EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0499

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 499/2014 tal- 11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 dwar is-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati

OJ L 145, 16.5.2014, p. 5–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 16/05/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/499/oj

16.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 145/5


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 499/2014

tal-11 ta' Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 dwar is-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 37(c)(iv) u (d)(xiii), l-Artikolu 173(1)(b) u (c) u (f), l-Artikolu 181(2) u l-Artikolu 231(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/00, (KE) Nru 1290/05 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b'mod partikolari, l-Artikolu, 64(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (3) kien adottat fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (4) li tħassar u ġie sostitwit mir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jinkludi xi dispożizzjonijiet ġodda li jirrigwardaw lis-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati. Dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġu li jiġu ssupplimentati fir-rigward tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex (organizzazzjoni tal-produtturi), il-kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni sħiħa permezz tal-organizzazzjoni tal-produtturi, l-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet, ir-responsabbiltà demokratika, l-iffissar ta' limiti għan-nefqa għall-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-kriżijiet, il-kundizzjonijiet għat-tħawwil mill-ġdid tal-ġonna bħala miżura ta' prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet, ċerti elementi tal-proċedura f'każ ta' nuqqas ta' rispett tal-kriterji ta' rikonoxximent u l-applikazzjoni tas-sistema ta' prezz ta' dħul kif ukoll kundizzjonijiet biex wieħed jiddepożita l-garanzija.

(3)

L-Artikolu 160 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprovdi li l-istatuti ta' organizzazzjoni tal-produtturi għandhom jitolbu li l-membri produtturi tagħhom jikkummerċjalizzaw il-produzzjoni sħiħa tagħhom ikkonċernata permezz tal-organizzazzjoni tal-produtturi. Biex ikun hemm flessibbiltà fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, huwa xieraq li l-produtturi jitħallew, taħt ċerti kundizzjonijiet, jikkummerċjalizzaw il-produzzjoni tagħhom barra l-organizzazzjoni tal-produtturi.

(4)

Skont l-Artikolu 26 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, l-attività ewlenija ta' organizzazzjoni tal-produtturi għandha tirrigwarda l-konċentrazzjoni tal-provvista u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-membri tagħha li għalihom tkun irrikonoxxuta. Jeħtieġ li jiġi ċċarat kif din l-attività titwettaq, b'mod partikolari fil-każ tal-esternalizzazzjoni. Barra minn hekk, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu l-kontrolli meħtieġa, l-organizzazzjoni tal-produtturi għandha żżomm rekords li jippermettu lill-Istat Membri jivverifika li l-organizzazzjoni tal-produtturi rrispettat il-kompiti tagħha.

(5)

L-Artikolu 27 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jipprevedi li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jibqgħu responsabbli għall-attivitajiet esternalizzati. Huwa xieraq li wieħed jispeċifika f'aktar dettall il-mezzi li bihom l-attivitajiet esternalizzati jibqgħu taħt il-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi li tkun esternalizzat dawk l-attivitajiet.

(6)

L-Artikolu 31 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha li jqisu li huma meħtieġa sabiex jevitaw kwalunkwe abbuż tas-setgħa jew tal-influwenza minn wieħed mill-membri jew iktar ta' organizzazzjoni tal-produtturi. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jipprovdu evidenza lill-Istati Membri tar-responsabbiltà demokratika tagħhom fir-rigward tal-membri produtturi tagħhom. Għal dan il-għan, il-perċentwal massimu ta' drittijiet ta' vot u ishma li kwalunkwe persuna individwali jew ġuridika jista' jkollha f'organizzazzjoni tal-produtturi għandu jkun limitat.

(7)

L-Artikolu 153(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi għall-istatuti ta' organizzazzjoni tal-produtturi li jimponu fuq il-membri tagħha kontribuzzjoni finanzjarja meħtieġa sabiex tiġi ffinanzjata l-organizzazzjoni. Sabiex ikun żgurat li l-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi jħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji meħtieġa għall-istabbiliment u r-riforniment tal-fond operattiv ipprovdut fl-Artikolu 32 ta' dak ir-Regolament, jeħtieġ li tiġi pprovduta l-inklużjoni ta' dan l-obbligu fl-istatuti tal-organizzazzjoni tal-produtturi.

