EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0484

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 484/2014 tat- 12 ta' Mejju 2014 li jistipula l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-kapital ipotetiku ta' kontroparti ċentrali skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 138, 13.5.2014, p. 57–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/484/oj

13.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/57


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 484/2014

tat-12 ta' Mejju 2014

li jistipula l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-kapital ipotetiku ta' kontroparti ċentrali skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-4 ta' Lulju 2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet (1) u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 50a(4) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 50c(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) l-istituzzjonijiet li huma stabbiliti fl-Unjoni qegħdin attwalment jirrapurtaw il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tal-fondi proprji kull tliet xhur. Sabiex jiġu mminimizzati l-inkonsistenzi bejn id-dati ta' referenza stabbiliti għall-istituzzjonijiet u d-dati stabbiliti għall-kontropartijiet ċentrali (CCPs) għall-kalkolu u għar-rapportar tal-informazzjoni marbuta mal-kapital ipotetiku, id-dati ta' referenza stabbiliti għal CCPs għandhom ikopru mill-inqas id-dati ta' referenza diġà stabbiliti għall-istituzzjonijiet. Madankollu, frekwenza ogħla ta' rapportar tal-informazzjoni marbuta mal-kapital ipotetiku tkun takkomoda wkoll il-fatt li l-membri tal-ikklerjar stabbiliti f'pajjiżi terzi jista' jkollhom dati differenti ta' rapportar. Barra minn hekk, jista' jkun hemm varjazzjonijiet kbar fir-rekwiżiti ta' fondi proprji u biex il-membri tal-ikklerjar u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikollhom għarfien aġġornat ta' dawk ir-rekwiżiti, dawn jistgħu ikunu jridu jimmonitorjaw dawk l-iskoperturi aktar spiss minn kull tliet xhur.

(2)

F'sitwazzjonijiet normali, id-dati tar-rapportar għas-CCPs ma għandhomx jiddewmu b'aktar minn ġimgħa mid-data tal-kalkolu. Ġimgħa tipprovdi lis-CCPs b'biżżejjed żmien sabiex iwettqu l-kontrolli interni kollha u jlestu l-proċess meħtieġ ta' approvazzjoni qabel ma jirrapportaw id-dejta meħtieġa. Jekk CCP tiżviluppa sistema awtomatizzata b'mod sħiħ, id-data tar-rapportar tista' tkun qrib id-data tal-kalkolu. Bħalissa, madankollu, is-CCPs ma għandhomx il-kapaċità li jlestu l-proċess kollu f'dan iż-żmien u jistgħu għalhekk ikollhom bżonn jiżviluppaw il-proċessi u l-infrastrutturi interni tagħhom sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dan. F'dan l-isfond, għandha tiġi introdotta dispożizzjoni transizzjonali li tagħti lis-CCPs biżżejjed żmien biex jiżviluppaw il-proċessi u l-infrastrutturi interni meħtieġa u, fl-istess ħin, biex jibdew jirrapportaw l-informazzjoni marbuta mal-kapital ipotetiku lill-membri tal-ikklerjar tagħhom.

(3)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, it-telf wara l-inadempjenza ta' membru tal-ikklerjar, fl-ewwel istanza, ikun kopert mill-marġini inizjali u mill-kontribuzzjoni tal-fond tal-inadempjenza tal-membru inadempjenti nnifsu. Fejn dawk ma jkunux biżżejjed, it-telf huwa kopert mir-riżorsi finanzjarji prefinanzjati li jiġu kkontribwiti mis-CCPs għall-kaskati ta' inadempjenza rispettivi tagħhom u mill-kontribuzzjonijiet tal-fond ta' inadempjenza prefinanzjati tal-membri mhux inadempjenti. Matul dan il-perjodu, il-frekwenza tar-rapportar għandha tiżdied sabiex il-membri tal-ikklerjar l-oħrajn li mhumiex inadempjenti u l-awtoritajiet kompetenti jinżammu aġġornati fuq l-informazzjoni kollha relatata mal-kapital ipotetiku meħtieġa biex jiġu kkalkulati r-rekwiżiti ta' fondi proprji tal-membri tal-ikklerjar. Is-CCPs għandu jkollhom il-kapaċitajiet tekniċi u l-proċessi interni fis-seħħ sabiex jaħdmu u jwasslu l-informazzjoni dwar il-kapital ipotetiku taħt dawn is-sitwazzjonijiet ta' stress.

