EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0488

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 488/2014 tat- 12 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 dwar il-livelli massimi tal-kadmju fl-oġġetti tal-ikel Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 138, 13.5.2014, p. 75–79 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R0915

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/488/oj

13.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/75


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 488/2014

tat-12 ta' Mejju 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 dwar il-livelli massimi tal-kadmju fl-oġġetti tal-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta' Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jistabbilixxi l-livelli massimi tal-kadmju f'firxa ta' oġġetti tal-ikel.

(2)

Il-Bord Xjentifiku dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (il-Bord CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) adotta opinjoni dwar il-kadmju fl-ikel fit-30 ta' Jannar 2009 (3). F'dik l-opinjoni, l-EFSA stabbilixxiet doża tollerabbli fil-ġimgħa (TWI) għall-kadmju ta' 2,5 μg għal kull kg ta' piż tal-ġisem. Fir-rapport tagħha “Dikjarazzjoni dwar id-doża tollerabbli fil-ġimgħa għall-kadmju” (Statement on tolerable weekly intake for cadmium) (4), l-EFSA qieset il-valutazzjoni tar-riskju li saret dan l-aħħar mill-Kumitat Konġunt ta' Esperti tal-FAO/WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel (JECFA) (5) u kkonfermat it-TWI ta' 2,5 μg għal kull kg ta' piż tal-ġisem.

(3)

Fl-opinjoni xjentifika dwar il-kadmju fl-ikel, il-Bord CONTAM ikkonkluda li l-espożizzjonijiet medji għall-kadmju fl-ikel fil-pajjiżi Ewropej huma viċin ta' jew jaqbżu bi ftit it-TWI ta' 2,5 μg għal kull kg ta' piż tal-ġisem. Ċerti sottogruppi tal-popolazzjoni jistgħu jaqbżu t-TWI b'madwar 2 darbiet. Il-Bord CONTAM ikkonkluda wkoll li, għalkemm mhuwiex probabbli li jkun hemm effetti negattivi fuq il-funzjoni tal-kliewi f'individwi esposti għal dan il-livell, l-espożizzjoni għall-kadmju fuq livell ta' popolazzjoni għandha titnaqqas.

(4)

Skont l-opinjoni xjentifika tal-Bord CONTAM dwar il-kadmju fl-ikel, il-gruppi tal-ikel li jikkontribwixxu għall-parti l-kbira tal-espożizzjoni għall-kadmju fl-ikel, primarjament minħabba rata għolja ta' konsum, huma ċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali, ħxejjex, il-ġewż u żrieragħ tal-legumi, l-għeruq lamti jew il-patata u il-laħam u l-prodotti tal-laħam. L-ogħla konċentrazzjonijiet ta' kadmju ġew individwati fil-prodotti tal-ikel tal-alka, fil-ħut u fil-frott tal-baħar, fiċ-ċikkulata u fl-ikel għal użi speċjali relatati mal-ikel kif ukoll fil-faqqiegħ, fiż-żrieragħ taż-żejt u fil-ġewwieni tal-annimali li jittiekel.

(5)

F'valutazzjoni dwar l-espożizzjoni li saret mill-EFSA fir-rapport xjentifiku tagħha dwar “L-espożizzjoni għall-kadmju fl-ikel fost il-popolazzjoni Ewropea” (Cadmium dietary exposure in the European population) (6) bl-użu tal-bażi tad-dejta Komprensiva l-ġdida dwar il-Konsum tal-Ikel li fiha informazzjoni aġġornata rigward iċ-ċifri dwar il-konsum tal-ikel għad-diversi Stati Membri u għal gruppi differenti ta' età tal-popolazzjoni, tingħata informazzjoni aktar dettaljata dwar il-prodotti tal-ikel partikolari li jikkontribwixxu għall-espożizzjoni skont il-grupp ta' età. Għall-adulti, l-akbar kontributuri għall-espożizzjoni huma l-għeruq u t-tuberi lamti, il-ħbub u prodotti magħmula mill-ħbub, kif ukoll il-ħxejjex u l-prodotti tal-ħaxix. Għat-tfal u l-adoloxxenti, l-akbar kontributuri għall-espożizzjoni huma l-għeruq u t-tuberi lamti, il-ħbub u l-prodotti magħmula mill-ħbub, kif ukoll iz-zokkor u l-ħelu filwaqt li għat-trabi u t-trabi li jkunu telqu jimxu l-akbar kontributuri għall-espożizzjoni huma l-għeruq u t-tuberi lamti, il-ħbub u l-prodotti magħmula mill-ħbub, il-ħxejjex u l-prodotti tal-ħaxix, il-ħalib u l-prodotti magħmula mill-ħalib kif ukoll l-ikel għat-trabi u t-tfal żgħar. Il-valutazzjoni tal-espożizzjoni turi li l-espożizzjoni kumplessiva hija r-riżultat mhux biss ta' għadd żgħir ta' kontributuri ewlenin, iżda ta' akkumulazzjoni ta' kontribuzzjonijiet ta' għadd ta' gruppi differenti tal-ikel.

