EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0354

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 354/2014 tat- 8 ta' April 2014 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku

OJ L 106, 9.4.2014, p. 7–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Impliċitament imħassar minn 32021R1165

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/354/oj

9.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/7


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 354/2014

tat-8 ta' April 2014

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 12(3), 14(2), 16(1) u 3(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kapitolu 2 tat-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 jistabbilixxi rekwiżiti bażiċi fir-rigward tal-produzzjoni tal-impriżi agrikoli. Ir-regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti bażiċi ġew stabbiliti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (2).

(2)

L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 jippermetti l-użu ta' inputs agrikoli bħal fertilizzanti, kondizzjonaturi tal-ħamrija u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti taħt ċerti kundizzjonijiet, sakemm ikunu ġew awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika. Skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 16(3) ta' dak ir-Regolament, l-Istati Membri ppreżentaw dossiers lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li jiġu inklużi ċerti prodotti fl-Annessi I u II tar-Regolament (KE) Nru 889/2008. Dawk id-dossiers ġew eżaminati mill-grupp ta' esperti għall-pariri tekniċi dwar il-produzzjoni organika (minn hawn'il quddiem “EGTOP”).

(3)

Fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-EGTOP (3), li kkonkluda fir-rigward tal-fertilizzanti u l-kondizzjonaturi tal-ħamrija li s-sustanzi diġestat tal-bijogass, proteini idrolizzati minn prodotti sekondarji li ġejjin mill-annimali, leonardit, kitin u sapropel jikkonformaw mal-objettivi u l-prinċipji organiċi, dawk is-sustanzi għandhom jiġu inklużi fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 għall-użu taħt ċerti kundizzjonijiet speċifiċi.

(4)

Ibbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-EGTOP, il-limitu ta' “0” għal kromu (VI) relatat ma' ċerti sustanzi elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu jiġi mibdul b'“mhux individwabbli”.

(5)

Għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-EGTOP ikkonkluda fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu (4) li s-sustanzi xaħam tan-nagħaġ, laminarin u silikat tal-aluminju (kaolin) jikkonformaw mal-objettivi u l-prinċipji organiċi. Għaldaqstant, dawk is-sustanzi għandhom jiġu inklużi fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 għall-użu taħt ċerti kundizzjonijiet speċifiċi.

(6)

Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni orizzontali għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5) stabbilixxa lista tal-Unjoni ta' sustanzi attivi li qabel kienu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (6) u ta' sustanzi attivi approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (7) Huwa xieraq li l-partijiet relevanti tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 jiġu adattati għal dik il-lista. B'mod partikolari, il-ġelatina, ir-rotenone estratt minn Derris spp. u Lonchocarpus spp. u Terphrosia spp., il-fosfat tad-diammonju, l-oktanoat tar-ram, l-aluminju tal-potassju (sulfat tal-aluminju, kalinite), iż-żjut minerali u l-permanganat tal-potassju għandhom jitħassru minn dak l-Anness.

(7)

Fir-rigward tas-sustanzi attivi leċitina, kwassja estratta minn Quassia amara u idrossidu tal-kalċju li għalihom diġà ġew ippreżentati applikazzjonijiet għall-approvazzjoni lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, huwa xieraq li f'dan l-istadju jinżammu b'mod eċċezzjonali fil-lista fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 sakemm il-valutazzjoni tagħhom tiġi ffinalizzata. Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-valutazzjoni, il-Kummissjoni se tieħu azzjoni xierqa fir-rigward tal-preżenza tat-tliet sustanzi kkonċernati fil-lista fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 889/2008.

(8)

Fid-dawl ta' dik il-leġiżlazzjoni orizzontali, huwa wkoll xieraq li jiġu adattati l-isem, id-deskrizzjoni, ir-rekwiżiti kompożizzjonali u l-kundizzjonijiet għall-użu ta' ċerti sustanzi u mikroorganiżmi elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, b'mod partikolari għal żjut tal-pjanti, mikroorganiżmi użati fil-ġlieda bijoloġika kontra l-parassiti u l-mard, feromoni, ram, etilene, pitrolju u bikarbonat tal-potassju.

