EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0346

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/346 tad- 9 ta' Frar 2015 dwar l-għoti ta' deroga mitluba mir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata bid-dokument C(2015) 542)

OJ L 60, 4.3.2015, p. 42–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/346/oj

4.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 60/42


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/346

tad-9 ta' Frar 2015

dwar l-għoti ta' deroga mitluba mir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

(notifikata bid-dokument C(2015) 542)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1) u, b'mod partikolari, it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Jekk l-ammont ta' demel li Stat Membru beħsiebu japplika għal kull ettaru fis-sena jkun differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) ta' dak is-subparagrafu, dak l-ammont għandu jiġi ffissat b'mod li ma jippreġudikax il-kisba tal-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta' dik id-Direttiva u għandu jkun iġġustifikat abbażi ta' kriterji oġġettivi, bħal staġuni twal ta' kultivazzjoni u għelejjel b'rata għolja ta' assorbiment tan-nitroġenu.

(2)

Fl-14 ta' Diċembru 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/863/KE (2) li tagħti deroga mitluba mir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq skont id-Direttiva 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, li tippermetti l-applikazzjoni ta' demel tal-bhejjem sa limitu ta' 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, b'ċerti kundizzjonijiet, f'azjendi b'mill-inqas 80 % ta' mergħat.

(3)

Fl-24 ta' Frar 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/128/UE (3), li temenda d-Deċiżjoni 2007/863/KE u li testendi d-deroga sal-31 ta' Diċembru 2014.

(4)

Id-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni 2007/863/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/128/UE kienet tikkonċerna 145 azjenda fl-2013, li jikkorrispondu għal madwar 0,59 % tal-għadd totali ta' azjendi u 0,42 % tat-total nett ta' żona agrikola.

(5)

Fl-10 ta' Ottubru 2014, ir-Renju Unit ressaq talba għal deroga għall-Irlanda ta' Fuq lill-Kummissjoni skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE.

(6)

Ir-Renju Unit għar-reġjun tal-Irlanda ta' Fuq, f'konformità mal-paragrafu 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/676/KEE, tapplika programm ta' azzjoni fit-territorju kollu tagħha.

(7)

Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu 2008–2011, juri li fir-Renju Unit għar-reġjun tal-Irlanda ta' Fuq, fir-rigward tal-ilma tal-pjan, l-istazzjonijiet ta' monitoraġġ kollha għandhom konċentrazzjonijiet medji ta' nitrati taħt il-50 mg/l u 93 % tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ għandhom konċentrazzjonijiet medji ta' nitrati taħt il-25 mg/l. Għall-ilma tal-wiċċ, l-istazzjonijiet ta' monitoraġġ kollha għandhom konċentrazzjonijiet medji ta' nitrati taħt il-25 mg/l.

(8)

F'dawn l-aħħar snin l-għadd ta' bhejjem u l-użu ta' fertilizzanti kimiċi naqsu. L-għadd ta' frat, tjur tar-rziezet u nagħaġ naqas b'5 %, 5 % u 10 % rispettivament, filwaqt li l-għadd ta' ħnieżer żdied b'4 % mill-perjodu 2004–2007 sal-perjodu 2008–2011. Il-piż medju ta' nitroġenu mid-demel tal-bhejjem fil-perjodu 2008–2011 kien ta' 117 kg/ha, bi tnaqqis ta' 6,4 % meta mqabbel mal-perjodu 2004–2007. L-eċċess medju ta' fosforu fil-perjodu 2008-2011 kien ta' 13,6 kg/ha, bi tnaqqis ta' 30,1 % meta mqabbel mal-perjodu 2004–2007. L-eċċess medju tal-fertilizzant kimiku N naqas b'18,4 % fil-perjodu 2008–2011 meta mqabbel mal-perjodu 2004–2007. L-użu medju tal-fertilizzant kimiku P naqas b'53 % fil-perjodu 2008–2011 meta mqabbel mal-perjodu 2004–2007.

