ikun addittiv tal-ikel, in-numru tal-addittiv tal-ikel tiegħu “Numru E” stabbilit fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6)

 

 

Numru_FL_Ingredjent

Jekk jeżisti, in-numru FL (In-numru Ewropew tal-Aromatizzant — European Flavouring — kif stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7))

 

 

Numru_KE_Ingredjent

In-numru tal-Komunità Ewropea (KE), (8) jekk jeżisti

 

 

Kwantità_Ingredjent_Tvarja

Indikazzjoni dwar tvarjax il-kwantità tal-ingredjent li jkun fihom lottijiet differenti tal-produzzjoni

M

 

 

Kwantità_Ingredient_Riċetta

Il-piż normali tal-ingredjent f'mg skont ir-riċetta, li jinsab f'unità waħda tal-prodott

M

 

 

Medda_Livell_Min_Ingredjent_Riċetta

Indikazzjoni tal-inqas piż tal-ingredjent (f'mg) f'unità waħda tal-prodott skont ir-riċetta, jekk il-kwantità ddikjarata tvarja biex tagħmel tajjeb għall-varjazzjonijiet naturali fil-weraq tat-tabakk

F

 

 

Medda_Livell_Mass_Ingredjent_Riċetta

Indikazzjoni tal-iżjed piż tal-ingredjent (f'mg) f'unità waħda tal-prodott skont ir-riċetta, jekk il-kwantità ddikjarata tvarja biex tagħmel tajjeb għall-varjazzjonijiet naturali fil-weraq tat-tabakk

F

 

 

Kwantità_Medja_Imkejla_Ingredjent

Il-piż f'mg tal-ingredjent li realment inżied f'kull unità tal-prodott waqt il-perjodu tar-rappurtar, imkejjel bħala l-medja statistika tal-kwantitajiet ta' dak l-ingredjent li jinżied ma' kull lott standard prodott

F

 

 

DS_Imkejla_Prodott

Id-devjazzjoni standard li tirriżulta mill-istatistika tal-kwantità medja tal-ingredjent li tinżied f'kull unità tal-prodott f'kull lott standard

F

 

 

Għadd_Kejl_Ingredjenti

L-għadd ta' kejliet tal-ingredjent li tqiesu

F

 

 

Funzjoni_Ingredjent

Il-funzjoni(jiet) tal-ingredjent

M

 

 

Funzjoni_Ingredjent_Oħra

Il-funzjoni tal-ingredjent jekk tkun “oħra”

F

 

 

Ingredjent_Addittiv_Ewlieni

Indikazzjoni dwar huwiex elenkat l-ingredjent fil-lista ta' ingredjenti ewlenin stabbilita skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/40/UE

M

 

 

Fajls_Ingredjent_Addittiv_Ewlieni

Kopji tar-rapport(i) li għandu/hom jinkludi/u sommarju eżekuttiv, u ħarsa ġenerali komprensiva li telenka l-letteratura xjentifika disponibbli dwar dak l-addittiv u tagħti fil-qosor id-dejta interna dwar l-effetti tal-addittiv

F

 

 

Status_Ingredjent_Mhux_Maħruq

Indikazzjoni dwar jekk l-ingredjent fi stat mhux maħruq għandux xi tossiċità magħrufa jew għandux proprjetajiet b'effetti karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni.

M

 

 

Reġistrazzjoni_REACH_Ingredjent

Jekk jeżisti, in-numru tar-reġistrazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9)

M

 

 

Hemmx_Klassifikazzjoni_CLP_Ingredjent

Indikazzjoni dwar jekk l-ingredjent ġiex ikklassifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u huwiex fl-inventarju tal-klassifikazzjoni u t-tikkettar

M

 

 

Klassifikazzjoni_CLP_Ingredjent

Il-klassifikazzjoni tal-ingredjent skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008

F

 

 