(9)

L-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 ġie emendat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 505/2012 (8) sabiex jiġu aġġornati r-referenzi għall-Annessi V u VI tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, li kien ġie sostitwit bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 505/2012. Fit-test emendat tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, “prodotti omeopatiċi” tħalliet barra bi żball. Billi dawk il-prodotti dehru f'dik id-dispożizzjoni qabel l-emenda mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 505/2012, jeħtieġ li jiddaħħlu mill-ġdid.

(10)

Fl-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 kif emendat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 505/2012, l-entrati preċedenti fosfat monokalċiku mingħajr floru u fosfat dibażiku tal-kalċju mingħajr floru ġew bi żball sostitwiti b'deskrizzjoni ġenerika, jiġifieri fosfat mingħajr floru. Madankollu, il-fosfat mingħajr floru mhuwiex ekwivalenti għall-prodotti fosfat monokalċiku mingħajr floru u fosfat dibażiku tal-kalċju mingħajr floru. Għaldaqstant, dawk iż-żewġ prodotti għandhom jiddaħħlu mill-ġdid fl-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 u l-fosfat mingħajr floru għandu jitħassar.

(11)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2013 (9) ħassar l-awtorizzazzjoni preċedenti għal klinoptilolite mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2005 (10), espanda l-użu tagħha bħala addittiv fin-nutriment tal-annimali għall-ispeċijiet kollha tal-annimali u biddel il-kodiċi tagħha għal 1g568. Għaldaqstant, sabiex ikun hemm użu kontinwu ta' klinoptilolite fil-produzzjoni organika, l-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 irid jiġi adattat skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 651/2013.

(12)

Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu għalhekk jiġi emendat u kkoreġut skont dan.

(13)

Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, il-korrezzjoni tal-Artikolu 24(2) u tal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 505/2012.

(14)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat regolatorju għall-produzzjoni organika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament (KE) Nru 889/2008

L-Annessi I, II u VI tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 huma emendati skont il-punti 1, 2 u 4 tal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Korrezzjoni tar-Regolament (KE) Nru 889/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 huwa kkorreġut kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 24, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-prodotti fitoterapewtiċi u omeopatiċi, il-mikronutrijenti u l-prodotti elenkati fit-Taqsima 1 tal-Anness V u fit-Taqsima 3 tal-Anness VI għandhom jintużaw bi preferenza għal trattament veterinarju allopatiku kimikament issintesizzat jew għall-antibijotiċi, sakemm l-effett terapewtiku tagħhom ikun effettiv għall-ispeċi tal-annimal u għall-kundizzjoni li għaliha hu maħsub it-trattament.”

(2)

L-Anness V huwa emendat skont il-punt 3 tal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikolu 2 għandu japplika mis-16 ta' Ġunju 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1).

(3)  Rapport finali:

http://ec.europa.eu/agriculture/organic/files/eu-policy/expert-recommendations/expert_group/final_report_on_fertilizers_to_be_published_en.pdf

(4)  Rapport finali:

http://ec.europa.eu/agriculture/organic/files/eu-policy/expert-recommendations/expert_group/final_report_on_plant_protection_products.pdf

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 505/2012 tal-14 ta' Ġunju 2012 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 154, 15.6.2012, p. 12).

(9)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2013 tad-9 ta' Lulju 2013 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-klinoptilolit ta' oriġini sedimentarja bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċi kollha tal-annimali u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1810/2005 (ĠU L 189, 10.7.2013, p. 1).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2005 tal-4 ta' Novembru 2005 dwar awtorizzazzjoni ġdida għal għaxar snin ta' addittiv fl-għalf, l-awtorizzazzjoni permanenti ta' ċerti addittivi fl-għalf u l-awtorizzazzjoni provviżorja għal użi ġodda ta' ċerti addittivi li diġà huma awtorizzati fl-għalf (ĠU L 291, 5.11.2005, p. 5).


