EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0651

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas- 17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 187, 26.6.2014, p. 1–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/07/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/651/oj

26.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 187/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 651/2014

tas-17 ta' Ġunju 2014

li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 108(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna Statali orizzontali (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 1(1) (a) u (b) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Il-finanzjament mill-Istat li jissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u jeħtieġ li jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Madankollu, skont l-Artikolu 109 tat-Trattat, il-Kunsill jista' jiddetermina kategoriji ta' għajnuna li huma eżentati mir-rekwiżit ta' notifika. Skont l-Artikolu 108(4) tat-Trattat il-Kummissjoni tista' tadotta regolamenti marbuta ma' dawn il-kategoriji ta' għajnuna mill-Istat. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tiddikjara, skont l-Artikolu 109 tat-Trattat, li l-kategoriji li ġejjin jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġu eżentati mir-rekwiżit ta' notifika: l-għajnuna lill-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), l-għajnuna favur ir-riċerka u l-iżvilupp, l-għajnuna favur il-protezzjoni ambjentali, l-għajnuna għall-impjiegi u t-taħriġ, u l-għajnuna konformi mal-pjan approvat mill-Kummissjoni għal kull Stat Membru għall-għoti ta' għajnuna reġjonali. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 (2). Ir-Regolament (KE) Nru 800/2008 oriġinarjament applikat sal-31 ta' Diċembru 2013, iżda li mbagħad ġie mtawwal mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1224/2013 tad-29 ta' Novembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 800/2008 fir-rigward tal-perjodu ta' applikazzjoni tiegħu (3) u li issa jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2014. Fit-22 ta' Lulju 2013 ir-Regolament (KE) Nru 994/98 ġie emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 733/2013 tat-22 ta' Lulju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 994/98 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (4) biex jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex testendi l-eżenzjoni ta' kategoriji għal kategoriji ġodda ta' għajnuna, li fir-rigward tagħhom jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta' kompatibilità. Dawn il-kategoriji ġodda ta' għajnuna eżentata skont il-kategorija jinkludu: għajnuna li tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn ċerti diżastri naturali, għajnuna soċjali għat-trasport għal residenti f'reġjuni mbiegħda, għajnuna għall-infrastrutturi tal-broadband, għajnuna għall-innovazzjoni, għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju, għajnuna għall-infrastrutturi tal-isport u għall-infrastrutturi ta' rikreazzjoni multifunzjonali. Sakemm tibqa' tiġi żviluppata biżżejjed esperjenza mill-każijiet, li tippermetti t-tfassil ta' kriterji operattivi ta' eżenzjoni li jiżguraw il-kompatibilità ex-ante ta' kategoriji oħra ta' għajnuna, il-Kummissjoni biħsiebha tirrieżamina l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament biex jiġu inklużi ċerti tipi ta' għajnuna f'dawn l-oqsma. B'mod partikolari, il-Kummissjoni biħsiebha tiżviluppa kriterji għal infrastrutturi tal-portijiet u tal-ajruportijiet sa Diċembru 2015.

(2)

Bil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM) (5), il-Kummissjoni nediet rieżami usa' tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-miri ewlenin ta' din il-modernizzazzjoni huma (i) li ġġib tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv f'suq intern kompetittiv, filwaqt li tikkontribwixxi għall-isforzi tal-Istati Membri biex ikun hemm użu aktar effiċjenti tal-fondi pubbliċi, (ii) li tiffoka l-iskrutinju ex-ante tal-Kummissjoni tal-miżuri ta' għajnuna fuq il-każijiet bl-ikbar impatt fuq is-suq intern, waqt li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-infurzar tal-għajnuna mill-Istat, u (iii) li tissimplifika r-regoli u li twettaq deċiżjonijiet b'aktar ħeffa, infurmati aħjar u aktar b'saħħithom, imsejsa fuq ġustifikazzjoni ekonomika ċara, approċċ komuni u obbligi ċari. Ir-rieżami tar-Regolament (KE) Nru 800/2008 jikkostitwixxi element ċentrali tas-SAM.

(3)

Dan ir-Regolament għandu jippermetti prijoritizzazzjoni aħjar tal-attivitajiet ta' infurzar tal-għajnuna mill-Istat, simplifikazzjoni akbar u għandu jkollu trasparenza akbar, evalwazzjoni effettiva u l-kontroll dwar il-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni, waqt li jippreserva l-kompetenzi istituzzjonali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(4)

L-esperjenza tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 800/2008 ippermettitilha tiddefinixxi aħjar il-kundizzjonijiet li taħthom ċerti kategoriji ta' għajnuna jistgħu jitqiesu kompatibbli mas-suq intern u tifrex il-kamp ta' applikazzjoni tal-eżenzjonijiet ta' kategorija. Hi uriet ukoll biċ-ċar il-bżonn li jissaħħu t-trasparenza u l-monitoraġġ, u li titwettaq evalwazzjoni xierqa ta' skemi kbar ħafna waqt li jittieħed kont tal-effett tagħhom fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern.

(5)

Il-kundizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu definiti abbażi ta' sett ta' prinċipji komuni li jiżguraw li l-għajnuna jkollha l-interess komuni bħala skop, ikollha effett ta' inċentiv ċar, tkun adegwata u proporzjonata, tingħata b'mod għal kollox trasparenti u tkun soġġetta għal mekkaniżmu ta' kontroll u evalwazzjoni regolari, u ma taffettwax ħażin il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li tmur kontra l-interess komuni.

(6)

Kull għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati f'dan ir-Regolament, kemm dawk ġenerali u kif ukoll dawk speċifiċi għall-kategoriji rilevanti ta' għajnuna għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

(7)

Għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat li mhix koperta b'dan ir-Regolament tibqa' soġġetta għar-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Dan ir-Regolament huwa bla preġudizzju għall-possibilità li l-Istati Membri jinnotifikaw għajnuna li l-objettivi tagħha jikkorrispondu mal-objettivi koperti minn dan ir-Regolament.

(8)

Minħabba l-potenzjal akbar ta' impatt tal-iskemi kbar fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni, skemi li jkollhom nefqa annwali għall-għajnuna mill-Istat li teċċedi limitu bbażat fuq valur assolut,fil-prinċipju għandhom ikunu soġġetti għall-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. L-evalwazzjoni għandha timmira li jiġi vverifikat jekk is-suppożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet sottostanti għall-kompatibilità tal-iskema nkisbux, l-effettività tal-miżura ta' għajnuna fid-dawl tal-objettivi u l-indikaturi ġenerali predefiniti u speċifiċi u tipprovdi indikazzjonijiet dwar l-impatt tal-miżura fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali, l-evalwazzjoni ta' għajnuna mill-Istat għandha titwettaq fuq il-bażi ta' pjan ta' valutazzjoni approvat mill-Kummissjoni. Filwaqt li tali pjan għandu normalment jitfassal fil-mument tat-tfassil tal-iskema u jiġi approvat fil-ħin għall-iskema biex tidħol fis-seħħ, dan jista' ma jkunx possibbli f'kull każ. Għalhekk, sabiex ma jkunx hemm dewmien id-dħul fis-seħħ tagħhom, dan ir-Regolament ser japplika għal dawn l-iskemi għal perjodu massimu ta' sitt xhur. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li testendi dan il-perjodu, bl-approvazzjoni tal-pjan ta' valutazzjoni. Għal dan l-għan, il-pjan ta' valutazzjoni għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni fi żmien 20 jum tax-xogħol wara d-dħul fis-seħħ tal-iskema. Il-Kummissjoni tista' wkoll, b'mod eċċezzjonali, tiddeċiedi li ma tkunx meħtieġa evalwazzjoni minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-każ. Il-Kummissjoni għandha tirċievi mingħand l-Istat Membru l-informazzjoni meħtieġa biex tkun tista' twettaq valutazzjoni tal-pjan ta' valutazzjoni u titlob informazzjoni addizzjonali mingħajr dewmien żejjed ħalli tippermettilu lill-Istat Membru jlesti l-elementi neqsin sabiex il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni. Minħabba n-novità ta' dan il-proċess, il-Kummissjoni se tipprovdi, f'dokument separat, gwida dettaljata dwar il-proċedura applikabbli matul il-perjodu ta' sitt xhur għall-approvazzjoni tal-pjan ta' valutazzjoni u l-mudelli rilevanti li fuqhom għandhom jiġu ppreżentati l-pjanijiet ta' valutazzjoni.. Alterazzjonijiet ta' skemi soġġetti għal evalwazzjoni, li mhumiex modifikazzjonijiet li ma jistgħux jaffettwaw il-kompatibilità tal-iskema tal-għajnuna skont dan ir-Regolament jew jew li ma jistgħux jaffettwaw b'mod sinifikanti il-kontenut tal-pjan ta' valutazzjoni approvat, għandhom ikunu vvalutati billi jiġi kkunsidrat ir-riżultat ta' tali evalwazzjoni u għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. L-alterazzjonijiet bħal modifiki purament formali, modifiki amministrattivi jew alterazzjonijiet li jsiru fil-qafas ta' miżuri kkofinanzjati mill-UE m'għandhomx, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-kontenut tal-pjan ta' valutazzjoni approvat.

(9)

Dan ir-Regolament m'għandux japplika għall-għajnuna li tiffavorixxi l-użu ta' prodotti domestiċi minn dawk importati jew l-għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni. B'mod partikolari, m'għandux japplika għal għajnuna li tiffinanzja t-twaqqif u t-tħaddim ta' netwerk tad-distribuzzjoni f'pajjiżi oħra. L-għajnuna għall-ispiża tal-parteċipazzjoni f'fieri kummerċjali jew ta' studji jew għal servizzi ta' konsultazzjoni meħtieġa għat-tnedija ta' prodott ġdid jew eżistenti f'suq ġdid fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz, normalment ma tikkostitwixxi għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni.

(10)

Dan ir-Regolament, fil-prinċipju, għandu japplika għall-biċċa l-kbira tas-setturi tal-ekonomija. Madankollu, f'ċerti setturi, bħalma hu s-settur tas-sajd u tal-akkwakultura u l-produzzjoni agrikola primarja, il-kamp ta' applikazzjoni għandu jkun limitat minħabba r-regoli speċjali applikabbli.

(11)

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli, sakemm jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, la l-attivitajiet fl-irziezet meħtieġa għat-tħejjija ta' prodott għall-ewwel bejgħ, la l-ewwel bejgħ minn produttur primarju lil rivendituri jew lil dawk li jipproċessaw, jew lanqas kwalunkwe attività għat-tħejjija ta' prodott għall-ewwel bejgħ m'għandhom jitqiesu bħala pproċessar jew kummerċjalizzazzjoni.

(12)

Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal għajnuna biex tiffaċilita l-għeluq ta' minjieri tal-faħam mhux kompetittivi, li hija ttrattata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2010 dwar l-għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-għeluq ta' minjieri tal-faħam mhux kompetittivi (6). Dan ir-Regolament għandu japplika għal tipi ta' għajnuna oħrajn fis-settur tal-faħam, bl-eċċezzjoni tal-għajnuna reġjonali.

(13)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-għajnuna awtorizzata ma taffettwax ħażin il-kundizzjonijiet kummerċjali b'tali mod li tmur kontra l-interess komuni. Għalhekk, għajnuna favur benefiċjarju li huwa soġġett għal ordni ta' rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna partikolari illegali u inkompatibbli mas-suq intern għandha tkun eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni ta' skemi ta' għajnuna li jagħmlu tajjeb għall-ħsara li ċerti diżastri naturali jikkawżaw.

(14)

Għajnuna mogħtija lil intrapriżi f'diffikultà għandha tkun eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, billi din l-għajnuna għandha tiġi vvalutata skont il-Linji Gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' intrapriżi f'diffikultà tal-1 ta' Ottubru 2004 (7) kif estiżi mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tal-applikazzjoni tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi f'diffikultà tal-1 ta' Ottubru 2004 (8)jew il-Linji Gwida suċċessivi, biex dawn ma jkunx hemm min idur magħhom, bl-eċċezzjoni ta' skemi ta' għajnuna li jagħmlu tajjeb għall-ħsara li ċerti diżastri naturali jikkawżaw. Biex ikun hemm ċertezza legali, ikun xieraq li jkunu stabbiliti kriterji ċari li ma jeħtiġux valutazzjoni tal-partikularitajiet kollha tas-sitwazzjoni ta' impriża biex ikun determinat jekk impriża hix ikkunsidrata li tinsab f'diffikultà għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

(15)

L-infurzar tal-għajnuna mill-Istat jiddependi ħafna mill-kooperazzjoni tal-Istati Membri. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw konformità ma' dan ir-Regolament, inkluża l-konformità ta' għajnuna individwali mogħtija taħt skemi ta' eżenzjoni ta' kategorija.

(16)

Ammonti kbar ta' għajnuna mogħtija kemm individwalment jew b'mod kumulattiv għandhom jiġu vvalutati, wara notifika, mill-Kummissjoni, minħabba r-riskju għoli li l-kompetizzjoni tiġi affettwata ħażin. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti limiti għal kull kategorija ta' għajnuna fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament f'livell li jieħu inkonsiderazzjoni l-kategorija ta' għajnuna kkonċernata u l-effetti probabbli tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ. Kull għajnuna mogħtija 'l fuq minn dawn il-limiti għandha tibqa' soġġetta għar-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Il-limiti stabbiliti f'dan ir-Regolament m'għandhomx ikunu evitati bil-qsim artifiċjali tal-iskemi ta' għajnuna jew tal-proġetti ta' għajnuna f'diversi skemi jew proġetti ta' għajnuna b'karatteristiċi, għanijiet jew benefiċjarji simili.

(17)

Għall-finijiet ta' trasparenza, trattament ugwali u monitoraġġ effettiv, dan ir-Regolament għandu japplika biss għal għajnuna li fir-rigward tagħha jkun possibbli li tiġi kkalkolata bi preċiżjoni l-għotja grossa ekwivalenti ex-ante mingħajr il-ħtieġa li ssir valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”). Għal ċerti strumenti speċifiċi ta' għajnuna, bħal self, garanziji, miżuri ta' tassazzjoni, miżuri ta' finanzi ta' riskju u, b'mod partikolari, pagamenti bil-quddiem li jitħallsu lura, dan ir-Regolament għandu jiddefinixxi f'liema kundizzjonijiet dawn jistgħu jitqiesu trasparenti. Injezzjonijiet ta' kapital, mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-finanzjament ta' riskju u l-għajnuna tal-bidu ta' negozju, m'għandhomx ikunu meqjusa bħala għajnuna trasparenti. Għajnuna inkluża f'garanziji għandha titqies bħala trasparenti jekk l-ekwivalenti tal-għotja gross tkun ġiet ikkalkulata abbażi ta' primjums fil-limitu ta' eżenzjoni stabbiliti skont it-tip ta' impriża rispettiva. Fil-każ ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' garanziji (9) jindika livelli ta' primjum annwali li jekk jinqabżu, garanzija mill-Istat ma tkunx meqjusa li tikkostitwixxi għajnuna.

(18)

Biex ikun żgurat li l-għajnuna tkun meħtieġa u taġixxi bħala inċentiv biex jiġu żviluppati aktar attivitajiet jew proġetti, dan ir-Regolament m'għandux japplika għal għajnuna għal attivitajiet li fi kwalunkwe każ il-benefiċjarju jieħu sehem fihom anki fl-assenza tal-għajnuna. L-għajnuna għandha tkun eżentata biss min-notifika skont dan ir-Regolament jekk ix-xogħol fuq il-proġett jew attività megħjuna jinbeda wara li l-benefiċjarju jkun issottometta applikazzjoni bil-miktub għall-għajnuna.

(19)

Fir-rigward ta' kull għajnuna ad hoc koperta minn dan ir-Regolament, mogħtija lil benefiċjarju li huwa intrapriża kbira, l-Istat Membru jiżgura li, minbarra li jikkonforma mal-kundizzjonijiet relatati mal-effett ta' inċentiv li japplika għal benefiċjarji li huma SMEs, il-benefiċjarju jkun analizza, f'dokument intern, il-vijabilità tal-proġett jew tal-attività kemm bl-għajnuna u kemm mingħajrha. L-Istat Membru għandu jivverifika li dan id-dokument intern jikkonferma żieda materjali fil-kamp ta' applikazzjoni tal-proġett/attività, żieda materjali fl-ammont totali minfuq mill-benefiċjarju fuq il-proġett jew l-attività ssussidjata jew b'mod materjali jitlestew aktar malajr il-proġett/l-attività kkonċernati. L-għajnuna reġjonali għandha tkun ikkunsidrata li għandha effett ta' inċentiv jekk il-proġett ta' investiment ma jkunx twettaq fir-reġjun megħjun ikkonċernat fl-assenza tal-għajnuna.

(20)

Skemi ta' għajnuna awtomatiċi fil-forma ta' vantaġġi fiskali għandhom jibqgħu soġġetti għal kundizzjoni speċifika fir-rigward tal-effett ta' inċentiv, minħabba li din it-tip ta' għajnuna hi mogħtija skont proċeduri differenti minn kategoriji oħra ta' għajnuna. Skemi bħal dawn diġà kellhom ikunu adottati qabel ma jkun beda x-xogħol fuq il-proġett jew l-attività megħjuna. Madankollu, din il-kundizzjoni m'għandhiex tapplika fil-każ ta' skemi fiskali suċċessivi sakemm l-attività ma kinitx diġà koperta minn skemi fiskali preċedenti fil-forma ta' vantaġġi fiskali. Għall-valutazzjoni tal-effett tal-inċentiv ta' skemi bħal dawn, il-waqt kruċjali huwa l-mument meta l-miżura fiskali ġiet stabbilita l-ewwel darba fl-iskema oriġinali, li mbagħad tiġi ssostitwita mill-iskema suċċessiva.

(21)

Rigward l-għajnuna operatorja reġjonali, l-għajnuna urbana għall-iżvilupp reġjonali, l-għajnuna biex l-SMEs jkollhom aċċess għall-finanzjament, l-għajnuna għar-reklutaġġ ta' ħaddiema żvantaġġati, għajnuna għall-impjieg ta' ħaddiema b'diżabilitajiet u l-għajnuna li tikkumpensal-ispejjeż addizzjonali biex jiġu impjegati ħaddiema b'diżabilità, l-għajnuna fil-forma ta' tnaqqis fit-taxxi ambjentali, l-għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn ċerti diżastri naturali, l-għajnuna soċjali għat-trasport għal residenti f'reġjuni mbiegħda u l-għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju, ir-rekwiżit dwar l-eżistenza ta' effett ta' inċentiv ma japplikax, jew għandu jiġi preżunt li kien hemm konformità miegħu jekk il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti għal dawn il-kategoriji ta' għajnuna f'dan ir-Regolament ikunu ġew issodisfati.

(22)

Bil-għan li jiġi żgurat li l-għajnuna tkun proporzjonata u limitata għall-ammont meħtieġ, il-limiti massimi tal-għajnuna għandhom, fejn hu possibbli, ikunu definiti f'termini ta' intensitajiet ta' għajnuna f'relazzjoni ma' sensiela ta' spejjeż eliġibbli. Fejn l-intensità massima tal-għajnuna ma tistax tkun stabbilita, minħabba li l-ispejjeż eliġibbli ma jistgħux jiġu identifikati jew inkella biex ikunu pprovduti strumenti iktar sempliċi għal ammonti iżgħar, ammonti massimi ta' għajnuna definiti f'termini nominali għandhom ikunu stabbiliti biex jassiguraw il-proporzjonalità tal-miżuri tal-għajnuna. L-intensità tal-għajnuna u l-ammonti massimi ta' għajnuna għandhom jiġu stabbiliti, fid-dawl tal-esperjenza tal-Kummissjoni, f'livell li jnaqqas kemm jista' jkun id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-settur megħjun filwaqt li jindirizza b'mod xieraq il-kwistjoni tal-falliment tas-suq jew ta' koeżjoni. Għal għajnuna reġjonali għall-investiment, l-intensità tal-għajnuna għandha tkun konformi mal-intensitajiet ta' għajnuna permissibbli skont il-pjanijiet għall-għajnuna reġjonali.

(23)

Għall-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna, l-ispejjeż eliġibbli biss għandhom ikunu inklużi. Ir-Regolament ma jeżentax għajnuna li taqbeż l-intensità tal-għajnuna rilevanti bħala riżultat tal-inklużjoni tal-ispejjeż mhux eliġibbli. L-identifikazzjoni tal-ispejjeż eliġibbli għandha tkun appoġġjata minn evidenza dokumentarja ċara, speċifika u aġġornata. Iċ-ċifri użati kollha għandhom jittieħdu qabel kwalunkwe tnaqqis ta' taxxa jew imposti oħra. L-għajnuna pagabbli f'għadd ta' pagamenti għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata. L-ispejjeż eliġibbli għandhom jiġu wkoll skontati sal-valur tagħhom fil-mument tal-għotja. Ir-rata tal-imgħax li għandha tintuża għal skopijiet ta' skontar u għall-kalkolu tal-ammont f'għajnuna fil-każ ta' għajnuna li ma tiħux il-forma ta' għotja, għandha rispettivament tkun ir-rata ta' skont u r-rata ta' referenza applikabbli fiż-żmien tal-għotja, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta' referenza u ta' skont (10). Meta tingħata għajnuna permezz ta' vantaġġi fiskali, il-porzjonijiet ta' għajnuna għandhom ikunu skontati abbażi tar-rati ta' skont applikabbli fid-dati varji li fihom il-vantaġġi fiskali jsiru effettivi. L-użu ta' għajnuna f'forma ta' pagamenti bil-quddiem li jitħallsu lura għandu jiġi promoss, peress li dawn l-istrumenti għall-kondiviżjoni tar-riskju jwasslu għat-tisħiħ tal-effett ta' inċentiv tal-għajnuna. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit li fejn l-għajnuna tingħata f'forma ta' pagamenti bil-quddiem li jitħallsu lura, l-intensitajiet tal-għajnuna applikabbli stabbiliti f'dan ir-Regolament jistgħu jiżdiedu, bl-eċċezzjoni tal-għajnuna reġjonali billi din tal-aħħar tista' tkun eżentata biss jekk tkun konformi mal-pjanijiet approvati.

(24)

Fil-każ tal-vantaġġi fiskali fuq taxxi futuri, ir-rata ta' skont applikabbli u l-ammont eżatt tal-porzjonijiet tal-għajnuna ma jistgħux ikunu magħrufa minn qabel. F'każijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu minn qabel limitu massimu fuq il-valur skontat tal-għajnuna li jirrispetta l-intensità applikabbli tal-għajnuna. Imbagħad, meta jsir magħruf l-ammont tal-porzjon tal-għajnuna f'data partikolari, l-iskontar jista' jsir abbażi tar-rata ta' skont applikabbli f'dak iż-żmien. Il-valur skontat ta' kull porzjon ta' għajnuna għandu jitnaqqas mill-ammont globali tal-limitu massimu (l-ammont limitat).

(25)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-limiti ta' notifika u ta' intensitajiet massimi ta' għajnuna stabbiliti f'dan ir-Regolament humiex rispettati, għandu jiġi kkunsidrat l-ammont totali ta' miżuri ta' għajnuna mill-Istat għall-attività jew il-proġett megħjuna. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jispeċifika ċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jiġu akkumulati kategoriji differenti ta' għajnuna. Għajnuna eżentata minn dan ir-Regolament u kull għajnuna oħra kompatibbli eżentata skont Regolament ieħor jew approvata mill-Kummissjoni jistgħu jiġu akkumulati sakemm dawn il-miżuri jikkonċernaw spejjeż eliġibbli identifikabbli differenti. Meta s-sorsi differenti ta' għajnuna jkunu relatati mal-istess — spejjeż eliġibbli — identifikabbli, li jikkoinċidu parzjalment jew għal kollox, għandha tkun permessa kumulazzjoni sal-ogħla intensità ta' għajnuna jew ammont ta' għajnuna applikabbli għal dik l-għajnuna skont dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi wkoll regoli speċjali għall-akkumulazzjoni ta' miżuri ta' għajnuna li jkollhom jew li ma jkollhomx spejjeż eliġibbli identifikabbli, għall-akkumulazzjoni ma' għajnuna de minimis u għall-akkumulazzjoni ma' għajnuna favur il-ħaddiema b'diżabilità. L-għajnuna de minimis ħafna drabi mhix mogħtija jew attribwita ma' spejjeż eliġibbli identifikabbli speċifiċi. F'każ bħal dan, ikun possibbli li tiġi kkumulata b'mod ħieles l-għajnuna de minimus bl-għajnuna mill-Istat eżentata skont dan ir-Regolament. Madankollu, meta, l-għajnuna de minimus hija mogħtija għall-istess spejjeż eliġibbli identifikabbli bħala għajnuna mill-Istat eżentata skont dan ir-Regolament, il-kumulazzjoni għandha tkun permessa biss sal-intensità ta' għajnuna massima kif stabbilita f'Kapitolu III ta' dan ir-Regolament.

(26)

Il-finanzjament tal-Unjoni amministrat ċentralment mill-istituzzjonijiet, l-aġenziji, l-intrapriżi konġunti jew korpi oħra tal-Unjoni, li l-Istati Membri ma jikkontrollawx direttament jew indirettament, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Meta finanzjament tal-Unjoni bħal dan huwa kkombinat ma' għajnuna mill-Istat, din tal-aħħar biss għandha titqies biex jiġi stabbilit jekk il-livelli limitu ta' notifika u l-intensitajiet massimi ta' għajnuna humiex rispettati, sakemm l-ammont totali ta' finanzjament pubbliku mogħti għal dawn l-spejjeż eliġibbli ma jaqbiżx ir-rata ta' finanzjament l-aktar favorevoli stabbilita fir-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni.

(27)

Ladarba l-għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat hija, fil-prinċipju, ipprojbita, huwa importanti li l-partijiet kollha jkollhom possibilità li jikkontrollaw jekk għajnuna partikulari tingħatax b'konformità mar-regoli applikabbli. Għalhekk, it-trasparenza tal-għajnuna mill-Istat hija essenzjali biex ir-regoli tat-Trattat ikunu applikati b'mod korrett u twassal għal konformità aħjar, responsabbiltà akbar, evalwazzjoni bejn il-pari u, fl-aħħar nett, infiq pubbliku aktar effettiv. Biex jiżguraw it-trasparenza, l-Istati Membri għandhom ikunu mitluba jistabbilixxu websajts komprensivi dwar l-għajnuna mill-Istat, f'livell reġjonali u nazzjonali, li jagħtu informazzjoni fil-qosor dwar kull miżura ta' għajnuna eżentata skont dan ir-Regolament. Dan l-obbligu għandu jkun kundizzjoni għall-kompatibilità tal-għajnuna individwali mas-suq intern. B'segwitu għall-prattika standard dwar il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni fid-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (11), format standard għandu jiġi użat li jippermetti li l-informazzjoni tkun imfittxa, imniżżla u ppubblikata faċilment fuq l-Internet. Il-links għall-websajts tal-għajnuna mill-Istat tal-Istati Membri kollha għandhom jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 994/98, kif emendat mir-Regolament (UE) Nru 733/2013, informazzjoni fil-qosor dwar kull miżura ta' għajnuna eżentata taħt dan ir-Regolament għandha tiġi ppubblikata fuq il-websajt tal-Kummissjoni.

(28)

Biex jiġi żgurat monitoraġġ effettiv ta' miżuri ta' għajnuna skont ir-Regolament (KE) Nru 994/98, kif emendat mir-Regolament (UE) Nru 733/2013, huwa xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti dwar ir-rapportaġġ mill-Istati Membri ta' miżuri ta' għajnuna li jkunu ġew eżentati skont dan ir-Regolament u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Barra minn hekk, xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-rekords li l-Istati Membri għandhom iżommu fuq l-għajnuna eżentata b'dan ir-Regolament, fid-dawl tal-perjodu ta' limitazzjoni stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tal-Trattat tal-KE (12).

(29)

Biex tiġi msaħħa l-effettività tal-kundizzjonijiet tal-kompatibilità stabbiliti f'dan ir-Regolament, għandu jkun possibbli għall-Kummissjoni li tirtira l-benefiċċju tal-eżenzjoni sħiħa għall-miżuri ta' għajnuna futuri f'każ ta' nuqqas ta' konformità ma' dawn ir-rekwiżiti. Il-Kummissjoni għandha tkun kapaċi tirrestrinġi l-irtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni sħiħa għal ċertu tipi ta' għajnuna, ċertu benefiċjarji jew miżuri ta' għajnuna adottati minn ċerti awtoritajiet, meta nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament jaffettwa biss grupp limitat ta' miżuri jew ċerti awtoritajiet. Irtirar immirat bħal dan għandu jipprovdi rimedju proporzjonat marbut direttament man-nuqqas ta' konformità identifikat ma' dan ir-Regolament. F'każ li l-kundizzjonijiet ta' kompatibilità stabbiliti f'Kapitoli I u III ma jintlaħqux, l-għajnuna mogħtija mhix koperta minn dan ir-Regolament u, konsegwentement, tikkostitwixxi għajnuna illegali, li l-Kummissjoni għandha teżamina fil-qafas tal-proċedura rilevanti kif stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 659/1999. Jekk ir-rekwiżiti tal-Kapitolu II ma jintlaħqux, l-irtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni sħiħa fir-rigward ta' miżuri ta' għajnuna futuri ma jaffettwax il-fatt li l-miżuri tal-passat konformi ma' dan ir-Regolament kienu soġġetti għal eżenzjoni sħiħa.

(30)

Biex ikunu eliminati d-differenzi li jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u sabiex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni bejn inizjattivi differenti tal-Unjoni u nazzjonali li jikkonċernaw l-SMEs, kif ukoll għal raġunijiet ta' ċarezza amministrattiva u ċertezza legali, id-definizzjoni ta' SME użata għall-fini ta' dan ir-Regolament għandha tkun ibbażata fuq id-definizzjoni stipulata fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji (13).

(31)

Billi tindirizza l-iżvantaġġi ta' reġjuni żvantaġġati, l-għajnuna reġjonali tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Istati Membri u tal-Unjoni kollha. L-għajnuna reġjonali hija mfassla biex tgħin fl-iżvilupp tar-reġjuni l-aktar żvantaġġati billi tappoġġja l-investiment u l-ħolqien tax-xogħol f'kuntest sostenibbli. F'reġjuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat, l-għajnuna reġjonali tista' tingħata sabiex tippromwovi t-twaqqif ta' stabbilimenti ġodda, l-estensjoni tal-kapaċità ta' stabbilimenti eżistenti, id-diversifikazzjoni tal-produzzjoni ta' stabbiliment, jew bidla fundamentali fil-proċess kollu tal-produzzjoni ta' stabbiliment eżistenti. Meta wieħed iqis li l-intrapriżi l-kbar huma inqas milqutin minn żvantaġġi reġjonali mill-SMEs meta jinvestu f'reġjun li jissodisfa l-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-Trattat, l-għajnuna reġjonali lil intrapriżi kbar għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika biss għall-investimenti inizjali favur attività ekonomika ġdida f'dawn l-oqsma.

(32)

Meta skema ta' għajnuna reġjonali tkun immirata lejn għadd limitat ta' oqsma tal-ekonomija, l-effetti oġġettivi u l-aktar probabbli tal-iskema jistgħu jkunu settorjali aktar milli orizzontali. Għalhekk, skemi settorjali ma jistgħux ikunu eżentati mir-rekwiżit ta' notifika. Madankollu, il-Kummissjoni, wara notifika, tista' tevalwa l-effetti possibbli pożittivi tagħhom taħt il-linji gwida jew oqfsa jew deċiżjonijiet applikabbli. B'mod partikolari, dan jgħodd għal skemi ta' għajnuna li jkopru attivitajiet ekonomiċi fis-settur tal-faħam, is-settur tal-bini tal-bastimenti, is-settur tat-trasport. Barra minn hekk, minħabba l-karatteristiċi partikolari tas-setturi tal-azzar u tal-fibri sintetiċi, huwa meqjus li l-effetti negattivi tal-għajnuna reġjonali f'dawn is-setturi ma jistgħux jintgħelbu mill-effetti pożittivi tal-koeżjoni; għal dawn ir-raġunijiet, l-għajnuna reġjonali ma tistax tingħata f'dawn is-setturi. Fl-aħħarnett, is-setturi tat-turiżmu u tal-broadband għandhom rwol importanti fl-ekonomiji nazzjonali, u b'mod ġenerali għandhom effett partikolarment pożittiv fuq l-iżvilupp reġjonali. Skemi ta' għajnuna reġjonali mmirati lejn attivitajiet tat-turiżmu u l-broadband għandhom għalhekk ikunu eżentati mir-rekwiżit ta' notifika. L-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli huma marbutin b'saħħa mal-ekonomiji lokali u reġjonali, u għandhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta' kategorija.

(33)

Il-ġenerazzjoni, d-distribuzzjoni u l-infrastruttura tal-enerġija huma soġġetti għal leġiżlazzjoni tas-suq intern speċifika għas-settur, li hija riflessa fil-kriterji li jiżguraw li l-għajnuna f'dawn l-oqsma hija kompatibbli mas-suq intern u konsistenti mal-politiki ambjentali u tal-enerġija tal-Unjoni. L-għajnuna reġjonali mogħtija skont Taqsima 1 ta' dan ir-Regolament issegwi objettivi ta' żvilupp ekonomiku u ta' koeżjoni, u hija għalhekk soġġetta għal kundizzjonijiet differenti ħafna ta' kompatibiltà. Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar l-għajnuna reġjonali għalhekk m'għandhiex tapplika għal miżuri li jikkonċernaw il-ġenerazzjon, d-distribuzzjoni u l-infrastruttura tal-enerġija.

(34)

Investimenti li jippermettu lill-intrapriżi jaqbżu l-istandards tal-Unjoni jew iżidu l-livell tal-protezzjoni ambjentali fl-assenza ta' standards tal-Unjoni, investimenti għall-adattament bikri għal standards futuri tal-Unjoni, investimenti għal miżuri għall-effiċjenza enerġetika, inklużi proġetti ta' effiċjenza enerġetika fil-bini, investimenti għar-riabilitazzjoni ta' siti kkontaminati u għajnuna għal studji ambjentali ma jinfluwenzawx direttament il-funzjonament ta' swieq tal-enerġija. Fl-istess ħin, investimenti bħal dawn jistgħu jikkontribwixxu kemm għall-objettivi ta' politika reġjonali kif ukoll għall-objettivi tal-enerġija u ambjentali tal-Unjoni Ewropea. F'każijiet bħal dawn, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament kemm dwar l-għajnuna reġjonali kif ukoll l-għajnuna għall-protezzjoni ambjentali tista' tiġi applikata, skont l-objettiv ewlieni segwit mill-miżura kkonċernata.

(35)

Biex ma jiġix ippreferut il-fattur kapitali ta' investiment fuq investiment fl-ispejjeż lavorattivi, għandu jkun possibbli li titkejjel l-għajnuna għall-investiment reġjonali abbażi tal-ispejjeż tal-investiment jew inkella abbażi tal-ispejjeż tal-impjiegi maħluqa direttament minn proġett ta' investiment.

(36)

L-għajnuna għall-investiment reġjonali m' għandhiex tkun eżentata min-notifika meta tingħata lil benefiċjarju li jkun għalaq l-istess attività jew waħda simili fiż-Żona Ekonomika Ewropea fis-sentejn ta' qabel l-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna għall-investiment reġjonali jew, fiż-żmien tal-applikazzjoni għall-għajnuna, ikollu pjanijiet konkreti biex jagħlaq attività bħal din fi żmien perjodu li jista' jilħaq is-sentejn qabel ma jitlesta l-investiment inizjali fiż-żona kkonċernata, li għalih tiġi mitluba l-għajnuna.

(37)

Il-Kummissjoni kisbet esperjenza biżżejjed fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(a) u (c) tat-Trattat fir-rigward tal-għajnuna operatorja reġjonali biex tikkumpensa għall-ispejjeż tat-trasport addizzjonali ta' oġġetti prodotti fir-reġjuni l-aktar imbiegħda jew f'żoni skarsament popolati, u ta' oġġetti li jkomplu jiġu pproċessati f'dawn iż-żoni, kif ukoll l-ispejjeż addizzjonali tal-produzzjoni u tal-operazzjoni (apparti l-ispejjeż tat-trasport addizzjonali) imġarrba mill-benefiċjarji stabbiliti fir-reġjuni l-aktar imbiegħda. Peress li hemm riskju ta' kumpens żejjed għall-ispejjeż tat-trasport li jirriżultaw minn appoġġ addizzjonali skont il-programmi tal-POSEI fis-settur agrikolu u peress li ma jistax ikun eskluż li xi prodotti agrikoli mhumiex prodotti f'post alternattiv, is-settur agrikolu għandu jkun eskluż mill-għajnuna operatorja reġjonali biex jikkumpensal-ispejjeż addizzjonali tat-trasport ta' oġġetti prodotti fir-reġjuni l-aktar imbiegħda jew f'żoni skarsament popolati skont dan ir-Regolament. L-għajnuna operatorja reġjonali biex tikkumpensal-ispejjeż addizzjonali fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, apparti l-ispejjeż tat-trasport addizzjonali, tista' tkun ikkunsidrata kompatibbli biss mas-suq intern u tista' tkun eżentata biss mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat sakemm il-livell ta' din l-għajnuna huwa limitat jew għal 15 % tal-valur miżjud gross imġarrab annwalment mill-benefiċjarju kkonċernat fir-reġjun l-aktar mbiegħed, jew 25 % tal-ispejjeż annwali tax-xogħol li jkollu l-benefiċjarju kkonċernat fir-reġjun l-aktar imbiegħed, jew 10 % tal-fatturat annwali tal-benefiċjarju fir-reġjun l-aktar imbiegħed. Meta l-għajnuna ma taqbiżx l-ammont li jirriżulta minn wieħed minn dawn il-metodi alternattivi biex jiġu ddeterminati l-ispejjeż operazzjonali addizzjonali (apparti l-ispejjeż tat-trasport addizzjonal) tista' tkun ikkunsidrata bħala ġġustifikata f'termini ta' kontribuzzjoni għall-iżvilupp reġjonali u proporzjonali għall-iżvantaġġi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-intrapriżi fir-reġjuni l-aktar imbiegħda.

(38)

L-għajnuna għall-iżvilupp urban, għax tindirizza konċentrazzjoni għolja ta' problemi ekonomiċi, ambjentali u soċjali f'żoni urbani li jinsabu f'żoni megħjuna identifikati fi pjan għall-għajnuna reġjonali, tikkontribwixxi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Istati Membri u l-Unjoni kollha. Il-fallimenti tas-suq li jridu jiġu indirizzati permezz ta' għajnuna għall-iżvilupp urban huma marbutin mal-kundizzjonijiet ta' finanzjament għall-iżvilupp urban, man-nuqqas ta' approċċ integrat għall-iżvilupp urban, mad-defiċit fil-finanzjament li jwassal għall-ħtieġa ta' ingranaġġ finanzjarju akbar fuq ir-riżorsi pubbliċi skarsi, u mal-bżonn ta' approċċ aktar kummerċjali għar-riġenerazzjoni taż-żoni urbani. L-għajnuna għall-iżvilupp urban li ssostni l-iżvilupp ta' strateġiji parteċipattivi, integrati u sostenibbli li jindirizzaw il-problemi addizzjonali identifikati fiż-żoni megħjuna, għandha għalhekk tkun koperta mill-eżenzjoni ta' kategorija.

(39)

L-investimenti li jikkorrispondu mal-prijoritajiet tal-Ewropa 2020 (14) fir-rigward tat-teknoloġiji ekoloġiċi u l-bidla lejn ekonomija b'karbonju baxx, meta jitwettqu f'żoni megħjuna kif identifikati fil-pjan għall-għajnuna reġjonali rilevanti, għandhom ikunu eliġibbli għal ammonti ogħla ta' għajnuna permezz ta' bonus reġjonali.

(40)

L-SMEs għandhom rwol deċiżiv fil-ħolqien tax-xogħol u, b'mod aktar ġenerali, jaġixxu bħala fattur ta' stabilità soċjali u ta' żvilupp ekonomiku. Madankollu, l-iżvilupp tagħhom jista' jkun imxekkel b'nuqqasijiet tas-suq, li jwasslu biex dawn l-SMEs jsofru mill-iżvantaġġi tipiċi li ġejjin. L-SMEs ta' spiss ikollhom diffikultajiet biex jiksbu kapital jew self, minħabba n-natura avversa għar-riskju ta' ċerti swieq finanzjarji u l-garanzija limitata li jkunu kapaċi joffru. Ir-riżorsi limitati tagħhom jistgħu ukoll jirrestrinġu l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni, b'mod partikolari dwar teknoloġija ġdida u swieq potenzjali. Biex jiffaċilita l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi tal-SMEs, dan ir-Regolament għandu għalhekk jeżenta ċerti kategoriji ta' għajnuna meta dawn jingħataw favur l-SMEs. Dawn il-kategoriji għandhom jinkludu, b'mod partikolari għajnuna għall-investiment għall-SMEs u għall-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-fieri.

(41)

L-SMEs li jipparteċipaw fil-proġetti ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) koperti mir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea (15)ħafna drabi jsibu diffikultajiet biex jiffinanzjaw spejjeż addizzjonali ġejjin mill-kooperazzjoni bejn imsieħba li jinsabu f'reġjuni differenti u fi Stati Membri differenti jew f'pajjiżi terzi. Minħabba l-importanza tal-ETC bħala għan tal-politika ta' koeżjoni li jipprovdi qafas għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet konġunti u għal skambji ta' politika bejn atturi nazzjonali, reġjonali u lokali minn Stati Membri differenti jew pajjiżi terzi, dan ir-Regolament għandu jindirizza ċerti diffikultajiet li jiffaċċjaw proġetti ta' ETC sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità tagħhom mar-regoli għall-għajnuna mill-Istat. Il-kwistjonijiet speċifiċi tal-ETC li dan ir-Regolament għandu jindirizza huma marbutin mal-intensità tal-għajnuna reġjonali applikabbli għal proġetti tal-ETC, mal-ispejjeż tal-kooperazzjoni tal-SMEs marbuta ma' proġetti tal-ETC u mal-obbligi li jikkonċernaw il-pubblikazzjoni u informazzjoni, ir-rapportar u ż-żamma tar-rekords għal skopijiet ta' monitoraġġ.

(42)

Wara li jiġu kkunsidrati l-iżvantaġġi u d-differenzi speċifiċi bejn l-SMEs, intensitajiet differenti ta' għajnuna bażika u bonuses differenti jistgħu japplikaw.