(4)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, CCP jkollha tirriforni r-riżorsi finanzjarji prefinanzjati proprji fil-kaskata tal-inadempjenza fi żmien xahar. Għal din ir-raġuni, il-frekwenzi tal-kalkolu u r-rapportar f'dawn is-sitwazzjonijiet għandha tkun ogħla min-normal. Ir-rapportar ta' kuljum tal-informazzjoni marbuta mal-kapital ipotetiku jista' jkun inqas sinifikanti minħabba li jista' jgħaddi ż-żmien qabel ma jiġi stabbilit id-daqs totali tat-telf warainadempjenza ta' membru tal-ikklerjar. Minħabba li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiltaqgħu ma' firxa wiesgħa ta' xenarji differenti, dawn għandu jkollhom ukoll l-għażla li jitolbu frekwenza ogħla f'perjodi ta' stress fuq bażi ta' valutazzjoni tas-sitwazzjoni li għandha tieħu kont tal-grad ta' tnaqqis, attwali jew previst, tar-riżorsi finanzjarji prefinanzjati disponibbli għas-CCP (kemm dawk ikkontribwiti mis-CCP stess kif ukoll dawk kontribwiti mill-membri tal-ikklerjar). Din il-frekwenza ogħla għandha tapplika sakemm dawk ir-riżorsi jerġgħu jinġiebu għal-livelli meħtieġa mil-leġislazzjoni relevanti.

(5)

Il-frekwenza għolja ta' rapportar f'perjodi ta' stress tista' tkun ferm esiġenti minħabba li ġie introdott rekwiżit ta' rapportar il-ġdid. Dan jista' joħloq sfidi fir-rigward tal-implimentazzjoni teknika għal mill-inqas xi CCPs. Biex dan jittaffa, huwa xieraq li jkun hemm data aktar tard għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta' frekwenza ogħla ta' rapportar. Dak se jippermetti lis-CCPs ittejbu l-proċessi interni tagħhom u jaġġornaw is-sistemi tagħhom.

(6)

Id-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament huma marbuta mill-qrib, billi jittrattaw il-kalkolu u r-rapportar tal-kapital ipotetiku ta' CCP. Biex jiżguraw koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, u biex jiffaċilitaw perspettiva komprensiva u aċċess kumpatt għalihom minn persuni suġġetti għal dawk l-obbligi, huwa mixtieq li l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni relevanti kollha meħtieġa mir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jkunu inklużi f' Regolament wieħed.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

(8)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-frekwenza u d-dati tal-kalkoli meħtieġa skont l-Artikolu 50a(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

1.   Il-frekwenza tal-kalkoli speċifikati fl-Artikolu 50a(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tkun ta' kull xahar ħlief fejn id-diskrezzjoni stipulata fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament tkun eżerċitata, f'liema każ il-frekwenza tkun jew ta' kull ġimgħa jew ta' kuljum.

2.   Fejn il-frekwenza tal-kalkolu msemmi fil-paragrafu 1 hija ta' kull xahar, is-CCP tapplika dawn iż-żewġ affarijiet li ġejjin:

(a)

il-jiem ta' referenza għal dak il-kalkolu jkunu kif ġej:

il-31 ta' Jannar, it-28 ta' Frar (jew id-29 ta' Frar f'sena biżestili), il-31 ta' Marzu, it-30 ta' April, il-31 ta' Mejju, it-30 ta' Ġunju, il-31 ta' Lulju, il-31 ta' Awwissu, it-30 ta' Settembru, il-31 ta' Ottubru, it-30 ta' Novembru, il-31 ta' Diċembru;

(b)

il-jum meta CCP twettaq dak il-kalkolu (il-jum tal-kalkolu) ikun rispettivament:

l-1 ta' Frar, l-1 ta' Marzu, l-1 ta' April, l-1 ta' Mejju, l-1 ta' Ġunju, l-1 ta' Lulju, l-1 ta' Awwissu, l-1 ta' Settembru, l-1 ta' Ottubru, l-1 ta' Novembru, l-1 ta' Diċembru, l-1 ta' Jannar.

