Help Print this page 

Document 32014R1254

Title and reference
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1254/2014 tal- 11 ta' Lulju 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali Test b'rilevanza għaż-ŻEE
  • In force
OJ L 337, 25.11.2014, p. 27–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/1254/oj
Languages, formats and link to OJ
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html HR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
PDF pdf BG pdf ES pdf CS pdf DA pdf DE pdf ET pdf EL pdf EN pdf FR pdf HR pdf IT pdf LV pdf LT pdf HU pdf MT pdf NL pdf PL pdf PT pdf RO pdf SK pdf SL pdf FI pdf SV
Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal
 To see if this document has been published in an e-OJ with legal value, click on the icon above (For OJs published before 1st July 2013, only the paper version has legal value).
Multilingual display
Text

25.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 337/27


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1254/2014

tal-11 ta' Lulju 2014

li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta' ttikkettar u l-informazzjoni standard dwar il-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2010/30/UE tistipula li l-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati għat-tikkettar ta' prodotti marbutin mal-enerġija-. L-atti delegati għandhom jiġu adottati f'każijiet fejn il-prodotti jirrappreżentaw potenzjal sostanzjali għall-iffrankar enerġetiku u fejn dawn jippreżentaw differenzi kbar fil-livelli ta' prestazzjoni għalkemm ikollhom funzjonalità ekwivalenti u l-ebda leġiżlazzjoni jew awtoregolamentazzjoni oħra tal-Unjoni ma tkun mistennija tilħaq l-għanijiet ta' politika iktar malajr jew bi spiża iżgħar mir-rekwiżiti obbligatorji.

(2)

Il-Kummissjoni vvalutat l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi ta' unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali. Il-valutazzjoni wriet li l-enerġija li tintuża mill-unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali tammonta għal parti sinifikanti mid-domanda totali tad-djar fl-Unjoni Ewropea għall-enerġija. Diġà nkiseb titjib fl-effiċjenza enerġetika ta' dawk il-prodotti, iżda hemm lok sostanzjali għal aktar tnaqqis fil-konsum tal-enerġija ta' unitajiet ta' dan it-tip. Il-valutazzjoni kkonfermat ukoll li hemm differenza wiesgħa fil-livelli ta' prestazzjoni, u ma sabet ebda ftehimiet ta' awtoregolamentazzjoni jew volontarji li jistgħu jiksbu l-objettivi tal-politika.

(3)

Unitajiet ta' ventilazzjoni żgħar b'potenza input ta' elettriku ta' inqas minn 30 W għal kull fluss tal-arja għandhom jiġu eżentati mill-ambitu ta' dan ir-Regolament. Dawn l-unitajiet huma ddisinjati għal ħafna applikazzjonijiet differenti, u fil-biċċa l-kbira joperaw b'mod intermittenti u b'funzjonijiet supplimentari biss, pereżempju fi kmamar tal-banju. L-inklużjoni ta' dawk l-unitajiet ta' ventilazzjoni għandha tirrappreżenta piż amministrattiv konsiderevoli f'termini ta' sorveljanza tas-suq minħabba l-bejgħ kbir ta' unitajiet, filwaqt li tikkontribwixxi biss sehem żgħir tal-potenzjal għall-iffrankar ta' enerġija. Madankollu, peress li joffru funzjonalitajiet similari għal dawk ta' unitajiet oħra ta' ventilazzjoni, l-inklużjoni possibbli tagħhom għandha tiġi indirizzata bl-istess mod fil-valutazzjoni ta' dan ir-Regolament. L-unitajiet ta' ventilazzjoni mhux residenzjali (NRVUs) għandhom jiġu esklużi mit-tikkettar minħabba li dawn il-prodotti jintgħażlu minn min jiddisinja l-bini u mill-periti, u li huma fil-biċċa l-kbira tagħhom indipendenti mill-imġiba tal-konsumaturi u mill-imġiba tas-suq. Anki unitajiet ta' ventilazzjoni li jkunu ġew iddisinjati b'mod speċifiku biex jaħdmu għal finijiet ta' emerġenza jew f'ambjenti eċċezzjonali jew perikolużi biss għandhom ikunu eżentati, għaliex dawn jintużaw f'każijiet rari u għal żmien qasir. L-eżenzjonijiet jiċċaraw ukoll il-fatt li unitajiet multifunzjonali li fil-biċċa l-kbira jintużaw għat-tisħin jew għat-tkessiħ huma esklużi, kif inhuma esklużi wkoll l-estratturi tal-apparat kollu tal-kċina. Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet armonizzati dwar it-tikkettar u l-informazzjoni standard dwar il-prodott fir-rigward tal-konsum tal-enerġija speċifiku tal-unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali sabiex il-manifatturi jkollhom inċentivi biex itejbu l-effiċjenza enerġetika ta' dawn l-unitajiet, u sabiex l-utenti aħħarin jiġu mħeġġa jixtru prodotti li jkunu effiċjenti fil-konsum tal-enerġija u jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-suq intern.

(4)

Minħabba li l-livell ta' qawwa tal-ħoss ta' unità ta' ventilazzjoni residenzjali jista' jkun fattur importanti li jikkunsidraw il-konsumaturi, it-tikketta għandha tinkludi informazzjoni dwaru.

(5)

L-effett ikkombinat ta' dan ir-Regolament u tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1253/2014 (2) huwa mistenni li jżid l-iffrankar aggregat b'1 300 PJ (45 %) sa 4 130 PJ fl-2025.

(6)

It-tagħrif mogħti fuq it-tikketta għandu jinkiseb permezz ta' metodi affidabbli, preċiżi u riproduċibbli li jqisu l-metodi tal-kejl u tal-kalkolu l-aktar avvanzati rrikonoxxuti, inklużi, fejn ikunu disponibbli, standards armonizzati adottati mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

(7)

Dan ir-Regolament għandu jispeċifika r-rekwiżiti dwar id-disinn u l-kontenut uniformi għat-tikketta, kif ukoll dawk dwar id-dokumentazzjoni teknika u l-iskeda. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll rekwiżiti fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fil-każ ta' kwalunkwe tip ta' bejgħ mill-bogħod, reklamar u materjali tekniċi promozzjonali għal unitajiet ta' ventilazzjoni, minħabba li l-importanza tal-informazzjoni murija lill-konsumaturi finali permezz tal-Internet qed tiżdied,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti dwar it-tikkettar enerġetiku għal unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali.

