Help Print this page 

Document 32013R0603

Title and reference
Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal- "Eurodac" għat-tqabbil ta' marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma' data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja
  • In force
OJ L 180, 29.6.2013, p. 1–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 015 P. 78 - 107

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/603/oj
Languages, formats and link to OJ
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html GA html HR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
PDF pdf BG pdf ES pdf CS pdf DA pdf DE pdf ET pdf EL pdf EN pdf FR pdf GA pdf HR pdf IT pdf LV pdf LT pdf HU pdf MT pdf NL pdf PL pdf PT pdf RO pdf SK pdf SL pdf FI pdf SV
Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal
 To see if this document has been published in an e-OJ with legal value, click on the icon above (For OJs published before 1st July 2013, only the paper version has legal value).
Multilingual display
Text

29.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/1


REGOLAMENT (UE) Nru 603/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta' Ġunju 2013

dwar l-istabbiliment tal-"Eurodac" għat-tqabbil ta' marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma' data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (riformulazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 78(2)(e), l-Artikolu 87(2)(a) u l-Artikolu 88(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Għandu jsir ammont ta’ tibdil sostanzjali lir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 tal-11 ta’ Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment ta' “Eurodac” għat-tqabbil ta' marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Dublin (3) u lir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru.407/2002 tat-28 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi ċerti regoli biex jiġi implimentat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 dwar l-istabbiliment ta' “Eurodac” għat-tqabbil ta' marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Dublin (4). Fl-interess taċ-ċarezza, dawn ir-Regolamenti għandhom jiġu mfassla mill-ġdid.

(2)

Politika komuni dwar l-asil, inkluża Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, hija parti kostitwenti tal-għan tal-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi b’mod progressiv spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja miftuħ għal dawk li, sforz iċ-ċirkustanzi, ifittxu protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni.

(3)

Il-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Novembru 2004 adotta l-Programm tal-Aja li stabbilixxa l-għanijiet li għandhom jiġu implimentati fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fil-perjodu 2005-2010. Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil approvat mill-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta’ Ottubru 2008 sejjaħ għat-tlestija tal-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea Komuni tal-Asil billi tinħoloq proċedura waħda li tinkludi garanziji komuni u status uniformi għar-rifuġjati u persuni eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja.

(4)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (5) huwa neċessarju li tkun stabbilita l-identità tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u ta' persuni maqbuda b'konnessjoni mal-qsim kontra l-liġi tal-fruntieri esterni tal-Unjoni. Hija wkoll ix-xewqa, sabiex ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, ikun applikat b'mod effettiv, u b'mod partikolari l-Artikolu 18(1)(b) u (d) tiegħu, li kull Stat Membru jitħalla jiċċekkja jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jinstabu joqogħdu b'mod illegali fit-territorju tiegħu jkunux applikaw għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor.

(5)

Il-marki tas-swaba’ jikkostitwixxu element importanti biex tkun stabbilita l-identità eżatta ta' dawn il-persuni. Huwa neċessarju li tkun stabbilita sistema għat-tqabbil ta' data tal-marki tas-swaba’ tagħhom.

(6)

Għal dak il-għan, hemm bżonn li tiġi stabbilita sistema magħrufa bħala "Eurodac", li tikkonsisti minn Sistema Ċentrali, li għandha tħaddem bażi tad-data ċentrali kompjuterizzata ta' data fuq marki tas-swaba’, kif ukoll tal-mezzi elettroniċi ta' trażmissjoni bejn l-Istati Membri u s-Sistema Ċentrali, minn hawn 'il quddiem “l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni”.

(7)

Il-Programm tal-Aja talab għat-titjib tal-aċċess għal sistemi ta’ ffajljar tad-data fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-Programm ta’ Stokkolma talab għal ġbir tad-data mmirat sew u żvilupp ta’ skambju tal-informazzjoni u l-għodod tiegħu li huma mmexxija mill-bżonnijiet tal-infurzar tal-liġi.

(8)

Huwa essenzjali li, fil-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u reati serji oħra, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom l-informazzjoni l-aktar sħiħa u aġġornata jekk iridu jwettqu l-kompiti tagħhom. L-informazzjoni miżmuma fil-Eurodac hija meħtieġa għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi kif imsemmi fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (6) jew ta’ reati serji oħra kif imsemmi fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI tat-13 Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (7). Għaldaqstant, id-data fil-Eurodac għandha tkun disponibbli, suġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, biex tiġi mqabbla mill-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri u mill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol).