(9)

Fl-Irlanda ta' Fuq, 93 % tal-art agrikola hija ddedikata għall-mergħat. B'mod ġenerali, f'azjendji tal-mergħat, 42 % taż-żona tal-art hija maħduma b'mod estensiv u għandha rata tal-irjus ta' anqas minn bhima waħda (1) għal kull ettaru u użu baxx ta' fertilizzant, 37 % tinħadem bħala parti minn programmi agro-ambjentali u 24 % biss tinħadem b'mod aktar intensiv, b'rata tal-irjus ta' żewġ (2) bhejjem għal kull ettaru jew aktar. 5 % tintuża bħala raba' maħdum. L-użu medju ta' fertilizzant kimiku fil-mergħat huwa ta' 79 kg/ha ta' nitroġenu u 5 kg/ha ta' fosforu.

(10)

L-Irlanda ta' Fuq hija kkaratterizzata b'ħafna xita u l-prevalenza ta' ħamrija li żżomm l-ilma. Minħabba t-tnixxija tal-ilma mxekkla, il-potenzjal tad-denitrifikazzjoni tal-parti l-kbira tal-ħamriji fl-Irlanda ta' Fuq huwa relattivament għoli, u dan inaqqas il-konċentrazzjoni tan-nitrati fil-ħamrija u għalhekk, l-ammont ta' nitrat li huwa suxxettibbli għat-tlissija.

(11)

Il-klima tal-Irlanda ta' Fuq, ikkaratterizzata minn inżul tax-xita mqassam indaqs matul is-sena u minn firxa kemxejn ristretta ta' temperatura, tippromwovi staġun kemxejn twil li fih jikber il-ħaxix u l-art tiġi ġestita u maħduma b'mod attiv, tvarja minn 270 jum fis-sena fl-inħawi ta' mal-kosta fil-lvant għal madwar 260 jum fis-sena fil-pjanuri ċentrali.

(12)

Il-Kummissjoni, wara li eżaminat it-talba mir-Renju Unit għar-reġjun tal-Irlanda ta' Fuq, wara li qieset il-Programm ta' Azzjoni fid-dawl tal-esperjenza miksuba mid-deroga stipulata fid-Deċiżjoni 2007/863/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/128/UE, tqis li l-ammont ta' demel tal-bhejjem propost mill-Irlanda ta' Fuq, li jikkorrispondi għal 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, mhux se jkun ta' ħsara għall-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, sakemm ikunu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet stretti.

(13)

L-informazzjoni ta' sostenn imressqa mill-Irlanda ta' Fuq tindika li l-ammont propost ta' 250 kg kull ettaru fis-sena ta' nitroġenu minn demel tal-bhejjem f'azjendi b'mill-inqas 80 % ta' mergħat hija ġustifikata abbażi kriterji oġġettivi bħalma huma staġuni twal tat-tkabbir u għelejjel b'rata għolja ta' assorbiment tan-nitroġenu.

(14)

Id-Deċiżjoni 2007/863/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/128/UE tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2014. Sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa kkonċernati jkunu jistgħu jibqgħu jibbenefikaw mid-deroga, huwa xieraq li din id-Direttiva tiġi adottata.

(15)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-deroga mitluba mir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq bl-ittra tal-10 ta' Ottubru 2014, bil-għan li tippermetti ammont ogħla ta' demel tal-bhejjem minn dak stipulat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, ingħatat, soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“azjendi tal-mergħat” tfisser azjendi fejn 80 % jew aktar taż-żona agrikola disponibbli għall-applikazzjoni tad-demel tkun ħaxix;

(2)

“bhejjem li jirgħu” tfisser frat (għajr għall-għoġġiela tal-vitella), nagħaġ, ċriev, mogħoż u żwiemel;

(3)

“ħaxix” tfisser mergħa permanenti jew mergħa temporanja (temporanja timplika art li tkun miżrugħa bil-ħaxix għal anqas minn erba' snin);

(4)

“roqgħa” tfisser għalqa individwali jew grupp ta' għelieqi, omoġenji f'dak li għandu x'jaqsam mal-għelejjel, it-tip ta' ħamrija u l-prattiki ta' fertilizzazzjoni.

