Help Print this page 

Document 32014D0497

Title and reference
2014/497/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 23 ta' Lulju 2014 fir-rigward ta' miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal- Xylella fastidiosa (Well u Raju) fl-Unjoni (notifikata bid-dokument C(2014) 5082)
  • No longer in force
OJ L 219, 25.7.2014, p. 56–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/497/oj
Languages, formats and link to OJ
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html HR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
PDF pdf BG pdf ES pdf CS pdf DA pdf DE pdf ET pdf EL pdf EN pdf FR pdf HR pdf IT pdf LV pdf LT pdf HU pdf MT pdf NL pdf PL pdf PT pdf RO pdf SK pdf SL pdf FI pdf SV
Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal
 To see if this document has been published in an e-OJ with legal value, click on the icon above (For OJs published before 1st July 2013, only the paper version has legal value).
Multilingual display
Text

25.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 219/56


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta' Lulju 2014

fir-rigward ta' miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Xylella fastidiosa (Well u Raju) fl-Unjoni

(notifikata bid-dokument C(2014) 5082)

(2014/497/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari r-raba' sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/87/UE (2) fir-rigward ta' miżuri li jipprevjenu t-tixrid tal-Xylella fastidiosa (Well u Raju) (minn hawn' il quddiem “l-organiżmu speċifikat”) fl-Unjoni.

(2)

Mill-adozzjoni ta' dik id-Deċiżjoni, l-awtoritajiet Taljani wettqu investigazzjonijiet, fiż-żoni infettati u ż-żoni ta' madwarhom, dwar il-preżenza u n-natura tal-organiżmu speċifikat. Dawk l-investigazzjonijiet ipproduċew riżultati preliminari li huma suffiċjenti biex jippermettu l-adozzjoni ta' miżuri aktar preċiżi.

(3)

L-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet Taljani, kif ukoll l-evidenza xjentifika u teknika disponibbli, ikkonfermaw li l-pjanti tal-ispeċijiet Catharanthus G. Don, Nerium L., Olea L., Prunus L., u Vinca L. huma pjanti ospitanti tal-organiżmu speċifikat. Skont l-evidenza disponibbli, huwa probabbli li l-pjanti tal-ispeċijiet Malva L., Portulaca L., Quercus L. u Sorghum L jistgħu wkoll ikunu pjanti ospitanti ta' dan l-organiżmu. Għalhekk, il-miżuri għandhom japplikaw għal pjanti għat-tħawwil, għajr żrieragħ, tal-ispeċijiet Catharanthus G. Don, Nerium L., Olea L., Prunus L., Vinca L., Malva L., Portulaca L., Quercus L. u Sorghum L. (minn hawn' il quddiem “pjanti speċifikati”).

(4)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' pjanti speċifikati minn pajjiżi terzi f'każijiet fejn ikun magħruf li l-organiżmu speċifikat huwa preżenti. Għandhom jiġu adottati rekwiżiti speċifiċi li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni, is-superviżjoni u l-istatus ta' siti ta' produzzjoni, kif ukoll għall-ispezzjonijiet, it-teħid ta' kampjuni, l-ittestjar u t-trasport tal-pjanti speċifikati, sabiex jiġi żgurat li l-pjanti li jiġu introdotti fl-Unjoni jkunu ħielsa mill-organiżmu speċifikat.

(5)

Pjanti speċifikati li jkunu tkabbru għal mill-inqas parti minn ħajjithom f'żona demarkata, jew li ġew trasportati f'din iż-żona, għandhom probabbiltà akbar minn pjanti oħra li jkunu ġew infettati mill-organiżmu speċifikat. Għalhekk, it-trasport tagħhom għandu jkun suġġett għal rekwiżiti speċifiċi. Dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu simili għar-rekwiżiti għal pjanti speċifikati introdotti minn pajjiżi terzi fejn ikun magħruf li l-organiżmu speċifikat huwa preżenti.

