EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0950

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 950/2014 tal- 4 ta' Settembru 2014 li jiftaħ skema temporanja eċċezzjonali ta' għajnuna għall-ħżin privat ta' ċerti ġobnijiet u jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna

OJ L 265, 5.9.2014, p. 22–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 22/09/2014; Imħassar b' 32014R0992

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/950/oj

5.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 265/22


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 950/2014

tal-4 ta' Settembru 2014

li jiftaħ skema temporanja eċċezzjonali ta' għajnuna għall-ħżin privat ta' ċerti ġobnijiet u jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-7 ta' Awwissu 2014, il-gvern Russu introduċa projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti mill-Unjoni lejn ir-Russja, inklużi prodotti tal-ħalib. L-aktar prodott tal-ħalib milqut mill-projbizzjoni huwa l-ġobon, minħabba li l-esportazzjonijiet lejn ir-Russja jirrappreżentaw 33 % tat-total tal-esportazzjonijiet tal-ġobon tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-Russja hija sieħba kummerċjali esklużiva tal-ġobon għall-Finlandja u l-pajjiżi Baltiċi u destinazzjoni sinifikanti għal Stati Membri oħra bħall-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, u l-Polonja.

(2)

L-esportazzjonijiet ta' ġobnijiet lejn ir-Russja fl-2013 ammontaw għal aktar minn 250 000 tunnellata, kwantità li qed tirriskja li jkollha tiġi assorbita mis-suq intern f'sehem importanti, li b'hekk tirriżulta fi żbilanċ fis-suq u pressjoni 'l isfel fil-prezzijiet.

(3)

Il-miżuri ta' intervent tas-suq disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma jidhrux suffiċjenti għas-sitwazzjoni li nħolqot reċentement, peress li dawn huma limitati għal ġobnijiet b'indikazzjoni ġeografika.

(4)

It-theddida ta' żbilanċ serju fis-suq tal-ġobon tista' titnaqqas jew tiġi eliminata permezz ta' ħżin. Għaldaqstant huwa xieraq li tingħata għajnuna għal ħżin privat ta' ġobon u li jiġi ffissat bil-quddiem l-ammont fiss tal-għajnuna.

(5)

L-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula għotja ta' għajnuna għall-ħżin privat ta' ġobnijiet li jibbenefikaw minn denominazzjoni protetta tal-oriġini jew minn indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Filwaqt li ġobnijiet b'indikazzjoni ġeografika huma affettwati mill-projbizzjoni fuq l-importazzjoni, dawn jirrappreżentaw biss sehem minimu mill-firxa sħiħa ta' ġobnijiet esportati lejn ir-Russa. Għal raġunijiet ta' effiċjenza operattiva u amministrattiva, huwa xieraq li tiġi stabbilita skema unika ta' għajnuna għall-ħżin privat li tkopri t-tipi kollha ta' ġobon.

(6)

Huwa xieraq li jiġu esklużi ġobnijiet friski li mhumiex adattati għall-ħżin.

(7)

Bħala regola ġenerali, biex ikunu ffaċilitati l-amministrazzjoni u l-kontroll, l-għajnuna għall-ħżin privat għandha tingħata biss lil operaturi stabbiliti u rreġistrati minħabba skopijiet tal-VAT fl-Unjoni.

(8)

Biex ikun żgurat li l-arranġamenti jistgħu jkunu segwiti sew, l-informazzjoni meħtieġa biex ikun konkluż il-kuntratt tal-ħżin għandha tkun speċifikata f'dan ir-Regolament flimkien mal-obbligi tal-partijiet kontraenti.

(9)

Sabiex l-iskema ssir aktar effettiva, il-kuntratti għandhom jirrelataw ma' ċerta kwantità minima kif ukoll mal-obbligi li għandhom jiġu ssodisfati mill-parti kontraenti, b'mod partikolari dawk li jippermettu lill-awtorità kompetenti li tiċċekja l-operazzjonijiet tal-ħżin tagħmel spezzjoni effettiva tal-kundizzjonijiet tal-ħżin.

(10)

Il-ħżin tal-kwantità kuntrattwali għall-perjodu miftiehem hija waħda mir-rekwiżiti primarji għall-għoti tal-għajnuna għall-ħżin privat. Sabiex titqies il-prattika kummerċjali u għal raġunijiet prattiċi, għandu jiġi permess marġni ta' tolleranza rigward il-kwantità soġġetta għall-għajnuna.

