EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1423

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1423/2013 tal- 20 ta’ Diċembru 2013 li jistipula l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ fondi proprji għall-istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 355, 31.12.2013, p. 60–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 27/06/2021; Imħassar b' 32021R0637

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1423/oj

31.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 355/60


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1423/2013

tal-20 ta’ Diċembru 2013

li jistipula l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ fondi proprji għall-istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikulari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 437(2) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 492(5) tiegħu

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jinkludi l-istandards maqbula b'mod internazzjonali tat-tielet Qafas Regolatorju Internazzjonali għall-banek (2) tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (minn issa 'l quddiem magħruf bħla “Basel III”). Għaldaqstant, u anke minħabba li l-għan tar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni huwa li jgħinu biex titjieb t-trasparenza fil-qasam tal-kapital regolatorju, għal raġunijiet ta’ tqabbil, ir-regoli stabbiliti għal divulgazzjoni mill-istituzzjonijiet b'superviżjoni mid-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandhom ikunu konsistenti mal-qafas internazzjonali rifless fil-“Kompożizzjoni tar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-Kapital” (4) tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja adattat biex iqis il-qafas regolatorju tal-Unjoni u l-ispeċifiċitajiet tiegħu.

(2)

Għandhom jiġu pprovduti sett ta' formoli sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Tali formoli ta' divulgazzjoni għandhom jinkludu formola tad-divulgazzjoni tal-fondi proprji, li jkollha l-għan li tirrifletti l-pożizzjoni kapitali dettaljata tal-istituzzjonijiet; u formola għall-karatteristiċi tal-istrumenti ta' kapital, li jkollha l-għan li tirrifletti l-livell ta’ dettall meħtieġ li għandu jiġi żvelat fir-rigward tal-karatteristiċi ta’ strumenti kapitali ta’ istituzzjoni.

(3)

L-ambitu tal-konsolidazzjoni għal raġunijiet ta' kontabilità u għal finijet regolatorji huwa differenti, u dan jirriżulta f’differenzi bejn l-informazzjoni użata fil-kalkolu tal-fondi proprji u l-informazzjoni użata fir-rapporti finanzjarji ppubblikati, b’mod partikolari għal entrati ta’ fondi proprji. Sabiex tiġi indirizzata l-inugwaljanza bejn id-dejta użata għall-kalkolu tal-fondi proprji u d-dejta użata f’rapporti finanzjarji tal-istituzzjonijiet, jeħtieġ li jiġi żvelat ukoll kif elementi fir-rapporti finanzjarji li jintużaw biex jikkalkulaw il-fondi proprji regolatorji jinbidlu meta jiġi applikat l-ambitu regolatorju ta' konsolidazzjoni. Għaldaqstant, f'dan ir-Regolament għandha tiġi inkluża wkoll metodoloġija ta' rikonċiljazzjoni tal-karta bilanċjali bejn entrati fil-karta bilanċjali użata biex tikkalkula l-fondi proprji u l-fondi proprji regolatorji. Għal dik ir-raġuni, għandha tintuża karta bilanċjali b'ambitu regolatorju.

(4)

Ir-rapporti finanzjarji ta’ xi istituzzjonijiet li huma soġġetti għal dawn ir-rekwiżiti ta' divulgazzjoni huma estensivi u kumplessi. Jeħtieġ li jiġi stabbilit approċċ uniformi li jsegwi passi ppreżentati b'mod ċar sabiex jassisti l-istituzzjonijiet fl-istabbiliment tar-rikonċiljazzjoni tal-karta bilanċjali tagħhom.

(5)

Id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament huma marbuta mill-qrib, billi jittrattaw id-divulgazzjoni ta’ entrati ta’ fondi proprji. Sabiex jiżguraw il-koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess żmien, u sabiex jiffaċilitaw perspettiva komprensiva u aċċess kumpatt għalihom minn persuni soġġetti għal dawk l-obbligi, huwa mixtieq li jiġu inklużi l-istandards tekniċi implementattivi kollha meħtieġa mir-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-fondi proprji f'Regolament wieħed.

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 fih numru sostanzjali ta' dispożizzjonijiet tranżitorji fir-rigward tal-fondi proprji u r-rekwiżiti tal-fondi proprji. Sabiex tiġi pprovduta stampa ċara tas-sitwazzjoni ta' solvenza tal-istituzzjonijiet, ikun xieraq li tiġi introdotta formola ta' divulgazzjoni differenti għall-perjodu tranżitorju li jirrifletti d-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(7)

Peress li d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 hija l-1 ta' Jannar 2014 u peress li l-istituzzjonijiet jeħtieġu li jadattaw is-sistemi tagħhom śabiex ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, huma għandhom jingħataw ammont suffiċjenti ta' żmien sabiex jagħmlu dan.