(6)

L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ annwali fir-rigward tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat fit-territorji tagħhom sabiex jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tiegħu.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li tittieħed azzjoni mill-aktar kmieni possibbli kontra l-preżenza potenzjali tal-organiżmu speċifikat, kwalunkwe persuna konxja mill-preżenza ta' dak l-organiżmu għandha tinforma lill-Istati Membri b'dan. Barra minn hekk, u sabiex jiġi żgurat li tittieħed azzjoni xierqa mill-partijiet interessati, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-operaturi professjonali kkonċernati dwar il-possibilità ta' preżenza tal-organiżmu speċifikat fit-territorji tagħhom u l-miżuri li għandhom jittieħdu.

(8)

Sabiex jeqirdu l-organiżmu speċifikat u jipprevjenu t-tixrid tiegħu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu żoni demarkati u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Dawk iż-żoni demarkati għandhom ikunu magħmula minn minn żona infestata u żona ta' lqugħ. Il-wisa' taż-żona ta' lqugħ għandha tiġi kkalkulata fid-dawl tar-riskju li l-organiżmu speċifikat jinxtered lejn żoni oħra.

(9)

Fejn jidher li ma jkunx meħtieġ it-twaqqif ta' żona demarkata biex jiġi eliminat l-organiżmu speċifikat, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkollu l-possibbiltà li ma jistabbilixxix żona demarkata minnufih. F'dak il-każ, għandu jelimina l-organiżmu speċifikat fuq il-pjanti fejn l-ewwel ġie misjub li kien preżenti, u għandu jwettaq stħarriġ biex jiddetermina jekk ġewx infettati pjanti oħra.

(10)

Għandhom jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi biex jiżguraw il-qerda tal-organiżmu speċifikat fejn ikun instab li huwa preżenti.

(11)

Għall-finijiet taċ-ċarezza, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/87/UE għandha titħassar.

(12)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“pjanti speċifikati” tfisser il-pjanti għat-tħawwil, għajr żrieragħ, tal-ispeċijiet Catharanthus G. Don, Nerium L., Olea L., Prunus L., Vinca L., Malva L., Portulaca L., Quercus L. u Sorghum L.;

(b)

“organiżmu speċifikat” tfisser il-Xylella fastidiosa (Well u Raju).

Artikolu 2

Introduzzjoni fl-Unjoni ta' pjanti speċifikati li joriġinaw minn pajjiżi terzi fejn ikun magħruf li l-organiżmu speċifikat huwa preżenti

Pjanti speċifikati li joriġinaw minn pajjiżi terzi fejn ikun magħruf li l-organiżmu speċifikat huwa preżenti jistgħu jiġu introdotti biss fl-Unjoni jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

huma konformi mar-rekwiżiti speċifiċi għall-introduzzjoni, kif stipulati fit-Taqsima 1 tal-Anness I;

(b)

meta jiġu introdotti fl-Unjoni dawn jiġu spezzjonati mill-korp uffiċjali responsabbli skont it-Taqsima 2 tal-Anness I għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat;

(c)

meta jiġu spezzjonati skont it-Taqsima 2 tal-Anness I, la tinstab il-preżenza u lanqas sintomi tal-organiżmu speċifikat.

Artikolu 3

It-trasport ta' pjanti speċifikati fl-Unjoni

Pjanti speċifikati li jkunu tkabbru għal mill-inqas parti minn ħajjithom f'żona demarkata stabbilita skont l-Artikolu 7, jew li ġew trasportati f'din iż-żona, għandhom jiġu trasportati lejn u f'żoni differenti miż-żoni infettati, fil-każ biss li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness II.

Artikolu 4

Stħarriġ dwar l-organiżmu speċifikat

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ annwali għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat fit-territorju tagħhom fuq il-pjanti speċifikati u fuq pjanti possibbilment ospitanti oħra.

Dak l-istħarriġ għandu jitwettaq mill-korp uffiċjali responsabbli, jew taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-korp uffiċjali responsabbli. L-istħarriġ għandu jkun magħmul minn eżamijiet viżwali u, fil-każ ta' xi suspett ta' infezzjoni mill-organiżmu speċifikat, ġbir ta' kampjuni u ttestjar. Dan l-istħarriġ għandu jkun ibbażat fuq prinċipji xjentifiċi u tekniċi tajba, u għandu jitwettaq fi żminijiet xierqa fir-rigward tal-possibbiltà li ssir detezzjoni tal-organiżmu speċifikat.