Dejta_Tossikoloġika_Ingredjent

Id-disponibbiltà ta' dejta tossikoloġika dwar sustanza, kemm meta tkun waħedha kif ukoll meta tkun f'taħlita. F'kull każ, speċifika jekk id-dejta tossikoloġika hijiex dwar is-sustanza fil-forma tagħha maħruqa jew mhux maħruqa

M

 

 

Emissjonijiet_Tossikoloġiċi_Ingredjent

L-eżistenza ta' studji li jindikaw il-kimika u/jew it-tossiċità tal-emissjonijiet

F/M

 

 

Tossiċità_CMR_Ingredjent

L-eżistenza ta' studju dwar il-karċinoġeniċità, il-mutaġeniċità jew it-tossiċità għar-riproduzzjoni, tal-ingredjent.

F/M

 

 

Tossikoloġija_Kardjopulmonari_Ingredjent

L-eżistenza ta' assaġġi in vitro li jevalwaw l-effetti tossikoloġiċi tal-ingredjent fuq il-qalb, fuq il-vażijiet jew fis-sistema respiratorja.

F/M

 

 

Tossikoloġija_Dipendenza_Ingredjent

L-eżistenza ta' analiżi tal-possibbiltà li l-proprjetajiet tal-ingredjent joħolqu dipendenza.

F/M

 

 

Tossikoloġija_Oħra_Ingredjent

L-eżistenza ta' kull dejta oħra dwar it-tossikoloġija tal-ingredjent li ma ġietx iddikjarata hawn fuq

F/M

 

 

Fajl_Tossiċità/Dipendenza_Ingredjent

Daħħal l-istudji disponibbli indikati fis-sitt attributi preċedenti (Dejta Tossikoloġika Ingredjent, Emissjonijiet, CMR, Kardjopulmonari, Dipendenza, Oħra)

F/M

 

6.   EMISSJONIJIET TNCO (QATRAN, NIKOTINA U MONOSSIDU TAL-KARBONJU) U EMISSJONIJIET OĦRAJN

Attribut #

Attribut

Deskrizzjoni

Rappurtar

Il-preżentatur iqis li din l-informazzjoni hija kunfidenzjali

 

Emissjoni_Qatran

Kemm joħroġ qatran skont l-istandard ISO 4387 bi preċiżjoni ta' kejl iddeterminata skont l-istandard ISO 8243

F

 

 

Emissjoni_Nikotina

Kemm toħroġ nikotina skont l-istandard ISO 10315 bi preċiżjoni ta' kejl skont iddeterminata skont l-istandard ISO 8243

F

 

 

Emissjoni_CO

Kemm joħroġ monossidu tal-karbonju skont l-istandard ISO 8454 bi preċiżjoni ta' kejl iddeterminata skont l-istandard ISO 8243

F

 

 

Lab_Emissjonijiet_TNCO

L-identifikazzjoni tal-laboratorju/laboratorji li ntużaw biex ikejlu l-emissjonijiet tal-qatran, tan-nikotina u tal-monossidu tal-karbonju

F

 

 

Emissjonijiet_Oħrajn_Disponibbli

Indikazzjoni dwar ġewx imkejlin emissjonijiet oħrajn (11)

M

 

 

Fajl_Metodi_Emissjoni_Oħra

Deskrizzjoni tal-metodi tal-kejl li ntużaw biex jiġu vvalutati l-emissjonijiet l-oħra.

F

 

 

Isem_Emissjoni_Oħra

L-isem kimiku tal-emissjoni l-oħra li ħarġet waqt l-ittestjar tal-prodott

F

 

 

CAS_Emissjoni_Oħra

In-numru tal-CAS (Chemical Abstracts Service) tal-emissjoni l-oħra

F

 

 

IUPAC_Emissjoni_Oħra

L-isem tal-IUPAC (l-Unjoni Internazzjonali tal-Kimika Pura u Applikata) tal-emissjoni l-oħra jekk ma jeżistix numru tal-CAS

F

 

 

