Help Print this page 

Document 32014L0065

Title and reference
Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE Test b’relevanza għaż-ŻEE
  • In force
OJ L 173, 12.6.2014, p. 349–496 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/65/oj
Languages, formats and link to OJ
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html HR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
PDF pdf BG pdf ES pdf CS pdf DA pdf DE pdf ET pdf EL pdf EN pdf FR pdf HR pdf IT pdf LV pdf LT pdf HU pdf MT pdf NL pdf PL pdf PT pdf RO pdf SK pdf SL pdf FI pdf SV
Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal
 To see if this document has been published in an e-OJ with legal value, click on the icon above (For OJs published before 1st July 2013, only the paper version has legal value).
Multilingual display
Text

12.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/349


DIRETTIVA 2014/65/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Mejju 2014

dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE

(riformulazzjoni)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġislattiva (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ġiet emendata kemm-il darba b’mod sostanzjali (5). Billi għandhom isiru iżjed emendi, għandha tiġi rriformulata fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

Id-Direttiva 93/22/KEE tal-Kunsill (6) fittxet li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fuqhom id-ditti u l-banek tal-investiment awtorizzati setgħu jipprovdu servizzi speċifiċi jew jistabbilixxu friegħi fl-Istati Membri l-oħra fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni u superviżjoni mill-pajjiż tad-domiċilju. Għal dak il-għan, din id-Direttiva mmirat li tarmonizza l-awtorizzazzjoni inizjali u r-rekwiżiti operazzjonali għad-ditti ta’ investiment inklużi r-regoli tal-kondotta tal-operat. Ipprovdiet ukoll għall-armonizzazzjoni ta’ wħud mill-kundizzjonijiet li jirregolaw l-operat tas-swieq regolati.

(3)

Dawn l-aħħar snin iktar investituri saru attivi fis-swieq finanzjarji u qegħdin jiġu offruti sett saħansitra iktar kumpless u mifrux fil-wisa’ ta’ servizzi u strumenti. Minħabba dawk l-iżviluppi, il-qafas legali tal-Unjoni għandu jiġbor fih il-firxa sħiħa tal-attivitajiet orjentati lejn l-investitur. Għal dak il-għan, huwa meħtieġ li jiġi pprovdut il-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ sabiex joffri lill-investituri livell għoli ta’ protezzjoni u sabiex id-ditti ta’ investiment jitħallew jipprovdu servizzi fl-Unjoni kollha, peress li hi suq intern, fuq il-bażi tas-superviżjoni tal-pajjiż tad-domiċilju. Id-Direttiva 93/22/KEE għalhekk ġiet sostitwita bid-Direttiva 2004/39/KE.

(4)

Il-kriżi finanzjarja kixfet dgħufijiet fil-funzjonament u t-trasparenza tas-swieq finanzjarji. L-evoluzzjoni tas-swieq kixfet il-ħtieġa li jissaħħaħ il-qafas għar-regolamentazzjoni tas-swieq ta’ strumenti finanzjarji, anke meta n-negozjar f’dawn is-swieq iseħħ barra l-Borża (over-the-counter (OTC), sabiex iżid it-trasparenza, itejjeb il-protezzjoni tal-investituri, isaħħaħ il-fiduċja, jindirizza l-oqsma mhux regolati u jiżgura li s-superviżuri jingħataw setgħat xierqa biex iwettqu l-kompiti tagħhom.

(5)

Hemm qbil fost il-korpi regolatorji fuq livell internazzjonali li dgħufijiet fil-governanza korporattiva f’numru ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, inkluż in-nuqqas ta’ skrutinju fihom, kienu kawża ewlenija tal-kriżi finanzjarja. Teħid eċċessiv u imprudenti tar-riskji jista’ jwassal għall-falliment ta’ istituzzjonijiet finanzjarji individwali u problemi sistemiċi fl-Istati Membri u globalment. Imġiba skorretta ta’ ditti li jipprovdu servizzi lill-klijenti tista’ twassal għad-detriment tal-investitur u nuqqas ta’ fiduċja tal-investitur. Biex jindirizzaw l-effett potenzjalment detrimentali ta’ dawk id-dgħufijiet fl-arranġamenti tal-governanza korporattiva, id-Direttiva 2004/39/KE għandha tkun supplimentata minn prinċipji iktar dettaljati u standards minimi. Dawk il-prinċipji u l-istandards għandhom japplikaw billi jqisu n-natura, l-iskala, u l-kumplessità tad-ditti ta’ investiment.

(6)

Il-Grupp ta’ Livell Għoli għas-Superviżjoni Finanzjarja fl-UE stieden lill-Unjoni biex tiżviluppa sett iktar armonizzat ta’ regolamenti finanzjarji. Fil-kuntest tal-arkitettura superviżorja Ewropea futura, il-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009 enfasizza wkoll il-ħtieġa li jkun stabbilit ġabra unika tar-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha fis-suq intern.

(7)

Id-Direttiva 2004/39/KE għandha għalhekk issa tiġi parzjalment mfassla mill-ġdid f’din id-Direttiva u parzjalment tiġi sostitwita mir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Flimkien, iż-żewġ strumenti legali għandhom jiffurmaw il-qafas legali li jirregolaw ir-rekwiżiti applikabbli għad-ditti ta’ investiment, swieq regolati, fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ data u ditti ta’ pajjiż terz li jipprovdu servizzi jew attivitajiet ta’ investiment fl-Unjoni. Din id-Direttiva għandha għalhekk tinqara flimkien ma’ dak ir-Regolament. Din id-Direttiva għandha tinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni tan-negozju, l-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni kwalifikattiva, l-eżerċizzju tal-libertà tal-istabbiliment u tal-libertà li tipprovdi servizzi, il-kundizzjonijiet operatorji għad-ditti ta’ investiment biex jiżguraw protezzjoni tal-investitur, is-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri ta’ Domiċilju u Ospitanti u s-sistema għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. Billi l-objettiv ewlieni u s-suġġett ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu armonizzati d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-oqsma msemmija, hija għandha tissejjes fuq l-Artikolu 53(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Il-forma ta’ Direttiva hija xierqa sabiex tippermetti li d-dispożizzjonijiet implimentattivi fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva, meta meħtieġ, jiġu addattati għal kwalunkwe speċifiċitajiet eżistenti tas-suq partikolari u s-sistema legali f’kull Stat Membru.

(8)

Huwa xieraq li jiġu inklużi fil-lista tal-istrumenti finanzjarji derivattivi tal-komoditajiet u oħrajn li huma kkostitwiti u nnegozjati b’mod li joħolqu kwistjonijiet regolatorji meta mqabbla mal-istrumenti finanzjarji tradizzjonali.

(9)

L-ambitu tal-istrumenti finanzjarji se jinkludi kuntratti tal-enerġija saldati b’mod fiżiku nnegozjati fuq facilita’ ta’ negozju organizzat (organised trading facility (OTF)), minbarra għal dawk li diġà regolati skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Diversi miżuri ttieħdu biex inaqqsu l-impatt ta’ tali inklużjoni fuq ditti li jinnegozjaw f’dawk il-prodotti. Dawk id-ditti llum huma eżentati mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u dik l-eżenzjoni se tkun is-suġġett ta’ reviżjoniskont l-Artikolu 493(1) ta’ dak ir-Regolament qabel ma tiskadi sa mhux aktar tard minn tmiem l-2017. Dawk il-kuntratti peress li huma strumenti finanzjarji, japplikaw għalihom sa mill-bidu nett ir-rekwiżiti tal-liġi dwar is-swieq finanzjarji, għalhekk il-limiti ta’ pożizzjoni, ir-rappurtar tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti dwar l-abbuż tas-suq japplikaw sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. Madankollu perjodu ta’ introduzzjoni gradwali ta’ 42 xahar hu previst għall-applikazzjoni tal-obbligu ta’ kklerjar u tar-rekwiżiti tal-marġni stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(10)

Il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni dwar derivattivi ta’ komoditajiet negozjati f’OTF u saldati b’mod fiżiku għandha tkun limitata biex tevita lakuna li tista’ twassal għal arbitraġġ regolatorju. Hu għalhekk meħtieġ li jkun previst att delegat biex jispeċifika aktar it-tifsira tal-espressjoni “jridu jiġu saldati b’mod fiżiku” filwaqt li jitqies talinqas il-ħolqien ta’ obbligu infurzabbli u vinkolanti biex fiżikament ikun konsenjat, mingħajr ma jkun jista’ jingħalaq u mingħajr ebda dritt ta’ saldu fi flus jew tranżazzjonijiet ta’ bilanċ ħlief fil-każ ta’ force majeure, kontumaċja jew inabbiltà oħra bona fide ta’ prestazzjoni.

(11)

Seħħet firxa ta’ prattiki frodulenti fis-swieq sekondarji spot fi kwoti tal-emissjonijiet (EUA) li tista’ thedded il-fiduċja fl-iskema ta’ skambju tal-emissjonijiet, stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u ta-Kunsill (11), u qed jittieħdu miżuri li jsaħħu s-sistema tar-reġistri tal-EUA u l-kondizzjonijiet għall-ftuħ ta’ kont biex isir kummerċ ta’ EUAs. Biex ikun hemm tisħiħ tal-integrità u salvagwardja tal-funzjonament effiċjenti ta’ dawk is-swieq, inkluż is-superviżjoni komprensiva tal-attività tan-negozjar, huwa xieraq li jkunu kkumplimentati l-miżuri meħuda skont id-Direttiva 2003/87/KE billi l-kwoti tal-emissjonijiet jinġiebu b’mod sħiħ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) billi jiġu kklassifikati bħala strumenti finanzjarji.

(12)

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu koperti l-impriżi li x-xogħol jew il-kummerċ regolari tagħhom huwa li jipprovdu servizzi ta’ investiment u/jew li jwettqu attivitajiet ta’ investiment fuq bażi professjonali. Għalhekk, l-ambitu tagħha ma għandux ikopri kull persuna b’attività professjonali differenti.

(13)

Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit reġim regolatorju komprensiv li jirregola t-twettiq tat-tranżazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji b’mod irrispettiv mill-metodi tal-kummerċ użati sabiex jiġu konklużi dawn it-tranżazzjonijiet sabiex tiġi żgurata kwalità għolja ta’ twettiq ta’ tranżazzjonijiet tal-investituri u jinżammu l-integrità u l-effikaċja ġenerali tas-sistema finanzjarja. Għandu jiġi pprovdut qafas koerenti u sensittiv għar-riskji sabiex jirregola t-tipi ewlenin ta’ arranġamenti għat-twettiq fuq l-ordni attivi bħalissa fis-swieq finanzjarji Ewropej. Huwa meħtieġ li tiġi rrikonoxxuta d-dehra ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ sistemi organizzati tal-kummerċ spalla ma’ spalla mas-swieq regolati li għandhom jiġu ssoġġettati għall-obbligi maħsuba sabiex jippreservaw il-funzjonament effiċjenti u bl-ordni tas-swieq finanzjarji u biex jiżguraw li tali sistemi tan-negozjar organizzat ma jibbenefikawx minn lakuni regolatorji.

(14)

Iċ-ċentri tan-negozjar kollha, jiġifieri s-swieq regolati, il-faċilitajiet multilaterali tan-negozjar (multilateral trading facilities MTFs), u l-OTFs, għandhom iressqu regoli trasparenti u mhux diskriminatorji li jirregolaw l-aċċess għall-faċilità. Madankollu, filwaqt li s-swieq regolati u l-MTFs għandhom jibqgħu suġġetti għal rekwiżiti simili fir-rigward ta’ lil min jistgħu jaċċettaw bħala membru jew parteċipant, l-OTFs għandhom ikunu kapaċi jiddeterminaw u jirrestrinġu l-aċċess ibbażat inter alia fuq ir-rwol u l-obbligi li huma jkollhom l-operaturi tagħhom b’rabta mal-klijenti tagħhom. F’dak ir-rigward, ċentri ta’ negozjar għandhom ikunu jistgħu jispeċifikaw parametri li jirregolaw is-sistema bħal dewmien minimu sakemm dak isir b’mod miftuħ u trasparenti u ma jinvolvix diskriminazzjoni mill-operatur tal-pjattaforma.

(15)

Kontroparti ċentrali (central counterparty (CCP)) hi definita fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 bħala persuna legali li tidħol bejn il-partijiet għall-kuntratti nnegozjati f’suq finanzjarju wieħed jew aktar, li ssir ix-xerrej għal kull bejjiegħ u l-bejjiegħ għal kull xerrej; Is-CCPs mhumiex koperti mit-terminu OTF kif definit f’din id-Direttiva.

(16)

Persuni li jkollhom aċċess għal swieq regolati jew MTFs huwa msemmija bħala membri jew parteċipanti. Iż-żewġ termini jistgħu jintużaw waħda minflok l-oħra. Dawk it-termini ma jinkludux utenti li jkollhom aċċess biss għaċ-ċentri ta’ negozjar permezz ta’ aċċess elettroniku dirett.

(17)

Internalizzaturi sistematiċi għandhom ikunu definiti bħala ditti ta’ investiment li, fuq bażi organizzata, frekwenti, sistematika u sostanzjali, jinnegozjaw f’isimhom stess meta jeżegwixxu ordnijiet tal-klijent ‘il barra minn suq regolat, MTF jew OTF. Biex jiżgura l-applikazzjoni oġġettiva u effettiva ta’ dik id-definizzjoni għad-ditti ta’ investiment, kwalunkwe kummerċ bilaterali li jsir mal-klijenti għandu jkun rilevanti u l-kriterja kwantitattiva għandha tikkumplimenta l-kriterja kwalitattiva għall-identifikazzjoni tad-ditti ta’ investiment meħtieġa li jirreġistraw bħala internalizzaturi sistematiċi. Filwaqt li ċ-ċentri ta’ negozjar huma faċilitajiet li fihom l-interessi multipli tax-xiri u l-bejgħ ta’ partijiet terzi jinteraġixxu fis-sistema, internalizzatur sistematiku ma għandux ikun permess li jġib flimkien interessi tax-xiri u l-bejgħ tal-partijiet terzi bl-istess mod, mil-lat funzjonali, bħala ċentru tan-negozjar.

(18)

Il-persuni li jamministraw l-assi u l-impriżi tagħhom stess, li ma jipprovdux servizzi ta’ investiment jew iwettqu attivitajiet oħra ta’ investiment għajr li jinnegozjaw f’isimhom stess fi strumenti finanzjarji li mhumiex derivattivi ta’ komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet, jew derivattivi tagħhom, m’għandhomx ikunu koperti mill-ambitu ta’ din id-Direttiva għajr jekk ma jkunux ġeneraturi tas-suq, membri jew parteċipanti f’suq regolat jew f’MTF jew ikollhom aċċess elettroniku dirett għal ċentru tan-negozjar, japplikaw teknika ta’ negozjar algoritmiku ta’ frekwenza għolja, jew ikunu jinnegozjaw f’isimhom stess meta jeżegwixxu l-ordnijiet tal-klijenti.

(19)

Il-komunikat tal-Ministri tal-finanzi tal-G20 u tal-gvernaturi tal-bank ċentrali tal-15 ta’ April 2011 jiddikjara li l-parteċipanti dwar is-swieq tad-derivattivi ta’ komoditajiet għandhom ikunu suġġetti għal regolamentazzjoni u superviżjoni xierqa u għalhekk xi eżenzjonijiet mid-Direttiva 2004/39/KE għandhom ikunu modifikati.

(20)

Persuni li jinnegozjaw f’isimhom stess, inkluż ġeneraturi tas-suq f’derivattivi ta’ komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom, għajr persuni jinnegozjaw f’isimhom stess meta jeżegwixxu ordnijiet tal-klijenti, jew li jipprovdu servizzi ta’ investiment f’derivattivi ta’ komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom għall-klijenti jew il-fornituri tal-kummerċ ewlieni tagħhom m’għandhomx ikunu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, sakemm dik l-attività tkun attività anċillari għan-negozju ewlieni tagħhom fuq bażi ta’ grupp, u dak in-negozju ewlieni la huwa l-provvista ta’ servizzi ta’ investiment fit-tifsira ta’ din id-Direttiva u lanqas ta’ attivitajiet bankarji fit-tifsira tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), lanqas ġenerazzjoni tas-suq f’derivattivi ta’ komoditajiet u dawk il-persuni ma japplikawx teknika ta’ negozjar algoritmiku ta’ frekwenza għolja. Il-kriterju tekniku għal meta attività hija anċillari għat-tali kummerċ ewlieni għandha tkun ikkjarifikata fi standards tekniċi regolatorji, waqt li jitqiesu l-kriterji speċifikati f’din id-Direttiva.

Dawk il-kriterji għandhom jiżguraw li d-ditti mhux finanzjarji li jitrattaw fi strumenti finanzjarji b’mod sproporzjonat meta mqabbel mal-livell ta’ investiment fil-kummerċ ewlieni jkunu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. B’dan il-mod, dawk il-kriterji għandhom talinqas jikkunsidraw il-ħtieġa ta’ attivitajiet anċillari li jikkostitwixxu minoranza ta’ attivitajiet fil-livell tal-grupp u d-daqs tal-attività kummerċjali tagħhom meta mqabbel mal-attività kummerċjali tas-suq globali f’dik il-klassi ta’ assi. Hu xieraq li fejn hemm l-obbligu ta’ likwidità f’postijiet mitluba mill-awtoritajiet regolatorji bi qbil mal-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Unjoni jew nazzjonali jew miċ-ċentri tan-negozjar, it-tranżazzjonijiet li jsiru biex jissodisfaw tali obbligu għandhom ikunu esklużi mill-valutazzjoni dwar jekk l-attività hijiex anċillari.

(21)

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, li jirregolaw kemm l-OTC kif ukoll id-derivattivi nnegozjati fis-swieq tal-kambju fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, attivitajiet li huma meqjusa miżurabbli oġġettivament bħala li jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività tal-kummerċ jew l-attività tal-iffinanzjar tat-teżor u tranżazzjonijiet intragrupp għandhom jitqiesu b’mod konsistenti mar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(22)

Persuni li jinnegozjaw f’derivattivi ta’ komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi tagħhom jistgħu wkoll jittrattaw fi strumenti finanzjarji oħra bħala parti mill-attivitajiet ta’ ġestjoni tar-riskju tal-attività kummerċjali tat-teżor biex jipproteġu lilhom infushom kontra riskji, bħar-riskju tar-rata tal-kambju. Għalhekk, hu importanti li jkun iċċarat li l-eżenzjonijiet japplikaw b’mod kumulattiv. Pereżempju, l-eżenzjoni fil-punt (j) tal-Artikolu 2(1) tista’ tintuża flimkien mal-eżenzjoni fil-punt (d) tal-Artikolu 2(1).

(23)

Madankollu, sabiex ikun evitat użu ħażin tal-eżenzjonijiet, ġeneraturi tas-suq fi strumenti finanzjarji, li mhumiex ġeneraturi tas-suq f’derivattivi ta’ komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet, jew derivattivi tagħhom sakemm l-attività ta’ ġenerazzjoni ta’ suq tagħhom ma tkunx in-negozju ewlieni tagħhom meta meqjusa fuq bażi ta’ grupp u sakemm ma japplikawx teknika ta’ negozjar algoritmiku ta’ frekwenza għolja, għandhom ikunu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u ma għandhomx jibbenefikaw minn ebda eżenzjoni. Persuni li jinnegozjaw f’isimhom stess meta jeżegwixxu l-ordnijiet tal-klijenti jew li japplikaw teknika ta’ negozjar algoritmiku ta’ frekwenza għolja għandhom ukoll ikunu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u ma għandhomx jibbenefikaw minn ebda eżenzjoni.

(24)

In-negozjar fuq il-kont proprju meta jiġu eżegwiti l-ordnijiet tal-klijenti għandu jinkludi ditti li jeżegwixxu ordnijiet minn klijenti differenti billi tqabbilhom fuq bażi mqabbel ta’ prinċipal (negozjar dahar ma’ dahar - back to back), li għandu jitqies bħala aġir bħala prinċipal u għandu jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li tkopri kemm l-eżekuzzjonijiet ta’ ordnijiet f’isem il-klijenti kif ukoll l-ittrattar minn persuni għal rashom.

(25)

L-eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta’ strumenti finanzjarji bħala attività anċillari bejn żewġ persuni li l-kummerċ tagħhom, fuq bażi ta’ grupp, la huwa l-provvista ta’ servizzi ta’ investiment fit-tifsira ta’ din id-Direttiva u lanqas ta’ attivitajiet bankarji fit-tifsira tad-Direttiva 2013/36/UE ma għandux jitqies bħala negozjar ta’ persuna f’isimha stess meta teżegwixxi l-ordnijiet tal-klijenti.

(26)

Ir-referenzi għall-persuni fit-test għandhom jiġu mifhuma li jinkludu kemm il-persuni fiżiċi u kemm il-persuni ġuridiċi.

(27)

Għandhom jiġu esklużi l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tas-sigurtà li l-attivitajiet tagħhom huma suġġetti għall-monitoraġġ approprjat mill-awtoritajiet kompetenti tas-superviżjoni prudenzjali u li huma suġġetti għad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta jwettqu attivitajiet imsemmija f’dik id-Direttiva.

(28)

Il-persuni li ma jipprovdux servizzi għall-partijiet terzi imma li l-kummerċ tagħhom jikkonsisti f’li jipprovdu biss servizzi ta’ investiment għall-impriżi prinċipali tagħhom, għas-sussidjarji tagħhom jew għal sussidjarji oħra tal-impriżi prinċipali tagħhom, ma għandhomx jiġu koperti minn din id-Direttiva.

(29)

Uħud mill-kumpaniji lokali tal-utilitajiet tal-enerġija u xi operaturi ta’ stallazzjonijiet industrijali koperti mill-pakkett dwar l-Iskema ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet jgħaddu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom biex jiħħeġġjaw ir-riskji kummerċjali lil sussidjarji mhux konsolidati. Dawk il-kumpaniji ta’ negozju konġunt ma jipprovdu ebda servizz ieħor u jwettqu eżattament l-istess funzjoni bħall-persuni msemmija fil-Premessa 28. Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ugwali, għandu jkun possibbli ukoll li kumpaniji ta’ negozju konġunt ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jekk ikunu proprjetà konġunta ta’ utilitajiet tal-enerġija lokali jew operaturi li jaqgħu taħt il-punt (f) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87/KE li ma jipprovdux servizz għajr servizzi ta’ investiment għall-utilitajiet tal-enerġija lokali jew operaturi li jaqgħu taħt il-punt (f) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87/KE, u sakemm dawk l-utilitajiet tal-enerġija lokali jew dawk l-operaturi se jkunu eżentati skont il-punt (j) tal-Artikolu 2(1) f’każ li jwettqu dawk is-servizzi ta’ investiment huma stess. Madankollu, biex jiġi żgurat li salvagwardji xierqa jkunu fis-seħħ u li l-investituri jkunu protetti b’mod adegwat, l-Istati Membri li jagħżlu li jeżentaw tali negozji konġunti għandhom jirrikjedu minnhom ir-rekwiżiti għall-inqas analogi għal dawk imressqa f’din id-Direttiva, b’mod partikolari matul il-fażi ta’ awtorizzazzjoni, fil-valutazzjoni tar-reputazzjoni u l-esperjenza u tal-adattabilità ta’ kwalunkwe azzjonisti, fir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni inizjali u s-superviżjoni kontinwa kif ukoll tat-twettiq tal-obbligi kummerċjali.

(30)

Il-persuni li jipprovdu servizzi ta’ investiment fuq bażi inċidentali biss waqt attività professjonali għandhom jiġu esklużi wkoll mill-ambitu ta’ din id-Direttiva, sakemm dik l-attività tkun irregolata u r-regoli rilevanti ma jipprojbixxux il-provvediment, fuq bażi inċidentali, tas-servizzi ta’ investiment.

(31)

Il-persuni li jipprovdu servizzi ta’ investiment li jikkonsistu b’mod esklussiv fl-amministrazzjoni ta’ skemi tal-parteċipazzjoni tal-impjegati u li għalhekk ma jipprovdux servizzi ta’ investiment lil partijiet terzi, ma għandhomx ikunu koperti minn din id-Direttiva.

(32)

Jeħtieġ li jiġu esklużi mill-ambitu ta’ din id-Direttiva l-banek ċentrali u l-korpi l-oħra li jwettqu funzjonijiet simili kif ukoll il-korpi pubbliċi inkarigati mill-ġestjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fiha, liema kunċett ikopri l-investiment ta’ dawn, bl-eċċezzjoni tal-korpi li huma parzjalment jew totalment proprjetà tal-istat li r-rwol tagħhom huwa kummerċjali jew marbut mal-akkwist tal-ishma.

(33)

Biex jikkjarifika s-sistema ta’ eżenzjonijiet għas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali(SEBĊ), korpi oħra nazzjonali li jwettqu funzjonijiet simili u korpi li jintervjenu fl-immaniġġar tad-dejn pubbliku, huwa xieraq li dawn l-eżenzjonijiet ikunu limitati għall-korpi u l-istituzzjonijiet li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’konformità mal-liġi ta’ Stat Membru wieħed jew b’konformità mad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ta’ korpi internazzjonali li huwa membru tagħhom żewġ Stati Membri jew iktar u li għandhom l-għan li jimmobilizzaw fondi u jipprovdu assistenza finanzjarja għall-benefiċċju tal-membri tagħhom li qed jesperjenzaw jew ikunu mhedda minn problemi finanzjarji serji, bħall-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà.

(34)

Jeħtieġ li jiġu esklużi mill-ambitu ta’ din id-Direttiva l-impriżi ta’ investiment kollettiv u l-fondi tal-pensjonijiet, sewwa jekk ikkoordinati fil-livell tal-Unjoni u sewwa jekk le, u d-depożitarji jew l-amministraturi ta’ dawn l-impriżi, peress li huma suġġetti għal regoli speċifiċi adattati direttament għall-attivitajiet tagħhom.

(35)

Hu meħtieġ li jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni kif definit fl-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) jew l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) meta jwettqu l-kompiti tagħhom skont dawk id-Direttivi, skont ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) jew skont kodiċijiet ta’ netwerk jew linji gwida adottati skont dawk l-atti leġislattivi. F’konformita’ ma’ dawk l-atti leġislattivi, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom obbligi u responsabbiltajiet speċifiċi, huma suġġetti għal ċertifikazzjoni speċifika u huma sorveljati mill-awtoritajiet kompetenti speċifiċi għas-settur. L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom ukoll jibbenefikaw minn tali eżenzjoni meta huma jużaw persuni oħra li jaġixxu bħala fornituri ta’ servizz f’isimhom biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dawk l-atti leġislattivi jew skont il-kodiċijiet tan-netwerk jew il-linji gwida adottati skont dawn ir-Regolamenti. L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni m’għandhomx ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tali eżenzjoni meta jipprovdu servizzi jew attivitajiet ta’ investiment fi strumenti finanzjarji, inkluż meta joperaw pjattaforma għal negozju sekondarju fi drittijiet ta’ trażmissjoni finanzjarja.

(36)

Sabiex tibbenefika mill-eżenzjonijiet minn din id-Direttiva, il-persuna interessata għandha tikkonforma fuq bażi kontinwa mal-kundizzjonijiet stabbiliti għal dawn l-eżenzjonijiet. B’mod partikulari, jekk persuna tipprovdi servizzi ta’ investiment, jew twettaq attivitajiet tal-investiment u tkun eżentata minn din id-Direttiva minħabba li dawn is-servizzi jew attivitajiet ikunu sekondarji għall-kummerċ ewlieni ta’ dik il-persuna, meta kkunsidrati fuq il-bażi ta’ grupp, dik il-persuna ma għandhiex tibqa’ koperta iktar bl-eżenzjoni li tirrigwarda s-servizzi sekondarji meta l-provvediment ta’ dawn is-servizzi jew attivitajiet jieqaf milli jkun sekondarju għall-kummerċ ewlieni ta’ dik il-persuna.

(37)

Il-persuni li jipprovdu s-servizzi ta’ investiment u/jew li jwettqu attivitajiet tal-investiment koperti minn din id-Direttiva għandhom ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni mill-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom sabiex jiġu protetti l-investituri u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

(38)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE ma għandux ikollhom bżonn ta’ awtorizzazzjoni oħra skont din id-Direttiva sabiex jipprovdu servizzi ta’ investiment jew iwettqu attivitajiet tal-investiment. Meta istituzzjoni ta’ kreditu tiddeċiedi li tipprovdi servizzi ta’ investiment jew li twettaq attivitajiet ta’ investiment, l-awtoritajiet kompetenti, qabel ma jagħtu awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2013/36/UE, għandhom jivverifikaw illi din tikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva.

(39)

Depożiti strutturati ħarġu bħala forma ta’ prodott ta’ investiment iżda mhumiex koperti taħt kwalunkwe att leġislattiv għall-protezzjoni tal-investituri fuq livell tal-Unjoni, filwaqt li investimenti strutturati oħrajn huma koperti minn tali atti leġislattivi. Għalhekk huwa xieraq li tissaħħaħ il-fiduċja tal-investituri u li jsir trattament regolatorju li jikkonċerna d-distribuzzjoni iktar uniformi ta’ prodotti ta’ investiment mhux professjonali offruti flimkien biex tiżgura livell xieraq ta’ protezzjoni tal-investitur madwar l-Unjoni. Għal dik ir-raġuni, huwa xieraq li d-depożiti strutturati jkunu inklużi fl-ambitu ta’ din id-Direttiva. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li jkun ikkjarifikat li minħabba li d-depożiti strutturati huma forma ta’ prodott ta’ investiment, huma ma jinkludux depożiti marbuta biss ma’ rati ta’ interess, bħall-Euribor jew il-Libor, anki jekk ir-rati tal-interess huma predeterminati, jew jekk dawn ikunu fissi jew varjabbli. Tali depożiti għandhom għalhekk jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(40)

L-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għal ditti ta’ investiment u istituzzjonijiet ta’ kreditu meta jbiegħu jew jagħtu parir lill-klijenti fir-rigward ta’ depożiti strutturati, għandu jinftiehem bħal meta jaġixxu ta’ intermedjarji għal dawk il-prodotti maħruġa minn istituzzjonijiet tal-kreditu li jistgħu jieħdu depożiti f’konformita’ mad-Direttiva 2013/36/UE.

(41)

Depożitarji ċentrali tat-titoli (CSDs) huma istituzzjonijiet sistematikament importanti għas-swieq finanzjarji li jiżguraw ir-reġistrar inizjali tat-titoli, iż-żamma tal-kontijiet li jkun fihom it-titoli maħruġa u s-saldu ta’ prattikament it-tipi kollha ta’ titoli. Is-CSDs għandhom ikunu speċifikament regolati skont il-liġi tal-Unjoni u għandhom ikunu suġġetti, b’ mod partikolari, għall-awtorizzazzjoni u għal ċerti kundizzjonijiet operattivi. Madankollu, is-CSDs jistgħu, minbarra s-servizzi ewlenin imsemmija f’liġi oħra tal-Unjoni, jipprovdu s-servizzi u l-attivitajiet ta’ investiment li huma regolati skont din id-Direttiva.

Sabiex ikun żgurat li kull entità li tipprovdi servizzi u attivitajiet ta’ investiment tkun suġġetta għall-istess qafas regolatorju, hu xieraq li jkun żgurat li tali CSDs ma jkunux soġġetti għar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva rigward l-awtorizzazzjoni u ċerti kundizzjonijiet operattivi iżda li l-liġi tal-Unjoni li tirregola s-CDSs bħala tali tiżgura li jkunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva meta huma jipprovdu servizzi ta’ investiment jew iwettqu attivitajiet ta’ investiment minbarra s-servizzi speċifikati f’dik il-liġi tal-Unjoni.

(42)

Biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri fl-Unjoni, huwa xieraq li jkunu limitati l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jeskludu l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għal persuni li jipprovdu servizzi ta’ investiment lill-klijenti li, bħala riżultat, mhumiex protetti taħt din id-Direttiva. B’mod partikolari, huwa xieraq li l-Istati Membri jintalbu japplikaw ir-rekwiżiti għall-inqas analogi għal dawk imressqa f’din id-Direttiva għal dawk il-persuni, b’ mod partikolari matul il-fażi ta’ awtorizzazzjoni, fil-valutazzjoni tar-reputazzjoni u l-esperjenza u tal-adattabilità ta’ kwalunkwe azzjonisti, fir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni inizjali u s-superviżjoni kontinwa kif ukoll tat-twettiq tal-obbligi kummerċjali.

Barra minn hekk, persuni esklużi mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu koperti minn skema ta’ kumpens għall-investitur rikonoxxuta bi qbil mad-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) jew minn assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali li tiżgura protezzjoni ugwali għall-klijenti tagħhom fis-sitwazzjonijiet koperti minn dik id-Direttiva.

(43)

Fejn ditta ta’ investiment tipprovdi servizz wieħed jew iktar ta’ investiment mhux koperti bl-awtorizzazzjoni tagħha, jew twettaq attività waħda jew iktar ta’ investiment mhux koperti bl-awtorizzazzjoni tagħha, fuq bażi mhux regolari, ma għandhiex ikollha bżonn ta’ awtorizzazzjoni addizzjonali skont din id-Direttiva.

(44)

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-kummerċ ta’ riċezzjoni u trażmissjoni tal-ordnijiet għandu jinkludi wkoll li jinġiebu flimkien żewġ investituri jew iktar, biex b’hekk isseħħ tranżazzjoni bejn dawn l-investituri.

(45)

Ditti ta’ investiment u istituzzjonijiet tal-kreditu li jqassmu strumenti finanzjarji maħruġa minnhom stess għandhom ikunu suġġetti għal din id-Direttiva meta huma jipprovdu konsulenza dwar investiment lill-klijenti tagħhom. Biex tkun eliminata l-inċertezza u tissaħħaħ il-protezzjoni tal-investitur, huwa xieraq li jsir provvediment għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta, f’suq primarju, ditti ta’ investiment u istituzzjonijiet ta’ kreditu jqassmu strumenti finanzjarji maħruġa minnhom stess mingħajr ma jipprovdu kwalunkwe konsulenza. Għal dak il-għan, id-definizzjoni tas-servizz tal-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet f’isem il-klijenti għandha tkun estiża.

(46)

Il-prinċipji tal-għarfien reċiproku u tas-superviżjoni tal-Istat Membru tad-domiċilju jeħtieġu illi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma għandhomx jikkonċedu jew għandhom jirtiraw awtorizzazzjoni meta fatturi bħalma huma l-kontenut tal-programmi tal-operat, id-distribuzzjoni ġeografika jew l-attivitajiet attwalment imwettqa jindikaw biċ-ċar illi ditta ta’ investiment tkun għażlet is-sistema legali ta’ Stat Membru bil-għan li tevadi l-istandards iktar stretti fis-seħħ fi Stat Membru ieħor li ġewwa t-territorju tiegħu tkun beħsiebha twettaq jew tkun effettivament twettaq il-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha. Ditta ta’ investiment li hija persuna ġuridika għandha tkun awtorizzata fl-Istat Membru li fih ikollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha. Ditta ta’ investiment li mhix persuna ġuridika għandha tkun awtorizzata fl-Istat Membru li fih ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha. B’żieda ma’ dan, l-Istati Membri għandhom jesiġu illi l-uffiċċju prinċipali tad-ditta ta’ investiment ikun dejjem fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħha u li hija tkun topera effettivament minn hemm.

(47)

Id-Direttiva 2007/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) ipprovdiet kriteria dettaljati għall-valutazzjoni prudenzjali ta’ akkwiżizzjonijiet proposti f’ditta ta’ investiment u għal proċedura għall-applikazzjoni tagħhom. Biex jipprovdu ċertezza legali, kjarifiki u riżultati li jistgħu jkunu mbassra minn qabel fir-rigward tal-proċess tal-valutazzjoni, kif ukoll tar-riżultat tiegħu, huwa xieraq li l-kriterji u l-proċess ta’ valutazzjoni prudenzjali jkunu konformi ma’ dawk imressqa f’dik id-Direttiva.

B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw l-adattabilità tal-akkwirent propost u r-raġunar finanzjarju tal-akkwiżizzjoni proposta skont dawn il-kriterji kollha li ġejjin: ir-reputazzjoni tal-akkwirent propost; ir-reputazzjoni u l-esperjenza ta’ kwalunkwe persuna li ser tmexxi n-negozju tad-ditta ta’ investiment bħala riżultat tal-akkwist propost; ir-raġunar finanzjarju tal-akkwirent propost; jekk id-ditta ta’ investiment hijiex se tkun tista’ tkun konformi mar-rekwiżiti prudenzjali bbażati fuq din id-Direttiva u fuq Direttivi oħrajn, partikolarment, fuq id-Direttivi 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) u 2013/36/UE; jekk hemmx raġunijiet ta’ suspett li sar jew kien hemm attentat li jsir iffinanzjar permezz ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ terroriżmu fit-tifsira tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), jew jekk l-akkwiżizzjoni proposta jistax iżid ir-riskju ta’ dan.

(48)

Ditta ta’ investiment awtorizzata fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħha għandha tkun intitolata tipprovdi servizzi ta’ investiment jew twettaq attivitajiet ta’ investiment fl-Unjoni kollha mingħajr il-ħtieġa li tfittex awtorizzazzjoni separata mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li fih tixtieq tipprovdi dawn is-servizzi jew twettaq dawn l-attivitajiet.

(49)

Peress li ċerti ditti ta’ investiment huma eżentati minn ċerti obbligi imposti mid-Direttiva 2013/36/UE, huma għandhom ikunu obbligati jżommu jew ammont minimu ta’ kapital jew assigurazzjoni tal-indennità professjonali jew għaqda tat-tnejn. L-aġġustamenti tal-ammonti ta’ din l-assigurazzjoni jridu jqisu l-aġġustamenti magħmula fil-qafas tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23). Dak it-trattament partikulari għall-għanijiet tal-adegwatezza tal-kapital għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kull deċiżjoni li tirrigwarda t-trattament xieraq ta’ dawk id-ditti skont il-bidliet ġejjiena tal-liġi tal-Unjoni dwar l-adegwatezza tal-kapital.

(50)

Peress li l-ambitu tar-regolamentazzjoni prudenzjali għandu jkun limitat għal dawk l-entitajiet li, bis-saħħa li jżommu portafoll tan-negozjar fuq bażi professjonali, jirrappreżentaw sors ta’ riskju tal-kontroparti lill-parteċipanti l-oħra tas-suq, l-entitajiet li jinnegozjaw fuq kont proprju fl-istrumenti finanzjarji għajr derivattivi ta’ komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet, jew derivattivi tagħhom, għandhom jiġu esklużi mill-ambitu ta’ din id-Direttiva, sakemm ma jkunux ġeneraturi ta’ suq, ma jinnegozjawx f’isimhom stess meta jeżegwixxu ordnijiet tal-klijenti, ma jkunux membri jew parteċipanti ta’ suq regolat jew MTF, ma jkollhomx aċċess elettroniku dirett għal ċentru tan-negozjar u ma japplikawx teknika ta’ negozjar algoritmiku ta’ frekwenza għolja.

(51)

Sabiex jiġu protetti d-dritt tas-sjieda ta’ investitur u drittijiet oħra simili rigward it-titoli u d-drittijiet tal-investitur rigward il-fondi fdati lil ditta, dawk id-drittijiet għandhom b’mod partikulari jinżammu distinti minn dawk tad-ditta. Madankollu, dan il-prinċipju ma għandux jipprevjeni lid-ditta milli tagħmel kummerċ għaliha nfisha imma f’isem l-investitur, meta dan ikun meħtieġ min-natura nfisha tat-tranżazzjoni u l-investitur jaqbel, per eżempju fis-self tal-istokkijiet.

(52)

Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-assi tal-klijent huma għodda kruċjali għall-protezzjoni tal-klijenti fil-provvista tas-servizzi u tal-attivitajiet. Dawk ir-rekwiżiti jistgħu jkunu esklużi meta l-pussess sħiħ tal-fondi u tal-istrument finanzjarju huwa trasferit għal ditta ta’ investiment biex ikopri kwalunkwe obbligi preżenti jew futuri, attwali jew kontinġenti jew prospettivi. Dik il-possibilità wiesgħa tista’ toħloq inċertezza u tipperikola l-effikaċja tar-rekwiżiti li jikkonċernaw is-salvagwardja tal-assi tal-klijent. Għalhekk, għall-inqas meta jkunu involuti l-assi tal-klijenti mhux professjonali, huwa xieraq li tkun limitata l-possibilità tad-ditti ta’ investiment li jikkonkludu arranġamenti ta’ kollateral finanzjarju bit-trasferiment ta’ titoli kif iddefinit fid-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), għall-fini tal-aċċertament jew altriment tal-kopertura tal-obbligi tagħhom.

(53)

Huwa meħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tal-korpi maniġerjali ta’ ditti ta’ investiment, swieq regolati jew fornituri ta’ servizzi ta’ rappurtar tad-data biex jiżguraw immaniġġar tajjeb u prudenti tad-ditti, il-promozzjoni tal-integrità tas-suq u l-interessi tal-investituri. Il-korp maniġerjali ta’ ditta ta’ investiment, swieq regolati jew fornituri ta’ servizzi ta’ rappurtar tad-data għandu fil-mumenti kollha jiddedika ħin biżżejjed u jkollu l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza kollettivi adegwati sabiex ikun kapaċi jifhem l-attivitajiet tad-ditta inklużi r-riskji ewlenin tagħha. Biex jevitaw raġunar fi grupp u jiffaċilitaw opinjonijiet indipendenti u l-isfida kritika, korpi maniġerjali għandhom għalhekk ikunu differenti biżżejjed fir-rigward ta’ età, ġeneru, provenjenza, edukazzjoni u sfond professjonali biex jippreżentaw firxa varja ta’ fehmiet u esperjenzi. Ir-rappreżentanza tal-impjegati fil-korpi maniġerjali għandha wkoll titqies bħala espedjent pożittiv għat-titjib tad-diversità, billi tingħata prospettiva kruċjali u għarfien awtentiku tal-mekkaniżmi interni tad-ditti. Għalhekk, id-diversità għandha tkun wieħed mill-kriterji tal-kompożizzjoni tal-korpi maniġerjali. Id-diversità għandha wkoll tkun indirizzata fil-politika ta’ reklutaġġ tad-ditti b’mod aktar ġenerali. Dik il-politika għandha, pereżempju, tinkoraġġixxi istituzzjonijiet jagħżlu kandidati minn listi qosra billi jinkludu ż-żewġ sessi. Fl-interess ta’ approċċ koerenti għall-governanza korporattiva hu mixtieq li r-rekwiżiti għad-ditti ta’ investiment ikunu allinjati kemm hu possibbli ma’ dawk inklużi fid-Direttiva 2013/36/UE.

(54)

Biex ikollu sorveljanza u kontroll effettiv fuq l-attivitajiet tad-ditta ta’ investiment, swieq regolati u fornituri ta’ servizzi ta’ rappurtar tad-data, il-korp maniġerjali għandu jkun responsabbli u jagħti rendikont għall-istrateġija ġenerali tad-ditta, billi jqis il-kummerċ u l-profil tar-riskju tad-ditta. Il-korp maniġerjali għandu jieħu responsabilitajiet ċari matul iċ-ċiklu tal-operat tad-ditta, tal-oqsma tal-identifikazzjoni u d-definizzjoni tal-miri strateġiċi l-istrateġija tar-riskju u l-governanza interna tad-ditta, tal-approvazzjoni tal-organizzazzjoni interna tagħha, inkluż il-kriterji tal-għażla u t-taħriġ tal-persunal, ta’ sorveljanza effettiva tal-maniġment superjuri, tad-definizzjoni tal-linji ta’ politika ġenerali li jirregolaw il-provvista tas-servizzi u tal-attivitajiet, inkluż ir-remunerazzjoni tal-persunal responsabbli mill-bejgħ u l-approvazzjoni ta’ prodotti ġodda għad-distribuzzjoni lill-klijenti. Il-monitoraġġ perjodiku u l-ivvalutar tal-miri strateġiċi tad-ditti, l-organizzazzjoni interna tagħhom u l-linji ta’ politika tagħhom għall-provvista tas-servizzi u l-attivitajiet għandhom jiżguraw il-kapaċità kontinwa tagħhom li joffru maniġġar tajjeb u prudenti, fl-interess tal-integrità tas-swieq u tal-protezzjoni tal-investituri. Jekk membru tal-korp maniġerjali jkollu għadd kbir wisq ta’ karigi ta’ direttur dan jista’ jżommu milli jqatta’ ħin adegwat fit-twettiq ta’ dak ir-rwol ta’ sorveljanza.

Għalhekk, hu meħtieġ li jkun limitat l-għadd ta’ karigi ta’ direttur li membru tal-korp maniġerjali ta’ istituzzjoni jkun fihom fl-istess ħin f’entitajiet differenti. Madankollu, il-karigi ta’ direttur f’organizzazzjonijiet li ma jsegwux b’mod predominanti objettivi kummerċjali, bħal organizzazzjonijiet karitatevoli mhux għall-qliegħ, m’għandhomx jitqiesu fl-applikazzjoni ta’ dan il-limitu.

(55)

L-Istati Membri jużaw strutturi differenti ta’ governanza. F’ħafna każijiet tintuża struttura ta’ bord unitarja jew doppja. Id-definizzjonijiet użati f’din id-Direttiva huma intiżi li jiġbru l-istrutturi eżistenti kollha mingħajr ma jissuġġerixxu struttura partikolari. Huma purament funzjonali bl-iskop li jiġu stipulati regoli bil-mira li jintlaħaq eżitu partikolari rrispettivament mil-liġi tal-kumpanija nazzjonali applikabbli għal istituzzjoni f’kull Stat Membru. Id-definizzjonijiet m’għandhomx għalhekk jinterferixxu mal-allokazzjoni ġenerali tal-kompetenzi f’ konformita’ mal-liġi tal-kumpanija nazzjonali.

(56)

Il-firxa dejjem tespandi tal-attivitajiet li ħafna ditti ta’ investiment jidħlu għalihom b’mod simultanju żiedet il-potenzjal għall-kunflitti ta’ interess bejn dawn l-attivitajiet differenti u l-interessi tal-klijenti tagħhom. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu pprovduti regoli sabiex jiġi żgurat illi dawn il-kunflitti ma jaffettwawx b’mod negattiv l-interessi tal-klijenti tagħhom. Id-ditti għandhom id-dmir li jieħdu passi effettivi biex jidentifikaw u jevitaw jew jimmaniġjaw konflitti ta’ interess u jimmitigaw l-impatt potenzjali ta’ dawk ir-riskji kemm jista’ jkun. Meta madankollu jibqa’ xi riskju residwu ta’ ħsara għall-interessi tal-klijent, għandha issir divulgazzjoni ċara lill-klijent tan-natura ġenerali u/jew tas-sorsi ta’ konflitti ta’ interess lill-klijent u l-passi meħuda biex jimmitigaw dawk ir-riskji qabel ma jsir negozju f’isem il-klijent.

(57)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE (25) tippermetti lill-Istati Membri li jeħtieġu, fil-kuntest tar-rekwiżiti organizzativi għad-ditti ta’ investiment, l-irrekordjar ta’ konversazzjonijiet fuq it-telefon jew ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jinvolvu ordnijiet tal-klijent. L-irrekordjar ta’ konversazzjonijiet telefoniċi jew ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jinvolvi ordnijiet tal-klijent huwa kompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) u huwa ġustifikat sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-investitur, biex tittejjeb is-sorveljanza tas-suq u jżid iċ-ċertezza legali fl-interessi tad-ditti ta’ investiment u l-klijenti tagħhom. L-importanza tat-tali rekords hija wkoll msemmija fil-konsulenza teknika lill-Kummissjoni, maħruġa mill-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli fid-29 ta’ Lulju 2010. Tali rekords għandhom jiżguraw li hemm evidenza li turi t-termini ta’ kwalunkwe ordni mogħtija mill-klijenti u l-korrispondenza tagħha mat-tranżazzjonijiet eżegwiti mid-ditti ta’ investiment, kif ukoll biex tiġi osservata kwalunkwe imġiba li jista’ jkollha relevanza f’termini ta’ abbuż tas-suq, inkluż meta ditti jinnegozjaw f’isimhom.

Għal dak il-għan ir-rekords huma meħtieġa għall-konverżazzjonijiet kollha li jinvolvu r-rappreżentanti ta’ ditta meta jinnegozjaw, jew ikollhom il-ħsieb li jinnegozjaw, f’isimhom. Meta l-ordnijiet ikunu kkomunikati mill-klijenti b’modi oħra għajr it-telefown, tali komunikazzjonijiet għandhom isiru b’mezz durabbli bħal posta, fax, posta elettronika, dokumentazzjoni tal-ordnijiet tal-klijenti magħmula f’laqgħat. Pereżempju, il-kontenut ta’ konverżazzjonijiet diretti ma’ klijent jistgħu jkunu rrekordjati bl-użu ta’ minuti jew noti miktuba. Tali ordinijiet għandhom jitqiesu li huma ekwivalenti għal ordnijiet riċevuti bit-telefown. Meta jittieħdu minuti ta’ konverżazzjonijiet diretti ma’ klijenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm salvagwardji xierqa li jiżguraw li l-klijent ma jmurx minn taħt bħala riżultat ta’ minuti mhux rekordjati b’mod preċiż tal-konverżazzjoni bejn il-partijiet. Tali salvagwardji m’għandhomx jimplikaw xi assunzjoni ta’ responsabbiltà mill-klijent.

Sabiex ikun hemm ċertezza legali dwar l-iskop tal-obbligu, hu xieraq li jkun applikat għall-apparat kollu provdut mid-ditta jew li jista’ jintuża mid-ditta ta’ investiment u jkun meħtieġ li d-ditti ta’ investiment jieħdu passi raġonevoli biex jiżguraw li ebda tagħmir tal-privat ma jintuża fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet. Dawk ir-rekords għandhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħhom u fit-twettiq tal-azzjonijiet ta’ infurzar skont din id-Direttiva u skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u d-Direttiva 2014/57/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jidentifikaw imġiba li ma tkunx konformi mal-qafas legali li jirregola l-attività ta’ ditti ta’ investiment. Dawk ir-rekords għandhom ikunu disponibbli wkoll għal ditti ta’ investiment u għal klijenti biex juru l-iżvilupp tar-relazzjoni tagħhom fir-rigward ta’ ordnijiet trażmessi mill-klijenti u tranżazzjonijiet imwettqa mid-ditti. Għal dawk ir-raġunijiet, huwa xieraq li din id-Direttiva tipprovdi l-prinċipji ta’ sistema ġenerali li tikkonċerna l-irrekordjar ta’ konversazzjonijiet fuq it-telefon jew ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jinvolvu l-ordnijiet tal-klijent.

(58)

Konformement mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-superviżjoni finanzjarja Ewropea ta’ Ġunju 2009, u biex tikkontribwixxi għat-twaqqif ta’ ġabra unika tar-regoli għas-swieq finanzjarji tal-Unjoni, biex tgħin biex tkompli tiżviluppa kamp kompetittiv ekwu għall-Istati Membri u l-parteċipanti tas-suq, biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-investitur u biex ttejjeb is-superviżjoni u l-infurzar, l-Unjoni hija impenjata biex timminimizza, fejn huwa xieraq, id-diskrezzjonijiet disponibbli lill-Istati Membri fil-liġi tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji. Minbarra l-introduzzjoni f’din id-Direttiva ta’ sistema komuni għall-irrekordjar ta’ konversazzjonijiet fuq it-telefown jew ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jinvolvu ordnijiet tal-klijent, huwa xieraq li titnaqqas il-possibilità li l-awtoritajiet kompetenti jiddelegaw kompiti superviżorji f’ċerti każijiet, biex jiġu limitati d-diskrezzjonijiet fir-rekwiżiti applikabbli għal aġenti marbuta u għar-rapportar mill-fergħat.

(59)

L-użu tat-teknoloġija informatika tan-negozjar evolva b’mod sinifikanti fl-aħħar deċennju u issa huwa użat b’mod estensiv mill-parteċipanti tas-suq. Ħafna parteċipanti tas-suq issa jagħmlu użu minn negozjar algoritmiku fejn algoritmu tal-kompjuter jiddetermina awtomatikament aspetti ta’ ordni bi ftit jew mingħajr intervent uman. Ir-riskji li jiġu minn negozju algoritmiku għandhom ikun regolati. Madankollu, l-użu ta’ algoritmi fi proċessar ta’ wara n-negozjar ta’ tranżazzjonijiet eżegwiti ma jikkostitwixxix negozjar algoritmiku. Ditta ta’ investiment li tipparteċipa f’negozjar algoritmiku li qed tfittex li tikseb strateġija ta’ ġenerazzjoni tas-suq għandha twettaq dik il-ġenerazzjoni tas-suq b’mod kontinwu matul proporzjon speċifikat tal-ħinijiet ta’ negozjar taċ-ċentru tan-negozjar. Standards tekniċi regolatorji għandhom jiċċaraw x’jikkostitwixxi proporzjon speċifikat tal-ħinijiet ta’ negozjar taċ-ċentru tan-negozjarbilli jiżguraw li tali proporzjoni speċifikat ikun sinifikanti meta mqabbel mal-ħinijiet ta’ negozjar totali, filwaqt li jitqiesu l-likwidità, l-iskala u n-natura tas-suq speċifikat u l-karatteristiċi tal-istrument finanzjatu innegozjat.

(60)

Ditti ta’ investiment li jipparteċipaw f’negozjar algoritmiku u li jsegwu strateġija ta’ ġenerazzjoni tas-suq għandu jkollhom fis-seħħ sistemi u kontrolli xierqa għal dik l-attività. Tali attivita’ għandha tinftiehem b’mod speċifiku għal kuntest u skop tagħha. Id-definizzjoni ta’ tali attivita’ hija għalhekk indipendenti minn definizzjoni bħal dik ta’ “attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq” fir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27).

(61)

Sottokategorija speċifika ta’ negozjar algoritmiku huwa kummerċ algoritmiku ta’ frekwenza għolja fejn sistema tal-kummerċ tanalizza data jew sinjali mis-suq b’veloċità golja u mbagħad tibgħat jew taġġorna numri kbar ta’ ordnijiet f’perjodu qasir ta’ żmien bi tweġiba għal dik l-analiżi. B’mod partikolari, kummerċ algoritmiku ta’ frekwenza għolja jista’ jkun fih elementi bħall-bidu, il-ġenerazzjoni, id-direzzjonar u l-eżekuzzjoni ta’ ordni li huma determinati mis-sistema mingħajr intervent tal-bniedem għal kull negozju jew ordni individwali, perjodu ta’ żmien qasir biex jiġu stabbiliti u likwidati l-pożizzjonijiet, fatturat ta’ portafoll ta’ kuljum għoli, proporzjon għoli ħafna bejn l-ordni u n-negozjar fl-istess ġurnata u għeluq tal-jum ta’ negozjar f’pożizzjoni ċatta jew qrib tagħha. Kummerċ algoritmiku ta’ frekwenza għolja hu kkaratterizzat, fost oħrajn, minn rati għolja ta’ messaġġi fl-istess jum li jikkostitwixxu ordnijiet, kwoti jew kanċellazzjonijiet. Fid-determinazzjoni ta’ rati għolja ta’ messaġġi fl-istess jum, l-identità tal-klijent finalment wara l-attività, it-tul tal-perjodu ta’ osservazzjoni, il-paragun mal-attività ġenerali tas-suq matul dak il-perjodu u l-konċentrazzjoni jew il-frammentazzjoni relattiva tal-attività għandha tiġi meqjusa. Kummerċ algoritmiku ta’ frekwenza għolja tipikament isir minn negozjaturi li jużaw il-kapital tagħhom infushom biex jinnegozjaw u iktar milli huwa strateġija minnu nnifsu huwa ġeneralment l-użu ta’ teknoloġija sofistikata biex ikunu implimentati strateġiji iktar tradizzjonali bħat-twettiq tas-suq jew l-arbitraġġ.

(62)

L-avvanzi tekniċi ppermettew negozjar ta’ frekwenza għolja u evoluzzjoni tal-mudelli tan-negozju. In-negozjar ta’ frekwenza għolja jiġi ffaċilitat mill-kollokazzjoni tal-faċilitajiet tal-parteċipanti fis-suq fi qrubija fiżika għall-magna ta’ korrispondenza ta’ ċentru tan-negozjar. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ negozjar ordinati u ġusti, hu essenzjali li ċ-ċentri tan-negozjar jipprovdu s-servizzi ta’ kollokazzjoni ta’ dan it-tip fuq bażi mhux diskriminatorja, ġusta u trasparenti. L-użu tat-teknoloġija informatika tan-negozjar żied il-veloċità, il-kapaċità u l-kumplessità ta’ kif jinnegozjaw in-negozjaturi. Għen ukoll lill-parteċipanti tas-suq biex jiffaċilitaw l-aċċess elettroniku dirett mill-klijenti tagħhom għal swieq permezz tal-użu tal-faċilitajiet tan-negozjar tagħhom, permezz ta’ aċċess tas-suq dirett jew aċċess sponsorizzat. It-teknoloġija informatika tan-negozjar ipprovdiet benefiċċji għas-suq u għall-parteċipanti tas-suq b’mod ġenerali bħal parteċipazzjoni usa’ fis-swieq, iktar likwidità, inqas firxa, inqas volatilità fuq terminu qasir u l-mezzi biex tintlaħaq eżekuzzjoni aħjar tal-ordnijiet għall-klijenti. Madankollu, dik it-teknoloġija informatika tan-negozjar tat bidu wkoll għal numru ta’ riskji potenzjali bħaż-żieda fir-riskju tat-tagħbija żejda tas-sistemi taċ-ċentri tan-negozjar minħabba volumi kbar ta’ ordnijiet, riskji li negozjar algoritmiku jiġġenera ordnijiet duplikati jew żbaljati jew malfunzjonanti b’tali mod li jistgħu jwasslu għal suq diżordinat.

Barra minn hekk, hemm ir-riskju ta’ sistemi ta’ negozjar algoritmiku li jirreaġixxu b’mod esaġerat għal avvenimenti oħra tas-suq li jista’ jħarrax il-volatilità jekk hemm problema preeżistenti fis-suq. Finalment, negozjar algoritmiku jew tekniki ta’ negozjar algoritmiku ta’ frekwenza għolja, bħal kull forma oħra ta’ negozjar, jista’ jirrendi ruħu għal ċerti forom ta’ mġiba abbużiva, li għandhom ikunu pprojbiti skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014. Negozjar ta’ frekwenza għolja jista’ wkoll, minħabba l-vantaġġ tal-informazzjoni pprovdut għal negozjaturi ta’ frekwenza għolja, jikkonvinċi lill-investituri jagħżlu li jwettqu negozju f’postijiet fejn jistgħu jevitaw l-interazzjoni man-negozjaturi ta’ frekwenza għolja. Huwa xieraq li t-tekniki tan-negozjar algoritmiku ta’ frekwenza għolja li jiddependu minn ċerti karatteristiċi speċifikati jiġu soġġetti għal skrutinju regolatorju partikolari. Filwaqt li dawk huma b’mod predominanti tekniki li jiddependu fuq in-negozjar f’isimhom stess, tali skrutinju għandu japplika wkoll fejn l-eżekuzzjoni tat-teknika tkun strutturata b’tali mod li tevita l-eżekuzzjoni li ssir f’isimha stess.

(63)

Dawk ir-riskji potenzjali mill-użu dejjem jiżdied tat-teknoloġija jittaffew l-aħjar minn kombinazzjoni ta’ miżuri u kontrolli tar-riskju speċifiċi diretti lejn ditti li jipparteċipaw f’tekniki ta’ negozjar algoritmiku jew negozjar algoritmiku ta’ frekwenza għolja, dawk li jipprovdu aċċess elettroniku dirett, u miżuri oħra diretti lejn operaturi ta’ ċentri tan-negozjar li huma aċċessati mit-tali ditti. Sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-swieq fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi, dawk il-miżuri għandhom jirriflettu u jibnu fuq il-linji gwida tekniċi maħruġa mill-Awtorita’ Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (28) (‘AETS’) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsillfi Frar 2012 dwar sistemi u kontrolli f’ambjent ta’ negozjar awtomatizzat għal pjattaformi ta’ negozjar, ditti ta’ investiment u awtoritajiet kompetenti (AETS/2012/122). Huwa opportun li jkun żgurat li d-ditti kummerċjali algoritmiċi ta’ frekwenza għolja jkunu awtorizzati. Tali awtoriżżazzjoni għandha tiżgura li dawk id-ditti jkunu suġġetti għar-rekwiżiti organizzattivi skont din id-Direttiva u li jkunu sorveljati kif xieraq. Madankollu, l-entitajiet li huma awtorizzati u sorveljati skont il-liġi tal-Unjoni li tirregola s-settur finanzjarju u huma eżentati minn din id-Direttiva imma li jipparteċipaw f’negozjar algoritmitku jew tekniki ta’ negozjar algoritmiku ta’ frekwenza għolja m’għandhomx ikunu mitluba jakkwistaw awtorizzazzjoni skont din id-Direttiva u għandhom biss ikunu suġġetti għall-miżuri u l-kontrolli li għandhom l-għan li jindirizzaw riskju speċifiku li ġej minn dawn it-tipi ta’ negozjar. F’dak ir-rigward, l-AETS għandha tiżvolġi rwol ta’ koordinament importanti fid-definizzjoni tad-daqs ta’ funzjonament xieraq biex jiġu żgurati swieq ordnati f’livell tal-Unjoni.

(64)

Kemm id-ditti ta’ investiment kif ukoll iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jiżguraw li jkun hemm miżuri b’saħħithom f’posthom biex jiżguraw li n-negozjar algoritmiku jew tekniki ta’ negozjar algoritmiku ta’ frekwenza għolja ma joħoloqux suq diżordinat u ma jistgħux jintużaw għal għanijiet abbużivi. Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jiżguraw ukoll li s-sistemi tan-negozjar tagħhom huma reżiljenti u ttestjati tajjeb biex jitrattaw ma’ żieda fil-flussi tal-ordnijiet jew stress tas-suq u li hemm salvaviti fis-seħħ fiċ-ċentri ta’ negozjar biex iwaqqfu temporanjament il-kummerċ jew jillimitawh jekk ikun hemm movimenti f’daqqa mhux mistennija fil-prezzijiet.

(65)

Hemm bżonn ukoll li jiġi żgurat li l-istrutturi tal-ħlasijiet taċ-ċentri ta’ negozjar ikunu trasparenti, mhux diskriminatorji u ġusti u li ma jkunux strutturati b’tali mod li jippromwovu kundizzjonijiet tas-suq diżordinati. Huwa għalhekk xieraq li ċ-ċentri ta’ negozjar jaġġustaw il-ħlasijiet tagħhom għall-ordnijiet ikkanċellati skont it-tul ta’ żmien li matulu tkun inżammet l-ordni u li jirregolaw it-tariffi għal kull strument finanzjarju li japplikaw għalih. L-Istati Membri għandhom ukoll ikunu jistgħu jippermettu li ċentri ta’ negozjar jimponu ħlasijiet ogħla għat-tqegħid ta’ ordni li tiġi sussegwentement ikkanċellata jew fuq parteċipanti li jqiegħdu proporzjon għoli ta’ ordnijiet ikkanċellati u fuq dawk li joperaw teknika ta’ negozjar algoritmiku ta’ frekwenza għolja sabiex jiġi rifless il-piż addizzjonali fuq il-kapaċità tas-sistema mingħjar ma neċessarjament jibbenefikaw parteċipanti oħra tas-suq.

(66)

Minbarra miżuri marbuta mal-negozjar algoritmiku u tekniki ta’ negozjar algoritmiku ta’ frekwenza għolja huwa xieraq li jkun ipprojbit l-għoti ta’ aċċess elettroniku dirett għal swieq minn ditti ta’ investiment għall-klijenti tagħhom meta tali aċċess ma jkunx suġġett għal sistemi u kontrolli xierqa. Irrispettivament mill-forma ta’ aċċess elettroniku dirett provdut, id-ditti li jipprovdu tali aċċess għandhom jivvalutaw u jirrevedu l-adattabbiltà tal-klijenti li jużaw dak is-servizz u jiżguraw li jkunu imposti kontrolli tar-riskju fuq l-użu tas-servizz u li dawk id-ditti jibqgħu responsabbli min-negozjar magħmul mill-klijenti tagħhom bl-użu tas-sistemi jew il-kodiċijiet tan-negozjar tagħhom. Huwa xieraq li r-rekwiżiti organizzativi dettaljati rigward dawk il-forom ġodda ta’ kummerċ għandhom ikunu preskritti b’iktar dettall fi standards tekniċi regolatorji. Dan għandu jiżgura li r-rekwiżiti jistgħu jkunu emendati fejn meħtieġ biex jittrattaw ma’ iktar innovazzjoni u żviluppi f’dak il-qasam.

(67)

Sabiex tkun żgurata superviżjoni effettiva u sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jieħdu miżuri adegwati kontra strateġiji algoritmiċi difettużi jew diżonesti fi żmien dovut hu meħtieġ li l-ordnijiet kollha ġġenerati min-negozjar algoritmiku jiġu mmarkati. Permezz tal-immarkar, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw u jiddistingwu ordnijiet li joriġinaw minn algoritmi differenti u jerġgħu jibnu b’mod effiċjenti u jevalwaw l-istrateġiji li jużaw in-negozjanti algoritmiċi. Dan għandu jnaqqas ir-riskju li l-ordnijiet ma jkunux attribwiti b’mod ambigwu għal strateġija algoritmika jew għal negozjant. L-immarkar jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jirreaġixxu b’mod effiċjenti u effettiv kontra strateġiji ta’ negozjar algoritmiku li joħolqu mġiba abbużiva jew joħolqu riskji għall-funzjonament tajjeb tas-suq.

(68)

Sabiex ikun żgurat li l-integrità tas-suq tinżamm fid-dawl ta’ żviluppi teknoloġiċi fis-swieq finanzjarji, l-AETS għandha tfittex b’mod regolari input minn esperti nazzjonali dwar żviluppi relatati mat-teknoloġija tan-negozjar inkluż negozjar ta’ frekwenza għolja u prattiki ġodda li jistgħu jikkostitwixxu abbuż tas-suq, sabiex tidentifika u tippromovi strateġiji effettivi li jimpedixxu u jindirizzaw tali abbużi.

(69)

Hemm multitudni ta’ ċentri tan-negozjar li bħalissa qed joperaw fl-Unjoni, li numru minnhom qed jinnegozjaw strumenti finanzjarji identiċi. Biex ikunu indirizzati r-riskji potenzjali għall-interessi tal-investituri huwa meħtieġ li jkunu formalizzati u iktar ikkoordinati l-proċessi fuq il-konsegwenzi għall-kummerċ f’ċentri tan-negozjar oħra jekk ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li qed jopera ċentru tan-negozjar wieħed jiddeċiedi li jissospendi jew ineħħi strument finanzjarju mill-kummerċ. Fl-interess taċ-ċertezza legali u biex ikunu indirizzati b’mod adegwat il-kunflitti ta’ interess fid-deċiżjoni li jkunu sospiża jew imneħħija strumenti finanzjarji mill-kummerċ, għandu jkun żgurat li jekk ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li qed jopera ċentru tan-negozjar jieqaf jinnegozja minħabba li ma jkunx konformi mar-regoli proprji, l-oħrajn isegwu dik id-deċiżjoni jekk ikun deċiż hekk mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom sakemm it-tkomplija mal-kummerċ ma tkunx ġustifikata minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jkun formalizzat u mtejjeb l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tas-sospensjoni jew it-tneħħija ta’ strumenti finanzjarji mill-kummerċ f’ċentru tan-negozjar. Dawk l-arranġamenti għandhom ikunu applikati b’mod li jżommu ċ-ċentri ta’ negozjar milli jużaw informazzjoni trażmessa fil-kuntest ta’ sospensjoni jew tneħħija ta’ strument finanzjarju min-negozjar għal raġunijiet kummerċjali.

