EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0410

Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 410/2014 tat- 23 ta' April 2014 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 293/2012 dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet tas-CO 2 minn vetturi kummerċjali ħfief ġodda skont it-tip approvat fil-proċess ta' diversi stadji Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 121, 24.4.2014, p. 21–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2021; Impliċitament imħassar minn 32021R0392

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/410/oj

24.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 121/21


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 410/2014

tat-23 ta' April 2014

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 293/2012 dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief ġodda skont it-tip approvat fil-proċess ta' diversi stadji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief (1), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(9) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness XII tar-Regolament tal-Kumissjoni (KE) Nru 692/2008 (2) jistabbilixxi metodu ġdid għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet tal-CO2 minn u l-konsum tal-fjuwil tal-vetturi tal-N1 li huma tat-tip approvat fi proċess ta' diversi stadji (minn hawn 'il qudddiem msemmija “vetturi mibnija f'diversi stadji”). Il-metodu l-ġdid għandu jibda japplika fl-1 ta' Jannar 2014, iżda jista' jiġi applikat fuq bażi volontarja mill-1 ta' Jannar 2013.

(2)

Il-Punt 7 tal-Parti B tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 jistipula li l-emmissjonijiet speċifiċi tas-CO2 tal-vetturi kkompletati għandhom ikunu allokati lill-manifattur tal-vetturi bażi. Dan jeħtieġ li vetturi kkompletati jistgħu jiġu rikonoxxuti fil-proċess ta' monitoraġġ u li l-manifattur tal-vettura bażi jista' jiġi identifikat. Dan jeħtieġ ukoll ċerta dejta dwar il-vettura bażi biex jiġi ddeterminat skont il-metodoloġija l-ġdida stabbilita fl-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 692/2008.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011, il-manifatturi tal-vetturi bażi għandhom id-dritt li jivverifikaw id-dejta marbuta mal-vettura mibnija f'diversi stadji, biex fuqha jiġu kkalkulati l-miri tagħhom tal-emissjonijiet tas-CO2. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-iskambju ta' dejta rilevanti bejn il-manifatturi u l-Kummissjoni.

(4)

Minħabba l-ispeċifiċitajiet u d-disinn tas-sistemi ta' reġistrazzjoni tal-vetturi tagħhom, madankollu, l-Istati Membri jistgħu ma jkunux kapaċi jipprovdu d-dejta kollha rilevanti għall-monitoraġġ tal-vettura mibnija f'diversi stadji li huma indikati fid-dejta dettaljata speċifikata fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 510/2011. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandu jkollha l-possibilità li tieħu inkonsiderazzjoni d-dejta provduta mill-manifatturi bħala parti mill-proċess ta' verifika konformi mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 għad-determinazzjoni tal-miri tal-emissjonijiet speiċifiċi preliminari.

(5)

Għaldaqstant, il-manifatturi għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) in-numri ta' identifikazzjoni tal-vettura (VINs) li jkunu assenjaw lill-vetturi kummerċjali ħfief mibjugħa fis-sena kalendarja preċedenti jew li għalihom tkun inħarġet garanzija f'dik is-sena. Il-manifatturi għandu jkollhom ukoll il-possibbiltà li jipprovdu lill-Kummissjoni dejta dettaljata dwar dawk il-vetturi. Sabiex din id-dejta tiġi kkunsidrata għall-kalkolu ta' miri provviżorji, il-manifatturi għandhom jipprovdu d-dejta tagħhom lill-Kummissjoni u lill-EEA fl-istess żmien tal- preżentazzjoni tad-dejta annwali tal-Istati Membri.

(6)

Bit-tqabbil tad-dejta dettaljata pprovduta mill-Istati Membri ma' dik mogħtija mill-manifatturi, abbażi tal-VINs, il-Kummissjoni għandha tipprepara sett tad-dejta provviżorju għall-kalkolu ta' miri preliminari. Is-sett tad-dejta provviżorju li għandu jiġi notifikat lil manifattur għandu jinkludi l-VINs għal dawk ir-rekords fejn iż-żewġ settijiet ta' dejta jistgħu jitqabblu. Fejn meħtieġ, is-sett ta' dejta provviżorju għandu jinkludi wkoll dawk ir-rekords fejn il-VINs tal-Istati Membri ma jaqblux mal-VINs maħruġa mill-manifattur. F'dak il-każ ir-reġistri għandhom jiġu trażmessi lill-manifattur mingħajr VINs. Is-sett tad-dejta provviżorju, bl-eċċezzjoni tal-VINs, għandu jkun ippubblikat f'konformità mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011.

