EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1293

Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Diċembru 2013 dwar l-istabbiliment ta' Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 347, 20.12.2013, p. 185–208 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32021R0783

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1293/oj

20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/185


REGOLAMENT (UE) Nru 1293/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Diċembru 2013

dwar l-istabbiliment ta' Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 614/2007

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-politika u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ambjent u l-klima wasslu għal titjib sostanzjali fl-istat tal-ambjent. Madankollu, baqa' sfidi ambjentali u klimatiċi kbar li, jekk ma jiġux indirizzati, ikollhom konsegwenzi sinifikanti għall-Unjoni.

(2)

Li jiġu indirizzati dawk l-isfidi ambjentali u klimatiċi għandhom, minħabba l-iskala u l-kumplessità tagħhom, jiġu ffinanzjati primarjament permezz tal-programmi ta’ finanzjament ewlenin tal-Unjoni. Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-29 ta' Ġunju 2011 intitolata "Baġit għall-Ewropa 2020" li tirrikonoxxi l-isfida tat-tibdil fil-klima, il-Kummissjoni stqarret li kienet biħsiebha żżid il-proporzjon tal-baġit tal-Unjoni relatat mal-klima mill-anqas għal 20 % b’kontributi minn politiki differenti. Dan ir-Regolament għandu jikkontribwixxi għall-ksib ta’ dak il-għan.

(3)

Dawk il-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni ma jistgħux jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi kollha relatati mal-ambjent u l-azzjoni klimatika. Fir-rigward tal-ambjent u l-azzjoni klimatika, jeħtieġ ikun hemm approċċi speċifiċi biex jittrattaw l-integrazzjoni mhux uniformi tal-objettivi tagħhom fil-prattiki tal-Istati Membri, l-implimentazzjoni mhux uniformi u inadegwata tal-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri, u d-disseminazzjoni u l-promozzjoni insuffiċjenti ta' informazzjoni dwar l-għanijiet tal-politika. Huwa xieraq li jiġi pprovdut segwitu għall-programm stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 614/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u li jiġi adottat regolament ġdid. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi Programm ta’ finanzjament dedikat għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (il-"Programm LIFE"). Sabiex il-finanzjament tal-Unjoni jikseb impatt sostanzjali, għandhom jiġu żviluppati sinerġiji mill-qrib u komplementarjetà bejn il-Programm LIFE u programmi oħrajn ta’ finanzjament tal-Unjoni.

(4)

L-assi ambjentali huma mqassma b’mod inugwali madwar l-Unjoni, iżda l-benefiċċji tagħhom jikkonċernaw u jinħassu mill-Unjoni fis-sħuħija tagħha. L-obbligu tal-Unjoni li tippreżerva dawk l-assi jirrikjedi l-applikazzjoni konsistenti tal-prinċipji tas-solidarjetà u tal-qsim tar-responsabbiltà, li jirrikjedi li ċerti problemi ambjentali u klimatiċi tal-Unjoni jiġu indirizzati aħjar fil-livell reġjonali jew lokali. Sa mill-1992, il-Programmi LIFE qdew rwol essenzjali għal solidarjetà aħjar u l-qsim tar-responsabbiltà fl-ippreżervar tal-ġid komuni tal-ambjent u l-klima tal-Unjoni. Il-Programm LIFE għandu jkompli jaqdi dak ir-rwol.

(5)

Minħabba l-karatteristiċi u d-daqs tiegħu, il-Programm LIFE ma jistax isolvi l-problemi ambjentali u klimatiċi kollha. Aktar minn hekk, l-objettiv tiegħu għandu jkun li jaġixxi ta' katalizzatur għall-bidliet fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-politika billi jipprovdi u jiddissemina soluzzjonijiet u l-aħjar prattiki biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali u klimatiċi u billi jippromwovi teknoloġiji innovattivi fl-oqsma tal-ambjent u t-tibdil fil-klima. F’dak l-isforz, il-Programm LIFE għandu jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni Ġenerali tal-Unjoni għall-Ambjent sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna", kif stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) ("is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali").

(6)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju ta’ EUR 3 456 655 miljun fil-prezzijiet attwali, li jammonta għal 0,318 % tal-ammont totali tal-approprjazzjonijiet ta' impenn imsemmijin fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (6) għat-tul kollu tal-Programm LIFE li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, skont it-tifsira tal-Punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali ta’ 2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, kooperazzjoni f’materji marbuta mal-baġit fir-rigward ta’ ġestjoni finanzjarja soda (7), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(7)

F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu ta’ Diċembru 1997 u tal-Kunsill Ewropew ta' Tessalonika ta’ Ġunju 2003, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent involuti fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, kif ukoll il-pajjiżi li għalihom tapplika l-Politika Ewropea tal-Viċinat, għandhom ikunu kkunsidrati bħala eliġibbli sabiex jipparteċipaw fil-programmi tal-Unjoni, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'kull ftehim bilaterali jew multilaterali rilevanti konkluż ma' dawk il-pajjiżi.

(7a)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE (8) (Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar), l-individwi minn pajjiż jew territorju extra-Ewropew u, fejn ikun applikabbli, il-korpi jew l-istituzzjonjiet pubbliċi u/jew privati f'pajjiż jew territorju extra-Ewropew huma eliġibbli biex jieħdu sehem fil-programmi tal-Unjoni, soġġetti għar-regoli u l-objettivi tal-programm ikkonċernat, kif ukoll għall-arranġamenti applikabbli għall-Istat Membru li miegħu hu marbut il-pajjiż jew territorju extra-Ewropew.

(9)

Biex l-investimenti relatati mal-ambjent u l-azzjoni klimatika fl-Unjoni jkunu effikaċi, jeħtieġ li xi attivitajiet jiġu implimentati lil hinn mill-fruntieri tagħha. Dawk l-investimenti ma jistgħux dejjem jiġu ffinanzjati bis-saħħa tal-istrumenti finanzjarji tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. Interventi f'pajjiżi mhux direttament parteċipanti fil-Programm LIFE u l-parteċipazzjoni ta' persuni ġuridiċi bbażati f'dawk il-pajjiżi f'attivitajiet iffinanzjati skont il-Programm LIFE għandhom ikunu eċċezzjonalment possibbli, sakemm jiġu ssodisfati kundizzjonijiet speċifiċi msemmija f'dan ir-Regolament.

(10)

Dan ir-Regolament għandu wkoll jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni ma' u li jipprovdi sostenn lil organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bl-intenzjoni li tingħata attenzjoni lil ħtiġijiet ta’ politika ambjentali u klimatika li ma jaqgħux fl-ambitu ta' strumenti finanzjarji ta’ azzjoni esterna, bħal ċerti studji.

(11)

Ir-rekwiżiti ambjentali u klimatiċi għandhom jiġu integrati fil-politiki u l-attivitajiet tal-Unjoni. Il-Programm LIFE għandu għalhekk jikkomplementa programmi ta' finanzjament oħra tal-Unjoni, inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (9), il-Fond Soċjali Ewropew (10), il-Fond ta' Koeżjoni (11), il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (12), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (13), il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, u Orizzont 2020 - Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (14) ("Orizzont 2020").

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw din il-komplementarjetà fil-livelli kollha. Fil-livell tal-Unjoni, il-komplementarjetà għandha tiġi żgurata billi tiġi stabbilita kooperazzjoni strutturata bejn il-Programm LIFE u programmi ta' finanzjament tal-Unjoni b'immaniġġjar konġunt fil-Qafas Strateġiku Komuni, kif stabbilit bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1303/2013 (15) ("Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni"), partikolarment sabiex jiġi promoss il-finanzjament tal-attivitajiet li jikkomplementaw il-proġetti integrati jew jiġi sostnut l-użu ta’ soluzzjonijiet, metodi u approċċi żviluppati fi ħdan il-Programm LIFE. Il-Programm LIFE għandu wkoll jinkoraġġixxi l-użu tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni b'rabta mal-ambjent u l-klima ta’ Orizzont 2020. Fi ħdan dan il-kuntest għandu joffri opportunitajiet ta’ kofinanzjament għal proġetti b’benefiċċji ambjentali u klimatiċi cari sabiex jiġu żgurati sinerġiji bejn il-Programm LIFE u Orizzont 2020. Il-koordinazzjoni hija meħtieġa sabiex jiġi evitat finanzjament doppju. Il-Kummissjoni għandha tieħu passi biex tipprevjeni elementi duplikati u piż amministrattiv addizzjonali fuq il-benfiċjarji ta' proġett li jkunu jirriżultaw minn obbligi ta' rapportar minn strumenti finanzjarji differenti. Sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u l-fattibbiltà prattika tal-proġetti integrati taħt il-Programm LIFE, l-arranġamenti potenzjali għall-kooperazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fi stadju bikri. L-Istati Membri għandhom jipprevedu r-referenzi għat-tali arranġamenti fil-Ftehimiet ta' Sħubija tagħha sabiex jiżguraw li l-vantaġġi tal-proġetti integrati jkunu jistgħu jitqiesu matul it-tfassil tal-programmi operattivi jew ta' żvilupp rurali.

(12)

It-twaqqif u t-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità u t-titjib fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, flimkien mal-indirizzar tal-preokkupazzjonijiet b'rabta mal-ambjent u s-saħħa, jibqgħu l-isfidi ewlenin għall-Unjoni. Dawn l-isfidi jeħtieġu sforzi ikbar fil-livell tal-Unjoni biex jiġu pprovduti soluzzjonijiet u l-aħjar prattiki li jgħinu biex jinkisbu l-miri tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata "Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv"("l-Istrateġija Ewropa 2020"). Barra minn hekk, governanza mtejba, partikolarment permezz tas-sensibilizzazzjoni u l-involviment tal-partijiet interessati, hija essenzjali għall-ilħuq tal-objettivi ambjentali. Għalhekk is-sottoprogramm għall-Ambjent għandu jkollu tliet oqsma prijoritarji għall-azzjoni: Ambjent u Effiċjenza fir-Riżorsi, Natura u Bijodiversità, u Governanza u Informazzjoni Ambjentali. Għandu jkun possibbli għal proġetti ffinanzjati mill-Programm LIFE li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi speċifiċi ta' iktar minn wieħed minn dawn l-oqsma prijoritarji u li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta' iktar minn Stat Membru wieħed.

(13)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 intitolata "Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi" ipproponiet it-tappi u l-azzjonijiet li huma meħtieġa biex jidderieġu lill-Unjoni lejn tkabbir effiċjenti fir-riżorsi u sostenibbli. Għalhekk, il-qasam prijoritarju Ambjent u Effiċjenza fir-Riżorsi għandu jsostni l-implimentazzjoni effettiva tal-politika ambjentali tal-Unjoni mis-setturi pubbliċi u privati, partikolarment fis-setturi ambjentali koperti mill-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, billi jiffaċilita l-iżvilupp u l-kondiviżjoni ta’ soluzzjonijiet ġodda u l-aħjar prattiki. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-konsistenza u tevita l-elementi duplikati ma' Orizzont 2020.

(14)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2011 intitolata "L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020" ("l-Istrateġija tal-Unjoni għall-Bijodiversità sal-2020") stabilixxiet miri biex twaqqaf u treġġa' lura t-telf tal-bijodiversità. Dawn il-miri jinkludu fost oħrajn, l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (16) u d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), kif ukoll iż-żamma u r-restawr tal-ekosistemi u tas-servizzi tagħhom. Il-Programm LIFE għandu jikkontribwixxi biex jinkisbu dawk il-miri. Għalhekk, il-qasam prijoritarju Natura u Bijodiversità għandu jiffoka fuq l-implimentazzjoni u l-immaniġġjar tan-netwerk Natura 2000 stabbilit skont id-Direttiva 92/43/KEE, partikolarment fir-rigward tal-qafas ta’ azzjoni prijoritizzata mħejji abbażi tal-Artikolu 8 ta' dik id-Direttiva, dwar l-iżvilupp u t-tixrid tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-bijodiversità, u d-Direttivi 92/43/KEE u 2009/147/KE, kif ukoll dwar l-isfidi usa' tal-bijodiversità identifikati mill-Istrateġija tal-Unjoni għall-Bijodiversità sal-2020;

(15)

Il-kontribut tal-Programm LIFE għall-ħtiġijiet annwali ta’ finanzjament għan-netwerk Natura 2000, għandu jitqies fil-kuntest tal-ispejjeż tal-bijodiversità garantiti minn fondi oħra tal-Unjoni. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-proġetti integrati taħt il-Programm LIFE bħala mekkaniżmu ta' finanzjament koordinat għan-netwerk Natura 2000, minħabba l-potenzjal tagħhom li jinfluwenzaw il-ksib ta' fondi u jżidu l-kapaċità ta' assorbiment għall-infiq fin-natura u l-bijodiversità f'fondi oħra tal-Unjoni.

(16)

Il-foresti għandhom rwol sinifikanti għall-ambjent u l-klima rigward, pereżempju, il-bijodiversità, l-ilma, il-ħamrija, u l-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima. Il-foresti u l-ħamrijiet jgħinu biex jirregolaw il-klima billi jassorbu d-dijossidu tal-karbonju (CO2) mill-atmosfera u jaħżnu ammonti enormi ta’ karbonju. Biex jiġi ottimizzat dak l-irwol, il-forniment ta’ data u ta' informazzjoni rilevanti u kompatibbli huwa neċessarju. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jirrappreżenta wkoll qafas għas-sostenn ta’ sinerġiji bejn l-azzjonijiet ambjentali u klimatiċi assoċjati mal-foresti u l-ħamrijiet, inkluż fir-rigward tal-monitoraġġ ta' azzjonijiet bħal dawn. Oqsma oħra għal żieda fis-sinerġiji huma l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfiet, kif ukoll l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar.