(43)

Abbażi tal-esperjenza miksuba dwar l-applikazzjoni tal-linji gwida Komunitarji marbuta mal-għajnuna mill-Istat biex jiġu xprunati investimenti ta' kapital ta' riskju fl-SMEs (16), hemm għadd ta' nuqqasijiet speċifiċi fis-suq tal-kapital ta' riskju fl-Unjoni fir-rigward ta' ċerti tipi ta' investimenti fid-diversi stadji tal-iżvilupp tal-intrapriżi. Dawn in-nuqqasijiet tas-suq jirriżultaw minn tlaqqigħ difettuż tal-provvista u d-domanda għal kapital ta' riskju. Bħala riżultat, il-livell ta' kapital ta' riskju pprovdut fis-suq jista' jkun ristrett wisq u l-impriżi ma jiksbux finanzjament minkejja li jkollhom mudell kummerċjali ta' valur u prospetti ta' tkabbir. Is-sors prinċipali ta' nuqqas tas-suq rilevanti għal swieq ta' kapital ta' riskju, li b'mod partikolari jaffettwa l-aċċess għall-kapital minn SMEs u li jista' jiġġustifika l-intervent pubbliku, jirrigwarda informazzjoni difettuża jew assimmetrika. Din mhux biss taffettwa l-forniment tal-kapital ta' riskju, iżda wkoll ixxekkel l-aċċess għall-finanzjament tad-dejn għal ċerti SMEs. Konsegwentement, miżuri ta' finanzjament ta' riskju li jfittxu li jattiraw kapital privat għall-forniment tal-iffinanzjar ta' riskju lil SMEs mhux elenkati li huma affettwati mid-distakk fil-finanzjament u li jiżguraw deċiżjonijiet ta' finanzjament immexxija mill-profitti u l-ġestjoni kummerċjali ta' intermedjarji finanzjarji għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit ta' notifika taħt ċerti kundizzjonijiet.

(44)

L-għajnuna biex intrapriżi żgħar jibdew, għajnuna għal pjattaformi tal-kummerċ alternattivi li jispeċjalizzaw fl-SMEs u għajnuna għal spejjeż relatati mat-tiftix tal-SMEs għal prospetti, għandhom ikunu eżentati wkoll mir-rekwiżit ta' notifika taħt ċerti kundizzjonijiet.

(45)

L-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni tista' tikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli, issaħħaħ il-kompetittività u tagħti spinta lill-impjiegi. L-esperjenza fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 800/2008 u fil-qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (17) turi li l-fallimenti tas-suq jistgħu jżommu lis-suq milli jilħaq l-aħjar produzzjoni u jwasslu għal ineffiċjenzi relatati ma' esternalitajiet, oġġetti pubbliċi/riperkussjonijiet ta' għarfien, informazzjoni difettuża u assimmetrika, u fallimenti fil-koordinazzjoni u fin-netwerk.

(46)

L-SMEs, jistgħu jesperjenzaw diffikultajiet fil-ksib ta' aċċess għal żviluppi teknoloġiċi ġodda, it-trasferiment ta' għarfien jew persunal bi kwalifiki għolja. L-għajnuna għal proġetti ta' riċerka u żvilupp, l-għajnuna għal studji ta' vijabilità, u l-għajnuna għall-innovazzjoni tal-SMEs, inkluża l-għajnuna biex tkopri spejjeż ta' drittijiet ta' proprjetà industrijali, jistgħu jirrimedjaw dawn il-problemi u għandhom għalhekk ikunu eżentati mir-rekwiżit ta' notifika taħt ċerti kundizzjonijiet.

(47)

Fir-rigward ta' għajnuna għal proġetti ta' riċerka u żvilupp, il-parti megħjuna tal-proġett tar-riċerka għandha taqa' kompletament taħt il-kategoriji tar-riċerka fundamentali, ir-riċerka industrijali jew l-iżvilupp sperimentali. Meta proġett iħaddan biċċiet ta' xogħol differenti, kull biċċa xogħol għandha tkun ikkwalifikata bħala li taqa' taħt waħda mill-kategorji elenkati, jew bħala li ma taqax taħt xi waħda minn dawk il-kategoriji. Din il-kwalifika mhux bilfors tkun kronoloġika, billi biż-żmien timxi minn riċerka fundamentali għal attivitajiet aktar qrib is-suq. Għaldaqstant, kompitu li jitwettaq fi stadju tard tal-proġett jista' jikkwalifika bħala riċerka industrijali. Bl-istess mod, attività mwettqa fi stadju aktar bikri tista' tikkostitwixxi żvilupp sperimentali. Il-parti megħjuna tal-proġett tista' tinkludi wkoll studji ta' vijabilità bi preparazzjoni għall-attivitajiet ta' riċerka.

(48)

L-infrastrutturi tar-riċerka ta' kwalità għolja qegħdin isiru dejjem aktar meħtieġa għar-riċerka rivoluzzjonarja u għall-innovazzjoni minħabba li jattiraw talent globali u huma essenzjali fl-appoġġ għal teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u għal teknoloġiji abilitanti ewlenin. Infrastrutturi tar-riċerka pubbliċi għandhom ikomplu jissieħbu mar-riċerka tal-industrija. Aċċess għall-infrastrutturi ta' riċerka ffinanzjati b'mod pubbliku għandhom jingħataw fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja, u fuq it-termini tas-suq. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux irrispettati, il-miżura ta' għajnuna ma tistax tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika. Partijiet multipli jista' jkollhom pussess, joperaw u jużaw infrastruttura tar-riċerka partikolari, u l-entitajiet pubbliċi u l-impriżi jistgħu jużaw l-infrastruttura b'mod kollaborattiv.

(49)

Infrastrutturi tar-riċerka jistgħu jwettqu kemm attivitajiet ekonomiċi kif ukoll mhux ekonomiċi. Biex jiġi evitat l-għoti ta' għajnuna mill-Istat għal attivitajiet ekonomiċi permezz ta' finanzjament pubbliku ta' attivitajiet mhux ekonomiċi, l-ispejjeż u l-finanzjament ta' attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi għandhom ikunu distinti b'mod ċar. Meta infrastruttura hija użata għal kemm għal attivitajiet ekonomiċi kif ukoll għal attivitajiet mhux ekonomiċi, il-finanzjament permezz tar-riżorsi tal-Istat għall-ispejjeż marbutin ma' attivitajiet mhux ekonomiċi tal-infrastruttura ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Il-finanzjament pubbliku jaqa' taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat biss jekk dan ikopri l-spejjeż marbutin mal-attivitajiet ekonomiċi. Tal-aħħar biss għandhom jiġu kkunsidrati bil-għan li tiġi żgurata l-konformità mal-limiti tan-notifika u tal-intensitajiet massimi tal-għajnuna. Jekk l-infrastruttura tkun użata kważi esklussivament għal attività mhux ekonomika, il-finanzjament tagħha jista' jaqa' kompletament lil hinn mir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, sakemm l-użu ekonomiku jibqa' purament anċillari, jiġifieri, attività li hija direttament relatata mal-operat tal-infrastruttura u neċessarja għalih, jew intrinsikament marbuta mal-użu mhux ekonomiku ewlieni tiegħu, u hija limitata fil-kamp ta' applikazzjoni. Dan għandu jitqies li jkun il-każ meta l-attivitajiet ekonomiċi jikkunsmaw l-istess inputs (bħal materjal, tagħmir, xogħol u kapital fiss) peress li l-attivitajiet mhux ekonomiċi u l-kapaċità allokata kull sena għal tali attivitajiet ekonomiċi ma taqbiżx l-20 % tal-kapaċità annwali globali tal-infrastruttura tar-riċerka.

(50)

L-għajnuna għar-ragruppamenti tal-innovazzjoni għandha l-għan li tindirizza l-fallimenti tas-suq marbutin ma' problemi ta' koordinazzjoni li jxekklu l-iżvilupp tar-ragruppamenti, jew li jillimitaw l-interazzjoni u l-flussi tal-għarfien fir-ragruppamenti. L-għajnuna mill-Istat tista' jew tappoġġa l-investiment f'infrastrutturi miftuħin u komuni għal ragruppamenti ta' innovazzjoni, jew tappoġġa l-operat tar-ragruppament, biex jissaħħu l-kollaborazzjoni, in-netwerking u t-tagħlim. L-għajnuna operatorja għal ragruppamenti ta' innovazzjoni għandha madankollu tkun permessa biss fuq bażi temporanja għal perjodu limitat li ma jaqbiżx l-10 snin. Il-proporzjon tal-ammont totali ta' għajnuna mogħtija għall-ispejjeż eliġibbli totali ma għandux jaqbeż il-50 % matul il-perjodu li fih tingħata l-għajnuna,

(51)

L-innovazzjoni fil-proċess u fl-organizzazzjoni tista' tkun affettwata minn fallimenti tas-suq fil-forma ta' informazzjoni mhux tajba u esternalitajiet pożittivi, li għandhom jiġu indirizzati permezz ta' miżuri speċifiċi. Għajnuna għal din it-tip ta' innovazzjoni hija rilevanti l-aktar għall-SMEs, peress li jiffaċċjaw limitazzjonijiet li jistgħu jxekklu l-kapaċità tagħhom li jtejbu l-produzzjoni jew il-metodi ta' twassil tagħhom, jew li jtejbu b'mod sinifikanti l-prattiki ta' negozju, l-organizzazzjoni fuq il-post tax-xogħol u r-relazzjonijiet esterni tagħhom. Biex jistimulaw intrapriżi kbar biex jikkollaboraw ma' SMEs f'attivitajiet ta' innovazzjoni fil-proċess u fl-organizzazzjoni, miżuri ta' għajnuna li jiffinanzjaw l-ispejjeż ta' impriżi kbar għal attivitajiet bħal dawn, għandhom jibbenefikaw ukoll, skont ċerti kundizzjonijiet, mir-regolament dwar l-eżenzjoni ta' kategorija.

(52)

Il-promozzjoni tat-taħriġ u r-reklutaġġ/l-impjieg ta' ħaddiema żvantaġġati u ta' ħaddiema b'diżabilità jikkostitwixxu l-għan prinċipali tal-politiki ekonomiċi u soċjali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

(53)

It-taħriġ normalment jiġġenera esternalitajiet pożittivi għas-soċjetà kollha kemm hi, peress li jżid il-grupp ta' ħaddiema mħarrġa li minnhom jistgħu jagħżlu intrapriżi oħra, itejjeb il-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni u għandu rwol importanti fl-istrateġija tax-xogħol tal-Unjoni. Għajnuna biex tippromwovi t-taħriġ għandha għalhekk tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika taħt ċerti kundizzjonijiet. Fid-dawl tal-iżvantaġġi partikolari li jiffaċċjaw l-SMEs u l-ispejjeż relattivament ogħla li jridu jbatu meta jinvestu fit-taħriġ, l-intensitajiet tal-għajnuna eżentati b'dan ir-Regolament għandhom jiġu miżjuda għall-SMEs. Barra minn hekk, l-intensitajiet tal-għajnuna eżentati minn dan ir-Regolament għandhom jiżdiedu jekk it-taħriġ jingħata lill-ħaddiema żvantaġġati jew lill-ħaddiema b'diżabilità. Il-karatteristiċi tat-taħriġ fis-settur tat-trasport marittimu jiġġustifikaw approċċ speċifiku għal dan is-settur.

(54)

Ċerti kategoriji ta' ħaddiema żvantaġġati u ħaddiema b'diżabilità għadhom jesperjenzaw diffikultajiet partikolari biex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol. Għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu japplikaw miżuri li jipprovdu inċentivi lil intrapriżi biex iżidu l-livelli tal-impjiegi ta' dawn il-kategoriji ta' ħaddiema, b'mod partikolari taż-żgħażagħ. Peress li l-ispejjeż tal-impjieg jagħmlu parti mill-ispejjeż operattivi ta' kull intrapriża, għajnuna biex ikunu impjegati ħaddiema żvantaġġati u ħaddiema b'diżabilità għandu jkollha effett pożittiv fil-livelli tal-impjiegi ta' dawn il-kategoriji ta' ħaddiema u m'għandhiex biss tippermetti lil intrapriżi jnaqqsu l-ispejjeż li kieku kien ikollhom ibatu. Bħala konsegwenza, din l-għajnuna għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika meta probabbilment din se tgħin lil dawn il-kategoriji ta' ħaddiema biex jidħlu jew jidħlu mill-ġdid u jibqgħu fis-suq tax-xogħol. Kif stabbilit fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010 — 2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli (18),l-elementi ewlenin tal-istrateġija tal-UE rigward id-diżabilità, jgħaqqdu flimkien l-antidiskriminazzjoni, l-opportunitajiet indaqs u l-miżuri ta' inklużjoni attiva u jirriflettu l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, li jagħmlu parti minnha l-UE u l-maġġoranza tal-Istati Membri. Dan ir-Regolament għandu jagħmel riferiment għall-għajnuna għall-ħaddiema b'diżabilità skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni.

(55)

Kif ġie ddikjarat fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (19), It-tkabbir sostenibbli għal ekonomija iktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, iktar ekoloġika u iktar kompetittiva huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-istrateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv tal-Ewropa 2020. L-iżvilupp sostenibbli huwa bbażat, fost affarijiet oħra, fuq livell għoli ta' protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent. Il-qasam tal-ħarsien ambjentali qed jaffaċċja nuqqasijiet tas-suq b'tali mod li, taħt il-kundizzjonijiet normali tas-suq, l-intrapriżi mhux neċessarjament ikollhom inċentiv biex inaqqsu t-tniġġis ikkawżat minnhom peress li kull tnaqqis bħal dan jista' jżid l-ispejjeż tagħhom mingħajr benefiċċji korrispondenti. Meta l-intrapriżi ma jkunux obbligati jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tat-tniġġis, is-soċjetà inġenerali tbati dawn l-ispejjeż.

(56)

L-introduzzjoni ta' standards ambjentali obbligatorji tista' tindirizza falliment tas-suq bħal dan. Livell ogħla ta' protezzjoni ambjentali jista' jintlaħaq permezz ta' investimenti li jmorru lil hinn mill-istandards obbligatorji tal-Unjoni. Biex intrapriżi jiġu inċentivati biex itejbu l-livell ta' protezzjoni ambjentali li jmur lil hinn mill-istandards obbligatorji tal-Unjoni, l-għajnuna mill-Istat f'dan il-qasam għandha tkun koperta mill-eżenzjoni ta' kategorija. Biex ma jiddiswadix lill-Istati Membri milli jistabbilixxu standards nazzjonali obbligatorji li jkunu aktar stretti minn standards tal-Unjoni korrispondenti, din l-għajnuna mill-Istat għandha tkun eżentata, irrispettivament minn jekk ikunx hemm standards nazzjonali obbligatorji li jkunu aktar stretti mill-istandards tal-Unjoni.

(57)

Bħala prinċipju, l-għajnuna ma għandhiex tingħata meta l-investimenti jwassalu lill-intrapriżi biex jikkonformaw mal-istandards tal-Unjoni li diġà ġew adottati u li għadhom mhumiex fis-seħħ. Madankollu, l-għajnuna mill-Istat tista' twassal lill-impriżi biex itejbu l-imġiba ambjentali tagħhom jekk din l-għajnuna mill-Istat tinċentivizza lill-impriżi biex minn kmieni jadattaw ruħhom għal standards futuri tal-Unjoni qabel ma dawn l-istandards jidħlu fis-seħħ, u dejjem jekk dawn l-istandards ma jkunux japplikaw b'mod retroattiv. L-għajnuna lil intrapriżi li jadattaw għal standards futuri tal-Unjoni, tista' twassal għal livell għoli ta' ħarsien ambjentali li jinkiseb aktar qabel u tali għajnuna għandha għalhekk tkun eżentata.

(58)

Bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020, l-Unjoni stabbilixxiet l-objettiv biex tikseb żieda ta' 20 % fl-effiċjenza enerġetika sal-2020 u, b'mod partikolari, adottat id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/KE u tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (20) li tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika fl-Unjoni bl-objettiv ġenerali sabiex jiġi ffrankat mill-inqas 20 % mill-konsum tal-enerġija primarja tal-Unjoni. Biex dawn il-miri jkunu jistgħu jintlaħqu faċilment, miżuri li jappoġġaw l-effiċjenza enerġetika,, il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u l-effiċjenza enerġetika fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, għandhom ikunu koperti mill-eżenzjoni ta' kategorija.

(59)

Il-miżuri li jżidu l-effiċjenza enerġetika tal-bini jikkorrispondu għall-prijoritajiet tal-Ewropa 2020 rigward bidla lejn ekonomija baxxa fil-karbonju. Minħabba n-nuqqas ta' approċċ integrat għall-effiċjenza enerġetika fil-bini, investimenti bħal dawn jistgħu jaffaċċjaw ta' spiss defiċit ta' finanzjament li jeħtieġlu ingranaġġ ikbar ta' riżorsi pubbliċi skarsi. Għalhekk l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà biex jappoġġaw investimenti ta' effiċjenza enerġetika fil-bini billi jagħtu għajnuna f'forma ta' għotjiet diretti lis-sidien jew l-okkupanti tal-bini f'konformità mad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar miżuri ta' effiċjenza enerġetika iżda wkoll f'forma ta' self u garanziji permezz ta' intermedjarji finanzjarji magħżula taħt mekkaniżmu ta' selezzjoni trasparenti skont id-dispożizzjonijiet speċifiċi għal proġetti ta' effiċjenza enerġetika fil-bini.

(60)

Biex jinkisbu l-miri għall-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni stabbiliti fid-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u li sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (21) kif ukoll, sal-punt li appoġġ addizzjonali huwa meħtieġ apparti qafas regolatorju bħall-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta' emissjonijiet fid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (22), l-għajnuna mogħtija lill-investimenti li jappoġġaw l-enerġija minn sorsi rinnovabbli għandha tkun koperta minn eżenzjoni ta' kategorija.

(61)

Minħabba d-distorsjonijiet limitati tal-kummerċ u l-kompetizzjoni, l-eżenzjoni ta' kategorija għandha tkopri wkoll, l-għajnuna operatorja għal istallazzjonijiet fuq skala żgħira li jipproduċu enerġija rinnovabbli, soġġetti għal kundizzjonijiet definiti b'mod ċar. L-għajnuna operatorja għal istallazzjonijiet ta' skala kbira għandha tkun koperta mill-eżenzjoni ta' kategorija meta distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu limitati. Għalhekk, tali għajnuna operattiva tista' tkun eżentata bħala kategorija meta mogħtija lil teknoloġiji ġodda u innovattivi jekk l-għajnuna tingħata abbażi ta' proċess kompetittiv ta' offerti miftuħ għal mill-inqas teknoloġija waħda bħal din permezz ta' mekkaniżmu li jesponi lill-produtturi tal-enerġija rinnovabbli għall-prezzijiet tas-suq. L-għajnuna totali mogħtija fuq din il-bażi ma tistax tingħata għal iktar minn 5 % tal-kapaċità l-ġdida ppjanata tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Għajnuna mogħtija permezz ta' proċessi ta' offerti miftuħa għat-teknoloġiji kollha tal-enerġija rinnovabbli għandhom ikunu kompletament koperti mill-eżenzjoni ta' kategorija. Skemi ta' għajnuna operatorja fil-prinċipju għandhom ikunu miftuħin lil pajjiżi u partijiet kontraenti oħra taż-ŻEE tal-Komunità tal-Enerġija biex jillimitaw l-effetti ġenerali ta' distorsjoni. L-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw ikollhom mekkaniżmu ta' kooprazzjoni fis-seħħ qabel ma jippermettu appoġġ tansfruntiera. Fl-assenza ta' mekkaniżmu ta' kooperazzjoni, il-produzzjoni minn istallazzjonijiet f'pajjiżi oħrajn ma tgħoddx lejn il-mira nazzjonali ta' enerġija rinnovabbli. Fid-dawl ta' dawn il-limitazzjonijiet, l-Istati Membri għandu jkollhom biżżejjed żmien biex ifasslu skemi ta' appoġġ xierqa li huma miftuħin għal pajjiżi oħrajn. Għalhekk, tali ftuħ mhux kundizzjoni għal eżenzjoni min-notifika, sal-punt fejn mhux meħtieġ skont it-Trattat.

(62)

Fir-rigward ta' għajnuna għall-produzzjoni tal-idroenerġija, l-impatt tagħha jista' jkun doppju. Min-naħa l-waħda, għandha impatt pożittiv f'termini ta' emissjoni ta' gass serra baxxa, u min-naħa l-oħra jista' jkollha wkoll impatt negattiv fuq is-sistemi tal-ilma u l-bijodiversità. Għalhekk, meta tingħata għajnuna għall-idroelettriku, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (23) u b'mod partikolari l-Artikolu 4(7) li jistipula l-kriterji li jippermettu tibdil ġdid ta' korpi tal-ilma.

(63)

Għajnuna għandha tingħata biss lil forom sostenibbli ta' enerġija rinnovabbli. Għajnuna għall-bijofjuwils għandha tkun koperta biss minn dan ir-Regolament sakemm tkun mogħtija għall-bijofjuwils sostenibbli f'konformità mad-Direttiva (KE) Nru 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Madankollu, għajnuna għal bijofjuwils magħmula mill-ikel għandha skont dan ir-Regolament tkun eskluża mill-għajnuna biex tinċentiva l-bidla lejn il-produzzjoni ta' forom aktar avvanzati ta' bijofjuwils. Għajnuna għal bijofjuwils li huma soġġetti għal obbligu ta' provvista jew taħlit għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-eżenzjoni ta' kategorija hekk kif l-obbligu ġuridiku t'hawn fuq jista' jipprovdi inċentiv biżżejjed għall-investimenti f'dawn it-tipi ta' enerġija rinnovabbli.

(64)

Għajnuna fil-forma ta' tnaqqis tat-taxxa b'segwitu għad-Direttiva 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 għar-ristrutturar tal-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku (24) li jiffavorixxi l-protezzjoni ambjentali koperta b'dan ir-Regolament, indirettament tista' tkun ta' benefiċċju għall-ambjent. Madankollu, it-taxxi ambjentali għandhom jirriflettu l-konsegwenzi soċjali tal-emissjonijiet filwaqt li t-tnaqqis mit-taxxi jista' jkollu impatt negattiv fuq dan il-għan. Għalhekk jidher li huwa xieraq li jiġi limitat it-tul ta' żmien tagħhom għall-perjodu tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Wara dan il-perjodu, l-Istati Membri għandhom jerġgħu jevalwaw l-adegwatezza tat-tnaqqis fit-taxxa kkonċernata. Biex titnaqqas id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-għajnuna għandha tingħata bl-istess mod lill-kompetituri kollha li jinsabu f'sitwazzjoni reali simili. Biex ikun ippreservat aħjar is-sinjal tal-prezz li t-taxxa ambjentali timmira li tagħti għall-impriżi, l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li jfasslu skema ta' tnaqqis tat-taxxa bbażata fuq mekkaniżmu ta' ħruġ tal-flus għal ammont fiss ta' kumpens annwali (refużjoni fiskali).

(65)

Fid-dawl tal-prinċipju ta' “min iniġġeż iħallas”, l-ispejjeż tal-miżuri meħuda biex ikun indirizzat it-tniġġis għandhom jitħallsu minn min iniġġes. Għajnuna għar-riabilitazzjoni ta' siti kkontaminati hija ġġustifikata f'każijiet meta l-persuna responsabbli taħt il-liġi applikabbli għall-kontaminazzjoni ma tistax tiġi identifikata. Madankollu, l-kundizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà ambjentali fir-rigward tal-prevenzjoni u r-rimedjar tal-ħsara ambjentali kif definita fid-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali fir-rigward tal-prevenzjoni u r-rimedjar tal-ħsara ambjentali (25) kif emendat mid-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar il-ġestjoni tal-iskart minn industriji estrattivi u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (26) u d-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/ŻEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (27) għandu japplika. Għalhekk, biex tiġi ffaċilitata l-korrezzjoni ta' ħsara ambjentali eżistenti, din it-tip ta' għajnuna għandha tkun koperta mill-eżenzjoni ta' kategorija taħt ċerti kundizzjonijiet.

(66)

B'konformità mal-ġerarkija tal-iskart stabbilita fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tal-Unjoni Ewropea, is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali jidentifika l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart bħala prijoritajiet ewlenin tal-politika ambjentali tal-Unjoni Ewropea. L-għajnuna mill-Istat għal dawn l-attivitajiet tista' tikkontribwixxi għal protezzjoni ambjentali dejjem jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u t-tħassir ta' ċerti Direttivi (Direttiva Qafas dwar l-Iskart) (28) jiġu rispettati. Barra minn hekk, tali għajnuna ma teżentax b'mod indirett lil min iniġġes minn piż li għandu jinġarr minnu skont il-liġi tal-Unjoni, jew minn piż li għandu jitqies bħala spiża normali azjendali għal min iniġġes. Għalhekk, attivitajiet li jibbenefikaw minn għajnuna bħal din għandhom ikunu koperti mill-kategorija ta' eżenzjoni inklużi dawk li jikkonċernaw skart ta' intrapriżi oħrajn u meta l-materjali ttrattati jew jitneħħew, jew jiġu ttrattati b'mod li mhux daqshekk ekoloġiku.

(67)

L-infrastruttura tal-enerġija moderna hija kruċjali kemm għal suq integrat tal-enerġija kif ukoll biex l-Unjoni tkun f'pożizzjoni li tissodisfa l-għanijiet tagħha tal-klima u tal-enerġija. B'mod partikolari, l-infrastruttura tal-kostruzzjoni u l-ammeljorament ta' żoni megħjuna jikkontribwixxu b'mod partikolari għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Istati Membri u tal-Unjoni kollha billi jappoġġaw l-investiment u l-ħolqien tax-xogħol u l-funzjonament ta' swieq tal-enerġija fl-iktar oqsma żvantaġġati. Biex kull effett mhux xieraq ta' għajnuna bħal din ikun limitat, l-għajnuna għal infrastrutturi soġġetti għal u b'konformità mal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija biss għandha tkun eżentata bħala kategorija.

(68)

L-istudji ambjentali jistgħu jgħinu biex jiġu identifikati l-investimenti neċessarji biex jiksbu livell ogħla ta' ħarsien ambjentali. L-għajnuna mill-Istat li tgħin biex jitwettqu studji ambjentali li għandhom l-għan li jappoġġaw l-investimenti għall-protezzjoni ambjentali kif koperta minn dan ir-Regolament għandha għalhekk tkun koperta mill-eżenzjoni ta' kategorija. Billi l-awditi tal-enerġija huma mandatorji għall-intrapriżi l-kbar, dawn ma għandhomx jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat.

(69)

Skont l-Artikolu 107(2) (b) tat-Trattat, għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali hija kompatibbli mas-suq intern. Biex tkun provduta ċertezza legali huwa neċessarju li jiġu definiti t-tipi ta' avvenimenti li jistgħu jikkostitwixxu diżastru naturali eżentat minn dan ir-Regolament. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, terremoti, uqigħ tal-art, għargħar, b'mod partikulari l-għargħar miġjuba minn ilmijiet meta jfuru x-xtut tax-xmajjar jew tal-għadajjar, valangi, trombi tal-arja, uragani, vulkani li jiżbruffaw u nirien f'boskijiet ta' oriġini naturali, għandhom jitqiesu bħala avvenimenti li jikkostitwixxu diżastru naturali. Ħsara kkawżata minn kundizzjonijiet ħżiena tat-temp bħal ġlata, silġ, xita jew nixfa, li jseħħu fuq bażi aktar regolari, ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala diżastru naturali skont it-tifsira tal-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat. Biex jiġi żgurat li l-għajnuna mogħtija biex tagħmel tajjeb għal ħsara kkawżata minn diżastri naturali hija tabilħaqq koperta mill-eżenzjoni, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi kundizzjonijiet li jsegwu l-prattika stabbilita li meta jitwettqu jiġi żgurat li l-iskemi ta' għajnuna li jagħmlu tajjeb għall-ħsara kkawżata mid-diżastri naturali jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni ta' kategorija. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom iwasslu, b'mod partikolari, għar-rikonoxximent formali, mill-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti, tan-natura tal-avveniment bħala diżastru naturali u għal rabta direttament kawżali bejn id-diżastru naturali u d-danni sofferti mill-impriża benefiċjarja, li tista' tkun impriża f'diffikultà, u għandhom jiżguraw li jiġi evitat kumpens żejjed. Il-kumpens m'għandux jeċċedi dak li hu meħtieġ biex jippermetti lill-benefiċjarju jerġa' lura għall-qagħda prevalenti qabel ma seħħ id-diżastru.

(70)

L-għajnuna jkollha karattru soċjali fit-trasport marittimu u bl-ajru tal-passiġġieri meta tindirizza l-problema ta' konnettività stabbli għar-residenti ta' reġjuni mbiegħda billi tnaqqasilhom ċerti spejjeż fil-biljett tat-trasport. Dan jista' jkun il-każ għal reġjuni mbiegħda, għal Malta, għal Ċipru, għal Ceuta u Melilla, għal gżejjer oħra li huma parti mit-territorju ta' Stat Membru u għal żoni skarsament popolati. Fejn reġjun remot huwa marbut maż-Żona Ekonomika Ewropea permezz ta' diversi rotot tat-trasport, inklużi r-rotot indiretti, l-għajnuna għandha tkun possibbli għal dawn ir-rotot kollha u għat-trasport mit-trasportaturi kollha li joperaw fuq dawn ir-rotot. L-għajnuna għandha tingħata mingħajr diskriminazzjoni mal-identità tat-trasportatur jew it-tip ta' servizz, u tista' tinkludi servizzi regolari, ċarter u bi prezzijiet irħas.

(71)

Il-konnettività bil-broadband hija ta' importanza strateġika sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' Ewropa 2020 dwar it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv kif ukoll l-innovazzjoni, u dwar il-koeżjoni soċjali u territorjali (29). L-għajnuna għall-investiment għall-infrastruttura tal-broadband għandha l-għan li trawwem l-iskjerament ta' tali infrastruttura u ta' xogħlijiet ta' inġinerija ċivili relatati magħha f'żoni fejn ma teżisti l-ebda infrastruttura komparabbli u lanqas x'aktarx mhi se tinħoloq minn operaturi tas-suq fil-futur qrib. Fid-dawl tal-esperjenza tal-Kummissjoni, tali għajnuna għall-investiment ma twassalx għal distorsjonijiet mhux mistħoqqa tal-kummerċ u l-kompetizzjoni, sakemm ċerti kundizzjonijiet jintlaħqu. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiffukaw, b'mod partikolari, biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni billi l-għajnuna tkun suġġetta għas-selezzjoni kompetittiva li teknoloġikament tkun newtrali, u billi jiġi żgurat aċċess għall-operaturi għan-netwerks issussidjati, filwaqt li tittieħed inkonsiderazzjoni l-għajnuna li l-operatur tan-netwerk ikun irċieva. Għalkemm taħt ċerti kundizzjonijiet id-diżaggregazzjoni virtwali tista' titqies ekwivalenti għad-diżaggregazzjoni fiżika, sakemm tinkiseb aktar esperjenza, hemm bżonn li ssir valutazzjoni skont il-każ dwar jekk għall-operaturi, il-prodott ta' aċċess nonfiżiku jew virtwali partikolari għandux jitqies ekwivalenti għal diżaggregazzjoni taċ-ċirkwiti lokali ta' netwerk tar-ram jew tal-fibra Għal din ir-raġuni, u sakemm din l-esperjenza f'każijiet individwali ta' għajnuna mill-Istat jew f'kuntest regolatorju ex ante tista' tiġi meqjusa f'rieżami futur, id-diżaggregazzjoni fiżika għandha tkun meħtieġa biex wieħed jibbenefika minn dan ir-regolament ta' eżenzjoni ta' kategorija. Meta l-spejjeż futuri u l-żviluppi fid-dħul ma jkunx hemm ċertezza dwarhom, u hemm assimetrija kbira fl-informazzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jadottaw mudelli ta' finanzjament li jinkludu elementi ta' monitoraġġ u ta' rkupru li jippermettu l-kondiviżjoni bbilanċjata tal-qligħ mhux antiċipat. Biex jiġi evitat piż sproporzjonat fuq proġetti żgħar u lokali, mudelli bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti biss għal proġetti li jeċċedu l-livell minimu.

(72)

Fis-settur tal-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju, għadd ta' miżuri meħudin mill-Istati Membri jistgħu ma jikkostitwixxux għajnuna għax ma jissodisfawx il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, pereżempju għaliex l-attività ma tkunx ekonomika jew għaliex m'hemm l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Meta dawn il-miżuri huma koperti mill-Artikolu 107(1) tat-Trattat, l-istituzzjonijiet kulturali u l-proġetti tipikament ma joħolqux distorsjoni sinifikanti fil-kompetizzjoni, u l-prassi fil-każistika wriet li din l-għajnuna għandha effetti limitati fuq il-kummerċ. L-Artikolu 167 tat-Trattat jirrikonoxxi l-importanza li l-kultura għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha tiġi promossa, u jipprevedi li l-Unjoni għandha tieħu kont, taħt dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, tal-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha, b'mod partikolari sabiex tirrispetta u tippromwovi d-diversità tal-kulturi tagħha. Peress li l-wirt naturali ħafna drabi huwa kruċjali għat-tiswir tal-patrimonju artistiku u kulturali, il-konservazzjoni tal-patrimonju fit-tifsira ta' dan ir-Regolament għandha tiġi mifhuma li tkopri l-patrimonju naturali kollu marbut ma' patrimonju kulturali jew rikonoxxut formalment mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti ta' Stat Membru. Minħabba n-natura doppja tal-kultura, billi minn naħa hija oġġett ekonomiku li joffri opportunitajiet importanti għall-ħolqien tal-ġid u tal-impjiegi, u min-naħa l-oħra, vettura ta' identitajiet, valuri u tifsiriet li jirriflettu u jiffurmaw is-soċjetajiet tagħna, ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat għandhom jirrikonoxxu l-ispeċifiċitajiet tal-kultura u tal-attivitajiet ekonomiċi relatati magħha. Lista ta' għanijiet u attivitajiet kulturali eliġibbli għandha tiġi stabbilita u l-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu speċifikati. L-eżenzjoni ta' kategorija għandha tkopri kemm l-għajnuna operatorja u dik għall-investiment, taħt il-limiti determinati, dejjem jekk il-kumpens żejjed jiġi eskluż. Inġenerali, attivitajiet li, għalkemm jistgħu jippreżentaw aspett kulturali, għandhom karattru fil-biċċa l-kbira kummerċjali minħabba l-potenzjal ogħla ta' distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, bħal pereżempju l-istampa u r-rivisti (f'forma miktuba jew elettronika), ma għandhomx ikunu koperti. Barra minn hekk, il-lista ta' għanijiet u attivitajiet kulturali eliġibbli ma għandhiex tinkludi attivitajiet kummerċjali bħal pereżempju l-moda, id-disinn u l-logħob tal-kompjuter.

(73)

Xogħlijiet awdjoviżivi jaqdu rwol importanti fit-tiswir tal-identitajiet Ewropej, u jirriflettu t-tradizzjonijiet differenti tal-Istati Membri u tar-reġjuni. Filwaqt li hemm kompetizzjoni qawwija bejn il-films prodotti barra l-Unjoni, hemm ċirkolazzjoni limitata ta' films Ewropej barra mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom minħabba l-frammentazzjoni fis-swieq nazzjonali jew reġjonali. Is-settur huwa kkaratterizzat minn kontenut għoli ta' spejjeż ta' investiment, nuqqas perċepibbli ta' profittabilità minħabba udjenzi limitati, u diffikultajiet biex jiġi ġġenerat finanzjament privat addizzjonali. Minħabba dawn il-fatturi, il-Kummissjoni żviluppat kriterji speċifiċi biex tivvaluta n-neċessità, il-proporzjonalità u l-adegwatezza tal-għajnuna għall-kitba tal-iskripts, l-iżvilupp, il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi. Kriterji ġodda ġew iddeterminati fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat għal films u xogħlijiet awdjoviżivi oħrajn (30) u għandhom ikunu riflessi f'regoli ta' eżenzjoni ta' kategorija għal skemi ta' għajnuna għal xogħlijiet awdjoviżivi. Intensità ogħla ta' għajnuna hija ġġustifikata għall-produzzjonijiet u għall-koproduzzjonijiet transfruntieri li għandhom aktar probabbiltà li jitqassmu f'bosta Stati Membri.

(74)

Miżuri ta' għajnuna għall-investiment għall-infrastrutturi tal-isport għandhom ikunu koperti mill-eżenzjoni ta' kategorija jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, sakemm dawn jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Fis-settur tal-isport għadd ta' miżuri meħuda mill-Istati Membri jistgħu ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat għaliex il-benefiċjarju ma jwettaqx attività ekonomika jew għaliex ma jaffetwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dan jista' jkun, taħt ċerti ċirkostanzi, il-każ ta' miżuri ta' għajnuna li għandhom karattru purament lokali jew li jittieħdu fil-qasam tal-isport tad-dilettanti. L-Artikolu 165 tat-Trattat jirrikonoxxi l-importanza li jiġu promossi aspetti Ewropej dwar l-Isports, waqt li jieħu inkonsiderazzjoni n-natura speċifika tiegħu, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq il-volontarjat u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu. Għajnuna għall-infrastrutturi li jaqdu aktar minn skop wieħed ta' rikreazzjoni u li għalhekk huma multifunzjonali, għandhom ikunu wkoll koperti mill-eżenzjoni ta' kategorija. Madankollu, għajnuna għall-infrastrutturi multifunzjonali tat-turiżmu bħal parks għad-divertiment u faċilitajiet tal-lukandi għandha tiġi eżentata biss jekk tkun tagħmel parti minn skema ta' għajnuna reġjonali mmirata għall-attivitajiet turistiċi f'reġjun megħjun, li b'mod partikolari jkollhom effett pożittiv fuq l-iżvilupp reġjonali. Il-kundizzjonijiet ta' kompatibilità rigward l-għajnuna għall-infrastrutturi tal-isport jew multifunzjonali għandhom jiżguraw, b'mod partikolari, l-aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju għall-infrastrutturi kif ukoll proċess ġust għall-għoti ta' konċessjonijiet lil parti terza skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u l-każistika tal-Unjoni, biex tinbena, tiġi aġġornata u/jew operata l-infrastruttura. Jekk l-infrastruttura tal-isport tintuża minn klabbs sportivi professjonali, il-kundizzjonijiet tal-ipprezzar għall-użu tal-infrastruttura minn dawn il-klabbs għandhom ikunu disponibbli pubblikament, biex tiġi żgurata t-trasparenza u t-trattament ugwali tal-utenti. Għandu jkun eskluż il-kumpens żejjed.

(75)

Kif enfasizzat mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010 li japprovaw l-Istrateġija Ewropa 2020 (31), l-isforzi għandhom ifittxu li jindirizzaw l-ostakoli ewlenin li jirristrinġu t-tkabbir fil-livell tal-UE, inklużi dawk relatati mal-funzjonament tas-suq intern u l-infrastruttura. Id-disponibbiltà ta' infrastrutturi lokali hija prerekwiżit importanti għall-iżvilupp ta' ambjent kummerċjali u għall-konsumatur u għall-modernizzazzjoni u l-iżvilupp tal-bażi industrijali biex ikun żgurat il-funzjonament sħiħ tas-suq intern kif imsemmi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar linji gwida ġenrali għal politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni (32), li jagħmlu parti mill-linji gwida integrati tal-Ewropa 2020. Tali infrastrutturi, magħmula disponibbli lil partijiet interessati fuq bażi miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, jippermettu l-ħolqien ta' ambjent li jwassal għal investiment privat u t-tkabbir, u b'hekk jikkontribwixxu b'mod pożittiv għal objettivi ta' interess komuni, u b'mod partikolari għall-prijoritajiet u l-istrateġiji tal-Ewropa 2020 (33), filwaqt li r-riskji ta' distorsjonijiet jibqgħu limitati. Fir-rigward tal-infrastruttura, għadd ta' miżuri meħudin mill-Istati Membri jistgħu ma jikkostitwixxux għajnuna għax ma jissodisfawx il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, pereżempju għaliex il-benefiċjarju ma jwettaqx attività ekonomika, għaliex m'hemm l-ebda effett fuq kummerċ bejn l-Istati Membri, jew għaliex il-miżura tikkonsisti minn kumpens għal servizz ta' interess ekomomiku ġenerali li jissodisfa l-kriterji kollha tal-każistika Altmark (34). Madankollu, meta l-finanzjament ta' tali infrastrutturi lokali jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, tali għajnuna għandha tiġi eżntata mir-rekwiżit ta' notifika meta ammonti żgħar biss ta' għajnuna huma mogħtija.

(76)

Peress li għajnuna għal tipi oħra ta' infrastrutturi tista' tkun soġġetta għal kriterji speċifiċi u mfassla sew li jiżguraw il-kompatibilità tagħha mas-suq intern, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar għajnuna għal infrastrutturi lokali ma għandux japplika għal għajnuna għat-tipi ta' infrastrutturi li ġejjin: infrastrutturi ta' riċerka, ragruppamenti tal-innovazzjoni, infrastrutturi ta' effiċjenza enerġetika għat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-iskart, l-infrastrutturi tal-broadband, il-konservazzjoni kulturali u patrimonjali, l-infrastrutturi tal-isport u l-infrastrutturi ta' rikreazzjoni multifunzjonali, l-ajruporti u l-portijiet.