(11)

Biex ikun żgurat li l-ħażna tkun amministrata sewwa, huwa xieraq li jiġu addottati dispożizzjonijiet biex jitnaqqas l-ammont ta' għajnuna li għandha titħallas meta l-kwantità maħżuna waqt il-perjodu kuntrattwali ta' ħżin ikun anqas mill-kwantità fil-kuntratt u meta l-perjodu tal-ħżin ma jkunx osservat kompletament.

(12)

L-ammont ta' għajnuna għandu jiġi ffissat abbażi tal-ispejjeż tal-ħżin u/jew ta' elementi oħra tas-suq rilevanti. Huwa xieraq li tiġi stabbilita għajnuna għall-ispejjeż fissi tad-dħul u l-ħruġ tal-prodotti kkonċernati fil-ħżin u għajnuna għall-ispejjeż ta' kuljum għall-ħżin imkessaħ u għall-finanzjament.

(13)

Hemm il-ħtieġa ta' indikazzjoni tal-kundizzjonijiet li skonthom ikun jista' jingħata pagament bil-quddiem, l-aġġustament tal-għajnuna f'każijiet fejn il-kwantità fil-kuntratt ma tiġix rispettata kompletament, l-ispezzjonijiet dwar il-konformità mal-intitolament għall-għajuna, il-penali possibbli u l-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri.

(14)

Huwa xieraq li tkun stipulata l-possibbiltà li jiġi stabbilit koeffiċjent ta' tnaqqis għal applikazzjonijiet pendenti fejn ikun meħtieġ, sabiex jiġi evitat li l-miżuri jaqbżu l-volumi li għalihom ġiet stabbilita l-iskema tal-għajnuna għall-ħżin privat.

(15)

Għandhom jiġu stabbiliti wkoll regoli dwar id-dokumentazzjoni, il-kontijiet u l-frekwenza u n-natura tal-ispezzjonijiet.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett

Dan ir-Regolament jistipula skema temporanja eċċezzjonali ta' għajnuna għall-ħżin privat ta' ġobnijiet li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0406 20, 0406 30, 0406 40 u 0406 90, u baqta ffriżata li taqa' taħt il-kodiċi NM 0406 10.

Il-volum massimu tal-prodott soġġett għal din l-iskema temporanja huwa stabbilit għal 155 000 tunnellata.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament “l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri” għandha tfisser id-dipartimenti jew il-korpi akkreditati mill-Istati Membri bħala aġenziji tal-pagamenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

Artikolu 3

L-eliġibbiltà tal-prodotti

1.   Sabiex jikkwalifika għall-għajnuna għall-ħżin privat li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1, minn hawn 'il quddiem “l-għajnuna”, il-ġobon għandu jkun ta' kwalità tajba u kummerċjalment ġusta, bl-oriġini fl-Unjoni u għandu, fil-ġurnata meta jibda l-kuntratt tal-ħżin, età minima li tikkorrispondi mal-perjodu ta' maturità li jikkontribwixxi biex jiżdied il-valur tal-ġobon.

2.   Il-ġobon għandu jkun konformi ma' dawn ir-rekwiżiti:

(a)

kull lott għandu jiżen mill-anqas tunnellata 0,5 tunnellati;

(b)

ikun immarkat b'indikazzjoni, li tista' tkun kodifikata, tal-impriża li tkun immanifatturatu u bid-data tal-manifattura;

(c)

ikun iġorr id-data tad-dħul fil-ħażna;

(d)

ma jkunx soġġett għal xi kuntratt ta' ħżin qabel dan.

3.   L-Istati Membri jistgħu jeliminaw l-obbligu li jindikaw, fuq il-ġobon, id-data tad-dħul fil-ħżin li hemm referenza għaliha fil-punt (c) tal-paragrafu 2, sakemm l-amministratur tal-maħżen jieħu r-responsabbiltà li jżomm reġistru li fih jiddaħħlu d-dettalji li hemm referenza għalihom fil-punt (b) tal-paragrafu 2 fid-data tad-dħul fil-ħżin.