(17)

Bi ħsieb li jiġi ottimizzat l-użu tar-riżorsi tal-programm LIFE, is-sinerġiji bejn l-azzjonijiet taħt is-sottoprogramm għall-Ambjent, partikolarment għall-ħarsien tal-bijodiversità, u l-miżuri ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima taħt is-sottoprogramm għall-Azzjoni Klimatika għandhom jitrawmu.

(18)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 intitolata "Pjan Direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050" ("il-Pjan Direzzjonali 2050") irrikonoxxiet li l-ittestjar ta’ approċċi ġodda lejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jibqa' essenzjali biex issir tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Anke l-adattament għat-tibdil fil-klima, bħala prijorità transsettorjali tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġi żgurat. Barra minn hekk, il-promozzjoni tal-governanza u s-sensibilizzazzjoni huma essenzjali għall-ilħuq ta' riżultati kostruttivi u biex jiġi żgurat l-involviment tal-partijiet interessati. Għalhekk, is-sottoprogramm għall- Azzjoni Klimatika għandu jappoġġa l-isforzi li jikkontribwixxu għal tliet oqsma prijoritarji: Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima, Adattament għat-Tibdil fil-Klima u Governanza u Informazzjoni Klimatika. Għandu jkun possibbli għall-proġetti ffinanzjati mill-Programm LIFE li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi speċifiċi ta' iktar minn wieħed minn dawn l-oqsma prijoritarji u li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta' iktar minn Stat Membru wieħed.

(19)

Il-qasam prijoritarju Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni b'rabta mal-klima, partikolarment fir-rigward tal-monitoraġġ u r-rapportar tal-gassijiet serra, il-politiki relatati mal-użu tal-art, il-bidla fl-użu tal-art u l-forestrija, il-konservazzjoni tal-bjar tal-karbonju naturali, is-sistemi għan-negozjar tal-emissjonijiet, l-isforzi tal-Istati Membri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju, l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, it-trasport u l-fjuwils, il-protezzjoni tas-saff tal-ożonu u l-gassijiet fluworinati. Il-kostruzzjoni ta' proġetti infrastrutturali għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju hi meqjusa lil hinn mill-ambitu tal-programm LIFE u, għaldaqstant, mhix se tiġi appoġġata.

(20)

Diġà qed naraw l-ewwel konsegwenzi tat-tibdil fil-klima fl-Ewropa u madwar id-dinja, bħalma huma kundizzjonijiet estremi tat-temp li wasslu għal għargħar u nixfiet, u temperaturi u livelli tal-baħar li qed jogħlew. Il-qasam prijoritarju Adattament għat-Tibdil fil-Klima għandu għalhekk jgħin popolazzjonijiet, setturi ekonomiċi u reġjuni biex jadattaw għal impatti bħal dawn permezz ta’ miżuri u strateġiji speċifiċi ta' adattament, sabiex tkun żgurata Unjoni aktar reżiljenti. L-azzjonijiet f'dan il-qasam għandhom ikunu komplementari għall-azzjonijiet eliġibbli għal finanzjament fi ħdan l-istrument finanzjarju għall-protezzjoni ċivili kif stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropewu tal-Kunsill (18). Il-kostruzzjoni ta' proġetti infrastrutturali kbar hi meqjusa lil hinn mill-ambitu tal-programm LIFE u, għaldaqstant, mhix se tiġi appoġġata.

(21)

L-implimentazzjoni sħiħa tal-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali u klimatika hija marbuta b'mod li ma tinħallx mal-ilħuq ta’ governanza aħjar, it-titjib tal-involviment tal-partijiet interessati u d-disseminazzjoni tal-informazzjoni. Għalhekk, l-oqsma prijoritarji ta’ Governanza u Informazzjoni għandhom fiż-żewġ sottoprogrammi jsostnu l-iżvilupp ta’ pjattaformi ta' kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki għal konformità u infurzar aktar effikaċi, inklużi programmi ta' taħriġ għall-imħallfin u l-prosekuturi pubbliċi, u għandhom jiġġeneraw sostenn mill-pubbliku u l-partijiet interessati għall-isforzi tal-Unjoni fit-tfassil ta' politiki fl-oqsma ambjentali u klimatiċi. Partikolarment, dawn għandhom isostnu t-titjib fid-disseminazzjoni tal-bażi tal-għarfien u l-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, fis-sensibilizzazzjoni, u fil-parteċipazzjoni pubblika, l-aċċess għall-informazzjoni u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.

(22)

Fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, għandu jingħata appoġġ bi qbil mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19). Il-proġetti finanzjati taħt il-Programm LIFE għandhom jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà u ta' aġġudikazzjoni sabiex jiżguraw l-aħjar użu possibbli tal-Fondi tal-Unjoni u biex jiġi żgurat valur miżjud għall-Unjoni. Meta tkun qed tivvaluta l-valur miżjud għall-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari, kif inhu applikabbli għall-oqsma prijoritarji, għall-potenzjal tar-riżultati tal-proġetti biex jiġu replikati u trasferiti, is-sostenibbiltà tar-riżultati tagħhom u l-kontribut tagħhom għall-ksib tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-oqsma prijoritarji, kif ukoll għall-prijoritajiet tematiċi implimentati permezz tas-suġġetti tal-proġetti. Il-proġetti b'impatti transsettorjali għandhom jiġu mħeġġa. Il-Kummissjoni għandha wkoll tippromwovi u tinkoraġġixxi l-użu tal-akkwist pubbliku ekoloġiku, b'mod partikolari fl-implimentazzjoni tal-proġetti.

(23)

Sabiex jinżammu kundizzjonijiet ekwi għall-impriżi kollha attivi fis-suq intern u biex jiġu evitati distorsjonijiet bla bżonn fil-kompetizzjoni, il-finanzjament ipprovdut taħt il-Programm LIFE għandu jindirizza, fejn xieraq, il-fallimenti fis-suq. Barra minn hekk, fil-każi fejn il-finanzjament jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), għandu jiġi mfassal b'mod li jkun konsistenti mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fis-suq, bħall-esklużjoni tal-finanzjament privat, il-ħolqien ta' strutturi tas-suq ineffikaċi jew l-ippreżervar ta’ kumpaniji ineffiċjenti, u ma jistax jiddaħħal fis-seħħ qabel l-approvazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE, sakemm dan jikkonforma ma' regolament adottat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (20).

(24)

Sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali u klimatika u tittejjeb l-integrazzjoni tal-objettivi ambjentali u klimatiċi f'politiki oħra, il-Programm LIFE għandu jippromwovi proġetti li jappoġġaw approċċi integrati lejn l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politika ambjentali u klimatiċi. Il-proġetti integrati ta' dan it-tip għandhom iservu ta' għodod konkreti għat-tisħiħ tal-integrazzjoni tal-objettivi ambjentali u klimatiċi fil-politiki l-oħra tal-Unjoni u fl-infiq globali tal-Unjoni bi qbil mal-istrateġija Ewropa 2020. Għandhom jipprovdu eżempji ta' prattika tajba għal implimentazzjoni effiċjenti u kkoordinata tajjeb tal-politika ambjentali u klimatika tal-Unjoni fl-Istati Membri u r-reġjuni. Għas-sottoprogramm Ambjent, il-proġetti integrati għandhom jiffokaw primarjament fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni għall-Bijodiversità sal-2020, b'attenzjoni partikolari għall-immaniġġjar u l-konsolidazzjoni effikaċi tan-netwerk Natura 2000 imwaqqaf bid-Direttiva 92/43/KEE permezz tal-implimentazzjoni tal-oqfsa ta’ azzjoni prijoritizzata mħejjija abbażi tal-Artikolu 8 ta' dik id-Direttiva, tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) u tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart u l-arja.

(25)

Proġetti integrati, filwaqt li jiffokaw fuq it-temi identifikati, għandhom ikunu mekkaniżmi ta’ eżekuzzjoni bi skopijiet diversi (eż. immirati lejn il-benefiċċji ambjentali u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet) li jagħmlu l-ksib tar-riżultati f'oqsma oħra tal-politika possibbli, b'mod partikolari l-ambjent marin skont l-objettivi tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22). Proġetti integrati jistgħu jkunu kkunsidrati wkoll f’oqsma ambjentali oħra. Għas-sottoprogramm għall-Azzjoni Klimatika, dawk il-proġetti għandhom jiffokaw partikolarment fuq l-istrateġiji u l-pjanijiet ta' azzjoni ta’ mitigazzjoni u ta' adattament għat-tibdil fil-klima.

(26)

Proġetti integrati għandhom jappoġġaw biss sensiela ta' attivitajiet u miżuri speċifiċi, waqt li attivitajiet oħra li jikkomplementaw dawk inklużi fil-proġett għandhom jiġu ffinanzjati minn programmi ta’ finanzjament oħra tal-Unjoni, kif ukoll minn fondi nazzjonali, reġjonali u mis-settur privat. Finanzjament mill-Programm LIFE għandu jisfrutta s-sinerġiji u jiżgura konsistenza bejn sorsi differenti ta’ finanzjament mill-Unjoni billi jipprovdi attenzjoni strateġika ambjentali u klimatika, filwaqt li jiżgura li l-proċeduri jiġu ssimplifikati.

(27)

Il-proġetti integrati, peress li huma ffukati b'mod qawwi fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politika ambjentali u klimatika tal-Unjoni, permezz ta' approċċi integrati, jirrikjedu azzjoni fil-partijiet kollha tal-Unjoni u fis-setturi kollha indirizzati f'dan ir-Regolament. Dan jeżiġi l-introduzzjoni ta' element distributtiv fil-proċess ta' għażla għall-faċilitazzjoni tal-bilanċ ġeografiku, u li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom, jekk ikun hemm bżonn bl-appoġġ ta' proġett ta' assistenza teknika LIFE, biex iħejju u jipproponu tal-anqas proġett integrat wieħed matul il-perjodu ta' programmazzjoni tal-programm LIFE.

(28)

Minħabba l-fatt li l-approċċ ta' proġetti integrati għadu ġdid, il-persuni interessati għandhom jiġu appoġġati, meta jkun meħtieġ, b'assistenza teknika. Proċedura ta' applikazzjoni f'żewġt istadji għandha ttaffi l-fażi ta' applikazzjoni. Fl-ewwel stadju, pjan finanzjarju għandu jindika liema sorsi oħra ta' finanzjament fil-livell tal-Unjoni, f'dak nazzjonali jew f'dak privat għandhom jiġu mobilizzati u sa liema punt. Huwa biss fit-tieni stadju li għandhom jiġu rikjesti l-ittri ta' impenn minn tal-anqas sors ieħor ta' finanzjament sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżit ta' mobilizzazzjoni ta' sors ta' finanzjament addizzjonali jitwettaq. Il-punt sa fejn jiġu mobilizzati fondi oħra tal-Unjoni għandu jitqies matul il-fażi ta' aġġudikazzjoni.

(29)

Is-suċċess tal-proġetti integrati jiddependi fuq kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, lokali u l-atturi mhux statali kkonċernati mill-objettivi tal-Programm LIFE. Il-prinċipji ta’ trasparenza u ta' żvelar tad-deċiżjonijiet relatati mal-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-proġetti għandhom għalhekk ikunu applikati.

(30)

Għall-proġetti taħt is-sottoprogramm għall-Ambjent, apparti l-proġetti integrati, għandu jsir tqassim proporzjonat tal-fondi bejn l-Istati Membri kollha għad-durata tal-ewwel Programm ta' ħidma pluriennali, bi qbil mal-prinċipji ta' solidarjetà u l-qsim tar-responsabbiltà, permezz tat-twaqqif ta' allokazzjonijiet nazzjonali indikattivi.

(31)

Sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri li jieħdu sehem fil-Programm LIFE, il-finanzjament garantit għall-proġetti ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru li jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti stabbiliti b'dan ir-Regolament. It-tali finanzjament għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni abbażi ta' pjan miftiehem fir-rigward tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet li jkun jispjega l-interventi u l-finanzjament rikjesti.

(32)

Il-kwalità għandha sservi bħala l-kriterju predominanti li jirregola l-evalwazzjoni tal-proġett u l-proċess ta' aġġudikazzjoni fil-Programm LIFE. L-elementi distributtivi introdotti bl-iskop li jirriflettu l-bilanċ ġeografiku huma ta' natura indikattiva u ma għandhomx jissuġġeru l-fondi jew l-allokazzjonijiet garantiti għal kull Stat Membru.