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tapplika fuq bażi individwali għal azjendi tal-mergħat u soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4, 5 u 6.

Artikolu 4

Awtorizzazzjoni u impenn annwali

1.   Il-bdiewa li jridu jibbenefikaw minn deroga skont din id-Deċiżjoni għandhom kull sena jressqu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Flimkien mal-applikazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintrabtu bil-miktub li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6.

Artikolu 5

L-applikazzjoni tad-demel u fertilizzanti oħra

1.   L-ammont ta' demel tal-bhejjem li jirgħu li jiġi applikat fl-art kull sena f'azjendi tal-mergħat, inkluż dak mill-bhejjem stess, ma għandux jaqbeż l-ammont ta' demel li jkun fih 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 8.

2.   L-ammonti totali ta' nitroġenu mogħti ma għandhomx jaqbżu d-domanda prevista ta' nutriment tal-għelejjel meqjusa u għandha titqies il-provvista mill-ħamrija. L-applikazzjoni totali tan-nitroġenu għandha tkun differenzjata abbażi tar-rata tal-irjus u l-produttività tal-mergħat.

3.   Għal kull azjenda, għandu jinżamm pjan ta' fertilizzazzjoni b'deskrizzjoni tan-newba tal-għelejjel u l-applikazzjoni ppjanata ta' demel u fertilizzanti oħra. Dan għandu jkun disponibbli fl-azjenda għal kull sena kalendarja qabel l-1 ta' Marzu. Il-pjan ta' fertilizzazzjoni għandu jinkludi tal-anqas dan li ġej:

(a)

Il-pjan tan-newba tal-għelejjel, li għandu jispeċifika d-daqs tal-irqajja' bil-ħaxix u tal-irqajja' b'għelejjel oħra, inkluż skizz ta' mappa li tindika l-lok tal-irqajja' individwali;

(b)

l-għadd ta' bhejjem, deskrizzjoni tal-fond fejn jinżammu u tas-sistema tal-ħżin, inkluż il-volum ta' ħżin ta' demel disponibbli;

(c)

kalkolu tan-nitroġenu (li minnu jitnaqqas it-telf fiż-żamma fil-fond u l-ħażna) u l-fosforu mid-demel li jiġi prodott fl-azjenda;

(d)

l-ammont, it-tip u l-karatteristiki tad-demel imwassal barra l-azjenda jew lill-azjenda;

(e)

ir-rekwiżiti prevedibbli tal-għelejjel tan-nitroġenu u l-fosforu għal kull roqgħa;

(f)

ir-riżultati tal-analiżi tal-ħamrija b'rabta mal-istatus tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija, jekk ikunu disponibbli;

(g)

in-natura tal-fertilizzant li għandu jintuża;

(h)

il-kalkolu tal-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosforu mid-demel fuq kull roqgħa;

(i)

il-kalkolu tal-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosforu mid-demel fuq kull roqgħa.

Il-pjan ta' fertilizzazzjoni għandu jiġi rivedut sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn dan il-pjan u l-prattiki agrikoli reali.

4.   Kull bidwi għandu jżomm il-kontijiet tal-fertilizzazzjoni, inkluża l-informazzjoni marbuta mal-ġestjoni tal-għoti ta' nitroġenu u fosforu u l-ġestjoni tal-ilma maħmuġ. Dawn għandhom jitressqu quddiem l-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja.

5.   Għal kull azjenda tal-mergħat li tibbenefika minn deroga, il-bidwi għandu jaċċetta li l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1), il-pjan ta' fertilizzazzjoni u l-kontijiet tal-fertilizzazzjoni jistgħu jkunu soġġetti għal kontroll.

6.   L-analiżi perjodika tan-nitroġenu u l-fosforu fil-ħamrija għandha ssir minn kull bidwi li jingħata d-deroga għal fertilizzazzjoni preċiża.