Dan l-istħarriġ għandu jqis l-evidenza xjentifika u teknika disponibbli, il-bijoloġija tal-organiżmu speċifikat u l-organiżmi trasmittenti, il-preżenza u l-bijoloġija ta' pjanti speċifikati jew pjanti li x'aktarx ikunu pjanti ospitanti tal-organiżmu speċifikat, u kwalunkwe tagħrif ieħor xieraq, dwar il-preżenza ta' dan l-organiżmu speċifikat.

2.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bir-riżultati ta' dak l-istħarriġ sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena.

Artikolu 5

Informazzjoni dwar l-organiżmu speċifikat

1.   Meta xi persuna ssir konxja mill-preżenza tal-organiżmu speċifikat, jew ikollha raġuni biex tissuspetta preżenza simili, dik il-persuna għandha tinforma lill-korp uffiċjali responsabbli minnufih.

Il-korp uffiċjali responsabbli għandu jirreġistra din l-informazzjoni minnufih.

2.   Meta jkun xieraq, il-korp uffiċjali responsabbli għandu jitlob lill-persuna msemmija fil-paragrafu 1 biex tipprovdih bi kwalunkwe informazzjoni oħra dwar il-preżenza tal-organiżmu speċifikat li tkun fil-pussess ta' dik il-persuna.

Artikolu 6

Konferma tal-preżenza

1.   Meta l-korp uffiċjali responsabbli jkun ġie infurmat bil-preżenza, jew preżenza suspettata, tal-organiżmu speċifikat abbażi tal-istħarriġ imsemmi fl-Artikolu 4(1), jew skont l-Artikolu 5, dan għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jikkonferma dik il-preżenza.

2.   Meta tiġi kkonfermata l-preżenza tal-organiżmu speċifikat f'żona fejn qatt ma kien deher qabel, l-Istat Membru kkonċernat għandu, fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tkun saret il-konferma, jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dik il-preżenza.

L-istess għandu japplika fil-każ ta' konferma uffiċjali tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat fuq speċi ta' pjanta li qabel ma kinitx magħrufa bħala pjanta ospitanti. Dawk in-notifiki għandhom jiġu sottomessi bil-miktub.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li operaturi professjonali li l-pjanti speċifikati tagħhom jistgħu jiġu affettwati mill-organiżmu speċifikat, jiġu infurmati minnufih bil-preżenza tal-organiżmu speċifikat fit-territorju ta' dak l-Istat Membru, u jsiru konxji tar-riskji u l-miżuri rispettivi li għandhom jittieħdu.

Artikolu 7

Żoni demarkati

1.   Meta r-riżultati tal-istħarriġ imsemmi fl-Artikolu 4(1) jindikaw il-preżenza tal-organiżmu speċifikat, jew meta din il-preżenza tkun ikkonfermata skont l-Artikolu 6(1), l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddemarka żona mingħajr dewmien, minn hawn 'il quddiem imsejħa “żona demarkata”.

2.   Iż-żona demarkata għandha tkun magħmula minn żona fejn l-organiżmu speċifikat ikun instab li huwa preżenti, minn hawn 'il quddiem imsejħa “żona infettata”. Dik iż-żona għandha tkun definita skont it-Taqsima 1 tal-Anness III. Iż-żona demarkata għandha tkun magħmula wkoll minn żona madwar iż-żona infettata, minn hawn' il quddiem imsejħa “iż-żona ta' lqugħ”. Dik iż-żona għandha tiġi definita skont it-Taqsima 1 tal-Anness III.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri fiż-żoni demarkati, kif stipulat fit-Taqsima 2 tal-Anness III.