Artikolu 4

Applikazzjonijiet għall-għajnuna

1.   Operatur li qiegħed jitlob l-għajnuna għandu jressaq applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn jinħażnu l-prodotti.

2.   L-operaturi li qed japplikaw għall-għajnuna għandhom ikunu stabbiliti u rreġistrati għall-iskopijiet tal-VAT fl-Unjoni.

3.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jitressqu mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għandha tkun il-31 ta' Diċembru 2014.

4.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jirrelataw ma' prodotti li jkunu diġà tpoġġew kompletament fil-ħżin.

5.   L-applikazzjonijiet għadhom jitressqu skont il-metodu li l-Istat Membru kkonċernat jagħmel għad-dispożizzjoni tal-operaturi.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jitolbu li applikazzjonijiet elettroniċi jkunu akkumpanjati minn firma elettronika avvanzata, fi ħdan it-tifsira tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew minn firma elettronika li toffri assigurazzjonijiet ekwivalenti rigward il-funzjonalitajiet attribwiti lill-firma billi jiġu applikati l-istess regoli u kundizzjonijet bħal dawk definiti fid-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar dokumenti elettroniċi u diġitalizzati, stabbiliti fid-Deċiżjoni 2004/563/KE, Euratom (5), u fir-regoli tal-implimentazzjoni tagħha.

6.   L-applikazzjoni għandha tkun ammessibbli biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tindika referenza għal dan ir-Regolament;

(b)

tindika d-dejta ta' identifikazzjoni tal-isem, l-indirizz u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-VAT tal-applikant;

(c)

tindika l-prodott bil-kodiċi NM, b'sitt (6) ċifri, rilevanti tiegħu;

(d)

tindika l-kwantità ta' prodotti;

(e)

tindika l-perjodu tal-ħżin;

(f)

tindika l-isem u l-indirizz tal-post tal-ħżin, in-numru tal-lott tal-ħżin u fejn xieraq in-numru tal-approvazzjoni li jidentifika l-fabbrika;

(g)

ma tinkludi l-ebda kundizzjoni addizzjonali introdotta mill-applikant ħlief dawk stipulati f'dan ir-Regolament;

(h)

hija ippreżentata fil-lingwa uffiċjali, jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn tkun imressqa l-applikazzjoni.

7.   Il-kontenut tal-applikazzjonijiet ma għandux jiġi emendat wara s-sottomissjoni tagħhom.

Artikolu 5

Il-konklużjoni tal-kuntratti

1.   Il-kuntratti għandhom ikunu konklużi bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu se jinħażnu l-prodotti u l-applikant, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“parti kontraenti”.

2.   Il-kuntratti għandhom jiġu konklużi fi żmien 30 jum mid-data tal-wasla tal-informazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4(6)(f) soġġetta, fejn xieraq, għal konferma sussegwenti dwar l-eliġibbiltà tal-prodotti kif hemm referenza fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2). Fil-każ li ma jkunx hemm konferma tal-eliġibbiltà, il-kuntratt ikkonċernat għandu jitqies null u bla effett.

Artikolu 6

L-Obligazzjonijiet tal-parti kontraenti

1.   Il-kuntratti għandhom tal-anqas jistipulaw l-obbligi li ġejjin għall-parti kontraenti:

(a)

din għandha tpoġġi u żżomm fil-ħażna l-kwantità kuntrattwali, matul il-perjodu tal-ħżin kuntrattwali, bir-riskju u għall-ispiża tagħha f'kundizzjonijiet li jiżguraw iż-żamma tal-karatteristiċi tal-prodotti, mingħajr ma ssir sostituzzjoni jew trasferiment tal-prodotti maħżuna għal xi post ta' ħżin ieħor. Meta parti kontraenti tippreżenta talba motivata, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw lokazzjoni ġdida tal-prodotti maħżuna;

(b)

iżżomm id-dokumenti tal-piż stabbiliti fil-ħin tad-dħul fil-post tal-ħżin;

(c)

tippermetti lill-awtorità kompetenti li tispezzjona f'kull ħin li l-obbligi kollha stipulati fil-kuntratt ikunu qed jiġu osservati;

(d)

biex il-prodotti maħżuna jkunu faċilment aċċessibbli u identifikabbli individwalment: kull unità maħżuna individwalment għandha tkun immarkata b'mod li d-data meta tkun daħlet fil-ħżin, in-numru tal-kuntratt, il-prodott u l-piż ikunu jidhru. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeliminaw ir-rekwiżit li jimmarkaw in-numru tal-kuntratt sakemm l-amministratur tal-maħżen jieħu r-responsabbiltà li jdaħħal in-numru tal-kuntratt fir-reġistru li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(2).