L-analiżi u t-teħid ta' kampjuni, fir-rigward tan-newba tal-għelejjel u l-karatteristiki tal-ħamrija, għandhom jitwettqu tal-anqas darba kull erba' snin għal kull żona omoġenja tal-azjenda.

Għandha ssir tal-anqas analiżi waħda għal kull ħames ettari ta' art agrikola.

Ir-riżultati tal-analiżi tan-nitroġenu u l-fosforu fil-ħamrija għandhom ikunu disponibbli fl-azjenda li tibbenefika minn deroga.

7.   Id-demel tal-bhejjem ma għandux jitferrex fil-ħarifa, qabel il-kultivazzjoni tal-ħaxix.

8.   Għal kull azjenda tal-mergħat li tibbenefika minn deroga, il-bidwi għandu jiżgura li l-bilanċ tal-fosforu, ikkalkulat skont il-metodoloġija stabbilita mill-awtorità kompetenti, ma jaqbiżx eċċess ta' 10 kg ta' fosforu għal kull ettaru fis-sena.

Artikolu 6

Il-ġestjoni tal-art

1.   Tmenin fil-mija jew aktar taż-żona disponibbli għall-applikazzjoni tad-demel fl-azjendi għandha tkun ikkultivata bil-ħaxix.

2.   Il-bdiewa li jibbenefikaw minn deroga individwali għandhom iwettqu l-miżuri li ġejjin:

(a)

il-mergħat temporanji għandhom jinħartu fir-rebbiegħa;

(b)

il-ħaxix maħrut fuq it-tipi kollha ta' ħamrija għandu jiġi segwit minnufih b'għelejjel b'domanda għolja ta' nitroġenu;

(c)

in-newba tal-għelejjel ma għandhiex tinkludi pjanti leguminużi jew pjanti oħrajn li jirranġaw in-nitroġenu atmosferiku.

3.   Il-punt c tat-tieni paragrafu, madanakollu, ma għandux japplika għas-silla fil-mergħat b'anqas minn 50 % ta' silla u għal pjanti leguminużi oħra li jinżergħu flimkien mal-ħaxix.

Artikolu 7

Miżuri oħra

Din id-deroga għandha tiġi applikata bla preġudizzju għall-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ma' leġiżlazzjoni oħra ambjentali tal-UE.

Artikolu 8

Monitoraġġ

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li mapep li juru l-perċentwal ta' azjendi ta' mergħat, il-perċentwal ta' bhejjem u l-perċentwal ta' art agrikola koperti b'deroga individwali għal kull distrett, kif ukoll il-mapep dwar l-użu tal-art lokali jitħejjew u jiġu aġġornati kull sena.

2.   Il-monitoraġġ għandu jitwettaq fuq il-ħamrija, l-ilma tal-wiċċ u l-ilma tal-pjan sabiex tinġabar dejta dwar il-konċentrazzjoni tan-nitroġenu u l-fosforu fl-ilma tal-ħamrija, dwar in-nitroġenu minerali fil-profil tal-ħamrija u l-konċentrazzjoni tan-nitrati fl-ilma tal-pjan u fl-ilma tal-wiċċ, kemm jekk taħt kundizzjonijiet ta' deroga kif ukoll jekk le. Il-monitoraġġ għandu jitwettaq fuq l-iskala tal-mergħa tal-azjenda u f'żoni ta' qbid ta' baċini agrikoli. Is-siti ta' monitoraġġ għandhom jinkludu t-tipi ta' ħamrija, il-livelli ta' intensità, il-prattiki ta' fertilizzazzjoni u l-għelejjel ewlenin.

3.   Għandu jitwettaq monitoraġġ tal-ilma aktar intensiv għal żoni ta' qbid ta' baċini agrikoli li jinsabu qrib il-korpi tal-ilma l-aktar vulnerabbli.