(33)

L-Unjoni hija parti għall-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali ("il-Konvenzjoni ta’ Aarhus") tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE). Il-ħidma tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u tan-netwerks ta' entitajiet mingħajr skop ta' qligħ li jsegwu għan ta' interess ġenerali tal-Unjoni għandha għalhekk tiġi sostnuta, billi dawn huma effikaċi fis-sostenn tal-miri tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus billi jippromwovu l-preokkupazzjonijiet u l-fehmiet taċ-ċittadini tal-Unjoni bħala parti mill-proċess tal-iżvilupp ta' politika kif ukoll fis-sostenn tal-implimentazzjoni tagħha, u fis-sensibilizzazzjoni ta' problemi ambjentali u dawk relatati mal-klima u r-reazzjonijiet ta' politika. Huwa xieraq għall-Programm LIFE li jsostni medda wiesgħa ta’ NGOs kif ukoll ta' netwerks ta' entitajiet mingħajr skop ta' qligħ li jsegwu għan ta' interess ġenerali fl-Unjoni, primarjament attivi fil-qasam ambjentali u/jew tal-azzjoni klimatika, permezz tal-aġġudikazzjoni kompetittiva u trasparenti ta’ għotjiet operattivi, sabiex jgħinuhom jagħtu kontributi effikaċi favur il-politika tal-Unjoni, u jippromwovu u jsaħħu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-objettivi ambjentali u klimatiċi tal-Unjoni, kif ukoll jibnu u jsaħħu l-kapaċità tagħhom biex isiru sħab aktar effiċjenti.

(34)

Sabiex twettaq ir-rwol tagħha fil-varar tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali u klimatika, il-Kummissjoni għandha tuża r-riżorsi mill-Programm LIFE biex issostni l-varar, l-implimentazzjoni u l-integrazzjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali u klimatika tal-Unjoni, inkluż ix-xiri ta’ servizzi u oġġetti. Riżorsi finanzjarji allokati għal attivitajiet ta’ komunikazzjoni skont dan ir-Regolament għandhom ikopru wkoll komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet ta’ politika tal-Unjoni, kif ukoll dwar l-istatus ta’ implimentazzjoni u traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali u klimatika ewlenija kollha tal-Unjoni.

(35)

Id-diskrepanza attwali fis-suq bejn id-domanda għal u l-provvista ta’ self, ekwità u kapital ta’ riskju aktarx li tippersisti fil-kuntest ta’ kriżi finanzjarja u, huwa xieraq, għalhekk, li jiġi permess l-użu tal-istrumenti finanzjarji biex isostnu proġetti b'kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ dħul fl-oqsma tal-ambjent jew tal-klima. L-istrumenti finanzjarji sostnuti mill-Programm LIFE għandhom jintużaw sabiex jindirizzaw ħtiġijiet speċifiċi tas-suq b’mod kosteffikaċi, f’konformità mal-objettivi tal-Programm, u m’għandhomx jeskludu l-possibbiltà tal-finanzjament privat. Għandu jkun possibbli li l-istrumenti finanzjarji jingħaqdu ma' għotjiet iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, inklużi dawk li jaqgħu taħt dan ir-Regolament.

(36)

L-esperjenza tal-programmi LIFE tal-imgħoddi evidenzjat il-ħtieġa li l-isforzi jiġu ffukati fuq prijoritajiet ta' politika u oqsma għall-azzjoni ambjentali u klimatiċi konkreti. Dawk il-prijoritajiet tematiċi m'għandhomx ikunu eżawrjenti sabiex jippermettu lill-applikanti jissottomettu proposti f’oqsma oħra kif ukoll jinkorporaw ideat ġodda biex jirreaġixxu għal sfidi ġodda. Tali programmi ta' ħidma pluriennali għandhom ikunu wkoll flessibbli sabiex jilħqu l-miri u l-objettivi tal-Programm LIFE, filwaqt li jipprovdu l-istabbiltà neċessarja tas-suġġetti tal-proġetti li jimplimentaw il-prijoritajiet tematiċi għal applikanti potenzjali biex jippjanaw, jippreparaw u jissottomettu proposti. L-ewwel programm ta' ħidma pluriennali għandu jkun validu għal erba' snin u għandu jiġi segwit bi programm ta' ħidma ieħor b'durata ta' tliet snin. Iż-żewġ programmi ta' ħidma għandhom jinkludu lista mhux eżawrjenti tas-suġġetti tal-proġetti bl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tematiċi.

(37)

L-esperjenza tal-programmi LIFE tal-imgħoddi evidenzjat l-importanza tal-punti ta' kuntatt nazzjonali tal-programm LIFE, b'mod partikolari biex jipprovdu appoġġ għall-applikanti u l-benefiċjarji u b'hekk jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-programmi. Is-sistema ta' punti ta' kuntatt nazzjonali u reġjonali tal-programm LIFE għandha tibqa' titħaddem u, fejn possibbli, tissaħħaħ, b'mod partikolari fl-Istati Membri b'assorbiment proġettwali baxx, u l-kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-punti ta' kuntatt nazzjonali tal-programm LIFE u fost il-punti ta' kuntatt nazzjonali u reġjonali tal-programm LIFE għandha tissaħħaħ. L-esperjenza tal-programmi LIFE tal-imgħoddi evidenzjat ukoll l-importanza li tiġi żgurata d-disseminazzjoni effikaċi tar-riżultati tal-proġetti u l-attivitajiet ta' netwerking għaż-żieda tal-effett ta' influwenza u l-valur miżjud għall-Unjoni tal-Programm LIFE, b'mod partikolari permezz tal-organizzazzjoni ta' seminars, workshops u attivitajiet oħra mmirati lejn l-iskambju ta' esperjenzi, għarfien u prattiki tajba fi ħdan l-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tkompli u ssaħħaħ l-attivitajiet ta' disseminazzjoni mmirata, inklużi dawk li jiffukaw speċifikament fuq il-proġetti integrati, b'mod partikolari fl-Istati Membri b'rata baxxa ta' assorbiment ta' proġetti, u fir-rigward ta' setturi speċifiċi, u tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' esperjenzi bejn il-benefiċjarji tal-programm LIFE u oħrajn. Il-Kummissjoni għandha wkoll tkompli tippubblika regolarment il-lista tal-proġetti ffinanzjati permezz tal-Programm LIFE, inkluża deskrizzjoni qasira tal-objettivi u r-riżultati miksuba u sommarju tal-fondi impenjati bl-użu tal-midja u t-teknoloġiji xierqa.

(38)

Bil-ħsieb li jiġi ssemplifikat il-Programm LIFE u jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-applikanti u l-benefiċjarji, għandu jsir użu akbar ta’ rati fissi u ta' ammonti f'daqqa, mingħajr ma tiġi kompromessa l-eliġibbiltà tal-VAT u l-ispejjeż permanenti tal-persunal skont il-kundizzjonijiet stipulati bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Hekk kif inhi l-prattiki attwali, is-somma tal-kontributi tal-organizzazzjonijiet pubbliċi (bħala l-benefiċjarju koordinatur u/jew il-benefiċjarju assoċjat) għall-proġett għandha taqbeż b'tal-anqas 2 % is-somma tal-ispejjeż tal-pagi tal-persunal tal-amministrazzjonijiet nazzjonali li jitħallsu mill-proġett. Il-fondi tal-Unjoni m'għandhomx jintużaw biex jissussidjaw il-baġits nazzjonali, pereżempju, biex jitkoprew l-ispejjeż tal-VAT. Madankollu, hi disponibbli biss informazzjoni limitata fir-rigward tal-ammonti tal-fondi tal-Unjoni li ntużaw biex titkopra l-VAT. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tipprovdi ħarsa ġenerali, fl-evalwazzjonijiet ta’ nofs it-terminu u dawk ex post tal-Programm LIFE, dwar ir-rimborsi tal-VAT għal kull Stat Membru li jkunu ntalbu, taħt il-Programm LIFE, mill-benefiċjarji tal-proġetti fl-istadju finali tal-pagament.

(39)

Ir-rati ta' kofinanzjament massimi għandhom jiġu stabbiliti fit-tali livelli li jkunu meħtieġa sabiex jinżamm il-livell effettiv ta’ sostenn ipprovdut mill-Programm LIFE.

(40)

Il-Programm LIFE u s-sottoprogrammi tiegħu għandhom jiġu mmonitorjati u evalwati regolarment abbażi ta’ indikaturi tal-prestazzjoni korrispondenti biex ikunu possibbli riaġġustamenti, inkluża kull reviżjoni meħtieġa tal-prijoritajiet tematiċi. Meta tkun qed tiddefinixxi ulterjorment l-indikaturi tal-prestazzjoni għall-valutazzjoni tal-programmi u l-proġetti, il-Kummissjoni għandha tenfasizza l-monitoraġġ tal-kwalità abbażi tal-indikaturi tal-prestazzjoni u r-riżultati u l-impatti mistennija. Il-Kummissjoni għandha tipproponi wkoll metodu għall-monitoraġġ tas-suċċess tal-proġetti fuq żmien twil, b'mod partikolari fil-qasam prijoritarju Natura u Bijodiversità. Sabiex tiġi pprovduta evidenza tal-kobenefiċċji li ż-żewġ sottoprogrammi jistgħu jġibu magħhom għall-azzjoni klimatika u l-bijodiversità, u tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-livell tal-infiq, il-monitoraġġ tal-Programm LIFE għandu jintraċċa l-infiq relatat mal-klima u l-infiq relatat mal-bijodiversità, kif definiti f'"Baġit għall-Ewropa 2020". Tali traċċar għandu jkun ibbażat fuq metodoloġija sempliċi billi l-infiq jitqiegħed f’waħda minn tliet kategoriji: l-infiq relatat mal-klima/bijodiversità biss (li għandu jingħadd bħala 100 %), l-infiq relatat b'mod sinifikanti mal-klima/bijodiversità (li għandu jingħadd bħala 40 %), u l-infiq mhux relatat mal-klima/bijodiversità (li għandu jingħadd bħala 0 %). Dik il-metodoloġija ma għandhiex teskludi l-użu ta' metodoloġiji aktar preċiżi, fejn xieraq.

(41)

Minħabba l-esperjenza twila tal-Kummissjoni fil-ġestjoni tal-Programm u l-proġetti LIFE, u l-esperjenza pożittiva tal-benefiċjarji LIFE mat-Timijiet ta' Monitoraġġ esterni, il-ġestjoni tal-Programm LIFE għandha tibqa' f'idejn il-Kummissjoni. Kwalunkwe bidla fl-istruttura maniġerjali tal-Programm LIFE u tal-proġetti għandha tiġi soġġetta għal analiżi ex ante tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż u tagħti attenzjoni speċjali għall-iżgurar ta' ħila esperta xierqa u komprensiva, b'mod partikolari fil-qasam prijoritarju Natura u Bijodiversità.

(42)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu ta' nfiq, inklużi l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi li jkunu ntilfu, imħallsa bi żball jew użati skorrettement u, fejn xieraq, penali.

(43)

B'mod li tiġi żgurata l-aħjar evalwazzjoni possibbli tal-użu tal-fondi tal-Unjoni, is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti bi qbil mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-indikaturi ta' prestazzjoni applikabbli għall-prijoritajiet tematiċi għas-sottoprogramm għall-Ambjent u l-oqsma prijoritarji għas-sottoprogramm għall-Azzjoni Klimatika, tal-modifikazzjoni tal-prijoritajiet tematiċi stabbiliti fl-Anness III u taż-żieda tal-perċentwali tal-baġit allokat għall-għotjiet għall-proġetti li jappoġġaw il-konservazzjoni tan-natura u l-bijodiversità. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qiegħda tipprepara u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(44)

B'mod li jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-adozzjoni ta’ programmi ta’ ħidma pluriennali, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati bi qbil mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23).

(45)

Jekk il-Kumitat għall-Programm LIFE għall-Ambjent u għal Azzjoni Klimatika ma jipprovdi ebda opinjoni dwar abbozz ta' att ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha, bi qbil mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, ma tadottax l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni. Ir-rikors għal din il-proċedura għandu jkun iġġustifikat, fost l-oħrajn, mill-ħtieġa ta' valutazzjoni tad-distribuzzjoni proporzjonata tal-fondi bejn il-proġetti integrati, b'mod partikolari l-ammont massimu li jista' jirċievi proġett integrat wieħed.

(46)

Biex tiġi żgurata tranżizzjoni effiċjenti bejn il-miżuri adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 u l-Programm LIFE, jeħtieġ li jitkomplew il-monitoraġġ, l-awditjar u l-valutazzjoni kwalitattiva tal-attivitajiet finanzjati skont dak ir-Regolament wara l-iskadenza tiegħu.

(47)

Il-valur miżjud tal-Programm LIFE joħroġ mill-ispeċifiċità tal-approċċ u l-fokus tiegħu li jrendi l-interventi tiegħu adattati partikolarment għall-ħtiġijiet ambjentali u klimatiċi. Il-Programm LIFE jista' jikkontribwixxi għal implimentazzjoni aktar effikaċi tal-politiki ambjentali minn Stati Membri li jaġixxu waħedhom minħabba ż-żieda fl-akkomunament tar-riżorsi u l-kompetenza esperta. Hu jipprovdi wkoll pjattaforma għall-iżvilupp u l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-għarfien, għat-titjib, l-ikkatalizzar, u l-aċċellerazzjoni tal-bidliet fl-implimentazzjoni tal-acquis, u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, is-sostenn ta’ atturi privati, b'mod partikolari SMEs, fl-ittestjar ta’ teknoloġiji u s-soluzzjonijiet fuq skala żgħira, u li jippermetti lill-Istati Membri u lill-partijiet konċernati li jitgħallmu minn xulxin. Barra minn hekk, il-Programm LIFE joħloq sinerġiji bejn fondi tal-Unjoni u nazzjonali filwaqt li jqanqal l-użu ta' fondi addizzjonali mis-settur privat, u b'hekk tiżdied il-koerenza tal-intervent tal-Unjoni u tiġi promossa implimentazzjoni aktar omoġenea tal-acquis.