(70)

Iktar investituri saru attivi fis-swieq finanzjarji u huma offruti sett usa u iktar kumpless ta’ servizzi u strumenti u, fid-dawl ta’ dawk l-iżviluppi, huwa meħtieġ li jkun ipprovdut grad ta’ armonizzazzjoni li joffri lill-investituri livell għoli ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni. Meta kienet adotta d-Direttiva 2004/39/KE, id-dipendenza dejjem tiżdied tal-investituri fuq rakkomandazzjonijiet personali ħtieġet li tinkludi l-provvista ta’ konsulenza dwar investiment bħala servizz ta’ investiment suġġett għall-awtorizzazzjoni u għal qadi speċifiku tal-obbligi tal-kummerċ. Ir-relevanza kontinwa tar-rakkomandazzjonijiet personali għall-klijenti u l-kumplessità dejjem tiżdied tas-servizzi u l-istrumenti teħtieġ il-qadi ta’ obbligi tal-kummerċ biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri.

(71)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ditti ta’ investiment jaġixxu bi qbil mal-aħjar interessi tal-klijenti tagħhom u jkunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva. Ditti ta’ investiment għandhom jifhmu kif xieraq il-karatteristiċi tal-istrumenti finanzjarji offruti jew rakkomandati u jistabbilixxu u jirrevedu politiki u arranġamenti effettivi biex jidentifikaw il-kategorija ta’ klijenti li jkunu pprovdewlhom il-prodotti u s-servizzi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti ta’ investiment li jimmanifatturaw strumenti finanzjarji jiżguraw li dawk il-prodotti jkunu manifatturati biex jilħqu l-ħtiġijiet ta’ suq partikolari identifikat ta’ klijenti finali fi ħdan il-kategorija rilevanti ta’ klijenti, jieħdu passi raġonevoli biex jiżguraw li l-istrumenti finanzjarji jkunu mqassma lis-suq partikolari identifikat u perjodikament jirrevedu l-identifikazzjoni tas-suq partikolari u l-prestazzjoni tal-prodotti li huma joffru. Ditti ta’ investiment li joffru jew jirrakkomandaw lill-klijenti strumenti finanzjarji mhux maħduma minnhom għandhom ukoll ikollhom arranġamenti xierqa fis-seħħ biex jiksbu u jifhmu l-informazzjoni rilevanti dwar il-proċess ta’ approvazzjoni tal-prodott, inkluż is-suq partikolari identifikat u l-karatteristiċi tal-prodott li huma joffru jew jirrakkomandaw. Dak l-obbligu għandu japplika mingħajr preġudizzju għal kull valutazzjoni ta’ adegwatezza jew adattabbiltà li tkun imwettqa sussegwentement mid-ditta ta’ investiment fl-għoti ta’ servizzi ta’ investiment lil kull klijent, abbażi tal-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi personali tagħhom.

Sabiex ikun żgurat li l-istrumenti finanzjarji jkunu offruti jew rakkomandati biss meta hu fl-interess tal-klijent, ditti ta’ investiment li qed joffru jew jirrakkomandaw il-prodott maħdum mid-ditti li ma jkunux suġġett għar-rekwiżiti ta’ governanza tal-prodott kif stabbilit f’din id-Direttiva jew maħduma minn ditti ta’ pajjiż terz għandhom ukoll ikollhom arranġamenti xierqa biex jakkwistaw informazzjoni biżżejjed dwar l-istrumenti finanzjarji.

(72)

Biex tingħata l-informazzjoni kollha rilevanti lill-investituri, huwa xieraq li d-ditti ta’ investiment li jipprovdu konsulenza dwar l-investiment biex jiddivulgaw l-ispejjeż tal-konsulenza, biex jikkjarifikaw il-bażi tal-konsulenza li jipprovdu, partikolarment il-firxa ta’ prodotti li jikkunsidraw meta jipprovdu rakkomandazzjonijiet personali lill-klijenti, kemm jekk jipprovdu konsulenza dwar investiment fuq bażi indipendenti kif ukoll jekk jipprovdu lill-klijenti b’valutazzjoni perjodika dwar l-addattabilità tal-istrumenti finanzjarji rrakkomandati lilhom. Huwa xieraq ukoll li d-ditti ta’ investiment jintalbu jispjegaw lill-klijenti tagħhom ir-raġunijiet tal-konsulenza pprovduta lilhom.

(73)

Biex jistabbilixxu iktar il-qafas regolatorju għall-provvista tas-servizz ta’ konsulenza dwar investiment, filwaqt li fl-istess ħin iħallu l-għażla għad-ditti ta’ investiment u l-klijenti, huwa xieraq li jkunu stabbiliti kundizzjonijiet għall-provvista ta’ dak is-servizz meta d-ditti jinfurmaw lill-klijenti li s-servizz qed ikun ipprovdut fuq bażi indipendenti. Meta l-konsulenza tiġi pprovduta fuq bażi indipendenti għandha tiġi vvalutata firxa suffiċjenti ta’ prodotti minn fornituri differenti ta’ prodotti qabel issir rakkomandazzjoni personali. Mhuwiex meħtieġ li l-konsulent jivvaluta l-prodotti ta’ investiment disponibbli fis-suq mill-fornituri kollha ta’ prodotti jew dawk kollha li joħorġu l-prodotti, iżda l-firxa ta’ strumenti finanzjarji m’għandhiex tkun limitata għal strumenti finanzjarji maħruġa jew ipprovduti minn entitajiet b’rabtiet mill-qrib mad-ditta ta’ investiment jew b’relazzjonijiet legali jew ekonomiċi oħra, bħal relazzjoni kuntrattwali, li tant ikunu stretti li jistgħu iqiegħdu f’riskju l-bażi indipendenti tal-parir ipprovdut.

(74)

Biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri u tiżdied iċ-ċarezza lill-klijenti dwar is-servizz li jirċievu, huwa wkoll xieraq li tkompli tkun limitata l-possibilità għad-ditti li jipprovdu s-servizz tal-konsulenza dwar l-investiment fuq bażi indipendenti u s-servizz tal-immaniġġjar tal-portafoll jaċċettaw u jżommu ħlasijiet, kummissjonijiet jew kwalunkwe benefiċċju monetarju u mhux monetarju minn partijiet terzi, u partikolarment minn min joħroġ l-istrument jew min jipprovdi s-servizz. Dan jimplika li t-tariffi, il-kummissjonijiet kollha u kull benefiċċju monetarju mħallas jew ipprovdut minn terza parti għandu jkun ritornat kompletament lill-klijent malajr kemm jista’ jkun wara li jirċievi dawk il-ħlasijiet mid-ditta u d-ditta m’għandhiex tkun tista’ tibbilanċja kwalunkwe pagament ta’ terzi persuni mill-ħlasijiet dovuti mill-klijenti lid-ditta. Il-klijent għandu jkun infurmat b’mod adegwat u fejn rilevanti perjodikament dwar il-ħlasijiet, il-kummissjonijiet u l-benefiċċji kollha li d-ditta irċeviet b’rabta mas-servizz tal-investiment provdut lill-klijent u trasferiti lilu. Ditti li jipprovdu konsulenza indipendenti jew l-immaniġġar ta’ portafoll għandu ikollhom ukoll politika, bħala parti mir-rekwiżiti tal-organizzazzjoni, li tiżgura li pagamenti ta’ terzi persuni li jirċievu jkunu allokati u trasferiti lill-klijenti. Benefiċċji żgħar u mhux monetarji biss għandhom ikunu permessi, sakemm dawn jiġu żvelati b’mod ċar lill-klijent, li huma jkunu kapaċi jtejbu l-kwalità tas-servizz pprovdut u sakemm ma setgħux jitqiesu li jdgħajfu l-kapaċità tad-ditti ta’ investiment li jaġixxu fl-aħjar interess tal-klijenti tagħhom.

(75)

Meta qed jipprovdu s-servizz ta’ konsulenza dwar l-investiment fuq bażi indipendenti u s-servizz tal-immaniġġar ta’ portafoll, ħlasijiet, kummissjonijiet jew benefiċċji mhux monetarji mħallsa jew provduti minn persuna f’isem il-klijent għandhom ikunu permessi biss sakemm il-persuna hi konxja li tali pagamenti kienu saru f’isim dik il-persuna u li l-ammont u l-frekwenza ta’ kull pagament hu maqbul bejn il-klijent u d-ditta ta’ investiment u mhux determinat minn terza persuna. Każijiet li jistgħu jissodisfaw dak ir-rekwiżit jinkludu meta l-klijent iħallas fattura ta’ ditta direttament jew din titħallas minn parti terza indipendenti li m’għandha l-ebda konnessjoni mad-ditta ta’ investiment fir-rigward tas-servizz tal-investiment provdut lill-klijent u li qed taġixxi biss fuq istruzzjonijiet tal-klijent u każijiet meta l-klijent jinnegozja ħlas għal servizz provdut minn ditta ta’ investiment u jagħmel dak il-ħlas. Dan ikun ġeneralment il-każ għall-kontabilisti jew avukati li jaġixxu skont istruzzjoni ċara ta’ pagament mill-klijent jew meta persuna tkun qed taġixxi bħala biss dik li tgħaddi l-pagament.

(76)

Din id-Direttiva tipprovdi għal kundizzjonijiet u l-proċeduri li l-Istati Membri jridu jikkonformaw magħhom meta jippjanaw li jimponi rekwiżiti addizzjonali. Tali rekwiżiti jistgħu jinkludu li jipprojbixxu jew li jirrestrinġu ulterjorment li joffru jew jaċċettaw ħlasijiet, kummissjonijiet jew kwalunkwe benefiċċji fi flus u mhux fi flus imħallsa jew ipprovduti minn kwalunkwe parti terza jew persuna li taġixxi f’isem parti terza b’rabta mal-għoti tas-servizz lill-klijenti.

(77)

Biex il-konsumaturi jiġu protetti ulterjorment, jixraq ukoll li jiġi ggrantit li d-ditti ta’ investiment ma jirrimunerawx jew ma jivvalutawx ir-riżultati tal-persunal tagħhom b’tali mod li jkun f’kuntrast mad-dmir tad-ditti li jaġixxu fl-aħjar interessi tal-klijenti tagħhom, pereżempju permezz ta’ remunerazzjoni, miri tal-bejgħ jew mod ieħor li jipprovdu inċentiv biex wieħed jirrakkomanda jew ibiegħ strument finanzjarju partikolari meta prodott ieħor jista’ jwieġeb aħjar għall-ħtiġijiet tal-klijent.

(78)

Meta informazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-ispejjeż u tat-tariffi assoċjati jew tar-riskji fir-rigward tal-istrument finanzjarju innifsu jiġi provdut f’konformità ma’ liġijiet oħra tal-Unjoni li dik l-informazzjoni għandha tkun meqjusa bħala xierqa għall-għanijiet tal-għoti ta’ informazzjoni lill-klijenti skont din id-Direttiva. Madankollu, ditti ta’ investiment jew istituzzjonijiet tal-kreditu li jqassmu dak l-istrument finanzjarju għandhom barra min hekk jinformaw lill-klijenti tagħhom dwar l-ispejjeż u l-ħlasijiet assoċjati l-oħra kollha relatati mal-għoti tas-servizzi ta’ investiment għal dak l-istrument finanzjarju.

(79)

Minħabba l-kumplessità tal-prodotti tal-investiment u l-innovazzjoni kontinwa fid-disinn tagħhom, huwa wkoll importanti li jiġi żgurat li l-persunal li joffri konsulenza dwar prodotti tal-investiment jew li jbigħhom lill-klijenti mhux professjonali jkollu livell xieraq ta’ għarfien u kompetenza fir-rigward tal-prodotti offruti. Ditti ta’ investiment għandhom jagħtu biżżejjed ħin u riżorsi lill-persunal tagħhom biex jiksbu dak l-għarfien u l-kompetenza u biex ikunu applikati fl-għoti ta’ servizzi lill-klijenti.

(80)

Ditti ta’ investiment huma permessi li jipprovdu servizzi ta’ investiment li jikkonsistu biss fl-eżekuzzjoni u/jew fir-riċezzjoni u t-trasmissjoni tal-ordni tal-klijent, mingħajr il-ħtieġa li tinkiseb informazzjoni rigward l-għarfien u l-esperjenza tal-klijent biex tkun ivvalutata l-adattabilità tas-servizz jew tal-istrument finanzjarju għall-klijent. Minħabba li dawk is-servizzi jwasslu għal tnaqqis rilevanti tal-protezzjoni tal-klijenti, huwa xieraq li jkunu mtejba l-kundizzjonijiet għall-provvista tagħhom. B’mod partikolari, huwa xieraq li tkun eskluża l-possibilità li dawk is-servizzi jkunu pprovduti flimkien mas-servizz anċillari li jikkonsisti fl-għoti ta’ kreditu jew self lill-investituri biex jippermettilhom jagħmlu tranżazzjoni li fiha hija involuta d-ditta ta’ investiment, minħabba li dan iżid il-kumplessità tat-tranżazzjoni u jagħmel l-għarfien tar-riskju involut iktar diffiċli. Huwa wkoll xieraq li jkunu definiti aħjar il-kriterji għall-għażla tal-istrumenti finanzjarji li għandhom jintrabtu magħhom dawk is-servizzi sabiex ikunu esklużi ċerti strumenti finanzjarji, inkluż dawk li jinkludu derivattiva jew jinkorporaw struttura li tagħmilha diffiċli għall-klijent li jifhem ir-riskju involut, ishma f’impriżi li mhumiex impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (impriżi ta’ investiment kollettiv mhux UCITS) u UCITS strutturati kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 583/2010 (29). It-trattament ta’ ċerti UCITS bħala prodotti kumplessi għandu jkun mingħajr preġudizzju għal liġi futura tal-Unjoni li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u r-regoli applikabbli għal tali prodotti.

(81)

Prattiki ta’ bejgħ inkroċjat huma strateġija komuni għall-fornituri tas-servizzi finanzjarji mhux professjonali fl-Unjoni. Dawn jistgħu jipprovdu benefiċċji għall-klijenti mhux professjonali imma jistgħu ukoll jirrappreżentaw prattiki fejn l-interess tal-klijent ma jitqiesx adegwatement. Pereżempju, ċerti forom ta’ prattiki ta’ bejgħ inkroċjat, notevolment prattiki ta’ konfezzjoni (tying) fejn żewġ servizzi finanzjarji jew aktar jinbiegħu flimkien f’pakkett u tal-anqas wieħed minn dawk is-servizzi ma jkunx disponibbli separatement, jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni u jaffettwaw negattivament il-mobilità tal-klijenti u l-abilità tagħhom li jagħmlu għażliet informati. Eżempju ta’ prattiki ta’ konfezzjoni jista’ jkun il-ftuħ neċessarju ta’ kontijiet kurrenti meta jitforna servizz ta’ investiment lil klijent mhux professjonali. Filwaqt li prattiki ta’ gruppar (bundling), fejn żewġ servizzi finanzjarji jew aktar jinbiegħu flimkien f’pakkett, imma kull servizzi minnhom jista’ wkoll jinxtara separatement, minkejja li jistgħu wkoll jgħawġu l-kompetizzjoni u jaffettwaw negattivament il-mobilità tal-klijenti u l-abilità tagħhom li jagħmlu għażliet informati, tal-anqas iħallu l-għażla ħielsa lill-klijent u għalhekk jistgħu jkunu ta’ riskju iżgħar għall-konformità tad-ditti ta’ investiment mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva. L-użu ta’ tali prattiki għandu jiġi vvalutat bir-reqqa sabiex tiġi promossal-kompetizzjoni u l-għażla tal-konsumatur.

(82)

Meta qed tipprovdi konsulenza dwar investiment, ditta ta’ investiment għandha tispeċifika f’dikjarazzjoni bil-miktub dwar l-adattabbiltà il-mod li bih il-konsulenza mogħtija tilħaq il-preferenzi, il-ħtiġijiet u karatteristiċi oħra tal-klijent mhux professjonali. Id-dikjarazzjoni għandha tkun provduta b’mezz durabbli li jinkludi l-forma elettronika. Ir-responsabbiltà li titwettaq valutazzjoni ta’ adattabbiltà u li tipprovdi rapport preċiż ta’ adattabbiltà lill-klijent hi tad-ditta ta’ investiment u għandhom jitqiegħdu salvagwardi xierqa li jiżguraw li l-klijent ma jinkorrix telf minħabba li r-rapport ikun jippreżenta b’mod mhux preċiż jew inġust ir-rakkomandazzjoni personali, inkluż kif ir-rakkomandazzjoni provduta hi adatta għall-klijent u l-iżvantaġġi tal-kors ta’ azzjoni rakkomandat.

(83)

Fid-determinazzjoni ta’ x’jikkostitwixxi l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni fil-ħin qabel ma jiskadi t-terminu speċifikat f’din id-Direttiva, kumpanija tal-investiment għandha tikkunsidra, wara li tqis l-urġenza tas-sitwazzjoni u ż-żmien neċessarju biex il-klijent jassorbi u jirreaġixxi għall-informazzjoni speċifika pprovduta, il-bżonn li l-klijent ikollu żmien biżżejjed biex jaqraha u jifhimha qabel ma jieħu deċiżjoni dwar l-investiment. Klijent x’aktarx ikun jeħtieġ aktar żmien biex janalizza l-informazzjoni mogħtija dwar prodott jew servizz kumpless jew mhux familjari, jew prodott jew servizz li klijent ma jkollux esperjenza tiegħu milli meta klijent jikkunsidra prodott jew servizz aktar sempliċi jew aktar familjari, jew meta klijent ikollu esperjenza preċedenti rilevanti.

(84)

Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jobbliga lil ditti tal-investiment li jipprovdu immedjatament u fl-istess ħin l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-kumpanija tal-investiment, l-istrumenti finanzjarji, l-ispejjeż u t-tariffi assoċjati, jew dwar is-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji tal-klijenti jew tal-fondi tal-klijent, sakemm dawn jikkonformaw mal-obbligu ġenerali li jipprovdu l-informazzjoni rilevanti fil-ħin qabel ma jiskadi t-terminu speċifikat f’din id-Direttiva. Sakemm l-informazzjoni hija kkomunikata lill-klijent fil-ħin qabel il-forniment tas-servizz, xejn f’din id-Direttiva ma jobbliga lill-kumpaniji li tipprovduha separatament, bħala parti minn komunikazzjoni kummerċjali, jew billi tinkorpora l-informazzjoni fil-kuntratt mal-klijent.

(85)

Għandu jiġi kkunsidrat li jiġi pprovdut servizz fuq l-inizjattiva ta’ klijent għajr jekk il-klijent jiddomandah bi tweġiba għal komunikazzjoni ppersonalizzata minn, jew f’isem, id-ditta lil dan il-klijent partikulari, li jkun fiha stedina jew tkun maħsuba li tinfluwenza lill-klijent rigward strument finanzjarju speċifiku jew tranżazzjoni speċifika. Servizz jista’ jiġi kkunsidrat li jiġi pprovdut fuq l-inizjattiva tal-klijent minkejja li l-klijent jiddomandah fuq il-bażi ta’ kull komunikazzjoni li jkun fiha promozzjoni jew offerta ta’ strumenti finanzjarji magħmula b’kull mezz li min-natura nfisha tagħha tkun ġenerali u tkun indirizzata lill-pubbliku jew lil grupp jew kategorija ikbar ta’ klijenti jew ta’ klijenti potenzjali.

(86)

Wieħed mill-għanijiet ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu protetti l-investituri. Il-miżuri sabiex jiġu protetti l-investituri għandhom jiġu adattati għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull waħda mill-kategoriji tal-investituri (investituri fil-livell tal-konsumaturi, professjonali u kontropartijiet). Madankollu, sabiex jittejjeb il-qafas regolatorju li japplika għall-għoti ta’ servizzi, irrispettivament mill-kategorija ta’ klijenti involuti, huwa xieraq li wieħed jagħmilha ċara li l-prinċipji li wieħed jaġixxi b’mod onest, b’mod ġust u b’mod professjonali u l-obbligu li wieħed ikun ċar u ġust u li ma jqarraqx b’ħaddieħor japplikaw għar-relazzjoni mal-klijenti kollha.

(87)

Investimenti li jinvolvu kuntratti ta’ assigurazzjoni ta’ spiss ikunu disponibbli għall-klijenti bħala alternattivi jew sostituti potenzjali għal strumenti finanzjarji suġġetti għal din id-Direttiva. Biex tingħata protezzjoni konsistenti lill-klijenti mhux professjonali u jkunu żgurati kundizzjonijiet ugwali bejn prodotti simili, hu importanti li prodotti ta’ investiment abbażi ta’ assigurazzjoni jkunu suġġetti għal rekwiżiti xierqa. Minkejja li r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-investitur f’din id-Direttiva għandhom għalhekk ikunu applikati b’mod ugwali għal dawk l-investimenti miġbura f’kuntratti ta’ assigurazzjoni, l-istrutturi tas-suq differenti tagħhom u l-karatteristiċi tal-prodott jagħmluha aktar xierqa li jkunu stabbiliti rekwiżiti dettaljati fir-reviżjoni li għaddejja tad-Direttiva 2002/92/KE aktar milli jkunu stabbiliti f’din id-Direttiva. Liġi futura tal-Unjoni li tirregola l-attivitajiet tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni u tal-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom għalhekk jiżguraw b’mod xieraq approċċ regolatorju konsistenti dwar id-distribuzzjoni ta’ prodotti finanzjarji differenti li jissodisfaw ħtiġijiet simili tal-investitur u għalhekk iqajmu sfidi kumparabbli dwar il-protezzjoni tal-investitur. L-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (‘AEAPX’), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30) u l-AETS għandhom jaħdmu flimkien biex jilħqu livell għoli ta’ konsistenza possibbli fit-tmexxija tal-istandards tan-negozju għal dawk il-prodotti ta’ investiment. Dawk ir-rekwiżiti ġodda għal prodotti ta’ investiment abbażi ta’ assigurazzjoni għandhom ikunu stipulati fid-Direttiva 2002/92/KE.

(88)

Sabiex ikunu allinjati r-regoli li jirrigwardaw il-konflitti ta’ interess, il-prinċipji ġenerali u l-informazzjoni lill-klijenti u biex l-Istati Membri jkunu jistgħu iqiegħdu restrizzjonijiet fuq ir-remunerazzjoni tal-intermedjarji, id-Direttiva 2002/92/KE għandha tkun emendata kif xieraq.

(89)

Prodotti ta’ investiment abbażi tal-assigurazzjoni li ma joffrux opportunitajiet ta’ investiment u depożiti li huma esposti biss għal rati ta’ mgħax għandhom għalhekk ikunu esklużi mill-kamp tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Prodotti individwali u tal-pensjonijiet tax-xogħol, li għandhom bħala għan primarju li jipprovdi lill-investitur introjtu fl-irtirar, għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’konsiderazzjoni tal-partikolaritajiet u l-objetttivi tagħhom.

(90)

B’deroga mill-prinċipju tal-awtorizzazzjoni tal-Istat Membru ta’ domiċilju, tas-superviżjoni u tal-infurzar tal-obbligi rigward l-operat tal-friegħi min-naħa tal-pajjiz tad-domiċilju, huwa xieraq illi l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tassumi r-responsabbiltà sabiex tinforza ċerti obbligi speċifikati f’din id-Direttiva fejn jidħol il-kummerċ imwettaq permezz ta’ fergħa fit-territorju fejn tkun il-fergħa, minħabba li dik l-awtorità tkun l-eqreb waħda għall-fergħa u tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tikxef il-ksur tar-regoli li jirregolaw l-operat tal-fergħa u tintervjeni f’każ li jkun hemm it-tali ksur.

(91)

Huwa meħtieġ li jiġi impost obbligu effettiv “tal-aħjar eżekuzzjoni” sabiex ikun żgurat li d-ditti ta’ investiment iwettqu l-ordnijiet tal-klijent fuq termini li jkunu l-iktar favorevoli għall-klijent. Dak l-obbligu għandu japplika fejn ditta jkollha obbligi kuntrattwali jew ta’ aġenzija lejn il-klijent.

(92)

Minħabba firxa wiesgħa ta’ postijiet tal-eżekuzzjoni attwalment disponibbli fl-Unjoni, hu xieraq li jissaħħaħ il-qafas tal-aħjar eżekuzzjoni għall-investituri fil-livell ta’ konsumatur. Għandhom jitqiesu l-progressi teknoloġiċi għall-monitoraġġ tal-obbligu tal-aħjar eżekuzzjoni fl-applikazzjoni tal-qafas ta’ eżekuzzjoni f’konformita’ mat-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 27(1).

(93)

Għall-finijiet li tkun determinata l-aħjar eżekuzzjoni meta jkunu eżegwiti ordnijiet ta’ klijenti mhux professjonali, l-ispejjeż relatati mal-eżekuzzjoni għandhom jinkludu l-kummissjonijiet jew it-tariffi proprji tal-kumpanija tal-investiment mitluba mill-klijent għal skopijiet limitati, fejn iktar minn post wieħed elenkat fil-politika ta’ eżekuzzjoni tal-kumpanija jkun kapaċi jeżegwixxi ordni partikolari. F’dawn il-każijiet il-kummissjonijiet u l-ispejjeż proprji tal-kumpanija biex teżegwixxi l-ordni f’kull wieħed mill-postijiet eliġibbli ta’ eżekuzzjoni għandhom jitqiesu sabiex ikunu vvalutati u pparagunati r-riżultati għall-klijent li kienu jkunu milħuqa permezz tal-eżekuzzjoni tal-ordni f’kull wieħed minn dawn il-postijiet. Madankollu, mhuwiex maħsub li kumpanija tkun meħtieġa tipparaguna r-riżultati li kienu jkunu ottenuti għall-klijent tagħha fuq il-bażi tal-politika ta’ eżekuzzjoni proprja u l-kummissjonijiet u t-tariffi proprji, ma’ riżultati li jistgħu jkunu ottenuti għall-istess klijent minn kull kumpanija oħra tal-investiment fuq il-bażi ta’ politika ta’ eżekuzzjoni differenti jew struttura differenti ta’ kummissjonijiet u tariffi. Anqas ma hu maħsub li kumpanija tkun meħtieġa tipparaguna d-differenzi fil-kummissjonijiet proprji li huma attribwibbli għal differenzi fin-natura tas-servizzi li l-kumpanija tipprovdi lil klijenti.

(94)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jipprovdu li l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni għandhom jinkludu l-kummissjonijiet jew it-tariffi proprji ta’ kumpanija tal-investiment mitluba mill-klijent għall-forniment ta’ servizz ta’ investiment ma għandhomx japplikaw bil-għan li jkun determinat liema post ta’ eżekuzzjoni għandu jkun inkluż fil-politika ta’ eżekuzzjoni tal-kumpanija għall-finijiet tal-Artikolu 27(5) ta’ din id-Direttiva.

(95)

Ditta tal-investiment għandha tiġi kkunsidrata li qed tistruttura jew titlob il-kummissjonijiet tagħha b’mod li jiddiskrimina inġustament bejn postijiet tal-eżekuzzjoni jekk titlob kummissjoni jew marġini differenti lil klijenti għal eżekuzzjoni f’postijiet ta’ eżekuzzjoni differenti u dik id-differenza ma tirriflettix id-differenzi attwali fl-ispiża tal-kumpanija għal eżekuzzjoni f’dawk il-postijiet.

(96)

Biex jitjiebu l-kundizzjonijiet li fihom id-ditti ta’ investiment jaqdu l-obbligu tagħhom li jesegwixxu ordnijiet fl-iktar termini favorevoli għall-klijenti tagħhom b’konformità ma’ din id-Direttiva, huwa xieraq li għal strumenti finanzjarji suġġetti għall-obbligu ta’ negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 kull ċentru ta’ negozjar u internalizzatur sistematiku u għall-istrumenti oħra finanzjarji li kull post tal-eżekuzzjoni jkun mitlub jagħmel disponibbli għall-pubbliku d-data marbuta mal-kwalità tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet f’kull post.

(97)

Informazzjoni pprovduta minn ditti ta’ investiment lill-klijenti b’rabta mal-politika tagħhom dwar l-eżekuzzjoni tal-ordni hija ħafna drabi ġenerika u standard u ma tippermettix lill-klijenti jifhmu kif se ssir it-tranżazzjoni u jivverifikaw il-konformità tad-ditti mal-obbligi tagħhom li jesegwixxu ordnijiet fl-iktar termini favorevoli għall-klijenti tagħhom. Biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-investitur, huwa xieraq li jkunu speċifikati l-prinċipji li jikkonċernaw l-informazzjoni mogħtija minn ditti ta’ investiment lill-klijenti tagħhom fuq il-politika dwar l-eżekuzzjonijiet tal-ordnijiet u jistipulaw li d-ditti jagħmlu pubblika, fuq bażi annwali, għal kull klassi ta’ strumenti finanzjarji, l-iktar ħames postijiet ta’ eżekuzzjoni fejn eżegwixxew l-ordnijiet tal-klijent fis-sena preċedenti u li jikkunsidraw dik l-informazzjoni u l-informazzjoni ppubblikata miċ-ċentri ta’ eżekuzzjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-kwalità fil-politiki tagħhom dwar l-aħjar eżekuzzjoni.

(98)

Meta tkun qiegħda tiġi stabbilita relazzjoni tal-kummerċ mal-klijent, id-ditta ta’ investiment tista’ tistaqsi lill-klijent jew lil klijent potenzjali li jagħtu l-kunsens tagħhom fl-istess waqt għall-politika tat-twettiq kif ukoll għall-possibbiltà li l-ordnijiet ta’ dik il-persuna ikunu jistgħu jiġu mwettqa ‘l barra minn ċentru ta’ negozjar.

(99)

Il-persuni li jipprovdu servizzi ta’ investiment f’isem iktar minn ditta waħda ta’ investiment ma għandhomx jiġu kkunsidrati li huma aġenti marbuta imma bħala ditti ta’ investiment meta jidħlu fid-definizzjoni pprovduta f’din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti persuni li jistgħu jkunu eżentati.

(100)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt li l-aġenti marbuta jidħlu għal attivitajiet koperti minn Direttivi oħra u għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu magħhom rigward servizzi jew prodotti finanzjarji mhux koperti minn din id-Direttiva, inkluż f’isem il-partijiet tal-istess grupp finanzjarju.

(101)

Il-kundizzjonijiet sabiex jitwettqu attivitajiet ‘il barra mill-bini tad-ditta ta’ investiment (il-bejgħ bieb bieb) ma għandhomx ikunu koperti minn din id-Direttiva.

(102)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma għandhomx jirreġistraw jew għandhom jirtiraw ir-reġistrazzjoni meta l-attivitajiet attwalment imwettqa jindikaw biċ-ċar illi aġent marbut ikun għażel is-sistema legali ta’ Stat Membru bil-għan li jevadi l-istandards iktar stretti fis-seħħ fi Stat Membru ieħor li ġewwa t-territorju tiegħu jew ikun beħsiebu jwettaq jew ikun effettivament iwettaq il-parti l-kbira tal-attivitajiet tiegħu.

(103)

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jiġu meqjusa li qed jaġixxu bħala klijenti.

(104)

Il-kriżi finanzjarja uriet limiti fil-kapaċità ta’ klijenti professjonali li japprezzaw ir-riskju tal-investiment tagħhom. Filwaqt li għandu jkun ikkonfermat li r-regoli għal-kondotta tal-operat għandhom ikunu infurzati fir-rigward ta’ dawk l-investituri li l-iktar jinħtieġu protezzjoni, huwa xieraq li jkunu kkalibrati aħjar ir-rekwiżiti applikabbli għall-kategoriji differenti tal-klijenti. Sa dak il-punt, huwa xieraq li xi rekwiżiti ta’ informazzjoni u rapportar ikunu estiżi għar-relazzjoni ma’ kontropartijiet eliġibbli. B’mod partikolari, ir-rekwiżiti rilevanti għandhom ikunu marbuta mas-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-klijent u rekwiżiti tar-rapportar li jikkonċernaw strumenti finanzjarji u tranżazzjonijiet iktar kumplessi. Biex tkun definita aħjar il-klassifikazzjoni tal-muniċipilitajiet u tal-awtoritajiet pubbliċi lokali, huwa xieraq li teskludihom b’mod ċar mil-lista ta’ kontropartijiet eliġibbli u ta’ klijenti li huma kkunsidrati li huma professjonali filwaqt li xorta tippermetti lil dawk il-klijenti biex jitolbu trattament professjonali daqs klijenti professjonali.

(105)

Rigward it-tranżazzjonijiet imwettqa bejn il-kontropartijiet eliġibbli, l-obbligu li jiġu żvelati ordnijiet tal-klijenti b’limitu tal-prezz għandu japplika biss meta l-kontroparti tibgħat b’mod espliċitu ordni b’limitu tal-prezz lil ditta ta’ investiment biex din twettaq din l-ordni.

(106)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ir-rispett għad-dritt tal-protezzjoni tad-data personali skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32) li jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali imwettqa fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Ipproċessar tad-data personali mill-AETS fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva hu suġġett għar-Regolament (UE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33).

(107)

Id-ditti ta’ investiment għandhom ilkoll ikollhom l-istess opportunitajiet li jingħaqdu mas-swieq regolati fl-Unjoni kollha jew li jkollhom aċċess għalihom. Tkun xi tkun il-manjiera li biha t-tranżazzjonijiet ikunu organizzati fl-Istati Membri fil-preżent, huwa importanti illi jiġu aboliti r-restrizzjonijiet tekniċi u legali dwar l-aċċess għas-swieq regolati.

(108)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-finalizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet li jaqsmu l-fruntieri, huwa xieraq li jiġi pprovvdut l-aċċess għas-sistemi tal-ikklerjar u s-saldu fl-Unjoni kollha mid-ditti ta’ investiment, irrispettivament minn jekk it-tranżazzjonijiet ikunux ġew konklużi pemezz tas-swieq regolati fl-Istat Membru konċernat jew le. Id-ditti ta’ investiment li jixtiequ jipparteċipaw direttament fis-sistemi tas-saldu ta’ Stati Membri oħra għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti operazzjonali u kummerċjali rilevanti għas-sħubija u mal-miżuri prudenzjali sabiex isostnu l-funzjonament bla xkiel u bl-ordni tas-swieq finanzjarji.

(109)

Il-provvista ta’ servizzi minn ditti ta’ pajjiż terz fl-Unjoni hija suġġetta għal reġimi u rekwiżiti nazzjonali. Id-ditti awtorizzati b’konformità magħhom ma jgawdux il-libertà li jipprovdu servizzi u d-dritt tal-istabbiliment fi Stati Membri oħra minbarra dak fejn huma stabbiliti. Fejn Stat Membru jqis li l-livell xieraq ta’ protezzjoni għall-klijenti mhux professjonali tiegħu jew klijenti mhux professjonali li jkunu talbu li jkunu ttrattati bħala klijenti professjonali jista’ jintlaħaq billi titwaqqaf fergħa mid-ditta tal-pajjiż terz hu xieraq li jintroduċi qafas regolatorju komuni minimu fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tar-rekwiżiti applikabbli għal dawk il-fergħat u fid-dawl tal-prinċipju li ditti ta’ pajjiżi terzi m’għandhomx ikunu trattati b’mod aktar favorevoli minn ditti tal-Unjoni.

(110)

Meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) dwar ġuriżdizzjonijiet li għandhom defiċjenzi strateġiċi kontra l-ħasil tal-flus u fil-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu u li għalihom japplikaw kontromiżuri jew ġuriżdizzjonijiet b’defiċjenzi strateġiċi kontra l-ħasil tal-flus u fil-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu li ma għamlux biżżejjed progress biex jindirizzaw dawn id-defiċjenzi jew li ma ħadux impenn favur pjan ta’ azzjoni żviluppat mill-FATF biex jindirizzaw dawn id-defiċjenzi.

(111)

Id-dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva li tirregola l-provvista tas-servizzi jew attivitajiet ta’ investiment minn ditti ta’ pajjiż terz fl-Unjoni ma għandhiex taffettwa l-possibilità għal persuni stabbiliti fl-Unjoni li jirċievu servizzi ta’ investiment minn ditti ta’ pajjiż terz b’inizjattiva esklussiva tagħhom stess. Fejn ditta ta’ pajjiż terz tipprovdi servizzi fuq l-inizjattiva esklussiva ta’ persuna stabbilita fl-Unjoni, is-servizzi ma għandhomx ikunu meqjusa bħala pprovduti fit-territorju tal-Unjoni. Fejn ditta ta’ pajjiż terz tissoliċita klijenti jew klijenti potenzjali fl-Unjoni jew tippromwovi jew tirreklama servizzi jew attivitajiet ta’ investiment flimkien mas-servizzi anċillari fl-Unjoni, dan ma għandux ikun meqjus bħala servizz ipprovdut bl-inizjattiva esklussiva tal-klijent.

(112)

L-awtorizzazzjoni għal operazzjoni f’suq regolat għandha testendi għall-attivitajiet kollha li għandhom x’jaqsmu direttament mal-wiri, l-ipproċessar, it-twettiq, il-konferma u r-rapportar tal-ordnijiet mill-punt li fih dawn l-ordnijiet jiġu rċevuti mis-suq regolat sal-punt li fih jiġu trażmessi għall-finalizzazzjoni sussegwenti, u għall-attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mad-dħul tal-istrumenti finanzjarji fil-kummerċ. Din għandha tinkludi wkoll it-tranżazzjonijiet konklużi permezz ta’ ġeneraturi tas-suq nominati li huma maħtura mis-suq regolat, li jitwettqu skont is-sistemi tagħhom u skont ir-regoli li jirregolaw dawn is-sistemi. Mhux it-tranżazzjonijiet kollha konklużi mill-membri jew mill-parteċipanti tas-suq regolat, tal-MTF jew tal-OTF għandhom jiġu kkunsidrati li jkunu konklużi fis-sistemi ta’ suq regolat, ta’ MTF jew ta’ OTF. It-tranżazzjonijiet li l-membri jew il-parteċipanti jikkonkludu fuq bażi bilaterali u li ma jikkonformawx mal-obbligi kollha stabbiliti għal suq regolat, għal MTF jew għal OTF skont din id-Direttiva għandhom jiġu kkunsidrati li huma tranżazzjonijiet konklużi ‘l barra minn suq regolat, minn MTF jew minn OTF għall-għanijiet tad-definizzjoni ta’ internalizzatur sistematiku. F’dan il-każ għandu japplika l-obbligu tad-ditti ta’ investiment li jippubblikaw kwotazzjonijiet sodi jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-Direttiva u mir-Regolament (UE) Nru 600/2014.

(113)

Minħabba l-importanza tal-provvista ta’ likwidità għall-funzjonament tajjeb u effiċjenti tas-swieq, ditti ta’ investiment li jipparteċipaw f’negozjar algoritmiku biex isegwu strateġija ta’ ġenerazzjoni tas-suq għandu jkollhom ftehimiet bil-miktub fis-seħħ ma’ ċentri tan-negozjar li jiċċaraw l-obbligi tagħhom li jipprovdu likwidità fis-suq.

(114)

Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jesiġi li l-awtoritajiet kompetenti japprovaw jew jeżaminaw il-kontenut tal-ftehim bil-miktub bejn is-suq regolat u d-ditta ta’ investiment li huwa mitlub mill-parteċipazzjoni fi skema ta’ ġenerazzjoni tas-suq. Madankollu, lanqas ma żżommhom milli jagħmlu hekk, sakemm kwalunkwe approvazzjoni jew eżami bħal dan ikun ibbażat biss fuq il-konformità tas-swieq regolati mal-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 48.

(115)

Il-forniment ta’ servizzi ta’ data ewlenija tas-suq li huma ta’ importanza kbira għall-utenti biex ikunu kapaċi jiksbu ħarsa ġenerali kif mixtieq tal-attività tan-negozjar madwar is-swieq finanzjarji tal-Unjoni u għall-awtoritajiet kompetenti biex jirċievu informazzjoni eżatta u komprensiva dwar tranżazzjonijiet rilevanti għandha tkun suġġetta għall-awtorizzazzjoni u r-regolamentazzjoni biex tiżgura livell meħtieġ ta’ kwalità.

(116)

L-introduzzjoni ta’ arranġamenti ta’ pubblikazzjoni approvati (APAs) għandha ttejjeb il-kwalità tal-informazzjoni dwar it-trasparenza tan-negozjar ippubblikata fl-ispazju OTC u tikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex tiżgura li t-tali data tkun ippubblikata b’tali mod li jiffaċilita l-konsolidazzjoni tagħha ma’ data ppubblikata minn ċentri tan-negozjar.

(117)

Issa li ġiet implimentata struttura ta’ suq li tippermetti l-kompetizzjoni bejn diversi ċentri tan-negozjar, hu essenzjali li kemm jista’ jkun malajr jibda jiffunzjona tejp ikkonsolidat effikaċi u komprensiv. L-introduzzjoni ta’ soluzzjoni kummerċjali għal tejp ikkonsolidat għall-ekwitajiet u strumenti finanzjari li jixbħu l-ekwitajiet għandha tikkontribwixxi għal suq Ewropew iktar integrat u biex tagħmilha iktar faċli għall-parteċipanti tas-suq biex jiksbu aċċess għal ħarsa konsolidata lejn l-informazzjoni dwar it-trasparenza tas-suq li tkun disponibbli. Is-soluzzjoni prevista hija bbażata fuq l-awtorizzazzjoni ta’ fornituri li jaħdmu f’parametri predefiniti u supervizzati li huma f’kompetizzjoni flimkien sabiex jiksbu soluzzjonijiet sofistikati u innovativi ħafna, li jservu lis-suq bl-aħjar mod possibbli u li jiżguraw li data konsistenti u preċiża tas-suq tkun disponibbli. Billi jintalab lill-fornituri ta’ tejps ikkonsolidati (CTPs) kollha biex jikkonsolidaw id-data mill-APAs kollha u ċentri tan-negozjar, se tiġi żgurata l-kompetizzjoni abbażi tal-kwalità tas-servizz lill-klijent u mhux fir-rigward tal-firxa tad-data koperta. Madankollu, huwa xieraq li jkun hemm dispożizzjoni minn issa għal tejp konsolidat li jkun fis-seħħ permezz ta’ proċess tal-akkwist pubbliku jekk il-mekkaniżmu previst ma jwassalx għall-għoti fil-ħin ta’ tejp konsolidat effettiv u komprensiv għall-ekwitajiet u strumenti finanzjari li jixbħu l-ekwitajiet.

(118)

L-istabbiliment ta’ tejp ikkonsolidat għall-istrumenti finanzjari mhux tal-ekwità jitqies aktar diffiċli biex jiġi implimentat mit-tejp ikkonsolidat għall-istrumenti ta’ ekwita’ u l-fornituri potenzjali għandhom ikunu kapaċi li jiksbu esperjenza dwar dan tal-aħħar qabel jippruvaw jibnu l-oħra. Sabiex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment xieraq tat-tejp ikkonsolidat għall-istrumenti finanzjarji nonazzjonarji, huwa għalhekk xieraq li jkun hemm dispożizzjoni għal data estiża għall-applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-dispożizzjonijiet rilevanti. Madankollu, huwa xieraq li jkun hemm dispożizzjoni minn issa għal tejp ikkonsolidat li jkun fis-seħħ permezz ta’ proċess tal-akkwist pubbliku jekk il-mekkaniżmu previst ma jwassalx għall-għoti fil-ħin ta’ tejp ikkonsolidat effettiv u komprensiv għall-istrumenti finanzjarju mhux tal-ekwità.

(119)

Meta jiddeterminaw, fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji mhux tal-ekwità, iċ- ċentri tan-negozjartan-negozjar u l- APAs li jeħtieġ li jiġu inklużi fl-informazzjoni wara n-negozjar li għandhom jiġu disseminati mis-CTPs, l-AETS għandha tiżgura li l-objettiv tal-istabbiliment ta’ suq integrat tal-Unjoni għal dawk l-istrumenti finanzjarji se jintlaħqu u għandha tiżgura t-trattament mhux diskriminatorju tal-APAs u ċentri tan-negozjar.

(120)

Il-liġi tal-Unjoni dwar ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għandha tiffissa r-rekwiżiti kapitali minimi l magħhom għandhom jikkonformaw is-swieq regolati sabiex jiġu awtorizzati u, hija u tagħmel dan, għandha tqis in-natura speċifika tar-riskji assoċjati ma’ dawn is-swieq.

(121)

L-operaturi ta’ suq regolat għandhom ikunu kapaċi wkoll joperaw MTF jew OTF skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva.

(122)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jirrigwardaw l-ammissjoni tal-istrumenti finanzjarji għall-kummerċ skont ir-regoli infurzati mis-suq regolat għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34) u tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35). Suq regolat ma għandux jiġi pprevenut milli japplika rekwiżiti iktar stretti għall-emittenti tal-istrumenti finanzjarji li jkun qiegħed jikkunsidra għall-ammissjoni għan-negozjar minn dawk imposti skont din id-Direttiva.

(123)

L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jinnominaw awtoritajiet kompetenti differenti sabiex jinfurzaw l-obbligi mifruxa fil-wisa’ stabbiliti f’din id-Direttiva. Dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu ta’ natura pubblika li tiggarantixxi l-indipendenza tagħhom mill-atturi ekonomiċi u tevita l-kunflitti ta’ interess. B’konformità mal-liġijiet nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-finanzjament ix-xieraq tal-awtorità kompetenti. In-nomina tal-awtoritajiet pubbliċi ma għandhiex teskludi delega taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti.

(124)

Sabiex jiġi żgurat li l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ sospensjonijiet, tneħħija, interruzzjonijiet, kundizzjonijiet diżordinati ta’ negozjar u ċirkostanzi li jistgħu jindikaw abbuż tas-suq issir b’mod effiċjenti u fil-ħin, huwa meħtieġ proċess effettiv ta’ komunikazzjoni u koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, li jinkiseb permezz tal-arranġamenti żviluppati mill-AETS.

(125)

Is-summit tal-G20 f’Pittsburgh fil-25 ta’ Settembru 2009 qabel li jtejjeb ir-regolamentazzjoni, il-funzjonament u t-trasparenza tas-swieq finanzjarji ta’ komoditajiet biex jindirizza l-volatilità eċċessiva tal-prezz tal-komoditajiet. Il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ottubru 2009 dwar Funzjonament Aħjar tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel fl-Ewropa, u tat-2 ta’ Frar 2011 dwar It-Trattament tal-Isfidi fis-Swieq tal-Komoditajiet u tal-Materja Prima spjegaw miżuri li għandhom ikunu kkunsidrati fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva 2004/39/KE. F’Settembru 2011, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli ppubblikat il-Prinċipji għar-Regolamentazzjoni u s-Superviżjoni tas-Swieq tad-Derivattivi tal-Komoditajiet. Dawk il-prinċipji ntlaqgħu mis-samit G20 f’Cannes fl-4 ta’ Novembru 2011 li talab biex ir-regolaturi tas-suq ikollhom setgħat tal-maniġment f’pożizzjonijiet formali, inkluża s-setgħa biex jitwaqqfu limiti ta’ pożizzjoni ex ante kif inhu xieraq.

(126)

Is-setgħat disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu kkumplimentati bis-setgħat espliċiti li tinkiseb informazzjoni minn kwalunkwe persuna rigward id-daqs u l-iskop ta’ pożizzjoni f’kuntratti tad-derivattivi marbuta ma’ komoditajiet u li l-persuna tintalab tieħu passi biex tnaqqas id-daqs tal-pożizzjoni f’kuntratti tad-derivattivi.

(127)

Jeħtieġ reġim armonizzat ta’ limiti ta’ pożizzjoni li jiżgura aktar koordinazzjoni u konsistenza fl-applikazzjoni tal-ftehim tal-G20, speċjalment għal kuntratti li huma negozjati fl-Unjoni kollha. Għalhekk, għandhom jingħataw setgħat espliċiti lill-awtoritajiet kompetenti biex jistabbilixxu limiti, abbażi ta’ metodoloġija determina mill-AETS, dwar il-pożizzjonijiet li kwalunkwe persuna tista’ żżomm, fil-livell ta’ grupp aggregat, f’kuntratt tad-derivattivi b’rabta ma’ komodità f’kull żmien sabiex jimpedixxu l-abbuż tas-suq, inkluż billi joħloq monopolju fis-suq, u biex jappoġġaw il-kundizzjonijiet xierqa ta’ pprezzar u s-saldu inkluż il-prevenzjoni ta’ pożizzjonijiet li joħolqu distorsjoni tas-suq. Tali limiti għandhom jippromovu l-integrità tas-suq għad-derivattivi u l-komoditajiet sottostanti mingħajr preġudizzju għall-iskoperta tal-prezzijiet fis-suq għall-komoditajiet sottostanti u m’għandhomx japplikaw għal pożizzjonijiet li oġġettivament inaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attivitajiet kummerċjali fir-rigward tal-komodità. Id-distinzjoni bejn spot contract għal komoditajiet u kuntratti ta’ derivattivi ta’ komoditajiet għandhom ukoll ikunu kkjarifikati. Sabiex jintlaħaq reġim armonizzat, hu wkoll xieraq għall-ESMA li tissorvelja l-implimentazzjoni tal-limiti ta’ pożiżżjoni u għall-awtoritajiet kompetenti li jattwaw arranġamenti ta’ kooperazzjoni, inkluż skambju ta’ data rilevanti bejniethom u li jippermettu s-sorveljanza u l-infurzar tal-limiti.

(128)

Il-postijiet kollha li joffru kummerċ fid-derivattivi ta’ komoditajiet għandu jkollhom kontrolli ta’ pożizzjoni ta’ ġestjoni xierqa, li jipprovdu s-setgħat meħtieġa għall-inqas biex jissorveljaw u jaċċessaw informazzjoni dwar il-pożizzjonijiet ta’ derivattivi ta’ komoditajiet, li jirrikjedu t-tnaqqis jew it-tmiem ta’ tali pożizzjonijiet u li jirrikjedu li l-likwidità tkun provduta lura fis-suq biex jitnaqqsu l-effetti ta’ pożizzjoni importanti jew dominanti. L-AETS għandha żżomm u tippubblika lista li tinkludi sommarji tal-limit ta’ pożizzjoni u tal-kontrolli ta’ pożizzjoni ta’ ġestjoni kollha fis-seħħ. Dawk il-limiti u arranġamenti għandhom jiġu applikati b’mod konsistenti u jqisu l-karatteristiċi speċifiċi tas-suq inkwistjoni. Huma għandhom jiġu stipulati b’mod ċar fir-rigward tal-mod li bih japplikaw u għal-livelli limitu kwantitattivi rilevanti li jikkonstitwixxu l-limiti jew li jistgħu jixkattaw obbligi oħra.

(129)

Ċentri tan-negozjar għandhom jippubblikaw analiżi statistika miġbura darba fil-ġimgħa tal-pożizzjonijiet meħuda minn kategoriji differenti ta’ persuni għal kuntratti ta’ derivattivi ta’ komoditajiet differenti, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi tagħhom negozjati fil-pjattaformi tagħhom. Analiżi statistika komprensiva u dettaljata kemm tal-pożizzjonijiet kollha miżmuma mill-persuni kollha għandha tkun disponibbli lill-awtorità kompetenti jekk din tkun rekwiżita. Arranġament għar-rappurtar skont din id-Direttiva għandu jikkunsidra, fejn applikabbli, rekwiżiti ta’ rappurtar diġà imposti skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

(130)

Filwaqt li l-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-limiti ta’ pożizzjoni m’għandux joħloq ostakli għall-iżvilupp tad-derivattivi ta’ komoditajiet ġodda, l-AETS għandha tiżgura, meta tiddetermina l-metodoloġija għall-kalkolu, li l-iżvilupp ta’ derivattivi ta’ komoditajiet ġodda ma jistax jintuża biex jevita r-reġim ta’ limiti ta’ pożizzjoni.

(131)

Limiti ta’ pożizzjoni għandhom ikunu stabbiliti għal kull kuntratt ta’ derivattiva ta’ komodità individwali. Sabiex timpedixxi li jkun evitat ir-reġim ta’ limiti ta’ pożizzjoni permezz tal-iżvilupp ta’ kuntratti ta’ derivattivi ta’ komoditajiet ġodda li jkun qed iseħħu, l-AETS għandha tiżgura li l-metodoloġija għall-kalkolu ma tħallix isir ebda evitar billi tikkunsidra l-interess ġenerali miftuħ f’derivattivi ta’ komoditajiet oħrajn mal-istess komoditajiet sottostanti.

(132)

Huwa mixtieq li jkun iffaċilitat l-aċċess għall-kapital għal intrapriżi żgħar u medji (SME) u li jkun iffaċilitat l-iżvilupp ta’ swieq speċjalizzati li jimmiraw li jaqdu l-ħtiġijiet ta’ emittenti żgħar u medji. Dawk is-swieq li huma ġeneralment operati skont din id-Direttiva bħala MTFs huma iktar magħrufa bħala swieq tal-SMEs li qed jespandu, swieq li qed jespandu jew swieq żgħar. Il-ħolqien fi ħdan il-kategorija MTF ta’ sottokategorija ġdida ta’ suq tal-SMEs li qed jespandi u r-reġistrazzjoni ta’ dawk is-swieq għandha żżid il-viżibilità u l-profil u tgħin l-iżvilupp ta’ standards regolatorji komuni fl-Unjoni għal dawk is-swieq. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-mod li bih regolametazzjoni futura għandha tħeġġeġ u tippromovi aktar l-użu ta’ dak is-suq sabiex tagħmlu aktar attraenti għall-investituri, u tipprovdi tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u aktar inċentivi għall-SMEs biex ikollhom aċċess għal swieq tal-kapital permezzx ta’ swieq tal-SMEs li qed jespandu.

(133)

Ir-rekwiżiti li japplikaw għal dik il-kategorija ġdida tas-swieq jeħtieġ li jipprovdu biżżejjed flessibilità biex ikunu kapaċi jqisu l-firxa preżenti ta’ mudelli ta’ swieq li għamlu suċċess li jeżistu madwar l-Ewropa. Huma jeħtieġu li jsibu bilanċ tajjeb bejn il-manteniment ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-investitur, li huwa essenzjali biex irawwem il-fiduċja tal-investitur f’emittenti fuq dawk is-swieq, filwaqt li jnaqqsu piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa għall-emittenti fuq dawk is-swieq. Huwa propost li iktar dettalji dwar ir-rekwiżiti ta’ swieq tal-SMEs li qed jespandu bħal dawk marbuta mal-kriterji għall-ammissjoni tal-kummerċ ikunu iktar preskritti f’atti delegati jew standards tekniċi.

(134)

Minħabba l-importanza li s-swieq eżistenti li qed jagħmlu suċċess ma jkunux affettwati b’mod ħażin għandha tibqa’ l-għażla għall-operaturi tas-swieq immirati lejn emittenti żgħar u medji biex jagħżlu li jkomplu joperaw it-tali suq skont ir-rekwiżiti taħt din id-Direttiva mingħajr ma jfittxu reġistrazzjoni bħala suq tal-SMEs li qed jespandi. Emittent li huwa SME m’għandux ikun obbligat japplika biex ikollu l-istrumenti finanzjarji aċċettati għan-negozjar fuq suq tal-SMEs li qed jespandi.

(135)

Sabiex dik il-kategorija l-ġdida ta’ swieq tibbenefika lill-SMEs, mill-inqas 50 % tal-emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom jiġu negozjati fuq suq tal–SMEs li qed jespandi għandhom ikunu SMEs. Dik il-valutazzjoni għandha ssir fuq bażi annwali. Dak il-kriterju ta’ 50 % għandu jiġi implimentat b’mod flessibbli. Nuqqas temporanju li jiġi sodisfatt dak il-kriterju ma jfissirx li ċ-ċentru tan-negozjarser ikollu jkun dereġistrat jew miċħud mir-reġistrazzjoni bħala suq tal–SMEs li qed jespandi immedjatament jekk ikollu prospett raġonevoli li jissodisfa l-kriterju ta’ 50 % mis-sena ta’ wara. Fir-rigward tal-valutazzjoni li tiddetermina jekk emittent huwiex intrapriża SME, dan isir abbażi tal-kapitalizzazzjoni tas-suq tat-tliet snin kalendarji preċedenti. Dan għandu jiżgura transizzjoni aktar faċli għal dawk l-emittenti minn dawk is-swieq speċjalizzati għas-swieq ewlenin.

(136)

Kull tagħrif kunfidenzjali rċevut mill-punt ta’ kuntatt ta’ Stat Membru permezz tal-punt ta’ kuntatt ta’ Stat Membru ieħor m’għandux jitqies bħala purament domestiku.

(137)

Huwa meħtieġ li tittejjeb il-konverġenza tal-poteri għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti sabiex titwitta t-triq lejn intensità ekwivalenti tal-infurzar fis-suq finanzjarju integrat kollu. Sett minimu komuni tal-poteri mżewweġ ma’ riżorsi adegwati għandu jiggarantixxi l-effikaċja superviżorja. Din id-Direttiva għandha għalhekk tipprevedi sett minimu ta’ setgħat superviżorji u investigattivi li għandhom jiġu fdati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’konformità mal-liġi nazzjonali. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati, fejn il-liġi nazzjonali tkun tirrikjedi dan, permezz ta’ applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizjarji kompetenti. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom skont din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaġixxu b’mod oġġettiv u imparzjali u għandhom jibqgħu awtonomi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom.

(138)

Filwaqt li din id-Direttiva tispeċifika s-sett minimu ta’ setgħat li l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom meta jagħmlu superviżjoni tal-konformità tal-istituzzjonijiet tal-ħlas, dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati b’konformità mad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għall-privatezza. Għall-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat, li jista’ jammonta għal interferenzi serji mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u dik tal-familja, id-domiċilju u l-komunikazzjonijiet, l-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ salvagwardji adegwati u effikaċi kontra kwalunkwe abbuż, pereżempju, f’dak li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni xierqa minn qabel minn awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jippermettu l-possibilità li l-awtoritajiet kompetenti jeżerċitaw tali setgħat intrusivi sal-punt neċessarju għall-investigazzjoni xierqa ta’ każijiet serji fejn ma jkun hemm l-ebda mezz ekwivalenti biex effettivament jinkiseb l-istess riżultat.

(139)

L-ebda azzjoni meħuda minn kwalunkwe awtorità kompetenti jew l-AETS fit-twettiq tal-kompiti tagħha m’għandhiex direttament jew indirettament tiddiskrimina kontra kwalunkwe Stat Membru jew grupp ta’ Stati Membri bħala post għall-għoti ta’ servizzi u atttivitajiet ta’ investiment fi kwalunkwe munita.

(140)

Fid-dawl tal-impatt sinifikanti u s-sehem tas-suq miksub minn MTFs varji, huwa xieraq li jkun żgurat li jkunu stabbiliti arranġamenti ta’ kooperazzjoni adegwati bejn l-awtorità kompetenti tal-MTF u dik tal-ġuriżdizzjoni li fiha qed tipprovdi s-servizz l-MTF. Biex ikunu antiċipati kwalunkwe żviluppi simili, dan għandu jkun estiż għall-OTFs.

(141)

Sabiex tkun żgurata l-konformità tad-ditti ta’ investiment l-operaturi tas-suq awtorizzati li joperaw f’MTF jew f’OTF, swieq regolati, APAs, CTPs jew mekkanżmi ta’ rappurtar approvati (approved reporting mechanisms (ARMs)), dawk li jikkontrollaw effikaċement il-kummerċ tagħhom u l-membri tad-ditti ta’ investiment u l-korp maniġerjali tas-swieq regolati mal-obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva u mir-Regolament (UE Nru 600/2014 u biex ikun żgurat li huma suġġetti għal trattament simili madwar l-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jintalbu biex jipprevedu sanzjonijiet u miżuri li huma effettivi, proporzjonati u dissważivi. Sanzjonijiet u miżuri amministrattivi stipulati mill-Istati Membri għandhom jissodisfaw ċerti rekwiżiti essenzjali b’rabta ma’ destinatarji, kriterji li għandhom jitqiesu fl-applikazzjoni ta’ sanzjoni jew miżura, pubblikazzjoni, setgħat ewlenin ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet u livelli ta’ multi amminisrattivi.

(142)

Partikolarment, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat li jimponu multi li huma għolja biżżejjed biex jibbilanċjaw il-benefiċċji mistennija u li jkunu dissważivi anki għall-istituzzjonijiet ikbar u l-mexxejja tagħhom.

(143)

Hu wkoll meħtieġ għall-awtoritajiet kompetenti li jkollhom, f’ konformita’ mal-liġi nazzjonali u mal-Karta, il-kapaċità li jkollhom aċċess għall-bini ta’ persuni naturali u legali. L-aċċess għal tali bini huwa partikularment meħtieġ fejn ikun hemm suspett raġonevoli li jeżistu dokumenti u data oħra relatati mas-suġġett ta’ investigazzjoni u jistgħu jkunu rilevanti biex jiġi ppruvat każ ta’ ksur ta’ din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. Barra minn hekk, l-aċċess għal tali bini huwa neċessarju meta l-persuna li għaliha tkun diġà saret talba għal informazzjoni tonqos milli tikkonforma għalkollox jew parzjalment ma’ tali talba; jew fejn hemm raġunijiet ġustifikabbli biex wieħed jemmen li, kieku kellha ssir talba, ma tiġix milqugħa, jew id-dokumenti jew l-informazzjoni li t-talba tkun marbuta magħhom jitneħħew, jiġu mmanipulati jew jinqerdu. Jekk tkun tinħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru kkonċernat, skont il-liġi nazzjonali, tali setgħa għal aċċess fil-bini għandha tintuża wara li tkun inkisbet dik l-awtorizzazzjoni minn qabel.

(144)

Rekordings eżistenti ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi u rekords eżistenti tat-telefown u tat-traffiku tad-data minn ditti tal-investiment li jwettqu tranżazzjonijiet, u rekords eżistenti tat-telefown u tat-traffiku tad-data minn operaturi tat-telekomunikazzjonijiet, jikkostitwixxu evidenza kruċjali, u kultant anki l-unika evidenza, biex tiġi identifikata u pprovata l-eżistenza ta’ abbuż tas-suq kif ukoll biex tkun verifikata konformità mid-ditti tal-protezzjoni tal-investitur u ta’ rekwiżiti oħra stabbiliti f’din id-Direttiva jew fir-Regolament (UE) Nru 600/2014. Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu kapaċi jirrikjedu reġistrazzjonijiet eżistenti tal-konverżazzjonijiet telefoniċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u rekords tat-traffiku tad-data miżmuma minn kumpanija ta’ investiment. Aċċess għal data u rekords telefoniċi hi meħtieġa biex ikun identifikat u ippenaliżżat l-abbuż tas-suq jew ta’ ksur tar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva jew fir-Regolament (UE) Nru 600/2014.

Sabiex jiġu introdotti kundizzjonijiet indaqs fl-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-aċċess għar-rekords eżistenti tat-telefown u tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjoni jew ir-rekordings eżistenti ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi kif ukoll tat-traffiku tad-data miżmuma minn kumpanija tal-investiment, l-awtoritajiet kompetenti, f’konformità mad-dritt nazzjonali, għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu rekords eżistenti tat-telefown u tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjoni safejn hu permess skont id-dritt nazzjonali u r-rekordings eżistenti ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi kif ukoll it-traffiku tad-data miżmuma minn kumpanija ta’ investiment, f’dawk il-każijiet fejn hemm suspett raġonevoli li tali rekords relatati mal-ispezzjoni jew investigazzjoni jistgħu jkunu rilevanti bħala prova ta’ mġieba li hijapprojbita taħt ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 jew bi ksur tar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. L-aċċess għar-rekords tat-telefown u tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjonijiet ma għandux jinkludi l-kontenut ta’ komunikazzjonijiet vokali bit-telefown.

(145)

Biex tkun żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ sanzjonijiet fl-Unjoni kollha, l-Istati Membri għandhom ikunu mitluba jiżguraw li fid-determinazzjoni tat-tip ta’ sanzjonijiet amministrattivi jew miżuri u l-livell ta’ multi amministrattivi, l-Istati Membri għandhom ikunu rekwiżiti jiżguraw li fid-determinazzjoni tat-tip ta’ sanzjonijiet amministrattivi jew miżuri u l-livell ta’ sanzjonijiet amministrattivi pekunarji, l-awtoritajiet kompetenti jqisu ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti

(146)

Sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti jkollhom effett dissważiv fuq il-pubbliku ġenerali, għandhom normalment jiġu pubblikati. Il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet hija wkoll għodda importanti għall-awtoritajiet kompetenti biex jinfurmaw lill-parteċipanti fis-suq liema mġiba titqies li tikser din id-Direttiva u biex jippromwovu mġiba tajba fuq skala usa’ fost il-parteċipanti fis-suq. Jekk tali pubblikazzjoni tikkawża ħsara sproporzjonata lill-persuni involuti, tipperikola l-istabbilità tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni li għaddejja, l-awtorità kompetenti għandha tippubblika s-sanzjonijiet u l-miżuri fuq bażi anonima b’mod li jkun konformi mal-liġi nazzjonali jew tittardja l-pubblikazzjoni.

L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom l-għażla li ma jippubblikawx is-sanzjonijiet fejn pubblikazzjoni anonima jew tard titqies li tkun insuffiċjenti biex jiġi żgurat li l-istabilità tas-swieq finanzjarji ma tiġix ipperikolata. L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx ikunu rikjesti jippubblikaw miżuri li huma kkunsidrati ta’ natura minuri fejn il-pubblikazzjoni tkun sproporzjonata. Huwa xieraq li jiġi pprovdut mekkaniżmu għar-rappurtar ta’ sanzjonijiet lill-AETS sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jqisuhom fis-superviżjoni kontinwa tagħhom. Din id-Direttiva ma titlobx u lanqas ma tipprevjeni l-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali imposti għal każijiet ta’ ksur ta’ din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

(147)

Biex ikun identifikat ksur potenzjali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikollhom is-setgħat investigatorji meħtieġa, u għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi u affidabbli biex jinkoraġġixxu r-rapportar ta’ ksur potenzjali jew attwali, inkluża l-protezzjoni tal-impjegati li jirrapportaw dwar ksur fl-istituzzjoni tagħhom stess. Dawk il-mekkaniżmi għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji xierqa tal-persuni akkużati. Għandhom ikunu stabbiliti proċeduri xierqa li jiżguraw protezzjoni xierqa ta’ persuna akkużata, partikolarment fir-rigward tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ta’ dik il-persuna u proċeduri li jiżguraw id-dritt tal-persuna akkużata għad-difiża tagħha u li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonċerna lilha kif ukoll tad-dritt li tfittex rimedju quddiem qorti kontra d-deċiżjoni li tikkonċerna lilha.