2.   Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali li huma:

(a)

unidirezzjonali (dħul jew ħruġ tal-arja) b'potenza input ta' elettriku ta' inqas minn 30 W;

(b)

speċifikati esklussivament bħala li jitħaddmu f'atmosferi potenzjalment esplożivi kif stabbilit fid-Direttiva 94/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

(c)

speċifikati esklussivament bħala li jitħaddmu f'użu ta' emerġenza, għal perjodi qosra ta' żmien, u bħala li huma konformi mar-rekwiżiti bażiċi għal xogħlijiet ta' bini fir-rigward tas-sigurtà f'każ ta' nirien kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

(d)

huma speċifikati esklussivament bħala:

(i)

meta t-temperatura ta' tħaddim tal-arja li tkun qed tiġi mmexxija tkun ogħla minn 100 °C;

(ii)

meta t-temperatura tal-ambjent tal-mutur li jħaddem il-fann, jekk dan il-mutur ma jkunx fil-fluss tal-arja, tkun ogħla minn 65 °C waqt it-tħaddim;

(iii)

li jitħaddmu meta t-temperatura tal-arja li tkun qed tiġi mmexxija jew it-temperatura tal-ambjent tal-mutur waqt it-tħaddim, jekk dan il-mutur ma jkunx fil-fluss tal-arja, tkun ta' inqas minn – 40 °C;

(iv)

meta l-provvista tal-vultaġġ taqbeż 1 000 V AC jew 1 500 V DC;

(v)

f'ambjenti tossiċi, korrużivi ħafna jew li jieħdu n-nar malajr, jew f'ambjenti li jkollhom sustanzi li joborxu;

(e)

li jinkludu skambjatur tas-sħana jew pompa tas-sħana għall-irkupru tas-sħana, jew li jippermettu t-trasferiment jew l-estrazzjoni tas-sħana bħala funzjoni addizzjonali għas-sistema tal-irkupru tas-sħana, bl-eċċezzjoni tat-trasferiment tas-sħana għall-protezzjoni mill-ġlata jew għat tneħħija tas-silġ;

(f)

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2014 (6).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“unità ta' ventilazzjoni (VU)” tfisser tagħmir li jaħdem bl-elettriku li huwa mgħammar b'mill-inqas skrun wieħed, mutur wieħed u b'ħawsing estern, maħsub biex jissostitwixxi l-arja użata b'arja minn barra f'bini jew f'parti minn bini;

(2)

“unità ta' ventilazzjoni residenzjali” (RVU) tfisser unità ta' ventilazzjoni li fil-każ tagħha

(a)

ir-rata tal-fluss massima ma taqbiżx il-250 m3/h;

(b)

ir-rata tal-fluss massima hija ta' bejn 250 u 1 000 m3/h, u li fil-każ tagħha l-manifattur jiddikjara li l-użu maħsub tagħha huwa esklussivament wieħed ta' ventilazzjoni residenzjali;

(3)

“rata tal-fluss massima” hija r-rata massima tal-fluss volumetriku tal-arja iddikjarata ta' unità ta' ventilazzjoni li tista' tinkiseb permezz ta' kontrolli integrati jew kontrolli separati li jiġu fornuti b'mod konġunt, f'kundizzjonijiet ambjentali standard (20 °C) u f'101 325 Pa, meta l-unità tkun ġiet installata bis-sħiħ (eż. tkun mgħammra b'filtri nodfa) u skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur, għal unitajiet b'ventijiet ir-rata tal-fluss massima hija relatata mal-fluss tal-arja b'100 Pa ta' differenza fil-pressjoni statika esterna, filwaqt li għal unitajiet mingħajr ventijiet, ir-rata tal-fluss massima hija relatata mal-fluss tal-arja bid-differenza fil-pressjoni esterna totali li tista tinkiseb u li għandha tintgħażel minn sett ta' valuri ta' 10 (minimu) -20-50-100-150-200-250 Pa, liema minnhom hija ugwali għal jew eżatt taħt il-valur tad-differenza mkejla fil-pressjoni;

(4)

“unità ta' ventilazzjoni unidirezzjonali (UVU)” tfisser unità ta' ventilazzjoni li tipproduċi fluss ta' arja f'direzzjoni waħda biss, jew minn ġewwa għal barra (ħruġ) jew minn barra għal ġewwa (dħul) fejn il-fluss tal-arja prodott b'mod mekkaniku jkun ibbilanċjat bi dħul jew ħruġ naturali tal-arja;

(5)

“unità ta' ventilazzjoni bidirezzjonali (BVU)” tfisser unità ta' ventilazzjoni li tipproduċi fluss ta' arja minn ġewwa għal barra (ħruġ) u li hija mgħammra kemmb'fannijiet għad-dħul kif ukoll b'fannijiet għall-ħruġ tal-arja.

(6)

“mudell ekwivalenti ta' unità ta' ventilazzjoni” tfisser unità ta' ventilazzjoni bl-istess karatteristiċi tekniċi skont ir-rekwiżiti applikabbli fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-prodott, iżda li tqiegħdet fis-suq bħala mudell ta' unità ta' ventilazzjoni differenti mill-istess manifattur, rappreżentant jew importatur awtorizzat.

Fl-Anness I qed jingħataw iktar definizzjonijiet għall-għanijiet tal-Annessi II sa IX.

Artikolu 3

Responsabbiltajiet tal-fornituri

1.   Fornituri li jqiegħdu fis-suq unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti li ġejjin jibdew jiġu ssodisfati mill-1 ta' Jannar 2016:

(a)

kull unità ta' ventilazzjoni residenzjali għandu jkollha magħha tikketta stampata fil-format stabbilit fl-Anness III, u din għandha tinkludi l-informazzjoni stabbilita fl-istess Anness III; it-tikketta għandha mill-inqas tiġi pprovduta fl-imballaġġ tal-unità. Għal kull mudell ta' unità ta' ventilazzjoni residenzjali għandha tkun magħmula disponibbli għan-negozjanti tikketta elettronika fil-format stabbilit fl-Anness III, li tinkludi fuqha l-informazzjoni stabbilita fl-istess Anness III;

(b)

għandha tkun disponibbli skeda tal-prodott kif stipulat fl-Anness IV. L-iskeda għandha tiġi pprovduta mill-inqas fl-imballaġġ tal-unità. Għal kull mudell ta' unità ta' ventilazzjoni residenzjali għandha tkun magħmula disponibbli għan-negozjanti skeda elettronika tal-prodott, kif stipulat fl-Anness IV. Din għandha tkun magħmula disponibbli wkoll fuq siti tal-Internet b'aċċess mingħajr ħlas;

(c)

dokumentazzjoni teknika kif stipulat fl-Anness V għandha tkun magħmula disponibbli fuq talba għall-awtoritajiet tal-Istati Membri u għall-Kummissjoni;

(d)

għandhom ikunu magħmula disponibbli l-istruzzjonijiet għall-użu;

(e)

kull reklam għal mudell speċifiku ta' unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali li jiżvela informazzjoni marbuta mal-enerġija jew mal-prezz għandu jinkludi l-klassi speċifika tal-konsum tal-enerġija ta' dak il-mudell;

(f)

kull materjal tekniku promozzjonali li jikkonċerna mudell speċifiku ta' unità ta' ventilazzjoni residenzjali li jiddeskrivi l-parametri tekniċi speċifiċi tiegħu jiddikjara l-klassi speċifika tal-konsum ta' enerġija ta' dak il-mudell.

2.   Mill-1 ta' Jannar 2016, l-unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali li jitqiegħdu fis-suq għandhom jiġu pprovduti b'tikketta mfassla skont il-format stabbilit fil-punt 1 tal-Anness III jekk ikunu unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali unidirezzjonali, u b'tikketta mfassla skont il-format stabbilit fil-punt 2 tal-Anness III, jekk ikunu unitajiet ta' ventilazzjoni bidirezzjonali.