(6)

Il-livelli massimi għall-kadmju ġew stabbiliti għal firxa wiesgħa ta' prodotti tal-ikel, inkluż ċereali, ħxejjex, laħam, ħut, frott tal-baħar, ġewwieni tal-annimali u supplimenti tal-ikel. Il-livelli massimi għal ċertu oġġetti tal-ikel li huma kontributuri importanti għall-espożizzjoni għal ċertu gruppi tal-popolazzjoni (prodotti taċ-ċikkulata u tal-kakaw, ikel għat-trabi u t-tfal żgħar) għadhom ma ġewx stabbiliti. Għalhekk jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-livelli massimi tal- kadmju għal dawk l-oġġetti tal-ikel.

(7)

Il-livelli massimi għall-kontaminanti huma stabbiliti skont il-prinċipju ALARA (“l-aktar baxx raġonevolment possibbli”) kemm għall-prodotti li bħalissa għalihom diġà jeżistu livelli massimi għall-kadmju (bħall-ħxejjex, il-laħam, il-ħut, il-frott tal-baħar, ġewwieni tal-annimali u supplimenti tal-ikel) kif ukoll għal prodotti li għalihom għadhom kemm ġew stabbiliti livelli massimi ġodda (bħal prodotti tal-kawkaw u taċ-ċikkulata) bl-użu ta' dejta ta' okkorrenza u bl-użu tax-xejriet tal-konsum tal-ikel taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

(8)

Trab taċ-ċikkulata u tal-kawkaw li jinbiegħ lill-konsumatur finali jista' jkun fih livelli għolja ta' kadmju u huwa sors importanti ta' espożizzjoni tal-bniedem. Dan jiġi kkunsmat mit-tfal, eż. bħala ċikkulata jew bħala trab tal-kawkaw imħallat maz-zokkor biex jintuża f'xarbiet tal-kawkaw. Meta jiġu stabbiliti l-livelli massimi għall-kadmju għandha tiġi kkunsidrata d-dejta ta' okkorrenza għal tipi differenti ta' ċikkulata u trab tal-kawkaw mibjugħa lill-konsumaturi finali. Billi l-livelli tal-kadmju fi prodotti tal-kawkaw huma relatati mal-kontenut tagħhom ta' kawkaw, huwa xieraq li jiġu stabbiliti livelli massimi differenti ta' kadmju għall-prodotti li fihom perċentwali differenti ta' kawkaw. Dan għandu jiżgura li tkun tista' tintlaħaq ukoll konformità minn tipi ta' ċikkulata li jkun fihom perċentwali ogħla ta' kawkaw.

(9)

F'ċertu reġjuni ta' pajjiżi fejn jiġi prodott il-kawkaw, il-livelli naturali tal-kadmju fil-ħamrija jistgħu jkunu għoljin. Għalhekk, id-dejta ta' okkorrenza ta' prodotti tal-kawkaw u taċ-ċikkulata fornuti minn pajjiżi b'ħamrija b'livelli għolja ta' kadmju għandha tiġi kkunsidrata meta jiġu stabbiliti l-livelli massimi tal-kadmju.