4.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li ma jistabbilixxix żona demarkata minnufih meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikun hemm evidenza li l-organiżmu speċifikat ġie introdott fiż-żona reċentement permezz tal-pjanti li nstab fuqhom;

(b)

ikun hemm indikazzjoni li dawk il-pjanti kienu diġà infettati qabel l-introduzzjoni tagħhom fiż-żona kkonċernata;

(c)

ebda organiżmu trasmittenti rilevanti ma ġie individwat fil-viċinanza ta' dawn il-pjanti, li jipprova li ma seħħ ebda tixrid ieħor tal-organiżmu speċifikat.

F'dak il-każ, għandu jwettaq stħarriġ biex jiddetermina jekk ġewx infettati xi pjanti oħra apparti dawk li fuqhom l-organiżmu speċifikat kien instab oriġinarjament. Abbażi ta' dan l-istħarriġ, l-Istat Membru għandu jiddetermina jekk hemmx ħtieġa li tiġi stabbilita żona demarkata. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-konklużjonijiet ta' dan l-istħarriġ, kif ukoll il-ġustifikazzjoni għaliex mhux qed jistabbilixxi żona demarkata.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu perjodi taż-żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati fil-paragrafu 3 u, fejn ikun rilevanti, għat-twettiq tal-istħarriġ imsemmi fil-paragrafu 4.

Artikolu 8

Rappurtar dwar il-miżuri

1.   L-Istati Membri għandhom, fi żmien 30 jum min-notifika msemmija fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 6(2), jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, rapport dwar il-miżuri li jkunu ħadu jew li jkun beħsiebhom jieħdu skont l-Artikolu 7(3), kif ukoll il-perjodi ta' żmien imsemmija fl-Artikolu 7(5).

Ir-rapport għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

informazzjoni dwar il-lokazzjoni taż-żona demarkata, u deskrizzjoni tal-karatteristiċi tagħha li jistgħu jkunu rilevanti għall-qerda u l-prevenzjoni tat-tixrid tal-organiżmu speċifikat;

(b)

mappa li turi d-delimitazzjoni taż-żona demarkata;

(c)

informazzjoni dwar il-preżenza tal-organiżmu speċifikat u l-organiżmi trasmittenti tiegħu;

(d)

il-miżuri għall-konformità mar-rekwiżiti dwar it-trasport tal-pjanti speċifikati fl-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 3.

Dan ir-rapport għandu jiddeskrivi l-evidenza u l-kriterji li fuqhom huma bbażati l-miżuri.

2.   Sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra rapport li jinkludi verżjoni aġġornata tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 9

Revoka

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/87/KE titħassar.

Artikolu 10

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/87/UE tat-13 ta' Frar 2014 fir-rigward ta' miżuri għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-Xylella fastidiosa (Well u Raju) fl-Unjoni (ĠU L 45, 15.2.2014, p. 29).


ANNESS I

REKWIŻITI GĦALL-INTRODUZZJONI TA' PJANTI SPEĊIFIKATI, KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 2

TAQSIMA 1

Dikjarazzjonijiet li għandhom jiġu inklużi fiċ-ċertifikat, kif imsemmi fl-Artikolu (13)(1)(ii) tad-Direttiva 2000/29/KE

1.

Pjanti speċifikati li joriġinaw f'pajjiżi terzi fejn ikun magħruf li l-organiżmu speċifikat huwa preżenti, jistgħu jiġu introdotti biss fl-Unjoni jekk ikunu akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva 2000/29/KE, li jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (2) jew fil-punt (3).

2.

Iċ-ċertifikat fitosanitarju għandu jinkludi, fit-taqsima “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, id-dikjarazzjoni li l-pjanti jkunu ġew imkabbra tul ħajjithom kollha f'sit tal-produzzjoni li hu rreġistrat u taħt is-superviżjoni tal-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti fil-pajjiż tal-oriġini u li jinsabu f'żona ħielsa mill-pesti stabbilita minn dik l-organizzazzjoni skont l-Istandards Internazzjonali rilevanti għall-Miżuri Fitosanitarji.

L-isem taż-żona ħielsa mill-pesti għandu jiġi indikat fir-rubrika “post ta' oriġini”;

3.