(148)

Din id-Direttiva għandha tirreferi għal sanzjonijiet u miżuri biex tkopri l-azzjonijiet kollha applikati wara ksur, u li huma intenzjonati li jipprevjenu ksur ieħor, irrespittivament mill-kwalifika tagħhom bħala sanzjoni jew miżura fil-liġi nazzjonali.

(149)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjonijiet fid-dritt tal-Istati Membri marbuta mas-sanzjonijiet kriminali.

(150)

Anki jekk xejn ma jżomm l-Istati Membri milli jistipulaw regoli għal sanzjonijiet amministrattivi u kriminali għall-istess każijiet ta’ ksur, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu rikjesti jistipulaw regoli għal sanzjonijiet amministrattivi għall-każijiet ta’ ksur ta’ din id-Direttiva jew ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 li huma suġġetti għal-liġi kriminali nazzjonali. F’konformità mal-liġi nazzjonali, l-Istati Membri mhumiex obbligati jimponu kemm sanzjonijiet amministrattivi kif ukoll kriminali għall-istess offiża, iżda għandhom ikunu jistgħu jagħmlu dan jekk il-liġi nazzjonali tagħhom tippermetti dan. Madankollu, iż-żamma ta’ sanzjonijiet kriminali minflok sanzjonijiet amministrattivi għal każijiet ta’ ksur ta’ din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 ma għandhiex tnaqqas jew altrimenti taffettwa l-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jikkooperaw, ikollhom aċċess għall-informazzjoni u jistambjawha fi żmien xieraq mal-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra għall-finijiet ta’ din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, inkluż wara kwalunkwe riferiment tal-każijiet ta’ ksur rilevanti lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għal prosekuzzjoni kriminali.

(151)

Bil-ħsieb li jiġu protetti l-klijenti u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-klijenti li jressqu l-azzjoni tagħhom quddiem il-qrati, huwa xieraq li l-Istati Membri jiżguraw li korpi pubbliċi u privati jkunu stabbiliti bil-ħsieb li jsolvu t-tilwim barra mill-qorti, li jikkooperaw sabiex isolvu t-tilwim transfruntier, billi jqisu r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257/KE (36) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/310/KE (37). Meta jkunu qegħdin jimplimentaw id-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri tal-ilmenti u ta’ rimedju għas-soluzzjonijiet barra mill-qorti, l-Istati Membri għandhom jiġu inkoraġġiti jużaw il-mekkaniżmi eżistenti ta’ kooperazzjoni transfruntiera, b’mod partikulari n-Netwerk tal-Ilmenti dwar is-Servizzi Finanzjarji (il-FIN-Net).

(152)

Kull skambju jew trażmissjoni tat-tagħrif bejn l-awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet oħra, korpi jew persuni għandhom ikunu skont ir-regoli dwar it-trasferiment tal-informazzjoni personali lil pajjiżi terzi kif stabilit fid-Direttiva 95/46/KE. Kwalunkwe skambju jew trażmissjoni tad-data personali min-naħa tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (l-AETS) ma’ pajjiżi terzi għandu jsir skont ir-regoli dwar it-trasferiment tad-data personali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

(153)

Huwa meħtieġ li jiġu rrinfurzati d-dispożizzjonijiet dwar l-iskambju tat-tagħrif bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u li jiġu msaħħa d-dmirijiet tal-assistenza u l-kooperazzjoni li għandhom jagħtu lil xulxin. Minħabba l-attività transfruntiera li qiegħda dejjem tiżdied, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lil xulxin it-tagħrif rilevanti sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, sabiex jiżguraw l-infurzar effettiv ta’ din id-Direttiva, inkluż f’sitwazzjonijiet meta l-kontravenzjonijiet jew il-kontravenzjonijiet issuspettati jistgħu jkunu ta’ tħassib għall-awtoritajiet f’żewġ Stati Membri jew iktar. Fl-iskambju tat-tagħrif, hija meħtieġa segretezza stretta professjonali sabiex jiġu żgurati t-trażmissjoni bla xkiel ta’ dan it-tagħrif u l-protezzjoni ta’ drittijiet partikulari.

(154)

Fejn l-operazzjoni ta’ ċentru tan-negozjarli għandu arranġamenti stabbiliti fi Stat Membru ospitanti saret ta’ importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u l-protezzjoni tal-investituri f’dak l-Istat Membru ospitanti, l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni proporzjonati li għandhom jiġu stabbiliti għandhom jieħdu l-forma xierqa fost modalitajiet possibbli ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta’ domiċilju u dawk ospitanti, b’mod proporzjonat għall-ħtiġijiet tal-kooperazzjoni superviżorja transfruntiera li tirriżulta partikolarment min-natura u l-iskala tal-impatt fuq is-swieq tat-titoli u l-protezzjoni tal-investitur fl-Istat Membru ospitanti, bħall-iskambju ta’ informazzjoni, konsultazzjoni jew assistenza ad hoc jew perjodiċi.

(155)

Biex jinkisbu l-għanijiet mressqa f’din id-Direttiva, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandu jkun delegat lill-Kummissjoni fir-rigward tad-dettalji li jikkonċernaw eżenzjonijiet, il-kjarifika tad-definizzjonijiet, il-kriterji għall-valutazzjoni tal-akkwiżizzjonijiet proposti tad-ditta ta’ investiment, ir-rekwiżiti organizzativi għad-ditti ta’ investiment APAs u CTPS, l-immaniġġar tal-kunflitti ta’ interess, il-qadi ta’ obbligi kummerċjali fil-provvista ta’ servizzi ta’ investiment, l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet fl-iktar termini favorevoli għall-klijent, l-ittrattar tal-ordnijiet tal-klijent, it-tranżazzjonijiet mal-kontropartijiet eliġibbli, iċ-ċirkostanzi li jwasslu għal rekwiżit ta’ informazzjoni għad-ditti ta investiment jew operaturi tas-suq li joperaw MTF jew OTF u l-operaturi ta suq regolat, iċ-ċirkostanzi li jikkostitwixxu ħsara sinifikanti għall-interessi tal-investituri u l-funzjonament ordnat tas-suq għall-finijiet tas-sospenzjoni u t-tneħħija ta’ strumenti finanzjarji minn negozju fuq MTF, OTF jew suq regolat, is-swieq tal-SMEs li qed jespandu, u l-limiti minimi li ‘l fuq minnhom japplikaw l-obbligi ta’ rappurtar u l-kriterji li taħthom l-operazzjonijiet taċ-ċentru tan-negozjarfi Stat Membru ospitanti jistgħu jitqiesu bħala ta’ importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u tal-protezzjoni tal-investituri. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fuq il-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(156)

L-istandards tekniċi fis-servizzi finanzjarji għandhom jiżguraw armonizzazzjoni konsistenti u protezzjoni tad-depożitanti, inkluż dawk li jinvestu f’depożiti strutturati, u l-konsumaturi fl-Unjoni kollha. Bħala korp b’kompetenza esperta speċjalizzata għolja, ikun effiċjenti u xieraq li l-AETS tiġi fdata bl-elaborazzjoni tal-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u implimentattivi li ma jkunux jinvolvu għażliet ta’ politika, biex jitressqu lill-Kummissjoni. Biex tkun żgurata protezzjoni koerenti tal-investituri u l-konsumaturi fis-setturi kollha tas-servizzi finanzjarji, l-AETS, sal-punt possibbli, għandha tiżvolġi l-kompiti tagħha billi tikkoopera mill-qrib mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) (‘ABE’) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38) u mal-AEAPX.

(157)

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji żviluppati mill-AETS rigward eżenzjonijiet marbutin ma’ attivitajiet meqjusin bħala anċillari għan-negozju ewlieni, rigward l-informazzjoni li trid tkun provduta u ċerti rekwiżiti fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti u r-rifjut ta’ talbiet għall-awtorizzazzjoni ta’ ditti ta’ investiment, rigward l-akkwist ta’ parteċipazzjoni kwalifikattiva, rigward in-negozjar algoritmiku, rigward l-obbligu li jiġu eżegwiti ordnijiet fit-termini l-aktar favorevoli għall-klijenti, rigward is-sospensjoni u t-tneħħija ta’ strumenti finanzjarji min-negozjar fuq suq regolati, fuq MTF jew fuq OTF, rigward il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u attivitajiet ta’ investiment, rigward l-istabbiliment ta’ fergħa, rigward ir-resiljenza tas-sistema, is-salvaviti u n-negozjar elettroniku, rigward d-daqs tal-fluttwazzjonijiet minimi possibbli fil-prezzijiet, rigward is-sinkroniżżazzjoni ta’ arloġġi ta’ negozju, rigward l-ammissjoni ta’ strumenti finanzjarji għan-negozju, rigward il-limiti tal-pożizzjonijiet u l-kontrolli tal-immaniġġar tal-pożizzjonijiet f’derivattivi ta’ komoditajiet, rigward proċeduri għall-għoti u r-rifjut ta’ talbiet għall-awtorizzazzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ rappurtar ta’ data, rigward ir-rekwiżiti organizzativi għall-APAs s-CTPs u l-ARMs u rigward il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE u skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(158)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-abbozzi ta’ standards tekniċi implimentattivi permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE u skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. L-AETS għandha tiġi fdata bl-abbozzar ta’ standards tekniċi implimentattivi għas-sottomissjoni lill-Kummissjoni rigward il-proċeduri għall-għoti u r-rifjut ta’ talbiet għall-awtorizzazzjoni ta’ ditti ta’ investiment, rigward l-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni kwalifikattiva, rigward il-proċess tan-negozjar għall-finalizzazzjoni tat-tranżazzjonjiet fl-MTF u l-OTF, rigward is-sospensjoni jew it-tneħħija ta’ strumenti finanzjarji min-negozjar, rigward il-libertà li jiġu provduti servizzi u attivitajiet tal-investiment, rigward l-istabbiliment ta’ fergħa, rigward ir-rapportar tal-pożizzjonijiet minn kategoriji ta’ detenturi ta’ pożizzjonijiet, rigward proċeduri għall-għoti u r-rifjut ta’ talbiet għal awtorizzazzjoni, rigward il-proċeduri u l-forom għal-preżentazzjoni tal-informazzjoni, rigward il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet, rigward rigward l-obbligu ta’ kooperazzjoni, rigward il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti, rigward l-iskambju tal-informazzjoni u rigward il-konsultazzjoni qabel l-awtorizzazzjoni ta’ ditta tal-investiment.

(159)

Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-funzjonament tal-OTFs, il-funzjonament tas-sistema għas-swieq tal-SMEs li qed jespandu, l-impatt tar-rekwiżiti li jirrigwardjaw negozjar awtomatizzat u ta’ frekwenza għolja, l-esperjenza bil-mekkaniżmu għall-projbizzjoni ta’ ċerti prodotti jew prattiċi u l-impatt tal-miżuri li jirrigwardjaw swieq ta’ derivattivi ta’ komoditajiet.

(160)

Sal-1 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport li jivvaluta l-impatt potenzjali fuq il-prezzijiet tal-enerġija u l-funzjonament tas-suq tal-enerġija tal-iskadenza tal-perjodu tranżitorju previst għall-applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar u r-rekwiżiti tal-marġni stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Jekk xieraq, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta leġislattiva li tistabbilixxi jew temenda l-liġi rilevanti, inkluż leġislazzjoni settorjali speċifika bħar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

(161)

Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39) tippermetti lill-Istati Membri li jawtorizzaw maniġer ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFMs) li jipprovdu ċerti servizzi ta’ investiment minbarra l-ġestjoni kollettiva ta’ fondi ta’ investiment alternattiv (AIFs), inkluż servizzi ta’ ġestjoni ta’ portafolli ta’ investimenti, konsulenza ta’ investiment, iż-żamma f’post sigur u l-amministrazzjoni fir-rigward ta’ ishma u unitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv, kif ukoll li jirċievu u jitrażmettu ordnijiet fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji. Minħabba li r-rekwiżiti li jirregolaw l-għoti ta’ dawk is-servizzi huma armonizzati fl-Unjoni, l-AIFMs awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ domiċilju li jipprovdu dawk is-servizzi m’għandhomx ikunu suġġetti għall-ebda awtorizzazzjoni addizzjonali fl-Istat Membru ospitanti lanqas għal xi miżura oħra li jkollha l-istess effett.

(162)

Skont il-qafas legali attwali, l-AIFMs awtorizzati li jipprovdu dawk is-servizzi ta’ investiment u li għandhom il-ħsieb li jipprovduhom fi Stati Membri oħra għajr l-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom jikkonformaw ma’ rekwiżiti nazzjonali addizzjonali, inkluż it-twaqqif ta’ entità legali separata. Sabiex ikunu eliminati ostakli fl-għoti transfruntier ta’ servizzi ta’ investiment armonizzati u biex ikunu żgurati kundizzjonijiet ugwali bejn l-entitajiet li jipprovdu l-istess servizzi ta’ investiment taħt l-istess rekwiżiti legali, AIFM awtorizzat li jipprovdi dawk is-servizzi għandu jkun jista’ jipprovdihom fuq bażi transfruntiera, suġġett għal rekwiżiti ta’ notifika xierqa, taħt l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju.

(163)

Id-Direttiva 2011/61/UE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan.

(164)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, b’ mod partikolari li jinħoloq suq finanzjarju integrat, li fih l-investituri jiġu protetti b’mod effettiv u li fih jiġu ssalvagwardjati l-effikaċja u l-integrità tas-suq ġenerali, jeħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti regolatorji komuni li jkollhom x’jaqsmu mad-ditti ta’ investiment kulfejn dawn ikunu awtorizzati fl-Unjoni u li jirregolaw il-funzjonament tas-swieq regolati u ta’ sistemi oħra tal-kummerċ sabiex l-opaċità jew id-diżordni f’suq jiġu pprevenuti milli jimminaw l-operat effiċjenti tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni inġenerali li ma jistgħax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, din tista’ tadotta miżuri konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TFUE. Konformement mall-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu„ din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan.

(165)

Minħabba ż-żieda tal-kompiti mogħtija lill-AETS b’din id-Direttiva u mir-Regolament (UE) Nru 600/2014, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li jkun hemm riżorsi umani u finanzjarji xierqa.

(166)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta, partikolarment id-dritt tal-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tat-twettiq ta’ negozju, id-dritt tal-protezzjoni tal-konsumatur, id-dritt għal rimedju effikaċi u għal proċess ġust, id-dritt li ma tkunx prosegwit u penalizzat darbtejn għall-istess ksur u għandha tiġi implimentata skont dawk id-drittijiet u prinċipji.

(167)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’ konformita’ mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta opinjoni fl-10 ta’ Frar 2012 (40),

(168)

F’konformita’ mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni tat-28 ta’ Settembru 2011 (41), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f’każijiet ġustifikati jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument jew għadd ta’ dokumenti li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata.

(169)

L-obbligu li din id-Direttiva tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali għandu jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrapreżentaw emenda sostantiva meta mqabbel mad-Direttivi ta’ qabel. L-obbligu li jiġu trasposti d-dispożizzjonijiet li mhumiex mibdula, joħroġ mid-Direttivi ta’ qabel.

(170)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-iskadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-dati tal-applikazzjoni tad Direttivi li jinsabu fl-Anness III, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

IT-TITOLU I

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għad-ditti ta’ investiment, operaturi tas-suq, il-fornituri tas-servizzi ta’ rappurtar tad-data u d-ditti ta’ pajjiż terz li jipprovdu servizzi ta’ investiment jew iwettqu attivitajiet tal-investiment bl-istabiliment ta’fergħa fl-Unjoni.

2.   Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti b’rabta ma’ li ġej:

(a)

awtorizzazzjoni u kundizzjonijiet operatorji għad-ditti ta’ investiment;

(b)

forniment ta’ servizzi jew ativitajiet ta’ investiment minn ditti ta’ pajjiż terz permezz tal-istabiliment ta’ fergħa;

(c)

awtorizzazzjoni u operat tas-swieq regolati;

(d)

awtorizzazzjoni u operat tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data; u

(e)

superviżjoni, kooperazzjoni u infurzar mill-awtoritajiet kompetenti.

3.   Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE, meta jipprovdu servizz wieħed ta’ investiment jew iktar u/jew iwettqu attivitajiet ta’ investiment:

(a)

l-Artikolu 2(2), Artikolu 9(3), u l-Artikoli 14 u 16 sa 20,

(b)

il-Kapitolu II tat-Titolu II bl-esklużjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 29(2),

(c)

il-Kapitolu III tat-Titolu II bl-esklużjoni tal-Artikolu 34(2) u (3) u l-Artikolu 35(2) sa (6) u (9),

(d)

l-Artikoli 67 sa 75 u l-Artikoli 80, 85 u 86.

4.   Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukollgħad-ditti ta’ investiment u għall-istituzzjonijiet tal-kreditu awtorizzati taħt id-Direttiva 2006/36/UE meta jkunu qed ibigħu lill-klijenti jew jikkonsultawhom f’rabta ma’ depożiti strutturati:

(a)

l-Artikolu 9(3), l-Artikolu 14, u l-Artikolu 16(2), (3) u (6);

(b)

l-Artikoli 23 sa 26, l-Artikolu 28 u l-Artikolu 29 bl-esklużjoni tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu, u l-Artikolu 30; u

(c)

l-Artikoli 67 sa 75.

5.   L-Artikolu 17(1) sa (6) għandu japplika wkoll għall-membri jew parteċipanti tas-swieq regolati u l-MTFs li mhux meħtieġa li jiġu awtorizzati skont din id-Direttiva bis-saħħa tal-punti (a), (e), (i) u (j) tal-Artikolu 2(1).

6.   L-Artikoli 57 u 58 għandhom japplikaw ukoll għal persuni eżentati taħt l-Artikolu 2.

7.   Is-sistemi multilaterali kollha fl-istrumenti finanzjarji għandhom joperaw f’konformita’ mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II rigward l-MTFs jew l-OTFs jew id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III rigward is-swieq regolati.

Kull ditta ta’ investiment li, fuq bażi organizzata, frekwenti, sistematika u sostanzjali, titratta f’isimha stess meta tesegwixxi l-ordnijiet tal-klijent barra suq regolat, MTF jew OTF għandhom joperaw f’ konformita’ mat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, it-transazzjonijiet kollha fi strumenti finanzjarji msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi li ma jiġux konklużi fuq sistemi multilaterali jew internalizzaturi sistematiċi għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

Artikolu 2

L-eżenzjonijiet

1.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:

(a)

l-impriżi tal-assigurazzjoni jew l-impriżi li jwettqu attivitajiet tal-assigurazzjoni mill-ġdid jew tar-retroċessjoni msemmija fid-Direttiva 2009/138/KE meta jwettqu l-attivitajiet imsemmija f’dik id-Direttiva;

(b)

il-persuni li jipprovdu servizzi ta’ investiment b’mod esklużiv għall-impriżi prinċipali tagħhom, għas-sussidjarji tagħhom jew għal sussidjarji oħra tal-impriżi prinċipali tagħhom;

(c)

il-persuni li jipprovdu servizz ta’ investiment meta dan is-servizz jiġi pprovdut f’manjiera inċidentali fil-kors ta’ attività professjonali u li din l-attività tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji jew minn kodiċi tal-etika li jirregola l-professjoni u li ma jeskludix il-provvediment ta’ dan is-servizz;

(d)

il-persuni li jinnegozjaw f’isimhom stess fi strumenti finanzjarji għajr derivattivi ta’ komoditajiet jew kwoti ta’ emissjonijiet jew derivattivi tagħhom u li ma jipprovdu l-ebda servizz ta’ investiment ieħor jew li ma jwettqu l-ebda attività ta’ investiment oħra f’servizzi finanzjarji għajr derivattivi ta’ komoditajiet jew kwoti ta’ emissjonijiet jew derivattivi tagħhom sakemm talipersuni:

(i)

ma jkunux ġeneraturi tas-suq;

(ii)

ma jkunux membri jew parteċipanti f’suq regolat jew MTF jew ma jkollhomx aċċess elettroniku dirett għal ċentru tan-negozjar;

(iii)

ma japplikawx teknika ta’ negozjar algoritmiku ta’ frekwenza għolja; jew

(iv)

ma jkunux jinnegozjaw f’isimhom stess meta jwettqu l-ordnijiet tal-klijenti;

Persuni eżentati skont il-punti (a), (i) jew (j) mhumiex obbligati jilħqu l-kundizzjonijiet imniżżla f’dan il-punt biex ikunu eżentati.

(e)

operaturi b’obbligi ta’ konformità skont id-Direttiva 2003/87/KE li, meta jinnegozjaw fi kwoti ta’ emissjonijiet, ma jesegwixxux ordnijiet tal-klijenti u li ma jipprovdu l-ebda servizz ta’ investiment jew iwettqu xi attività ta’ investiment għajr jinnegozjaw f’isimhom stess, sakemm dawk il-persuni ma japplikawx teknika ta’ negozjar algoritmiku ta’ frekwenza għolja;

(f)

il-persuni li jipprovdu servizzi ta’ investiment li jikkonsistu b’mod esklużiv fl-amministrazzjoni ta’ skemi tal-parteċipazzjoni tal-impjegati;

(g)

il-persuni li jipprovdu servizzi ta’ investiment li jinvolvu biss kemm l-amministrazzjoni ta’ skemi tal-parteċipazzjoni tal-impjegati kif ukoll il-provvediment ta’ servizzi ta’ investiment b’mod esklużiv għall-impriżi prinċipali tagħhom, għas-sussidjarji tagħhom jew għal sussidjarji oħra tal-impriżi prinċipali tagħhom;

(h)

il-membri tas-SEBĊ u korpi oħra nazzjonali li jwettqu funzjonijiet simili fl-Unjoni, korpi pubbliċi oħra inkarigati mill-ġestjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fiha fl-Unjoni u istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti f’żewġ Stati Membri jew aktar li għandhom l-iskop li jimmobilizzaw il-fondi u jipprovdu assistenza finanzjarja għall-benefiċċju tal-membri tagħhom li qed jesperjenzaw jew ikunu mhedda minn problemi finanzjarji serji;

(i)

l-impriżi ta’ investimenti kollettiv u l-fondi tal-pensjonijiet, sewwa jekk ikkoordinati fil-livell tal-Unjoni u sewwa jekk le, u d-depożitarji u l-amministraturi ta’ dawn l-impriżi;

(j)

il-persuni:

(i)

jinnegozjaw f’isimhom stess, inklużi ġeneraturi tas-suq, f’derivattivi ta’ komoditajiet jew kwoti ta’ emissjonijiet jew derivattivi tagħhom, minbarra l-persuni li jinnegozjaw għal rashom meta jwettqu l-ordnijiet tal-klijenti, jew

(ii)

jipprovdu servizzi ta’ investiment, għajr in-negozjar f’isimhom stess, fid-derivattivi tal-komoditajiet jew fil-kwoti tal-emissjonijiet jew fid-derivattivi tagħhom lill-klijenti jew fornituri tal-kummerċ ewlieni tagħhom;

sakemm:

għal kull wieħed minn dawk il-każijiet b’mod individwali jew fuq bażi aggregata, din tkun attività anċillari għall-kummerċ ewlieni tagħhom, meta kkunsidrata fuq il-bażi ta’ grupp, u dan il-kummerċ ewlieni ma jkunx il-provvediment ta’ servizzi ta’ investiment fit-tifsira ta’ din id-Direttiva jew ta’ attivitajiet bankarji skont id-Direttiva 2013/36/UE jew ikun qed jaġixxi ta’ ġeneratur tas-suq fir-rigward ta’ derivattivi ta’ komoditajiet,

dawk il-persuni ma japplikawx teknika ta’ negozjar algoritmiku ta’ frekwenza għolja; u

dawk il-persuni jinnotifikaw kull sena lill-awtorità kompetenti rilevanti li huma jagħmlu użu minn din l-eżenzjoni u fuq talba jirrappurtaw lill-awtorità kompetenti l-bażi li fuqha jikkunsidraw li l-attività tagħhom taħt il-punti (i), u (ii) hi anċillari għall-attività kummerċjali ewlenija tagħhom;

(k)

il-persuni li jipprovdu pariri dwar l-investiment huma u jipprovdu attività professjonali oħra mhux koperta b’din id-Direttiva, sakemm il-provvediment ta’ dawn il-pariri ma jkunx imħallas b’mod speċifiku;

(l)

l-assoċjazzjonijiet stabbiliti bil-fondi Daniżi u Finlandiżi tal-pensjonijiet bil-għan waħdieni li jimmaniġġaw l-assi tal-fondi tal-pensjonijiet li huma membri ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet;

(m)

l-“agenti di cambio” li l-attivitajiet u l-funzjonijiet tagħhom huma rregolati bl-Artikolu 201 tad-Digriet Leġislattiv Taljan Nru 58 tal-24 ta’ Frar 1998;

(n)

l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni kif iddefinit fl-Atikolu 2(4) tad-Direttiva 2009/72/KE jew l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2009/73/KE meta jwettqu l-kompiti tagħhom skont dawk id-Direttivi, skont ir-Regolament (KE) Nru 714/2009, skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 jew skont kodiċijiet tan-netwerk jew linji gwida adottati skont dawk ir-Regolamenti, persuni oħrajn li jaġixxu bħala fornituri tas-servizz f’isimhom biex iwettqu l-kompitu tagħhom skont dawk l-atti leġislattivi jew skont il-kodiċijiet tan-netwerk jew il-linji gwida adottati skont dawk ir-Regolamenti jew kwlaunkwe operatur jew amministratur ta’ mekkaniżmu ta’ bbilanċjar tal-enerġija, netwerk ta’ pipeline jew sistema li żżomm f’bilanċ il-forniment u l-użu tal-enerġija meta jitwettqu tali kompiti.

Dik l-eżenzjoni għandha tapplika biss għal persuni involuti fl-attivitajiet imsemmija f’dan il-punt biss meta jwettqu attivitajiet ta’ investiment jew jipprovdu servizzi ta’ investiment relatati mad-derivattivi ta’ komoditajiet sabiex jitwettqu dawk l-attivitajiet. Dik l-eżenzjoni ma għandhiex tapplika fir-rigward tat-tħaddim ta’ suq sekondarju, inkluża pjattaforma għal negozju sekondarju fi drittijiet ta’ trażmissjoni finanzjarja;

(o)

CSDs li huma regolati bħala tali taħt il-liġi tal-Unjoni, sal-punt li huma regolati taħt dik il-liġi tal-Unjoni.

2.   Id-drittijiet mogħtija minn din id-Direttiva ma għandhomx jestendu għall-forniment tas-servizzi bħala kontropartijiet fit-tranżazzjonijiet imwettqa mill-korpi pubbliċi li jittrattaw id-dejn pubbliku jew mill-membri tas-SEBĊ li jwettqu l-kompiti tagħhom kif previst mit-TFUE u fil-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jew li jwettqu funzjonijiet ekwivalenti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 biex tikkjarifika għall-finijiet tal-punt (c) miżurital-paragrafu 1 meta attività hija pprovvduta b’mod inċidentali.

4.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika, għall-finijiet tal-punt (j) tal-paragrafu 1, il-kriterji sabiex jiġi stabbilit meta attività għandha titqies li tkun anċillari għan-negozju ewlieni f’livell ta’ grupp.

Dawk il-kriterji għandhom għall-inqas iqisu l-elementi li ġejjin:

(a)

il-ħtieġa għal attivitajiet anċillari li jikkostitwixxu l-minoranza tal-attivitajiet f’livell ta’ grupp;

(b)

id-daqs tal-attività ta’ negozjar tagħhom meta mqabbla mal-attività ġenerali ta’ negozjar fis-suq f’dik il-klassi ta’ assi.

Biex ikun determinat kemm l-attivitajiet anċillari jikkostitwixxu l-minoranza tal-attivitajiet f’livell ta’ grupp, l-AETS tista’ tiddetermina li l-kapital impjegat biex titwettaq l-attività anċillari relativ għall-kapital impjegat biex jitwettaq in-negozju ewlieni għandu jkun ikkunsidrat. Madankollu, dak il-fattur fl-ebda każ ma għandu jkun biżżejjed biex juri li l-attività hi anċillari għan-negozju ewlieni tal-grupp.

L-attivitajiet imsemmija f’dan il-paragrafu għandhom itkunu kkunsidrati f’livell ta’ grupp.

L-elementi msemmija fit-tieni u fit-tielet subparagrafi għandhom jeskludu:

(a)

it-tranżazzjonijiet intragrupp kif imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jaqdu l-likwidità tal-grupp kollu jew għall-għanijiet ta’ ġestjoni tar-riskji;

(b)

it-tranżazzjonijiet f’derivattivi li oġġettivament jistgħu jitkejlu bħala li jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali jew l-attività tal-finanzjament tat-teżor;

(c)

it-tranżazzjonijiet f’derivattivi ta’ komoditajiet u kwoti ta’ emissjonijiet li jipparteċipaw fihom biex jissodisfaw l-obbligi li jipprovdu likwidità f’ċentru tan-negozjar, fejn tali obbligi huma mitluba mill-awtoritajiet regolatorji f’konformita’ mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, jew miċ-ċentri tan-negozjar.

L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 3

L-eżenzjonijiet fakultattivi

1.   L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx din id-Direttiva rigward kull persuna li għaliha huma l-Istat Membru tad-domiċilju, sakemm l-attivitajiet ta’ dawn il-persuni jkunu awtorizzati u rregolati fil-livell nazzjonali, u dawk il-persuni:

(a)

ma jkollhomx il-permess li jżommu l-fondi jew it-titoli tal-klijenti u li għal din ir-raġuni ma jitħallewx fl-ebda ħin li jqegħdu lilhom infushom f’debitu mal-klijenti tagħhom;

(b)

ma jkollhomx il-permess li jipprovdu l-ebda servizz ta’ investiment għajr li jirċievu u jittrasmettu l-ordnijiet fit-titoli trasferibbli u l-unitajiet fl-impriżi ta’ investiment kollettiv u/jew il-provvediment ta’ pariri dwar l-investimenti li jkollhom x’jaqsmu ma’ dawn l-istrumenti finanzjarji; u

(c)

fil-perkors tal-forniment tas-servizz, ikollhom il-permess jittrażmettu ordnijiet biss lil:

(i)

id-ditti ta’ investiment awtorizzati skont din id-Direttiva;

(ii)

l-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE;

(iii)

il-friegħi tad-ditti ta’ investiment jew tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati f’pajjiż terz u li jkunu suġġetti għar-regoli prudenzjali ikkunsidrati mill-awtoritajiet kompetenti bħala regoli stretti mill-inqas daqs dawk stabbiliti f’din id-Direttiva, fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew fid-Direttiva 2013/36/UE;

(iv)

l-impriżi għall-investiment kollettiv awtorizzati bil-liġijiet ta’ Stat Membru li jqiegħdu unitajiet fis-suq għall-pubbliku u għall-amministraturi ta’ dawn l-impriżi;

(v)

il-ditti ta’ investiment b’kapital fiss, kif definit fl-Artikolu 17(7) tad-Direttiva tal-Kunsill 2012/30/UEtal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (42), li t-titoli tagħhom huma kkwotati jew innegozjati f’suq irregolat fi Stat Membru; jew

(d)

jipprovdu servizzi ta’ investiment esklużivament f’komoditajiet, kwoti ta’ emissjonijiet u/jew derivattivi ta’ dawn għall-iskop waħdieni tal-hedging tar-riskji kummerċjali tal-klijenti tagħhom, meta dawk il-klijenti jkunu esklużivament impriżi lokali tal-elettriku kif definit fl-Artikolu 2(35) tad-Direttiva 2009/72/KE u/jew impriżi tal-gass naturali kif definit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/73/KE, u dment li dawk il-klijenti konġuntament ikollhom 100 % tal-kapital jew tad-drittijiet ta’ votazzjoni ta’ dawk il-persuni, jeżerċitaw kontroll konġunt u jkunu eżenti taħt il-punt (j) tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-Direttiva jekk iwettqu dawk is-servizzi ta’ investiment huma stess; jew

(e)

jipprovdu servizzi ta’ investiment esklużivament fi kwoti ta’ emissjonijiet u/jew derivattivi ta’ dawn għall-iskop waħdieni tal-hedging tar-riskji kummerċjali tal-klijenti tagħhom, meta dawk il-klijenti jkunu esklużivament operaturi kif definit fil-punt (f) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87/KE, u dment li dawk il-klijenti konġuntament iżommu 100 % tad-drittijiet ta’ kapital jew ta’ votazzjoni ta’ dawk il-persuni, jeżerċitaw kontroll konġunt jew huma eżentati skont il-punt (j) tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-Direttiva jekk iwettqu dawk is-servizzi ta’ investiment huma stess.

2.   Ir-reġimi tal-Istati Membri għandhom jissottomettu l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 għal rekwiżiti li jkunu tal-inqas analogi għar-rekwiżiti li ġejjin skont din id-Direttiva:

(a)

il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-awtorizzazzjoni u għas-superviżjoni kontinwa kif stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u (3), l-Artikoli 7 sa 10, 21, 22 u 23 u l-atti delegati korrispondenti miżuriadottati mill-Kummissjoni b’konformità mal-Artikolu 89;

(b)

l-obbligi tal-kondotta tan-negozju kif stabbiliti fl-Artikolu 24(1), (3), (4), (5), (7) u (10), fl-Artikolu 25(2), (5) u (6), u, fejn is-sistema nazzjonali tippermetti li dawk il-persuni jaħtru aġenti marbuta, fl-Artikolu 29, u fil-miżuri ta’ implimentazzjoni rispettivi;

(c)

Rekwiżiti organizzativi kif stipulat fl-ewwel, fis-sitt u fis-seba’ subparagrafi tal-Artikolu 16(3), u fl-Artikolu 16(6) u (7) u fl-atti delegati korrispondenti adottati mill-Kummissjoni bi qbil mal-Artikolu 89.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-persuni eżentati minn din id-Drettiva skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ikunu koperti bi skema ta’ kumpens għall-investitur li tkun rikonoxxuta skont id-Direttiva 97/9/KE. L-Istati Membri għandhom jippermettu li ditti ta’ investiment ma jkunux koperti minn din l-iskema bil-kundizzjoni li jkollhom assigurazzjoni tal-indennità professjonali li permezz tagħha, billi jitqiesu d-daqs, il-profil tar-riskju u n-natura ġuridika tal-persuni eżentati f’konformita’ mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, tiġi żgurata protezzjoni ekwivalenti għall-klijenti tagħhom.

B’deroga mit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri li diġà jkollhom tali liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi qabel it-2 ta' Lulju 2014, jistgħu sat-3 ta' Lulju 2019 jirrikjedu li fejn il-persuni eżentati minn din id-Direttiva skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jipprovdu s-servizzi ta’ investiment tar-riċezzjoni u tat-trażmissjoni ta’ ordnijiet u/jew tal-provvista ta’ pariri dwar l-investiment f’unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettivi u jaġixxu bħala intermedjarju ma’ ditti ta’ maniġment kif definit fid-Direttiva 2009/65/KE, dawk il-persuni għandhom ikunu responsabbli b’mod konġunt u in solidum mal-kumpanija ta’maniġment għal kwalunkwe dannu magħmul lill-klijent b’rabta ma’ dawk is-servizzi.

3.   Il-persuni eżentati minn din id-Direttiva skont il-paragrafu 1 m’għandhomx jibbenefikaw mil-libertà li jipprovdu servizzi jew li jwettqu attivitajiet jew li jistabbilixxu friegħi kif ipprovdut fl-Artikoli 34 u 35 rispettivament.

4.   L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni u lill-AETS jekk ikunux qed jużaw l-għażla mogħtija f’dan l-Artikolu u għandhom jiżguraw li kull awtorizzazzjoni li tingħata skont il-paragrafu 1 issemmi li din ingħatat f’konformita’ ma’ dan l-Artikolu.

5.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill- AETS id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jixbhu r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva mniżżlin fil-paragrafu 2.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta ‘din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw:

(1)

“ditta tal-investiment” tfisser kwalunkwe persuna ġuridika li x-xogħol jew in-negozju regolari tagħha huwa l-forniment ta’ servizz ta’ investiment wieħed jew aktar lil partijiet terzi u/jew it-twettiq ta’ attività ta’ investiment waħda jew aktar fuq bażi professjonali.

L-Istati Membri jistgħu jinkludu l-impriżi li mhumiex persuna ġuridika, jekk:

(a)

l-istatus ġuridiku tagħhom jiżgura livell ta’ protezzjoni għall-interessi ta’ partijiet terzi ekwivalenti għal dak li jista’ jingħata minn persuni ġuridiċi, u

(b)

huma soġġetti għal superviżjoni prudenzjali ekwivalenti xierqa għall-forma ġuridika tagħhom.

Madankollu, meta persuna fiżika tipprovdi servizzi li jinvolvu ż-żamma ta’ fondi jew titoli trasferibbli ta’ partijiet terzi, dik il-persuna tista’ titqies bħala ditta tal-investimenti għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 biss jekk, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti l-oħra imposti f’din id-Direttiva, fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 u fid-Direttiva 2013/36/UE, dik il-persuna tikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

id-drittijiet ta’ sjieda tal-partijiet terzi fi strumenti u fondi jridu jiġu salvagwardjati, partikolarment f’każ ta’ insolvenza tad-ditta jew tal-proprjetarji tagħha, teħid, tpaċija jew kwalunkwe azzjoni oħra mill-kredituri tad-ditta jew tas-sidien tagħha;

(b)

id-ditta trid tkun soġġetta għal regoli mfassla sabiex jimmonitorjaw is-solvenza tad-ditta u dik tas-sidien tagħha;

(c)

il-kontijiet annwali tad-ditta jridu jiġi vverifikati minn persuna waħda jew aktar li għandha s-setgħa, skont il-liġi nazzjonali, jivverifikaw il-kontijiet;

(d)

fejn id-ditta għandha sid wieħed biss, dik il-persuna għandha tipprovdi għall-protezzjoni tal-investituri f’każ ta’ ċessjoni tan-negozju tad-ditta wara l-mewt jew l-inkapaċità tas-sid, jew kwalukwe avveniment simili;

(2)

“servizzi u attivitajiet ta’ investiment” tfisser kull wieħed jew waħda mis-servizzi u l-attivitajiet elenkati fit-Taqsima A tal-Anness I li għandhom x’jaqsmu ma’ kull wieħed mill-istrumenti elenkati fit-Taqsima Ċ tal-Anness I.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 89, b’miżuri li jispeċifikaw:

(a)

Il-kuntratti tad-derivati msemmija fit-Taqsima C.6 tal-Anness I li jkollhom il-karatteristiċi ta’ that have the characteristics of prodotti ta’ enerġija bl-ingrossa li jridu jiġu saldati b’mod fiżiku u l-kuntratti tad-derivati tal-enerġija C.6;

(b)

il-kuntratti tad-derivati msemmija fit-Taqsima C.7 tal-Anness I li jkollhom il-karatteristiċi ta’ strumenti finanzjarji oħra derivattivi;

(c)

il-kuntratti tad-derivati msemmija fi-Taqsima C.10 tal-Anness I li jkollhom il-karatteristiċi ta’ strumenti finanzjarji oħra derivati, filwaqt li tqis, fost ħwejjeġ oħra, jekk jiġu nnegozjati f’suq irregolat, MTF jew OTF;

(3)

“servizzi anċillari” tfisser kull wieħed mis-servizzi elenkati fit-Taqsima B tal-Anness I;

(4)

“parir dwar l-investiment” tfisser il-provvediment ta’ rakkommandazzjonijiet personali lill-klijent, jew fuq it-talba tiegħu jew fuq l-inizjattiva tad-ditta ta’ investiment, rigward tranżazzjoni jew iktar li jkollhom x’jaqsmu mal-istrumenti finanzjarji;

(5)

“eżekuzzjoni tal-ordnijiet f’isem il-klijenti” tfisser ħidma sabiex jiġu konklużi ftehimijiet għax-xiri jew għall-bejgħ ta’ strument finanzjarju jew iktar f’isem klijenti u jinkludi l-konklużjoni ta’ ftehimiet sabiex jinbiegħu strumenti finanzjarji maħruġa minn ditta ta’ investiment jew istituzzjoni ta’ kreditu hekk kif jinħarġu;

(6)

“negozjar akkont tagħhom infushom” tfisser in-negozjar fuq il-kapital proprjetarju li jirriżulta fil-konklużjoni tat-tranżazzjonijiet fi strument finanzjarju jew iktar;

(7)

“ġeneratur tas-suq” tfisser persuna li żżomm lilha nfisha fis-swieq finanzjarji fuq bażi kontinwa bħala persuna li lesta tinnegozja f’isimha stess billi tixtri u tbiegħ strumenti finanzjarji fuq il-kapital proprjetarju ta’ dik il-persuna bi prezzijiet iddefiniti minn dik il-persuna;

(8)

“ġestjoni tal-portafoll” tfisser l-immaniġġjar tal-portafolli skont il-mandati mogħtija mill-klijenti fuq bażi diskrezzjonali, klijent klijent, meta dawn il-portafolli jkunu jinkludu strument finanzjarju wieħed jew iktar;

(9)

“klijent” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li lilha ditta ta’ investiment tipprovdilha servizzi ta’ investiment jew servizzi anċillari;

(10)

“klijent professjonali” tfisser klijent li jissodisfa l-kriterji stabiliti fl-Anness II;

(11)

“klijent mhux professjonali” tfisser klijent li ma jaqax taħt id-definizzjoni ta’ klijent professjonali;

(12)

“suq tal-SMEs li qed jespandi” tfisser MTF li hija reġistrata bħala suq tal-SME li qed jespandi skont l-Artikolu 33;

(13)

“intrapriżi żgħir u medji” għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, tfisser kumpaniji li kellhom medja ta’ kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ inqas minn EUR 200 000 000 fuq il-bażi ta’ kwoti ta’ tmiem is-sena għat-tliet snin kalendarji preċedenti;

(14)

“ordni tal-limitu” tfisser ordni sabiex jinxtara jew jinbigħ strument finanzjarju fil-limitu speċifikat tal-prezz tiegħu jew aħjar jew għal daqs speċifikat;

(15)

“strument finanzjarju” tfisser dawk l-istrumenti speċifikati fit-Taqsima Ċ tal-Anness I;

(16)

“kuntratti tad-derivati tal-enerġija C.6” tfisser opzjonijiet, futuri, swaps, u kull kuntratt ieħor tad-derivati msemmi fit-Taqsima C.6 tal-Anness I li jirrigwardaw il-faħam u ż-żejt li jiġi nnegozjat f’OTF u jrid jiġi saldat b’mod fiżiku;

(17)

“strumenti tas-suq tal-flus” tfisser dawk il-klassijiet ta’ strumenti li jiġu normalment ikkummerċjati fis-suq tal-flus, bħalma huma l-kambjali tat-teżor, iċ-ċertifikati tad-depożitu u studji kummerċjali u strumenti li jeskludu l-ħlas;

(18)

“operatur tas-suq” tfisser persuna jew persuni li jimmaniġjaw u/jew joperaw in-negozju ta’ suq regolat u jista’ jkun is-suq regolat stess;

(19)

“sistema multilaterali” tfisser kwalunkwe sistema jew faċilità li fiha l-interessi kummerċjali multipli ta’ bejgħ u xiri ta’ partijiet terzi fl-istrumenti finanzjarji jkunu jistgħu jinteraġixxu fis-sistema;

(20)

“internalizzatur sistematiku” tfisser ditta tal-investimenti li, fuq bażi organizzata, frekwenti, sistematika u sostanzjali, tinnegozja f’isimha meta teżegwixxi l-ordnijiet tal-klijenti barra suq regolat, MTF jew OTF bla ma topera sistema multilaterali;

Il-bażi frekwenti u sistematika, għandha titkejjel skont l-għadd ta’ tranżazzjonijiet tal-OTC fl-istrument finanzjarju mwettaq mid-ditta tal-investiment f’isimha stess meta teżegwixxi l-ordnijiet tal-klijenti. Il-bażi sostanzjali għandha tiġi kkalkulata skont id-daqs tan-negozjar OTC imwettaq mid-ditta tal-investiment f’rabta man-negozjar totali tad-ditta tal-investiment fi strument finanzjarju speċifiku jew skont id-daqs tan-negozjar OTC imwettaq mid-ditta tal-investiment apparagun tan-negozjar totali fl-Unjoni fi strument finanzjarju speċifiku. Id-definizzjoni ta ‘internalizzatur sistematiku għandha tapplika biss fejn il-limiti stabbiliti minn qabel għal bażi frekwenti u sistematika u għal bażi sostanzjali, jiġu t-tnejn maqbuża jew fejn ditta tal-investiment tagħżel li tieħu sehem fis-sistema ta’ internalizzatur sistematiku;

(21)

“suq regolat” tfisser sistema multilaterali operata u/jew immaniġjata minn operatur tas-suq, li tgħaqqad flimkien jew tiffaċilita l-proċess sabiex jingħaqdu flimkien l-interessi ta’ bejgħ u xiri ta’ partijiet terzi fl-istrumenti finanzjarji – fis-sistema u skont ir-regoli nondiskrezzjonarji tagħha – b’mod li jirriżulta f’kuntratt, fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar taħt ir-regoli u/jew is-sistemi tagħha, u li hija awtorizzata u taħdem b’mod regolari u skont it-Titolu III ta’ din id-Direttiva;

(22)

“faċilità multilaterali tan-negozjar” (multilateral trading facility) jew “MTF” tfisser sistema multilaterali, operata minn ditta tal-investimenti jew operatur tas-suq, li tgħaqqad flimkien interessi multipli ta’ xiri u bejgħ ta’ partijiet terzi fl-istrumenti finanzjarji – fis-sistema u skont ir-regoli nondiskrezzjonarji – b’mod li jirriżulta f’kuntratt skont it-Titolu II ta’ din id-Direttiva;

(23)

“faċilità organizzata tan-negozjar” (organised trading facility) jew “OTF” tfisser sistema multilaterali, li mhijiex suq regolat jew MTF u li fiha interessi multipli ta’ xiri u bejħ ta’ partijiet terzi f’bonds, prodotti finanzjarji strutturati, kwoti ta’ emissjonijiet jew derivati jistgħu jinteraġixxu fis-sistema b’mod li jirriżulta f’kuntratt skont it-Titolu II ta’ din id-Direttiva;

(24)

‘ċentru ta’ negozjar’ tfisser suq regolat, MTF jew OTF;

(25)

“suq likwidu” tfisser suq għal strument finanzjarju jew klassi ta’ strumenti finanzjarji, fejn ikun hemm xerrejja u bejjiegħa lesti u disponibbli fuq bażi kontinwa, ivvalutat f’konformita’ mal-kriterji li ġejjin, b’kont meħud tal-istrutturi speċifiċi tas-suq tal-istrument finanzjarju partikolari jew tal-klassi partikolari ta’ strumenti finanzjarji:

(a)

il-frekwenza u d-daqs medji tat-tranżazzjonijiet fuq firxa ta’ kondizzjonijiet tas-suq, filwaqt li jiġu kkunsidrati n-natura u ċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti fil-klassi ta’ strument finanzjarji;

(b)

l-għadd u t-tip ta’ parteċipanti fis-suq, inkluż il-proporzjon ta’ parteċipanti fis-suq għall-istrumenti nnegozjati fi prodott partikolari;

(c)

id-daqs medju tal-firxiet, fejn disponibbli;

(26)

“awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità nnominata minn kull wieħed mill-Istati Membri skont l-Artikolu 67, għajr jekk ikun speċifikat xort’oħra f’din id-Direttiva;

(27)

‘istituzzjoni ta’ kreditu’ tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif imfissra fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(28)

“kumpanija tal-ġestjoni tal-UCITS” tfisser kumpanija tal-ġestjoni kif iddefinita fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (43);

(29)

“aġent marbut” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li, taħt ir-responsabbiltà sħiħa u inkondizzjonata ta’ ditta waħda biss ta’ investiment li f’isimha tkun qed taġixxi, tippromwovi servizzi ta’ investiment u/jew servizzi sekondarji lill-klijenti u lill-klijenti prospettivi, tirċievi u tittrażmetti struzzjonijiet jew ordnijiet mill-klijent rigward is-servizzi ta’ investiment jew l-istrumenti finanzjarji, tqiegħed l-istrumenti finanzjarji jew tipprovdi pariri lill-klijenti jew lill-klijenti prospettivi rigward dawn l-istrumenti u s-servizzi finanzjarji;

(30)

“fergħa” tfisser post tal-kummerċ għajr l-uffiċċju prinċipali li jagħmel parti minn ditta ta’ investiment, li ma għandux personalità legali u li jipprovdi servizzi u/jew attivitajiet ta’ investiment u li jista’ wkoll iwettaq servizzi sekondarji li għalihom tkun ġiet awtorizzata d-ditta ta’ investiment; il-postijiet kollha tal-kummerċ li ditta ta’ investiment li jkollha l-kwartieri ġenerali fi Stat Membru ieħor tistabbilixxi fl-istess Stat Membru għandhom jitqiesu bħala fergħa waħda;

(31)

‘parteċipazzjoni kwalifikattiva’ tfisser parteċipazzjoni diretta jew indiretta f’ditta ta’ investiment li tirrappreżenta 10 % jew iktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot, kif stabbilit fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (44), filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet rigward l-aggregazzjoni tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 12(4) u (5) ta’ dik id-Direttiva, jew li tagħmilha possibbli li tiġi eżerċitata influwenza sinifikanti fuq il-ġestjoni tad-ditta ta’ investiment li fiha jkun hemm din il-parteċipazzjoni;

(32)

“intrapriża prinċipali” tfisser intrapriża prinċipali fit-tifsira tal-Artikoli 2(9) u 22 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (45);

(33)

“sussidjarja” tfisser intrapriża sussidjarja kif definita fl-Artikoli 2(10) u 22 tad-Direttiva 2013/34/UE, inkluż kwalunkwe sussidjarja ta’ intrapriża sussidjarja ta’ intrapriża prinċipali li hi l-kap ta’ tali intrapriżi;

(34)

‘grupp’ tfisser grupp kif definit fl-Artikolu 2(11) tad-Direttiva 2013/34/UE;

(35)

“rabtiet mill-qrib” tfisser sitwazzjoni li fiha żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew iktar ikunu marbuta permezz ta’:

(a)

“parteċipazzjoni” fil-forma ta’ sjieda, diretta jew permezz tal-kontroll, ta’ 20 % jew iktar tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital ta’ impriża;

(b)

“kontroll” li tfisser ir-relazzjoni bejn impriża prinċipali u sussidjarja, fil-każijiet kollha msemmija fl-Artikolu 22(1) u (2) tad-Direttiva 2013/34/UE, jew relazzjoni simili bejn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika u impriża, fejn kull impriża sussidjarja ta’ impriża sussidjarja tiġi meqjusa wkoll li tkun sussidjarja tal-impriża prinċipali li tkun il-kap ta’ dawk l-intrapriżi;

(c)

rabta permanenti tat-tnejn li huma jew tagħhom kollha mal-istess persuna permezz ta’ relazzjoni ta’ kontroll;

(36)

‘korp maniġerjali’ tfisser il-korp jew korpi ta’ ditta ta’ investiment, operatur tas-suq jew fornitur ta’ servizzi ta’ rappurtar tad-data, li huma maħtura skont il-liġi nazzjonali, li jingħataw is-setgħa li jistabbilxxu l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tal-entità, u li jissorveljaw u jwettqu monitoraġġ fuq it-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali u jinkludu persuni li effettivament jidderieġu l-operat tal-entità.

Fejn din id-Direttiva tirreferi għall-korp amministrattiv u, skont il-liġi nazzjonali, il-funzjonijiet ta’ ġestjoni u superviżorji tal-korp maniġerjali ikunu assenjati lil korpi differenti jew membri differenti fi ħdan korp wieħed, l-Istat Membru għandu jidentifika l-korpi jew il-membri tal-korp maniġerjali responsabbli f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor minn din id-Direttiva;

(37)

“maniġment superjuri” tfisser persuni fiżiċi li jeżerċitaw funzjonijiet eżekuttivi f’ditta ta’ investiment, operatur tas-suq jew fornituri ta’ servizzi ta’ rappurtar tad-data u li huma responsabbli, u li jagħtu rendikont lill-korp maniġerjali, għall-immanġġar ta’ kuljum tal-entità, inkluż għall-implimentazzjoni tal-linji ta’ politika li jikkonċernaw id-distribuzzjoni tas-servizzi u tal-prodotti lill-klijenti mid-ditta u l-persunal tagħha;

(38)

“negozjar matched principal” tfisser tranżazzjoni fejn il-faċilitatur jinterponi lilhu nnifsu bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ għat-tranżazzjoni b’tali mod li qatt ma tkun esposta għal riskju tas-suq waqt l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni, biż-żewġ naħat eżegwiti simultanjament, u fejn i t-tranżazzjoni tiġi konkluża bi prezz fejn il-faċilitatur ma jagħmel l-ebda profitt jew telf, għajr kummissjoni, tariffa jew ħlas żvelati preċedentement għat-tranżazzjoni;

(39)

“negozjar algoritmiku” tfisser kummerċ bi strumenti finanzjarji fejn algoritmu ta’ kompjuter jiddetermina b’mod awtomatiku parametri ta’ ordnijiet bħal jekk għandhiex tinbeda l-ordni, iż-żmien, prezz jew kwantità tal-ordni jew kif timmaniġġa l-ordni wara s-sottomissjoni tagħha, bi ftit jew mingħajr intervent uman u ma tinkludi l-ebda sistema li tintuża biss biex tidderieġi l-ordnijiet f’ċentru jew ċentri tan-negozjar jew għall-ipproċessar tal-ordnijiet li ma jinvolvu ebda determinazzjoni ta’ parametri ta’ kummerċ jew konferma tal-ordnijiet jew l-ipproċessar wara l-kummerċjalizzazzjoni ta’ tranżazzjonijiet imwettqa;

(40)

“teknika ta’ negozjar algoritmiku bi frekwenza għolja” tfisser teknika ta’ negozjar algoritmiku kkaratterizzata minn:

(a)

infrastruttura maħsuba biex jiġu minimizzati latenzi ta’ netwerk u tipi oħra ta’ latenzi, inklużi mill-anqas waħda mill-faċilitajiet li ġejjin għad-dħul ta’ ordni algoritmiku: kolokazzjoni, proximity hosting jew aċċess elettroniku dirett b’veloċità għolja;

(b)

determinazzjoni ta’ sistema ta’ bidu, ġenerazzjoni, direzzjoni jew eżekuzzjoni ta’ ordni mingħajr intervent mill-bniedem għal negozji jew ordnijiet individwali; u

(c)

rati għolja ta’ messaġġi fl-istess jum li jikkostitwixxu ordnijiet, kwoti jew kanċellazzjonijiet;

(41)

“aċċess elettroniku dirett” tfisser arranġement fejn membru jew parteċipant jew klijent ta’ ċentru tan-negozjar jippermetti li persuna tuża l-kodiċi kummerċjali tiegħu biex dik il-persuna tkun tista’ tittrażmetti elettronikament ordnijiet marbuta ma’ strument finanzjarju direttament liċ-ċentru tan-negozjar u tinkludi arranġamenti li jinvolvu l-użu minn persuna tal-infrastruttura tal-membru jew tal-parteċipant jew il-klijent, jew kwalunkwe sistema ta’ konnessjoni pprovduta mill-membru jew parteċipant jew il-klijent, biex jittrasmetti l-ordnijiet (aċċess dirett għas-suq) kif ukoll arranġamenti fejn tali infrastruttura ma tintużax minn persuna (aċċess sponsorjat);

(42)

“prattika ta’ bejgħ inkroċat” tfisser li jiġi offrut servizz ta’ investiment flimkien ma servizz jew prodott ieħor bħala parti minn pakkett jew bħala kondizzjoni għall-istess ftehim jew pakkett;

(43)

“depożitu strutturat” tfisser depożitu kif definit fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (46) li huwa ripagabbli kollu kemm hu fil-maturità f’termini li taħthom kwalunkwe interess jew primjum ser jitħallas jew qiegħed f’riskju skont formula li tinvolvi fatturi bħal:

(a)

indiċi jew kombinazzjoni ta’ indiċijiet, bl-esklużjoni ta’ depożiti ta’ rata varjabbli li r-redditu tagħhom huwa marbut direttament ma’ indiċi ta’ rati ta’ interess bħall-Euribor jew il-Libor;

(b)

strument finanzjarju jew kombinazzjoni ta’ strumenti finanzjarji;

(c)

komodità jew kombinament ta’ komoditajiet jew assi fiżiċi jew nonfiżiċi mhux funġibbli oħrajn; jew

(d)

rata tal-kambju barranija jew kombinazzjoni ta’ rati tal-kambju barranin;

(44)

“titoli trasferibbli” tfisser dawk il-klassijiet ta’ titoli li huma negozjabbli fis-suq kapitali, bl-eċċezzjoni tal-istrumenti ta’ ħlas, bħal:

(a)

ishma f’kumpaniji u titoli oħra ekwivalenti għal ishma f’kumpaniji, sħubijiet jew entitajiet oħra, u l-irċevuti ta’ depożiti fir-rigward ta’ ishma;

(b)

bonds jew forom oħra ta’ dejn titolizzat, inklużi l-irċevuti ta’ depożiti fir-rigward ta’ tali titoli;

(c)

kull titolu ieħor li jagħti d-dritt għax-xiri jew bejgħ ta’ kwalunkwe tali titolu trasferibbli jew li jwassal għal saldu fi flus determinat minn referenza għal titoli trasferibbli, muniti, rati tal-imgħax jew renditi, komoditajiet jew indiċi jew miżuri oħra;

(45)

“irċevuti tad-depożiti” tfisser dawk it-titoli li huma negozjabbli fis-suq kapitali u li jirrappreżentaw sjieda tat-titoli ta’ emittent mhux domiċiljat filwaqt li jkunu jistgħu jiġu ammessi għal negozjar f’suq regolat u negozjati indipendentement mit-titoli tal-emittent mhux domiċiljat;

(46)

“fond negozjat fil-borża” tfisser fond li għall-anqas unità waħda jew klassi ta’ ishma minnu tkun innegozjata matul il-jum għall-anqas f’ċentru tan-negozjar wieħed u b’mill-anqas ġeneratur wieħed tas-suq li jieħu azzjoni biex jiġi żgurat li l-prezz tal-unitajiet jew l-ishma tiegħu fiċ-ċentru tan-negozjar ma jvarjax b’mod sinifikanti mill-valur nett tal-assi tiegħu u, fejn applikabbli, mill-valur nett indikattiv tal-assi tiegħu;

(47)

‘ċertifikati’ tfisser ċertifikati kif definit fl-Artikolu 2(1)(27) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(48)

‘prodotti strutturati ta’ finanzjar’ tfisser prodotti strutturati ta’ finanzjar kif definit fl-Artikolu 2(1)(28) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(49)

‘derivati’ tfisser derivati kif definit fl-Artikolu 2(1)(29) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(50)

‘derivati ta’ komoditajiet’ tfisser derivati ta’ komoditajiet kif definit fl-Artikolu 2 (1)(30) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(51)

‘CCP’ tfisser CCP kif definit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(52)

“arranġament approvat ta’ pubblikazzjoni“ jew ‘APA’ tfisser persuna awtorizzata taħt din id-Direttiva biex tipprovdi servizz ta’ pubblikazzjoni tar-rapporti ta’ negozjar f’isem id-ditti tal-investiment skont l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(53)

“fornitur ta’ tape konsolidat“ jew ‘CTP’ tfisser persuna awtorizzata skont din id-Direttiva sabiex tipprovdi s-servizz ta’ ġbir tar-rapporti ta’ negozjar għall-istrumenti finanzjarji elenkati fl-Artikoli 6, 7, 10, 12 u 13, 20 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 minn swieq regolati, MTFs, OTFs u APA u tikkonsolidahom f’xandir elettroniku kontinwu live tad-data li jipprovdi data dwar il-prezz u l-volum għal kull strument finanzjarju;

(54)

“mekkaniżmu ta’ rapportar approvat“ jew ‘ARM’ tfisser persuna awtorizzata taħt din id-Direttiva biex tipprovdi s-servizz ta’ rapportar tad-dettalji tat-tranżazzjonijiet lill-awtoritajiet kompeteni jew lill-AETS f’isem id-ditti tal-investiment;

(55)

“Stat Membru tad-domiċilju” tfisser:

(a)

fil-każ tad-ditti tal-investiment:

(i)

jekk id-ditta tal-investiment hija persuna fiżika, l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tagħha;

(ii)

jekk id-ditta tal-investiment hija persuna ġuridika, l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju reġistrat tagħha;

(iii)

jekk id-ditta tal-investiment ma jkollha l-ebda uffiċċju rreġistrat skont il-liġi nazzjonali tagħha, l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tagħha;

(b)

fil-każ ta’ suq regolat, l-Istat Membru li fih ikun irreġistrat is-suq regolat jew, jekk skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru ma jkollha l-ebda uffiċċju reġistrat, l-Istat Membru fejn ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tas-suq regolat;

(c)

fil-każ ta’ APA, CTP jew ARM:

(i)

jekk l-APA, is-CTP jew l-ARM hija persuna fiżika, l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tagħha;

(ii)

jekk l-APA, is-CTP jew l-ARM hija persuna ġuridika, l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tagħha;

(iii)

jekk l-APA, is-CTP jew l-ARM, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, m’għandu l-ebda uffiċċju reġistrat, l-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju prinċipali tiegħu;

(56)

“Stat Membru ospitanti” tfisser l-Istat Membru, għajr l-Istat Membru tad-domiċilju, li fih ditta tal-investiment ikollha fergħa jew tipprovdi servizzi u/jew attivitajiet ta’ investiment, jew l-Istat Membru li fih suq regolat jipprovdi l-arranġamenti xierqa sabiex jiffaċilita l-aċċess mill-bogħod għan-negozjar fuq is-sistema tiegħu minn membri jew parteċipanti stabbiliti f’dak l-istess Stat Membru;

(57)

“ditta ta’ pajjiż terz” tfisser ditta li tkun istituzzjoni ta’ kreditu li tipporvdi servizzi ta’ investiment jew li twettaq attivitajiet ta’ investiment jew ditta tal-investiment jekk l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju reġistrat tagħha jkunu fl-Unjoni.

(58)

“prodott tal-enerġija fil-livell tal-operaturi” tfisser prodotti tal-enerġija fil-livell tal-operaturi kif definita fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011;

(59)

“derivati ta’ komoditajiet agrikoli” tfisser kuntratti tad-derivati marbuta mal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 ta’, u l-Anness I, Parti I sa XX u XXIV/1 għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (47);

(60)

“emittent sovran” tfisser kwalunkwe minn dawn li ġejjin li joħroġ strumenti ta’ dejn:

(i)

l-Unjoni;

(ii)

Stat Membru, inkluż dipartiment tal-gvern, aġenzija jew vettura bi skop speċjali tal-Istat Membru;

(iii)

fil-każ ta’ Stat Membru federali, il-membri tal-federazzjoni;

(iv)

vettura bi skop speċjali għal diversi Stati Membri;

(v)

istituzzjoni finanzjarja internazzjonali stabbilita minn żewġ Stati Membri jew aktar li jkollha l-fini li timmobilizza l-iffinanzjar u tagħti assistenza finanzjarja għall-benefiċċju tal-membri tagħha li jkunu għaddejjin jew mhedda minn problemi finanzjarji severi; jew

(vi)

il-Bank Ewropew tal-Investiment;

(61)

“dejn sovran” tfisser strument ta’ dejn maħruġ minn emittent sovran;

(62)

‘mezz durabbli’ tfisser kwalunkwe strument li:

(a)

jippermetti lil klijent li jaħżen informazzjoni indirizzata personalment lil dak il-klijent b’mod li jkun aċċessibbli għal referenza futura u għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-finijiet tal-informazzjoni; u

(b)

jippermetti r-riproduzzjoni bla tibdil tal-informazzjoni maħżuna;

(63)

‘fornitur ta’ servizzi ta’ rappurtar tad-data’ tfisser APA, CTP jew ARM.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 biex tispeċifika xi elementi tekniċi tad-definizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, biex taġġustahom skont l-iżviluppi tas-swieq, l-iżviluppi teknoloġiċi u l-esperjenza ta’ mġieba projbita taħt ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u biex tiżgura l-applikazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva.

TITOLU II

KUNDIZZJONIJIET GĦALL-AWTORIZZAZZJONI U L-OPERAT GĦAD-DITTI TA’ INVESTIMENT

KAPITOLU I

Kundizzjonijiet u proċeduri għall-awtorizzazzjoni

Artikolu 5

Rekwiżit għall-awtorizzazzjoni

1.   Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jeħtieġ illi l-provvediment ta’ servizzi ta’ investiment u/jew it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ investiment bħala mestier jew negozju regolari fuq bażi professjonali jrid ikun soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel skont dan il-Kapitolu. It-tali awtorizzazzjoni għandha tingħata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju maħtura skont l-Artikolu 67.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw lil kull operatur tas-suq jopera MTF jew OTF, suġġett għall-verifika minn qabel tal-konformità tiegħu ma’ dan il-Kapitolu.

3.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw id-ditti kollha ta’ investiment. Ir-reġistru għandu jkun pubblikament aċċessibbli u għandu jkun fih tagħrif dwar is-servizzi jew l-attivitajiet li għalihom hija awtorizzata d-ditta ta’ investiment. Hu għandu jkun aġġornat fuq bażi regolari. Kull awtorizzazzjoni għandha tkun notifikata lill- AETS.

L-AETS għandha tistabbilixxi lista tad-ditti kollha ta’ investiment fl-Unjoni. Dik il-lista għandu jkun fiha tagħrif dwar is-servizzi jew l-attivitajiet li għalihom kull ditta ta’ investiment tkun awtorizzata u għandha tiġi aġġornata fuq bażi regolari. L- AETS għandha tippubblika u taġġorna l-lista fuq is-sit elettroniku tagħha.

Jekk awtorità kompetenti tkun irtirat awtorizzazzjoni skont il-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 8, dak l-irtirar għandu jiġi ppubblikat fil-lista għal perjodu ta’ ħames snin.

4.   Kull Stat Membru għandu jeħtieġ illi:

(a)

kull ditta ta’ investiment li hija persuna ġuridika jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-istess Stat Membru fejn ikollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha;

(b)

kull ditta ta’ investiment li mhijiex persuna ġuridika jew kull ditta ta’ investiment li hija persuna ġuridika iżda li, skont il-liġijiet nazzjonali tagħha, ma għandha l-ebda uffiċċju rreġistrat, ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Istat Membru fejn fil-fatt twettaq il-kummerċ tagħha.

Artikolu 6

Ambitu tal-awtorizzazzjoni

1.   L-Istat Membru tad-domiċilju għandu jiżgura illi l-awtorizzazzjoni tispeċifika s-servizzi jew l-attivitajiet ta’ investiment li d-ditta ta’ investiment hija awtorizzata tipprovdi. L-awtorizzazzjoni tista’ tkopri wieħed jew iktar mis-servizzi sekondarji mogħtija fit-Taqsima B tal-Anness I. Fl-ebda każ l-awtorizzazzjoni ma tista’ tingħata għall-provvediment ta’ servizzi sekondarji biss.