(8)

Biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn il-miżuri ta' prevenzjoni u ta' ġestjoni tal-kriżijiet joħolqu finanzjament mhux ugwali f'assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-limiti massimi għan-nefqa għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet taħt il-programmi operattivi ta' assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jiġu kkalkulati fil-livell ta' kull organizzazzjoni tal-produtturi msieħba. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti wkoll il-kundizzjonijiet għat-tħawwil mill-ġdid tal-ġonna bħala miżura ta' prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet. Biex jiġi evitat finanzjament mhux ugwali tal-programmi operattivi, għandu jiġi ffissat perċentwal massimu ta' nefqa li jista' jkun iddedikat għat-tħawwil mill-ġdid tal-ġonna.

(9)

L-Artikolu 114 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistabbilixxi s-sanzjonijiet li għandhom ikunu applikati f'każ ta' nuqqas ta' ħarsien tal-kriterji ta' rikonoxximent. Skont l-Artikolu 154(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli f'intervalli regolari sabiex ikunu ċerti li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jħarsu l-kriterji ta' rikonoxximent, jimponu penali fuq tali organizzazzjonijiet f'każ ta' nuqqas ta' konformità jew irregolaritajiet u jiddeċiedu, fejn meħtieġ, li jirtiraw ir-rikonoxximent. Sistema li tiddistingwi bejn nuqqasijiet sostanzjali u żgħar ta' konformità mal-kriterji ta' rikonoxximent tkun aktar effiċjenti u tevita interpretazzjonijiet differenti mill-Istati Membri. Għaldaqstant huwa xieraq li jiġu stabbiliti proċedura semplifikata u sanzjonar progressiv kif stipulat fl-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li jipprevjeni lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li ma jibqgħux iħarsu l-kriterji ta' rikonoxximent li jibbenefikaw indebitament mill-appoġġ tal-Unjoni.

(10)

L-Artikolu 181 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi għall-applikazzjoni tal-Kodiċi Doganali għall-ikklerjar tal-oġġetti soġġetti għas-sistema ta' prezz ta' dħul. Minħabba li l-oġġetti inkwistjoni jistgħu jitħassru malajr u l-valur tagħhom meta jiġu kklerjati mid-dwana mhux dejjem ikun stabbilit, jeħtieġ li l-Kummissjoni titħalla tadotta regoli bl-iskop li tiġi vverifikata l-veraċità tal-prezz ta' dħul iddikjarat ta' kunsinna mqabbla ma' valur ta' importazzjoni b'rata fissa sabiex il-proċeduri ta' kklerjar doganali jitħaffu. Barra minn hekk, l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tas-sistema tal-prezz ta' dħul uriet li huwa xieraq li jintalab depożitu ta' garanzija meta l-valur doganali ddeterminat skont il-valur tat-tranżazzjoni msemmi fl-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (5) jaqbeż b'aktar minn 8 % il-valur ta' importazzjoni standard ikkalkulat mill-Kummissjoni.

(11)

Għaldaqstant ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 għandu jiġi emendat skont dan.

(12)

Biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-programmi operattivi approvati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 fir-regoli l-ġodda taħt ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, għandhom jiġu pprovduti dispożizzjonijiet ta' tranżizzjoni.