3.   Fejn il-frekwenza msemmija fil-paragrafu 1 tkun ta' kull ġimgħa jew ta' kuljum, il-jum tal-ewwel kalkolu jkun il-jum wara l-jum li fih saret it-talba tal-awtorità kompetenti. L-ewwel jum ta' referenza jkun il-jum li fih saret it-talba tal-awtorità kompetenti. Għall-kalkoli sussegwenti, il-jum ta' referenza jkun il-jum ta' qabel il-jum tal-kalkolu. Fil-każ ta' kalkolu ta' kull ġimgħa, il-perjodu ta' żmien bejn il-jiem ta' kalkolu jkun ta' ħamest ijiem tax-xogħol.

4.   Fejn il-jum tal-kalkolu jkun btala pubblika, is-Sibt jew il-Ħadd, il-kalkolu jsir fil-jum tax-xogħol ta' wara.

Artikolu 2

Il-frekwenza, id-dati u l-format uniformi tar-rapportar meħtieġa mill-Artikoli 50c(2) u 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

1.   Il-frekwenza tar-rapportar meħtieġa mill-Artikolu 50c(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u, fejn applikabbli, mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tkun ta' kull xahar, ħlief fejn id-diskrezzjoni stipulata fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament tkun eżerċitata, f'liema każ il-frekwenza tkun jew ta' kull ġimgħa jew ta' kuljum.

2.   Fejn il-frekwenza tar-rapportar skont il-paragrafu 1 tkun ta' kull xahar, id-data tar-rapportar taqa' fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mill-jum tal-kalkolu stabbilit fl-Artikolu 1, jew qabel fejn possibbli.

3.   Fejn il-frekwenza tar-rapportar imsemmija fil-paragrafu 1 hija ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa, id-data ta' rapportar tkun il-jum wara l-jum tal-kalkolu.

4.   Fejn id-data tar-rapportar hija btala pubblika, is-Sibt jew il-Ħadd, id-data tar-rapportar tkun il-jum tax-xogħol li jmiss.

5.   Is-CCPs jirrapportaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 billi jużaw il-mudell li jinsab fl-Anness I (Informazzjoni marbuta mal-kapital ipotetiku) mimlija skont l-istruzzjonijiet stabbiliti fl-Anness II (Struzzjonijiet għar-rapportar tal-informazzjoni marbuta mal-kapital ipotetiku).

Artikolu 3

Kundizzjonijiet għal frekwenzi ogħla ta' kalkolu u rapportar skont l-Artikolu 50a(3) u l-Artikolu 50c(2) tar- Regolament (UE) Nru 648/2012

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta' istituzzjoni li taġixxi bħala membru tal-ikklerjar jistgħu jeħtieġu lil kwalunkwe CCP li fiha istituzzjoni taġixxi bħala membru tal-ikklerjar twettaq il-kalkolu msemmi fl-Artikolu 1(1) u r-rapportar imsemmi fl-Artikolu 2(1) b'frekwenza ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa f'waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet:

(a)

fejn, wara l-inadempjenza ta' membru tal-ikklerjar wieħed, CCP hija obbligata tuża kwalunkwe porzjon ta' riżorsi finanzjarji prefinanzjati li kkontribwixxiet għall-kaskata tal-inadempjenza skont l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(b)

fejn, wara l-inadempjenza ta' membru tal-ikklerjar wieħed, CCP hija obbligata li tuża l-kontribuzzjonijiet tal-fond ta' inadempjenza tal-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

2.   L-awtoritajiet kompetenti jibbażaw l-għażla bejn frekwenza ta' kuljum u ta' kull ġimgħa kif previst fil-paragrafu 1 fuq il-grad ta' tnaqqis attwali jew previst ta' riżorsi finanzjarji prefinanzjati.

3.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġu frekwenza ogħla ta' kalkolu u rapportar minn CCP skont il-punt (a) tal-paragrafu 1, il-frekwenza ogħla tapplika sakemm ir-riżorsi finanzjarji prefinanzjati li ġew ikkontribwiti mis-CCP għall-kaskata tal-inadempjenza jerġgħu lura għall-livelli stabbiliti fl-Artikolu 35 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 153/2013 (4).