(48)

Billi l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-kontribut għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali u klimatika tal-Unjoni, inkluż l-integrazzjoni tal-objettivi ambjentali u klimatiċi f'politiki oħra, u l-promozzjoni ta' governanza aħjar, ma jistgħux ikunu suffiċjentament milħuqa mill-Istati Membri iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti ta' dan ir-Regolament jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(49)

Ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 għandu għalhekk jitħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

IL-PROGRAMM GĦALL-AMBJENT U L-AZZJONI KLIMATIKA (LIFE)

Artikolu 1

Stabbiliment

B'dan qed jiġi stabbilit Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 (“il-Programm LIFE”).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“proġetti pilota” tfisser proġetti li japplikaw teknika jew metodu li ma jkunux ġew applikati jew ittestjati qabel, jew xi mkien ieħor, li joffru vantaġġi potenzjali ambjentali jew klimatiċi meta mqabbla mal-aħjar prattiki kurrenti u li sussegwentement jistgħu jiġu applikati fuq skala akbar għal sitwazzjonijiet simili;

(b)

"proġetti dimostrattivi" tfisser proġetti li jpoġġu fil-prattika, jittestjaw, jevalwaw jew jiddisseminaw azzjonijiet, metodoloġiji jew approċċi li jkunu ġodda jew mhux magħrufa fil-kuntest speċifiku tal-proġett, bħall-kuntest ġeografiku, ekoloġiku, soċjoekonomiku, u li jistgħu jiġu applikati bnadi oħra f'ċirkostanzi simili;

(c)

“proġetti tal-aħjar prattiki” tfisser proġetti li japplikaw tekniki, metodi u approċċi xierqa, kosteffikaċi u dawk l-aktar avvanzati filwaqt li jitqies il-kuntest speċifiku tal-proġett;

(d)

“proġetti integrati” tfisser proġetti li jimplimentaw fuq skala territorjali kbira, partikolarment, fuq skala reġjonali, multireġjonali, nazzjonali jew transnazzjonali, strateġiji jew pjanijiet ambjentali jew klimatiċi meħtieġa skont leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni dwar l-ambjent jew il-klima, żviluppati skont atti oħra tal-Unjoni jew żviluppati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, prinċipalment fl-oqsma tan-natura, inklużi, fost l-oħrajn, il-ġestjoni tan-netwerk Natura 2000, l-ilma, l-iskart, l-arja u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, waqt li jiġi żgurat l-involviment tal-partijiet interessati u jiġu promossi l-koordinazzjoni ma' u l-mobilizzazzjoni ta' mill-inqas sors ieħor rilevanti ta' finanzjament tal-Unjoni, nazzjonali jew privat;

(e)

“proġetti ta' assistenza teknika” tfisser proġetti li jipprovdu, permezz ta' għotjiet għal azzjoni, appoġġ finanzjarju biex l-applikanti jiġu megħjuna jħejju proġetti integrati, u b'mod partikolari biex jiġi żgurat li dawk il-proġetti jikkonformaw mal-kalendarju u mar-rekwiżiti tekniċi u finanzjarji tal-Programm LIFE b'mod koordinat mal-fondi msemmijin fl-Artikolu 8(3);

(f)

"proġetti għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet" tfisser proġetti li jipprovdu, permezz ta' għotjiet għal azzjoni, appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet rikjesti għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri, inklużi l-punti ta' kuntatt nazzjonali jew reġjonali tal-programm LIFE, bil-ħsieb li l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu sehem b'mod aktar effikaċi fil-Programm LIFE;

(g)

“proġetti preparatorji” tfisser proġetti prinċipalment identifikati mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mal-Istati Membri bħala appoġġ għall-ħtiġijiet speċifiċi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali jew klimatika tal-Unjoni;

(h)

“proġetti ta' informazzjoni, ta' sensibilizzazzjoni u ta’ disseminazzjoni” tfisser proġetti mmirati lejn l-appoġġ tal-komunikazzjoni, id-disseminazzjoni tal-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fl-oqsma tas-sottoprogrammi għall-Ambjent u għal Azzjoni Klimatika.

Artikolu 3

Objettivi ġenerali u indikaturi tal-prestazzjoni

1.   B'mod partikolari, il-Programm LIFE għandu jkollu l-objettivi ġenerali li ġejjin:

(a)

li jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u reżiljenti għall-klima, għall-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent u biex it-telf tal-bijodiversità jieqaf u jitreġġa' lura, inklużi l-appoġġ tan-netwerk Natura 2000 u l-indirizzar tad-degradazzjoni tal-ekosistemi;

(b)

li jtejjeb l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali u klimatiċi tal-Unjoni u li jaġixxi ta' katalizzatur għal, u jippromwovi l-integrazzjoni u l-assimilazzjoni tal-objettivi ambjentali u klimatiċi fil-politiki l-oħra tal-Unjoni u l-prattiki tas-settur pubbliku u dak privat, inkluż biż-żieda tal-kapaċità tas-settur pubbliku u privat;

(c)

li jappoġġa governanza ambjentali u klimatika aħjar fil-livelli kollha, inkluż involviment aħjar tas-soċjetà ċivili, l-NGOs u l-atturi lokali;

(d)

li jappoġġa l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali.

Biex jintlaħqu dawk l-objettivi, il-Programm LIFE għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u għall-ilħuq tal-objettivi u l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tal-istrateġiji u l-pjanijiet rilevanti tal-Unjoni fl-oqsma tal-ambjent u l-klima.

2.   L-objettivi ġenerali stipulati fil-paragrafu 1 għandhom jissegwew permezz tas-sottoprogrammi li ġejjin:

(a)

is-sottoprogramm għall-Ambjent;

(b)

is-sottoprogramm għall-Azzjoni Klimatika.

3.   Il-prestazzjoni tal-Programm LIFE għandha tiġi vvalutata, partikolarment, bl-indikaturi li ġejjin:

(a)

fir-rigward tal-objettiv ġenerali msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1, titjib ambjentali u klimatiku attribwibbli. F'dak li għandu x'jaqsam mal-objettiv li jingħata kontribut biex it-telf tal-bijodiversità jieqaf u jitreġġa' lura, it-titjib ambjentali attribwibbli għandu jitkejjel permezz tal-persentaġġ tan-netwerk Natura 2000 li jkun ġie restawrat jew miġjub għal ġestjoni adegwata, is-superfiċe u t-tip tal-ekosistemi restawrati, u l-għadd u t-tip ta’ ħabitats u speċijiet fil-mira li jtejbu l-istatus ta’ konservazzjoni;

(b)

fir-rigward tal-objettivi ġenerali marbuta mal-iżvilupp u l-implimentazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, l-għadd ta' interventi żviluppati jew imwettqa li jimplimentaw pjanijiet, programmi jew strateġiji skont il-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali jew klimatiċi tal-Unjoni, u l-għadd ta’ interventi li jkunu adatti biex jiġu replikati jew trasferiti;

(c)

fir-rigward tal-objettivi ġenerali marbuta mal-integrazzjoni u l-assimilazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, l-għadd ta’ interventi li jiksbu sinerġiji ma' programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni oħra jew li jiġu assimilati fihom, jew li jiġu integrati fi prattiki tas-settur pubbliku jew privat;

(d)

fir-rigward tal-objettiv ġenerali msemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1, l-għadd ta’ interventi għall-iżgurar ta' governanza aħjar, disseminazzjoni ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni ta' aspetti ambjentali u klimatiċi.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 29 biex jiddefinixxu ulterjorment l-indikaturi tal-prestazzjoni fid-dawl tal-applikazzjoni tagħhom għall-oqsma prijoritarji u l-prijoritajiet tematiċi msemmijin fl-Artikolu 9 u l-Anness III rispettivament f'dak li jirrigwarda s-sottoprogramm għall-Ambjent u fl-Artikolu 13 f'dak li jirrigwarda s-sottoprogramm għall-Azzjoni Klimatika.

Artikolu 4

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm LIFE għall-perjodu mill-2014 sal-2020 huwa ffissat fl-ammont ta' EUR 3 456 655 000 fil-prezzijiet attwali, li jammonta għal 0,318 % tal-ammont totali tal-approprjazzjonijiet ta' impenn kif imsemmijin fir-Regolament (UE) Nru 1311/2013.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi ħdan il-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

2.   Ir-rendikont dettaljat baġitarju għas-sottoprogrammi għandu jkunu kif ġej:

(a)

EUR 2 592 491 250 tal-pakkett finanzjarju kumplessiv imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jiġu allokati lis-sottoprogramm għall-Ambjent;

(b)

EUR 864 163 750 tal-pakkett finanzjarju kumplessiv imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jiġu allokati lis-sottoprogramm għall-Azzjoni Klimatika.

Artikolu 5

Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fil-Programm LIFE

Il-Programm LIFE għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li ġejjin:

(a)

il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma firmatarji tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE);

(b)

il-pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali u l-pajjiżi aderenti fl-Unjoni;

(c)

il-pajjiżi li għalihom tapplika l-Politika Ewropea tal-Viċinat;

d)

il-pajjiżi li jkunu saru membri tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bi qbil mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 933/1999 (24).

Din il-parteċipazzjoni għandha timxi skont il-kundizzjonijiet preskritti fil-ftehimiet bilaterali jew multilaterali rispettivi li jistabbilixxu l-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni ta'dawk il-pajjiżi terzi fil-programmi tal-Unjoni.

Artikolu 6

Attivitajiet barra mill-Unjoni jew fil-pajjiżi jew it-territorji extra-Ewropej

1.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 5, il-Programm LIFE jista' jiffinanzja attivitajiet barra l-Unjoni u fil-pajjiżi jew it-territorji extra-Ewropej skont id-Deċiżjoni 2001/822/KE (Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar), sakemm dawk l-attivitajiet ikunu indispensabbli sabiex jintlaħqu l-objettivi ambjentali u klimatiċi tal-Unjoni jew biex tiġi żgurata l-effikaċja tal-interventi mwettqa fit-territorji tal-Istati Membri li għalihom japplikaw it-Trattati.

2.   Persuna ġuridika stabbilita barra l-Unjoni tista' tkun kapaċi tipparteċipa fil-proġetti msemmija fl-Artikolu 18, sakemm il-benefiċjarju li jikkoordina l-proġett ikun ibbażat fl-Unjoni u l-attività li tkun ser titwettaq barra l-Unjoni tkun tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Kooperazzjoni internazzjonali

Matul l-implimentazzjoni tal-Programm LIFE, il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, u mal-istituzzjonijiet u l-korpi tagħhom, għandha tkun possibbli fejn meħtieġ għall-fini tal-ilħuq tal-objettivi ġenerali stipulati fl-Artikolu 3.

Artikolu 8

Komplementarjetà

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sostenn mill-Programm LIFE ikun konsistenti mal-politiki u prijoritajiet tal-Unjoni u komplementari ma' strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni filwaqt li jiżguraw li l-miżuri ta' semplifikazzjoni jkunu implimentati.

2.   L-operazzjonijiet iffinanzjati bil-Programm LIFE għandhom jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, inklużi r-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Partikolarment, finanzjament taħt il-Programm LIFE li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni mill-Istati Membri u ma jistax jiddaħħal fis-seħħ qabel ma jiġi approvat mill-Kummissjoni bi qbil mal-Artikolu 108(3) TFUE, sakemm dan ikun jikkonforma ma' regolament adottat skont l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 994/98.

3.   Bi qbil mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni bejn il-Programm LIFE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, jew il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, sabiex jinħolqu sinerġiji, partikolarment fil-kuntest tal-proġetti integrati, u biex jiġi appoġġat l-użu tas-soluzzjonijiet, il-metodi u l-approċċi żviluppati taħt il-Programm LIFE. It-tali koordinazzjoni għandha sseħħ fil-qafas stabbilit mir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni u permezz tal-Qafas Strateġiku Komuni u l-mekkaniżmi stipulati fil-Ftehimiet ta' Sħubija kif rikjest minn dak ir-Regolament.

4.   Il-Kummissjoni għandha wkoll tiżgura konsistenza u sinerġiji, u tevita d-duplikazzjoni ta' elementi bejn il-Programm LIFE u l-politiki u strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, partikolarment l-inizjattiva Orizzont 2020 u dawk fil-qafas tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

TITOLU II

IS-SOTTOPROGRAMMI

KAPITOLU 1

Is-sottoprogramm għall-Ambjent;

Artikolu 9

Oqsma prijoritarji tas-sottoprogramm għall-Ambjent

1.   Is-sottoprogramm għall-Ambjent għandu jkollu tliet oqsma prijoritarji:

(a)

Ambjent u Effiċjenza fir-Riżorsi;

(b)

Natura u Bijodiversità;

(c)

Governanza Ambjentali u Informazzjoni.