Artikolu 4

Responsabbiltajiet tal-bejjiegħa

Il-bejjiegħa għandhom jiżguraw li:

(a)

kull unità ta' ventilazzjoni, fil-punt tal-bejgħ, ikollha fuqha t-tikketta pprovduta mill-fornituri skont l-Artikolu 3(1)(a) fuq il-faċċata jew fuq il-wiċċ ta' fuq tat-tagħmir, b'tali mod li tkun tidher b'mod ċar;

(b)

unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali offruti għall-bejgħ, kiri jew xiri bin-nifs-fejn l-utent finali ma jkunx mistenni jara l-prodott għall-wiri għandhom jiġu kkummerċjalizzati bl-informazzjoni mogħtija mill-fornituri skont l-Anness VI, ħlief fejn l-offerta ssir permezz tal-Internet, f'liema każ għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Anness VII;

(c)

kull reklam għal mudell speċifiku ta' unità ta' ventilazzjoni residenzjali li jiżvela informazzjoni marbuta mal-enerġija jew mal-prezz għandu jinkludi referenza għall-klassi speċifika tal-konsum ta' enerġija tal-unità;

(d)

kwalunkwe materjal tekniku promozzjonali dwar mudell speċifiku li jiddeskrivi l-parametri tekniċi ta' unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali għandu jinkludi l-klassi speċifika tal-konsum ta' enerġija tal-unità tal-mudell, kif ukoll l-istruzzjonijiet għall-użu mogħtija mill-fornitur.

Artikolu 5

Metodi ta' kejl

Għall-finijiet ta' informazzjoni li għandha tingħata skont l-Artikoli 3 u 4, il-klassi speċifika tal-konsum ta' enerġija tal-unità għandha tiġi ddeterminata skont it-tabella li tinsab fl-Anness II. Il-konsum ta' enerġija speċifiku, il-konsum annwali ta' elettriku, l-iffrankar ta' tisħin, ir-rata massima tal-fluss u l-livell ta' qawwa tal-ħoss għandhom jiġu kollha ddeterminati skont il-metodi ta' kejl u ta' kalkolu kif stabbilit fl-Anness VIII, u għandhom iqisu l-metodi tal-kejl u tal-kalkolu l-aktar avvanzati rrikonoxxuti.

Artikolu 6

Proċedura ta' verifika għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq

Meta jivvalutaw il-konformità tal-unità ta' ventilazzjoni, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura stipulata fl-Anness IX.

Artikolu 7

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku li jkun sar u għandha tippreżenta r-riżultati ta' din ir-reviżjoni lill-Forum ta' Konsultazzjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2020.

Ir-reviżjoni għandha tivvaluta b'mod partikolari l-inklużjoni possibbli ta' unitajiet oħra ta' ventilazzjoni, b'mod partikolari dik ta' unitajiet mhux residenzjali, unitajiet b'potenza input totali ta' elettriku ta' inqas minn 30 W, u l-kalkolu u l-klassijiet speċifiċi tal-konsum tal-enerġija fir-rigward ta' unitajiet ta' ventilazzjoni unidirezzjonali u bidirezzjonali b'domanda kkontrollata.

Artikolu 8

Entry into force

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1253/2014 tas-7 ta' Lulju 2014 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għal unitajiet ta' ventilazzjoni (Ara paġna 8 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(4)  Id-Direttiva 94/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Marzu 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-tagħmir u sistemi ta' protezzjoni maħsuba għall-użu f'atmosferi potenzjalment esplussivi (ĠU L 100, 19.4.1994, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5).

(6)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2014 tal- 1 ta' Ottubru 2013 li jissupplimenta lid-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħol it-tikkettar enerġetiku tal-fran domestiċi u l-estratturi tal-kukers Test b'relevanza għaż-ŻEE (ĠU L 29, 31.1.2014, p. 1).


ANNESS I

Definizzjonijiet li japplikaw għall-Annessi II sa IX

(1)

“konsum tal-enerġija speċifiku (SEC)” (espress f'kWh/(m2.a)) tfisser koeffiċjent li jesprimi l-enerġija kkonsmata għall-ventilazzjoni għal kull m2 ta' erja ta' art imsaħħna f'dar jew f'bini f'[kWh/m2.a], ikkalkulat għal RVUs b'konformità mal-Anness VIII;

(2)

“livell ta' qawwa tal-ħoss (LWA)” tfisser il-livell tal-potenza tal-ħoss b'ponderazzjoni “A” li joħroġ mill-ħawsing espress f'decibels (dB) b'referenza għall-potenza tal-ħoss ta' picowatt (1pW), trażmess mill-arja bil-fluss tal-arja ta' referenza;

(3)

“trażmissjoni b'veloċitajiet differenti” tfisser mutur b'fann li jista' jitħaddem fi tliet veloċitajiet fissi jew aktar, u li jkollu wkoll funzjoni ta' veloċità żero (“off”);

(4)

“trażmissjoni b'veloċità varjabbli (VSD)” tfisser kontrollur elettroniku integrat, jew li jiffunzjona bħala sistema waħda jew bħala unità separata ta' forniment mal-mutur u l-fann, li jadatta l-enerġija elettrika mogħtija lill-mutur tal-elettriku b'mod kontinwu, sabiex jikkontrolla r-rata tal-fluss;

(5)

“sistema għall-irkupru tas-sħana (HRS)” tfisser dik il-parti ta' unità ta' ventilazzjoni bidirezzjonali mgħammra bi skambjatur tas-sħana ddisinjat biex jittrasferixxi s-sħana li tinsab fl-arja (ikkontaminata) tal-egżost għal ġol-arja (friska) li tkun qed tiġi fornuta;

(6)

“effiċjenza termali ta' HRS residenzjali (ηt)” tfisser il-proporzjon bejn iż-żieda fit-temperatura tal-arja li qed tiġi fornuta u t-telf ta' temperatura tal-arja li tkun qed tiġi espulsa, it-tnejn li huma mqabbla mat-temperatura tal-arja esterna u mkejla f'kundizzjonijiet tal-HRS nexfin, u f'kundizzjonijiet tal-arja standard, bi fluss tal-massa bbilanċjat, f'rata tal-fluss ta' referenza,differenza ta' 13 K, ebda korrezzjoni għal żieda fi sħana termali mill-muturi tal-fannijiet;

(7)

“rata ta' tnixxija interna” tfisser il-frazzjoni ta' arja estratta li tinsab fl-arja tal-provvista ta' unitajiet ta' ventilazzjoni tal-arja b'HRS bħala riżultat ta' tnixxija fil-ħawsing bejn il-fluss tal-arja li tkun qed tiġi estratta u l-fluss tal-arja li tkun qed tiġi espulsa meta l-unità titħaddem bi fluss tal-volum tal-arja ta' referenza, imkejjel fil-pożizzjoni tal-ventijiet, it-test għandu jitwettaq f'100 Pa;

(8)

“trasferiment” tfisser il-perċentwali tal-arja tal-ħruġ li tintbagħat lura lejn l-arja ta' provvista għal skambjatur tas-sħana riġenerattiv skont il-fluss ta' referenza;

(9)

“rata ta' tnixxija esterna” tfisser il-frazzjoni tal-fluss tal-volum tal-arja ta' referenza li toħroġ minn ġol-ħawsing ta' unità meta din tkun soġġetta għal test tal-pressjoni, it-test għandu jitwettaq f'250 Pa kemm għal nuqqas ta' pressjoni kif ukoll għal pressjoni eċċessiva;

(10)

“taħlit” tfisser ir-riċirkolazzjoni immedjata jew it-tlaqqigħ ta' flussi bejn il-punt tad-dħul u tal-ħruġ tal-arja kemm fil-punt terminali ta' ġewwa kif ukoll f'dak ta' barra sabiex dawn ma jikkontribwixxux għall-ventilazzjoni effettiva ta' spazju f'bini, meta l-unità titħaddem b'rata ta' volum tal-arja ta' referenza;

(11)

“rata ta' taħlit” tfisser il-frazzjoni tal-fluss tal-arja estratta, bħala parti mill-volum ta' arja ta' referenza totali, li tirriċċirkola bejn il-punt tad-dħul u tal-ħruġ tal-arja kemm fil-punt terminali ta' ġewwa kif ukoll f'dak ta' barra u li b'hekk ma tikkontribwixxix għall-ventilazzjoni effettiva ta' spazju f'bini, meta l-unità titħaddem b'volum tal-arja ta' referenza (imkejjel minn metru bogħod mill-vent tal-forniment ta' ġewwa), wara li titnaqqas ir-rata ta' tnixxija interna.