4.   Stħarriġiet dwar l-użu tal-art lokali, in-newba tal-għelejjel u prattiki agrikoli għandhom jitwettqu fuq azjendi li jibbenefikaw minn derogi individwali. Informazzjoni u dejta miġbura mill-analiżi ta' nutrijenti msemmija fl-Artikolu 5(6) u l-monitoraġġ kif imsemmi fil-Paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jintużaw għal kalkoli bbażati fuq mudelli ta' kemm hu kbir it-telf ta' nitrati u ta' fosforu mill-azjendi li jibbenefikaw minn deroga.

Artikolu 9

Kontrolli

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet kollha għal deroga jitressqu għall-kontroll amministrattiv. Meta l-kontroll juri li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6 ma ġewx issodisfati, l-applikant għandu jiġi mgħarraf b'dan. F'dan il-każ, l-applikazzjoni għandha titqies miċħuda.

2.   Għandu jkun stabbilit programm ta' spezzjonijiet fuq il-post ibbażat fuq l-analiżi tar-riskji, ir-riżultati tal-kontrolli tas-snin ta' qabel u r-riżultati ta' kontrolli aleatorji ġenerali tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE. L-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom ikopru mill-anqas 5 % tal-azjendi li jibbenefikaw minn deroga individwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6 ta' din id-Deċiżjoni. Fejn il-verifika tindika nuqqas ta' konformità, il-bidwi għandu jiġi mgħarraf b'dan. Din l-informazzjoni għandha titqies fid-deċiżjoni dwar it-talba għal deroga għas-sena ta' wara.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mad-deroga mogħtija skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Rappurtar

L-awtoritajiet kompetenti, kull sena sa Ġunju, għandhom iressqu rapport li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(1)

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li mapep li juru l-perċentwal ta' azjendi ta' mergħat, il-perċentwal ta' bhejjem u l-perċentwal ta' art agrikola koperti b'deroga individwali għal kull distrett, kif ukoll il-mapep dwar l-użu tal-art, msemmija fl-Artikolu 8(1);

(2)

ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma tal-pjan u l-ilma tal-wiċċ, fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitrati, inkluża l-informazzjoni dwar ix-xejriet fil-kwalità tal-ilma, kemm jekk bil-kundizzjonijiet ta' deroga kif ukoll jekk le, flimkien mal-impatt tad-deroga fuq il-kwalità tal-ilma, kif imsemmi fl-Artikolu 8(2);

(3)

ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ħamrija fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitroġenu u l-fosforu fl-ilma tal-ħamrija u dwar in-nitroġenu minerali fil-profil tal-ħamrija, kemm jekk bil-kundizzjonijiet ta' deroga kif ukoll jekk le, kif imsemmi fl-Artikolu 8(2);

(4)

sommarju u evalwazzjoni tad-dejta miksuba mill-monitoraġġ tal-ilma intensifikat imsemmi fl-Artikolu 8(3);

(5)

ir-riżultati tal-istħarriġiet dwar l-użu lokali tal-art, in-newba tal-għelejjel u l-prattiki agrikoli, kif imsemmi fl-Artikolu 8(4);

(6)

ir-riżultati ta' kalkoli abbażi ta' mudelli ta' kemm hu kbir it-telf tan-nitroġenu u tal-fosforu minn azjendi li jibbenefikaw minn deroga individwali, kif imsemmi fl-Artikolu 8(4);

(7)

evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-deroga, abbażi ta' kontrolli fil-livell tal-azjenda u informazzjoni dwar l-azjendi li mhumiex konformi, abbażi tar-riżultati tal-kontrolli amministrattivi u fuq il-post, kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) u (2).

Artikolu 11

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-kuntest tal-SR 2014 Nru 307 — Regolamenti għall-Programm ta' Azzjoni dwar in-Nitrati (l-Irlanda ta' Fuq) 2014.

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2018.

Artikolu 12

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u lill-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-14 ta' Diċembru 2007 li tagħti deroga mitluba mir-Renju Unit rigward l-Irlanda ta' Fuq skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni ta' l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 337, 21.12.2007, p. 122).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2007/863/KE li tagħti deroga mitluba mir-Renju Unit rigward l-Irlanda ta' Fuq skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 51, 25.2.2011, p. 21).


Top