(8)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi implementattivi sottomess mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni Ewropea.

(9)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi implementattivi li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jispeċifika formoli uniformi għall-iskopijiet ta' divulgazzjoni skont il-punti (a), (b), (d) u (e) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 437 u skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 492 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 2

Rikonċiljazzjoni sħiħa ta’ entrati ta’ fondi proprji ma' rapporti finanzjarji awditjati

Sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni ta’ rikonċiljazzjoni sħiħa ta’ entrati ta’ fondi proprji ma' rapporti finanzjarji awditjati, kif deskritt f’punt (a) tal-Artikolu 437(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet japplikaw il-metodoloġija msemmija fl-Anness I u jippubblikaw l-informazzjoni dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-karta bilanċjali li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ din il-metodoloġija.

Artikolu 3

Deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tal-istrumenti tal-Grad 1 ta' ekwità komuni u tal-Grad 1 u Grad 2 Addizzjonali maħruġa mill-istituzzjonijiet

Sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tal-istrumenti tal-Grad 1 ta' ekwità komuni u tal-Grad 1 u Grad 2 Addizzjonali maħruġa mill-istituzzjonijiet, kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 437(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet jimlew u jippubblikaw il-formola tal-karatteristiċi ewlenin tal-istrumenti kapitali provduti fl-Anness II skont l-istruzzjonijiet provduti fl-Anness III.

Artikolu 4

Divulgazzjoni tan-natura u l-ammonti ta’ entrati speċifiċi ta' fondi proprji

Sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni ta' entrati speċifiċi ta' fondi proprji deskritti fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 437(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet jimlew u jippubblikaw il-formola ġenerali tad-divulgazzjoni tal-fondi proprji pprovdut fl-Anness IV, skont l-istruzzjonijiet provduti fl-Anness V.

Artikolu 5

Divulgazzjoni tan-natura u l-ammonti ta’ entrati speċifiċi ta' fondi proprji matul il-perjodu ta' tranżizzjoni

B'deroga mill-Artikolu 4 matul il-perjodu mill-31 ta' Marzu 2014 sal-31 ta' Diċembru 2017 sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni ta' entrati addizzjonali ta' fondi proprji kif previst fl-Artikolu 492(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet jimlew u jippubblikaw il-formola tranżitorja tad-divulgazzjoni tal-fondi proprji pprovduta fl-Anness VI, skont l-istruzzjonijiet privduti fl-Anness VII, minflok il-formola ġenerali tad-divulgazzjoni tal-fondi proprji provduta fl-Anness IV, skont l-istruzzjonijiet provduti fl-Anness V.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum mill-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika mill-31 ta’ Marzu 2014.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  http://www.bis.org/publ/bcbs189.pdf

(3)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(4)  http://www.bis.org/publ/bcbs221.pdf

(5)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


ANNESS I

Metodoloġija tar-Rikonċiljazzjoni tal-Karta Bilanċjali

(1)

L-istituzzjonijiet japplikaw il-metodoloġija deskritta f’dan l-Anness sabiex jipprovdu informazzjoni dwar ir-rikonċiljazzjoni bejn entrati fil-karta bilanċjali użata biex tikkalkula l-fondi proprji u l-fondi proprji regolatorji. L-entrati ta’ fondi proprji fir-rapporti finanzjarji awditjati jinkludu l-entrati kollha li huma komponenti ta’ jew li jitnaqqsu mill-fondi proprji regolatorji, inklużi l-ekwità, l-obbligazzjonijiet bħalma huma d-dejn, jew linji oħra tal-karta bilanċjali li jaffettwaw il-fondi proprji regolatorji bħalma huma l-assi intanġibbli, l-avvjament, l-assi ta’ taxxa differita.

(2)

Bħala punt ta’ tluq, l-istituzzjonijiet jużaw l-entrati tal-karta bilanċjali rilevanti użati biex jikkalkulaw il-fondi proprji kif ippubblikati fir-rapporti finanzjarji ppubblikati tagħhom. Ir-rapporti finanzjarji jitqiesu rapporti finanzjarji awditjati meta r-rikonċiljazzjoni titwettaq kontra r-rapporti finanzjarji ta' tmiem is-sena.

