EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0768

2014/768/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta' Ottubru 2014 li tistabbilixxi t-tip, il-format u l-frekwenza tal-informazzjoni li l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli dwar tekniki ta' ġestjoni integrata tal-emissjonijiet applikati f'raffineriji taż-żejt minerali u tal-gass, skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2014) 7517) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 315, 1.11.2014, p. 15–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/768/oj

1.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 315/15


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta' Ottubru 2014

li tistabbilixxi t-tip, il-format u l-frekwenza tal-informazzjoni li l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli dwar tekniki ta' ġestjoni integrata tal-emissjonijiet applikati f'raffineriji taż-żejt minerali u tal-gass, skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2014) 7517)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/768/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 72(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/738/UE (2) tistabbilixxi konklużjonijiet dwar l-aqwa tekniki disponibbli (“konklużjonijiet tal-BAT”) għar-raffinar taż-żejt minerali u tal-gass. Il-konklużjonijiet tal-BAT 57 u 58, stabbiliti b'dik id-Deċiżjoni, jippermettu lill-Istati Membri biex jagħmlu użu minn teknika ta' ġestjoni integrata tal-emissjonijiet għal emissjonijiet ta' ossidi tan-nitroġenu (NOx) u ta' diossidu tal-kubrit (SO2) minn ċerti unitajiet tekniċi.

(2)

Ir-raffineriji taż-żejt minerali u l-gass huma sorsi sinifikanti ta' emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja, b'mod partikolari d-dijossidu tal-kubrit u l-ossidi tan-nitroġenu. Kieku r-raffineriji jużaw teknika ta' ġestjoni integrata tal-emissjonijiet, dan isir il-fattur ewlieni determinanti għall-prestazzjoni ambjentali ta' dawk ir-raffinerji.

(3)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti ta' rappurtar speċifiċi sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta l-applikazzjoni korretta tal-BAT 57 u l-BAT 58, u b'mod partikolari biex tivverifika li t-teknika ta' ġestjoni integrata tal-emissjonijiet tkun imfassla, implimentata u mħaddma b'tali mod li tkun konformi mal-prinċipji ta' riżultat ambjentali ekwivalenti, kif stipulat f'dawk il-konklużjonijiet tal-BAT.

(4)

It-tip ta' informazzjoni li l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' tekniki ta' ġestjoni integrata tal-emissjonijiet deskritta fil-BAT 57 u l-BAT 58 għandha tiġi ddeterminata u għandha tinkludi deskrizzjoni tal-karatteristiċi tad-disinn sinifikanti tat-tekniki implimentati, il-valuri assoċjati ta' limitu tal-emissjonijiet stabbiliti, kif ukoll is-sistema assoċjata ta' monitoraġġ u r-riżultati tagħha.

(5)

Skont l-Artikolu 72(1) tad-Direttiva 2010/75/UE, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-BAT disponibbli f'format elettroniku. Sabiex jiżguraw il-konsistenza u l-koerenza tal-informazzjoni disponibbli, l-Istati Membri għandhom jużaw il-format ta' rappurtar elettroniku żviluppat għal dak l-għan mill-Kummissjoni, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

(6)

Il-miżuri msemmija f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 75(1) tad-Direttiva 2010/75/UE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappurtar mill-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tat-tekniki ta' ġestjoni integrata tal-emissjonijiet stabbiliti fil-BAT 57 u l-BAT 58, adottati bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/738/UE.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun disponibbli skont l-Anness u għandha tkopri s-snin 2017, 2018 u 2019. Dik l-informazzjoni għandha tkun disponibbli għal kull raffinerija taż-żejt minerali u tal-gass fejn tkun implimentata teknika ta' ġestjoni integrata tal-emissjonijiet stabbilita fil-BAT 57 jew fil-BAT 58 għall-emissjonijiet fl-arja ta' ossidi tan-nitroġenu (NOx) jew ta' diossidu tal-kubrit (SO2).

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli għall-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2020, billi jintuża l-format ta' rappurtar elettroniku pprovdut għal dan l-għan.

Artikolu 2

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/738/UE tad-9 ta' Ottubru 2014 li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT), skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali, għar-raffinar taż-żejt minerali u tal-gass (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 38).


ANNESS

Tip ta' informazzjoni dwar tekniki ta' ġestjoni integrata tal-emissjonijiet applikati f'raffineriji taż-żejt minerali u tal-gass li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni

1.   Informazzjoni ġenerali

1.1.