(12)

“potenza input effettiva” (espressa f'W) tfisser il-potenza input elettrika f'rata tal-fluss ta' referenza u d-differenza esterna totali tal-pressjoni korrispondenti, u tinkludi d-domanda tal-elettriku għall-fannijiet, l-unitajiet ta' kontroll (inkluż kontrolli mill-bogħod) u l-pompa tas-sħana (jekk tkun integrata);

(13)

“potenza input speċifika (SPI)” (espressa f'W/(m3/h)) tfisser il-proporzjon bejn il-potenza effettiva tad-dħul (f'W) u r-rata tal-fluss ta' referenza (f'm3/h);

(14)

“dijagramma tar-rata tal-fluss/il-pressjoni” tfisser sett ta' kurvi għar-rata tal-fluss (l-assi orizzontali) u d-differenza fil-pressjoni ta' RVU unidirezzjonali, jew in-naħa tal-provvista ta' RVU bidirezzjonali, fejn kull kurva tirrappreżenta veloċità waħda tal-fann b'mill-inqas tmien punti ta' ttestjar ekwidistanti minn xulxin u n-numru ta' kurvi jingħata min-numru ta' alternattivi diskreti relatati mal-veloċità tal-fann (wieħed, tnejn jew tlieta) jew, fil-każ ta' trażmissjoni b'veloċità tal-fann varjabbli, tinkludi mill-inqas kurva intermedja minima, massima u xierqa qrib tal-volum tal-arja ta' referenza u tad-differenza fil-pressjoni għall-ittestjar tal-SPI;

(15)

“rata tal-fluss ta' referenza” (espressa f'm3/s) hija l-valur abscissa għal punt f'kurva fid-dijagramma tar-rata tal-fluss/il-pressjoni li huwa fuq jew viċin ta' punt ta' referenza ta' mill-inqas 70 % tar-rata massima tal-fluss u ta' 50 Pa għal unitajiet bil-ventijiet, u bi pressjoni minima għal unitajiet mingħajr ventijiet. Fil-każ ta' unitajiet ta' ventilazzjoni bidirezzjonali, ir-rata ta' referenza tal-fluss tal-volum tal-arja tapplika għall-ħruġ tal-provvista tal-arja;

(16)

“fattur ta' kontroll (CTRL)” tfisser fattur ta' korrezzjoni għall-kalkolu tal-SEC skont it-tip ta' kontroll li huwa parti mill-unità ta' ventilazzjoni, skont id-deskrizzjoni pprovduta fit-Tabella 1 tal-Anness VIII;

(17)

“parametru ta' kontroll” tfisser parametru jew sett ta' parametri li jistgħu jitkejlu li huma meqjusa bħala rappreżentattivi tad-domanda għall-ventilazzjoni, eż. il-livell ta' umdità relattiva (RH), ta' dijossidu tal-karbonju (CO2), ta' komposti organiċi volatili (VOC) jew ta' gassijiet oħra, id-detezzjoni ta' preżenza, moviment jew okkupanza permezz tas-sħana infraħamra tal-ġisem jew tar-riflessjoni ta' mewġ ultrasoniku, sinjali elettriċi minn tħaddim ta' dwal jew tagħmir mill-bnedmin;

(18)

“kontroll manwali” tfisser kwalunkwe tip ta' kontroll li ma jagħmilx użu mill-kontroll tad-domanda;

(19)

“kontroll tad-domanda” tfisser apparat integrat jew sett ta' unitajiet ta' apparat integrati, jew bħala unità separata ta' forniment, li jkejjel parametru ta' kontroll u juża r-riżultat biex jirregola, b'mod awtomatiku, ir-rata tal-fluss tal-ventijiet;

(20)

“kontroll b'arloġġ” tfisser interfaċċja b'arloġġ (ikkontrollata matul il-jum) li titħaddem mill-bniedem sabiex tiġi kkontrollata l-veloċità tal-fann/ir-rata tal-fluss tal-unità ta' ventilazzjoni, b'mill-inqas seba' impostazzjonijiet tar-rata tal-fluss regolabbli għal mill-inqas żewġ perjodi ta' interruzzjoni, jiġifieri perjodi li fihom tapplika rata tal-fluss imnaqqsa, jew meta ma jkun hemm ebda rata tal-fluss;

(21)

“ventilazzjoni kkontrollata mid-domanda (DCV)” tfisser unità ta' ventilazzjoni li tuża sistema ta' kontroll skont id-domanda;

(22)

“unità bil-ventijiet” tfisser unità ta' ventilazzjoni maħsuba biex tiġi vventilata kamra waħda jew aktar, jew biex jiġi vventilat spazju magħluq wieħed jew aktar f'bini permezz tal-użu ta' ventijiet tal-arja, u maħsuba biex tiġi mgħammra b'konnessjonijiet għal ventijiet;

(23)

“unità mingħajr ventijiet” tfisser unità ċentrali ta' ventilazzjoni maħsuba biex tiġi vventilata kamra waħda jew spazju wieħed magħluq, f'bini, u li mhijiex maħsuba biex tkun mgħammra b'konnessjonijiet għal ventijiet;

(24)

“kontroll tad-domanda ċentrali” tfisser kontroll tad-domanda ta' unità ta' ventilazzjoni bil-ventijiet li jirregola kontinwament il-veloċità(jiet) tal-fann u r-rata tal-fluss fuq il-bażi ta' senser wieħed għall-bini vventilat kollu jew għal parti minnu f'livell ċentrali;

(25)

“kontroll tad-domanda lokali parzjali” tfisser kontroll tad-domanda għal unità ta' ventilazzjoni li jirregola kontinwament il-veloċità(jiet) tal-fann u r-rati individwali tal-fluss fuq il-bażi ta' aktar minn senser wieħed għal unità ta' ventilazzjoni bil-ventijiet, jew fuq il-bażi ta' senser wieħed għal unità mingħajr ventijiet;

(26)

“pressjoni statika (psf)” tfisser il-pressjoni totali wara li minnha jitnaqqas il-valur tal-pressjoni dinamika tal-fann;

(27)

“pressjoni totali (pf)” tfisser id-differenza bejn il-valur tal-pressjoni ta' staġnar imkejjel fil-ħruġ tal-fann u dak imkejjel fid-dħul tal-fann.