(13)

Id-dispożizzjonijiet fuq il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2014, jiġifieri d-data li minnha japplikaw id-dispożizzjonijiet ġodda relatati tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Biex l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkunu jistgħu jadattaw għar-regoli l-ġodda dwar ir-rekwiżiti għall-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet u r-responsabbiltà demokratika, id-dispożizzjonijiet rilevanti għandhom japplikaw biss mill-1 ta' Jannar 2015. L-Artikolu 181 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 japplika mill-1 ta' Ottubru 2014 'il quddiem u għalhekk id-dispożizzjonijiet il-ġodda korrispondenti ta' dan ir-Regolament dwar il-kontroll tal-veraċità tal-prezz ta' dħul iddikjarat ta' kunsinna u dwar il-kundizzjonijiet għad-depożitu ta' garanzija għandhom japplikaw mill-istess data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 26(1), jiżdiedu t-tieni u t-tielet subparagrafi li ġejjin:

“It-tqegħid fis-suq għandu jsir mill-organizzazzjoni tal-produtturi, jew taħt il-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi fil-każ ta' esternalizzazzjoni kif stabbilita fl-Artikolu 27. Dan għandu jinkludi d-deċiżjoni dwar il-prodott li ser jinbiegħ, l-għażla tal-mezz ta' distribuzzjoni u sakemm il-bejgħ ma jsirx permezz ta' rkant, in-negozjar fuq il-kwantità u l-prezz tiegħu.

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom iżommu rekords, li jinkludu dokumenti ta' kontabilità, għal mill-inqas ħames snin, li juru li l-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċentrat il-provvista u qiegħdet fuq is-suq il-prodotti tal-membri li għalihom hija rikonoxxuta.”

(2)

Jiddaħħal l-Artikolu 26a li ġej:

“Artikolu 26a

Il-kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni barra l-organizzazzjoni tal-produtturi

Meta l-organizzazzjoni tal-produtturi tawtorizza dan u meta dan ikun konformi mat-termini u l-kundizzjonijiet stipulati mill-organizzazzjoni tal-produtturi, il-membri produtturi jistgħu:

(1)

ma jbiegħux aktar minn perċentwal fiss tal-produzzjoni jew prodotti tagħhom direttament jew barra mill-azjendi tagħhom lill-konsumaturi għall-ħtiġijiet personali tagħhom, b'dawn il-perċentwali jkunu stabbiliti mill-Istati Membri għal mhux inqas minn 10 %;

(2)

jikkumerċjalizzaw huma nfushom jew permezz ta' organizzazzjoni ta' produtturi oħra magħżula mill-organizzazzjoni tagħhom stess, kwantitajiet ta' prodotti li huma marġinali meta mqabbla mal-volum ta' produzzjoni kummerċjabbli tal-organizzazzjoni tagħhom;

(3)

jikkumerċjalizzaw huma nfushom jew permezz ta' organizzazzjoni ta' produtturi oħra magħżula mill-organizzazzjoni tagħhom stess prodotti li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, ma jkunux normalment koperti mill-attivitajiet kummerċjali tal-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata.”

(3)

L-Artikolu 27 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 27

Esternalizzazzjoni

1.   L-attivitajiet li Stat Membru jista' jippermetti l-esternalizzazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 155 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) għandhom ikunu relatati mal-għanijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi kif stipulat fl-Artikolu 152(1)(c) ta' dak ir-Regolament u jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, il-ġbir, il-ħżin, l-imballaġġ u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi.

2.   Organizzazzjoni ta' produtturi li testernalizza attività għandha tidħol f'arranġament kummerċjali permezz ta' kuntratt bil-miktub ma' entità oħra, inkluż ma' wieħed mill-membri tagħha jew aktar jew ma' kumpanija sussidjarja, bl-għan li twettaq l-attività kkonċernata. L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tibqa' responsabbli għat-twettiq tal-attività esternalizzata u għall-kontroll tal-ġestjoni ġenerali u s-superviżjoni tal-arranġament kummerċjali għat-twettiq tal-attività.