Kwantità_Emissjoni_Oħra

Il-kwantità tal-emissjoni l-oħra li toħroġ waqt l-użu tal-prodott, abbażi tal-metodu tal-kejl li ntuża

F

 

 

Unitajiet_Emissjoni_Oħra

L-unitàjiet tal-kejl li bihom tkejlu l-emissjonijiet l-oħra

F

 

7.   SPEĊIFIKU GĦAS-SIGARETTI (12)

Attribut #

Attribut

Deskrizzjoni

Rappurtar

Il-preżentatur iqis li din l-informazzjoni hija kunfidenzjali

 

Togħma_Karatterizzanti_Sigarett

Klassifikazzjoni tas-sigarett li għandu togħma li tiddistingwih kif imsemmi fl-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40/UE

M

 

 

Ventilazzjoni_Filtru_Sigarett

Il-ventilazzjoni totali tal-filtru (0-100 %)

M

 

 

Tnaqqis_Pressjoni_Filtru_Sigarett_Magħluq

It-tnaqqis fil-pressjoni bit-toqob tal-arja fil-filtru magħluqin (mmH2O)

M

 

 

Tnaqqis_Pressjoni_Filtru_Sigarett_Miftuħ

It-tnaqqis fil-pressjoni bit-toqob tal-arja fil-filtru miftuħin (mmH2O)

M

 

8.   SPEĊIFIKU GĦAT-TABAKK LI MHUWIEX GĦAT-TIPJIP (JINTUŻA FIL-ĦALQ, FL-IMNIEĦER, GĦALL-MAGĦDA) (13)

Attribut #

Attribut

Deskrizzjoni

Rappurtar

Il-preżentatur iqis li din l-informazzjoni hija kunfidenzjali

 

pH_bla_Duħħan

il-pH tal-prodott

M

 

 

Kontenut_Nikotina_bla_Duħħan

Il-kontenut totali tan-nikotina f'kull unità tal-prodott

M

 

9.   SPEĊIFIKU GĦAT-TABAKK TAT-TREMBIL U TAL-PIPA (14)

Attribut #

Attribut

Deskrizzjoni

Rappurtar

Il-preżentatur iqis li din l-informazzjoni hija kunfidenzjali

 

Tabakk_Trembil_Pipa_Kontenut_Totali_Nikotina

Il-kontenut totali tan-nikotina fit-tabakk sfuż f'kull unità tal-prodott

M

 


(1)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji (traduzzjoni mhux uffiċjali) (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(2)  Unità waħda fil-każ tat-tabakk sfuż tiżen 1 g.

(3)  Għal kull manifattur għandha tingħata l-informazzjoni li ġejja: In-numru tal-ID jekk jeżisti, l-isem uffiċjali, il-pajjiż, in-numru u l-indirizz tal-e-Mail funzjonali tan-negozju

(4)  Ara d-definizzjoni ta' tabakk fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/40/UE

(5)  Għal kull fornitur għandha tingħata l-informazzjoni li ġejja: In-numru tal-ID, jekk għandu, l-isem uffiċjali, il-pajjiż, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-e-Mail funzjonali tan-negozju.

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34).

(8)  Kif maħluq bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunità Ewropea 81/437/KEE, tal-11 ta' Mejju 1981 li tistabbilixxi l-kriterji li skont dawn l-informazzjoni dwar l-inventarju ta' sustanzi kimiċi tingħata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, (ĠU L 167, 24.6.1981, p. 31).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta ' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(11)  Għal kull “emissjoni oħra” li titkejjel, għandhom jimtlew l-attributi “Emissjoni_Oħra” f'din it-taqsima.

(12)  F'din it-taqsima M u F japplikaw biss għas-sigaretti.

(13)  F'din it-taqsima M u F japplikaw biss għall-prodotti li ma jipproduċux duħħan.

(14)  F'din it-taqsima M u F japplikaw biss għat-tabakk tat-trembil u tal-pipa.


Top