EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0447

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 447/2014 tat- 2 ta' Mejju 2014 dwar ir-regoli sepċifiċi tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)

OJ L 132, 3.5.2014, p. 32–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/07/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/447/oj

3.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/32


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 447/2014

tat-2 ta' Mejju 2014

dwar ir-regoli sepċifiċi tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi regoli u proċeduri għall-implimentazzjoni ta' assistenza li huma komuni għad-disa' strumenti għal azzjoni esterna. Għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi addizzjonali biex jindirizzaw sitwazzjonijiet speċifiċi b'mod partikolari għal ġestjoni indiretta, għal programmi ta' kooperazzjoni transfruntieri ffinanzjati taħt il-qasam ta' politika “kooperazzjoni reġjonali u territorjali” u programmi ta' żvilupp rurali ffinanzjati taħt il-qasam ta' politika “żvilupp agrikolu u rurali”.

(2)

Sabiex ikun żgurat li l-assistenza ta' qabel l-adeżjoni tiġi implimentata fil-pajjiżi benefiċjarji kollha elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 231/2014 (minn hawn 'l quddiem “il-benefiċjarji tal-IPA II”) bl-istess mod u li jitħarsu l-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja soda, il-Kummissjoni u l-benefiċjarji tal-IPA II għandhom jikkonkludu arranġamenti fil-forma ta' ftehimiet ta' qafas u ftehimiet speċifiċi għas-settur li jistabbilixxu l-prinċipji għall-kooperazzjoni bejniethom skont dan ir-Regolament.

(3)

Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-benefiċjarji tal-IPA II fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom li jiġġestixxu l-fondi tal-Unjoni skont il-prinċipji u r-regoli previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għal dan l-għan u fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tafda l-kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit lill-benefiċjarji tal-IPA II.

(4)

Is-sjieda tal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-IPA II għandha primarjament tkun tal-benefiċjarji tal-IPA II li għandhom jistabbilixxu l-istrutturi u l-awtoritajiet meħtieġa u jressqu talbiet lill-Kummissjoni biex ikunu nkarigati bil-kompiti ta' implimentazzjoni baġitarja.

(5)

Għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli speċifiċi li jinkarigaw lill-benefiċjarji tal-IPA II bil-kompiti ta' implimentazzjoni baġitarja skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (4).

(6)

Il-kundizzjonijiet li jeħtieġ li jiġu ssodisfati minn pajjiż aderenti huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-kwalità ġenerali fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi.

(7)

Huwa meħtieġ li jiġu definiti regoli speċifiċi biex jiġu stabbiliti l-korrezzjonijiet finanzjarji u l-proċedura li għandha tapplika għall-benefiċjarji tal-IPA II meta tiġi implimentata l-assistenza tal-Unjoni taħt il-ġestjoni indiretta.

(8)

Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja, l-effiċjenza, il-koerenza u l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni ta' assistenza finanzjarja ta' qabel l-adeżjoni tal-Unjoni prevista fir-Regolament (UE) Nru 231/2014 (minn hawn 'l quddiem “l-assistenza tal-IPA II”), ir-Regolament (UE) Nru 236/2014 għandu jiġi kkumplimentat minn regoli ddettaljati dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.

(9)

Regoli speċifiċi għar-rappurtar huma meħtieġa sabiex ir-rekwiżiti tar-rapportar li jrid jikkonforma magħhom il-benefiċjarju tal-IPA II ikunu aktar dettaljati.

(10)

Regoli speċifiċi rigward it-trasparenza u l-viżibbiltà tal-assitenza tal-IPA II għandhom jiġu definiti sabiex jikkonformaw b'mod effettiv mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012.

(11)

L-assistenza tal-IPA II għandha tintuża fost l-oħrajn biex tippromwovi l-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-benefiċjarji tal-IPA II kif ukoll bejn il-benefiċjarji tal-IPA II u l-Istati Membri jew il-pajjiżi li jaqgħu fl-ambitu tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Ir-rwoli u r-responsabilitajiet ta' atturi li jintervjenu jeħtieġ li jiġu speċifikati, biex jikkunsidraw is-sitwazzjonijiet differenti b'mod partikolari fir-rigward ta' koperazzjoni transfruntiera bejn il-benefiċjarji tal-IPA II u l-Istati Membri.

(12)

L-assistenza tal-IPA II fil-qasam ta' politika tal-“agrikoltura u l-iżvilupp rurali” għandha tippromwovi l-allinjament gradwali mal-acquis fil-Politika Agrikola Komuni. Regoli speċifiċi huma meħtieġa sabiex jiġu ffinanzjati operazzjonijiet finanzjarji ta' natura simili għal dawk taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, permezz ta' sistemi ta' ġestjoni u kontroll li jixbhu lill-istrutturi rispettivi b'funzjonijiet ta' natura simili fl-Istati Membri.

(13)

Sabiex jippermetti għall-programmazzjoni u l-applikazzjoni f'waqthom tal-programmi tal-IPA II għall-2014, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(14)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-IPA II,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

SUĠĠETT U L-QAFAS ĠENERALI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-ASSISTENZA TAL-IPA

KAPITOLU I

Suġġett u definizzjonijiet

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula regoli speċifiċi li jistabbilixxu kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 231/2014 u regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 rigward il-metodi ta' implimentazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar, it-trasparenza u l-viżibbiltà tal-assistenza tal-IPA II kif ukoll regoli speċifiċi għal kooperazzjoni transfruntiera fil-qasam ta' politika “kooperazzjoni reġjonali u territorjali” u assistenza taħt il-programmi ta' żvilupp rurali fil-qasam ta' politika “żvilupp agrikolu u rurali”.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Benefiċjarju tal-IPA II” tfisser wieħed mill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 231/2014;

(b)

“programm” tfisser programm ta' azzjoni, miżuri individwali, speċjali jew ta' appoġġ skont l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014;

(c)

“ftehim qafas” tfisser ftehim konkluż bejn il-Kummissjoni u benefiċjarju tal-IPA II li japplika għall-oqsma ta' politika kollha tal-IPA II u jistipula l-prinċipji ta' kooperazzjoni finanzjarja bejn il-benefiċjarju tal-IPA II u l-Kummissjoni skont dan ir-Regolament;

(d)

“ftehim settorjali” tfisser arranġament konkluż bejn il-Kummissjoni u benefiċjarju tal-IPA II rigward qasam ta' politika jew programm speċifiku tal-IPA II, li jistipulaw ir-regoli u l-proċeduri li jridu jiġu rispettati iżda li mhumiex inklużi fil-ftehim qafas jew fil-ftehimiet ta' finanzjament;

(e)

“qasam (oqsma) tal-politika” tfisser l-oqsma ewlenin ta' kooperazzjoni indirizzati mill-azzjonijiet iffinanzjati mill-assistenza tal-IPA II, kif previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 231/2014;

(f)

“awtoritajiet” tfisser entitajiet jew korpi pubbliċi ta' benefiċjarju tal-IPA II jew ta' Stat Membru fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali;

(g)

“proġett maġġuri” tfisser proġett li jinkludi sensiela ta' xogholijiet, attivitajiet jew servizzi li huwa maħsub, fih innifsu, li jwettaq kompitu definit u indiviżibbli ta' natura preċiża ekonomika jew teknika, li għandu għanijiet identifikati b'mod ċar u li l-ispiża totali tiegħu teċċedi dik li hija speċifikata fil-Ftehim Qafas;

(h)

“pajjiżi parteċipanti” tfisser benefiċjarji tal-IPA II waħedhom jew il-benefiċjarji tal-IPA II flimkien mal-Istat Membru/Stati Membri jew mal-pajjiżi li jaqgħu fl-ambitu tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat li jipparteċipaw fi programm pluriennali għall-kooperazzjoni transfruntiera mfassla b'mod konġunt mill-pajjiżi parteċipanti;

(i)

“ftehim ta' finanzjament” tfisser ftehim annwali jew pluriennali konkluż bejn il-Kummissjoni u benefiċjarju tal-IPA II, għall-implimentazzjoni tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni permezz ta' azzjoni li taqa' fl-ambitu ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU II

Il-Qafas Ġenerali għall-Implimentazzjoni tal-Assistenza tal-IPA II

Artikolu 3

Il-prinċipji ta' finanzjament mill-Unjoni

1.   L-assistenza tal-IPA II issostni l-implimentazzjoni tal-isforzi ta' riforma tal-benefiċjarji tal-IPA II kif imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 231/2014. Programmi speċifiċi u azzjonijiet individwali jistgħu jeħtieġu kontribuzzjonijiet finanzjarji kemm mill-beneriċjarju tal-IPA II kif ukoll mill-Unjoni.

2.   Entrata tan-nefqa ffinanzjata skont ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 mhix suġġetta għal xi finanzjament ieħor mill-baġit tal-Unjoni.

Artikolu 4

Il-prinċipju ta' sjieda

1.   Is-sjieda tal-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-IPA II hija primarjament tal-benefiċjarju tal-IPA II.

2.   Il-benefiċjarju tal-IPA II jaħtar Koordinatur Nazzjonali tal-IPA (NIPAC), li jkun il-kontroparti tal-Kummissjoni għall-proċess globali ta': l-ippjanar strateġku, il-koordinazzjoni tal-ipprogrammar, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u r-rappurtar tal-assistenza tal-IPA II.

In-NIPAC:

(a)

jiżgura l-koordinazzjoni fl-amministrazzjoni tal-benefiċjarju tal-IPA II u ma' donaturi oħrajn kif ukoll ir-rabta mill-qrib bejn l-użu tal-assistenza tal-IPA II u l-proċess ġenerali tal-adeżjoni;

(b)

jikkoordina l-parteċipazzjoni tal-benefiċjarji tal-IPA II fil-programmi ta' kooperazzjoni territorjali relevanti, b'mod partikolari l-programmi ta' kooperazzjoni trasnfruntieri msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 27 u, jekk xieraq, il-programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali jew interreġjonali stabbiliti u implimentati skont ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013. In-NIPAC jista' jiddelega dan il-kompitu ta' kooerdinazzjoni lil koordinatur ta' kooperazzjoni territorjali jew lil struttura operattiva kif xieraq;

(c)

jiżgura li l-għanijiet stipulati fl-azzjonijiet jew fil-programmi proposti mill-benefiċjarji tal-IPA II jkunu koerenti mal-għanijiet tad-Dokumenti ta' Sttrateġija għall-Pajjiżi u jagħtu l-konsiderazzjoni dovuta lill-istrateġiji makroreġjonali u tal-baċir tal-baħar relevanti;

(d)

ifittex li l-amministrazzjoni tal-benefiċjarju tal-IPA II tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-programmi relatati.