Iċ-ċertifikat fitosanitarju għandu jinkludi, fir-rubrika “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, dawn l-istqarrijiet:

(a)

il-pjanti speċifikati ġew imkabbra tul ħajjithom kollha f'sit tal-produzzjoni li jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet:

(i)

li huwa stabbilit bħala ħieles mill-organiżmu speċifikat u l-organiżmi trasmittenti tiegħu skont l-Istandards Internazzjonali rilevanti għall-Miżuri Fitosanitarji.

(ii)

li huwa rreġistrat u taħt is-superviżjoni tal-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti fil-pajjiż tal-oriġini.

(iii)

li huwa protett fiżikament kontra l-introduzzjoni tal-organiżmu speċifikat permezz tal-organiżmi trasmittenti tiegħu.

(iv)

li huwa suġġett għal trattamenti fitosanitarji xierqa biex jinżamm ħieles mill-orgamiżmi trasmittenti tal-organiżmu speċifikat.

(v)

li jiġi suġġett annwalment għal tal-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali li jsiru fi żminijiet xierqa. Fi spezzjonijiet fl-imgħoddi ma nstabu la sintomi tal-organiżmu speċifikat u lanqas organiżmi trasmittenti tiegħu jew, jekk ġew osservati sintomi dubjużi, sar ittestjar u ġie kkonfermat li l-organiżmu speċifikat ma kienx preżenti.

(b)

it-trattamenti fitosanitarji kontra l-organiżmi trasmittenti tal-organiżmu speċifikat jiġu applikati fil-viċinanzi tas-sit tal-produzzjoni.

(c)

il-lottijiet tal-pjanti speċifikati ġew suġġetti għal ittestjar annwali, abbażi ta' teħid ta' kampjuni, u ġiet eskluża l-preżenza asintomatika tal-organiżmu speċifikat.

(d)

il-pjanti speċifikati ġew trasportati barra mill-istaġun ta' kwalunkwe organiżmu trasmittenti magħruf tal-organiżmu speċifikat, jew f'kontenituri jew pakketti magħluqin, biex jiġi żgurat li ma tista sseħħ ebda infezzjoni mill-organiżmu speċifikat jew minn kwalunkwe organiżmu trasmittenti magħruf tiegħu.

(e)

immedjatament qabel l-esportazzjoni, il-lottijiet ta' pjanti speċifikati ġew suġġetti għal spezzjoni viżwali uffiċjali, b'teħid ta' kampjuni u ttestjar, fejn tintuża skema ta' teħid ta' kampjuni li kapaċi tikkonferma b'affidabbiltà ta' 99 % li l-livell tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat f'dawn il-pjanti huwa ta' inqas minn 1 % u li tkun maħsuba b'mod speċifiku għal pjanti li juru sintomi dubjużi ta' dak l-organiżmu.

4.

Il-punti (2) u (3) għandhom japplikaw mutatis mutandis kemm għal pjanti speċifikati li tkabbru kemm f'żona ħielsa minn pesti kif ukoll għal pjanti li tkabbru f'żoni li mhumiex ħielsa minn pesti.

TAQSIMA 2

Spezzjoni

Il-pjanti speċifikati għandhom jiġu spezzjonati b'mod metikoluż minn korp uffiċjali responsabbli fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE (1). L-ispezzjoni għandha ssir f'forma ta' spezzjonijiet viżwali u, fil-każ ta' suspett ta' preżenza tal-organiżmu speċifikat, f'forma ta' teħid ta' kampjuni u ttestjar ta' kull lott tal-pjanti speċifikati. Il-kampjuni għandhom ikunu ta' daqs li jippermetti l-konferma b'affidabilità ta' 99 % li l-livell tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat f'dawn il-pjanti huwa ta' inqas minn 1 %.


(1)  Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE tas- 7 ta' Ottubru 2004 dwar il-kontrolli ta' l-identità u s-saħħa tal-pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra, elenkati f' Parti B ta' l-Anness V tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE, li jistgħu jiġu esegwiti f'post ieħor li m'huwiex il-punt tad-dħul fil-Komunità jew f'post ieħor fil-qrib u tispeċifika il-kundizzjonijiet li jirrigwardaw dawn il-kontrolli (ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16).