2.   Il-parti kontraenti għandha tagħmel id-dokumentazzjoni kollha, għal kull kuntratt, disponibbli biex l-awtorità responsabbli twettaq il-kontrolli, u b'mod partikolari tippermetti li l-informazzjoni li ġejja dwar il-prodotti mpoġġija fil-ħżin privat tkun verifikata:

(a)

in-numru tal-approvazzjoni li jidentifika l-fabbrika u l-Istat Membru tal-produzzjoni;

(b)

l-oriġini u d-data tal-manifattura tal-prodotti;

(c)

id-data tat-tqegħid fil-ħżin;

(d)

il-piż u n-numru ta' biċċiet ippakjati;

(e)

il-preżenza fil-maħżen u l-indirizz tal-maħżen;

(f)

id-data meta mistenni jispiċċa l-perjodu kuntrattwali tal-ħżin u kompluta bid-data attwali tal-ħruġ mill-ħżin.

3.   Il-parti kontraenti jew, fejn applikabbli, l-operatur tal-post tal-ħażna, għandu jżomm rendikont tal-istokk disponibbli fil-maħżen li jkopri, permezz tan-numru tal-kuntratt:

(a)

l-identifikazzjoni tal-prodotti mqiegħda fil-ħżin privat;

(b)

id-dati tad-dħul fil-ħżin u tal-ħruġ minnu;

(c)

il-kwantità indikata għal kull ħażna f'lott;

(d)

il-lokazzjoni tal-prodotti fil-maħżen.

Artikolu 7

Il-perjodu kuntrattwali ta' ħżin

1.   Il-perjodu kuntrattwali ta' ħżin għandu jibda fil-jum ta' wara l-wasla tal-informazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4(6)(f) għand l-awtoritajiet kompetenti.

2.   Il-ħażna kuntrattwali għandha tispiċċa fil-jum ta' qabel dak meta titneħħa mill-ħżin.

3.   L-għajnuna tista' tingħata biss meta l-perjodu kuntrattwali tal-ħżin ikun bejn 60 u 210 jum

Artikolu 8

Tneħħija mill-ħżin

1.   It-tneħħija mill-ħżin tista' tibda fil-jum ta' wara l-aħħar ġurnata tal-perjodu kuntrattwali tal-ħżin.

2.   It-tneħħija mill-maħżen għandha tkun f'lottijiet sħaħ ta' ħżin jew, jekk l-awtorità kompetenti tawtorizza hekk, fi kwantitajiet iżgħar. Madankollu, fil-każ li hemm referenza għalih fl-Artikolu 14(4)(a), kwantità ssiġġillata biss tista' titneħħa mill-maħżen.

3.   Il-parti kontraenti għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti qabel ikun biħsiebha tibda tneħħi l-prodotti mill-ħżin, skont id-dispożizzjonijet stabbiliti fl-Artikolu 14(5).

4.   Fejn ir-rekwiżit fil-paragrafu 3 ma jiġix irrispettat iżda l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta li ġiet fornuta biżżejjed evidenza, fi żmien 30 jum wara t-tneħħija mill-post tal-ħżin, mid-data tat-tneħħija mill-ħżin u l-kwantitajiet ikkonċernati, l-għajnuna għandha titnaqqas bi 15 % u għandha tkun imħallsa biss għal dak il-perjodu li għalih il-parti kontraenti tagħti prova sodisfaċenti lill-awtorità kompetenti li l-prodott kien miżmum fil-ħżin kuntrattwali.

5.   Fejn ir-rekwiżit fil-paragrafu 3 ma jiġix irrispettat u l-awtorità kompetenti ma tkunx sodisfatta li ġiet fornuta biżżejjed evidenza, fi żmien 30 jum wara t-tneħħija mill-post tal-ħżin, mid-data tat-tneħħija mill-post tal-ħżin u l-kwantitajiet ikkonċernati, ma għandha titħallas ebda għajnuna fir-rigward ta' dak il-kuntratt ikkonċernat.