(7)

Sabiex ikun żgurat paralleliżmu sħiħ tar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 293/2012 (3) ma' dawk applikabbli lill-karozzi tal-passiġġieri stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1014/2010 (4), huwa xieraq li jiġu adattati r-rekwiżiti għan-notifika tal-iżbalji mill-manifatturi f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament.

(8)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 293/2012 għandu jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 293/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, il-punt (3) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.

‘dejta ta' monitoraġġ dettaljata’ tfisser id-dejta dettaljata speċifikata fit-Taqsima 2 tal-Parti C tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 510/2011 li hija diżaggregata skont il-manifattur u s-serje tal-vettura kif iddefinita mit-tip, il-varjant u l-verżjoni.”

(2)

L-Artikolu 8 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 8

Vetturi li mhumiex koperti mill-approvazzjoni tat-tip-KE

Meta l-vetturi kummerċjali ħfief ikunu soġġetti għall-approvazzjoni tat-tip nazzjonali ta' serje żgħira skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva Nru 2007/46/KE, jew għal approvazzjonijiet individwali skont l-Artikolu 24 ta' dik id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bin-numri rispettivi ta' dawn il-vetturi reġistrati fit-territorju tagħhom.

Biex id-dejta dettlajata tal-monitoraġġ tkun sħiħa, l-awtorità kompetenti għandha tindika l-isem tal-manifattur fil-kolonna ‘L-isem tal-manifattur fir-reġistru tal-Istat Membru’ fil-format stabbilit fil-Parti C tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 510/2011, u fil-kolonna ‘Id-denominazzjoni standard tal-UE tal-isem tal-manifattur’ għandha tindika wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

‘AA-IVA’ għar-rapportar ta' tipi ta' vetturi approvati individwalment;

(b)

‘AA-NSS’ għar-rapportar ta' tipi ta' vetturi approvati f'serje żgħira b'mod nazzjonali.”

(3)

L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Meta dejta tiġi trażmessa skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-persuna tal-kuntatt indikata mill-manifattur għandha tingħata wkoll id-dritt li ttella' d-dejta dettaljata fuq ir-Repożitorju tad-Dejta tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.”

(b)

Jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

“3.   Għall-fini tal-verifika tad-dejta provviżorja, il-manifatturi għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni, l-aktar tard sat-28 ta' Frar ta' kull sena, in-numri tal-identifikazzjoni tal-vetturi ta' kull vettura kummerċjali (kompluta, ikkompletata jew inkompluta) li jkunu biegħu fis-sena kalendarja preċedenti fl-Unjoni, jew li għaliha jkunu ħarġu garanzija f'dik is-sena. Il-manifatturi jistgħu fl-istess ħin jipprovdu lill-Kummissjoni d-dejta dettaljata speċifikata fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 marbuta mal-vetturi.

Id-dejta għandha tiġi trażmessa permezz ta' trasferiment elettroniku tad-dejta lir-Repożitorju tad-Dejta ġestit mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

4.   Meta l-manifatturi ma jissottomettux in-numri tal-verifika tal-vettura u d-dejta dettaljata msemmija fil-paragrafu 3, il-mira tal-emissjonijiet speċifiċi provviżorja għandha tiġi kkalkulata abbażi tad-dejta dettaljata kif mogħtija mill-Istati Membri.”

(4)

L-Artikoli 10a u 10b li ġejjin għandhom jiddaħħlu:

“Artikolu 10a

Notifika tal-iżbalji mill-manifatturi

1.   Il-manifatturi li jinnotifikaw l-iżbalji f'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 għandhom jużaw is-sett tad-dejta provviżorju notifikat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(4) bħala l-bażi tan-notifika tagħhom.

In-notifika tal-iżball għandha tinkludi s-settijiet tad-dejta kollha marbuta mar-reġistrazzjonijiet tal-vetturi li huwa responsabbli għalihom il-manifattur li qed jibgħat in-notifika. Fil-każ ta' vetturi kkompletati, manifattur responsabbli huwa manifattur responsabbli għall-approvazzjoni tat-tip KE tal-vettura bażi.