(28)

“pressjoni ta' staġnar” tfisser il-pressjoni mkejla f'punt ta' fluss tal-gass li kellu jitwaqqaf permezz ta' proċess isoentropiku.

(29)

“pressjoni dinamika” tfisser il-pressjoni kkalkulata mir-rata tal-fluss tal-massa u mid-densità medja tal-gass fil-punt tal-ħruġ u fiż-żona tal-ħruġ tal-unità;

(30)

“skambjatur tas-sħana rikuperattiv” tfisser skambjatur tas-sħana maħsub biex jittrasferixxi l-enerġija termali minn fluss tal-arja għal fluss tal-arja ieħor mingħajr partijiet li jiċċaqalqu, bħal pereżempju pjanċa jew skambjatur tas-sħana tubulari bi fluss parallel, fluss tanġenzjali (cross flow) jew b'kontrofluss (counter flow), jew taħlita ta' dawn, jew pjanċa jew skambjatur tas-sħana tubulari permezz ta' sistema ta' diffużjoni tal-fwar;

(31)

“skambjatur tas-sħana riġenerattiv” tfisser skambjatur tas-sħana b'sistema rotatorja li fih stess jinkorpora rota għat-trasferiment tal-enerġija termali minn fluss tal-arja għal fluss tal-arja ieħor, inkluż materjal li jippermetti t-trasferiment ta' sħana latenti, mekkaniżmu ta' trażmissjoni, ħawsing jew qafas, u siġilli biex jitnaqqsu sitwazzjonijiet fejn l-arja tista' taqbeż ċerti partijiet taċ-ċirkwit tal-arja jew tnixxi minn fluss għall-ieħor; skambjaturi tas-sħana ta' dan it-tip għandhom gradi li jvarjaw ta' rkupru tal-umdità, u dawn ivarjaw skont il-materjal li jkun qed jintuża;

(32)

“sensittività tal-fluss tal-arja għal varjazzjonijiet fil-pressjoni” ta' RVU mingħajr ventijiet hija l-proporzjon bejn id-devjazzjoni massima mir-rata massima tal-fluss tal-RVU f'+ 20 Pa u dik f'differenza fil-pressjoni esterna totali ta' – 20 Pa;

(33)

“impermeabbiltà tal-arja bejn ġewwa u barra” ta' RVU mingħajr ventijiet hija r-rata tal-fluss (espressa f'm3/h) bejn ġewwa u barra meta l-fann(ijiet) ikun(u) mitfi(ja).


ANNESS II

Klassijiet ta' konsum tal-enerġija speċifiku

Klassijiet tal-konsum tal-enerġija speċifiku (SEC) ta' unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali ikkalkulati għall-klima medja:

Tabella 1

Il-klassifikazzjoni mill-1 ta' Jannar 2016

Klassi SEC

SEC f'kWh/a.m2

A+ (l-iktar effiċjenti)

SEC < – 42

A

– 42 ≤ SEC < – 34

B

– 34 ≤ SEC < – 26

C

– 26 ≤ SEC < – 23

D

– 23 ≤ SEC < – 20

E

– 20 ≤ SEC < – 10

F

– 10 ≤ SEC < 0

G (l-inqas effiċjenti)

0 ≤ SEC


ANNESS III

It-tikketta

1.

It-tikketta għal UVUs ikkummerċjalizzati wara l-1 ta' Jannar 2016:

Image

It-tikketta għandha tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

I.

isem il-fornitur jew il-marka kummerċjali tiegħu;

II.

l-identifikatur tal-mudell tal-fornitur;

III.

l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; it-tarf tal-vleġġa li fih tidher il-klassi tal-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir għandu jitpoġġa fl-istess livell bħat-tarf tal-vleġġa li fih tidher il-klassi tal-effiċjenza enerġetika rilevanti. L-effiċjenza enerġetika hija indikata għal klima “medja”;

IV.

il-livell ta' qawwa tal-ħoss (LWA) f'dB aġġustat għall-eqreb numru sħiħ

V.

ir-rata massima tal-fluss f'm3/h aġġustata għall-eqreb numru sħiħ, akkumpanjata minn vleġġa waħda li tirrappreżenta UVUs;

2.

Tikketta għal BVUs ikkummerċjalizzati wara l-1 ta' Jannar 2016:

Image

It-tikketta għandha tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

I.

isem il-fornitur jew il-marka kummerċjali tiegħu;

II.

l-identifikatur tal-mudell tal-fornitur;

III.

l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; it-tarf tal-vleġġa li fih tidher il-klassi tal-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir għandu jitpoġġa fl-istess livell bħat-tarf tal-vleġġa li fih tidher il-klassi tal-effiċjenza enerġetika rilevanti. L-effiċjenza enerġetika hija indikata għal klima “medja”;

IV.

il-livell ta' qawwa tal-ħoss (LWA) f'dB aġġustat għall-eqreb numru sħiħ;

V.

ir-rata massima tal-fluss f'm3/h aġġustata għall-eqreb numru sħiħ, akkumpanjata minn żewġ vleġeġ jippuntaw f'direzzjonijiet opposti li jirrappreżentaw BVUs;

3.

Id-disinn tat-tikketti għal unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali stabbiliti fil-punti 1 sa 2 għandu jkun dan li ġej:

Image

Fejn:

 

It-tikketta għandu jkollha wisa' ta' mill-inqas 75 mm u għoli ta' 150 mm. F'każ li t-tikketta tiġi stampata f'format akbar, il-kontenut tagħha xorta waħda għandu jibqa' proporzjonat fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet imsemmija hawn fuq.

 

L-isfond għandu jkun ta' lewn abjad.

 

Il-kuluri huma kodifikati bħala CMYK — cyan, maġenta, isfar, u iswed, skont dan l-eżempju: 00-70-X-00: 0 % cyan, 70 % maġenta, 100 % isfar, 0 % iswed;

 

It-tikketta għandha tissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin (in-numri jirreferu għad-dijagramma li tidher hawn fuq):

Image

Il-linja tal-bordura tat-tikketta tal-UE: 3,5 pt — kulur: Cyan 100 % — truf fit-tond: 2,5 mm.

Image

Logo tal-UE: Kuluri: X-80-00-00 u 00-00-X-00.

Image

Logo tal-enerġija: Kulur: X-00-00-00.

Pittogramma kif murija: Il-logo tal-UE + il-logo tal-enerġija: wisa': 62 mm, għoli: 12 mm.

Image

Linja tal-bordura tal-logos sekondarji: 1 pt — kulur: cyan 100 % — tul: 62 mm.

Image

skali A+–G:

Vleġġa: għoli: 6 mm, spazju bejn vleġġa u oħra: 1 mm — kuluri:

L-ogħla klassi: X-00-X-00,

It-tieni klassi: 70-00-X-00,

It-tielet klassi: 30-00-X-00,

Ir-raba' klassi: 00-00-X-00,

Il-ħames klassi: 00-30-X-00,

Is-sitt klassi: 00-70-X-00,

Is-seba' klassi 00-X-X-00,

L-aħħar klassi: 00-X-X-00,

Test: Calibri tipa grassa 13 pt, kapitali, abjad;

Image

Klassi tal-konsum tal-enerġija speċifiku

Vleġġa: wisa': 17 mm, għoli: 9 mm, 100 % iswed;

Test: Calibri tipa grassa 18,5 pt, kapitali, abjad. simboli “+”: Calibri tipa grassa 11 pt, bojod allinjati fuq ringiela waħda.