(3)

Meta l-istituzzjonijiet jissodisfaw l-obbligi stabiliti fil-Parti Tmienja tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fuq bażi konsolidata jew subkonsolidata jew meta l-ambitu tal-konsolidazzjoni jew il-metodu għall-konsolidazzjoni użat fil-karta bilanċjali fir-rapporti finanzjarji jkunu differenti mill-ambitu tal-konsolidazzjoni u l-metodu għall-konsolidazzjoni meħtieġ skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu II tal-Ewwel Parti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet jiddivulgaw ukoll il-karta bilanċjali b'ambitu regolatorju, jiġifieri karta bilanċjali mfassla skont ir-regoli dwar konsolidazzjoni prudenzjali skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu II tal-Ewwel Parti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u li hija limitata għal entrati ta' fondi proprji. Il-karta bilanċjali b'ambitu regolatorju tkun mill-inqas dettaljata daqs il-karta bilanċjali fir-rapporti finanzjarji għall-entrati ta’ fondi proprji, u l-entrati tagħha jintwerew ħdejn xulxin bi tfassil ċar bl-elementi ta’ fondi proprji tal-karta bilanċjali fir-rapporti finanzjarji. L-istituzzjonijiet jipprovdu informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar id-differenzi fl-entrati ta’ fondi proprji minħabba l-ambitu u l-metodu għall-konsolidazzjoni bejn żewġ karti bilanċjali.

(4)

It-tieni nett, l-istituzzjonijiet jespandu l-entrati tal-fondi proprji tal-karta bilanċjali b'ambitu regolatorju b'mod li l-komponenti kollha li huma meħtieġa mill-formola tranżitorja tad-divulgazzjoni jew fil-formola tad-divulgazzjoni tal-fondi proprji jidhru b'mod separat. L-istituzzjonijiet jespandu biss entrati tal-karta bilanċjali sal-livell ta’ granularità li huwa meħtieġ biex jiġu derivati l-komponenti meħtieġa bil-formola tranżitorja tad-divulgazzjoni jew il-formola tad-divulgazzjoni tal-fondi proprji.

(5)

It-tielet nett, l-istituzzjonijiet jistabbilixxu tfassil bejn l-entrati li jirriżultaw mill-espansjoni tal-karta bilanċjali b'ambitu regolatorju kif deskritt fil-paragrafu 4 bl-entrati inklużi fil-formola tranżitorja tad-divulgazzjoni jew fil-formola tad-divulgazzjoni tal-fondi proprji.

(6)

Meta l-istituzzjonijiet jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fil-Parti Tmienja tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fuq bażi konsolidata jew subkonsolidata jew iżda l-ambitu tal-konsolidazzjoni jew il-metodu għall-konsolidazzjoni użat fil-karta bilanċjali fir-rapporti finanzjarji jkunu identiċi għall-ambitu tal-konsolidazzjoni u l-metodu għall-konsolidazzjoni definit skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu II tal-Ewwel Parti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u l-istituzzjonijiet jiddikjaraw b'mod ċar in-nuqqas ta' differenzi bejn il-kampijiet ta' applikazzjoni u metodi għall-konsolidazzjoni rispettivi, japplikaw biss il-paragrafi 4 u 5 ta' dan l-Anness fuq il-bażi tal-karta bilanċjali fir-rapporti finanzjarji.

(7)

Meta l-istituzzjonijiet jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fil-Parti Tmienja tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fuq bażi individwali, il-paragrafu 3 ta’ dan l-Anness ma japplikax u minflok japplikaw il-paragrafi 4 u 5 ta' dan l-Anness fuq il-bażi tal-karta bilanċjali fir-rapporti finanzjarji.

(8)

L-informazzjoni dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-karta bilanċjali tal-entrati tal-fondi proprji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-metodoloġija deskritta f’dan l-Anness tista’ tiġi pprovduta f’format mhux awditjat.

ANNESS II

Formola tal-karatteristiċi ewlenin tal-istrumenti kapitali

Image 1

Test ta 'immaġni

Image 2

Test ta 'immaġni

ANNESS III

Struzzjonijiet għall-mili tal-formola tal-karatteristiċi ewlenin tal-istrumenti kapitali

(1)

L-istituzzjonijiet japplikaw l-istruzzjonijiet ipprovduti f’dan l-Anness sabiex jimlew il-formola tal-karatteristiċi ewlenin tal-istrumenti kapitali kif ippreżentat fl-Anness II.

(2)

L-istituzzjonijiet jimlew din il-formola għall-kategoriji li ġejjin: Strumenti tal-Grad 1 tal-ekwità komuni, strumenti addizzjonali tal-Grad 1 u strumenti tal-Grad 2.