2.   L-oqsma prijoritarji msemmijin fil-paragrafu 1 jħaddnu l-prijoritajiet tematiċi stipulati fl-Anness III.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, fejn ikun hemm bżonn, bi qbil mal-Artikolu 29, biex iżżid, tħassar jew temenda l-prijoritajiet tematiċi stipulati fl-Anness III abbażi ta' dawn il-kriterji:

(a)

il-prijoritajiet stipulati fis-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali;

(b)

l-objettivi speċifiċi stipulati għal kull qasam prijoritarji msemmijin fl-Artikoli 10, 11 u 12;

(c)

l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma pluriennali msemmi fl-Artikolu 24;

(d)

l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-proġetti integrati;

(e)

il-prijoritajiet misluta minn leġiżlazzjoni ambjentali ġdida tal-Unjoni adottata wara 23 ta' Diċembru 2013; jew

(f)

l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politika eżistenti tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent.

Il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid u, jekk ikun hemm bżonn, tirrevedi l-prijoritajiet tematiċi stipulati fl-Anness III sa mhux aktar tard mill-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Programm LIFE msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 27(2).

3.   Tal-inqas 55 % tar-riżorsi baġitarji allokati għal proġetti sostnuti permezz ta' għotjiet ta' azzjoni taħt is-sottoprogramm Ambjent għandhom jiġu ddedikati għall-proġetti li jappoġġaw il-konservazzjoni tan-natura u l-bijodiversità.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 29 b'mod li l-persentaġġ imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jiżdied b'massimu ta' 10 %, sakemm il-fondi totali mitlubin fuq sentejn konsekuttivi permezz ta' proposti li jaqgħu fil-qasam prijoritarju Natura u Bijodiversità u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kwalità minima jkunu jaqbżu b'aktar minn 20 % l-ammont korrispondenti kkalkolat għas-sentejn ta' qabel dawk is-snin.

Artikolu 10

Objettivi speċifiċi fil-qasam prijoritarju Ambjent u Effiċjenza fir-Riżorsi

L-objettivi speċifiċi tas-sottoprogramm għall-Ambjent għall-qasam prijoritarju Ambjent u Effiċjenza fir-Riżorsi għandhom ikunu b'mod partikolari:

(a)

li jiġu żviluppati, ittestjati u jintwerew approċċi għall-politiki jew għall-ġestjoni, l-aħjar prattiki u s-soluzzjonijiet, inklużi l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi, għall-isfidi ambjentali, adattati biex jiġu replikati, ittrasferiti jew assimilati, inkluż fir-rigward tar-rabta bejn l-ambjent u s-saħħa, u b'sostenn għal politika u leġiżlazzjoni b'rabta mal-effiċjenza fir-riżorsi, inkluż il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi.

(b)

li jiġu appoġġati l-applikazzjoni, l-iżvilupp, l-ittestjar u d-dimostrazzjoni ta' approċċi integrati għall-implimentazzjoni ta' pjanijiet u programmi skont il-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, primarjament fl-oqsma tal-ilma, l-iskart u l-arja;

(c)

li tittejjeb il-bażi tal-għarfien għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-valutazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, u għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-fatturi, il-pressjonijiet u r-reazzjonijiet li jkollhom impatt fuq l-ambjent fl-Unjoni u barra minnha.

Artikolu 11

Objettivi speċifiċi għall-qasam prijoritarju Natura u Bijodiversità

L-objettivi speċifiċi tas-sottoprogramm għall-Ambjent għall-qasam prijoritarju Natura u Bijodiversità għandhom ikunu b'mod partikolari:

(a)

li jingħata kontribut għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tan-natura u l-bijodiversità, inkluż l-Istrateġija tal-Unjoni għall-Bijodiversità sal-2020, u d-Direttivi 92/43/KEE u 2009/147/KE, partikolarment bl-applikazzjoni, l-iżvilupp, l-ittestjar u d-dimostrazzjoni ta' approċċi, l-aħjar prattiki u soluzzjonijiet;

(b)

li jiġi appoġġat l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni ulterjuri tan-netwerk ta’ Natura 2000 stabbilit bl-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/43/KEE, partikolarment l-applikazzjoni, l-iżvilupp, l-ittestjar u d-dimostrazzjoni ta' approċċi integrati għall-implimentazzjoni tal-oqfsa ta’ azzjoni prijoritizzata mħejjija abbażi tal-Artikolu 8 ta' dik id-Direttiva;

(c)

li tittejjeb il-bażi tal-għarfien għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-valutazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni dwar in-natura u l-bijodiversità tal-Unjoni, u għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-fatturi, il-pressjonijiet u r-reazzjonijiet li jkollhom impatt fuq in-natura u l-bijodiversità fl-Unjoni u barra minnha.

Artikolu 12

Objettivi speċifiċi għall-qasam prijoritarju Governanza u Informazzjoni Ambjentali

L-objettivi speċifiċi tas-sottoprogramm għall-Ambjent għall-qasam prijoritarju Governanza u Informazzjoni Ambjentali għandhom ikunu b’mod partikolari:

(a)

li tiġi promossa s-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali, inkluż il-ġenerazzjoni tal-appoġġ pubbliku u tal-partijiet ikkonċernati għat-tfassil tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, u li jiġi promoss l-għarfien dwar l-iżvilupp sostenibbli u tendenzi ġodda għall-konsum sostenibbli;

(b)

li jiġu appoġġati l-komunikazzjoni, l-ġestjoni u t-tixrid ta' informazzjoni fil-qasam tal-ambjent, u li tiġi faċilitata l-kondiviżjoni tal-għarfien dwar soluzzjonijiet u prattika ambjentali li tirnexxi, inkluż bl-iżvilupp ta’ pjattaformi għall-kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati, u t-taħriġ;

(c)

li tiġi promossa u jsir kontribut għall-konformità aktar effettiva mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni u l-infurzar tagħha, partikolarment bil-promozzjoni tal-iżvilupp u t-tixrid tal-aħjar prattiki u approċċi ta' politika;

(d)

li tiġi promossa governanza ambjentali aħjar, billi jitwessa' l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, inkluż dak ta' NGOs, fil-konsultazzjoni dwar u l-implimentazzjoni tal-politika.

KAPITOLU 2

Is-sottoprogramm għall-Azzjoni Klimatika

Article 13

Oqsma prijoritarji tas-sottoprogramm għall-Azzjoni Klimatika

Is-sottoprogramm għall-Azzjoni Klimatika għandu jkollu tliet oqsma prijoritarji:

(a)

Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima;

(b)

Adattament għat-Tibdil fil-Klima;

(c)

Governanza Klimatika u Informazzjoni.

Artikolu 14

Objettivi speċifiċi għall-qasam prijoritarju Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima

Sabiex jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-qasam prijoritarju Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima għandu jkollu, b’mod partikolari, l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

li jsir kontribut għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, inkluż l-assimilazzjoni trasversali tal-oqsma ta’ politika, b’mod partikolari bl-iżvilupp, l-ittestjar u d-dimostrazzjoni ta’ approċċi ta’ politika jew dawk maniġerjali, l-aħjar prattiki u soluzzjonijiet għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

(b)

li tittejjeb il-bażi tal-għarfien għall-iżvilupp, il-valutazzjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet u miżuri effikaċi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u li tittejjeb il-kapaċità li l-għarfien jiġi applikat fil-prattika;

(c)

li jiġu faċilitati l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ approċċi integrati, bħal għall-istrateġiji u pjanijiet ta' azzjoni għall-mitigazzjoni, fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;

(d)

li jingħata kontribut għall-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji, sistemi, metodi u strumenti innovattivi tal-mitigazzjoni li jkunu tajbin biex jiġu replikati, ittrasferiti jew assimilati.

Artikolu 15

Objettivi speċifiċi għall-qasam prijoritarju Adattament għat-Tibdil fil-Klima

Bil-għan li jikkontribwixxi għas-sostenn tal-isforzi li jwasslu biex tiżdied ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, il-qasam prijoritarju Adattament għat-Tibdil fil-Klima għandu, b’mod partikolari, ikollu l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

li jsir kontribut għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-politika tal-Unjoni dwar l-adattament tat-tibdil fil-klima, inkluż l-assimilazzjoni trasversali fl-oqsma ta’ politika, b’partikolari l-iżvilupp, l-ittestjar u d-dimostrazzjoni ta' approċċi ta’ politika jew dawk maniġerjali, l-aħjar prattiki u soluzzjonijiet għall-adattament għat-tibdil fil-klima, inkluż, fejn hu xieraq, approċċi bbażati fuq l-ekosistema;

(b)

li tittejjeb il-bażi tal-għarfien għall-iżvilupp, il-valutazzjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet u miżuri effikaċi ta’ adattament tat-tibdil fil-klima, u meta jkun xieraq, tingħata prijorità lil dawk li japplikaw approċċ ibbażat fuq l-ekosistema, u li tittejjeb il-kapaċità li l-għarfien jiġi applikat fil-prattika;

(c)

li jiġu faċilitati l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ approċċi integrati, bħal għall-istrateġiji u pjanijiet ta' azzjoni għall-adattament tat-tibdil fil-klima, fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, u meta jkun xieraq tingħata prijorità lill-approċċi bbażati fuq l-ekosistema;

(d)

li jingħata kontribut għall-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji, sistemi, metodi u strumenti innovattivi tal-adattament li jkunu tajbin biex jiġu replikati, ittrasferiti jew assimilati.

Artikolu 16

Objettivi speċifiċi għall-qasam prijoritarju Governanza Klimatika u Informazzjoni

L-objettivi speċifiċi għall-qasam prijoritarju Governanza Klimatika u Informazzjoni għandhom ikunu b’mod partikolari:

(a)

li tiġi promossa s-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet klimatiċi, inkluż it-trawwim tal-appoġġ pubbliku u tal-partijiet ikkonċernati għat-tfassil tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-klima, u li jiġi promoss l-għarfien dwar l-iżvilupp sostenibbli;

(b)

li jingħata appoġġ għall-komunikazzjoni, il-ġestjoni u t-tixrid ta' informazzjoni fil-qasam tal-klima, u li tiġi faċilitata l-kondiviżjoni tal-għarfien dwar soluzzjonijiet u prattika klimatiċi li jirnexxu, inkluż bl-iżvilupp ta’ pjattaformi għall-kooperazzjoni fost il-partijiet interessati, u t-taħriġ;

(c)

li tiġi promossa u jsir kontribut għall-konformità aktar effettiva mal-leġiżlazzjoni klimatika tal-Unjoni u l-infurzar tagħha, b’mod partikolari permezz tal-promozzjoni tal-iżvilupp u t-tixrid tal-aħjar prattiki u approċċi ta' politika;

(d)

li tiġi promossa governanza klimatika aħjar, billi jitwessa' l-involviment tal-partijiet interessati, inklużi l-NGOs, fil-konsultazzjoni dwar u l-implimentazzjoni tal-politika.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI TA’ IMPLIMENTAZZJONI

KAPITOLU 1

Finanzjament

Artikolu 17

Tipi ta’ finanzjament

1.   Il-finanzjament mill-Unjoni jista’ jieħu l-forom ġuridiċi li ġejjin:

(a)

għotjiet;

(b)

kuntratti ta’ akkwist pubbliku;

(c)

kontributi għall-istrumenti finanzjarji skont id-dispożizzjonijiet dwar strumenti finanzjarji taħt ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, b’mod partikolari l-Artikolu 139 u 140 tiegħu, u b'rekwiżiti operattivi stipulati f'atti speċifiċi tal-Unjoni;

(d)

kwalunkwe intervent ieħor meħtieġ għall-ilħuq tal-objettivi ġenerali msemmija fl-Artikolu 3.

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta dan ir-Regolament skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

3.   Finanzjament skont dan ir-Regolament li jikkostitwixxi għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi implimentat b’tali mod li jkun konsistenti mar-regoli rilevanti dwar l-għajnuna mill-istat tal-Unjoni.

4.   Mill-anqas 81 % tar-riżorsi baġitarji għall-Programm LIFE għandhom jiġu allokati għal proġetti appoġġati permezz ta’ għotjiet għal azzjoni jew, fejn ikun xieraq, strumenti finanzjarji kif inhuma msemmija fil-paragrafu 1(c).

Il-Kummissjoni tista’ tinkludi dawk l-istrumenti finanzjarji bħala parti mill-Programm ta’ ħidma pluriennali msemmi fl-Artikolu 24, soġġett għal valutazzjoni ex ante kif imsemmi fl-Artikolu 140(2)(f) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

5.   Massimu ta’ 30 % tar-riżorsi baġitarji allokati għall-għotjiet għal azzjoni skont il-paragrafu 3a jista’ jiġi allokat għal proġetti integrati. Il-persentaġġ massimu għandu jerġa’ jiġi evalwat fil-qafas tar-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu tal-Programm LIFE msemmi fl-Artikolu 27(2)(a) u akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, minn proposta leġiżlattiva.

Artikolu 18

Proġetti

Għotjiet ta' azzjoni jistgħu jiffinanzjaw il-proġetti li ġejjin:

(a)

proġetti pilota;

(b)

proġetti dimostrattivi;

(c)

proġetti tal-aħjar prattiki;

(d)

proġetti integrati;

(e)

proġetti ta' assistenza teknika;

(f)

proġetti ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet;

(g)

proġetti preparatorji;

(h)

proġetti ta’ informazzjoni, sensibilizzazzjoni u tixrid;

(i)

kwalunkwe proġett ieħor meħtieġ għall-ilħuq tal-objettivi ġenerali deskritti fl-Artikolu 3.