(77)

Did-dawl tal-esperjenza tal-Kummissjoni f'dan il-qasam, il-politika ta' għajnuna mill-Istat għandha tiġi riveduta perjodikament. Huwa għalhekk li għandu jiġi limitat il-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Huwa xieraq li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tranżizzjonali, inklużi r-regoli applikabbli għall-iskemi ta' għajnuna eżentati lejn tmiem il-perjodu tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Tali regoli għandhom jagħtu lill-Istati Membri żmien biex jadattaw għal kwalunkwe reġim futur. Il-perjodu ta' aġġustament madankollu ma għandux japplika għal skemi ta' għajnuna reġjonali, inklużi l-iskemi ta' għajnuna għall-iżvilupp urban reġjonali, li l-eżenzjoni tiegħu trid tiskadi fid-data li fiha jiskadu l-pjanijiet approvati ta' għajnuna reġjonali u għal ċerti skemi ta' għajnuna għall-finanzjament tar-riskju.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

WERREJ

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet komuni 15

KAPITOLU II

Monitoraġġ 36

KAPITOLU III

Dispożizzjonijiet speċifiċi għal kategoriji differenti ta' għajnuna 37

Taqsima 1 —

Għajnuna reġjonali 37

Taqsima 2 —

Għajnuna għall-SMEs 41

Taqsima 3 —

Għajnuna biex l-SMEs jkollhom aċċess għall-finanzjament 43

Taqsima 4 —

Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni 47

Taqsima 5 —

Għajnuna għat-taħriġ 51

Taqsima 6 —

Għajnuna għall-ħaddiema żvantaġġati u għall-ħaddiema b'diżabilità 52

Taqsima 7 —

Għajnuna għall-protezzjoni ambjentali 53

Taqsima 8 —

Għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsarat ikkawżati minn ċerti diżastri naturali 62

Taqsima 9 —

Għajnuna soċjali għat-trasport għal residenti f'reġjuni mbiegħda 63

Taqsima 10 —

Għajnuna għall-infrastrutturi tal-broadband 63

Taqsima 11 —

Għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju 64

Taqsima 12 —

Għajnuna għall-infrastrutturi tal-isport u għall-infrastrutturi ta' rikreazzjoni multifunzjonali 67

Taqsima 13 —

Għajnuna għall-infrastrutturi lokali 68

KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finali 68

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-kategoriji ta' għajnuna li ġejjin:

(a)

l-għajnuna reġjonali;

(b)

l-għajnuna lill-SMEs f'għamla ta' għajnuna għall-investiment, għajnuna operatorja u biex l-SMEs jkollhom aċċess għall-finanzjament;

(c)

l-għajnuna għall-protezzjoni ambjentali;

(d)

l-għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

(e)

l-għajnuna għat-taħriġ;

(f)

l-għajnuna għar-reklutaġġ u l-impjieg ta' ħaddiema żvantaġġati u ta' ħaddiema b'diżabilità;

(g)

l-għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn ċerti diżastri naturali;

(h)

l-għajnuna soċjali għat-trasport għal residenti f'reġjuni mbiegħda;

(i)

l-għajnuna għall-infrastrutturi tal-broadband;

(j)

l-għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju;

(k)

l-għajnuna għall-infrastrutturi tal-isport u għall-infrastrutturi ta' rikreazzjoni multifunzjonali kif ukoll

(l)

l-għajnuna għall-infrastrutturi lokali;

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)

l-iskemi fit-Taqsimiet 1 (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 15), 2, 3, 4, 7 (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 44), u 10 tal-Kapitolu III ta' dan ir-Regolament, jekk il-medja tal-ispiża annwali ta' għajnuna mill-Istat teċċedi l-EUR 150 miljun, minn sitt xhur minn mindu jidħlu fis-seħħ. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li dan ir-Regolament għandu jkompli japplika għal perjodu itwal għal xi waħda minn dawn l-iskemi ta' għajnuna wara li tkun evalwat il-pjan ta' valutazzjoni rilevanti nnotifikat mill-Istat Membru lill-Kummissjoni, fi żmien 20 jum ta' ħidma mid-dħul fis-seħħ tal-iskema;

(b)

kull tibdil fl-iskemi msemmija f'Art. 1 (2) (a), minbarra modifikazzjonijiet li ma jistgħux jaffettwaw il-kompatibilità tal-iskema ta' għajnuna skont dan ir-Regolament jew ma jistgħux jaffettwaw b'mod sinifikanti l-kontenut approvat tal-pjan ta' evalwazzjoni;

(c)

għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, jiġifieri għajnuna marbuta direttament mal-kwantitajiet esportati, it-twaqqif u t-tħaddim ta' netwerk ta' distribuzzjoni jew spejjeż oħra kurrenti marbuta mal-attività tal-esportazzjoni;

(d)

għajnuna li tiddependi mill-użu ta' oġġetti domestiċi fuq dawk importati;

3.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)

għajnuna mogħtija lis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, kif koperta mir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (35), bl-eċċezzjoni għall-għajnuna għat-taħriġ, l-għajnuna għall-SMEs biex ikollhom aċċess għall-finanzjament, l-għajnuna fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, l-għajnuna għall-innovazzjoni għall-SMEs u l-għajnuna għall-ħaddiema żvantaġġati u l-ħaddiema b'diżabilità;

(b)

għajnuna mogħtija fis-settur tal-produzzjoni agrikola primarja, bl-eċċezzjoni ta' kumpens għal spejjeż addizzjonali minbarra l-ispejjeż tat-trasport fir-reġjuni l-aktar imbiegħda skont l-Artikolu 15 (2)(b), għajnuna għal konsultazzjoni favur l-SMEs, għajnuna għall-finanzjament tar-riskju, għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp, għajnuna għall-innovazzjoni għall-SMEs, għajnuna ambjentali, għajnuna għat-taħriġ u għajnuna għall-ħaddiema żvantaġġati u l-ħaddiema b'diżabilità;

(c)

għajnuna mogħtija lis-settur tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli, fil-każijiet li ġejjin:

(i)

meta l-ammont tal-għajnuna jiġi stabbilit abbażi tal-prezz jew tal-kwantità ta' dawn il-prodotti mixtrija minn produtturi primarji jew imqiegħda fis-suq mill-impriżi kkonċernati; jew

(ii)

meta l-għajnuna tkun bil-kundizzjoni li parti minnha jew kollha kemm hi tingħata lill-produtturi primarji;

(d)

għajnuna biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta' minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi, kif kopert bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2010/787;

(e)

il-kategoriji ta' għajnuna reġjonali esklużi minn Artikolu 13.

Meta intrapriża hija attiva fis-setturi esklużi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu, kif ukoll f'setturi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, dan ir-Regolament japplika għal għajnuna mogħtija fir-rigward ta' dawk is-setturi jew attivitajiet tal-aħħar, bil-kundizzjoni li l-Istati Membri jiżguraw b'mezzi adatti bħalma huma s-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni fl-ispejjeż, li l-attivitjiet fis-setturi esklużi ma jibbenefikawx mill-għajnuna mogħtija skont dan ir-Regolament.

4.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)

skemi ta' għajnuna li ma jeskludux espliċitament il-ħlas tal-għajnuna individwali favur impriża li tkun soġġetta għal ordni pendenti ta' rkupru wara deċiżjoni tal-Kummissjoni preċedenti li tiddikjara għajnuna bħala illegali u inkompatibbli mas-suq intern; bl-eċċezzjoni ta' skemi ta' għajnuna li jagħmlu tajjeb għall-ħsara kkawżata minn ċerti diżastri naturali;

(b)

għajnuna ad hoc favur impriża msemmija fil-punt (a);

(c)

għajnuna lil impriżi f'diffikultà, bl-eċċezzjoni ta' skemi ta' għajnuna li jagħmlu tajjeb għall-ħsara kkawżata minn ċerti diżastri naturali.

5.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-miżuri ta' għajnuna mill-Istat, li minnhom infushom, mill-kundizzjonijiet marbuta magħhom jew mill-metodu finanzjarju tagħhom jinvolvu ksur inseparabbli tal-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari:

(a)

miżuri ta' għajnuna fejn l-għoti ta' għajnuna huwa soġġett għall-obbligu li l-benefiċjarju jkollu l-kwartieri tiegħu fl-Istat Membru rilevanti jew li jkun stabbilit b'mod predominanti f'dak l-Istat Membru; Madankollu, ir-rekwiżit li wieħed ikollu stabbiliment jew fergħa fl-Istat Membru li jagħti l-għajnuna fil-mument tal-ħlas tal-għajnuna huwa permess.

(b)

miżuri ta' għajnuna fejn l-għoti ta' għajnuna huwa soġġett għall-obbligu li l-benefiċjarju juża oġġetti prodotti nazzjonalment jew servizzi nazzjonali;

(c)

miżuri ta' għajnuna li jillimitaw il-possibbiltà li l-benefiċjarji jisfruttaw ir-riżultati tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fi Stati Membri oħrajn.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“għajnuna” tfisser kull miżura li tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat;

2.

“intrapriżi ta' daqs żgħir u medju” jew “SMEs” jfissru intrapriżi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness I;

3.

“ħaddiem b'diżabilità” tfisser kull persuna li:

(a)

hija rikonoxxuta bħala ħaddiem b'diżabilità skont il-liġi nazzjonali; jew

(b)

li għandha diżabilità fiżika, mentali, intellettwali jew sensorjali, li f'interazzjoni ma' ostakli differenti, jistgħu jxekkluha milli tipparteċipa b'mod sħiħ u effettiv fl-ambjent ta' xogħol, meta pparagunat ma' ħaddiema oħra;

4.

“ħaddiem żvantaġġat” tfisser kull persuna li:

(a)

ma kellhiex impjieg regolari bi ħlas matul is-6 xhur ta' qabel; jew

(b)

għandha bejn il-15 u l-24 sena; jew

(c)

ma kisbitx kwalifika vokazzjonali jew edukattiva minn skola sekondarja superjuri (Klassifikazzjoni Standard Internazzjonali tal-Edukazzjoni 3) jew m'ilhiex aktar minn sentejn minn meta lestiet edukazzjoni full time u għadha ma ngħatatx l-ewwel impjieg regolari tagħha bi ħlas; jew

(d)

għandha 'l fuq minn 50 sena; jew

(e)

tgħix bħala adulta mhux miżżewwġa b'persuna dipendenti waħda jew aktar; jew

(f)

li taħdem f'settur jew professjoni fi Stat Membru fejn l-iżbilanċ bejn is-sessi jkun ta' mill-anqas 25 % ogħla mill-iżbilanċ medju bejn is-sessi fis-setturi kollha ekonomiċi f'dak l-Istat Membru, u li tkun tagħmel parti mis-sess sottorappreżentat; jew

(g)

li tkun membru ta' minorità etnika fi Stat Membru u li jkun/tkun irid/trid j/tiżviluppa l-profil lingwistiku tiegħu/tagħha, it-taħriġ vokazzjonali jew l-esperjenza tax-xogħol biex itejjeb/ittejjeb il-prospetti li jsib/issib impjieg stabbli;

5.

“Trasport” tfisser trasport ta' passiġġieri permezz ta' inġenji tal-ajru, bit-trasport marittimu, bit-triq, ferrovjarju u permezz ta' passaġġi tal-ilma interni jew servizzi ta' trasport ta' merkanzija b'kiri jew b'kumpens;

6.

“spejjeż ta' trasport” tfisser spejjeż ta' trasport f'isem ħaddieħor fil-fatt imħallsa mill-benefiċjarji għal kull vjaġġ, li jinkludu:

(a)

spejjeż tal-merkanzija, spejjeż tat-tqandil u spejjeż tal-ħżin temporanju, diment li dawn l-ispejjeż huma relatati mal-vjaġġ;

(b)

spejjeż tal-assigurazzjoni applikati għall-merkanzija;

(c)

taxxi, dazji u levies applikati għall-merkanzija u, jekk applikabbli, għad-deadweight, kemm fil-punt ta' oriġini kif ukoll fil-punt ta' destinazzjoni; kif ukoll

(d)

spejjeż tal-kontroll tas-sikurezza u s-sigurtà, soprataxxi għall-ispejjeż tal-karburant miżjuda;

7.

“reġjuni remoti” tfisser ir-reġjuni l-aktar imbiegħda, Malta, Ċipru, Ceuta, Mellilla, gżejjer, li huma parti mit-territorju ta' Stat Membru u ftit li xejn populati;

8.

“kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli” tfisser iż-żamma jew il-wiri bil-għan ta' bejgħ, offerta ta' bejgħ, kunsinna jew kull mod ieħor ta' tqegħid fis-suq, minbarra l-ewwel bejgħ minn produttur primarju lil min jerġa' jbigħ jew lil proċessuri u kull attività li tħejji prodott għat-tali l-ewwel bejgħ; bejgħ minn produttur primarju lill-konsumaturi aħħarin jitqies bħala tqegħid fuq is-suq jekk isir f'post separat riżervat għal dak il-għan;

9.

“Il-produzzjoni agrikola primarja” tfisser il-produzzjoni ta' prodotti tal-ħamrija u tat-trobbija tal-bhejjem, elenkati fl-Anness I tat-Trattat, mingħajr it-twettiq ta' kwalunkwe operazzjoni ulterjuri li tbiddel in-natura ta' dawn il-prodotti;

10.

“l-ipproċessar ta' prodotti agrikoli” tfisser kull operazzjoni fuq prodott agrikolu li tirriżulta fi prodott li huwa wkoll prodott agrikolu, minbarra attivitajiet li jsiru fir-razzett meħtieġa għat-tħejjija ta' prodott minn annimal jew pjanta għall-ewwel bejgħ;

11.

“prodott agrikolu” tfisser il-prodotti elenkati fl-Anness I għat-Trattat, minbarra prodotti tas-sajd u l-akkwakultura elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013;

12.

“reġjuni l-aktar imbiegħda” tfisser reġjuni kif definiti fl-Artikolu 349 tat-Trattat. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2010/718/UE, mill-1 ta' Jannar 2012, Saint-Barthélemy m'għadhiex aktar reġjun ultraperiferiku. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2012/419/UE fl-1 ta' Jannar 2014, il-Majott saret reġjun l-aktar imbiegħed;

13.

“faħam” tfisser faħam tal-kategoriji A u B bi grad għoli, grad medju, u grad baxx fis-sens tas-sistema ta' kodifikazzjoni internazzjonali għall-faħam stabbilita mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti u ċċarata fid-deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2010 dwar għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-għeluq ta' minjieri tal-faħam mhux kompetittivi (36);

14.

“għajnuna individwali” tfisser:

(i)

għajnuna ad hoc; kif ukoll

(ii)

għotjiet ta' għajnuna lil benefiċjarji individwali abbażi ta' skema ta' għajnuna;

15.

“skema ta' għajnuna” tfisser kull att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri oħra ta' implimentazzjoni, jistgħu jsiru għotjiet ta' għajnuna individwali lil impriżi li fl-att jkunu ddefiniti b'mod ġenerali u astratt, u kull att li abbażi tiegħu għajnuna li mhijiex marbuta ma' proġett speċifiku tista' tingħata lil intrapriża waħda jew lil diversi intrapriżi għal perjodu ta' żmien indefinit u/jew f'ammont indefinit;

16.

“pjan ta' valutazzjoni” tfisser dokument li fih minn tal-inqas l-elementi minimi li ġejjin: l-objettivi tal-iskema ta' għajnuna li għandhom jiġu vvalutati, il-mistoqsijiet ta' valutazzjoni, l-indikaturi tar-riżultat, il-metodoloġija prevista biex titwettaq il-valutazzjoni, ir-rekwiżiti għall-ġbir tad-dejta, iż-żmien propost tal-valutazzjoni inkluża d-data tas-sottomissjoni tar-rapport ta' valutazzjoni finali, id-deskrizzjoni tal-korp indipendenti li jwettaq il-valutazzjoni jew il-kriterji li se jintużaw għas-selezzjoni tiegħu u l-modalitajiet biex jiżguraw id-divulgazzjoni tal-valutazzjoni;

17.

“għajnuna ad hoc” tfisser għajnuna mhux mogħtija abbażi ta' skema ta' għajnuna;

18.

“intrapriża f'diffikultà” tfisser intrapriża li sseħħ fir-rigward tagħha mill-inqas waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi:

(a)

Fil-każ ta' kumpanija b'responsabbiltà limitata (minbarra SME li tkun ilha teżisti għal anqas minn tliet snin jew, għall-għanijiet ta' eliġibbiltà għall-għajnuna ta' finanzjament ta' riskju, SME li fi żmien 7 snin minn meta l-ewwel bejgħ kummerċjali tagħha jikkwalifika għal investimenti ta' finanzjamenti ta' riskju wara diliġenza dovuta mill-intermedjarju finanzjarju magħżul), fejn aktar minn nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt tagħha jkun sparixxa bħala riżultat ta' telf akkumulat. Dan hu l-każ meta t-tnaqqis ta' telf akkumulat minn riżervi (u l-elementi kollha l-oħra ġeneralment ikkunsidrati bħala parti mill-fondi proprji tal-kumpanija) iwassal għal ammont kumulattiv li jaqbeż nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt. Għall-finijiet ta' din id-dispożizzjoni, “kumpanija b'responsabbiltà limitata” tirreferi, b'mod partikolari, għat-tipi ta' kumpaniji msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2013/34/UE (37) u “kapital azzjonarju” jinkludi, fejn rilevanti, kull primjum ta' ishma.

(b)

Fil-każ ta' kumpanija fejn mill-anqas xi membri għandhom responsabbiltà illimitata għad-dejn tal-kumpanija (minbarra SME li tkun ilha teżisti għal anqas minn tliet snin jew, għall-għanijiet ta' eliġibbiltà għall-għajnuna ta' finanzjament ta' riskju, SME li fi żmien 7 snin minn meta l-ewwel bejgħ kummerċjali tagħha jikkwalifika għal investimenti ta' finanzjament ta' riskju wara diliġenza dovuta mill-intermedjarju finanzjarju magħżul), fejn aktar minn nofs il-kapital tagħha kif muri fil-kontijiet tal-kumpanija jkun sparixxa bħala riżultat ta' telf akkumulat. Għall-finijiet ta' din id-dispożizzjoni, “kumpanija fejn mill-anqas xi membri għandhom responsabbiltà illimitata għad-dejn tal-kumpanija” tirreferi, b'mod partikolari għat-tipi ta' kumpaniji msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2013/34/UE.

(c)

Meta l-intrapriża tkun suġġetta għal proċedimenti ta' insolvenza kollettivi jew tissodisfa l-kriterji skont il-liġi domestika tagħha biex titqiegħed fi proċedimenti ta' insolvenza kollettivi fuq talba tal-kredituri tagħha.

(d)

Meta l-intrapriża tkun irċeviet għajnuna għas-salvataġġ u tkun għadha ma rrimborżatx is-self jew ma temmitx il-garanzija, jew tkun irċeviet għajnuna għar-ristrutturar u għadha soġġetta għal pjan ta' ristrutturar.

(e)

Fil-każ ta' intrapriża li mhijiex SME, meta, għall-aħħar sentejn:

(1)

id-dejn kontabilistiku għall-proporzjon ta' ekwità tal-intrapriża jkun akbar minn 7,5 u

(2)

il-proporzjoni ta' imgħax kopert tal-EBITDA tal-intrapriża jkun taħt il-1,0.

19.

“obbligi ta' nfiq territorjali”: tfisser l-obbligi imposti fuq il-benefiċjarji, mill-awtorità li tagħti l-għajnuna, biex jonfqu ammont minimu u/jew iwettqu livell minimu ta' attività ta' produzzjoni f'territorju partikolari;

20.

“ammont aġġustat tal-għajnuna” tfisser l-ammont massimu permissibbli ta' għajnuna għal proġett ta' investiment kbir, ikkalkulat skont il-formula li ġejja:

ammont massimu ta' għajnuna = R × (A + 0,50 × B + 0 × C)

fejn: l-R hija l-intensità massima tal-għajnuna applikabbli fiż-żona kkonċernata, stabbilita fuq mappa reġjonali approvata u li tkun fis-seħħ fid-data li tingħata l-għajnuna, minbarra ż-żieda fl-intensità tal-għajnuna għall-SMEs; L-A hija l-ewwel EUR 50 miljun tal-ispejjeż eliġibbli, il-B hija l-parti tal-ispejjeż eliġibbli bejn EUR 50 miljun u EUR 100 miljun u ċ-C hija l-parti tal-ispejjeż eliġibbli 'l fuq minn EUR 100 miljun

21.

“pagament bil-quddiem li jitħallas lura” tfisser self għal proġett li jitħallas fi ħlas parzjali wieħed jew aktar u li l-kundizzjonijiet għar-rimborż tiegħu jiddependu fuq ir-riżultat tal-proġett;

22.

“l-ekwivalenti tal-għotja gross” tfisser l-ammont tal-għajnuna kieku kienet ipprovduta f'forma ta' għotja lill-benefiċjarju, qabel kull tnaqqis tat-taxxa jew xi imposta oħra.

23.

“bidu tax-xogħlijiet” tfisser l-iktar kmieni possibbli jew tal-bidu ta' xogħlijiet ta' kostruzzjoni relatati mal-investiment, jew l-ewwel impenn legali vinkolanti għall-ordni ta' tagħmir jew kwalunkwe impenn ieħor li jagħmel l-investiment irriversibbli. Ix-xiri tal-art u x-xogħlijiet preparatorji bħall-kisba ta' permessi u t-twettiq ta' studji ta' vijabilità, mhumiex meqjusa bħala l-bidu tax-xogħlijiet. Għall-akkwiżizzjonijiet, “bidu tax-xogħlijiet” tfisser il-mument li fih jiġu akkwistati assi marbuta direttament mal-istabbiliment akkwistat;

24.

“intrapriżi kbar” tfisser intrapriżi li ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Anness I;

25.

“skema fiskali suċċessiva” tfisser skema fil-forma ta' vantaġġi fiskali li tikkostitwixxi verżjoni emendata ta' skema li preċedentement kienet teżisti fil-forma ta' vantaġġi fiskali, u li tissostitwiha.

26.

“intensità tal-għajnuna” tfisser l-ammont tal-għajnuna gross espress bħala perċentwal tal-ispejjeż eliġibbli, qabel kull tnaqqis ta' taxxa jew imposti oħra;

27.

“żoni megħjuna” tfisser żoni speċifikati f'mappa tal-għajnuna reġjonali approvata għall-perjodu 1.7.2014 – 31.12.2020 skont l-Artikoli 107(3)(a) u (c) tat-Trattat;

28.

“data tal-għoti tal-għajnuna” tfisser id-data li fiha l-benefiċjarju jingħata d-dritt legali li jirċievi l-għajnuna skont l-iskema legali nazzjonali applikabbli;

29.

“assi tanġibbli” tfisser assi li jikkonsistu f'art, bini u impjanti, makkinarju u tagħmir;

30.

“assi intanġibbli” tfisser assi li ma għandhomx tfassil fiżiku jew finanzjarju bħal privattivi, liċenzji, kompetenzi jew proprjetà intelletwali oħra;

31.

“spiża tal-paga” tfisser l-ammont totali effettivament pagabbli mill-benefiċjarju tal-għajnuna fir-rigward tal-impjieg ikkonċernat, li jinkludi fuq perjodu ta' żmien definit, il-paga gross qabel it-taxxa kif ukoll il-kontribuzzjonijiet obbligatorji bħas-sigurtà soċjali, l-ispejjeż għall-kura tat-tfal u tal-ġenituri.

32.

“żieda netta fin-numru ta' impjegati” tfisser żieda netta fl-għadd ta' impjegati fl-istabbiliment kkonċernat meta mqabbla mal-medja matul perjodu partikolari fiż-żmien, u li għalhekk kull post mitluf waqt dan il-perjodu għandu jiġi mnaqqas, u li l-għadd ta' persuni impjegati full-time, part-time u staġjonali għandhom jitqiesu bil-frazzjonijiet annwali tal-unitajiet lavorattivi tagħhom;

33.

“infrastruttura ddedikata” tfisser infrastruttura li hija mibnija għal intrapriża(i) ex-ante identifikabbli u mfassla għall-ħtiġijiet tagħhom.

34.

“intermedjarji finanzjarji” tfisser kull istituzzjoni finanzjarja, irrispettivament mill-forma u mis-sjieda tagħha, inklużi fond ta' fondi, fondi ta' investiment ta' ekwità privata, fondi ta' investiment pubbliku, banek, istituzzjonijiet ta' mikrofinanza u soċjetajiet ta' garanziji;

35.

“vjaġġ” tfisser iċ-ċaqliq ta' oġġetti mill-punt ta' oriġini sal-punt ta' destinazzjoni, li jinkludi kull sezzjoni jew stadju intermedjarju ġewwa jew barra l-Istat Membru kkonċernat, magħmul bl-użu ta' mezz wieħed ta' trasport jew aktar;

36.

“rata ta' redditu ġust (FRR)” tfisser ir-rata ta' redditu mistenni ekwivalenti għal rata ta' skont aġġustata għar-riskju li tirrifletti l-livell ta' riskju ta' proġett u n-natura u l-livell ta' kapital li l-investituri privati jippjanaw li jinvestu;

37.

“finanzjament totali” tfisser l-ammont ta' investiment globali li jkun sar f'intrapriża jew proġett eliġibbli skont Taqsima 3 jew skont l-Artikoli 16 jew 39 ta' dan ir-Regolament bl-esklużjoni ta' investimenti kompletament privati pprovduti fuq patti tas-suq u barra mill-ambitu tal-miżura rilevanti ta' għajnuna mill-Istat;

38.

“proċess kompetittiv ta' offerti” tfisser proċess vinkolanti mhux diskriminatorju li jipprovdi għall-parteċipazzjoni ta' numru suffiċjenti ta' intrapriżi u meta l-għajnuna hi mogħtija jew abbażi tal-offerta inizjali sottomessa mill-offerent jew mill-prezz tal-ikklirjar. Barra minn hekk, il-baġit jew il-volum relatat mal-proċess ta' offerti huwa restrittiv tant li jwassal għal sitwazzjoni fejn mhux l-offerenti kollha jistgħu jirċievu l-għajnuna;

39.

“profitt operatorju” tfisser id-differenza bejn l-ispejjeż skontati u l-ispejjeż operatorji skontati tul il-ħajja rilevanti tal-investiment, meta din id-differenza hija pożittiva. L-ispejjeż operatorji jinkludu spejjeż bħal spejjeż tal-persunal, materjali, servizzi b'kuntratt, komunikazzjonijiet, enerġija, manutenzjoni, kera, amministrazzjoni, iżda jeskludu, għall-għan ta' dan ir-Regolament, spejjeż ta' deprezzament u spejjeż ta' finanzjament jekk dawn ikun ġew koperti mill-għajnuna għall-investiment.

Definizzjonijiet applikabbli għal għajnuna reġjonali

40.

Definizzjonijiet applikabbli għal għajnuna għall-infrastrutturi tal-broadband (Taqsima 10) huma applikabbli għad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' għajnuna reġjonali.

41.

“għajnuna għall-investiment reġjonali” tfisser għajnuna reġjonali mogħtija għal investiment inizjali jew investiment inizjali favur attività ekonomika ġdida;

42.

“għajnuna operatorja reġjonali” tfisser għajnuna li tnaqqas in-nefqa kurrenti tal-intrapriża li mhijiex relatata ma' investiment inizjali. Din tinkludi kategoriji ta' spiża bħal spejjeż ta' persunal, materjali, kuntratti ta' servizz, komunikazzjoni, enerġija, manutenzjoni, kera, amministrazzjoni, eċċ., iżda teskludi spejjeż ta' deprezzament u tal-iffinanzjar jekk dawn ġew inklużi fl-ispejjeż eliġibbli meta ngħatat l-għajnuna għall-investiment.

43.

“is-settur tal-azzar” tfisser l-attivitajiet kollha marbutin mal-produzzjoni ta' prodott wieħed jew aktar fost dawn li ġejjin:

(a)

ħadid fondut grezz u ligi tal-ħadid

ħadid fondut grezz għal xogħol fuq l-azzar, funderija u ħadid fondut grezz ieħor, spiegeleisen u ferromanganiż b'karbonju għoli, li ma jinkludix ligi tal-ħadid oħrajn;

(b)

prodotti tal-ħadid mhux maħduma u nofshom irfinuti, azzar ordinarju jew azzar speċjali:

azzar likwidu kemm jekk fondut jew le f'ingotti, li jinkludi ingotti għal prodotti bil-forġa nofshom irfinuti: ingotti, vireg tal-ħadid u blokok; sheet bars u tinplate bars; rollijiet illaminati fis-sħana, bl-eċċezzjoni tal-produzzjoni ta' azzar likwidu għall-iffundar minn funderiji zgħar u ta' daqs medju;

(c)

prodotti tal-ħadid irfinati bis-sħana, azzar ordinarju jew azzar speċjali:

binarji, traversi, puntali u sottopuntali, travi, sezzjonijiet tqal tal-metall ta' 80 mm jew akbar, pili tal-folji, bars u sezzjonijiet ta' anqas minn 80 mm u pjanċi ta' anqas minn 150 mm, vireg tal-wajer, forom tondi u kwadri għat-tubi, ċineg u strippi tal-ħadid irrumblati bit-tisħin (inklużi l-istrippi għat-tubi), folji rrumblati bit-tisħin (miksija u mhumiex), pjanċi u folji ta' ħxuna ta' 3 mm u aktar, pjanċi universali ta' 150 mm u akbar, ħlief għall-wajer u l-prodotti tal-wajer, bars illustrati u ħadid fondut;

(d)

prodotti ffurmati bil-kesħa:

folji tal-landa, pjanċi biċ-ċomb, pjanċa sewda, folji ggalvanizzati, folji oħra miksija, folji rrumblati bil-ksieħ, folji manjetiċi u strippi maħsuba għall-manifattura tal-folji tal-landa, pjanċi rrumblati bil-kesħa, f'koljaturi jew fi strippi;

(e)

tubi:

it-tubi kollha tal-azzar mingħajr saldaturi, tubi tal-azzar iwweldjati b'dijametru ta' aktar minn 406.4 mm;

44.

“settur tal-fibri sintetiċi” tfisser:

(a)

l-estrużjoni/it-testuriżazzjoni tat-tipi ġeneriċi kollha tal-fibra u l-ħjut ibbażati fuq il-polijester, il-polijamide, l-akriliku jew il-polipropilen, irrispettivament mill-użi finali tagħhom; jew

(b)

il-polimerizzazzjoni (inkluża l-polikondensazzjoni) fejn tkun integrata mal-estrużjoni f'termini tal-makkinarju użat; jew

(c)

kull proċess anċillari marbut mal-istallazzjoni kontemporanju tal-kapaċità tal-estrużjoni/testuriżazzjoni mill-benefiċjarju prospettiv jew minn xi kumpanija oħra fil-grupp tiegħu u li, fl-attività speċifika ta' negozju kkonċernat, ġeneralment huwa integrat ma' din il-kapaċità skont il-makkinarju li ntuża;

45.

“is-settur tat-trasport” tfisser it-trasport ta' passiġġieri permezz ta' inġenji tal-ajru, bit-trasport marittimu, bit-triq, ferrovjarju u permezz ta' passaġġi tal-ilma interni jew servizzi ta' trasport ta' merkanzija b'kiri jew b'kumpens; b'mod aktar speċifiku, “is-settur tat-trasport” tfisser l-attivitajiet li ġejjin skont NACE Rev. 2:

(a)

NACE 49: Trasport minn fuq l-art u permezz ta' linji ta' pajpijiet, minbarra NACE 49.32 operazzjoni ta' Taxi, 49.42 Servizzi ta' ġarr, 49.5 Trasport permezz ta' sistemi ta' pajpijiet;

(b)

NACE 50: Trasport fuq l-ilma

(c)

NACE 51: Trasport bl-ajru, minbarra NACE 51.22 Trasport fl-ispazju.

46.

“Skema mmirata lejn numru limitat ta' setturi speċifiċi ta' attività ekonomika” tfisser skema li tkopri attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu ta' inqas minn ħames kategoriji (kodiċi numeriku b'erba' ċifri) tal-klassifikazzjoni statistika tan-NACE Rev. 2.

47.

“attività turistika” tfisser l-attivitajiet li ġejjin skont NACE Rev. 2:

(a)

NACE 55: Akkomodazzjoni;

(b)

NACE 56: Attivitajiet ta' servizzi ta' ikel u ta' xorb;

(c)

NACE 79: Aġenziji tal-ivvjaġġar, servizzi ta' prenotazzjoni ta' operaturi tal-ivvjaġġar u attivijitajiet relatati;

(d)

NACE 90: Attivitajiet kreattivi, tal-arti u tad-divertiment;

(e)

NACE 91: Libreriji, arkivji, mużewijiet u attivitajiet kulturali oħra;

(f)

NACE 93: Attivitajiet tal-isport u attivitajiet tal-mogħdija ta' żmien u tar-rikreazzjoni;

48.

“żoni skarsament popolati” tfisser dawk iż-żoni rikonoxxuti mill-Kummissjoni bħala tali fid-deċiżjonijiet individwali dwar il-mapep ta' għajnuna reġjonali għall-perjodu 1.7.2014-31.12.2020;

49.

“investiment inizjali” tfisser:

(a)

investiment f'assi tanġibbli u intanġibbli relatat mat-twaqqif ta' stabbiliment ġdid, estensjoni tal-kapaċità ta' stabbiliment eżistenti, diversifikazzjoni tar-riżultat ta' stabbiliment fi prodotti li ma kinux jiġi magħmula fl-istabbilment jew bidla fundamentali fil-proċess globali tal-produzzjoni ta' stabbiliment eżistenti; jew

(b)

akkwist tal-assi li jappartjenu lil stabbiliment, li jkun għalaq jew kien jagħlaq li kieku ma nxtarax, u li nxtara minn investitur li mhux relatat mal-bejjiegħ u li jeskludi l-akkwist uniku tal-ishma ta' intrapriża;

50.

“l-istess attività jew waħda simili” tfisser attivita li taqa' taħt l-istess klassi (kodiċi numeriku b'erba' ċifri) tal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Rev. 2 kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Rev. 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (ŻEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (38);

51.

“investiment inizjali favur attività ekonomika ġdida” tfisser:

(a)

investiment f'assi tanġibbli u intanġibbli relatati mat-twaqqif ta' stabbiliment ġdid, jew għad-diversifikazzjoni tal-attività ta' stabbiliment, bil-kundizzjoni li l-attività l-ġdida mhijiex l-istess attività, jew attività simili għal dik mwettqa qabel fl-istabbiliment;

(b)

l-akkwist ta' assi li jappartjenu lil stabbiliment li jkun għalaq jew kien jagħlaq li kieku ma nxtarax, u li nxtara minn investitur li mhux relatat mal-bejjiegħ, bil-kundizzjoni li l-attività l-ġdida li għandha ssir permezz tal-użu tal-assi akkwistati mhijiex l-istess attività jew waħda simili għall-attività li seħħet fl-istabbiliment qabel l-akkwist;

52.

“proġett kbir ta' investiment” tfisser investiment inizjali bi spejjeż eliġibbli li jaqbżu l-EUR 50 miljun, ikkalkolat bil-prezzijiet u r-rati tal-kambju fid-data tal-għoti tal-għajnuna;

53.

“punt ta' destinazzjoni” tfisser il-post fejn jinħattu l-oġġetti;

54.

“punt ta' oriġini” tfisser il-post fejn jitgħabbew l-oġġetti għat-trasport;

55.

“iż-żoni eliġibbli għall-għajnuna operatorja”, tfisser reġjun ultraperiferiku msemmi fl-Artikolu 349 tat-Trattat jew żona skarsament popolata, kif stabbilit fil-mappa tal-għajnuna reġjonali approvata għall-Istat Membru konċernat għall-perjodu 1.7.2014-31.12.2020;

56.

“mezz ta' trasport” tfisser trasport ferrovjarju, trasport ta' merkanzija bit-triq, trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, trasport marittimu, trasport bl-ajru u trasport intermodali;

57.

“fond għall-iżvilupp urban” (“UDF”) tfisser strument ta' investiment speċjalizzat stabbilit bl-iskop li jsir investiment fi proġetti għall-iżvilupp urban skont miżura ta' għajnuna għall-iżvilupp urban. L-UDFs huma ġestiti minn maniġer tal-fondi għall-iżvilupp urban;

58.

“maniġer tal-fondi għall-iżvilupp urban” tfisser kumpanija maniġerjali professjonali b'personalità ġuridika, li tagħżel u tagħmel investimenti fi proġetti eliġibbli għall-iżvilupp urban;

59.

“proġett għall-iżvilupp urban” (“UDP”) tfisser proġett ta' investiment li għandu l-potenzjal li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-interventi previsti minn approċċ integrat għal żvilupp urban sostenibbli kif ukoll jikkontribwixxi biex jinkisbu l-objettivi definiti fih, inklużi proġetti b'rata interna ta' redditu (IRR) li tista' ma tkunx biżżejjed biex tattira finanzjament fuq bażi purament kummerċjali. Proġett għall-iżvilupp urban jista' jiġi organizzat bћala blokk separat ta' finanzi fl-istrutturi ġuridiċi tal-investitur privat benefiċjarju jew bħala entità ġuridika separata, eż. entità bi skop speċjali;

60.

“strateġija integrata għall-iżvilupp urban sostenibbli” tfisser strateġija proposta uffiċjalment u ċċertifikata minn awtorità lokali jew aġenzija ta' settur pubbliku rilevanti, definita għal żona ġeografika urbana u għal perjodu speċifiku, li jistabbilixxu azzjonijiet integrati biex jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi, ambjentali, klimatiċi, demografiċi u soċjali li jaffettwaw żoni urbani;

61.

“għajnuna mhux finanzjarja” tfisser il-kontribut tal-art jew ta' proprjetà immobbli fejn l-art jew il-proprjetà immobbli jkunu parti minn proġett ta' żvilupp urban;

Definizzjonijiet għall-għajnuna lill-SMEs

62.

“impjieg maħluq direttament minn proġett ta' investiment” tfisser impjieg li jikkonċerna l-attività li l-investiment huwa relatat magħha, inkluż impjieg maħluq wara żieda fir-rata ta' użu tal-kapaċità maħluqa mill-investiment;

63.

“kooperazzjoni organizzattiva” tfisser l-iżvilupp ta' strateġiji kummerċjali konġunti jew strutturi ta' ġestjoni, il-forniment ta' servizzi komuni jew servizzi li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni, attivitajiet ikkoordinati bħar-riċerka jew il-kummerċjalizzazzjoni, l-appoġġ ta' netwerks u ragruppamenti, it-titjib tal-aċċessibbiltà u l-komunikazzjoni, l-użu ta' strumenti konġunti sabiex jinkoraġġixxu l-intraprenditorija u l-kummerċ mal-SMEs;

64.

“servizzi ta' konsulenza għall-kooperazzjoni” tfisser konsulenza, assistenza u taħriġ għall-iskambju ta' għarfien u esperjenzi u għat-titjib tal-kooperazzjoni;

65.

“servizzi bħala appoġġ għall-kooperazzjoni” tfisser il-forniment ta' uffiċini, websajts, banek tad-data, libreriji, riċerka tas-suq, manwali, dokumenti ta' ħidma u mudelli ta' dokumenti;

Definizzjonijiet għal Għajnuna biex l-SMEs jkollhom aċċess għall-finanzjament

66.

“investiment ta' kważi ekwità” tfisser tip ta' finanzjament li jikkwalifika bejn ekwità u dejn, li għandu riskju ogħla minn dejn superjuri u anqas riskju minn ekwità komuni u li l-qligħ tiegħu lid-detentur ikun ibbażat fil-biċċa l-kbira fuq il-profitti jew it-telf tal-intrapriża fil-mira sottostanti u li mhumiex żgurati f'każ ta' inadempjenza. L-investimenti ta' kważi ekwità jistgħu jiġu strutturati bħala dejn mhux assigurat u subordinat, inkluż id-dejn intermedjarju, u f'xi każijiet konvertibbli f'ekwità, jew bħala ekwità ta' preferenza;

67.

“garanzija” fil-kuntest ta' taqsimiet 1, 3 u 7 ta' dan ir-Regolament tfisser impenn bil-miktub biex wieħed jerfa' r-responsabbiltà għat-tranżazzjonijiet kollha ta' self li għadhom kif oriġinaw minn parti terza, jew għal parti minnhom, bħal strumenti ta' dejn jew lokazzjoni, kif ukoll strumenti ta' kważi ekwità

68.

“rata ta' garanzija” tfisser il-kopertura ta' telf perċentwali minn investitur pubbliku ta' kull tranżazzjoni eliġibbli taħt il-miżura rilevanti tal-għajnuna mill-Istat;

69.

“ċessjoni” tfisser il-likwidazzjoni tal-ishma minn investitur jew intermedjarju finanzjarju, inklużi bejgħ kummerċjali, kanċellamenti, ħlas lura ta' ishma/self, bejgħ lil intermedjarju finanzjarju ieħor jew lil investitur ieħor, bejgħ lil istituzzjoni finanzjarja u bejgħ b'offerta pubblika, inkluża offerta inizjali għall-pubbliku (IPO);

70.

“allokazzjoni finanzjarja” tfisser investiment pubbliku rimborżabbli magħmul lil intermedjarju finanzjarju biex jagħmel investimenti taħt miżuri għall-finanzjament tar-riskju, u fejn d-dħul kollu jmur lura għand l-investitur pubbliku;

71.

“investiment ta' finanzjament ta' riskju” tfisser investiment ta' ekwità u kważi ekwità, self inklużi lokazzjonijiet, garanziji jew taħlita tagħhom lill-intrapriżi eliġibbli bl-skop li jagħmlu investimenti ġodda;

72.

“investitur privat indipendenti” tfisser investitur privat li mhux azzjonist tal-intrapriża eliġibbli li fiha jinvesti, inklużi investituri informali u istituzzjonijiet finanzjarji, irrispettivament mis-sjieda tagħhom, sal-punt li huma jġorru r-riskju sħiħ fir-rigward tal-investiment tagħhom. Mal-ħolqien ta' kumpanija ġdida, l-investituri privati, inklużi l-fundaturi, jitqiesu bħala indipendenti mill-kumpanija;

73.

“persuna fiżika” għall-fini tal-Artikoli 21 u 23 tfisser persuna għajr entità li mhijiex intrapriża għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat;

74.

“investiment ta' ekwità” tfisser id-dispożizzjoni ta' kapital lil intrapriża, investiti direttament jew indirettament, għal pussess ta' sehem korrispondenti ta' dik l-intrapriża;

75.

“l-ewwel bejgħ kummerċjali” tfisser l-ewwel bejgħ minn kumpanija f'suq tal-prodotti jew tas-servizzi, minbarra l-bejgħ limitat biex jiġi ttestjat is-suq;

76.

“SME mhux elenkata” tfisser SME li mhijiex elenkata fuq il-lista uffiċjali tal-borża, ħlief għal pjattaformi multilaterali għan-negozjar.

77.

“investiment ta' segwitu” tfisser investiment ta' finanzjament ta' riskju addizzjonali f'kumpanija sussegwenti għal serje waħda jew aktar ta' investimenti preċedenti ta' finanzjament ta' riskju;

78.

“kapital ta' sostituzzjoni” tfisser ix-xiri ta' ishma eżistenti f'kumpanija minn investitur jew azzjonist preċedenti;

79.

“entità fdata” tfisser il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment, istituzzjoni finanzjarja internazzjonali li fiha Stat Membru huwa azzjonist, jew istituzzjoni finanzjarja stabbilita fi Stat Membru li timmira lejn il-ksib tal-interess pubbliku taħt il-kontroll ta' awtorità pubblika, korp tal-liġi pubblika, jew korp tal-liġi privata b'missjoni ta' servizz pubbliku: l-entità fdata tista' tintgħażel jew tinħatar direttament skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18/KE dwar il-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, (39) jew kull leġiżlazzjoni sussegwenti li tissostitwixxi dik id-Direttiva kollha kemm hi jew parti minnha;

80.

“intrapriża innovattiva” tfisser intrapriża:

(a)

li tista' turi, permezz ta' evalwazzjoni mwettqa minn espert estern tista' turi li fil-futur qrib sejra tiżviluppa prodotti, servizzi jew proċessi li huma ġodda jew imtejba b'mod sostanzjali meta mqabbla mal-ogħla livell fl-industrija tagħha, u li jġorru riskju ta' falliment teknoloġiku jew industrijali, jew

(b)

l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp li jirrappreżentaw mill-anqas 10 % tal-ispejjeż operazzjonali totali tagħha f'mill-anqas waħda mit-tliet snin ta' qabel l-għoti tal-għajnuna jew, fil-każ ta' intrapriża tal-bidu mingħajr ebda rekord finanzjarju, fl-awditjar tal-perjodu fiskali kurrenti tagħha, kif iċċertifikat minn awditur estern;

81.

“pjattaforma multilaterali għan-negozjar” tfisser faċilità multilaterali għall-kummerċ skont l-Artikolu 4(1)(15) tad-Direttiva 2004/39/KE, fejn il-biċċa l-kbira tal-istrumenti finanzjarji ammessi biex ikunu nnegozjati jinħarġu mill-SMEs;

82.

“self” tfisser ftehim li jobbliga lill-mutwanti li jqiegħed ammont miftiehem ta' flus disponibbli għall-mutwatarju għal perjodu ta' żmien miftiehem u li skont dan il-mutwatarju huwa obbligat iħallas l-ammont lura fil-perjodu miftiehem. Huwa jista' jieħu l-forma ta' self, jew strument ieħor ta' finanzjament, inkluża l-lokazzjoni, li tipprovdi lill-mutwanti b'komponent predominanti ta' rendita minima. Il-finanzjament mill-ġdid ta' self eżistenti ma jkunx self eliġibbli.