(3)

Il-formoli jinkludu kolonni bil-karatteristiċi tal-istrumenti differenti. F’każijiet fejn l-istrumenti kapitali tal-istess kategorija jkollhom karatteristiċi identiċi, l-istituzzjonijiet jistgħu’ jimlew kolonna waħda biss li tiddivulga dawn il-karatteristiċi identiċi u tidentifika l-ħruġ li għalih jirreferu l-karatteristiċi identiċi.

Image 3

Test ta 'immaġni

Image 4

Test ta 'immaġni

Image 5

Test ta 'immaġni

ANNESS IV

Formola tad-divulgazzjoni tal-fondi proprji

Image 6

Test ta 'immaġni

Image 7

Test ta 'immaġni

Image 8

Test ta 'immaġni

Image 9

Test ta 'immaġni

Image 10

Test ta 'immaġni

ANNESS V

Struzzjonijiet għall-mili tal-formola tad-divulgazzjoni tal-fondi proprji

Għall-iskopijiet tal-formola tad-divulgazzjoni tal-fondi proprji, aġġustamenti regolatorji jinkludu tnaqqis mill-fondi proprji u l-filtri prudenzjali.

Image 11

Test ta 'immaġni

Image 12

Test ta 'immaġni

Image 13

Test ta 'immaġni

Image 14

Test ta 'immaġni

Image 15

Test ta 'immaġni

ANNESS VI

Formola tranżitorja tad-divulgazzjoni tal-fondi proprji

Image 16

Test ta 'immaġni

Image 17

Test ta 'immaġni

Image 18

Test ta 'immaġni

Image 19

Test ta 'immaġni

Image 20

Test ta 'immaġni

Image 21

Test ta 'immaġni

Image 22

Test ta 'immaġni

Image 23

Test ta 'immaġni

Image 24

Test ta 'immaġni

ANNESS VII

Struzzjonijiet għall-mili tal-formola tranżitorja tad-divulgazzjoni tal-fondi proprji

(1)

L-istituzzjonijiet jiddivulgaw il-kolonna (A) tal-formola msejħa “Data tad-divulgazzjoni” l-ammont relatat mal-entrata mmarkata fir-ringiela korrispondenti li għaliha l-kolonna (B) “Referenza tal-artikolu CRR” issemmi d-dispożizzjonijiet regolatorji applikabbli (fejn “CRR” tirreferi għar-Regolament (UE) Nru 575/2013). L-ammonti divulgati fil-kolonna (A) jirriflettu l-pożizzjoni kapitali regolatorja tal-istituzzjonijiet fid-data tad-divulgazzjoni matul il-perjodu tranżitorju u jkunu netti tal-aġġustamenti regolatorji li ġew introdotti gradwalment sad-data tad-divulgazzjoni.

(2)

L-istituzzjonijiet jiddivulgaw fiċ-ċelluli viżibbli tal-kolonna (C) “Ammonti li għandhom ikunu soġġetti għal trattament qabel is-CRR jew ammont residwu preskritt fis-CRR” l-ammont relatat mal-entrata mmarkata fir-ringiela korrispondenti li għaliha l-kolonna (B) “Referenza tal-artikolu tas-CRR” issemmi d-dispożizzjonijiet regolatorji applikabbli (fejn “CRR” tirreferi għar-Regolament (UE) Nru 575/2013). L-ammonti divulgati jirriflettu l-ammont residwu tal-aġġustament regolatorju i) li, skont il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni, se jkompli jiġi applikat għal parti tal-kapital regolatorju ħlief il-parti li għaliha jsir l-aġġustament ladarba jkun għadda l-perjodu tranżitorju, jew ii) li mhux b’mod ieħor imnaqqas fil-punt tad-data tad-divulgazzjoni.

(3)

B’eċċezzjoni mill-paragrafu 2, għar-ringieli 26a, 26b, minn 41a sa 41c, minn 56a sa 56c, 59a u r-ringieli kollha li joħorġu minnhom, l-istituzzjonijiet jiddivulgaw fil-kolonna (A) l-ammont residwu tal-aġġustamenti regolatorji msemmija fil-paragrafu 3 rispettivament inklużi fil-kalkolu tal-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni, il-kapital tal-Grad 1 Addizzjonali, il-kapital tal-Grad 2 u l-Kapital Totali.