In-NIPAC ikun rappreżentant li jokkupa kariga għolja fil-gvern jew fl-amministrazzjoni nazzjonali tal-benefiċjarju tal-IPA II bl-awtorità xierqa.

3.   Sabiex jipprovdu bażi msaħħa għall-ġestjoni tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni u tal-fondi nazzjonali, il-Kummissjoni u l-benefiċjarju tal-IPA II jidħlu fi djalogu dwar il-ġestjoni finanzjarja pubblika. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tivvaluta l-livell ta' konformità tal-amministrazzjoni tal-benefiċjarju tal-IPA II mal-prinċipji ta' sistema ordnata ta' ġestjoni finanzjarja pubblika. Fejn l-amministrazzjoni tikkonforma ma' dawk ir-rekwiżiti biss parzjalment, il-benefiċjarju tal-IPA II u l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jaqblu dwar il-miżuri meħtieġa biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati.

Artikolu 5

Ftehimiet qafas u ftehimiet settorjali

1.   Il-Kummissjoni u l-benefiċjarju tal-IPA II jikkonkludu ftehim qafas li jistipula arranġamenti speċifiċi għall-ġestjoni, il-kontroll, is-sorveljanza, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-rappurtar u awditjar tal-assistenza tal-IPA II u jikkommetti lill-benefiċjarju tal-IPA II li jittrasponi fl-ordinament ġuridiku tiegħu r-rekwiżiti regolatorji rilevanti tal-Unjoni. Il-Ftehim qafas jista' jiġi kkumplimentat bi ftehimiet settorjali li jistipulaw dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-IPA f'oqsma ta' politika jew programmi speċifiċi.

2.   L-assistenza tal-IPA II tingħata biss lill-benefiċjarju tal-IPA II wara li l-ftehim qafas imsemmi fil-paragrafu 1 ikun daħal fis-seħħ. Fejn jiġu konklużi ftehimiet settorjali, l-assistenza tal-IPA II taħt il-qasam ta' politika jew programm ikkonċernat tingħata wara d-dħul fis-seħħ kemm tal-ftehim qafas kif ukoll tal-ftehim settorali applikabbli.

3.   Il-Ftehim qafas japplika għall-ftehimiet ta' finanzjament kollha msemmija fl-Artikolu 6. Ftehimiet settorjali, fejn ikun rilevanti, japplikaw għall-ftehimiet ta' finanzjament kollha konklużi fir-rigward tal-qasam ta' politika jew programm koperti mill-ftehim settorjali.

4.   Il-ftehim qafas u, fejn rilevanti, il-ftehimiet settorjali jistabbilixxu, b'mod partikolari, dispożizzjonijiet dettaljati rigward:

(a)

l-istrutturi u l-awtoritajiet meħtieġa għall-ġestjoni, il-kontroll, is-sorveljanza, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-rappurtar u l-awditjar tal-assistenza tal-IPA II, kif ukoll il-funzjonijiet u r-responsabilitajiet tagħhom;

(b)

il-kundizzjonijiet u rekwiżiti ta' kontroll għal:

(i)

l-istabbiliment tal-istrutturi u l-awtoritajiet meħtieġa mill-benefiċjarju tal-IPA II sabiex ikun possibbli l-inkarigu tal-kompiti ta' implimentazzjoni baġitarja tal-assistenza tal-IPA II;

(ii)

il-monitoraġġ, is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-kompiti inkarigati ta' implimentazzjoni tal-baġit;

(c)

l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-IPA II u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-intensitajiet tal-għajnuna, ir-rati tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u l-eliġibilità;

(d)

il-proċeduri ta' akkwist, għotjiet u proċeduri oħra ta' għoti, skont l-Artikoli 1(3), 8 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014;

(e)

ir-regoli dwar taxxi, dazji doganali u imposti fiskali oħra f'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014;

(f)

ir-rekwiżiti għal pagamenti, l-eżaminazzjoni u l-aċċettazzjoni tal-kontijiet u tal-proċeduri ta' korrezzjonijiet finanzjarji u d-diżimpenn ta' fondi mhux użati;

(g)

il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014, u dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtar ta' frodi u irregolaritajiet oħra;

(h)

ir-rekwiżiti ta' trasparenza, viżibilità, informazzjoni u pubbliċità.

Artikolu 6

Deċiżjonijiet ta' finanzjament u ftehimiet ta' finanzjament

1.   Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-adozzjoni ta' programmi jkunu jissodifaw ir-rekwiżiti meħtieġa biex ikunu jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta' finanzjament skont l-Artikolu 84(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u l-Artikolu 94 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012.

2.   Meta tali deċiżjonijiet jadottaw programmi ta' azzjoni pluriennali b'impenji maqsuma għall-oqsma ta' politika msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 231/2014 il-programmi, fejn xieraq, ikunu jinkludu lista indikattiva tal-proġetti maġġuri. Il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja għall-proeġtt maġġuri magħżul.

3.   Il-ftehimiet ta' finanzjament jipprovdu, fost l-oħrajn, it-termini li fuqhom l-assistenza tal-IPA II tiġi ġestita, inklużi l-metodi ta' implimentazzjoni applikabbli, l-intensitajiet tal-għajnuna, l-iskadenzi ta' implimentazzjoni, kif ukoll ir-regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa. Meta programmi huma implimentati b'ġestjoni indiretta minn benefiċjarju tal-IPA II, il-ftehim ta' finanzjament ikun jinkludi d-dispożizzjonijiet meħtieġa tal-Artikolu 40 tar-Regolament delegat (UE) Nru 1268/2012.

4.   Ftehimiet ta' finanzjament għal programmi ta' kooperazzjoni transtransfruntiera kif imsemmi fit-Titolu VI, il-Kapitolu II jista' wkoll jiġi ffirmati mill-Istat Membru li fih ikun hemm l-awtorità ta' ġestjoni tal-programm rilevanti. Ftehim ta' finanzjament uniku għall-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera kif imsemmi fit-Titolu VI Kapitolu III, jista' jiġi ffirmat mill-pajjiżi parteċipanti kollha fi programm partikolari.

TITOLU II

ĠESTJONI INDIRETTA MILL-BENEFIĊJARJI TAL-IPA II

KAPITOLU I

Sistemi ta' ġestjoni u kontroll

Artikolu 7

Strutturi u awtoritajiet

1.   Il-benefiċjarju tal-IPA II jistabbilixxi l-istrutturi u l-awtoritajiet li ġejjin meħtieġa għall-ġestjoni, il-kontroll, is-superviżjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-rappurtar u l-awditjar intern tal-assistenza tal-IPA II:

(a)

il-Koordinatur Nazzjonali tal-IPA (NIPAC);

(b)

l-Uffiċjal Nazzjonali Awtorizzanti (NAO);

(c)

l-Istrutturi Operattivi.

2.   L-NAO jistabbilixxi struttura ta' ġestjoni magħmula minn Fond Nazzjonali u uffiċċju ta' appoġġ għall-NAO.

3.   Il-benefiċjarju tal-IPA II jipprovdi għal awtorità tal-awditjar.

4.   Il-benefiċjarju tal-IPA II jiżgura s-segregazzjoni adegwata tad-dmirijiet bejn u fl-istrutturi u l-awtoritajiet imsemmijin fil-paragrafi 1 sa 3.

Artikolu 8

Il-funżjonijiet u r-responsabilitajiet tal-Koordinatur Nazzjonali tal-IPA

Barra mill-funzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2), in-NIPAC jieħu miżuri biex jiżgura li l-għanijiet stipulati fl-azzjonijiet jew fil-programmi li għalihom kompiti ta' implimentazzjoni baġitarja ġew inkarigati jkunu indirizzati kif suppost matul l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-IPA II.;

Artikolu 9

Il-funzjonijiet u r-responsabilitajiet tal-Uffiċjal Nazzjonali tal-Awtorizzazzjoni

1.   L-UNA jkollu r-responsabilità ġenerali għall-ġestjoni finanzjarja tal-assistenza fil-benefiċjarju tal-IPA II u jkun responsabbli biex jiżgura l-legalità u r-regolarità tan-nefqa.

2.   L-UNA jkun rappreentant b'kariga għolja fil-gvern jew fl-amministrazzjoni nazzjonali tal-benefiċjarju tal-IPA II bl-awtorità xierqa.

3.   L-UNA jkun, b'mod partikolari, responsabbli għal:

(a)

il-ġestjoni tal-kontijiet u operazzjonijiet finanzjarji tal-IPA II;

(b)

il-funzjonament effettiv tas-sistemi ta' kontroll intern għall-implimentazzjoni tal-assistenza tal-IPA II;

(c)

id-dħul fis-seħħ ta' miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi filwaqt li jittieħed kont tar-riskji identifikati;

(d)

it-tnedija tal-proċess previst fl-Artikolu 14.

4.   L-UNA jsegwi r-rapporti tal-Awtorità ta' awditjar imsemmija fl-Artikolu 12 u jipprovdi dikjarazzjoni annwali ta' ġestjoni lill-Kummissjoni. Id-dikjarazzjoni ta' ġestjoni annwali titfassal għal kull programm, fil-forma speċifikata fil-Ftehim Qafas, ibbażat fuq is-superviżjoni attwali tal-UNA tas-sistemi ta' kontroll intern matul is-sena finanzjarja.

Fi tmiem l-implimentazzjoni ta' programm, l-UNA jipprovdi dikjarazzjoni finali tan-nefqa.

Artikolu 10

Il-funzjonijiet u r-responsabilitajiet tal-istrutturi operattivi

1.   Il-benefiċjarju tal-IPA II jistabbilixxi struttura/i operattiva/i biex jimplimenbta u jiġġestixxi l-assistenza tal-IPA II.

2.   L-istruttura operattiva hija responsabbli għall-implimentazzjoni, l-informazzjoni u l-viżibilità, il-monitoraġġ u r-rappurtar ta' programmi, u l-evalwazzjoni tagħhom kull meta rilevanti, skont il-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja soda, u biex tiżgura l-legalità u r-regolarità tan-nefqa mġarrba fl-implimentazzjoni tal-programmi fir-responsabilità tagħha..

