EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0088

Direttiva tal-Kummissjoni 2014/88/UE tad- 9 ta' Lulju 2014 li temenda d-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikaturi komuni tas-sikurezza u l-metodi komuni biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż tal-inċidenti Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 201, 10.7.2014, p. 9–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/10/2020; Imħassar b' 32016L0798

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/88/oj

10.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/9


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2014/88/UE

tad-9 ta' Lulju 2014

li temenda d-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikaturi komuni tas-sikurezza u l-metodi komuni biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż tal-inċidenti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza (Id-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tagħha,

Billi:

(1)

B'konformità mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/49/KE, l-informazzjoni dwar indikaturi komuni tas-sikurezza (IKS) għandha tinġabar mill-Istati Membri biex tkun iffaċilitata valutazzjoni biex isir magħruf intlaħqux il-miri komuni tas-sikurezza (MKS) u biex jagħtu l-kontribut tagħhom dwar il-monitoraġġ tal-iżvilupp ġenerali tas-sikurezza tal-linji ferrovjarji. B'konformità mal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva, l-MKS għandhom jiddefinixxu l-livelli ta' sikurezza espressi bħala kriterji tal-aċċettazzjoni tar-riskji għar-riskji għas-soċjetà. L-għan ewlieni tal-IKS għandu jkun li jkejlu l-prestazzjoni tas-sikurezza u li jiffaċilitataw il-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku tal-MKS. Għalhekk, jeħtieġ li l-indikaturi jinbidlu minn dawk marbutin mal-ispejjeż tal-inċidenti kollha mġarrba mil-linji tal-ferroviji għal dawk marbutin mal-impatt ekonomiku tal-inċidenti fuq is-soċjetà.

(2)

Wieħed għandu jqis l-għoti ta' valuri monetarji lis-sikurezza mtejba fil-kuntest tar-riżorsi limitati tal-baġit għall-azzjonijiet tal-politika pubblika. Għalhekk għandha tingħata prijorità lill-inizjattivi li jiżguraw allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi.

(3)

L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jaħtar lill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (l-Aġenzija) biex tistabbilixxi netwerk mal-awtoritajiet tas-sikurezza (kif inhu ddefinit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/49/KE) u mal-korpi nazzjonali responsabbli mill-investigazzjonijiet biex jiġi ddefinit il-kontenut tal-IKS elenkat fl-Anness I tad-Direttiva 2004/49/KE. L-Aġenzija ressqet ir-rakkomandazzjoni tagħha dwar ir-reviżjoni tal-Anness I fl-10 ta' Diċembru 2013 (ERA-REC-08-2013).

(4)

Għaldaqstant, l-Anness I tad-Direttiva 2004/49/KE għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/49/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 2004/49/KE jinbidel bit-test mogħti fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta' Lulju 2015. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw it-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza ta' dan it-tip meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.   L-obbligi għat-traspożizzjoni u l-implementazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għar-Repubblika ta' Ċipru u r-Repubblika ta' Malta sakemm ma tiġix stabbilita sistema ferrovjarja fit-territorji tagħhom.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (ir-Regolament tal-Aġenzija) (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1).


ANNESS

ANNESS I

Indikaturi komuni tas-sikurezza

L-indikaturi komuni tas-sikurezza (IKS) għandhom jiġu rrappurtati kull sena mill-awtoritajiet tas-sikurezza ddefiniti fl-Artikolu 3(g).

L-indikaturi marbutin mal-attivitajiet imsemmijin fl-Artikolu 2(2), (a) u (b), għandhom jitqiesu b'mod separat jekk jitressqu.

Jekk jinstabu fatti jew żbalji ġodda wara li jkun tressaq ir-rapport, l-indikaturi għal sena partikolari għandhom jiġu emendati jew ikkoreġuti mill-awtorità tas-sikurezza malli jkun opportun u sa mhux aktar tard mir-rapport annwali li jkun imiss.

Id-definizzjonijiet komuni għall-IKS u l-metodi biex jiġi kkalkulat l-impatt ekonomiku tal-aċċidenti huma stabbiliti fl-Appendiċi.

1.   Indikaturi marbutin ma' aċċidenti

1.1.

