EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0665

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2014 tal- 11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-użu tat-terminu tal-kwalità mhux obbligatorju “prodott tal-muntanji”

OJ L 179, 19.6.2014, p. 23–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/665/oj

19.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/23


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 665/2014

tal-11 ta' Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-użu tat-terminu tal-kwalità mhux obbligatorju “prodott tal-muntanji”

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolaril-Artikolu 31(3) u (4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 stabbilixxa skema għal termini tal-kwalità mhux obbligatorji biex jiffaċilita l-komunikazzjoni fis-suq intern fir-rigward tal-karatteristiċi jew attributi ta' valur miżjud ta' prodotti agrikoli mill-produtturi tagħhom. Huwa stabbilixxa l-kundizzjonijiet tal-użu tat-terminu tal-kwalità mhux obbligatorju “prodott tal-muntanji” u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati li jistabbilixxu derogi minn dawk il-kundizzjonijiet tal-użu f'każijiet debitament ġustifikati u sabiex jitqiesu restrizzjonijiet naturali li jaffettwaw il-produzzjoni agrikola f'żoni muntanjużi. Dak ir-Regolament jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati dwar l-istabbiliment tal-metodi ta' produzzjoni u kriterji oħra rilevanti għall-applikazzjoni ta' dak it-terminu.

(2)

Sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu imqarrqa, l-użu tat-terminu “prodott tal-muntanji” għal prodotti li joriġinaw mill-annimali għandu jiġi ċċarat. Għal prodotti li ġejjin mill-annimali, bħal ħalib u bajd, il-produzzjoni għandha ssir f'żoni muntanjużi. Għal prodotti magħmula mill-annimali, bħal laħam, l-annimali għandhom jitrabbew f'żoni muntanjużi. Billi l-bdiewa ħafna drabi jixtru annimali żgħar, dawn l-annimali għandhom iqattgħu mill-anqas l-aħħar żewġ terzi ta' ħajjithom f'żoni muntanjużi.

(3)

It-transumanza, inkluż transumanza bejn mergħat f'żoni muntanjużi u f'żoni mhux -muntanjużi, hija pprattikata f'ħafna żoni tal-Unjoni sabiex jittieħed vantaġġ tad-disponibbiltà staġonali tal-mergħat. Dan jiżgura l-preservazzjoni ta' mergħat f'altitudni ogħla li mhumiex adattati għar-ragħa matul is-sena kollha u ta' pajsaġġi tradizzjonali magħmula mill-bniedem f'żoni muntanjużi. It-transumanza għandha wkoll benefiċċji ambjentali diretti, pereżempju tnaqqas ir-riskju ta' erożjoni u ta' valangi. Sabiex tinkoraġġixxi il-prattika kontinwa ta' transumanza, għalhekk għandha titħalla wkoll l-applikazzjoni tat-terminu “prodott tal-muntanji” għal prodotti magħmula minn annimali transumanti li jgħaddu mill-anqas kwart ta' ħajjithom jirgħu fiż-żoni muntanjużi.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-għalf għal annimali tal-irziezet jiġi essenzjalment minn żoni muntanjużi, għandu jiġi ċċarat li, fil-prinċipju, mill-anqas nofs id-dieta annwali tal-annimali, espress bħala persentaġġ tal-materja niexfa, għandu jikkonsisti minn għalf li jkun ġej minn żoni muntanjużi.

(5)

Billi l-għalf disponibbli għal ruminanti f'żoni muntanjużi jirrappreżenta aktar minn nofs dieta annwali tagħhom, dan il-perċentwal għandu jkun ogħla fil-każ tagħhom.