Artikolu 11

Il-funzjonijiet u r-responsabilitajiet tal-istruttura ta' ġestjoni

1.   Il-Fond Nazzjonali ikun f'Ministeru fil-livell ta' stat tal-benefiċjarju tal-IPA II b'kompetenza baġitarja ċentrali. Dan isostni l-UNA fit-twettiq ta' dmirijietu/ha b'mod partikolari dawk imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(3).

2.   L-uffiċċju ta' sostenn tal-UNA jassisti lill-UNA fit-twettiq ta' dmirijietu/ha b'mod partikolari dawk imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 9(3).

Artikolu 12

Il-funzjonijiet u r-responsabilitajiet tal-awtorità tal-awditjar

1.   B'konformità mal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-istrutturi u l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) stabbiliti mill-benefiċjarju tal-IPA II u l-istruttura ta' ġestjoni msemmija fl-Artikolu 7(2) stabbilita mill-UNA jkunu suġġetti għal eżerċizzju ta' awditjar estern indipendenti esegwit mill-awtorità tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 7(3) li tkun indipendenti mill-istrutturi u l-awtoritajiet imsemmijin qabel. Il-benefiċjarju tal-IPA II jiżgura li l-Kap tal-awtorità ta' awditjar ikollu biżżejjed kompetenza, għarfien u esperjenza fil-qasam tal-awditjar.

2.   L-awtorità tal-awditjar twettaq awditjar fuq sistema/i ta' ġestjoni u kontroll, fuq azzjonijiet, tranżazzjonijiet u fuq il-kontijiet annwali f'konformità ma' standards ta' awditjar aċċettati internazzjonalment u skont strateġija ta' awditjar mħejjija fuq bażi triannwali. L-istrateġija tal-awditjar tiġi aġġornata kull sena.

3.   L-awtorità ta' awditjar tħejji rapport ta' attività tal-awditjar annwali u opinjoni tal-awditjar annwali imħejjija skont l-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment.

4.   Fi tmiem l-implimentazzjoni ta' programm, l-awtorità tal-awditjar tħejji rapport finali dwar l-attività tal-awditjar u tipprovdi opinjoni tal-awditjar dwar id-dikjarazzjoni finali tan-nefqa.

KAPITOLU II

Dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-inkarigu ta' kompiti ta' implimentazzjoni baġitarja

Artikolu 13

Kondizzjonijiet għall-inkargu ta' benefiċjarju tal-IPA II b'kompiti ta' implimentazzjoni baġitarja

1.   Il-Kummissjoni tinkariga l-implimentazzjoni tal-kompiti baġitarji lil benefiċjarju tal-IPA II billi tikkonkludi ftehim finanzjarju skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 60(1) u (2), 61 u l-punt (b) tal-Artikolu 184(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

2.   Il-benefiċjarju tal-IPA II jiggarantixxi livell ta' protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni ekwivalenti għal dik meħtieġ skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012 u jwaqqaf l-istrutturi meħtieġa li jiżguraw il-funzjonament effettiv ta' sistemi ta' kontroll intern.

3.   B'mod partikolari, il-ġestjoni, il-kontroll, is-sorveljanza u s-sistemi ta' awditjar stabbiliti fil-benefiċjarju tal-IPA II jipprovdu għal sistema effettiva ta' kontroll intern li jinkludi mill-inqas dawn il-ħames oqsma:

(a)

ambjent ta' kontroll;

(b)

ġestjoni tar-riskju;

(c)

attivitajiet ta' kontroll;

(d)

informazzjoni u komunikazzjoni;

(e)

attivitajiet ta' monitoraġġ.

Artikolu 14

L-inkargu tal-kompiti ta' implimentazzjoni baġitarja

1.   L-UNA f'isem il-benefiċjaru tal-IPA II, jkun responsabbli biex jissottometti lill-Kummissjoni talba biex jiġi inkarigat bil-kompiti ta' implimentazzjoni baġitarja b'konformità mal-Artikolu 13.

2.   Qabel ma jissottometti t-talba msemmija fil-paragrafu 1, l-UNA jiżgura li l-istruttura ta' ġestjoni u l-istruttura/i operattiva/i rilevanti jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punti (a), (b) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u dawk tal-Artikolu 13(3) ta' dan ir-Regolament.

3.   Qabel ma l-Kummissjoni tinkariga kompiti ta' implimentazzjoni baġitarja tal-assistenza tal-IPA II, tanalizza t-talba msemmija fil-paragrafu 1 u l-istrutturi u awtoritajiet stabbiliti imsemmija fl-Artikolu 7 u, għall-finijiet tal-valutazzjoni ex ante skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012, tikseb evidenza li l-kondizzjonijiet stipulati fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u dawk tal-Artikolu 13(3) ta' dan ir-Regolament ikunu ssodisfati.

Għall-inkarigu ta' kompiti ta' implimentazzjoni baġitarja tal-assistenza tal-IPA, il-Kummissjoni tista' tistrieħ fuq valutazzjoni ex ante mwettqa fir-rigward ta' ftehim ta' finanzjament preċedenti mal-benefiċjarju tal-IPA II jew valutazzjoni ex-ante mwettqa fir-rigward tal-għoti tas-setgħat ta' ġestjoni deċiżi taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 (7). Il-Kummissjoni titlob evidenza addizzjonali jekk dawk il-valutazzjonijiet ma jkunux jindirizzaw ir-rekwiżiti kollha.

4.   L-UNA jimmonitorja t-twettiq kontinwu mill-istruttura ta' ġestjoni u l-istruttura/i operattiva/i tar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2. F'każ ta' nuqqas li jiġu ssodisfati dawn ir-rekwiżiti, l-UNA jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, u jieħu kwalunkwe miżura ta' salvagwardja xierqa rigward il-pagamenti li jsiru jew kuntratti ffirmati.

5.   Il-Kummissjoni timmonitorja l-konformità mal-Artikolu 60(2) u (3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u tista' tieħu miżuri ta' rimedju xierqa, inkluża s-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta' partijiet mill-ftehimn ta' finanzjament u delegazzjoni fi kwalunkwe ħin jekk ir-rekwiżiti ma jkunux aktar issodisfati.

TITOLU III

ĠESTJONI FINANZJARJA

KAPITOLU I

Il-kontribuzzjoni finanzjarju tal-Unjoni

Artikolu 15

Eliġibilità tan-nefqa

1.   Qabel jiġi konkluż ftehim ta' finanzjament rilevanti skont l-Artikolu 13, kuntratti u addendi ffirmati, in-nefqa mġarrba u l-pagamenti li jsiru mill-benefiċjarju tal-IPA II, ma jkunux eliġibbli għal finanzjament skont ir-Regolament (UE) Nru 231/2014.

2.   In-nefqa li ġejja mhix eliġibbli għal finanzjament skont ir-Regolament (UE) Nru 231/2014:

(a)

ix-xiri ta' art u binjiet eżistenti, ħlief fejn debitament ġustifikat min-natura tal-azzjoni fid-deċiżjoni ta' finanzjament;

(b)

infiq ieħor kif jista' jkun previst fil-ftehimiet settorjali jew ta' finanzjament.

KAPITOLU II

Regoli dwar il-ġestjoni indiretta mill-benefiċjarju tal-IPA II

Artikolu 16

Rappurtar dwar frodi u irregolaritajiet oħrajn suspettati

Il-benefiċjarju tal-IPA II jirrapporta frodi u irregolaritajiet oħrajn suspettati li jkunu s-suġġett ta' konklużjoni primarja amministrattiva jew ġudizzjarja, mingħajr dewmien, lill-Kummissjoni u jżomm lil din tal-aħħar infurmata bil-progress tal-proċedimenti amministrattivi u legali. Ir-rappurtar isir b'mezzi elettroniċi permezz tal-użu tal-modulu pprovdut mill-Kummissjoni għal dan l-għan.

Artikolu 17

Korrezzjonijiet finanzjarji

1.   Sabiex jiġi żgurat li l-fondi tal-IPA II ikunu ġew użati skont ir-regoli applikabbli, il-Kummissjoni tapplika mekkaniżmi ta' korrezzjoni finanzjarja.

2.   Korrezzjoni finanzjarja tista' ssir wara:

(a)

l-identifikazzjoni ta' żball speċifiku, ta' irregolarità jew frodi;

(b)

l-identifikazzjoni ta' dgħufija jew nuqqas fis-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tal-benefiċjarju tal-IPA II.

3.   Il-Kummissjoni ssejjes il-korrezzjonijiet finanzjarji tagħha fuq l-identifikazzjoni tal-ammonti minfuqa indebitament, u abbażi tal-implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit. Meta ammonti bħal dawn ma jistgħux jiġu identifikati preċiżament sabiex japplikaw il-korrezzjonijiet individwali, il-Kummissjoni tista' tapplika korrezzjonijiet b'rata fissa jew korrezzjonijiet abbażi ta' estrapolazzjoni tas-sejbiet.

4.   Il-korrezzjonijiet finanzjarji jsiru kif xieraq permezz ta' kumpens.

5.   Meta tiddeċiedi l-ammont ta' korrezzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra n-natura u l-gravità tal-irregolarità u/jew il-grad u l-implikazzjonijiet finanzjarji tad-dgħufijiet jew tan-nuqqasijiet misjuba fis-sistemi ta' ġestjoni u kontroll fil-programm ikkonċernat.

TITOLU IV

MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U RAPPURTAR

KAPITOLU I

Monitoraġġ

Artikolu 18

Kumitat ta' monitoraġġ tal-IPA

1.   Il-Kummissjoni u l-benefiċjarju tal-IPA II iwaqqfu kumitat ta' monitoraġġ tal-IPA mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-ewwel ftehim ta' finanzjament.

2.   Il-Kumitat ta' monitoraġġ tal-IPA janalizza l-effettività, l-effiċjenza, il-kwalità u l-koerenza, il-koordinazzjoni u l-konformità ġenerali tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha għall-ksib tal-għanijiet. Għal dan il-għan, fejn ikun rilevanti, huwa jibbaża fuq l-informazzjoni pprovduta mill-kumitati settorjali tal-monitoraġġ. Huwa jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet korrettivi kull meta jkun hemm il-bżonn.