3.   Il-kontroll tal-ġestjoni ġenerali u s-superviżjoni msemmija fit-tieni paragrafu għandhom ikunu effettivi u jeżiġu li l-kuntratt ta' esternalizzazzjoni:

(a)

jippermetti lill-organizzazzjoni tal-produtturi toħroġ struzzjonijiet vinkolanti u jinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu lill-organizzazzjoni tal-produtturi ttemm il-kuntratt jekk il-fornitur tas-servizz ma jħarisx it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta' esternalizzazzjoni,

(b)

jistabbilixxi termini u kundizzjonijiet dettaljati, inklużi l-obbligi ta' rappurtar u skadenzi li jippermettu lill-organizzazzjoni tal-produtturi tevalwa u tipprattika kontroll ġenwin fuq l-attivitajiet esternalizzati.

Il-kuntratti ta' esternalizzazzjoni, kif ukoll ir-rapporti msemmija fil-punt (b) għandhom jinżammu għand l-organizzazzjoni tal-produtturi għal minn tal-inqas ħames snin għall-iskop ta' kontrolli ex post u jkunu aċċessibbli għall-membri kollha meta ssir talba għalihom.

(*)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).”"

(4)

L-Artikolu 31 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 31

Responsabbiltà demokratika tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi

1.   L-Istati Membri għandhom jiffissaw perċentwali massimu ta' drittijiet ta' vot u ishma li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jista' jkollha f'organizzazzjoni tal-produtturi. L-ogħla perċentwali ta' drittijiet ta' vot u ishma għandu jkun inqas minn 50 % tad-drittijiet tal-vot kollha u inqas minn 50 % tal-ishma. F'każijiet debitament iġġustifikati, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw perċentwal massimu ogħla ta' ishma li persuna ġuridika jista' jkollha f'organizzazzjoni tal-produtturi diment li jiġi evitat fi kwalunkwe każ l-abbuż tal-poter ta' din il-persuna ġuridika.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, fil-każ ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi li jimplimentaw programm operattiv fis-17 ta' Mejju 2014, l-ogħla perċentwal ta' ishma ffissat mill-Istat Membri b'applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu għandu japplika biss wara li jintemm il-programm operattiv.

2.   L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli fuq id-drittijiet tal-vot u tal-parteċipazzjoni azzjonarja li jinkludu kontrolli fuq l-identitajiet tal-individwi jew il-persuni ġuridiċi li jkollhom l-ishma tal-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi li huma persuni ġuridiċi huma stess.

3.   Meta organizzazzjoni tal-produtturi tkun parti definita b'mod ċar ta' entità legali, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jirrestrinġu jew jipprojbixxu s-setgħat ta' dik l-entità legali li tibdel, tapprova jew tirrifjuta d-deċiżjonijiet tal-organizzazzjoni tal-produtturi.”

(5)

Fl-Artikolu 53, għandu jiżdied dan it-tielet paragrafu li ġej:

“3.   L-istatuti ta' organizzazzjoni tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex għandhom jeħtieġu li l-membri produtturi tagħha jħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji pprovduti fir-regoli ta' assoċjazzjoni tagħha għall-istabbiliment u r-riforniment tal-fond operattiv ipprovdut fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.”

(6)

Fl-Artikolu 62, għandu jiżdied il-ħames paragrafu li ġej:

“5.   Il-limitu għan-nefqa għall-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-kriżijiet, imsemmija fir-raba' paragrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, taħt il-programmi operattivi ta' assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi għandu jkun ikkalkolat fil-livell ta' kull membru tal-organizzazzjoni tal-produtturi.”

(7)

Jiddaħħal l-Artikolu 89a li ġej:

“Artikolu 89a

It-tħawwil mill-ġdid ta' ġonna wara l-qlugħ mill-għeruq obbligatorju

Meta l-Istati Membri jinkludu fl-istrateġija nazzjonali tagħhom it-tħawwil mill-ġdid tal-ġonna wara l-qlugħ mill-għeruq obbligatorju għal raġunijiet ta' saħħa jew fitosanitarji bħala miżuri kontra l-kriżijiet, huma għandhom jiddeterminaw l-ispeċi u, fejn ikun meħtieġ, il-varjetajiet eliġibbli għall-applikazzjoni ta' dik il-miżura u l-kundizzjonijiet marbuta magħha. F'każ ta' qlugħ mill-għeruq għal raġunijiet fitosanitarji, il-miżuri meħuda mill-Istati Membri għat-tħawwil mill-ġdid tal-ġonna għandhom ikunu konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (**).

