EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1046

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2014 tat- 28 ta' Lulju 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward tal-kriterji għall-kalkolu ta' spejjeż addizzjonali mġarrba mill-operaturi fis-sajd, it-trobbija, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd u l-akkwakultura mir-reġjuni l-aktar imbiegħda

OJ L 291, 7.10.2014, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/1046/oj

7.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 291/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1046/2014

tat-28 ta' Lulju 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward tal-kriterji għall-kalkolu ta' spejjeż addizzjonali mġarrba mill-operaturi fis-sajd, it-trobbija, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd u l-akkwakultura mir-reġjuni l-aktar imbiegħda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 72(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont il-Kapitolu V tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (il-FEMS) jista' jappoġġa l-kumpens tal-ispejjeż addizzjonali mġabbra mill-operaturi fis-sajd, it-trobbija, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd u l-akkwakultura mir-reġjuni l-aktar imbiegħda msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat.

(2)

Sabiex tinżamm il-kompetittività ta' ċerti prodotti tas-sajd u l-akkwakultura mir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni meta mqabbla ma' dik ta' prodotti simili mir-reġjuni l-oħra tal-Unjoni, l-Unjoni fl-1992 introduċiet miżuri biex tikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali relatati mas-setturi tas-sajd u l-akkwakultura. Il-miżuri ta' kumpens għall-perjodu 2007-2013 ġew stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 791/2007 (2). Minħabba s-sitwazzjoni soċjoekonomika strutturali tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni, aggravata bid-distanza, l-insularità, id-daqs żgħir, it-topografija diffiċli, id-dipendenza ekonomika minn ftit prodotti u l-kundizzjonijiet klimatiċi speċjali, hemm bżonn li jitkompla l-appoġġ biex ipatti għall-ispejjeż addizzjonali tas-sajd, tat-trobbija, tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd u l-akkwakultura mill-1 ta' Jannar 2014. Fil-fatt, il-kumpens għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba jgħin lill-operaturi minn dawk ir-reġjuni biex jibqgħu ekonomikament vijabbli.

(3)

Dawn l-ispejjeż addizzjonali għandhom jiġu stabbiliti fil-pjan ta' kumpens imsemmi fl-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

(4)

Sabiex jiġi provdut trattament armonizzat u ugwali għar-reġjuni kollha kkonċernati, permezz ta' komparabbiltà aħjar bejn ir-reġjuni u li jibqa' għaddej minn sena għal oħra, u b'mod partikolari biex jiġi evitat il-kumpens żejjed tal-ispejjeż addizzjonali, hemm bżonn li jiġu stabbiliti l-kriterji għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw min-nuqqasijiet speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni. Il-kriterji komuni li jridu jintużaw se jiżguraw l-applikazzjoni ta' metodu omoġenju għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali għar-reġjuni kollha kkonċernati.

(5)

Sabiex jiġi evitat il-kumpens żejjed, hemm bżonn li jiġu stmati b'reqqa partikolari l-ispejjeż ta' referenza għall-prodotti jew għall-kategoriji ta' prodotti mġarrba mill-operaturi fil-parti kontinentali tal-Istat Membru jew tat-territorju tal-Unjoni, li fuqhom jiġu kkalkulati l-ispejjeż addizzjonali.

(6)

Hemm prodotti jew kategoriji ta' prodotti li għalihom ma jeżistux kriterji ta' tqabbil jew unitajiet ta' kejl fil-parti kontinentali tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. F'dawn il-każijiet, ir-referenza għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali għandha tiġi stabbilita skont l-ispejjeż imġarrba mill-operaturi fil-parti kontinentali tat-territorju tal-Unjoni għall-prodotti jew kategoriji ta' prodotti ekwivalenti.

(7)

Fid-dawl tal-kundizzjonijiet differenti tal-kummerċjalizzazzjoni fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, il-flutwazzjonijiet fil-qbid u l-istokkijiet u d-domanda tas-suq, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddeterminaw il-prodotti jew il-kategoriji ta' prodotti tas-sajd u l-akkwakultura eliġibbli għall-kumpens, il-kwantitajiet massimi rispettivi tagħhom u l-livelli tal-ammonti ta' kumpens fl-allokazzjoni ġenerali għal kull Stat Membru.