Image

Il-livell ta' qawwa tal-ħoss f'dB:

Bordura: 1,5 pt — kulur: cyan 100 % — truf ittundjati: 2,5 mm;

Valur: Calibri tipa grassa 16 pt, 100 % iswed;

“dB”: Calibri tipa regolari 10 pt, 100 % sewda

Image

Ir-rata massima tal-fluss f'm3/h:

Bordura: 1,5 pt — kulur: cyan 100 % — truf ittundjati: 2,5 mm;

Valur: Calibri tipa grassa 16 pt, 100 % iswed;

“m3/siegħa”: Calibri tipa grassa 16 pt, 100 % iswed;

Vleġġa waħda jew tnejn

wisa' ta' kull waħda: 10 mm, għoli ta' kull waħda: 10 mm.

Kulur: cyan 100 %.

Image

Enerġija:

Test: Calibri normali 6 pt, kapitali, iswed.

Image

Perjodu ta' referenza:

Test: Calibri tipa grassa 8-il pt.

Image

Isem il-fornitur jew il-marka kummerċjali tiegħu

Image

L-identifikatur tal-mudell tal-fornitur

Image

Isem il-fornitur jew il-marka kummerċjali tiegħu u l-identifikatur tal-mudell għandhom joqgħodu fi spazju ta' 62 × 10 mm


ANNESS IV

Skeda tal-prodott

L-informazzjoni fl-iskeda tal-prodott tal-unità ta' ventilazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) għandha tingħata fl-ordni li ġej u għandha tkun inkluża fil-fuljett tal-prodott jew f'dokumenti oħra fornuti mal-prodott:

(a)

Isem il-fornitur jew il-marka kummerċjali;

(b)

l-identifikatur tal-mudell tal-fornitur, jiġifieri l-kodiċi, ġeneralment alfanumeriku, li jintuża biex jiddistingwi mudell residenzjali speċifiku ta' unità ta' ventilazzjoni minn mudelli oħra bl-istess marka kummerċjali jew bl-istess isem tal-fornitur.

(c)

Konsum tal-enerġija speċifiku (SEC) f'kWh/(m2.a) għal kull żona klimatika u klassi SEC applikabbli;

(d)

tipoloġija ddikjarata skont l-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament (unidirezzjonali jew bidirezzjonali);

(e)

tip ta' trażmissjoni installata jew maħsuba biex tiġi installata (trażmissjoni b'veloċitajiet differenti jew trażmissjoni b'veloċitajiet varjabbli);

(f)

tip ta' sistema għall-irkupru tas-sħana (rikuperattiva, riġenerattiva, ebda);

(g)

effiċjenza termali tal-irkupru ta' sħana (f' % jew “mhux applikabbli” jekk il-prodott m'għandux sistema ta' rkupru ta' sħana);;

(h)

ir-rata massima tal-fluss f'm3/h;

(i)

potenza input elettrika tat-trażmissjoni tal-fann, inkluż kwalunkwe tagħmir għall-kontroll tal-mutur, b'rata massima tal-fluss (W);

(j)

il-livell ta' qawwa tal-ħoss (LWA), aġġustat għall-eqreb numru sħiħ;

(k)

rata tal-fluss ta' referenza f'm3/s

(l)

id-differenza fil-pressjoni ta' referenza, f'Pa;

(m)

SPI f'W/(m3/h);

(n)

il-fattur tal-kontroll u t-tipoloġija tal-kontroll b'konformità mad-definizzjonijiet u mal-klassifikazzjoni rilevanti fit-Tabella 1 tal-Anness VIII;

(o)

rati ta' tnixxigħ intern u estern (%) massimi ddikjarati għal unitajiet ta' ventilazzjoni bidirezzjonali jew trasferiment (għal skambjaturi tas-sħana riġenerattivi biss), u rati ta' tnixxigħ estern (%) għal unitajiet ta' ventilazzjoni unidirezzjonali bil-ventijiet;

(p)

rata ta' taħlit għal unitajiet ta' ventilazzjoni bidirezzjonali mingħajr ventijiet mhux maħsuba biex ikunu mgħammra b'konnessjoni waħda għal vent fuq in-naħa tal-provvista jew fuq in-naħa tal-ħruġ;

(q)

pożizzjoni u deskrizzjoni tat-twissija viżwali tal-filtru għal RVUs maħsuba biex jintużaw b'filtri, inkluż test li jindika li huwa importanti li l-filtru jinbidel b'mod regolari sabiex l-unità tkun tista' topera b'livell tajjeb ta' prestazzjoni u ta' effiċjenza enerġetika;

(r)

għal sistemi ta' ventilazzjoni unidirezzjonali, struzzjonijiet għall-installazzjoni ta' xbieki ta' provvista/egżost mal-faċċata għall-provvista/espulsjoni naturali tal-arja/;

(s)

indirizz tal-Internet għal struzzjonijiet dwar passi li għandhom isiru għall-immuntar minn qabel/għaż-żarmar;

(t)

għal unitajiet mingħajr ventijiet biss: is-sensittività tal-fluss tal-arja għal varjazzjonijiet fil-pressjoni f'+ 20 Pa u – 20 Pa;

(u)

għal unitajiet mingħajr ventijiet biss: l-impermeabbiltà tal-arja bejn barra u ġewwa f'm3/h;

(v)

il-konsum annwali ta' elettriku (AEC) (f'kWh elettriku fis-sena);

(w)

it-tisħin iffrankat fis-sena (AHS) (f'kWh enerġija primarja/a) għal kull tip ta' klima (“medju”, “sħun”, “kiesaħ”);


ANNESS V

Dokumentazzjoni teknika

Id-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Artikolu 3(1)(c) għandha tinkludi mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-fornitur,

(b)

l-identifikatur tal-mudell tal-fornitur, jiġifieri l-kodiċi, ġeneralment alfanumeriku, li jintuża biex jiddistingwi mudell residenzjali speċifiku ta' unità ta' ventilazzjoni minn mudelli oħra bl-istess marka kummerċjali jew bl-istess isem tal-fornitur.

(c)

fejn ikun xieraq, ir-referenzi tal-istandards armonizzati applikati;

(d)

fejn ikun xieraq, il-metodi tal-kalkolu, l-istandards tal-kejl u l-ispeċifikazzjonijiet oħra użati;

(e)

identifikazzjoni u firma tal-persuna mogħtija s-setgħa li torbot lill-fornitur;

(f)

fejn ikun xieraq, il-parametri tekniċi għall-kejl, stabbiliti skont l-Anness VIII;

(g)

qisien ġenerali;

(h)

speċifikazzjoni dwar it-tip ta' RVU;

(i)

il-klassi tal-konsum tal-enerġija speċifiku tal-mudell, kif definita fl-Anness II;

(j)

Il-konsum tal-enerġija speċifiku (SEC) għal kull żona klimatika applikabbli;

(k)

il-livell ta' qawwa tal-ħoss (LWA);

(l)

ir-riżultati tal-kalkoli mwettqa b'konformità mal-Anness VIII.

Fi tmiem il-lista ta' informazzjoni ta' hawn fuq, il-fornituri jistgħu jinkludu xi informazzjoni addizzjonali.