Artikolu 19

Il-kriterji tal-eliġibbiltà u l-aġġudikazzjoni u l-għażla tal-proġetti

1.   Il-proġetti msemmija fl-Artikolu 18 għandhom jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà abbażi tad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u l-kriterji ta’ aġġudikazzjoni li ġejjin:

(a)

li jkunu ta' interess Komunitarju billi jagħtu kontribut sinifikanti għall-ilħuq ta’ wieħed mill-objettivi ġenerali tal-Programm LIFE stipulati fl-Artikolu 3 kif ukoll l-objettivi speċifiċi għall-oqsma prijoritarji elenkati fl-Artikolu 9, il-prijoritajiet tematiċi stabbiliti fl-Anness III, jew l-objettivi speċifiċi għall-oqsma prijoritarji elenkati fl-Artikolu 13;

(b)

li jiżguraw approċċ kosteffikaċi u li jkunu teknikament u finanzjarjament koerenti; kif ukoll

(c)

li jkunu jagħmlu sens fl-implimentazzjoni proposta.

2.   L-aġġudikazzjoni ta’ proġetti għandha tkun soġġetta għall-kundizzjoni li l-proġetti jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi ta’ kwalitá f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

3.   Il-proġetti ffinanzjati mill-Programm LIFE taħt qasam prijoritarju wieħed għandhom jevitaw li jipperikolaw l-objettivi ambjentali jew klimatiċi f’qasam prijoritarju ieħor u, fejn ikun possibbli, jippromwovu sinerġiji bejn objettivi differenti kif ukoll jippromwovu l-użu tal-akkwist pubbliku ekoloġiku.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura bilanċ ġeografiku għal proġetti integrati billi talloka b’mod indikattiv tal-inqas tliet proġetti integrati lil kull Stat Membru, fejn tiżgura tal-inqas proġett integrat wieħed taħt is-sottoprogramm għall-Ambjent u tal-inqas proġett integrat wieħed taħt is-sottoprogramm għall-Azzjoni Klimatika waqt il-perjodu ta’ programmazzjoni LIFE imsemmi fl-Artikolu 1.

Il-proġetti integrati għandhom jitqassmu bl-għan li jintlaħqu l-miri stabbiliti skont l-Artikolu 24(2)(d) għal kull wieħed mill-oqsma msemmija fl-Artikolu 2(d).

Sabiex tiġi evalwata l-konformità mad-dispożizzjoni dwar il-mobilizzazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni, nazzjonali jew privat imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 2, proposti għal proġetti integrati għandhom jkunu akkumpanjati:

(a)

fl-ewwel stadju tal-proċess ta’ applikazzjoni minn pjan finanzjarju; u

(b)

fit-tieni stadju tal-proċess ta' applikazzjoni minn tal-inqas ittra ta’ impenn waħda li tindika sa liema punt se jiġu mobilizzati s-sorsi ta' fondi rilevanti tal-Unjoni, nazzjonali jew privati l-oħrajn, u bl-ispeċifikazzjoni ta' dawn is-sorsi ta' fondi.

5.   Il-Kummissjoni għandha, għat-tul tal-ewwel programm ta’ ħidma pluriennali, tiżgura bilanċ ġeografiku għall-proġetti minbarra dawk integrati ppreżentati taħt is-sottoprogramm għall-Ambjent, billi jiġu distribwiti b’mod proporzjonat il-fondi fost l-Istati Membri kollha skont l-allokazzjonijiet nazzjonali indikattivi stabbiliti skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness I. Fejn ma jkunux applikabbli allokazzjonijiet nazzjonali indikattivi, il-proġetti għandhom jintgħażlu esklużivament abbażi tal-mertu.

6.   Jekk is-somma tal-kofinanzjament meħtieġ għall-finanzjament tal-proġetti, minbarra proġetti integrati, li jiġu sottomessi minn Stat Membru u li jinsabu fuq il-lista miġbura mill-Kummissjoni fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni tkun inqas mill-allokazzjoni indikattiva għal dak l-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha, suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2 li jiġu ssodisfati, tuża l-bilanċ ta' dik l-allokazzjoni nazzjonali indikattiva għall-kofinanzjament ta' dawk il-proġetti sottomessi minn Stati Membri oħrajn, ħlief proġetti f’pajjiżi u territorji extra-Ewropej, li jagħtu l-akbar kontribut lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali disposti fl-Artikolu 3.

Meta tippreżenta l-lista ta’ proġetti li għandhom jiġu kofinanzjati, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kumitat għall-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika dwar kif qieset il-kriterji ta' allokazzjoni stabbiliti skont il-paragrafi 3 u 3a.

7.   Il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, il-proġetti transnazzjonali meta l-kooperazzjoni transnazzjonali tkun essenzjali sabiex jiġu ggarantiti l-objettivi tal-protezzjoni ambjentali u dawk klimatiċi u għandha tfittex li tiżgura li tal-inqas 15 % tar-riżorsi baġitarji ddedikati għall-proġetti jkunu allokati lil proġetti transnazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-aġġudikazzjoni ta' fondi għal proġetti transnazzjonali anki f’każijiet fejn il-bilanċ tal-allokazzjonijiet nazzjonali indikattivi ta’ Stat Membru wieħed jew ieħor parteċipanti f’dawk il-proġetti transnazzjonali jkun inqabeż.

8.   Waqt l-ewwel programm ta’ ħidma pluriennali, Stat Membru għandu jkun eliġibbli għall-finanzjament għal proġett ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet wieħed sa somma massima ta’ EUR 1 000 000 sakemm jissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(a)

il-livell medju ta’ użu mill-Istat Membru tal-allokazzjoni nazzjonali indikattiva għas-snin 2010, 2011 u 2012, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 614/2007, jkun inqas minn 70 %;

(b)

il-PGD per capita tal-Istat Membru fl-2012 kien inqas minn 90 % tal-medja fl-Unjoni; jew

(c)

l-Istat Membru jkun issieħeb fl-Unjoni wara l-1 ta' Jannar 2013.

Waqt it-tieni programm ta’ ħidma pluriennali, Stat Membru għandu jkun eliġibbli għall-finanzjament għal proġett ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet wieħed sa somma massima ta’ EUR 750 000 sakemm jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a)

il-livell medju ta’ użu mill-Istat Membru tal-allokazzjoni nazzjonali indikattiva tiegħu għas-snin 2014, 2015 u 2016, imsemmija fil-paragrafu 3a, ikun inqas minn 70 %; kif ukoll

(b)

il-livell medju ta’ użu mill-Istat Membru tal-allokazzjoni nazzjonali indikattiva tiegħu għas-snin 2014, 2015 u 2016 ikun żdied meta mqabbel mal-livell medju ta’ użu għas-snin 2010, 2011 u 2012.

Sabiex ikun eliġibbli għall-finanzjament għal proġetti ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet, Stat Membru għandu jimpenja ruħu biex iżomm riżorsi ddedikati għall-Programm LIFE, inkluż inter alia livelli tar-riżorsi umani, f’livelli li m’humiex iktar baxxi minn dawk fis-seħħ fl-2012, għat-tul tal-programm ta’ ħidma pluriennali rilevanti. Dak l-impenn għandu jkun stabbilit fil-pjan għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet imsemmi fil-paragrafu 4b.

Bħala eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-eliġibbiltà tal-ewwel u t-tieni subparagrafi u għat-tul kollu tal-Programm LIFE, Stat Membru m’għandux ikun eliġibbli għall-finanzjament għal proġetti ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet jekk il-PGD per capita fl-2012 kien iktar minn 105 % tal-medja fl-Unjoni. Il-finanzjament għall-proġetti ta' tisħiħ tal-kapaċitajietgħandu jkun limitat għal proġett wieħed għal kull Stat Membru għal kull programm ta’ ħidma pluriennali.

9.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi proċedura ta’ aġudikazzjoni rapida għall-proġetti ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet kollha. L-applikazzjonijiet għal proġetti ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet bħal dawn jistgħu jiġu ppreżentati minn 23 ta' Diċembru 2013. L-applikazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq pjan ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet li għandu jintlaħaq qbil dwaru bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni fejn jiġu spjegati l-interventi li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Programm LIFE sabiex tiġi żviluppata l-kapaċità tal-Istat Membru biex jippreżenta applikazzjonijiet li jirnexxu fil-kisba tal-finanzjament għal proġetti taħt is-sottoprogrammi għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika. Dawn l-interventi jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

(a)

ir-reklutaġġ ta’ persunal ġdid u t-taħriġ għal punti ta’ kuntatt nazzjonali jew reġjonali tal-Programm LIFE;

(b)

il-faċilitazzjoni ta’ skambji ta’ esperjenzi u l-aqwa prattiki u l-promozzjoni tat-tixrid u l-użu tar-riżultati tal-proġetti taħt il-programm LIFE;

(c)

l-approċċi tat-‘taħriġ għal min iħarreġ;’

(d)

il-programmi ta’ skambju u ssekondar bejn l-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri, b’mod partikolari attivitajiet ta’ skambju tal-“aqwa fil-klassi”.

L-interventi koperti mill-pjan ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet jistgħu jinkludu l-akkwist ta’ esperti biex jindirizzaw il-lakuni ta’ kapaċità teknika u proċesswali ad-hoc, iżda ma jistgħux jinkludu esperti li l-funzjoni primarja tagħhom hija t-tfassil ta’ proposti għall-preżentazzjoni bħala parti mis-sejħiet għal proposti annwali.

Il-pjan ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet għandu jispjega wkoll l-estimi għall-ispejjeż għal interventi bħal dawn.

Artikolu 20

Rati ta' kofinanzjament u eliġibbiltà ta' spejjeż għal proġetti

1.   Ir-rati massimi ta’ kofinanzjament għall-proġetti msemmija fl-Artikolu 18 għandhom ikunu sa:

(a)

għat-tul tal-ewwel programm ta’ ħidma pluriennali, sa mhux iktar minn 60 % tal-ispejjeż eliġibbli għall-proġetti kollha, ħlief dawk speċifikati fil-punt (c), iffinanzjati miż-żewġ sottoprogrammi għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika;

(b)

għat-tul tal-ewwel programm ta’ ħidma pluriennali, sa mhux iktar minn 55 % tal-ispejjeż eliġibbli għall-proġetti kollha, ħlief dawk speċifikati fil-punt (c), iffinanzjati miż-żewġ sottoprogrammi għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika;

(c)

għat-tul kollu tal-Programm LIFE:

(i)

sa mhux iktar minn 60 % tal-ispejjeż eliġibbli għall-proġetti msemmija fl-Artikolu 18(d), (e) u (g);

(ii)

soġġett għall-punt (iii), sa mhux iktar minn 60 % tal-ispejjeż eliġibbli għall-proġetti ffinanzjati taħt il-qasam prijoritarju Natura u Bijodiversità fis-sottoprogramm għall-Ambjent;

(iii)

sa mhux iktar minn 75 % tal-ispejjeż eliġibbli għal proġetti ffinanzjati taħt il-qasam prijoritarju Natura u Bijodiversità fis-sottoprogramm għall-Ambjent li jikkonċernaw il-ħabitats jew l-ispeċijiet prijoritarji għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/43/KEE jew l-ispeċijiet ta’ għasafar meqjusa bħala prijorità għall-finanzjament mill-Kumitat għall-Adattament għall-Progress Tekniku u Xjentifiku stabbilit skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/147/KEE meta meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tal-konservazzjoni;

(iv)

sa mhux iktar minn 100 % tal-ispejjeż eliġibbli għall-proġetti msemmija fil-punt (ea) tal-Artikolu 18.

2.   Il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà ta’ spejjeż huma stipulati fl-Artikolu 126 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Dawn l-ispejjeż għandhom jinkludu l-VAT u l-ispejjeż tal-persunal.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi ħarsa ġenerali, fl-evalwazzjonijiet ta’ nofs it-terminu u dawk ex post tal-Programm LIFE, dwar ir-rimbors tal-VAT għal kull Stat Membru li jkunu ntalbu mill-benefiċjarji tal-proġett taħt il-Programm LIFE fl-istadju finali tal-pagament.

3.   L-ispejjeż relatati max-xiri ta' art għandhom ikunu kkunsidrati eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni għal proġetti msemmija fl-Artikolu 18 sakemm:

(a)

ix-xiri jkun ser jikkontribwixxi għat-titjib, iż-żamma u r-restawr tal-integrità tan-netwerk Natura 2000 stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/43/KEE, inkluż permezz ta’ titjib fil-konnettività permezz tal-ħolqien ta’ kurituri, punti ta’ tranżizzjoni, jew elementi oħra ta’ infrastruttura ekoloġika;

(b)

ix-xiri tal-art ikun l-uniku jew l-aktar mezz kosteffikaċi sabiex jintlaħaq l-eżitu mixtieq ta' konservazzjoni;

(c)

l-art mixtrija tkun riżervata għal terminu twil għal użi konsistenti mal-objettivi disposti fl-Artikoli 11, 14 jew 15; kif ukoll

(d)

l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura, permezz ta' trasferiment jew b'xi mod ieħor, l-assenjazzjoni għal terminu twil ta' tali art għall-finijiet ta' konservazzjoni tan-natura.