(10)

Il-ħalib tat-trab għat-trabi żgħar u l-ħalib tat-trab għat-trabi ta' età ta' minn erba' xhur 'il fuq jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-espożizzjoni tat-trabi u tat-tfal żgħar għall-kadmju. Il-ħalib tat-trab għat-trabi żgħar u l-ħalib tat-trab għat-trabi ta' età ta' minn erba' xhur 'il fuq magħmula mill-iżolati tal-proteina tas-sojja, kemm jekk waħedhom kif ukoll jekk imħallta ma' proteini tal-ħalib tal-baqar, jista' jkun fihom livelli ta' kadmju ogħla minn dawk li jkun fihom prodotti magħmula mill-ħalib minħabba li l-fażola tas-sojja tassorbi l-kadmju mill-ħamrija b'mod naturali. Il-ħalib tat-trab għat-trabi u t-tfal iż-żgħar magħmul mis-sojja huwa alternattiva importanti għal trabi li jbatu minn intolleranzi għal-lattożju, u b'hekk għandu jiġi żgurat li jkun hemm provvista suffiċjenti tiegħu fis-suq. Għaldaqstant, ikun xieraq li jiġi stabbilit livell massimu ogħla għal prodotti magħmulin mis-sojja.

(11)

Ikel ipproċessat magħmul miċ-ċereali, kif ukoll ikel ieħor għat-trabi u t-tfal iż-żgħar huwa sors importanti ta' espożizzjoni għall-kadmju għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar. Għaldaqstant għandu jiġi stabbilit livell massimu partikolari għall-kadmju fl-ikel ipproċessat magħmul miċ-ċereali u f'ikel ieħor għat-trabi.

(12)

Espożizzjoni mnaqqsa ta' grupp vulnerabbli ħafna ta' konsumaturi tista' tinkiseb billi jiġi stabbilit livell massimu għal ċerti kategoriji ta' ikel għal użi nutrizzjonali partikolari (eż. ikel għat-trabi għal skopijiet mediċi speċjali). Madankollu, fin-nuqqas ta' dejta li tista' tintuża biex jiġi stabbilit dan il-livell massimu, id-dejta ta' okkorrenza għandha tinġabar fid-dawl tal-iffissar possibbli ta' livell massimu speċifiku fil-ġejjieni.

(13)

Fir-rigward ta' ċerti ħxejjex speċifiċi (il-leħjet il-bodbod, iz-zunnarija bajda, il-karfus, l-għerq mustarda), huwa diffiċli li jkun hemm konformità mal-livelli massimi attwali, u d-dejta ta' okkorrenza pprovduta mill-Istati Membri turi li l-livelli ta' bażi naturali huma ogħla, u li dawn il-livelli huma komparabbli ma' dawk tal-krafes (celeriac). Billi l-konsum ta' dawk il-prodotti huwa baxx u billi l-effetti fuq l-espożizzjoni tal-bniedem huma negliġibbli, ikun xieraq li l-livelli massimi tal-kadmju għaz-zunnarija bajda, għal-leħjet il-bodbod, għall-karfus u għall-għerq mustarda jiżdiedu għal dak tal-krafes.

(14)

Ċerti speċijiet ta' ħut bħalissa huma eżenti mil-livell massimu standard ta' 0,05 mg/kg għall-ħut. Għall-ispeċijiet ta' ħut bonito (Sarda sarda), xirgħien (Diplodus vulgaris), sallura (Anguilla anguilla), mulett griż (Mugil labrosus labrosus), sawrella (Trachurus species), louvar (Luvarus imperialis), sardinops (Sardinops species) u lingwata tar-rigi (Dicologoglossa cuneata), id-dejta ta' okkorrenza ġdida turi li l-eżenzjoni ma għadhiex meħtieġa, u li jista' jkun hemm konformità mal-livell massimu standard billi jiġu segwiti prattiki tas-sajd tajba. Għaldaqstant, il-livelli massimi speċifiċi għal dawk l-ispeċijiet ta' ħut ma għadhomx meħtieġa.

(15)

Għat-tumbrell (Auxis species), l-inċova (Engraulis species) u l-pixxispad (Xiphias gladius), dejta ta' okkorrenza ġdida turi li jista' jkun hemm konformità ma' livell massimu aktar baxx billi jiġu segwiti prattiki tas-sajd tajba. Għaldaqstant, il-livelli massimi għal dawk l-ispeċijiet ta' ħut għandhom jiġu aġġustati.

(16)

Għas-sardin (Sardina pilchardus) u l-bichique (Sicyopterus lagocephalus), id-dejta ta' okkorrenza turi li hu diffiċli li jkun hemm konformità mal-livelli massimi eżistenti, minħabba li l-livelli ta' bażi naturali jistgħu jkunu ogħla. Il-konsum huwa baxx għaż-żewġ speċijiet ta' ħut, u għandu effetti negliġibbli fuq l-espożizzjoni tal-bniedem. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti livelli massimi ogħla għal dawk iż-żewġ speċijiet ta' ħut sabiex tiġi żgurata l-provvista fis-suq.

