EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0253

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/253 tas- 16 ta' Frar 2015 li tistipula r-regoli rigward il-kampjunar u r-rappurtar skont id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE fir-rigward tal-kontentut tal-kubrit tal-fjuwils marittimi

OJ L 41, 17.2.2015, p. 55–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/253/oj

17.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 41/55


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/253

tas-16 ta' Frar 2015

li tistipula r-regoli rigward il-kampjunar u r-rappurtar skont id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE fir-rigward tal-kontentut tal-kubrit tal-fjuwils marittimi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta' April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi u li temenda d-Direttiva 93/12/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1b) u l-Artikolu 7(1a) tagħha,

Billi:

(1)

L-implimentazzjoni u l-infurzar kosteffiċjenti u koerenti tad-Direttiva 1999/32/KE huwa ta' prijorità kbira biex jinkisbu l-benefiċċji ambjentali u tas-saħħa projettati tagħha li jirriżultaw minn tnaqqis fl-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit użat fit-tbaħħir, u b'hekk tiġi promossa kompetizzjoni ġusta u żieda fis-sostenibbiltà tat-trasport marittimu.

(2)

Sabiex jiġu implimentati l-Artikoli 3a, 4a, u 4b tad-Direttiva 1999/32/KE b'mod effettiv, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw kampjunar preċiż u frekwenti b'mod suffiċjenti ta' fjuwils marittimi ikkunsinjati lill-basimenti jew użati abbord il-bastimenti, inkluż spezzjonijiet tal-ġurnal ta' abbord tal-bastimenti u n-noti tal-kunsinna tal-bunker.

(3)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 1999/32/KE jitlob lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jivverifikaw billi jikkampjunaw il-kontenut tal-kubrit tal-fjuwil marittimu li jkun qed jintuża għall-kombustjoni abbord f'żoni tal-baħar u portijiet rilevanti. F'dan il-kuntest, il-kampjunar b'mod ġenerali għandu jiġi interpretat li jkopri l-metodi kollha ta' verifika tal-konformità stabbiliti fl-Artikolu 6(1a)(a), (b) u (c) ta' dik id-Direttiva.

(4)

Il-kampjunar fiżiku tal-fjuwil marittimu li jintuża bil-għan li tiġi vverifikata l-konformità għandu jitwettaq jew billi jittieħed u jiġi analizzat kampjun fuq il-post tal-fjuwil mis-sistema tas-servizz tal-fjuwil tal-bastiment, jew billi jiġu analizzati l-kampjuni tal-bunker issiġillati u rilevanti abbord il-bastiment.

(5)

Il-frekwenza tal-kampjunar għandha tiġi ddeterminata abbażi tan-numru ta' bastimenti individwali li jkunu deħlin fi Stat Membru, il-verifika tad-dokumentazzjoni tal-bastiment, l-użu ta' teknoloġiji tal-immirar alternattivi biex jiġi żgurat sehem ġust mill-piż fost l-Istati Membri u kosteffiċjenza kif ukoll twissijiet speċifiċi dwar bastimenti individwali.

(6)

Il-kampjunar tal-fjuwils marittimi waqt li jkunu qed jingħataw lill-bastimenti għandu jkun immirat għall-fornituri tal-fjuwils marittimi li b'mod ripetut instab li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjoni ddikjarata fuq in-nota ta' kunsinna tal-bunker, waqt li jitqies il-volum tal-fjuwils marittimi kkummerċjalizzati mill-fornitur.

(7)

Sabiex jimplimentaw id-Direttiva 1999/32/KE b'mod kosteffiċjenti, l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jikkonformaw mal-frekwenza ta' kampjunar minn bastimenti magħżula għall-verifika tal-konformità tal-fjuwil skont il-mekkaniżmi nazzjonali tal-immirar abbażi tar-riskju jew l-użu ta' teknoloġiji ta' verifika tal-konformità innovattivi, u li jaqsmu l-informazzjoni miġbura ma' Stati Membri oħra.

(8)

Sistema tal-informazzjoni tal-Unjoni ddedikata, żviluppata u fdata f'idejn l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, disponibbli għall-Istati Membri mill-1 ta' Jannar 2015, għandha sservi ta' pjattaforma għar-reġistrar u l-iskambju ta' informazzjoni dwar ir-riżultati tal-verifiki ta' konformità individwali skont id-Direttiva 1999/32/KE. L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jużaw is-sistema, li tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għar-razzjonalizzazzjoni u l-ottimizzar tal-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti ta' dik id-Direttiva.