Artikolu 21

Għotjiet operattivi

1.   Għotjiet operattivi għandhom isostnu ċerti spejjeż operattivi u amministrattivi ta’ entitajiet li ma jaħdmux għall-profitt, li jsegwu għan ta' interess ġenerali tal-Unjoni, ikunu primarjament attivi fil-qasam tal-ambjent jew tal-azzjoni klimatika u involuti fl-iżvilupp, fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

2.   Ir-rata massima ta’ kofinanzjament mill-Unjoni għall-għotjiet operattivi msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ta’ 70 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Artikolu 22

Tipi oħra ta’ attivitajiet

Il-Programm LIFE jista' jiffinanzja attivitajiet implimentati mill-Kummissjoni b'sostenn għall-bidu, l-implimentazzjoni u l-assimilazzjoni tal-politiki u l-leġiżlazzjoni ambjentali u klimatiċi tal-Unjoni bil-għan li jinkisbu l-objettivi ġenerali disposti fl-Artikolu 3. Dawn l-attivitajiet jistgħu jinkludu:

(a)

informazzjoni u komunikazzjoni, inkluż kampanji ta’ sensibilizzazzjoni. Riżorsi finanzjarji allokati għal attivitajiet ta’ komunikazzjoni skont dan ir-Regolament għandhom ikopru wkoll komunikazzjoni korporattiva fir-rigward tal-prijoritajiet ta’ politika tal-Unjoni, kif ukoll fir-rigward tal-istatus ta’ implimentazzjoni u traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali u klimatika ewlenija kollha tal-Unjoni;

(b)

studji, stħarriġiet, mudellar u bini ta' xenarji;

(c)

tħejjija, implimentazzjoni, monitoraġġ, iċċekkjar u evalwazzjoni ta’ proġetti, politiki, programmi u leġiżlazzjoni;

(d)

workshops, konferenzi u laqgħat;

(e)

netwerking u pjattaformi tal-aħjar prattiki;

(f)

kwalunkwe attività oħra meħtieġa għall-ilħuq tal-objettivi ġenerali msemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 23

Benefiċjarji

Il-Programm LIFE jista' jiffinanzja korpi pubbliċi u privati.

Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-Programm LIFE, il-benefiċjarji għandhom jippubbliċizzaw il-Programm LIFE u r-riżultati tal-proġetti tagħhom, filwaqt li dejjem jissemma’ l-appoġġ li jkunu rċevew mill-Unjoni. Il-logo tal-Programm LIFE, li jidher fl-Anness II, għandu jintuża għall-attivitajiet kollha ta’ komunikazzjoni u għandu jidher fuq il-bords ta' avviż f'postijiet strateġiċi viżibbli għall-pubbliku. L-oġġetti dewwiema kollha miksuba fil-qafas tal-Programm LIFE għandu jkollhom il-logo tal-Programm LIFE ħlief f’każijiet speċifikati mill-Kummissjoni.

KAPITOLU 2

Miżuri ta' implimentazzjoni

Artikolu 24

Programmi ta' ħidma pluriennali

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, programmi ta’ ħidma pluriennali għall-Programm LIFE. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2).

It-tul tal-ewwel programm ta' ħidma pluriennali għandu jkun ta' erba' snin u t-tul tat-tieni programm ta' ħidma pluriennali għandu jkun ta' tliet snin.

2.   Kull programm ta' ħidma pluriennali għandu jispeċifika, f'konformità mal-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3, dan li ġej:

(a)

l-allokazzjoni ta’ fondi bejn oqsma prijoritarji u bejn tipi differenti ta' finanzjament fi ħdan kull sottoprogramm f’konformità mal-Artikoli 9(2), 17(3a) u 17(3b). M’għandha ssir l-ebda preallokazzjoni iktar għal għotjiet għal azzjoni marbuta ma' proġetti bejn jew fi ħdan kull qasam prijoritarju, bl-eċċezzjoni ta' proġetti ta’ għajnuna teknikaproġetti ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet

(b)

is-suġġetti tal-proġetti li jimplimentaw il-prijoritajiet tematiċi stabbiliti fl-Anness III għall-proġetti biex jiġu ffinanzjati għall-perjodu kopert mill-programm ta' ħidma pluriennali;

(c)

l-eżiti, l-indikaturi u l-miri kwalitattivi u kwantitattivi għal kull qasam prijoritarju u t-tip ta’ proġetti għall-perjodu kopert mill-programm ta’ ħidma pluriennali skont l-indikaturi ta’ rendiment bi qbil mal-Artikolu 3(3) u l-objettivi speċifiċi stabbiliti għal kull qasam prijoritarju fl-Artikoli 10, 11, 12, 14, 15 u 16;

(d)

il-metodoloġija teknika għall-proċedura tal-għażla tal-proġetti u kriterji għall-għażla u għall-aġġudikazzjoni tal-għotjiet f’konformità mal-Artikoli 2 u 19 ta' dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012;

(e)

skedi ta’ żmien indikattivi għas-sejħiet għall-proposti għall-perjodu kopert mill-programm ta’ ħidma pluriennali.

3.   Fil-qafas tal-programmi ta’ ħidma pluriennali, il-Kummissjoni għandha tippubblika sejħiet għal proposti annwali għall-oqsma prijoritarji elenkati fl-Artikolu 9(1) u Artikolu 13. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-fondi li ma jintużawx minn sejħa għal proposti partikolari jiġu allokati mill-ġdid bejn it-tipi differenti ta’ proġetti msemmija fl-Artikolu 18.

4.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, tirrieżamina l-programm ta’ ħidma pluriennali sa mhux aktar tard mill-evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu tal-Programm LIFE. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġu adottat skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 30(2).

Artikolu 25

Metodi ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-attivitajiet skont l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament skont il-metodi ta’ implimentazzjoni tal-baġit stipulati fl-Artikolu 58 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, partikolarment il-ġestjoni diretta jew indiretta mill-Kummissjoni fuq bażi ċentralizzata, jew il-ġestjoni konġunta ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 26

Assistenza amministrattiva u teknika

L-allokazzjoni finanzjarja għall-Programm LIFE tista' tkopri wkoll in-nefqa relatata mal-attivitajiet preparatorji, ta' monitoraġġ, kontroll, awditjar, komunikazzjoni u evalwazzjoni li huma meħtieġa direttament għall-ġestjoni tal-Programm LIFE u għall-ilħuq tal-objettivi ġenerali tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 3.

Il-Kummissjoni għandha, fuq bażi regolari u f’kollaborazzjoni mal-punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-programm LIFE, torganizza seminars u workshops, tippubblika listi ta’ proġetti ffinanzjati mill-Programm LIFE jew twettaq attivitajiet oħra biex tiffaċilita l-iskambji tal-esperjenzi, l-għarfien u l-aqwa prattiki dwar il-proġetti kollha u r-replikazzjoni u t-trasferiment ta’ riżultati tal-proġetti madwar l-Unjoni. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha twettaq attivitajiet maħsuba għat-tixrid tar-riżultati tal-proġetti fost il-benefiċjarji LIFE u oħrajn b’fokus speċjali, fejn ikun rilevanti, fuq l-Istati Membri b’użu baxx ta' fondi LIFE u għandha tiffaċilita l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-proġetti li ntemmu u dawk li għadhom għaddejjin u l-benefiċjarji tal-proġetti l-ġodda, l-applikanti jew il-partijiet interessati fl-istess qasam.

Il-Kummissjoni għandha torganizza wkoll seminars, workshops jew, fejn ikun xieraq, attivitajiet oħrajn speċifiċi tal-inqas kull sentejn biex tiffaċilita l-iskambji tal-esperjenzi, l-għarfien u l-aqwa prattiki fir-rigward tad-disinn, il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti integrati kif ukoll dwar l-effettività tal-għajnuna pprovduta permezz ta’ proġetti ta’ għajnuna teknika. Dawk l-attivitajiet għandhom jinvolvu lill-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali li jimmaniġġja l-fondi tal-Unjoni l-oħrajn u l-partijiet interessati rilevanti l-oħrajn.

Artikolu 27

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja u tirrapporta regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Programm LIFE (u s-sottoprogrammi tiegħu), inkluż l-ammont ta’ nefqa relatata mal-klima u ta’ nefqa relatata mal-bijodiversità. Għandha tivvaluta wkoll sinerġiji bejn il-Programm LIFE u programmi oħra komplementari tal-Unjoni, u partikolarment bejn is-sottoprogrammi tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-allokazzjonijiet nazzjonali indikattivi, f'konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Anness I, għat-tul tat-tieni programm ta’ ħidma pluriennali esklużivament għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ punti ta’ riferiment għar-rendiment tal-Istati Membri.

2.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni r-rapporti li ġejjin:

(a)

mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2017, rapport ta' evalwazzjoni estern u indipendenti ta’ nofs il-perjodu esterna tal-Programm LIFE (u s-sottoprogrammi tiegħu), inklużi l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni tiegħu, l-ammont ta’ nefqa relatata mal-klima u ta’ nefqa relatata mal-bijodiversità, il-punt sa fejn ikunu ntlaħqu s-sinerġiji bejn l-objettivi, u l-komplementarjetà tiegħu ma' programmi oħra rilevanti tal-Unjoni, il-kisba tal-objettivi tal-miżuri kollha (fil-livell ta' riżultati u impatti, meta possibbli), tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u tal-valur miżjud tal-Unjoni tal-Programm, bil-ħsieb li tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid, il-modifika jew is-sospensjoni tal-miżuri. Dak ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu għandu jinkludi wkoll analiżi kwantitattiva u kwalitattiva tal-kontribut tal-Programm LIFE għall-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats u l-ispeċi, elenkati fid-Direttivi 92/43/KEE u 2009/147/KE. L-evalwazzjoni għandha addizzjonalment tindirizza l-ambitu għas-semplifikazzjoni, il-koerenza interna u esterna tagħha, ir-rilevanza dejjiema tal-objettivi kollha, kif ukoll il-kontribut tal-miżuri taħt il-Programm LIFE lill-objettivi u l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 u lill-iżvilupp sostenibbli. Għandha tqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni dwar l-impatt fuq terminu twil tal-LIFE+. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu għandu jkun akkumpanjat b'kummenti mill-Kummissjoni inkluż il-mod li s-sejbiet tal-evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu jiġu kkunsidrati fl-implimentazzjoni tal-Programm LIFE, u, b’mod partikolari, sa fejn il-prijoritajiet tematiċi stabbiliti fl-Anness III jeħtieġu li jiġu modifikati.

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu għandu jinkludi jew jiġi akkumpanjat minn valutazzjoni tal-kobor u l-kwalità tad-domanda għal proġetti integrati, l-ippjanar u l-implimentazzjoni tagħhom. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għas-suċċess realizzat jew mistenni ta’ proġetti integrati fit-tqanqil ta’ fondi oħra tal-Unjoni, billi jitqiesu, b’mod partikolari, il-benefiċċji ta’ aktar koerenza ma’ strumenti oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni, l-involviment tal-partijiet interessati, u sa fejn il-proġetti preċedenti taħt il-programm LIFE+ kienu koperti jew mistennija li se jiġu koperti minn proġetti integrati.

(b)

mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2023, rapport ta’ valutazzjoni ex post esterna u indipendenti li jkopri l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-Programm LIFE (u s-sottoprogrammi tiegħu), inkluż l-ammont ta’ nefqa relatata mal-klima u ta’ nefqa relatata mal-bijodiversità, il-punt sa fejn il-Programm LIFE bħala entità sħiħa, u kull sottoprogramm tiegħu, laħaq l-objettivi tiegħu, il-punt sa fejn ġew realizzati s-sinerġiji bejn id-diversi objettivi, u l-kontribut tal-Programm LIFE biex jintlaħqu l-objettivi u l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020. Ir-rapport ta’ valutazzjoni ex post għandu jeżamina wkoll, sa fejn inkisbet l-integrazzjoni tal-objettivi tal-ambjent u l-klima f’politiki oħra tal-Unjoni u, sa fejn ikun possibbli, il-benefiċċju ekonomiku akkwistat permezz tal-Programm LIFE kif ukoll l-impatt u l-valur miżjud għall-komunitajiet involuti.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet li jkunu saru skont dan l-Artikolu disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 28

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura li, meta jiġu implimentati attivitajiet iffinanzjati skont din id-Deċiżjoni, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu mħarsa bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effettivi u, fejn jinqabdu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa bi żball u, fejn xieraq, b'pieni effettivi, proporzjonati u dawk ta' natura amministrattiva u finanzjarja dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta’ awditjar, abbażi ta’ dokumenti u kontrolli fuq il-post, fuq il-benefiċjarji, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li rċevew fondi tal-Unjoni skont il-Programm LIFE.

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu jkun awtorizzat iwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati direttament jew indirettament minn tali finanzjament skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (25) bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea b'rabta ma' ftehim ta' għotja jew deċiżjoni ta’ għotja jew kuntratt dwar finanzjament mill-Unjoni.

Mingħajr ħsara għall-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali u ftehimiet ta’ għotja, id-deċiżjonijiet ta’ għotja u kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom espressament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex jitwettqu tali awditi, verifiki u spezzjonijiet fuq il-post.