L-għadd totali u relattiv (għall-kilometri ferrovjarji) ta' aċċidenti sinifikanti u diżaggregazzjoni għat-tipi ta' aċċidenti li ġejjin:

ħabta ta' ferrovija ma' vettura ferrovjarja,

ħabta ta' ferrovija ma' ostakolu fil-gejġ tat-tagħbien (clearance gauge),

ħruġ ta' ferrovija 'l barra mil-linji (jew deraljament),

aċċident f'passaġġ invell, fost dawn, aċċidenti li jinvolvu n-nies mexjin f'passaġġ invell, u diżagregazzjoni oħra għall-ħames tipi ta' passaġġi invell iddefiniti fil-punt 6.2,

aċċident fejn iweġġgħu n-nies minħabba vetturi ferrovjarji li jkunu mexjin, minbarra s-suwiċidji u s-suwiċidji attentati,

nar f'vettura ferrovjarja,

oħrajn.

Kull aċċident sinifikanti għandu jiġi rrappurtat taħt it-tip tal-aċċident ewlieni, anki jekk il-konsegwenzi tal-aċċident sekondarju jkunu aktar serji (pereżempju deraljament li b'konsegwenza tiegħu jkun hemm nar).

1.2.

L-għadd totali u relattiv (għall-kilometri ferrovjarji) ta' persuni li jindarbu serjament u jinqatlu skont it-tip ta' aċċident, maqsumin fil-kategoriji li ġejjin:

passiġġier (relattiv ukoll għall-kilometri totali tal-passiġġieri u l-kilometri tal-ferroviji tal-passiġġieri),

impjegat jew kuntrattur,

persuna li kienet qed tuża l-passaġġ invell,

persuna li tkun daħlet fejn mhux suppost,

persuna oħra fuq pjattaforma ferrovjarja,

persuna oħra mhux fuq pjattaforma ferrovjarja.

2.   Indikaturi marbutin ma' merkanzija perikoluża

L-għadd totali u relattiv (għall-kilometri ferrovjarji) ta' aċċidenti li jinvolvu t-trasportazzjoni ta' merkanzija perikoluża bil-ferrovija, maqsumin fil-kategoriji li ġejjin:

aċċident li fih tkun involuta mill-inqas vettura ferrovjarja waħda mgħobbija b'merkanzija perikoluża, kif iddefinit fl-Appendiċi,

l-għadd ta' aċċidenti minn dawn li minħabba fihom tiġi rilaxxata merkanzija perikoluża.

3.   Indikaturi marbutin ma' suwiċidji

L-għadd totali u relattiv (għall-kilometri ferrovjarji) ta' suwiċidji u suwiċidji attentati

4.   Indikaturi marbutin mal-prekursuri ta' aċċidenti

L-għadd totali u relattiv (għall-kilometri ferrovjarji) ta' kawżi ta' aċċidenti u diżaggregazzjoni għat-tipi ta' kawża ta' aċċident li ġejjin:

binarju miksur,

tgħawwiġ tal-binarju u allinjament ħażin ieħor,

falliment ta' sinjalazzjoni jxaqleb għall-ħażin,

ferrovija li tibqa' għaddejja minkejja sinjalazzjoni biex tieqaf, filwaqt li tkun għaddejja minn punt ta' periklu,

ferrovija li tibqa' għaddejja minkejja sinjalazzjoni biex tieqaf, mingħajr ma tkun għaddejja minn punt ta' periklu,

rota ta' vettura ferrovjarja fis-servizz miksura,

fus ta' rota ta' vettura ferrovjarja fis-servizz miksur.

Il-prekursuri kollha għandhom jiġu rrappurtati, kemm jekk iwasslu għall-aċċidenti, kif ukoll jekk le. (Prekursur li jikkawża aċċident sinifikanti wkoll għandu jiġi rrappurtat mal-indikaturi marbutin mal-prekursuri; prekursur li ma jikkawżax aċċident sinifikanti għandu jiġi rrappurtat biss mal-indikaturi marbutin mal-prekursuri).

5.   Indikaturi għall-kalkolu tal-impatt ekonomiku tal-aċċidenti

It-total f'euro u l-għadd relattiv (għall-kilometri ferrovjarji):

ta' mwiet u korrimenti serji mmultiplikati bil-Valur tal-Prevenzjoni ta' Diżgrazzja (VPD),

l-ispejjeż tal-ħsarat għall-ambjent,

l-ispejjeż tal-ħsarat materjali għall-vetturi ferrovjarji jew għall-infrastruttura,

l-ispejjeż tad-dewmien ikkawżat mill-aċċidenti.

L-awtoritajiet tas-sigurtà għandhom jirrappurtaw l-impatt ekonomiku ta' aċċidenti sinifikanti.

Il-VPD huwa l-valur li s-soċjetà tpoġġi fuq il-prevenzjoni ta' diżgrazzja u għalhekk ma għandux jintuża bħala referenza għall-kumpens bejn żewġ partijiet li jkunu involuti f'aċċident.