ANNESS II

KUNDIZZJONIJIET GĦAT-TRASPORT TA' PJANTI SPEĊIFIKATI FL-UNJONI KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 3

1.

Pjanti speċifikati li jkunu tkabbru għal mill-inqas parti minn ħajjithom f'żona demarkata għandhom jiġu trasportati biss lejn u f'żoni li mhumiex żoni infettati jekk ikunu akkumpanjati minn passaport tal-pjanti mħejji u maħruġ skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE. (1)

2.

Pjanti speċifikati li jkunu tkabbru għal mill-inqas parti minn ħajjithom f'żona demarkata għandhom jiġu trasportati biss lejn u f'żoni li mhumiex żoni infettati jekk, fil-perjodu kollu li jkunu qattgħu fiż-żona demarkata, ikunu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti flimkien mal-punt (1).

(a)

is-sit tal-produzzjoni fejn tkabbru fiż-żona demarkata jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet:

(i)

li huwa stabbilit bħala ħieles mill-organiżmu speċifikat.

(ii)

li huwa rreġistrat skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/90/KEE. (2)

(iii)

li huwa protett fiżikament kontra l-introduzzjoni tal-organiżmu speċifikat permezz tal-organiżmi trasmittenti tiegħu.

(iv)

li huwa suġġett għal trattamenti fitosanitarji xierqa biex jinżamm ħieles mill-orgamiżmi trasmittenti tal-organiżmu speċifikat.

(v)

li jiġi suġġett annwalment għal tal-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali li jsiru fi żminijiet xierqa. Fi spezzjonijiet fl-imgħoddi ma nstabu la sintomi tal-organiżmu speċifikat u lanqas organiżmi trasmittenti tiegħu jew, jekk ġew osservati sintomi dubjużi, sar ittestjar u ġie kkonfermat li l-organiżmu speċifikat ma kienx preżenti.

(b)

kampjuni rappreżentattivi ta' kull speċi ta' pjanti speċifikati minn kull sit tal-produzzjoni ġew suġġetti għal ittestjar annwali, u ġiet eskluża l-preżenza asintomatika tal-organiżmu speċifikat.

(c)

it-trattamenti fitosanitarji kontra l-organiżmi trasmittenti tal-organiżmu speċifikat jiġu applikati fil-viċinanzi tas-sit tal-produzzjoni.

3.

Il-pjanti speċifikati li jiġu trasportati minn u f'żoni demarkati għandhom jiġu trasportati barra mill-istaġun ta' kwalunkwe organiżmu trasmittenti magħruf tal-organiżmu speċifikat, jew f'kontenituri jew pakketti magħluqin, biex jiġi żgurat li ma tista sseħħ ebda infezzjoni mill-organiżmu speċifikat jew minn kwalunkwe organiżmu trasmittenti magħruf tiegħu.


(1)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE tat-3 ta' Diċembru 1992 li tistabbilixxi grad ta' standardizzazzjoni għal passaporti ta' pjanti biex jintużaw għaċ-ċaqliq ta' ċerti pjanti, prodotti ta' pjanti jew oġġetti oħra ġewwa l-Komunità, u li tistabbilixxi l-proċeduri dettaljati dwar il-ħruġ ta' passaporti simili u l-kondizzjonijiet u l-proċeduri dettaljati għall-bdil tagħhom (ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22).

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/90/KEE tat-3 ta' Novembru 1992 li twaqqaf l-obbligi li għalihom produtturi u importaturi ta' pjanti, prodotti ta' pjanti u oġġetti oħra huma suġġetti u li twaqqaf dettalji għar-reġistrazzjoni tagħhom (ĠU L 344, 26.11.1992, p. 38).


ANNESS III

STABBILIMENT TA' ŻONI DEMARKATI U MIŻURI, KIF STIPULAT FL-ARTIKOLU 7

TAQSIMA 1

Definizzjoni ta' żoni demarkati

1.