Definizzjonijiet għal Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni

83.

“organizzazzjoni ta' riċerka u tixrid tal-għarfien” tfisser entità (bħal universitajiet jew istituti ta' riċerka, aġenziji tat-trasferiment tat-teknoloġija, intermedjarji ta' innovazzjoni, entitajiet kollaborattivi fiżiċi u/jew virtwali orjentati lejn ir-riċerka), ikun xi jkun l-istat legali tagħha (organizzata skont il-liġi pubblika jew privata) jew il-mod ta' finanzjament, li l-iskop ewlieni tagħha jkun li twettaq riċerka fundamentali, riċerka industrijali jew żvilupp sperimentali jew li xxerred b'mod wiesa' r-riżultati ta' attivitajiet bħal dawn permezz tat-tagħlim, il-pubblikazzjoni jew it-trasferiment tal-għarfien. Meta din l-entità tiżvolġi wkoll attivitajiet ekonomiċi, il-finanzjament, l-ispejjeż u d-dħul ta' dawn l-attivitajiet ekonomiċi jridu jitqiesu b'mod separat. L-intrapriżi li jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq entità bħal din, pereżempju fil-kapacità tagħhom bħala azzjonisti jew membri, jaf ma jgawdu l-ebda aċċess preferenzjali għar-riżultati ġġenerati minnha;

84.

“riċerka fundamentali” tfisser xogħol sperimentali jew teoriku mwettaq primarjament biex jinkiseb għarfien ġdid tal-pedamenti bażiċi ta' fenomeni u fatti osservabbli, mingħajr ebda applikazzjoni jew użu kummerċjali dirett previst;

85.

“riċerka industrijali” tfisser ir-riċerka ppjanata jew l-investigazzjoni kritika mmirata lejn il-kisba ta' għarfien u ħiliet ġodda għall-iżvilupp ta' prodotti, proċessi jew servizzi ġodda jew biex iseħħ titjib sinifikanti fi prodotti, proċessi jew servizzi eżistenti. Tinkludi l-ħolqien ta' partijiet ta' komponenti ta' sistemi kumplessi, u tista' tinkludi l-kostruzzjoni ta' prototipi f'ambjent ta' laboratorju jew f'ambjent b'interfaċċji simulati għal sistemi eżistenti kif ukoll ta' linji pilota, meta jkun meħtieġ għar-riċerka industrijali u notevolment għall-validazzjoni tat-teknoloġija ġenerika;

86.

“żvilupp sperimentali” tfisser l-akkwist, il-kombinament, l-iffurmar u l-użu tal-għarfien u l-ħiliet eżistenti ta' natura xjentifika, teknoloġika, kummerċjali u ta' tip ieħor, bl-iskop li jiġu żviluppati prodotti, proċeduri jew servizzi ġodda jew imtejba. Dan jista' jinkludi wkoll, pereżempju, attivitajiet immirati lejn id-definizzjoni kunċettwali, l-ippjanar u d-dokumentazzjoni ta' prodotti, proċeduri jew servizzi ġodda;

L-iżvilupp sperimentali jista' jinkludi l-prototipi, il-wiri, il-pilotaġġ, l-ittestjar u l-validazzjoni ta' prodotti ġodda jew imtejba, il-proċessi jew is-servizzi f'ambjenti rappreżentattivi tal-kundizzjonijiet operattivi reali tal-ħajja meta l-għan ewlieni huwa li jkun hemm titjib tekniku ġdid għall-prodotti, il-proċessi jew s-servizzi li mhumiex sostanzjalment stabbiliti. Dan jista' jinkludi l-iżvilupp ta' prototip jew pilota li jkun kummerċjalment utilizzabbli u li huwa neċessarjament il-prodott kummerċjali finali u li huwa għali wisq biex jiġi prodott biex jintuża biss għal finijiet ta' dimostrazzjoni u validazzjoni.

L-iżvilupp sperimentali ma jinkludix tibdiliet ta' rutina jew perjodiċi magħmula lill-prodotti eżistenti, il-linji ta' produzzjoni, il-proċessi ta' manifattura, is-servizzi u operazzjonijiet oħra li jkun għaddejjin, anke jekk dawn it-tibdiliet jistgħu jirrapreżentaw titjib;

87.

“l-istudju ta' vijabilità” tfisser l-evalwazzjoni u l-analiżi tal-potenzjal ta' proġett, li għandhom l-għan li jappoġġaw il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet billi oġġettivament u razzjonalment jindividwaw il-qawwiet u d-dgħufijiet, l-opportunitajiet u r-riskji, kif ukoll jidentifikaw ir-riżorsi meħtieġa sabiex il-proġett ikun jista' jitwettaq, u fl-aħħar mill-aħħar jkollu prospetti għas-suċċess;

88.

“spejjeż tal-persunal” tfisser l-ispejjeż marbutin mar-riċerkaturi, t-tekniċi u persunal ieħor ta' appoġġ sakemm ikunu impjegati fuq il-proġett jew l-attività rilevanti;

89.

“distakkament” tfisser li l-kundizzjonijiet tat-tranżazzjoni bejn il-partijiet kontraenti ma jvarjawx minn dawk li jiġu stipulati bejn intrapriżi indipendenti, u ma jkunx fihom element ta' kollużjoni. Kull tranżazzjoni li tirriżulta minn proċedura miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja hija kkunsidrata li tilħaq il-prinċipju ta' distakkament;

90.

“kollaborazzjoni effettiva” tfisser kollaborazzjoni bejn mill-inqas żewġ partijiet indipendenti għall-iskambju ta' għarfien jew teknoloġija, jew biex jintlaħaq għan komuni bbażat fuq id-diviżjoni tax-xogħol fejn il-partijiet konġuntement jiddefinixxu l-kamp ta' applikazzjoni tal-proġett kollaborattiv, jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tiegħu u jaqsmu r-riskji, kif ukoll ir-riżultati tiegħu. Parti waħda jew diversi partijiet jistgħu jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż kollha tal-proġett u b'hekk iserrħu lill-partijiet l-oħra mir-riskji finanzjarji tiegħu. Riċerka kuntrattwali u d-dispożizzjoni ta' servizzi ta' riċerka mhumiex meqjusa forom ta' kollaborazzjoni.

91.

“infrastruttura tar-riċerka” tfisser faċilitajiet, riżorsi u servizzi relatati li jintużaw mill-komunità xjentifika biex issir riċerka fl-oqsma rispettivi tagħhom u tkopri tagħmir xjentifiku jew settijiet ta' strumenti, riżorsi bbażati fuq l-għarfien bħal ġabriet, arkivji jew informazzjoni xjentifika strutturata sabiex tgħin infrastutturi bbażati fuq it-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni bħall-grilja, l-informatika, is-softwer u l-komunikazzjoni, jew kull entità oħra ta' natura unika essenzjali għat-twettiq tar-riċerka. Tali infrastrutturi jistgħu jkunu “f'sit wieħed” jew “imqassma” (netwerk ta' riżorsi organizzat) b'konformità mal-Artikolu 2(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (ERIC) (40);

92.

“ragruppamenti tal-innovazzjoni” tfisser strutturi jew gruppi organizzati ta' partijiet indipendenti (bħal intrapriżi innovattivi li għadhom jibdew, intrapriżi żgħar, medji u kbar, kif ukoll organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-tixrid tal-għarfien, organizzazzjonijiet bla skop ta' profitt u atturi ekonomiċi oħra relatati) maħsuba biex jistimolaw l-attività innovattiva permezz tal-promozzjoni, il-qsim tal-faċilitajiet u l-iskambju tal-għarfien u l-kompetenzi, u billi jikkontribwixxu b'mod effettiv għat-trasferiment tal-għarfien, in-networking, it-tixrid tal-informazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-intrapriżi u organizzazzjonijiet oħra fir-ragruppament;

93.

“persunal bi kwalifiki għolja” tfisser persunal bi grad ta' edukazzjoni terzjarja u mill-anqas 5 snin esperjenza professjonali rilevanti li jistgħu jinkludu wkoll taħriġ fil-livell ta' dottorat;

94.

“servizzi ta' konsulenza dwar l-innovazzjoni” tfisser konsulenza, assistenza u taħriġ fl-oqsma ta' trasferiment tal-għarfien, ix-xiri, il-protezzjoni u l-isfruttament ta' assi intanġibbli, u l-użu ta' standards u regolamenti li jsostnuhom;

95.

“servizzi ta' appoġġ għall-innovazzjoni” tfisser il-forniment ta' spazju għall-uffiċċji, banek tad-dejta, libreriji, ir-riċerka tas-suq, laboratorji, il-ħruġ ta' tikketta tal-kwalità, l-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni, bl-iskop li jiġu żviluppati prodotti, proċessi jew servizzi aktar effettivi;

96.

“innovazzjoni organizzattiva” tfisser l-implimentazzjoni ta' metodu organizzazzjonali ġdid fil-prassi tal-operat tal-intrapriża, l-organizzazzjoni fil-post tax-xogħol jew ir-relazzjonijiet esterni u teskludi bidliet li huma bbażati fuq metodi organizzazzjonali diġà użati fl-intrapriża, bidliet fl-istrateġija ta' amministrazzjoni, il-fużjonijiet u l-akkwisti, it-tmiem ta' proċess, il-bdil jew l-estensjoni sempliċi tal-kapital, il-bidliet li jirriżultaw purament mill-bidliet fil-prezzijiet tal-fatturi, il-personalizzazzjoni, il-post, il-bidliet staġjonali regolari u bidliet ċikliċi oħrajn u l-kummerċ ta' prodotti ġodda jew imtejba b'mod sinifikanti;

97.

“innovazzjoni tal-proċess” tfisser l-implimentazzjoni ta' metodu ta' produzzjoni jew twassil ġdid jew imtejjeb b'mod sinifikanti (inkluż tibdil sinifikanti fit-tekniki, it-tagħmir jew is-softwer) u teskludi bidliet jew titjib minuri, żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni jew tas-servizzi permezz taż-żieda fis-sistemi ta' manifattura jew loġistiċi li huma simili ħafna għal dawk li diġà qegħdin jintużaw, it-tmiem ta' proċess, il-bidliet li jirriżultaw purament mill-bidliet fil-prezzijiet tal-fatturi, il-personalizzazzjoni, il-post, il-bidliet staġjonali regolari u bidliet ċikliċi oħrajn u l-kummerċ ta' prodotti ġodda jew imtejba b'mod sinifikanti;

98.

“sekondar” tfisser l-impjieg b'mod temporanju ta' persunal minn benefiċjarju bid-dritt għall-persunal li jmur lura għall-impjegatur ta' qabel;

Definizzjonijiet għall-għajnuna għall-ħaddiema żvantaġġati u għall-ħaddiema b'diżabilità

99.

“ħaddiem żvantaġġat serjament” tfisser kull persuna li:

(a)

ma kellhiex impjieg regolari bi ħlas għal mill-inqas 24 xahar; jew

(b)

ma kellhiex impjieg regolari bi ħlas għal mill-anqas 12-il xahar u tagħmel parti minn waħda mill-kategoriji minn (b) sa (g) imsemmija taħt id-definizzjoni ta' “ħaddiem żvantaġġat”.

100.

“impjieg protett” tfisser impjieg f'intrapriża fejn mill-inqas 30 % tal-ħaddiema huma ħaddiema b'diżabilità;

Definizzjonijiet li japplikaw għall-għajnuna għall-protezzjoni ambjentali

101.

“protezzjoni ambjentali” tfisser kull azzjoni mfassla biex tirrimedja jew tipprevjeni ħsara lill-ambjenti fiżiċi tal-madwar jew lir-riżorsi naturali xi attivitajiet tal-benefiċjarju stess, biex tnaqqas ir-riskju ta' din il-ħsara jew biex twassal għal użu aktar effiċjenti ta' riżorsi naturali, inklużi miżuri għall-iffrankar tal-enerġija u l-użu ta' riżorsi ta' enerġija rinnovabbli;

102.

“standard tal-Unjoni” tfisser:

(a)

standard tal-Unjoni obbligatorju li jistabbilixxi l-livelli li għandhom jintlaħqu minn intrapriżi individwali f'termini ambjentali; jew

(b)

l-obbligu skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41) biex jintużaw l-aqwa tekniki disponibbli (BAT) u li jiġi żgurat li l-livelli ta' emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu mhumiex ogħla milli kienu jkunu meta tiġi applikata l-BAT; għall-każijiet fejn il-livelli ta' emissjonijiet assoċċjati mal-BAT ġew definiti f'atti ta' implimentazzjoni adottati skont id-Direttiva 2010/75/UE, dawn il-livelli jkunu applikabbli għall-fini ta' dan ir-Regolament; meta dawn il-livelli huma espressi bħala medda, għandu jkun applikabbli l-limitu fejn il-BAT tintlaħaq l-ewwel.

103.

“effiċjenza tal-enerġija” tfisser ammont ta' enerġija ffrankata ddeterminat billi jitkejjel u/jew jiġi stmat il-konsum qabel u wara l-implimentazzjoni ta' miżura ta' titjib fl-effiċjenza fl-enerġija, filwaqt li tiġi żgurata n-normalizzazzjoni tal-kundizzjonijiet esterni li jaffettwaw il-konsum tal-enerġija;

104.

“proġett għall-effiċjenza enerġetika” tfisser proġett ta' investiment li jżid l-effiċjenza enerġetika ta' bini;

105.

“fond għall-effiċjenza enerġetika (EEF)” tfisser vettura ta' investiment speċjalizzata stabbilita bil-għan li tinvesti fi proġetti ta' effiċjenza enerġetika mmirati għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika ta' bini kemm fis-setturi domestiċi kif ukoll dawk mhux domestiċi. L-EEFs huma ġestiti minn maniġer tal-fond għall-effiċjenza enerġetika;

106.

“maniġer tal-fondi għall-effiċjenza enerġetika” tfisser kumpanija maniġerjali professjonali b'personalità ġuridika, li tagħżel u tagħmel investimenti fi proġetti eliġibbli għall-effiċjenza enerġetika;

107.

“koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja” tfisser koġenerazzjoni li tissodisfa d-definizzjoni ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja kif stipulat fl-Artikolu 2(34) tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l- effiċjenza f l-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (42);

108.

“koġenerazzjoni” jew sħana u enerġija kombinati (CHP) tfisser il-ġenerazzjoni simultanja fi proċess wieħed ta' enerġija termali u enerġija elettrika u/jew mekkanika;

109.

“enerġija minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli” tfisser l-enerġija prodotta minn impjanti li jużaw biss sorsi ta' enerġija rinnovabbli kif ukoll il-proporzjon, f'termini ta' valur kalorifiku tal-enerġija prodotta minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli f'impjanti ibridi li jużaw ukoll sorsi ta' enerġija konvenzjonali. Tinkludi l-elettriku rinnovabbli użat fil-mili tas-sistemi ta' ħżin, iżda teskludi l-elettriku prodott bħala riżultat ta' sistemi ta' ħżin;

110.

“sorsi ta' enerġija rinnovabbli” tfisser is-sorsi mhux fossili ta' enerġija rinnovabbli li ġejjin: l-enerġija mir-riħ, mix-xemx, aerotermika, ġeotermika, idrotermika, mill-oċeani, idroelettrika, tal-bijomassa, mill-gass tal-miżbliet, mill-gass tal-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ kif ukoll mill-bijogassijiet;

111.

“bijokarburant” tfisser karburant likwidu jew gassuż għat-trasport prodott mill-bijomassa;

112.

“bijofjuwil sostenibbli” tfisser bijofjuwil li jissodisfa l-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva (KE) Nru 2009/28/KE;

113.

“bijofjuwils magħmula mill-ikel” tfisser bijofjuwil prodott minn ċereali u minn għelejjel oħra bi pjanti b'kontenut rikk ta' lamtu, bi pjanti taz-zokkor u bi pjanti li minnhom jiġi estratt iż-żejt kif definit fil-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (43);

114.

“teknoloġija ġdid u innovattiva” tfisser teknoloġija ġdida u mingħajr provi mqabbla mal-aktar stat avvanzat fl-industrija, li ġġorr riskju ta' falliment teknoloġiku jew industrijali u mhix ottimizzazzjoni jew żieda ta' teknoloġija eżistenti;

115.

“responsabbiltajiet ta' bilanċjar” tfisser ir-responsabbiltà għal żbilanċi (devjazzjonijiet bejn il-ġenerazzjoni, il-konsum u t-tranżazzjonijiet kummerċjali) ta' suq parteċipanti jew ir-rappreżentat magħżul tiegħu, imsemmi bħala “l-Parti Responsabbli mill-Bilanċ”, f'perjodu ta' żmien speċifiku msemmi bħala “Perjodu partikolari ta' Ħlas tal-Iżbilanċi”;

116.

“responsabbiltajiet standard ta' bbilanċjar” tfisser responsabbiltajiet ta' bbilanċjar mhux diskriminatorji bejn it-teknoloġiji li ma jeżentawx xi wieħed mill-ġeneraturi minn dawk ir-responsabbiltajiet;

117.

“bijomassa” tfisser il-frazzjoni bijodegradabbli tal-prodotti, l-iskart u r-residwi agrikoli (inklużi s-sustanzi veġetali u tal-annimali), mill-forestrija u minn industriji oħrajn relatati, inkluż mis-sajd u l-akkwakultura, kif ukoll il-bijogassijiet u l-frazzjoni bijodegradabbli tal-iskart industrijali u dak muniċipali;

118.

“l-ispejjeż illivellati għall-produzzjoni tal-enerġija” huwa l-kalkolu tal-ispejjeż għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-punt ta' konnessjoni għal karga jew għal grilja tal-elettriku. Din tinkludi l-kapital inizjali, ir-rata ta' skont, kif ukoll l-ispejjeż ta' operazzjoni kontinwa, il-fjuwil u l-manutenzjoni;

119.

“taxxa ambjentali” tfisser taxxa li l-bażi taxxabbli speċifika tagħha jkollha effett negattiv ċar fuq l-ambjent jew li tfittex li tintaxxa ċerti attivitajiet, prodotti jew servizzi biex l-ispejjeż ambjentali jkunu jistgħu jiġu inklużi fil-prezz tagħhom u/jew biex il-produtturi u l-konsumaturi jkunu orjentati lejn attivitajiet li jirrispettaw l-ambjent aħjar;

120.

“il-livell minimu tat-taxxa tal-Unjoni” tfisser il-livell minimu ta' tassazzjoni pprovduta fil-leġislazzjoni tal-Unjoni; għal prodotti tal-enerġija u l-elettriku hi tfisser il-livell minimu ta' tassazzjoni stipulat fl-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirristruttura l-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni ta' prodotti tal-enerġija u l-elettriku (44);

121.

“sit ikkontaminat” tfisser fejn ikun hemm preżenza kkonfermata, ikkawżata mill-bniedem, ta' sustanzi perikolużi ta' livell tali li dawn is-sustanzi jirrappreżentaw riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent meta jitqies l-użu attwali u l-użu ġejjieni approvat tal-art ikkonċernata;

122.

il-prinċipju ta' “min iniġġeż iħallas” jew “PPP” ifisser li l-ispejjeż marbutin mat-tneħħija tat-tniġġis għandu jbatihom min iniġġes;

123.

“it-tniġġis” tfisser il-ħsara kkawżata minn min iniġġes b'mod dirett jew indirett li jagħmel ħsara lill-ambjent, jew billi joħloq kundizzjonijiet li jwasslu għal din it-tip ta' ħsara, fl-ambjent fiżiku ta' madwarna jew fir-riżorsi naturali;

124.

“l-effiċjenza enerġetika fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali” tfisser sistema ta' tisħin u tkessiħ distrettwali li tissodisfa d-definizzjoni ta' tisħin distrettwali effiċjenti u sistema ta' tkessiħ kif stabbiliti fl-Artikolu 2(41) u (42) tad-Direttiva 2012/27/UE. Id-definizzjoni tinkludi impjanti ta' produzzjoni ta' tisħin/tkessiħ u n-netwerk (inklużi faċilitajiet relatati) neċessarji għad-distribuzzjoni tas-sħana/tkessiħ mill-unitajiet ta' produzzjoni għall-bini tal-konsumaturi;

125.

“inkwinatur” tfisser xi ħadd li direttament jew indirettament jagħmel ħsara lill-ambjent jew joħloq kundizzjonijiet li jwasslu għal din il-ħsara.

126.

“użu mill-ġdid” tfisser kull operazzjoni li biha l-prodotti jew il-komponenti li ma jkunux skart jerġgħu jintużaw għall-istess skop li għalih kienu maħsubin;

127.

“preparazzjoni għal użu mill-ġdid” tfisser il-verifika, it-tindif jew it-tiswija ta' operazzjonijiet ta' rkupru, li biha prodotti jew komponenti ta' prodotti li saru skart jiġu ppreparati biex jintużaw mill-ġdid mingħajr ebda proċessar bil-quddiem ieħor;

128.

“riċiklaġġ” tfisser kull operazzjoni ta' rkupru li biha l-materjali tal-iskart jiġu pproċessati mill-ġdid fi prodotti, materjali jew sustanzi kemm jekk għall-użu oriġinali jew għal finijiet oħrajn. Dan jinkludi l-proċessar mill-ġdid ta' materjal organiku iżda ma jinkludix irkupru ta' enerġija u l-ipproċessar mill-ġdid f'materjali li għandhom jintużaw bħala karburanti jew għal operazzjonijiet ta' radam mill-ġdid;

129.

“l-ogħla livell” tfisser proċess li fih l-użu mill-ġdid ta' prodott ta' skart għall-manifattura ta' prodott aħħari jkun prattika normali ekonomikament profittabbli. Fejn ikun xieraq, il-kunċett tal-ogħla livell irid jiġi interpretat mill-perspettiva tat-teknoloġija u s-suq intern tal-Unjoni;

130.

“l-infrastruttura tal-enerġija” tfisser kull tagħmir fiżiku jew faċilità li jinsab fl-Unjoni jew li jorbot lill-Unjoni ma' pajjiż terz wieħed jew aktar u li jaqa' taħt il-kategoriji li ġejjin;

(a)

dwar l-elettriku:

(i)

infrastruttura għat-trażmissjoni, kif definita fl-Artikolu 2(3) mid-Direttiva 2009/72/KE tat-13 Lulju 2009 dwar regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku (45);

(ii)

infrastruttura għad-distribuzzjoni, kif definita fl-Artikolu 2(5) mid-Direttiva 2009/72/KE;

(iii)

ħżin tal-elettriku, definit bħala fażilitajiet użati għall-ħċin tal-elettriku fuq bażi permanenti jew temporanja f'infrastruttura 'l fuq mill-art jew taħt l-art jew f'siti ġeoloġiċi, sakemm dawn ikunu konnessi direttament ma' fili għat-trażmissjoni b'vultaġġ għoli ddisinjati għal vultaġġ ta' 110 kV jew iżjed;

(iv)

kull tagħmir jew istallazzjoni essenzjali biex is-sistemi definiti f'punti (i) sa (iii) joperaw b'mod sikur, b'sikurezza, sigurtà u effiċjenza, inklużi s-sistemi ta' protezzjoni, monitoraġġ u kontroll fil-livelli kollha tal-vultaġġ u fis-substazzjonijiet kollha; kif ukoll

(v)

grilji intelliġenti, definiti bħala kull tagħmir, linja, kejbil jew istallazzjoni, kemm fil-livell tat-trażmissjoni u kif ukoll tad-distribuzzjoni b'vultaġġ baxx u medju, li jimmira lejn komunikazzjoni diġitali bidirezzjonali, f'ħin reali jew viċin il-ħin reali, monitoraġġ u ġestjoni interattivi u intelliġenti tal-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-elettriku f'netwerk tal-elettriku bil-għan li jiġi żviluppat netwerk li b'mod effiċjenti jintegra l-imġiba u l-azzjonijiet tal-utenti kollha konnessi miegħu — ġeneraturi, konsumaturi u dawk li jagħmlu t-tnejn — sabiex tiġi żgurata sistema tal-elettriku ekonomikament effiċjenti, sostenibbli, b'telf baxx u b'livelli għoljin ta' kwalità, sigurtà tal-provvista u sikurezza.

(b)

dwar il-gass:

(i)

linji ta' pajpijiet tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni għat-trasport tal-gass naturali u l-bijogass li jiffurmaw parti minn netwerk, apparti l-linji ta' pajpijiet bi pressa għolja li jintużaw għal distribuzzjoni upstream jew ta' gass naturali;

(ii)

faċilitajiet ta' ħażna taħt l-art li huma konnessi ma' linji ta' pajpijiet minn fejn jgħaddi l-gass bi pressjoni għolja msemmija fil-punt (i);

(iii)

faċilitajiet ta' riċeviment, ħżin u rigassifikazzjoni jew dekompressjoni għal gass naturali likwifikati (“LNG”) jew gass naturali kkompressat (“CNG”); kif ukoll

(iv)

kull tagħmir jew istallazzjoni essenzjali biex is-sistemi joperaw b'sikurezza, sigurtà u effiċjenza jew biex jippermettu kapaċità bidirezzjonali, inklużi l-istazzjonijiet ta' kompressjoni;;

(c)

dwar iż-żejt:

(i)

linji ta' pajpijiet użati biex jiġi ttrasportat iż-żejt mhux maħdum;

(ii)

stazzjonijiet tal-ippumpjar u faċilitajiet ta' ħażna neċessarji għall-operazzjoni ta' pajpijiet ta' żejt mhux maħdum; kif ukoll

(iii)

kull tagħmir jew istallazzjoni essenzjali biex is-sistema inkwistjoni topera b'mod adattat, b'sigurtà u b'effiċjenza, inklużi s-sistemi ta' protezzjoni, monitoraġġ u kontroll u l-apparat ta' inverżjoni tal-fluss;

(d)

dwar CO2: netwerk ta' linji ta' pajpijiet, inklużi stazzjonijiet ta' booster; għat-trasport tas-siti tal-ħżin tas-CO2, bl-għan li s-CO2 jiġi injettat f'formazzjonijiet ġeoloġiċi addattati taħt l-art għall-ħażna permanenti;

131.

“il-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija” tinkludi d-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku, id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (46), ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni ta' Regolaturi tal-Enerġija (47); Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar kundizzjonijiet għal aċċess għan-netwerk għal skambji transfruntieri (48) u r-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar kundizzjonijiet għal aċċess tan-netwerks tat-trażmissjoni tal-gass naturali (49) jew kull leġiżlazzjoni sussegwenti li tissostitwixxi dawn l-atti b'mod sħiħ jew parzjali;

Definizzjonijiet li japplikaw għall-għajnuna soċjali għat-trasport għal residenti f'reġjuni mbiegħda

132.

“residenza normali” tfisser il-post fejn persuna fiżika tgħix għal mill-inqas 185 jum f'kull sena kalendarja, minħabba rabtiet personali u tax-xogħol; fil-każ ta' persuna li r-rabtiet tax-xogħol tagħha jkunu f'post differenti minn dak tar-rabtiet personali tagħha/tiegħu u li tgħix f'żewġ Stati Membri jew aktar, il-post ta' residenza normali huwa meqjus bħala l-post tar-rabtiet personali tagħha/tiegħu sakemm dik il-persuna tirritorna hemmhekk regolarment; meta persuna tkun qed tgħix fi Stat Membru biex twettaq missjoni b'tul ta' żmien stipulat, il-post tar-residenza tagħha jibqa' meqjus bħala dak il-post li miegħu għandha/għandu rabtiet personali, irrispettivament jekk tirritornax/jirritornax hemmhekk matul din l-attività; l-attendenza f'università jew skola fi Stat Membru ieħor ma tikkostitwixxix trasferiment ta' residenza normali; Alternattivament, “residenza normali” jkollha t-tifsira attribwita lilha fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.

Definizzjonijiet ta' għajnuna għal infrastrutturi tal-broadband

133.

“broadband bażiku”“netwerks tal-broadband bażiku” tfisser netwerks b'funzjonalitajiet bażiċi li huma bbażati fuq pjattaformi tat-teknoloġija bħalma huma l-linji diġitali asimmetriċi għall-abbonati (sa netwerks tal-ADSL2+), il-kejbil mhux imsaħħaħ (eż. DOCSIS 2.0), in-netwerks tal-mowbajl tat-tielet ġenerazzjoni (UMTS) u s-sistemi tas-satellita;

134.

“Xogħlijiet tal-inġinerija ċivili relatati mal-broadband” tfisser ix-xogħlijiet ta' inġinerija ċivili li huma meħtieġa għall-iskjerament ta' netwerk tal-broadband, bħalma huma t-tħaffir ta' triq sabiex jgħin fit-tqegħid tat-tubi (broadband).

135.

“Tubi” tfisser pajpijiet jew kondjuwits ta' taħt l-art li jintużaw biex minnhom jgħaddu kejbils (tal-fibra, tar-ram jew koassjali) ta' netwerk tal-broadband.

136.

“diżaggregazzjoni fiżika” tagħti aċċess lill-utenti aħħarija għal-linja ta' aċċess u tippermetti biex is-sistemi tat-trażmissjoni tal-kompetitur innifsu jittrażmettu fuqha direttament.

137.

“L-infrastruttura tal-broadband passiv” tfisser netwerk tal-broadband mingħajr ebda komponent attiv. Tipikament tinkludi infrastruttura ta' inġinerija ċivili, tubi u fibra skura u kabinetti tat-toroq.

138.

“Netwerks ta' aċċess għall-ġenerazzjoni li jmiss (NGA)” tfisser netwerks avvanzati li jkollhom tal-inqas il-karatteristiċi li ġejjin: (a) iwasslu servizzi affidabbli b'veloċità għolja ħafna għal kull abbonat permezz ta' backhaul ottiku (jew teknoloġija ekwivalenti) qrib biżżejjed għall-post tal-utenti biex jiggarantixxu t-twassil effettiv tal-veloċità għolja ħafna; (b) jappoġġaw firxa ta' servizzi diġitali avvanzati fosthom is-servizzi konverġenti bbażati għalkollox fuq l-IP, u (c) jkollhom veloċitajiet ogħla ta' upload (meta mqabbla man-netwerks bażiċi tal-broadband). Fl-istadju attwali tal-iżvilupp tas-suq u teknoloġiku, in-netwerks tat-tip NGA huma: (a) netwerks għall-aċċess ibbażati fuq il-fibra ottika (FTTx), (b) netwerks bil-kejbil avvanzati mtejbin u (c) ċerti netwerks għal aċċess bla fili avvanzati li kapaċi jwasslu veloċitajiet għolja affidabbli għal kull abbonat.

139.

“L-aċċess bl-ingrossa” tfisser aċċess li jippermetti lil operatur li juża l-faċilitajiet ta' operatur ieħor. L-aċċess l-aktar wiesa' possibbli li għandu jiġi pprovdut fuq in-netwerk relevanti, abbażi tal-iżviluppi teknoloġiċi attwali, ikunu jinkludu mill-inqas dawn il-prodotti ta' aċċess. Għan-netwerks tal-FTTH/FTTB: aċċess għat-tubi, aċċess għall-fibra skura, aċċess diżaggregat għaċ-ċirkwiti lokali, u aċċess għall-bitstream. Għan-netwerks tal-kejbil: aċċess għat-tubi u aċċess għall-bitstream. Għan-netwerks tal-FTTC: aċċess għat-tubi, id-diżaggregazzjoni tas-sottoċirkwit lokali u l-aċċess għal bitstream. Għall-infrastrutturi passivi tan-netwerk: l-aċċess għat-tubi, l-aċċess għall-fibra skura u/jew l-aċċess diżaggregat għaċ-ċirkwit lokali. Għan-netwerks tal-broadband ibbażati fuq l-ADSL: l-aċċess diżaggregat għaċ-ċirkwit lokali, l-aċċess għall-bitstream. Għan-netwerks tal-mowbajl jew bla fili: il-bitstream, il-qsim tal-arbli fiżiċi u l-aċċess għal netwerks backhaul. Għall-pjattaformi tas-satelliti: l-aċċess bitstream.

Definizzjonijiet għall-għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju:

140.

“xogħlijiet awdjoviżivi diffiċli” tfisser ix-xogħlijiet identifikati bħala tali minn Stat Membru abbażi ta' kriterji predefiniti meta jiġu stabbiliti skemi jew meta tingħata l-għajnuna, u tista' tinkludi films li l-unika verżjoni oriġinali tagħhom hija f'lingwa ta' Stat Membru b'territorju, popolazzjoni jew żona lingwistika limitati, films qosra, films minn diretturi li qed jaħdmu għall-ewwel darba u għat-tieni darba, dokumentarji, jew xogħlijiet b'baġit baxx jew inkella kummerċjalment xogħlijiet diffiċli.

141.

Lista tal-Kumitat ta' Assistenza għall-Iżvilupp (DAC) tal-OECD: tfisser il-pajjiżi u t-territorji kollha li huma eliġibbli li jirċievu assistenza uffiċjali għall-iżvilupp u inklużi fil-lista kkompilata mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD);

142.

“profitt raġonevoli” jiġu ddeterminat fir-rigward tal-profitt tipiku għas-settur ikkonċernat. F'kull każ, rata ta' redditu fuq il-kapital li ma taqbiżx ir-rata ta' tpartit relevanti flimkien ma' primjum ta' 100 punt bażi għandha tkun ikkunsidrata bħala raġonevoli.

Definizzjonijiet għall-għajnuna għall-infrastrutturi tal-isport u għall-infrastrutturi ta' rikreazzjoni multifunzjonali.

143.

“l-isport professjonali” tfisser il-prattika tal-isport taħt forma ta' impjieg bi qligħ jew servizz rimunerat, irrispettivament minn jekk ġiex stabbilit kuntratt tax-xogħol formali bejn l-isportiv professjonali u l-organizzazzjoni sportiva rilevanti, fejn il-kumpens jaqbeż l-ispejjeż ta' parteċipazzjoni u jikkostitwixxi parti sinifikanti mid-dħul tal-isportiv. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u għall-akkomodazzjoni għall-parteċipazzjoni f'manifestazzjoni sportiva ma jitqisux bħala kumpens għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet għal eżenzjoni

Skemi ta' għajnuna, għajnuna individwali mogħtija minn skemi bħal dawn u għajnuna ad hoc ikunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(2) jew (3) tat-Trattat u jkunu eżenti mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat sakemm din l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'Kapitolu I ta' dan ir-Regolament, kif ukoll il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-kategorija rilevanti ta' għajnuna stabbiliti f'Kapitolu III ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Limiti tan-notifika

1.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-għajnuna li teċċedi l-limiti li ġejjin:

(a)

għal għajnuna għall-investiment reġjonali: “l-ammont aġġustat tal-għajnuna” ta' għajnuna, kif ikkalkulat skont il-mekkaniżmu definit fl-Artikolu 2 il-punt 20 għal investiment bi spejjeż eliġibbli ta' EUR 100 miljun;

(b)

għal għajnuna għall-iżvilupp urban reġjonali, EUR 20 miljun kif stabbilit fl-Artikolu 16(3);

(c)

għal għajnuna għall-investiment lill-SMEs: EUR 7,5 miljun għal kull intrapriża għal kull proġett ta' investiment;

(d)

għal għajnuna għal konsulenza favur l-SMEs: EUR 2 miljun għal kull intrapriża, għal kull proġett;

(e)

għal għajnuna lill-SMEs għall-parteċipazzjoni fil-fieri: EUR 2 miljun għal kull intrapriża, għal kull sena;

(f)

għal għajnuna għall-SMEs għall-ispejjeż ta' kooperazzjoni mġarrba bil-parteċipazzjoni fi proġetti ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea. EUR 2 miljun għal kull intrapriża, għal kull proġett;

(g)

għal għajnuna għal finanzjament ta' riskju: EUR 15 miljun għal kull intrapriża eliġibbli kif stabbilit fl-Artikolu 21(9);

(h)

għal għajnuna għall-bidu ta' negozju, l-ammonti stabbiliti għal kull intrapriża fl-Artikolu 22(3), (4) u (5);

(i)

għal għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp:

(i)

jekk il-proġett huwa b'mod predominanti riċerka fundamentali: EUR 40 miljun għal kull intrapriża, għal kull proġett; dan ikun il-każ meta aktar minn nofs tal-ispejjeż eliġibbli tal-proġett jiġġarrbu permezz ta' attivitajiet li jaqgħu fil-kategorija ta' riċerka fundamentali;

(ii)

jekk il-proġett huwa b'mod predominanti riċerka industrijali: EUR 20 miljun għal kull intrapriża, għal kull proġett; dan ikun il-każ meta aktar minn nofs tal-ispejjeż eliġibbli tal-proġett isiru permezz ta' attivitajiet li jaqgħu fil-kategorija ta' riċerka industrijali jew fil-kategoriji ta' riċerka industrijali u tar-riċerka fundamentali meħudin flimkien;

(iii)

jekk il-proġett huwa b'mod predominanti żvilupp sperimentali: EUR 15 miljun għal kull intrapriża, għal kull proġett; dan ikun il-każ meta aktar minn nofs tal-ispejjeż eliġibbli tal-proġett jiġġarrbu permezz ta' attivitajiet li jaqgħu taħt il-kategorija ta' żvilupp sperimentali;

(iv)

jekk il-proġett ikun proġett EUREKA jew jiġi implimentat minn Intrapriża Konġunta stabbilita abbażi tal-Artikolu 185 jew tal-Artikolu 187 tat-Trattat, l-ammonti msemmija fil-punti (i) sa (iii) jirduppjaw.

(v)

jekk l-għajnuna għall-proġetti ta' riċerka u żvilupp tingħata fil-forma ta' pagamenti bil-quddiem li jitħallsu lura li, fin-nuqqas ta' metodoloġija aċċettata biex jiġi kkalkulat l-ekwivalenti tal-għotja gross tagħhom, jiġi espress bħala perċentwal tal-ispejjeż eliġibbli u l-miżura tipprovdi li fil-każ ta' eżitu ta' suċċess tal-proġett, kif definit abbażi ta' ipoteżi raġonevoli u prudenti, l-avvanzi jitħallsu lura b'rata tal-imgħax mill-inqas daqs ir-rata ta' skont applikabbli fi żmien l-għotja, l-ammonti msemmija fil-punti minn (i) sa (iv) jiżdiedu b'50 %;

(vi)

l-għajnuna għall-studji ta' vijabilità fit-tħejjija tal-attivitajiet ta' riċerka: EUR 7,5 miljun għal kull studju;

(j)

għal għajnuna għall-investiment għall-infrastrutturi ta' riċerka: EUR 20 miljun għal kull infrastruttura;

(k)

għal għajnuna għar-ragruppamenti ta' innovazzjoni: EUR 7,5 miljun għal kull ragruppament;

(l)

għajnuna għall-innovazzjoni għall-SMEs: EUR 5 miljun għal kull intrapriża, għal kull proġett;

(m)

għal għajnuna għall-innovazzjoni fil-proċess u fl-organizzazzjoni: EUR 7.5 miljun għal kull intrapriża, għal kull proġett;

(n)

għal għajnuna għat-taħriġ: EUR 2 miljun għal kull proġett ta' taħriġ;

(o)

għal għajnuna għar-reklutaġġ ta' ħaddiema żvantaġġati: EUR 5 miljun għal kull intrapriża, għal kull sena;

(p)

għal għajnuna għall-impjieg ta' ħaddiema b'diżabilità fil-forma ta' sussidji tal-pagi: EUR 10 miljun għal kull intrapriża, għal kull sena;

(q)

għal għajnuna għall-kumpens tal-ispejjeż addizzjonali għall-impjieg ta' ħaddiema b'diżabilità: EUR 10 miljun għal kull intrapriża, għal kull sena;

(r)

għal għajnuna għall-kumpens tal- ispejjeż tal-assistenza pprovduta lil ħaddiema żvantaġġati: EUR 5 miljun għal kull intrapriża, għal kull sena;

(s)

għal għajnuna għall-investiment għall-protezzjoni ambjentali, minbarra l-għajnuna għall-investiment għar-rimedjar ta' siti kkontaminati u għajnuna għall-istallazzjoni tal-parti tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-effiċjenza enerġetika fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali: EUR 15 miljun għal kull intrapriża għal kull proġett ta' investiment;

(t)

għal għajnuna għall-investiment għal proġetti ta' effiċjenza enerġetika: EUR 10 miljun kif stabbilit fl-Artikolu 39 (5);

(u)

għal għajnuna għall-investiment għar-rimedjar ta' siti kkontaminati: EUR 20 miljun għal kull intrapriża għal kull proġett ta' investiment;

(v)

għal għajnuna operatorja għall-produzzjoni ta' elettriku minn sorsi rinnovabbli u l-għajnuna operatorja għall-promozzjoni ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli f'installazzjonijiet fuq skala żgħira: EUR 15 miljun għal kull intrapriża, għal kull proġett. Meta l-għajnuna hi mogħtija abbażi ta' proċess kompetittiv tal-offerti skont l-Artikolu 42: EUR 150 miljun għal kull sena billi jitqies il-baġit kombinat tal-iskemi kollha li jaqgħu taħt l-Artikolu 42;

(w)

għal għajnuna għan-netwerk għad-distribuzzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali: EUR 20 miljun għal kull intrapriża għal kull proġett ta' investiment;

(x)

għal għajnuna għall-investiment għall-infrastruttura tal-enerġija EUR 50 miljun għal kull intrapriża, għal kull proġett ta' investiment;

(y)

għal għajnuna għal infrastrutturi tal-broadband: EUR 70 miljun bħala spiża totali għal kull proġett;

(z)

għal għajnuna għall-investiment għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju: EUR 100 miljun għal kull proġett; l-għajnuna operatorja għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju: EUR 50 miljun għal kull intrapriża, għal kull sena;

(aa)

għal skemi ta' għajnuna għal xogħlijiet awdjoviżivi: EUR 50 miljun għal kull intrapriża għal kull sena;

(bb)

għal għajnuna għall-infrastrutturi tal-isport u għall-infrastrutturi multifunzjonali: EUR 15-il miljun jew l-ispejjeż totali li jaqbżu l-EUR 50 miljun għal kull proġett; l-għajnuna ta' investiment għall-infrastruttura tal-isport: EUR 2 miljun għal kull intrapriża għal kull sena; kif ukoll

(cc)

għal għajnuna għall-investiment għal infrastrutturi lokali: EUR 10 miljun jew l-ispejjeż totali li jaqbżu l-EUR 20 miljun għall-istess infrastruttura.

2.   Il-limiti stabbiliti jew imsemmija fil-paragrafu 1 mhumiex ser ikunu evitati mill-qsim artifiċjali tal-iskemi ta' għajnuna jew proġetti ta' għajnuna.

Artikolu 5

It-trasparenza tal-għajnuna

1.   Dan ir-Regolament japplika biss għall-għajnuna li għaliha huwa possibbli li tiġi kkalkulata b'mod preċiż l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-għajnuna ex ante mingħajr il-ħtieġa ta' valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”).