(9)

Sabiex ma jiġix impost piż amministrattiv sproporzjonat fuq l-Istati Membri mingħajr kosta, fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom jew fuq il-fornituri tal-fjuwil marittimu tagħhom, ċerti dispożizzjonijiet ma għandhomx japplikaw għal dawk l-Istati Membri.

(10)

Ir-rappurtar ma għandux iqis l-aħjar użu tat-teknoloġiji kollha disponibbli u tal-ogħla livell sabiex il-piż amministrattiv jinżamm baxx kemm jista' jkun, filwaqt li l-flessibbiltà titħalla għal dawk l-Istati Membri li jaf jippreferu jirrappurtaw b'mod aktar tradizzjonali. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jużaw is-sistema tal-informazzjoni tal-Unjoni biex jissodisfaw l-obbligi tar-rappurtar annwali rilevanti skont id-Direttiva 1999/32/KE.

(11)

L-Istati Membri jistgħu jużaw il-mekkaniżmu tal-immirar abbażi tar-riskju integrat fis-sistema tal-informazzjoni tal-Unjoni, mhux aktar kmieni mill-1 ta' Jannar 2016, u skont id-disponibbiltà tad-dejta komuni kondiviża rigward il-verifiki tal-konformità u l-kampjunar tal-kubrit, biex jipprijoritizzaw il-verifika tal-fjuwil tal-bastimenti b'mod kosteffiċjenti.

(12)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 1999/32/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistipula r-regoli rigward il-metodi tal-kampjunar u l-frekwenza tagħhom skont id-Direttiva 1999/32/KE fir-rigward tal-kontentut tal-kubrit tal-fjuwils marittimi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Tank tal-fjuwil” tfisser tank li minnu jittieħed il-fjuwil biex iħaddem il-makkinarju tal-kombustjoni downstream bil-fjuwil-żejt;

(2)

“Sistema tas-servizz tal-fjuwil” tfisser is-sistema li tappoġġa d-distribuzzjoni, il-filtrazzjoni, il-purifikazzjoni u l-provvista tal-fjuwil mit-tankijiet tal-fjuwil għall-makkinarju tal-kombustjoni bil-fjuwil-żejt;

(3)

“Rappreżentant tal-bastiment” tfisser il-kaptan jew uffiċjal tal-bastiment responsabbli mill-fjuwils marittimi li jkunu qed jintużaw u mid-dokumentazzjoni, u li hu mistenni wkoll jaqbel dwar l-għażla tal-punt tal-kampjunar tal-fjuwil alternattiv;

(4)

“Spettur tal-kubrit” tfisser persuna awtorizzata kif suppost mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru biex tivverifika l-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/32/KE;

(5)

“Sistema tal-informazzjoni tal-Unjoni” tfisser sistema li tuża dejta ta' waqfa f'port ta' bastimenti individwali f'SafeSeaNet, is-sistema tal-ġestjoni tal-informazzjoni stabbilita bl-Artikolu 22a tad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (“SafeSeaNet”), biex tirreġistra u tiskambja informazzjoni dwar ir-riżultati ta' verifiki ta' konformità individwali skont id-Direttiva 1999/32/KE, u mħaddma mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima. Mekkaniżmu tal-immirar abbażi tar-riskju tal-Unjoni jiġi żviluppat abbażi ta' dawk ir-riżultati ta' verifiki ta' konformità individwali u s-sejbiet assoċjati skont id-Direttiva 1999/32/KE.

Artikolu 3

Frekwenza tal-kampjunar tal-fjuwils marittimi li jintużaw abbord il-bastimenti

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu spezzjonijiet tal-ġurnali ta' abbord il-bastimenti u n-noti tal-kunsinna tal-bunker ta' mill-anqas 10 % tan-numru totali ta' bastimenti individwali li jagħmlu waqfa fl-Istat Membru rilevanti kull sena.

In-numru totali ta' bastimenti individwali li jagħmlu waqfa fl-Istat Membru għandu jikkorrispondi mal-medja tan-numru ta' bastimenti tat-tliet snin preċedenti kif irrappurtat permezz ta' SafeSeaNet.