3.   Il-Kumitat ta' monitoraġġ tal-IPA jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, in-NIPAC u awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra u l-korpi tal-benefiċjarju tal-IPA II u, fejn ikun rilevanti, organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi istituzzjonijiet finanzjarji u partijiet interessati oħra, bħas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet tas-settur privat.

4.   Rappreżentant tal-Kummissjoni u tan-NIPAC jippresiedu l-laqgħat tal-kumitat tal-monitoraġġ tal-IPA.

5.   Il-kumitat ta' monitoraġġ tal-IPA jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

6.   Il-kumitat ta' monitoraġġ tal-IPA jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena. Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew ta' benefiċjarju tal-IPA II jistgħu jissejħu wkoll laqgħat ad hoc, partikolarment fuq bażi tematika.

Artikolu 19

Kumitati settorjali ta' monitoraġġ

1.   Taħt ġestjoni indiretta mill-benefiċjarji tal-IPA II, il-kumitati settorjali ta' monitoraġġ jitwaqqfu mill-benefiċjarju tal-IPA II skont il-qasam ta' politika jew programm mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-ewwel ftehim ta' finanzjament relatat mal-qasam ta' politika jew programm rispettiv. Meta xieraq, kumitati settorjali ta' monitoraġġ jistgħu jiġu stabbiliti fuq bażi ad hoc skont metodi oħra ta' implimentazzjoni.

2.   Kull kumitat settorjali ta' monitoraġġ janalizza l-effettività, l-effiċjenza, il-kwalità, il-koerenza, il-koordinazzjoni u l-konformità tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet fil-qasam ta' politika jew programm u l-konsistenza tagħhom mal-istrateġiji settorjali rilevanti. Dan ikejjel il-progress rigward il-ksib tal-għanijiet tal-azzjonijiet u riżultati li huma mistennija minnhom, ir-riżultati u l-impatt permezz ta' indikaturi relatati f'sitwazzjoni ta' referenza, kif ukoll il-progress rigward l-eżekuzzjoni finanzjarja. Il-kumitat settorjali tal-monitoraġġ jirrapporta lill-kumitat ta' monitoraġġ tal-IPA u jista' jagħmel proposti dwar kwalunkwe azzjoni korrettiva sabiex tiġi żgurata l-kisba tal-għanijiet tal-azzjonijiet u titjieb l-effiċjenza, l-effettività, l-impatt u s-sostenibbiltà tal-assistenza mogħtija.

3.   Il-kumitat settorjali ta' monitoraġġ ikun magħmul minn rappreżentanti ta' awtoritajiet u entitajiet nazzjonali rilevanti, partijiet interessati oħra bħal imsieħba ekonomiċi, soċjali u ambjentali u, fejn relevanti, organizzazzjonijiet internazzjonali, fosthom istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u s-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni tipparteċipa fil-ħidma tal-kumitat. Rappreżentant għoli tal-benefiċjarju tal-IPA II jippresjedi l-laqgħat tal-kumitat settorjali ta' monitoraġġ. Skont il-qasam ta' politika jew programm, il-Kummissjoni tista' tikkopresiedi l-laqgħat tal-kumitat.

4.   Kull kumitat settorjali jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

5.   Il-kumitati settorjali ta' monitoraġġ jiltaqgħu mill-inqas darbtejn fis-sena. Jistgħu jissejħu wkoll laqgħat ad hoc.

Artikolu 20

Attivitajiet oħra ta' sorveljanza

Fejn xieraq jistgħu jitwaqqfu pjattaformi oħra ta' monitoraġġ. L-attivitajiet tagħhom jiġu rrappurtati lill-kumitat ta' monitoraġġ tal-IPA.

KAPITOLU II

Evalwazzjoni

Artikolu 21

Prinċipji

1.   L-assistenza tal-IPA II tkun is-suġġetta għal evalwazzjonijiet, skont l-Artikolu 30(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 bil-għan li titjieb ir-relevanza, il-koerenza, il-kwalità, l-effiċjenza, l-effettività, il-valur miżjud tal-Unjoni, il-konsistenza u s-sinerġija mad-djalogu ta' politika rilevanti.

2.   Jistgħu jitwettqu evalwazzjonijiet fil-livell ta' politika, ta' programmi strateġiċi, tematiċi, settorjali, u fil-livell operattiv kif ukoll fil-livell ta' pajjiż jew ta' reġjun.

3.   Ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet jiġu kkunsidrati mill-kumitat ta' monitoraġġ tal-IPA u mill-kumitati settorjali ta' monitoraġġ.

Artikolu 22

Evalwazzjonijiet mill-benefiċjarju tal-IPA II taħt ġestjoni indiretta

1.   Benefiċjarju tal-IPA II li jkun ġie nkarigat bil-kompiti għall-implimentazzjoni baġitarja tal-assistenza tal-IPA II jkun responsabbli għat-twettiq ta' evalwazzjonijiet tal-programmi li jiġġestixxi.

2.   Il-benefiċjarju tal-IPA II jfassal pjan ta' evalwazzjoni li jippreżenta l-attivitajiet ta' evalwazzjoni li jkun beħsiebu li jwettaq fil-fażijiet differenti tal-implementazzjoni.

KAPITOLU III

Rappurtar

Artikolu 23

Rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-IPA II minn benefiċjarji tal-IPA II taħt ġestjoni indiretta

1.   Sal-15 ta' Frar tas-sena finanzjarja ta' wara, il-benefiċjaru tal-IPA II b'konformità mal-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 jipprovdi lill-Kummissjoni b':

(a)

rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tad-dmirijiet inkarigati;

(b)

rapporti finanzjarji jew dikjarazzjonijiet annwali fuq bażi tad-dovuti kif speċifikat fil-ftehim ta' finanzjament, għan-nefqa li ssir biex jitwettqu l-kompiti nkarigati;

(c)

dikjarazzjoni annwali dwar il-ġestjoni, kif previst fl-Artikolu 9(4);

(d)

ġabra fil-qosor tar-rapporti finali tal-awditjar u l-kontrolli li jsiru mill-istruttura ta' ġestjoni, li tipprovdi bażi soda għad-dikjarazzjoni ta' ġestjoni. Din il-ġabra fil-qosor tkun tinkludi analiżi tan-natura u l-firxa tal-iżbalji u d-dgħufijiet identifikati fis-sistemi, l-azzjoni korrettiva li ttieħdet jew li hi ppjanata kif ukoll is-segwitu li jkun sar għar-rapporti maħruġa mill-awtorità tal-awditjar.

2.   Sal-15 ta' Marzu tas-sena finanzjarja ta' wara, il-benefiċjarju tal-IPA II jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjoni awditjata skont l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

3.   Fi tmiem l-implimentazzjoni ta' kull programm, il-benefiċjarju tal-IPA II jissottometti rapport finali li jkun ikopri l-perjodu kollu tal-implimentazzjoni u jista' jinkludi l-aħħar rapport annwali.

4.   Skont l-azzjoni jew programm taħt ir-responsabilità tagħha, l-istruttura operattiva tista' tkun obbligata li tfassal rapport annwali komprensiv li jkun ikopri s-sena finanzjarja kollha, li jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni minn NIPAC, wara eżaminazzjoni mill-kumitat ta' monitoraġġ settorjali responsabbli.

TITOLU V

TRASPARENZA U VIŻIBILITÀ

Artikolu 24

Informazzjoni, pubbliċità u trasparenza

1.   Kwalunkwe attur li jimplimenta l-assistenza tal-IPA II kid definit fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 iwettaq ir-rekwiżiti dwar l-informazzjoni, il-pubbliċità u t-trasparenza skont l-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u jiżgura viżibilità xierqa tal-azzjonijiet.

2.   Fil-każ ta' ġestjoni indiretta minn benefiċjarju tal-IPA II, l-istrutturi operattivi huma responsabbli biex jippubblikaw informazzjoni dwar dawk li jirċievu fondi mill-Unjoni b'konformità mal-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012. L-istrutturi operattivi jiżguraw li r-riċevitur finali jkun mgħarraf li jkun se jiġi inkluż fil-lista ppubblikata ta' riċevituri. Kwalunkwe dejta personali inkluża f'din il-lista tiġi pproċessata b'konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

3.   Id-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiż/pajjiżi multipli, u kwalunkwe reviżjoni tagħhom kif ukoll il-programmi, ikunu dokumenti pubbliċi, fejn applikabbli, u jkunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali u s-soċjetà ċivili.

Artikolu 25

Viżibilità u komunikazzjoni

1.   Il-Kummissjoni u l-benefiċjarju tal-IPA II jaqblu dwar pjan koerenti ta' attivitajiet ta' komunikazzjoni biex jagħmlu disponibbli, u jippubbliċizzaw attivament informazzjoni dwar l-assistenza tal-IPA II fil-benefiċjarju tal-IPA II.

2.   Il-benefiċjarju tal-IPA II jirrapporta dwar l-attivitajiet tiegħu ta' viżibilità komunikazzjoni lill-kumitat ta' monitoraġġ tal-IPA u lill-kumitati settorjali ta' monitoraġġ.

TITOLU VI

KOOPERAZZJONI TRANSFRUNTIERA

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 26

Definizzjonijiet

1.   Għall-għanijiet ta' dan it-Titolu, id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw:

(a)

“operazzjoni” tfisser proġett, kuntratt, azzjoni jew grupp ta' proġetti magħżula mill-kumitat konġunt ta' monitoraġġ jew mill-awtorità kontraenti tal-programm ikkonċernat, jew taħt ir-responsabilità tagħhom, li jikkontribwixxi għall-objettivi, rigward il-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera taħt il-punt (a) tal-Artikolu 27 tal-assi ta' prijorità jew assijiet ta' prijorità li jirrelata għalih/għalihom jew, rigward programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera fil-punti (b) jew (c) tal-Artikolu 27 ta' prijorità tematika jew prijoritajiet tematiċi li jirralata għaliha/għalihom.

(b)

“benefiċjarju” tfisser korp pubbliku jew privat responsabbli għall-bidu jew għall-bidu u l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet; fil-kuntest tal-iskemi tal-għajnuna mill-Istat (kif definit fl-Artikolu 2(13) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8)) it-terminu “benefiċjarju” jfisser il-korp li jirċievi l-għajnuna, safejn huma kkonċernati programmi li jinvolvu lill-Istati Membri.