3.   Il-Benefiċjarji tal-fondi tal-Unjoni għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, għal perjodu ta' ħames snin wara l-aħħar pagament fir-rigward ta' kwalunkwe proġett, id-dokumenti kollha ta' appoġġ rigward in-nefqa fuq dak il-proġett.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 29

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta' atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 3(3), 9(1a) u 9(2a) tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ seba’ snin minn 23 ta' Diċembru 2013.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 3(3), 9(1a) u 9(2a) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni għal revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 3(3), 9(1a) u 9(2a) ma jidħolx fis-seħħ ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jkunux esprimew oġġezzjoni fi żmien xahrejn min-notifika ta' dan l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dan il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jesprimux oġġezzjonijiet. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 30

Proċedura ta’ Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Programm LIFE għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Meta l-Kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 31

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 jiġi revokat b'effett mill-1 ta' Jasnnar 2014.

Ir-referenzi għar-Regolament revokat għandhom jittieħdu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 32

Miżuri tranżitorji

1.   Irrispettivament mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 31, il-miżuri li jinbdew qabel l-1 ta' Jannar 2014 skont ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 għandhom, sat-tlestija tagħhom, jibqgħu jiġu rregolati b'dak ir-Regolament u għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tekniċi definiti hemmhekk. Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-Regolament għandu jissostitwixxi l-Kumitat previst fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 614/2007 minn 23 ta' Diċembru 2013.

2.   L-allokazzjoni finanzjarja għall-Programm LIFE tista’ tkopri wkoll l-ispejjeż ta’ assistenza teknika u amministrattiva, inkluż kwalunkwe monitoraġġ obbligatorju, komunikazzjoni u evalwazzjoni meħtieġa skont ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 wara l-iskadenza tiegħu, biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-miżuri adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 u l-Programm LIFE.

3.   L-ammonti meħtieġa fi ħdan il-pakkett finanzjarju għall-miżuri ta' monitoraġġ, ta' komunikazzjoni u ta' awditjar fil-perjodu wara l-31 ta’ Diċembru 2020 għandhom jitqiesu li jkunu kkonfermati biss jekk dawn ikunu konsistenti mal-qafas finanzjarju applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2021.

4.   L-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat li jirriżulta mill-ħlas mill-ġdid tal-ammonti mħallsa skorrettement skont ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 għandhom jintużaw, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, biex jiffinanzjaw il-Programm LIFE.

Artikolu 33

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 111.

(2)  ĠU C 277, 13.9.2012, p. 61.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta 'Diċembru 2013.

(4)  Regolament (KE) Nru 614/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2007 dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE+) (ĠU L 149, 9.6.2007, p. 1).

(5)  Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar Programm ta' Azzjoni Ġenerali tal-Unjoni għall-Ambjent sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"

(6)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 ta' 2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (Ara paġna 884 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea ("Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar") (ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1).

(9)  Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li iikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (Ara paġna 289 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(10)  Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 (Ara paġna 470 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(11)  Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1084/2006 (Ara paġna 281 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(12)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: ĠU L 286M, 4.11.2010, p. 1–25).

(13)  Regolament (KE) Nru 1290/2005.

(14)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Orizzont 2020 - Il-Programm Qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni 1982/2006/KE (Ara paġna 104 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(15)  Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1303/2013 ta' 17 ta' Diċembru 2013 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il- Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd li jinsabu fil-Qafas Strateġiku Komuni, li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (Ara paġna 320 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(16)  Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(17)  Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(18)  Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (Ara paġna 924 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(19)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(20)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna Statali orizzontali (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1).

(21)  Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(22)  Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(23)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(24)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 933/1999 tad-29 ta' April 1999 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1210/90 dwar l-istabbiliment ta' Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-qafas Ewropew għall-informazzjoni u osservazzjoni ambjentali (ĠU L 117, 5.5.1999, p. 1).

(25)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


ANNESS I

Il-kriterji għall-istabbiliment tal-allokazzjonijiet nazzjonali indikattivi għal proġetti, minbarra l-proġetti integrati, ippreżentati taħt is-sottoprogramm għall-Ambjent

F'konformità mal-prinċipji tas-solidarjetà u l-qsim tar-responsabbiltajiet, il-Kummissjoni għandha talloka l-fondi fost l-Istati Membri kollha għall-perjodu ta’ programmazzjoni LIFE msemmi fl-Artikolu 1 għall-proġetti, minbarra l-proġetti integrati, abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)

Popolazzjoni

(i)

il-popolazzjoni totali ta’ kull Stat Membru (ponderazzjoni ta’ 50 %); u

(ii)

id-densità tal-popolazzjoni ta’ kull Stat Membru, sa limitu ta’ darbtejn id-densità medja tal-popolazzjoni tal-Unjoni (ponderazzjoni ta’ 5 %); u

(b)

Natura u Bijodiversità

(i)

l-erja totali tas-siti tan-Natura 2000 għal kull Stat Membru espressa bħala proporzjon taż-erja totali tan-Natura 2000 (ponderazzjoni ta’ 25 %); u

(ii)

il-proporzjon ta’ territorju ta’ Stat Membru kopert mis-siti tan-Natura 2000 (ponderazzjoni ta' 20 %).


ANNESS II

Il-logo tal-Programm LIFE

Image

ANNESS III

Prijoritajiet tematiċi għas-sottoprogramm għall-Ambjent imsemmi fl-Artikolu 9

A.

Qasam prijoritarju Ambjent u Effiċjenza fir-Riżorsi:

(a)

Prijoritajiet tematiċi għall-Ilma, inkluż l-ambjent tal-baħar: attivitajiet għall-implimentazzjoni tal-objettivi speċifiċi għall-ilma stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi u s-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, b’mod partikolari:

(i)

approċċi integrati għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/60/KE;

(ii)

attivitajiet għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

(iii)

attivitajiet għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ miżuri tad-Direttiva 2008/56/KE bil-ħsieb li jinkiseb status ambjentali tajjeb tal-ilma tal-baħar;

(iv)

attivitajiet għall-iżgurar tal-użu sikur u effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma, it-titjib tal-ġestjoni tal-ilma kwantitattiva, iż-żamma ta’ livell għoli tal-kwalità tal-ilma u l-evitar tal-użu ħażin u d-deterjorazzjoni tar-riżorsi tal-ilma.

(b)

Prijoritajiet tematiċi għall-Iskart: attivitajiet għall-implimentazzjoni tal-objettivi speċifiċi għall-iskart stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi u s-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, b’mod partikolari:

(i)

approċċi integrati għall-implimentazzjoni ta' pjanijiet u programmi tal-iskart;

(ii)

attivitajiet għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart, b’enfasi partikolari fuq l-ewwel passi tal-ġerarkija tal-Unjoni għall-iskart (prevenzjoni, użu mill-ġdid u riċiklaġġ);

(iii)

attivitajiet għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u impatt taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti, tendenzi ta’ konsum u dematerjalizzazzjoni tal-ekonomija.

(c)

Prijoritajiet tematiċi għall-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi, inklużi l-ħamrija u l-foresti, u ekonomija ekoloġika u ċirkolari: attivitajiet għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi u s-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali li mhumiex loperti minn prioritajiet tematiċi oħrajn imsemmijin f'dan l-Anness, b’mod partikolari:

(i)

attivitajiet għas-simbjożi industrijali u t-trasferiment ta’ għarfien, u l-iżvilupp ta’ mudelli ġodda għal tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u ekoloġika;

(ii)

attivitajiet għall-Istrateġija Tematika għall-Ħamrija (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Settembru 2006 bit-titolu “L-Istrateġija Tematika għall-Protezzjoni tal-Ħamrija”) b’enfasi partikolari fuq il-mitigazzjoni u l-kumpens għas-siġillar tal-ħamrija, u użu mtejjeb tal-art,

(iii)

attivitajiet għal sistemi ta’ monitoraġġ u informazzjoni dwar il-foresti, u għall-prevenzjoni tan-nirien forestali.

(d)

Prijoritajiet tematiċi għall-Ambjent u s-Saħħa, inklużi s-sustanzi kimiċi u l-istorbju: attivitajiet ta' appoġġ għall-implimentazzjoni tal-objettivi speċifiċi għall-ambjent u s-saħħa stabbiliti fis- Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, b’mod partikolari:

(i)

attivitajiet ta' appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Regolament(KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (REACH) u r-Regolament Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali) għall-iżgurar ta’ użu iktar sikur, sostenibbli jew ekonomiku ta’ sustanzi kimiċi (inklużi n-nanomaterjali);

(ii)

attivitajiet ta' appoġġ biex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (Direttiva dwar l-Istorbju) sabiex jinkisbu livelli ta’ storbju li ma jirriżultawx f’impatti negattivi sinifikanti u riskji għas-saħħa tal-bniedem;

(iii)

attivitajiet ta' appoġġ biex jiġu evitati inċidenti serji b’mod partikolari biex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (Direttiva Seveso III).

(e)

Prijoritajiet tematiċi għall-Kwalità tal-Arja u l-emissjonijiet, inkluż l-ambjent urban: attivitajiet ta' appoġġ għall-implimentazzjoni tal-objettivi speċifiċi għall-arja u l-emissjonijiet fil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi u s- Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, b’mod partikolari:

(i)

approċċi integrati għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja;

(ii)

attivitajiet ta' appoġġ favur il-faċilitazzjoni tal-konformità mal-kwalità tal-arja tal-Unjoni u l-istandards tal-emissjonijiet fl-arja relatati, inkluża d-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (Direttiva dwar il-Livelli Nazzjonali Massimi tal-Emissjonijiet);

(iii)

attivitajiet ta' appoġġ għat-titjib tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali) b’enfasi partikolari fuq it-titjib tal-proċess ta' definizzjoni u ta’ implimentazzjoni tal-aqwa tekniki disponibbli, bl-iżgurar ta’ aċċess faċli tal-pubbliku għall-informazzjoni u t-titjib tal-kontribut tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali għall-innovazzjoni.

B.

Qasam prijoritarju Natura u Bijodiversità:

(a)

Prijoritajiet tematiċi għan-Natura: attivitajiet għall-implimentazzjoni tad-Direttivi 92/43/KEE u 2009/147/KE, b’mod partikolari:

(i)

attivitajiet immirati lejn it-titjib tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats u l-ispeċi, inklużi l-ħabitats u l-ispeċi tal-baħar, u l-ispeċi tal-għasafar, fl-interess tal-Unjoni;

(ii)

attivitajiet b’appoġġ għas-seminars bijoġeografiċi tan-netwerk Natura 2000;

(iii)

approċċi integrati għall-implimentazzjoni tal-oqfsa ta’ azzjoni prijoritizzati.

(b)

Prijoritajiet tematiċi għall-Bijodiversità: attivitajiet għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-Unjoni sal-2020, b’mod partikolari:

(i)

attivitajiet maħsuba biex jikkontribwixxu għall-kisba tal-Mira 2;

(ii)

attivitajiet maħsuba biex jikkontribwixxu għall-kisba tal-Miri 3, 4 u 5.

C.

Qasam prijoritarju Governanza Ambjentali u Informazzjoni

(a)

kampanji ta’ informazzjoni, komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni b’konformità mal-prijoritajiet tas- Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali;

(b)

attivitajiet b’appoġġ ta’ proċess ta’ kontroll effettiv kif ukoll miżuri għall-promozzjoni tal-konformità b’rabta mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, u b’appoġġ ta’ sistemi ta’ informazzjoni u għodda ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni.


(1)  Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar (ĠU L 288, 6.11.2007, p. 27).

(2)  Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE ta-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 27).

(3)  Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).

(4)  Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12).

(5)  Direttiva 2012/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi (ĠU L 309, 27.11.2001, p. 22).

(7)  Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).


Stqarrijiet tal-Kummissjoni

Ammont massimu li jista' jirċevi Proġett Integrat wieħed

Il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lill-fatt li tiżgura distribuzzjoni proporzjonata tal-fondi fost il-proġetti integrati sabiex jiġu ffinanzjati kemm jista' jkun proġetti integrati u tiġi garantita distribuzzjoni bilanċjata ta’ proġetti integrati fost l-Istati Membri kollha. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tipproponi, meta jiġi diskuss l-abbozz tal-programm ta’ ħidma mal-membri tal-Kumitat LIFE, l-ammont massimu li proġett integrat wieħed ikun jista' jirċievi. Din il-proposta se tkun ippreżentata bħala parti mill-metodoloġija għall-għażla tal-proġetti li għandha tiġi adottata bħala parti mill-programm ta’ ħidma multiannwali.

L-istatus tal-finanzjament tal-Bijodiversità fil-pajjiżi u territorji extra-Ewropej

Il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lill-protezzjoni tal-ambjent u l-bijodiversità f’pajjiżi u territorji extra-Ewropej , kif jidher mill-proposta għal Deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li tinkludi dawn is-setturi fl-oqsma tal-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi u territorji extra-Ewropej u tispjega l-azzjonijiet differenti li jistgħu jkunu eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward.

L-azzjoni ta’ tħejjija BEST kienet inizjattiva ta’ suċċess li tħaddnet mill-pajjiżi u t-territorji ultraperiferiċi u tat riżultati tanġibbli għall-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema. Billi l-BEST qed tasal fi tmiemha, il-Kummissjoni qed tikkunsidra b’mod favorevoli li tagħtiha segwitu skont wieħed mill-istrumenti l-ġodda, jiġifieri programm dwar il-Beni u l-Isfidi Pubbliċi Globali taħt l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.

Din il-possibbiltà speċifika għall-finanzjament tal-bijodiversità fil-pajjiżi u territorji extra-Ewropej se tkun ikkomplementata mill-opportunitajiet offruti taħt l-Artikolu 6 tal-Programm LIFE għall-perjodu 2014-2020.


Top