2.   Mill-1 ta' Jannar 2016, il-kontenut tal-kubrit tal-fjuwil marittimu li jintuża abbord għandu jiġi vverifikat permezz ta' kampjunar jew analiżi, jew it-tnejn li huma, għal mill-anqas il-perċentwal li ġej tal-bastimenti spezzjonati msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

40 % fi Stati Membri li jmissu kompletament ma' Żoni tal-Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Ossidi tal-Kubrit (SECAs);

(b)

30 % fi Stati Membri li jmissu parzjalment ma' Żoni tal-Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Ossidi tal-Kubrit;

(c)

20 % fi Stati Membri li ma jmissux ma' Żoni tal-Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Ossidi tal-Kubrit.

Mill-1 ta' Jannar 2020, fl-Istati Membri li ma jmissux maż-Żoni tal-Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Ossidi tal-Kubrit, il-kontenut ta' kubrit tal-fjuwil marittimu li jintuża abbord għandu jiġi vverifikat permezz ta' kampjunar jew analiżi, jew it-tnejn li huma, ta' 30 % tal-bastimenti spezzjonati msemmija fil-paragrafu 1.

L-Istati Membri jistgħu jikkonformaw mal-frekwenzi speċifikati f'dan il-paragrafu billi jagħżlu bastimenti skont il-mekkaniżmi tal-immirar abbażi tar-riskju nazzjonali u abbażi ta' bastimenti individwali rrappurtati fis-sistema tal-informazzjoni tal-Unjoni.

3.   L-għadd ta' bastimenti individwali kkalkulat skont il-paragrafu 2 li għandu jiġi vverifikat permezz tal-kampjunar jew l-analiżi jew it-tnejn li huma jista' jiġi aġġustat, iżda mhux imnaqqas b'aktar minn 50 %:

(a)

billi jitnaqqas l-għadd ta' bastimenti individwali li għalihom in-nuqqas ta' konformità huwa vverifikat bl-użu ta' teknoloġiji ta' telerilevament jew metodi ta' analiżi ta' skenjar rapidu; jew

(b)

billi jiġi stabbilit numru xieraq meta l-verifiki tad-dokument skont il-paragrafu 1 jiwettqu abbord mill-anqas 40 % tal-bastimenti individwali li jagħmlu waqfa fl-Istat Membru rilevanti kull sena.

L-aġġustament imsemmi fil-punti (a) u (b) għandu jiġi rrappurtat fis-sistema tal-informazzjoni tal-Unjoni.

4.   Mill-1 ta' Jannar 2016, minflok jikkonforma mal-frekwenza annwali stipulata fil-paragrafi 1, 2 u 3, Stat Membru jista' japplika frekwenza annwali ta' kkampjunar fuq il-bażi tal-mekkaniżmu tal-immirar abbażi tar-riskju tal-Unjoni.

5.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għar-Repubblika Ċeka, għal-Lussemburgu, għall-Ungerija, għall-Awstrija u għas-Slovakkja.

Artikolu 4

Frekwenza tal-kampjunar tal-fjuwils marittimi waqt li jkunu qed jiġu kkunsinjati lill-bastimenti

1.   Skont l-Artikolu 6(1a)(b) tad-Direttiva 1999/32/KE u waqt li jqisu l-volum tal-fjuwils marittimi kkunsinjati, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-kampjunar u l-analiżi tal-fjuwils marittimi waqt li dawn ikunu qed jiġu kkunsinjati lill-bastimenti minn dawk il-fornituri ta' fjuwils marittimi rreġistrati f'dawk l-Istati Membri li nstab li mill-anqas tliet darbiet fi kwalunkwe sena jkunu kkunsinjaw fjuwil li ma jikkonformax mal-ispeċifikazzjoni ddikjarata fuq in-nota ta' kunsinna tal-bunker abbażi tar-rappurtar fis-sistema tal-informazzjoni tal-Unjoni jew fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 7.

2.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għar-Repubblika Ċeka, għal-Lussemburgu, għall-Ungerija, għall-Awstrija u għas-Slovakkja.

Artikolu 5

Metodi ta' kampjunar għall-verifika għall-kontenut tal-kubrit fil-fjuwil marittimu li jkun qed jintuża abbord

1.   Skont l-Artikolu 3, meta l-kontenut tal-kubrit fil-fjuwils marittimi li jkunu qed jintużaw abbord jiġi vverifikat, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-approċċ fi stadji li ġej għall-verifika tal-kampjunar u l-konformità tal-istandards tal-kubrit:

(a)

l-ispezzjoni tar-reġistri li jinżammu abbord il-vapuri u n-noti ta' kunsinna tal-bunker;

(b)

wieħed mill-mezzi ta' kampjunar jew analiżi li ġejjin, jew it-tnejn li huma, kif xieraq:

(i)

analiżi tal-kampjuni tal-bunker issiġillati abbord bastimenti li jakkumpanjaw in-nota ta' kunsinna tal-bunker li jkunu ttieħdu skont ir-Regolament 18(8.1) u (8.2) tal-Anness VI għal MARPOL;

(ii)

kampjunar fuq il-post abbord tal-fjuwils marittimi għal kombustjoni abbord skont l-Artikolu 6 segwit minn analiżi.