2.   Għall-finijiet tal-Kapitoli I u II ta' dan it-Titolu, sa fejn jirrigwarda programmi dwar kooperazzjoni transfruntiera li jinvolvu lill-Istati Membri, “nefqa pubblika”, “programmar”, “Ftehim ta' Sħubija”, u “dokument” jintużaw skont id-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Artikolu 27

Forma ta' assistenza

L-assistenza tingħata f'waħda mill-forom li ġejjin ta' kooperazzjoni transfruntiera:

(a)

kooperazzjoni transfruntiera bejn Stat Membru wieħed jew aktar u benefiċjarju tal-IPA II wieħed jew aktar kif previst fil-Kapitolu II;

(b)

kooperazzjoni transfruntiera bejn żewġ benefiċjarji tal-IPA II jew aktar kif previst fil-Kapitolu III;

(c)

kooperazzjoni transfruntiera bejn benefiċjarju tal-IPA II u pajjiżi fl-Istrument Ewropew tal-Viċinat kif previst fil-Kapitolu III.

Artikolu 28

Intensità tal-għajnuna u r-rata tal-assistenza tal-IPA II

1.   Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta programm ta' koperazzjoni transfruntiera għall-forom ta' kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 27 tiffissa r-rata ta' kofinanzjament u l-ammont massimu ta' assistenza mill-IPA II, ibbażati jew fuq:

(a)

in-nefqa totali eliġibbli, inkluż in-nefqa pubblika u privata; jew

(b)

in-nefqa pubblika eliġibbli.

2.   Għal programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera taħt il-punt (a) tal-Artikolu 27, ir-rata ta' kofinanzjament tal-Unjoni fil-livell ta' kull assi ta' prijorità ta' programm ta' kooperazzjoni transfruntiera kif imsemmi fl-Artikolu 34(2) ma tkunx inqas minn 20 % u mhux aktar minn 85 % tan-nefqa eliġibbli.

3.   Għal programmi ta' kooperazzjoni tranfruntiera taħt il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 27, ir-rata ta' kofinanzjament tal-Unjoni fil-livell ta' kull prijorità tematika ma tkunx inqas minn 20 % u mhux aktar minn 85 % tan-nefqa eliġibbli. Għal assistenza teknika r-rata ta' kofinanzjament tkun ta' 100 %.

Artikolu 29

Prijoritajiet tematiċi u l-konċentrazzjoni tal-assistenza tal-IPA II

1.   Il-prijoritajiet tematiċi tal-assistenza tal-IPA II jiġu definiti fl-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 231/2014.

2.   Għal kull programm ta' kooperazzjoni transfruntiera jintgħażlu massimu ta' erba' prijoritajiet tematiċi.

Artikolu 30

Kopertura ġeografika

Il-lista ta' reġjuni eliġibbli tiġi inkluża fi programm ta' kooperazzjoni transfruntiera relevanti li jkunu kif ġej:

(a)

għall-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 27, reġjuni tal-Klassifikazzjoni Komuni ta' Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (NUTS) fit-tielet livell jew, fin-nuqqas ta' klassifika NUTS, żoni ekwivalenti matul fruntieri tal-art jew tul fruntieri marittimi mifruda b'massimu ta' 150 km, mingħajr ħsara għal-aġġustamenti potenzjali meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-kontinwità ta' programmi transfruntieri stabbiliti għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013;

(b)

għall-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 27, ir-reġjuni eliġibbli jiġu stabbiliti fi programm ta' kooperazzjoni transfruntiera relevanti, kif xieraq.

Artikolu 31

Tħejjija, evalwazzjoni, approvazzjoni u emenda ta' programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera

1.   Prijoritajiet tematiċi għal kull programm ta' kooperazzjoni transfruntiera jiġu maqbula bejn il-pajjiżi parteċipanti għal kull fruntiera jew grupp ta' funtieri bbażati fuq il-prijoritajiet tematiċi kif definiti fl-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 231/2014.

2.   Il-Kummissjoni tivvaluta l-konsistenza tal-programmi ta' koperazzjoni transfruntiera ma' dan ir-Regolament, il-kontribut effettiv tagħhom għall-prijoritajiet tematiċi magħżula fl-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 231/2014, kif ukoll, safejn huma kkonċernati l-Istati Membri parteċipanti, il-Ftehim ta' Sħubija rilevanti.

3.   Il-Kummissjoni tagħmel osservazzjonijiet fi żmien tliet xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-programm ta' kooperazzjoni transfrunitera. Il-pajjiżi parteċipanti jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa u, fejn xieraq, jirrevedu l-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera propost.

4.   Meta tkun qed tapprova kull programm ta' kooperazzjoni transfruntiera wara li jiġi ppreżentat formalment, il-Kummissjoni trid tiżgura li kull kumment irid jiġi adegwatament ikkunsidrat.

5.   Talbiet għal emendi ta' programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera mressqa mill-pajjiżi parteċipanti jiġu debitament sostanzjati u b'mod partikolari jispjegaw l-impatt mistenni mill-bidliet mill-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera għall-kisba tal-objettivi tiegħu. Dawn it-talbiet ikunu akkompanjati mill-programm rivedut. Il-paragrafi 2 u 3 japplikaw għal emendi fil-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera.

Artikolu 32

Assistenza teknika

1.   Kull programm ta' kooperazzjoni transfruntiera jkun jinkludi allokazzjoni ta' baġit speċifika għal operazzjonijiet ta' assistenza teknika, inkluża t-tħejjija, il-ġestjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, l-informazzjoni, il-komunikazzjoni, in-netwerking, ir-riżoluzzjoni tal-ilmenti, l-attivitajiet ta' kontroll u awditjar relatati mal-implimentazzjoni tal-programm u attivitajiet għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-programm. L-assistenza tal-IPA II tista' tintuża mill-pajjiżi li jipparteċipaw bħala sostenn għal azzjonijiet għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv minn fuq il-benefiċjarji, inklużi s-sistemi tal-iskambju tad-dejta elettronika, u azzjonijiet li jirrinfurzaw il-kapaċità u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn, l-awtoritajiet fil-pajjiżi parteċipanti u tal-benefiċjarji sabiex jamministraw u jużaw l-assistenza tal-IPA II. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jikkonċernaw perjodi ta' programmazzjoni preċedenti u sussegwenti.

2.   B'deroga mill-Artikolu 15(1), in-nefqa għall-assistenza teknika bħala sostenn għat-tħejjija ta' programm ta' koperazzjoni transfruntiera u t-twaqqif ta' sistemi ta' ġestjoni u kontroll jistgħu jkunu eliġibbli qabel id-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-approvazzjoni programm ta' koperazzjoni transfruntiera, iżda mhux qabel l-1 ta' Jannar 2014.

KAPITOLU II

Kooperazzjoni transfruntiera bejn Stati Membri u benefiċjarji tal-IPA II

Artikolu 33

Dispożizzjonijiet applikabbli

1.   Safejn hu kkonċernat(i) l-Istat(i) Membru/i parteċipanti fi programm ta' kooperazzjoni transfruntiera taħt dan il-Kapitolu, b'mod partikolari l-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità ta' ġestjoni, japplikaw ir-regoli applikabbli għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea previst fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u r-Regolament(UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), kif previst f'dan il-Kapitolu. Fejn tali regoli jirreferu għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment u kif definit fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, l-assistenza tal-IPA II hija meqjusa koperta wkoll.

2.   Għal dak li jirrigwarda l-benefiċjarji tal-IPA II li jipparteċipaw fi programm ta' koperazzjoni transfruntiera taħt dan il-Kapitolu, ir-regoli applikabbli għal kooperazzjoni territorjali Ewropea japplikaw, kif previst f'dan il-Kapitolu, mingħajr ħsara għal derogi motivati stabbiliti fil-ftehim relevanti tal-finanzjament.

Artikolu 34

Programmar

1.   Programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera jitħejjew b'konformità mal-prinċipju tas-sħubija kif stipulat fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u skont l-Artikolu 8(2) sa (4), (7), (9) u (10) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

2.   Programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera jkunu jikkonsistu minn assijiet prijoritarji. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 32, assi prijoritarja tkun tikkorrispondi għal prijorità tematika msemmija fl-Artikolu 29. F'assi prijoritarja, fejn xieraq u sabiex jiżdied l-impatt u l-effettivià tagħha permezz ta' approċċ koerenti u integrat, jistgħu jiżdiedu elementi ta' prijoritajiet tematiċi oħra.

3.   Il-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera jistgħu jwettqu azzjonijiet ta' żvilupp lokali mmexxija mill-komunità skont it-tifsira tal-Artikoli 32 sa 35 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, tal-pjanijiet ta' azzjoni konġunta skont it-tifsira tal-Artikoli 104 sa 109 ta' dak ir-Regolament u ta' investimenti territorjali integrati fit-tifsira tal-Artikolu 36 ta' dak ir-Regolament, b'kunsiderazzjoni għall-prinċipji sottostanti ta' dawn l-istrumenti u l-Artikoli 9 sa 11 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013. Ir-regoli speċifiċi u l-kundizzjonijiet jiġu miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-pajjiżi parteċipanti għal kull programm ta' kooperazzjoni transfruntiera.

4.   Programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera jiġu ppreżentati elettronikament lill-Kummissjoni mill-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità ta' ġestjoni tal-programm.

5.   Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jista', fuq talba tal-pajjiżi parteċipanti, jipparteċipa fit-tħejjija tal-operazzjonijiet, kif ukoll f'attivitajiet relatati mat-tħejjija tagħhom, fi proġetti kbar partikolari.

Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta mal-BEI qabel l-adozzjoni tal-programmi ta' koperazzjoni transfruntiera.

Artikolu 35

Assistenza teknika

L-ammont tal-assistenza tal-IPA II li jiġi allokat għall-assistenza teknika jkun limitat għal 10 % tal-ammont totali allokat lill-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera iżda ma jkunx inqas minn EUR 1 500 000.

Artikolu 36

Il-modalità ta' implimentazzjoni tal-programm u l-ħatra ta' awtoritajiet

1.   Programmi ta' koperazzjoni transfruntiera taħt dan il-Kapitolu jiġu implimentati f'ġestjoni kondiviża. Għaldaqstant, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu responsabbli mill-ġestjoni u l-kontroll tal-programmi skont ir-responsabilitajiet rispettivi tagħhom kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012 u f'dan ir-Regolament.