2.   Ditta ta’ investiment li tkun qiegħda tfittex awtorizzazzjoni sabiex testendi l-kummerċ tagħha għal servizzi jew attivitajiet addizzjonali ta’ investiment jew għal servizzi sekondarji mhux previsti fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni inizjali għandha tissottometti talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni tagħha.

3.   L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida fl-Unjoni kollha u għandha tippermetti lil ditta ta’ investiment tipprovdi s-servizzi jew twettaq l-attivitajiet li għalihom tkun ġiet awtorizzata fl-Unjoni kollha, jew permezz tad-dritt tal-istabbiliment, inkluż permezz ta’ fergħa, jew inkella permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

Artikolu 7

Proċeduri għall-għoti u r-rifjut ta’ talbiet għal-awtorizzazzjoni

1.   L-awtorità kompetenti ma għandhiex tagħti awtorizzazzjoni sakemm u qabel ma jasal iż-żmien li tkun issodisfata kompletament li l-applikant huwa konformi mar-rekwiżiti kollha skont id-dispożizzjonijiet adotti skont din id-Direttiva.

2.   Id-ditta ta’ investiment għandha tipprovdi t-tagħrif kollu, inkluż programm tal-operat tagħha li jagħti, fost ħwejjeġ oħra, it-tipi ta’ kummerċ previsti u l-istruttura tal-organizzazzjoni, meħtieġ sabiex jgħin lill-awtorità kompetenti tissodisfa ruħha illi d-ditta ta’ investiment tkun stabbilixxiet, fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni inizjali, l-arranġamenti kollha meħtieġa sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha skont dan il-Kapitolu.

3.   L-applikant għandu jkun informat, fi żmien sitt xhur tas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni kompluta, jekk l-awtorizzazzjoni ngħatatx jew le.

4.   L- AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika:

(a)

l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu inkluż il-programm tal-operazzjonijiet;

(b)

ir-rekwiżiti applikabbli għall-ġestjoni tad-ditti ta’ investiment skont l-Artikolu 9(6) u l-informazzjoni għan-notifiki skont l-Artikolu 9(5);

(c)

ir-rekwiżiti applikabbli għall-azzjonisti u l-membri b’parteċipazzjonijiet kwalifikattivi, kif ukoll l-ostakli li jistgħu jipprevjenu l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet superviżorji tal-awtorità kompetenti, skont l-Artikolu 10(1) u (2).

L- AETS għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

5.   L- AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina formoli, mudelli u proċeduri standard għan-notifika jew l-għoti tat-tagħrif previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l–Artikolu u fl-Artikolu 9(5).

L- AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-3 ta' Jannar 2016.

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 8

Irtirar tal-awtorizzazzjonijiet

L-awtorità kompetenti tista’ tirtira l-awtorizzazzjoni maħruġa lil ditta ta’ investiment meta din id-ditta ta’ investiment:

(a)

ma tagħmilx użu mill-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar, tirrinunzja espressament għall-awtorizzazzjoni jew ma tkun ipprovdiet ebda servizz ta’ investiment jew ma tkun wettqet ebda attività ta’ investiment fis-sitt xhur ta’ qabel, għajr jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun ipprovda li f’dawn il-każijiet l-awtorizzazzjoni tiskadi;

(b)

ikun kiseb l-awtorizzazzjoni billi jkun għamel dikjarazzjonijiet foloz jew permezz ta’ kull mezz ieħor mhux regolari;

(c)

ma tkunx għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet li bihom tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni, bħalma hija l-konformità mal-kundizzjonijiet mogħtija fir-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(d)

tkun kisret serjament u sistematikament id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva jew ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 li jirregolaw il-kundizzjonijiet tal-operat tad-ditti ta’ investiment;

(e)

taqa’ f’wieħed mill-każijiet fejn il-liġi nazzjonali, fir-rigward ta’ kwistjonijiet ‘il barra mill-ambitu ta’ din id-Direttiva, tipprovdi għal-irtirar.

Kull irtirar ta’ awtorizzazzjoni għandu jkun notifikat lill-AETS.

Artikolu 9

Korp maniġerjali

1.   L-awtoritajiet kompetenti li jagħtu l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 għandhom jiżguraw li d-ditti ta’ investiment u l-korpi maniġerjali tagħhom ikunu konformi mal-Artikoli 88 u 91 tad-Direttiva 2013/36/UE.

L-AETS u l- ABE għandhom jadottaw b’mod konġunt il-linji gwida dwar l-elementi elenkati fl-Artikolu 91(12) tad-Direttiva 2013/36/UE.

2.   Meta tingħata l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw lil membri tal-korp maniġerjali li jkollhom kariga addizjonali ta’ direttur mhux eżekuttiv minbarra dawk permessi bl-Artikolu 91(3) tad-Direttiva 2013/36/UE. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw b’mod regolari lill-AETS dwar tali awtorizzazzjonijiet.

L-ABE u l-AETS għandhom jikkoordinaw il-ġbir ta’ informazzjoni prevista mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u mill-Artikolu 91(6) tad-Direttiva 2013/36/UE b’rabta mad-ditti ta’ investiment.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp maniġerjali ta’ ditta ta’ investiment jiddefinixxi, jissorvejla u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti tal-governanza li jiżguraw ġestjoni effettiva u prudenti tad-ditta ta’ investiment inkluża s-segregazzjoni tal-obbligi fid-ditta ta’ investiment u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess, b’mod li jippromwovi l-integrità tas-suq u l-interessi tal-klijenti.

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 88(1) tad-Direttiva 2013/36/UE, dawk l-arranġamenti għandhom ukoll jiżguraw li l-korp maniġerjali jiddefinixxi, japprova u jissorvelja:

(a)

l-organizzazzjoni tad-ditta għall-provvista ta’ servizzi u attivitajiet ta’ investiment u servizzi anċillari, inkluż il-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza meħtieġa tal-persunal, ir-riżorsi, il-proċeduri u l-arranġamenti għall-provvista ta’ servizzi u attiviatjiet mid-ditta, wara li jqis in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-kummerċ tagħha u r-rekwiżiti kollha li d-ditta għandha tkun konformi magħhom;

(b)

linja politika fir-rigward ta’ servizzi, attivitajiet, prodotti u operazzjonijiet offruti jew ipprovduti, skont it-tolleranza tar-riskju tad-ditta u l-karatteristiċi u l-ħtiġijiet tal-klijenti tad-ditta li lilhom se jkun offruti jew ipprovduti inkluż l-ittestjar ta’ stress, fejn meħtieġ;

(c)

politika ta’ remunerazzjoni tal-persuni involuti fil-provvista ta’ servizzi lil klijenti li jkollha l-għan li tħeġġeġ imġieba responsabbli fin-negozju, trattament ġust tal-klijenti kif ukoll l-evitar ta’ kunflitti ta’ interess fir-relazzjonijiet mal-klijenti.

Il-korp maniġerjali għandu jimmonitorja u jivvaluta perjodikament l-adegwatezza u l-implimentazzjoni tal-objettivi strateġiċi tad-ditta fil-provvista ta’ servizzi u attivitajiet ta’ investiment u servizzi anċillari, l-effikaċja tal-arranġamenti ta’ governanza tad-ditta ta’ investiment u l-adegwatezza tal-linji ta’ politika marbuta mal-provvista tas-servizzi lill-klijenti u jieħu l-passi meħtieġa biex jindirizza kwalunkwe nuqqasijiet.

Membri tal-korp maniġerjali għandu jkollhom aċċess adegwat għall-informazzjoni u d-dokumenti li huma meħtieġa biex jissorveljaw u jimmonitorjaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali.

4.   L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta awtorizzazzjoni jekk ma tkunx sodisfatta illi l-membri tal-korp maniġerjali tad-ditta ta’ investiment għandhom reputazzjoni tajba biżżejjed, biżżejjed għarfien, kapaċitajiet u esperjenza, u jiddedikaw biżżejjed ħin għat-twettiq ta’ dmirijiethom fid-ditta ta’ investiment, jew jekk ikun hemm raġunijiet oġġettivi u li jistgħu jintwerew sabiex temmen illi l-korp maniġerjali tad-ditta jista’ jkun ta’ theddida għall-ġestjoni effettiva, soda u prudenti tagħha u għall-kunsiderazzjoni adegwata tal-interessi tal-klijenti tagħha u tal-integrità tas-suq.

5.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditta ta’ investiment tinnotifika lill-awtorità kompetenti bil-membri kollha tal-korp maniġerjali tagħha u b’kull bidla fis-sħubija tagħha, flimkien mat-tagħrif kollu meħtieġ sabiex jiġi vvalutat jekk id-ditta tkunx konformi mal-paragrafi 1, 2 u 3.

6.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi mill-inqas żewġ persuni li jissodifaw il ħtriġiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jidderieġu b’mod effettiv in-negozju tad-ditta ta’ investiment applikanta.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni lid-ditti ta’ investiment li huma persuni fiżiċi jew lid-ditti ta’ investiment li huma persuni ġuridiċi amministrati minn persuna fiżika waħda skont ir-regoli tal-kostituzzjoni tagħhom u l-liġijiet nazzjonali. L-Istati Membri għandhom, madankollu, jeħtieġu illi:

(a)

jkun hemm fis-seħħ arranġamenti alternattivi sabiex jiżguraw il-ġestjoni soda u prudenti ta’ dawn id-ditti ta’ investiment u l-kunsiderazzjoni adegwata tal-interessi tal-klijenti u tal-integrità tas-suq;

(b)

l-persuni fiżiċi kkonċernati jkollhom biżżejjed fama tajba, biżżejjed għarfien, ħiliet u esperjenza, u li huma jqattgħu biżżejjed ħin iwettqu dmirijiethom.

Artikolu 10

Azzjonisti u membri b’holdings li jikkwalifikaw

1.   L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jawtorizzaw il-provvediment ta’ servizzi jew il-prestazzjoni ta’ attivitajiet ta’ investiment minn ditta ta’ investiment sakemm ma jkunux ġew mgħarrfa bl-identità tal-azzjonisti jew tal-membri, kemm jekk ikunu diretti kif ukoll indiretti, u kemm jekk ikunu persuni fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, li jkollhom parteċipazzjonijiet kwalifikattivi u l-ammonti ta’ dawn il-parteċipazzjonijiet.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrifjutaw awtorizzazzjoni jekk, wara li jqisu l-ħtieġa li tkun żgurata l-ġestjoni soda u prudenti ta’ ditta ta’ investiment, ma jkunux issodisfati rigward kemm ikunu xierqa l-azzjonisti jew il-membri li jkollhom il-parteċipazzjonijiet kwalifikattivi.

Meta jkunu jeżistu rabtiet mill-qrib bejn ditta ta’ investiment u persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn, l-awtorità kompetenti għandha tagħti awtorizzazzjoni biss jekk dawn ir-rabtiet ma jipprevjenux l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet superviżorji tal-awtorità kompetenti.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta awtorizzazzjoni jekk il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ pajjiż terz li jirregolaw persuna fiżika jew ġuridika waħda jew iktar li magħhom l-impriża għandha rabtiet mill-qrib, jew jekk diffikultajiet marbuta mal-infurzar tagħhom, jipprevjenu l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet superviżorji tagħha.

3.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi, meta l-influwenza eżerċitata mill-persuni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 x’aktarx tkun ta’ preġudizzju għall-immaniġġjar tajjeb u prudenti tad-ditta ta’ investiment, l-awtorità kompetenti tieħu l-miżuri x-xierqa sabiex iġġib din is-sitwazzjoni fi tmiema.

Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu applikazzjonijiet għal ordnijiet ġudizzjarji jew l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kontra d-diretturi u dawk responsabbli mill-immaniġjar, jew is-sospensjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot marbuta mal-ishma miżmuma mill-azzjonisti jew mill-membri konċernati.

Artikolu 11

Notifika tal-akkwisti proposti

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li kull persuna fiżika jew ġuridika, jew it-tali persuni li jaġixxu flimkien (“l-akkwirent propost”), li jkunu ħadu deċiżjoni biex jakkwistaw, direttament jew indirettament, parteċipazzjoni kwalifikattiva f’ditta ta’ investiment jew biex iżidu ulterjorment, direttament jew indirettament, it-tali parteċipazzjoni kwalifikattiva f’ditta ta’ investiment b’tali mod li l-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital miżmum jilħaq jew jaqbeż l-20 %, it-30 % jew il-50 % jew biex id-ditta ta’ investiment issir sussidjarja tagħha (“l-akkwist propost”), jinnotifikaw l-ewwel bil-miktub lill-awtoritajiet kompetenti tad-ditta ta’ investiment li fiha qed jippruvaw jakkwistaw parteċipazzjoni kwalifikattiva jew iżiduha, u jindikaw id-daqs tal-parteċipazzjoni maħsuba u t-tagħrif rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 13(4).

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li kull persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħadet deċiżjoni li tiddisponi, direttament jew indirettament, minn parteċipazzjoni kwalifikattiva f’ditta ta’ investiment għandha l-ewwel tinnotifika bil-miktub lill-awtoritajiet kompetenti u tindika d-daqs tal-parteċipazzjoni maħsuba. It-tali persuna għandha wkoll tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti jekk tkun ħadet deċiżjoni li tnaqqas il-parteċipazzjoni kwalifikattiva tagħha b’mod li l-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital tagħha jkun se jaqa’ taħt l-20 %, it-30 % jew il-50 % jew b’mod li d-ditta ta’ investiment ma tkunx se tibqa’ sussidjarja tagħha.

L-Istati Membri mhumiex obbligati japplikaw il-limitu ta’ 30 % fejn, skont il-punt (a) tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2004/109/KE, huma japplikaw limitu ta’ terz.

Meta jiġu biex jiddeterminaw jekk il-kriterji għal parteċipazzjoni kwalifikattiva msemmija fl-Artikolu 10 u f’dan l-Artikolu humiex issodisfati, l-Istati Membri m’għandhomx iqisu d-drittijiet tal-vot jew l-ishma li d-ditti ta’ investiment jew l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jista’ jkollhom minħabba li jipprovdu s-sottoskrizzjoni ta’ strumenti finanzjarji u/jew it-tqegħid ta’ strumenti finanzjarji fuq bażi ta’ impenn sod inklużi taħt il-punt 6 tat-Taqsima A tal-Anness I, sakemm dawk id-drittijiet, minn naħa, ma jkunux eżerċitati jew użati b’mod ieħor għal intervent fil-ġestjoni tal-emittent u min-naħa l-oħra, jitneħħew fi żmien sena mill-akkwist.

2.   L-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jaħdmu f’konsultazzjoni sħiħa ma’ xulxin meta jwettqu l-valutazzjoni prevista fl-Artikolu 13(1) (“il-valutazzjoni”) jekk l-akkwirent propost ikun wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

istituzzjoni ta’ kreditu, impriża tal-assigurazzjoni, impriża tar-riassigurazzjoni, ditta ta’ investiment jew kumpanija maniġerjali tal-UCITS awtorizzata fi Stat Membru ieħor jew f’settur ieħor minbarra dak li fih ikun qed jiġi propost l-akkwist;

(b)

l-impriża prinċipali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, ta’ impriża tal-assigurazzjoni, ta’ impriża tar-riassigurazzjoni, ditta ta’ investiment jew kumpanija maniġerjali tal-UCITS awtorizzata fi Stat Membru ieħor jew f’settur ieħor minbarra dak li fih ikun qed jiġi propost l-akkwist; jew

(c)

persuna fiżika jew ġuridika li tikkontrolla istituzzjoni ta’ kreditu, impriża tal-assigurazzjoni, impriża tar-riassigurazzjoni, ditta ta’ investiment jew kumpanija maniġerjali tal-UCITS awtorizzata fi Stat Membru ieħor jew f’settur ieħor minbarra dak li fih ikun qed jiġi propost l-akkwist.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien mhux dovut, jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe tagħrif li jkun essenzjali jew rilevanti għall-valutazzjoni. F’dak ir-rigward, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw lil xulxin, meta jiġu mitluba jagħmlu dan, it-tagħrif kollu rilevanti u għandhom jikkomunikaw, fuq l-inizjattiva tagħhom stess, kull tagħrif li jkun essenzjali. Deċiżjoni mill-awtorità kompetenti li tkun awtorizzat lid-ditta ta’ investiment li fiha jkun qed jiġi propost l-akkwist, għandha tindika kwalunkwe fehma jew riżerva espressa mill-awtorità kompetenti responsabbli għall-akkwirent propost.

3.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li, jekk ditta ta’ investiment issir taf bi kwalunkwe akkwist jew disponiment tal-parteċipazzjonijiet fil-kapital tagħha li jikkawżaw lill-parteċipazzjonijiet jaqbżu jew jaqgħu taħt kull wieħed mil-limiti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, dik id-ditta ta’ investiment għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti b’dan mingħajr dewmien.

Mill-inqas darba fis-sena, id-ditti ta’ investiment għandhom jgħarrfu wkoll lill-awtorità kompetenti bl-ismijiet tal-azzjonisti u tal-membri li jkollhom parteċipazzjonijiet kwalifikattivi u bid-daqs ta’ dawn il-parteċipazzjonijiet, kif muri, pereżempju, mit-tagħrif irċevut fil-laqgħat ġenerali annwali tal-azzjonisti u tal-membri jew bħala riżultat tal-konformità mar-regolamenti li japplikaw għall-kumpaniji li t-titoli trasferibbli tagħhom jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat.

4.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu miżuri simili għal dawk imsemmija fl-Artikolu 10(3) rigward il-persuni li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligu li jipprovdu tagħrif minn qabel dwar l-akkwist jew iż-żieda ta’ parteċipazzjoni kwalifikattiva. Jekk tiġi akkwistata parteċipazzjoni minkejja l-oppożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, mingħajr ma jagħtu każ tas-sanzjonijiet l-oħra li jridu jiġu adottati, jew għas-sospensjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet korrispondenti tal-vot, jew għan-nullità tal-voti mitfugħa jew għall-possibbiltà tal-annullament tagħhom.

Artikolu 12

Perjodu ta’ valutazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, minnufih, u fi kwalunkwe każ fi żmien jumejn ta’ xogħol minn meta jirċievu n-notifika rikjesta skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1), kif ukoll wara li tiġi possibbilment irċevuta sussegwentement l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jirrikonoxxu bil-miktub li rċevewha lill-akkwirent propost.

L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom perjodu massimu ta’ sittin jum ta’ xogħol mid-data tal-konferma tal-irċevuta bil-miktub tan-notifika u tad-dokumenti kollha meħtieġa mill-Istat Membru li għandhom jiġu mehmuża man-notifika abbażi tal-lista msemmija fl-Artikolu 13(4) (il-‘perjodu ta’ valutazzjoni’), biex iwettqu l-valutazzjoni.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-akkwirent propost dwar id-data tal-iskadenza tal-perjodu ta’ valutazzjoni meta jikkonfermaw l-irċevuta.

2.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, matul il-perjodu ta’ valutazzjoni, jekk ikun meħtieġ, u mhux wara l-50 jum ta’ xogħol tal-perjodu ta’ valutazzjoni, jitolbu għal informazzjoni ulterjuri li hi meħtieġa biex tiġi kkompletata l-valutazzjoni. Din it-talba għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

Għall-perjodu bejn id-data tat-talba għal informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti u l-irċevuta ta’ tweġiba għaliha mill-akkwirent propost, il-perjodu ta’ valutazzjoni għandu jkun interrott. Din l-interruzzjoni m’għandhiex taqbeż l-20 jum tax-xogħol. Kwalunkwe talba oħra mill-awtoritajiet kompetenti għall-ikkompletar jew il-kjarifika tal-informazzjoni għandha tkun fid-diskrezzjoni tagħhom, iżda tista’ ma tirriżultax f’interruzzjoni tal-perjodu ta’ valutazzjoni.

3.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jestendu l-interruzzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 sa 30 jum ta’ xogħol jekk l-akkwirent propost ikun wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

persuna fiżika jew ġuridika li tinsab jew hija rregolata barra mill-Unjoni;

(b)

persuna fiżika jew ġuridika li mhix suġġetta għal superviżjoni skont din id-Direttiva jew skont id-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE jew 2013/36/KE.

4.   Jekk l-awtoritajiet kompetenti, wara t-tlestija tal-valutazzjoni tagħhom, jiddeċiedu li jopponu l-akkwist propost, huma għandhom, fi żmien jumejn tax-xogħol, u mingħajr ma jaqbżu l-perjodu ta’ valutazzjoni, jinfurmaw lill-akkwirent propost bil-miktub u jipprovdu r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni. Suġġetta għal-liġi nazzjonali, dikjarazzjoni xierqa tar-raġunijiet għad-deċiżjoni tista’ ssir aċċessibbli għall-pubbliku fuq talba tal-akkwirent propost. Dan m’għandux iżomm lil Stat Membru milli jippermetti lill-awtorità kompetenti twettaq dan l-iżvelar mingħajr ma dan jintalab mill-akkwirent propost.

5.   Jekk l-awtoritajiet kompetenti ma jopponux bil-miktub, fil-perjodu ta’ valutazzjoni, l-akkwist propost, dan l-akkwist propost għandu jitqies li jkun ġie approvat.

6.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiffissaw perjodu massimu għall-konklużjoni tal-akkwist propost u jestendu dan il-perjodu fejn dan ikun xieraq.

7.   L-Istati Membri ma jistgħux jimponu rekwiżiti għan-notifika lill-awtoritajiet kompetenti u għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ akkwisti diretti jew indiretti tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital li jkunu iktar stretti minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

8.   L- AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ tagħrif, imsemmi fl-Artikolu 13(4), li għandu jiġi inkluż mill-akkwirenti proposti fin-notifika tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

L- AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2014.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

9.   L- AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi formoli, mudelli u proċeduri standard għall-modalitajiet tal-proċess tal-konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 11(2).

L- AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2014.

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 13

Valutazzjoni

1.   Huma u jivvalutaw in-notifika prevista fl-Artikolu 11(1) u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(2), l-awtoritajiet kompetenti, sabiex jiżguraw il-ġestjoni soda u prudenti tad-ditta ta’ investiment li fiha jkun qed jiġi propost l-akkwist, u wara li tiġi kkunsidrata l-influwenza li x’aktarx ikollu l-akkwirent propost fuq id-ditta ta’ investiment, għandhom jevalwaw l-adegwatezza tal-akkwirent propost u s-solidità finanzjarja tal-akkwist propost fid-dawl tal-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

ir-reputazzjoni tal-akkwirent propost;

(b)

ir-reputazzjoni u l-esperjenza ta’ kwalunkwe persuna li ser tmexxi n-negozju tad-ditta ta’ investiment bħala riżultat tal-akkwist propost;

(c)

is-solidità finanzjarja tal-akkwirent propost, b’mod partikulari fir-rigward tat-tip ta’ negozju li jsir u li huwa previst fid-ditta ta’ investiment li fiha jkun qed jiġi propost l-akkwist;

(d)

jekk id-ditta ta’ investiment hix ser tkun kapaċi tikkonforma u tkompli tikkonforma mar-rekwiżiti prudenzjali bbażati fuq din id-Direttiva u, fejn applikabbli, fuq Direttivi oħrajn, b’mod partikolari d-Direttivi 2002/87/KE u 2013/36/UE, b’mod partikolari, jekk il-grupp li ser issir parti minnu għandux struttura li tippermetti l-eżerċizzju ta’ superviżjoni effettiva, l-iskambju effettiv ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u li tiddetermina l-allokazzjoni ta’ responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet kompetenti;

(e)

jekk ikunx hemm motivi raġonevoli biex wieħed jissuspetta li, b’rabta mal-akkwist propost, sar, qed isir jew hemm tentattivi biex isir il-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jew li l-akkwist propost jista’ jżid ir-riskju ta’ kondotta bħal din.

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 miżurili jaġġustaw il-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

2.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jopponu l-akkwist propost biss jekk ikun hemm motivi raġonevoli biex jagħmlu dan abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 jew jekk it-tagħrif ipprovdut mill-akkwirent propost ma jkunx komplut.

3.   L-Istati Membri la għandhom jimponu kundizzjonijiet minn qabel fir-rigward tal-livell tal-parteċipazzjoni li għandha tiġi akkwistata u lanqas m’għandhom jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom jeżaminaw l-akkwist propost f’termini tal-ħtiġijiet ekonomiċi tas-suq.

4.   L-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku lista li tispeċifika t-tagħrif meħtieġ biex issir il-valutazzjoni u li għandu jiġi pprovdut lill-awtoritajiet kompetenti meta ssir in-notifika msemmija fl-Artikolu 11(1). It-tagħrif meħtieġ għandu jkun proporzjonat u adattat għan-natura tal-akkwirent propost u tal-akkwist propost. L-Istati Membri m’għandhomx jirrikjedu tagħrif li mhux rilevanti għal valutazzjoni prudenzjali.

5.   Minkejja l-Artikolu 12(1), (2) u (3), fejn żewġ proposti jew iktar għal akkwist jew żieda tal-parteċipazzjonijiet kwalifikattivi fl-istess ditta ta’ investiment ikunu ġew innotifikati lill-awtorità kompetenti, din tal-aħħar għandha tittratta lill-akkwirenti proposti b’mod mhux diskriminatorju.

Artikolu 14

Sħubija fi skema ta’ kumpens għall-investituri awtorizzati

L-awtorità kompetenti għandha tivverifika illi kull entità li tkun qiegħda tfittex awtorizzazzjoni bħala ditta ta’ investiment tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-Direttiva 97/9/KE meta tingħata l-awtorizzazzjoni.

L-obbligu stipulat fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi ssodisfat b’rabta mad-depożiti strutturati fejn id-depożitu strutturat jinħareġ minn istituzzjoni ta’ kreditu li tkun membru ta’ skema ta’ garanzija għal depożiti rikonoxxuta skont id-Direttiva 2014/49/UE.

Artikolu 15

Kapital inizjali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-awtoritajiet kompetenti ma jagħtux awtorizzazzjoni għajr jekk id-ditta ta’ investiment ikollha biżżejjed kapital inizjali skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 wara li jqisu n-natura tas-servizz jew tal-attività ta’ investiment inkwistjoni.

Artikolu 16

Rekwiżiti organizzazzjonali

1.   L-Istat Membru tad-domiċilju għandu jeħtieġ illi d-ditti ta’ investiment jikkonformaw mar-rekwiżiti organizzattivi stipulat fil-paragrafi 2 sa 10 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 17.

2.   Ditta ta’ investiment għandha tistabbilixxi politiki adegwati u proċeduri biżżejjed sabiex tiżgura l-konformità tad-ditta, inklużi l-amministraturi, l-impjegati u l-aġenti marbuta tagħha, mal-obbligi tagħha skont din id-Direttiva, kif ukoll regoli xierqa li jirregolaw it-tranżazzjonijiet personali li jsiru minn dawn il-persuni.

3.   Ditta ta’ investiment għandha żżomm u tħaddem arranġamenti organizzattivi u amministrattivi effettivi bil-ħsieb li tieħu l-passi kollha raġonevoli ddisinjati sabiex jipprevjenu l-kunflitti ta’ interess kif iddefiniti fl-Artikolu 23 milli jaffettwaw b’mod negattiv l-interessi tal-klijenti tagħha.

Ditta ta’ investiment li tipproduċi strumenti finanzjarji għall-bejgħ lil klijenti għandha żżomm, topera u tirrevedi proċess għall-approvazzjoni ta’ kull strument finanzjarju u adattamenti sinifikanti tal-istrumenti finanzjarji eżistenti qabel dawn jiġu kummerċjalizzati jew distribwiti lill-klijenti.

Il-proċess ta’ approvazzjoni tal-prodott għandu jispeċifika suq mira identifikat ta’ klijenti aħħarin fi ħdan il-kategorija rilevanti ta’ klijenti għal kull strument finanzjarju u għandu jiżgura li r-riskji kollha rilevanti għal tali suq mira identifikat jiġu valutati u li l-istrateġija maħsuba għad-distribuzzjoni tkun konsistenti mas-suq mira identifikat.

Ditta ta’ investiment għandha wkoll tirrevedi regolarment l-istrumenti finanzjarji li hi toffri jew tikkummerċjalizza, billi tqis kwalunkwe avveniment li jista’ jaffettwa materjalment ir-riskju potenzjali għas-suq mira identifikat, biex mill-inqas tevalwa jekk l-istrument finanzjarju jibqax konsistenti mal-ħtiġijiet tas-suq mira identifikat u jekk l-istrateġija maħsuba għad-distribuzzjoni tibqax adegwata.

Ditta ta’ investiment li tipproduċi strumenti finanzjarji għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ kwalunkwe distributur l-informazzjoni kollha adegwata dwar l-istrument finanzjarju u l-proċess ta’ approvazzjoni tal-prodott, inkluż is-suq mira identifikat tal-istrument finanzjarju.

Meta ditta ta’ investiment toffri jew tirrakkomanda strumenti finanzjarji li ma tipproduċix, din għandu jkollha arranġamenti adegwati biex tikseb l-informazzjoni msemmija fil-ħames subparagrafu u biex tifhem il-karatteristiċi u s-suq fil-mira identifikat għal kull strument finanzjarju.

Il-politiki, proċessi u arranġamenti msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti l-oħra kollha skont din id-Direttiva u r-Regolament (UE) Nru 600/2014, inklużi dawk b’rabta mal-iżvelar, l-adegwatezza, l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti tal-interessi, u l-inċentivi.

4.   Ditta ta’ investiment għandha tieħu passi raġonevoli sabiex tiżgura l-kontinwità u r-regolarità fit-twettiq tas-servizzi u l-attivitajiet ta’ investiment. Għal dak il-għan, id-ditta ta’ investiment għandha timpjega sistemi, riżorsi u proċeduri xierqa u proporzjonati.

5.   Ditta ta’ investiment għandha tiżgura, meta toqgħod fuq parti terza għat-twettiq ta’ funzjonijiet operattivi li jkunu kritiċi għall-provvediment ta’ servizz kontinwu u sodisfaċenti lill-klijenti u għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ investiment fuq bażi kontinwa u sodisfaċenti, li tieħu passi raġonevoli sabiex tevita riskju operattiv addizzjonali mhux dovut. Ma jistax ikun hemm l-esternalizzazzjoni ta’ funzjonijiet operattivi importanti tad-ditta b’mod li dan jagħmel ħsara materjalment lill-kwalità tal-kontroll intern tagħha u lill-ħila tal-kontrollur li jimmonitorja l-konformità tad-ditta mal-obbligi kollha tagħha.

Ditta ta’ investiment għandu jkollha proċeduri sodi amministrattivi u tal-kontabbiltà, mekkaniżmi interni tal-kontroll, proċeduri effettivi għall-valutazzjoni tar-riskji u arranġamenti effettivi għall-kontroll u għas-salvagwardja tas-sistemi tal-ipproċessar tat-tagħrif.

Mingħajr preġudizzju għall-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jitolbu l-aċċess għall-komunikazzjonijiet skont din id-Direttiva u r-Regolament (UE) Nru 600/2014, ditta ta’ investiment għandu jkollha fis-seħħ mekkaniżmi tajba ta’ sigurtà biex jiggarantixxu s-sigurtà u l-awtentikazzjoni tal-mezzi tat-trasferiment ta’ informazzjoni, jimminimizzaw ir-riskju tal-korruzzjoni tad-data u aċċess mhux awtorizzat u jipprevjenu kxif ta’ informazzjoni filwaqt li jżommu l-kunfidenzjalità tad-data l-ħin kollu.

6.   Ditta ta’ investiment għandha tagħmel arranġamenti biex jinżammu rekords tas-servizzi, l-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet kollha li wettqet li għandhom ikunu biżżejjed biex l-awtorità kompetenti tkun tista’ tissodisfa l-kompiti superviżorji tagħha u twettaq l-azzjonijiet ta’ infurzar skont din id-Direttiva, ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, id-Direttiva 2014/57/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014, u partikolarment biex tkun ċerta li d-ditta ta’ investiment ikkonformat mal-obbligi kollha inklużi dawk fir-rigward tal-klijenti jew il-klijenti potenzjali u tal-integrità tas-suq.

7.   Ir-rekords għandhom jinkludu l-irrekordjar tal-konverżazzjonijiet fuq it-telefon jew komunikazzjonijiet elettroniċi marbuta ma’, mill-inqas, tranżazzjonijiet konklużi wara negozjar fuq kont proprju u l-provvista ta’ servizzi ta’ ordnijiet tal-klijenti b’rabta mal-irċevuta, it-trasmissjoni u tal-eżekuzzjoni tal-ordnijiet tal-klijent.

Tali konverżazzjonijiet telefoniċi u komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jinkludu wkoll dawk li huma maħsuba biex jirriżultaw fi tranżazzjonijiet konklużi meta wieħed jinnegozja fuq il-kont proprju jew fil-provvediment ta’ servizzi fuq ordni ta’ klijenti relatati mar-riċezzjoni u t-trasmissjoni ta’ ordnijiet u l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet f’isem il-klijenti, anke jekk dawk il-konverżazzjonijiet jew komunikazzjonijiet ma jirriżultawx fil-konklużjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet jew fil-provvediment ta’ servizzi fuq ordni ta’ klijenti.

Għal dawn l-iskopijiet, ditta ta’ investiment għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha biex tiddokumenta konverżazzjonijiet telefoniċi u komunikazzjonijiet elettroniċi rilevanti, magħmulin bi, mibgħuta minn jew riċevuti minn tagħmir pprovdut mid-ditta ta’ investiment lil impjegat jew kuntrattur jew li l-użu tiegħu minn impjegat jew kuntrattur ġie aċċettatt jew permess mid-ditta ta’ investiment.

Ditta ta’ investiment għandha tinnotifika lil klijenti ġodda u eżistenti li konverżazzjonijiet telefoniċi jew komunikazzjonijiet elettroniċibejn id-ditta ta’ investiment u l-klijenti tagħha li jirriżultaw jew jistgħu jirriżultaw fi transazzjonijiet ser jiġu reġistrati.

Tali notifika tista’ issir darba, qabel il-forniment tas-servizzi ta’ investiment lil klijenti ġodda u dawk eżistenti.

Ditta ta’ investiment m’għandhiex tipprovdi, bit-telefon, servizzi u attivitajiet ta’ investiment lil klijenti li ma ġewx notifikati minn qabel dwar ir-reġistrazzjoni tal- konverżazzjonijiet telefoniċi jew komunikazzjonijiet elettroniċi tagħhom, meta dawn is-servizzi u attivitajiet ta’ investiment ikunu marbuta mal-irċevuta, it-trażmissjoni u l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet tal-klijenti.

L-ordnijiet jistgħu jsiru mill-klijenti permezz ta’ mezzi oħra, madankollu tali komunikazzjonijiet għandhom isiru b’mezz durabbli bħal posta, fax, posta elettronika jew dokumentazzjoni tal-ordnijiet tal-klijenti magħmula f’laqgħat. B’mod partikolari, il-kontenut ta’ konverżazzjonijiet rilevanti wiċċ imb’wiċċ ma’ klijent jista’ jiġi reġistrat permezz ta’ minuti jew noti bil-miktub. Tali ordinijiet għandhom jitqiesu ekwivalenti għal ordnijiet riċevuti bit-telefon.

Ditta ta’ investiment għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha biex tipprevjeni impjegat jew kuntrattur milli jagħmel, jibgħat jew jirċievi konverżazzjonijet telefoniċi u komunikazzjonijiet elettroniċi rilevanti fuq tagħmir li jkun proprjetà privata li d-ditta ta’ investiment ma tkunx tista’ tirreġistra jew tikkopja.

Ir-rekords miżmuma skont dan il-paragrafu għandhom ikunu pprovduti lill-klijenti involuti fuq talba tal-klijenti u għandhom jinżammu għal perjodu ta’ ħames snin u, fejn jintalab mill-awtorità kompetenti, għal perjodu massimu ta’ seba’ snin.

8.   Meta tkun qiegħda żżomm strumenti finanzjarji li jappartjenu għall-klijenti, ditta ta’ investiment għandha tagħmel arranġamenti adegwati sabiex tissalvagwardja d-drittijiet tal-klijenti bħala sidien, b’mod speċjali fl-eventwalità tal-insolvenza tad-ditta ta’ investiment, u sabiex tipprevjeni l-użu tal-istrumenti finanzjarji ta’ klijent f’isimha għajr bil-kunsens espress tal-klijent.

9.   Meta tkun qiegħda żżomm fondi li jappartjenu għall-klijenti, ditta ta’ investiment għandha tagħmel arranġementi adegwati sabiex tissalvagwardja d-drittijiet tal-klijenti u, għajr fil-każ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, sabiex tipprevjeni l-użu tal-fondi tal-klijenti f’isimha.

10.   Ditta ta’ investiment ma għandhiex tikkonkludi arranġamenti ta’ kollateral finanzjarju bit-trasferiment ta’ titoli ma’ klijenti mhux professjonali biex ikunu garantiti jew koperti l-obbligi preżenti jew futuri, attwali jew kontinġenti jew prospettivi tal-klijenti.

11.   Fil-każ tal-friegħi tad-ditti ta’ investiment, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun tinsab il-fergħa għandha, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tad-ditta ta’ investiment li jkollha aċċess dirett għal dawn ir-reġistri, tinforza l-obbligu stabbilit fil-paragrafi 6 u 7 rigward it-tranżazzjonijiet imwettqa mill-fergħa.

L-Istati Membri, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jistgħu jimponu rekwiżiti fuq ditti ta’ investiment fir-rigward tas-salvagwardja tal-assi tal-klijenti, b’mod addizzjonali għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 8, 9 u 10 u l-atti delegati rispettivi kif imsemmija fil-paragrafu 12. Tali rekwiżiti jridu jkunu oġġettivament ġustifikati u proporzjonati sabiex, meta ditti ta’ investiment jissalvagwardjaw l-assi u l-fondi tal-klijenti, jindirizzaw riskji speċifiċi għall-protezzjoni tal-investitur jew għall-integrità tas-suq li huma ta’ importanza partikolari fiċ-ċirkustanzi tal-istruttura tas-suq ta’ dak l-Istat Membru.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw, mingħajr dewmien żejjed, lill-Kummissjoni bi kwalunkwe rekwiżit li jkunu beħsiebhom jimponu f’konformità ma’ dan il-paragrafu u tal-anqas xahrejn qabel id-data magħżula biex dak ir-rekwiżit jidħol fis-seħħ. In-notifika għandha tinkludi ġustifikazzjoni għal dak ir-rekwiżit. Kwalunkwe rekwiżit addizzjonali bħal dan m’għandux jirrestrinġi jew b’mod ieħor jaffettwa d-drittijiet tad-ditti ta’ investiment skont l-Artikoli 34 u 35.

Il-Kummissjoni għandha, fi żmien xahrejn min-notifika msemmija fit-tielet subparagrafu, tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-proporzjonalità tar-rekwiżiti addizzjonali u l-ġustifikazzjoni għalihom.

L-Istati Membri jistgħu jżommu rekwiżiti addizzjonali sakemm huma kienu notifikati lill-Kummissjoni bi qbil mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/73/KE qabel it-2 ta' Lulju 2014 u l-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Artikolu jkunu ssodisfati.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri u tippubblika fis-sit elettroniku tagħha r-rekwiżiti addizzjonali imposti f’konformità ma’ dan il-paragrafu.

12.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 li jispeċifikaw ir-rekwiżiti konkreti organizzattivi stipulati fil-paragrafi 2 sa 10 ta’ dan l-Artikolu li jridu jiġu imposti fuq id-ditti ta’ investiment u fuq fergħat ta’ ditti ta’ pajjiż terz awtorizzati skont l-Artikolu 41 li jkunu qed iwettqu servizzi u/jew attivitajiet differenti ta’ investiment u servizzi sekondarji jew taħlita tagħhom.

Artikolu 17

In-negozjar algoritmiku

1.   Ditta ta’ investiment li tipparteċipa f’negozjar algoritmiku għandu jkollha sistemi effettivi u kontrolli tar-riskji adatti għan-negozju li tkun topera li jiżguraw li s-sistemi tan-negozjar huma resiljenti u għandhom biżżejjed kapaċità, huma suġġetti għal livelli limitu u limiti xierqa u jipprevjenu li jintbagħtu ordnijiet żbaljati jew li s-sistemi jiffunzjonaw b’tali mod li jista’ joħloq jew jikkontribwixxi għal suq diżordinat. It-tali ditta għandu jkollha wkoll sistemi effettivi u kontrolli tar-riskji li jiżguraw li s-sistemi tan-negozjar ma jistgħux jintużaw għal kwalunkwe għan li huwa kuntrarju għar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jew għar-regoli ta’ ċentru tan-negozjartan-negozjar li huwa konness magħhom. Id-ditta ta’ investiment għandu jkollha arranġamenti ta’ kontinwità tal-kummerċ effettivi biex tittratta ma’ kwalunkwe falliment tas-sistemi tal-kummerċ tagħha u għandha tiżgura li s-sistemi tagħha huma ttestjati b’mod sħiħ u mmonitorjati kif xieraq biex jiżguraw li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan il-paragrafu.

2.   Ditta ta’ investiment impenjata f’negozjar algoritmiku fi Stat Membru għandha tinnotifika dan lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħha u biċ-ċentru ta’ negozjar fejn id-ditta ta’ investiment hija impenjata f’negozjar algoritmiku bħala membru jew parteċipant fiċ-ċentru ta’ negozjar.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tad-ditta ta’ investiment, tista’ tirrikjedi lid-ditta ta’ investiment biex tipprovdi, fuq bażi regolari jew ad-hoc, deskrizzjoni tan-natura tal-istrateġiji tan-negozjar algoritmiku tagħha, dettalji tal-parametri jew tal-limiti tal-kummerċ li s-sistema hija soġġetta għalihom, il-kontrolli ewlenin ta’ konformità u tar-riskji li għandha fis-seħħ biex tiżgura li l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 huma ssodisfati u dettalji tal-ittestjar tas-sistemi tagħha. L-awtorità kompetenti tal-istat Membru tad-domiċilju tad-ditta ta’ investiment tista’, fi kwalunkwe żmien, titlob aktar informazzjoni minn ditta ta’ investiment dwar in-negozjar algoritmiku tagħha u s-sistemi użati għal dak in-negozjar.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tad-ditta ta’ investiment għandha, fuq it-talba ta’ awtorità kompetenti ta’ ċentru ta’ negozjar fejn id-ditta ta’ investiment bħala membru jew parteċipant fiċ-ċentru ta’ negozjar hija impenjata f’negozjar algoritmiku u mingħajr dewmien żejjed, tikkomunika l-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu li hija tirċievi mid-ditta ta’ investiment impenjata f’negozjar algoritmiku.

Id-ditta ta’ investiment għandha tagħmel l-arranġamenti biex jinżammu r-rekords b’rabta mal-kwistjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu, u għandha tiżgura li dawk ir-rekords ikunu bizzejjed biex l-awtorità kompetenti tkun tista’ timmonitorja l-konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

Ditta ta’ investiment li topera teknika ta’ kummerċ algoritmiku bi frekwenza għolja għandha taħżen f’forma approvata rekords preċiżi u sekwenzjati skont il-ħin tal-ordnijiet kollha, inklużi l-kanċellazzjonijiet tal-ordnijiet, l-ordnijiet eżegwiti u l-istimi fuq ċentri tan-negozjar, u għandha tagħmilhom disponibbli għall-awtorità kompetenti fuq talba.

3.   Ditta ta’ investiment li topera fil-kummerċ algoritmiku biex issegwi strateġija ta’ ġenerazzjoni tas-suq għandha, b’kont meħud tal-likwidità, l-iskala u n-natura tas-suq speċifiku u l-karatteristiċi tal-istrument kummerċjalizzat:

(a)

twettaq din il-ġenerazzjoni tas-suq kontinwament matul proporzjon speċifikat tal-ħinijiet ta’ negozjar taċ-ċentru ta’ negozjar, minbarra f’ċirkostanzi eċċezzjonali, bir-riżultat li tiġi pprovduta likwidità fuq bażi regolari u prevedibbli liċ-ċentru ta’ negozjar;

(b)

tidħol fi ftehim bil-miktub vinkolanti maċ-ċentru ta’ negozjar li, mill-inqas, għandu jispeċifika l-obbligi tad-ditta ta’ investiment bi qbil mal-punt (a); u

(c)

ikollha fis-seħħ sistemi u kontrolli tar-riskju effettivi biex tiżgura li tista’ tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-ftehim vinkolanti bil-miktub imsemmi fil-punt (b) f’kull waqt.

4.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu u tal-Artikolu 48 ta’ din id-Direttiva, ditta ta’ investiment li tkun impenjata f’negozjar algoritmiku għandha tiġi kkunsidrata li tkun qed issegwi strateġija ta’ ġenerazzjoni tas-suq meta, bħala membru jew parteċipant f’ċentru ta’ negozjar wieħed jew aktar, l-istrateġija tagħha, meta tinnegozja fuq kont proprju, tinvolvi li tagħti kwoti fuq żewġ binarji, sodi u simultanji, ta’ daqs komparabbli u bi prezzijiet kompetittivi relatati ma’ strument finanzjarju wieħed jew aktar fuq ċentru ta’ negozjar wieħed jew f’ċentri ta’ negozjar differenti, bir-riżultat li tipprovdi likwidità fuq bażi regolari u frekwenti għas-suq ġenerali.

5.   Ditta ta’ investiment li tipprovdi aċċess elettroniku dirett għal ċentru tan-negozjar għandu jkollha sistemi u kontrolli effettivi li jiżguraw valutazzjoni u reviżjoni xierqa tal-adattabilità tal-klijenti li jużaw is-servizzi, li klijenti ma jitħallewx jaqbżu livelli limitu ffissati minn qabel għal kummerċ u kreditu, li l-kummerċ minn klijenti li jużaw is-servizz huwa mmonitorjat kif xieraq u li kontrolli tar-riskju xierqa li jipprevjenu li jsir kummerċ li jista’ joħloq riskji lid-ditta ta’ investiment innifisha jew li jista’ joħloq jew jikkontribwixxi għal suq diżordinat jew jista’ ikun kuntrarju għar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jew ir-regoli taċ-ċentru tan-negozjar. Aċċess elettroniku dirett mingħajr dawn il-kontrolli huwa pprojbit.

Ditta ta’ investiment li tipprovdi aċċess elettroniku dirett għandha tkun responsabbli biex tiżguralil-klijenti li jużaw dak is-servizz ikunu konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u mar-regoli taċ-ċentru ta’ negozjar. Id-ditta ta’ investiment għandha timmonitorja t-tranżazzjonijiet sabiex tidentifika ksur ta’ dawk ir-regoli, kundizzjonijiet tan-negozjar jew imġiba diżordinati li jistgħu jinvolvu abbuż tas-suq u li għandhom jiġu rrappurtati lill-awtorità kompetenti. Id-ditta ta’ investiment għandha tiżgura li hemm ftehim bil-miktub vinkolanti bejn id-ditta ta’ investiment u l-klijent rigward id-drittijiet u l-obbligi essenzjali li jirriżultaw mill-għoti tas-servizz u li skont il-ftehim id-ditta ta’ investiment żżomm ir-responsabbiltà skont id-Direttiva.

Ditta ta’ investiment li tipprovdi aċċess elettroniku dirett għal ċentru ta’ negozjar għandha tinnotifika b’danlill-aworitajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħha u biċ-ċentru ta’ negozjar fejn id-ditta ta’ investiment tipprovdi aċċess elettroniku dirett.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tad-ditta ta’ investiment tista’ tirrikjedi li d-ditta tipprovdi, fuq bażi regolari jew ad-hoc, deskrizzjoni tas-sistemi u l-kontrolli msemmija fl-ewwel subparagrafu u provi li dawk ġew applikati.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tad-ditta ta’ investiment għandha, fuq it-talba ta’ awtorità kompetenti ta’ ċentru ta’ negozjar fir-rigward ta’ liema d-ditta ta’ investment tipprovdi aċċess elettroniku dirett tikkomunika mingħajr dewmien żejjed l-informazzjoni msemmija fir-raba’ subparagrafu li hija tirċievi mid-ditta ta’ investiment.

Id-ditta ta’ investiment għandha tagħmel l-arranġamenti biex jinżammu r-rekords b’rabta mal-kwistjonijiet msemmija f’dan il-paragrafu, u għandha tiżgura li dawkir-rekords ikunu bizzejjed biex l-awtorità kompetenti tkun tista’ timmonitorja l-konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

6.   Ditta ta’ investiment li taġixxi bħala membru ġenerali ta’ likwidazzjoni għal persuni oħrajn għandu jkollha sistemi u kontrolli effettivi li jiżguraw servizzi ta’ likwidazzjoni li huma applikati biss għal persuni li huma adattati u li jissodisfaw kriterja ċari u li rekwiżiti xierqa huma imposti fuq dawk il-persuni biex jitnaqqsu r-riskji lid-ditta ta’ investiment u lis-suq. Id-ditta ta’ investiment għandha tiżgura li hemm ftehim bil-miktub li jorbot bvejn id-ditta ta’ investiment u l-persuna rigward id-drittijiet u l-obbligi essenzjali li jqumu mill-provvista ta’ dak is-servizz.

7.   L- AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards regolatorji biex jispeċfikaw dan li ġej:

(a)

id-dettalji tar-rekwiżiti organizzattivi dettaljati stipulati fil-paragrafi minn 1 sa 6 li għandhom ikunu imposti fuq id-ditti ta’ investiment li jipprovdu servizzi u/jew attivitajiet differenti ta’ investiment u servizzi anċillari jew taħlita tagħhom, fejn l-ispeċifikazzjoni b’rabta mar-rekwiżiti organizzattivi mniżżla fil-paragrafu 5 għandhom jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi għal aċċess dirett għas-suq u għal aċċess sponsorjat b’tali mod li jiġi żgurat li l-kontrolli applikati għall-aċċess sponsorjat ikunu mill-inqas ekwivalenti għal dawk applikati għall-aċċess dirett għas-suq;

(b)

Iċ-ċirkostanzi li fihom ditta ta’ investiment tkun obbligata tidħol fis-suq, b’riferiment dirett għall-punt (b) tal-paragrafu 3, u l-kontenut ta’ dawn il-ftehimiet, inkluż il-proporzjon tal-ħinijiet ta’ negozjar taċ-ċentru ta’ negozjar stabbiliti fil-paragrafu 3;

(c)

is-sitwazzjonijiet li jikkostitwixxu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija fil-paragrafu 3, inklużi ċirkostanzi ta’ volatilità estrema, kwistjonijiet politiċi u makroekonomiċi, kwistjonijiet tas-sistema u operattivi, u ċirkostanzi li jikkontradixxu l-kapaċità tad-ditta ta’ investiment li żżomm prattiki tal-immaniġġar tar-riskju prudenti kif stabbilit fil-paragrafu 1;

(d)

Il-kontenut u l-format tal-formola approvata msemmija fil-ħames subparagrafu tal-paragrafu 2 u t-tul ta’ żmien sa meta dawn ir-rekords għandhom jinżammu mid-ditta ta’ investiment.

L- AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 18

Proċess tan-negozjar u finalizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet f’MTF u f’OTF

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti ta’ investiment u l-operaturi tas-suq li jħaddmu MTF jew OTF, għandhom, minbarra li jissodisfaw ir-rekwiżiti organizzattivi stabbiliti fl-Artikolu 16, jistabbilixxu wkoll regoli u proċeduri trasparenti għall-kummerċ ġust u bl-ordni u jistabbilixxu kriterji oġġettivi għall-eżekuzzjoni effiċjenti tal-ordnijiet. Għandu jkollhom arranġamenti għall-ġestjoni soda tal-operat tekniku tal-faċilità, inkluż l-istabbiliment ta’ arranġamenti effettivi ta’ kontinġenza sabiex ilaħħqu mar-riskji ta’ diżordni fis-sistemi.

2.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi d-ditti ta’ investiment u l-operaturi tas-suq li jħaddmu MTF jew OTF jistabbilixxu regoli trasparenti rigward il-kriterji sabiex jistabbilixxu l-istrumenti finanzjarji li jistgħu jiġu nnegozjati taħt is-sistemi tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li, fejn ikun applikabbli, id-ditti ta’ investiment u l-operaturi tas-suq li jħaddmu MTF jew OTF jipprovdu biżżejjed tagħrif, jew ikunu ssodisfati li jkun hemm aċċess għal biżżejjed tagħrif disponibbli pubblikament sabiex jgħinu lill-utenti tagħhom jagħmlu ġudizzju dwar l-investiment, filwaqt li jqisu kemm in-natura tal-utenti kif ukoll it-tipi ta’ strumenti nnegozjati.

3.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti ta’ investiment u l-operaturi tas-suq li jħaddmu MTF jew OTF jistabbilixxu, jippubblikaw u jżommu u jimplimentaw regoli trasparenti u mhux diskriminatorji, imsejsa fuq kriterji oġġettivi, li jirregolaw l-aċċess għall-faċilità tagħhom.

4.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti ta’ investiment u l-operaturi tas-suq li jħaddmu MTF jew OTF ikollhom arranġamenti biex jiġu identifikati b’mod ċar u mmaniġġati konsegwenzi negattivi potenzjali għall-funzjonament tal-MTF jew l-OTF, jew għall-membri jew il-parteċipanti u l-utenti, ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess bejn l-interess tal-MTF, l-OTF, is-sidien tagħhom jew id-ditta ta’ investiment jew l-operatur tas-suq li jħaddem l-MTF jew l-OTF u l-funzjonament tajjeb tal-MTF jew l-OTF.

5.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li ditti ta’ investiment u operaturi tas-suq li joperaw MTF jew OTF jikkonformaw mal-Artikoli 48 u 49 u li jkollhom fis-seħħ is-sistemi, proċeduri u arranġamenti effikaċi kollha meħtieġa biex jagħmlu dan.

6.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi d-ditti ta’ investiment u l-operaturi tas-suq li jħaddmu MTF jew OTF jgħarrfu b’mod ċar lill-membri jew lill-parteċipanti tagħhom dwar ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom rigward is-saldu tat-tranżazzjonijiet imwettqa f’dik il-faċilità. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi d-ditti ta’ investiment u l-operaturi tas-suq li jħaddmu MTF jew OTF ikunu daħħlu fis-seħħ l-arranġamenti meħtieġa sabiex jiffaċilitaw is-saldu effiċjenti tat-tranżazzjonijiet konklużi skont is-sistemi ta’ dik l-MTF jew OTF.

7.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li MTFs u OTFs ikollhom tal-anqas tliet membri jew utenti materjalment attivi, li kull wieħed minnhom ikollu l-opportunità li jinteraġixxi mal-oħrajn kollha fir-rigward tal-formazzjoni tal-prezzijiet.

8.   Meta titolu trasferibbli li jkun ġie ammess għall-kummerċ f’suq regolat jiġi nnegozjat ukoll f’MTF jew f’OTF mingħajr il-kunsens tal-emittent, l-emittent ma għandu ikun suġġett għall-ebda obbligu li jkollu x’jaqsam mal-iddivulgar finanzjarju inizjali, li jkun għaddej jew ad hoc rigward din l-MTF jew din l-OTF.

9.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi kull ditta ta’ investiment u operatur tas-suq li jħaddem MTF jew OTF jikkonforma minnufih ma’ kull struzzjoni mill-awtorità kompetenti tiegħu skont l-Artikolu 69(2) sabiex jissospendi jew ineħħi strument finanzjarju mill-kummerċ.

10.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li d-ditti ta’ investiment u l-operaturi tas-suq li joperaw MTF jew OTF jipprovdu lill-awtorità kompetenti b’deskrizzjoni dettaljata tal-funzjonament tal-MTF jew tal-OTF, inklużi, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20(1), (4) u (5), kwalunkwe rabtiet ma’ jew parteċipazzjoni minn suq regolat, MTF, OTF jew internalizzatur sistematiku li jappartjeni għall-istess ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq, u lista tal-membri tagħhom, parteċipanti u/jew utenti. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu dik l-informazzjoni disponibbli lill- AETS fuq talba. Kull awtorizzazzjoni lil ditta ta’ investiment jew operatur fis-suq bħala MTF jew OTF għandha tkun notifikata lill- AETS. L- AETS għandha tistabbilixxi lista tal-MTFs u tal-OTFs kollha fl-Unjoni. Il-lista għandha tinkludi informazzjoni fuq is-servizzi li tipprovdi l-MTF jew l-OTF u tinkludi l-kodiċi uniku li jidentifika l-MTF jew l-OTF għall-użu f’rapporti skont l-Artikoli 6, 10 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. Hu għandu jkun aġġornat fuq bażi regolari. L- AETS għandha tippubblika u taġġorna l-lista fuq is-sit elettroniku tagħha.

11.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi implimentattivi biex tiddetermina l-kontenut u l-format tad-deskrizzjoni u n-notifika referuta fil-paragrafu 10.

L- AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-3 ta' Jannar 2016.

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 19

Rekwiżiti speċifiċ għall-MTFs

1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw li ditti ta’ investiment u operaturi tas-suq li joperaw MTF, minbarra li jissodisfaw ir-rekwiżiti mressqa fl-Artikoli 16 u 18, għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw regoli mhux diskrezzjonali għall-eżekuzzjoni tal-ordnijiet fis-sistema.

2.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw li r-regoli msemmija fl-Artikolu 18(3) li jirregolaw l-aċċess għal MTF ikunu konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 53(3).

3.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti ta’ investiment u l-operaturi tas-suq li joperaw MTF ikollhom arranġament:

(a)

ikun mgħammar b’mod adegwat sabiex jamministra r-riskji li għalihom ikun espost, jimplimenta l-arranġamenti u s-sistemi x-xierqa sabiex jidentifika r-riskji sinifikanti kollha għall-operat tiegħu u jqiegħed fis-seħħ miżuri effettivi sabiex itaffi dawn ir-riskji;

(b)

ikollu arranġamenti effettivi sabiex jiffaċilita l-finalizzazzjoni effiċjenti u f’waqtha tat-tranżazzjonijiet imwettqa skont is-sistemi tiegħu; u

(c)

ikollu disponibbli, meta jingħata l-awtorizzazzjoni u fuq bażi kontinwa, biżżejjed riżorsi finanzjarji sabiex jiffaċilita l-funzjonament bl-ordni tiegħu, filwaqt li jitqiesu n-natura u l-kobor tat-tranżazzjonijiet konklużi fis-suq u l-firxa u l-livell tar-riskji li għalihom ikun espost.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Artikoli 24, 25, l-Artikolu 27(1), (2) u (4) sa (10) u l-Artikolu 28 mhumiex applikabbli għat-tranżazzjonijiet konklużi skont ir-regoli li jirregolaw MTF bejn il-membri jew il-parteċipanti tiegħu jew bejn l-MTF u l-membri jew il-parteċipanti tiegħu b’rabta mal-użu tal-MTF. Madankollu, il-membri jew il-parteċipanti tal-MTF għandhom ikunu konformi mal-obbligi li hemm provvediment għalihom fl-Artikoli 24, 25, 27 u 28 fir-rigward tal-klijenti tagħhom meta, f’isem il-klijenti tagħhom, jesegwixxu ordnijiet tagħhom permezz tas-sistemi tal-MTF.

5.   L-Istati Membri m’għandhomx jippermettu li ditti ta’ investiment jew operaturi tas-suq li joperaw MTF jeżegwixxu ordnijiet ta’ klijenti kontra l-kapital proprjetarju jew kummerċ b’“matched principle”.

Artikolu 20

Rekwiżiti speċifiċ għall-OTFs

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li ditta ta’ investiment u operatur tas-suq li jopera OTF jistabbilixxi arranġamenti li jipprevjenu l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet tal-klijent f’OTF kontra l-kapital proprjetarju tad-ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li joperaw l-OTF jew minn kwalunkwe entità li hija parti mill-istess grupp jew entità legali bħad-ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq.

2.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lil ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li jopera OTF li jwettqu kummerċ b’ “matched principle” f’bonds, prodotti strutturati ta’ finanza, allowances tal-emissjonijiet u ċerti derivattivi biss fejn il-klijent ikun approva l-proċess.

Ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li jopera OTF m’għandux juża kummerċ b’ “matched principle” biex jeżegwixxi ordnijiet tal-klijenti f’OTF f’derivattivi li jappartjenu għal klassi ta’ derivattivi li tkun ġiet iddikjarata soġġetta għall-obbligu ta’ kklerjar bi qbil mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li jopera OTF għandu jistabbilixxi arranġamenti li jiżguraw konformita’ mad-definizzjoni ta’ negozjar b’matched principal fil-punt (38) tal-Artikolu 4(1).

3.   L-Istati Membri għandhom jippermettu li ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li jopera OTF jinnegozjaw għal rashom, u mhux biss f’kummerċ b’ “matched principle”, b’rabta ma’ strumenti ta’ dejn sovran li għalihom mhemmx suq likwidu.

4.   L-Istati Membri ma għandhomx jipperemettu li t-tħaddim ta’ OTF u ta’ internalizzatur sistematika jsiru fl-istess entità legali. OTF mgħandhiex tikkonnettja ma’ internalizzatur sistematiku b’mod li jippermetti interazzjoni bejn ordnijiet f’OTF u ordnijiet jew stimi f’internalizzatur sistematiku. OTF ma għandhiex tkun konnessa ma’ OTF oħra b’mod li tiffaċilita li jkun hemm interazzjoni bejn ordnijiet f’OTFs differenti.

5.   L-Istati Membri ma għandhomx jipprevjenu ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li jopera OTF milli jimpjega ditta ta’ investiment oħra li twettaq ġenerazzjoni tas-suq fir-rigward ta’ dik l-OTF fuq bażi indipendenti.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ditta ta’ investiment mgħandhiex titqies bħala li twettaq attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq fuq OTF fuq bażi indipendenti jekk ikollha rabtiet mill-qrib mad-ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li jopera l-OTF.

6.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet fir-rigward ta’ OTF issir fuq bażi diskrezzjonali.

Ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li jopera OTF għandu biss jeżerċita diskrezzjoni f’ċirkostanzi li ġejjin jew f’waħda minnhom:

(a)

Meta jiddeċiedu li jqegħdu jew ineħħu ordni fuq l-OTF li joperaw;

(b)

Meta jiddeċiedu li ma jqabblux ordni speċifika ta’ klijent ma’ ordnijiet oħra disponibbli fis-sistemi f’waqr partikolari, sakemm dan ikun konformi mal-istruzzjonijiet speċifiċi irċevuti minn klijent u mal-obbligi bi qbil mal-Artikolu 27.

Għas-sistema li tqabbel l-ordnijiet tal-klijenti id-ditta ta’ investiment jew l-operatur li jopera OTF jista’ jiddeċiedi jekk, meta u kemm minn żewġ ordnijiet jew aktar jixtieq li jqabbel fis-sistema. Bi qbil mal-paragrafi 1, 2, 4 u 5 u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 fir-rigward ta’ sistema li tirranġa t-tranżazzjonijiet f’nonekwitajiet, id-ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li jopera l-OTF tista’ tiffaċilita n-negozjati bejn il-klijenti b’mod li tgħaqqad żewġ interessi ta’ kummerċ potenzjali jew iktar fi tranżazzjoni.

Dak l-obbligu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18 u 27.

7.   L-awtorità kompetenti tista’ tirrikjedi, jew meta ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq jitolbu awtorizzazzjoni għall-operazzjoni ta’ OTF jew fuq bażi ad-hoc, spjegazzjoni dettaljata għaliex is-sistema ma tikkorrispondix għal u ma tistax topera bħala suq regolat, MTF jew internalizzatur sistematiku, deskrizzjoni dettaljata dwar kif qed tintuża d-diskrezzjoni, b’mod partikolari meta ordni lil OTF tista’ tiġi irtirata u meta u kif l-ordnijiet ta’ żewġ klijenti jew iktar jitqabblu fl-OTF. Barra minn hekk, ditta ta’ investiment jew operatur ta’ OTF għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti b’informazzjoni li tispjega l-użu li jagħmlu minn negozjar b’matched principal. L-awtorità kompetenti għandha tissorvelja l-użu li tagħmel ditta ta’ investiment jew ta’ operatur tas-suq minn negozjar b’matched principal sabiex tiżgura li dan ikompli jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ tali negozjar u tiżgura li dan ma jwassalx għal kunflitti tal-interessi bejn id-ditta ta’ investiment jew l-operatur tas-suq u l-klijenti tagħhom.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Artikoli 24, 25, 27 u 28 jiġu applikati għat-tranżazzjonijiet konklużi f’OTF.

KAPITOLU II

Il-Kundizzjonijiet operattivi għad-ditti ta’ investiment

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 21

Ir-rieżami regolari tal-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni inizjali

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi ditta ta’ investiment awtorizzata fit-territorju tagħhom tikkonforma l-ħin kollu mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni inizjali stabbiliti fil-Kapitolu I.

2.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu l-metodi x-xierqa sabiex jimmonitorjaw li d-ditti ta’ investiment jikkonformaw mal-obbligu tagħhom skont il-paragrafu 1. Għandhom jeħtieġu li d-ditti ta’ investiment jgħarrfu lill-awtoritajiet kompetenti b’kull bidla materjali fil-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni inizjali.

L- AETS tista’ tiżviluppa linji gwida li jirrigwardaw il-metodi ta’ monitoraġġ imsemmija f’dan il-paragrafu.

Artikolu 22

L-obbligu ġenerali rigward is-superviżjoni kontinwa

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw l-attivitajiet tad-ditti ta’ investiment sabiex jivvalutaw il-konformità mal-kundizzjonijiet operattivi pprovduti f’din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jkunu fis-seħħ il-miżuri x-xierqa sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiksbu t-tagħrif meħtieġ sabiex jivvalutaw il-konformità tad-ditti ta’ investiment ma’ dawk l-obbligi.

Artikolu 23

Kunflitti ta’ interess

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti ta’ investiment jieħdu l-passi adegwati kollha sabiex jidentifikaw u jipprevjenu jew iġestixxu l-kunflitti ta’ interess kollha bejniethom, inklużi l-amministraturi, l-impjegati u l-aġenti marbuta tagħhom, jew kull persuna marbuta direttament jew indirettament magħhom bil-kontroll, u l-klijenti tagħhom, jew bejn klijent u ieħor li jinħolqu huwa u jiġi pprovdut kwalunkwe servizz ta’ investiment jew servizz sekondarju, jew kumbinazzjonijiet tagħhom, inklużi dawk ikkawżati mir-riċezzjoni ta’ inċentivi minn partijiet terzi jew mir-rimunerazzjoni tad-ditta ta’ investiment stess jew strutturi oħra ta’ inċentivi.

2.   Meta l-arranġamenti organizzattivi jew amministrattivi magħmula mid-ditta ta’ investiment skont l-Artikolu 16(3) biex jipprevjenu il-kunflitti ta’ interess milli jaffettwaw ħażin l-interessi tal-klijenti ma jkunux biżżejjed sabiex jiżguraw, b’fiduċja raġonevoli, li se jiġu pprevenuti r-riskji ta’ ħsara lill-interessi tal-klijenti, id-ditta ta’ investiment għandha tiżvela b’mod ċar lill-klijent in-natura ġenerali u/jew is-sorsi tal-kunflitti ta’ interess u l-passi meħuda biex jittaffew dawk ir-riskji qabel ma twettaq il-kummerċ f’ismu.