(4)

Fir-rigward tat-telf u l-qligħ mhux realizzat imkejjel fil-valur ġust imsemmi fl-Artikoli 467 u 468 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet jiżvelaw l-ammont eskluż mill-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni skont l-Artikolu 467 u 468 fil-kolonna (A) taħt ir-ringiela 26a. L-istituzzjonijiet jinkludu iżjed ringieli relatati ma’ din ir-ringiela sabiex jispeċifikaw in-natura tal-assi jew obbligazzjonijiet, bħall-ekwità jew l-istrumenti ta’ dejn, li għalihom it-telf jew qligħ mhux realizzat jiġi eskluż mill-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni.

(5)

Fir-rigward tat-tnaqqis mill-kapital ta’ Grad 1 ta’ Ekwità Komuni msemmi fl-Artikolu 469 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet jiddivulgaw l-ammonti li għandhom jitnaqqsu fil-kolonna (A) u l-amonti residwi fil-kolonna (C) taħt ir-ringieli relatati mal-entrati tat-tnaqqis. L-ammonti residwi li jridu jitnaqqsu skont l-Artikolu 472 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġu divulgati wkoll fir-ringiela 41a (u 'l isfel) għall-ammont li jrid jitnaqqas mill-kapital tal-Grad 1 Addizzjonali u fir-ringiela 56a għall-ammont li jrid jitnaqqas mill-kapital tal-Grad 2. L-istituzzjonijiet jinkludu iżjed ringieli relatati mar-ringieli 41a u 56a sabiex jispeċifikaw il-punti rilevanti soġġetti għal dan it-trattament.

(6)

Fir-rigward tat-tnaqqis mill-kapital ta’ Grad 1 Addizzjonali fl-Artikolu 474 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet jiżvelaw l-ammonti li jridu jitnaqqsu fil-kolonna (A) u l-amonti residwi fil-kolonna (C) taħt ir-ringieli relatati mal-entrati tat-tnaqqis. L-ammonti residwi li jridu jitnaqqsu skont l-Artikolu 475 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġu żvelati wkoll fir-ringiela 56b għall-ammont li jrid jitnaqqas mill-kapital tal-Grad 2. L-istituzzjonijiet jinkludu iżjed ringieli relatati mar-ringiela 56b sabiex jispeċifikaw l-entrati rilevanti soġġetti għal dan it-trattament.

(7)

Fir-rigward tat-tnaqqis mill-kapital ta’ Grad 2 Addizzjonali fl-Artikolu 476 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet jiżvelaw l-ammonti li jridu jitnaqqsu fil-kolonna (A) u l-amonti residwi fil-kolonna (C) taħt ir-ringieli relatati mal-entrati tat-tnaqqis. L-ammonti residwi li jridu jitnaqqsu skont l-Artikolu 477 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġu divulgati wkoll fir-ringiela 41c għall-ammont li jrid jitnaqqas mill-kapital tal-Grad 1 Addizzjonali. L-istituzzjonijiet jinkludu iżjed ringieli relatati mar-ringiela 41c sabiex jispeċifikaw l-entrati rilevanti soġġetti għal dan it-trattament.

(8)

Fir-rigward ta’ interessi minoritarji, l-istituzzjonijiet jiddivulgaw fil-kolonna (A) fir-ringiela 5 is-somma ta’ interessi minoritarji li jikkwalifikaw bħala kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni skont it-Tieni Parti tat-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u interessi minoritarji li jikkwalifikaw bħala riżervi konsolidati kif imsemmi fl-Artikoli 479 u 480 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. L-istituzzjonijiet jiddivulgaw ukoll fil-kolonna (C) fir-ringiela 5 l-interessi minoritarji li jikkwalifikaw bħala riżervi konsolidati kif imsemmi fl-Artikoli 479 u 480 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(9)

Fir-rigward tal-filtri u t-tnaqqis imsemmija fl-Artikolu 481 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet jiddivulgaw fil-kolonna (A) l-ammont tal-aġġustamenti li jridu jiġu inklużi fi jew imnaqqsa mill-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni, il-kapital ta’ Grad 1 u l-kapital ta’ Grad 2 taħt ir-ringieli 26b, 41c u 56c rispettivament. L-istituzzjonijiet jinkludu iżjed ringieli relatati mar-ringieli 26b, 41c u 56c sabiex jispeċifikaw il-punti rilevanti soġġetti għal dan it-trattament.

(10)

L-ammonti residwi relatati mat-tnaqqis mill-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni, il-kapital tal-Grad 1Addizzjonali u l-kapital tal-Grad 2 li huma ponderati għar-riskju skont l-Artikoli 470, 472, 475 u 477 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġu żvelati fil-kolonna (A) fir-ringiela 59a. L-ammont divulgat ikun l-ammont ponderat għar-riskju.

Top