EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0483

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 483/2014 tat- 8 ta' Mejju 2014 dwar miżuri ta' protezzjoni fir-rigward tad-dijarea fil-porċini kkawżata minn deltakoronavirus fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' sprej ta' demm imnixxef u plażma tad-demm ta' oriġini porċina maħsuba għall-produzzjoni tal-għalf għall-annimali porċini mrobbija Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 138, 13.5.2014, p. 52–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/05/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/483/oj

13.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/52


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 483/2014

tat-8 ta' Mejju 2014

dwar miżuri ta' protezzjoni fir-rigward tad-dijarea fil-porċini kkawżata minn deltakoronavirus fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' sprej ta' demm imnixxef u plażma tad-demm ta' oriġini porċina maħsuba għall-produzzjoni tal-għalf għall-annimali porċini mrobbija

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi, u b'mod partikolari l-Artikolu 22(3) (1) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 97/78/KE jipprevedi li jekk fit-territorju ta' pajjiż terz marda jew fenomenu ieħor jew kwalunkwe ċirkustanza li kapaċi jkunu ta' theddida serja għas-saħħa tal-annimali jimmanifestaw ruħhom jew jinxterdu, jew jekk kull raġuni oħra serja ta' saħħa tal-annimali hekk titlob, il-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' Stat Membru, għandha tadotta miżuri mingħajr dewmien, inkluż kundizzjonijiet speċjali fir-rigward ta' prodotti li ġejjin mill-pajjiż terz jew minn parti tal-pajjiż terz ikkonċernat.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi regoli dwar is-saħħa pubblika u dik tal-annimali għall-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom, biex jiġu milqugħa minn qabel u minimizzati r-riskji għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali li ġejjin minn dawn il-prodotti, u b'mod partikolari biex titħares is-sikurezza tal-katina tal-għalf. Huwa wkoll jikkategorizza dawk il-prodotti f'kategoriji speċifiċi li jirriflettu l-livell ta' riskju għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali.

(3)

L-Artikolu 41(3) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, jistipula r-rekwiżiti għall-importazzjoni ta' prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati ta' materjal tal-Kategorija 3.

(4)

Ir- Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (3), jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, inklużi r-rekwiżiti speċifiċi għat-trattament jew l-ipproċessar ta' prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti dderivati destinati għat-tagħlif ta' annimali fl-irziezet, minbarra annimali bil-pil.

(5)

Prodotti tad-demm maħsubin għall-produzzjoni tal-għalf għal annimali mrobbijin fi rziezet, inkluż sprej ta' demm niexef u plażma tal-annimali porċini, għandhom ikunu ġew prodotti skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tal-Anness X tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011. B'referenza għall-punt B ta' dik it-Taqsima, il-prodotti tad-demm għandhom jiġu sottomessi għal xi wieħed mill-metodi tal-ipproċessar minn 1 sa 5 jew mill-metodu tal-ipproċessar 7, kif stabbilit fil-Kapitolu III tal-Anness IV ta' dak ir-Regolament, jew metodu ieħor li jiżgura li l-prodotti tad-demm jkunu konformi mal-istandards mikrobijoloġiċi għal prodotti derivati stabbilit fil-Kapitolu I tal-Anness X tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011. Ir-Regolament (UE) Nru 142/2011 jipprevedi wkoll, b'mod partikolari f'kolonna 6 tar-ringiela 2 tat-Tabella 1 tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu I tal-Anness XIV, li prodotti tad-demm mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem li jistgħu jintużaw bħala għalf maħsuba biex jintbagħtu lejn jew jgħaddu mill-Unjoni għandhom ikollhom magħhom ċertifikat tas-saħħa skont il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa stabbilit fil-Kapitolu 4(B) tal-Anness XV.

(6)

Id-dijarea tal-porċini kkawżata minn deltakoronavirus sseħħ fl-Asja u fl-Amerika ta' Fuq. Dan il-vajrus qatt ma nstab fl-Unjoni. L-isprej ta' demm imnixxef u plażma tad-demm ta' annimali porċini huwa ingredjent tradizzjonali tal-għalf għall-ħnienes. Trattament ta' sħana mhux adegwat jew kontaminazzjoni wara t-trattament bis-sħana jistgħu jwasslu għal tixrid tal-vajrus fit-tali prodotti.

(7)

Għalhekk huwa neċessarju li jiġu riveduti r-rekwiżiti għall-importazzjoni ta' sprej ta' demm imnixxef u plażma tad-demm ta' annimali porċini maħsuba għall-produzzjoni tal-għalf għall-annimali porċini mrobbija.

(8)

Osservazzjoni xjentifika tindika li koronaviruses tal-porċini jiġu inattivati f'feċi tal-majjali jekk jissaħħnu għal u jinżammu f'temperatura ta' 71 °C għal 10 minuta jew jitħallew f'temperatura ambjentali ta' 20 °C għal sebat ijiem. Il-virus ma kampax f'għalf niexef infettat għall-għan sperimentali maħżun f'temperatura ta' 24 °C għal aktar minn ġimgħatejn. F'pajjiżi terzi, it-temperatura applikata b'mod komuni għal tnixxif bi sprej ta' demm u plażma tad-demm hija 80 °C fis-sustanza kollha.

(9)

Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni disponibbli, jidher opportun li jinħtieġ li l-isprej ta' demm imnixxef u plażma tad-demm ta' oriġini porċina introdott minn pajjiżi terzi u maħsub għat-tmigħ ta' annimali porċini jkun ġie suġġett għal trattament f'temperatura għolja segwita minn ħażna sussegwenti għal ċertu żmien f'temperatura ambjentali sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' kontaminazzjoni wara t-trattament.

(10)

Minħabba l-ħtieġa li titħares is-saħħa tal-annimali fl-Unjoni u t-theddid serju ġej mill-prodotti tad-demm kkonċernati, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta' salvagwardja provviżorji. Għaldaqstant, l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' dawk il-prodotti għandha tkun akkumpanjata minn ċertifikat tas-saħħa skont il-mudell stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

(11)

Il-miżuri ta' salvagwardja provviżorji għandhom japplikaw mill-jum wara l-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament u jdumu għal perjodu ta' 12-il xahar. Dawn jistgħu jiġu emendati fid-dawl ta' valutazzjoni tar-riskju bbażata fuq informazzjoni xjentifika ġdida.

(12)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

B'deroga minn kolonna 6 ta' ringiela 2 fit-Tabella 1 tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu I tal-Anness XIV u tal-Kapitolu 4(B) tal-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, prodotti tad-demm mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem li jistgħu jintużaw bħala materjal tal-għalf, maħsuba biex jintbagħtu lejn l-Unjoni jew biex jgħaddu minnha, għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa skont il-mudell stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika għal konsenji ċċertifikati mill-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika sal-31 ta' Mejju 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.)

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta' Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).


ANNESS

Ċertifikat tas-saħħa

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Top