(8)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ammonti ta' kumpens f'livell li jippermetti t-tpaċija xierqa tal-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw min-nuqqasijiet speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda u li jevita l-kumpens żejjed. Għal dak il-għan, l-ammont ta' kumpens għandu jqis ukoll tipi oħra ta' interventi pubbliċi li għandhom impatt fuq l-ispejjeż addizzjonali, inkluż kull għajnuna mill-Istat innotifikata skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat u l-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

(9)

Sabiex tiġi provduta preżentazzjoni armonizzata tal-ispejjeż addizzjonali, hemm bżonn li dawn l-ispejjeż addizzjonali jiġu espressi f'tunnellati ta' piż ħaj, kif iddefinit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (3) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 409/2009 (4) li jistabbilixxi l-fatturi ta' konverżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ħut frisk u l-ħut frisk immellaħ kif ukoll il-kodiċijiet ta' preżentazzjoni użati sabiex jikkonvertu l-piż tal-ħut maħżun jew ipproċessat f'piż tal-ħut ħaj għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-qabdiet.

(10)

Sabiex juru li m'hemmx kumpens żejjed, l-Istati Membri għandhom jinkludu l-informazzjoni rilevanti dwar l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta' kumpens fir-rapport ta' implimentazzjoni annwali, kif stabbilit fl-Artikolu 114(2) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

(11)

Sabiex il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu jistgħu jiġu applikati mingħajr dewmien, peress li l-ispiża kienet diġà eliġibbli għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd mill-1 ta' Jannar 2014 f'konformità mal-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (5), dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali mġarrba matul il-perjodu ta' eliġibbiltà, kif iddefinit fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, mill-operaturi fis-sajd, it-trobbija, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd u l-akkwakultura mir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat minħabba nuqqasijiet speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda.

Artikolu 2

1.   L-ispejjeż addizzjonali msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jiġu kkalkulati separatament għal kull waħda mill-attivitajiet li ġejjin:

(a)

is-sajd;

(b)

it-trobbija;

(c)

l-ipproċessar;

(d)

il-kummerċjalizzazzjoni.

2.   F'kull attività msemmija fil-paragrafu 1, l-ispejjeż addizzjonali għandhom jiġu kkalkulati skont il-partiti tan-nefqa, kif imniżżla fil-pjanijiet ta' kumpens imsemmija fl-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 għal kull prodott jew kategorija ta' prodotti identifikati mill-Istat Membru bħala eliġibbli għall-kumpens.

3.   L-ispejjeż addizzjonali għandhom jiġu kkalkulati għal kull partita tan-nefqa bħala d-differenza bejn l-ispejjeż imġarrba mill-operaturi fir-reġjuni l-aktar imbiegħda kkonċernati, li minnhom jitnaqqas kull tip ta' intervent pubbliku li jaffettwa l-livell tal-ispejjeż addizzjonali u l-ispejjeż komparabbli mġarrba mill-operaturi kontinentali tal-Istat Membru kkonċernat.

4.   B'deroga mill-paragrafu 3, għall-partiti tan-nefqa speċifiċi għal prodotti jew kategoriji ta' prodotti li għalihom ma jeżistux kriterji ta' tqabbil jew unitajiet ta' kejl fil-parti kontinentali tat-territorju tal-Istat Membru, l-ispiża addizzjonali għandha tiġi kkalkulata bi tqabbil mal-ispejjeż komparabbli għall-prodotti jew kategoriji ta' prodotti ekwivalenti mġarrba mill-operaturi mill-parti kontinetali tat-territorju tal-Unjoni.

5.   Il-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali għandu jqis kull intervent pubbliku, inkluż kull għajnuna mill-Istat innotifikata skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat u l-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

Artikolu 3

1.   Il-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali għandu jkun ibbażat biss fuq l-ispejjeż li jirriżultaw min-nuqqasijiet speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda.

2.   Il-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali għandu jkun ibbażat fuq medja annwali ta' prezzijiet rreġistrati.

3.   L-ispejjeż addizzjonali għandhom jiġu espressi f'euro għal kull tunnellata ta' piż ħaj u fejn xieraq, l-elementi kollha tal-ispiża tat-total tal-ispejjeż addizzjonali għandhom jinqelbu f'euro għal kull tunnellata ta' piż ħaj.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 791/2007 tal-21 ta' Mejju 2007 li jintroduċi skema bħala kumpens għall-ispejjeż addizzjonali magħmula fil-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd mir-reġjuni l-aktar imbiegħda l-Azores, il-Madeira, il-Gżejjer Kanarji, il-Gujana Franċiża u r-Réunion (ĠU L 176, 6.7.2007, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 409/2009 tat-18 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi l-fatturi ta' konverżjoni tal-Komunità u l-kodiċijiet ta' preżentazzjoni użati sabiex jikkonvertu l-piż tal-ħut ipproċessat f'piż tal-ħut ħaj, u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83 (ĠU L 123, 19.5.2009, p. 78).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).


Top