2.   Il-kategoriji ta' għajnuna li ġejjin jitqiesu bħala trasparenti:

(a)

l-għajnuna li tinvolvi għotjiet u sussidji fir-rati tal-imgħax;

(b)

l-għajnuna li tinvolvi self, meta l-ekwivalenti tal-għotja gross jkun ġie kkalkulat abbażi tar-rata ta' referenza prevalenti fiż-żmien tal-għotja;

(c)

l-għajnuna li tikkonsisti f'garanziji:

(i)

meta l-ekwivalenti tal-għotja gross ġie kkalkulat abbażi ta' primjums fil-limitu ta' eżenzjoni stabbiliti f'avviż tal-Kummissjoni; jew

(ii)

meta qabel l-implimentazzjoni tal-miżura, il-metodoloġija biex jiġi kkalkulat l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-garanzija ġiet aċċettata abbażi tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' garanziji (50), jew abbażi ta' kull avviż suċċċessiv, wara li ġiet innotifikata din il-metodoloġija lill-Kummissjoni skont kull regolament adottat mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat applikabbli dak iż-żmien, u l-metodoloġija approvata tindirizza espliċitament it-tip ta' garanzija u t-tip ta' t-tranżazzjoni involuta kkonċernata fil-kuntest tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

(d)

l-għajnuna fil-forma ta' vantaġġi fiskali, meta l-miżura tipprevedi kwota biex jiġi żgurat li l-limitu applikabbli ma jinqabiżx;

(e)

l-għajnuna għall-iżvilupp urban reġjonali jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16 ikunu ġew issodisfati;

(f)

l-għajnuna li tinvolvi miżuri ta' finanzjament ta' riskju jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21 jiġu ssodisfati;

(g)

l-għajnuna għal negozji li jkun għadhom kemm jiftħu jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22 ikunu ġew issodisfati;

(h)

l-għajnuna għall-proġetti ta' effiċjenza enerġetika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39 ikunu ġew issodisfati;

(i)

l-għajnuna fil-forma ta' primjums flimkien mal-prezz tas-suq jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 42 ikunu ġew issodisfati;

(j)

l-għajnuna fil-forma ta' pagamenti bil-quddiem li jitħallsu lura, jekk l-ammont nominali totali tal-pagament bil-quddiem li jitħallas lura ma jaqbiżx il-limiti applikabbli skont dan ir-Regolament jew jekk, qabel l-implimentazzjoni tal-miżura, il-metodoloġija biex jiġi kkalkulat l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-pagament bil-quddiem li jitħallas lura tkun ġiet aċċettata wara n-notifika tagħha lill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Effett ta' inċentiv

1.   Dan ir-Regolament japplika biss għal għajnuna li għandha effett ta' inċentiv.

2.   L-għajnuna tiġi kkunsidrata li għandha effett ta' inċentiv jekk il-benefiċjarju jkun ippreżenta applikazzjoni bil-miktub għal għajnuna lill-Istat Membru kkonċernat qabel ma jkun inbeda x-xogħol fuq il-proġett jew l-attività. L-applikazzjoni għall-għajnuna jkun fiha għallinqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u d-daqs tal-intrapriża;

(b)

id-deskrizzjoni tal-proġett, inklużi d-dati ta' meta se jibda u jispiċċa;

(c)

il-lok tal-proġett;

(d)

il-lista tal-ispejjeż tal-proġett;

(e)

it-tip ta' għajnuna (għotja, self, garanzija, pagament bil-quddiem li jitħallas lura, injezzjoni ta' ekwità jew oħrajn) u l-ammont ta' finanzjament pubbliku meħtieġ għall-proġett;

3.   L-għajnuna ad hoc mogħtija lil intrapriżi kbar titqies li jkollha effett ta' inċentiv jekk, flimkien mat-twettiq tal-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru jkun ivverifika, qabel jagħti l-għajnuna kkonċernata, li d-dokumentazzjoni ppreparata mill-benefiċjarju tistabbilixxi li l-għajnuna tirriżulta f'wieħed jew f'aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

fil-każ ta' għajnuna għall-investiment reġjonali: li proġett jitwettaq, li l-proġett ma kienx jitwettaq fiż-żona kkonċernata jew ma kienx jiġġenera biżżejjed profitt għall-benefiċjarju fiż-żona kkonċernata li kieku ma kienx hemm l-għajnuna.

(b)

fil-każijiet l-oħra kollha, li jkun hemm:

żieda materjali fl-ambitu tal-proġett/l-attività minħabba l-għajnuna; jew

żieda materjali fl-ammont totali minfuq mill-benefiċjarju fuq il-proġett/l-attività minħabba l-għajnuna; jew

żieda materjali fil-ħeffa tat-tlestija tal-proġett/l-attività kkonċernat(a);

4.   B'deroga mill-paragrafi 2 u 3, miżuri fil-forma ta' vantaġġi fiskali jitqiesu li għandhom effett ta' inċentiv jekk ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-miżura tistabbilixxi d-dritt għall-għajnuna skont kriterji oġġettivi u mingħajr eżerċizzju ulterjuri ta' diskrezzjoni mill-Istat Membru; kif ukoll

(b)

il-miżura ġiet adottata u ddaħħlet fis-seħħ qabel ma x-xogħol fuq il-proġett jew l-attività megħjuna jkunu nbeda, ħlief fil-każ ta' skemi fiskali suċċessivi, dejjem jekk l-attività tkun diġà ġiet koperta minn skemi preċedenti fil-forma ta' vantaġġi fiskali.

5.   B'deroga mill-paragrafi 2, 3 u 4, il-kategoriji ta' għajnuna li ġejjin mhumiex meħtieġa li jkollhom jew huma meqjusa li jkollhom effett ta' inċentiv:

(a)

l-għajnuna operatorja reġjonali, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15 ikunu ġew issodisfati;

(b)

l-għajnuna għall-SMEs biex ikollhom aċċess għall-finanzjament, jekk il-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Artikoli 21 u 22 ikunu ġew issodisfati,

(c)

l-għajnuna għar-reklutaġġ ta' ħaddiema żvantaġġati fil-forma ta' sussidji fuq il-pagi u l-għajnuna għall-impjieg ta' ħaddiema b'diżabilità fil-forma ta' sussidji fuq il-pagi, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 32 u 33 rispettivament skont l-Artikoli 32 u 33,

(d)

l-għajnuna li tikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali għall-impjieg ta' ħaddiema b'diżabilità, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34 ikunu ġew issodisfati;

(e)

l-għajnuna fil-forma ta' tnaqqis fit-taxxi ambjentali skont id-Direttiva 2003/96/KE, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44 ta' dan ir-Regolament ikunu ġew issodisfati;

(f)

l-għajnuna li tagħmel tajjeb għad-danni kkaġunati minn ċerti diżastri naturali, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 50 ikunu ġew issodisfati;

(g)

l-għajnuna soċjali għat-trasport għal residenti f'reġjuni mbiegħda, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 51 ikunu ġew issodisfati;

(h)

l-għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 53 ikunu ġew issodisfati;

Artikolu 7

L-intensità tal-għajnuna u l-ispejjeż eliġibbli

1.   Għall-finijiet tal-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna u l-ispejjeż eliġibbli, jittieħdu ċ-ċifri użati kollha qabel kull tnaqqis fit-taxxa jew imposta oħra. L-ispejjeż eliġibbli jkunu appoġġati b'evidenza dokumentata li għandha tkun ċara, speċifika u kontemporanja.

2.   Fejn għajnuna tingħata f'forma oħra differenti minn għotja, l-ammont ta' għajnuna jkun l-ekwivalenti tal-għajnuna bħala għotja gross.

3.   L-għajnuna pagabbli f'għadd ta' pagamenti tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata. L-ispejjeż eliġibbli għandhom jiġu skontati għall-valur tagħhom fil-mument li jingħataw. Ir-rata tal-interessi li għandha tintuża għal finijiet ta' skont tkun ir-rata ta' skont applikabbli fil-mument li tingħata l-għajnuna.

4.   Meta l-għajnuna tingħata permezz ta' vantaġġi fiskali, l-iskontar tal-porzjonijiet tal-għajnuna jsir abbażi tar-rati ta' skont applikabbli fid-diversi drabi meta jidħol fis-seħħ benefiċċju tat-taxxa.

5.   Meta l-għajnuna tingħata fil-forma ta' pagamenti bil-quddiem li jitħallsu lura li, fin-nuqqas ta' metodoloġija aċċettata biex jiġi kkalkulat l-ekwivalenti tal-għotja gross tagħhom, jiġu espressi bħala perċentwali tal-ispejjeż eliġibbli u l-miżura tipprovdi li fil-każ ta' eżitu ta' suċċess tal-proġett, kif iddefinit abbażi ta' ipoteżi raġonevoli u prudenti, l-avvanzi jitħallsu lura b'rata tal-imgħax mill-inqas daqs ir-rata ta' skont applikabbli fil-mument tal-għotja tal-għajnuna, il-massimu tal-intensitajiet ta' għajnuna stabbiliti fil-Kapitolu III jistgħu jiżdiedu b'10 punti perċentwali.

6.   Meta l-għajnuna reġjonali tingħata fil-forma ta' self bil-quddiem li jitħallas lura, l-intensitajiet massimi ta' għajnuna stabbiliti f'mappa ta' għajnuna reġjonali fis-seħħ fil-mument tal-għoti tal-għajnuna ma jistgħux jiżdiedu.

Artikolu 8

Akkumulazzjoni

1.   Biex jiġi stabbilit jekk il-limiti ta' notifika stabbiliti fl-Artikolu 4 u l-intensitajiet massimi ta' għajnuna stabbiliti f'Kapitolu III ġewx irrispettati, l-ammont totali ta' għajnuna mill-Istat għall-attività jew għall-proġett jew għall-intrapriża megħjuna jittieħdu inkonsiderazzjoni.

2.   Meta finanzjament tal-Unjoni ġestit ċentralment mill-istituzzjonijiet, aġenziji, intrapriżi konġunti jew korpi oħra tal-Unjoni li mhux direttament jew indirettament taħt il-kontroll tal-Istat Membru huwa kkumbinat flimkien ma' għajnuna mill-Istat, dan tal-aħħar biss jitqies biex jiġi stabbilit jekk il-limiti ta' notifika u tal-intensitajiet massimi ta' għajnuna jew l-ammonti massimi ta' għajnuna ġewx irrispettati, sakemm l-ammont totali ta' finanzjament pubbliku mogħti għal dawn l-spejjeż eliġibbli ma jaqbiżx ir-rata ta' finanzjament l-aktar favorevoli stabbilita fir-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni.

3.   L-għajnuna bi spejjeż eliġibbli identifikabbli eżentati minn dan ir-Regolament tista' tiġi akkumulata ma':

(a)

kull għajnuna oħra mill-Istat, dejjem jekk dawn il-miżuri jikkonċernaw spejjeż eliġibbli differenti li jistgħu jiġu identifikati,

(b)

kull għajnuna oħra mill-Istat, fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli, li jikkoinċidu b'mod parzjali jew sħiħ, biss jekk tali kumulazzjoni ma tirriżultax f'ammont li jeċċedi l-ogħla intensità ta' għajnuna jew ammont ta' għajnuna applikabbli għal din l-għajnuna skont dan ir-Regolament.

4.   L-għajnuna mingħajr spejjeż eliġibbli identifikabbli eżentati skont l-Artikoli 21, 22 u 23 ta' dan ir-Regolament tista' tiġi akkumulata ma' kull għajnuna oħra mill-Istat bi spejjeż eliġibbli identifikabbli. Għajnuna mingħajr spejjeż eliġibbli identifikabbli tista' tiġi akkumulata ma' għajnuna oħra mill-Istat mingħajr spejjeż eliġibbli identifikabbli, sal-ogħla limitu rilevanti tal-iffinanzjar totali ffissat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull każ minn dan ir-regolament jew regolament ieħor għal eżenzjoni ta' kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

5.   L-għajnuna mill-Istat li hija eżentata skont dan ir-Regolament ma tiġix akkumulata ma' kull għajnuna de minimis fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli jekk it-tali akkumulazzjoni tirriżulta f'intensità ta' għajnuna li taqbeż dawk stabbiliti f'Kapitolu III ta' dan ir-Regolament.

6.   B'deroga minn paragrafu 3(b), l-għajnuna favur ħaddiema b'diżabilità, kif previst fl-Artikoli 33 u 34, tista' tiġi akkumulata b'għajnuna oħra eżentata skont dan ir-Regolament fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli aktar mill-ogħla limitu applikabbli skont dan ir-Regolament, sakemm din l-akkumulazzjoni ma tirriżultax f'intensità ta' għajnuna li taqbeż il-100 % tal-ispejjeż rilevanti fuq kull perjodu li matulu l-ħaddiema kkonċernati jkunu impjegati.

Artikolu 9

Pubblikazzjonijiet u informazzjoni

1.   L-Istat Membru kkonċernat jiżgura fuq websajt komprensiva dwar l-għajnuna mill-Istat, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, il-pubblikazzjoni ta':

(a)

l-informazzjoni fil-qosor imsemmija fl-Artikolu 11 fil-format standardizzat stabbilita fl-Anness II jew link li tipprovdi aċċess għaliha;

(b)

it-test sħiħ ta' kull miżura ta' għajnuna, kif imsemmija fl-Artikolu 11 jew link li tipprovdi aċċess għat-test sħiħ;

(c)

l-informazzjoni msemmija fl-Anness III dwar kull għotja ta' għajnuna individwali li taqbeż il-EUR 500 000.

Fir-rigward ta' għajnuna mogħtija lill-proġetti ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, l-informazzjoni msemmija f'dan il-paragrafu tiġi mpoġġija fuq il-websajt tal-Istat Membru li fih l-Awtorità Maniġerjali kkonċernata, kif definita fl-Artikolu 21 ta' dan ir-Regolament Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tkun tinsab. Alternattivament, l-Istat Membru li jkun qed jipparteċipa jista' jiddeċiedi wkoll li kull wieħed minnhom jipprovdi l-informazzjoni dwar il-miżuri tal-għajnuna fit-territorju tagħhom fuq il-websajts rispettivi.

2.   Għal skemi fil-forma ta' vantaġġi fiskali, u għal skemi koperti mill-Artikolu 16 u 21 (51) il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1(c) ta' dan l-Artikolu jiġu kkunsidrati li ntlaħqu jekk l-Istati Membri jippubblikaw l-informazzjoni meħtieġa dwar l-ammonti ta' għajnuna individwali fil-meded li ġejjin (f'EUR miljun):

 

0,5-1;

 

1-2;

 

2-5;

 

5-10;

 

10-30; kif ukoll

 

30 u iktar

3.   Għal skemi skont l-Artikolu 51 ta' dan ir-Regolament, l-obbligi tal-pubblikazzjoni stabbiliti f'dan l-artikolu ma japplikawx għal konsumaturi finali.

4.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(c) ta' dan l-Artikolu tiġi organizzata u tkun aċċessibbli b'mod standardizzat, kif deskritt fl-Anness III, kif ukoll tippermetti funzjonijiet effettivi ta' riċerka u ddawnlowdjar. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiġi ppubblikata fi żmien 6 xhur mid-data li tkun ingħatat l-għotja, jew l-għajnuna f'forma ta' vantaġġ fiskali, fi żmien sena mid-data li d-dikjarazzjoni tat-taxxa trid tintbagħat, u tkun disponibbli għal mill-inqas 10 snin mid-data li fiha l-għajnuna tkun ingħatat.

5.   Il-Kummissjoni tippubblika fuq il-websajt tagħha:

(a)

il-links għall-websajts dwar l-għajnuna mill-Istat msemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(b)

l-informazzjoni fil-qosor imsemmija fl-Artikolu 11.

6.   L-Istati Membri għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu sa mhux aktar tard minn sentejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU II

MONITORAĠĠ

Artikolu 10

L-irtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni ta' kategorija

Meta l-Istat Membru kkonċernat jagħti għajnuna li hija allegatament eżentanta mir-rekwiżit ta' notifika skont dan ir-Regolament mingħajr ma tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitoli I sa III, il-Kummissjoni tista', wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jispjega fehemtu, tadotta deċiżjoni li tiddikjara li l-miżuri ta' għajnuna futuri kollha jew xi wħud minnhom, adottati mill-Istat Membru kkonċernat li kieku jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Il-miżuri li għandhom jiġu nnotifikati jistgħu jkunu limitati għall-miżuri li jagħtu ċerti tipi ta' għajnuna jew favur ċerti benefiċjari jew ċerti miżuri ta' għajnuna adottati minn ċerti awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 11

Rappurtar

L-Istati Membri, jew fil-każ ta' għajnuna mogħtija lill-proġetti ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, inkella l-Istat Membru li fih l-Awtorità Maniġerjali, kif definita fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tkun tinsab, tibgħat lill-Kummissjoni:

(a)

permezz tas-sistema elettronika ta' notifika tal-Kummissjoni, l-informazzjoni fil-qosor dwar kull miżura ta' għajnuna eżentata skont dan ir-Regolament fil-format standardizzat stabbilita fl-Anness II, flimkien ma' link li tipprovdi aċċess għat-test sħiħ tal-miżura ta' għajnuna, inklużi l-emendi tagħha, f'20 jum ta' xogħol wara d-dħul tiegħu fis-seħħ;

(b)

rapport annwali, kif imsemmi fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (52) kif emendat, f'forma elettronika, dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, li fih l-informazzjoni indikata fir-Regolament ta' Implimentazzjoni, fir-rigward ta' kull sena sħiħa jew kull parti tas-sena li matulha dan ir-Regolament japplika.

Artikolu 12

Monitoraġġ

Biex il-Kummissjoni tkun tista' tissorvelja l-għajnuna eżentata min-notifika minn dan ir-Regolament, l-Istati Membri, jew inkella, f'każ li l-għajnuna tkun ingħatat lill-proġetti ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, l-Istat Membru li fih tinsab l-Awtorità Maniġerjali, iżommu rekords dettaljati bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni ta' sostenn meħtieġa biex jistabbilixxu li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament. Dawn ir-rekords għandhom jinżammu għal 10 snin mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna ad hoc jew tkun ingħatat l-aħħar għajnuna skont l-iskema. L-Istat Membru kkonċernat jipprovdi lill-Kummissjoni fi żmien 20 jum ta' xogħol jew perjodu itwal skont kif jiġi stipulat fit-talba, l-informazzjoni kollha u d-dokumentazzjoni ta' sostenn li l-Kummissjoni tqis neċessarja biex tissorvelja l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦAL KATEGORIJI DIFFERENTI TA' GĦAJNUNA

TAQSIMA 1 —

Għajnuna reġjonali

Subtaqsima A —

L-investiment Reġjonali u l-għajnuna operatorja

Artikolu 13

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-għajnuna reġjonali

Din it-Taqsima ma tapplikax għal:

(a)

għajnuna li tiffavorixxi attivitajiet fis-settur tal-azzar, is-settur tal-faħam, is-settur tal-bini tal-bastimenti, is-settur tal-fibri sintetiċi, is-settur tat-trasport kif ukoll l-infrastruttura relatata, il-ġenerazzjoni, id-distribuzzjoni u l-infrastruttura tal-enerġija;

(b)

għajnuna reġjonali fil-forma ta' skemi li huma mmirati lejn numru limitat ta' setturi speċifiċi ta' attività ekonomika; skemi mmirati lejn attivitajiet turistiċi, l-infrastrutturi broadband jew l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli mhumiex ikkunsidrati bħala mmirati lejn setturi speċifiċi tal-attività ekonomika;

(c)

għajnuna reġjonali fil-forma ta' skemi li jikkumpensaw l-ispejjeż tat-trasport ta' oġġetti prodotti fir-reġjuni l-aktar imbiegħda jew f'żoni skarsament popolati u mogħtija favur:

(i)

attivitajiet fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat; jew

(ii)

attivitajiet ikklassifikati fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxu l-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemendaw r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (53) bħall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd taħt it-taqsima A tan-NACE Rev 2 dwar il-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi tat-tħaffir fil-minjieri u l-barrieri taħt taqsima B tan-NACE Rev 2 u l-provvista tal-elettriku, gass, fwar u arja kkondizzjonata taħt taqsima D tan-NACE Rev 2; jew

(iii)

it-trasport ta' merkanzija permezz ta' sistemi ta' pajpijiet;

(d)

l-għajnuna għall-investiment reġjonali individwali lil benefiċjarju li jkun għalaq l-istess attività jew waħda simili fiż-Żona Ekonomika Ewropea fis-sentejn ta' qabel l-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna għall-investiment reġjonali jew li, fiż-żmien li fih issir l-applikazzjoni għall-għajnuna, ikollu pjanijiet konkreti biex jagħlaq attività bħal din fi żmien perjodu li jista' jilħaq is-sentejn qabel ma jitlesta l-investiment inizjali li għalih tintalab l-għajnuna fiż-żona kkonċernata;

(e)

l-għajnuna operatorja reġjonali li tingħata lil intrapriżi li l-attività ewlenija tagħhom taqa' taħt it-Taqsima K “Attivitajiet finanzjarji u ta' assigurazzjoni” tan-NACE Rev. 2 jew lil intrapriżi li jwettqu attivitajiet intragrupp li l-attività ewlenija tagħhom taqa' taħt il-klassijiet 70.10 “Attivitajiet tal-uffiċċji ċentrali” jew 70.22 “In-negozju u attivitajiet oħra ta' konsulenza maniġerjali” tan-NACE Rev. 2.

Artikolu 14

Għajnuna għall-investiment reġjonali

1.   Il-miżuri ta' għajnuna għall-investiment reġjonali jkunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u jkunu eżentati mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   F'żoni megħjuna tingħata l-għajnuna.

3.   F'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat, l-għajnuna tista' tingħata għal investiment inizjali irrispettivament mid-daqs tal-benefiċjarju. F'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, l-għajnuna tista' tingħata lil SMEs għal kull tip ta' investiment inizjali. L-għajnuna lil intrapriżi kbar tingħata biss għal investiment inizjali favur attività ekonomika ġdida fiż-żona kkonċernata.

4.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu kif ġej:

(a)

l-ispejjeż tal-investiment f'assi tanġibbli u intanġibbli;

(b)

l-ispejjeż stmati tal-pagi li jirriżultaw mill-ħolqien tax-xogħol bħala riżultat ta' investiment inizjali, ikkalkulati fuq perjodu ta' sentejn; jew

(c)

il-kombinament ta' punti (a) u (b) li ma jaqbżux l-ammont ta' (a) jew (b), skont liema minnhom ikun l-ogħla.

5.   L-investiment jinżamm fiż-żona tar-riċevitur għal mill-inqas ħames snin, jew tliet snin fil-każ ta' SMEs, wara t-tlestija tal-investiment. Dan ma jimpedixxix s-sostituzzjoni ta' impjant jew apparat li ma jkunx għadu aktar validu jew li nkiser, sakemm l-attività ekonomika tinżamm fiż-żona kkonċernata għall-perjodu minimu rilevanti.

6.   L-assi akkwistati jkunu ġodda ħlief għall-SMEs u għall-akkwist ta' stabbiliment. L-ispejjeż marbuta mal-lokazzjoni ta' assi tanġibbli jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

għall-art u l-bini, il-lokazzjoni trid tkompli għal mill-inqas ħames snin wara d-data mistennija tat-tlestija tal-proġett ta' investiment għal intrapriżi kbar jew għal tliet snin fil-każ ta' SMEs;

(b)

għall-impjant jew makkinarju, il-lokazzjoni għandha tieħu l-forma ta' lokazzjoni finanzjarja u trid tinkludi obbligu għall-benefiċjarju tal-għajnunaa biex jixtri l-proprjetà mal-iskadenza tal-perjodu tal-lokazzjoni.

Fil-każ ta' akkwist tal-assi ta' stabbiliment skont it-tifsira tal-Artikolu 2 punt 49, l-ispejjeż ta' xiri tal-assi mingħand partijiet terzi mhux relatati max-xerrej biss jiġu kkunsidrati. It-tranżazzjoni sseħħ skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Jekk diġà tkun ingħatat għajnuna għall-akkwiżizzjoni ta' assi qabel jinxtraw, l-ispejjeż ta' dawn l-assi jitnaqqsu mill-ispejjeż eliġibbli relatati mal-akkwist ta' stabbiliment. Meta membru tal-familja tas-sid oriġinali, jew impjegat, jieħu f'idejh intrapriża żgħira, il-kundizzjoni li l-assi jinxtraw minn partijiet terzi mhux relatati max-xerrej tiġi rinunzjata. L-akkwist ta' ishma ma għandux jikkostitwixxi investiment inizjali.

7.   Għal għajnuna mogħtija għal bidla fundamentali fil-proċess tal-produzzjoni, l-ispejjeż eliġibbli għandhom jaqbżu d-deprezzament tal-assi marbuta mal-attività li trid tiġi mmodernizzata matul it-tliet snin fiskali preċedenti. Għal għajnuna mogħtija għad-diversifikazzjoni ta' stabbiliment eżistenti, l-ispejjeż eliġibbli għandhom jaqbżu b'mill-inqas 200 % l-valur kontabbli tal-assi li jintużaw mill-ġdid, kif irreġistrati fis-sena fiskali preċedenti ma nbdew ix-xogħlijiet.

8.   Assi intanġibbli huma eliġibbli għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-investiment jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

dawn iridu jintużaw b'mod esklussiv fl-istabbiliment li qed jirċievi l-għajnuna;

(b)

dawn iridu jkunu jistgħu jiġu ammortizzati;

(c)

dawn iridu jinxtraw skont il-kundizzjonijiet tas-suq minn partijiet terzi mhux relatati max-xerrej; kif ukoll

(d)

dawn iridu jiġu inklużi fl-assi tal-intrapriża li tkun qed tirċievi l-għajnuna u jridu jibqgħu marbutin mal-proġett li għalih ingħatat l-għajnuna għal mill-inqas ħames snin jew tliet snin fil-każ tal-SMEs.

Għal intrapriżi kbar, l-ispejjeż ta' assi intanġibbli huma eliġibbli biss sa limitu ta' 50 % tal-ispejjeż ta' investiment totali eliġibbli għall-investiment inizjali.

9.   Meta l-ispejjeż eliġibbli jiġu kkalkulati b'referenza għall-ispejjeż stmati tal-pagi kif imsemmija fil-paragrafu 4(b), jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-proġett ta' investiment iwassal għal żieda netta fin-numru ta' impjegati fl-istabbiliment ikkonċernat, meta kkumparat mal-medja tul it-12-il xahar ta' qabel, jiġifieri jitnaqqas kull xogħol li jkun intilef min-numru apparenti ta' xogħlijiet maħluqa matul dak il-perjodu;

(b)

kull inkarigu jimtela fi żmien tliet snin mit-tlestija tax-xogħlijiet; kif ukoll

(c)

kull xogħol maħluq permezz tal-investiment jinżamm fiż-żona kkonċernata għal perjodu ta' ħames snin mid-data li fiha tkun imtliet il-kariga għall-ewwel darba jew tliet snin fil-każ ta' SMEs.

10.   L-għajnuna reġjonali għall-iżvilupp ta' netwerk tal-broadband għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-għajnuna tingħata biss lil żoni fejn m'hemm ebda netwerk tal-istess kategorija (kemm jekk broadband bażiku jew inkella NGA), u fejn tali netwerk mhux probabbli li jiġi żviluppat fuq termini kummerċjali fi żmien tliet snin mid-deċiżjoni li tingħata l-għajnuna; kif ukoll

(b)

l-operatur tan-netwerk issussidjat għandu joffri aċċess attiv u passiv lill-operaturi b'kundizzjonijiet ġusti u mhux diskriminatorji inkluża d-diżaggregazzjoni fiżika fil-każ tan-netwerks tal-NGA; kif ukoll

(c)

l-għajnuna tiġi allokata abbażi ta' proċess kompetittiv ta' għażla.

11.   L-għajnuna reġjonali għal infrastrutturi ta' riċerka tingħata biss jekk l-għajnuna tkun bil-kundizzjoni li jingħata aċċess trasparenti u nondiskriminatorju għall-infrastruttura megħjuna.

12.   L-intensità tal-għajnuna fl-ekwivalenti tal-għotja gross ma taqbiżx l-intensità massima tal-għajnuna stabbilita fil-mappa tal-għajnuna reġjonali li tkun fis-seħħ fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna fiż-żona kkonċernata. Meta l-intensità tal-għajnuna hija kkalkulata abbażi tal-paragrafu 4(c), l-intensità massima tal-għajnuna ma għandhiex taqbeż l-ammont l-aktar favorevoli li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' din l-intensità abbażi ta' spejjeż ta' investiment jew spejjeż tal-pagi. Għal proġetti kbar ta' investiment l-ammont ta' għajnuna ma jaqbiżx l-ammont ta' għajnuna aġġustata kkalkulat skont il-mekkaniżmu definit fl-Artikolu 2, punt 20;

13.   Kull investiment inizjali li nbeda mill-istess benefiċjarju (fil-livell ta' grupp) f'perjodu ta' tliet snin mid-data tal-bidu tax-xogħlijiet fuq investiment megħjun ieħor, fl-istess reġjun ta' Klassifikazzjoni ta' Unitajiet Territorjali għall-Istatistika ta' livell 3, jiġi meqjus bħala parti minn proġett uniku ta' investiment. Fejn tali proġett uniku ta' investiment huwa proġett kbir ta' investiment, l-ammont ta' għajnuna totali għall-proġett uniku ta' investiment ma jaqbiżx l-ammont ta' għajnuna aġġustata għal proġetti kbar ta' investiment.

14.   Il-benefiċjarju tal-għajnuna jrid jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta' mill-inqas 25 % tal-ispejjeż eliġibbli, jew permezz tar-riżorsi tiegħu stess jew permezz ta' finanzjament estern, f'forma li tkun ħielsa minn kull appoġġ pubbliku. Fir-reġjuni l-aktar imbiegħda investiment magħmul minn SME jista' jirċievi għajnuna b'intensità ta' għajnuna massima ogħla minn 75 %, f'tali sitwazzjonijiet, il-bqija għandha tingħata permezz ta' kontribuzzjoni finanzjarja mingħand il-benefiċjarju tal-għajnuna.

15.   Għal investiment inizjali marbut ma' proġetti ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea koperti mir-Regolament (UE) Nru 1299/2013, l-intensità tal-għajnuna fiż-żona li fiha l-investiment inizjali jinsab japplika għall-benefiċjarji kollha li jipparteċipaw fil-proġett. Jekk l-investiment inizjali jkun jinsab f'żewġ żoni assistiti jew aktar, l-intensità massima għall-għajnuna tkun dik applikabbli fiż-żona megħjuna fejn jiġġarrab l-akbar ammont ta' spejjeż eliġibbli. F'żoni assistiti eliġibbli għall-għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, din id-dispożizzjoni tapplika biss għal intrapriżi kbar jekk l-investiment inizjali jikkonċerna attività ekonomika ġdida.

Artikolu 15

Għajnuna operatorja reġjonali

1.   Skemi operattivi ta' għajnuna reġjonali fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u f'żoni skarsament popolati kif maħtura mill-Istati Membri fil-mappa tagħhom ta' għajnuna reġjonali kif approvata mill-Kummissjoni b'konformità ma' paragrafu 161 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014 — 2020 (54)ikunu kompatibbli mas-suq intern fit-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u jiġu eżentati mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I ikunu ġew issodisfati.

2.   L-iskemi operatorji ta' għajnuna reġjonali jikkumpensaw għal:

(a)

l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport ta' oġġetti li ġew prodotti fl-oqsma eliġibbli għal għajnuna operatorja, kif ukoll spejjeż addizzjonali tat-trasport ta' oġġetti li jkunu pproċessati aktar f'dawn iż-żoni, taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-benefiċjarji jkollhom l-attività ta' produzzjoni tagħhom f'dawn iż-żoni;

(ii)

l-għajnuna hija oġġettivament kwantifikabbli bil-quddiem fuq abbażi ta' ammont fiss jew proporzjon għal kull tunnellata/kilometru jew xi unità oħra rilevanti;

(iii)

l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport huma kkalkulati abbażi tal-vjaġġ tal-oġġetti ġewwa l-fruntieri nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat permezz ta' mezz ta' trasport bl-inqas spejjeż għall-benefiċjarju. Għal reġjuni l-aktar imbiegħda biss, spejjeż addizzjonali tat-trasport ta' oġġetti li jkunu pproċessati aktar f'dawn iż-żoni, jistgħu jinkludu l-ispejjeż tat-trasport ta' oġġetti minn kull post tal-produzzjoni tagħhom lejn dawn iż-żoni.

(b)

l-ispejjeż operatorji addizzjonali minbarra l-ispejjeż tat-trasport li jiġġarrbu fl-iktar reġjuni mbiegħda, bħala effett dirett ta' żvantaġġ jew żvantaġġi permanenti fost dawk imsemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat, skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-benefiċjarji jkollhom l-attività ekonomika tagħhom f'reġjun l-aktar imbiegħed;

(ii)

l-ammont annwali ta' għajnuna għal kull benefiċjarju taħt l-iskemi kollha ta' għajnuna operatorja ma jaqbiżx:

il-15 % tal-valur gross miżjud annwali magħmul mill-benefiċjarju fir-reġjun l-aktar imbiegħed ikkonċernat; jew

il-25 % tal-kost lavorattiv annwali magħmul mill-benefiċjarju fir-reġjun l-aktar imbiegħed ikkonċernat; jew

l-10 % tal-introjtu nett annwali tal-benefiċjarju magħmul mill-benefiċjarju fir-reġjun l-aktar imbiegħed ikkonċernat.

3.   L-intensità tal-għajnuna ma tkunx aktar minn 100 % tal-ispejjeż eliġibbli addizzjonali msemmijin f'dan l-Artikolu.

Subtaqsima B —

Għajnuna għall-iżvilupp urban

Artikolu 16

Għajnuna għall-iżvilupp urban reġjonali:

1.   L-għajnuna għall-iżvilupp urban għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   Proġetti ta' żvilupp urban jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(a)

jiġu implimentati permezz tal-fondi għall-iżvilupp urban f'żoni megħjuna;

(b)

ikunu kkofinanzjati mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment;

(c)

jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' “strateġija integrata ta' żvilupp urban sostenibbli”;

3.   L-investiment totali fi proġett ta' żvilupp urban skont kull miżura ta' għajnuna għall-iżvilupp urban li ma jaqbiżx l-EUR 20 miljun.

4.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż ġenerali tal-proġett ta' żvilupp urban sal-punt li jikkonformaw mal-Artikoli 65 u 37 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (55).

5.   Għajnuna għall-iżvilupp urban mogħtija minn fond ta' żvilupp urban lil proġetti eliġibbli ta' żvilupp urban tista' tieħu l-forma ta' ekwità, kważi ekwità, self, garanziji, jew taħlita tagħhom.

6.   Il-miżura ta' għajnuna għall-iżvilupp urban tgħin biex jingrana aktar investiment minn investituri privati fil-livell ta' fondi għall-iżvilupp urban jew proġetti ta' żvilupp urban, biex jinkiseb ammont aggregat li jilħaq il-minimu ta' 30 % tal-finanzjament totali pprovdut għal proġett ta' żvilupp urban.

7.   Investituri privati u pubbliċi jistgħu jipprovdu flus jew kontribut mhux finanzjarju, jew taħlita ta' dawn, għall-implimentazzjoni ta' proġett ta' żvilupp urban. Kontribut mhux finanzjarju jkun ikkunsidrat bil-valur tas-suq tiegħu, kif iċċertifikat minn espert ikkwalifikat indipendenti jew korp uffiċjali adegwatament awtorizzat.

8.   Il-miżuri ta' finanzjament ta' riskju jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-maniġers ta' fondi għall-iżvilupp urban jiġu magħżula permezz ta' sejħa miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja skont il-liġijiet applikabbli tal-Unjoni u dawk nazzjonali. B'mod partikolari, ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn maniġers ta' fondi għall-iżvilupp urban abbażi tal-post ta' stabbiliment jew tal-inkorporazzjoni tagħhom f'xi Stat Membru. Il-maniġers ta' fondi għall-iżvilupp urban jistgħu jiġu mitluba biex jissodisfaw kriterji predefiniti oġġettivament iġġustifikati min-natura tal-investimenti;

(b)

l-investituri privati jiġu magħżula permezz ta' sejħa miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja u skont il-liġijiet applikabbli tal-Unjoni u dawk nazzjonali, mmirata lejn it-twaqqif ta' arranġamenti xierqa ta' qsim tar-riskji u l-beneffiċċji fejn, il-qsim asimmetriku tal-profitt jingħata preferenza fuq il-protezzjoni minn ċaqliq 'l isfel, għall-investimenti aktar milli għall-garanziji. Jekk l-investituri privati ma jintgħażlux b'tali sejħa, ir-rata ta' redditu ġust għall-investituri privati tiġi stabbilita minn espert indipendenti magħżul permezz ta' sejħa miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja;

(c)

fil-każ ta' qsim asimettriku tat-telf bejn investituri pubbliċi u dawk privati, l-ewwel telf li jsir minn investitur pubbliku jiġi limitat għal 25 % tal-investiment totali;

(d)

fil-każ ta' garanziji lil investituri privati fi proġetti għall-iżvilupp urban, ir-rata ta' garanzija tkun limitata għal 80 % u t-telf totali li jagħmel Stat Membru jiġi limitat għal 25 % tal-portafoll iggarantit sottostanti;

(e)

l-investituri jitħallew jiġu rrappreżentati f'korpi ta' governanza tal-fond għall-żvilupp urban, bħall-bord ta' sorveljanza jew il-kumitat konsultattiv;

(f)

il-fond għall-iżvilupp urban jiġi stabbilit skont il-liġijiet applikabbli. L-Istat Membru jipprovdi għal proċess ta' diliġenza dovuta biex jiżgura strateġija ta' investiment kummerċjalment soda għall-finijiet ta' implimentazzjoni tal-miżura ta' għajnuna għall-iżvilupp urban.

9.   Il-fondi ta' iżvilupp urban jiġu ġestiti abbażi kummerċjali u jiżguraw deċiżjonijiet finanzjarji xprunati mill-qligħ. Dan huwa l-każ meta l-maniġers għall-iżvilupp urban jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-maniġers ta' fondi għall-iżvilupp urban ikunu obbligati bil-liġi jew b'kuntratt biex jaġixxu bid-diliġenza ta' maniġer professjonali ta' rieda tajba u mingħajr kunflitti ta' interess; l-aħjar prattiki u s-sorveljanza regolatorja japplikaw;

(b)

ir-remunerazzjoni tal-maniġers ta' fondi għall-iżvilupp urban tikkonforma ma' prattiki tas-suq. Dan ir-rekwiżit jitqies li ntlaħaq meta jintgħażel maniġer permezz ta' sejħa kompetittiva miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, ibbażata fuq kriterji oġġettivi marbuta mal-esperjenza, il-kompetenza u l-kapaċità operatorja u finanzjarja;

(c)

il-maniġers ta' fondi għall-iżvilupp urban jirċievu remunerazzjoni marbuta mal-prestazzjoni, jew jaqsmu parti mir-riskju tal-investiment billi jikkoinvestu riżorsi tagħhom stess biex jiġi żgurat li l-interessi tagħhom huma permanentement allinjati mal-interessi tal-investituri pubbliċi;

(d)

il-maniġers ta' fondi għall-iżvilupp urban jistabbilixxu strateġija ta' investiment, kriterji u l-għażla taż-żmien li pproponew għall-investiment fi proġetti għall-iżvilupp urban, u jistabbilixxu l-vijabilità finanzjarja ex-ante u l-impatt mistenni tagħhom fuq l-iżvilupp urban;

(e)

strateġija ta' ħruġ ċara u realistika teżisti għal kull investiment ta' ekwità u kważi ekwità;

10.   Meta fond għall-iżvilupp urban jipprovdi self jew garanziji lil proġetti ta' żvilupp urban, il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu ssodisfati:

(a)

f'każ ta' self, l-ammont nominali tas-self jitqies fil-kalkolu tal-ammont massimu tal-investiment għall-finijiet ta' paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu;

(b)

f'każ ta' garanziji, l-ammont nominali tas-self sottostanti jitqies fil-kalkolu tal-ammont massimu tal-investiment għall-finijiet ta' paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu;

11.   L-Istat Membru jista' jafda l-implimentazzjoni tal-miżura ta' għajnuna għall-iżvilupp urban lil entità ta' fiduċja.

TAQSIMA 2 —

Għajnuna għall-SMEs

Artikolu 17

Għajnuna għall-investiment għall-SMEs

1.   L-għajnuna għall-investiment għall-SMEs li joperaw fit-territorju jew barra t-territorju tal-Unjoni tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżenti mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu wieħed jew l-ispejjeż kollha li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż tal-investiment f'assi tanġibbli u intanġibbli;

(b)

l-ispejjeż stmati tal-pagi ta' xogħlijiet maħluqa direttament mill-proġett ta' investiment, ikkalkulati fuq perjodu ta' sentejn.

3.   Biex jitqies bħala spiża eliġibbli għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, investiment jikkonsisti f'dawn li ġejjin:

(a)

investiment f'assi tanġibbli u/jew intanġibbli relatati mat-twaqqif ta' stabbiliment ġdid, l-estensjoni ta' stabbiliment eżistenti, id-diversifikazzjoni tal-produzzjoni ta' stabbiliment fi prodotti addizzjonali ġodda jew bidla fundamentali fil-proċess globali tal-produzzjoni ta' stabbiliment eżistenti; jew

(b)

l-akkwiżizzjoni tal-assi li jappartjenu lil stabbiliment, meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati:

l-istabbiliment ikun għalaq jew kien jagħlaq kieku ma ġiex mixtri;

l-assi huma mixtrija minn partijiet terzi li mhumiex relatati max-xerrej;

It-tranżazzjoni trid isseħħ skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

Meta membru tal-familja tas-sid oriġinali, jew impjegat, jieħu f'idejh intrapriża żgħira, il-kundizzjoni li l-assi jinxtraw minn partijiet terzi mhux relatati max-xerrej tiġi rinunzjata. L-akkwist uniku tal-ishma ta' intrapriża ma jikkostitwixxi investiment.

4.   L-assi intanġibbli jridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

jintużaw esklussivament fl-istabbiliment li qed jirċievi l-għajnuna;

(b)

dawn iridu jiġu meqjusa bħala assi li jistgħu jiġu amortizzati;

(c)

dawn iridu jinxtraw skont il-kundizzjonijiet tas-suq minn partijiet terzi mhux relatati max-xerrej;

(d)

dawn iridu jiġu inklużi fl-assi tal-impriża għal mill-inqas tliet snin;

5.   Xogħlijiet maħluqa direttament minn proġett ta' investiment jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ix-xogħol jinħoloq fi żmien tliet snin minn meta jitlesta l-investiment;

(b)

il-proġett ta' investiment jwassal għal żieda netta fin-numru ta' impjegati fl-istabbiliment ikkonċernat, imqabbel mal-medja matul it-12-il xahar ta' qabel;

(c)

jinżamm għal perjodu minimu ta' tliet snin mid-data li fiha mtliet il-kariga għall-ewwel darba.

6.   L-intensità tal-għajnuna ma għandhiex taqbeż:

(a)

l-20 % tal-ispejjeż eliġibbli fil-każ tal-intrapriżi ż-żgħar;

(b)

l-10 % tal-ispejjeż eliġibbli fil-każ ta' intrapriżi ta' daqs medju.