(17)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

(18)

L-Istati Membri u l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jingħataw żmien biex jadattaw għal-livelli massimi l-ġodda stabbiliti b'dan ir-Regolament rigward il-prodotti tal-kawkaw u rigward l-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar. Għalhekk, id-data tal-applikazzjoni tal-livelli massimi għall-kadmju għal dawk il-prodotti għandha tiġi differita.

(19)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 qed jiġi emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1.   Il-livelli massimi għall-kadmju stabbiliti fil-punti 3.2.19 u 3.2.20 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, kif emendat b'dan ir-Regolament, għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2015. Prodotti tal-ikel li ma jkunux konformi ma' dawn il-livelli massimi u li jitqiegħdu fis-suq qabel l-1 ta' Jannar 2015 jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati wara dik id-data sad-data ta' skadenza jew sad-data minima ta' durabilità tagħhom.

2.   Il-livelli massimi għall-kadmju stabbiliti fil-punt 3.2.7 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, kif emendat b'dan ir-Regolament, għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2019. Prodotti tal-ikel li ma jkunux konformi ma' dawn il-livelli massimi u li jitqiegħdu fis-suq qabel l-1 ta' Jannar 2019 jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati wara dik id-data sad-data ta' skadenza jew sad-data minima ta' durabilità tagħhom.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

(3)  L-Opinjoni Xjentifika tal-Bord dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kadmju fl-ikel. EFSA Journal (2009) 980, 1-139.

(4)  Il-Bord tal-EFSA dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (CONTAM); Dikjarazzjoni tal-Bord dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari dwar id-doża tollerabbli fil-ġimgħa għall-kadmju. EFSA Journal 2011; 9(2):1975. [19 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2011.1975. Disponibbli onlajn: www.efsa.europa.eu/efsajournal

(5)  Serje 64 tad-WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel, it-73 laqgħa tal-Kumitat Konġunt ta' Esperti tal-FAO/WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel (JECFA), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Ġinevra, 2011.

(6)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Espożizzjoni għall-Kadmju mill-ikel fost il-popolazzjoni Ewropea. EFSA Journal 2012; 10(1):2551. [37 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2012.2551. Disponibbli onlajn: www.efsa.europa.eu/efsajournal


ANNESS

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

Is-subsezzjoni 3.2. (Kadmju) tinbidel b'li ġej:

“3.2

Kadmju

 

3.2.1

Ħxejjex u frott, ħlief ħxejjex tal-għeruq u t-tuberi, ħxejjex tal-weraq, ħxejjex aromatiċi friski, brassica tal-weraq, ħxejjex taz-zkuk, fungi ualgi (27)

0,050

3.2.2

Ħxejjex tal-għeruq u t-tuberi (ħlief karfusa tat-tip ’celeriac’, zunnarija bajda, leħjet il-bodbod u għerq mustarda), ħxejjex taz-zkuk (ħlief il-karfus) (27). Fir-rigward tal-patata l-livell massimu japplika għall-patata mqaxxra

0,10

3.2.3

Ħxejjex bil-weraq, ħxejjex aromatiċi friski, brassica bil-weraq, karfus, karfusa tat-tip ’celeriac’, zunnarija bajda, leħjet il-bodbod, għerq mustarda u t-tipi ta' fungi li ġejjin (27): Agaricus bisporus (faqqiegħa komuni), Pleurotus ostreatus (faqqiegħa tal-ferla), Lentinula edodes (faqqiegħa Shiitake)

0,20

3.2.4

Fungi, barra dawk elenkati fil-punt 3.2.3 (27)

1,0

3.2.5

Ħbub taċ-ċereali minbarra qamħ u ross

0,10

3.2.6

Ħbub tal-qamħ, ħbub tar-ross

Granza tal-qamħ u żrieragħ tal-qamħ għall-konsum dirett

Fażola tas-sojja

0,20

3.2.7

Prodotti speċifiċi tal-kawkaw u prodotti taċ-ċikkulata kif elenkati hawn taħt (49)

 

Ċikkulata tal-ħalib b'kontenut totali ta' solidi niexfa tal-kawkaw < 30 %

0,10 mill-1 ta' Jannar 2019

Ċikkulata b'kontenut totali ta' solidi niexfa tal-kawkaw < 50 %; Ċikkulata tal-ħalib b'kontenut totali ta' solidi niexfa tal-kawkaw ≥ 30 %