3.   L-iżvelar msemmi fil-paragrafu 2 għandu:

(a)

isir b’mezz durevoli; u

(b)

jinkludi dettalji biżżejjed, b’kont meħud tan-natura tal-klijent, li jippermettu li l-klijent jieħu deċiżjoni infurmata fir-rigward tas-servizz li fil-kuntest tiegħu jinħoloq kunflitt ta’ interess.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 biex:

(a)

tiddefinixxi l-passi li d-ditti ta’ investiment jistgħu jiġu mistennija b’mod raġonevoli li jieħdu sabiex jidentifikaw, jipprevjenu, jamministraw u jiżvelaw il-kunflitti ta’ interess meta jkunu qed jipprovdu diversi servizzi ta’ investiment u servizzi sekondarji u għaqdiet tagħhom;

(b)

tistabbilixxi l-kriterji x-xierqa sabiex jiġu stabbiliti t-tipi ta’ kunflitti ta’ interess li l-eżistenza tagħhom tista’ tagħmel ħsara lill-interessi tal-klijenti jew tal-klijenti potenzjali tad-ditta ta’ investiment.

Taqsima 2

Id-Dispożizzjonijiet sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-investitur

Artikolu 24

Prinċipji ġenerali u tagħrif lill-klijenti

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi, meta tkun qed tipprovdi servizzi ta’ investiment jew, meta jkun xieraq, servizzi sekondarji lill-klijenti, ditta ta’ investiment taġixxi b’mod onest, ġust u professjonali skont l-aħjar interessi tal-klijenti tagħha u tikkonforma, b’mod partikulari, mal-prinċipji mogħtija f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 25.

2.   Id-ditti ta’ investiment li jimmanifaturaw strumenti finanzjarji u depożiti għall-bejgħ lill-klijenti jiżguraw li dawk l-istrumenti finanzjarji jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ suq mira identifikat ta’ klijenti aħħarin fi ħdan il-kategorija rilevanti ta’ klijenti, li l-istrateġija ta’ distribuzzjoni tal-istrumenti finanzjarji tkun kompatibbli mas-suq mira identifikat, u li d-ditti ta’ investiment jieħdu passi raġonevoli biex jiżguraw li dawk l-istrumenti finanzjarji jiġu distribwiti lis-suq mira identifikat.

Ditta ta’ investiment għandha tifhem l-istrumenti finanzjarji li toffri jew tirrakkomanda, tevalwa l-kompatibilità tal-istrumenti finanzjarji mal-bżonnijiet tal-klijenti li lilhom tkun qed tipprovdi s-servizzi ta’ investiment, filwaqt li tqis ukoll is-suq mira identifikat ta’ klijenti aħħarin kif msemmi fl-Artikolu 16(3), u tiżgura li l-istrumenti finanzjarji jiġu offruti jew rakkomandati biss fejndan ikun fl-interess tal-klijent.

3.   It-tagħrif kollu, inklużi l-komunikazzjonijiet ta’ promozzjoni, li d-ditta ta’ investiment tibgħat lill-klijenti jew lill-klijenti potenzjali, għandu jkun ġust, ċar u ma jqarraqx. Il-komunikazzjonijiet ta’ promozzjoni għandhom ikunu jistgħu jiġu identifikati biċ-ċar bħala komunikazzjonijiet ta’ dan it-tip.

4.   Informazzjoni xierqa għandha tkun ipprovduta fil-ħin lill-klijenti jew klijenti potenzali rigward id-ditta ta’ investiment u s-servizzi tagħha, l-istrumenti finanzjarji u l-istrateġiji proposti tal-investiment, il-postijiet ta’ eżekuzzjoni u l-ispejjeż u l-imposti kollha relatati. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

id-ditta ta’ investiment u s-servizzi tagħha; meta jingħata parir dwar investiment, id-ditta ta’ investiment trid, fil-ħin qabel tagħti l-parir dwar l-investiment, tinforma lill-klijent dwar:

(i)

jekk il-parir huwiex qed jingħata fuq bażi indipendenti jew le;

(ii)

jekk il-parir huwiex ibbażat fuq analiżi wiesgħa jew fuq analiżi iktar ristretta ta’ tipi differenti ta’ strumenti finanzjarji u, b’mod partikolari, jekk il-varjetà hijiex limitata għal strumenti finanzjarji maħruġa jew ipprovduti minn entitajiet b’rabtiet mill-qrib mad-ditta ta’ investiment jew kwalunkwe relazzjoni ġuridika jew ekonomika oħra, bħal relazzjoni kuntrattwali, qrib biżżejjed biex toħloq riskju għall-bażi indipendenti tal-pariri pprovduti;

(iii)

jekk id-ditta ta’ investiment hijiex ser tipprovdi lill-klijent b’valutazzjoni perjodika ta’ kemm huma adatti l-istrumenti finanzjarji rakkomandati għal dak il-klijent;

(b)

l-informazzjoni dwar l-istrumenti finanzjarji u l-istrateġiji proposti ta’ investiment trid tinkludi gwida xierqa u twissijiet dwar ir-riskji assoċjati mal-investimenti f’dawk l-istrumenti jew rigward strateġiji partikulari ta’ investiment u jekk l-istrument finanzjarju huwiex maħsub għall-bejgħ jew għal klijenti professjonali, billi jittieħed kont tas-suq fil-mira identifikat skont il-paragrafu 2;

(c)

l-informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-imposti assoċjati kollha trid tinkludi informazzjoni relatata mal-investiment u mas-servizzi anċillari li għandhom jinkludu l-ispiża tal-konsulenza, meta rilevanti, l-ispiża tal-istrument finanzjarju rakkomandat jew kummerċjalizzat lill-klijent u kif il-klijent jista’ jħallas għalih, u jinkludi wkoll kull pagament lil parti terza.

L-informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-imposti kollha, inklużi l-ispejjeż u l-imposti b’rabta mas-servizz ta’ investiment u l-istrument finanzjarju, li mhumiex maħluqa mill-okkorrenza ta’ riskju sottostanti tas-suq, għandha tingħaqad biex tippermetti lill-klijent jifhem l-ispiża ġenerali kif ukoll l-effett kumulattiv fuq il-qligħ mill-investiment, u meta l-klijent jitlob dan, għandu jiġi pprovdut sommarju dettajat. Meta jkun applikabbli, din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-klijent fuq bażi regolari, mill-inqas annwali, tul iż-żmien li jdum validu l-investiment.

(5)   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 4 u 9 għandha tingħata b’mod komprensibbli b’tali mod li l-klijenti jew il-klijenti potenzjali jkunu kapaċi b’mod raġonevoli jifhmu n-natura u r-riskji tas-servizz ta’ investiment u tat-tip speċifiku ta’ strument finanzjarju li jkun qiegħed jiġi offrut u, b’konsegwenza ta’ dan, ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet dwar l-investiment fuq bażi infurmata. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li dik l-informazzjoni tiġi pprovduta f’format standardizzat.

6.   Fejn servizz ta’ investiment jiġi offrut bħala parti minn prodott finanzjarju li jkun diġà suġġett għal dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni relatati mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u mal-krediti tal-konsumaturi rigward ir-rekwiżiti tat-tagħrif, dak is-servizz ma għandux ikun suġġett b’mod addizzjonali għall-obbligi mogħtija fil-paragrafi 3, 4 u 5.

7.   Fejn id-ditta ta’ investimenti tinforma lill-klijent li tipprovdi konsulenza dwar investimenti fuq bażi indipendenti, dik id-ditta ta’ investiment għandha:

(a)

tivvaluta firxa suffiċjenti ta’ strumenti finanzjarji disponibbli fis-suq li jridu jkunu diversifikati biżżejjed fir-rigward tat-tip tagħhom u min ħariġhom jew l-fornituri tal-prodotti sabiex ikun żgurat li l-objettivi ta’ investiment tal-klijent jkunu jistgħu jintlaħqu b’mod xieraq u ma jridux ikunu limitati għall-istrumenti finanzjarji maħruġa jew provduti:

(i)

mid-ditta ta’ investiment innifisha jew minn entitajiet li għandhom rabtiet mill-qrib mad-ditta ta’ investimenti; jew

(ii)

minn entitajiet oħra li magħhom id-ditta ta’ investiment għandha rabtiet ġuridiċi jew ekonomiċi tant kbar, bħal relazzjoni kuntrattwali, li dan iqiegħed f’riskju l-bażi indipendenti tal-konsulenza pprovduta;

(b)

ma taċċettax u żżomm ħlasijiet, kummissjonijiet jew kwalunkwe benefiċċji fi flus imħallsa jew mhux fi flus ipprovduti minn kwalunkwe parti terza jew persuna li taġixxi f’isem parti terza b’rabta mal-provvista tas-servizz lill-klijenti. Benefiċċji minuri mhux fi flus li kapaċi jtejbu l-kwalità tas-servizz ipprovdut lil klijent u li huma ta’ tali skala u ta’ natura li ma jistgħux jitqiesu bħala li jfixklu l-konformità mad-dmir tad-ditta ta’ investiment li taġixxi fl-aħjar interess tal-klijent jridu jiġu żvelati b’mod ċar u għandhom jiġu esklużi minn dan il-punt.

8.   Meta tipprovdi l-immaniġġar tal-portafolji d-ditta ta’ investiment ma għandhiex taċċetta jew iżżomm ħlasijiet, kummissjonijiet jew kwalunkwe benefiċċji fi flus jew mhux fi flus imħallsa jew ipprovduti minn kwalunkwe parti terza jew persuna li taġixxi f’isem parti terza b’rabta mal-provvista tas-servizz lill-klijenti. Benefiċċji minuri mhux fi flus li kapaċi jtejbu l-kwalità tas-servizz ipprovdut lil klijent u li huma ta’ tali skala u ta’ natura li ma jistgħux jitqiesu bħala li jfixklu l-konformità mad-dmir tad-ditta ta’ investiment li taġixxi fl-aħjar interess tal-klijent għandhom jiġu żvelati b’mod ċar u għandhom jiġu esklużi minn dan il-paragrafu.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti ta’ investiment jitqiesu li mhux qed jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 23 jew taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu meta jħallsu jew jitħallsu kwalunkwe tariffa jew kummissjoni, jew jipprovdu jew ikunu provduti bi kwalunkwe benefiċċju mhux monetarju b’rabta mal-forniment ta’ servizz ta’ investiment jew servizz anċillari, lil jew minn kwalunkwe parti ħlief il-klijent jew persuna f’isem il-klijent, ħlief meta l-pagament jew il-benefiċċju:

(a)

Ikun maħsub biex itejjeb il-kwalità tas-servizz rilevanti lill-klijent; u

(b)

Ma jipperikolax il-konformità mad-dmir ta’ investiment tad-ditta li taġixxi b’mod onest, ġust u professjonali bi qbil mal-aħjar interessi tal-klijenti tagħha.

L-eżistenza, in-natura u l-ammont tal-pagament jew benefiċċju msemmi fl-ewwel subparagrafu, jew, meta l-ammont ma jkunx jista’ jiġi aċċertat, il-metodu ta’ kalkolazzjoni ta’ dak l-ammont, għandhom jiġu żvelati lill-klijent, b’mod li jkun komprensiv, preċiż u jinftiehem qabel il-provvediment ta’ investiment jew servizz anċillari rilevanti. Meta applikabbli, id-ditta ta’ investiment għandha tinforma wkoll lill-klijent dwar mekkaniżmi għat-trasferiment lill-klijent tal-miżata, il-kummissjoni, il-benefiċċju fi flus jew mhux fi flus riċevut b’rabta mal-provvista ta’ investiment jew servizz anċillari.

Il-pagament jew benefiċċju li jippermetti l-forniment ta’ servizzi ta’ investiment, jew ikun neċessarju għalihom, bħal spejjeż tal-kustodja, tariffi tas-saldu u l-iskambju, taxxi regolatorji jew tariffi legali, u li, min-natura tagħhom, ma jistgħux jikkaġunaw kunflitti mad-dmirijiet tad-ditta ta’ investiment li taġixxi b’mod onest, eqwu u professjonali skont l-aħjar interessi tal-klijenti tagħha mhuwiex suġġett għar-rekwiżiti stipulati fl-ewwel subparagrafu.

10.   Ditta ta’ investiment li tipprovdi servizzi ta’ investiment lill-klijenti għandha tiżgura li ma tirrimunerax jew tivvaluta l-prestazzjoni tal-persunal tagħha b’mod li jmur kontra l-obbligu tagħha li taġixxi fl-aħjar interessi tal-klijenti tagħha. B’mod partikolari, hija ma għandhiex tagħmel xi arranġament permezz ta’ rimunerazzjoni, miri ta’ bejgħ jew xi mod ieħor li jista’ jagħti l-inċentiv lill-persunal tagħha biex jirrakkomanda strument finanzjarju partikolari lill-klijent mhux professjonali meta d-ditta ta’ investiment tista’ toffri strument finanzjarju differenti li jilħaq aħjar il-ħtiġijiet ta’ dak il-klijent.

11.   Meta servizz ta’ investiment jiġi offrut flimkien ma’ servizz jew prodott ieħor bħala parti minn pakkett jew bħala kundizzjoni għall-istess ftehim jew pakkett, id-ditta ta’ investiment għandha tinforma lill-klijent jekk ikunx possibbli li jixtri l-komponenti differenti separatament u għandha tipprovdi evidenza separata tal-kost u t-tariffi għal kull komponent.

Meta r-riskji li jirriżultaw minn tali ftehim jew pakkett offrut lil klijent mhux professjonali x’aktarx ikunu differenti mir-riskji assoċjati mal-komponenti meqjusa separatament, id-ditta ta’ investiment għandha tipprovdi deskrizzjoni adegwata tal-komponenti differenti tal-ftehim jew pakkett u l-mod li bih l-interazzjoni tiegħu timmodifika r-riskji.

L-AETS, f’kooperazzjoni ABE u AEAPX, għandha tiżviluppa sat-3 ta’ Jannar 2016, u taġġorna perjodikament, linji gwida għall-valutazzjoni u s-superviżjoni tal-prattiki ta’ bejgħ inkroċjat li jindikaw, partikolarment, sitwazzjonijiet fejn il-prattiki ta’ bejgħ inkroċjat ma jkunux konformi mal-obbligi stipulati fil-paragrafu 1.

12.   L-Istati Membri jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jimponu rekwiżiti addizzjonali fuq id-ditti ta’ investiment fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti minn dan l-Artikolu. Tali rekwiżiti jridu jkunu oġġettivament ġustifikati u proporzjonati sabiex jindirizzaw riskji speċifiċi għall-protezzjoni tal-investitur jew għall-integrità tas-suq li huma ta’ importanza partikolari fiċ-ċirkustanzi tal-istruttura tas-suq ta’ dak l-Istat Membru.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw, lill-Kummissjoni bi kwalunkwe rekwiżit li jkunu beħsiebhom jimponu f’konformità ma’ dan il-paragrafu, mingħajr dewmien żejjed u tal-anqas xahrejn qabel id-data magħżula biex dak ir-rekwiżit jidħol fis-seħħ. In-notifika għandha tinkludi ġustifikazzjoni għal dak ir-rekwiżit. Kwalunkwe rekwiżit addizzjonali bħal dan m’għandux jirrestrinġi jew b’mod ieħor jaffettwa d-drittijiet tad-ditti ta’ investiment skont l-Artikoli 34 u 35 ta’ din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni għandha, fi żmien xahrejn min-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu, tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-proporzjonalità tar-rekwiżiti addizzjonali u l-ġustifikazzjoni għalihom.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri u tippubblika fis-sit elettroniku tagħha r-rekwiżiti addizzjonali imposti f’konformità ma’ dan il-paragrafu.

L-Istati Membri jistgħu jżommu rekwiżiti addizzjonali li kienu notifikati lill-Kummissjoni bi qbil mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/73/KE qabel it-2 ta’ Lulju 2014 sakemm il-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Artikolu jkunu ssodisfati.

13.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 li jiżguraw li ditti ta’ investiment huma konformi mal-prinċipji mressqa f’dan l-Artikolu meta jipprovdu servizzi ta’ investiment jew servizzi anċillari lill-klijenti tagħhom, inklużi:

(a)

il-kundizzjonijiet li bihom l-informazzjoni għandha tikkonforma sabiex tkun ġusta, ċara u mhux qarrieqa;

(b)

id-dettalji dwar il-kontenut u l-format tal-informazzjoni lil klijenti b’rabta ma’ kategorizzazzjoni tal-klijenti, ditti ta’ investiment u s-servizzi tagħhom, l-istrumenti finanzjarji, kostijiet u t-tariffi;

(c)

il-kriterji għall-valutazzjoni ta’ firxa ta’ strumenti finanzjarji disponibbli fis-suq;

(d)

il-kriterji biex tiġi evalwata l-konformità ta’ ditti li jirċievu inċentivi mal-obbligu li jaġixxu b’mod onest, ġust u professjonali b’konformità mal-aħjar interessi tal-klijent.

Fil-formulazzjoni tar-rekwiżiti għall-informazzjoni dwar strumenti finanzjarji fir-rigward tal-punt b tal-paragrafu 4, l-informazzjoni dwar l-istruttura tal-prodott għandu jkun inkluż, fejn ikun applikabbli, billi titqies kwalunkwe informazzjoni standardizzata relevanti skont il-liġi tal-Unjoni.

14.   L-atti delegati msemmija fil-paragrafu 13 għandhom iqisu:

(a)

in-natura tas-servizz/i offrut/i jew ipprovdut/i lill-klijent jew lill-klijent potenzjali, filwaqt li jitqiesu t-tip, l-għan, id-daqs u l-frekwenza tat-tranżazzjonijiet;

(b)

in-natura u l-firxa ta’ prodotti li jkunu qed jiġu offruti jew ikkunsidrati, inkluż tipi differenti ta’ strumenti finanzjarji;

(c)

in-natura mhux professjonali jew professjonali tal-klijent jew klijenti potenzjali, fil-każ tal-paragrafi 4 u 5, il-klassifikazzjoni tagħhom bħala kontropartijiet eliġibbli

Artikolu 25

Valutazzjoni tal-adattament u l-adegwatezza u r-rappurtar lill-klijenti

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li d-ditti ta’ investiment jiżguraw u juru fuq talba lill-awtoritajiet kompetenti li l-persuni fiżiċi li jagħtu l-pariri dwar l-investiment jew informazzjoni dwar strumenti finanzjarji, is-servizzi ta’ investiment jew is-servizzi anċillari lill-klijenti f’isem id-ditta ta’ investiment ikollhom l-għarfien u l-kompetenza meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 24 u dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw il-kriterji li għandhom jintużaw għal valutazzjoni ta’ tali għarfien u kompetenza.

2.   Meta tipprovdi pariri dwar l-investiment jew il-ġestjoni ta’ portafoll, id-ditta ta’ investiment għandha tikseb it-tagħrif meħtieġ dwar l-għarfien u l-esperjenza tal-klijent jew tal-klijent potenzjali fil-kamp ta’ investiment rilevanti għat-tip speċifiku tal-prodott jew tas-servizz, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dik il-persuna, inkluża l-abilità tiegħu li jġarrab it-telf, u l-għanijiet ta’ investiment tiegħu, inkluża t-tolleranza tiegħu għar-riskju, sabiex id-ditta ta’ investiment tkun tista’ tirrakkomanda lill-klijent jew lill-klijent potenzjali s-servizzi ta’ investiment u l-istrumenti finanzjarji li huma adattati għalih u, b’mod partikolari, huma konformi mat-tolleranza tiegħu għar-riskju u l-abilità li jġarrab it-telf.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta ditta ta’ investiment tipprovdi parir dwar l-investiment li jirrakkomanda pakkett ta’ servizzi jew prodotti marbuta flimkien skont l-Artikolu 24(11), il-pakkett globali ta’ prodotti flimkien ikun xieraq.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi d-ditti ta’ investiment, meta jkunu qegħdin jipprovdu servizzi ta’ investiment oħra għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 2, jistaqsu lill-klijent jew lill-klijent potenzjali rigward l-għarfien u l-esperjenza ta’ dik il-persuna fil-kamp ta’ investiment rilevanti għat-tip speċifiku tal-prodott jew servizz offrut jew mitlub sabiex id-ditta ta’ investiment tkun tista’ tivvaluta jekk is-servizz jew il-prodott ta’ investiment previst huwiex adattat għall-klijent. Meta pakkett ta’ servizzi jew prodotti jiġi previst skont l-Artikolu 24(11), il-valutazzjoni għandha tqis jekk hux xieraq il-pakkett globali ta’ prodotti flimkien.

Meta, fuq il-bażi tat-tagħrif li tingħata skont l-ewwel subparagrafu, ditta ta’ investiment tikkunsidra illi l-prodott jew is-servizz ma jkunx adattat għall-klijent jew għall-klijent potenzjali, id-ditta ta’ investiment għandha twissi lill-klijent jew lill-klijent potenzjali b’dan. Dik it-twissija tista’ tiġi pprovduta f’format standardizzat.

Meta l-klijenti jew il-klijenti potenzjali ma jipprovdux it-tagħrif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, jew meta ma jipprovdux biżżejjed tagħrif dwar l-għarfien u l-esperjenza tagħhom, id-ditta ta’ investiment għandha twissihom illi d-ditta ta’ investiment mhix f’qagħda li tistabbilixxi jekk is-servizz jew il-prodott previst huwiex adattat għalihom. Dik it-twissija tista’ tiġi pprovduta f’format standardizzat.

4.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lid-ditti ta’ investiment, meta jkunu qegħdin jipprovdu servizzi ta’ investiment li jikkonsistu biss fit-twettiq jew fir-riċezzjoni u t-trażmissjoni tal-ordnijiet tal-klijenti flimkien ma’ servizzi anċillari jew mingħajrhom, bl-esklużjoni tal-għoti ta’ krediti jew self kif speċifikat fit-Taqsima B.1. tal-Anness I li ma jkunux jikkonsistu mil-limiti tal-krediti eżistenti ta’ self, kontijiet kurrenti u faċilitajiet ta’ overdraft tal-klijenti, sabiex jipprovdu dawn is-servizzi ta’ investiment lill-klijenti tagħhom mingħajr il-ħtieġa li jiksbu t-tagħrif jew jagħmlu l-valutazzjoni pprovduta fil-paragrafu 3 meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

is-servizzi jirrelataw ma’ kwalunkwe wieħed mill-istrumenti finanzjarji li ġejjin:

(i)

l-ishma ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew f’suq ekwivalenti ta’ pajjiż terz jew f’MTF, meta dawk ikunu ishma f’kumpaniji, minbarra l-ishma f’impriżi għall-investiment kollettiv li ma jkunux tal-UCITS u l-ishma li jkun fihom derivattiv ġo fihom;

(ii)

il-bonds jew għamliet oħra ta’ dejn garantit ammessi għall-kummerċ f’suq regolat jew f’suq ekwivalenti ta’ pajjiż terz jew f’MTF, minbarra dawk li jkun fihom derivattiv ġo fihom jew li jinkorporaw struttura li tagħmilha diffiċli għall-klijent li jifhem ir-riskju involut;

(iii)

l-istrumenti tas-suq tal-flus, minbarra dawk li jkun fihom derivattiv ġo fihom jew li jinkorporaw struttura li tagħmilha diffiċli għall-klijent li jifhem ir-riskju involut;

(iv)

l-ishma jew l-unitajiet fl-UCITS, minbarra l-UCITS strutturati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 583/2010;

(v)

depożiti strutturati, esklużi dawk li jinkorporaw struttura li tagħmilha diffiċli li l-klijent jifhem ir-riskju tar-redditu jew l-ispiża tal-ħruġ tal-prodott qabel iż-żmien;

(vi)

strumenti finanzjarji oħra mhux kumplessi għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu.

Għall-finijiet ta’ dan il-punt, jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti u l-proċeduri stabbiliti taħt it-tielet u r-rabà subparagrafi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/71/KE, suq ta’ pajjiż terz għandu jiġi kkunsidrat li jkun ekwivalenti għal suq regolat.

(b)

is-servizz jiġi pprovdut fuq inizjattiva tal-klijent jew tal-klijent potenzjali;

(c)

il-klijent jew il-klijent potenzjali jkunu ġew mgħarrfa biċ-ċar illi fil-provvediment ta’ dak is-servizz, id-ditta ta’ investiment mhix meħtieġa tivvaluta kemm l-istrument finanzjarju jew is-servizz ipprovdut jew offrut hu adegwat u li għalhekk huma ma jibbenefikawx mill-protezzjoni korrispondenti tar-regoli rilevanti tal-kondotta tal-operat. Tali twissija tista’ tiġi pprovduta f’format standardizzat;

(d)

id-ditta ta’ investiment tikkonforma mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 23.

5.   Id-ditta ta’ investiment għandha tistabbilixxi reġistru li jinkludi d-dokument jew id-dokumenti miftiehma bejn id-ditta ta’ investiment u l-klijent li jiddikjaraw id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, u termini oħra li fuqhom id-ditta ta’ investiment se tipprovdi servizzi lill-klijent. Id-drittijiet u d-dmirijiet tal-partijiet fil-kuntratt jistgħu jiġu inkorporati b’riferiment għal dokumenti jew testi legali oħrajn.

6.   Id-ditta ta’ investiment għandha tipprovdi lill-klijent b’rapporti adegwati dwar is-servizz ipprovdut b’mod li jservi għal żmien twil. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu komunikazzjonijiet perjodiċi lill-klijenti, li jqisu t-tip u l-kumplessità tal-istrumenti finanzjarji involuti u n-natura tas-servizz mogħti lill-klijent u għandhom jinkludu, meta jkun applikabbli, l-ispejjeż assoċjati mat-tranżazzjonijiet u s-servizzi mwettqa f’isem il-klijent.

Meta tagħti parir dwar investiment, id-ditta ta’ investiment għandha, qabel ma ssir it-tranżazzjoni, tipprovdi lill-klijent b’dikjarazzjoni dwar l-adegwatezza f’mezz durabbli li tispeċifika l-parir mogħti u kif dak il-parir jissodisfa l-preferenzi, il-ħtiġijiet u karatteristiċi oħra tal-klijent mhux professjonali.

Fil-każ li l-ftehim għax-xiri jew il-bejgħ ta’ strument finanzjarju jiġi konkluż permezz ta’ komunikazzjoni b’distanza li tipprevjeni li ssir dikjarazzzjoni dwar l-adegwatezza minn qabel, id-ditta ta’ investiment tista’ tipprovdi dikjarazzjoni bil-miktub dwar l-adegwatezza b’mezz durabbli immedjatament wara li l-klijent ikun marbut b’xi ftehim, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-klijent ta kunsens biex jirċievi d-dikjarazzjoni dwar l-adegwatezza mingħajr dewmien żejjed wara l-konklużjoni tat-tranżazzjoni; u

(b)

id-ditta ta’ investiment tat lill-klijent l-għażla li jkun hemm dewmien għat-tranżazzjoni sabiex jirċievi minn qabel id-dikjarazzjoni dwar l-adegwatezza.

Fejn ditta ta’ investiment tipprovdi ġestjoni tal-portafolji jew infurmat lill-klijent li se twettaq valutazzjoni perjodika dwar l-adegwatezza, ir-rapport perjodiku għandu jkollu dikjarazzjoni aġġornata dwar kif l-investiment jissodisfa l-preferenzi, l-objettivi u karatteristiċi oħrajn tal-klijenti mhux professjonali.

7.   Jekk ftehim ta’ kreditu relatat mal-proprjetà residenzjali, li huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet rigward il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-konsumaturi stipulati fid-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (48), għandu bħala prerekwiżit l-għoti lil dak l-istess konsumatur ta’ servizz ta’ investiment fir-rigward ta’ bonds ipotekarji maħruġin speċifikament biex jiżguraw il-finanzjament u li jkollu termini identiċi għall-ftehim ta’ kreditu relatat mal-proprjetà residenzjali, sabiex is-self ikun pagabbli, iffinanzjat mill-ġdid jew mifdi, dak is-servizz m’għandux ikun suġġett għall-obbligi stipulati f’dan l-Artikolu.

8.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 li jiżguraw li d-ditti ta’ investiment jikkonformaw mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu meta jipprovdu servizzi ta’ investiment jew servizzi anċillari lill-klijenti tagħhom, inkluż it-tagħrif li għandu jinkiseb meta jiġu vvalutati l-adattament u l-adegwatezza tas-servizzi u l-istrumenti finanzjarji għall-klijenti tagħhom, il-kriterji għall-valutazzjoni ta’ strumenti finanzjarji mhux kumplessi għall-finijiet tal-punt (a)(vi) tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-kontenut u l-format tar-rekords u l-ftehimet għall-għoti ta’ servizzi lill-klijenti u rapporti perjodiċi lill-klijenti dwar is-servizzi pprovduti. Dawk l-atti delegati għandhom iqisu:

(a)

in-natura tas-servizz/i offrut/i jew ipprovdut/i lill-klijent jew lill-klijent potenzjali, filwaqt li jitqiesu t-tip, l-għan, id-daqs u l-frekwenza tat-tranżazzjonijiet;

(b)

in-natura u l-firxa tal-prodotti li jkunu qegħdin jiġu offruti jew ikkunsidrati, inklużi t-tipi differenti ta’ strumenti finanzjarji;

(c)

in-natura mhux professjonali jew professjonali tal-klijent jew klijenti potenzjali, fil-każ tal-paragrafu 6, il-klassifikazzjoni tagħhom bħala kontropartijiet eliġibbli.

9.   L-AETS għandha tadotta sat-3 ta' Jannar 2016 linji gwida li jispeċifikaw il-kriterji għall-valutazzjoni tal-għarfien u l-kompetenza meħtieġa skont il-paragrafu 1.

10.   L-AETS għandha tiżviluppa sat-3 ta' Jannar 2016, u taġġorna perjodikament, linji gwida għall-valutazzjoni ta’:

(a)

strumenti finanzjarji li jinkorporaw struttura li tagħmilha diffiċli għall-klijent li jifhem ir-riskju involut skont il-punti (a)(ii) u (a)(iii) tal-paragrafu 4;

(b)

depożiti strutturati li jinkorporaw struttura li tagħmilha diffiċli għall-klijent li jifhem ir-riskju tar-redditu jew l-ispiża tal-ħruġ mill-prodott qabel iż-żmien skont il-punt (a)(v) tal-paragrafu 4.

11.   L-AETS tista’ tiżviluppa linji gwida, u taġġornahom perjodikament, għall-valutazzjoni tal-istrumenti finanzjarji li jkunu qed jiġu kklassifikati bħala mhux kumplessi għall-għan tal-punt (a)(vi) tal-paragrafu 4, filwaqt li jitqiesu l-atti delegati adottati skont il-paragrafu 8.

Artikolu 26

L-għoti ta’ servizzi permezz ta’ ditta oħra ta’ investiment

L-Istati Membri għandhom jippermettu lil ditta ta’ investiment li, meta tirċievi struzzjoni biex tipprovdi servizzi ta’ investiment jew servizzi anċillari f’isem klijent permezz ta’ ditta oħra ta’ investiment, toqgħod fuq it-tagħrif dwar il-klijenti mibgħut minn din id-ditta l-oħra ta’ investiment. Id-ditta ta’ investiment li tkun bagħtet l-istruzzjonijiet bħala medjatur se tibqa’ responsabbli għall-kompletezza u l-eżattezza tat-tagħrif mibgħut.

Id-ditta ta’ investiment li tirċievi struzzjoni sabiex twettaq servizzi f’isem klijent b’dak il-mod għandha tkun kapaċi wkoll toqgħod fuq kull rakkomandazzjoni rigward is-servizz jew it-tranżazzjoni li tkun ingħatat lill-klijent minn ditta oħra ta’ investiment. Id-ditta ta’ investiment li tkun bagħtet l-istruzzjonijiet bħala medjatur se tibqa’ responsabbli minn kemm ikunu adegwati għall-klijent ir-rakkomandazzjonijiet jew il-pariri pprovduti.

Id-ditta ta’ investiment li tirċievi struzzjonijiet jew ordnijiet ta’ klijent permezz ta’ ditta oħra ta’ investiment għandha tibqa’ responsabbli għall-konklużjoni tas-servizz jew tat-tranżazzjoni, abbażi ta’ kull tagħrif jew rakkommandazzjoni ta’ dan it-tip, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan it-Titolu.

Artikolu 27

L-obbligu li jitwettqu l-ordnijiet fuq l-iktar termini favorevoli għall-klijent

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi d-ditti ta’ investimenti jieħdu l-passi suffiċjenti kollha sabiex, meta jwettqu l-ordnijiet, jiksbu l-aħjar riżultat possibbli għall-klijenti tagħhom, filwaqt li jqisu l-prezz, l-ispejjeż, il-ħeffa, il-probabbiltà tat-twettiq u tas-saldu, id-daqs, in-natura u kull kunsiderazzjoni oħra li tkun rilevanti għat-twettiq tal-ordni. Madankollu, meta jkun hemm struzzjoni speċifika mill-klijent, id-ditta ta’ investiment għandha twettaq l-ordni skont l-istruzzjoni speċifika.

Meta ditta ta’ investiment twettaq ordni f’isem klijent mhux professjonali, l-aħjar riżultat possibbli għandu jiġi determinat f’termini tal-kunsiderazzjoni totali, li tirrappreżenta l-prezz tal-istrument finanzjarju u l-ispejjeż relatati mat-twettiq, li għandhom jinkludu l-ispejjeż kollha mġarrba mill-klijent li huma relatati direttament mat-twettiq tal-ordni, inklużi t-tariffi taċ-ċentru tat-twettiq, tariffi tal-ikklerjar u s-saldu u kwalunkwe tariffi oħra mħallas lill-partijiet terzi involuti fit-twettiq tal-ordni.

Għall-għanijiet li jkun hemm l-aħjar riżultat possibbli skont l-ewwel subparagrafu fejn ikun hemm aktar minn post wieħed li jkun qed jikkompeti biex iwettaq ordni għal strument finanzjarju, sabiex jiġu vvalutati u mqabbla r-riżultati għall-klijent li jintlaħqu billi titwettaq l-ordni fuq kull wieħed mill-postijiet tat-twettiq imniżżla fil-politika tal-eżekuzzjoni tal-ordni tad-ditta ta’ investiment li jkun kapaċi jwettaq dik l-ordni, il-kummissjonijiet proprji tad-ditta ta’ investiment u l-ispejjeż għat-twettiq tal-ordni għal kull wieħed mill-postijiet tat-twettiq eliġibbli għandhom jitqiesu f’dik il-valutazzjoni.

2.   Ditta ta’ investiment m’għandhiex tirċievi xi remunerazzjoni, skont jew benefiċċju mhux monetarju biex tressaq ordnijiet tal-klijenti lejn ċentru ta’ negozjar jew post tat-twettiq partikolari li jikser ir-rekwiżiti dwar il-kunflitti ta’ interess jew inċentivi stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 16(3), u l-Artikoli 23 u 24.

3.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi għal strumenti finanzjarji suġġetti għall-obbligu tan-negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, kull ċentru ta’ negozjar u internalizzatur sistematiku u għal strumenti finanzjarji oħrajn, kull post tat-twettiq iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, bla ħlas, data dwar il-kwalità tat-twettiq tat-tranżazzjonijiet f’dak il-post tal-inqas darba fis-sena u li wara t-twettiq ta’ tanżazzjoni f’isem klijent id-ditta ta’ investiment għandha tinforma lill-klijent fejn tkun twettqet l-ordni. Ir-rapporti perjodiċi għandhom jinkludu dettalji dwar il-prezz, l-ispejjeż, il-ħeffa u l-probabbiltà tat-twettiq għal kull strument finanzjarju individwali.

4.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditti ta’ investiment jistabbilixxu u jimplimentaw arranġamenti effettivi sabiex jikkonformaw mal-paragrafu 1. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditti ta’ investiment jistabbilixxu u jimplimentaw politika tat-twettiq tal-ordnijiet sabiex ikunu jistgħu jiksbu, għall-ordnijiet tal-klijenti tagħhom, l-aħjar riżultat possibbli skont il-paragrafu 1.

5.   Il-politika tat-twettiq tal-ordnijiet għandha tinkludi, għal kull klassi ta’ strumenti finanzjarji, tagħrif dwar il-postijiet differenti fejn id-ditta ta’ investiment twettaq l-ordnijiet tal-klijenti tagħha u l-fatturi li jaffettwaw l-għażla tal-post tat-twettiq. Għandha mill-inqas tinkludi dawk il-postijiet li jgħinu lid-ditta ta’ investiment tikseb, fuq bażi konsistenti, l-aħjar riżultat possibbli għat-twettiq tal-ordnijiet tal-klijenti.

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi d-ditti ta’ investiment jipprovdu t-tagħrif ix-xieraq lill-klijenti tagħhom dwar il-politika tagħhom tat-twettiq tal-ordnijiet. Dak it-tagħrif għandu jispjega biċ-ċar, b’mod iddettaljat biżżejjed u b’mod li jista’ jinftiehem faċilment mill-klijenti, kif id-ditta ta’ investiment se twettaq l-ordnijiet għall-klijenti. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi d-ditti ta’ investiment jiksbu l-kunsens minn qabel tal-klijenti tagħhom dwar il-politika tagħhom tal-eżekuzzjoni tal-ordnijiet.

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi, meta politika tat-twettiq tal-ordnijiet tipprevedi l-possibbiltà li l-ordnijiet tal-klijenti jitwettqu ‘l barra miċ-ċentru ta’ negozjar, id-ditta ta’ investiment għandha, b’mod partikolari, tgħarraf lill-klijenti tagħha dwar dik il-possibbiltà. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi d-ditti ta’ investiment jiksbu l-kunsens espress minn qabel tal-klijenti tagħhom qabel ma jipproċedu bit-twettiq tal-ordnijiet tagħhom ‘il barra miċ-ċentru ta’ negozjar. Id-ditti ta’ investiment jistgħu jiksbu tali kunsens jew fil-għamla ta’ ftehim ġenerali jew fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet individwali.

6.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti ta’ investimentli jsegwu l-ordnijiet tal-klijenti biex jagħtu taqsira ta’ u jippubblikaw, fuq bażi annwali, għal kull klassi ta’ strumenti finanzjarji, l-aqwa ħames postijiet tat-twettiq f’termini ta’ volumi ta’ kummerċ fejn ikunu wettqu l-ordnijiet tal-klijenti fis-sena preċedenti u l-informazzjoni dwar il-kwalità tat-twettiq akkwistat.

7.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditti ta’ investiment li jwettqu l-ordnijiet tal-klijent li jimmonitorjaw l-effikaċja tal-arranġamenti tagħhom għat-twettiq tal-ordnijiet u tal-politika tat-twettiq tagħhom sabiex jidentifikaw u, fejn ikun xieraq, jikkoreġu kull nuqqas. B’mod partikolari, għandhom jivvalutaw, fuq bażi regolari, jekk il-postijiet tat-twettiq inklużi fil-politika tat-twettiq tal-ordnijiet, jipprovdux l-aħjar riżultat possibbli għall-klijent jew jekk hemmx bżonn li jagħmlu bidliet fl-arranġamenti tagħhom tat-twettiq, filwaqt li jqisu, fost l-oħrajn, l-informazzjoni ppubblikata skont il-paragrafi 3 u 6.L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti ta’ investiment jinnotifikaw lill-klijenti, li magħhom għandhom relazzjoni kontinwa ta’ klientela, dwar kull bidla materjali fl-arranġamenti tagħhom tat-twettiq tal-ordnijiet jew fil-politika tagħhom tat-twettiq.

8.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditti ta’ investimenti ikunu kapaċi juru lill-klijenti tagħhom, fuq talba ta’ dawn il-klijenti, illi jkunu wettqu l-ordnijiet tagħhom skont il-politika tat-twettiq tad-ditta ta’ investiment u biex juru lill-awtorità kompetenti, fuq talba tagħha, l-konformità tagħhom ma’ dan l-Artikolu.

9.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 dwar:

(a)

il-kriterji sabiex tiġi stabbilita l-importanza relattiva tal-fatturi differenti li, skont il-paragrafu 1, jistgħu jitqiesu sabiex jiġi stabbilit l-aħjar riżultat possibbli filwaqt li jitqiesu d-daqs u t-tip tal-ordni u n-natura tal-klijent bħala klijent fil-livell tal-konsumaturi jew klijent professjonali;

(b)

il-fatturi li jistgħu jitqiesu minn ditta ta’ investiment meta tkun qed tirrevedi l-arranġamenti tagħha tat-twettiq u ċ-ċirkustanzi li fihom jistgħu jkunu xierqa l-bidliet għal dawn l-arranġamenti. B’mod partikulari, il-fatturi sabiex jiġi stabbilit liema postijiet jgħinu lid-ditti ta’ investiment jiksbu, fuq bażi konsistenti, l-aħjar riżultat possibbli għat-twettiq tal-ordnijiet tal-klijenti;

(c)

in-natura u l-kobor tat-tagħrif li jrid jiġi pprovdut lill-klijenti dwar il-politiki tagħhom tat-twettiq, skont il-paragrafu 5.

10.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw:

(a)

il-kontenut speċifiku, il-format u l-perjodiċità tad-data marbuta mal-kwalità tat-twettiq li għandha tiġi ppubblikata skont il-paragrafu 3, filwaqt li jitqiesu t-tip ta’ post tat-twettiq u t-tip ta’ strument finanzjarju kkonċernat;

(b)

il-kontenut u l-format tat-tagħrif li d-ditti ta’ investiment għandhom jippubblikaw skont il-paragrafu 6.

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 28

Ir-regoli ta’ kif għandhom jiġu ttrattati l-ordnijiet tal-klijenti

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi d-ditti ta’ investiment li huma awtorizzati jwettqu ordnijiet f’isem il-klijenti jimplimentaw il-proċeduri u l-arranġamenti li jipprovdu t-twettiq fil-pront, ġust u bil-ħeffa tal-ordnijiet tal-klijenti, fejn jidħlu l-ordnijiet ta’ klijenti oħra jew l-interessi tal-kummerċ tad-ditta ta’ investiment.

Dawk il-proċeduri jew l-arranġamenti għandhom jippermettu t-twettiq ta’ ordnijiet tal-klijenti li mill-bqija jkunu komparabbli skont iż-żmien meta d-ditta ta’ investiment tirċevihom.

2.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi, fil-każ ta’ ordni tal-limitu ta’ klijent rigward ishma ammessi għall-kummerċ f’suq irregolat jew innegozjati f’ċentru ta’ negozjar li ma jkunux imwettqa minnufih skont il-kondizzjonijiet prevalenti tas-suq, id-ditti tal-investiment għandhom jieħdu miżuri, għajr jekk il-klijent jordnalhom espressament xorta oħra, sabiex jiffaċilitaw l-iktar twettiq bikri possibbli ta’ din l-ordni billi jagħmlu pubbliku minnufih din l-ordni tal-limitu tal-klijent f’manjiera li tkun aċċessibbli bla xkiel għal parteċipanti oħra fis-suq. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li d-ditti ta’ investiment jikkonformaw ma’ dak l-obbligu billi jittrażmettu l-ordni tal-klijent b’limitu għal ċentru ta’ negozjar. L-Istati Membri għandhom jipprevedu illi l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jirtiraw l-obbligu li tiġi ppubblikata ordni b’limitu tal-prezz li tkun kbira fid-daqs meta mqabbla mad-daqs normali tas-suq kif stabbilit skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 biex tiddefinixxi:

(a)

il-kundizzjonijiet u n-natura tal-proċeduri u l-arranġamenti li jwasslu għat-twettiq fil-pront, ġust u bil-ħeffa tal-ordnijiet tal-klijenti u s-sitwazzjonijiet li fihom id-ditti ta’ investiment jistgħu jiddevjaw b’mod raġonevoli mit-twettiq fil-pront jew it-tipi ta’ tranżazzjonijiet li għalihom id-ditti ta’ investiment jistgħu jagħmlu dan sabiex jiksbu termini iktar favorevoli għall-klijenti;

(b)

il-metodi differenti li permezz tagħhom ditta ta’ investiment tista’ tiġi meqjusa li tkun issodisfat l-obbligu tagħha li tiżvela lis-suq l-ordnijiet tal-klijent b’limitu tal-prezz li ma jkunux jistgħu jitwettqu minnufih.

Artikolu 29

L-obbligi tad-ditti ta’ investiment meta jaħtru aġenti marbuta

1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lil ditta ta’ investiment taħtar aġenti marbuta sabiex dawn jippromwovu s-servizzi tad-ditta ta’ investiment, jitolbu għall-kummerċ bil-ħerqa jew jirċievu ordnijiet mingħand il-klijenti jew il-klijenti potenzjali u jittrażmettuhom, jagħtu post lill-istrumenti finanzjarji u jipprovdu pariri rigward dawn l-istrumenti u s-servizzi finanzjarji offruti mid-ditta ta’ investiment.

2.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi meta ditta ta’ investiment tiddeċiedi li taħtar aġent marbut, hija tibqa’ responsabbli bis-sħiħ u mingħajr kundizzjoni għal kull azzjoni jew ommissjoni min-naħa tal-aġent marbut meta dan ikun qed jaġixxi f’isem id-ditta ta’ investiment. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditta ta’ investiment tiżgura illi aġent marbut jiżvela l-kapaċità li fiha jkun qiegħed jaġixxi u d-ditta ta’ investiment li jkun qiegħed jirrappreżenta meta jikkuntattja lil klijent jew klijent potenzjali jew qabel ma jibda jinnegozja magħhom.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu, skont l-Artikolu 16(6), (8) u (9), lill-aġenti marbuta rreġistrati fit-territorju tagħhom li jżommu l-flus u/jew l-istrumenti finanzjarji tal-klijenti f’isem jew fuq ir-responsabilità sħiħa tad-ditta ta’ investiment li għaliha jkunu qegħdin jaġixxu fit-territorju tagħhom jew, fil-każ ta’ ħidma li taqsam il-fruntieri, fit-territorju ta’ Stat Membru li jippermetti aġent marbut li jżommu l-flus tal-klijenti.

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditti ta’ investiment jimmonitorjaw l-attivitajiet tal-aġenti marbuta tagħhom sabiex jiżguraw li huma jkomplu jikkonformaw ma’ din id-Direttiva meta jaġixxu permezz tal-aġenti marbuta.

3.   L-aġenti marbuta għandhom ikunu rreġistrati fir-reġistru pubbliku fl-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti. L-AETS għandha tippubblika fuq is-sit elettroniku tagħha referenzi jew hyperlinks għar-reġistri pubbliċi stabbiliti skont dan l-Artikolu mill-Istati Membri li jiddeċiedu li jippermettu lid-ditti ta’ investiment jaħtru aġenti marbuta.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-aġenti marbuta jiġu ammessi fir-reġistru pubbliku biss jekk ikun ġie stabbilit li huma ta’ fama tajba biżżejjed u li għandhom l-għarfien u l-kompetenza ġenerali, kummerċjali u professjonali xieraq sabiex ikunu kapaċi jrendu s-servizz ta’ investiment jew is-servizz anċillari u jikkomunikaw sewwa t-tagħrif rilevanti kollu dwar is-servizz propost lill-klijent jew lill-klijent potenzjali.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, suġġetta għal kontroll xieraq, ditta ta’ investiment tista’ tivverifika jekk l-aġenti marbuta li tkun ħatret humiex ta’ fama tajba biżżejjed u għandhomx l-għarfien u l-kompetenza kif imsemmi fit-tieni subparagrafu.

Ir-reġistru għandu jiġi aġġornat fuq bażi regolari. Għandu jkun disponibbli pubblikament għall-konsultazzjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi d-ditti ta’ investiment li jaħtru aġenti marbuta jieħdu l-miżuri adegwati sabiex jevitaw kull impatt negattiv li jista’ jkollhom l-attivitajiet tal-aġent marbut li mhumiex koperti minn din id-Direttiva fuq l-attivitajiet imwettqa mill-aġent marbut f’isem id-ditta ta’ investiment.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jikkollaboraw mad-ditti ta’ investiment u mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, mal-assoċjazzjonijiet tagħhom u ma’ entitajiet oħra huma u jirreġistraw l-aġenti marbuta u huma u jimmonitorjaw il-konformità tal-aġenti marbuta mar-rekwiżiti tal-paragrafu 3. B’mod partikolari, l-aġenti marbuta jistgħu jiġu rreġistrati minn ditta ta’ investiment, minn istituzzjoni ta’ kreditu jew mill-assoċjazzjonijiet tagħhom u minn entitajiet oħra taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti.

5.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi d-ditti ta’ investiment jaħtru biss aġenti marbuta mdaħħla fir-reġistri pubbliċi msemmija fil-paragrafu 3.

6.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar stretti minn dawk mogħtija f’dan l-Artikolu jew iżidu aktar rekwiżiti għall-aġenti marbuta rreġistrati fil-ġuriżdizzjoni tagħhom.

Artikolu 30

It-tranżazzjonijiet imwettqa mal-kontropartijiet eliġibbli

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi d-ditti ta’ investiment li jkunu awtorizzati jwettqu ordnijiet f’isem il-klijenti u/jew jinnegozjaw f’isimhom u/jew jirċievu u jittrażmettu l-ordnijiet, jistgħu jaslu għal tranżazzjonijiet ma’ kontropartijiet eliġibbli jew jidħlu għalihom magħhom mingħajr ma jkunu obbligati jikkonformaw mal-obbligi skont l-Artikolu 24, ħlief għall-paragrafi 4 u 5, l-Artikolu 25, ħlief għall-paragrafu 6, l-Artikolu 27 u l-Artikolu 28(1) rigward dawn it-tranżazzjonijiet jew rigward kull servizz sekondarju li jkollu x’jaqsam direttament ma’ dawn it-tranżazzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-relazzjoni tagħhom mal-kontropartijiet eliġibbli, id-ditti ta’ investiment jaġixxu b’mod onest, ġust u professjonali u jikkomunikaw b’mod li jkun ġust, ċar u li ma jqarraqx, filwaqt li jqisu n-natura tal-kontroparti eliġibbli u tan-negozju tagħha.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala kontropartijiet eliġibbli għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu lid-ditti ta’ investiment, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni, l-UCITS u l-kumpaniji tal-ġestjoni tagħhom, il-fondi tal-pensjonijiet u l-kumpaniji tal-ġestjoni tagħhom, l-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra awtorizzati jew irregolati bil-liġi tal-Unjoni jew taħt il-liġijiet nazzjonali ta’ Stat Membru, il-gvernijiet nazzjonali u l-uffiċċji korrispondenti tagħhom inklużi l-korpi pubbliċi li jittrattaw id-dejn pubbliku fil-livell nazzjonali, il-banek ċentrali u l-organizzazzjonijiet sopranazzjonali.

Il-klassifika bħala kontroparti eliġibbli skont l-ewwel subparagrafu għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ dawn l-entitajiet li jitolbu, jew f’għamla ġenerali jew fuq il-bażi ta’ negozju negozju, trattament bħala klijenti li l-kummerċ tagħhom mad-ditta ta’ investiment huwa soġġett għall-Artikoli 24, 25, 27 u 28.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu wkoll bħala kontropartijiet eliġibbli impriżi oħra li jissodisfaw rekwiżiti proporzjonati stabbiliti minn qabel, inklużi limiti kwantitattivi. Fil-każ ta’ tranżazzjoni li fiha l-kontropartijiet prospettivi jkunu jinsabu f’ġuriżdizzjonijiet differenti, id-ditta ta’ investiment għandha tiddifferixxi għall-istatus tal-impriża l-oħra kif stabbilit mil-liġijiet jew mill-miżuri tal-Istat Membru li fih tkun stabbilita din l-impriża.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, meta tidħol fi tranżazzjonijiet skont il-paragrafu 1 ma’ dawn l-impriżi, id-ditta ta’ investiment tikseb il-konferma espressa mill-kontroparti prospettiva li hija taqbel li tiġi ttrattata bħala kontroparti eliġibbli. L-Istati Membri għandhom jippermettu lid-ditta ta’ investiment tikseb dik il-konferma jew fl-għamla ta’ ftehim ġenerali jew għal kull tranżazzjoni individwali.

4.   L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu bħala kontropartijiet eliġibbli entitajiet ta’ pajjiżi terzi li jkunu ekwivalenti għal dawk il-kategoriji ta’ entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2.

L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu wkoll bħala kontropartijiet eliġibbli intrapriżi ta’ pajjiżi terzi bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 3 bl-istess kundizzjonijiet u suġġetti għall-istess rekwiżiti bħal dawk stabbiliti fil-paragrafu 3.

5.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 biex tispeċifika:

(a)

il-proċeduri għat-talba għal trattament bħala klijenti skont il-paragrafu 2;

(b)

il-proċeduri sabiex tinkiseb il-konferma espressa mingħand il-kontropartijiet prospettivi skont il-paragrafu 3;

(c)

ir-rekwiżiti proporzjonati prestabbiliti, inklużi l-limiti kwantitattivi li jippermettu li impriża tiġi kkunsidrata li tkun kontroparti eliġibbli skont il-paragrafu 3.

Taqsima 3

It-trasparenza u l-integrità tas-suq

Artikolu 31

Il-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli tal-MTF jew l-OTF u ma’ obbligi legali oħra

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi d-ditti ta’ investiment u l-operaturi tas-suq li jkunu qed iħaddmu MTF jew OTF jistabbilixxu u jżommu arranġamenti u proċeduri effettivi, rilevanti għall-MTF jew OTF, għall-monitoraġġ regolari tal-konformità mill-membri jew il-parteċipanti jew l-utenti tagħhom mar-regoli tagħha. Id-ditti ta’ investiment u l-operaturi tas-suq li jkunu qed iħaddmu MTF jew OTF għandhom jimmonitorjaw l-ordnijiet mibgħuta, inklużi kanċellazzjonijiet u t-tranżazzjonijiet imwettqa mill-membri jew il-parteċipanti jew l-utenti tagħhom skont is-sistemi tagħhom sabiex jidentifikaw il-ksur ta’ dawk ir-regoli, kundizzjonijiet diżordinati tan-negozji, imġiba li tista’ tindika mġiba pprojbita taħt ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 jew tħarbit fis-sistema b’rabta ma’ strument finanzjarju u għandhom jużaw ir-riżorsa neċessarja biex jiżguraw li tali monitoraġġ ikun effettiv.

2.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditti ta’ investiment jew lill-operaturi tas-suq li jkunu qed iħaddmu MTF jew OTF biex jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tagħhom immedjatament dwar ksur sinifikanti tar-regoli tagħha jew kundizzjonijiet diżordinati ta’ negozjar jew imġiba li tista’ tindika mġiba pprojbita taħt ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 jew tħarbit fis-sistema b’rabta ma’ strument finanzjarju.

L-awtoritajiet kompetenti tad-ditti ta’ investiment u l-operaturi tas-suq li jħaddmu MTF jew OTF għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra.

B’rabta ma’ kondotta li tista’ tindika mġiba pprojbita taħt ir-Regolament (UE) Nru 596/2014, awtorità kompetenti trid tkun konvinta li tali mġiba tkun qed issir jew tkun saret qabel ma tavża lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-AETS.

3.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu wkoll illi d-ditti ta’ investiment u l-operaturi tas-suq li jkunu qed iħaddmu MTF jew OTF ifornu wkoll mingħajr dewmien żejjedit-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 2 lill-awtorità li hija kompetenti sabiex jiġi investigat u mħarrek l-abbuż tas-suq u li huma jagħtu assistenza sħiħa lil din tal-aħħar fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-abbuż tas-suq li jkun qed iseħħ fis-sistemi tagħhom jew permezz tas-sistemi tagħhom.

4.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 biex tiddetermina ċ-ċirkustanzi li jwasslu għal rekwiżit ta’ informazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 32

Sospensjoni u tneħħija ta’ strumenti finanzjarji minn negozjar dwar MTF jew OTF

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 69(2) li titlob is-sospensjoni jew it-tneħħija ta’ strument finanzjaru min-negozjar, ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li jħaddem MTF jew OTF jista’ jissospendi jew ineħħi min-negozjar strument finanzjarju li ma jkunx għadu jikkonforma mar-regoli tal-MTF jew l-OTF sakemm tali sospensjoni jew tneħħija x’aktarx ma jkunx ser jikkawża ħsara sinifikanti lill-interessi tal-investituri jew lill-funzjonament ordnat tas-suq.

2.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw li ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li jopera MTF jew OTF li jissospendi jew ineħħi mill-kummerċ strument finanzjarju jissospendi jew ineħħi wkoll id-derivattivi msemmija fil-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I li huma marbutin jew li jirreferu għal dak l-istrument finanzjarju fejn meħtieġ biex jappoġġa l-objettivi tas-sospensjoni jew it-tneħħija tal-istrument finanzjarju sottostanti. Id-ditta ta’ investiment jew l-operatur tas-suq li jopera MTF jew OTF għandu jippubblika d-deċiżjoni tiegħu dwar is-sospensjoni jew it-tneħħija tal-istrument finanzjarju u dwar kwalunkwe derivattiva u jikkomunika d-deċiżjonijiet relevanti lill-awtorità kompetenti tiegħu.

L-awtorità kompetenti, li s-sospensjoni jew it-tneħħija oriġinat fil-ġurisdizzjoni tagħha, għandha teħtieġ li swieq regolati, MTFs oħrajn, OTFs oħrajn u internalizzaturi sistematiċi, li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni u jinnegozjaw l-istess strument finanzjarju jew derivattivi msemmija fil-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I għal din id-Direttiva li huma marbuta ma’ dak l-istrument finanzjarju jew jirreferu għalih, jissospendu jew ineħħu wkoll dak l-istrument finanzjarju jew derivattivi min-negozjar, fejn is-sospensjoni jew it-tneħħija tkun minħabba suspett ta’ abbuż tas-suq, jew offerta ta’ akkwiżizzjoni jew in-nuqqas ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni privileġġata dwar l-emittent jew l-istrument finanzjarju bi ksur tal-Artikoli 7 u 17 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 minbarra fejn tali sospensjoni jew tneħħija tista’ tikkawża dannu konsiderevoli lill-interessi tal-investituri jew lill-funzjonament xieraq tas-suq.

L-awtorità kompetenti għandha tagħmel immedjatament pubblika u tikkomunika lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn deċiżjoni bħal din.

L-awtoritajiet kompetenti notifikati tal-Istati Membri l-oħra għandhom jeħtieġu li swieq regolati, MTFs oħrajn, OTFs oħrajn u internalizzaturi sistematiċi, li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u jinnegozjaw l-istess strument finanzjarju jew derivattivi msemmija fil-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I li huma marbuta ma’ dak l-istrument finanzjarju jew jirreferu għalih, jissospendu jew ineħħu wkoll dak l-istrument finanzjarju jew derivattivi min-negozjar, fejn is-sospensjoni jew it-tneħħija tkun minħabba suspett ta’ abbuż tas-suq, jew offerta ta’ akkwiżizzjoni jew in-nuqqas ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni privileġġata dwar l-emittent jew l-istrument finanzjarju bi ksur tal-Artikoli 7 u 17 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 minbarra fejn tali sospensjoni jew tneħħija tista’ tikkawża dannu konsiderevoli lill-interessi tal-investituri jew lill-funzjonament xieraq tas-suq.

Kull awtorità kompetenti notifikata għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra, inkluża spjegazzjoni jekk id-deċiżjoni kienet li ma tissospendix jew tneħħix min-negozjar l-istrument finanzjarju jew derivattivi msemmija fil-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I li huma marbuta jew jirreferu għal dak l-istrument finanzjarju.

Dan il-paragrafu japplika wkoll meta s-sospensjoni min-negozjar ta’ strument finanzjarju jew derivattivi msemmija fil-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I li huma marbuta jew jirreferu għal dak l-istrument finanzjarju titneħħa.

Il-proċedura ta’ notifika msemmija f’dan il-paragrafu għandha tapplika wkoll fil-każ fejn id-deċiżjoni li jiġu sospiżi jew imneħħija min-negozjar strument finanzjarju jew derivattivi msemmija fil-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I li huma marbuta jew jirreferu għal dak l-istrument finanzjarju tittieħed mill-awtorità kompetenti skont il-punti (m) u (n) tal-Artikolu 69(2).

Biex ikun żgurat li l-obbligu ta’ sospensjoni jew tneħħija min-negozjar ta’ tali derivattivi jiġi applikat proporzjonalment, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tkompli tispeċifika l-każijiet fejn il-konnessjoni bejn derivattiv kif imsemmi fil-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I relatati ma’ strument finanzjarju jew li jirreferu għalih, li ġie sospiż jew imneħħi min-negozjar, u l-istrument finanzjarju oriġinali jimplika li d-derivattiv ukoll għandu jiġi sospiż jew imneħħi min-negozjar, sabiex jinkiseb l-objettiv tas-sospensjoni jew it-tneħħija tal-istrument finanzjarju sottostanti.

L-AETS għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw il-format u ż-żmien tal-komunikazzjonijiet u l-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-3 ta' Jannar 2016.

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 biex telenka s-sitwazzjonijiet li jikkostittwixxu ħsara sinifikanti għall-interessi tal-investituri u l-funzjonament tajjeb tas-suq imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

Taqsima 4

Swieq tal-SMEs li qed jespandu

Artikolu 33

Swieq tal-SMEs li qed jespandu

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-operatur ta’ MTF jista’ japplika mal-awtorità kompetenti tal-post li jkollu l-MTF reġistrat bħala suq tal-SMEs li qed jespandi.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-awtorità kompetenti tal-post tista’ tirreġistra l-MTF bħala suq tal-SMEs li qed jespandi jekk l-awtorità kompetenti tirċievi applikazzjoni referuta fil-paragrafu 1 u hija ssodisfata li hemm konformità mar-rekwiżiti fil-paragrafu 3 b’rabta ma’ MTF.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżgura li l-MTFs ikunu suġġetti għal regoli, sistemi u proċeduri effettivi li jiżguraw konformità ma’ li ġej:

(a)

mill-inqas 50 % tal-emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għan-negozjar dwar l-MTF huma SMEs meta l-MTF tkun reġistrata bħala suq tal-SMEs li qed jespandi fi kwalunkwe sena kalendarja minn dakinhar ‘il quddiem;

(b)

kienu stabbiliti kriterja xierqa għall-ammissjoni inizjali u kontinwa tal-kummerċ tal-istrumenti finanzjarji ta’ emittenti fis-suq;

(c)

fl-ammissjoni inizjali tal-kummerċ tal-istrumenti finanzjarji jkun hemm biżżejjed informazzjoni ppubblikata biex tgħin lill-investituri jagħmlu ġudizzju infurmat dwar jekk jinvestux jew le fl-istrumenti finanzjarji, jew dokument proprju ta’ ammissjoni jew prospectus jekk ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2003/71/KE huma applikabbli fir-rigward ta’ offerta pubblika li ssir b’rabta mal-ammissjoni għall-kummerċ inizjali tal-kummerċ tal-istrument finanzjarju dwar l-MTF;

(d)

hemm rappurtar finanzjarju perjodiku kontinwu xieraq minn jew f’isem emittent fis-suq, pereżempju rapporti annwali awditjati;

(e)

emittenti fis-suq kif definiti fil-punt (21) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, persuni li jeżerċitaw responsabilitajiet maniġerjali kif definiti fil-punt (25) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u persuni assoċjati mill-qrib magħhom kif definiti fil-punt (26) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 huma konformi mar-rekwiżiti rilevanti applikabbli għalihom taħt ir-Regolament (EU) Nru 596/2014;

(f)

informazzjoni regolatorja li tikkonċerna l-emittenti fis-suq tkun maħżuna u disseminata lill-pubbliku;

(g)

hemm sistemi u kontrolli effettivi mmirati biex jipprevjenu u jikxfu abbuż tas-suq f’dak is-suq kif meħtieġ taħt ir-Regolament (UE) Nru 596/2014.

4.   Il-kriterji tal-paragrafu 3 huma bla ħsara għall-konformità mad-ditta ta’ investiment jew l-operatur tas-suq li jħaddem l-MTF ma’ obbligi oħra skont din id-Direttiva, relevanti għat-tħaddim tal-MTFs. Huma ma jipprevjenux ukoll lid-ditta ta’ investiment jew lill-operatur tas-suq li jħaddem l-MTF milli jimponi rekwiżiti addizzjonali għal dawk speċifikati f’dak il-paragrafu.

5.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-awtorità kompetenti tal-post tista’ tiddereġistra l-MTF bħala suq tal-SMEs li qed jespandi fi kwalunkwe każ minn dawn li ġejjin:

(a)

id-ditta ta’ investiment jew l-operatur tas-suq li jħaddem is-suq japplika għad-dereġistrazzjoni tagħha;

(b)

ma hemmx iktar konformità mar-rekwiżit tal-paragrafu 3 b’rabta mal-MTF.

6.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li jekk awtorità kompetenti tad-domiċilju tirreġistra jew tiddereġistra MTF bħala suq tal-SMEs li qed jespandi skont dan l-Artikolu din għandha tinforma mill-iktar fis possibbli lill-AETS b’dik ir-reġistrazzjoni jew dereġistrazzjoni. L-AETS għandha tippubblika fuq is-sit elettroniku tagħha lista tas-swieq tal-SMEs li qed jespandu u għandha żżomm dik il-lista aġġornata.

7.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw li fejn strument finanzjarju ta’ emittent huwa ammess għall-kummerċ f’suq tal-SMEs li qed jespandi wieħed, l-istrument finanzjarju jista’ wkoll ikun innegozjat f’suq tal-SMEs li qed jespandi ieħor unikament fejn l-emittent ikun ġie infurmat u ma jkunx oġġezzjona. Fit-tali każ madankollu, l-emittent ma għandux ikun suġġett għal kwalunkwe obbligu ieħor marbut mal-governanza korporattiva jew kxif inizjali, kontinwu jew ad hoc fir-rigward tas-suq tal-SMEs li qed jespandi tal-aħħar.

8.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 li jkomplu jispeċifikaw ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Il-miżuri għandhom iqisu l-ħtieġa li jinżammu livelli għolja ta’ protezzjoni tal-investitur li jippromwovu l-fiduċja tal-investitur f’dawk is-swieq filwaqt li jimminimizzaw il-piżijiet amministrattivi għall-emittenti fis-suq, u li d-deregistrazzjonijiet ma jseħħux u li lanqas ma jiġu rifjutati reġistrazzjonijiet bħala riżultat ta’ nuqqas sempliċiment temporanju li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

IL-KAPITOLU III

Id-Drittijiet tad-ditti ta’ investiment

Artikolu 34

Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u attivitajiet ta’ investiment

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull ditta ta’ investiment awtorizzata u ssorveljata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor skont din id-Direttiva, u, għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, skont id-Direttiva 2013/36/UE, tista’ tipprovdi b’mod liberu s-servizzi ta’ investiment u/jew twettaq l-attivitajiet ta’ investiment kif ukoll servizzi anċillari fit-territorji tagħhom, sakemm dawn is-servizzi u l-attivitajiet ikunu koperti mill-awtorizzazzjoni tagħha. Is-servizzi sekondarji jistgħu jiġu pprovduti biss flimkien ma’ servizz u/jew attività ta’ investiment.

L-Istati Membri ma għandhomx jimponu rekwiżiti addizzjonali fuq din id-ditta ta’ investiment jew l-istituzzjoni ta’ kreditu rigward il-materji koperti minn din id-Direttiva.