6.   Indikaturi marbutin mas-sikurezza teknika tal-infrastruttura u l-implimentazzjoni tagħha

6.1.

Il-perċentwal tal-binarji li għandhom Sistemi għall-Protezzjoni tal-Ferroviji (SPF) jaħdmu u l-perċentwal tal-kilometri ferrovjarji fejn jintużaw l-SPF abbord il-ferroviji fejn dawn is-sistemi jipprovdu:

twissija,

twissija u waqfien awtomatiku,

twissija u waqfien awtomatiku u superviżjoni mhux kontinwa tal-veloċità,

twissija u waqfien awtomatiku u superviżjoni kontinwa tal-veloċità.

6.2.

L-għadd ta' passaġġi invell (it-total għal kull kilometru tar-rotta u kull kilometru ta' binarji) skont il-ħames tipi li ġejjin:

(a)

passaġġ invell passiv

(b)

passaġġ invell attiv:

(i)

manwali,

(ii)

awtomatiku bi twissija fuq in-naħa tal-utent,

(iii)

awtomatiku b'tagħmir protettiv fuq in-naħa tal-utent,

(iv)

tagħmir protettiv fuq in-naħa tal-binarju.

Appendiċi

Definizzjonijiet komuni għall-IKS u l-metodi tal-kalkolu tal-impatt ekonomiku tal-aċċidenti

1.   Indikaturi marbutin ma' aċċidenti

1.1.   ‘aċċident sinifikanti’ tfisser kull aċċident li jinvolvi mill-inqas vettura ferrovjarja waħda li tkun miexja, u li jwassal biex mill-inqas persuna waħda tmut jew tindarab serjament, jew iwassal għal ħsara sinifikanti f'vetturi ferrovjarji, f'installazzjonijiet oħra jew għall-ambjent, jew iwassal għal tfixkil estensiv ta' traffiku, iżda teskludi l-aċċidenti fil-ħwienet tax-xogħol, fl-imħażen u fid-depows;

1.2.   ‘ħsara sinifikanti għall-vetturi, binarji, installazzjonijiet ferrovjarji oħrajn jew għall-ambjent’ tfisser ħsara li tkun ekwivalenti għal EUR 150 000 jew iżjed;

1.3.   ‘tfixkil estensiv ta' traffiku’ tfisser li s-servizzi ferrovjarji fuq rotta ewlenija jkunu sospiżi għal mill-inqas sitt sigħat;

1.4.   ‘ferrovija’ tfisser vettura ferrovjarja waħda jew iżjed miġbuda minn lokomottiv wieħed jew iżjed, jew karrozza ferrovjarja li jkollha n-numru jew il-marka speċifika tagħha, li timxi waħedha minn punt ta' bidu fiss sa punt ta' tmiem fiss, u tkun tinkludi magna ħafifa, jiġifieri lokomottiv li jimxi waħdu;

1.5.   ‘ħabta ta' ferrovija ma' vettura ferrovjarja’ tfisser ħabta bejn parti minn ferrovija u parti minn ferrovija jew vettura ferrovjarja oħra jew ma' vettura ferrovjarja li timbotta, jew quddiem ma' quddiem, jew quddiem ma' wara, jew ħabta mill-ġenb;

1.6.   ‘ħabta ta' ferrovija ma' ostakolu fil-gejġ tat-tagħbien’ tfisser ħabta bejn parti minn ferrovija u xi oġġett, jew fiss fuq il-post jew li jkun hemm temporanjament, fuq jew ħdejn il-binarju (minbarra oġġetti fil-passaġġi invell li jkunu ntilfu minn xi vettura jew utent filwaqt li jkunu qed jaqsmu), din it-tifsira tinkludi ħabta ma' linji ta' kuntatt 'il fuq mill-ferrovija;

1.7.   ‘diraljament ta' ferrovija’ tfisser kull każ meta mill-inqas rota waħda tal-ferrovija tinqala' minn fuq il-binarju;

1.8.   ‘aċċident fuq passaġġ invell’ tfisser kull aċċident fil-passaġġi invell li jinvolvi mill-inqas vettura ferrovjarja waħda u vettura waħda jew aktar li tkun qed taqsam, jew utenti oħrajn tal-passaġġ, bħalma huma nies bil-mixi jew xi oġġetti oħrajn li jkunu fuq il-binarju jew ħdejh jekk dawn ikunu ntilfu minn vettura jew utent filwaqt li qegħdin jaqsmu;