(6)

Minħabba limitazzjonijiet naturali u l-fatt li l-għalf prodott f'żoni muntanjużi huwa primarjament għar-ruminanti, proporzjon żgħir biss ta' għalf għall-majjali huwa attwalment miksub f'żoni muntanjużi. Sabiex jintlaħaq il-bilanċ meħtieġ bejn l-għanijiet doppji tat-terminu “prodott tal-muntanji”, kif stipulat fil-premessa 45 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, ikun żgurat li l-produzzjoni tal-majjali f'żoni muntanjużi tista' tkompli u b'hekk tinżamm in-nisġa rurali, il-proporzjon tal-għalf tal-ħnieżer li għandu jiġi minn żoni bħal dawn għandu jkun anqas minn nofs id-dieta annwali tal-annimali.

(7)

Għandhom japplikaw restrizzjonijiet tal-għalf għall-annimali transumanti sakemm dawn ikunu f'żoni muntanjużi.

(8)

Billi t-transumanza tapplika wkoll għad-doqqajs, l-applikazzjoni tat-terminu “prodott tal-muntanji” għal prodotti tat-trobbija tan-naħal għandha tiġu ċċarata. Madankollu, billi z-zokkor mitmugħ lin-naħal normalment ma jiġix minn żoni muntanjużi, ir-restrizzjonijiet tal-għalf ma għandhomx japplikaw fir-rigward tan-naħal.

(9)

Sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu ingannati, it-terminu “prodott tal-muntanji” għandu jintuża għal prodotti ta' oriġini mill-pjanti biss jekk il-pjanti jitkabbru f'żoni muntanjużi.

(10)

Prodotti pproċessati għandhom jitħallew jinkludu, bħala ingredjenti, materjali mhux maħduma bħal zokkor, melħ jew ħxejjex aromatiċi li ma jistgħux jiġu prodotti f'żoni muntanjużi, sakemm dawn ma jirrappreżentawx aktar minn 50 % tal-piż totali tal-ingredjenti.

(11)

F'żoni muntanjużi f'ċerti partijiet tal-Unjoni, m'hemmx biżżejjed faċilitajiet għall-produzzjoni tal-ħalib u ta' prodotti tal-ħalib minn ħalib mhux ipproċessat, għall-qatla tal-annimali u t-tqattigħ u d-dissussar ta' karkassi, u għall-għasir taż-żejt taż-żebbuġa. Restrizzjonijiet naturali jaffettwaw id-disponibbiltà ta' faċilitajiet tal-ipproċessar adattati f'żoni muntanjużi u jagħmlu l-ipproċessar diffiċli u mhux vijabbli. L-ipproċessar band'oħra fil-viċinanzi ta' żoni muntanjużi ma jbiddilx in-natura tal-prodotti b'dan l-ipproċessar fir-rigward tal-provenjenza tal-muntanja. Għaldaqstant, għandha tkun permessal-applikazzjoni tat-terminu “prodott tal-muntanji” għal dawn il-prodotti meta jiġu pproċessati barra żoni muntanjużi. Minħabba l-post tal-faċilitajiet tal-ipproċessar f'ċerti Stati Membri, u l-ħtieġa li jintlaħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi, l-operazzjonijiet tal-ipproċessar għandhom isiru f'żona ta' 30 km miż-żona muntanjuża inkwistjoni.

(12)

Barra minn hekk, sabiex il-faċilitajiet eżistenti għall-produzzjoni tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib ikollhom il-permess ikomplu l-attività tagħhom, dawk biss fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għandhom jitħallew jużaw it-terminu “prodott tal-muntanji”. Billi d-disponibbiltà ta' faċilitajiet bħal dawn f'żoni muntanjużi tvarja, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jimponu rekwiżit dwar id-distanza aktar strett jew jeliminaw din il-possibbiltà għal kollox,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Prodotti li ġejjin mill-annimali

1.   It-terminu “prodott tal-muntanji” jista' jiġi applikat għal prodotti magħmula minn annimali f'żoni muntanjużi kif definit fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u pproċessati f'żoni bħal dawn.