2.   Kull ditta ta’ investiment li tkun tixtieq tipprovdi servizzi jew attivitajiet fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għall-ewwel darba, jew li tixtieq tibdel il-firxa ta’ servizzi jew attivitajiet ipprovduti b’dan il-mod, għandha tikkomunika t-tagħrif li ġej lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħha:

(a)

l-Istat Membru li fih ikun beħsiebha topera;

(b)

programm tal-operazzjonijiet li jiddikjara b’mod partikolari s-servizzi u/jew l-attivitajiet ta’ investiment kif ukoll is-servizzi anċillari li jkun beħsiebha tipprovdi fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru u jekk ikunx beħsiebha tagħmel dan permezz tal-użu ta’ aġenti marbuta, stabbiliti fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħha. F’każ li ditta ta’ investiment ikun beħsiebha tuża l-aġenti marbuta, hija għandha tikkomunika l-identità ta’ dawk l-aġenti marbuta lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħha.

Fejn ditta ta’ investiment ikun beħsiebha tuża aġenti marbuta stabbiliti fl-Istat Membri ta’ Domiċilju tagħha, fit-territorju tal-Istati Membri li fihom tkun biħsiebha tipprovdi s-servizzi, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tad-ditta ta’ investiment għandha, fi żmien xahar minn meta tirċievi t-tagħrif kollu, tikkomunika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru Ospitanti maħtura bħala l-punt ta’ kuntatt skont l-Artikolu 79(1) l-identità tal-aġenti marbuta li d-ditta ta’ investiment ikun biħsiebha tuża biex tipprovdi s-servizzi u l-attivitajiet ta’ investiment f’dak l-Istat Membru. L-Istat Membru ospitanti għandu jippubblika t-tali informazzjoni. L-AETS tista’ titlob aċċess għal dik l-informazzjoni skont il-proċedura u skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha, fi żmien xahar minn meta tirċievi t-tagħrif, tibagħtu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti maħtura bħala l-punt ta’ kuntatt skont l-Artikolu 79(1). Id-ditta ta’ investiment tista’ mbagħad tibda tipprovdi s-s-servizzi u l-attivitajiet ta’ investiment ikkonċernati fl-Istat Membru ospitanti.

4.   F’każ li jkun hemm bidla f’kull waħda mill-partikularitajiet ikkomunikati skont il-paragrafu 2, ditta ta’ investiment għandha tagħti avviż bil-miktub dwar dik il-bidla lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju mill-inqas xahar qabel ma timplimenta l-bidla. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti b’dik il-bidla.

5.   Kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu li tixtieq tipprovdi servizzi jew attivitajiet ta’ investiment skont il-paragrafu 1 permezz ta’ aġenti marbuta għandha tikkomunika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju bl-identità ta’ dawk l-aġenti marbuta.

Fejn l-istituzzjoni ta’ kreditu beħsiebha tuża aġenti marbuta, stabbiliti fl-Istat Membru tad-domiċilju fit-territorju tal-Istati Membri li fihom biħsiebha tipprovdi servizzi, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-istituzzjoni ta’ kreditu għandha, fi żmien xahar minn meta tirċievi l-informazzjoni kollha, tikkomunika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru Ospitanti maħtur bħala punt ta’ kuntatt skont l-Artikolu 79(1) l-identità tal-aġenti marbuta li l-istituzzjoni ta’ kreditu biħsiebha tuża biex tipprovdi s-servizzi f’dak l-Istat Membru. L-Istat Membru ospitanti għandu jippubblika t-tali informazzjoni.

6.   L-Istati Membri għandhom, mingħajr iktar rekwiżiti legali jew amministrattivi, jippermettu lid-ditti ta’ investiment u lill-operaturi tas-suq li jħaddmu MTFs u OTFs minn Stati Membri oħra jipprovdu l-arranġamenti x-xierqa fit-territorju tagħhom sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għal u l-kummerċ f’dawk is-swieq mill-utenti remoti, mill-membri jew mill-parteċipanti stabbiliti fit-territorju tagħhom.

7.   Id-ditta ta’ investiment jew l-operatur tas-suq li jħaddem MTF jew OTF għandu jikkomunika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu l-Istat Membru li fih ikun beħsiebu jipprovdi dawn l-arranġamenti. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika, fi żmien xahar, dak it-tagħrif lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih l-MTF jew l-OTF ikun beħsiebha tipprovdi dawn l-arranġamenti.

Fuq talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-MTF u mingħajr dewmien żejjed, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-MTF għandha tikkomunika l-identità tal-membri remoti jew tal-parteċipanti tal-MTF stabbiliti f’dak l-Istat Membru.

8.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika t-tagħrif li għandu jiġi nnotifikat skont il-paragrafi 2, 4, 5 u 7.

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

9.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi formoli, mudelli u proċeduri standard għat-trażmissjoni tat-tagħrif skont il-paragrafi 3, 4, 5 u 7.

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2016.

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 35

Stabbiliment ta’ fergħa

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jistgħu jiġu pprovduti servizzi u/jew attivitajiet ta’ investiment kif ukoll servizzi anċillari fit-territorji tagħhom skont din id-Direttiva u skont id-Direttiva 2013/36/UE permezz tad-dritt ta’ stabbiliment, hux bl-istabbiliment ta’ fergħa jew bl-użu ta’ aġent marbut stabbilit fi Stat Membri barra l-Istat Membru tad-Domiċilju tiegħu, sakemm dawn is-servizzi u l-attivitajiet ikunu koperti mill-awtorizzazzjoni mogħtija lid-ditta ta’ investiment jew lill-istituzzjoni ta’ kreditu fl-Istat Membru tad-domiċilju. Is-servizzi sekondarji jistgħu jiġu pprovduti biss flimkien ma’ servizz u/jew attività ta’ investiment.

L-Istati Membri ma għandhomx jimponu rekwiżiti addizzjonali għajr dawk permessi skont il-paragrafu 8, fuq l-organizzazzjoni u l-operat tal-fergħa rigward il-materji koperti minn din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lil kull ditta ta’ investiment li tkun tixtieq tistabbilixxi fergħa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew tuża aġenti marbuta stabbiliti fi Stat Membru ieħor li fih ma tkunx stabbilixxiet fergħa, l-ewwel tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħha u tipprovdilha t-tagħrif li ġej:

(a)

l-Istati Membri li fit-territorju tagħhom tippjana li tistabbilixxi fergħa jew l-Istati Membri li fihom ma tkunx stabbilixxiet fergħa iżda tkun qed tippjana li tuża aġenti marbuta stabbiliti hemm;

(b)

programm ta’ operazzjonijiet li jistabbilixxi fost l-oħrajn is-servizzi u/jew l-attivitajiet ta’ investiment kif ukoll is-servizzi anċillari li għandhom jiġu offruti;

(c)

fejn stabbilita, l-istruttura organizzattiva tal-fergħa u li jindika jekk il-fergħa jkunx beħsiebha tuża aġenti marbuta u jagħti l-identità ta’ dawk l-aġenti marbuta;

(d)

fejn aġenti marbuta jridu jintużaw fi Stat Membru li fih ditta ta’ investiment ma tkunx stabbilixxiet fergħa, deskrizzjoni tal-użu maħsub tal-aġent(i) marbut(a) u struttura organizzattiva, inkluż linji ta’ rappurtar, li jindikaw xi rwol għandu l-aġent(i) fl-istruttura korporattiva tad-ditta ta’ investiment;

(e)

l-indirizz fl-Istat Membru ospitanti minn fejn jistgħu jinkisbu d-dokumenti;

(f)

l-ismijiet ta’ dawk responsabbli għall-ġestjoni tal-fergħa jew tal-aġent marbut.

Fejn ditta ta’ investiment tuża aġent marbut stabbilit fi Stat Membru ‘l barra mill-Istat Membru tad-domiċilju tagħha, dan l-aġent marbut għandu jiġi assimilat fil-fergħa, fejn tkun ġiet stabbilita waħda, u jkun x’ikun il-każ għandu jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li għandhom x’jaqsmu mal-friegħi.

3.   Għajr jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jkollha raġuni tiddubita mill-adegwatezza tal-istruttura amministrattiva jew mis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ ditta ta’ investiment, filwaqt li tqis l-attivitajiet previsti, hija għandha, fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi t-tagħrif kollu, tikkomunika dan it-tagħrif lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti maħtura bħala l-punt ta’ kuntatt skont l-Artikolu 79(1) u tgħarraf lid-ditta ta’ investiment konċernata kif jixraq.

4.   Minbarra t-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika d-dettalji tal-iskema akkreditata tal-kumpens li d-ditta ta’ investiment tkun membru fiha skont id-Direttiva 97/9/KE lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti. Fl-eventwalità ta’ bidla fil-partikolaritajiet, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti kif jixraq.

5.   Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tirrifjuta li tikkomunika t-tagħrif lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, għandha tagħti r-raġunijiet tar-rifjut tagħha lid-ditta ta’ investiment konċernata fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi t-tagħrif kollu.

6.   Malli tirċievi komunikazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jew, fin-nuqqas ta’ din il-komunikazzjoni minn din tal-aħħar, l-iktar tard wara xahrejn mid-data tat-trażmissjoni tal-komunikazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, il-fergħa tista’ tiġi stabbilita u tibda l-kummerċ.

7.   Kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu li tixtieq tuża aġent marbut stabbilit fi Stat Membru barra l-Istat Membru tad-domiċilju tagħha biex jipprovdi servizzi u/jew attivitajiet ta’ investiment kif ukoll servizzi anċillari skont din id-Direttiva għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħha u tagħtiha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

Sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha raġuni li tiddubita l-adegwatezza tal-istruttura amministrattiva jew is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, hija għandha, fi żmien tliet xhur li tirċievi l-informazzjoni kollha, tikkomunika dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti maħtur bħala punt ta’ kuntatt skont l-Artikolu 79(1) u tinforma lill-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata b’dan.

Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tirrifjuta li tikkomunika l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, hija għandha tagħti r-raġunijiet għal dan ir-rifjut lill-istituzzjoni tal-kreditu kkonċernat fi żmien tliet xhur li tirċievi l-informazzjoni kollha.

Kif jirċievi komunikazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kompetenti, jew wara li jonqos milli jirċievi t-tali komunikazzjoni minn dan tal-aħħar wara iktar minn xahrejn mid-data ta’ trażmissjoni tal-komunikazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, l-aġent marbut jista’ jibda l-kummerċ. It-tali aġent marbut għandu jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva marbuta mal-fergħat.

8.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun tinsab il-fergħa għandha tieħu r-responsabbiltà sabiex jiġi żgurat illi s-servizzi pprovduti mill-fergħa fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 24, 25, 27, 28, ta’ din id-Direttiva u fl-Artikoli 14 sa 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u l-miżuri adottati skont dawn id-dispożizzjonijiet mill-Istat Membru ospitanti jkunu permessi skont l-Artikolu 24(12).

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun tinsab il-fergħa għandu jkollha d-dritt teżamina l-arranġamenti tal-fergħa u titlob dawk il-bidliet li jkunu meħtieġa strettament sabiex jgħinu lill-awtorità kompetenti tinforza l-obbligi skont l-Artikoli 24, 25, 27, 28, ta’ din id-Direttiva u fl-Artikoli 14 sa 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u fil-miżuri adottati skont dawn id-dispożizzjonijiet rigward is-servizzi u/jew l-attivitajiet ipprovduti mill-fergħa fit-territorju tal-awtorità kompetenti.

9.   Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jipprovdi illi, meta ditta ta’ investiment awtorizzata fi Stat Membru ieħor tkun stabbilixxiet fergħa ġewwa t-territorju tiegħu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tad-ditta ta’ investiment tista’ twettaq, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tagħha u wara li tgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, spezzjonijiet fuq il-post f’din il-fergħa.

10.   Fl-eventwalità ta’ bidla f’kull tagħrif ikkomunikat skont il-paragrafu 2, ditta ta’ investiment għandha tagħti avviż bil-miktub dwar dik il-bidla lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju mill-inqas xahar qabel ma timplimenta l-bidla. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti wkoll għandha tiġi mgħarrfa b’din il-bidla mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju.

11.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika t-tagħrif li għandu jiġi nnotifikat skont il-paragrafi 2, 4, 7 u 10.

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

12.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi formoli, mudelli u proċeduri standard għat-trażmissjoni tat-tagħrif skont il-paragrafi 3, 4, 7 u 10.

L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-3 ta' Jannar 2016.

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 36

L-aċċess għas-swieq regolati

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti ta’ investiment minn Stati Membri oħra li jkunu awtorizzati jwettqu ordnijiet tal-klijenti jew jinnegozjaw f’isimhom ikollhom id-dritt għas-sħubija fis-swieq regolati stabbiliti fit-territorju tagħhom jew aċċess għalihom permezz ta’ kull wieħed mill-arranġamenti li ġejjin:

(a)

direttament, billi jistabbilixxu friegħi fl-Istati Membri ospitanti;

(b)

billi jsiru membri remoti tas-suq regolat jew ikollhom aċċess remot għalih mingħajr ma jkollhom għalfejn ikunu stabbiliti fl-Istat Membru tad-domiċilju tas-suq regolat, f’każijiet fejn il-proċeduri u s-sistemi tal-kummerċ tas-suq ikkonċernat ma jkunux jeħtieġu preżenza fiżika sabiex jiġu konklużi tranżazzjonijiet fih.

2.   L-Istati Membri ma għandhom jimponu l-ebda rekwiżit regolatorju jew amministrattiv addizzjonali, rigward il-materji koperti minn din id-Direttiva, fuq id-ditti ta’ investiment li jkunu qed jeżerċitaw id-dritt ikkonferit bil-paragrafu 1.

Artikolu 37

L-aċċess għall-faċilitajiet ta’ CCP, ta’ kklerjar u ta’ saldu u d-dritt li tingħażel is-sistema ta’ saldu

1.   Mingħajr preġudizzji għat-Titoli III, IV jew V tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi d-ditti ta’ investiment minn Stati Membri oħra jkollhom id-dritt tal-aċċess dirett u indirett għas-sistemi ta’ CCP, ta’ kklerjar u ta’ saldu fit-territorju tagħhom sabiex jiġu ffinalizzati jew tiġi rranġata l-finalizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji.

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi l-aċċess dirett jew indirett ta’ dawn id-ditti ta’ investiment għal dawn il-faċilitajiet ikun suġġett għall-istess kriterji mhux diskriminatorji, trasparenti u oġġettivi li japplikaw għall-membri jew għall-parteċipanti lokali. L-Istati Membri ma għandhomx jirrestrinġu l-użu ta’ dawn il-faċilitajiet għall-ikklerjar u s-saldu tat-tranżazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji mwettqa f’ċentru ta’ negozjar fit-territorju tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li s-swieq regolati fit-territorju tagħhom joffru lill-membri jew lill-parteċipanti kollha tagħhom id-dritt li jaħtru s-sistema għas-saldu tat-tranżazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji mwettqa f’dak is-suq regolat, suġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

dawk ir-rabtiet u l-arranġamenti bejn is-sistema tas-saldu maħtura u kull sistema jew faċilità oħra meħtieġa sabiex ikun żgurat is-saldu ekonomiku u effiċjenti tat-tranżazzjoni kkonċernata;

(b)

qbil mill-awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tas-suq regolat li l-kundizzjonijiet tekniċi għas-saldu tat-tranżazzjonijiet konklużi fis-suq regolat permezz ta’ sistema tas-saldu oħra differenti minn dik maħtura mis-suq regolat ikunu tali li jippermettu l-funzjonament bla xkiel u bl-ordni tas-swieq finanzjarji.

Dik il-valutazzjoni tas-suq regolat mill-awtorità kompetenti għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-banek ċentrali nazzjonali bħala sorveljanti tas-sistemi tas-saldu jew ta’ awtoritajiet superviżorji oħrajn b’kompetenza b’rabta ma’ dawn is-sistemi. L-awtorità kompetenti għandha tqis is-sorveljanza/is-superviżjoni diġà eżerċitata minn dawn l-istituzzjonijiet sabiex tevita d-duplikazzjoni mhix dovuta tal-kontrolli.

Artikolu 38

Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-arranġamenti tas-CCPs, tal-ikklerjar u tas-saldu fir-rigward tal-MTFs

1.   L-Istati Membri ma għandhomx jipprevjenu d-ditti ta’ investiment u l-operaturi tas-suq li jħaddmu MTF milli jidħlu f’arranġamenti xierqa ma’ CCP jew ma’ ċentru tal-ikklerjar u ma’ sistema tas-saldu ta’ Stat Membru ieħor bil-ħsieb li jipprovdu għall-ikklerjar u/jew għas-saldu ta’ wħud mit-tranżazzjonijiet jew tat-tranżazzjonijiet kollha konklużi mill-membri jew mill-parteċipanti fis-sistemi tagħhom.

2.   L-awtorità kompetenti tad-ditti ta’ investiment u tal-operaturi tas-suq li jħaddmu MTF ma jistgħux jopponu l-użu ta’ CCP, ċentri tal-ikklerjar u/jew sistemi tas-saldu fi Stat Membru ieħor għajr meta meħtieġ, b’mod li jista’ jintwera, sabiex jinżamm il-funzjonament bl-ordni ta’ dak l-MTF u filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet tas-sistemi tas-saldu stabbiliti fl-Artikolu 37(2).

Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni mhix dovuta tal-kontrolli, l-awtorità kompetenti għandha tqis is-sorveljanza u s-superviżjoni tas-sistema tal-ikklerjar u tas-saldu diġà eżerċitata mill-banek ċentrali nazzjonali bħala sorveljanti tas-sistemi tal-ikklerjar u tas-saldu jew minn awtoritajiet superviżorji oħrajn b’kompetenza fir-rigward ta’ tali sistemi.

KAPITOLU IV

Forniment ta’ servizzi u attivitajiet ta’ investiment minn ditti ta’ pajjiż terz

Taqsima 1

Forniment ta’ servizzi jew twettiq ta’ attivitajiet permezz tal-istabbiliment ta’ fergħa

Artikolu 39

Stabbiliment ta’ fergħa

1.   Stat Membru jista’ jesiġi li ditta ta’ pajjiż terz li jkollha l-intenzjoni li tforni servizzi ta’ investiment jew twettaq attivitajiet ta’ investiment b’xi servizzi anċillari jew mingħajrhom lil klijenti mhux professjonali jew lil klijenti professjonali skont it-tifsira tat-Taqsima II tal-Anness II fit-territorju tiegħu tistabbilixxi fergħa f’dak l-Istat Membru.

2.   Fejn Stati Membru jesiġi li ditta ta’ pajjiż terz li jkollha l-intenzjoni li tipprovdi servizzi ta’ investiment jew twettaq attivitajiet ta’ investiment b’xi servizzi anċillari jew mingħajrhom fit-territorju tiegħu tistabbilixxita’ fergħa, il-fergħa għandha takkwista awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti ta’ daw l-Istat Membru skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-għoti ta’ servizzi li għalihom id-ditta ta’ pajjiż terz titlob awtorizzazzjoni tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni u superviżjoni fil-pajjiż terz fejn id-ditta tiġi stabbilita u d-ditta li qed tagħmel it-talba tkun awtorizzata kif inhu xieraq, fejn l-awtorità kompetenti tqis debitament kwalunkwe rakkomandazzjoni FATF fil-kuntest ta’ ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu;

(b)

arranġamenti ta’ kooperazzjoni, li jinkludu dispożizzjonijiet li jirregolaw l-iskambju tal-informazzjoni biex tkun ippriservata l-integrità tas-suq u l-protezzjoni tal-investitur, huma fis-seħħ bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri fejn tkun se tiġi stabbilita l-fergħa u l-awtoritajiet superviżorji kompetenti tal-pajjiż terz fejn hija stabbilita d-ditta;

(c)

biżżejjed kapital inizjali għad-dispożizzjoni ħielsa tal-fergħa;

(d)

persuna waħda jew iktar jinħatru biex ikunu responsabbli għall-ġestjoni tal-fergħa u li dawn kollha jikkonformaw mar-rekwiżit stipulat skont l-Artikolu 9(1);

(e)

il-pajjiż terz fejn hija stabbilita d-ditta ta’ pajjiż terz iffirma ftehim mal-Istat Membru fejn għandha tkun stabbilita l-fergħa, li huwa konformi b’mod sħiħ mal-istandards stipulati fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni dwar it-Tassazzjoni fuq il-Mudell tal-OECD dwar id-Dħul u l-Kapital u jiżgura skambju effettiv tal-informazzjoni fi kwistjonijijiet tat-tassazzjoni, inkluż, jekk hemm, ftehimiet fiskali multilaterali;

(f)

id-ditta tappartjeni għal skema ta’ kumpens tal-investitur awtorizzata jew rikonoxxuta skont id-Direttiva 97/9/KE.

3.   Id-ditta ta’ pajjiż terz imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tippreżenta l-applikazzjoni tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun beħsiebha tistabbilixxi fergħa.

Artikolu 40

Obbligu li tingħata informazzjoni

Ditta ta’ pajjiż terz li jkollha l-ħsieb li tikseb awtorizzazzjoni għall-forniment ta’ kwalunkwe servizz ta’ investiment jew għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ investiment flimkien ma’ jew mingħajr kwalunkwe servizz anċillari fit-territorju ta’ Stat Membru permezz ta’ fergħa għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru b’dan li ġej:

(a)

l-isem tal-awtorità responsabbli għas-superviżjoni tagħha fil-pajjiż terz konċernat. Meta iktar minn awtorità waħda hija responsabbli għas-superviżjoni, għandhom jingħataw id-dettalji tal-oqsma rispettivi ta’ kompetenza;

(b)

id-dettalji relevanti kollha tad-ditta (isem, forma legali, uffiċċju reġistrat u indirizz, membri tal-korp maniġerjali, azzjonisti relevanti) u programm tal-operat li jispeċifika is-servizzi u/jew l-attivitajiet ta’ investiment kif ukoll is-servizzi anċillari li għandhom ikunu pprovduti u l-istruttura organizzattiva tal-fergħa, inkluża deskrizzjoni ta’ kwalunkwe outsourcing lill-partijiet terzi ta’ funzjonijiet operattivi essenzjali;

(c)

l-isem tal-persuni responsabbli għall-immaniġġar tal-fergħa u d-dokumenti relevanti li juru konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 9(1);

(d)

informazzjoni dwar il-kapital inizjali għad-dispożizzjoni ħielsa tal-fergħa.

Artikolu 41

Għoti ta’ awtorizzazzjoni

1.   L-awtorita kompetenti tal-Istat Membru fejn id-ditta ta’ pajjiż terz tkun stabbilixxiet jew ikollha l-intenzjoni li tistabbilixxi l-fergħa tagħha għandha tagħti biss l-awtorizzazzjoni meta l-awtorità kompetenti hija ssodisfata li:

(a)

l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 39 huma ssodisfati; u

(b)

il-fergħa tad-ditta ta’ pajjiż terz se tkun kapaċi li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2.

L-awtorità kompetenti għandha tinforma lid-ditta tal-pajjiż terz, fi żmien sitt xhur mis-sottomissjoni ta’ applikazzjoni kompluta, jekk ingħatatx l-awtorizzazzjoni jew le.

2.   Il-fergħa tad-ditta ta’ pajjiż terz awtorizzata skont il-paragrafu 1, għandha tkun konformi mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 16 sa 20, 23, 24, 25 u 27, l-Artikolu 28(1) u l-Artikoli 30, 31 u 32, ta’ din id-Direttiva u fl-Artikoli 3 sa 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u l-miżuri adotti f’konformita’ magħhom u għandha tkun suġġetti għas-superviżjoni tal-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn tingħata l-awtorizzazzjoni.

L-Istati Membri ma għandhom jimponu l-ebda rekwiżit addizzjonali fuq l-organizzazzjoni u t-twettiq tal-fergħa fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva u ma għandhom jittrattaw l-ebda fergħa ta’ ditti ta’ pajjiż terz b’mod anqas favorevoli minn ditti tal-Unjoni.

Artikolu 42

Għoti ta’ servizzi fuq l-inizjattiva esklużiva tal-klijent

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn klijent mhux professjonali jew klijent professjonali fit-tifsira tat-Taqsima II tal-Anness II stabbilit jew li jinsab fl-Unjoni jibda fuq l-inizjattiva esklużiva tiegħu l-għoti ta’ servizz jew attività ta’ investiment minn ditta ta’ pajjiż terz, ir-rekwiżit għall-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 39 ma għandux japplika għall-għoti ta’ dak is-servizz jew attività mid-ditta tal-pajjiż terz lil dik il-persuna inkluża relazzjoni marbuta speċifikament mal-għoti ta’ dak is-servizz jew attività. Inizjattiva minn tali klijenti ma għandhiex tagħti s-setgħa lid-ditta ta’ pajjiż terz biex tikkummerċjalizza b’mod ieħor mhux permezz tal-fergħa, fejn wieħed huwa meħtieġ, skont il-liġi nazzjonali, kategoriji ġodda ta’ prodotti ta’ investiment jew servizzi ta’ investiment lil dak il-klijent.

Taqsima 2

Irtirar tal-awtorizzazzjonijiet

Artikolu 43

Irtirar tal-awtorizzazzjonijiet

L-awtorità kompetenti li tat l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 41, tista’ tirtira l-awtorizzazzjoni mogħtija lil ditta ta’ pajjiż terz jekk it-tali ditta:

(a)

ma tagħmilx użu mill-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar, espressament tirrinunzja l-awtorizzazzjoni jew ma pprovdiet l-ebda servizzi ta’ investiment jew ma wettqet l-ebda attività ta’ investiment għas-sitt xhur preċedenti, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ipprovda għall-awtorizzazzjoni biex tintilef fit-tali każijiet;

(b)

ikun kiseb l-awtorizzazzjoni billi jkun għamel dikjarazzjonijiet foloz jew permezz ta’ kull mezz ieħor mhux regolari;

(c)

ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet li bihom tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni;

(d)

kisret serjament u sistematikament id-dispożizzjonijiet adotti skont din id-Direttiva li tirregola l-kundizzjonijiet operatorji għad-ditti ta’ investiment u applikabbli għad-ditti ta’ pajjiż terz;

(e)

taqa’ f’wieħed mill-każijiet fejn il-liġi nazzjonali, fir-rigward ta’ kwistjonijiet ‘il barra mill-ambitu ta’ din id-Direttiva, tipprovdi għall-irtirar.

TITOLU III

IS-SWIEQ IRREGOLATI

Artikolu 44

L-awtorizzazzjoni u l-liġi applikabbli

1.   L-Istati Membri għandhom jirriżervaw l-awtorizzazzjoni bħala suq regolat għal dawk is-sistemi li jikkonformaw ma’ dan it-Titolu.

L-awtorizzazzjoni bħala suq regolat għandha tingħata biss meta l-awtorità kompetenti tkun issodisfata illi kemm l-operatur tas-suq kif ukoll is-sistemi tas-suq regolat jikkonformaw għall-inqas mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan it-Titolu.

Fil-każ li suq regolat ikun persuna ġuridika u jkun amministrat jew imħaddem minn operatur tas-suq għajr is-suq regolat innifsu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif l-obbligi differenti imposti fuq l-operatur tas-suq skont din id-Direttiva għandhom jiġu allokati bejn is-suq regolat u l-operatur tas-suq.

L-operatur tas-suq għandu jipprovdi t-tagħrif kollu, inkluż programm tal-operazzjonijiet tiegħu li jagħti, fost ħwejjeġ oħra, it-tipi ta’ kummerċ previsti u l-istruttura organizzattiva, meħtieġ biex jgħin lill-awtorità kompetenti tissodisfa ruħha li d-ditta ta’ investiment tkun għamlet, fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni inizjali, l-arranġamenti meħtieġa kollha biex tissodisfa l-obbligi tagħha skont dan it-Titolu.

2.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lill-operatur tas-suq iwettaq kompiti li għandhom x’jaqsmu mal-organizzazzjoni u l-operat tas-suq regolat taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-awtoritajiet kompetenti jirrevedu b’mod regolari l-konformità tas-swieq regolati ma’ dan it-Titolu. Għandhom jiżguraw ukoll illi l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw il-fatt li s-swieq regolati jikkonformaw il-ħin kollu mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni inizjali stabbiliti skont dan it-Titolu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-operatur tas-suq ikun responsabbli li jiżgura illi s-suq regolat li huwa jamministra jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati f’dan it-Titolu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll illi l-operatur tas-suq ikun intitolat jeżerċita d-drittijiet li jikkorrispondu mas-suq regolat li jamministra bis-saħħa ta’ din id-Direttiva.

4.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jew tad-Direttiva 2014/57/UE, il-liġijiet pubbliċi li jirregolaw il-kummerċ imwettaq skont is-sistemi tas-suq regolat għandhom ikunu dawk tal-Istat Membru tad-domiċilju tas-suq regolat.

5.   L-awtorità kompetenti tista’ tirtira l-awtorizzazzjoni maħruġa lil suq regolat meta dan:

(a)

ma jagħmilx użu mill-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar, jirrinunzja espressament għall-awtorizzazzjoni jew ma jkunx ħadem fis-sitt xhur ta’ qabel, għajr jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun ipprovda illi f’dawn il-każijiet l-awtorizzazzjoni tiskadi;

(b)

ikun kiseb l-awtorizzazzjoni billi jkun għamel dikjarazzjonijiet foloz jew permezz ta’ kull mezz ieħor mhux regolari;

(c)

ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet li bihom tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni;

(d)

ikun kiser b’mod gravi u sistematiku d-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva jew ir-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(e)

jaqa’ taħt xi wieħed mill-każijiet li fihom il-liġijiet nazzjonali jipprevedu l-irtirar.

6.   L-AETS għandha tiġi nnotifikata bi kwalunkwe rtirar ta’ awtorizzazzjoni.

Artikolu 45

Ir-rekwiżiti għall-korp maniġerjali ta’ operatur tas-suq

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-membri kollha tal-korp maniġerjali ta’ kwalunkwe operatur tas-suq għandhom ikunu f’kull ħin ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed, ikollhom biżżejjed għarfien, ħiliet u esperjenza biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom. Il-kompożizzjoni ġenerali tal-korp maniġerjali għandha tirrifletti firxa adegwatament wiesgħa ta’ esperjenza.

2.   Il-membri tal-korp maniġerjali għandhom, b’mod partikolari, jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

Il-membri kollha tal-korp maniġerjali għandhom jiddedikaw biżżejjed ħin biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom fl-operatur tas-suq. L-għadd ta’ karigi ta’ direttur li membru tal-korp maniġerjali jista’ jkollu, fi kwalunkwe entità legali, fl-istess waqt għandu jqis iċ-ċirkostanzi individwali u n-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-operatur ta’ suq.

Sakemm ma jkunux qed jirrappreżentaw Stat Membru, il-membri tal-korp maniġerjali ta’ operaturi tas-suq li huma sinifikanti f’dawk li huma d-daqs, l-organizzazzjoni interna u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom ma għandux ikollhom pożizzjonijiet fl-istess ħin li jaqbżu aktar minn kombinazzjoni waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

kariga ta’ direttur eżekuttiv wieħed b’żewġ karigi ta’ direttur mhux eżekuttivi;

(ii)

erba’ karigi ta’ direttur mhux eżekuttiv.

Karigi ta’ direttur eżekuttivi u mhux eżekuttivi fl-istess grupp jew f’impriżi fejn l-operatur tas-suq jkollu parteċipazzjoni kwalifikattiva għandhom jitqiesu li jkunu kariga ta’ direttur waħda.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw membri tal-korp maniġerjali biex ikollhom kariga addizzjonali ta’ direttur mhux eżekuttiv. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw b’mod regolari lill-AETS dwar tali awtorizzazzjonijiet.

Direttorati fl-organizzazzjonijiet li ma għandhomx objettivi predominantament kummerċjali għandhom ikunu eżenti mil-limiti fuq in-numru ta’ direttorati li jista’ jkollu membru ta’ korp maniġerjali.

(b)

Il-korp maniġerjali għandu jkollu għarfien, ħiliet u esperjenza kollettivi adegwati biex ikun jista’ jifhem l-attivitajiet tal-operatur tas-suq, inklużi r-riskji ewlenin.

(c)

Kull membru tal-korp maniġerjali għandu jaġixxi b’onestà, integrità u indipendenza fil-ħsieb biex jivvaluta u jikkontesta b’mod effikaċi d-deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni għolja fejn meħtieġ u biex jissorvelja u jwettaq monitoraġġ effikaċi fuq it-teħid ta’ deċizjonijiet.

3.   L-operaturi tas-suq għandhom jiddedikaw riżorsi umani u finanzjarji adegwati għall-induzzjoni u t-taħriġ tal-membri tal-korp maniġerjali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-suq li huma sinifikanti f’termini tad-daqs, l-organizzazzjoni interna tagħhom u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom jistabbilixxu kumitat ta’ nominazzjoni magħmul minn membri tal-korp maniġerjali li ma jwettqu l-ebda funzjoni eżekuttiva fl-operatur tas-suq kkonċernata.

Il-kumitat tan-nominazzjoni għandu jwettaq dan li ġej:

(a)

jidentifika u jirrakkomanda, għall-approvazzjoni tal-korp maniġerjali jew għall-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali, kandidati sabiex jimtlew il-postijiet battala fil-korp maniġerjali. Meta jagħmel dan, il-kumitat tan-nominazzjoni għandu jevalwa l-bilanċ tal-għarfien, il-ħiliet, id-diversità u l-esperjenza tal-korp maniġerjali. Barra minn hekk, il-kumitat għandu jħejji deskrizzjoni tar-rwoli u l-kapaċitajiet għal ħatra partikolari, u jivvaluta l-impenn tal-ħin mistenni. Barra minn hekk, il-kumitat tan-nominazzjoni għandu jiddeċiedi dwar mira għar-rappreżentazzjoni tal-ġeneru mhux rappreżentat biżżejjed fil-korp maniġerjali u jħejji politika dwar kif jiżdied l-għadd tal-ġeneru mhux rappreżentat biżżejjed fil-korp maniġerjali sabiex tintlaħaq dik il-mira;

(b)

huwa għandu jivvaluta perjodikament, u tal-inqas kull sena, l-istruttura, id-daqs, il-kompożizzjoni u l-prestazzjoni tal-korp maniġerjali u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-korp maniġerjali fir-rigward ta’ kwalunkwe bidla;

(c)

huwa għandu jivvaluta perjodikament, u tal-inqas darba f’sena, l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza tal-membri individwali tal-korp maniġerjali u tal-korp maniġerjali kollettivament, u jinforma lill-korp maniġerjali b’dan;

(d)

jirrieżamina perjodikament il-politika tal-korp maniġerjali għall-għażla u n-nomina tal-amministrazzjoni għolja u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-korp maniġerjali.

Fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu, il-kumitat ta’ nominazzjoni għandu, sa fejn ikun possibbli u fuq bażi kontinwa, jieħu kont tal-ħtieġa li jiġi żgurat li t-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-korp maniġerjali ma jkun iddominat mill-ebda individwu jew grupp żgħir ta’ individwi b’mod li jkun ta’ ħsara għall-interessi tal-operatur tas-suq inġenerali.

Fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu, il-kumitat ta’ nomina għandu jkun jista’ juża kwalunkwe forma ta’ riżorsi li jqis xierqa, inkluż parir estern.

Fejn, skont il-liġi nazzjonali, il-korp maniġerjali ma jkollu l-ebda kompetenza fil-proċess tal-għażla u l-ħatra ta’ kwalunkwe membru tiegħu, dan il-paragrafu m’għandux japplika.

5.   L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jeħtieġu li l-operaturi tas-suq u l-kumitati ta’ ħatra rispettivi tagħhom jużaw persuni b’sett wiesa’ ta’ kwalitajiet u kompetenzi meta jirreklutaw membri għall-korp maniġerjali u għal dak l-għan biex jistabbilixxu politika li tippromwovi d-diversità fil-korp maniġerjali.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp maniġerjali tal-operatur tas-suq jiddefinixxi u jissorvejla l-implimentazzjoni tal-arranġamenti tal-governanza li jiżguraw ġestjoni effettiva u prudenti ta’ organizzazzjoni inkluża s-segregazzjoni tad-dmirijiet fl-organizzazzjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess, b’mod li jippromwovi l-integrità tas-suq.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp maniġerjali jissorvelja u jivvaluta perjodikament l-effettività tal-arranġamenti ta’ governanza tal-operatur tas-suq u jieħu l-passi meħtieġa biex jindirizza kwalunkwe nuqqas.

Membri tal-korp maniġerjali għandu jkollhom aċċess adegwat għall-informazzjoni u d-dokumenti li huma meħtieġa biex jissorveljaw u jimmonitorjaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali.

7.   L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta awtorizzazzjoni jekk ma tkunx sodisfatta illi l-membri tal-korp maniġerjali tal-operatur tas-suq għandhom reputazzjoni tajba biżżejjed, għandhom biżżejjed għarfien, kapaċitajiet u esperjenza, u jiddedikaw biżżejjed ħin għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, jew jekk ikun hemm raġunijiet oġġettivi u li jistgħu jintwerew sabiex temmen illi l-korp maniġerjali tal-operatur tas-suq jista’ jkun ta’ theddida għall-ġestjoni effettiva, soda u prudenti tagħha u għall-kunsiderazzjoni adegwata tal-interessi tal-klijenti tagħha u tal-integrità tas-suq.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-proċess tal-awtorizzazzjoni ta’ suq regolat, il-persuna jew persuni li effettivament jidderieġu l-operat u l-operat ta’ suq regolat li diġà huwa awtorizzat skont din id-Direttiva huma meqjusa li jkunu konformi mar-rekwiżiti mressqa fil-paragrafu 1.

8.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operatur tas-suq javża lill-awtorità kompetenti bl-identità tal-membri kollha tal-korp maniġerjali u bi kwalunkwe bidla għas-sħubija tiegħu, flimkien mal-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikun ivvalutat jekk l-operatur tas-suq jikkonformax mal-paragrafi 1 sa 5.

9.   L-AETS għandha toħroġ linji gwida dwar dan li ġej:

(a)

il-kunċett ta’ impenn suffiċjenti tal-ħin iddedikat ta’ membru tal-korp maniġerjali biex iwettaq il-funzjonijiet ta’ dak il-membru, b’rabta maċ-ċirkustanzi individwali u n-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-operatur tas-suq;

(b)

il-kunċett ta’ għarfien, ħiliet u esperjenza kollettivi adegwati tal-korp maniġerjali kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2;

(c)

il-kunċett ta’ onestà, integrità u indipendenza tal-ħsieb ta’ membru tal-korp maniġerjali kif imsemmi fil- punt (c) tal-paragrafu 2;

(d)

il-kunċett ta’ riżorsi umani u finanzjarji adegwati ddedikati għat-trawwim u t-taħriġ tal-membri tal-korp maniġerjali kif imsemmi fil-paragrafu 3;

(e)

il-kunċett ta’ diversità li għandha titqies fl-għażla tal-membri tal-korp maniġerjali kif imsemmi fil-paragrafu 5.

L-AETS għandha toħroġ dawk il-linji gwida sat-3 ta' Jannar 2016.

Artikolu 46

Ir-rekwiżiti li għandhom x’jaqsmu mal-persuni li jeżerċitaw influwenza sinifikanti fuq il-ġestjoni tas-suq regolat

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-persuni li jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw, direttament jew indirettament, influwenza sinifikanti fuq il-ġestjoni tas-suq regolat ikunu xierqa.

2.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operatur tas-suq regolat:

(a)

jipprovdi lill-awtorità kompetenti u jippubblika t-tagħrif li jirrigwarda s-sjieda tas-suq regolat u/jew tal-operatur tas-suq, u b’mod partikulari, l-identità u d-daqs tal-interessi ta’ kull parti li tkun f’pożizzjoni li teżerċita influwenza sinifikanti fuq il-ġestjoni;

(b)

jgħarraf lill-awtorità kompetenti u jippubblika kull trasferiment tas-sjieda li jwassal għal bidla fl-identità tal-persuni li jeżerċitaw influwenza sinifikanti fuq l-operat tas-suq regolat.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta li tapprova l-bidliet proposti għall-interessi kontrollanti tas-suq regolat u/jew tal-operatur tas-suq meta jkun hemm raġunijiet oġġettivi u li jistgħu jintwerew sabiex temmen illi dawn jistgħu joħolqu theddida għall-ġestjoni soda u prudenti tas-suq regolat.

Artikolu 47

Ir-rekwiżiti organizzattivi

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li s-suq regolat:

(a)

ikollu l-arranġamenti sabiex jidentifika b’mod ċar u jamministra l-konsegwenzi negattivi potenzjali, għall-operat tas-suq regolat jew għall-membri jew għall-parteċipanti tiegħu, ta’ kull kunflitt ta’ interess bejn l-interessi tas-suq regolat, tas-sidien tiegħu jew tal-operatur tas-suq tiegħu u l-funzjonament sod tas-suq regolat, u b’mod partikulari meta dawn il-kunflitti ta’ interess jistgħu jkunu ta’ preġudizzju għat-twettiq ta’ kull funzjoni ddelegata lis-suq regolat mill-awtorità kompetenti;

(b)

ikun mgħammar b’mod adegwat sabiex jamministra r-riskji li għalihom ikun espost, jimplimenta l-arranġamenti u s-sistemi x-xierqa sabiex jidentifika r-riskji sinifikanti kollha għall-operat tiegħu u jqiegħed fis-seħħ miżuri effettivi sabiex itaffi dawn ir-riskji;

(c)

ikollu arranġamenti għall-ġestjoni soda tal-operat tekniku tas-sistema, inkluż l-istabbiliment ta’ arranġamenti effettivi ta’ kontinġenza sabiex ilaħħaq mar-riskji ta’ diżordni fis-sistema;

(d)

ikollu regoli u proċeduri trasparenti u mhux diskrezzjonali li jipprovdu għall-kummerċ ġust u bl-ordni u jistabbilixxu kriterji oġġettivi għall-eżekuzzjoni effiċjenti tal-ordnijiet;

(e)

ikollu arranġamenti effettivi sabiex jiffaċilita l-finalizzazzjoni effiċjenti u f’waqtha tat-tranżazzjonijiet imwettqa skont is-sistemi tiegħu;

(f)

ikollu disponibbli, meta jingħata l-awtorizzazzjoni u fuq bażi kontinwa, biżżejjed riżorsi finanzjarji sabiex jiffaċilita l-funzjonament bl-ordni tiegħu, filwaqt li jitqiesu n-natura u l-kobor tat-tranżazzjonijiet konklużi fis-suq u l-firxa u l-livell tar-riskji li għalihom ikun espost.

2.   L-Istati Membri m’għandhomx jippermettu lill-operaturi tas-suq li jeżegwixxu ordnijiet ta’ klijenti kontra l-kapital proprjetarju jew jidħlu f’negozjar b’“matched principle” għal kwalunkwe suq regolat li joperaw fih.

Artikolu 48

Resiljenza tas-sistemi, salvaviti u negozjar elettroniku

1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw li s-suq regolat ikollu fis-seħħ sistemi, proċeduri u arranġamenti li jiżguraw li s-sistemi tan-negozjar tiegħu huma resilejnti, għandhom biżżejjed kapaċità biex jittrattaw mal-ogħla volumi ta’ ordnijiet u messaġġi, huma kapaċi li jiżguraw kummerċ ordnat f’kundizzjonijiet ta’ stress tas-suq riġidi, huma ttestjati b’mod sħiħ biex jiżguraw li jissodisfaw it-tali kundizzjonijiet u huma soġġetti għal arranġamenti ta’ kontinwità tal-kummerċ biex jiżguraw il-kontinwità tas-servizzi tiegħu jekk ikun hemm nuqqas tas-sistemi ta’ negozjar tiegħu.

2.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li suq regolat ikollu stabbiliti:

(a)

ftehimiet bil-miktub mad-ditti kollha ta’ investiment li jfittxu li jiksbu strateġija ta’ ġenerazzjoni tas-suq dwar is-suq regolat;

(b)

skemi li jiżguraw li numru sinifikanti ta’ ditti ta’ investiment jipparteċipaw f’tali ftehimiet li jeħtiġuhom joħorġu kwoti tad-ditti bi prezzijiet kompetittivi bir-riżultat li tiġi pprovduta l-likwidità għas-suq fuq bażi regolari u prevedibbli, fejn tali rekwiżit ikun xieraq għan-natura u l-iskala tal-kummerċ f’dak is-suq regolat.

3.   Il-ftehim bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 2 għandu tal-inqas jispeċifika:

(a)

l-obbligi tad-ditta ta’ investiment fir-rigward tal-għoti ta’ likwidità u fejn ikun applikabbli kwalunkwe obbligu ieħor li jirriżulta mill-parteċipazzjoni fl-iskema msemmija fil-paragrafu 2(b);

(b)

kwalunkwe inċentiva f’termini ta’ ribass jew mod ieħor offruta mis-suq regolat lil ditta ta’ investiment sabiex tiġi provduta l-likwidità tas-suq fuq bażi regolari u prevedibbli u, fejn ikun applikabbli, kwalunkwe dritt ieħor għad-ditta ta’ investiment bħala riżultat ta’ parteċipazzjoni fl-iskema msemmija fil-paragrafu 2(b).

Is-suq regolat għandu jimmoniterja u jinforza l-osservanza mid-ditti ta’ investiment tar-rekwiżiti ta’ tali arranġamenti bil-miktub vinkolanti. Is-suq regolat għandu jinforma l-awtorità kompetenti dwar il-kuntest tal-ftehim vinkolanti bil-miktub u għandu, fuq talba, jipprovdi l-informazzjoni ulterjuri kollha lill-awtorità kompetenti neċessarja li tippermetti lill-awtorità kompetenti li tissodisfa lilha nnifisha bil-konformità tas-suq regolat ma’ dan il-paragrafu.

4.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw li suq regolat ikollu fis-seħħ sistemi, proċeduri u arranġamenti effettivi biex jirrifjutaw ordnijiet li jaqbżu l-livelli minimi predeterminati ta’ volum u prezz jew li huma żbaljati b’mod ċar.

5.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li suq regolat ikun kapaċi jwaqqaf jew jillimita temporanjament in-negozju jekk ikun hemm moviment tal-prezz sinifikanti fi strument finanzjarju f’dak is-suq jew suq relatat matul perjodu qasir u, f’każijiet eċċezzjonali, li jkun kapaċi jikkanċella, ivarja jew jikkoreġi kwalunkwe tranżazzjoni. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li suq regolat jiżgura li l-parametri għat-twaqqif tal-kummerċ ikunu kalibrati b’mod xieraq b’tali mod li titqies il-likwidità tal-klassijiet u subklassijiet differenti ta’ assi, in-natura tal-mudell ta’ suq u t-tipi ta’ utenti u li jkun biżżejjed biex jiġi evitat tfixkil għar-regolarità tal-kummerċ.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li suq regolat jirrapporta l-parametri għat-twaqqif tan-negozju u kull bidla materjali lil dawk il-parametri lill-awtorità kompetenti b’mod konsistenti u komparabbli, u li l-awtorità kompetenti mbagħad min-naħa tagħha tirrappurtahom lill-AETS. L-Istati Membri għandhom jeżiġu li meta suq regolat li jkun materjali fir-rigward tal-likwidità f’dak l-istrument finanzjarju iwaqqaf in-negozju, fi kwalunkwe Stat Membru, dak il-ċentru ta’ negozjar ikollu s-sistemi u l-proċeduri neċessarji fis-seħħ biex jiżgura li se jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti sabiex huma jikkoordinaw reazzjoni fis-suq kollu u jiddeterminaw jekk hux xieraw li jwaqqfu n-negozjar f’ċentri oħra ta’ kummerċ li fihom qed jiġi kummerċjalizzat l-istrument finanzjarju sakemm jerġa’ jibda l-kummerċ fis-suq oriġinali.

6.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li suq regolat ikollu fis-seħħ sistemi, proċeduri u arranġamenti effettivi, inklużi li jirrikjedu li l-membri jew il-parteċipanti jwettqu ttestjar xieraq tal-algoritmi u jipprovdu ambjenti li jiffaċilitaw tali ttestjar, biex ikun żgurat li s-sistemi ta’ negozjar algoritmiċi ma jistgħux joħolqu jew jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet diżordinati fis-suq u biex tkun immaniġġjata kwalunkwe kundizzjoni diżordnata tan-negozju li tirriżulta minn tali sistemi algoritmiċi, inklużi sistemi li jillimitaw il-proporzjon ta’ ordnijiet mhux eżegwiti għal tranżazzjonijiet li jistgħu jiddaħħlu fis-sistema minn membru jew parteċipant, biex ikun kapaċi jnaqqas il-veloċità tal-ordnijiet jekk ikun hemm riskju li tintlaħaq il-kapaċità tas-sistema u li jillimita u jinforza d-daqs minimu ta’ funzjonament li jista’ jkun esegwit fis-suq.

7.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li suq regolat li jippermetti aċċess dirett elettroniku għandu jkollu fis-seħħ sistemi, proċeduri u arranġamenti effettivi li jippermettu li membri jew parteċipanti huma permessi biss li jipprovdu t-tali servizzi jekk huma ditti ta’ investiment awtorizzati skont din id-Direttiva jew istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati taħt id-Direttiva 2013/36/UE, li jiġu stabbiliti u applikati kriterji ċari fir-rigward tal-adattabilità tal-persuni li jistgħu jkunu pprovduti bit-tali aċċess u li l-membru jew parteċipant ikun responsabbli għal ordnijiet u kummerċ eżegwit bl-użu ta’ dak is-servizz b’rabta mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li s-suq regolat jistabbilixxi standards xierqa fir-rigward ta’ kontrolli u livelli minimi tar-riskju permezz tat-tali aċċess u li jkun kapaċi jiddistingwi u jekk meħtieġ iwaqqaf ordnijiet jew kummerċ minn persuna li qed tuża aċċess elettroniku dirett separatament minn ordnijiet oħrajn jew kummerċ minn membru jew parteċipant.

Is-suq regolat għandu jkollu arranġamenti fis-seħħ biex jissospendi jew itemm il-provvista ta’ aċċess elettroniku dirett minn membru jew parteċipant lil kljient fil-każ ta’ nonkonformità ma’ dan il-paragrafu.

8.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li suq regolat għandu jiżgura li r-regoli tiegħu dwar is-servizzi ta’ kolokazzjoni huma trasparenti, ġusti u mhux diskriminatorji.

9.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li suq regolat jiżgura li l-istrutturi tal-ħlasijiet tiegħu, inklużi ħlasijiet ta’ eżekuzzjoni, ħlasijiet anċillari u kwalunkwe ribass, ikunu trasparenti, ġusti u mhux diskriminatorji u li ma joħolqux inċentivi biex jagħmlu, jimmodifikaw jew jikkanċellaw ordnijiet jew li jeżegwixxu tranżazzjonijiet b’tali mod li jikkontribwixxi għall-kundizzjonijiet diżordinati ta’ negozjar jew abbuż tas-suq. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li suq regolat jimponi obbligi għall-ġenerazzjoni tas-suq f’ishma individwali jew pakkett xieraq ta’ ishma bi skambju għal kwalunkwe ribass li jingħata.

L-Istati Membri għandhom jippermettu li suq regolat jaġġusta l-ħlasijiet tiegħu għall-ordnijiet ikkanċellati skont it-tul ta’ żmien li matulu tkun inżammet l-ordni u li jirregola t-tariffi għal kull strument finanzjarju li japplikaw għalih.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li suq regolat jimponi ħlas ogħla għat-tqegħid ta’ ordni li tiġi sussegwentement ikkanċellata minn ordni li tiġi eżegwita u li jimponi ħlas ogħla lill-parteċipanti li jqiegħdu proporzjon għoli ta’ ordnijiet ikkanċellati apparagun mal-ordnijiet eżegwiti u lil dawk li joperaw teknika ta’ negozjar algoritmiku ta’ frekwenza għolja sabiex ikun rifless il-piż addizzjonali fuq il-kapaċità tas-sistema.

10.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li suq regolat ikun jista’ jidentifika, permezz ta’ indikazzjonijiet minn membri jew parteċipanti, ordnijiet ġenerati minn negozjar algoritmiku, l-algoritmi differenti użati għall-ħolqien ta’ ordnijiet u l-persuni rilevanti li jagħtu bidu għal dawk l-ordnijiet. Dik l-informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti meta dawn jitolbuha.

11.   L-Istati Membri għandhom jirrkjedu li fuq talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju ta’ suq regolat, swieq regolati jagħmlu disponibbli lill-awtorità kompetenti data marbuta mal-ktieb tal-ordnijiet jew jagħtu lill-awtorità kompetenti aċċess għall-ktieb tal-ordnijiet biex tkun kapaċi timmonitorja n-negozjar.

12.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jkompli jispeċifika:

(a)

ir-rekwiżiti li jiżguraw sistemi tan-negozjar ta’ swieq regolati li huma resiljenti u li għandhom kapaċità adegwata;

(b)

il-proporzjon imsemmi fil-paragrafu 6, filwaqt li jieħu kont ta’ fatturi bħall-valur ta’ ordnijiet mhux eżegwiti fir-rigward tal-valur tat-tranżazzjonijiet eżegwiti;

(c)

il-kontrolli li jikkonċernaw aċċess elettroniku dirett b’mod li jiġi żgurat li l-kontrolli applikati għal aċċess sponsorizzat ikunu tal-anqas ekwivalenti għal dawk applikati għall-aċċess dirett għas-suq;

(d)

ir-rekwiżiti li jiżguraw li servizzi ta’ kolokazzjoni u strutturi ta’ ħlas huma ġusti u nondiskriminatorji u li l-istrutturi tal-ħlas ma joħolqux inċentivi għall-kundizzjonijiet diżordinati ta’ negozjar jew abbuż mis-suq;

(e)

id-determinazzjoni ta’ fejn suq regolat ikun materjali fir-rigward tal-likwidità f’dak l-istrument finanzjarju;

(f)

ir-rekwiżiti li jiżguraw li l-iskemi ta’ ġenerazzjoni tas-suq ikunu ġusti u mhux diskriminatorji u li jistabbilixxi obbligi minimi ta’ ġenerazzjoni tas-suq li s-swieq regolati jridu jipprevedu meta jkunu qed ifasslu skema ta’ ġenerazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet li fihom ir-rekwiżit li jkun hemm fis-seħħ skema ta’ ġenerazzjoni tas-suq ma jkunx xieraq, b’kont meħud tan-natura u l-iskala tan-negozjar fuq dak is-suq regolat, inkluż jekk is-suq regolat jippermettix jew iħallix li jseħħ negozjar algoritmiku permezz tas-sistemi tiegħu;

(g)

ir-rekwiżiti li jiżguraw l-ittestjar xieraq tal-algoritmi biex ikun żgurat li s-sistemi ta’ negozjar algoritmiku inkluż sistemi ta’ negozjar algoritmiku bi frekwenza għolja ma jkunux jistgħu joħolqu jew jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet diżordinati ta’ negozjar fis-suq.

L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

13.   L-AETS għandha, sat-3 ta' Jannar 2016, tiżviluppa linji gwida dwar il-kalibrazzjoni adegwata ta’ waqfien fin-negozjar taħt il-paragrafu 5, filwaqt li jittieħed kont tal-fatturi msemmija f’dak il-paragrafu.

Artikolu 49

Daqs tal-fluttwazzjonijiet minimi possibbli fil-prezzijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li s-swieq regolati jadottaw reġimi għall-fluttwazzjoni minima possibbli fil-prezzijiet fis-swieq tal-ishma, tal-irċevuti tad-depożitarji, tal-fondi nnegozjati fil-Borża, taċ-ċertifikati u ta’ strumenti finanzjarji simili oħra u fi strumenti finanzjarji oħra li għalihom jiġu żviluppati standards tekniċi regolatorji bi qbil mal-paragrafu 4.

2.   Ir-reġimi għall-fluttwazzjonijiet minimi possibbli fil-prezzijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom:

(a)

ikunu kalibrati biex jirriflettu l-profil tal-likwidità tal-istrument finanzjarju fi swieq differenti u l-firxa medja bejn it-talba u l-offerta, b’kunsiderazzjoni tax-xewqa li jiġu permessi prezzijiet stabbli raġonevoli mingħajr ma jiġi limitat aktar it-tnaqqis tal-firxiet;

(b)

jadattaw id-daqs tal-fluttwazzjoni minima possibbli fil-prezzijiet għal kull strument finanzjarju b’mod xieraq.

3.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika d-daqs tal-fluttwazzjonijiet minimi possibbli fil-prezzijiet jew ir-reġimi għall-fluttwazzjonijiet minimi possibbli fil-prezzijiet fis-swieq tal-ishma, tal-irċevuti tad-depożitarji, tal-fondi nnegozjati fil-Borża, taċ-ċertifikati, u ta’ strumenti finanzjarji simili oħra fejn neċessarju biex tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-swieq, skont il-fatturi tal-paragrafu 2 u l-prezz, il-firxa u d-dettall tal-likwidita tal-istrumenti finanzjarji.

L-AETS għandha tressaq l-abbozz ta’ dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika d-daqs tal-fluttwazzjonijiet minimi possibbli fil-prezzijiet jew ir-reġimi għall-fluttwazzjonijiet minimi possibbli fil-prezzijiet għal strumenti finanzjarji speċifiċi barra dawk imsemmija fil-paragrafu 3 fejn neċessarju biex tiżgura l-funzjonament ordinat tas-swieq, f’konformita’ mal-fatturi tal-paragrafu 2 u l-prezz, il-firxa u d-dettall tal-likwidita tal-istrumenti finanzjarji.

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-3 ta' Jannar 2016.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 50

Sinkronizzazzjoni tal-arloġġi tan-negozju

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li ċ-ċentri ta’ negozjar kollha u l-membri u parteċipanti tagħhom jissinkronizzaw l-arloġġi tan-negozju li jużaw biex jirreġistraw id-data u l-ħin ta’ kull avveniment li għandu jiġi rapportat.

2.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-livell ta’ preċiżjoni li l-arloġġi għandhom jilħqu fis-sinkronizzazzjoni skont standards internazzjonali.

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 51

Ammissjoni tal-istrumenti finanzjarji għan-negozjar

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li s-swieq regolati jkollhom regoli ċari u trasparenti rigward l-ammissjoni tal-istrumenti finanzjarji għan-negozjar.

Dawn ir-regoli għandhom jiżguraw illi kull strument finanzjarju ammess għan-negozjar f’suq regolat ikun kapaċi jiġi nnegozjat b’mod ġust, bl-ordni u b’mod effiċjenti u, fil-każ tat-titoli trasferibbli, li dawn ikunu jistgħu jiġu nnegozjati fil-libertà.

2.   Fil-każ tad-derivattivi, ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw b’mod partikolari illi d-disinn tal-kuntratt tad-derivattivi jippermetti għall-ipprezzar bl-ordni tagħhom kif ukoll għall-eżistenza ta’ kundizzjonijiet effettivi tas-saldu.

3.   Minbarra l-obbligi mogħtija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li s-suq regolat jistabbilixxi u jżomm arranġamenti effettivi sabiex jivverifika li l-emittenti tat-titoli trasferibbli li jiġu ammessi għan-negozjar fis-suq regolat jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni rigward l-obbligi inizjali, kontinwi jew ad hoc tad-divulgazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi s-suq regolat jistabbilixxi arranġamenti li jiffaċilitaw l-aċċess, għall-membri jew il-parteċipanti tiegħu, għat-tagħrif li jkun ġie ppubblikat skont id-dritt tal-Unjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-swieq regolati jkunu stabbilixxew l-arranġamenti meħtieġa sabiex jirrieżaminaw b’mod regolari l-konformità tal-istrumenti finanzjarji li huma jammettu għan-negozjar mar-rekwiżiti għall-ammissjoni.

5.   Titolu transferibbli li jkun ġie ammess għan-negozjar f’suq regolat jista’ jiġi ammess sussegwentement għan-negozjar fi swieq regolati oħra, saħansitra mingħajr il-kunsens tal-emittent u f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2003/71/KE. L-emittent għandu jiġi mgħarraf mis-suq regolat dwar il-fatt illi t-titoli tiegħu jkunu qegħdin jiġu nnegozjati f’dak is-suq regolat. L-emittent ma għandu jkun soġġett għall-ebda obbligu li jipprovdi t-tagħrif rikjest skont il-paragrafu 3 direttament lil kull suq regolat li jkun ammetta t-titoli tiegħu għan-negozjar mingħajr il-kunsens tiegħu.

6.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li:

(a)

jispeċifika l-karatteristiċi tal-klassijiet differenti tal-istrumenti finanzjarji li għandhom jitqiesu mis-suq regolat meta jkun qed jivvaluta jekk strument finanzjarju ikunx maħruġ b’mod li jkun konsistenti mal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 sabiex jiġi ammess għan-negozjar fis-segmenti differenti tas-suq fejn jopera;

(b)

jiċċara l-arranġamenti li s-suq regolat huwa rikjest jimplimenta sabiex jitqies li jkun issodisfa l-obbligu tiegħu li jivverifika illi l-emittent ta’ titolu trasferibbli jkun jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni rigward l-obbligi inizjali, kontinwi jew ad hoc tad-divulgazzjoni;

(c)

jiċċara l-arranġamenti li s-suq regolat irid jistabbilixxi skont il-paragrafu 3 sabiex jiffaċilita l-aċċess, għall-membri jew il-parteċipanti tiegħu, għat-tagħrif li jkun ġie ppubblikat skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni.

L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 52

Sospensjoni u tneħħija ta’ strumenti finanzjarji min-negozjar f’suq regolat

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 69(2) li titlob għas-sospensjoni jew it-tneħħija ta’ strument finanzjarju min-negozjar, operatur tas-suq jista’ jissospendi jew ineħħi mill-kummerċ strument finanzjarju li ma jkunx għadu jikkonforma mar-regoli tas-suq regolat għajr jekk tali sospensjoni jew tneħħija x’aktarx li tkun se tikkawża ħsara sinifikanti lill-interessi tal-investituri jew lill-funzjonament tajjeb tas-suq.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li operatur tas-suq li jissospendi jew ineħħi min-negozjar strument finanzjarju jissospendi jew ineħħi wkoll id-derivattivi kif imsemmi fil-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I li huma marbutin jew li jirreferu għal dak l-istrument finanzjarju fejn huwa meħtieġ biex jappoġġa l-objettivi tas-sospensjoni jew it-tneħħija tal-istrument finanzjarju sottostanti. L-operatur tas-suq għandu jippubblika d-deċiżjoni tiegħu dwar is-sospensjoni jew it-tneħħija tal-istrument finanzjarju u dwar kwalunkwe derivattiv u jikkomunika d-deċiżjonijiet rilevanti lill-awtorità kompetenti tiegħu.

L-awtorità kompetenti, li s-sospensjoni jew it-tneħħija oriġinat fil-ġurisdizzjoni tagħha, għandha tirrikjedi li swieq regolati oħrajn, MTFs, OTFs u SIs, li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni u jinnegozjaw l-istess strument finanzjarju jew derivattivi msemmija fil-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I li huma marbuta ma’ dak l-istrument finanzjarju jew jirreferu għalih, jissospendu jew ineħħu wkoll dak l-istrument finanzjarju jew derivattivi min-negozjar, fejn is-sospensjoni jew it-tneħħija tkun minħabba suspett ta’ abbuż tas-suq, jew offerta ta’ akkwiżizzjoni jew in-nuqqas ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni privileġġata dwar l-emittent jew l-istrument finanzjarju li jikser l-Artikoli 7 u 17 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 minbarra fejn tali sospensjoni jew tneħħija tista’ tikkawża dannu konsiderevoli lill-interessi tal-investituri jew lill-funzjonament tajjeb tas-suq.

Kull awtorità kompetenti notifikata għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra, inkluża spjegazzjoni jekk id-deċiżjoni kienet li ma tissospendix jew ma tneħħix min-negozjar l-istrument finanzjarju jew derivattivi msemmija fil-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I li huma marbuta jew jirreferu għal dak l-istrument finanzjarju.

L-awtorità kompetenti għandha tagħmel immedjatament pubblika u tikkomunika lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn deċiżjoni ta’ dan it-tip.

L-awtoritajiet kompetenti notifikati tal-Istati Membri l-oħra għandhom jirrikjedu li swieq regolati, MTFs oħrajn, OTFs oħrajn u internalizzaturi sistematiċi, li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u jinnegozjaw l-istess strument finanzjarju jew derivattivi msemmija fil-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I għal din id-Direttiva li huma marbuta ma’ dak l-istrument finanzjarju jew jirreferu għalih, jissospendu jew ineħħu wkoll dak l-istrument finanzjarju jew derivattivi min-negozjar, fejn is-sospensjoni jew it-tneħħija tkun minħabba suspett ta’ abbuż tas-suq, jew offerta ta’ akkwiżizzjoni jew in-nuqqas ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni privileġġata dwar l-emittent jew l-istrument finanzjarju li jikser l-Artikoli 7 u 17 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 minbarra fejn tali sospensjoni jew tneħħija tista’ tikkawża dannu konsiderevoli lill-interessi tal-investituri jew lill-funzjonament tajjeb tas-suq.

Dan il-paragrafu japplika wkoll meta titneħħa s-sospensjoni min-negozjar ta’ strument finanzjarju jew derivattivi kif imsemmi fil-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I li huma marbuta jew jirreferu għal dak l-istrument finanzjarji.

Il-proċedura ta’ notifika msemmija f’dan il-paragrafu għandha tapplika wkoll fil-każ fejn id-deċiżjoni li jiġu sospiżi jew imneħħija min-negozjar strument finanzjarju jew derivattivi kif imsemmi fil-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I li huma marbuta jew jirreferu għal dak l-istrument finanzjarju tittieħed mill-awtorità kompetenti skont il-punti (m) u (n) tal-Artikolu 69(2).

Biex ikun żgurat li l-obbligu ta’ sospensjoni jew tneħħija min-negozjar ta’ tali derivattivi jiġi applikat proporzjonalment, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tkompli tispeċifika l-każijiet fejn il-konnessjoni bejn derivattiv marbut ma’ strument finanzjarju jew li jirreferi għalih, li ġie sospiż jew imneħħi min-negozjar u l-istrument finanzjarju oriġinali timplika li d-derivattiv ukoll għandu jiġi sospiż jew imneħħi min-negozjar, sabiex jinkiseb l-objettiv tas-sospensjoni jew it-tneħħija tal-istrument finanzjarju sottostanti.

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-format u ż-żmien tal-komunikazzjonijiet u l-pubblikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2.

L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-3 ta' Jannar 2016.

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 biex tispeċifika l-lista ta’ ċirkostanzi li jikkostitwixxu ħsara sinifikanti lill-interessi tal-investituri u lill-funzjonament tajjeb tas-suq imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 53

Aċċess għal suq regolat

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li suq regolat jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm regoli trasparenti u mhux diskriminatorji, imsejsa fuq kriterji oġġettivi, li jirregolaw l-aċċess għas-suq regolat jew is-sħubija fih.

2.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw kull obbligu għall-membri jew għall-parteċipanti li jirriżulta:

(a)

mill-kostituzzjoni u l-amministrazzjoni tas-suq regolat;

(b)

mir-regoli li għandhom x’jaqsmu mat-tranżazzjonijiet imwettqa fis-suq;

(c)

mill-istandards professjonali imposti fuq il-persunal tad-ditti ta’ investiment jew tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkunu qed jaħdmu fis-suq;

(d)

mill-kundizzjonijiet stabbiliti, għal membri jew għal parteċipanti oħra għajr id-ditti ta’ investiment u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, skont il-paragrafu 3;

(e)

mir-regoli u l-proċeduri għall-ikklerjar u s-saldu tat-tranżazzjonijiet konklużi fis-suq regolat.