1.9.   ‘aċċident lil persuni li jinvolvi vettura ferrovjarja miexja’ tfisser kull aċċident li jiġri lil persuna waħda jew iżjed li jintlaqtu minn vettura ferrovjarja jew minn oġġett li jkun imwaħħal magħha jew li jkun inqala' minn magħha, dan jinkludi l-persuni li jaqgħu mill-vetturi ferrovjarji kif ukoll persuni li jaqgħu jew jintlaqtu minn oġġetti mhux imwaħħlin meta jkunu qegħdin jivvjaġġaw abbord il-vetturi;

1.10.   ‘nar f'vettura ferrovjarja’ tfisser nar jew splużjoni li jiġri/tiġri ġo vettura ferrovjarja (dan jinkludi t-tagħbija li jkun fiha) meta tkun fi triqitha bejn l-istazzjon tal-partenza u d-destinazzjoni, dan jinkludi l-ħin meta l-vettura tkun wieqfa fl-istazzjon tal-partenza, fl-istazzjon tad-destinazzjoni jew f'xi stazzjon fejn tieqaf bejn dawn it-tnejn, kif ukoll waqt operazzjonijiet ta' riskjerament;

1.11.   ‘(aċċident) ieħor’ tfisser kull aċċident minbarra ħabta ta' ferrovija ma' vettura ferrovjarja, ħabta ta' ferrovija ma' ostakolu fil-gejġ tat-tagħbien, aċċident lil persuna li jinvolvi vettura ferrovjarja miexja jew nar f'vettura ferrovjarja;

1.12.   ‘passiġġier’ tfisser kull persuna, minbarra membru tal-persunal tal-ferrovija, li jkun qed jivvjaġġa bil-ferrovija, dan jinkludi l-passiġġieri li jkunu qegħdin jippruvaw jitilgħu fuq ferrovija jew jinżlu minn fuqha waqt li tkun miexja, għall-istatistika tal-aċċidenti biss;

1.13.   ‘impjegat jew kuntrattur’ tfisser kull persuna li b'xi mod tkun impjegata mal-ferrovija u li tkun fuq ix-xogħol meta jsir l-aċċident, dan jinkludi l-persunal tal-kuntratturi, il-kuntratturi mpjegati għal rashom, il-persunal tal-ferrovija u persuni li jkunu qegħdin jinnavigaw bil-vetturi ferrovjarji u l-installazzjonijiet infrastrutturali;

1.14.   ‘utent ta' passaġġ invell’ tfisser kull persuna li tuża passaġġ invell biex taqsam il-binarju bi kwalunkwe mezz ta' trasport jew bil-mixi;

1.15.   ‘min jidħol bla permess’ tfisser kull persuna li tkun f'postijiet li jappartjenu għall-ferrovija fejn id-dħul ikun ipprojbit, bl-eċċezzjoni ta' utent ta' passaġġ invell;

1.16.   ‘persuna oħra fuq il-pjattaforma’ tfisser kull persuna li tkun fuq pjattaforma ferrovjarja li ma taqax taħt id-definizzjonijiet ta' ‘passiġġier’, ‘impjegat jew kuntrattur’, ‘utent tal-passaġġ invell’, ‘persuna oħra mhux fuq pjattaforma’ jew ‘persuna li tidħol bla permess’;

1.17.   ‘persuna oħra mhux fuq pjattaforma’ tfisser kull persuna li ma tkunx fuq pjattaforma ferrovjarja li ma taqax taħt id-definizzjonijiet ta' ‘passiġġier’, ‘impjegat jew kuntrattur’, ‘utent tal-passaġġ invell’, ‘persuna oħra fuq pjattaforma’ jew ‘persuna li tidħol bla permess’;

1.18.   ‘mewta (persuna maqtula)’ tfisser kull persuna maqtula minnufih jew li tmut fi żmien 30 jum bħala riżultat ta' aċċidenti, minbarra kull suwiċidju;

1.19.   ‘ġrieħi serji (persuna midruba serjament)’ tfisser kull persuna li tindarab li tkun iddaħħlet l-isptar għal aktar minn 24 siegħa bħala riżultat ta' aċċident, minbarra kull suwiċidju attentat.

2.   Indikaturi marbutin ma' merkanzija perikoluża

2.1.   ‘aċċident li jinvolvi t-trasportazzjoni ta' merkanzija perikoluża’ tfisser kull aċċident jew inċident li huwa suġġett li jiġi rrappurtat b'konformità mar-Regolamenti tar-RID (1)/ADR taqsima 1.8.5;

2.2.   ‘oġġetti perikolużi’ tfisser sustanzi u oġġetti li l-ġarr tagħhom huwa pprojbit mir-RID, jew awtorizzat biss fil-kundizzjonijiet stipulati fihom.

