EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0502

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 502/2014 tal- 11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-bażi ta' kalkolu ta' tnaqqis li għandu jiġi applikat lill-bdiewa mill-Istati Membri minħabba t-tnaqqis lineari ta' pagamenti fl-2014 u d-dixxiplina finanzjarja għas-sena kalendarja 2014

OJ L 145, 16.5.2014, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/502/oj

16.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 145/20


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 502/2014

tal-11 ta' Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-bażi ta' kalkolu ta' tnaqqis li għandu jiġi applikat lill-bdiewa mill-Istati Membri minħabba t-tnaqqis lineari ta' pagamenti fl-2014 u d-dixxiplina finanzjarja għas-sena kalendarja 2014

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 140a tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 40(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, kif emendat bl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1310/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jipprovdi għal tnaqqis lineari ta' pagamenti diretti fir-rigward tal-2014. L-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprovdi għal aġġustament ta' pagamenti diretti għal raġunijiet ta' dixxiplina finanzjarja. Għandha ssir dispożizzjoni sabiex tiżgura l-aħjar applikazzjoni ta' dak it-tnaqqis fl-2014.

(2)

Fl-interess tat-trasparenza u tal-prevedibbiltà, huwa xieraq li l-metodu ta' kalkolu taż-żewġ tnaqqisiet fil-proċess tal-kalkolu tal-ammont ta' pagamenti li għandu jsir lill-bdiewa fir-rigward tal-2014 għandu jikkorrispondi mal-metodu ta' kalkolu tat-tnaqqis lineari ta' pagamenti diretti minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 u t-tnaqqis minħabba d-dixxiplina finanzjarja skont l-Artikolu 11 ta' dak ir-Regolament kif inhu stipulat fl-Artikolu 79(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 (4) u skont ir-Regolament Delagat tal-Kummissjoni (UE) Nru 635/2013 (5).

(3)

L-Artikolu 29(5) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, kif emendat bl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 1310/2013, jipprovdi għall-possibbiltà li mis-16 ta' Ottubru 2014 l-Istati Membri jħallsu l-avvanzi lill-bdiewa fir-rigward tal-applikazzjonijiet li saru fl-2014. Biex tiġi żgurata konsistenza mar-regoli applikabbli fl-2013 skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 946/2013 (6) li jipprovdi li jistgħu jitħallsu ħlasijiet mingħajr ma jitqies l-aġġustament minħabba dixxiplina finanzjarja skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, huwa xieraq li anke fl-2014 ikun previst li l-avvanzi jistgħu jitħallsu mingħajr ma jitqies it-tnaqqis tad-dixxiplina finanzjarja stipulat fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Mill-1 ta' Diċembru 2014, il-ħlas tal-bilanċ għandu jqis ir-rata ta' aġġustament tad-dixxiplina finanzjarja applikabbli dak iż-żmien.

(4)

Billi dan ir-Regolament japplika għal applikazzjonijiet għall-għajnuna fir-rigward tal-2014, għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tnaqqis minħabba tnaqqis lineari ta' pagamenti diretti fl-2014 stipulati fl-Artikolu 40(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 kif ukoll tnaqqis minħabba dixxiplina finanzjarja stipulata fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għas-sena kalendarja 2014 għandhom jiġu applikati fuq it-total ta' pagamenti mill-iskemi differenti ta' appoġġ elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 li kull bidwi huwa intitolat għalihom wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 78 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009.

Dak it-tnaqqis għandu jiġi applikat qabel ma jkun applikat it-tnaqqis stipulat fl-Artikolu 79(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009.

Artikolu 2

Għandhom jitħallsu l-avvanzi msemmija fl-Artikolu 29(5) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 mingħajr ma jitqies it-tnaqqis tad-dixxiplina finanzjarja stipulata fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Il-ħlas tal-bilanċ li għandu jingħata lill-benefiċjarji mill-1 ta' Diċembru 2014 għandu jqis ir-rata ta' aġġustament tad-dixxiplina finanzjarja applikabbli dak iż-żmien għall-ammont totali tal-pagamenti diretti fir-rigward tas-sena kalendarja 2014.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika għal applikazzjonijiet għall-għajnuna ppreżentati fir-rigward tal-2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1310/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet transitorji dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-riżorsi u d-distribuzzjoni tagħhom fir-rigward tas-sena 2014 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom fis-sena 2014 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 865).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta' appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta' appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 635/2013 tal-25 ta' April 2013 li jissuplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-bażi ta' kalkolu ta' tnaqqis li għandu jiġi applikat lill-bdiewa mill-Istati Membri minħabba l-aġġustament ta' pagamenti fl-2013 u d-dixxiplina finanzjarja għas-sena kalendarja 2013 (ĠU L 183, 2.7.2013, p. 1).

(6)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 946/2013 tat- 2 ta' Ottubru 2013 dwar il-ħlasijiet bil-quddiem li għandhom isiru mis- 16 ta' Ottubru 2013 tal-pagamenti diretti elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għal bdiewa (ĠU L 261, 3.10.2013, p. 25).

(7)  Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).


Top