ANNESS

L-Annessi I, II, V u VI tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

ir-ringiela li tikkonċerna “Skart domestiku kompost jew iffermentat” tinbidel b'dan li ġej:

“B

Taħlita bil-kompost jew iffermentata ta' skart domestiku

Prodott miksub minn skart domestiku isseparat mill-bidu, li jkun għadda mill-proċess biex isir kompost jew għal fermentazzjoni anaerobika għall-produzzjoni tal-bijogass

Skart domestiku veġetali u tal-annimali biss

Meta jkun prodott biss f'sistema ta' ġbir magħluqa u b'monitoraġġ, aċċettata mill-Istat Membru.

Konċentrazzjonijiet massimi f'mg/kg ta' materja niexfa:

kadmju: 0,7; ram: 70; nikil: 25; ċomb: 45; żingu: 200; merkurju: 0,4; kromu (total): 70; kromu (VI): mhux individwabbli”

(b)

wara r-ringiela li tikkonċerna “Taħlita bil-kompost jew iffermentata ta' materja veġetali”, tiddaħħal ir-ringiela li ġejja:

“B

Id-diġestat tal-bijogass li jkun fih prodotti sekondarji tal-annimali kodiġeriti b'materjal ta' oriġini mill-pjanti jew mill-annimali kif elenkati f'dan l-Anness

Il-prodotti sekondarji tal-annimali (inklużi l-prodotti sekondarji tal-annimali selvaġġi) tal-kategorija 3 u l-kontenut tas-sistema diġestiva tal-kategorija 2 (il-kategoriji 2 u 3 kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) (*) ma jridux joriġinaw minn biedja industrijalizzata.

Il-Proċessi jridu jkunu skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (**).

Ma għandux jiġi applikat għal partijiet li jittieklu tal-għalla

(c)

ir-ringiela li tikkonċerna “Prodotti jew prodotti sekondarji ta' oriġini mill-annimali bħal ta' hawn taħt” tinbidel b'dan li ġej:

“B

Prodotti jew prodotti sekondarji ta' oriġini mill-annimali bħal ta' hawn taħt:

 

Smid tad-demm

 

Smid tal-qawqab

 

Smid tal-qrun

 

Għadam mitħun jew għadam mitħun mingħajr ġelatina

 

Ħut mitħun

 

Dqiq mil-laħam

 

Smid tar-rix, tax-xagħar u taċ-”chiquette“

 

Suf

 

Pil(1)

 

Xagħar

 

Prodotti tal-ħalib

 

Proteini idrolizzati(2)

(1)

Konċentrazzjoni massima f'mg/kg ta' materja niexfa ta' kromju (VI): mhux individwabbli

(2)

Ma għandux jiġi applikat għal partijiet li jittieklu tal-għalla”

(d)

jiżdiedu r-ringieli li ġejjin:

“B

Leonardit (Saff organiku mhux ipproċessat bi kwantità kbira ta' aċidi umiċi)

Jekk jinkiseb bħala prodott sekondarju ta' attivitajiet ta' estrazzjoni minerarja biss

B

Kitin (Polisakkarid miksuba mill-qoxra tal-krustaċji)

Jekk tinkiseb biss minn sajd sostenibbli, kif definit fl-Artikolu 3(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 (***) jew akkwakultura organika

B

Saff organikament rikk li ġej minn korpi tal-ilma ħelu fformati bl-esklużjoni tal-ossiġenu (eż. is-sapropel)

Safef organiċi li huma prodotti sekondarji tal-ġestjoni tal-korpi tal-ilma ħelu jew estratti minn żoni li qabel kienu tal-ilma ħelu biss

Fejn applikabbli, l-estrazzjoni għandha ssir b'mod li tikkawża impatt minimu fuq is-sistema akkwatika