0,30 mill-1 ta' Jannar 2019

Ċikkulata b'kontenut totali ta' solidi niexfa tal-kawkaw ≥ 50 %

0,80 mill-1 ta' Jannar 2019

Trab tal-kawkaw mibjugħ lill-konsumatur finali jew bħala ingredjent fi trab tal-kawkaw biz-zokkor mibjugħ lill-konsumatur finali (ċikkulata għax-xorb)

0,60 mill-1 ta' Jannar 2019

3.2.8

Laħam (barra l-ġewwieni) ta' annimali bovini, nagħaġ, majjali u tjur (6)

0,050

3.2.9

Laħam taż-żiemel, ħlief il-ġewwieni (6)

0,20

3.2.10

Fwied tal-annimali bovini, nagħaġ, majjali, tjur jew taż-żiemel (6)

0,50

3.2.11

Kliewi tal-annimali bovini, nagħaġ, majjali, tjur jew taż-żiemel (6)

1,0

3.2.12

Laħam mill-muskoli tal-ħut (24) (25), ħlief l-ispeċijiet elenkati fil-punti 3.2.13, 3.2.14 u 3.2.15

0,050

3.2.13

Laħam tal-muskoli tal-ħut li ġej (24) (25):

kavalli (Scomber species), tonn (Thunnus species, Katsuwonus pelamis, Euthynnus species), bichique (Sicyopterus lagocephalus)

0,10

3.2.14

Laħam tal-muskoli tal-ħut li ġej (24) (25):

tumberell (speċi Auxis)

0,15

3.2.15

Laħam tal-muskoli tal-ħut li ġej (24) (25):

 

inċova (speċi Engraulis)

 

pixxispad (Xiphias gladius)

 

sardin (Sardina pilchardus)

0,25

3.2.16

Krostaċeji(26): laħam tal-muskoli mill-appendiċi u l-addome (44). Fil-każ tal-granċijiet u ta' krustaċeji simili għall-granċijiet (Brachyura and Anomura) il-laħam tal-muskoli mill-appendiċi

0,50

3.2.17

Molluski bivalvi (26)

1,0

3.2.18

Kefalopodi (mingħajr vixxeri) (26)

1,0

3.2.19

Ħalib tat-trabi u ħalib tat-trabi ta' iktar minn sitt xhur, (8) (29)

 

ħalib tat-trabi fi trab manifatturat mill-proteini tal-ħalib tal-baqar jew minn idrolisati tal-proteina

0,010 mill-1 ta' Jannar 2015

ħalib likwidu tat-trabi manifatturat mill-proteini tal-ħalib tal-baqar jew minn idrolisati tal-proteina

0,005 mill-1 ta' Jannar 2015

ħalib tat-trabi fi trab manifatturat mill-iżolati tal-proteina tas-sojja, waħdu jew f'taħlita ma' proteini tal-ħalib tal-baqar

0,020 mill-1 ta' Jannar 2015

ħalib likwidu tat-trabi manifatturat mill-iżolati tal-proteina tas-sojja, waħdu jew f'taħlita ma' proteini tal-ħalib tal-baqar

0,010 mill-1 ta' Jannar 2015

3.2.20

Ikel ipproċessat b'bażi ta' ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar (3) (29)

0,040 mill-1 ta' Jannar 2015

3.2.21

Supplimenti tal-ikel (39) barra supplimenti tal-ikel elenkati fil-punt 3.2.22

1,0

3.2.22

Supplimenti tal-ikel (39) li jikkonsistu esklużivament jew prinċipalment minn algi mnixxfa, prodotti magħmulin mill-algi, jew minn molluski bivalvi mnixxfa

3,0”

(2)

Fin-nota ta' qiegħ il-paġna (26) tiżdied is-sentenza li ġejja: “Fil-każ tal-Pecten maximus, il-livell massimu japplika biss għall-muskolu adduttur u għall-gonadi.”

(3)

Tiżdied in-nota li ġejja f'qiegħ il-paġna:

“(49):

Għall-prodotti speċifiċi tal-kakaw u l-prodotti taċ-ċikkulata japplikaw il-punti A. 2, 3 u 4 tal-Anness I tad-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ġunju 2000 rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 197, 3.8.2000, p. 19).”


Top