L-Artikoli 73 u 74 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 rigward ir-responsabilitajiet tal-Istati Membri taħt ġestjoni komuni japplikaw fl-Istat Membru fejn tkun tinsab l-awtorità ta' ġestjoni.

Rigward il-poteri u r-responsabilitajiet tal-Kummissjoni taħt ġestjoni konġunta japplika l-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

2.   L-Istati Membri li jipparteċipaw fi programm ta' kooperazzjoni għandhom jaħtru, għall-finijiet tal-Artikolu 123(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, awtorità ta' ġestjoni unika; għall-finijiet tal-Artikolu 123(2) ta' dak ir-Regolament, awtorità ta' ġestjoni unika; u għall-finijiet tal-Artikolu 123(4) ta' dak ir-Regolament, awtorità ta' ġestjoni unika.

3.   L-Awtorità ta' ġestjoni u l-awtorità tal-awditjar ikunu stabbiliti fl-istess Stat Membru. Il-pajjiżi parteċipanti fi programm ta' koperazzjoni transfruntiera jistgħu jaħtru awtorità ta' ġestjoni unika biex twettaq il-funzjonijiet tal-awtorità ta' ċertifikazzjoni.

Il-proċedura tal-ħatra tal-awtorità ta' ġestjoni u, fejn xieraq, tal-awtorità ta' ċertifikazzjoni, stipulata fl-Artikolu 124 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, issir mill-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità.

Ħatriet previsti f'dan l-Artikolu jsiru mingħajr ħsara għat-tqassim tar-responsabilitajiet fir-rigward tal-applikazzjoni ta' korrezzjonijiet finanzjarji fost il-pajjiżi parteċipanti kif previst fil-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera.

Artikolu 37

Funzjonijiet tal-awtoritajiet tal-programm

1.   Rigward il-funzjonijiet tal-awtorità ta' ġestjoni japplikaw l-Artikolu 125 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u l-Artikolu 23(1), (2), (4) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

2.   Rigward il-funzjonijiet tal-awtorità ta' ċertifikazzjoni japplikaw l-Artikolu 126 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

L-awtorità ta' ċertifikazzjoni tirċievi l-pagamenti mill-Kummissjoni u, bħala regola ġenerali, tagħmel pagamenti lill-benefiċjarju ewlieni skont l-Artikolu 132 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

3.   Rigward il-funzjonijiet tal-awtorità tal-awditjar japplikaw l-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

Artikolu 38

Kumitat konġunt ta' monitoraġġ

1.   Fi żmien tliet xhur mid-data ta' notifika lill-Istat Membru tad-deċiżjoni li tapprova l-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera, il-pajjiżi parteċipanti jistabbilixxu Kumitat konġunt ta' monitoraġġ (minn hawn' il quddiem “KKM”).

2.   Il-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ (KKM) ikun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, in-NIPAC u awtoritajiet u korpi nazzjonali rilevanti oħra tal-benefiċjarju tal-IPA II, l-Istat(i) Membru/i parteċipanti u, fejn rilevanti, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u partijiet interessati oħra, inkluż is-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet tas-settur privat.

3.   Il-KKM ikun ippresedut minn rappreżentant ta' wieħed mill-pajjiżi parteċipanti jew tal-awtorità ta' ġestjoni.

4.   Il-Kummissjoni tipparteċipa fix-xogħol tal-KKM f'kapaċità konsultattiva.

5.   Jekk il-BEI jikkontribbwixxi għal programm, jista' jipparteċipa fil-ħidma tal-KKM f'kapaċità konsultattiva.

6.   Il-KKM janalizza l-effikaċja ġenerali, il-kwalità u l-koerenza tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha lejn il-ksib tal-għanijiet stipulati fil-programm transfruntier, il-ftehimiet ta' finanzjament u d-dokument(i) ta' strateġija rilevanti. Huwa jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet korrettivi kull meta jkun hemm bżonn.

Rigward il-funzjonijiet tiegħu japplikaw ukoll l-Artikoli 49 u 110 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Il-KKM u l-awtorità ta' ġestjoni jwettqu monitoraġġ b'referenza għall-indikaturi stabbiliti fil-programm relevanti ta' kooperazzjoni transfruntiera, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

7.   Il-KKM jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

8.   Il-KKM jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena. Laqgħat addizzjonali jistgħu jissejħu wkoll fuq l-inizjattiva ta' wieħed mill-pajjiżi parteċipanti jew tal-Kummissjoni, partikolarment fuq bażi tematika.

Artikolu 39

L-għażla tal-operazzjonijiet

1.   L-operazzjonijiet taħt il-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera jintgħażlu mill-KKM.

Il-KKM jista' jitwaqqaf kumitat ta' tmexxija li jkunu qed jaġixxu taħt ir-responsabilità tiegħu għall-għażla tal-operazzjonijiet.

2.   L-operazzjonijiet magħżula jkunu jinvolvu benefiċjarji minn mill-inqas żewġ pajjiżi parteċipanti, fejn mill-inqas wieħed minnhom ikun minn Stat Membru. Operazzjoni tista' tiġi implimentata f'pajjiż wieħed parteċipanti, bil-kundizzjoni li jiġu identifikati impatti u benefiċċji transfruntiera.

3.   Il-benefiċjarji jikkooperaw fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet. Barra minn hekk, huma jikkoperaw fl-operazzjonijiet jew ta' għażla ta' persunal jew ta' finanzjament.

Artikolu 40

Benefiċjarji

1.   Fejn ikun hemm żewġ benefiċjarji jew iżjed għal operazzjoni fi programm ta' kooperazzjoni, transfruntiera wieħed minnhom jinħatar mill-benefiċjarji kollha bħala l-benefiċjarju ewlieni.

2.   Il-benefiċjarju ewlieni jwettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

jistabbilixxi l-arranġamenti ma' benefiċjarji oħra fi ftehim li jinkludi dispożizzjonijiet li, inter alia, jiggarantixxu l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi allokati lill-operazzjoni, inklużi l-arranġamenti għall-irkupru ta' ammonti li ma kellhomx jitħallsu;

(b)

jassumi r-responsabilità għall-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni kollha;

(c)

jiżgura li n-nefqa ppreżentata mill-benefiċjarji kollha tkun saret fl-implimentazzjoni tal-operazzjoni u tkun tikkorrispondi għall-attivitajiet miftiehma bejn il-benefiċjarji kollha, u f'konformità mad-dokument ipprovdut mill-awtorità ta' ġestjoni kif previst fil-paragrafu 6;

(d)

jiżgura li n-nefqa ppreżentata minn benefiċjarji oħra tkun ġiet ivverifikata minn kontrollur(i) fejn din il-awditjar ma titwettaqx mill-awtorità ta' ġestjoni skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

3.   Jekk mhux speċifikat mod ieħor fl-arranġamenti msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu (2), il-benefiċjarju ewlieni jiżgura li l-benefiċjarji l-oħra jirċievu l-ammont totali tas-sostenn pubbliku malajr kemm jista' kollu kemm hu. L-ebda ammont ma għandu jitnaqqas jew jinżamm u ma għandha tinġabar l-ebda tariffa speċifika jew tariffa oħra b'effett ekwivalenti li tkun tista' tnaqqas dawk l-ammonti għall-benefiċjarji l-oħra.

4.   Benefiċjarji ewlenin jew uniċi jkunu lokalizzati f'pajjiż parteċipanti.

5.   Minkejja l-Artikolu 39(2) ta' dan ir-Regolament, raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jew korp legali ieħor stabbilit taħt il-liġijiet ta' wieħed mill-pajjiżi parteċipanti jista' japplika bħala benefiċjarju uniku għal operazzjoni sakemm dan ikun stabbilit mill-awtoritajiet u korpi pubbliċi ta' mill-inqas żewġ pajjiżi parteċipanti.

6.   Għal kull operazzjoni l-awtorità ta' ġestjoni tipprovdi lill-benefiċjarju ewlieni jew uniku dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għas-sostenn tal-operazzjoni inklużi r-rekwiżiti speċifiċi rigward il-prodotti jew is-servizzi li jkollhom jitwettqu taħt l-operazzjoni, il-pjan ta' finanzjament, u l-limitu ta' żmien għat-twettiq.

Artikolu 41

Evalwazzjoni

1.   L-evalwazzjonijiet jitwettqu minn esperti esterni li huma funzjonalment indipendenti mill-awtoritajiet responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programmi. L-evalwazzjonijiet kollha jiġu ppubblikati.

2.   Il-pajjiżi parteċipanti flimkien iwettqu evalwazzjoni ex-ante skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

3.   Rigward l-evalwazzjoni matul il-perjodu ta' programmar japplika l-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

4.   Rigward l-evalwazzjoni ex post japplika l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Artikolu 42

Rappurtar, informazzjoni u komunikazzjoni.

1.   Rigward ir-rapporti ta' implimentazzjoni japplika l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

2.   Il-laqgħa ta' rieżami annwali tiġi organizzata b'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

3.   Sal-31 ta' Jannar, il-31 ta' Lulju, u l-31 ta' Ottubru ta' kull sena, l-awtorità ta' ġestjoni tittrasmetti b'mod elettroniku lill-Kummissjoni għal finijiet ta' monitoraġġ, għal kull programm operazzjonali transfruntiera u skont l-assi prijoritarja:

(a)

in-nefqa pubblika totali u eliġibbli tal-operazzjonijiet u n-numru ta' operazzjonijiet magħżula għas-sostenn;

(b)

l-ispiża eliġibbli totali ddikjarata mill-benefiċjarji lill-awtorità ta' ġestjoni.

Barra minn hekk, it-trażmissjoni li ssir sal-31 ta' Jannar tkun tinkludi d-dejta msemmija fil-punti (a) u (b) imqassma skont il-kategorija tal-intervent. Din it-trażmissjoni tiġi meqjusa li tissodisfa r-rekwiżit għall-preżentazzjoni tad-dejta finanzjarja msemmija fl-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Mat-trażmissjonijiet li jridu jsiru sal-31 ta' Jannar u l-31 ta' Lulju l-awtorità ta' ġestjoni tibgħat it-tbassir tal-ammont li għalih tistenna li tippreżenta l-applikazzjonijiet ta' pagament għas-sena finanzjarja attwali u s-sena finanzjarja sussegwenti.

