EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0782

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 782/2013 tal- 14 ta’ Awwissu 2013 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ekotikketta tal-UE Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 219, 15.8.2013, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/782/oj

15.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 219/26


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 782/2013

tal-14 ta’ Awwissu 2013

li jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ekotikketta tal-UE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta (1) tal-UE, u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Biex jiżdied l-użu tal-Ekotikketta tal-UE u biex jitħeġġu jużawha dawk li l-prodotti tagħhom jissodisfaw il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE, l-ispejjeż biex din tintuża għandhom ikunu kemm jista’ jkun baxxi, iżda xorta waħda għandhom ikunu biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż tal-funzjonament tal-iskema tal-Ekotikketta tal-UE.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jagħti l-possibbiltà li jiżdiedu l-ħlasijiet massimi fejn dan ikun meħtieġ u xieraq.

(3)

Il-korpi kompetenti wettqu evalwazzjoni interna biex jivvalutaw jekk il-livell attwali tal-ħlasijiet ikoprix il-kompiti kollha li huma mistennija jwettqu għall-funzjonament tal-iskema tal-Ekotikketta tal-UE.

(4)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf permezz tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 jinbidel bit-test stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.


ANNESS

“ANNESS III

1.   Il-ħlas tal-applikazzjoni

Il-korp kompetenti li tkun saritlu applikazzjoni għandu jitlob ħlas għall-iproċessar tal-applikazzjoni. Dan il-ħlas ma għandux ikun anqas minn EUR 200 u mhux ogħla minn EUR 2 000.

Fil-każ ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju (1) u operaturi minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-ħlas massimu tal-applikazzjoni ma għandux ikun ogħla minn EUR 600.

Fil-każ tal-mikrointrapriżi (2), il-ħlas massimu għandu jkun ta’ EUR 350.

Il-ħlas tal-applikazzjoni għandu jitnaqqas bi 30 % għal applikanti li jkunu rreġistrati taħt l-Iskema ta’ Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi tal-UE (EMAS) jew bi 15 % ċċertifikati taħt l-ISO 14001. It-tnaqqis mhuwiex kumulattiv. Fil-każ li jkunu applikabbli ż-żewġ sistemi, l-ogħla tnaqqis biss għandu japplika.

It-tnaqqis huwa suġġett għall-kondizzjoni li l-applikant espliċitament jikkometti ruħu li jiżgura li l-prodotti tiegħu ttikkettati ekoloġikament jikkonformaw bis-sħiħ mal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE fil-perjodu kollu tal-validità tal-kuntratt u li dan l-impenn jiġi inkorporat kif jixraq fil-politika ambjentali u fl-għanijiet ddettaljati ambjentali tiegħu.

Il-korpi kompetenti jistgħu jitolbu l-ħlas għall-modifika jew għall-estenzjoni ta’ liċenzja. Il-ħlas għal dan ma għandux ikun ogħla mill-ħlas tal-applikazzjoni u għandu japplika wkoll it-tnaqqis imsemmi hawn fuq.

Il-ħlas tal-applikazzjoni ma jkoprix l-ispejjeż tal-ittestjar u tal-verifika minn partijiet terzi u ta’ kull spezzjoni fil-post li jkunu meħtieġa minn parti terza jew minn korp kompetenti. L-applikanti jkollhom iħallsu l-ispejjeż għal dan l-ittestjar, għall-verifiki u għall-ispezzjonijiet huma stess.

2.   Ħlas annwali

Il-korp kompetenti jista’ jitlob li kull applikant li jkun ingħata Ekotikketta tal-UE jħallas tariffa annwali. Din tista’ tkun tariffa b’rata fissa jew tariffa bbażata fuq il-valur tal-bejgħ annwali fl-Unjoni tal-prodott li jkun ingħata l-Ekotikketta tal-UE.

Il-perjodu kopert mill-ħlas annwali għandu jibda mid-data tal-għotja tal-Ekotikketta tal-UE lill-applikant.

Meta t-tariffa tiġi kkalkulata bħala perċentwal tal-valur tal-bejgħ annwali, ma għandhiex tkun iżjed minn 0,15 % ta’ dak il-valur. It-tariffa għandha tkun ibbażata fuq il-prezz mill-fabbrika fejn il-prodott li jkun ingħata l-Ekotikketta tal-UE huwa oġġett għall-bejgħ. It-tariffa għandha tkun ibbażata fuq il-prezz tal-kunsinna tax-xogħol meta tkun marbuta ma’ servizzi.

It-tariffa massima annwali għandha tkun EUR 25 000 għal kull grupp ta’ prodotti għal kull applikant.

Fil-każ ta’ SMEs, mikrointrapriżi jew applikanti minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, it-tariffa annwali għandha titnaqqas b’mill-inqas 25 %.

It-tariffa annwali ma tkoprix l-ispejjeż tal-ittestjar, tal-verifika u ta’ xi spezzjonijiet fil-post li jkunu meħtieġa. L-applikanti jkollhom iħallsu l-ispejjeż għal dan l-ittestjar, għall-verifiki u għall-ispezzjonijiet huma stess.

3.   Ħlas għal spezzjoni

Il-korp kompetenti jista’ jitlob il-ħlas tal-ispezzjoni.


(1)  L-SMEs kif iddefiniti mir-Rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(2)  Il-mikrointrapriżi kif iddefiniti mir-Rakkommandazzjoni 2003/361/KE.”


Top