L-iżball għandu jkun indikat permezz ta' entrata separata fis-sett tad-dejta għal kull verżjoni, intitolata ‘Kummenti mill-manifattur’, fejn għandu jkun speċifikat wieħed minn dawn il-kodiċijiet li ġejjin:

(a)

Kodiċi A, fil-każ li r-rekords inbidlu mill-manifattur;

(b)

Kodiċi B, fil-każ li l-vettura ma tistax tiġi identifikata;

(c)

Kodiċi C, fil-każ li l-vettura taqa' 'l barra mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 jew il-produzzjoni tagħha twaqqfet;

(d)

Kodiċi D, fejn il-manifattur li ġie attribwit reġistru speċifiku hu l-manifattur tal-vettura kkompletata iżda mhux tal-vettura bażi mhux kompluta.

Għall-finijiet tal-punt (b), vettura titqies identifikabbli meta l-manifattur ma jkunx jista' jidentifika l-vettura abbażi tan-numru ta' identifikazzjoni tal-vettura provduta mill-Istat Membru, jew jekk ir-rekord ma fihx tali numru jew inkella l-vettura ma tistax tiġi identifikata.

Għall-finijiet tal-punt (d), il-manifattur finali tal-vettura għandu jindika wkoll isem il-manifattur tal-vettura bażi f'entrata separata intitolata ‘Noti dwar il-manifattur’.

2.   Meta manifattur ma jkunx innotifika l-iżbalji lill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1, jew meta n-notifika tiġi sottomessa wara l-iskadenza tal-perjodu ta' tliet xhur stipulat fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011, il-valuri provviżorji notifikati f'konformità mal-Artikolu 8(4) ta' dak ir-Regolament għandhom ikunu kkunsidrati bħala finali.

3.   Fejn in-notifika tal-iżball imsemmi fil-paragrafu 1 jinkludi n-numri tal-identifikazzjoni tal-vettura, għandha tkun sottomessa lir-Repożitorju tad-Dejta msemmi fl-Artikolu 10(3), u f'każijiet oħra, għandha tintbagħat f'format elettroniku li ma jistax jitħassar, immarkat ‘Notifika ta' żball — CO2 mill-vannijiet’, bil-posta lil dan indirizz:

European Commission

Secretariat General

1049 Bruxelles/Brussel

Belgique/België

Għall-finijiet ta' informazzjoni għandha tintbagħat kopja elettronika tan-notifika fuq dawn l-indirizzi elettroniċi:

EC-CO2-LDV-IMPLEMENTATION@ec.europa.eu

kif ukoll

CO2-monitoring@eea.europa.eu.

Artikolu 10b

Preparazzjoni tad-dejta proviżjorja

1.   Meta l-manifatturi jissottomettu d-dejta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(3), is-sett tad-dejta provviżorju li jrid ikun innotifikat lil manifattur għandu jinkludi r-rekords li ġejjin:

(a)

ir-rekords li jinkludu n-numru tal-identifikazzjoni tal-vettura, f'dawk il-każijiet fejn in-numri tal-identifikazzjoni tal-vettura sottomessi mill-manifattur f'konformità mal-Artikolu 10(3) jitqabblu ma' dawk sottomessi mill-Istati Membri kif speċifikat fil-Parti C tat-Taqsima 2 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 510/2011;

(b)

ir-rekords li jistgħu jiġu attribwiti lill-manifattur, għajr in-numri ta' identifikazzjoni ta' vettura, f'dawk il-każijiet fejn in-numri ta' identifikazzjoni ta' vettura pprovduti mill-Istati Membri ma jaqblux ma' dawk sottomessi mill-manifatturi.

Is-sett ta' dejta provviżorju ppreparat, li jinkludi r-rekords msemmija fil-punti (a) u (b), għandu jiġi notifikat lill-manifatturi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011.

Ir-reġistru ċentrali tad-dejta msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4) ma għandu jinkludi l-ebda dejta dwar numri tal-identifikazzjoni tal-vettura.

2.   L-ipproċessar tan-numri tal-identifikazzjoni tal-vettura ma għandu jinkludi l-ipproċessar tal-ebda dejta personali li tista' tintrabat ma' dawk in-numri jew ma' kull dejta oħra li tista' torbot in-numri ta' identifikazzjoni tal-vettura ma' dejta personali.”