Id-data tal-iskadenza għad-dejta ppreżaentata taħt dan il-paragrafu jkun l-aħħar tax-xahar ta' qabel ix-xahar tal-preżentazzjoni.

4.   L-awtorità ta' ġestjoni tikkoordina l-kompiti marbuta mar-rekwiżiti dwar l-informazzjoni, il-pubbliċità u t-trasparenza skont l-Artikolu 24(1) u (3) ta' dan ir-Regolament.

B'deroga mill-Artikolu 25 ta' dan ir-Regolament, l-awtorità ta' ġestjoni tkun responsabbli għall-informazzjoni u l-attivitajiet ta' komunikazzjoni kif stipulat fl-Artikoli 115 u 116 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Artikolu 43

Eliġibbiltà u t-tul ta' żmien

1.   B'deroga mill-Artikolu 15(1) ta' dan ir-Regolament, in-nefqa tkun eliġibbli għal finanzjament taħt l-assistenza għal kooperazzjoni transfruntiera tal-IPA II:

(a)

jekk din tkun saret minn benefiċjarju minn Stat Membru u mħallsa bejn l-1 ta' Jannar 2014 u l-31 ta' Diċembru 2022; jew

(b)

jekk tkun saret minn benefiċjarju tal-IPA II u mħallsa wara li jiġi ppreżentat il-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera.

2.   Barra mir-regoli stipulati fl-Artikolu 15(2) ta' dan ir-Regolament, l-assistenza għal kooperazzjoni transfruntiera ma tappoġġax:

(a)

imgħax fuq dejn;

(b)

taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ħlief fejn din ma' tiġix irkuprata taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-VAT;

(c)

id-dekummissjonar u l-bini ta' impjanti tal-enerġija nukleari;

(d)

l-investiment għall-kisba ta' tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn attivitajiet li jaqgħu taħt l-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

(e)

il-manifattura, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' tabakk u prodotti tat-tabakk;

(f)

impriżi f'diffikultajiet kif definiti taħt ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għanuna mill-Istat.

(g)

l-investiment fl-infrastruttura tal-ajruporti sakemm ikunu marbut mal-ħarsien ambjentali u akkumpanjat minn investiment meħtieġ sabiex jittaffa jew jonqos l-impatt negattiv tiegħu fuq l-ambjent.

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 15(2) ta' dan ir-Regolament, ix-xiri ta' art mhux mibnija u art mibnija għal ammont sa 10 % tal-ispiża totali eliġibbli għall-operazzjoni kkonċernata tkun eliġibbli għal finanzjament taħt l-assistenza għal kooperazzjoni transfruntiera tal-IPA II. Għal siti abbandunati u għal dawk li qabel kienu f'użu industrijali li jinkludi bini, dan il-limitu jiżdied sa 15 %. F'każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, dan il-limitu jista' jkun ogħla mill-perċentwali rispettivi għal operazzjonijiet li jikkonċernaw il-konservazzjoni ambjentali;

3.   L-operazzjonijiet ma jintgħażlux għal assistenza tal-IPA II meta jkunu tlestew fiżikament jew kompletament implimentati qabel ma tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-finanzjament taħt il-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera mill-benefiċjarju lill-awtorità ta' ġestjoni, irrispettivament minn jekk il-pagamenti kollha relatati jkunux saru mill-benefiċjarju.

4.   Jappliaw l-Artikoli 61, 65(4) u (6) sa (9) u (11), 66 sa 68, 69(1) u (2) u 71 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 rigward l-għotjiet.

5.   Minbarra l-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament, il-ftehimiet ta' finanzjament għal programmi ta' koperazzjoni transfruntiera taħt dan il-Kapitolu jistabbilixxi l-ġerarkija ta' regoli tal-eliġġibbiltà applikabbli għall-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera kkonċernat bi qbil mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

6.   Rigward il-kosti tal-persunal japplika wkoll l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

Artikolu 44

Eliġibbiltà skont il-post

1.   L-operazzjonijiet, soġġetti għad-derogi msemmija fil-paragrafi 2 u 3, ikunu lokalizzati fiż-żona tal-programm li tinkludi parti mit-territorju tal-pajjiżi parteċipanti kif definit fil-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera relevanti (iż-“żona tal-programm”).

2.   L-awtorità ta' ġestjoni tista' taċcetta li operazzjoni sħiħa jew parti minnha tiġi implimentata barra miż-żona tal-programm, sakemm ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-operazzjoni hija għall-benefiċċju tal-qasam tal-programm;

(b)

l-ammont totali allokat taħt il-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera għall-operazzjonijiet li jinstabu barra miż-żona tal-programm ma jkunx jaqbiż l-20 % tas-sostenn mill-Unjoni fil-livell tal-programm;

(c)

l-obbligi tal-awtoritajiet ta' ġestjoni u tal-awditjar fir-rigward tal-ġestjoni, il-kontroll u l-awditjar għal dak li jikkonċerna l-operazzjoni jintlaħqu mill-awtoritajiet tal-programm ta' kooperazzjoni jew jidħlu fi ftehimiet ma' awtoritajiet fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz li fih l-operazzjoni hija implimentata.

3.   Għal operazzjonijiet li jikkonċernaw assistenza teknika, attivitajiet promozzjonali u l-bini ta' kapaċitajiet, nefqa tista' ssir barra mill-qasam tal-programm, sakemm il-kundizzjonijiet fil-punti (a) u (c) tal-paragrafu 2 jiġu ssodisfati.

Artikolu 45

Akkwist

1.   Għall-għoti ta' kuntratti li jirrigwardaw servizzi, forniment u xogħol, mill-benefiċjarji tal-proċeduri ta' akkwisti isegwu d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tat-Titolu IV tal-Parti Tnejn tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u tal-Kapitolu 3 tat-Titolu II tal-Parti Tnejn tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012 li japplikaw fl-oqsma kollha tal-programm, kemm għall-Istat Membru kif ukoll għat-territorju tal-benefiċjarju/i tal-IPA II.

2.   Għall-għoti ta' kuntratti li jirrigwardaw servizzi, forniment u xogħol, mill-awtorità ta' ġestjoni taħt l-allokazzjoni ta' baġit speċifika għal operazzjonijiet ta' assistenza teknika, il-proċeduri ta' akkwist applikati mill-awtorità ta' ġestjoni jistgħu jew ikunu dawk imsemmija fil-paragrafu 1 jew dawk tal-liġi nazzjonali tagħha.

Artikolu 46

Ġestjoni finanzjarja, diżimpenn, eżami u aċċettazzjoni ta' kontijiet, għeluq u korrezzjonijiet finanzjarji

1.   Rigward l-impenji baġitarji japplika l-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

2.   Rigward il-pagamenti, japplikaw l-Artikoli 77 sa 80, 82 sa 83, 129 sa 132, 134 sa 135 u 142 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Barra minn hekk, rigward pagamenti f'kont uniku jappika l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013. Rigward l-użu tal-euro japplika l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

3.   Rigward il-prefinanzjament, wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta l-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera, jitħallas ammont uniku ta' prefinanzjament mill-Kummissjoni.

L-ammont ta' pre-finanzjament ikun 50 % tal-ewwel tliet impenji baġitarji għall-programm.

L-ammont ta' prefianzjament jista' jitħallas f'żewġ pagamenti, fejn xieraq, skont il-ħtiġijiet baġitarji.

L-ammont totali mħallas bħala prefinanzjament jiġi rimborsat lill-Kummissjoni jekk ma tintbagħat l-ebda applikazzjoni għal pagamenti taħt il-programmi għal kooperazzjoni transfruntiera fi żmien erba' u għoxrin xahar mid-data li fiha l-Kummissjoni tħallas l-ewwel pagament tal-ammont tal-prefinanzjament.

4.   Rigward id-diżimpenn japplikaw l-Artikoli 86 sa 88 u 136 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

5.   Rigward l-eżaminazzjon u l-aċċettazzjoni tal-kontijiet kif ukoll tal-għeluq japplikaw l-Artikoli 84 u 137 sa 141 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

6.   Rigward il-korrezzjonijiet u l-irkupri jappliaw l-Artikoli 85, 122(2) u 143 sa 147 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Japplika wkoll l-Artikolu 27(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

Artikolu 47

Sistemi ta' ġestjoni u kontroll u ta' awditjar

1.   Rigward il-prinċipji ġenerali tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll japplikaw l-Artikoli 72 u 122(1) u (3) tar-Regolamenrt (UE) Nru 1303/2013.

2.   Rigward il-kooperazzjoni bejn il-Kumissjoni u l-awtoritajiet tal-awditjar japplika l-Artikolu 128 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

3.   Rigward il-kontroll proporzjonali tal-programmi ta' kontroll transfruniera japplika l-Artikolu 148 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Artikolu 48

Il-waqfien mit-tkomplija ta' programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera

1.   F'każ li l-ebda wieħed mill-benefiċjarji tal-IPA II parteċipanti ma jkun ikkonkluda l-ftehim ta' finanzjament sa tmiem is-sena ta' wara s-sena tal-adozzjoni tal-programm, il-Kummissjoni twaqqaf il-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera.

Pagamenti annwali tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali li jkunu diġà ġew impenjati jibqgħu disponibbli għaċ-ċiklu tal-ħajja normali tagħhom iżda jistgħu jintużaw biss għal attivitajiet li jsiru esklussivament fl-Istati Membri kkonċernati u li jkunu ġew ikkuntrattati qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li l-programm ma jitkompliex. L-awtorità ta' ġestjoni tittrasmetti r-rapport finali fi żmien tliet xhur mill-għeluq tal-kuntratti lill-Kummissjoni li tipproċedi f'konformità mal-paragrafi 2 u 3.

2.   Fejn il-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera ma jkunx jista' jiġi implimentat minħabba problemi li jirriżultaw minn relazzjonijiet bejn pajjiżi parteċipanti u f'każijiet oħrajn debitament ġusitifkati, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li twaqqaf il-Programm qabel id-data tal-iskadenza tal-perjodu ta' eżekuzzjoni, fuq talba tal-KKM jew fuq l-inizjattiva tagħha stess wara li tkun ikkonsultat il-KKM.