Numru ta' referenza tal-installazzjoni: identifikatur uniku tal-installazzjoni għall-finijiet tad-Direttiva 2010/75/UE;

1.2.

Isem l-installazzjoni;

1.3.

Isem l-operatur;

1.4.

Indirizz tal-installazzjoni: triq, kodiċi postali, belt u pajjiż.

2.   Informazzjoni dwar l-ambitu tat-tekniki ta' ġestjoni integrata tal-emissjonijiet u l-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet applikabbli

2.1.

Lista u deskrizzjoni tal-unitajiet ta' kombustjoni u ta' proċess koperti mit-tekniki ta' ġestjoni integrata tal-emissjonijiet għall-NOx u l-SO2, b'mod partikolari:

(a)

tip ta' unità (unità ta' kombustjoni, unità ta' kkrekkjar katalitiku fluwidu, unità ta' rkupru tal-kubrit mill-gass ta' skart);

(b)

kapaċità termali nominali (għal unitajiet ta' kombustjoni);

(c)

it-tip ta' fjuwil(s) użati (għal unitajiet ta' kombustjoni);

(d)

unità ġdida jew eżistenti;

(e)

bidliet sostanzjali u strutturali, eż. waqt it-tħaddim jew fl-użu ta' fjuwil, matul il-perjodu ta' rappurtar li affettwaw il-livelli ta' emissjonijiet applikabbli assoċjati mal-BAT (BAT-AELs).

2.2.

Il-valuri ta' limiti tal-emissjonijiet applikabbli għall-NOx u l-SO2 skont it-tekniki ta' ġestjoni integrata tal-emissjonijiet, fejn jiġu deskritti:

(a)

valuri, unitajiet, perjodi tal-kalkolu tal-medja u kundizzjonijiet ta' referenza;

(b)

kif dawn il-valuri ta' limitu kienu ddeterminati fir-rigward tal-BAT 57 u l-BAT 58 stabbiliti fil-konklużjonijiet tal-BAT skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/738/UE;

(c)

liema konċentrazzjonijiet ta' emissjonijiet kienu kkunsidrati għal kull unità kkonċernata fir-rigward tal-BAT 57 u l-BAT 58 u meta mqabbla mal-BAT-AELs individwali u l-livelli ta' prestazzjoni ambjentali assoċjati BAT (BAT-AEPL) għal unitajiet ta' rkupru tal-kubrit mill-gass ta' skart.

(d)

liema rati tal-fluss tal-gass fit-tromba taċ-ċmieni (jew fatturi oħra) intużaw bħala fattur ta' ponderazzjoni għal kull unità u kif dawn ġew iddeterminati;

(e)

liema elementi jew fatturi oħra ntużaw biex jistabbilixxu l-valuri ta' limitu.

3.   Informazzjoni dwar is-sistema ta' monitoraġġ

3.1.

Deskrizzjoni tas-sistema ta' monitoraġġ użata biex tiddetermina l-emissjonijiet skont it-tekniki ta' ġestjoni integrata tal-emissjonijiet.

3.2.

Dettalji dwar il-parametri mkejla u kkalkulati, it-tip (dirett, indirett) u l-metodi ta' kejl użati, il-fatturi ta' kalkolu użati (u l-ġustifikazzjoni tagħhom) u l-frekwenza tal-monitoraġġ.

4.   Informazzjoni dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ

Ħarsa ġenerali tar-riżultati tal-monitoraġġ li juru li l-BAT-AELs applikabbli stabbiliti fil-BAT 57 u l-BAT 58 ġew osservati u li l-emissjonijiet li rriżultaw huma ugwali għal jew inqas mill-emissjonijiet meta jiġu applikati l-BAT-AELs u l-BAT-AEPLS applikabbli fil-livell għal kull unità, inklużi mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

il-konċentrazzjoni medja tal-emissjonijiet madwar l-unitajiet kollha kkonċernati (mg/Nm3, il-medji kollha ta' kull xahar matul sena);

(b)

l-emissjonijiet totali ta' kull xahar madwar l-unitajiet kollha kkonċernati (tunnellati/xahar);

(c)

il-konċentrazzjoni medja tal-emissjonijiet għal kull unità kkonċernata (mg/Nm3, il-medji ta' kull xahar matul sena);

(d)

ir-rata tal-fluss tal-gass mit-tromba taċ-ċumnija għal kull unità kkonċernata (Nm3/siegħa, il-medji kollha ta' kull xahar matul sena).


Top