It-tħawwil mill-ġdid tal-ġonna ma għandux ikopri aktar minn 20 % tan-nefqa totali taħt il-programmi operattivi. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu perċentwal aktar baxx.

(**)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).”"

(8)

L-Artikolu 114 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 114

Nuqqas ta' ħarsien tal-kriterji ta' rikonoxximent

1.   Jekk Stat Membru jkun stabbilixxa li organizzazzjoni tal-produtturi tonqos li tħares wieħed mill-kriterji ta' rikonoxximent marbut mar-rekwiżiti tal-Artikoli 21, 23, 26(1) u (2) u l-Artikolu 31, dan għandu jibgħat lill-organizzazzjoni tal-produtturi inkwistjoni mhux aktar tard minn xahrejn wara li jkun ġie identifikat in-nuqqas, ittra rreġistrata ta' twissija li tindika n-nuqqas identifikat, il-miżuri korrettivi u l-perjodi ta' żmien li fihom dawn il-miżuri jkollhom jittieħdu, li ma għandhomx jaqbżu l-erba' xhur. Mill-mument li jiġi stabbilit nuqqas, l-Istati Membri għandhom jissospendu l-ħlasijiet ta' għajnuna sakemm il-miżuri korrettivi jkunu ttieħdu b'mod sodisfaċenti.

2.   Nuqqas ta' ħarsien tal-kriterji ta' rikonoxximent imsemmi fl-ewwel paragrafu fi żmien il-perjodu ffissat mill-Istat Membru għandu jwassal għas-sospensjoni tar-rikonoxximent tal-organizzazzjoni tal-produtturi. L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-organizzazzjoni tal-produtturi dwar il-perjodu ta' sospensjoni, li ma għandux jaqbeż it-12-il xahar mid-data li fiha l-organizzazzjoni tal-produtturi tkun irċeviet l-ittra ta' twissija. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali orizzontali li tista' tipprevedi s-sospensjoni ta' azzjoni bħal din wara li jibdew il-proċedimenti legali marbuta.

Waqt is-sospensjoni tar-rikonoxximent, l-organizzazzjoni tal-produtturi tista' tkompli l-attività tagħha, iżda l-ħlasijiet għall-għajnuna għandhom jinżammu sakemm titneħħa s-sospensjoni tar-rikonoxximent. L-ammont annwali ta' għajnuna għandu jitnaqqas bi 2 % għal kull xahar tal-kalendarju mibdi li matulu r-rikonoxximent ikun sospiż.

Is-sospensjoni għandha tintemm fil-jum tal-verifika li turi li l-kriterji ta' rikonoxximent inkwistjoni ġew imħarsa.

3.   Jekk il-kriterji ma jiġux imħarsa sal-aħħar tal-perjodu ta' sospensjoni stabbilit mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, l-Istat Membru għandu jirtira r-rikonoxximent b'effett mid-data li minnha l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ma ġewx imħarsa, jew, jekk ma jkunx possibbli li wieħed jidentifika d-data, mid-data meta n-nuqqas ġie stabbilit. Dan huwa mingħajr preġudizzjoni għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali orizzontali li tista' tipprevedi s-sospensjoni ta' azzjoni bħal din wara li jibdew il-proċedimenti legali marbuta. Għajnuna pendenti ma għandhiex titħallas u għajnuna mħallsa indebitament għandha tiġi rkuprata.