Iż-żona infettata għandha tinkludi l-pjanti kollha magħrufin li huma infettati bl-organiżmu speċifikat, il-pjanti kollha li juru sintomi li jindikaw il-possibbiltà ta' infezzjoni minn dak l-organiżmu, u l-pjanti l-oħra kollha li jistgħu jiġu infettati minn dak l-organiżmu minħabba l-viċinanza tagħhom mal-pjanti infettati, jew is-sors komuni ta' produzzjoni, jekk magħruf, bi pjanti infettati, jew il-pjanti mkabbra minnhom.

2.

Iż-żona ta' lqugħ għandha tkun wiesgħa tal-inqas 2 000 m.

Il-wisa' taż-żona ta' lqugħ tista' titnaqqas sa mill-inqas 1 000 m jekk jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet kollha:

(a)

li jkunu tneħħew il-pjanti infettati, flimkien mal-pjanti kollha li juru sintomi li jindikaw il-possibbiltà ta' infezzjoni mill-organiżmu speċifikat u l-pjanti kollha li ġew identifikati bħala li x'aktarx jiġu infettati. It-tneħħija għandha ssir b'tali mod li ma jifdal ebda materjal mill-pjanta mneħħija;

(b)

li jkun sar stħarriġ ta' delimitazzjoni, li jinkludi ttestjar li għalih tintuża skema ta' teħid ta' kampjuni li kapaċi tikkonferma b'affidabbiltà ta' 99 % li l-livell tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat fil-pjanti li jinsabu f'distanza sa 2 000 m mil-limitu taż-żona infettata, huwa ta' inqas minn 0,1 %.

3.

Id-delimitazzjoni eżatta taż-żoni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji solidi xjentifiċi solidi, il-bijoloġija tal-organiżmu speċifikat u l-organiżmi trażmittenti tiegħu, il-livell ta' infezzjoni, il-preżenza ta' organiżmi trażmittenti, u d-distribuzzjoni ta' pjanti ospitanti possibbli fiż-żona kkonċernata.

4.

Jekk tiġi kkonfermata l-preżenza tal-organiżmu speċifikat 'il barra miż-żona infettata, id-delimitazzjoni taż-żona infettata u taż-żona ta' lqugħ għandha tiġi rriveduta u mibdula kif xieraq.

5.

Meta f'żona demarkata, abbażi tal-istħarriġ imsemmi fl-Artikolu 4(1) u tal-monitoraġġ imsemmi fil-punt (h) tat-Taqsima 2 ta' dan l-Anness, ma tinstab ebda preżenza tal-organiżmu speċifikat għal perjodu ta' ħames (5) snin, din id-demarkazzjoni tkun tista' titneħħa.

TAQSIMA 2

Miżuri li għandhom jittieħdu f'żoni demarkati

F'żona demarkata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu dawn il-miżuri li ġejjin sabiex jinqered l-organiżmu speċifikat:

(a)

għandu, malajr kemm jista' jkun, ineħħi l-pjanti kollha infettati mill-organiżmu speċifikat, kif ukoll il-pjanti kollha li juru sintomi li jindikaw il-possibbiltà ta' infezzjoni minn dak l-organiżmu u l-pjanti kollha li ġew identifikati bħala li x'aktarx jiġu infettati. Din it-tneħħija għandha titwettaq b'tali mod li ma jifdal ebda materjal mill-pjanta mneħħija, fejn jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi evitat it-tixrid tal-organiżmu speċifikat matul u wara t-tneħħija.

(b)

għandu jwettaq teħid ta' kampjuni u ttestjar tal-pjanti speċifikati, tal-pjanti tal-istess ġenus bħall-pjanti infettati, u tal-pjanri l-oħra kollha li juru sintomi tal-organiżmu speċifikat f'raġġ ta' 200 m madwar il-pjanti infettati, fejn tintuża skema ta' teħid ta' kampjuni li kapaċi tikkonferma b'affidabbiltà ta' 99 % li l-livell tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat f'dawn il-pjanti huwa ta' inqas minn 0,1 %

(c)

għandu jeqred, in situ jew f'post fil-qrib fiż-żona demarkata maħsub għal dan l-għan, il-pjanti sħaħ, partijiet ta' pjanti jew injam li jistgħu jikkontribwixxu għat-tixrid tal-organiżmu speċifikat. Din il-qerda għandha titwettaq b'mod xieraq, fejn jiġi żgurat li l-organiżmu speċifikat ma jiġix imxerred.

