EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1764

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1764 tal-1 ta' Ottubru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina

OJ L 257, 2.10.2015, p. 42–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1764/oj

2.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/42


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/1764

tal-1 ta' Ottubru 2015

li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-31 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (1) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina.

(2)

Il-Kunsill jikkunsidra li dawk il-miżuri restrittivi ma għandhomx jaffettwaw l-industrija spazjali Ewropea.

(3)

Għalhekk, għandhom ikunu permessi ċerti operazzjonijiet li jirrigwardaw pirotekniċi speċifiċi msemmija fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (2), li huma neċessarji għall-użu ta' lanċaturi operati minn fornituri ta' servizzi ta' llanċar tal-Istati Membri jew stabbiliti fi Stat Membru, jew għall-użu ta' operazzjonijiet ta' llanċar ta' programmi spazjali tal-Unjoni, tal-Istati Membri tiegħu jew tal-Aġenzija Spazjali Ewropea, jew għar-riforniment ta' satelliti minn produtturi ta' satelliti stabbiliti fi Stat Membru,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2 il-paragrafi li ġejjin huma miżjuda:

“5.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 3 ma għandhomx japplikaw għal:

(a)

il-bejgħ, il-forniment jew l-esportazzjoni, u l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasport ta' idrażin (CAS 302-01-2) f'konċentrazzjonijiet ta' 70 fil-mija jew aktar;

(b)

l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasport ta' idrażin dimetil mhux simmetriku (CAS 57-14-7),

(c)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, u l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasport ta' idrażin monometil (CAS 60-34-4),

għall-użu ta' lanċaturi operati minn fornituri Ewropej ta' servizzi ta' llanċar, jew għall-użu ta' operazzjonijiet ta' llanċar ta' programmi spazjali, jew għar-riforniment ta' satelliti minn produtturi ta' satelliti minn produtturi Ewropej ta' satelliti.

L-ammont ta' kull esportazzjoni ta' idrażin għandu jiġi kkalkolat skont l-operazzjoni jew l-operazzjonijiet ta' llanċar jew is-satelliti li għalihom ikun sar u ma għandux jeċċedi kwantità totali ta' 800 Kg għal kull operazzjoni individwali ta' llanċar jew satellita. L-ammont ta' kull esportazzjoni ta' idrażin monometil għandu jiġi kkalkolat skont l-operazzjoni jew l-operazzjonijiet ta' llanċar jew is-satelliti li għalihom ikun sar.

6.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 2 ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta' assistenza teknika, servizzi ta' intermedjazzjoni jew servizzi oħra u għall-forniment ta' finanzjamenti jew assistenza finanzjarja, relatati mal-operazzjonijiet imsemmijin fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 5.

7.   L-operazzjonijiet imsemmijin fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 5 u fil-paragrafu 6 għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom debitament jinfurmaw lill-Kunsill fil-każijiet kollha fejn huma jagħtu awtorizzazzjoni. L-informazzjoni għandha tinkludi d-dettalji tal-ammonti ttrasferiti u tal-utent finali.”.

(2)

Fl-Artikolu 9(1) is-subparagrafu li ġej huwa miżjud:

“L-Artikolu 2(6) għandu japplika mid-9 ta' Ottubru 2015.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-1 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SCHNEIDER


(1)  Deċiżjoni 2014/512/PESK tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).

(2)  ĠU C 129, 21.4.2015, p. 1.


Top