Artikolu 9

Ammonti ta' għajnuna

L-għajnuna għandha tkun:

EUR 15,57 għal kull tunnellata ta' ħżin għall-ispejjeż fissi tal-ħżin,

EUR 0,40 għal kull tunnellata għal kull jum ta' ħżin kuntrattwali.

Artikolu 10

Pagament bil-quddiem tal-għajnuna

1.   Wara 60 jum ta' ħżin, jista' jsir pagament uniku bil-quddiem tal-għajnuna, fuq it-talba tal-parti kontraenti, sakemm din tiddepożita garanzija tal-istess ammont tal-ħlas bil-quddiem miżjud b'10 %.

2.   Il-pagament bil-quddiem ma għandux jaqbeż l-ammont tal-għajnuna li jikkorrispondi għal perjodu ta' ħażna ta' 90 jum jew tliet xhur, kif xieraq. Il-garanzija li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tiġi rrilaxxata hekk kif il-bilanċ tal-għajnuna jitħallas.

Artikolu 11

Il-ħlas tal-għajnuna

1.   L-għajnuna, jew, fil-każ li jkun ingħata pagament bil-quddiem skont l-Artikolu 10, il-bilanċ tal-għajnuna, għandha titħallas abbażi ta' applikazzjoni għal pagament imressqa mill-parti kontraenti fi żmien tliet xhur wara tmiem il-perjodu kuntrattwali tal-ħżin.

2.   Meta l-parti kontraenti ma tkunx tista' tippreżenta dokumenti ta' appoġġ fil-limitu ta' żmien ta' tliet xhur minkejja li tkun aġixxiet immedjatament biex takkwistahom fil-ħin, hija tista' tingħata estensjonijiet, li ma jistgħux jaqbżu t-total ta' tliet xhur.

3.   Il-pagament tal-għajnuna jew tal-bilanċ tal-għajnuna għandu jitwettaq fi żmien 120 jum wara d-data meta tkun tressqet l-applikazzjoni għall-pagament tal-għajnuna sakemm l-obbligi tal-kuntratt ikunu ġew issodisfati u tkun saret l-ispezzjoni finali. Madanakollu, jekk tkun qed issir inkejsta amminstrattiva, il-pagament ma għandux isir qabel ikun rikonxxut l-intitolament.

4.   Ħlief f'każijiet ta' force majeure, jekk il-kwantità effettivament maħżuna matul il-perjodu kuntrattwali tal-ħżin tkun anqas mill-kwantità fil-kuntratt, u mhux anqas minn 95 % ta' dik il-kwantità, l-għajnuna għandha titħallas għall-kwantità effettivament maħżuna. Madanakollu, jekk l-awtorità kompetenti ssib li l-parti kontraenti tkun aġixxiet deliberatament jew b'mod negliġenti, din tista' tiddeċiedi li tnaqqas l-għajnuna aktar jew li ma tħallasx l-għajnuna.

5.   Ħlief f'każijiet ta' force majeure, jekk il-kwantità effettivament maħżuna matul il-perjodu kuntrattwali tal-ħżin tkun anqas mill-perċentwali indikati fil-paragrafu 4, iżda mhux anqas minn 80 % tal-kwantità fil-kuntratt, l-għajnuna għall-kwantità effettivament maħżuna għandha titnaqqas bin-nofs. Madanakollu, jekk l-awtorità kompetenti ssib li l-parti kontraenti tkun aġixxiet deliberatament jew b'mod negliġenti, din tista' tiddeċiedi li tnaqqas l-għajnuna aktar jew li ma tħallasx l-għajnuna.

6.   Ħlief f'każijiet ta' force majeure, jekk il-kwantità effettivament maħżuna matul il-perjodu kuntrattwali ta' ħżin tkun anqas minn 80 % tal-kwantità fil-kuntratt, ebda għajnuna ma għandha titħallas.

7.   Jekk il-kontrolli matul il-perjodu tal-ħżin jew mat-tneħħija mill-ħżin, jiżvelaw prodotti difettużi, ebda għajnuna ma għandha titħallas għal dawk il-kwantitajiet. Il-bqija tal-lott tal-ħżin li jkun għadu eliġibbli għall-għajnuna ma għandhiex tkun anqas mill-kwantità minima kif stabbilit fl-Artikolu 3(2). L-istess regola għandha tapplika meta parti minn lott titneħħa għal dik ir-raġuni qabel il-perjodu minimu ta' ħżin.