2.   Fl-aħħar tal-verifika u l-analiżi tal-kontenut tal-kubrit, l-ispettur tal-kubrit għandu jirreġistra d-dettalji tal-ispezzjoni u s-sejbiet speċifiċi għall-fjuwil f'konformità mat-tip ta' informazzjoni mitluba msemmija fl-Artikolu 7(a).

Artikolu 6

Kampjunar fuq il-post abbord

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-kampjun fuq il-post abbord ta' fjuwil marittimu permezz ta' kampjun fuq il-post uniku jew multiplu fuq il-post fejn ikun imwaħħal il-valv bil-għan li jittieħed kampjun fis-sistema tas-servizz tal-fjuwil, kif indikat fuq is-sistema tal-pajpijiet tal-fjuwil tal-bastiment jew il-pjan ta' arranġament u kif approvat mill-Amministrazzjoni tal-Bandiera jew l-Organizzazzjoni Rikonoxxuta li taġixxi f'isimha.

2.   Fin-nuqqas tal-post imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt ta' kampjunar tal-fjuwil għandu jkun il-post fejn hu mwaħħal il-valv bil-għan li jittieħed kampjun, u għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikun aċċessibbli faċilment u b'mod sigur;

(b)

iqis il-gradi tal-fjuwil differenti li jkunu qed jintużaw għall-parti tal-makkinarju tal-kombustjoni fjuwil-żejt;

(c)

ikun downstream mill-fjuwil li jkun qed jintuża mit-tank tal-fjuwil;

(d)

ikun l-eqreb l-aktar fattibbli u possibbli għad-daħla tal-fjuwil tal-parti tal-makkinarju ta' kombusjtoni fjuwil-żejt, waqt li jqis it-tipi ta' fjuwil, ir-rata tal-fluss, it-temperatura, u l-pressjoni wara l-punt ta' kampjunar magħżul;

(e)

jiġi propost mir-rappreżentant tal-bastiment u aċċettat mill-ispettur tal-kubrit.

3.   L-Istati Membri jistgħu jieħdu kampjun fuq il-post f'aktar minn post wieħed fis-sistema tas-servizz tal-fjuwil biex jiddeterminaw jekk hemmx kontaminazzjoni kroċjata tal-fjuwil possibbli fin-nuqqas ta' sistemi tas-servizz tal-fjuwil segregati kompletament, jew fil-każ ta' ftehimiet multipli tat-tankijiet tas-servizz.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kampjun fuq il-post jinġabar f'kontenitur tal-kampjunar li minnu jistgħu jimtlew tal-anqas tlitt ifliexken tal-kampjuni li huma rappreżentattivi tal-fjuwil marittimu li jkun qed jintuża.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li:

(a)

l-fliexken tal-kampjuni jkunu ssiġillati mill-ispettur tal-kubrit b'mezz ta' identifikazzjoni uniku installat fil-preżenza tar-rappreżentant tal-bastiment;

(b)

li żewġt ifliexken tal-kampjuni jittieħdu fuq l-art għall-analiżi;

(c)

li r-rappreżentant tal-bastiment iżomm flixkun tal-kampjuni għal perjodu ta' mhux anqas minn 12-il xahar mid-data tal-ġbir.

Artikolu 7

Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapport annwali

Ir-rapport annwali li għandu jitressaq mill-Istati Membri lill-Kummissjoni rigward il-konformità mal-istandards tal-kubrit għall-fjuwils marittimi għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru totali annwali u t-tip ta' nuqqas ta' konformità tal-kontenut tal-kubrit imkejjel fil-fjuwil eżaminat, inkluż il-limitu tan-nuqqas ta' konformità tal-kontenut tal-kubrit individwali u l-kontenut medju tal-kubrit iddeterminat wara l-kampjunar u l-analiżi;

(b)

in-numru totali annwali tal-verifiki tad-dokumenti, inkluż in-noti ta' kunsinna tal-bunker, il-post tal-bunkering tal-fjuwil, il-kotba fejn jinżammu r-rekords taż-żejt, il-ġurnali ta' abbord, il-proċeduri tal-punt ta' bidla tal-fjwuil, u r-rekords;

(c)

talbiet ta' nuqqas ta' disponibbiltà ta' fjuwils marittimi kif imsemmi fl-Artikolu 4a (5b) tad-Direttiva 1999/32/KE, inkluż id-dettalji tal-bastiment, il-port tal-bunkering u l-Istat Membru fejn kien hemm in-nuqqas ta' disponibbiltà, l-għadd ta' talbiet li saru mill-istess bastiment, u t-tip ta' bunker mhux disponibbli.