4.   Jekk Stat Membru jkun stabbilixxa li organizzazzjoni tal-produtturi tonqos li tħares kwalunkwe kriterju ta' rikonoxximent ieħor stabbilit fl-Artikolu 154 tar- Regolament (UE) Nru 1308/2013 minbarra dawk imsemmija fl-ewwel paragrafu, dan għandu jibgħat lill-organizzazzjoni tal-produtturi inkwistjoni mhux aktar tard minn xahrejn wara li jkun ġie identifikat in-nuqqas, ittra rreġistrata ta' twissija li tindika n-nuqqas identifikat, il-miżuri korrettivi u l-perjodi ta' żmien li fihom dawn il-miżuri jkollhom jittieħdu, li ma għandhomx jaqbżu l-erba' xhur.

5.   Jekk l-organizzazzjoni tonqos li tieħu l-miżuri korrettivi msemmija fir-raba' paragrafu fil-perjodu ta' żmien stabbilit mill-Istat Membru, il-ħlasijiet għandhom jiġu sospiżi u l-ammont annwali ta' għajnuna għandu jonqos b'1 % għal kull xahar tal-kalendarju mibdi li jaqbeż dak il-perjodu ta' żmien. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali orizzontali li tista' tipprevedi s-sospensjoni ta' azzjoni bħal din wara li jibdew il-proċedimenti legali marbuta.

6.   Madankollu, meta organizzazzjoni tal-produtturi tagħti lill-Istat Membru prova li minħabba diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi, mard jew infestazzjonijiet minn insetti, minkejja li tkun ħadet il-miżuri ta' prevenzjoni tar-riskju meħtieġa hija ma tkunx tista' tħares il-kriterji ta' rikonoxximent stipulati fl-Artikolu 154(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-volum jew il-valur minimu tal-produzzjoni kummerċjabbli stabbilit mill-Istati Membri, l-Istat Membru jista', għas-sena inkwistjoni, jidderoga mill-volum jew il-valur minimu tal-produzzjoni kummerċjabbli għal din l-organizzazzjoni tal-produtturi.

7.   F'każijiet fejn il-paragrafi 1, 2, 4 u 5 japplikaw, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu ħlasijiet wara l-iskadenza stipulata fl-Artikolu 70 fejn dan ikun meħtieġ għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu. Madankollu, dawn il-ħlasijiet ma jistgħux isiru wara l-15 ta' Ottubru tat-tieni sena li tiġi wara s-sena ta' implimentazzjoni tal-programm.”

(9)

L-Artikolu 137 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 137

Bażi tal-prezz ta' dħul

1.   L-Artikolu 181(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu japplika għall-prodotti elenkati fl-Anness XVI.

2.   Meta l-valur doganali tal-prodotti elenkati fil-Parti A tal-Anness XVI ikun iddeterminat skont il-valur ta' tranżazzjoni msemmi fl-Artikolu 29 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 u dak il-valur doganali jkun ogħla b'aktar minn 8 % mir-rata fissa kkalkulata mill-Kummissjoni bħala valur ta' importazzjoni standard meta ssir id-dikjarazzjoni tar-rilaxx tal-prodotti għaċ-ċirkolazzjoni libera, l-importatur għandu jiddepożita l-garanzija msemmija fl-Artikolu 248(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. Għal dan il-għan, l-ammont ta' dazju ta' importazzjoni li għalih il-prodotti elenkati fil-Parti A tal-Anness XVI jistgħu finalment ikunu soġġetti, għandu jkun l-ammont ta' dazju dovut kieku l-prodott inkwistjoni kien ikun ikklassifikat fuq il-bażi tal-valur ta' importazzjoni standard ikkonċernat.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta l-valur ta' importazzjoni standard ikun ogħla mill-prezzijiet ta' dħul elenkati fl-Anness 2 tat-Taqsima I tal-Parti III tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (***), u meta d-dikjarant jitlob id-dħul immedjat fil-kontijiet tal-ammonti ta' dazji li għalihom l-oġġetti jistgħu jkunu soġġetti minflok ma jiddepożita l-garanzija.