3.   Is-swieq regolati jistgħu jammettu bħala membri jew parteċipanti ditti ta’ investiment, istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE u persuni oħra li:

(a)

għandhom reputazzjoni tajba suffiċjenti;

(b)

għandhom livell suffiċjenti ta’ abbiltà, kompetenza u esperjenza fil-kummerċ;

(c)

għandhom, fejn ikun applikabbli, arranġamenti organizzattivi adegwati;

(d)

għandhom riżorsi suffiċjenti għar-rwol li jridu jwettqu, filwaqt li jitqiesu l-arranġamenti finanzjarji differenti li jista’ jkun stabbilixxa s-suq regolat sabiex jiggarantixxi s-saldu adegwat tat-tranżazzjonijiet.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, rigward it-tranżazzjonijiet konklużi f’suq regolat, il-membri u l-parteċipanti ma jkunux obbligati japplikaw, ma’ xulxin, l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 24, 25, 27 u 28. Madankollu, il-membri tas-suq regolat jew il-parteċipanti fih għandhom japplikaw l-obbligi pprovduti fl-Artikoli 24, 25, 27 u 28 għall-klijenti tagħhom meta, huma u jaġixxu f’isem il-klijenti tagħhom, iwettqu l-ordnijiet tagħhom f’suq regolat.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi r-regoli dwar l-aċċess għas-suq regolat jew il-parteċipazzjoni fih jipprevedu l-parteċipazzjoni diretta jew remota tad-ditti ta’ investiment u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

6.   L-Istati Membri għandhom, mingħajr iktar rekwiżiti legali jew amministrattivi, jippermettu lis-swieq regolati mill-Istati Membri l-oħra jipprovdu l-arranġamenti x-xierqa fit-territorju tagħhom sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għal dawn is-swieq u l-kummerċ fihom mill-membri remoti jew mill-parteċipanti stabbiliti fit-territorju tagħhom.

Is-suq regolat għandu jikkomunika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu l-Istat Membru li fih ikun biħsiebu jipprovdi dawn l-arranġamenti. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tikkomunika, fi żmien xahar (1), din l-informazzjoni lill-Istat Membru li fih is-suq regolat ikun beħsiebu jipprovdi dawn l-arranġamenti. L-AETS tista’ titlob aċċess għal dik l-informazzjoni skont il-proċedura u skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċiljutas-suq regolat għandha, fuq talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u mingħajr dewmien żejjed, tikkomunika l-identità tal-membri tas-suq regolat jew tal-parteċipanti fih stabbiliti f’dak l-Istat Membru.

7.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-operatur tas-suq jikkomunika, fuq bażi regolari, il-lista tal-membri tas-suq regolat jew tal-parteċipanti fih lill-awtorità kompetenti tas-suq regolat.

Artikolu 54

Monitoraġġ tal-konformità mar-regoli tas-suq regolat u mal-obbligi ġuridiċi l-oħra

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu illi s-swieq regolati jistabbilixxu u jżommu arranġamenti u proċeduri effettivi inklużi r-riżorsi meħtieġa għall-monitoraġġ regolari tal-konformità tal-membri jew tal-parteċipanti tagħhom mar-regoli tagħhom. Is-swieq regolati għandhom jimmonitorjaw l-ordnijiet mibgħuta inklużi l-kanċellazzjonijiet u t-tranżazzjonijiet imwettqa mill-membri jew il-parteċipanti tagħhom skont is-sistemi tagħhom sabiex jidentifikaw il-ksur ta’ dawk ir-regoli, kundizzjonijiet diżordinati ta’ negozjar jew kondotta li tista’ tindika mġiba pprojbita taħt ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 jew tħarbit fis-sistema b’rabta ma’ strument finanzjarju.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-operaturi tas-suq tas-swieq regolati jgħarrfu immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom bi ksur sinifikanti tar-regoli tagħhom jew kundizzjonijiet diżordinati ta’ negozjar jew kondotta li tista’ tindika mġiba pprojbita taħt ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 jew tħarbit fis-sistema b’rabta ma’ strument finanzjarju.

L-awtoritajiet kompetenti tas-swieq regolati għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra.

B’rabta ma’ kondotta li tista’ tindika mġiba pprojbita taħt ir-Regolament (UE) Nru 596/2014, awtorità kompetenti għandha tkun konvinta li tali mġieba tkun qed isir jew tkun saret qabel ma tavża lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-AETS.

3.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu illi l-operatur tas-suq iforni t-tagħrif rilevanti mingħajr dewmien indebitu lill-awtorità kompetenti sabiex jiġi investigat u mħarrek l-abbuż tas-suq fis-suq regolat u li huwa jagħti assistenza sħiħa lil din tal-aħħar fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-abbuż tas-suq li jkun qed iseħħ fis-sistemi tas-suq regolat jew permezz tagħhom.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 biex tiddetermina ċ-ċirkostanzi li jattivaw rekwiżit ta’ informazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 55

Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-arranġamenti tas-CCP u tal-ikklerjar u tas-saldu

1.   Mingħajr preġudizzju għat-Titoli III, IV jew V tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-Istati Membri ma għandhomx iwaqqfu lis-swieq regolati milli jidħlu f’arranġamenti xierqa ma’ CCP jew ma’ ċentru tal-ikklerjar u ma’sistema tas-saldu ta’ Stat Membru ieħor bil-ħsieb li jipprovdu għall-ikklerjar u/jew għas-saldu ta’ wħud mit-tranżazzjonijiet jew tat-tranżazzjonijiet kollha konklużi mill-parteċipanti tas-suq fis-sistemi tagħhom.

2.   Mingħajr preġudizzju għat-Titoli III, IV jew V tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-awtorità kompetenti ta’ suq regolat ma tistax topponi l-użu ta’ CCP, ta’ ċentri tal-ikklerjar u/jew ta’ sistemi tas-saldu fi Stat Membru ieħor għajr meta meħtieġ, b’mod li jista’ jintwera, sabiex jinżamm il-funzjonament tajjeb ta’ dak is-suq regolat u filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet tas-sistemi tas-saldu stabbiliti fl-Artikolu 37(2) ta’ din id-Direttiva.

Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni mhux dovuta tal-kontrolli, l-awtorità kompetenti għandha tqis is-sorveljanza/is-superviżjoni tas-sistema tal-ikklerjar u tas-saldu diġà eżerċitata mill-banek ċentrali bħala sorveljanti tas-sistemi tal-ikklerjar u tas-saldu jew minn awtoritajiet superviżorji oħrajn li għandhom il-kompetenza fejn jidħlu dawn is-sistemi.

Artikolu 56

Lista ta’ swieq regolati

Kull Stat Membru għandu jfassal lista tas-swieq regolati li għalihom huwa jkun l-Istat Membru ta’ domiċilju u għandu jibgħat din il-lista lill-Istati Membri l-oħra u lill-AETS. Għandha ssir komunikazzjoni simili rigward kull bidla f’dik il-lista. L-AETS għandha tippubblika u żżomm aġġornata lista tas-swieq regolati kollha fuq is-sit elettroniku tagħha. Dik il-lista għandha tinkludi l-kodiċi uniku stabbilit mill-AETS skont l-Artikolu 65(6) li jidentifika s-swieq regolati għall-użu f’rapporti skont il-punt (g) tal-Artikolu 65(1) u l-punt (g) tal-Artikolu 65(2) ta’ din id-Direttiva u mal-Artikoli 6, 10 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

IT-TITOLU IV

LIMITI TA’ POŻIZZJONI U KONTROLLI TAL-ĠESTJONI TA’ POŻIZZJONI F’DERIVATTIVI TAL-KOMODITAJIET U RAPPORTAR

Artikolu 57

Limiti ta’ pożizzjoni u kontrolli tal-ġestjoni ta’ pożizzjoni f’derivattivi ta’ komoditaijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, konformi mal-metodoloġija għall-kalkolu ddeterminata mill-AETS, jistabbilixxu u japplikaw limiti ta’ pożizzjoni fuq id-daqs ta’ pożizzjoni netta li persuna jista’ jkollha f’kull ħin f’derivattivi ta’ komoditajiet nnegozjati f’ċentri tan-negozjar u kuntratti OTC ekonomikament ekwivalenti. Il-limiti għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-pożizzjonijiet kollha li jkollha persuna u dawk miżmuma f’isimha fil-livell ta’ grupp aggregat biex:

(a)

jipprevjenu l-abbuż tas-suq;

(b)

jappoġġaw il-kundizzjonijiet xierqa ta’ pprezzar u saldu, inkluż jipprevjenu pożizzjonijiet li jgħawġu s-suq u jiżguraw, b’mod partikolari, konverġenza bejn il-prezzijiet tad-derivattivi fix-xahar ta’ twassil u prezzijiet spot għall-komodità sottostanti, mingħajr preġudizzju għall-identifikazzjoni tal-prezz fis-suq għall-komodità sottostanti.

Il-limiti ta’ pożizzjoni m’għandhomx japplikaw għal pożizzjonijiet miżmuma minn jew f’isem entità mhux finanzjarja u li jistgħu jitkejlu oġġettivament inkwantu jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali ta’ dik l-entità mhux finanzjarja.

2.   Il-limiti ta’ pożizzjoni għandhom jispeċifikaw limiti minimi kwantitattivi ċari għad-daqs massimu ta’ pożizzjoni f’derivattiv ta’ komoditajiet li jista’ jinżamm minn persuni.

3.   L-AETS għandha tiżviluppa standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina l-metodoloġija għall-kalkolu li l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw meta jiffissaw il-limiti ta’ pożizzjoni tax-xahar spot u limiti ta’ pożizzjoni oħra fix-xahar għal derivattivi saldati b’mod fiżiku u fi flus likwidi abbażi tal-karatteristiċi tad-derivattiv rilevanti. Il-metodoloġija għall-kalkolu għandha tqis tal-anqas il-fatturi li ġejjin:

(a)

il-maturità tal-kuntratti ta’ derivattiv ta’ komoditajiet;

(b)

il-provvista konsenjabbli fil-komodità sottostanti;

(c)

l-interess miftuħ kumplessiv f’dak il-kuntratt u l-interess miftuħ kumplessiv fi strumenti finanzjarji oħra bl-istess komodità sottostanti;

(d)

il-volatilità fis-swieq rilevanti, inklużi derivattivi sostituti u s-swieq tal-komoditajiet sottostanti;

(e)

l-għadd u d-daqs tal-parteċipanti tas-suq;

(f)

il-karatteristiċi tas-suq ta’ komoditajiet sottostanti, inklużi xejriet ta’ produzzjoni, konsum u trasportazzjoni lejn is-suq;

(g)

l-iżvilupp ta’ kuntratti ġodda.

L-AETS għandha tqis l-esperjenza rigward il-limiti ta’ pożizzjoni tad-ditti ta’ investiment jew l-operaturi tas-suq li joperaw ċentru ta’ negozjar u ta’ ġurisdizzjonijiet oħrajn.

L-AETS għandha tissottometti l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji msemmi fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   Awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi limiti għal kull kuntratt ta’ derivattivi ta’ komoditajiet innegozjat f’ċentri tan-negozjar abbażi ta’ metodoloġija għall-kalkolu ddeterminata minn AETS skont il-paragrafu 3. Dak il-limitu ta’ pożizzjoni għandu jinkludi kuntratti OTC ekonomikament ekwivalenti.

Awtorità kompetenti għandha tirrevedi l- limiti ta’ pożizzjoni kull meta jkun hemm bidla sinifikanti fil-provvista konsenjabbli jew interess miftuħ jew kwalunkwe bidla sinifikanti fis-suq, abbażi tad-determinazzjoni tagħha tal-provvista konsenjabbli u għandha tiffissal-limitu ta’ pożizzjoni mill-ġdid skont il-metodoloġija għall-kalkolu żviluppata mill-AETS.

5.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-AETS dwar il-limiti ta’ pożizzjoni eżatti li bi ħsiebhom jissettjaw skont il-metodoloġija għall-kalkolu stabbilita mill-AETS taħt il-paragrafu 3. Fi żmien xahrejn wara r-riċevuta tan-notifika, l-AETS għandha toħroġ opinjoni għall-awtorità kompetenti kkonċernata li fiha tivvaluta l-kompatibbiltà tal-limiti ta’ pożizzjoni bl-objettivi tal-paragrafu 1 u bil-metodoloġija għall-kalkolu stabbilit mill-AETS taħt il-paragrafu 3. L-AETS għandha tippubblika l-opinjoni fuq is-sit elettroniku tagħha. L-awtorità kompetenti kkonċernata għandha timmodifika l-limiti ta’ pożizzjoni skont l-opinjoni tal-AETS, jew tipprovdi l-AETS b’ġustifikazzjoni dwar għaliex il-bidla hija kkunsidrata li mhijiex meħtieġa. Fejn awtorità kompetenti timponi limiti kuntrarji għall-opinjoni tal-AETS, hija għandha immedjatament tippubblika fuq is-sit elettroniku tagħha avviż fejn tispjega b’mod sħiħ ir-raġunijiet tagħha biex tagħmel dan.

Fejn l-AETS tiddetermina li limitu ta’ pożizzjoni mhuwiex konformi mal-metodoloġija għall-kalkolu fil-paragrafu 3, hija għandha tieħu azzjoni skont is-setgħat tagħha taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

6.   Fejn l-istess derivattiv ta’ komoditajiet jiġi nnegozjat f’volumi sinifikanti f’ċentri tan-negozjar f’aktar minn ġurisdizzjoni waħda, l-awtorità kompetenti taċ-ċentru ta’ negozjar fejn isir l-akbar volum ta’ nnegozjar (l-awtorità kompetenti ċentrali) għandha tistabbilixxi l-limitu ta’ pożizzjoni unika li jiġi applikat għan-negozjar kollu f’dak il-kuntratt. L-awtorità kompetenti ċentrali għandha tikkonsulta l-awtoritajiet kompetenti ta’ ċentri ta’ negozjar oħra li fihom jiġi nnegozjat dak id-derivattiv f’volumi sinifikanti fil-limitu ta’ pożizzjoni unika li jiġi applikat u kwalunkwe reviżjoni għal limiti ta’ dik il-pożizzjoni unika. Fejn l-awtoritajiet kompetenti ma jaqblux, huma għandhom jiddikjaraw bil-miktub ir-raġunijiet sħaħ u dettaljati għaliex jikkunsidraw li r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1 mhumiex sodisfatti. L-AETS għandha ssolvi kwalunkwe tilwim li jirriżulta minn nuqqas ta’ ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti skont is-setgħat tagħha taħt l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

L-awtoritajiet kompetenti taċ-ċentri ta’ negozjar fejn jiġi nnegozjat l-istess derivattiv ta’ komoditajiet u l-awtoritajiet kompetenti tad-detenturi ta’ pożizzjoni f’dak id-derivattiv ta’ komoditajiet għandhom jistabbilixxu ftehimiet ta’ kooperazzjoni inkluż l-iskambju tad-data rilevanti ma’ xulxin u sabiex jippermettu l-monitoraġġ u l-inforzar tal-limitu ta’ pożizzjoni unika.

7.   L-AETS għandha tissorvelja tal-anqas darba f’sena l-mod kif l-awtoritajiet kompetenti implimentaw il-limiti ta’ pożizzjoni stipulati skont il-metodoloġija għall-kalkolu stabbilit mill-AETS taħt il-paragrafu 3. F’dan il-proċess, l-AETS għandha tiżgura li l-limitu ta’ pożizzjoni unika jkun japplika effettivament għall-istess kuntratt irrispettivament minn fejn jiġi nnegozjat skont il-paragrafu 6.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li jħaddem ċentru ta’ negozjar li jinnegozja derivattivi ta’ komoditajiet japplikaw kontrolli ta’ ġestjoni tal-pożizzjonijiet: Dawk il-kontrolli għandhom jinkludu mill-inqas, is-setgħat li ċ-ċentru ta’ negozjar:

(a)

jissorvelja l-pożizzjonijiet ta’ interess miftuħ tal-persuni;

(b)

ikollu aċċess għall-informazzjoni, inkluża d-dokumentazzjoni rilevanti kollha, minn persuni dwar id-daqs u l-iskop ta’ pożizzjoni jew esponiment li wieħed ikun daħal għalihom, informazzjoni dwar sidien benefiċjarji jew sottostanti, kwalunkwe arranġamenti ta’ konċertazzjoni, u kwalunkwe assi jew responsabbiltajiet relatati fis-suq sottostanti;

(c)

jirrikjedi li persuna tittermina jew tnaqqas pożizzjoni, fuq bażi temporanja jew permanenti kif jaf ikun jeħtieġ il-każ speċifiku u jieħu azzjoni xierqa unilateralment biex jiżgura t-terminazzjoni jew it-tnaqqis jekk il-persuna ma tikkonformax; u

(d)

fejn xieraq, jirrikjedi li persuna tipprovdi likwidità lura fis-suq bi prezz u volum maqbula fuq bażi temporanja bil-ħsieb espliċitu li jittaffew l-effetti ta’ pożizzjoni kbira jew dominanti.

9.   Il-limiti ta’ pożizzjoni u l-kontrolli tal-ġestjoni ta’ pożizzjonijiet għandhom ikunu trasparenti u nondiskriminatorji, jispeċifikaw kif japplikaw għal persuni u jqisu n-natura u l-kompożizzjoni tal-parteċipanti tas-suq u tal-użu li huma jagħmlu mill-kuntratti ppreżentati għan-negozjar.

10.   Id-ditta ta’ investiment jew l-operatur tas-suq li jħaddem ċentru ta’ negozjar għandhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti bid-dettalji tal-kontrolli tal-ġestjoni ta’ pożizzjonijiet.

L-awtorità kompetenti għandha tikkomunika l-istess informazzjoni kif ukoll id-dettalji tal-limiti ta’ pożizzjonijiet li stabbilixxiet lill-AETS, li għandha tippubblika u żżomm fuq is-sit elettroniku tagħha bażi tad-data bit-taqsiriet tal-limiti ta’ pożizzjonijiet u kontrolli tal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet.

11.   Il-limiti ta’ pożizzjoni tal-paragrafu 1 għandhom ikunu imposti mill-awtoritajiet kompetenti skont il-punt (p) tal-Artikolu 69(2).

12.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw:

(a)

il-kriterji u l-metodi għad-determinazzjoni jekk pożizzjoni tikkwalifikax li tnaqqas ir-riskji relatati mal-attivitajiet kummerċjali;

(b)

il-metodi li jiddeterminaw meta pożizzjonijiet ta’ persuna għandhom jiġu aggregati fi grupp;

(c)

il-kriterji għad-determinazzjoni jekk kuntratt huwiex kuntratt OTC li jkun ekwivalenti għal dak innegozjat f’ċentru ta’ negozjar, imsemmi fil-paragrafu 1, b’mod li jiffaċilita r-rapportar tal-pożizzjonijiet li jittieħdu f’kuntratti OTC ekwivalenti lill-awtorità kompetenti rilevanti kif determinat fl-Artikolu 58(2);

(d)

id-definizzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi l-istess derivattiv ta’ komodità u volumi sinifikanti taħt il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu;

(e)

il-metodoloġija għall-aggregazzjoni u l-kalkolu tal-valur nett ta’ pożizzjonijiet ta’ derivattivi ta’ komoditajiet OTC u ta’ ċentru ta’ negozjar biex tistabbilixxi l-pożizzjoni netta għall-iskopijiet tal-valutazzjoni tal-konformità mal-limiti. Tali metodoloġiji għandhom jistabbilixxu kriterji li jiddeterminaw liema pożizzjonijiet jistgħu jikkumpensaw għal xulxin u m’għandhomx jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ pożizzjonijiet b’mod inkonsistenti mal-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(f)

il-proċedura li tistipula kif persuni jistgħu japplikaw għal eżenzjoni taħt it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u kif l-awtorità kompetenti rilevanti tista’ tapprova tali applikazzjonijiet;

(g)

il-metodu tal-kalkolu biex jiġi determinat iċ-ċentru fejn isir l-akbar volum ta’ negozjar f’derivattiv ta’ komoditajiet u volumi sinifikanti taħt il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji msemmi fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

13.   L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jimponu limiti li jkunu iktar restrittivi minn dawk adottati skont il-paragrafu 1 għajr għal każijiet eċċezzjonali fejn huma ġustifikati b’mod oġġettiv u proporzjonati u jqisu l-likwidità tas-suq speċifiku u l-funzjonament tajjeb ta’ dak is-suq. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw fuq is-sit elettroniku tagħhom id-dettalji tal-limiti ta’ pożizzjoni aktar restrittivi li ddeċidew li jimponu, li għandhom ikunu validi għal perjodu inizjali li ma jaqbiżx sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fuq is-sit elettroniku. Il-limiti ta’ pożizzjoni aktar restrittivi jistgħu jiġu mġedda għal iktar perjodi li ma jaqbżux is-sitt xhur kull darba jekk ir-raġunijiet għar-restrizzjoni jkomplu jkunu applikabbli. Jekk ma jkunux imġedda wara dak il-perjodu ta’ sitt xhur, huma jiskadu awtomatikament.

Meta l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li jimponi limiti ta’ pożizzjoni aktar restrittivi, huma għandhom jinnotifikaw lill-AETS. In-notifika għandha tinkludi ġustifikazzjoni għal-limiti ta’ pożizzjoni iktar restrittivi. L-AETS għandha fi żmien 24 siegħa toħroġ opinjoni dwar jekk tikkunsidrax li l-limiti ta’ pożizzjoni aktar restrittivi humiex neċessarji biex jindirizzaw il-każ eċċezzjonali. L-opinjoni għandha tkun ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-AETS.

Fejn awtorità kompetenti timponi limiti kuntrarji għall-opinjoni tal-AETS, hija għandha immedjatament tippubblika fuq is-sit elettroniku tagħha avviż fejn tispjega b’mod sħiħ ir-raġunijiet tagħha biex tagħmel dan.

14.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu japplikaw is-setgħat ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet tagħhom taħt din id-Direttiva għall-ksur tal-limiti ta’ pożizzjoni stabbiliti skont dan l-Artikolu għal:

(a)

pożizzjonijiet miżmuma minn persuni li jinsabu jew joperaw fit-territorju tagħha jew barra l-pajjiż li jaqbżu l-limiti tal-kuntratti tad-derivattivi ta’ komoditajiet stabbiliti mill-awtorità kompetenti fir-rigward ta’ kuntratti dwar ċentri tan-negozjar li jinsabu jew joperaw fit-territorji tagħha jew kuntratti OTC ekonomikament ekwivalenti;

(b)

pożizzjonijiet miżmuma minn persuni li jinsabu jew joperaw fit-territorju tagħha li jaqbżu l-limiti tal-kuntratti tad-derivattivi ta’ komoditajiet stabbiliti minn awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħrajn.

Artikolu 58

Rapportar tal-pożizzjoni minn kategoriji ta’ detenturi ta’ pożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li jħaddem ċentru ta’ negozjar li jinnegozja derivattivi ta’ komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom:

(a)

jagħmlu pubbliku rapport ta’ darba fil-ġimgħa b’ġabra tal-pożizzjonijiet meħuda minn kategoriji differenti ta’ persuni għad-derivattivi ta’ komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom differenti nnegozjati fuq iċ-ċentru ta’ negozjar tagħhom, filwaqt li jispeċifikaw in-numru ta’ pożizzjonijiet twal u qosra ta’ tali kategoriji, tibdiliet fihom mir-rapport preċedenti, il-perċentwal tat-total ta’ interess miftuħ rappreżentat minn kull kategorija u n-numru ta’ persuni li għandhom pożizzjoni f’kull kategorija skont il-paragrafu 4 u jikkomunikaw dak ir-rapport lill-awtorità kompetenti u lill-AETS; L-AETS għandha tipproċedi għal pubblikazzjoni ċentralizzata tal-informazzjoni inkluża f’dawk ir-rapporti;

(b)

jipprovdu lill-awtorità kompetenti b’analiżi statistika kompleta tal-pożizzjonijiet meħuda mill-persuni kollha, inklużi l-membri jew parteċipanti u l-klijenti tagħhom, f’dak iċ-ċentru ta’ negozjar, tal-anqas fuq bażi ta’ kuljum.

L-obbligu stipulat fil-punt (a) għandu japplika biss meta kemm in-numru ta’ persuni u l-pożizzjonijiet miftuħa tagħhom jaqbeż l-anqas livelli minimi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ditti ta’ investiment li jinnegozjaw derivattivi ta’ komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom barra minn ċentru ta’ negozjar jipprovdu lill-awtorità kompetenti taċ-ċentru ta’ negozjar fejn jiġu nnegozjati d-derivattivi ta’ komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom jew l-awtorità ċentrali kompetenti fejn id-derivattivi ta’ komoditajiet kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom jiġu nnegozjati f’volumi sinifikanti f’ċentri ta’ negozjar f’aktar minn ġurisdizzjoni waħda tal-anqas fuq bażi ta’ kuljum, b’analiżi statistika kompleta tal-pożizzjonijiet tagħhom meħuda f’derivattivi ta’ komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom nnegozjati f’ċentru ta’ negozjar u kuntratti OTC ekonomikament ekwivalenti, kif ukoll dawk tal-klijenti tagħhom u l-klijenti ta’ dawk il-klijenti sakemm wieħed jasal għall-klijent aħħari, skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u, fejn applikabbli, l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

3.   Sabiex ikun jista’ jsir monitoraġġ tal-konformità mal-l-Artikolu 57(1), l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-membri jew il-parteċipanti ta’ swieq regolati, MTFs u klijenti ta’ OTFs jirrapportaw lid-ditta ta’ investiment jew lil-operatur tas-suq li jopera dak iċ-ċentru ta’ negozjar, id-dettalji tal-pożizzjonijiet tagħhom stess meħuda permezz ta’ kuntratti nnegozjati f’dak iċ-ċentru ta’ negozjar tal-anqas fuq bażi ta’ kuljum, kif ukoll dawk tal-klijenti tagħhom u l-klijenti ta’ dawk il-klijenti sakemm wieħed jasal għall-klijent aħħari.

4.   Persuni li għandhom pożizzjonijiet f’derivattiv tal-komoditajiet jew kwota tal-emissjonijiet jew derivattiv tagħhom għandhom jiġu klassifikati mid-ditta ta’ investiment jew l-operatur tas-suq li jopera dak iċ-ċentru ta’ negozjar skont in-natura tal-kummerċ ewlieni tagħhom, wara li jqisu kwalunkwe awtorizzazzjoni applikabbli, bħala:

(a)

ditti ta’ investiment jew istituzzjonijiet ta’ kreditu;

(b)

fondi ta’ investiment, li jistgħu jkunu jew intrapriża għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) kif iddefinita fid-Direttiva 2009/65/KE, jew maniġer ta’ fond ta’ investiment alternattiv kif iddefinit fid-Direttiva 2011/61/KE;

(c)

istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, inkluż intrapriżi tal-assigurazzjoni u intrapriżi ta’ riassikurazzjoni kif iddefiniti fid-Direttiva 2009/138/KE, u istituzzjonijiet għall-provvista ta’ pensjoni okkupazzjonali kif iddefiniti fid-Direttiva 2003/41/KE;

(d)

impriżi kummerċjali;

(e)

fil-każ ta’ kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom, operaturi b’obbligi ta’ konformità skont id-Direttiva 2003/87/KE.

Ir-rapporti msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw in-numru ta’ pożizzjonijiet twal u qosra permezz tal-kategorija tal-persuni, kwalunkwe bidla fihom mir-rapport preċedenti, il-perċentwali tat-total ta’ interess miftuħ rappreżentat minn kull kategorija, u n-numru ta’ persuni f’kull kategorija.

Ir-rapporti msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 u l-analiżi statistiċi msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jagħmlu distinzjoni bejn:

(a)

pożizzjonijiet identifikati bħala pożizzjonijiet li, b’mod li jista’ jitkejjel oġġettivament, inaqqsu r-riskji relatati direttament ma’ attivitajiet kummerċjali; kif ukoll

(b)

pożizzjonijiet oħra.

5.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw il-format tar-rapporti msemmija fil-punt (a) tal-paragarafu 1 u tal-analiżi statistiċi msemmija fil-paragrafu 2.

L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-3 ta' Jannar 2016.

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Fil-każ tal-permessi tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom, ir-rapportar ma għandux jippreġudika l-obbligi skont id-Direttiva 2003/87/KE.

6.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 li jispeċifikaw il-livelli minimi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, wara li jiġi kkunsidrat it-total tan-numru ta’ pożizzjonijiet miftuħa u d-daqs tagħhom u t-total ta’ persuni li għandhom pożizzjoni.

7.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika l-miżuri li jirrikjedu li r-rapporti kollha msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 li għandhom jintbagħtu lill-AETS f’ħin speċifikat darba fil-ġimgħa, għall-pubblikazzjoni ċentralizzata tagħhom aktar tard.

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-3 ta' Jannar 2016.

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

TITOLU V

SERVIZZI TA’ RAPPORTAR TAD-DATA

Taqsima 1

Proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-fornituri ta’ servizzi tar-rapportar tad-data

Artikolu 59

Rekwiżit għall-awtorizzazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jirrkjedu li l-provvista ta’ servizzi tar-rapportar tad-data deskritti fl-Anness I, Taqsima D bħala okkupazzjoni jew kummerċ regolari tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel skont din it-Taqsima. Tali awtorizzazzjoni għandha tingħata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju maħtura skont l-Artikolu 67.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jippermettu lil ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li jopera ċentru ta’ negozjar joperaw servizzi tar-rapportar tad-data ta’ APA, CTP u ARM, soġġett għal verifika minn qabel tal-konformità tagħhom ma’ dan it-Titolu. Tali servizz għandu jkun inkluż fl-awtorizzazzjoni tagħhom.

3.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw il-fornituri kollha ta’ servizzi tar-rapportar tad-data. Ir-reġistru għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku u għandu jinkludi informazzjoni dwar is-servizzi li hu awtorizzat għalihom il-fornitur ta’ servizzi tar-rapportar tad-data. Hu għandu jkun aġġornat fuq bażi regolari. Kull awtorizzazzjoni għandha tkun notifikata lill-AETS.

L-AETS għandha tistabbilixxi lista tal-fornituri kollha tas-servizzi tar-rapportar tad-data fl-Unjoni. Il-lista għandha tinkludi informazzjoni dwar is-servizzi li hu awtorizzat għalihom il-fornitur tas-servizzi tar-rapportar tad-data u għandu jkun aġġornat fuq bażi regolari. L-AETS għandha tippubblika u taġġorna l-lista fuq is-sit elettroniku tagħha.

Fejn awtorità kompetenti tirtira awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 62, dak l-irtirar għandu jkun ippubblikat fuq il-lista għal perjodu ta’ 5 snin.

4.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-fornituri ta’ servizzi tar-rapportar tad-data jipprovdu s-servizzi tagħhom taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-awtoritajiet kompetenti jirrieżaminaw b’mod regolari l-konformità tal-fornituri ta’ servizzi tar-rapportar tad-data ma’ dan it-Titolu. Għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw il-fatt li l-fornituri ta’ servizzi tar-rapportar tad-data jikkonformaw f’kull ħin mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni inizjali stabbiliti skont dan it-Titolu.

Artikolu 60

Ambitu tal-awtorizzazzjoni

1.   L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jiżgura li l-awtorizzazzjoni tispeċifika s-servizz tar-rapportar tad-data li l-fornitur ta’ servizzi tar-rapportar tad-data hu awtorizzat li jipprovdi. Fornitur ta’ servizzi tar-rapportar tad-data li jixtieq jestendi l-kummerċ tiegħu għal servizzi tar-rapportar tad-data addizzjonali għandu jissottometti talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni.

2.   L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida għall-Unjoni kollha u għandha tippermetti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ data li jipprovdi s-servizzi, li għalihom kien awtorizzat, madwar l-Unjoni.

Artikolu 61

Proċeduri għall-għoti u r-rifjut ta’ talbiet għal-awtorizzazzjoni

1.   L-awtorità kompetenti ma għandhiex tagħti awtorizzazzjoni sakemm u qabel ma jasal iż-żmien li tkun sodisfatta kompletament li l-applikant huwa konformi mar-rekwiżiti kollha skont id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva.

2.   Il-fornitur ta’ servizzi tar-rapportar tad-data għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha, inkluż programm ta’ operat li jressaq inter alia t-tipi ta’ servizzi mbassra u l-istruttura organizzattiva, meħtieġa biex tgħin lill-awtorità kompetenti tissodisfa lilha nnifisha li l-fornitur ta’ servizzi tar-rapportar tad-data stabbilixxa, fi żmien l-awtorizzazzjoni inizjali, l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jaqdi l-obbligi tiegħu skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

3.   L-applikant għandu jkun informat, fi żmien sitt xhur mill-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni kompluta, jekk l-awtorizzazzjoni ngħatatx jew le.

4.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw:

(a)

l-informazzjoni li għandha tkun ipprovduta lill-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu 2, inkluż il-programm operattiv;

(b)

l-informazzjoni inkluża fin-notifiki skont l-Artikolu 63(3).

L-AETS għandha tippreżenta l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji msemmi fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

5.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw il-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għan-notifika jew il-provvista tat-tagħrif previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 63(4).

L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-3 ta' Jannar 2016.

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 62

Irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet

L-awtorità kompetenti tista’ tirtira l-awtorizzazzjoni mogħtija lil fornitur ta’ servizzi tar-rapportar tad-data jekk il-fornitur:

(a)

ma jagħmilx użu mill-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar, espliċitament jirrinunzja l-awtorizzazzjoni jew ma pprovda l-ebda servizz ta’ investiment jew ma wettaq l-ebda attività għas-sitt xhur preċedenti, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ippreveda li l-awtorizzazzjoni tiskadi fit-tali każijiet;

(b)

ikun kiseb l-awtorizzazzjoni billi jkun għamel dikjarazzjonijiet foloz jew permezz ta’ kull mezz ieħor mhux regolari;

(c)

ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet li bihom tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni;

(d)

ikun kiser serjament u sistematikament id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

Artikolu 63

Rekwiżiti għall-korp maniġerjali ta’ fornitur ta’ servizzi tar-rapportar tad-data

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-membri kollha tal-korp maniġerjali ta’ fornitur tas-servizz ta’ rapportar tad-data għandu f’kull ħin ikun ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed, ikollu biżżejjed għarfien, ħiliet u esperjenza u jimpenja biżżejjed ħin biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu.

Il-korp maniġerjali għandu jkollu l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza kollettivi adegwati biex ikun kapaċi jifhem l-attivitajiet tal-fornitur ta’ servizzi tar-rapportar tad-data. Kull membru tal-korp maniġerjali għandu jaġixxi b’onestà, integrità u indipendenza tal-ħsieb biex jikkontesta b’mod effikaċi d-deċiżjonijiet tal-maniġment superjuri fejn meħtieġ u biex jissorvelja u jimmoniterja b’mod effikaċi t-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali.

Fejn operatur tas-suq jitlob awtorizzazzjoni biex jopera APA, CTP jew ARM u l-membri tal-korp maniġerjali tal-APA, is-CTP jew l-ARM huma l-istess bħall-membri tal-korp maniġerjali tas-suq regolat, dawk il-persuni huma mistennija li jikkonformaw mar-rekwiżit stabbilit fl-ewwel sottoparagrafu.

2.   L-AETS għandha, sat-3 ta' Jannar 2016, tiżviluppa linji gwida għall-valutazzjoni tal-adattabilità tal-membri tal-korp maniġerjali deskritti fil-paragrafu 1, wara li tqis ir-rwoli u l-funzjonijiet differenti tagħhom u l-ħtieġa li tevita kunflitti ta’ interess bejn il-membri tal-korp maniġerjali u l-utenti tal-APA, CTP jew ARM.

3.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-fornitur ta’ servizzi tar-rapportar tad-data jinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar il-membri kollha tal-korp maniġerjali tagħha u bi kwalunkwe bidliet fil-membritiegħu, flimkien mal-informazzjoni kollha meħtieġa biex tivvaluta jekk l-entità hijiex konformi mal-paragrafu 1.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp maniġerjali tal-fornitur ta’ servizzi tar-rapportar tad-data jiddefinixxi u jissorvejla l-implimentazzjoni tal-arranġamenti tal-governanza li jiżguraw ġestjoni effettiva u prudenti ta’ organizzazzjoni inkluża s-segregazzjoni tal-obbligi fl-organizzazzjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess, b’mod li jippromwovi l-integrità tas-suq u l-interessi tal-klijenti tiegħu.

5.   L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta awtorizzazzjoni jekk ma hijiex sodisfatta li l-persuna jew persuni li għandhom jidderieġu effikaċement il-kummerċ ta’ servizzi tar-rapportar tad-data għandhom reputazzjoni tajba biżżejjed, jew jekk hemmx raġunijiet oġġettivi u dimostrabbli biex wieħed jemmen li l-bidliet proposti fil-maniġment tal-fornitur jistgħux ikunu ta’ theddida għall-immaniġġar tajjeb u prudenti u għall-kunsiderazzjoni adegwata tal-interessi tal-klijenti u tal-integrità tas-suq.

Taqsima 2

Kundizzjonijiet għal APAs

Artikolu 64

Rekwiżiti organizzattivi

1.   L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi li APA jkollha fis-seħħ linji ta’ politika u arranġamenti xierqa biex tagħmel pubblika l-informazzjoni rikjesta skont l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 f’ħin li jkun l-aktar qrib teknikament possibbli għall-ħin effettiv, fuq bażi kummerċjali raġonevoli. L-informazzjoni għandha tkun disponibbli bla ħlas 15-il minuta wara li l-APA tkun ippubblikata. L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi li l-APA tkun kapaċi tiddissemina t-tali informazzjoni b’tali mod li jiżgura aċċess ta’ malajr għall-informazzjoni, fuq bażi mhux dikriminatorja u f’format li jiffaċilita l-konsolidament tal-informazzjoni ma’ data simili minn sorsi oħrajn.

2.   L-informazzjoni ppubblikata mill-APA f’konformità mal-paragrafu 1 għandha tinkludi, tal-anqas, dawn id-dettalji li ġejjin:

(a)

l-identifikatur tal-istrument finanzjarju;

(b)

il-prezz li fih kienet konkluża t-tranżazzjoni;

(c)

il-volum tat-tranżazzjoni;

(d)

il-ħin tat-tranżazzjoni;

(e)

il-ħin li fih kienet irrapportata t-tranżazzjoni;

(f)

in-notazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni;

(g)

il-kodiċi għaċ-ċentru ta’ negozjar li t-tranżazzjoni ġiet eżegwita fih, jew fejn it-tranżazzjoni ġiet eżegwita permezz ta’ internalizzatur sistematiku l-kodiċi “SI” jew inkella l-kodiċi “OTC”;

(h)

jekk applikabbli, indikatur li t-tranżazzjoni kienet soġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi.

3.   L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi li l-APA topera u żżomm arranġamenti amministrattivi effettivi mfassla biex jipprevjenu kunflitti ta’ interess mal-klijenti tiegħu. B’mod partikolari, APA, li tkun ukoll operatur tas-suq jew ditta ta’ investiment għandha tittratta l-informazzjoni kollha miġbura b’mod nondiskriminatorju u għandha topera u żżomm arranġamenti xierqa biex tissepara funzjonijiet kummerċjali differenti.

4.   L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi li APA jkollha fis-seħħ mekkaniżmi tajba ta’ sigurtà mfassla biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-mezzi tat-trasferiment ta’ informazzjoni, jimminimizzaw ir-riskju tal-korruzzjoni tad-data u aċċess mhux awtorizzat u jipprevjenu kxif ta’ informazzjoni qabel il-pubblikazzjoni. L-APA għandha żżomm riżorsi adegwati u jkollha fis-seħħ faċilitajiet ta’ back-up biex toffri u żżomm is-servizzi tagħha f’kull ħin.

5.   L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi li l-APA jkollha fis-seħħ sistemi li jistgħu jiċċekkjaw effikaċement rapporti kummerċjali għall-kompletezza, jidentifikaw omissjonijiet u żbalji ovvji u jitolbu ritrażmissjoni ta’ kwalunkwe tali rapporti żbaljati.

6.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw formats komuni, standards ta’ data u arranġamenti tekniċi li jiffaċilitaw il-konsolidazzjoni tal-informazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1.

L-AETS għandha tippreżenta l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji msemmi fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

7.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 li jikkjarifikaw x’jikkostittwixxi bażi kummerċjali raġonevoli biex tagħmel l-informazzjoni pubblika kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

8.   L-AETS għandha tiżviluppa standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a)

il-mezzi li bihom APA tista’ tikkonforma mal-obbligi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

il-kontenut tal-informazzjoni ppubblikata skont il-paragrafu 1, inkluża tal-inqas l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 b’tali mod li tkun iffaċilitata l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni rikjesta taħt l-Artikolu 64;

(c)

ir-rekwiżiti organizzattivi konkreti stipulati fil-paragrafi 3, 4 u 5.

L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Taqsima 3

Kundizzjonijiet għal CTPs

Artikolu 65

Rekwiżiti organizzattivi

1.   L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi li CTP ikollha fis-seħħ linji ta’ politika u arranġamenti biex tiġbor informazzjoni li tingħata lill-pubbliku skont l-Artikoli 6 u 20 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, tikkonsolidaha f’datastream elettronika kontinwa u tagħmel l-informazzjoni disponibbli lill-pubbliku f’ħin li jkun l-aktar qrib teknikament possibbli għall-ħin effettiv kemm huwa teknikament possibbli, fuq bażi kummerjali raġonevoli.

Dik l-informazzjoni għandha tinkludi, mill-inqas, id-dettalji li ġejjin:

(a)

l-identifikatur tal-istrument finanzjarju;

(b)

il-prezz li fih kienet konkluża t-tranżazzjoni;

(c)

il-volum tat-tranżazzjoni;

(d)

il-ħin tat-tranżazzjoni;

(e)

il-ħin li fih kienet irrapportata t-tranżazzjoni;

(f)

in-notazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni;

(g)

il-kodiċi għaċ-ċentru ta’ negozjar li t-tranżazzjoni ġiet eżegwita fih, jew fejn it-tranżazzjoni ġiet eżegwita permezz ta’ internalizzatur sistematiku l-kodiċi “SI” jew inkella l-kodiċi “OTC”;

(h)

fejn applikabbli, il-fatt li algoritmu tal-kompjuter fi ħdan id-ditta ta’ investiment kien responsabbli għad-deċiżjoni tal-investiment u l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni;

(i)

jekk applikabbli, indikatur li t-tranżazzjoni kienet soġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi;

(j)

jekk l-obbligu li tiġi pubblikata l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 ġie rrinunzjat skont il-punt (a) jew (b) tal-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament, markatura li tindika liema minn dawk ir-rinunzji ġiet soġġetta għalihom it-tranżazzjoni.

L-informazzjoni għandha tkun disponibbli bla ħlas 15-il minuta wara li s-CTP tkun ippubblikata. L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi li s-CTP tkun kapaċi tiddissemina tali informazzjoni b’mod li jiżgura aċċess ta’ malajr għall-informazzjoni, fuq bażi ta’ ebda diskriminazzjoni f’formati li huma aċċessibbli u utilizzabbli b’mod faċli għall-parteċipanti tas-suq.

2.   L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi li CTP ikollha fis-seħħ linji ta’ politika u arranġamenti biex tiġbor informazzjoni li tingħata lill-pubbliku skont l-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, tikkonsolidaha f’datastream elettronika kontinwa u tagħmel l-informazzjoni ta’ insegwiment disponibbli lill-pubbliku f’ħin li jkun l-aktar qrib teknikament possibbli għall-ħin effettivkemm huwa teknikament possibbli, fuq bażi kummerjali raġonevoli inkluż, mill-inqas, id-dettalji li ġejjin:

(a)

l-identifikatur jew fatturi ta’ identifikazzjoni tal-istrument finanzjarju;

(b)

il-prezz li fih kienet konkluża t-tranżazzjoni;

(c)

il-volum tat-tranżazzjoni;

(d)

il-ħin tat-tranżazzjoni;

(e)

il-ħin li fih kienet irrapportata t-tranżazzjoni;

(f)

in-notazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni;

(g)

il-kodiċi għaċ-ċentru ta’ negozjar li t-tranżazzjoni ġiet eżegwita fih, jew fejn it-tranżazzjoni ġiet eżegwita permezz ta’ internalizzatur sistematiku l-kodiċi “SI” jew inkella l-kodiċi “OTC”;

(h)

jekk applikabbli, indikatur li t-tranżazzjoni kienet soġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi.

L-informazzjoni għandha tkun disponibbli bla ħlas 15-il minuta wara li s-CTP tkun ippubblikatha. L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi li s-CTP tkun kapaċi xxerred tali informazzjoni b’mod li jiġi żgurat aċċess ta’ malajr għall-informazzjoni, fuq bażi mhux diskriminatorja f’formati li huma aċċettati b’mod ġenerali li huma interoperabbli u aċċessibbli u utilizzabbli b’mod faċli għall-parteċipanti tas-suq.

3.   L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi li s-CTP tiżgura li d-data pprovduta tkun ikkonsolidata mill-inqas mis-swieq regolati kollha, MTFs, OTFs u APAs u għall-istrumenti finanzjarji speċifikati minn standards tekniċi regolatorji taħt il-punt (c) tal-paragrafu 8.

4.   L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi li s-CTP li topera u żżomm arranġamenti amministrattivi effettivi mfassla biex jipprevjenu kunflitti ta’ interess. B’mod partikolari, operatur tas-suq jew APA, li joperaw ukoll tejp konsolidat, għandhom jittrattae l-informazzjoni kollha miġbura b’mod nondiskriminatorju u għandhom joperaw u jżommu arranġamenti xierqa biex jisseparaw funzjonijiet operattivi differenti.

5.   L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi li s-CTP ikollha fis-seħħ mekkaniżmi tajba ta’ sigurtà mfassla biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-mezzi tat-trasferiment ta’ informazzjoni, jimminimizzaw ir-riskju tal-korruzzjoni tad-data u aċċess mhux awtorizzat. L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi li s-CTP iżżomm riżorsi adegwati u jkollha fis-seħħ faċilitajiet ta’ back-up biex toffri u żżomm is-servizzi tagħha f’kull ħin.

6.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw standards ta’ data u formats għall-informazzjoni li għandha tkun ippubblikata skont l-Artikoli 6, 10, 20 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, inkluż l-identifikatur tal-istrument finanzjarju, il-prezz, il-kwanitità, il-ħin, in-notazzjoni tal-prezz, l-identifikatur tal-post u indikaturi għal kundizzjonijiet speċifiċi li t-tranżazzjonijiet kienu soġġetti għalihom, kif ukoll arranġamenti tekniċi li jippromwovu tixrid effiċjenti u konsistenti tal-informazzjoni b’tali mod li jkun żgurat li hija tkun aċċessibbli u utilizzabbli b’mod faċli għall-parteċipanti tas-suq kif imsemmi fil-paragrafu 1 u 2, inkluż l-identifikazzjoni ta’ servizzi addizzjonali li CTP li jistgħu jżidu l-effiċjenza tas-suq.

L-AETS għandha tippreżenta l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji msemmi fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015 fir-rigward tal-informazzjoni ppubblikata skont l-Artikoli 6 u 20 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u sat-3 ta' Lulju 2015 fir-rigward tal-informazzjoni ppubblikata skont l-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 li jikkjarifikaw x’jikkostitwixxi bażi kummerċjali raġonevoli biex ikun ipprovdut aċċess għal data streams kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

8.   L-AETS għandha tiżviluppa standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a)

il-mezzi li bihom is-CTP tista’ tikkonforma mal-obbligi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2;

(b)

il-kontenut tal-informazzjoni ppubblikata skont il-paragrafi 1 u 2;

(c)

l-istrumenti finanzjarji li data dwarhom għandha tkun ipprovduta fid-data stream u għal strumenti nonazzjonarji, iċ-ċentri ta’ negozjar u l-APAs li jeħtieġ li jiġu inklużi;

(d)

mezzi oħra biex jiġi żgurat li d-data ppubblikata minn CTPs differenti tkun konsistenti u tippermetti mmappjar komprensiv u kontroreferenza ma’ data simili minn sorsi oħra, u tkun tista’ tiġi aggregata fil-livell tal-Unjoni;

(e)

ir-rekwiżiti organizzattivi konkreti stipulati fil-paragrafi 4, u 5.

L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Taqsima 4

Kundizzjonijiet għal ARMs

Artikolu 66

Rekwiżiti organizzattivi

1.   L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi li ARM ikollha fis-seħħ linji ta’ politika u arranġamenti biex jirrapportaw l-informazzjoni rikjesta skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 kemm jista’ jkun malajr, u mhux iktar tard mill-għeluq tal-jum tax-xogħol ta’ wara l-jum li fih tkun saret it-tranżazzjoni. It-tali informazzjoni għandha tkun irrapportata skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

2.   L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi li l-ARM topera u żżomm arranġamenti amministrattivi effettivi mfassla biex jipprevjenu kunflitti ta’ interess mal-klijenti tiegħu. B’mod partikolari, ARM li hu wkoll operatur tas-suq jew ditta ta’ investiment għandu jittratta l-informazzjoni kollha miġbura b’mod nondiskriminatorju u għandu jopera u jżomm arranġamenti xierqa biex jiġu separati funzjonijiet differenti ta’ negozju.

3.   L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi li ARM ikollha fis-seħħ mekkaniżmi tajba ta’ sigurtà mfassla biex jiggarantixxu s-sigurtà u l-awtentikazzjoni tal-mezzi tat-trasferiment ta’ informazzjoni, jimminimizzaw ir-riskju tal-korruzzjoni tad-data u aċċess mhux awtorizzat u jipprevjenu kxif ta’ informazzjoni, filwaqt li jżommu l-kunfidenzjalità tad-data f’kull ħin. L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi li s-ARM iżżomm riżorsi adegwati u jkollha fis-seħħ faċilitajiet ta’ back-up biex toffri u żżomm is-servizzi tagħha f’kull ħin.

4.   L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi li l-ARM jkollha fis-seħħ sistemi li jistgħu effettivament jiċċekkjaw rapporti ta’ tranżazzjoni għall-kompletezza, jidentifikaw omissjonijiet u żbalji ovvji kkawżati mid-ditta ta’ investiment u fejn jiġri tali żball jew omissjoni, jikkomunikaw id-dettalji tal-iżball jew l-omissjoni lid-ditta ta’ investiment u jitolbu ritrażmissjoni ta’ kwalunkwe tali rapporti żbaljati.

L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jirrikjedi wkoll li l-ARM ikollha fis-seħħ sistemi li jippermettu lill-ARM tinduna bi żbalji jew omissjonijiet ikkawżati mill-ARM innifisha u jippermettiulill-ARM tikkorreġi u tittrażmetti, jew tittrażmetti mill-ġdid skont il-każ, rapporti ta’ tranżazzjonijiet korretti u kompleti lill-awtorità kompetenti.

5.   L-AETS għandha tiżviluppa standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a)

il-mezzi li bihom l-ARM tista’ tikkonforma mal-obbligu tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1; u

(b)

ir-rekwiżiti organizzattivi konkreti stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4.

L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

TITOLU VI

AWTORITAJIET KOMPETENTI

KAPITOLU I

Ħatra, setgħat u proċeduri ta’ rimedju

Artikolu 67

Ħatra tal-awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtoritajiet kompetenti li għandhom iwettqu d-dmirijiet kollha previsti fid-dispożizzjonijiet differenti tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-identità tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jinforzaw kull wieħed minn dawn id-dmirijiet, u b’kull taqsim ta’ dawn id-dmirijiet.

2.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu awtoritajiet pubbliċi, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġu ddelegati kompiti lil entitajiet oħra meta dan ikun previst espliċitament fl-Artikolu 29(4).

Kull delega ta’ kompiti lil entitajiet oħra għajr lill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma tista’ tinvolvi la l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u lanqas l-użu tas-setgħat diskrezzjonali tal-ġudizzju. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu illi, qabel jagħtu delega, l-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-passi raġonevoli kollha sabiex jiżguraw illi l-entità li lilha se jiġu ddelegati l-kompiti jkollha l-kapaċità u r-riżorsi sabiex twettaq b’mod effettiv il-kompiti kollha u li din id-delega tingħata biss jekk ikun ġie stabbilit qafas iddefinit biċ-ċar u ddokumentat għall-eżerċizzju ta’ kull kompitu ddelegat li jagħti l-kompiti li jridu jitwettqu u l-kundizzjonijiet li bihom iridu jitwettqu. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jinkludu klawżola li tobbliga lill-entità kkonċernata taġixxi u tkun organizzata b’mod li jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess u jkun żgurat li t-tagħrif miksub mit-twettiq tal-kompiti ddelegati ma jintużax b’mod mhux ġust jew biex jipprevjeni l-kompetizzjoni. Ir-responsabbiltà aħħarija għas-superviżjoni tal-konformità ma’ din id-Direttiva u mal-miżuri tagħha ta’ implimentazzjoni għandha tkun f’idejn l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 1.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra dwar kull arranġament li jkunu daħlu għalih rigward id-delega tal-kompiti, inklużi l-kundizzjonijiet preċiżi li jirregolaw din id-delega.

3.   L-AETS għandha tippubblika u żżomm aġġornata lista tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fis-sit elettroniku tagħha.

Artikolu 68

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fl-istess Stat Membru

Jekk Stat Membru jaħtar iktar minn awtorità kompetenti waħda biex tinforza dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, għandhom jiġu ddefiniti biċ-ċar ir-rwoli rispettivi ta’ dawn l-awtoritajiet u huma għandhom jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin.

Kull Stat Membru għandu jirrikjedi illi din il-kooperazzjoni sseħħ ukoll bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli f’dak l-Istat Membru għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, tal-fondi tal-pensjonijiet, tal-UCITS, tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u tal-intrapriżi tal-assigurazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu illi l-awtoritajiet kompetenti jiskambjaw kull tagħrif li jkun essenzjali jew rilevanti għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet u d-dmirijiet tagħhom.

Artikolu 69

Setgħat superviżjorji

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat superviżorji kollha, inklużi s-setgħat investigattivi u s-setgħat li jimponu rimedji, li jkunu meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva u taħt ir-Regolament (UE) Nru 600/2014.

2.   Is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu, mill-anqas, is-setgħat li ġejjin:

(a)

li jkollhom aċċess għal kull dokument jew data oħra f’kull għamla li l-awtorità kompetenti tikkunsidra li jista’ jkun rilevanti għat-twettiq tad-dmirijiet tagħha u li jirċievu jew jieħdu kopja tagħhom;

(b)

li jirrikjedu jew jitolbu l-provvista ta’ tagħrif mingħand kull persuna u, jekk ikun meħtieġ, isejħu u jinterrogaw lil kull persuna bil-ħsieb li jiksbu t-tagħrif;

(c)

li jwettqu spezzjonijiet jew investigazzjonijiet fuq il-post;

(d)

li jirrikjedu reġistrazzjonijiet ta’ konversazzjonijiet telefoniċi jew komunikazzjonijiet elettroniċi jew rekords oħra tad-data dwar it-traffiku miżmuma minn ditta ta’ investiment, istituzzjoni ta’ kreditu, jew kwalunkwe entità oħra regolata minn din id-Direttiva jew mir-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(e)

jirrikjedu l-iffriżar jew is-sekwestru tal-assi, jew it-tnejn li huma;

(f)

jirrikjedu l-projbizzjoni temporanja tal-attività professjonali;

(g)

jirrikjedu li l-awdituri ta’ ditti ta’ investiment, fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data u swieq regolati awtorizzati jipprovdu t-tagħrif;

(h)

jirreferu kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali;

(i)

jippermettu lill-awdituri jew lill-esperti jwettqu verifiki jew investigazzjonijiet;

(j)

jirrikjedu jew jitolbu l-provvista ta’ tagħrif, inkluż kull dokument rilevanti, dwar id-daqs u l-għan ta’ pożizzjoni jew ta’ esponiment li wieħed ikun daħal għalihom permezz ta’ derivattiv tal-komoditajiet, u dwar kwalunkwe assi jew obbligazzjonijiet li jkun hemm fis-suq sottostanti;

(k)

jirrikjedu l-waqfien temporanju jew permanenti ta’ kwalunkwe prattika jew kondotta li l-awtorità kompetenti tikkunsidra li hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u d-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u jipprevjenu r-repetizzjoni ta’ dik il-prattika jew kondotta;

(l)

jadottaw kull tip ta’ miżura biex jiżguraw li d-ditti ta’ investment, is-swieq regolati u persuni oħrajn li għalihom tapplika din id-Direttiva jew ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, jissoktaw jikkonformaw mar-rekwiżiti ġuridiċi;

(m)

jirrikjedu s-sospensjoni tal-kummerċ fi strument finanzjarji;

(n)

jirrikjedu t-tneħħija ta’ strument finanzjarju mill-kummerċ, kemm jekk f’suq regolat jew taħt arranġamenti oħra kummerċjali;

(o)

jitolbu lil kwalunkwe persuna tieħu passi biex tnaqqas id-daqs ta’ pożizzjoni jew esponiment;

(p)

jillimitaw l-abbiltà ta’ kwalunkwe persuna biex tidħol f’derivattiv tal-komoditajiet, inkluż bl-introduzzjoni tal-limiti fuq id-daqs ta’ pożizzjoni li kwalunkwe persuna jista’ jkollha f’kull ħin skont l-Artikolu 57 ta’ din id-Direttiva;

(q)

joħorġu avviżi pubbliċi;

(r)

jirrkjedu, sa fejn ikun permess mid-dritt nazzjonali, rekords eżistenti tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjonijiet, meta jeżisti suspett raġonevoli ta’ tali ksur u fejn tali rekords jistgħu jkunu rilevanti għall-investigazzjoni ta’ ksur ta’ din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(s)

jissospendu l-kummerċjalizzazzjoni jew il-bejgħ ta’ strumenti finanzjarji jew depożiti strutturati fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikoli 40, 41 jew 42 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(t)

jissospendu l-kummerċjalizzazzjoni jew il-bejgħ ta’ strumenti finanzjarji jew depożiti strutturati fejn id-ditta ta’ investiment ma tkunx żviluppat jew applikat proċess effettiv ta’ approvazzjoni tal-prodott jew inkella naqset milli tkun konformi mal-Artikolu 16(3) ta’ din id-Direttiva;

(u)

jirrikjedu t-tneħħija ta’ persuna fiżika mill-bord maniġerjali ta’ ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq.

Sat-3 ta' Lulju 2016, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jittrasponu l-paragrafi 1 u 2 lill-Kummissjoni u l-AETS. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-AETS mingħajr dewmien indebitu bi kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li hemm mekkaniżmi fis-seħħ biex jiżguraw li l-kumpens jista’ jitħallas jew azzjoni ta’ rimedju tista’ tiġi meħuda skont id-dritt nazzjonali għal kwalunkwe telf finanzjarju jew dannu sofrut bħala riżultat ta’ ksur ta’ din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

Artikolu 70

Sanzjonijiet għal ksur

1.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji inklużi s-setgħat ta’ investigazzjoni u s-setgħat li jiġu imposti rimedji tal-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 69 u l-obbligu tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli u jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu jistgħu jimponu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi applikabbli għall-ksur kollu ta’ din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li huma jiġu implimentati. Tali sanzjonijiet u miżuri għandhom ikunu effettivi, proprzjonati u dissważivi u għandhom japplikaw għal ksur anki meta ma jissemmewx speċifikament fil-paragrafi 3, 4 u 5.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistipulawx regoli għal sanzjonijiet amministrattivi għal ksur li huwa soġġett għal sanzjonijiet kriminali taħt id-dritt nazzjonali tagħhom. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt kriminali.

Sat-3 ta' Lulju 2016 l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jittrasponu dan l-Artikolu, inkluż kwalunkwe dispożizzjonijiet ta’ dritt kriminali rilevanti, lill-Kummissjoni u lill-AETS. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-AETS mingħajr dewmien indebitu bi kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn japplikaw obbligi għad-ditti ta’ investiment, l-operaturi tas-suq, il-fornituri ta’ servizzi tar-rapportar tad-data, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward ta’ servizzi ta’ investiment jew attivitajiet ta’ investiment u servizzi anċillari, u friegħi ta’ ditti ta’ pajjiżi terzi f’każ ta’ ksur, jistgħu jiġu applikati sanzjonijiet u miżuri, soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati fil-liġi nazzjonali f’oqsma mhux armonizzati minn din id-Direttiva, lill-membri tal-korp maniġerjali tad-ditti ta’ investiment u tal-operaturi tas-suq, u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li, skont id-dritt nazzjonali, huma responsabbli ta’ ksur.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 għandu jiġi kkunsidrat bħala ksur ta’ din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 600/2014:

(a)

fir-rigward ta’ din id-Direttiva:

(i)

il-punt (b) tal-Artikolu 8;

(ii)

l-Artikolu 9 (1) sa (6);

(iii)

l-Artikolu 11 (1) u (3);

(iv)

l-Artikolu 16 (1) sa (11);

(v)

l-Artikolu 17 (1) sa (6);

(vi)

l-Artikolu 18 (1) sa (9) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(10);

(vii)

l-Artikoli 19 u 20;

(viii)

l-Artikolu 21(1);

(ix)

l-Artikolu 23(1), (2) u (3);

(x)

l-Artikolu 24(1) sa (5) u (7) sa (10) u l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 24(11);

(xi)

l-Artikolu 25(1) sa (6);

(xii)

it-tieni sentenza tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 26(2) u (3);

(xiii)

l-Artikolu 27(1) sa (8);

(xiv)

l-Artikolu 28(1) u (2);

(xv)

l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(2), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 29(2), l-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(3), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(4), u l-Artikolu 29(5);

(xvi)

it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(1), l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(3);

(xvii)

l-Artikolu 31(1), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(2) u l-Artikolu 31(3);

(xviii)

l-Artikolu 32(1), l-ewwel, it-tieni u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 32(2);

(xix)

l-Artikolu 33(3);

(xx)

l-Artikolu 34(2), l-ewwel sentenza tal-Artikolu 34(4), l-ewwel sentenza tal-Artikolu 34(5), l-ewwel sentenza tal-Artikolu 34(7);

(xxi)

l-Artikolu 35(2), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(7), l-ewwel sentenza tal-Artikolu 35(10);

(xxii)

l-Artikolu 36(1);

(xxiii)

l-ewwel subparagrafu u l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 37(1), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 37(2);

(xxiv)

ir-rabà subparagrafu tal-Artikolu 44(1), l-ewwel sentenza tal-Artikolu 44(2), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 44(3) u l-punt (b) tal-Artikolu 44(5);

(xxv)

l-Artikolu 45(1) sa (6) u (8);

(xxvi)

l-Artikolu 46(1), l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 46(2);

(xxvii)

l-Artikolu 47;

(xxviii)

l-Artikolu 48(1) sa (11);

(xxix)

l-Artikolu 49(1);

(xxx)

l-Artikolu 50(1);

(xxxi)

l-Artikolu 51(1) sa (4) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 51(5);

(xxxii)

l-Artikolu 52(1), l-ewwel, it-tieni u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 52(2);

(xxxiii)

l-Artikolu 53(1), (2) u (3) u l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(6), l-Artikolu 53(7);

(xxxiv)

l-Artikolu 54(1), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(2) u l-Artikolu 54(3);

(xxxv)

l-Artikolu 57(1) u (2), l-Artikolu 57(8) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(10);

(xxxvi)

l-Artikolu 58(1) to (4);

(xxxvii)

l-Artikolu 63(1), (3) u (4);

(xxxviii)

l-Artikolu 64(1) sa (5);

(xxxix)

l-Artikolu 65(1) sa (5);

(xxxx)

l-Artikolu 66(1) sa (4); u

(b)

fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 600/2014:

(i)

l-Artikolu 3(1) u (3);

(ii)

l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3);

(iii)

l-Artikolu 6;

(iv)

l-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(1);

(v)

l-Artikolu 8(1), (3) u (4);

(vi)

l-Artikolu 10;

(vii)

l-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(1) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(3);

(viii)

l-Artikolu 12(1);

(ix)

l-Artikolu 13(1);

(x)

l-Artikolu 14(1), l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(2) u t-tieni, it-tielet u rabà sentenza tal-Artikolu 14(3);

(xi)

l-ewwel subparagrafu u l-ewwel u t-tielet sentenzi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1), l-Artikolu 15(2) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 15(4);

(xii)

it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1);

(xiii)

l-Artikolu 18(1) u (2), l-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(4), u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(5), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(6) l-Artikolu 18(8) u (9);

(xiv)

l-Artikolu 20(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(2);

(xv)

l-Artikolu 21(1), (2) u (3);

(xvi)

l-Artikolu 22(2);

(xvii)

l-Artikolu 23(1) u (2);

(xviii)

l-Artikolu 25(1) u (2);

(xix)

l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(1), l-Artikolu 26(2) sa (5), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(6), l-ewwel sal-ħames u t-tmien subparagrafu tal-Artikolu 26(7);

(xx)

l-Artikolu 27(1);

(xxi)

l-Artikolu 28(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(2);

(xxii)

l-Artikolu 29(1) u (2);

(xxiii)

Artikolu 30(1);

(xxiv)

l-Artikolu 31(2) u (3);

(xxv)

l-Artikolu 35(1), (2) u (3);

(xxvi)

l-Artikolu 36(1), (2) u (3);

(xxvii)

l-Artikolu 37(1) u (3);

(xxviii)

l-Artikoli 40, 41 u 42.

4.   L-għoti ta’ servizzi ta’ investiment jew it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ investiment mingħajr l-awtorizzazzjoni jew l-approvazzjoni rikjesta skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ din id-Direttiva jew ta’ dan ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 għandu wkoll jitqies li jkun ksur ta’ din id-Direttiva jew ta’ dan ir-Regolament (UE) Nru 600/2014:

(a)

l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 6(2) jew l-Artikolu 34, 35, 39, 44 jew 59 ta’ din id-Direttiva; jew

(b)

it-tielet sentenza tal-Artikolu 7(1) jew l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

5.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni jew konformità ma’ investigazzjoni jew spezzjoni jew talba koperta mill-Artikolu 69 għandhom jitqiesu wkoll bħala ksur ta’ din id-Direttiva.