(5)

L-Anness I għandu jiġi ssostitwit bit-test fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat-18 ta' Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 293/2012 tat-3 ta' April 2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta' dejta fuq ir-reġistrazzjoni ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri skont ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 98, 4.4.2012, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1014/2010 tal-10 ta' Novembru 2010 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta' dejta fuq ir-reġistrazzjoni ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 293, 11.11.2010, p. 15).


ANNESS

“ANNESS I

SORSI TA' DEJTA

Parametru

Ċertifikat ta' konformità (Mudell B tal-Parti 1 stabbilit fl-Anness IX tad-Direttiva 2007/46/KE)

Dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip (Direttiva 2007/46/KE)

Manifattur (vetturi kompluti)

Il-Punt 0.5

Il-Punt 0.5 tal-Parti I tal-Anness III

Manifattur tal-vettura bażi (vetturi mibnija f'diversi stadji)

Il-Punt 0.5.1

Il-Punt 0.5 tat-Taqsima B tal-Anness I;

Numru tal-approvazzjoni tat-tip-

Il-Punt 0.10(b)

Il-parti introduttorja tal-Anness VI.

It-tip

Il-Punt 0.2

Il-Punt 0.2 tal-Parti I tal-Anness III

Il-varjant

Il-Punt 0.2

Il-Parti I jew II tal-Anness III jew it-Taqsima 3 tal-Anness VIII

Il-verżjoni

Il-Punt 0.2

Il-Parti I jew II tal-Anness III jew it-Taqsima 3 tal-Anness VIII

L-għamla

Il-Punt 0.1

Il-Punt 0.1 tal-Parti I tal-Anness III

Kategorija ta' vettura tat-tip approvat

Il-Punt 0.4

Il-Punt 0.4 tal-Parti I tal-Anness III

Massa f'kundizzjoni ta' sewqan (vetturi kompluti u kkompletati) (kg)

It-Taqsima 13

Il-Punt 2.6 tal-Parti I tal-Anness III, jew mill-10 ta' Jannar 2014, il-punt 2.6(b) tal-Parti 1 tal-Anness III (f'każ ta' firxa, għandha tittieħed il-massa minima)

Massa f'kundizzjoni ta' sewqan (vettura bażi) (kg)

It-Taqsima 14

Il-punt 2.17.1. tal-Anness I

Massa massima teknikament permissibbli mgħobbija (tal-vettura bażi fil-każ ta' vetturi mibnija f'diversi stadji) (kg)

Il-Punt 16.1

Il-Punt 2.8 tal-Parti I tal-Anness III

Impronta — it-tul bejn il-fusien (Wheel base) (mm)

It-Taqsima 4

It-Taqsima 2.1 tal-Parti I tal-Anness III (1)

Impronta — il-wisa' bejn ir-roti (Track width) (mm)

It-Taqsima 30

It-Taqsima 2.3.1 u t-Taqsima 2.3.2 tal-Parti I tal-Anness III (2)

Emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 (g/km) (3)

Il-Punt 49.1

It-Taqsima 3 tal-Anness VIII

It-tip ta' fjuwil

It-Taqsima 26

It-Taqsima 3.2.2.1 tal-Parti 1 tal-Anness III

Il-modalità tal-fjuwil

Il-Punt 26.1

It-Taqsima 3.2.2.4 tal-Parti 1 tal-Anness III

Il-kapaċità tal-magna (cm3)

It-Taqsima 25

It-Taqsima 3.2.1.3 tal-Parti 1 tal-Anness III

Il-konsum tal-enerġija elettrika (Wh/km)

Il-Punt 49.2

It-Taqsima 3 tal-Anness VIII

It-teknoloġija innovattiva jew il-grupp ta' teknoloġiji innovattivi u t-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 li ġej minn dik it-teknoloġija innovattiva.

Il-Punt 49.3

It-Taqsima 4 tal-Anness VIII

In-numru ta' identifikazzjoni tal-vettura

Il-Punt 0.10

Il-Punt 9.17 tal-Parti I tal-Anness III

Massa miżjuda standard

 

Il-Punt 2.17.2. tal-Anness I


(1)  Skont l-Artikolu 4(9) ta' dan ir-Regolament.

(2)  Skont l-Artikolu 4(8) u (9) ta' dan ir-Regolament.

(3)  Skont l-Artikolu 4(5) ta' dan ir-Regolament.”


Top