3.   Indikaturi marbutin ma' suwiċidji

3.1.   ‘suwiċidju’ tfisser att deliberat ta' persuna biex tindarab li jirriżulta fil-mewt, kif irreġistrat u kklassifikat mill-awtorità kompetenti nazzjonali;

3.2.   ‘suwiċidju attentat’ tfisser att deliberat ta' persuna biex tindarab li jirriżulta fi ġrieħi serji.

4.   Indikaturi marbutin mal-prekursuri ta' aċċidenti

4.1.   ‘binarju miksur’ tfisser kull binarju li jinqasam f'żewġ biċċiet jew aktar, jew kull binarju li minnu tinqala' ħadida u b'kawża ta' dan ikun hemm fetħa twila aktar minn 50 mm u fonda aktar minn 10 mm fuq il-wiċċ fejn jimxu l-ferroviji;

4.2.   ‘tgħawwiġ tal-binarju jew allinjament ħażin ieħor tal-binarju’ tfisser kull ħsara marbuta mal-kontinwità u mal-ġeometrija tal-binarju, li titlob li l-binarju ma jintużax jew li jkun hemm restrizzjoni immedjata tal-veloċità permessa;

4.3.   ‘falliment ta' sinjalazzjoni jxaqleb għall-ħażin’ tfisser kull falliment tekniku f'sistema ta' sinjalazzjoni (jew fl-infrastruttura jew fil-vetturi ferrovjarji), li jirriżulta biex l-informazzjoni tas-sinjalar ikun inqas ristrettiv milli meħtieġ;

4.4.   ‘Ferrovija li tibqa' għaddejja minkejja sinjalazzjoni biex tieqaf’ tfisser kull darba li xi parti minn ferrovija tibqa' miexja iktar milli jkun hemm awtorizzazzjoni għal dan u tgħaddi l-punt tal-periklu;

4.5.   ‘Ferrovija li tibqa' għaddejja minkejja sinjalazzjoni biex tieqaf mingħajr ma tkun għaddejja minn punt ta' periklu,’ tfisser kull darba li xi parti minn ferrovija tibqa' miexja iktar milli jkun hemm awtorizzazzjoni għal dan iżda ma tgħaddix il-punt tal-periklu.

Il-moviment mhux awtorizzat imsemmi fil-punti 4.4 u 4.5 hawn fuq tfisser li tgħaddi:

sinjal tad-dwal ikkuluriti jew semaforu maġenb il-binarju f'punt ta' periklu, jew l-ordni IEQAF fejn ma jkunx hemm sistema titħaddem ta' Protezzjoni tal-Ferroviji (SPF),

it-tarf ta' awtorizzazzjoni tal-moviment marbuta mas-sikurezza li tipprovdi SPF,

punt ikkomunikat permezz ta' awtorizzazzjoni bil-miktub jew bil-kliem stabbilit fir-regolamenti,

tabelli bil-kelma IEQAF (l-inġizzi mewwieta mhumiex inklużi) jew sinjali bl-idejn.

Kull każ li jinvolvi vettura li ma jkollhiex unità tat-trazzjoni, jew ferrovija mingħajr sewwieq li minn jedda tgħaddi s-sinjal f'punt ta' periklu mhuwiex inkluż. Kull każ meta, għal xi raġuni jew oħra, is-sinjal ta' periklu ma jiddawwarx biżżejjed fil-ħin biex is-sewwieq ikun jista' jwaqqaf il-ferrovija, mhuwiex inkluż.

L-Awtoritajiet tas-Sikurezza jistgħu jagħtu rapporti separati dwar l-erba' indiċijiet ta' moviment mhux awtorizzat elenkati fl-inċiżi f'dan il-punt u għandhom jirrappurtaw mill-inqas indikatur aggregat li jkun fih id-dejta dwar l-indiċijiet ta' dawn l-erba' inċidenti.

4.6.   ‘rota ta' vettura ferrovjarja fis-servizz miksura’ tfisser ksur li jaffettwa lir-rota u joħloq riskju ta' aċċident (diraljament jew ħabta);

4.7.   ‘fus ta' rota ta' vettura ferrovjarja fis-servizz miksur’ tfisser ksur li jaffettwa l-fus u joħloq riskju ta' aċċident (diraljament jew ħabta);

5.   Indikaturi għall-kalkolu tal-impatt ekonomiku tal-aċċidenti

5.1.   Il-Valur tal-Prevenzjoni tad-Diżgrazzji (VPD) huwa magħmul minn:

(1)

Il-valur tas-sikurezza per se: Il-valuri ta' kemm wieħed ikun Lest li Jħallas huma bbażati fuq studji dwar preferenzi ddikjarati li jkunu twettqu fl-Istat Membru li għalih jiġu applikati.