4.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġu frekwenza ogħla ta' kalkolu u rapportar minn CCP skont il-punt (b) tal-paragrafu 1, il-frekwenza ogħla tapplika sakemm il-kontribuzzjonijiet tal-fond ta' inadempjenza tal-membri mhux inadempjenti tas-CCP jerġgħu lura għall-livelli stabbiliti fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 4

Dispożizzjoni tranżizzjonali

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 2(2), matul il-perjodu mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2014, is-CCPs jirrapportaw l-informazzjoni msemmija f'dak il-paragrafu mhux aktar tard minn ħmistax-il jum tax-xogħol wara l-jum ta' referenza, jew qabel jekk possibbli.

Artikolu 5

Id-dħul fis-seħħ u d-data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum mill-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika mit-2 ta' Ġunju 2014, ħlief l-Artikolu 1(3), l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 3, li japplikaw mill-1 ta' Jannar 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 153/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti għall-kontropartijiet ċentrali (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 41).


ANNESS I

Informazzjoni relatata mal-kapital ipotetiku

ID

Partita

Referenzi legali

Ammont

10

Kontroparti Ċentrali

 

20

Identifikatur tal-fond tal-inadempjenza

L-Artikolu 50c(1), ir-Regolament (UE) 648/2012

 

30

Data tal-kalkolu

L-Artikolu 1(2), ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 484/2014

 

40

Kapital ipotetiku (KCCP)

L-Artikolu 50c(1)(a) ir-Regolament (UE) 648/2012

 

50

It-total ta' kontribuzzjonijiet prefinanzjati (DFCM)

L-Artikolu 50c(1)(b), ir-Regolament (UE) 648/2012

 

60

L-ammont ta' riżorsi finanzjarji prefinanzjati li huwa meħtieġ biex jintuża qabel ma jintużaw il-kontribuzzjonijiet tal-fond ta' inadempjenza tal-membri ta' kklerjar li jifdal (DFCCP)

L-Artikolu 50c(1)(c), ir-Regolament (UE) 648/2012

 

70

Numru totali ta' membri tal-ikklerjar (N)

L-Artikolu 50c(1)(d), ir-Regolament (UE) 648/2012

 

80

Fattur ta' konċentrazzjoni (β)

L-Artikolu 50c(1)(e), ir-Regolament(UE) 648/2012

 

90

Ammont totali ta' marġini inizjali

L-Artikolu 89(5a), it-tielet subparagrafu, ir- Regolament (UE) 648/2012

 


ANNESS II

ISTRUZZJONIJIET GĦAR-RAPPORTAR TA' INFORMAZZJONI MARBUTA MAL-KAPITAL IPOTETIKU

1.   Dan l-Anness fih struzzjonijiet addizzjonali għat-tabella pprovduta fl-Anness I.

ISTRUZZJONIJIET ĠENERALI

2.   Frekwenza

2.1.   Ir-rapportar tal-mudell jiġi ppreżentat bil-frekwenza stabbilita fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

3.   Dati tar-rimessa

3.1.   Dati tar-rimessa huma stabbiliti fl-Artikolu 2.

ISTRUZZJONIJIET RELATATI MAL-MUDELL

4.   Konvenzjoni tas-sinjali

4.1.   L-ammonti kollha jiġu rrapportati bħala ċifri pożittivi.

4.2.   Dawn il-formati u referenzi legali jiġu kkunsidrati sabiex jitlestew il-mudelli:

Identifikazzjoni tal-mudell

Istruzzjonijiet

10

Isem il-kontroparti ċentrali (CCP)

Format

Test, kull numru ta' karattri

20

Identifikatur tal-fond tal-inadempjenza

Referenzi legali

L-Artikolu 50c(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

Istruzzjoni

Skont l-Artikolu 50c(1), meta s-CCP jkollha iżjed minn fond tal-inadempjenza wieħed, din tirrapporta l-informazzjoni fl-ewwel subparagrafu ta' dak l-Artikolu għal kull fond tal-inadempjenza separatament.