Safef li ġejjin minn sorsi ħielsa minn kontaminazzjonijiet ta' pestiċidi, sustanzi organiċi persistenti li jniġġsu u sustanzi simili tal-petrol biss

Konċentrazzjonijiet massimi f'mg/kg ta' materja niexfa:

kadmju: 0,7; ram: 70; nikil: 25; ċomb: 45; żingu: 200; merkurju: 0,4; kromu (total): 70; kromu (VI): mhux individwabbli

(2)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

It-Taqsimiet 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Sustanzi ta' oriġini mill-għelejjel jew mill-annimali

Awtorizzazzjoni

Isem

Deskrizzjoni, rekwiżiti kompożizzjonali, kundizzjonijiet għall-użu

A

Ażadiraktina estratta minn Azadirachta indica (Is-siġra tan-neem)

Insettiċida

A

Xama' tan-naħal

Għajnuna għaż-żbir

B

Proteini idrolizzati minbarra l-ġelatina

Sustanzi li jattiraw, f'applikazzjonijiet awtorizzati biss flimkien ma' prodotti xierqa oħra ta' din il-lista

A

Leċitina

Fungiċida

B

Żjut tal-pjanti

Insettiċida, akariċida, fungiċida, batteriċida u prevenzjoni għat-tnibbit.

Prodotti kif speċifikati fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (****)

A

Piretrini estratti minn Chrysanthemum cinerariaefolium

Insettiċida

A

Kwassja estratta minn Quassia amara

Insettiċida, repellent

2.   Mikroorganiżmi użati fil-ġlieda bijoloġika kontra l-parassiti u l-mard

Awtorizzazzjoni

Isem

Deskrizzjoni, rekwiżiti kompożizzjonali, kundizzjonijiet għall-użu

A

Mikroorganiżmi

Prodotti kif speċifikati fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 u li ma joriġinawx minn OĠM”

(b)

It-Taqsima 4 hija sostitwita b'dan li ġej:

“4.   Sustanzi li jridu jintużaw f'nases u/jew distributuri

Awtorizzazzjoni

Isem

Deskrizzjoni, rekwiżiti kompożizzjonali, kundizzjonijiet għall-użu

A

Feromoni

Sustanzi li jattiraw, interferent tal-imġiba sesswali; użati biss f'nases u f'distributuri.

Prodotti kif speċifikati fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (in-numri 255, 258 u 259)

A

Piretrojdi (id-deltametrina jew il-lambdaċjalotrina biss)

Insettiċida; f'nases b'sustanzi speċifiċi li jattiraw biss; kontra Bactrocera oleae u Ceratitis capitata Wied. biss”

(c)

It-Taqsimiet 6 u 7 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“6.   Sustanzi oħra minn użu tradizzjonali f'agrikoltura organika

Awtorizzazzjoni

Isem

Deskrizzjoni, rekwiżiti kompożizzjonali, kundizzjonijiet għall-użu

B

Komposti tar-ram fil-forma ta': idrossidu tar-ram, ossiklorur tar-ram, ossidu tar-ram, taħlita Bordeaux, u sulfat tar-ram tribażiku

Użi biss bħala batteriċida u fungiċida sa 6 kg ta' ram għal kull ettaru fis-sena.

Għal għelejjel perenni, l-Istati Membri jistgħu, b'deroga mill-ewwel paragrafu, jipprevedu li l-limitu ta' 6 kg ta' ram jista' jinqabeż f'sena partikolari sakemm il-kwantità medja effettivament użata tul perjodu ta' 5 snin li jkun jikkonsisti minn dik is-sena u l-erba' snin preċedenti, ma tkunx taqbeż is-6 kg.

Għandhom jittieħdu miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju sabiex jipproteġu l-ilma u l-organiżmi mhux fil-mira bħal żoni ta' lqugħ.