Prodotti difettużi ma għandhomx ikunu inklużi fil-kalkolu tal-kwantità effettivament maħżuna li hemm referenza għaliha fil-paragrafi 4, 5 u 6.

8.   Ħlief f'każijiet ta' force majeure, meta l-parti kontraenti ma tirrispettax it-tmiem tal-perjodu kuntrattwali tal-ħżin, kif stabbilit fl-Artikolu 7(3), għat-totalità tal-kwantità maħżuna, kull jum kalendarju ta' nuqqas ta' konformità, għandu jfisser tnaqqis ta' 10 % fl-ammont tal-għajnuna għall-kuntratt inkwistjoni. Madanakollu, dan it-tnaqqis ma għandux jaqbeż il-100 % tal-ammont tal-għajnuna.

Artikolu 12

Notifiki u monitoraġġ

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sa kull nhar ta' Tlieta għall-ġimgħa preċedenti, dwar il-kwantitajiet li għalihom ġew konklużi l-kuntratti, mqassma skont il-perjodu ta' ħżin, kif ukoll dwar il-kwantitajiet ta' prodotti li għalihom ikunu ġew sottomessi applikazzjonijiet għall-għajnuna.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri hekk kif tiddetermina li l-kwantitajiet li għalihom ġew sottomessi applikazzjonijiet għall-għajnuna, jersqu lejn il-kwantità massima li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1.

Meta l-Kummissjoni tkun informat lill-Istati Membri li l-kwantitajiet li għalihom ġew sottomessi applikazzjonijiet għall-għajnuna resqu lejn il-kwantità massima li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill Kummissjoni kull jum ta' xogħol qabel is-sagħtejn (14.00 ħin ta' Brussell) bil-kwantitajiet ta' prodotti li għalihom ikunu ġew sottomessi applikazzjonijiet għall-għajnuna fil-jum ta' xogħol preċedenti.

2.   Abbażi tan-notifiki li jaslu skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tissodisfa ruħha li l-kwantità massima li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1 ma tinqabiżx.

Meta l-Kummissjoni tiddetermina, abbażi ta' dawk in-notifiki, li l-kwantità massima li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1 tkun inqabżet, hija għandha tinforma lill-Istati Membri kollha immedjatament.

3.   Meta l-Kummissjoni tkun informat lill-Istati Membri li l-kwantità massima li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1 inqabżet, l-Istati Membri għandhom jinformaw b'dan lill-operaturi.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-aħħar ta' kull xahar għax-xahar preċedenti:

(a)

il-kwantitajiet ta' prodotti mqiegħda fil-ħżin jew imneħħija matul ix-xahar ikkonċernat;

(b)

il-kwantitajiet tal-prodotti fil-ħżin fl-aħħar tax-xahar ikkonċernat;

(c)

il-kwantitajiet ta' prodotti li għalihom ikun spiċċa l-perjodu kuntrattwali tal-ħżin.

5.   In-notifiki mill-Istati Membri li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 1 u 4 għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (6).

Artikolu 13

Miżuri biex tiġi rrispettata l-kwantità massima

Meta l-aċċettazzjoni tal-kwantità sħiħa ta' prodotti li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet għall-għajnuna f'ġurnata partikolari twassal biex tinqabeż il-kwantità massima li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha, permezz ta' att ta' implimentazzjoni adottat mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 229(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, tistabbilixxi koeffiċjent tal-allokazzjoni applikabbli għall-kwantitajiet li jikkorrispondu mal-applikazzjonijiet notifikati lill-Kummissjoni f'dak il-jum. Dak il-koeffiċjent tal-allokazzjoni għandu jillimita l-kwantità totali ta' prodotti eliġibbli għall-għajnuna temporanja eċċezzjonali għall-ħżin privat għall-kwantità massima li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1.

Artikolu 14

Spezzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw il-konformità ma' dan ir-Regolament. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu spezzjonijiet amministrattivi sħaħ tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, li għandhom ikunu ssuplimentati bi spezzjonijiet fuq il-post kif speċifikat fil-paragrafi 2 sa 8.