(d)

notifiki u ittri ta' protesta kontra l-fornituri tal-fjuwils marittimi fit-territorju tagħhom fir-rigward tal-kontenut ta' kubrit fil-fjuwils;

(e)

lista li tinkludi l-isem u l-indirizz tal-fornituri tal-fjuwil marittimu kollha fl-Istat Membru rilevanti;

(f)

id-deskrizzjoni tal-użu tal-metodi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet alternattivi inkluż il-provi li saru u monitoraġġ kontinwu tal-emissjonijiet, jew fjuwils alternattivi u verifiki tal-konformità tal-ksib kontinwu tat-tnaqqis ta' ossidi tal-kubrit skont l-Annessi I u II tad-Direttiva 1999/32/KE ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru;

(g)

fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-mekkaniżmi tal-immirar abbażi tar-riskju nazzjonali, inkluż twissijiet speċifiċi, u l-użu u l-eżitu tat-telerilevament u teknoloġiji oħra disponibbli għall-ipprijoritizzar ta' bastimenti individwali għall-verifika tal-konformità;

(h)

numru totali u tip ta' proċeduri ta' ksur mibdija jew penali, jew it-tnejn li huma, l-ammont ta' multi imposti mill-awtorità kompetenti kemm fuq l-operaturi tal-bastimenti u l-fornituri tal-fjuwils marittimi;

(i)

għal kull bastiment individwali, wara l-ispezzjoni tal-ġurnali ta' abbord u n-noti ta' kunsinna tal-bunker jew il-kampjunar jew it-tnejn li huma:

(i)

dettalji tal-bastiment, inkluż in-numru IMO, it-tip, kemm għandu żmien u tunnaġġ il-bastiment;

(ii)

rapporti dwar il-kampjunar u l-analiżi, inkluż in-numru u t-tip ta' kampjuni, il-metodi ta' kampjunar użati, u l-postijiet ta' kampjunar, għall-verifika tal-konformità tat-tip ta' bastiment;

(iii)

l-informazzjoni rilevanti dwar in-noti ta' kunsinna tal-bunker, il-post tal-bunkering tal-fjuwil, il-kotba fejn jinżammu r-rekords taż-żejt, il-ġurnali ta' abbord, il-proċeduri tal-punt ta' bidla, u r-rekords;

(iv)

azzjoni ta' infurzar u proċeduri legali mibdija fil-livell nazzjonali, jew penali, jew it-tnejn li huma, kontra dak il-bastiment individwali.

Artikolu 8

Format tar-rapport

1.   L-Istati Membri jistgħu jużaw is-sistema tal-informazzjoni tal-Unjoni biex jirreġistraw direttament fis-sistema wara l-verifika d-dettalji u s-sejbiet rilevanti kollha speċifiċi għall-fjuwil, inkluż informazzjoni relatata mal-kampjunar.

2.   Stat Membru li juża s-sistema tal-informazzjoni tal-Unjoni biex jirreġistra, jiskambja u jaqsam dejta dwar il-verifika tal-konformità jista' juża l-kompilazzjoni aggregata annwali tal-isforzi ta' infurzar ipprovduti mis-sistema ta' informazzjoni tal-Unjoni biex jissodisfa l-obbligi ta' rappurtar tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 1999/32/KE.

3.   Stati Membri li ma jkunux qed jużaw is-sistema tal-informazzjoni tal-Unjoni jistgħu jew jiffaċilitaw il-konnessjoni bejn is-sistema tal-informazzjoni tal-Unjoni u s-sistema nazzjonali tagħhom li tista' tal-anqas tirreġistra, fejn applikabbli, l-istess oqsma bħal dawk fis-sistema tal-informazzjoni tal-Unjoni, jew jirrappurtaw b'mod elettroniku rigward l-oġġetti kollha msemmija fl-Artikolu 7.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 121, 11.5.1999, p. 13.

(2)  Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).


Top