Fejn il-programm ma jitkompliex, l-awtorità ta' ġestjoni ittrasmetti r-rapport finali fi żmien sitt xhur wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Wara l-approvazzjoni tal-ħlasijiet preċedenti ta' finanzjament minn qabel, il-Kummissjoni tħallas il-bilanċ finali jew, fejn ikun xieraq, toħroġ l-ordni ta' rkupru. Il-Kummissjoni tiddiżimpenja wkoll il-bilanċ tal-impenji.

Bħala alternattiva, jista' jiġi deċiż li titnaqqas l-allokazzjoni tal-programm għall-ambitu tal-programm b'konformità mal-Artikolu 31(5).

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, sostenn diżimpenjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali li jikkorrispondi għall-pagamenti parzjali annwali li jkunu għadhom ma ġewx impenjati jew pagamenti annwali impenjati u diżimpenjati totalment jew parzjalment matul l-istess sena baġitarja, li ma ġewx allokati mill-ġdid lil programm ieħor tal-istess kategorija ta' programmi ta' kooperazzjoni esterna jiġi allokat lill-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera interna skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

L-assistenza IPA II korrispondenti għall-ħlasijiet parzjali annwali li jkunu għadhom ma ġewx impenjati jew pagamenti annwali impenjati u diżimpenjati totalment jew parzjalment matul l-istess sena baġitarja jintużaw biex jiffinanzjaw programmi oħra jew proġetti eliġibbli għal assistenza tal-IPA II.

KAPITOLU III

Kooperazzjoni transfruntiera bejn benefiċjarji tal-IPA II jew bejn il-benefiċjarji tal-IPA II u pajjiżi li huma fl-Istrument Ewropew ta' Viċinat

Artikolu 49

Programmar

1.   Il-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera jitfasslu skont il-programm mudell li tipprovdi l-Kummissjoni u jitħejja flimkien mal-pajjiżi perteċipanti u ppreżerntat lill-Kummissjoni b'mezzi elettroniċi.

2.   Programm ta' kooperazzjoni transfruntiera jkun jikkonsisti mill-prijoritajiet tematiċi skont l-Artikolu 29.

Artikolu 50

Assistenza teknika

L-ammont tal-assistenza tal-IPA II li jiġi allokat għall-assistenza teknika jkun limitat għal 10 % tal-ammont totali allokat lill-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera.

Artikolu 51

Modi tal-implimentazzjoni

1.   Il-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 27, jiġu implimentati taħt ġestjoni diretta jew indiretta.

2.   Programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera jiġu ġestiti minn awtorità kontraenti waħda li tingħażel permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera rilevanti.

Artikolu 52

Strutturi u awtoritajiet

1.   L-istrutturi li ġejjin ikunu jinvolvu l-ġestjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera fil-benefiċjarji tal-IPA II:

(a)

in-NIPAC tal-pajjiżi parteċipanti fil-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera kif imsemmi fl-Artikolu 4 u, fejn applikabbli, il-koordinaturi tal-kooperazzjoni territorjali;

(b)

l-UNA u l-istruttura ta' ġestjoni kif imsemmija fl-Artikolu 7 tal-benefiċjarju tal-IPA II parteċipanti fejn tkun tinsab l-awtorità kontraenti meta l-programm transfruntier jiġi implimentat f'ġestjoni indiretta;

(c)

l-istrutturi operattivi fl-pajjiżi parteċipanti kollha li jikooperaw mill-qrib fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-programm relevanti ta' kooperazzjoni transfruntiera. Fil-każ ta' ġestjoni indiretta l-istruttura operattiva tkun tinkludi awtorità kontraenti;

(d)

l-awtorità tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 7(3) meta l-programm transfruntier jiġi implimentat fil-ġestjoni indiretta. Meta ma jkollhiex l-awtorizzazzjoni biex twettaq il-funzjonijiet previsti fl-Artikolu 12, din tkun assistita minn grupp ta' awdituri li jkun jinkludi rappreżentant minn kull pajjiż li jkun qed jipparteċipa fil-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera.

2.   Il-benefiċjarji tal-IPA II u l-pajjiżi taħt l-Istrument Ewropew ta' Viċinat li jkunu qed jipparteċipaw fi programm ta' kooperazzjoni transfruntiera jistabbilixxu KKM li jkun jaqdi wkoll ir-rwol tal-kumitat ta' monitoraġġ settorjali imsemmi fl-Artikolu 19.

3.   Jiġi stabbilit Segretarjat Tekniku Konġunt biex jassisti lill-Kummissjoni, lill-istrutturi operattivi u lill-KKM.

4.   Ir-rwoli u r-responsabilitajiet ta' dawn l-istrutturi jiġu definiti fil-Ftehim Qafas imsemmi fl-Artikolu 5.

5.   Taħt il-ġestjoni indiretta, il-pajjiżi parteċipanti jikkonkludu arranġament bilaterali li jistipula r-responsabilitajiet rispettivi tagħhom għall-implimentazzjoni tal-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera rilevanti. Ir-rekwiżiti minimi għal dan l-arranġament bilaterali jiġu definiti fil-Ftehim Qafas imsemmi fl-Artikolu 5.

Artikolu 53

L-għażla tal-operazzjonijiet

1.   L-operazzjonijiet magħżula taħt programm ta' koperazzjoni transfruntiera jipproduċu impatti u l-benefiċċji transfruntieri ċari.

2.   L-operazzjonijiet taħt il-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera jintgħażlu mill-awtorità kontraenti permezz ta' sejħiet għal proposti li jkopru l-qasam eliġibbli kollu.

3.   Il-pajjiżi parteċipanti jistgħu wkoll jidentifikaw operazzjoniet barra minn sejħa għall-proposti. F'dak il-każ, l-operazzjonijiet jissemmew b'mod speċifiku fil-programm ta' kooperazzjoni transfruntiera msemmi fl-Artikolu 49.

4.   Operazzjonijiet magħżula għal kooperazzjoni transfruntiera jkunu jinvolvu benefiċjarji minn mill-inqas żewġ pajjiżi parteċipanti. Il-benefiċjarji jikkooperaw fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet. Barra minn hekk, huma jikkoperaw jew fl-għażla tal-persunal jew fil-finanzjament tal-operazzjonijiet jew it-tnejn.

5.   Operazzjoni tista' tiġi implimentata f'pajjiż wieħed parteċipanti, bil-kundizzjoni li jiġu identifikati impatti u benefiċċji transfruntiera.

Artikolu 54

Benefiċjarji

1.   Għall-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 27, il-benefiċjarji jiġu stabbiliti f'benefiċjarju tal-IPA II. Għall-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 27, il-benefiċjarju jiġi stabbilit f'benefiċjarju tal-IPA II jew f'pajjiż tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat.

2.   Wieħed mill-benefiċjarji li jipparteċipaw f'operazzjoni partikolari jinħatar mill-benefiċjarji kollha bħala l-benefiċjarju ewlieni.

3.   Il-benefiċjarju ewlieni jassumi r-responsabilità għall-iżgurar tal-implimentazzjoni finanzjarja tal-operazzjoni kollha, jagħmel monitoraġġ biex dik l-operazzjoni tiġi implimentata b'konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-kuntratt u jistabbilixxi l-arranġamenti ma' benefiċjarji oħra biex tkun garantita ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi allokati għall-operazzjoni, inklużi l-arranġamenti għall-irkupru ta' ammonti li mhux suppost ikunu tħallsu.

TITOLU VII

AGRIKOLTURA U ŻVILUPP RURALI

Artikolu 55

Dispożizzjonijiet speċifiċi għal programmi ta' żvilupp rurali

1.   Bħala parti mill-qasam ta' politika “l-agrikultura u l-iżvilupp rurali”, il-programmi għall-iżvilupp rurali jitfasslu fil-livell nazzjonali, jitħejjew mill-awtoritajiet rilevanti maħtura mill-benefiċjarju tal-IPA II u jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni wara li ssir konsultazzjoni mal-partijiet interessati xierqa.

2.   Il-programmi għall-iżvilupp rurali jiġu implimentati mill-benefiċjarji tal-IPA II fuq il-bażi ta' ġestjoni indiretta skont l-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 u jiffinanzjaw tipi ta' azzjonijiet magħżula kif previsti fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

3.   L-istruttura operattiva li għandha tiġi stabbilita skont l-Artikolu 10 tkun tikkonsisti, għal programmi ta' żvilupp rurali, fis-segwenti awtoritajiet separati li joperaw f'kooperazzjoni mill-qrib:

(a)

l-Awtorità ta' Ġestjoni, li hija korp pubbliku li jaġixxi fuq livell nazzjonali, tkun inkarigata mit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi, inkluż l-għażla tal-miżuri u l-pubbliċità, il-koordinazzjoni, l-evalwazzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-programm ikkonċernat u tkun ġestita minn uffiċjal għoli b'responsabilitajiet eskużivi; kif ukoll

(b)

l-Aġenzija tal-Iżvilupp Rurali tal-IPA b'funzjonijiet ta' natura simili għal dawk ta' aġenzija tal-pagamenti fl-Istati Membri li tkun responsabbli għall-pubbliċità, l-għażla tal-proġetti kif ukoll l-awtorizzazzjoni, il-kontroll u r-responsabilità tal-impenji, u l-pagamenti u t-twettiq tal-pagamenti.

4.   B'deroga mill-Artikolu 15(1), in-nefqa għall-assistenza teknika bħala sostenn għat-tħejjija ta' programmi għall-iżvilupp rurali u t-twaqqif ta' sistemi ta' ġestjoni u kontroll jistgħu jkunu eliġibbli qabel id-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-approvazzjoni programm għall-iżvilupp rurali, iżda mhux qabel l-1 ta' Jannar 2014.

5.   Biex jiġi deċiż is-sehem tan-nefqa pubblika bħala persentaġġ tat-total tal-kost eliġibbli ta' investiment, ma tiġix ikkunsidrata l-assistenza finanzjarja li tiffaċilita l-aċċess għal self mogħti mingħajr kwalunkwe kontribuzzjoni tal-Unjoni prevista fir-Regolament (UE) Nru 231/2014.

6.   Proġetti ta' investiment taħt il-programmi għall-iżvilupp rurali jibqgħu eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni sakemm, fi żmien ħames snin mill-pagament finali mill-istruttura operattiva, dawn ma jgħaddux minn tibdil sostanzjali.

TITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 56

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 95).

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi rigward l-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi strument ta' assistenza għal qabel l-adeżjoni (IPA) (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.)

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar Raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT) (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19).

(11)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra fil-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).


Top