ANNESS VI

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn l-utent finali ma jkunx mistenni jara l-prodott għall-wiri, ħlief fuq l-Internet

1.

F'każijiet fejn l-utent finali ma jkunx mistenni jara l-prodott għall-wiri, ħlief fuq l-Internet, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fl-ordni li ġejja:

(a)

il-klassi tal-konsum tal-enerġija speċifiku tal-mudell, kif definita fl-Anness II;

(b)

il-konsum tal-enerġija speċifiku (SEC) f'kWh/(m2.a) għal kull żona klimatika applikabbli;

(c)

ir-rata massima tal-fluss (f'm3/h);

(d)

il-livell ta' qawwa tal-ħoss (LWA) f'dB(A) aġġustat għall-eqreb numru sħiħ.

2.

Fejn tingħata wkoll informazzjoni oħra li tinsab fl-iskeda tal-informazzjoni dwar il-prodott, din għandha tkun fil-forma u fl-ordni speċifikati fl-Anness IV.

3.

Id-daqs u t-tipa li bihom jiġi stampat jew muri t-tagħrif kollu msemmi f'dan l-Anness għandhom ikunu ta' tip li jista' jinqara.


ANNESS VII

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f'każ ta' bejgħ, kiri jew xiri bin-nifs permezz tal-Internet

1.

Għall-finijiet tal-punti 2 sa 5 ta' dan l-Anness, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“mekkaniżmu tad-displej” tfisser kwalunkwe skrin, inkluż skrins tattili, jew teknoloġija viżiva oħra wżata biex jintwera kontenut tal-Internet lill-utenti;

(b)

“displej f'ieħor (nested display)” tfisser interfaċċa viżiva fejn immaġni jew sett ta' dejta jistgħu jiġu aċċessati permezz ta' klikk tal-maws, ċaqliqa tal-maws jew permezz tat-tkabbir fuq l-iskrin tattili ta' immaġni oħra jew ta' sett ta' dejta ieħor;

(c)

“skrin tattili” tfisser skrin li jirreaġixxi meta tmissu, bħal pereżempju dak ta' tablet kompjuter, slate kompjuter jew smartphone;

(d)

“test alternattiv” tfisser test provdut bħala alternattiva għal grafika li jippermetti li l-informazzjoni tiġi ppreżentata f'forma mhux grafika meta l-apparat tad-displej ma jkunx jista' jtella' l-grafika, jew bħala għajnuna għall-aċċessibbiltà bħal pereżempju fejn jakkumpanja applikazzjonijiet b'leħen ta' sinteżi.

2.

It-tikketta x-xierqa tal-prodott li l-fornituri jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont l-Artikolu 3(1)(a) għandha tintwera fuq il-mekkaniżmu tad-displej qrib il-prezz tal-prodott skont l-iskedi taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 3(2) u (3). Id-daqs tat-tikketta għandu jkun tali li t-tikketta tkun tidher u tinqara b'mod ċar, u għandu jkun proporzjonat mad-daqs speċifikat fl-Anness III. It-tikketta tista' tintwera bħala immaġni f'oħra, f'liema każ l-immaġni li għandha tintuża biex wieħed jaċċessa t-tikketta għandha tkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fil-punt 3 ta' dan l-Anness. Jekk tiġi applikata s-sistema ta' immaġni f'oħra, it-tikketta għandha tidher mal-ewwel klikk tal-maws, ċaqliqa tal-maws jew tkabbir tal-immaġni fuq l-iskrin tattili.

3.

L-immaġni wżata biex tiġi aċċessata t-tikketa fil-każ ta' wiri ta' immaġni f'oħra għandha:

(a)

tkun vleġġa li jkollha l-istess kulur bħal dak tal-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-prodott muri fuq it-tikketta;

(b)

tindika l-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-prodott bl-abjad, fl-istess daqs tat-tipa li jintuża għall-prezz; kif ukoll

(c)

tkun f'wieħed minn dawn iż-żewġ formati:

Image

4.

F'każ li tintuża s-sistema ta' wiri ta' immaġni f'oħra, is-sekwenza tad-displej fuq it-tikketta għandha tkun kif ġej:

(a)

l-immaġni msemmija fil-punt 3 ta' dan l-Anness għandha tintwera fuq il-mekkaniżmu tad-displej qrib il-prezz tal-prodott.

(b)

l-immaġni għandha tkun marbuta mat-tikketta;

(c)

it-tikketta għandha tintwera bi klikk tal-maws, ċaqliqa tal-maws jew tkabbir tal-immaġni fuq l-iskrin tattili;

(d)

it-tikketta għandha tintwera permezz ta' pop up, tab ġdida, paġna ġdida jew permezz tal-ftuħ ta' skrin ieħor fuq l-istess skrin;

(e)

biex titkabbar it-tikketta fuq skrins tattili, għandhom japplikaw il-konvenzjonijiet tal-apparat għat-tkabbir tattili;

(f)

l-immaġni tat-tikketta għandha tingħalaq permezz tal-għoti ta' għażla biex tingħalaq, jew permezz ta' mekkaniżmu għall-għeluq standard ieħor;

(g)

it-test alternattiv għall-grafika, li għandu jintwera jekk it-tikketta ma tintweriex, għandu jkun il-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-prodott, muri b'tipa tal-istess daqs li tintuża għall-prezz.

5.

L-iskeda tal-prodott ix-xierqa li l-fornituri jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont l-Artikolu 3(1)(b) għandha tintwera fuq il-mekkaniżmu tad-displej qrib il-prezz tal-prodott. Id-daqs għandu jkun tali li l-iskeda tal-prodott tidher b'mod ċar u li jista' jinqara. L-iskeda tal-prodott tista' tintwera billi tintuża s-sistema tal-wiri ta' skrin f'ieħor, f'liema każ il-link li għandha tintuża biex wieħed jaċċessal-iskeda għandha tkun immarkata b'mod ċar u li jista' jinqara bil-kliem “Skeda tal-prodott”. Jekk tintuża s-sistema tal-wiri ta' skrin f'ieħor, l-iskeda tal-prodott għandha tidher mal-ewwel klikk tal-maws, ċaqliqa tal-maws jew tkabbir tal-immaġni fuq l-iskrin tattili.


ANNESS VIII

Kejl u kalkoli

1.