Artikolu 18

Għajnuna għal konsulenza favur l-SMEs

1.   L-għajnuna għal konsulenza favur l-SMEs tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżenti mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

3.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż ta' servizzi ta' konsulenza pprovduti minn konsulenti esterni.

4.   Is-servizzi kkonċernati ma jkunux attività kontinwa jew perjodika u lanqas ma jkunu relatati mal-ispejjeż amministrattivi ordinarji tal-intrapriża, bħal servizzi ta' rutina ta' konsulenza dwar it-taxxa, servizzi legali regolari jew riklamar.

Artikolu 19

Għajnuna lill-SMEs għall-parteċipazzjoni fil-fieri

1.   L-għajnuna għall-SMEs għall-parteċipazzjoni fil-fieri tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżenti mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż involuti biex tinkera, titwaqqaf u titħaddem l-istand għall-ewwel parteċipazzjoni ta' intrapriża ġo fiera jew eżibizzjoni partikolari.

3.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Artikolu 20

Għajnuna għall-ispejjeż ta' kooperazzjoni mġarrba mill-parteċipazzjoni ta' SMEs fi proġetti ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea

1.   L-għajnuna għall-ispejjeż ta' kooperazzjoni mġarrba mill-parteċipazzjoni ta' SMEs fil-proġetti ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea koperti mir-Regolament Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   L-ispejjeż eliġibbli huma dawn li ġejjin:

(a)

spejjeż għall-kooperazzjoni organizzattiva inkluża l-ispiża tal-persunal u l-fiċċji sakemm ikunu marbutin mal-proġett ta' kooperazzjoni;

(b)

spejjeż ta' servizzi ta' konsulenza u appoġġ marbuta mal-kooperazzjoni u mwassla minn konsulenti barranin u fornituri tas-servizzi;

(c)

spejjeż tal-ivvjaġġar, spejjeż ta' tagħmir u spejjeż għall-investiment direttament relatati mal-proġett u d-deprezzament tal-għodda u t-tagħmir użat esklussivament għall-proġett.

3.   Is-servizzi msemmija fil-paragrafu 2(b) ma jkunux attività kontinwa jew perjodika u lanqas ma jkunu relatati mal-ispejjeż amministrattivi ordinarji tal-intrapriża, bħal servizzi dwar konsulenza fiskali, servizzi legali regolari jew reklamar ta' rutina.

4.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

TAQSIMA 3 —

Għajnuna biex l-SMEs jkollhom aċċess għall-finanzjament

Artikolu 21

L-għajnuna għall-finanzjament ta' riskju

1.   L-iskemi ta' għajnuna għall-finanzjament tar-riskju favur l-SMEs tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   Fil-livell ta' intermedjarji finanzjarji, għajnuna għall-finanzjament tar-riskju lil investituri privati indipendenti tista' tieħu l-forma ta':

(a)

ekwità jew kważi ekwità jew allokazzjoni finanzjarja biex jiġu pprovduti investimenti ta' finanzjament ta' riskju direttament jew indirettament lill-intrapriżi eliġibbli;

(b)

self sabiex jiġu pprovduti investimenti ta' finanzjament ta' riskju direttament jew indirettament lill-intrapriżi eliġibbli;

(c)

garanziji biex ikopru l-investimenti ta' finanzjament ta' riskju direttament jew indirettament għall-intrapriżi eliġibbli;

3.   Fil-livell ta' investituri privati indipendenti, l-għajnuna għall-finanzjament ta' riskju tista' tieħu l-forom imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jew tkun fil-forma ta' inċentivi fiskali għal investituri privati li huma persuni fiżiċi li jipprovdu finanzjament ta' riskju direttament jew indirettament lill-intrapriżi eliġibbli.

4.   Fil-livell ta' intrapriżi eliġibbi, l-għajnuna għall-finanzjament tar-riskju tista' tieħu l-forma ta' ekwità, kważi ekwità, self, garanziji, jew taħlita tagħhom.

5.   Intrapriżi eliġibbli jkunu intrapriżi li fiż-żmien tal-investiment ta' finanzjament ta' riskju inizjali huma SMEs mhux elenkati u għall-inqas jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ma jkunu qed joperaw fl-ebda suq;

(b)

ilhom joperaw f'xi suq għal inqas minn 7 snin wara l-ewwel bejgħ kummerċjali tagħhom;

(c)

huma jeħtieġu investiment ta' finanzjament ta' riskju inizjali li, abbażi ta' pjan tan-negozju mħejji minħabba prodott ġdid jew id-dħul f'suq ġeografiku ġdid, huwa ogħla minn 50 % tal-fatturat annwali medju tagħhom tal-5 snin preċedenti.

6.   L-għajnuna għall-finanzjament ta' riskju tista' tkopri wkoll investimenti ta' segwitu li saru f'intrapriżi eliġibbli, inkluż wara l-perjodu ta' 7 snin imsemmi fil-paragrafu 5(b), jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

l-ammont totali ta' finanzjament ta' riskju msemmi fil-paragrafu 9 ma jinqabiżx;

(b)

il-possibbiltà ta' investimenti ta' segwitu kienet prevista fil-pjan ta' negozju oriġinali;

(c)

l-intrapriża li tirċievi l-investimenti ta' segwitu ma kellhiex x'taqsam, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(3) tal-Anness I ma' intrapriża oħra għajr l-intermedjarju finanzjarju jew l-investitur privat indipendenti, li jipprovdi l-finanzjament ta' riskju taħt il-miżura, dejjem jekk l-entità l-ġdida ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tad-definizzjoni tal-SMEs.

7.   Għall-investimenti ta' ekwità u kważi ekwità f'intrapriżi eliġibbli, miżura ta' finanzjament tar-riskju tista' tipprovdi appoġġ għall-kapital ta' sostituzzjoni biss jekk dan tal-aħħar ikun marbut ma' kapital ġdid li jirrappreżenta mill-inqas 50 % ta' kull serje ta' investimenti fl-intrapriżi eliġibbli.

8.   Għall-investimenti ta' ekwità u kważi ekwità li jaqgħu taħt paragrafu 2 (a), mhux iktar minn 30 % tal-kontribuzzjonijiet tal-kapital aggregat tal-intermedjarju finanzjarju u l-kapital impenjat mhux mitlub jistgħu jintużaw għal finijiet ta' ġestjoni ta' likwidità.

9.   L-ammont totali ta' finanzjament ta' riskju msemmi fil-paragrafu 4 ma jaqbiżx il-EUR 15-il miljun għal kull intrapriża eliġibbli taħt xi miżura ta' finanzjament ta' riskju.

10.   Għall-miżuri ta' finanzjament ta' riskju li jipprovdu investimenti ta' ekwità, kważi ekwità jew self lill-intrapriżi eliġibbli, il-miżura ta' finanzjament ta' riskju tgħin biex jingrana aktar finanzjament minn investituri privati indipendenti fuq il-livell ta' intermedjarji finanzjarji jew ta' intrapriżi eliġibbli, biex tintlaħaq rata ta' parteċipazzjoni privata aggregata li tilħaq il-limiti minimi li ġejjin:

(a)

10 % tal-finanzjament ta' riskju mogħti lill-intrapriżi eliġibbli qabel jagħmlu l-ewwel bejgħ kummerċjali tagħhom f'xi suq;

(b)

40 % tal-finanzjament ta' riskju mogħti lill-intrapriżi eliġibbli msemmija fil-paragrafu 5 (b) ta' dan l-Artikolu;

(c)

60 % tal-finanzjament ta' riskju għal investiment mogħti lill-intrapriżi eliġibbli msemmija fil-paragrafu 5(c) u għal investimenti ta' segwitu f'intrapriżi eliġibbli wara l-perjodu ta' 7 snin imsemmi fil-paragrafu 5(b).

11.   Meta miżura ta' finanzjament ta' riskju hija implimentata permezz ta' intermedjarju finanzjarju li jimmira lejn intrapriżi eliġibbli fi stadji ta' żvilupp differenti kif imsemmi fil-paragrafu 10 u ma jipprovdix għal parteċipazzjoni ta' kapital privat fil-livell tal-intrapriżi eliġibbli, l-intermedjarju finanzjarju jikseb rata ta' parteċipazzjoni privata aggregata li tirrappreżenta għall-inqas il-medja peżata bbażata fuq il-volum tal-investimenti individwali fil-portafoll sottostanti u li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-rati minimi ta' parteċipazzjoni għal tali investimenti kif imsemmija fil-paragrafu 10.

12.   Miżura ta' finanzjament ta' riskju ma tiddiskriminax bejn intermedjarji finanzjarji abbażi tal-post ta' stabbiliment jew tal-inkorporazzjoni tagħhom f'xi Stat Membru. L-intermedjarji finanzjarji jistgħu jiġu mitluba biex jissodisfaw kriterji predefiniti oġġettivament iġġustifikati min-natura tal-investimenti.

13.   Miżura ta' finanzjament ta' riskju tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

din tiġi implimentata permezz ta' intermedjarju finanzjarju jew aktar, ħlief għall-inċentivi fiskali għall-investituri privati fir-rigward tal-investimenti diretti tagħhom f'intrapriżi eliġibbli;

(b)

intermedjarji finanzjarji, kif ukoll investituri jew maniġers ta' fondi jiġu magħżula permezz ta' sejħa miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja li ssir skont il-liġijiet tal-Unjoni u dawk nazzjonali applikabbli u mmirata biex tistabbilixxi arranġamenti adegwati tal-qsim tar-riskji u l-gwadanji, fejn għall-investimenti li mhumiex garanziji l-qsim tal-profitti assimmetriċi jingħata preferenza fuq il-protezzjoni miċ-ċaqliq 'l isfel;

(c)

fil-każ ta' qsim asimettriku tat-telf bejn investituri pubbliċi u dawk privati, l-ewwel telf li jsir minn investitur pubbliku jiġi limitat għal 25 % tal-investiment totali;

(d)

fil-każ ta' garanziji li jaqgħu taħt il-punt 2(c) ir-rata ta' garanzija għandha tkun limitata għal 80 % u t-telf totali li jassumi l-Istat Membru jiġi limitat għal massimu ta' 25 % tal-portafoll iggarantit sottostanti. Garanziji li jkopru telf mistenni tal-portafoll iggarantit sottostanti biss jistgħu jiġu pprovduti b'xejn. Jekk garanzija tkun tkopri t-telf mhux mistenni, l-intermedjarju finanzjarju jħallas għal dik il-parti tal-garanzija li tkopri t-telf mhux mistenni, primjum ta' garanzija konformi mas-suq.

14.   Miżuri ta' finanzjament ta' riskju jiżguraw deċiżjonijiet ta' finanzjament immexxija mill-profitti. Dan jitqies li huwa l-każ meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

intermedjarji finanzjarji jiġu stabbiliti skont il-liġijiet applikabbli.

(b)

l-Istat Membru, jew l-entità fdata bl-implimentazzjoni tal-miżura, tipprovdi għal proċess ta' diliġenza dovuta biex tiżgura strateġija ta' investiment kummerċjalment soda għall-finijiet ta' implimentazzjoni tal-miżura ta' finanzjament ta' riskju, inkluża politika ta' diversifikazzjoni tar-riskju xierqa mmirata lejn il-kisba ta' vijabilità ekonomika u skala effiċjenti f'termini ta' daqs u kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-portafoll ta' investimenti rilevanti;

(c)

l-għoti ta' finanzjament ta' riskju lill-intrapriżi eliġibbli jkun ibbażat fuq pjan ta' direzzjoni tan-negozju vijabbli, li fih dettalji tal-prodott, bejgħ u żvilupp ta' profitabbiltà, u li jistabbilixxi l-vijabilità finanzjarja ex-ante;

(d)

strateġija ta' ħruġ ċara u realistika teżisti għal kull investiment ta' ekwità u kważi ekwità.

15.   L-intermedjarji finanzjarji jiġu ġestiti fuq bażi kummerċjali. Dan ir-rekwiżit jitqies li ġie ssodisfat meta l-intermedjarju finanzjarju u, skont it-tip ta' miżura ta' finanzjament ta' riskju, il-maniġer tal-fond, jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

huma obbligati bil-liġi jew b'kuntratt biex jaġixxu bid-diliġenza ta' maniġer professjonali ta' rieda tajba u mingħajr kunflitti ta' interess; l-aħjar prattiki u s-sorveljanza regolatorja japplikaw;

(b)

ir-rimunerazzjoni tagħhom tkun konformi mal-prattiki tas-suq; Dan ir-rekwiżit jitqies li ntlaħaq meta jintgħażel maniġer jew intermedjarju finanzjarju permezz ta' sejħa kompetittiva miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, ibbażata fuq kriterji oġġettivi marbuta mal-esperjenza, il-kompetenza u l-kapaċità operatorja u finanzjarja;

(c)

huma jirċievu remunerazzjoni marbuta mal-prestazzjoni, jew jaqsmu parti mir-riskji tal-investiment billi jikkoinvestu r-riżorsi tagħhom biex jiġi żgurat li l-interessi tagħhom huma permanentement allinjati mal-interessi tal-investitur pubbliku;

(d)

huma jistabbilixxu l-istrateġija ta' investiment, il-kriterji u l-għażla taż-żmien għall-investiment;

(e)

l-investituri jitħallew jiġu rrappreżentati f'korpi ta' governanza tal-fond għall-investiment, bħall-bord ta' sorveljanza jew il-kumitat konsultattiv.

16.   Miżura ta' finanzjament ta' riskju li tipprovdi garanziji jew self lill-intrapriżi eliġibbli, tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

bħala riżultat tal-miżura, l-intermedjarju finanzjarju jagħmel investimenti li kieku ma kinux jitwettqu, jew kienu jitwettqu b'mod ristrett jew differenti mingħajr l-għajnuna. L-intermedjarju finanzjarju jkun kapaċi juri li huwa jopera mekkaniżmu li jiżgura li l-vantaġġi kollha jiġu mgħoddija kemm jista' jkun lill-benefiċjarji finali fil-forma ta' volumi ogħla ta' finanzjament, portafolli aktar riskjużi, inqas rekwiżiti kollaterali, primjums ta' garanzija aktar baxxi jew rati ta' interess aktar baxxi;

(b)

f'każ ta' self, l-ammont nominali tas-self jitqies fil-kalkolu tal-ammont massimu tal-investiment għall-finijiet ta' paragrafu 9;

(c)

f'każ ta' garanziji, l-ammont nominali tas-self sottostanti jitqies fil-kalkolu tal-ammont massimu tal-investiment għall-finijiet ta' paragrafu 9. Il-garanzija ma għandhiex taqbeż it-80 % tas-self sottostanti.

17.   Stat Membru jista' jafda l-implimentazzjoni ta' miżura ta' finanzjament ta' riskju lil entità ta' fiduċja.

18.   L-għajnuna għall-finanzjament ta' riskju lill-SMEs li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5 tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk

(a)

f'livell ta' SMEs, l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1407/2013; kif ukoll

(b)

il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan l-Artikolu, bl-eċċezzjoni ta' dawk stabbiliti f'paragrafi 5, 6, 9, 10, u 11, jiġu ssodisfati; kif ukoll

(c)

għall-miżuri ta' finanzjament ta' riskju li jipprovdu investimenti ta' ekwità, kważi ekwità jew self lill-intrapriżi eliġibbli, il-miżura tgħin biex jingrana aktar finanzjament minn investituri privati indipendenti fuq il-livell ta' intermedjarji finanzjarji jew ta' SMEs, biex tintlaħaq rata ta' parteċipazzjoni privata aggregata li tilħaq mill-inqas is-60 % tal-finanzjament ta' riskju pprovdut lill-SMEs.

Artikolu 22

Għajnuna tal-bidu ta' negozju

1.   L-iskemi ta' għajnuna tal-bidu ta' negozju jkunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u jiġu eżentati mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I jiġu milħuqa.

2.   Intrapriżi eliġibbli jkunu intrapriżi mhux elenkati sa massimu ta' ħames snin wara r-reġistrazzjoni tagħhom, li għadhom ma qassmux profitti u li ma ġewx iffurmati permezz ta' fużjoni: Għal intrapriżi eliġibbli li mhumiex soġġetti għal reġistrazzjoni, il-perjodu ta' eliġibbiltà ta' ħames snin jista' jiġi kkunsidrat li jibda mill-mument meta l-intrapriża jew tibda l-attività ekonomika tagħha jew hija soġġetta għat-taxxa minħabba l-attività ekonomika tagħha.

3.   L-għajnuna tal-bidu ta' negozju tieħu l-forma ta':

(a)

self b'rati ta' imgħax li mhumiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, b'tul ta' 10 snin u sa ammont nominali massimu ta' EUR 1 miljun, jew EUR 1,5 miljun għal intrapriżi stabbiliti f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jew EUR 2 miljun għal intrapriżi stabbiliti f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat. Għal self b'tul ta' bejn 5 u 10 snin l-ammonti massimi jistgħu jiġu aġġustati billi jiġu mmultiplikati l-ammonti ta' hawn fuq bil-proporzjon ta' bejn l-10 snin u t-tul effettiv tas-self. Għal self b'tul ta' inqas minn 5 snin, l-ammont massimu jkun l-istess bħal ma huwa għal self b'tul ta' 5 snin;

(b)

garanziji bi primjums li mhumiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, b'tul ta' 10 snin u sa ammont massimu garantit ta' EUR 1,5 miljun, jew EUR 2,25 miljun għal intrapriżi stabbiliti f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jew EUR 3 miljun għal intrapriżi stabbiliti f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat. Għal garanziji b'tul ta' bejn 5 u 10 snin l-ammont massimu ta' ammonti garantiti jista' jiġi aġġustat billi jiġu mmultiplikati l-ammonti ta' hawn fuq bil-proporzjon ta' bejn l-10 snin u t-tul effettiv tas-garanzija. Għal garanziji b'tul ta' inqas minn 5 snin, l-ammont massimu ggarantit ikun l-istess bħal ma huwa għal garanziji b'tul ta' 5 snin. Il-garanzija ma għandhiex tkun aktar minn 80 % tas-self sottostanti.

(c)

l-għotjiet, inkluż it-tnaqqis fl-investiment ta' ekwità jew kważi ekwità, fir-rata ta' interessi u fil-primjum ta' garanzija sa mhux aktar minn EUR 0,4 miljun ta' ekwivalenti tal-għotja gross jew EUR 0,6 miljun għal intrapriżi stabbiliti f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jew EUR 0,8 miljun għal intrapriżi stabbiliti f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat.

4.   Benefiċjarju jista' jirċievi appoġġ permezz ta' taħlita tal-istrumenti ta' għajnuna msemmija fil-paragrafu 3, ta' dan l-Artikolu, dejjem jekk il-proporzjon tal-ammont mogħti permezz ta' strument wieħed ta' għajnuna, ikkalkulat abbażi tal-ammont massimu ta' għajnuna permissibli għal dan l-istrument, jiġi kkunsidrat biex jiġi ddeterminat il-proporzjon residwu tal-ammont massimu ta' għajnuna permissibbbli għall-istrumenti l-oħra li jiffurmaw parti minn strument daqshekk imħallat.

5.   Għal intrapriżi żgħar u innovattivi, l-ammonti massimi msemmija fil-paragrafu 3 jistgħu jiġu rduppjati.

Artikolu 23

Għajnuna lill-pjattaformi tal-kummerċ alternattivi speċjalizzati fl-SMEs

1.   L-għajnuna favur il-pjattaformi tal-kummerċ alternattivi speċjalizzati fl-SMEs tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   Meta l-operatur tal-pjattaforma jkun intrapriża żgħira, il-miżura ta' għajnuna tista' tieħu l-forma ta' għajnuna tal-bidu ta' negozju għall-operatur tal-pjattaforma, f'liema każ japplikaw il-kundizzjonijet stabbiliti fl-Artikolu 22.

Il-miżura ta' għajnuna tista' tieħu l-forma ta' inċentivi fiskali għal investituri privati indipendenti li huma persuni fiżiċi fir-rigward tal-investimenti għall-finanzjament ta' riskju tagħhom magħmula permezz ta' pjattaforma tal-kummerċ alternattiva f'intrapriżi eliġibbli skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21.

Artikolu 24

Għajnuna għall-ispejjeż tat-tfittix

1.   L-għajnuna li tkopri parti mill-ispejjeż għat-tfittix tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż għall-iskrinjar inizjali u jkun hemm id-diliġenza formali dovuta mill-maniġers ta' intermedjarji finanzjarji jew ta' investituri biex jidentifikaw l-intrapriżi eliġibbli skont l-Artikoli 21 u 22.

3.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

TAQSIMA 4 —

Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni

Artikolu 25

Għajnuna għal proġetti ta' riċerka u ta' żvilupp

1.   L-għajnuna għal proġetti ta' riċerka u ta' żvilupp tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżenti mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I.

2.   Il-parti megħjuna tal-proġetti ta' riċerka u ta' żvilupp taqa' kollha taħt waħda jew aktar mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

riċerka fundamentali;

(b)

riċerka industrijali;

(c)

l-iżvilupp sperimentali;

(d)

l-istudji ta' vijabilità.

3.   L-ispejjeż eliġibbli ta' proġetti ta' riċerka u ta' żvilupp jiġu allokati lil kategorija ta' riċerka u ta' żvilupp speċifika u jkunu dawn li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż għall-persunal: riċerkaturi, tekniċi u persunal ieħor ta' appoġġ sal-punt impjegati għall-proġett;

(b)

spejjeż tal-istrumenti u t-tagħmir sal-punt u għall-perjodu użati fil-proġett. Jekk dawn l-istrumenti u t-tagħmir ma jintużawx tul ħajjithom kollha fil-proġett, jitqiesu eliġibbli biss l-ispejjeż ta' deprezzament li jikkorrispondu għall-ħajja tal-proġett, kif kalkolati abbażi ta' prassi tajba tal-kontabbiltà.

(c)

Spejjeż għal bini u art, sal-punt u għat-tul taż-żmien użati mill-proġett. Fir-rigward tal-bini, jitqiesu eliġibbli biss l-ispejjeż ta' deprezzament li jikkorrispondu għall-ħajja tal-proġett, kif kalkulati abbażi ta' prassi tajba tal-kontabbiltà. Għall-artijiet, huma eliġibbli l-ispejjeż tat-trasferiment kummerċjali jew l-ispejjeż tal-kapital realment imġarrba.

(d)

l-ispejjeż tar-riċerka kuntrattwali, l-għarfien tekniku u l-privattivi mixtrija jew liċenzjati minn sorsi barranin b'kundizzjonijiet distakkati, kif ukoll l-ispejjeż tal-konsulenzi u s-servizzi ekwivalenti użati esklussivament għall-proġett;

(e)

l-ispejjeż ġenerali addizzjonali u l-ispejjeż operattivi oħrajn, li jinkludu l-ispejjeż ta' materjali, fornimenti u prodotti simili, magħmula direttament bħala riżultat tal-proġett;

4.   L-ispejjeż eliġibbli għall-istudji ta' vijabilità jkunu l-ispejjeż tal-istudju.

5.   L-intensità tal-għajnuna għal kull benefiċjarju ma taqbiżx:

(a)

il-100 % tal-ispejjeż eliġibbli għal riċerka fundamentali;

(b)

il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli għal riċerka industrijali;

(c)

il-25 % tal-ispejjeż eliġibbli għal żvilupp sperimentali;

(d)

il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli għal studji ta' vijabilità.

6.   L-intensitajiet tal-għajnuna għar-riċerka industrijali u l-iżvilupp sperimentali jistgħu jiżdiedu sa intensità ta' għajnuna massima ta' 80 % tal-ispejjeż eliġibbli kif ġej:

(a)

b'10 punti perċentwali għal intrapriżi ta' daqs medju u b'20 punt perċentwali għal intrapriżi żgħar;

(b)

bi 15-il punt perċentwali jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-proġett jinvolvi kollaborazzjoni effettiva:

bejn intrapriżi li fosthom għall-inqas wieħed minnhom huwa SME, jew huwa mwettaq għall-inqas f'żewġ Stati Membri, jew fi Stat Membru u f'Parti Kontraenti tal-Ftehim taż-ŻEE, u l-ebda intrapriża unika ma tbati iktar minn 70 % tal-ispejjeż eliġibbli, jew

bejn intrapriża u organizzazzjoni waħda jew iktar tar-riċerka u t-tixrid tal-għarfien, meta dawn tal-aħħar iġorru mill-inqas 1-10 % tal-ispejjeż eliġibbli u għandhom id-dritt li jippubblikaw ir-riżultati tar-riċerka tagħhom;

(ii)

ir-riżultati tal-proġett jixxerrdu sew permezz ta' konferenzi, pubblikazzjoni, repożitorji b'aċċess miftuħ, jew permezz ta' softwer b'xejn jew ta' sors miftuħ;

7.   L-intensitajiet tal-għajnuna għal studji ta' vijabilità jistgħu jiġu miżjuda b'10 punti perċentwali għal intrapriżi ta' daqs medju u b'20 punt perċentwali għal intrapriżi żgħar;

Artikolu 26

L-għajnuna għall-investiment għall-infrastrutturi ta' riċerka

1.   L-għajnuna għall-bini jew it-titjib ta' infrastrutturi ta' riċerka li jwettqu attivitajiet ekonomiċi tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   Meta infrastuttura tar-riċerka twettaq kemm attivitajiet ekonomiċi kif ukoll oħrajn li mhumiex, il-finanzjament, l-ispejjeż u d-dħul rispettivi tagħhom iridu jitqiesu b'mod separat abbażi ta' prinċipji ta' kontabbiltà tal-ispejjeż applikati b'mod konsistenti u ġustifikabbli b'mod oġġettiv.

3.   Il-prezz mitlub għat-tħaddim jew l-użu tal-infrastruttura jkun jikkorrispondi għall-prezz tas-suq.

4.   L-aċċess għall-infrastruttura jkun miftuħ għal diversi utenti u jingħata fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja. L-intrapriżi li jkunu ffinanzjaw mill-inqas 10 % tal-ispejjeż tal-investiment tal-infrastruttura jistgħu jingħataw aċċess preferenzjali b'kundizzjonijiet aktar favorevoli. Biex jiġi evitat kumpens żejjed, tali aċċess ikun proporzjonali għall-kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-investiment tal-intrapriża u dawn il-kundizzjonijiet jkunu disponibbli pubblikament.

5.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż tal-investiment f'assi intanġibbli u tanġibbli.

6.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

7.   Meta infrastruttura tar-riċerka tirċievi finanzjament pubbliku kemm għal attivitajiet ekonomiċi kif ukoll dawk mhux ekonomiċi, l-Istati Membri jimplimentaw mekkaniżmu ta' monitoraġġ u ta' rkupru biex jiġi żgurat li l-intensità ta' għajnuna applikabbli ma tinqabiżx bħala riżultat ta' żieda fil-proporzjon tal-attivitajiet ekonomiċi meta mqabbla mas-sitwazzjoni prevista fiż-żmien tal-għoti tal-għajnuna.

Artikolu 27

Għajnuna għar-ragruppamenti ta' innovazzjoni

1.   Għajnuna għal ragruppamenti tal-innovazzjoni tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   Għajnuna għal ragruppamenti ta' innovazzjoni tingħata esklussivament lill-entità legali li tkun qed topera r-ragruppament ta' innovazzjoni (l-organizzazzjoni tar-ragruppament).

3.   L-aċċess għal bini, faċilitajiet u l-attivitajiet tar-ragruppament jiġu pprovduti lil diversi utenti fuq bażi miftuħa u mhux diskriminatorja. L-intrapriżi li jkunu ffinanzjaw mill-inqas 10 % tal-ispejjeż tal-investiment tar-ragruppamenti ta' innovazzjoni jistgħu jingħataw aċċess preferenzjali b'kundizzjonijiet aktar favorevoli. Biex jiġi evitat kumpens żejjed, tali aċċess ikun proporzjonali għall-kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-investiment tal-intrapriża u dawn il-kundizzjonijiet jkunu disponibbli pubblikament.

4.   It-tariffi mitluba għall-użu tal-faċilitajiet tar-ragruppament u għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tar-raggruppament jikkorrispondu mal-prezz tas-suq jew jirriflettu l-ispejjeż tagħhom.

5.   L-għajnuna għall-investiment tista' tingħata għall-kostruzzjoni jew għat-titjib tar-ragruppament ta' innovazzjoni. L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż tal-investiment f'assi intanġibbli u tanġibbli.

6.   L-intensità tal-għajnuna għall-investiment tar-ragruppamenti tal-innnovazzjoni ma taqbiżx il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli. L-intensità tal-għajnuna tista' tiżdied bi 15-il punt perċentwali għal ragruppamenti tal-innovazzjoni li jinsabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat u b'5 punti perċentwali għal ragruppamenti tal-innovazzjoni li jinsabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

7.   L-għajnuna operatorja tista' tingħata għall-operat tar-ragruppamenti ta' innovazzjoni. Din ma tkunx taqbeż l-għaxar snin.

8.   L-ispejjeż eliġibbli ta' għajnuna operatorja għal ragruppamenti ta' innovazzjoni huma l-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal (inklużi spejjeż ġenerali) li għandhom x'jaqsmu ma':

(a)

l-animazzjoni tar-ragruppament biex jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni, il-qsim tal-informazzjoni u d-dispożizzjoni jew id-direzzjoni ta' servizzi ta' appoġġ speċjalizzati u personalizzati għan-negozju;

(b)

ir-riklamar tar-ragruppament biex tiżdied il-parteċipazzjoni ta' intrapriżi ġodda jew organizzazzjonijiet u biex tiżdied il-viżibilità;

(c)

il-ġestjoni tal-faċilitajiet tar-ragruppament; l-organizzazzjoni ta' programmi ta' taħriġ, sessjonijiet ta' ħidma u konferenzi biex jiġu appoġġati l-qsim tal-għarfien u n-networking u l-kooperazzjoni transnazzjonali.

9.   L-intensità tal-għajnuna għall-għajnuna operatorja ma taqbiżx il-50 % tal-ispejjeż totali eliġibbli matul il-perjodu li fih tingħata l-għajnuna.

Artikolu 28

L-għajnuna għall-innovazzjoni lill-SMEs

1.   L-għajnuna għall-innovazzjoni lill-SMEs tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I:

2.   L-ispejjeż eliġibbli huma dawn li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż għall-kisba, għall-validazzjoni u għad-difiża ta' privattivi u assi intanġibbli oħrajn;

(b)

l-ispejjeż għall-issekondar ta' persunal bi kwalifiki għolja minn organizzazzjoni ta' riċerka u ta' tixrid tal-għarfien jew intrapriża kbira, li jaħdmu fuq l-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni f'funzjoni li għadha kif tkun ġiet maħluqa fi ħdan il-benefiċjarju u li ma jiħdux post persunal ieħor;

(c)

l-ispejjeż għal servizzi ta' konsulenza dwar l-innovazzjoni u servizzi ta' appoġġ;

3.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

4.   Fil-każ partikolari għal għajnuna għal servizzi ta' konsulenza dwar l-innovazzjoni u servizzi ta' appoġġ, l-intensità ta' għajnuna tista' tiżdied sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli sakemm l-ammont totali ta' għajnuna għal servizzi ta' konsulenza dwar l-innovazzjoni u servizzi ta' appoġġ ma taqbiżx il-EUR 200 000 għal kull intrapriża f'xi perjodu ta' tliet snin.

Artikolu 29

L-għajnuna għall-innovazzjoni fil-proċess u fl-organizzazzjoni

1.   L-għajnuna għall-innovazzjoni fil-proċess u fl-organizzazzjoni tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżenti mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   L-għajnuna lil intrapriżi kbar tkun eliġibbli biss jekk jikkollaboraw b'mod effettiv ma' SMEs fl-attività megħjuna u jekk l-SMEs li jkunu qed jikkollaboraw iħallsu mill-inqas 30 % tal-ispejjeż totali eliġibbli.

3.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu dawn li ġejjin:

(a)

spejjeż tal-persunal;

(b)

l-ispejjeż tal-istrumenti, it-tagħmir, il-bini u l-art sal-punt li huma użati għall-proġett u għall-perjodu meta huma użati għall-proġett;

(c)

l-ispejjeż tar-riċerka kuntrattwali, għarfien u privattivi mixtrija jew liċenzjati minn sorsi esterni b'kundizzjonijiet distakkati;

(d)

l-ispejjeż ġenerali addizzjonali u operattivi oħrajn, li jinkludu l-ispejjeż ta' materjali, fornimenti u prodotti simili, magħmula direttament bħala riżultat tal-proġett.

4.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-15 % tal-ispejjeż eliġibbli għal intrapriżi kbar u l-50 % tal-ispejjeż eliġibbli għall-SMEs.

Artikolu 30

Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura

1.   L-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   Il-proġett ta' riċerka jkun ta' interess għall-intrapriżi kollha fis-settur partikolari jew fis-subsettur ikkonċernat.

3.   Qabel id-data tal-bidu tal-proġett megħjun l-informazzjoni li ġejja tiġi ppubblikata fuq l-Internet:

(a)

li l-proġett megħjun se jitwettaq;

(b)

l-għanijiet tal-proġett megħjun;

(c)

id-data għall-pubblikazzjoni tar-riżultati mistennija mill-proġett megħjun u l-post tal-pubblikazzjoni tagħha fuq l-Internet;

(d)

referenza li r-riżultati tal-proġett megħjun huma disponibbli għall-intrapriżi kollha attivi fis-settur agrikolu partikolari jew is-subsettur ikkonċernat mingħajr ebda spiża.

4.   Ir-riżultati tal-proġett megħjun jkunu disponibbli fuq l-Internet mid-data tat-tmiem tal-proġett megħjun jew id-data li fiha kull informazzjoni dwar dawn ir-riżultati tingħata lill-membri ta' xi organizzazzjoni partikolari, liema minnhom tiġi l-ewwel. Ir-riżultati se jibqgħu disponibbli fuq l-Internet għal perjodu ta' mill-inqas 5 snin li jibda mid-data tat-tmiem tal-proġett megħjun.

5.   L-għajnuna tingħata direttament lill-organizzazzjoni tar-riċerka u tat-tixrid tal-għarfien u ma tridx tinvolvi għotja diretta ta' għajnuna mhux relatata mar-riċerka lil intrapriża li tipproduċi, tipproċessa jew tikkummerċjalizza prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura.

6.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu dawk stabbiliti fl-Artikolu 25 (3).

7.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

TAQSIMA 5 —

Għajnuna għat-taħriġ

Artikolu 31

Għajnuniet għat-taħriġ

1.   L-għajnuna għat-taħriġ tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   Ma tingħatax għajnuna fejn it-taħriġ jiżgura li l-kumpaniji jikkonformaw mal-istandards obbligatorji nazzjonali dwar it-taħriġ.

3.   L-ispejjeż eliġibbli huma dawn li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż tal-persunal għal min iħarreġ, għas-sigħat li fihom min iħarreġ qed jipparteċipa fit-taħriġ;

(b)

l-ispejjeż operatorji tal-ħarrieġ u tal-apprendisti relatati direttament mal-proġett ta' taħriġ bħal spejjeż tal-ivvjaġġar, materjal u fornimenti relatati direttament mal-proġett, id-deprezzament ta' għodda u ta' tagħmir, sakemm jintużaw esklussivament għall-proġett ta' taħriġ; L-ispejjeż ta' akkomodazzjoni huma esklużi ħlief għall-ispejjeż minimi ta' akkomodazzjoni neċessarja għall-apprendisti li huma ħaddiema b'diżabilità;

(c)

l-ispejjeż ta' servizzi ta' konsulenza marbutin mal-proġett ta' taħriġ;

(d)

l-ispejjeż tal-persunal tal-apprendisti u l-ispejjeż ġenerali indiretti (spejjeż amministrattivi, kera, spejjeż ġenerali) għas-sigħat li matulhom l-apprendisti jipparteċipaw fit-taħriġ.

4.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli. Din tista' tiżdied, sa intensità ta' għajnuna massima ta' 70 % tal-ispejjeż eliġibbli, kif ġej:

(a)

b'10 punti perċentwali jekk it-taħriġ jingħata lil ħaddiema b'diżabilità jew ħaddiema żvantaġġati;

(b)

b'10 punti perċentwali jekk l-għajnuna tingħata lil intrapriżi ta' daqs medju u b'20 punt perċentwali jekk l-għajnuna tingħata lil intrapriżi żgħar;

5.   Meta l-għajnuna tingħata fis-settur tat-trasport marittimu, l-intensità ta' għajnuna tista' tiġi miżjuda għal 100 % tal-ispejjeż eliġibbli dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-apprendisti mhumiex membri attivi tal-ekwipaġġ iżda huma supernumerarji abbord; kif ukoll

(b)

it-taħriġ isir abbord vapuri li jidhru fir-reġistri tal-Unjoni.

TAQSIMA 6 —

Għajnuna għall-ħaddiema żvantaġġati u għall-ħaddiema b'diżabilità

Artikolu 32

Għajnuna għar-reklutaġġ ta' ħaddiema żvantaġġati fil-forma ta' sussidji ta' pagi

1.   Skemi ta' għajnuna għar-rekluaġġ ta' ħaddiema żvantaġġati jkunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u jkunu eżenti mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż tal-pagi matul perjodu massimu ta' 12-il xahar wara r-reklutaġġ ta' ħaddiem żvantaġġat. Meta l-ħaddiem ikkonċernat ikun ħaddiem żvantaġġat serjament, l-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż tal-pagi fuq perjodu massimu ta' 24 xahar wara r-reklutaġġ.

3.   Meta r-reklutaġġ ma jirrapreżentax żieda netta fin-numru ta' impjegati fl-intrapriża kkonċernata meta mqabbla mal-medja fuq il-perjodu preċedenti ta' tnax-il xahar, il-pożizzjoni jew pożizzjonijiet ikunu tbattlu wara tluq volontarju, diżabilità, irtirar minħabba l-età, tnaqqis voluntarju tal-ħin tax-xogħol jew tkeċċija legali minħabba mġiba ħażina u mhux għaliex m'hemmx xogħol għall-impjegat.

4.   Minbarra fil-każ ta' tkeċċija skont il-liġi għal imġiba ħażina, il-ħaddiem żvantaġġat ikun intitolat għal impjieg kontinwu għal perjodu minimu konsistenti mal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, jew ma' ftehimiet kollettivi li jirregolaw kuntratti tal-impjieg.

5.   Jekk il-perjodu ta' impjieg ikun ta' inqas minn 12-il xahar, jew, fil-każ ta' ħaddiem żvantaġġat serjament, 24 xahar, l-għajnuna għandha titnaqqas pro rata.

6.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Artikolu 33

Għajnuna għall-impjieg ta' ħaddiema b'diżabilità fil-forma ta' sussidji tal-pagi

1.   L-għajnuna għall-impjieg ta' ħaddiema b'diżabilità tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżenti mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż tal-pagi għal kull perjodu partikolari li matulu l-ħaddiem b'diżabilità jkun qed jiġi impjegat.

3.   Meta r-reklutaġġ ma jirrappreżentax żieda netta fin-numru ta' impjegati fl-intrapriża kkonċernata meta mqabbla mal-medja fuq il-perjodu preċedenti ta' tnax-il xahar, il-pożizzjoni jew pożizzjonijiet ikunu tbattlu wara tluq volontarju, diżabilità, irtirar minħabba l-età, tnaqqis voluntarju tal-ħin tax-xogħol jew tkeċċija legali minħabba mġiba ħażina u mhux għaliex m'hemmx xogħol għall-impjegat.

4.   Minbarra fil-każ ta' tkeċċija skont il-liġi għal imġiba hażina, il-ħaddiem għandu jkun intitolat għal impjieg kontinwu għal perjodu minimu konsistenti mal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata jew ma' ftehimiet kollettivi li jorbtu lill-intrapriża legalment, u li jirregolaw il-kuntratti tal-impjieg.

5.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-75 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Artikolu 34

Għajnuna għall-kumpens tal-ispejjeż addizzjonali għall-impjieg ta' ħaddiema b'diżabilità

1.   L-għajnuna għall-kumpens ta' spejjeż addizzjonali għall-impjieg ta' ħaddiema b'diżabilità tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu dawn li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż għall-adattament tal-bini;

(b)

l-ispejjeż biex jiġi impjegat persunal li jqatta' ħinu jassisti l-ħaddiema b'diżabilità, u t-taħriġ ta' dan il-persunal li jassisti l-ħaddiema b'diżabilità;

(c)

l-ispejjeż biex jiġi adattat jew jinxtara tagħmir, jew jinxtara u jiġi vvalidat softwer għall-użu tal-ħaddiema b'diżabilità, li jinkludu faċilitajiet teknoloġiċi adattati jew ta' assistenza, li jkunu oltre dawk li l-benefiċjarju kien ikollu jġarrab kieku kien impjega ħaddiema li ma għandhomx diżabilità;

(d)

l-ispejjeż direttament marbuta mat-trasport ta' ħaddiema b'diżabbiltà għall-post tax-xogħol, u għal attivitajiet relatati max-xogħol;

(e)

l-ispiża ta' paga għas-sigħat li ħaddiem b'diżabilità juża għar-riabilitazzjoni;

(f)

meta l-benefiċjarju jipprovdi impjieg protett, l-ispejjeż tal-kostruzzjoni, l-installazzjoni jew l-immodernizzar tal-unitajiet ta' produzzjoni tal-intrapriża kkonċernata, u kull spiża ta' amministrazzjoni u ta' trasport li jirriżultaw direttament mill-impjieg tal-ħaddiema b'diżabilità.

3.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Artikolu 35

Għajnuna għall-kumpens tal-ispejjeż tal-assistenza pprovduta lil ħaddiema żvantaġġati

1.   Għajnuna għall-kumpens tal- ispejjeż tal-assistenza pprovduta lil ħaddiema żvantaġġati tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż ta':

(a)

l-impjieg ta' persunal unikament għall-ħin użat biex tingħata assistenza lil ħaddiema żvantaġġati tul perjodu massimu ta' 12-il xahar wara r-reklutaġġ ta' ħaddiem żvantaġġat jew tul perjodu massimu ta' 24 xahar wara r-reklutaġġ ta' ħaddiem żvantaġġat serjament;

(b)

taħriġ għal tali persunal biex jassisti lill-ħaddiema żvantaġġati.

3.   L-assistenza pprovduta tikkonsisti f'miżuri biex jappoġġaw l-awtonomija tal-ħaddiem żvantaġġat u l-adattament għall-ambjent tax-xogħol, billi jakkumpanjaw lill-ħaddiem fi proċeduri soċjali u amministrattivi, fl-iffaċilitar tal-komunikazzjoni mal-imprenditur u l-ġestjoni tal-kunflitti.