6.   Fil-każ ta’ ksur imsemmi fil-paragrafi 3, 4 u 5, l-Istati Membri għandhom, f’konformita’ mal-liġi nazzjonali, jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jieħdu u jimponu tall-anqas is-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi li ġejjin:

(a)

dikjarazzjoni pubblika li tindika l-persuna fiżika jew ġuridika u n-natura tal-ksur f’konformità mal-Artikolu 71;

(b)

ordni li titlob lill-persuna fiżika jew ġuridika biex twaqqaf il-kondotta u li ma tirrepetix dik il-kondotta;

(c)

fil-każ ta’ ditta ta’ investiment, operatur tas-suq awtorizzat li jopera MTF jew OTF, suq regolat, APA, CTP u ARM, l-irtirar jew is-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni skont l-Artikoli 8, 43 u 65;

(d)

projbizzjoni temporanja jew, f’każ ta’ ksur serju ripetut, permanenti kontra kwalunkwe membru tal-korp maniġerjali tad-ditta ta’ investiment jew kwalunkwe persuna fiżika oħra, li hija miżmuma responsabbli, biex teżerċita funzjonijiet maniġerjali fid-ditti ta’ investiment;

(e)

projbizzjoni temporanja fuq kwalunkwe ditta ta’ investiment li tkun membru jew parteċipant fi swieq regolati jew MTFs jew kwalunkwe klijent ta’ OTFs;

(f)

fil-każ ta’ persuna ġuridika, multi ta’ mhux inqas minn EUR 5 000 000, jew fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-2 ta' Lulju 2014, jew sa massimu ta’ 10 % tal-fatturat totali annwali tal-persuna ġuridika skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp maniġerjali; fejn il-persuna ġuridika tkun impriża prinċipali jew sussidjarja tal-impriża prinċipali li għandha tħejji kontijiet finanzjarji konsolidati skont id- Direttiva 2013/34/KE, il-fatturat totali annwali rilevanti għandu jkun il-fatturat totali annwali jew it-tip korrispondenti ta’ introjtu f’konformità mal-atti leġislattivi rilevanti dwar il-kontabilità skont l-aħħar kontijiet konsolidati disponibbli approvati mill-korp maniġerjali tal-impriża prinċipali ewlenija;

(g)

f’każ ta’ persuna fiżika, multi amministrattivi massimi tal-anqas ta’ EUR 5 000 000, jew fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-2 ta' Lulju 2014.

(h)

multi amministrattivi massimi ta’ mill-inqas id-doppju tal-ammont tal-benefiċċju meħud mill-ksur fejn dak il-benefiċċju jista’ jiġi determinat, anki jekk jaqbeż l-ammonti massimi fil-punti (f) u (g).

7.   L-Istati Membri għandhom jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti jimponu tipi ta’ sanzjonijiet minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 6 jew li jimponu multi li jaqbżu l-ammonti msemmija fil-punti (f), (g) u (h) tal-paragrafu 6.

Artikolu 71

Pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw kwalunkwe deċiżjoni li timponi sanzjoni jew miżura għall-ksur tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jew tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fuq is-siti elettroniċi uffiċjali tagħhom mingħajr dewmien wara li l-persuna li fuqha s-sanzjoni ġiet imposta tkun ġiet infurmata dwar dik id-deċiżjoni. Il-pubblikazzjoni tkun tinkludi għall-inqas informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli. Dak l-obbligu ma japplikax għal deċiżjonijiet li jimponu miżuri li huma ta’ natura investigattiva.

Madankollu, fejn il-pubblikazzjoni tal-identità tal-persuni ġuridiċi jew tad-data personali tal-persuni fiżiċi titqies bħala sproporzjonata mill-awtorità kompetenti b’segwitu għall-valutazzjoni ta’ kull każ individwali mwettqa dwar il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ din id-data, jew fejn il-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni li tkun għaddejja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom:

(a)

jiddiferixxu l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tiġi imposta s-sanzjoni jew miżura sal-mument meta r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ma jibqgħux jeżistu;

(b)

jippubblikaw id-deċiżjoni li tiġi imposta s-sanzjoni jew miżura fuq bażi anonima b’mod li jikkonforma mal-liġi nazzjonali, jekk tali pubblikazzjoni anonima tkun tiżgura ħarsien effettiv tad-data personali kkonċernata;

(c)

ma jippubblikawx id-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni jew miżura f’każ li l-għażliet stipulati fil-punti (a) u (b) hawn fuq jitqiesu insuffiċjenti biex jiżguraw:

(i)

li ma tiġix mhedda l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji;

(ii)

il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni tat-tali deċiżjonijiet fir-rigward ta’ miżuri li jitqiesu ta’ natura minuri.

Fil-każ ta’ deċiżjoni li tiġi ppubblikata sanzjoni jew miżura fuq bażi anonima, il-pubblikazzjoni tad-data rilevanti tista’ tiġi posposta għal perjodu raġonevoli ta’ żmien jekk ikun maħsub li f’dak il-perijodu r-raġunijiet għall-pubblikazzjoni anonima ma jkunux ser jibqgħu jeżistu.

2.   Meta d-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni jew miżura tkun soġġetta għal appell quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji rilevanti jew awtoritajiet rilevanti oħra, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll jippubblikaw, immedjatament, fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom din l-informazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar ir-riżultat ta’ tali appell. Barra minn hekk, għandha tiġi ppubblikata wkoll kwalunkwe deċiżjoni li tannulla deċiżjoni preċedenti biex tiġi imposta sanzjoni jew miżura.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe pubblikazzjoni bi qbil ma’ dan l-Artikolu għandha tibqa’ fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin wara l-pubblikazzjoni tagħha. Id-data personali li tkun tinsab fil-pubblikazzjoni għandha tinżamm fuq il-websajt uffiċjali tal-awtorità kompetenti għall-perjodu li hu meħtieġ bi qbil mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data biss.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lill-AETS dwar is-sanzjonijiet amministrattivi kollha imposti imma mhux ippubblikati skont il-punt (c) tal-paragrafu 1, flimkien ma’ kwalunkwe appell li jkun sar fir-rigward tagħhom u l-eżitu tiegħu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jirċievu l-informazzjoni u s-sentenza finali fir-rigward ta’ kwalunkwe sanzjoni kriminali imposta u jippreżentawhom lill-AETS. L-AETS għandha żżomm database ċentrali tas-sanzjonijiet ikkomunikati lilha unikament għall-finijiet tal-iskambju ta’ tagħrif bejn l-awtoritajiet kompetenti. Dik id-database għandha tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti biss u għandha tiġi aġġornata abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti.

4.   Kull sena l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-AETS l-informazzjoni aggregata rigward is-sanzjonijiet u l-miżuri kollha imposti skont il-paragrafi 1 u 2. Dak l-obbligu ma japplikax għal miżuri ta’ natura investigattiva. L-AETS għandha tippubblika dik l-informazzjoni f’rapport annwali.

Meta l-Istati Membri jkunu għażlu li, bi qbil mal-Artikolu 70, jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmijin f’dak l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għandhom, annwalment, jipprovdu lill-AETS b’data anonimizzata u aggregata rigward l-investigazzjonijiet kriminali kollha li jkunu twettqu u l-pieni kriminali kollha li jkunu ġew imposti. L-AETS għandha tippubblika d-data dwar is-sanzjonijiet kriminali imposti f’rapport annwali.

5.   Meta l-awtorità kompetenti tkun żvelat lill-pubbliku miżura amministrattiva, sanzjoni jew sanzjoni kriminali, hija għandha, fl-istess ħin, tirrapporta dak il-fatt lill-AETS.

6.   Meta sanzjoni kriminali jew amministrattiva ppubblikata tirrigwarda ditta tal-investiment, operatur tas-suq, fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data, istituzzjoni ta’ kreditu fir-rigward ta’ servizzi u attivitajiet ta’ investiment jew servizzi anċillari, jew fergħa ta’ ditti minn pajjiżi terzi awtorizzati f’konformita’ ma’ din id-Direttiva, l-AETS għandha żżid referenza għas-sanzjoni ppubblikata fir-reġistru rilevanti.

7.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw il-proċeduri u l-formoli għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni kif imsemmi f’dan l-Artikolu.

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-3 ta' Jannar 2016.

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu bi qbil mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 72

Eżerċitar tas-setgħat superviżorji u tas-setgħat ta’ impożizzjoni ta’ sanjonijiet

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat superviżorji, inklużi s-setgħat investigattivi u s-setgħat għall-impożizzjoni ta’ rimedji, imsemmijin fl-Artikolu 69, u s-setgħat ta’ impożizzjoni ta’ sanjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 70 f’konformita’ mal-oqfsa ġuridiċi nazzjonali tagħhom:

(a)

direttament;

(b)

f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn;

(c)

taħt ir-responsabbiltà tagħhom permezz ta’ delega lill-entitajiet li lilhom ikunu ġew iddelegati kompiti skont l-Artikolu 67(2); jew

(d)

permezz ta’ applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, meta jkunu qed jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ sanzjoni jew miżura amministrattiva imposta fl-eżerċitar tas-setgħat ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 70, iqisu ċ-ċirkustanzi kollha relevanti inkluż, fejn ikun xieraq:

(a)

il-gravità u d-durata tal-ksur;

(b)

il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur;

(c)

is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika, kif indikat b’mod partikolari mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew id-dħul annwali u l-assi netti tal-persuna fiżika responsabbli;

(d)

l-importanza tal-profitti miksuba jew telf evitat mill-persuna fiżika jew ġuridika, sakemm dawn ikunu jistgħu jkunu determinati;

(e)

it-telf għall-partijiet terzi kkawżat mill-ksur, sakemm dan ikun jista’ jkun determinat;

(f)

il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mal-awtorità kompetenti, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata r-restituzzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;

(g)

ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew legali responsabbli.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jqisu fatturi addizzjonali apparti dawk imsemmijin fl-ewwel subparagrafu preċedenti fid-determinazzjoni tat-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet u miżuri amministrattivi.

Artikolu 73

Rapportar ta’ ksur

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu mekkaniżmi effikaċi biex jippermettu rapportar ta’ ksur potenzjali jew effettiv tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-awtoritajiet kompetenti.

Bħala minimu, il-mekkaniżmi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu:

(a)

proċeduri speċifiċi għar-riċezzjoni ta’ rapporti dwar ksur potenzjali jew effettiv u s-segwitu li jingħata għalihom, inkluż l-istabbiliment ta’ kanali ta’ komunikazzjoni siguri għat-tali rapporti;

(b)

protezzjoni xierqa għall-impjegati ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li jirrapportaw ksur li jsir fl-istituzzjoni finanzjarja tal-inqas kontra ritaljazzjoni, diskriminazzjoni jew tipi oħrajn ta’ trattament inġust;

(c)

protezzjoni tal-identità kemm tal-persuna li tirrapporta l-ksur kif ukoll tal-persuna fiżika li hija allegatament responsabbli għall-ksur, fl-istadji kollha tal-proċeduri sakemm tali divulgazzjoni ma tkunx rikjesta mid-dritt nazzjonali fil-kuntest ta’ investigazzjoni ulterjuri jew proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji sussegwenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li d-ditti ta’ investiment, l-operaturi tas-suq, il-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward tas-servizzi jew attivitajiet ta’ investiment u s-servizzi anċillari, u l-fergħat ta’ ditti minn pajjiżi terzi jkollhom fis-seħħ proċeduri xierqa għall-impjegati tagħhom biex jirrapportaw ksur potenzjali jew effettiv internament permezz ta’ kanal speċifiku, indipendenti u awtonomu.

Artikolu 74

Dritt ta’ appell

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull deċiżjoni meħuda skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jew skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skont din id-Direttiva tkun irraġunata kif xieraq u tkun soġġetta għad-dritt ta’ appell quddiem tribunal. Id-dritt ta’ appell quddiem tribunal għandu japplika wkoll meta, fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni li tipprovdi t-tagħrif kollu meħtieġ, ma tittieħed l-ebda deċiżjoni fi żmien sitt xhur mis-sottomissjoni tagħha.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu illi korp jew korpi minn dawn li ġejjin, kif determinati mid-dritt nazzjonali, ukoll ikunu jistgħu, fl-interess tal-konsumaturi u bi qbil mad-dritt nazzjonali, jieħdu azzjoni quddiem il-qrati jew quddiem il-korpi amministrattivi kompetenti sabiex jiżguraw illi jkunu qed jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva:

(a)

il-korpi pubbliċi jew ir-rappreżentanti tagħhom;

(b)

l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur li jkollhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi;

(c)

l-organizzazzjonijiet professjonali li jkollhom interess leġittimu li jaġixxu sabiex jipproteġu lill-membri tagħhom.

Artikolu 75

Mekkaniżmu extra ġudizzjarju għall-ilmenti tal-konsumaturi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti proċeduri effiċjenti u effikaċi għal ilmenti u rimedju għar-riżoluzzjoni barra l-qorti tat-tilwim ta’ konsumaturi li jirrigwarda l-provvediment ta’ servizzi tal-investiment u ta’ servizzi anċillari mid-ditti tal-investiment, bl-użu tal-korpi eżistenti meta dan ikun xieraq. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li d-ditti kollha ta’ investiment ikunu membri f’korp jew korpi ta’ dan it-tip li jimplimentaw it-tali proċeduri għal ilmenti u rimedju.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-korpi jikkooperaw b’mod attiv ma’ korpi simili fl-Istati Membri l-oħra sabiex fir-riżoluzzjoni tat-tilwim transkonfinali.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-AETS dwar il-proċeduri għal ilmenti u rimedju msemmija fil-paragrafu 1 li huma disponibbli fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom.

L-AETS għandha tippubblika u żżomm aġġornata lista tal-mekkaniżmi extra ġudizzjarji kollha fis-sit elettroniku tagħha.

Artikolu 76

Sigriet professjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, il-persuni kollha li jaħdmu jew li jkunu ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti jew l-entitajiet li lilhom ikunu ġew iddelegati l-kompiti skont l-Artikolu 67(2), kif ukoll l-awdituri u l-esperti mogħtija struzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti jkunu marbuta bl-obbligu tas-sigriet professjonali. Huma ma għandhom jiddivulgaw l-ebda tagħrif kunfidenzjali li jistgħu jirċievu fit-twettiq ta’ dmirijiethom, għajr f’għamla sommarja jew aggregata hekk li d-ditti ta’ investiment individwali, l-operaturi tas-suq, is-swieq regolati jew kwalunkwe persuna oħra ma jkunux jistgħu jiġu identifikati, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tad-dritt kriminali jew fiskali nazzjonali jew għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

2.   Meta ditta ta’ investment, operatur tas-suq jew suq regolat ikunu ġew iddikjarati bħala falluti, jew ikunu obbligati li jiġu stralċati, jista’ jiġi ddivulgat tagħrif kunfidenzjali li ma jirrigwardax lil partijiet terzi fi proċedimenti ċivili jew kummerċjali jekk dan ikun meħtieġ sabiex jitwettqu dawn il-proċedimenti.

3.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tad-dritt kriminali jew fiskali nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti, il-korpi jew il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi għajr l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu tagħrif kunfidenzjali skont din id-Direttiva jew skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 jistgħu jużawh biss fit-twettiq ta’ dmirijiethom u għall-eżerċitar tal-funzjonijiet tagħhom, fil-każ tal-awtoritajiet kompetenti, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jew, fil-każ tal-awtoritajiet, il-korpi jew il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi l-oħrajn, għall-fini li għalih dan it-tagħrif ikun ingħatalhom u/jew fil-kuntest ta’ proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji li jkollhom x’jaqsmu b’mod speċifiku mal-eżerċitar ta’ dawk il-funzjonijiet. Madankollu, meta l-awtorità kompetenti jew kull awtorità, korp jew persuna oħra li tikkomunika t-tagħrif tagħti l-kunsens tagħha għal dan, l-awtorità li tirċievi t-tagħrif tista’ tużah għal finijiet oħra.

4.   Kull tagħrif kunfidenzali rċevut, skambjat jew trażmess skont din id-Direttiva jew ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 għandu soġġett għall-kondizzjonijiet tas-sigriet professjonali stabbiliti f’dan l-Artikolu. Madankollu, dan l-Artikolu ma għandux jipprevjeni lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw jew jittrażmettu tagħrif kunfidenzjali bi qbil ma’ din id-Direttiva jew mar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u mad-Direttivi jew ir-Regolamenti l-oħra li japplikaw għad-ditti ta’ investiment, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-fondi tal-pensjonijiet, l-UCITS, l-AIF, l-intermedjarji fl-oqsma tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, l-impriżi ta’ assigurazzjoni, is-swieq regolati jew l-operaturi tas-suq, is-CCPs, is-CSDs, jew b’mod ieħor bil-kunsens tal-awtorità kompetenti jew tal-awtorità jew korp jew persuna fiżika jew ġuridika oħrajn li jkunu kkomunikaw it-tagħrif.

5.   Dan l-Artikolu ma għandux jipprevjeni lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw jew jittrażmettu, bi qbil mad-dritt nazzjonali, tagħrif kunfidenzjali li ma jkunx ġie rċevut mingħand awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

Artikolu 77

Relazzjonijiet mal-awdituri

1.   L-Istati Membri għandhom għall-inqas jipprevedu illi kull persuna awtorizzata skont it-tifsira Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (49), li tkun twettaq, f’ditta tal-investiment, suq regolat jew fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data il-kompitu deskritt fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/34/UE, jew fl-Artikolu 73 tad-Direttiva 2009/65/KE jew kull kompitu ieħor preskritt mid-dritt, għandu jkollha d-dmir li tirrapporta fil-pront lill-awtoritajiet kompetenti kull fatt jew deċiżjoni li jirrigwardaw lil dik l-impriza u li din il-persuna tkun saret konxja minnhom fit-twettiq ta’ dan il-kompitu u li jistgħu:

(a)

jikkostitwixxu ksur materjali tal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni jew li jirregolaw b’mod speċifiku t-twettiq tal-attivitajiet tad-ditti ta’ investment;

(b)

jaffettwaw il-funzjonament kontinwu tad-ditta ta’ investiment;

(c)

iwasslu għar-rifjut li jiġu ċċertifikati l-kontijiet jew għall-espressjoni ta’ riżervi.

Din il-persuna għandu jkollha d-dmir ukoll li tirrapporta kull fatt u deċiżjoni li ssir konxja minnhom hija u twettaq wieħed mill-kompiti msemmija fl-ewwel subparagrafu f’impriża li jkollha rabtiet mill-qrib mad-ditta ta’ investiment li fiha tkun qiegħda twettaq dan il-kompitu.

2.   Id-divulgazzjoni in bona fede lill-awtoritajiet kompetenti minn persuni awtorizzati skont it-tifsira tad-Direttiva 2006/43/KE, ta’ kull fatt jew deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tikkostitwixxi ksur ta’ kwalunkwe restrizzjoni kuntrattwali jew ġuridika dwar id-divulgazzjoni tat-tagħrif u ma għandu jimplika l-ebda responsabbiltà għal din il-persuna.

Artikolu 78

Protezzjoni tad-data

L-ipproċessar tad-data personali miġbura fl-eżerċitar jew għall-iskop tal-eżerċitar tas-setgħat superviżorji, inklużi s-setgħat investigattivi bi qbil ma’ din id-Direttiva għandu jsir bi qbil mad-dritt nazzjonali fejn tkun implimentata d-Direttiva 95/46/KE u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 fejn applikabbli.

KAPITOLU II

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u mal-AETS

Artikolu 79

Obbligu ta’ kooperazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri differenti għandhom jikkooperaw ma’ xulxin fejn dan ikun meħtieġ sabiex iwettqu dmirijiethom skont din id-Direttiva jew skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, jużaw is-setgħat tagħhom, kemm jekk huma stabbiliti f’din id-Direttiva jew fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 jew fid-dritt nazzjonali.

Meta l-Istati Membri jkunu għażlu, bi qbil mal-Artikolu 70, li jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’dak l-Artikolu, huma għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ il-miżuri xierqa sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat kollha meħtieġa biex jikkollaboraw mal-awtoritajiet ġudizzjarji fil-ġurisdizzjoni tagħhom biex jirċievu informazzjoni speċifika relatata ma’ investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali mibdija minħabba ksur possibbli ta’ din id-Direttiva u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u jipprovdu l-istess lil awtoritajiet kompetenti oħra u lill-AETS biex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jikkooperaw ma’ xulxin u mal-AETS għall-finijiet ta’ din id-Direttva u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu assistenza lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra. B’mod partikulari, għandhom jiskambjaw it-tagħrif u jikkooperaw f’kull investigazzjoni jew attività superviżorja.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jikkooperaw mal-awtoritajiet kompete nti ta’ Stati Membri oħra fir-rigward tal-iffaċilitar tal-irkupru ta’ multi.

Sabiex jiffaċilitaw u jaċċeleraw il-kooperazzjoni u, b’mod aktar partikolari, l-iskambju ta’ tagħrif, l-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità kompetenti waħda bħala punt ta’ kuntatt għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, lill-AETS u lill-Istati Membri l-oħra, l-ismijiet tal-awtoritajiet li jkunu nħatru sabiex jirċievu t-talbiet għall-iskambju ta’ tagħrif u għall-kooperazzjoni skont dan il-paragrafu. L-AETS għandha tippubblika u żżomm aġġornata lista ta’ dawk l-awtoritajiet fuq is-sit elettroniku tagħha.

2.   Meta, wara li titqies is-sitwazzjoni tas-swieq tat-titoli fl-Istat Membru ospitanti, l-operazzjonijiet ta’ ċentru ta’ negozjar li jkun stabbilixxa arranġamenti fi Stat Membru ospitanti jkunu saru ta’ importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri f’dak l-Istat Membru ospitanti, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju u tal-Istat Membru ospitanti taċ-ċentru ta’ negozjar għandhom jistabbilixxu arranġamenti proporzjonati għall-kooperazzjoni bejniethom.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri amministrattivi u organizzattivi meħtieġa sabiex jiffaċilitaw l-assistenza prevista fil-paragrafu 1.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jużaw is-setgħat tagħhom sabiex jikkooperaw bejniethom, anke meta l-kondotta li tkun qed tiġi investigata ma tkun tikkostitwixxi l-ksur tal-ebda regolament fis-seħħ f’dak l-Istat Membru.

4.   Meta awtorità kompetenti jkollha raġunijiet tajba biex tissuspetta li jkunu qegħdin jitwettqu jew li jkunu twettqu atti li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor minn entitajiet li mhumiex soġġetti għas-superviżjoni tagħha, hija għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor u lill-AETS bl-aktar mod speċifiku possibbli. L-awtorità kompetenti nnotifikata għandha tieħu l-azzjoni adatta. Hija għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti li tkun bagħtet in-notifika u lill-AETS dwar l-eżitu tal-azzjoni u, safejn ikun possibbli, dwar l-iżviluppi sinifikanti fl-interim. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-awtorità kompetenti li tkun bagħtet in-notifika.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 4, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra bid-dettalji ta’:

(a)

kwalunkwe talbiet għat-tnaqqis fid-daqs ta’ pożizzjoni jew esponiment skont il-punt (o) tal-Artikolu 69(2);

(b)

kwalunkwe limiti fuq il-kapaċità ta’ persuni li jidħlu fi strument skont il-punt (p) tal-Artikolu 69(2).

In-notifika għandha tinkludi, fejn relevanti, id-dettalji tar-rikjesta jew tat-talba skont il-punt (j) tal-Artikolu 69(2), inklużi l-identità tal-persuna jew persuni li lilhom tkun indirizzata u r-raġunijiet għaliha, kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-limiti introdotti skont il-punt (p) tal-Artikolu 69(2) inkluż il-persuna kkonċernata, l-istrumenti finanzjarji applikabbli, kwalunkwe limitu fuq id-daqs tal-pożizzjonijiet li l-persuna tkun tista’ żżomm fi kwalunkwe mument, kwalunkwe eżenzjoni għalihom mogħtija f’konformita’ mal-Artikolu 57, u r-raġunijiet għalihom.

In-notifiki għandhom isiru mhux inqas minn 24 siegħa qabel ma l-azzjonijiet jew il-miżuri jkunu intenzjonati li jidħlu fis-seħħ. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-awtorità kompetenti tista’ tagħmel in-notifika inqas minn 24 siegħa qabel ma l-miżura tkun intenzjonata li tidħol fis-seħħ fejn ma jkunx possibbli li jingħata avviż ta’ 24 siegħa.

Awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li tirċievi notifika skont dan il-paragrafu tista’ tieħu miżuri f’konformita’ mal-punt (o) jew (p) tal-Artikolu 69(2) fejn tkun sodisfatta li l-miżura tkun meħtieġa biex jinkiseb l-għan tal-awtorità kompetenti l-oħra. L-awtorità kompetenti għandha wkoll tagħti avviż bi qbil ma’ dan il-paragrafu meta tipproponi li tieħu miżuri.

Meta azzjoni skont il-punti (a) jew (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu tirrigwarda prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) stabbilita skont ir-Regolament (KE) Nru 713/2009.

6.   Fir-rigward tal-kwoti tal-emissjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mal-korpi pubbliċi kompetenti għas-sorveljanza tas-swieq spot u tas-swieq bi rkant, u mal-awtoritajiet kompetenti. l-amministraturi tar-reġistri u korpi pubbliċi oħrajn responsabbli għas-superviżjoni tal-konformità skont id-Direttiva 2003/87/KE b’mod li jiġi żgurat li dawn ikun jista’ jkollhom perspettiva ġenerali konsolidata tas-swieq tal-kwoti tal-emissjonijiet.

7.   Fir-rigward tad-derivattivi ta’ komoditajiet agrikoli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrapportaw lill-korpi pubbliċi kompetenti għas-sorveljanza, l-amministrazzjoni u r-regolamentazzjoni ta’ swieq agrikoli fiżiċi skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u jikkooperaw magħhom.

8.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 dwar il-miżuri sabiex jiġu stabbiliti l-kriterji skont liema l-attivitajiet ta’ ċentru ta’ negozjar fi Stat Membru ospitanti jistgħu jitqiesu li jkunu ta’ importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri f’dak l-Istat Membru ospitanti.

9.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-arranġamenti ta’ kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-3 ta' Jannar 2016.

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu bi qbil mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 80

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-attivitajiet superviżorji, għall-verifiki fuq il-post jew l-investigazzjonijiet

1.   Awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ titlob il-kooperazzjoni tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor f’attività superviżorja jew għal verifika fuq il-post jew f’investigazzjoni. Fil-każ tad-ditti ta’ investiment li jkunu membri jew parteċipanti remoti ta’ suq regolat, l-awtorità kompetenti tas-suq regolat tista’ tagħżel li tindirizzahom direttament, f’liema każ għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-membru jew tal-parteċipant remoti kif jixraq.

Meta awtorità kompetenti tirċievi talba rigward verifika fuq il-post jew investigazzjoni, għandha, fil-qafas tas-setgħat tagħha:

(a)

twettaq hija stess il-verifiki jew l-investigazzjonijiet;

(b)

tippermetti lill-awtorità li tagħmel it-talba twettaq il-verifika jew l-investigazzjoni;

(c)

tippermetti li awdituri jew esperti jwettqu l-verifika jew l-investigazzjoni.

2.   Bil-għan li jkun hemm konverġenza tal-prattiki superviżorji, l-AETS tista’ tipparteċipa fl-attivitajiet tal-kulleġġi tas-superviżuri, inkluż fil-verifiki fuq il-post u fl-investigazzjonijiet, imwettqa b’mod konġunt minn żewġ awtoritajiet kompetenti jew aktar bi qbil mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika t-tagħrif li għandu jiġi skambjat bejn l-awtoritajiet kompetenti meta dawn ikunu qed jikkooperaw fl-attivitajiet superviżorji, fil-verifiki fuq il-post u fl-investigazzjonijiet.

L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015.

Qed tiġi delegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu bi qbil mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-awtoritajiet kompetenti sabiex dawn jikkooperaw fl-attivitajiet superviżorji, fil-verifiki fuq il-post u fl-investigazzjonijiet.

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-3 ta' Jannar 2016.

Qed tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu bi qbil mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 81

Skambju ta’ tagħrif

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jkunu nħatru bħala punti ta’ kuntatt għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 f’konformita’ mal-Artikolu 79(1) ta’ din id-Direttiva għandhom ifornu minnufih lil xulxin it-tagħrif meħtieġ biex jitwettqu d-dmirijiet tal-awtoritajiet kompetenti, maħtura bi qbil mal-Artikolu 67(1) ta’ din id-Direttiva, stabbiliti fid-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva jew ir-Regolament (UE) Nru 600/2014.

L-awtoritajiet kompetenti li jiskambjaw it-tagħrif ma’ awtoritajiet kompetenti oħra skont din id-Direttiva jew skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 jistgħu jindikaw, fil-mument meta jagħmlu l-komunikazzjoni, li dan it-tagħrif ma jistax jiġi żvelat mingħajr il-qbil espliċitu tagħhom, f’liema każ dan it-tagħrif jista’ jiġi skambjat biss għall-finijiet li għalihom dawk l-awtoritajiet ikunu taw il-qbil tagħhom.

2.   L-awtorità kompetenti li tkun inħatret bħala l-punt ta’ kuntatt bi qbil mal-Artikolu 79(1) tista’ tittrażmetti t-tagħrif li tkun irċeviet skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u skont l-Artikoli 77 u 88 lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 67(1). Dawn ma għandhomx jittrażmettuh lil korpi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn mingħajr il-qbil espliċitu tal-awtoritajiet kompetenti li jkunu ddivulgawh u għandhom jagħmlu dan biss għall-finijiet li għalihom dawk l-awtoritajiet ikunu taw il-qbil tagħhom, għajr f’ċirkustanzi ġġustifikati kif dovut. F’dan il-każ tal-aħħar, il-punt ta’ kuntatt għandu jgħarraf minnufih lill-punt ta’ kuntatt li jkun bagħat it-tagħrif.

3.   L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 71 kif ukoll il-korpi jew il-persuni fiżiċi u ġuridiċi l-oħrajn li jirċievu tagħrif kunfidenzjali skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew skont l-Artikoli 77 u 88 jistgħu jużawh biss waqt li jkunu qed iwettqu dmirijiethom, b’mod partikulari:

(a)

sabiex jiċċekkjaw illi jkunu qed jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-bidu ta’ attività kummerċjali minn ditti ta’ investiment u sabiex jiffaċilitaw il-monitoraġġ, fuq bażi kkonsolidata jew mhux ikkonsolidata, tat-tmexxija ta’ dik l-attività kummerċjali, b’mod speċjali fir-rigward tar-rekwiżiti tal-adegwatezza kapitali imposti mid-Direttiva 2013/36/UE, il-proċeduri amministrattivi kontabbilistiċi u l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern;

(b)

sabiex jimmonitorjaw il-funzjonament xieraq taċ-ċentri ta’ negozjar;

(c)

sabiex jimponu sanzjonijiet;

(d)

fl-appelli amministrattivi kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti;

(e)

fil-proċedimenti tal-qrati mibdija skont l-Artikolu 74;

(f)

fil-mekkaniżmu extra ġudizzjarju għall-ilmenti tal-investituri previst fl-Artikolu 75.

4.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-iskambju ta’ tagħrif.

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-3 ta' Jannar 2016.

Qed tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu bi qbil mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

5.   La dan l-Artikolu u lanqas l-Artikoli 76 jew 88 m’għandhom jipprevjenu lil awtorità kompetenti milli tittrażmetti lill-AETS, lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, lill-banek ċentrali, lis-SEBĊ u lill-BĊE, fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji u, meta jkun xieraq, lill-awtoritajiet pubbliċi l-oħra responsabbli għas-sorveljanza tas-sistemi tal-ħlasijiet u tas-saldu, tagħrif kunfidenzjali maħsub għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Bl-istess mod, dawn l-awtoritajiet jew korpi m’għandhomx jitwaqqfu milli jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti it-tali tagħrif li huma jistgħu jeħtieġu biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom previsti f’din id-Direttiva jew fir-Regolament (UE) Nru 600/2014.

Artikolu 82

Medjazzjoni vinkolanti

1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu lill-AETS s-sitwazzjonijiet fejn talba relatata ma’ waħda minn dawn li ġejjin tkun ġiet irrifjutata jew ma tkunx ittieħdet azzjoni dwarha fi żmien raġonevoli:

(a)

biex titwettaq attività superviżorja, verifika fuq il-post jew investigazzjoni, kif previst fl-Artikolu 80; jew

(b)

għall-skambju ta’ tagħrif kif previst fl-Artikolu 81.

2.   Fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-AETS tista’ taġixxi bi qbil mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltajiet li tirrifjuta li taġixxi fuq talba għal tagħrif previsti fl-Artikolu 83 ta’ din id-Direttiva u għall-possibbiltà li l-AETS taġixxi bi qbil mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 83

Rifjut ta’ kooperazzjoni

Awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta li taġixxi fuq talba għal kooperazzjoni fit-twettiq ta’ investigazzjoni, verifika fuq il-post jew attività superviżorja kif previst fl-Artikolu 84 jew li tiskambja t-tagħrif kif previst fl-Artikolu 81 biss meta:

(a)

ikunu diġà nbdew il-proċedimenti ġudizzjarji rigward l-istess azzjonijiet u l-istess persuni quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru indirizzat;

(b)

tkun diġà ngħatat is-sentenza finali fl-Istat Membru indirizzat rigward l-istess persuni u l-istess azzjonijiet.

Fil-każ ta’ rifjut ta’ dan it-tip, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti li tkun għamlet it-talba u lill-AETS kif meħtieġ, billi tipprovdi tagħrif kemm jista’ jkun iddettaljat.

Artikolu 84

Konsultazzjoni qabel l-awtorizzazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor involut għandhom jiġu kkonsultati qabel ma tingħata awtorizzazzjoni lil ditta tal-investiment li tkun kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

sussidjarja ta’ ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq jew istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzati fi Stat Membru ieħor;

(b)

sussidjarja ta’ impriża prinċipali ta’ ditta ta’ investiment jew ta’ istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzati fi Stat Membru ieħor;

(c)

ditta kkontrollata mill-istess persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jikkontrollaw ditta ta’ investiment jew istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzati fi Stat Membru ieħor.

2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru responsabbli għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew tal-impriżi ta’ assigurazzjoni għandha tiġi kkonsultata qabel ma tingħata awtorizzazzjoni lil ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li jkunu kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

sussidjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ impriża ta’ assigurazzjoni awtorizzata fl-Unjoni;

(b)

sussidjarja tal-impriża prinċipali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ impriża ta’ assigurazzjoni awtorizzata fl-Unjoni;

(c)

ikkontrollata mill-istess persuna, kemm fiżika u kemm ġuridika, li tikkontrolla istituzzjoni ta’ kreditu jew impriża ta’ assigurazzjoni awtorizzata fl-Unjoni.

3.   L-awtoritajiet kompetenti rilevanti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jikkonsultaw lil xulxin b’mod partikulari meta jkunu qegħdin jivvalutaw l-adegwatezza tal-azzjonisti jew il-membri u l-fama u l-esperjenza tal-persuni li effettivament jidderieġu n-negozju involuti fil-ġestjoni ta’ entità oħra tal-istess grupp. Huma għandhom jiskambjaw it-tagħrif kollu dwar l-adegwatezza tal-azzjonisti jew il-membri u dwar il-fama u l-esperjenza tal-persuni li effettivament jidderieġu n-negozju li jkun ta’ rilevanza għall-awtoritajiet kompetenti l-oħra involuti, għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni, kif ukoll għall-valutazzjoni kontinwa tal-konformità mal-kundizzjonijiet operattivi.

4.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-konsultazzjoni ta’ awtoritajiet kompetenti oħra qabel tingħata awtorizzazzjoni.

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-3 ta' Jannar 2016.

Qed tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu bi qbil mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 85

Setgħat għall-Istati Membri ospitanti

1.   L-Istati Membri ospitanti għandhom jipprevedu li l-awtorità kompetenti tista’, għal finijiet statistiċi, tirrikjedi li d-ditti ta’ investiment kollha li jkollhom friegħi fit-territorji tagħhom jirrapportawlhom perjodikament dwar l-attivitajiet ta’ dawn il-friegħi.

2.   Huma u jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet tagħhom skont din id-Direttiva, l-Istati Membri ospitanti għandhom jipprevedu li l-awtorità kompetenti tista’ tirrikjedi li l-friegħi tad-ditti ta’ investiment jipprovdu t-tagħrif meħtieġ għall-monitoraġġ tal-konformità tagħhom mal-istandards iffissati mill-Istat Membru ospitanti li japplikaw għalihom fil-każijiet previsti fl-Artikolu 35(8). Dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux ikunu iktar stretti minn dawk li l-istess Stat Membru jimponi fuq id-ditti stabbiliti għall-monitoraġġ tal-konformità tagħhom mal-istess standards.

Artikolu 86

Miżuri ta’ prekawzjoni li jridu jittieħdu mill-Istati Membri ospitanti

1.   Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkollha raġunijiet ċari u li jistgħu jintwerew sabiex temmen illi ditta ta’ investiment li taġixxi ġewwa t-territorju tiegħu bil-libertà li tipprovdi servizzi tikser -obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva jew li ditta ta’ investiment li jkollha fergħa fit-territorju tiegħu tikser l-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva li ma jikkonferixxux setgħat fuq l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, hija għandha tirreferi dawn is-sejbiet lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju.

Jekk, minkejja l-miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jew għax jintwera li t-tali miżuri huma inadegwati, id-ditta ta’ investiment tippersisti li taġixxi f’manjiera li tkun ċara li hi ta’ preġudizzju għall-interessi tal-investituri tal-Istat Membru ospitanti jew għall-funzjonament tajjeb tas-swieq, għandu japplika dan li ġej:

(a)

wara li tkun informat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha sabiex tipproteġi lill-investituri u l-funzjonament tajjeb tas-swieq, li għandhom jinkludu l-possibbiltà ta’ prevenzjoni għad-ditti ta’ investiment trasgressuri milli jibdew kwalunkwe tranżazzjoni ulterjuri fit-territorji tiegħu. Il-Kummissjoni u l-AETS għandhom jiġu informati bit-tali miżuri mingħajr dewmien mhux dovut; u

(b)

l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-AETS, li tista’ taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

2.   Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti jaċċertaw ruħhom illi ditta ta’ investiment li jkollha fergħa ġewwa t-territorju tiegħu tikser id-dispożizzjonijiet ġuridiċi jew regolatorji adottati f’dak l-Istat Membru skont dawk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jikkonferixxu setgħat fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, dawn l-awtoritajiet għandhom jirrikjedu illi d-ditta tal-investiment ikkonċernata ttemm is-sitwazzjoni irregolari tagħha.

Jekk id-ditta tal-investiment ikkonċernata tonqos milli tieħu l-passi meħtieġa, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiżguraw illi d-ditta ta’ investiment konċernata ttemm is-sitwazzjoni irregolari tagħha. In-natura ta’ dawn il- għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju.

F’każ li, minkejja l-miżuri meħuda mill-Istat Membru ospitanti, id-ditta ta’ investiment tippersisti fil-ksur tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi jew regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha, wara li tgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju, tieħu l-miżuri xierqa kollha meħtieġa sabiex tipproteġi lill-investituri u l-funzjonament tajjeb tas-swieq. Il-Kummissjoni u l-AETS għandhom jiġu informati b’tali miżuri mingħajr dewmien mhux dovut.

Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-AETS, li tista’ taġixxi f’konformità mas-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3.   Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ta’ suq regolat, ta’ MTF jew ta’ OTF ikollha raġunijiet ċari u li jistgħu jintwerew sabiex temmen illi t-tali suq regolat, MTF jew OTF jiksru l-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva, hi għandha tirreferi dawn is-sejbiet lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tas-suq regolat jew tal-MTF jew tal-OTF.

F’każ li, minkejja l-miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jew għax jinstab li dawn il-miżuri huma inadegwati, dak is-suq regolat jew l-MTF jew l-OTF jippersistu li jaġixxu f’manjiera li tkun ta’ preġudizzju ċar għall-interessi tal-investituri tal-Istat Membru ospitanti jew tal-funzjonament tajjeb tas-swieq, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha, wara li tgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju, tieħu l-miżuri xierqa kollha meħtieġa sabiex tipproteġi lill-investituri u l-funzjonament tajjeb tas-swieq, li għandhom jinkludu l-possibbiltà li dak is-suq regolat jew l-MTF jew l-OTF jitwaqqfu milli jagħmlu l-arranġamenti tagħhom disponibbli lill-remoti jew lill-parteċipanti membri stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti. Il-Kummissjoni u l-AETS għandhom jiġu informati b’tali miżuri mingħajr dewmien mhux dovut.

Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-AETS, li tista’ taġixxi f’konformità mas-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   Kull miżura adottata skont il-paragrafi 1, 2 jew 3 li tinvolvi sanzjonijiet jew restrizzjonijiet rigward l-attivitajiet ta’ ditta ta’ investiment jew ta’ suq regolat għandha tkun iġġustifikata kif jixraq u kkomunikata lid-ditta ta’ investiment ikkonċernata jew lis-suq regolat ikkonċernat.

Artikolu 87

Kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni mal-AETS

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mal-AETS għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, f’konformita’ mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu, mingħajr dewmien mhux dovut, lill-AETS bl-informazzjoni kollha mehtiega biex twettaq dmirijietha skont din id-Direttiva u skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 u bi qbil mal-Artikoli 35 u 36 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

KAPITOLU III

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi

Artikolu 88

Skambju ta’ tagħrif ma’ pajjiżi terzi

1.   L-Istati Membri u, f’konformita’ mal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-AETS, jistgħu jikkonkludu ftehimiet ta’ kooperazzjoni li jipprevedu l-iskambju ta’ tagħrif mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi biss jekk l-informazzjoni divulgata tkun soġġetta għal garanziji ta’ sigriet professjonali mill-inqas ekwivalenti għal dawk rikjesti skont l-Artikolu 76. Dan l-iskambju ta’ tagħrif irid ikun maħsub għat-twettiq tal-kompiti ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti.

Stat Membru għandu jittrasferixxi data personali lil pajjiż terz bi qbil mal-Kapitolu IV tad-Direttiva 95/46/KE.

L-AETS għandha tittrasferixxi data personali lil pajjiż terz bi qbil mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 45/2001.

L-Istati Membri u l-AETS jistgħu jikkonkludu wkoll ftehimiet ta’ kooperazzjoni li jipprevedu l-iskambju ta’ tagħrif mal-awtoritajiet, il-korpi jew il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi minn pajjiż terz responsabbli għal wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

is-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn u impriżi ta’ assigurazzjoni u s-superviżjoni tas-swieq finanzjarji;

(b)

il-likwidazzjoni u l-falliment ta’ ditti ta’ investiment u proċeduri simili oħra;

(c)

it-twettiq ta’ awditjar statutorju tal-kontijiet ta’ ditti ta’ investiment u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u impriżi ta’ assigurazzjoni fit-twettiq tal-funzjonijiet superviżorji tagħhom, jew li jamministraw skemi ta’ kumpens, fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom;

(d)

is-sorveljanza tal-korpi involuti fil-likwidazzjoni u l-falliment ta’ ditti ta’ investiment u fi proċeduri simili oħra;

(e)

is-sorveljanza ta’ persuni inkarigati mit-twettiq ta’ awditjar statutorju tal-kontijiet tal-impriżi ta’ assigurazzjoni, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, id-ditti ta’ investiment u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn.

(f)

is-sorveljanza ta’ persuni attivi fis-swieq tal-kwoti tal-emissjonijiet bil-fini li tiġi żgurata perspettiva ġenerali konsolidata tas-swieq finanzjarji u spot;

(g)

is-sorveljanza ta’ persuni attivi fis-swieq tad-derivattivi ta’ komoditajiet agrikoli bil-għan li tiġi żgurata perspettiva ġenerali konsolidata tas-swieq finanzjarji u spot.

Il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu jistgħu jiġu konklużi biss jekk l-informazzjoni divulgata tkun soġġetta għall-garanziji ta’ sigriet professjonali li jkunu mill-inqas ekwivalenti għal dawk rikjesti skont l-Artikolu 76. Dan l-iskambju ta’ tagħrif għandu jkun maħsub għat-twettiq tal-kompiti ta’ dawk l-awtoritajiet jew korpi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi. F’każ li ftehim ta’ kooperazzjoni jinvolvi t-trasferiment ta’ data personali min-naħa ta’ Stat Membru, dan it-trasferiment għandu jkun konformi mal-Kapitolu IV tad-Direttiva 95/46/KE u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 f’każ li l-AETS tkun involuta fit-trasferiment.

2.   Meta t-tagħrif joriġina fi Stat Membru ieħor, ma jistax jiġi divulgat mingħajr il-qbil espliċitu tal-awtoritajiet kompetenti li jkunu ttrażmettewh u, meta jkun xieraq, għall-finijiet li għalihom dawn l-awtoritajiet ikunu taw il-qbil tagħhom biss. L-istess dispożizzjoni tapplika għat-tagħrif ipprovdut mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz.

TITOLU VII

ATTI DELEGATI

Artikolu 89

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 2(3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1)(2), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 16(12), l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 24(13), l-Artikolu 25(8), l-Artikolu 27(9), l-Artikolu 28(3), l-Artikolu 30(5), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(8), l-Artikolu 52(4) l-Artikolu 54(4), l-Artikolu 58(6), l-Artikolu 64(7), l-Artikolu 65(7) u l-Artikolu 79(8) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat mit-2 ta' Lulju 2014.

3.   Id-delega ta’ setgħat imsemmija fl-Artikolu 2(3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1)(2), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 16(12), l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 24(13), l-Artikolu 25(8), l-Artikolu 27(9), l-Artikolu 28(3), l-Artikolu 30(5), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(8), l-Artikolu 52(4) l-Artikolu 54(4), l-Artikolu 58(6), l-Artikolu 64(7), l-Artikolu 65(7) u Artikolu 79(8) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 2(3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1)(2), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 16(12), l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 24(13), l-Artikolu 25(8), l-Artikolu 27(9), l-Artikolu 28(3), l-Artikolu 30(5), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(8), l-Artikolu 52(4), l-Artikolu 54(4), l-Artikolu 58(6), l-Artikolu 64(7), l-Artikolu 65(7) u l-Artikolu 79(8) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 90

Rapporti u rieżami

1.   Qabel it-3 ta' Marzu 2019, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-AETS, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar:

(a)

il-funzjonament tal-OTF, inkluż l-użu speċifiku tagħhom ta’ negozjar prinċipali mqabbel, filwaqt li tqis l-esperjenza miksuba mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tas-superviżjoni, l-għadd ta’ OTF awtorizzati fl-Unjoni u s-sehem tagħhom mis-suq u b’mod partikolari filwaqt li teżamina jekk humiex meħtieġa xi aġġustamenti għad-definizzjoni ta’ OTF u jekk id-diversi strumenti finanzjarji koperti mill-kategorija OTF ikunux għadhom xierqa;

(b)

il-funzjonament tal-iskema għas-swieq tal-SMEs li qed jespandu, filwaqt li tqis l-għadd ta’ MTF irreġistrati bħala swieq tal-SMEs li qed jespandu, l-għadd ta’ emittenti li hemm fihom u l-volumi rilevanti ta’ negozjar;

B’mod partikolari, ir-rapport għandu jivvaluta jekk il-limitu minimu fil-punt (a) tal-Artikolu 33(3) għadux minimu xieraq biex jintlaħqu l-objettivi għas-swieq tal-SMEs li qed jespandu kif iddikjarat f’din id-Direttiva;

(c)

l-impatt tar-rekwiżiti marbutin mal-kummerċ algoritmiku, inkluż il-kummerċ algoritmiku ta’ frekwenza għolja;

(d)

l-esperjenza marbuta mal-mekkaniżmu għall-projbizzjoni ta’ ċerti prodotti u ċerti prattiki, filwaqt li tqis kemm-il darba l-mekkaniżmi jkunu ġew attivati u l-effetti tagħhom;

(e)

l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi u kriminali u, b’mod partikolari, il-ħtieġa biex ikomplu jiġu armonizzati s-sanzjonijiet amministrattivi stabbiliti għall-ksur tar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva u fir-Regolament (UE) Nru 600/2014.

(f)

l-impatt tal-applikazzjoni tal-limiti tal-pożizzjonijiet u l-ġestjoni tal-pożizzjonijiet dwar il-likwidità, l-abbuż tas-suq u l-kundizzjonijiet xierqa ta’ pprezzar u saldu fis-swieq tad-derivattivi tal-komoditajiet;

(g)

l-iżvilupp fil-prezzijiet għad-data dwar it-trasparenza prenegozjattiva u postnegozjattiva mis-swieq regolati, l-MTFs, l-OTFs u l-APAs;

(h)

l-impatt tar-rekwiżit għad-divulgazzjoni ta’ kwalunkwe ħlasijiet, kummissjonijiet u benefiċċji mhux monetarji fir-rigward tal-forniment ta’ servizz ta’ investiment jew servizz anċillari lill-klijent f’konformita mal-Artikolu 24(9), inkluż l-impatt tiegħu fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern rigward il-konsulenza dwar investimenti transkonfinali.

2.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-AETS, tippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tat-tejp konsolidat stabbilit skont it-Titolu V. Ir-rapport relatat mal-Artikolu 65(1) għandu jiġi ppreżentat sat-3 ta' Settembru 2018. Ir-rapport relatat mal-Artikolu 65(2) għandu jiġi ppreżentat sat-3 ta' Settembru 2020.

Ir-rapporti msemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom jivvalutaw il-funzjonament tat-tejp konsolidat fil-konfront tal-kriterji li ġejjin:

(a)

id-disponibbiltà u l-puntwalità tat-tagħrif postnegozjattiv f’format ikkonsolidat li jaqbad it-tranżazzjonijiet kollha, irrispettivament minn jekk jitwettqux f’ċentri ta’ negozjar jew le;

(b)

id-disponibbiltà u l-puntwalità ta’ tagħrif postnegozjattiv sħiħ u parzjali li jkun ta’ kwalità għolja, f’formati li jkunu faċilment aċċessibbli u utilizzabbli għall-parteċipanti fis-suq u disponibbli fuq bażi kummerċjali raġonevoli.

Meta l-Kummissjoni tikkonkludi li s-CTP ikunu naqsu milli jipprovdu t-tagħrif b’mod li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fit-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha takkumpanja r-rapport tagħha b’talba lill-AETS biex tniedi proċedura nnegozjata għall-ħatra, permezz ta’ proċess ta’ akkwist pubbliku mmexxi mill-AETS, ta’ entità kummerċjali li topera tejp konsolidat. L-AETS għandha tniedi l-proċedura wara li tirċievi t-talba mill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet speċifikati fit-talba tal-Kummissjoni u bi qbil mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (50).

3.   Il-Kummissjoni għandha, meta titnieda l-proċedura spjegata fil-paragrafu 2, tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati bi qbil mal-Artikolu 89 li jemenda l-Artikoli 59 sa 65 u t-Taqsima D tal-Anness I ta’ din id-Direttiva u l-punt (19) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, billi tispeċifika l-miżuri sabiex:

(a)

jipprevedu d-durata tal-kuntratt tal-entità kummerċjali li topera tejp konsolidat u l-proċess u l-kundizzjonijiet għat-tiġdid tal-kuntratt u t-tnedija ta’ proċess ta’ akkwist pubbliku ġdid;

(b)

jipprevedu li l-entità kummerċjali li topera tejp konsolidat għandha tagħmel dan fuq bażi esklużiva u li l-ebda entità oħra ma għandha tkun awtorizzata bħala CTP bi qbil tal-Artikolu 59;

(c)

jagħtu s-setgħa lill-AETS biex tiżgura l-konformità mal-kundizzjonijiet tal-appalt mill-entità kummerċjali li topera tejp konsolidat maħtura permezz ta’ proċess ta’ akkwist pubbliku;

(d)

jiżguraw li t-tagħrif post negozjattiv mogħti mill-entità kummerċjali li topera tejp konsolidat ikun ta’ kwalità għolja, f’formati li jkunu faċilment aċċessibbli u utilizzabbli għall-parteċipanti fis-suq u f’format konsolidat li jaqbad is-suq kollu;

(e)

jiżguraw li t-tagħrif postnegozjattiv jiġi pprovdut fuq bażi kummerċjali raġonevoli, kemm fuq bażi konsolidata u kemm fuq bażi mhux konsolidata, u jissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti ta’ dak it-tagħrif madwar l-Unjoni;

(f)

jiżguraw li ċ-ċentri ta’ negozjar u l-APA jqiegħdu d-data kummerċjali tagħhom għad-dispożizzjoni tal-entità kummerċjali li topera tejp konsolidat maħtura permezz ta’ proċess ta’ akkwist pubbliku mmexxi mill-AETS bi spiża raġonevoli;

(g)

jispeċifikaw l-arranġamenti applikabbli meta l-entità kummerċjali li topera tejp konsolidat maħtura permezz ta’ proċess ta’ akkwist pubbliku tonqos milli tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-appalt;

(h)

jispeċifikaw l-arranġamenti skont liema s-CTP awtorizzati skont l-Artikolu 59 jistgħu jkomplu joperaw tejp konsolidat meta s-setgħa prevista fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu ma tkunx qed tintuża jew, fil-każ li ma tinħatar l-ebda entità permezz tal-proċess ta’ akkwist pubbliku, sa dak iż-żmien meta jitlesta proċess ta’ akkwist pubbliku ġdid u tinħatar entità kummerċjali biex topera tejp konsolidat.

4.   Sal-1 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport, wara li tkun ikkonsultat lill-AETS u lill-ACER, li jivvaluta l-impatt potenzjali fuq il-prezzijiet tal-enerġija u fuq il-funzjonament tas-suq tal-enerġija, kif ukoll il-fattibbiltà u l-benefiċċji f’dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis tar-riskji tal-kontropartijiet u r-riskji sistemiċi u l-ispejjeż diretti ta’ meta l-kuntratti tad-derivattivi tal-enerġija C6 isiru soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, t-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju stabbiliti fl-Artikolu 11(3) tiegħu u l-inklużjoni tagħhom fil-kalkolu tal-livell limitu tal-ikklerjar skont l-Artikolu 10 tiegħu.

Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li kieku l-inklużjoni ta’ dawk il-kuntratti ma tkunx fattibbli u ta’ benefiċċju, hi għandha tippreżenta, jekk ikun xieraq, proposta leġislattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 ta’ din id-Direttiva biex testendi l-perjodu ta’ 42 xahar imsemmi fl-Artikolu 95(1) ta’ din id-Direttiva darba b’sentejn u darba oħra b’sena.

Artikolu 91

Emendi għad-Direttiva 2002/92/KE

Id-Direttiva 2002/92/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt 3, it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Bl-eċċezzjoni tal-Kapitolu IIIA ta’ din id-Direttiva, dawk l-attivitajiet, meta jitwettqu minn impriża ta’ assigurazzjoni jew impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li jkun qed jaġixxi taħt ir-responsabbiltà tal-impriża ta’ assigurazzjoni m’għandhomx jitqiesu li jkunu medjazzjoni tal-assigurazzjoni jew distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni.”;

(a)

jiżdied il-punt li ġej:

“(13)

Għall-finijiet tal-Kapitolu IIIA, “prodott ta’ investiment abbażi ta’ assigurazzjoni” tfisser prodott ta’ assigurazzjoni li joffri valur fil-maturità jew valur ta’ ċessjoni u meta dak il-valur fil-maturità jew dak il-valur ta’ ċessjoni ikunu kompletament jew parzjalment esposti, direttament jew indirettament, għall-fluttwazzjonijiet tas-suq u ma għandhiex tinkludi:

(a)

prodotti ta’ assigurazzjoni li ma jkunux fuq il-ħajja, kif elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2009/138/KE (Klassijiet ta’ Assigurazzjoni mhux tal-Ħajja);

(b)

kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja meta l-benefiċċji skont il-kuntratt ikunu jistgħu jitħallsu biss mal-mewt jew fir-rigward ta’ inkapaċità minħabba korriment, mard jew nuqqas ta’ saħħa;

(c)

prodotti pensjonistiċi li, skont id-dritt nazzjonali, ikun rikonoxxut li għandhom l-għan ewlieni li jipprovdu lill-investitur bi dħul wara li jirtira, u li jintitolaw lill-investitur għal ċerti benefiċċji;

(d)

skemi għal pensjoni okkupazzjonali rikonoxxuti uffiċjalment li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/41/KE jew id-Direttiva 2009/138/KE;

(e)

prodotti pensjonistiċi individwali li għalihom, skont id-dritt nazzjonali, hi rikjesta kontribuzzjoni finanzjarja mill-impjegatur u fejn l-impjegatur jew l-impjegat ma jkollhom l-ebda għażla fir-rigward tal-prodott pensjonistiku jew tal-fornitur.”;

(2)

jiddaħħal il-kapitolu li ġej:

KAPITOLU IIIA

Rekwiżiti addizzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-prodotti ta’ investiment abbażi ta’ assigurazzjoni

Artikolu 13a

Kamp ta’ applikazzjoni

Soġġett għall-eċċezzjoni fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3), dan il-Kapitolu jistipula rekwiżiti addizzjonali rigward l-attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni u għall-bejgħ dirett imwettaq mill-impriżi ta’ assigurazzjoni meta jitwettqu fir-rigward tal-bejgħ ta’ prodotti ta’ investiment abbażi ta’ assigurazzjoni. Ir-riferiment għal dawk l-attivitajiet għandu jkun ta’ attivitajiet għad-distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni.

Artikolu 13b

Prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess

Intermedjarju ta’ assigurazzjoni jew impriża ta’ assigurazzjoni għandhom iżommu u joperaw arranġamenti organizzattivi u amministrattivi effikaċi bil-ħsieb li jieħdu l-passi raġonevoli kollha maħsuba sabiex jipprevjenu l-kunflitti ta’ interess, kif determinati fl-Artikolu 13c, milli jaffettwaw b’mod negattiv l-interessi tal-klijenti tagħhom.

Artikolu 13c

Kunflitti ta’ interess

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-intermedjarji ta’ assigurazzjoni u l-impriżi ta’ assigurazzjoni jieħdu l-passi xierqa kollha sabiex jidentifikaw kunflitti ta’ interess bejniethom, inklużi d-diriġenti, l-impjegati u l-intermedjarji marbuta ta’ assigurazzjoni, jew kwalunkwe persuna b’rabta diretta jew indiretta magħhom permezz ta’ kontroll, u l-klijenti tagħhom, jew bejn klijent u ieħor, li jistgħu jinqalgħu fit-twettiq ta’ kwalunkwe attività għad-distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni.

2.   Meta l-arranġamenti organizzattivi jew amministrattivi li jsiru mill-intermedjarju ta’ assigurazzjoni jew l-impriża ta’ assigurazzjoni bi qbil mal-Artikolu 13b għall-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess ma jkunux biżżejjed sabiex jiżguraw, b’fiduċja raġonevoli, il-prevenzjoni tar-riskji ta’ ħsara lill-interessi tal-klijenti, l-intermedjarju ta’ assigurazzjoni jew l-impriża ta’ assigurazzjoni għandhom jiddivulgaw b’mod ċar in-natura ġenerali u/jew is-sorsi tal-kunflitti ta’ interess lill-klijent qabel ma jinnegozjaw f’ismu.

3.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 13e li:

(a)

jiddefinixxu l-passi li l-intermedjarji ta’ assigurazzjoni jew l-impriżi ta’ assigurazzjoni jistgħu raġonevolment jiġu mistennija jieħdu għall-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, il-ġestjoni u d-divulgazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess meta jkunu qed iwettqu attivitajiet għad-distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni;

(b)

jistabbilixxu l-kriterji xierqa biex jiġu determinati t-tipi ta’ kunflitti ta’ interess li l-eżistenza tagħhom tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi tal-klijenti jew il-klijenti potenzjali tal-intermedjarju ta’ assigurazzjoni jew l-impriża ta’ assigurazzjoni.

Artikolu 13d

Prinċipji ġenerali u tagħrif lill-klijenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jkunu qed iwettqu attivitajiet ta’ distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni, intermedjarju ta’ assigurazzjoni jew impriża ta’ assigurazzjoni jaġixxu b’mod onest, ġust u professjonali, bi qbil mal-aħjar interessi tal-klijenti tagħhom.

2.   Kull tagħrif, inklużi komunikazzjonijiet promozzjonali, indirizzati mill-intermedjarju ta’ assigurazzjoni jew l-impriża ta’ assigurazzjoni lill-klijenti jew lil klijenti potenzjali, għandu jkun ġust, ċar u mhux qarrieqi. Il-komunikazzjonijiet promozzjonali għandhom ikunu jistgħu jiġu identifikati biċ-ċar bħala komunikazzjonijiet ta’ dan it-tip.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu li kwalunkwe parti terza jew persuna li tkun qed taġixxi f’isem parti terza taċċetta jew tirċievi ħlasijiet, kummissjonijiet jew benefiċċji monetarji mħallsa jew ipprovduti lil intermedjarji ta’ assigurazzjoni jew impriżi ta’ assigurazzjoni fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ prodott ta’ investiment abbażi ta’ assigurazzjoni lil klijenti.

Artikolu 13e

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 13c hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat mit-2 ta' Lulju 2014.

3.   Id-delega ta’ setgħat imsemmija fl-Artikolu 13c tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 13c għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

Artikolu 92

Emendi għad-Direttiva 2011/61/KE

Id-Direttiva 2011/61/EU hija emendata kif ġej:

(1)

Fil-punt (r) tal-Artikolu 4(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(vii)

Stat Membru, differenti mill-Istat Membru ta’ domiċilju, li fih AIFM tal-UE jipprovdi s-servizzi msemmijin fl-Artikolu 6(4);”;

(2)

L-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:

(a)

t-titolu jinbidel b’dan li ġej:

Kundizzjonijiet għall-immaniġġjar ta’ AIF tal-UE stabbiliti fi Stati Membri oħra u biex jipprovdu servizzi fi Stati Membri oħra”;

(b)

il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE awtorizzat jista’, direttament jew billi jistabbilixxi fergħa:

(a)

jimmaniġġja AIF tal-UE stabbiliti fi Stat Membru ieħor, sakemm l-AIFM ikun awtorizzat biex jimmaniġġja dak it-tip ta’ AIF;

(b)

jipprovdi fi Stat Membru ieħor is-servizzi msemmijn fl-Artikolu 6(4) li għalihom ikun ġie awtorizzat.

2.   AIFM li bi ħsiebu jipprovdi l-attivitajiet u s-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 għall-ewwel darba għandu jikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu:

(a)

l-Istat Membru fejn ikun bi ħsiebu jimmaniġġja l-AIF direttament jew jistabbilixxi fergħa, u/jew jipprovdi s-servizzi msemmija fl-Artikolu 6(4);

(b)

programm ta’ operazzjonijiet li jiddikjara b’mod partikolari s-servizzi li bi ħsiebu jwettaq u/jew li jidentifika l-AIF li bi ħsiebu jimmaniġġja.”.

Artikolu 93

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-3 ta' Lulju 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-3 ta' Jannar 2017 ħlief għad-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 65(2) li għandhom japplikaw mit-3 ta' Settembru 2018.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu riferiment għal din id-Direttiva jew għandu jiġu akkumpanjati b’riferiment ta’ dan it-tip meta jiġu ppubblikati b’mod uffiċjali. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandu jsir it-tali riferiment. Għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li r-riferimenti fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-direttivi revokati minn din id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandu jsir it-tali riferiment u kif għandha titfassal dik id-dikjarazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 92 mit-3 ta' Lulju 2015.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-AETS t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġislazzjoni nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 94

Revoka

Id-Direttiva 2004/39/KE, kif emendata mill-atti elenkati fl-Anness III, Parti A ta’ din id-Direttiva, għandha tiġi revokata b’effett mit-3 ta' Jannar 2017, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness III, il-Parti B ta’ din id-Direttiva.

Ir-riferimenti għad-Direttiva 2004/39/KE jew għad-Direttiva 93/22/KEE għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għal din id-Direttiva jew għar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u għandhom jinqraw f’konformita’ mat-tabelli ta’ korrelazzjoni stabbiliti fl-Anness IV ta’ din id-Direttiva.

Ir-riferimenti għat-termini definiti fid-Direttiva 2004/39/KE jew fid-Direttiva 93/22/KEE jew għall-Artikoli tagħhom għandhom jinftehmu bħala riferimenti għat-terminu ekwivalenti definit f’din id-Direttiva jew għall-Artikolu ekwivalenti tagħha.

Artikolu 95

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Sat-3 ta' Lulju 2020:

(a)

l-obbligu tal-ikklerjar stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u t-tekniki għall-mitigazzjoni tar-riskju stabbiliti fl-Artikolu 11(3) tiegħu m’għandhomx japplikaw għall-kuntratti tad-derivattivi tal-enerġija C6 li jkunu ġew iffirmati minn kontropartijiet mhux finanzjarji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew minn kontropartijiet mhux finanzjarji li għandhom ikunu awtorizzati għall-ewwel darba bħala ditti ta’ investiment mit-3 ta' Jannar 2017; u

(b)

it-tali kuntratti tad-derivattivi tal-enerġija C6 m’għandhomx jitqiesu li jkunu kuntratti ta’ derivattivi OTC għall-finijiet tal-livell limitu tal-ikklerjar stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Dawn il-kuntratti tad-derivattivi tal-enerġija C6 li jibbenefikaw mill-iskema tranżizzjonali stabbilita fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti l-oħra kollha stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

2.   L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata mill-awtorità kompetenti rilevanti. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-AETS rigward il-kuntratti tad-derivattivi tal-enerġija C6 li jkunu ngħataw eżenzjoni skont il-paragrafu 1 u l-AETS għandha tippubblika fuq is-sit elettroniku tagħha lista ta’ dawk il-kuntratti tad-derivattivi tal-enerġija C6.

Artikolu 96

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 97

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 161, 7.6.2012, p. 3.

(2)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 80.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2014.

(4)  Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

(5)  Ara l-Anness III, Parti A.

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/22KEE tal-10 ta’ Mejju 1993 dwar servizzi ta’ investiment fil-qasam ta’ titoli (ĠU L 141, 11.6.1993, p. 27).

(7)  Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (Ara paġna 84 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti ta’ investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(11)  Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(12)  Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(13)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(14)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(15)  Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).

(16)  Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass u li temenda d-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2011, p. 94).

(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU L 211, 14.8.2011, p. 15).

(18)  Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU L 211, 14.8.2011, p. 36).

(19)  Id-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1997 dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur (ĠU L 84, 26.3.1997, p. 22).

(20)  Id-Direttiva 2007/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE u d-Direttivi 2002/83/KE, 2004/39/KE, 2005/68/KE u 2006/48/KE fir-rigward tar-regoli proċedurali u l-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-evalwazzjoni prudenzjali tal-akkwisti u ż-żidiet fil-holdings fis-settur finanzjarju (ĠU L 247, 21.9.2007, p. 1).

(21)  Id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, dwar impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti ta’ investiment f’konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).

(22)  Id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15).

(23)  Id-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU L 9, 15.1.2003, p. 3).

(24)  Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2002 dwar l-arranġamenti kollaterali finanzjarji (ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43).

(25)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE tal-10 ta’ Awwissu 2006 li timplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti organizzattivi u l-kundizzjonijiet ta’ ħidma tal-kumpaniji tal-investiment u t-termini definiti għall-għanijiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 241, 2.9.2006, p. 26).

(26)  Direttiva 2014/57/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (Direttiva dwar l-abbuż tas-suq) (Ara paġna 179 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(27)  Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (ĠU L 86, 24.3.2012, p. 1).

(28)  Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(29)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 583/2010 tal-1 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tagħrif ewlieni għall-investitur u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati meta jingħata tagħrif ewlieni għall-investitur jew il-prospett b’mezz li jibqa’ li mhuwiex stampat jew permezz ta’ sit elettroniku (ĠU L 176, 10.7.2010, p. 1).

(30)  Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(31)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(32)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(33)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).