(2)

L-ispejjeż ekonomiċi diretti u indiretti: il-valuri tal-ispejjeż ivvalutati fl-Istat Membru, magħmulin minn:

l-ispiża medika u ta' riabilitazzjoni,

l-ispiża tal-qrati legali, l-ispiża tal-pulizija, tal-investigazzjonijiet privati dwar il-ħabta, tas-servizzi tal-emerġenza u l-ispejjeż amministrattivi tal-assigurazzjoni,

telf ta' produzzjoni: il-valur għas-soċjetà tal-oġġetti u s-servizzi li setgħu ngħataw mill-persuna kieku ma ġarax l-aċċident.

Fil-kalkolu tal-ispejjeż tad-diżgrazzji, il-fatalitajiet u l-korrimenti serji għandhom jitqiesu b'mod separat (VPD differenti għall-fatalitajiet u għall-korrimenti).

5.2.   Il-prinċipji komuni għall-valutazzjoni tal-valur tas-sikurezza per se u l-ispejjeż ekonomiċi diretti/indiretti:

Għall-valur tas-sikurezza per se, il-valutazzjoni ta' kemm huma jew mhumiex xierqa l-istimi disponibbli għandha tkun ibbażata fuq dawn li ġejjin:

l-istimi għandhom ikunu marbutin ma' sistema għall-valutazzjoni tat-tnaqqis tar-riskju tal-imwiet fis-settur tat-trasport u jsegwu strateġija ta' kemm wieħed ikun Lest li Jħallas skont metodi ta' preferenza ddikjarati,

il-kampjun tar-risposti li jintużaw għall-valuri għandhom ikunu rappreżentattivi tal-popolazzjoni kkonċernata. B'mod partikolari, il-kampjun irid jirrifletti d-distribuzzjoni skont l-età/l-introjtu flimkien ma' karatteristiċi soċjoekonomiċi/demografiċi rilevanti oħrajn tal-popolazzjoni,

il-metodu għall-ħruġ tal-valuri ta' kemm wieħed ikun Lest li Jħallas: it-tfassil tal-istħarriġ isir b'mod li l-mistoqsijiet ikunu ċari/rilevanti għal dawk li jwieġbu.

L-ispejjeż ekonomiċi diretti u indiretti għandhom jiġu vvalutati abbażi tal-ispejjeż reali mġarrba mis-soċjetà.

5.3.   Definizzjonijiet

5.3.1.   ‘L-ispejjeż tal-ħsara lill-ambjent’ tfisser l-ispejjeż li jridu jitħallsu minn Maniġers tal-Impriżi u l-Infrastrutturi Ferrovjarji, u li jridu jiġu vvalutati abbażi tal-esperjenza ta' dawn, biex iż-żona li tkun tħassret tinġab lura fl-istat li kienet qabel l-aċċident ferrovjarju.

5.3.2.   ‘L-ispejjeż tal-ħsarat materjali għall-vetturi jew infrastrutturi ferrovjarji’ tfisser l-ispejjeż involuti biex jinxtraw vetturi ferrovjarji jew infrastrutturi ġodda li jkollhom l-istess funzjonalità u parametri tekniċi bħal dawk li jkunu nqerdu, u l-ispejjeż tar-restawr ta' vetturi jew infrastrutturi ferrovjarji għall-istat tagħhom ta' qabel l-aċċident, li għandhom jiġu stmati mill-Maniġers ta' Impriżi u Infrastrutturi Ferrovjarji abbażi tal-esperjenza tagħhom, dan jinkludi wkoll l-ispejjeż marbutin mal-kiri ta' vetturi ferrovjarji b'riżultat tal-ħsarat għall-vetturi li ma jkunux jistgħu jintużaw.

5.3.3.   ‘L-ispejjeż tad-dewmien minħabba aċċidenti’ tfisser il-valur monetarju tad-dewmien li jġarrbu l-utenti tat-trasport ferrovjarju (passiġġieri u klijenti li jibagħtu l-merkanzija) bħala konsegwenza tal-aċċidenti, ikkalkulati permezz tal-mudell li jidher hawn taħt:

VT = il-valur monetarju ta' ħin tal-ivvjaġġar iffrankat

Il-valur tal-ħin għal passiġġier f'ferrovija (fis-siegħa)

VTP = [VT tal-passiġġieri għax-xogħol] * [Il-perċentwal medju ta' passiġġieri għax-xogħol fis-sena] + [Il-perċentwal medju ta' passiġġieri mhux għax-xogħol fis-sena]

Il-VTp jitkejjel f'EUR għal kull passiġġier fis-siegħa

‘Passiġġier għax-xogħol’ tfisser passiġġier li jkun qed jivvjaġġa minħabba l-attivitajiet professjonali tiegħu u teskludi dawk li jivvjaġġaw mid-dar għax-xogħol u lura.