(d)

għandu jeqred in situ jew f'post fil-qrib, kwalunkwe materjal tal-pjanti li joriġina miż-żbir ta' pjanti speċifikati u ta' pjanti tal-istess ġenus tal-pjanti infettati. Din il-qerda għandha titwettaq b'mod xieraq, fejn jiġi żgurat li l-organiżmu speċifikat ma jiġix imxerred permezz tal-organiżmu trasmittenti tiegħu.

(e)

għandu jwettaq trattamenti fitosanitarji xierqa ta' pjanti speċifikati u ta' pjanti li jistgħu jospitaw l-organiżmi trasmittenti tal-organiżmu speċifikat biex jipprevjenu t-tixrid tal-organiżmu speċifikat minn dawk organiżmi trasmittenti.

(f)

għandu jmur lura għall-oriġini tal-infezzjoni u jittraċċa l-pjanti speċifikati assoċjati mal-każ ta' infezzjoni kkonċernata, li setgħu ġew trasportati qabel ma ġiet stabbilita ż-żona demarkata. L-awtoritajiet rilevanti taż-żona ta' destinazzjoni ta' dawk il-pjanti għandhom jiġu infurmati bid-dettalji rispettivi kollha ta' dan it-trasport ta' pjanti, biex issir eżaminazzjoni tal-pjanti u jiġu applikati miżuri xierqa, fejn rilevanti.

(g)

għandu jipprojbixxi t-tħawwil tal-pjanti speċifikati u ta' pjanti tal-istess ġenus tal-pjanti infettati f'siti li mhumiex ħielsa minn organiżmi trasmittenti.

(h)

għandu jwettaq monitoraġġ intensiv għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat mill-inqas permezz ta' spezzjonijiet annwali fi żminijiet xierqa, b'attenzjoni partikolari fuq iż-żona ta' lqugħ u fuq il-pjanti speċifikati u l-pjanti tal-istess ġenus bħall-pjanti infettati, li jkun jinkludi l-ittestjar, b'mod partikolari ta' xi pjanti sintomatiċi. L-għadd ta' kampjuni għandu jiġi indikat fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 8.

(i)

għandu jwettaq attivitajiet li jżidu l-għarfien pubbliku dwar it-theddid li jġib miegħu l-organiżmu speċifikat u l-miżuri adottati biex jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tiegħu fl-Unjoni, inklużi l-kundizzjonijiet dwar it-trasport tal-pjanti speċifikati miż-żona demarkata, stabbiliti skont l-Artikolu 7.

(j)

għandu, fejn ikun meħtieġ, jieħu miżuri speċifiċi li jindirizzaw kwalunkwe sitwazzjoni partikolari jew kumplikazzjoni li x'aktarx tista' tipprevjeni, tfixkel jew iddewwem il-qerda, partikolarment dawk relatati mal-aċċessibbiltà u l-qerda xierqa tal-pjanti kollha li jkunu infettati jew li jkun hemm suspett li huma infettati, ikunu fejn ikunu, humiex tal-pubbliku jew tal-privat, jew hi min hi l-persuna jew l-entità li hi responsabbli għalihom.

(k)

għandu jieħu kwalunkwe miżura oħra li tista' tikkontribwixxi għall-qerda tal-organiżmu speċifikat, b'kunsiderazzjoni tal-ISPM Nru 9 (1) u bl-applikazzjoni ta' approċċ integrat skont il-prinċipji stipulati fl-ISPM Nru 14 (2).


(1)  Linji gwida għall-programmi ta' qerda tal-pesti — Standard ta' Referenza ISPM Nru 9 tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma. Ippubblikat fil-15 ta' Diċembru 2011.

(2)  L-użu ta' miżuri integrati f'approċċ sistematiku għall-kontroll tar-riskju ta' pesti — Standard ta' Referenza ISPM Nru 14 tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma. Ippubblikat fit-8 ta' Jannar 2014.


Top