Il-konsum tal-enerġija speċifiku (SEC) jiġi kkalkulat permezz tal-ekwazzjoni li ġejja:

Formula

fejn

SEC hija l-konsum tal-enerġija speċifiku għall-ventilazzjoni għal kull m2 ta' erja ta' art imsaħħna f'dar jew f'bini f'[kWh/m2.a];

ta hija s-sigħat annwali ta' tħaddim [h/a];

pef hija l-fattur tal-enerġija primarja għall-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika [-];

qnet hija d-domanda tar-rata netta ta' ventilazzjoni għal kull m2 ta' erja ta' art imsaħħna [m3/h.m2];

MISC hija fattur aggregat ta' tipoloġija ġenerali, li jinkorpora fatturi għall-effettività tal-ventilazzjoni, tnixxigħ mill-ventijiet u infiltrazzjoni żejda [-];

CTRL hija l-fattur ta' kontroll tal-ventilazzjoni [-];

x hija esponent li jqis in-nuqqas ta' linearità bejn l-enerġija termali u l-iffrankar tal-elettriku, skont il-karatteristiċi tal-mutur u tat-trażmissjoni [-];

SPI hija l-potenza input speċifika f'[kW/(m3/h)];

th hija s-sigħat totali tal-istaġun tat-tisħin [h];

ΔΤh hija d-differenza medja bejn it-temperatura ta' ġewwa (19 °C) u t-temperatura ta' barra tul staġun tat-tisħin, wara li jitnaqqsu 3K bħala korrezzjoni għal żidiet minħabba x-xemx u minħabba żidiet interni [K];

ηh hija l-effiċjenza medja għat-tisħin tal-post [-];

cair hija l-kapaċità termika speċifika tal-arja bi pressjoni kostanti u b'densità kostanti [kWh/(m3 K)

qref hija r-rata ta' ventilazzjoni naturali ta' referenza għal kull m2 ta' erja ta' art imsaħħna [m3/h.m2];

ηt hija l-effiċjenza termali tal-irkupru tas-sħana [-];

Qdefr hija l-enerġija annwali tat-tisħin għal kull m2 ta' erja ta' art imsaħħna [kWh/m2.a] għat-tneħħija tas-silġ, fuq il-bażi ta' tisħin permezz ta' reżistenza elettrika varjabbli.

Formula,

fejn

tdefr hija t-tul ta' żmien tal-perjodu għat-tneħħija tas-silġ, jiġifieri meta t-temperatura ta' barra tkun taħt – 4 °C [h/a], u

ΔΤdefr hija d-differenza medja f'K bejn it-temperatura ta' barra u – 4 °C waqt il-perjodu tat-tneħħija tas-silġ.

Qdefr tapplika biss għal unitajiet bidirezzjonali mgħammra bi skambjatur tas-sħana rikuperattiv; għal unitajiet unidirezzjonali jew unitajiet mgħammra bi skambjaturi tas-sħana riġenerattivi, Qdefr  = 0.

SPI u ηt huma valuri meħuda minn testijiet u metodi ta' kalkolu.

Fit-Tabella 1 jintwerew parametri oħra, flimkien mal-valuri awtomatiċi tagħhom. L-SEC għall-klassifikazzjoni tat-tikketti hija bbażata fuq il-klima “medja”.

2.

Il-konsum annwali tal-elettriku għal kull 100 m2 ta' erja ta' art (AEC) (f'kWh/a elettriku fis-sena); u t-tisħin iffrankat fis-sena ((AHS), li tfisser l-iffrankar annwali tal-konsum tal-enerġija għat-tisħin (f'valur kalorifiku gross tal-karburant f'kWh fis-sena) jiġu kkalkulati kif ġej, permezz tad-definizzjonijiet tal-punt 1, u l-valuri awtomatiċi mogħtija fit-Tabella 1, għal kull tip ta' klima (medja, sħuna u kiesħa):

Formula;

Formula.

Tabella 1

Parametri għall-kalkolu tal-SEC

Tipoloġija ġenerali

MISC

Unitajiet ta' ventilazzjoni bil-ventijiet

1,1

Unitajiet ta' ventilazzjoni mingħajr ventijiet

1,21

kontroll tal-ventilazzjoni

CTRL

Kontroll manwali (mingħajr DCV)

1

Kontroll bil-ħin (mingħajr DCV)

0,95

Kontroll tad-domanda ċentrali

0,85

Kontroll tad-domanda lokali

0,65

Mutur u trażmissjoni

valur x

mixgħul/mitfi (on/off) u veloċità unika

1

b'2 veloċitajiet

1,2

bi 3 veloċitajiet

1,5

b'veloċità varjabbli

2

Il-klima

th

f'sigħat (h)

ΔΤh

f'K

tdefr

f'sigħat (h)

ΔΤdefr

f'K

Qdefr  (*)

f'kWh/a.m2

Kiesħa

6 552

14,5

1 003

5,2

5,82

Medja

5 112

9,5

168

2,4

0,45

Sħuna

4 392

5

Valuri awtomatiċi

valur

kapaċità termika speċifika tal-arja, cair f'kWh/(m3K)

0,000344

ventilazzjoni netta meħtieġa għal kull m2 ta' erja ta' art imsaħħna, qnet f'm3/h.m2

1,3

rata ta' ventilazzjoni naturali ta' referenza għal kull m2 ta' erja ta' art imsaħħna, qref f'm3/h.m2

2,2

sigħat ta' tħaddim annwali, ta f'sigħat (h)

8 760

fattur tal-enerġija primarja għall-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika, pef

2,5

effiċjenza għat-tisħin tal-post, ηh

75 %


(*)  It-tneħħija tas-silġ tapplika biss għal unitajiet bidirezzjonali mgħammra bi skambjatur tas-sħana rikuperattiv, u tiġi kkalkulata bħala Qdefr = tdefr * Δtdefr * cair * qnet * pef. Għal unitajiet unidirezzjonali jew unitajiet mgħammra bi skambjaturi tas-sħana riġenerattivi, Qdefr  = 0


ANNESS IX

Proċedura ta' verifika għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq

Għall-finijiet ta' verifika tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jittestjaw unità RVU waħda. Jekk il-valuri mkejla jew il-valuri kkalkulati fuq il-bażi ta' valuri mkejla ma jaqblux mal-valuri ddikjarati mill-manifattur skont it-tifsira tal-Artikolu 3, soġġett għat-tolleranzi indikati fit-Tabella 1, għandu jitwettaq kejl fuq tliet unitajiet oħra.

Jekk il-medja aritmetika tal-valuri mkejla għal dawn l-unitajiet ma tissodisfax ir-rekwiżiti, soġġett għat-tolleranzi indikati fit-Tabella 1, il-mudell u l-mudelli kollha l-oħra ekwivalenti għandhom jitqiesu bħala mudelli li mhumiex konformi mar-rekwiżiti tal-Anness II.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jipprovdu t-tagħrif dwar ir-riżultati tat-testijiet u t-tagħrif rilevanti l-ieħor lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien xahar minn meta tittieħed id-deċiżjoni dwar il-fatt li l-mudell ma jkunx konformi mar-rekwiżiti.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-metodi tal-kejl u tal-kalkolu msemmija fl-Anness VIII.

Tabella 1

Parametru

Tolleranzi tal-verifika

SPI

Il-valur imkejjel m'għandux ikun iktar minn 1,07 drabi tal-valur massimu ddikkjarat.

Effiċjenza termali tal-RVU

Il-valur imkejjel m'għandux ikun inqas minn 0,93 drabi tal-valur minimu ddikjarat.

Livell tal-qawwa tal-ħoss:

Il-valur imkejjel m'għandux ikun ta' aktar mill-valur massimu ddikjarat, b'żieda ta' 2 dB.

It-tolleranzi tal-verifika definiti f'dan l-Anness jirreferu biss għall-verifika tal-parametri mkejla mill-awtoritajiet tal-Istat Membru u ma għandhomx jintużaw mill-fornitur bħala tolleranza permessa biex jiġu stabbiliti valuri fid-dokumentazzjoni teknika. Il-valuri u l-klassijiet fuq it-tikketta jew fl-iskeda (elettronika) tal-prodott ma għandhomx jiffavorixxu lill-fornitur iktar mill-valuri rraportati fid-dokumentazzjoni teknika.


Top