Il-valur tal-ħin għal ferrovija tal-merkanzija (fis-siegħa)

VTF = [VT tal-ferroviji tal-merkanzija] * [(Km tat-Tunnellata)/(Km Ferrovjarju)]

Il-VTp jitkejjel f'EUR għal kull tunnellata ta' merkanzija fis-siegħa

L-ammont medju ta' tunnellati ta' merkanzija ttrasportata għal kull ferrovija f'sena = (Km tat-Tunnellata)/(Km Ferrovjarju)

CM = L-ispejjeż ta' minuta dewmien ta' ferrovija

Ferrovija tal-passiġġieri

CMP = K1 * (VTP/60) * [(Km tal-passiġġieri)/ Km Ferrovjarju)]

L-għadd medju ta' passiġġieri għal kull ferrovija f'sena = (Km tal-passiġġieri)/(Km Ferrovjarju)

Ferrovija tal-merkanzija

CMF = K2 * (VTF/60)

Il-fatturi K1 u K2 huma bejn il-valur tal-ħin u l-valur tad-dewmien, kif stmati minn studji ta' preferenzi ddikjarati, biex jitqies il-fatt li n-nies iqisu b'mod aktar negattiv il-ħin mitluf minħabba dewmien mill-ħin użat normalment għall-ivvjaġġar.

L-ispejjeż tad-dewmien minħabba aċċident = CMP * (Minuti ta' dewmien ta' ferroviji tal-passiġġieri) + CMF * (Minuti ta' dewmien ta' ferroviji tal-merkanzija)

L-ambitu tal-mudell

L-ispejjeż imġarrba minħabba d-dewmien, għall-aċċidenti serji għandhom jiġu kkalkulati kif ġej:

dewmien reali fuq ir-rotot ferrovjarji fejn ikunu ġraw l-aċċidenti kif jitkejlu fl-istazzjon terminali

dewmien reali jew, jekk dan mhux possibbli, dewmien stmat fuq rotot oħrajn affettwati.

6.   Indikaturi marbutin mas-sikurezza teknika tal-infrastruttura u l-implimentazzjoni tagħha

6.1.   ‘Is-Sistema ta' Protezzjoni tal-Ferroviji (SPF)’ tfisser sistema li tgħin biex tinforza l-ubbidjenza għas-sinjali u għar-restrizzjonijiet tal-veloċità.

6.2.   ‘Sistemi ta' abbord’ tfisser sistemi li jgħinu lis-sewwieq josserva s-sinjalar ta' maġenb il-binarju u s-sinjalar fil-kabina u b'hekk jipprovdu l-protezzjoni minn punti ta' periklu u r-rinfurzar tal-limiti tal-veloċità. L-SPF jistgħu jiġu deskritti kif ġej:

(a)

Twissija, li tagħti twissija awtomatika lis-sewwieq.

(b)

Twissija u waqfien awtomatiku, li tagħti twissija awtomatika lis-sewwieq u twaqqaf il-ferrovija awtomatikament meta din tkun se tgħaddi sinjal li juri periklu.

(c)

Twissija u waqfien awtomatiku u superviżjoni mhux kontinwa tal-veloċità, li tipprovdi l-protezzjoni minn punti ta' periklu, fejn ‘superviżjoni mhux kontinwa tal-veloċità’ tfisser superviżjoni tal-veloċità f'ċerti postijiet (nases tal-veloċità) meta l-ferrovija tkun qiegħda tavviċina sinjal.

(d)

Twissija u waqfien awtomatiku u superviżjoni kontinwa tal-veloċità, li tipprovdi l-protezzjoni minn punti perikolużi u superviżjoni kontinwa tal-limiti tal-veloċità tar-rotta, fejn ‘superviżjoni kontinwa tal-veloċità’ tfisser indikazzjoni u infurzar kontinwi tal-veloċità massima permessa fil-mira f'kull parti tar-rotta.

It-tip (d) huwa meqjus bħala Sistema Awtomatika tal-Protezzjoni tal-Ferroviji (SAPF).