2.   L-awtorità responsabbli għall-ispezzjonijiet għandha twettaq spezzjonijiet fuq il-prodotti li jidħlu fil-ħżin fi żmien 30 jum mid-data tal-wasla tal-informazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4(6)(f).

Mingħajr ħsara għall-punt (a) ta' l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, sabiex ikun żgurat li l-prodotti maħżuna huma eliġibbli għall-għajnuna, għandu jkun spezzjonat fiżikament kampjun rappreżentattiv ta' mill-anqas 5 % tal-kwantitajiet imqiegħda fil-ħżin, biex ikun żgurat li, fir-rigward tal-piż, l-identifikazzjoni u n-natura tal-prodotti, inter alia, il-lottijiet maħżuna jikkonformaw mad-dettalji fl-applikazzjoni għall-konkluzjoni tal-kuntratt.

3.   Meta l-Istat Membru jista' joffri raġunijiet validi, il-limitu ta' 30 jum stabblit fil-paragrafu 2 jista' jiġi estiż bi 15-il jum.

4.   L-awtorità responsabbli għall-ispezzjonijiet għandha:

(a)

tissiġġilla l-prodotti skont il-kuntratt, il-lott tal-ħżin jew kwantità iżgħar waqt l-ispezzjoni stipulata fil-paragrafu 2; jew

(b)

tagħmel spezzjoni mhux imħabbra biex tiżgura li l-kwantità fil-kuntratt tkun preżenti fil-post tal-ħżin.

L-ispezzjoni li hemm referenza għaliha fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tikkorrispondi ma' tal-anqas 10 % tal-kwantità totali fil-kuntratt u għandha tkun rappresentattiva. Spezzjonijiet bħal dawn għandhom jinkludu eżami tar-reġistri tal-ħażna kif hemm referenza fl-Artikolu 6(3) u tad-dokumenti li jappoġġjawhom, bħal ma huma l-biljetti tal-piż u l-vawċers tal-kunsinna u, verifika tal-piż, tat-tip ta' prodotti u tal-identifkazzjoni tagħhom ta' mill-anqas 5 % tal-kwantità soġġetta għall-ispezzjoni mhux imħabbra.

5.   Fl-aħħar tal-perjodu kuntrattwali ta' ħżin, l-awtorità responsabbli għall-kontroll għandha, fir-rigward ta' mill-anqas nofs l-għadd ta' kuntratti, permezz ta' kampjuni, tiċċekkja l-piż u l-identifikazzjoni tal-prodotti fil-ħżin. Għall-iskopijiet ta' din l-ispezzjoni, il-parti kontraenti għandha tinforma lill-korp kompetenti, b'indikazzjoni tal-lottijiet maħżuna involuti, mill-anqas ħamest ijiem qabel:

(a)

tmiem il-perjodu kuntrattwali massimu ta' ħżin; jew

(b)

il-bidu tal-operazzjonijiet tat-tneħħija meta l-prodotti jitneħħew qabel jiskadi l-perjodu kuntrattwali massimu ta' ħżin.

L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw limitu ta' żmien iqsar minn ħamest ijiem ta' xogħol.

6.   Meta tapplika l-għażla tal-paragrafu 4(a), il-preżenza u l-integrità tas-siġilli applikati fl-aħħar tal-perjodu kuntrattwali ta' ħżin għandhom jiġu vverifikati. L-ispejjeż tas-siġġillar u tal-immaniġġar għandhom jitħallsu mill-parti kontraenti.

7.   Kull kampjun meħud għall-verifika tal-kwalità u tal-kompożizzjoni tal-prodotti għandu jittieħed minn uffiċjali tal-awtorità responsabbli għall-ispezzjonijiet jew fil-preżenza tagħhom.

L-ispezzjoni fiżika jew il-verifika tal-piż għandhom isiru fil-preżenza ta' dawk l-uffiċjali fil-proċedura tal-użin.

Għall-iskopijiet tar-rekord tal-awditu, ir-reġistri u d-dokumenti finanzjarji u tal-istokk kollha spezzjonati minn dawk l-uffiċjali għandhom jiġu ttimbrati jew immarkati bl-inizjali waqt iż-żjara ta' spezzjoni. Meta jiġu vverifikati rekords fuq il-kompjuter, għandha tiġi stampata kopja u tinżamm fil-fajl tal-ispezzjoni.