4.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

TAQSIMA 7 —

Għajnuna għall-protezzjoni ambjentali

Artikolu 36

Għajnuna għall-investiment li tippermetti lill-intrapriżi jmorru lil hinn mill-istandards tal-Unjoni għall-protezzjoni ambjentali jew jgħollu l-livell tal-protezzjoni ambjentali fin-nuqqas ta' standards tal-UE

1.   L-għajnuna għall-investiment li tgħin lill-intrapriżi biex imorru lil hinn mill-istandards tal-Unjoni għall-protezzjoni ambjentali jew biex iżidu l-livell tal-protezzjoni ambjentali fin-nuqqas tal-istandards tal-Unjoni tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-investiment jissodisfa waħda minn dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

jgħin lill-benefiċjarju biex jgħolli l-livell ta' protezzjoni ambjentali li jirriżulta mill-attivitajiet tiegħu billi jmur lil hinn mill-istandards applikabbli tal-Unjoni, irrispettivament mill-preżenza ta' standards nazzjonali obbligatorji li jkunu aktar stretti mill-istandards tal-Unjoni;

(b)

jgħin lill-benefiċjarju biex jgħolli l-livell tal-protezzjoni ambjentali li jirriżulta mill-attivitajiet tiegħu fin-nuqqas ta' standards tal-Unjoni.

3.   Tista' ma tingħatax għajnuna meta l-investimenti huma mwettqa biex jiżguraw li l-intrapriżi jikkonformaw mal-istandards tal-Unjoni li diġà ġew adottati u li għadhom mhumiex fis-seħħ. u li ma jkunux għadhom daħlu fis-seħħ.

4.   B'deroga mill-paragrafu 3, l-għajnuna tista' tingħata għal

(a)

xiri ta' vetturi ġodda tat-trasport għat-triq, għal-linji tal-ferrovija, għall-passaġġ fuq l-ilma intern u għat-trasport marittimu konformi ma' standards tal-UE, diment li tali akkwist iseħħ qabel ma dawn l-istandards jidħlu fis-seħħ u li, ladarba jkunu obbligatorji, ma jkunux japplikaw għal vetturi li nxtraw qabel din id-data.

(b)

operazzjonijiet ta' adattament tal-vetturi eżistenti tat-trasport għat-triq, għal-linji tal-ferrovija, il-passaġġ fuq l-ilma intern u għat-trasport marittimu, diment li l-istandards tal-Unjoni ma kinux għadhom fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dawn il-vetturi u li, ladarba jkunu obbligatorji, ma japplikawx b'mod retroattiv għal dawn il-vetturi.

5.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż żejda tal-investiment neċessarji biex imorru lil hinn mill-istandards applikabbli tal-Unjoni, jew biex iżidu l-livell tal-protezzjoni ambjentali fin-nuqqas ta' standards tal-Unjoni. Huma jiġu ddeterminati kif ġej:

(a)

meta l-ispejjeż għall-investiment fil-protezzjoni ambjentali jkunu jistgħu jiġu identifikati faċilment fl-ispiża totali għall-investiment bħala investiment separat, din l-ispiża relatata mal-protezzjoni ambjentali tikkostitwixxi l-ispejjeż eliġibbli;

(b)

fil-każijiet l-oħra kollha, l-ispejjeż tal-investiment għall-ħarsien ambjentali huma identifikati b'referenza għal livell simili ta' investiment li mhux daqshekk ekoloġiku, li b'mod kredibbli kien kieku jitwettaq mingħajr l-għajnuna. Id-differenza bejn l-ispejjeż taż-żewġ investimenti tidentifika l-ispejjeż relatati mal-protezzjoni ambjentali u tikkostitwixxi l-ispejjeż eliġibbli.

L-ispejjeż li mhumiex marbuta direttament mal-kisba tal-livell ogħla ta' ħarsien ambjentali ma jkunux eliġibbli.

6.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-40 % tal-ispejjeż eliġibbli.

7.   L-intensità tal-għajnuna tista' tiġi miżjuda b'10 punti perċentwali għal għajnuna mogħtija lil intrapriżi ta' daqs medju u b'20 punt perċentwali għal għajnuna mogħtija lil intrapriżi żgħar.

8.   L-intensità tal-għajnuna tista' tiżdied bi 15-il punt perċentwali għall-investimenti li jinsabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat u b'5 punti perċentwali għall-investimenti li jinstabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

Artikolu 37

Għajnuna għall-adattament bikri għal standards tal-Unjoni futuri

1.   L-għajnuna li tinkoraġġixxi lill-intrapriżi jikkonformaw ma' standards ġodda tal-Unjoni li jgħollu l-livell ta' protezzjoni ambjentali u li għadhom ma daħlux fis-seħħ tkun kompatibbli mas-suq komuni skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-istandards tal-Unjoni għandhom ikunu ġew adottati u l-investiment għandu jkun ġie implimentat u ffinalizzat mill-anqas sena qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandard ikkonċernat.

3.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż żejda għall-investiment neċessarji biex imorru lil hinn mill-istandards applikabbli tal-Unjoni. Huma jiġu ddeterminati kif ġej:

(a)

meta l-ispejjeż għall-investiment fil-protezzjoni ambjentali jkunu jistgħu jiġu identifikati faċilment fl-ispiża totali għall-investiment bħala investiment separat, din l-ispiża relatata mal-protezzjoni ambjentali tikkostitwixxi l-ispejjeż eliġibbli;

(b)

fil-każijiet l-oħra kollha, l-ispejjeż tal-investiment għall-ħarsien ambjentali huma identifikati b'referenza għal livell simili ta' investiment li mhux daqshekk ekoloġiku, li b'mod kredibbli kien kieku jitwettaq mingħajr l-għajnuna. Id-differenza bejn l-ispejjeż taż-żewġ investimenti tidentifika l-ispejjeż relatati mal-protezzjoni ambjentali u tikkostitwixxi l-ispejjeż eliġibbli.

L-ispejjeż li mhumiex marbuta direttament mal-kisba tal-livell ogħla ta' ħarsien ambjentali ma jkunux eliġibbli.

4.   L-intensità tal-għajnuna ma għandhiex taqbeż li ġej:

(a)

l-20 % tal-ispejjeż eliġibbli għall-intrapriżi żgħar, il-15 % tal-ispejjeż eliġibbli għall-intrapriżi ta' daqs medju u l-10 % tal-ispejjeż eliġibbli għall-intrapriżi kbar jekk l-implimentazzjoni u l-finalizzazzjoni tal-investiment iseħħu aktar minn tliet snin qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandard il-ġdid tal-Unjoni;

(b)

il-15 % tal-ispejjeż eliġibbli għall-intrapriżi żgħar, l-10 % tal-ispejjeż eliġibbli għall-intrapriżi ta' daqs medju u l-5 % tal-ispejjeż eliġibbli għall-intrapriżi kbar jekk l-implimentazzjoni u l-finalizzazzjoni tal-investiment iseħħu aktar minn tliet snin qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandard il-ġdid tal-Unjoni;

5.   L-intensità tal-għajnuna tista' tiżdied bi 15-il punt perċentwali għall-investimenti li jinsabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat u b'5 punti perċentwali għall-investimenti li jinstabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

Artikolu 38

Għajnuna għall-investiment għal miżuri ta' effiċjenza enerġetika

1.   L-għajnuna għall-investiment li tippermetti lill-intrapriżi biex jiksbu effiċjenza enerġetika tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   Għajnuna ma tingħatax skont dan l-Artikolu meta titjib huwa mwettat biex jiżgura li l-intrapriżi jikkonformaw mal-istandards tal-Unjoni li diġà ġew adottati, anki jekk għadhom mhumiex fis-seħħ.

3.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż għall-investiment żejda meħtieġa biex jinkiseb livell ogħla fl-effiċjenza enerġetika. Għandhom jiġu ddeterminati kif ġej:

(a)

meta l-ispejjeż għall-investiment fl-effiċjenza enerġetika jkunu jistgħu jiġu identifikati fl-ispiża totali għall-investiment bħala investiment separat, din l-ispiża relatata mal-effiċjenza enerġetika tikkostitwixxi l-ispejjeż eliġibbli;

(b)

fil-każijiet l-oħra kollha, l-ispejjeż tal-investiment għall-effiċjenza enerġetika huma identifikati b'referenza għal livell simili ta' investiment b'inqas effiċjenza enerġetika li b'mod kredibbli kien kieku jitwettaq mingħajr l-għajnuna. Id-differenza bejn l-ispejjeż taż-żewġ investimenti tidentifika l-ispejjeż relatati mal-effiċjenza enerġetika u tikkostitwixxi l-ispejjeż eliġibbli.

L-ispejjeż li mhumiex marbuta direttament mal-kisba ta' livell ogħla ta' effiċjenza enerġetika mhumiex eliġibbli.

4.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-30 % tal-ispejjeż eliġibbli.

5.   L-intensità tal-għajnuna tista' tiġi miżjuda b'20 punt perċentwali għal għajnuna mogħtija lil intrapriżi żgħar u b'10 punti perċentwali għal għajnuna mogħtija lil intrapriżi ta' daqs medju.

6.   L-intensità tal-għajnuna tista' tiżdied bi 15-il punt perċentwali għall-investimenti li jinsabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat u b'5 punti perċentwali għall-investimenti li jinstabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

Artikolu 39

Għajnuna għall-investiment għal proġetti ta' effiċjenza enerġetika fil-bini

1.   L-għajnuna għall-investiment ta' proġetti ta' effiċjenza enerġetika tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   Eliġibbli għall-għajnuna taħt dan l-Artikolu huma l-proġetti għall-effiċjenza enerġetika relatati mal-bini.

3.   L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż ġenerali tal-proġett tal-effiċjenza enerġetika.

4.   L-għajnuna tingħata fil-forma ta' allokazzjoni, ekwità, garanzija jew self għal fond ta' effiċjenza enerġetika, jew lil intermedjarju finanzjarju ieħor, li jgħaddiha kollha kemm hi lill-benefiċjarji finali li jkunu s-sidien jew il-kerrejja tal-bini.

5.   L-għajnuna mogħtija mill-fond ta' effiċjenza enerġetika jew intermedjarju finanzjarju ieħor lill-proġetti eliġibbli għall-effiċjenza enerġetika tista' tieħu l-forma ta' self jew garanziji. Il-valur nominali tas-self jew l-ammont garantit ma jaqbiżx l-EUR 10 miljun għal kull proġett fil-livell tal-benefiċjarji finali. Il-garanzija ma taqbiżx it-80 % tas-self sottostanti.

6.   Il-ħlas lura mis-sidien tal-bini lill-fond tal-effiċjenza enerġetika jew lill-intermedjarju finanzjarju ieħor ma jkunx inqas mill-valur nominali tas-self.

7.   L-għajnuna għall-effiċjenza enerġetika tingrana aktar investiment minn investituri privati li jilħaq mill-inqas it-30 % tal-finanzjament totali li jiġi pprovdut għal proġett ta' effiċjenza enerġetika. Meta l-għajnuna hija pprovduta minn fond għall-effiċjenza enerġetika, l-ingranaġġ tal-investiment privat jista' jsir f'livell ta' fond għall-effiċjenza enerġetika u/jew f'livell ta' proġetti għall-effiċjenza enerġetika, biex jintlaħaq l-aggregat minimu ta' 30 % tal-finanzjament totali pprovdut għal proġett ta' effiċjenza enerġetika.

8.   L-Istati Membri jistgħu jwaqqfu fondi għall-effiċjenza enerġetika u/jew jistgħu jużaw intermedjarji finanzjarji meta jipprovdu għajnuna għall-effiċjenza enerġetika. Il-kundizzjonijiet li ġejjin imbagħad iridu jiġu ssodisfati:

(a)

Il-Maniġers intermedjarji finanzjarji, kif ukoll il-maniġers ta' fondi għall-effiċjenza enerġetika jiġu magħżula permezz ta' sejħa miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja skont il-liġijiet applikabbli tal-Unjoni u dawk nazzjonali. B'mod partikolari, ma jkunx hemm diskriminazzjoni abbażi tal-post ta' stabbiliment jew tal-inkorporazzjoni tagħhom f'xi Stat Membru. L-intermedjarji finanzjarji u l-maniġers ta' fondi għall-effiċjenza enerġetika jistgħu jiġu mitluba biex jissodisfaw kriterji predefiniti oġġettivament iġġustifikati minn-natura tal-investimenti;

(b)

L-investituri privati jiġu magħżula permezz ta' sejħa miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja u skont il-liġijiet applikabbli tal-Unjoni u dawk nazzjonali, mmirata lejn it-twaqqif ta' arranġamenti xierqa ta' qsim tar-riskji u l-beneffiċċji fejn, għal investimenti li mhumiex garanziji, l-qsim asimmetriku tal-profitt jingħata preferenza fuq il-protezzjoni minn ċaqliq 'l isfel, għall-investimenti aktar milli għall-garanziji. Jekk l-investituri privati ma jintgħażlux b'tali sejħa, ir-rata ta' redditu ġust għall-investituri privati tiġi stabbilita minn espert indipendenti magħżul permezz ta' sejħa miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja;

(c)

Fil-każ ta' qsim asimettriku tat-telf bejn investituri pubbliċi u dawk privati, l-ewwel telf li jsir minn investitur pubbliku jiġi limitat għal 25 % tal-investiment totali;

(d)

Fil-każ ta' garanziji, ir-rata ta' garanzija tkun limitata għal 80 % u t-telf totali li jassumi l-Istat Membru jiġi limitat għal 25 % tal-portafoll iggarantit sottostanti. Garanziji li jkopru t-telf mistenni tal-portafoll iggarantit sottostanti biss jistgħu jiġu pprovduti b'xejn. Jekk garanzija tkun tkopri t-telf mhux mistenni, l-intermedjarju finanzjarju jħallas għal dik il-parti tal-garanzija li tkopri t-telf mhux mistenni, primjum ta' garanzija konformi mas-suq;

(e)

L-investituri jitħallew jiġu rrappreżentati f'korpi ta' governanza tal-fond għall-effiċjenza enerġetika jew intermedjarju finanzjarju, bħall-bord ta' sorveljanza jew il-kumitat konsultattiv;

(f)

Il-fond għall-effiċjenza enerġetika jew l-intermedjarju finanzjarju jiġu stabbiliti skont il-liġijiet applikabbli u l-Istat Membru jipprovdi għal proċess ta' diliġenza dovuta biex jiżgura strateġija ta' investiment kummerċjalment soda għall-finijiet ta' implimentazzjoni tal-miżura ta' għajnuna għall-effiċjenza enerġetika;

9.   L-intermedjarji finanzjarji, inklużi fondi għall-effiċjenza enerġetika jiġu ġestiti fuq bażi kummerċjali u jiżguraw deċiżjonijiet finanzjarji xprunati mill-qligħ. Dan huwa l-każ meta l-intermedjarju finanzjarju u, kif jista' jkun il-każ, il-maniġers tal-fond tal-effiċjenza enerġetika jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

huma obbligati bil-liġi jew b'kuntratt biex jaġixxu bid-diliġenza ta' maniġer professjonali ta' rieda tajba u mingħajr kunflitti ta' interess; l-aħjar prattiki u s-sorveljanza regolatorja japplikaw;

(b)

ir-rimunerazzjoni tagħhom tikkonforma mal-prattiki tas-suq. Dan ir-rekwiżit jitqies li ntlaħaq meta jintgħażel maniġer permezz ta' sejħa kompetittiva miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, ibbażata fuq kriterji oġġettivi marbuta mal-esperjenza, il-kompetenza u l-kapaċità operatorja u finanzjarja;

(c)

huma jirċievu remunerazzjoni marbuta mal-prestazzjoni, jew jaqsmu parti mir-riskji tal-investiment billi jikkoinvestu r-riżorsi tagħhom biex jiġi żgurat li l-interessi tagħhom huma permanentement allinjati mal-interessi tal-investitur pubbliku;

(d)

huma jistabbilixxu strateġija ta' investiment, kriterji u l-għażla taż-żmien li pproponew għall-investiment fi proġetti għall-effiċjenza enerġetika, u jistabbilixxu l-vijabilità finanzjarja ex-ante u l-impatt mistenni tagħhom fuq l-effiċjenza enerġetika.

(e)

strateġija ta' ħruġ ċara u realistika teżisti għall-fondi pubbliċi investiti fil-fond tal-effiċjenza enerġetika jew mogħtija lill-intermedjarju finanzjarju, li tippermetti lis-suq biex jiffinanzja proġetti għall-effiċjenza enerġetika meta s-suq ikun lest li jagħmel dan.

10.   Titjib fl-effiċjenza enerġetika mwettaq biex jiżgura li l-benefiċjarju jikkonforma mal-istandards tal-Unjoni li diġà ġew adottati ma jkunx eżentat mir-rekwiżit ta' notifika skont dan l-Artikolu.

Artikolu 40

Għajnuna għall-investiment għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja

1.   L-għajnuna għall-investiment għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-għajnuna għall-investiment tingħata biss għall-kapaċitajiet li jkunu għadhom kif ġew installati jew rinnovati.

3.   Unità ġdida ta' koġenerazzjoni tipprovdi ffrankar ġenerali tal-enerġija primarja meta kkumparata ma' produzzjoni separata ta' tisħin u elettriku kif previst mid-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza enerġetika, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (56). It-titjib ta' unità ta' koġenerazzjoni eżistenti jew il-konverżjoni ta' unità eżistenti ta' ġenerazzjoni tal-enerġija f'unità ta' koġenerazzjoni jwasslu għall-iffrankar ta' enerġija primarja meta mqabblin mas-sitwazzjoni oriġinali.

4.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż żejda tal-investiment għat-tagħmir meħtieġ għall-istallazzjoni biex tkun tista' topera bħala istallazzjoni ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, meta kkumparata ma' stallazzjonijiet tal-elettriku u tat-tisħin konvenzjonali tal-istess kapaċità jew l-ispejjeż żejda tal-investiment biex istallazzjoni eżistenti jtejjbu l-effiċjenza tagħha meta din diġà tissodisfa l-limitu ta' effiċjenza għolja.

5.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-45 % tal-ispejjeż eliġibbli. L-intensità tal-għajnuna tista' tiġi miżjuda b'20 punt perċentwali għal għajnuna mogħtija lil intrapriżi żgħar u b'10 punti perċentwali għal għajnuna mogħtija lil intrapriżi ta' daqs medju.

6.   L-intensità tal-għajnuna tista' tiżdied bi 15-il punt perċentwali għall-investimenti li jinsabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat u b'5 punti perċentwali għall-investimenti li jinstabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

Artikolu 41

L-għajnuna għall-investiment għall-promozzjoni ta' enerġija minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli

1.   L-għajnuna għall-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-għajnuna għall-produzzjoni ta' bijofjuwils għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika biss diment li l-investimenti jintużaw esklussivament għall-produzzjoni ta' bijofjuwils sostenibbli li mhumiex magħmula mill-ikel. Madankollu, għajnuna għall-investiment biex tikkonverti impjanti eżistenti tal-bijofjuwil magħmul mill-ikel f'impjanti avvanzati tal-bijofjuwil tiġi eżentata skont dan l-Artikolu, dejjem jekk il-produzzjoni magħmula mill-ikel titnaqqas proporzjonalment mal-kapaċità l-ġdida.

3.   L-għajnuna ma tingħatax lil bijofjuwils li huma soġġetti għal obbligu ta' provvista jew taħlit.

4.   Ma tingħatax għajnuna għal istallazzjonijiet idroelettriċi li ma jikkonformawx mad- Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew.

5.   L-għajnuna għall-investiment tingħata lil istallazzjonijiet ġodda biss. Ebda għajnuna ma tingħata jew tkun imħallsa wara li l-istallazzjoni tkun bdiet topera u l-għajnuna tkun indipendenti mill-produzzjoni.

6.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż żejda għall-investiment meħtieġa biex tkun promossal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Għandhom jiġu ddeterminati kif ġej:

(a)

meta l-ispejjeż għall-investiment fil-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli jkunu jistgħu jiġu identifikati fl-ispiża totali għall-investiment bħala investiment separat, bħal pereżempju “komponent miżjud” li huwa faċilment identifikabbli ma' faċilità pre eżistenti, l-ispejjeż relatati mal-enerġija rinnovabbli jikkostitwixxu l-ispejjeż eliġibbli;

(b)

meta l-ispejjeż għall-investiment fil-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli jistgħu jkunu identifikati permezz ta' referenza għal investiment simili u mhux daqshekk ekoloġiku li b'mod kredibbli kien kieku jitwettaq mingħajr l-għajnuna, din id-differenza bejn l-ispejjeż taż-żewġ investimenti tidentifika l-ispejjeż relatati mal-enerġija rinnovabbli u tikkostitwixxi l-ispejjeż eliġibbi;

(c)

għal ċerti istallazzjonijiet żgħar fejn investiment mhux daqshekk ekoloġiku ma jistax jiġi stabbilit hekk kif impjanti ta' daqs limitat ma jeżistux, l-ispejjeż totali tal-investiment għall-ksib ta' livell ogħla ta' protezzjoni ambjentali jikkostitwixxi l-ispejjeż eliġibbli.

L-ispejjeż li mhumiex marbuta direttament mal-kisba tal-livell ogħla ta' ħarsien ambjentali ma jkunux eliġibbli.

7.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx:

(a)

il-45 % tal-ispejjeż eliġibbli jekk l-ispejjeż eliġibbli huma kkalkulati abbażi tal-punt (6)(a) jew il-punt (6)(b);

(b)

it-30 % tal-ispejjeż eliġibbli jekk l-ispejjeż eliġibbli huma kkalkulati abbażi tal-punt punt (6)(c).

8.   L-intensità tal-għajnuna tista' tiġi miżjuda b'20 punt perċentwali għal għajnuna mogħtija lil intrapriżi żgħar u b'10 punti perċentwali għal għajnuna mogħtija lil intrapriżi ta' daqs medju.

9.   L-intensità tal-għajnuna tista' tiżdied bi 15-il punt perċentwali għall-investimenti li jinsabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat u b'5 punti perċentwali għall-investimenti li jinstabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

10.   Meta għajnuna tingħata fi proċess kompetittiv ta' offerti fuq il-bażi ta' kriterji ċari, trasparenti u mhux diskriminatorji, l-għajnuna tista' tilħaq il-100 % tal-kostijiet eliġibbli. Tali proċess ta' offerti jkun mhux diskriminatorju u jipprovdi għall-parteċipazzjoni tal-intrapriżi kollha interessati. Il-baġit relatat mal-proċess ta' offerti jkun restrizzjoni li torbot fis-sens li mhux il-parteċipanti kollha jistgħu jirċievu għajnuna u l-għajnuna tingħata abbażi tal-offerta inizjali ppreżentata mill-offerent, u b'hekk teskludi negozjati sussegwenti.

Artikolu 42

L-għajnuna operatorja għall-promozzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli

1.   L-għajnuna operatorja għall-promozzjoni tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-għajnuna tingħata fi proċess kompetittiv ta' offerti abbażi ta' kriterji ċari, trasparenti u mhux diskriminatorji li jkunu miftuħin għall-ġeneraturi kollha li jipproduċu l-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli fuq bażi mhux diskriminatorja.

3.   Il-proċess tal-offerti jista' jkun limitat għal teknoloġiji speċifiċi fejn proċess miftuħ għall-ġeneraturi kollha jwassal għal riżultat subottimali li ma jistax jiġi indirizzat fil-proċess tad-disinn minħabba b'mod partikolari:

(i)

il-potenzjal f'terminu itwal ta' żmien ta' teknoloġija partikolari ġdida u innovattiva; jew

(ii)

il-ħtieġa li tinkiseb diversifikazzjoni; jew

(iii)

limitazzjonijiet tan-netwerk u l-istabilità tal-grilja; jew

(iv)

l-ispejjeż tas-sistema (integrazzjoni); jew

(v)

il-ħtieġa li jkunu evitati d-distorsjonijiet tas-swieq tal-materja prima mill-appoġġ għall-bijomassa

L-Istati Membri jwettqu valutazzjoni ddettaljata dwar l-applikabbiltà ta' dawn il-kondizzjonijiet u jirrappurtawha lill-Kummissjoni skont il-modalitajiet deskritti fl- Artikolu 11 (a).

4.   Għajnuna tingħata lil teknoloġiji ġodda u innovattivi tal-enerġija rinnovabbli fi proċess kompetittiv ta' offerti miftuħa għal mill-inqas waħda mit-tali teknoloġija abbażi ta' kriterji ċari, trasparenti u mhux diskriminatorji. Tali għajnuna ma tingħatax għal aktar minn 5 % f'total tal-kapaċitajiet ġodda tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-sena.

5.   L-għajnuna tingħata bħala primjum b'żieda mal-prezz tas-suq li bih il-ġeneraturi jbigħu l-elettriku tagħhom direttament fis-suq.

6.   Il-benefiċjarji tal-għajnuna jkunu soġġetti għal responsabbiltajiet standard ta' bilanċjar. Il-benefiċjarji jistgħu jesternalizzaw ir-responsabbiltajiet ta' bilanċjar għand intrapriżi oħrajn, bħal aggregaturi.

7.   L-għajnuna ma tingħatax meta l-prezzijiet ikunu negattivi.

8.   Għajnuna tista' tingħata fl-assenza ta' proċess kompetittiv ta' offerti kif deskritt fil-paragrafu 2 għal istallazzjonijiet b'kapaċità installata tal-elettriku ta' inqas minn 1 MW għall-produzzjoni tal-elettriku mis-sorsi kollha rinnovabbli ħlief għall-enerġija mir-riħ, meta għajnuna tista' tingħata fl-assenza ta' proċess kompetittiv ta' offerti kif deskritt fil-paragrafu 2 għal istallazzjonijiet b'kapaċità installata tal-elettriku ta' inqas minn 6 MW jew għal istallazzjonijiet b'inqas minn 6 unitajiet ta' produzzjoni. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 9, meta l-għajnuna hija mogħtija fl-assenza ta' proċess kompetittiv ta' offerti, il-kundizzjonijiet skont il-paragrafi 5, 6 u 7 jiġu rrispettati. Barra minn hekk, meta l-għajnuna hija mogħtija fl-assenza ta' proċess kompetittiv ta' offerti, il-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 43 tal-paragrafi 5, 6 u 7 jkunu applikabbli.

9.   Il-kundizzjonijiet skont paragrafi 5, 6 u 7 ma japplikawx għal għajnuna operatorja mogħtija għall-installazzjonijiet b'kapaċità installata tal-elettriku ta' inqas minn 500 kW għall-produzzjoni tal-elettriku mis-sorsi kollha rinnovabbli ħlief għall-enerġija mir-riħ, meta dawn il-kundizzjonijiet ma japplikawx għall-għajnuna operatorja mogħtija lill-istallazzjonijiet b'kapaċità installata tal-elettriku ta' inqas minn 3 MW jew għal istallazzjonijiet b'inqas minn 3 unitajiet ta' produzzjoni.

10.   Bl-iskop li jiġu kkalkulati l-kapaċitajiet massimi t'hawn fuq, imsemmija f'paragrafi 8 u 9, istallazzjonijiet b'punt ta' konnessjoni komuni ma' grilja tal-elettriku jitqiesu bħala installazzjoni waħda.

11.   L-għajnuna tingħata biss sakemm l-impjant li jiġġenera l-elettriku minn sorsi rinnovabbli jkun ġie totalment żvalutat skont il-prinċipji ta' kontabbiltà ġeneralment aċċettati. Kull għajnuna għall-investiment li tkun ġiet riċevuta trid titnaqqas mill-għajnuna operatorja.

Artikolu 43

L-għajnuna operatorja għall-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli f'istallazzjonijiet ta' skala żgħira

1.   L-għajnuna operatorja għall-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli f'istallazzjonijiet ta' skala żgħira tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-għajnuna tingħata lill-istallazzjonijiet b'kapaċità installata tal-elettriku ta' inqas minn 500 kW għall-produzzjoni tal-enerġija mis-sorsi kollha rinnovabbli ħlief għall-enerġija mir-riħ, li għaliha għajnuna tingħata lill-istallazzjonijiet b'kapaċità installata ta' inqas minn 3 MW jew b'inqas minn 3 unitajiet ta' produzzjoni u għal bijofjuwils, li għalihom għajnuna tingħata lill-istallazzjonijiet b'kapaċità installata ta' inqas minn 50,000 tunnellata fis-sena. Bl-iskop li jiġu kkalkulati dawn il-kapaċitajiet massimi, istallazzjonijiet ta' skala żgħira b'punt ta' konnessjoni komuni ma' grilja tal-elettriku jitqiesu bħala istallazzjoni waħda.

3.   L-għajnuna tingħata biss lill-istallazzjonijiet li jipproduċu bijofjuwils sostenibbli li mhumiex magħmula mill-ikel. Madankollu, l-għanuna operatorja għal impjanti li jipproduċu bijofjuwils magħmula mill-ikel li bdew l-operat tagħhom qabel il-31 ta' Diċembru 2013 u għadhom mhumiex deprezzati għal kollox jiġu eżentati skont dan l-Artikolu iżda fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-2020.

4.   L-għajnuna ma tingħatax lil bijofjuwils li huma soġġetti għal obbligu ta' provvista jew taħlit.

5.   L-għajnuna għal kull unità ta' enerġija ma taqbiżx id-differenza bejn l-ispejjeż totali llivellati tal-produzzjoni ta' enerġija mis-sorsi rinnovabbli inkwistjoni u l-prezz tas-suq fil-forma tal-enerġija kkonċernata. L-ispejjeż illivellati jkunu aġġornati regolarment u minn tal-inqas kull sena.

6.   Ir-rata massima ta' redditu użata għall-kalkolu tal-ispejjeż illivellati ma taqbiżx l-iswap tar-rati rilevanti flimkien ma' primjum ta' 100 punti bażi. L-iswap tar-rati rilevanti jkun l-iswap tar-rati ta' bejn il-valuti li fih tingħata l-għajnuna għal maturità li tirrifletti l-perjodu ta' deprezzament tal-istallazzjonijiet appoġġati.

7.   L-għajnuna tingħata biss sakemm l-installazzjoni tkun ġiet totalment żvalutata skont il-prinċipji ta' kontabbiltà ġeneralment aċċettati. Kull għajnuna ta' investiment mogħtija għall-installazzjoni titnaqqas mill-għajnuna operatorja.

Artikolu 44

Għajnuna fil-forma ta' tnaqqis fit-taxxi ambjentali skont id-Direttiva 2003/96/KE

1.   L-iskemi ta' għajnuna fil-forma ta' tnaqqis fit-taxxi ambjentali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 għar-ristrutturar tal-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku (57) jkunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u jkunu eżentati mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   Il-benefiċjarji tat-tnaqqis fit-taxxi jiġu magħżula abbażi ta' kriterji trasparenti u oġġettivi u jħallsu għall-inqas il-livell minimu rispettiv ta' tassazzjoni kif stabbilit mid-Direttiva 2003/96/KE.

3.   Skemi ta' għajnuna fil-forma ta' tnaqqis fit-taxxi jkunu bbażati fuq tnaqqis ta' rata tat-taxxa ambjentali jew fuq il-ħlas ta' ammont ta' kumpens fiss jew fuq kombinament ta' dawn il-mekkaniżmi.

4.   L-għajnuna ma tingħatax lil bijofjuwils li huma soġġetti għal obbligu ta' provvista jew taħlit.

Artikolu 45

Għajnuna għall-investiment għar-rimedjar ta' siti kkontaminati

1.   L-għajnuna għall-investiment għal intrapriżi li jsewwu ħsara ambjentali billi jirranġaw siti kkontaminati tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-investiment jwassal għat-tiswija tal-ħsara ambjentali, inkluża ħsara fil-kwalità tal-ħamrija jew tal-ilma tal-wiċċ jew tal-qiegħ.

3.   Meta l-persuna legali jew fiżika responsabbli għall-ħsara ambjentali skont il-liġi applikabbli f'kull Stat Membru mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni f'din il-kwistjoni — b'mod partikolari d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà fir-rigward tal-prevenzjoni u r-remedjar tal-ħsara ambjentali (58) kif emendata mid-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar il-ġestjoni tal-iskart minn industriji estrattivi (59), id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta' April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/ŻEE, id-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (60) u d-Direttiva 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar is-sigurtà tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (61) — tiġi identifikata, dik il-persuna għandha tiffinanzja r-rimedju b'konformità mal-prinċipju the “min iniġġeż iħallas”, u ebda għajnuna mill-Istat ma tingħata. Meta l-persuna responsabbli taħt il-liġi applikabbli ma tkunx ġiet identifikata jew ma tkunx tista' tagħmel tajjeb għall-ispiża, il-persuna responsabbli għar-rimedjar jew għax-xogħol kontra l-kontaminazzjoni tista' tirċievi għajnuna mill-Istat.

4.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż imġarrba għal xogħol ta' rimedjar, mingħajr iż-żieda fil-valur tal-art. L-ispejjeż kollha mġarrba minn intrapriża għar-rimedjar tas-sit tagħha, kemm jekk din l-ispiża tista' tidher bħala assi fissi fil-karta tal-bilanċ tagħha kif ukoll jekk le, jistgħu jiġu kklassifikati bħala investiment eliġibbli fil-każ tar-rimedjar ta' siti kkontaminati.

5.   L-evalwazzjonijiet taż-żieda fil-valur tal-art li tirriżulta minn rimedjar, jitwettaq minn espert indipendenti.

6.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Artikolu 46

Għajnuna għall-investiment għall-effiċjenza enerġetika fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali

1.   L-għajnuna għall-investiment għall-installazzjoni ta' sistema għall-effiċjenza enerġetika fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-ispejjeż eliġibbli għall-impjant ta' produzzjoni jkunu l-ispejjeż żejda meħtieġ għall-bini, l-espansjoni, ir-rinnovazzjoni ta' wieħed jew aktar mill-unitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li joperaw bħala sistema għall-effiċjenza enerġetika fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali kkumparati ma' impjant ta' produzzjoni tradizzjonali. L-investiment ikun parti integrali mis-sistema għall-effiċjenza enerġetika fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali

3.   L-intensità tal-għajnuna għall-impjant ta' produzzjoni ma taqbiżx il-45 % tal-ispejjeż eliġibbli. L-intensità tal-għajnuna tista' tiżdied b'20 punt perċentwali għal għajnuna mogħtija lil intrapriżi żgħar u b'10 punti perċentwali għal għajnuna mogħtija lil intrapriżi ta' daqs medju.

4.   L-intensità tal-għajnuna tista' tiżdied bi 15-il punt perċentwali għall-investimenti li jinsabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat u b'5 punti perċentwali għall-investimenti li jinstabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

5.   L-ispejjeż eliġibbli għan-netwerk ta' distribuzzjoni jkunu l-ispejjeż tal-investiment.

6.   L-ammont ta' għajnuna għan-netwerk ta' distribuzzjoni ma jaqbiżx id-differenza bejn l-ispejjeż eliġibbli u l-introjtu operatorju. L-introjtu operatorju jitnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli ex-ante jew permezz ta' mekkaniżmu ta' rkupru.

Artikolu 47

Għajnuna għall-investiment għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-iskart

1.   L-għajnuna għall-investiment għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-iskart tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-għajnuna għall-investiment tkun mogħtija għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-iskart iġġenerat minn intrapriżi oħrajn.

3.   Il-materjal irriċiklat jew użat mill-ġdid altrimenti ttrattat jitneħħa, jew jiġi ttrattat b'mod li mhux daqshekk ekoloġiku. Għajnuna għal operazzjonijiet għall-irkupru tal-iskart li mhijiex riċiklaġġ ma tkunx eżentata bħala kategorija skont dan l-Artikolu.

4.   L-għajnuna ma teżentax b'mod indirett lil min iniġġes mill-piżijiet li għandhom jinġarru minnu skont il-liġi tal-Unjoni, jew minn piż li għandu jitqies bħala spiża normali azjendali għal min iniġġes.

5.   L-investiment ma jillimitax ruħu għal żieda fid-domanda ta' riċiklaġġ tal-materjal mingħajr ma jżid il-ġbir ta' dak il-materjal.

6.   L-investiment imur lil hinn mill-ogħla livell.

7.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż żejda tal-investiment meħtieġa biex jitwettaq investiment li jwassal għal attivitajiet ta' riċiklaġġ aħjar jew iktar effiċjenti jew użu mill-ġdid ikkumparati ma' proċess konvenzjonali ta' attivitajiet ta' riċiklaġġ jew użu mill-ġdid bl-istess kapaċità li jkunu mibnija fin-nuqqas tal-għajnuna.

8.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-35 % tal-ispejjeż eliġibbli. L-intensità tal-għajnuna tista' tiżdied b'20 punt perċentwali għal għajnuna mogħtija lil intrapriżi żgħar u b'10 punti perċentwali għal għajnuna mogħtija lil intrapriżi ta' daqs medju.

9.   L-intensità tal-għajnuna tista' tiżdied bi 15-il punt perċentwali għall-investimenti li jinsabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat u b'5 punti perċentwali għall-investimenti li jinstabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

10.   L-għajnuna għal investimenti marbuta mar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-iskart tal-benefiċjarju stess ma tkunx eżentata mir-rekwiżit ta' notifika skont dan l-Artikolu.

Artikolu 48

Għajnuna għall-investiment għall-infrastruttura tal-enerġija

1.   L-għajnuna għall-investiment għall-kostruzzjoni jew it-titjib ta' infrastrutturi tal-enerġija tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   L-għajnuna tingħata għall-infrastruttura tal-enerġija li tinsab f'żoni megħjuna.

3.   L-infrastruttura tal-enerġija tkun soġġetta għar-regolamentazzjoni sħiħa dwar l-aċċess u t-tariffi skont il-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern tal-enerġija.

4.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż tal-investiment.

5.   L-ammont ta' għajnuna ma jaqbiżx id-differenza bejn l-ispejjeż eliġibbli u l-introjtu operatorju tal-investiment. L-introjtu operatorju jitnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli ex-ante jew permezz ta' mekkaniżmu ta' rkupru.

6.   L-għajnuna għall-investimenti fi proġetti ta' ħżin tal-elettriku u l-gass u l-infrastruttura taż-żejt ma jkunux eżentati mir-rekwiżit ta' notifika skont dan l-Artikolu.

Artikolu 49

Għajnuna għall-istudji ambjentali

1.   L-għajnuna għall-istudji, inkluż l-awditjar tal-enerġija, direttament marbuta mal-investimenti msemmija f'din it-Taqsima tkun kompatibbi mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż tal-istudji msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

4.   L-intensità tal-għajnuna tista' tiżdied b'20 punt perċentwali għal studji li jsiru f'isem intrapriżi żgħar u b'10 punti perċentwali għal studji li jsiru f'isem inrtapriżi ta' daqs medju.

5.   L-għajnuna ma tingħatax lil intrapriżi kbar għal awditjar tal-enerġija imwettqa skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2012/27/UE, sakemm l-awditjar tal-enerġija jitwettaq flimkien mal-awditjar mandatorju tal-enerġija skont din id-Direttiva.

TAQSIMA 8 —

Għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsarat ikkawżati minn ċerti diżastri naturali

Artikolu 50

L-iskemi ta' għajnuna biex jagħmlu tajjeb għall-ħsara kkawżata minn ċerti diżastri naturali

1.   L-iskemi ta' għajnuna biex jagħmlu tajjeb għall-ħsara kkawżata minn terremoti, valangi, uqigħ tal-art, għargħar, trombi tal-arja, uragani, vulkani li jiżbruffaw u nirien f'boskijiet ta' oriġini naturali, ikunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat u jkunu eżentati mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   L-għajnuna tingħata skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti ta' Stat Membru jkunu rrikonoxxew formalment il-karattru tal-avveniment bħala diżastru naturali; kif ukoll

(b)

l-eżistenza ta' rabta kawżali diretta bejn id-diżastru naturali u d-danni sofferti mill-intrapriża affettwata.

3.   Skemi ta' għajnuna relatati ma' diżastru naturali speċifiku jkunu introdotti fi żmien tliet snin wara l-okkorrenza tal-avveniment. L-għajnuna abbażi ta' dawn l-iskemi tingħata fi żmien erba' snin mill-okkorrenza tal-avveniment.

4.   L-ispejjeż li rriżultaw mill-ħsara mġarrba bħala konsegwenza diretta tad-diżastru naturali, kif ivvalutata minn konsulent indipendenti rikonoxxut minn awtorità nazzjonali kompetenti jew minn intrapriża tal-assigurazzjoni jkunu spejjeż eliġibbli. Tali ħsara tista' tinkludi ħsara materjali f'assi bħal pereżempju bini, tagħmir, makkinarju jew stokks u telf ta' dħul minħabba s-sospensjoni sħiħa jew parzjali tal-attività għal perjodu li ma jaqbiżx is-sitt xhur minn meta seħħ id-diżastru. Il-kalkolu tal-ħsara tal-materjal tkun ibbażata fuq l-ispiża għat-tiswijiet jew il-valur ekonomiku tal-assi affettwati qabel id-diżastru. Ma jaqbiżx l-ispiża għat-tiswijiet jew it-tnaqqis fil-valur tas-suq ekwu kkawżat mid-diżastru, jiġifieri d-differenza bejn il-valur tal-proprjetà immedjatament qabel u immedjatament wara li jseħħ id-diżastru. Telf ta' dħul jiġi kkalkulat abbażi ta' dejta finanzjarja tal-intrapriża affettwata (qligħ qabel imgħax u taxxi (EBIT), deprezzament u spejjeż tax-xogħol relatati biss mal-istabbiliment affettwat mid-diżastru naturali) billi tiġi kkumparata d-dejta finanzjarja għas-sitt xhur wara li jkun seħħ id-diżastru mal-medja ta' tliet snin magħżula fost il-ħames snin ta' qabel ma seħħ id-diżastru (billi jiġu esklużi s-sentejn li taw l-aqwa u l-agħar riżultat finanzjarju) u kkalkulati għall-istess perjodu tas-sena ta' sitt xhur. Il-ħsara tiġi kkalkulata fil-livell tal-benefiċjarju individwali.

5.   L-għajnuna u kull ħlas ieħor mogħti biex jikkumpensaw għall-ħsara, inklużi l-ħlasijiet taħt il-poloz tal-assigurazzjoni, ma jaqbżux il-100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

TAQSIMA 9 —

Għajnuna soċjali għat-trasport għal residenti f'reġjuni mbiegħda

Artikolu 51

L-għajnuna soċjali għat-trasport għal residenti f'reġjuni mbiegħda

1.   L-għajnuna għat-trasport bl-ajru u marittimu tal-passiġġieri tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2) tat-Trattat u tkun eżenti mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   L-għajnuna sħiħa tkun għall-benefiċċju tal-konsumaturi finali li għandhom ir-residenza normali tagħhom f'reġjuni mbiegħda.

3.   L-għajnuna tingħata għat-trasport tal-passiġġieri fuq rotta li tgħaqqad ajruport jew port f'reġjun imbiegħed ma' ajruport ieħor jew port f'Żona Ekonomika Ewropea.

4.   L-għajnuna tingħata mingħajr diskriminazzjoni dwar l-identità tat-trasportatur jew tip ta' servizz u mingħajr limitu dwar il-post eżatt lejn jew mir-reġjun imbiegħed.

5.   L-ispejjeż eliġibbli huma l-prezz ta' biljett bir-ritorn minn jew lejn ir-reġjun imbiegħed, inklużi t-taxxi u t-tariffi kollha fatturati mit-trasportatur lill-konsumatur.