6.3.   ‘passaġġ invell’ tfisser kull tisliba bejn triq jew passaġġ u binarju, kif rikonoxxut mill-maniġer tal-infrastruttura u miftuħ għall-utenti pubbliċi jew privati. Il-passaġġi bejn il-pjattaformi fl-istazzjonijiet huma esklużi, kif ukoll il-passaġġi minn fuq il-binarji li għandhom jintużaw biss mill-impjegati.

6.4.   ‘triq’ tfisser, għall-iskop tal-istatistika tal-aċċidenti ferrovjarji, kull triq prinċipali pubblika jew privata, kull triq jew awtostrada, u tinkludi l-passaġġi tal-maġenb għall-mixi u dawk għall-bajsikils.

6.5.   ‘passaġġ’ tfisser kull rotta li mhijiex triq li qiegħda biex jgħaddu n-nies, l-annimali, il-vetturi jew il-makkinarju.

6.6.   ‘passaġġ invell passiv’ tfisser passaġġ invell mingħajr ebda forma ta' sistema ta' twissija jew protezzjoni li tiġi attivata meta jkun ta' periklu għall-utent li jaqsam il-passaġġ.

6.7.   ‘passaġġ invell attiv’ tfisser passaġġ invell fejn ikun hemm tagħmir ta' twissija jew ta' protezzjoni li jiġi attivat meta tkun ġejja ferrovija u jkun ta' periklu għall-utenti li jaqsmu l-passaġġ.

Il-protezzjoni permezz ta' tagħmir fiżiku tinkludi:

barrieri, jew sħaħ jew nofs,

gradi.

Twissija permezz ta' tagħmir fiss fil-passaġġi invell:

tagħmir viżibbli: dwal,

tagħmir awdibbli: qniepen, ħornijiet, sireni, eċċ.

Il-passaġġi invell attivi huma kklassifikati bħala:

(a)

Manwali: passaġġ invell fejn il-protezzjoni jew it-twissija man-naħa tal-utent jiġu attivati minn impjegat tal-ferroviji.

(b)

Awtomatiċi bit-twissija fin-naħa tal-utent: passaġġ invell fejn it-twissija man-naħa tal-utent tiġi attivata mill-ferrovija li tkun qed tavviċina.

(c)

Awtomatiċi bil-protezzjoni fin-naħa tal-utent: passaġġ invell fejn il-protezzjoni man-naħa tal-utent tiġi attivata mill-ferrovija li tkun qed tavviċina. Dawn jinkludu passaġġ invell bi protezzjoni kif ukoll twissija man-naħa tal-utent.

(d)

Protezzjoni man-naħa tal-binarju: passaġġ invell fejn sinjal jew xi sistema ta' protezzjoni oħra tal-ferroviji jippermettu li l-ferrovija tkompli fi triqitha ladarba l-passaġġ invell ikun protett kompletament man-naħa tal-utent u ma jkun hemm xejn qed jaqsam.

7.   Id-definizzjonijiet tal-bażi tal-iskali

7.1.   ‘Km Ferrovjarju’ hija l-unità tal-kejl li tirrappreżenta l-moviment ta' ferrovija tul kilometru. Id-distanza li tintuża hija d-distanza li tkun għamlet il-ferrovija, jekk din tkun magħrufa, jekk le, għandha tintuża d-distanza standard tan-netwerk bejn l-oriġini u d-destinazzjoni. Id-distanza fit-territorju nazzjonali tal-pajjiż rapportatur biss għandha titqies.

7.2.   ‘Km tal-passiġġieri’ hija l-unità tal-kejl li tirrappreżenta t-trasportazzjoni ta' passiġġier wieħed bil-ferrovija fuq distanza ta' kilometru. Id-distanza fit-territorju nazzjonali tal-pajjiż rapportatur biss għandha titqies.

7.3.   ‘Km tar-rotta’ tfisser it-tul f'kilometri tan-netwerk ferrovjarju fl-Istati Membri, li l-ambitu tagħhom huwa stabbilit fl-Artikolu 2. Għal rotot li jkollhom għadd ta' binarji għaddejin minnhom, għandha tingħadd biss id-distanza bejn l-oriġini u d-destinazzjoni.

7.4.   ‘Km tar-rotta’ tfisser it-tul f'kilometri tan-netwerk ferrovjarju fl-Istati Membri, li l-ambitu tagħhom huwa stabbilit fl-Artikolu 2. Għandu jingħadd kull binarju f'rotta ferrovjarja multipli.


(1)  Ir-Regolamenti RID, dwar it-Trasport Internazzjonali ta' Oġġetti Perikolużi bil-ferrovija adottati skont id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).


Top