Format

Test, kull numru ta' karattri

Kalkolu

L-ebda

30

Data tal-kalkolu

Referenzi legali

L-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament

Nota

Id-data tal-kalkolu skont l-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament skont il-frekwenza mitluba.

Format

SSSS-XX-JJ

Is-sena f'erba' ċifri, sing, ix-xahar f'żewġ ċifri, sing, il-ġurnata f'żewġ ċifri

Kalkolu

L-ebda

40

Kapital ipotetiku (KCCP)

Referenzi legali

L-Artikolu 50c(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

Istruzzjonijiet

Il-munita tar-rapportar tiġi identifikata bl-użu tal-kodiċi tal-munita ISO 4217 segwit bi spazju u l-ammont. Iċ-ċifri jistgħu jiġu aġġustati b'marġini ta' żball iżgħar minn 1 %.

Format

Ammont tal-Kodiċi ISO

Kalkolu

Il-kapital ipotetiku jiġi kkalkulat kif meħtieġ fl-Artikolu 50a(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

50

Total ta' kontribuzzjonijiet prefinanzjati (DFCM)

Referenzi legali

L-Artikolu 50c(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Kalkolu

Il-kontribuzzjonijiet prefinanzjati jiġu kkalkulati bħala s-somma tal-kontribuzzjoni prefinanzjata ta' membru tal-ikklerjar kif meħtieġ fl-Artikolu 308(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Istruzzjonijiet

Il-munita tar-rapportar tiġi identifikata bl-użu tal-kodiċi tal-munita ISO 4217 segwit bi spazju u l-ammont. Iċ-ċifri jistgħu jiġu aġġustati b'marġini ta' żball iżgħar minn 1 %.

Format

Ammont tal-Kodiċi ISO

60

L-ammont ta' riżorsi finanzjarji prefinanzjati li huwa meħtieġ jintuża qabel ma jintużaw il-kontribuzzjonijiet tal-fond tal-inadempjenza tal-membri tal-ikklerjar li jifdal (DFCCP)

Referenzi legali

L-Artikolu 50c(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

Kalkolu

Is-somma tal-kontribuzzjonijiet prefinanzjati tal-membri tal-ikklerjar kollha tas-CCP tiġi kkalkulata kif meħtieġ fl-Artikolu 308(3)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Istruzzjonijiet

Il-munita tar-rapportar tiġi identifikata bl-użu tal-kodiċi tal-munita ISO 4217 segwit bi spazju u l-ammont. Iċ-ċifri jistgħu jiġu aġġustati b'marġini ta' żball iżgħar minn 1 %.

Format

Ammont tal-Kodiċi ISO

70

Numru totali ta' membri tal-ikklerjar (N)

Referenzi legali

L-Artikolu 50c(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

Kalkolu

In-numru tal-membri tal-ikklerjar tas-CCP.

Format

Numru sħiħ

80

Fattur ta' konċentrazzjoni (β)

Referenzi legali

L-Artikolu 50c(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

Kalkolu

Il-fattur ta' konċentrazzjoni jiġi kkalkulat kif meħtieġ fl-Artikolu 50d(c) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Istruzzjonijiet

Il-munita tar-rapportar tiġi identifikata bl-użu tal-kodiċi tal-munita ISO 4217 segwit bi spazju u l-ammont. Iċ-ċifri jistgħu jiġu aġġustati b'marġini ta' żball iżgħar minn 1 %.

Format

Ammont tal-Kodiċi ISO

90

Ammont totali ta' marġini inizjali

Referenzi legali

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Kalkolu

Il-marġini inizjali totali riċevut mis-CCP mill-membri tal-ikklerjar tagħha jiġi kkalkulat kif meħtieġ skont l-Artikoli 24 sa 27 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 153/2013.

Istruzzjonijiet

Din l-informazzjoni tiġi rrapportata fejn applikabbli biss. Il-munita tar-rapportar tiġi identifikata bl-użu tal-kodiċi tal-munita ISO 4217 segwit bi spazju u l-ammont. Iċ-ċifri jistgħu jiġu aġġustati b'marġini ta' żball iżgħar minn 1 %.

Format

Ammont tal-Kodiċi ISO


Top