6.   L-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx il-100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

TAQSIMA 10 —

Għajnuna għall-infrastrutturi tal-broadband

Artikolu 52

L-għajnuna għall-infrastrutturi tal-broadband

1.   L-għajnuna għall-investiment għall-iżvilupp ta' netwerk tal-broadband tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżenti mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   L-ispejjeż eliġibbli huma dawn li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż tal-investiment għall-iskjerament ta' infrastruttura tal-broadband passiv;

(b)

l-ispejjeż tal-investiment f'xogħlijiet ta' inġinerija ċivili relatati mal-broadband;

(c)

l-ispejjeż tal-investiment għall-iskjerament ta' netwerks bażiċi tal-broadband; kif ukoll

(d)

l-ispejjeż tal-investiment għall-iskjerament ta' netwerks li għandhom aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (“NGA”).

3.   L-investiment ikun f'żoni fejn m'hemm l-ebda infrastruttura tal-istess kategorija (kemm jekk broadband bażiku jew inkella netwerk tal-NGA), u fejn infrastruttura bħal din mhux probabbli li tiġi żviluppata fuq termini kummerċjali fi żmien tliet snin mill-mument tal-pubblikazzjoni tal-miżuri ppjanati ta' għajnuna, dan ikun ivverifikat ukoll permezz ta' konsultazzjoni pubblika miftuħa.

4.   L-għajnuna tiġi allokata abbażi ta' proċess ta' għażla kompetittiva, miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, li tirrispetta l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika.

5.   L-operatur tan-netwerk joffri aċċess attiv u passiv għall-operaturi mill-aktar wiesa', skont l-Artikolu 2, il-punt 139 ta' dan ir-Regolament, b'kundizzjonijiet ġusti u mhux diskriminatorji inkluża d-diżaggregazzjoni fiżika fil-każ tan-netwerks tal-NGA. Dan l-aċċess għall-operaturi jingħata għal mill-inqas seba' snin u d-dritt tal-aċċess għal tubi jew arbli ma jkunx limitat biż-żmien. F'każ li tingħata għajnuna għall-bini ta' tubi, dawn tal-aħħar għandhom ikunu kbar biżżejjed biex iservu għal diversi netwerks tal-kejbils u topoloġiji ta' netwerks differenti.

6.   Il-prezz ta' aċċess għall-operaturi jkun ibbażat fuq il-prinċipji tal-ipprezzar stabbiliti mill-awtorità regolatorja nazzjonali u fuq punti ta' riferiment li jeżistu f'żoni oħrajn paragunabbli u aktar kompetittivi tal-Istat Membru jew tal-Unjoni, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-għajnuna rċevuta mill-operatur tan-netwerk. L-awtorità regolatorja nazzjonali tiġi kkonsultata dwar il-kundizzjonijiet ta' aċċess, inkluż il-prezz u f'każ ta' tilwim bejn dawk li jfittxu aċċess u l-operatur tal-infrastruttura ssussidjata.

7.   L-Istati Membri jwaqqfu mekkaniżmu ta' monitoraġġ u ta' rkupru jekk l-ammont tal-għajnuna għall-proġett jaqbeż l-EUR 10 miljun.

TAQSIMA 11 —

Għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju

Artikolu 53

L-għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju

1.   L-għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżenti mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   L-għajnuna tingħata għall-finijiet u l-attivitajiet kulturali li ġejjin:

(a)

mużewijiet, arkivji, libreriji, ċentri artistiċi u kulturali jew spazji, teatri, teatri tal-opra, swali tal-kunċerti, organizzazzjonijiet oħra ta' spettaklu, istituzzjonijiet tal-patrimonju tal-films u infrastrutturi artistiċi u kulturali, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet oħrajn simili;

(b)

patrimonju tanġibbli inklużi b'mod partikolari l-forom kollha tal-patrimonju kulturali mobbli jew immobbli u siti arkeoloġiċi, monumenti, siti u bini storiku; il-patrimonju naturali marbut mal-patrimonju kulturali jew, jekk rikonoxxut formalment bħala patrimonju kulturali jew naturali mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti ta' Stat Membru;

(c)

il-patrimonju intanġibbli fil-forom kollha tiegħu, inklużi d-drawwiet folkloristiċi u l-artiġjanat;

(d)

l-arti u avvenimenti kulturali u spettakli, festivals, wirjiet u attivitajiet kulturali oħra simili;

(e)

attivitajiet kulturali u artistiċi edukattivi kif ukoll il-promozzjoni tal-għarfien tal-importanza tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali permezz ta' programmi edukattivi u ta' għarfien pubbliku akbar, inkluż bl-użu ta' teknoloġiji ġodda;

(f)

il-kitba, l-editjar, il-produzzjoni, id-distribuzzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-pubblikazzjoni ta' mużika u letteratura, inklużi traduzzjonijiet.

3.   L-għajnuna tista' tieħu l-forma ta':

(a)

għajnuna għall-investiment, inkluża l-għajnuna għall-kostruzzjoni jew it-titjib tal-infrastruttura tal-kultura;

(b)

l-għajnuna operatorja.

4.   Għall-għajnuna għall-investiment, l-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż tal-investiment f'assi intanġibbli u tanġibbli, inklużi:

(a)

l-ispejjeż għall-kostruzzjoni, l-aġġornament, l-akkwist, il-konservazzjoni jew it-titjib tal-infrastruttura, jekk mill-inqas 80 % tal-ħin jew tal-kapaċità tal-ispazju, ikun qed jintuża fis-sena għal finijiet kulturali;

(b)

l-ispejjeż għall-akkwist, inkluż il-kiri, it-trasferiment ta' pussess jew rilokazzjoni fiżika tal-patrimonju kulturali;

(c)

l-ispejjeż għall-ħarsien, il-preservazzjoni, ir-restawr u r-riabilitazzjoni ta' wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli, inklużi l-ispejjeż żejda għall-ħażna f'kundizzjonijiet xierqa, l-għodod speċjali, il-materjal u l-ispejjeż għad-dokumentazzjoni, ir-riċerka, id-diġitalizzazzjoni u l-pubblikazzjoni;

(d)

l-ispejjeż biex titjieb l-aċċessibbiltà tal-wirt kulturali għall-pubbliku, inklużi l-ispejjeż għad-diġitalizzazzjoni u teknoloġiji ġodda oħra, l-ispejjeż biex titjieb l-aċċessibiltà għal persuni bi bżonnijiet speċjali (b'mod partikolari, ir-rampi u l-liftijiet għal persuni b'diżabbiltà, tagħrif bil-braille u espożizzjonijiet interattivi f'mużewijiet) u għall-promozzjoni tad-diversità kulturali f'dak li għandu x'jaqsam ma' preżentazzjonijiet, programmi u viżitaturi;

(e)

l-ispejjeż għal proġetti u attivitajiet kulturali, il-kooperazzjoni u l-programmi ta' skambju u għotjiet inklużi l-ispejjeż għal proċeduri tal-għażla, l-ispejjeż għall-promozzjoni u l-ispejjeż magħmula direttament bħala riżultat tal-proġett.

5.   Għall-għajnuna operatorja, l-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż tal-istituzzjoni kulturali jew tas-sit ta' patrimonju marbuta ma' attivitajiet kontinwi jew perjodiċi inklużi wirjiet, spettakli u avvenimenti u attivitajiet kulturali simili li jseħħu matul il-kors normali tan-negozju;

(b)

l-ispejjeż ta' attivitajiet kulturali u artistiċi edukattivi kif ukoll il-promozzjoni tal-għarfien tal-importanza tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali permezz ta' programmi edukattivi u ta' għarfien pubbliku akbar, inkluż bl-użu ta' teknoloġiji ġodda;

(c)

l-ispejjeż għat-titjib tal-aċċess pubbliku għall-istituzzjoni kulturali jew siti u attivitajiet ta' patrimonju inklużi l-ispejjeż tad-diġitizzazzjoni u tal-użu ta' tekonoloġiji ġodda kif ukoll spejjeż għat-titjib tal-aċċessibbiltà għal persuni b'diżabilità;

(d)

l-ispejjeż operatorji li għandhom x'jaqsmu direttament ma' proġett jew attività kulturali, bħall-kiri u l-kiri fit-tul ta' proprjeta' immobbli jew postijiet kulturali, l-spejjeż tal-ivvjaġġar, il-materjal u l-fornimenti direttament relatati ma' proġett jew attività kulturali, strutturi arkitettoniċi għal wirjiet u għall-palk, self, kiri, kiri fit-tul u d-deprezzament tal-għodda, is-softwer u t-tagħmir, spejjeż oħra relatati mal-aċċess għal kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur u mid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, spejjeż għall-promozzjoni u l-ispejjeż imġarrba direttament bħala riżultat tal-proġett jew attività; l-ispejjeż ta' deprezzament u l-ispejjeż tal-finanzjament huma eliġibbli biss jekk ma jkunux ġew koperti mill-għajuna għall-investiment;

(e)

l-ispejjeż għal persunal li jaħdem fl-istituzzjoni kulturali jew is-sit ta' wirt kulturali jew għal xi proġett;

(f)

l-ispejjeż għal servizzi ta' konsulenza u appoġġ ipprovduti minn konsulenti esterni u fornituri tas-servizz, imġarrba direttament bħala riżultat tal-proġett.

6.   Għal għajnuna għall-investiment, l-ammont tal-għajnuna m'għandux jaqbeż id-differenza bejn l-ispejjeż eliġibbli u profitt operattiv tal-investiment,il-profitt operattiv għandu jitnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli ex ante, fuq il-bażi ta' tbassir raġonevoli, jew permezz ta' mekkaniżmu ta' restituzzjoni. L-operatur tal-infrastruttura jitħalla jżomm profitt raġonevoli matul il-perjodu rilevanti.

7.   Għal għajnuna operatorja, l-ammont tal-għajnuna ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ biex ikopri t-telf operatorju u profitt raġonevoli matul il-perjodu rilevanti. Dan jiġi żgurat ex-ante, abbażi ta' tbassir raġonevoli, jew permezz ta' mekkaniżmu ta' rkupru.

8.   Għal għajnuna li ma taqbiżx il-EUR 1 miljun, l-ammont massimu ta' għajnuna jista' jiġi stabbilit, alternattivament għall-metodu msemmi f'paragrafi 6 u 7, bi 80 % tal-ispejjeż eliġibbli.

9.   Għall-pubblikazzjoni ta' mużika u litteratura kif definita fil-paragrafu 2(f), l-ammont massimu ta' għajnuna ma jaqbeż la d-differenza bejn l-ispejjeż eliġibbli u d-dħul skontat tal-proġett u lanqas is-70 % tal-ispejjeż eliġibbli. Id-dħul nett jitnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli ex-ante jew permezz ta' mekkaniżmu ta' rkupru. L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż għall-pubblikazzjoni ta' mużika u litteratura, inklużi t-tariffi tal-awturi (spejjeż ta' drittijiet tal-awtur), it-tariffi tat-tradutturi, it-tariffi tat-edituri, spejjeż oħra editorjali (il-qari tal-provi, korrezzjonijiet u r-reviżjoni), l-ispejjeż tal-format u ta' qabel il-pubblikazzjoni jew l-ispejjeż ta' pubblikazzjoni elettronika.

10.   L-għajnuna lill-istampa u lir-rivisti, kemm jekk dawn jiġu ppubblikati bil-miktub kif ukoll elettronikament, ma tkunx eliġibbli skont dan l-Artikolu.

Artikolu 54

Skemi ta' għajnuna għal xogħlijiet awdjoviżivi

1.   L-iskemi ta' għajnuna li jsostnu l-kitba tal-iskript, l-iżvilupp, il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi jkunu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u jkunu eżenti mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   L-għajnuna tappoġġa prodott kulturali. Biex jiġu evitati żbalji evidenti fil-kwalifikazzjoni ta' prodott bħala kulturali, kull Stat Membru jistabbilixxi proċessi effettivi, bħall-għażla ta' proposti minn persuna jew aktar, inkarigati mill-għażla jew il-verifika skont lista predeterminata ta' kriterji kulturali.

3.   L-għajnuna tista' tieħu l-forma ta':

(a)

għajnuna għall-produzzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi;

(b)

għajnuna għall-preproduzzjoni; kif ukoll

(c)

għajnuna għad-distribuzzjoni.

4.   Meta l-Istati Membri jissoġġettaw l-għajnuna għal obbligi ta' nfiq territorjali, l-iskemi ta' għajnuna għall-produzzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi jistgħu jew:

(a)

jeħtieġu li sa 160 % tal-għajnuna mogħtija għall-produzzjoni ta' ċertu xogħol awdjoviżiv tintefaq fit-territorju tal-Istat Membru li jkun qed jagħti l-għajnuna; jew

(b)

jikkalkulaw l-għajnuna mogħtija għall-produzzjoni ta' ċertu xogħol awdjoviżiv bħala perċentwali tan-nefqa fuq l-attivitajiet tal-produzzjoni fl-Istat Membru li jagħti l-għotja, ġeneralment fil-każ ta' skemi ta' għajnuna taħt forma ta' inċentivi fiskali.

Fiż-żewġ każijiet, jekk Stat Membru jirrikjedi livell minimu ta' attività ta' produzzjoni fit-territorju kkonċernat, biex il-proġetti jkunu eliġibbli għall-għajnuna, dan il-livell ma għandux jaqbeż il-50 % tal-baġit globali tal-produzzjoni. Barra minn hekk, in-nefqa massima soġġetta għall-infiq territorjali fl-ebda każ ma tkun aktar minn 80 % tal-baġit globali tal-produzzjoni.

5.   L-ispejjeż eliġibbli huma dawn li ġejjin:

(a)

għall-għajnuna għall-produzzjoni: l-ispejjeż totali għall-produzzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi inklużi l-ispejjeż biex titjieb l-aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità.

(b)

għall-għajnuna għall-preproduzzjoni: l-ispejjeż għall-kitba tal-iskript u l-iżvilupp tax-xogħlijiet awdjoviżivi.

(c)

għall-għajnuna għad-distribuzzjoni: l-ispejjeż għad-distribuzzjoni u l-promozzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi.

6.   L-intensità tal-għajnuna għall-produzzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi ma taqbiżx il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

7.   L-intensità tal-għajnuna tista' tiżdied kif ġej:

(a)

sa 60 % tal-ispejjeż eliġibbli għal produzzjonijiet transfruntieri ffinanzjati minn aktar minn Stat Membru wieħed u li jinvolvu produtturi minn aktar minn Stat Membru wieħed;

(b)

sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli għal xogħlijiet awdjoviżivi diffiċli u koproduzzjonijiet li jinvolvu pajjiżi mil-Lista tal-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp (DAC) tal-OECD.

8.   L-intensità tal-għajnuna għall-preproduzzjoni ma taqbiżx il-100 % tal-ispejjeż eliġibbli. Jekk l-iskript jew il-proġett finali jwassal għal xogħol awdjoviżiv bħal film, l-ispejjeż tal-preproduzzjoni jiġu inkorporati f'baġit globali ġenerali u jittieħed kont tagħhom meta tiġi kkalkulata l-intensità tal-għajnuna. L-intensità tal-għajnuna għad-distribuzzjoni tkun l-istess bħall-intensità tal-għajnuna għall-produzzjoni.

9.   L-għajnuna ma tkunx riżervata għal attivitajiet speċifiċi tal-produzzjoni jew partijiet individwali fil-katina tal-valur tal-produzzjoni. L-għajnuna għall-infrastrutturi ta' studjows tal-films mhumiex se jkunu eliġibbli skont dan l-Artikolu.

10.   L-għajnuna ma tkunx riżervata esklussivament għaċ-ċittadini, u l-benefiċjarji mhumiex meħtieġa li jkollhom l-istatus ta' intrapriża stabbilita skont il-liġi kummerċjali nazzjonali.

TAQSIMA 12 —

Għajnuna għall-infrastrutturi tal-isport u għall-infrastrutturi ta' rikreazzjoni multifunzjonali

Artikolu 55

L-għajnuna għall-infrastrutturi tal-isport u għall-infrastrutturi ta' rikreazzjoni multifunzjonali

1.   L-għajnuna għall-infrastrutturi tal-isport u għall-infrastrutturi ta' rikreazzjoni multifunzjonali tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżenti mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I.

2.   L-infrastrutturi tal-isport ma jintużawx esklussivament minn utent sportiv professjonali wieħed. L-użu tal-infrastruttura tal-isport minn utenti oħrajn sportivi professjonali jew mhux professjonali annwalment jammonta għal mill-inqas 20 % tal-kapaċità tal-ħin. Jekk l-infrastruttura tintuża minn diversi utenti fl-istess ħin, jiġu kkalkulati l-partijiet tal-ħin korrispondenti mill-kapaċità tal-użu.

3.   L-infrastruttura rikreattiva multifunzjonali tikkonsisti f'faċilitajiet rikreattivi b'karattru multifunzjonali li joffri, b'mod partikolari, servizzi kulturali u ta' rikreazzjoni, bl-eċċezzjoni ta' parks għad-divertiment u faċilitajiet tal-lukandi.

4.   L-aċċess għall-infrastrutturi tal-isport jew għall-infrastrutturi ta' rikreazzjoni multifunzjonali jkun miftuħ għal diversi utenti u jingħata fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja. L-intrapriżi li jkunu ffinanzjaw mill-inqas 30 % tal-ispejjeż tal-investiment tal-infrastruttura jistgħu jingħataw aċċess preferenzjali b'kundizzjonijiet aktar favorevoli, dejjem jekk dawn il-kundizzjonijiet jkunu disponibbli pubblikament.

5.   Jekk l-infrastruttura sportiva tintuża minn klabbijiet sportivi professjonali, l-Istati Membri jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-prezzijiet għall-użu tagħha jkunu disponibbli pubblikament.

6.   Kull konċessjoni jew inkarigu ieħor, lil parti terza biex tibni, ittejjeb u/jew topera l-infrastruttura tal-isport jew l-infrastruttura ta' rikreazzjoni multifunzjonali, jiġu assenjati fuq bażi miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, filwaqt li jittieħed kont tar-regoli applikabbli dwar l-akkwist.

7.   L-għajnuna tista' tieħu l-forma ta':

(a)

għajnuna għall-investiment, inkluża l-għajnuna għall-kostruzzjoni jew it-titjib tal-infrastrutturi tal-isport jew tal-infrastrutturi ta' rikreazzjoni multifunzjonali;

(b)

għajnuna operatorja għall-infrastruttura tal-isport;

8.   Għall-għajnuna għall-investiment tal-infrastrutturi tal-isport jew tal-infrastrutturi ta' rikreazzjoni multifunzjonali, l-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż tal-investiment f'assi intanġibbli u tanġibbli.

9.   Għall-għajnuna operatorja għall-infrastruttura tal-isport l-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż eliġibbli tad-dispożizzjoni ta' servizzi mill-infrastruttura. Dawn l-ispejjeż operatorji jinkludu spejjeż bħal spejjeż ta' persunal, materjali, kuntratti ta' servizz, komunikazzjoni, enerġija, manutenzjoni, kera, amministrazzjoni, eċċ., iżda jeskludu spejjeż ta' deprezzament u tal-iffinanzjar jekk dawn ġew inklużi fl-ispejjeż li ġew koperti mill-għajnuna għall-investiment.

10.   Għall-għajnuna għall-investiment għall-infrastrutturi tal-isport jew għall-infrastrutturi ta' rikreazzjoni multifunzjonali, l-ammont ta' għajnuna ma jaqbiżx id-differenza bejn l-ispejjeż eliġibbli u l-introjtu operatorju tal-investiment. L-introjtu operatorju jitnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli ex-ante, abbażi ta' tbassir raġonevoli, jew permezz ta' mekkaniżmu ta' rkupru.

11.   Għall-għajnuna operatorja għall-infrastrutturi tal-isport, l-ammont ta' għajnuna ma jaqbiżx it-telf operatorju tul il-perjodu rilevanti. Dan jiġi żgurat ex-ante, abbażi ta' tbassir raġonevoli, jew permezz ta' mekkaniżmu ta' rkupru.

12.   Għal għajnuna li ma taqbiżx il-EUR 1 miljun, l-ammont massimu ta' għajnuna jista' jiġi stabbilit, alternattivament għall-metodu msemmi f'paragrafi 10 u 11, bi 80 % tal-ispejjeż eliġibbli.

TAQSIMA 13 —

Għajnuna għall-infrastrutturi lokali

Artikolu 56

L-għajnuna għall-investiment għall-infrastrutturi ta' riċerka

1.   Il-finanzjament għall-bini jew it-titjib ta' infrastrutturi lokali li jikkonċerna infrastruttura li tikkontribwixxi f'livell lokali għat-titjib tal-ambjent kummerċjali u tal-konsumatur u fl-immodernizzar u l-iżvilupp tal-bażi industrijali tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u f'Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   Dan l-Artikolu ma japplikax għal għajnuna għall-infrastrutturi li hija koperta minn taqsimiet oħrjan ta' Kapitlu III ta' dan ir-Regolament bl-eċċezzjoni ta' Taqsima 1 — Għajnuna reġjonali. Dan l-Artikolu ma japplikax ukoll għal infrastruttura tal-ajruporti u għal infrastruttura tal-portijiet.

3.   L-infrastruttura tkun disponibbli għal utenti interessati fuq bażi miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja. Il-prezz mitlub għall-użu jew għall-bejgħ tal-infrastruttura jkun jikkorrispondi għall-prezz tas-suq.

4.   Kull konċessjoni jew inkarigu ieħor, lil parti terza biex topera l-infrastruttura jiġu assenjati fuq bażi miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, filwaqt li jittieħed kont tar-regoli applikabbli dwar l-akkwist.

5.   L-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż tal-investiment f'assi intanġibbli u tanġibbli.

6.   L-ammont ta' għajnuna ma jaqbiżx id-differenza bejn l-ispejjeż eliġibbli u l-introjtu operatorju tal-investiment. L-introjtu operatorju jitnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli ex-ante, abbażi ta' tbassir raġonevoli, jew permezz ta' mekkaniżmu ta' rkupru.

7.   Infrastrutturi dedikati ma jkunux eżentati skont dan l-Artikolu.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 57

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 800/2008 jitħassar.

Artikolu 58

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal għajnuna individwali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, jekk l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 9.

2.   Kwalunkwe għajnuna li mhijiex eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat bis-saħħa ta' dan ir-regolament jew ta' oħrajn adottati skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 994/98 li qabel kienu fis-seħħ, tiġi vvalutata mill-Kummissjoni skont l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi rilevanti.

3.   Kull għajnuna mogħtija qabel l-1 ta' Jannar 2015 bis-saħħa ta' kull regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-Regolament 994/98 li kien fis-seħħ fil-mument tal-għotja tkun kompatibbli mas-suq intern u eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat bl-esklużjoni tal-għajnuna reġjonali. Skemi ta' għajnuna ta' kapital ta' riskju favur SMEs stabbiliti qabel l-1 ta' Lulju 2014 u eżentati mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat skont ir-Regolament Nru 800/2008, jibqgħu eżentati u kompatibbli mas-suq intern sat-terminazzjoni tal-ftehim ta' finanzjament, sakemm l-impenn tal-finanzjament pubbliku fil-fond sostnut ta' investiment tal-ekwità privata, abbażi ta' tali ftehim, sar qabel l-1 ta' Jannar 2015 u l-kundizzjonijiet l-oħrajn għall-eżenzjoni jibqgħu ssodisfati.

4.   Fi tmiem il-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament, kull skema ta' għajnuna eżentata minn dan ir-Regolament għandha tibqa' eżentata għal perjodu ta' aġġustament ta' sitt xhur, bl-eċċezzjoni ta' skemi ta' għajnuna reġjonali. L-eżenzjoni ta' skemi ta' għajnuna reġjonali tiskadi fid-data ta' skadenza tal-pjanijiet approvati għall-għajnuna reġjonali. L-eżenzjoni tal-għajnuna għall-finanzjament ta' riskju skont l-Artikolu 21(2)(a) tiskadi fit-tmiem tal-perjodu previst fil-ftehim ta' finanzjament, sakemm l-impenn tal-finanzjament pubbliku għall-fond sostnut ta' investiment tal-ekwità privata sar abbażi ta' dan il-ftehim f'sitt (6) xhur minn tmiem il-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament, u l-kundizzjonijiet kollha l-oħra għal eżenzjoni jibqgħu ssodisfati.

Artikolu 59

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-1 ta' Lulju 2014.

Dan għandu jkun applikabbli sat-31 Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi-President


(1)  ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 241, 9.8.2008, p. 3.

(3)  ĠU L 320, 30.11.2013, p. 22.

(4)  ĠU L 204, 31.7.2013, p. 11.

(5)  COM(2012) 209, 8.5.2012.

(6)  ĠU L 336, 21.12.2010, p. 24.

(7)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(8)  ĠU C 296, 2.10.2012, p. 3

(9)  ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.

(10)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(11)  ĠU L 175, 27.6.2013, p. 1

(12)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(13)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36

(14)  EUCO 13/10 REV 1

(15)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.

(16)  ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2.

(17)  ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1.

(18)  COM(2010)636, 15.11.2010

(19)  COM(2010) 2020, 3.3.2010

(20)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.

(21)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(22)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(23)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(24)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(25)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.

(26)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15.

(27)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114

(28)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3

(29)  COM(2010) 245, 19.5.2010.

(30)  ĠU C 332, 15.11.2013, p. 1.

(31)  EUCO 13/10 REV 1.

(32)  ĠU L 191, 23.7.2010, p. 28.

(33)  COM(2010)2020, 3.3.2010

(34)  Sentenza tal-Qorti tal-24 ta' Lulju 2003, C-280/00 Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg vs Nahverkhersgesellschaft Altmark GmbH, u Oberbundesanwalt beim Bundesverwaltungsgericht ([2003] Ġabra I-7747).

(35)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1

(36)  ĠU L 336, 21.12.2010, p. 24.

(37)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' intrapriżi, li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE.

(38)  ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.

(39)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

(40)  ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.

(41)  ĠU L 24, 29.1.2008, p. 8.

(42)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.

(43)  Com (2012), 595, 17.10.2012.

(44)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(45)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.

(46)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94.

(47)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1.

(48)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

(49)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(50)  ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.

(51)  Għal skemi skont l-Artikolu 16 u 21 tar-Regolament attwali, ir-rekwiżit biex tiġi ppubblikata informazzjoni dwar kull għotja individwali li taqbeż il-EUR 500 000 tista' tiġi rinunzjata fir-rigward ta' SMEs li ma jkunux effettwaw bejgħ kummerċjali f'kull suq.

(52)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(53)  ĠU L 393, 30.12.2006. p. 1

(54)  ĠU C 209, 23.7.2013, p. 1.

(55)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(56)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.

(57)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(58)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.

(59)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1

(60)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114

(61)  ĠU L 178, 28.6.2013, p. 66.


ANNESS I

ID-DEFINIZZJONI TA' SME

Artikolu 1

Intrapriża

Intrapriża hija kkunsidrata bħala kull entità involuta f'attività ekonomika, irrispettivament mill-forma legali tagħha. Din tinkludi, b'mod partikolari, persuni li jaħdmu għal rashom u negozji tal-familja involuti fi snajja' jew attivitajiet oħra, u sħubiji jew assoċjazzjonijiet involuti regolarment f'attività ekonomika.

Artikolu 2

L-għadd ta' persunal u l-limiti stabbiliti finanzjarji li jiddeterminaw il-kategoriji tal-intrapriżi

1.   Il-kategorija ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji (“SMEs”) hija magħmula minn intrapriżi li jħaddmu anqas minn 250 persuna u li għandhom fatturat annwali li ma jaqbiżx il-EUR 50 miljun, u/jew it-total annwali tal-karta tal-bilanċ tagħhom ma jaqbiżx it-EUR 43 miljun.

2.   Fil-kategorija tal-IŻM, intrapriża żgħira hija definita bħala intrapriża li tħaddem anqas minn 50 persuna u li l-fatturat annwali tagħha u/jew it-total annwali tal-karta tal-bilanċ tagħha ma jaqbiżx l-EUR 10 miljun.

3.   Fil-kategorija tal-IŻM, mikrointrapriża hija definita bħala intrapriża li tħaddem anqas minn 10 persuni u li l-fatturat annwali tagħha u/jew it-total annwali tal-karta tal-bilanċ tagħha ma jaqbiżx l-EUR 2 miljun.

Artikolu 3

It-tipi ta' intrapriża meqjusa fil-kalkolu tan-numru ta' impjegati u tal-ammonti finanzjarji

1.   “Intrapriża awtonoma” hija kull intrapriża li mhix ikklassifikata bħala intrapriża msieħba skont it-tifsira tal-paragrafu 2 jew bħala intrapriża assoċjata skont it-tifsira tal-paragrafu 3.

2.   “Intrapriżi msieħba” huma l-intrapriżi kollha mhux ikklassifikati bħala intrapriżi assoċjati skont it-tifsira tal-paragrafu 3 u li bejniethom hemm ir-relazzjoni li ġejja: intrapriża (intrapriża upstream) tkun id-detentriċi, waħedha jew flimkien ma' intrapriża assoċjata oħra jew aktar, skont it-tifsira tal-paragrafu 3, ta' 25 % jew aktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot ta' intrapriża oħra (intrapriża downstream).

Madankollu, intrapriża tista' tiġi kklassifikata bħala awtonoma, jiġifieri ma għandha ebda intrapriżi msieħba, anke jekk dan il-limitu ta' 25 % jintlaħaq jew jinqabeż mill-investituri segwenti, diment li dawk l-investituri ma jkunux assoċjati, skont it-tifsira tal-paragrafu 3, individwalment jew b'mod konġunt mal-intrapriża inkwistjoni:

(a)

korporazzjonijiet ta' investiment pubbliku, kumpaniji b'kapital ta' riskju, individwi jew gruppi ta' individwi b'attività regolari ta' investiment kapitali ta' riskju li jinvestu kapital ekwu f'negozji mhux ikkwotati (investitur informali), jekk kemm-il darba l-investiment totali ta' dawk l-investituri informali fl-istess intrapriża jkun anqas minn EUR 1 250 000;

(b)

universitajiet u ċentri ta' riċerka mingħajr skop ta' qligħ;

(c)

investituri istituzzjonali, li jinkludu l-fondi għall-iżvilupp reġjonali;

(d)

awtoritajiet lokali awtonomi b'baġit annwali ta' anqas minn EUR 10 miljun u anqas minn 5 000 abitant.

3.   “Intrapriżi assoċjati” huma intrapriżi li għandhom xi waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom:

(a)

intrapriża li jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f'intrapriża oħra;

(b)

intrapriża li jkollha d-dritt taħtar jew tneħħi maġġoranza mill-membri tal-korp amministrattiv, tal-ġestjoni jew dak ta' sorveljanza ta' intrapriża oħra;

(c)

intrapriża li għandha d-dritt teżerċita influwenza dominanti fuq intrapriża oħra skont kuntratt li tkun daħlet fih ma' dik l-intrapriża jew skont dispożizzjoni tal-memorandum jew tal-artikoli ta' assoċjazzjoni tagħha;

(d)

intrapriża, li tkun azzjonista f'intrapriża oħra jew membru tagħha, li waħedha tikkontrolla, skont ftehim ma' azzjonisti oħra f'dik l-intrapriża jew membri tagħha, maġġoranza tad-drittijiet tal-voti tal-azzjonisti jew tal-membri f'dik l-intrapriża.

Hemm preżunzjoni li l-ebda influwenza dominanti ma teżisti jekk l-investituri elenkati fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ma jinvolvux ruħhom direttament jew indirettament fil-ġestjoni tal-intrapriża kkonċernata, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tagħhom bħala azzjonisti.

Intrapriżi li għandhom xi waħda mir-relazzjonijiet deskritti fl-ewwel subparagrafu permezz ta' intrapriża waħda jew aktar, jew kull wieħed mill-investituri msemmija fil-paragrafu 2, huma meqjusa wkoll bħala assoċjati.

Intrapriżi li għandhom waħda jew aktar minn dawn ir-relazzjonijiet permezz ta' persuna fiżika jew grupp ta' persuni fiżiċi li jaġixxu flimkien huma wkoll meqjusa bħala intrapriżi assoċjati jekk ikunu involuti fl-attività tagħhom jew f'parti mill-attività tagħhom fl-istess suq rilevanti jew fi swieq qrib.

“Suq qrib” huwa meqjus bħala suq għal prodotti jew servizzi li qegħdin direttament upstream jew downstream mas-suq rilevanti.

4.   Barra mill-każijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, impriża ma tistax tkun ikkunsidrata bħala IŻM jekk 25 % jew aktar mill-kapital jew id-drittijiet tal-vot tagħha huma direttament jew indirettament kontrollati, konġuntivament jew individwalment, minn korp pubbliku jew aktar.

5.   L-intrapriżi jistgħu jiddikjaraw l-istatus tagħhom bħala intrapriża awtonoma, intrapriża msieħba jew intrapriża assoċjata, inkluża d-dejta fir-rigward tal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 2. Id-dikjarazzjoni tista' ssir anki jekk il-kapital ikun mifrux b'tali mod li mhux possibbli li jiġi stabbilit eżattament f'idejn min jinsab, f'liema każ l-intrapriża tista' tiddikjara b'bona fide li tista' leġittimament tippreżumi li mhijiex il-proprjetà b'25 % jew aktar ta' intrapriża waħda, jew b'mod konġunt minn intrapriżi assoċjati ma' xulxin. Dawn id-dikjarazzjonijiet isiru mingħajr ħsara għall-kontrolli u l-investigazzjonijiet li hemm stipulati fir-regoli nazzjonali jew tal-Unjoni.

Artikolu 4

Dejta użata għall-għadd ta' persunal u l-ammonti finanzjarji u perjodu ta' referenza

1.   Id-dejta li għandha tiġi applikata fil-kalkolu tal-għadd tal-persunal u l-ammonti finanzjarji hija dik li tirrigwarda l-aħħar perjodu kontabilistiku approvat u kkalkolat fuq bażi annwali. Din tiġi kkunsidrata mid-data tal-għeluq tal-kontijiet. L-ammont magħżul għall-fatturat huwa kkalkolat bl-esklużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u taxxi indiretti oħrajn.

2.   Meta, fid-data tal-għeluq tal-kontijiet, intrapriża ssib li, fuq bażi annwali, tkun qabżet jew niżlet taħt il-limitu tal-għadd ta' persunal jew il-livell limitu ta' flus imsemmi fl-Artikolu 2, dan ma jfissirx li se titlef jew se takkwista l-istatus ta' intrapriża ta' daqs medju, żgħira jew mikro, jekk kemm-il darba dawn il-limiti stabbiliti ma jinqabżux għal żewġ perjodi konsekuttivi tal-perjodu kontabilistiku.

3.   Fil-każ ta' intrapriżi li jkunu għadhom kif twaqqfu li l-kontijiet tagħhom ikunu għadhom ma ġewx approvati, id-dejta li għandha tiġi applikata hija dik meħuda minn stima magħmula in bona fide li tkun saret matul is-sena finanzjarja.

Artikolu 5

L-għadd ta' persunal

L-għadd jikkorrispondi mal-għadd ta' unitajiet ta' xogħol annwali (AWU), jiġifieri l-għadd ta' persuni li ħadmu full-time fl-intrapriża inkwistjoni jew f'isimha matul is-sena ta' referenza sħiħa li tkun qed titqies. Ix-xogħol ta' persuni li ma ħadmux is-sena kollha, ix-xogħol ta' dawk li ħadmu part-time, mingħajr ma jitqies kemm damu jaħdmu, u x-xogħol ta' persunal staġjonali jingħaddu bħala frazzjonijiet tal-AWU. Il-persunal jikkonsisti f':

(a)

impjegati;

(b)

persuni li jaħdmu għall-intrapriża li taqa' taħtha u li jitqiesu bħala impjegati tagħha skont il-liġi nazzjonali;

(c)

sidien-ġestjonarji;

(d)

msieħba li jkunu involuti f'attività regolari fl-intrapriża u li jibbenefikaw minn vantaġġi finanzjarji mill-intrapriża.

Apprendisti jew studenti involuti f'taħriġ vokazzjonali b'kuntratt ta' apprendistat jew ta' taħriġ vokazzjonali mhumiex inklużi bħala parti mill-persunal. Il-perjodu ta' liv tal-maternità jew tal-ġenituri ma jingħaddx.

Artikolu 6

Kif tiġi stabbilita d-dejta ta' intrapriża

1.   Fil-każ ta' intrapriża awtonoma, id-dejta, inkluż l-għadd tal-persunal, tiġi determinata esklussivament fuq il-bażi tal-kontabbiltà ta' dik l-intrapriża.

2.   Id-dejta, inkluż l-għadd ta' impjegati, ta' intrapriża li għandha intrapriżi msieħba jew assoċjati, tiġi determinata abbażi tal-kontabbiltà u dejta oħra tal-intrapriża jew, fejn jeżistu, il-kontabbiltà konsolidata tal-intrapriża, jew il-kontijiet konsolidati li fihom l-intrapriża tkun inkluża permezz ta' konsolidazzjoni.

Mad-dejta li saret referenza għaliha fl-ewwel subparagrafu tiżdied id-dejta ta' kull intrapriża msieħba mal-intrapriża inkwistjoni li tkun tinsab immedjatament upstream jew downstream minnha. L-aggregazzjoni tkun proporzjonali għall-imgħax perċentwali fil-kapital jew fid-drittijiet ta' vot (liema minnhom ikun l-ikbar). Fil-każ ta' parteċipazzjonijiet inkroċjati, japplika l-ogħla perċentwali.

Mad-dejta li saret referenza għaliha fl-ewwel u t-tieni subparagrafu tiżdied 100 % tad-dejta ta' kull intrapriża li tkun marbuta direttament jew indirettament mal-intrapriża inkwistjoni, meta d-dejta ma tkunx diġà ġiet inkluża permezz ta' konsolidazzjoni fil-kontijiet.

3.   Għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2, id-dejta tal-intrapriżi msieħba mal-intrapriża inkwistjoni tittieħed mill-kontijiet tagħhom u mid-dejta l-oħra tagħhom, ikkonsolidata jekk tkun teżisti. Ma' dawn tiżdied 100 % tad-dejta tal-intrapriżi li jkunu assoċjati ma' dawn l-intrapriżi msieħba, dejjem jekk id-dejta tal-kontijiet tagħhom ma tkunx diġà ġiet inkluża permezz ta' konsolidazzjoni.

Biex jiġi applikat l-istess paragrafu 2, id-dejta tal-intrapriżi li huma assoċjati mal-intrapriża inkwistjoni tittieħed mill-kontijiet tagħhom u mid-dejta l-oħra tagħhom, ikkonsolidata jekk tkun teżisti. Ma' din tiżdied, pro rata, id-dejta ta' kull intrapriża msieħba possibbli ta' din l-intrapriża assoċjata, li tkun qiegħda immedjatament upstream jew downstream minnha, sakemm ma tkunx diġà ġiet inkluża fil-kontijiet konsolidati b'perċentwali li mill-inqas ikun proporzjonali għall-perċentwali identifikat fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2.

4.   Meta fil-kontijiet konsolidati ma tidher l-ebda dejta dwar il-persunal għal xi impriża, il-figuri tal-persunal jiġu kkalkulati permezz ta' aggregazzjoni proporzjonali tad-dejta mill-intrapriżi msieħba tagħha u billi tiġi miżjuda d-dejta mill-intrapriżi li għaliha l-intrapriża inkwistjoni tiġi assoċjata.


ANNESS II

INFORMAZZJONI DWAR GĦAJNUNA MILL-ISTAT EŻENTATA SKONT IL-KUNDIZZJONIJIET TA' DAN IR-REGOLAMENT

PARTI I

li għandha tiġi pprovduta permezz tal-applikazzjoni tal-IT stabbilita tal-Kummissjoni kif stipulat fl-Artikolu 11

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

PARTI II

li għandha tiġi pprovduta permezz tal-applikazzjoni tal-IT stabbilita tal-Kummissjoni kif stipulat fl-Artikolu 11

Jekk jogħġbok indika skont liema dispożizzjoni tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER) hija implimentata l-miżura ta' għajnuna.

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS III

Dispożizzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta' informazzjoni kif stabbilita fl-Artikolu 9(1)

L-Istati Membri jorganizzaw il-websajts li jinftiehmu tagħhom dwar l-għajnuna mill-Istat, li fuqhom l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 9(1) trid tiġi ppubblikata, b'tali mod li jippermettu aċċess faċli għall-informazzjoni. L-informazzjoni tiġi ppubblikata f'format ta' spreadsheet tad-dejta, li jippermetti li d-dejta tiġi mfittxa, estratta u ppubblikata faċilment fuq l-Internet, pereżempju f'format CSV jew XML. L-aċċess għall-websajt jingħata lil kull parti interessata mingħajr restrizzjonijiet. Ma hi meħtieġa ebda reġistrazzjoni tal-utent minn qabel biex jingħata aċċess għall-websajt.

L-informazzjoni li ġejja dwar għotjiet individwali kif stabbilita fl-Artikolu 9(1)(c) tiġi ppubblikata:

L-isem tal-benefiċjarju

L-identifikatur tal-benefiċjarju

It-tip ta' intrapriża (IŻM/kbira) fiż-żmien tal-għotja

Ir-reġjun fejn jinsab il-benefiċjarju, fil-livell NUTS II (1)

Is-settur ta' attività fil-livell tal-grupp NACE (2)

Element tal-għajnuna, mogħti bħala ammont sħiħ fil-munita nazzjonali (3)

Strument tal-għajnuna (4) (Għotja/Sussidju tar-rata tal-imgħax, Self/Ħlasijiet bil-quddiem li jitħallsu lura/Għotja rimborsabbli, Garanzija, Vantaġġ fiskali jew eżenzjoni mit-taxxa, Finanzjament tar-Riskju, Oħrajn (speċifika))

Data tal-għotja

Għan tal-għajnuna

L-awtorità tal-għotja

Għal skemi skont l-Artikoli 16 u 21, l-isem tal-entità inkarigata, u l-ismijiet tal-intermedjarji finanzjarji magħżula;

Referenza għall-miżura ta' għajnuna (5).


(1)  NUTS — Nomenklatura ta' Unitajiet Territorjali għall-Istatistika. Tipikament, ir-reġjun huwa speċifikat fil-Livell 2.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 tad-9 ta' Ottubru 1990 dwar il-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (ĠU L 293, 24.10.1990, p. 1) kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 761/93 tal-24 ta' Marzu 1993 (ĠU L 83, 3.4.1993, p. 1, u r-rettifika, ĠU L 159, 11.7.1995, p. 31).

(3)  L-ekwivalenti gross tal-għotja, jew għal skemi ta' finanzjament ta' riskju, l-ammont tal-investiment. Għall-għajnuna operatorja, l-ammont annwali ta' għajnuna għal kull benefiċjarju tista' tiġi pprovduta. Għal skemi fiskali u għal skemi skont l-Artikoli 16 (Għajnuna għall-iżvilupp urban reġjonali) u 21 (Għajnuna ta' finanzjament ta' riskju), dan l-ammont jista' jiġi pprovdut permezz tal-firxa stabbilita fl-Artikolu 9(2) ta' dan ir-Regolament.

(4)  Jekk l-għajnuna tingħata permezz ta' bosta strumenti ta' għajnuna, l-ammont tal-għajnuna jiġi pprovdut minn strument.

(5)  Kif provdut mill-Kummissjoni bil-proċedura elettronika msemmija fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament.


Top