Artikolu 15

Rappurtar tal-awditu

1.   L-awtorità responsabbli għall-ispezzjoni għandha tagħmel rapport tal-ispezzjoni dwar kull verifika fuq il-post. Ir-rapport għandu jiddeskrivi preċiżament il-prodotti differenti spezzjonati.

Ir-rapport għandu jistabbilixxi:

(a)

id-data u l-ħin tal-bidu tal-ispezzjoni;

(b)

id-dettalji tan-notifika mogħtija minn qabel;

(c)

kemm damet l-ispezzjoni;

(d)

il-persuni responsabbli preżenti;

(e)

in-natura u l-medda tal-ispezzjonijiet imwettqa, bl-għoti, partikolarment, tad-dettalji tad-dokumenti u tal-prodotti eżaminati;

(f)

is-sejbiet u l-konklużjonijiet;

(g)

jekk hemmx bżonn segwitu.

Ir-rapport għandu jiġi ffirmat mill-uffiċjal responsabbli u kontroffirmat mill-parti kontraenti jew, meta applikabbli, mill-operatur tal-maħżen, u għandu jkun inkluż fil-fajl tal-pagament.

2.   Fil-każ ta' irregolaritajiet sinifikanti li jaffetwaw mill-anqas 5 % tal-kwantitajiet tal-prodotti koperti minn kuntratt wieħed soġġetti għall-ispezzjoni, il-verifika għandha tiġi estiża għal kampjun akbar li għandu jiġi stabbilit mill-awtorità responsabbli mill-ispezzjonijiet.

3.   L-awtorità responsabbli għall-ispezzjonijiet għandha tirreġistra kull każ ta' nuqqas ta' konformità abbażi tal-kriterji tal-gravità, il-medda, it-tul u r-repetizzjoni li tista' tirriżulta fl-esklużjoni skont l-Artikolu 16(1), u/jew fil-ħlas lura ta' għajnuna li tkun tħallset mingħajr ma kien mistħoqq, inklużi l-interessi fejn applikabbli, skont il-paragrafu 4 ta' dak l-Artikolu.

Artikolu 16

Penali

1.   Meta l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ssib li dokument ippreżentat minn applikant għall-attribuzzjoni tad-drittijiet li joriġinaw minn dan ir-Regolament ikollu informazzjoni skorretta u meta din l-informazzjoni skorretta tkun deċiżiva għall-attribuzzjoni ta' dawk id-drittijiet, l-awtorità kompetenti għandha teskludi lill-applikant mill-proċedura tal-għoti ta' għajnuna għall-istess prodott li dwaru tkun ingħatat informazzjoni skorretta għal perjodu ta' sena minn meta ssir deċiżjoni amministrativa finali li tistabbilixxi l-irregolarità.

2.   L-esklużjoni stipulata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika jekk l-applikant jagħti prova, għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti, li s-sitwazzjoni li hemm referenza għaliha f'dak il-paragrafu tkun minħabba force majeure jew minħabba żball ċar.

3.   Ħlas li ma kienx mistħoqq għandu jkun irkuprat, bl-interessi mingħand l-opertauri kkonċernati. Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 73 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 (7) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

4.   L-implimentazzjoni ta' penali amministrattivi u rkupru ta' ammonti mħallsa meta mhux mistħoqq, kif stipulat f'dan l-Artikolu, huma mingħajr ħsara għall-kommunikazzjoni ta' irregolaritajiet lill-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 1848/2006 (8).

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Settembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(4)  Id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi (ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/563/KE, Euratom tas-7 ta' Lulju 2004 li temenda r-Regoli tal-Proċedura tagħha (ĠU L 251, 27.7.2004, p. 9).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta' April 2004 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità, tal-modulazzjoni u tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u ta' verifika li dwarhom hemm dispożizzjoni fir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 73/2009, kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità li dwarha hemm dispożizzjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 (ĠU L 141, 30.4.2004, p. 18).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006 tal-14 ta' Diċembru 2006 dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta' somom ta' flus imħallsa bi żball b'konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni kif ukoll l-organizzazzjoni ta' sistema ta' informazzjoni f'dan il-qasam u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91 (ĠU L 355, 15.12.2006, p. 56).


Top