2.   It-terminu “prodott tal-muntanji” jista' jiġi applikat għal prodotti magħmula minn annimali li jitrabbew għal minn tal-anqas l-aħħar żewġ terzi ta' ħajjithom f'dawk iż-żoni muntanjużi, jekk il-prodotti jkunu pproċessati f'żoni bħal dawn.

3.   B'deroga mill-paragrafu 2, it-terminu “prodott tal-muntanji” jista' jiġi applikat għal prodotti magħmula minn annimali transumanti li jkunu trabbew għal mill-anqas kwart minn ħajjithom jirgħu f'mergħat f'żoni muntanjużi.

Artikolu 2

Għalf

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 31(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-għalf ta' annimali tal-irziezet għandu jitqies li jiġi essenzjalment minn żoni muntanjużi jekk il-proporzjon ta' dieta tal-annimali annwali li ma jistax jiġi prodott f'żoni muntanjużi, espress bħala perċentwal ta' materja niexfa, ma jaqbiżx il-50 % u, fil-każ ta' ruminanti, l-40 %.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, fir-rigward ta' majjali, il-proporzjon ta' għalf li ma jistax jiġi prodott f'żoni muntanjużi, espress bħala perċentwal ta' materja niexfa, ma għandux jaqbeż il-75 % tad-dieta annwali tal-annimali.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal għalf ta' annimali transumanti kif hemm referenza fl-Artikolu 1(3) meta mrobbija barra minn żoni muntanjużi.

Artikolu 3

Prodotti tat-trobbija tan-naħal

1.   It-terminu “prodott tal-muntanji” jista' jiġi applikat għal prodotti tat-trobbija tan-naħal jekk in-naħal ikunu ġabru n-nektar u t-trab tad-dakra minn żoni muntanjużi biss.

2.   B'deroga mill-Artikolu 31(1)(a) tar- Regolament (UE) Nru 1151/2012, iz-zokkor mitmugħ lin-naħal mhux meħtieġ ikun ġie minn żoni muntanjużi.

Artikolu 4

Prodotti ta' oriġini mill-pjanti

B'deroga mill-Artikolu 31(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, it-terminu “prodott tal-muntanji” jista' jiġi applikat għal prodotti ta' oriġini mill-pjanti biss jekk il-pjanta titkabbar f'żoni muntanjużi kif definiti fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Artikolu 5

Ingredjenti

Meta użati fi prodotti li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 1 u 4, dawn l-ingredjenti jistgħu jiġu minn barra żoni muntanjużi, sakemm dawn ma jirrappreżentawx aktar minn 50 % tal-piż totali tal-ingredjenti:

(a)

prodotti mhux elenkati fl-Anness I tat-Trattat; u

(b)

ħxejjex aromatiċi, ħwawar u zokkor.

Artikolu 6

Operazzjonijiet tal-ipproċessar barra żoni muntanjużi

1.   B'deroga mill-Artikolu 31(1)(b) tar- Regolament (UE) Nru 1151/2012 u l-Artikolu 1(1) u (2) ta' dan ir-Regolament, l-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin jistgħu jsiru barra żoni muntanjużi, sakemm id-distanza miż-żona muntanjuża inkwistjoni ma taqbiżx it-30 km:

(a)

operazzjonijiet tal-ipproċessar għall-produzzjoni tal-ħalib u ta' prodotti tal-ħalib f'faċilitajiet tal-ipproċessar fis-seħħ fit-3 ta' Jannar 2013;

(b)

il-qtil ta' annimali u t-tqattigħ u d-dissussar tal-karkassi;

(c)

l-ippressar taż-żejt taż-żebbuġa.

2.   Fir-rigward ta' prodotti pproċessati fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li d-deroga fil-paragrafu 1, il-punt (a) ma tkunx tapplika jew li l-faċilitajiet tal-ipproċessar għandhom ikunu fil-limiti ta' distanza, li trid tiġi speċifikata, ta' anqas minn 30 km miż-żona muntanjuża inkwistjoni.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top