Il-prodotti kif speċifikati fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (in-numru 277)

A

Etilen

Għall-maturazzjoni tal-banana, tal-kiwi u tal-kaki; għall-maturazzjoni tal-frott taċ-ċitru biss bħala parti minn strateġija għall-prevenzjoni tal-ħsara mid-dbieben tal-frott fiċ-ċitru; induzzjoni tal-fjura tal-ananas; għall-inibizzjoni tat-tinbit fil-patata u fil-basal.

Jistgħu jiġu awtorizzati biss l-użi fuq ġewwa bħala regolatur tal-iżvilupp tal-pjanti. L-awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu limitati għall-utenti professjonali.

A

Il-melħ xaħmi aċiduż tal-potassju (sapun artab)

Insettiċida

A

Kubrit tal-ġir (polisulfur tal-kalċju)

Fungiċida

A

Żejt tal-paraffina

Insettiċida, akariċida

Prodotti kif speċifikati fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 (in-numri 294 u 295)

A

Ramel kwarzuż

Repellent

A

Kubrit

Funġiċida, akariċida

B

Repellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/xaħam tan-nagħaġ

Repellent

Fuq partijiet mhux tajbin għall-ikel tal-għelejjel u fejn materjal tal-għelejjel ma jiġix inġerit min-nagħaġ jew mill-mogħoż

Il-prodotti kif speċifikati fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (in-numru 249)

7.   Sustanzi oħra

Awtorizzazzjoni

Isem

Deskrizzjoni, rekwiżiti kompożizzjonali, kundizzjonijiet għall-użu

B

Silikat tal-aluminju (Kaolin)

Repellent

A

Idrossidu tal-kalċju

Fungiċida biss f'siġar tal-frott, inklużi mixtliet, biex tkun ikkontrollata in-Nectria galligena

B

Laminarin

Stimulant tal-mekkaniżmi ta' awtodifiża tal-għelejjel

Il-kelp għandu jitkabbar organikament skont l-Artikolu 6d jew jinħasad b'mod sostenibbli skont l-Artikolu 6c

B

Il-karbonat tal-idroġenu tal-potassju (magħruf ukoll bħala bikarbonat tal-potassju)

Fungiċida u insettiċida”

(3)

Fl-Anness V, it-Taqsima 1 hija sostitwita b'dan li ġej:

“1.   MATERJALI TAL-GĦALF LI JORIĠINAW MILL-MINERALI:

A

Qxur tal-baħar kalkarużi

 

A

Maerl

 

A

Litotamnju

 

A

Glukonat tal-kalċju

 

A

Karbonati tal-kalċju

 

A

Monokalċjufosfat defluworinat

 

A

Dikalċjufosfat defluworinat

 

A

Ossidu tal-manjeżju (manjeżja anidra)

 

A

Sulfat tal-manjeżju

 

A

Klorur tal-manjeżju

 

A

Karbonat tal-manjeżju

 

A

Fosfat tal-kalċju u tal-manjeżju

 

A

Fosfat tal-manjeżju

 

A

Fosfat monosodju

 

A

Fosfat tal-kalċju u tas-sodju

 

A

Klorur tas-sodju

 

A

Bikarbonat tas-sodju

 

A

Karbonat tas-sodju

 

A

Sulfat tas-sodju

 

A

Klorur tal-potassju”

 

(4)

Fl-Anness VI, it-Taqsima (1)(d) “Agglomeranti, antiagglomeranti u koagulanti”, l-entrata dwar il-klinoptilolit hija sostitwita b'dan li ġej:

Awtorizzazzjoni

Numru ta' identifikazzjoni

Sustanza

Deskrizzjoni u kundizzjonijiet għall-użu

“B

1

1g568

Klinoptilolit ta' oriġini sedimentarja [L-ispeċijiet kollha]”

 


(*)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

(**)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta' Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE fir-rigward ta' ċerti kampjuni u oġġetti eżentati mill-kontrolli veterinarji skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).”

(***)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU L 358, 31.12.2012, p. 59).”

(****)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


Top