3.   Meta l-valur doganali tal-prodotti elenkati fil-Parti A tal-Anness XVI huwa kkalkulat skont l-Artikolu 30(2)(c) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, id-dazju għandu jitnaqqas kif stipulat fl-Artikolu 136(1) ta' dan ir-Regolament. F'dak il-każ, l-importatur għandu jiddepożita garanzija kif imsemmi fl-Artikolu 248(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li tkun daqs l-ammont tad-dazju li kieku kien ikollu jħallas kieku l-klassifikazzjoni tal-prodotti kellha ssir fuq il-bażi tal-valur ta' importazzjoni standard applikabbli.

4.   Il-valur doganali tal-oġġetti importati fuq kunsinna huwa direttament iddeterminat skont l-Artikolu 30(2)(c) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, u għal dan il-għan, japplika l-valur ta' importazzjoni standard ikkalkulat skont l-Artikolu 136 matul il-perjodi fis-seħħ.

5.   L-importatur għandu jkollu xahar mill-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni, soġġett għal limitu ta' erba' xhur mid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera, sabiex juri li l-lott tneħħa skont il-kundizzjonijiet li jikkonfermaw il-korrettezza tal-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, jew sabiex jiddetermina l-valur doganali msemmi fl-Artikolu 30(2)(c) ta' dak ir-Regolament. In-nuqqas ta' ħarsien ta' xi waħda minn dawn l-iskadenzi jinvolvi t-telf tal-garanzija ddepożitata, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-paragrafu 6.

Il-garanzija ddepożitata għandha tiġi rilaxxata sakemm tingħata prova tal-kundizzjonijiet ta' tneħħija li tissodisfa lill-awtoritajiet tad-dwana. Inkella l-garanzija tintilef permezz tal-ħlas tad-dazji ta' importazzjoni.

Biex juri li l-lott tneħħa skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu, l-importatur għandu jagħmel disponibbli, minbarra l-fattura, id-dokumenti kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kontrolli doganali rilevanti relatati mal-bejgħ u t-tneħħija ta' kull prodott tal-lott inkwistjoni, inklużi dokumenti relatati mat-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġjar u l-ħażna tal-lott.

Meta l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 jkunu jitolbu li l-varjetà tal-prodott jew it-tip kummerċjali tal-frott u tal-ħxejjex jiġu indikati fuq il-pakkett, il-varjetà tal-prodott jew it-tip kummerċjali tal-frott u tal-ħxejjex li jiffurmaw parti mil-lott għandhom ikunu indikati fuq id-dokumenti relatati mat-trasport, il-fatturi u l-ordni tal-kunsinna.

6.   Il-limitu ta' żmien ta' erba' xhur imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-ħames paragrafu jista' jittawwal mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru b'massimu ta' tliet xhur fuq talba tal-importatur, li għandha tkun debitament iġġustifikata.

Jekk meta jivverifikaw, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistabbilixxu li r-rekwiżiti ta' dan l-Artikolu ma tħarsux, huma għandhom jirkupraw id-dazju dovut skont l-Artikolu 220 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92. L-ammont tad-dazju li għandu jiġi rkuprat għandu jinkludi l-imgħax mid-data li fiha l-oġġetti ġew rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera sad-data tal-irkupru. Ir-rata tal-imgħax applikata għandha tkun dik fis-seħħ għall-operazzjonijiet ta' rkupru taħt il-liġi nazzjonali.

(***)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).”"

Artikolu 2

Regoli ta' tranżizzjoni

Meta Stat Membru jkun approva programm operattiv skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 64(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 qabel l-20 ta' Jannar 2014, dak il-programm operattiv għandu jitqies approvat taħt ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 65 u 66 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, fuq talba ta' organizzazzjoni ta' produtturi, programm operattiv approvat taħt ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jista':

(a)

jkompli għaddej sakemm jintemm;

(b)

jinbidel sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013; jew

(c)

jiġi sostitwit bi programm operattiv ġdid approvat taħt ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(6) u (7) u l-Artikolu 2 għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2014.

L-Artikolu 1(9) għandu japplika mill-1 ta' Ottubru 2014.

L-Artikolu 1(3) u (4) għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/1992 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


Top