(9)

Is-setgħat mogħtija lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex ikollhom aċċess għall-Eurodac għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' applikant li jkun applika għall-protezzjoni internazzjonali li jkollu l-applikazzjoni tiegħu pproċessata f'waqtha taħt il-liġi rilevanti. Barra minn hekk, kull segwitu sussegwenti wara l-kisba ta’ “hit” mill-Eurodac għandu wkoll ikun mingħajr preġudizzju għal dak id-dritt.

(10)

Il-Kummissjoni spjegat fil-Kommunikazzjoni tagħha lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2005 dwar effettività aħjar, interoperabbiltà u sinerġiji mtejba fost il-bażijiet tad-data Ewropej fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Intern, li l-awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà interna jista’ jkollhom aċċess għall-Eurodac f'każijiet definiti sew, meta jkun hemm suspett sustanzjat li l-awtur ta' reat terroristiku jew ta' reat kriminali serju ieħor ikun applika biex jingħata protezzjoni internazzjonali. F'dik il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni sostniet ukoll li l-prinċipju tal-proporzjonalità jitlob li l-Eurodac jiġi kkonsultat għal tali finijiet biss jekk ikun hemm tħassib għas-sigurtà pubblika li jkun ta' importanza suprema, jiġifieri, jekk l-att imwettaq mill-kriminal jew mit-terrorist li għandu jiġi identifikat huwa daqstant gravi li jiġġustifika li jkun hemm tiftix fil-bażi tad-data li tirreġistra persuni li għandhom kondotta kriminali nadifa u kkonkludiet li l-limitu għall-awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà interna li jikkonsultaw lill-Eurodac għandu għalhekk ikun dejjem ogħla b’mod sinifikanti mil-limitu sabiex jiġu kkonsultati l-bażijiet tad-data kriminali.

(11)

Barra minn hekk, l-Europol għandu rwol kruċjali fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-investigazzjoni ta' reati transkonfinali fis-sostenn tal-prevenzjoni tal-kriminalità, analiżi u investigazzjoni fl-Unjoni. Konsegwentement, il-Europol għandu jkollu aċċess ukoll għall-Eurodac fil-qafas tal-kompiti tiegħu u f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/GAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (8).

(12)

It-talbiet għal tqabbil ta’ data tal-Eurodac min-naħa tal-Europol għandhom ikunu aċċettati permessi biss f'każijiet speċifiċi, f'ċirkustanzi speċifiċi u b'kondizzjonijiet stretti.

(13)

Ladarba l-Eurodac kien oriġinalment stabbilit sabiex jiffaċilita l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Dublin, l-aċċess għall-Eurodac għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi jew ta’ reati serji oħra tikkostitwixxi bidla fl-iskop oriġinali tal-Eurodac, li tinterferixxi fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata tal-individwi li d-data personali tagħhom tkun ipproċessata fil-Eurodac. Kull interferenza bħal din għandha tkun konformi mal-liġi, li għandha tkun ifformulata bi preċiżjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lill-individwi li jaġġustaw il-kondotta tagħhom u li għandha tipproteġi lill-individwi kontra l-arbitrarjetà u tindika b’ċarezza suffiċjenti l-marġini ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti u l-mod tal-eżerċizzju tagħha. Kull interferenza għandha tkun meħtieġa f'soċjetà demokratika sabiex tipproteġi interess leġittimu u proporzjonat u proporzjonali għall-għan leġittimu li hija timmira li tikseb.

(14)

Minkejja li l-iskop oriġinali tal-istabbiliment tal-Eurodac ma kienx jirrikjedi l-faċilità li jintalab tqabbil tad-data mal-bażi tad-data fuq il-bażi ta' marka tas-swaba' latenti, li hija t-traċċa dattiloskopika li tista' tinstab fuq post tad-delitt, tali faċilità hija fundamentali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija. Il-possibbiltà li titqabbel marka tas-swaba latenti mad-data tal-marka tas-swaba' li tkun arkivjata fil-Eurodac f'każijiet fejn hemm raġunijiet raġonevoli sabiex wieħed jemmen li l-awtur jew il-vittma jistgħu jidħlu f'waħda mill-kategoriji koperti minn dan ir-Regolament se tipprovdi lill-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri b'għodda utli ħafna għall-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi jew reati serji oħra, pereżempju meta l-unika prova disponibbli fuq il-post tad-delitt ikunu marki latenti ta' swaba'.

(15)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll il-kondizzjonijiet li taħthom għandhom jiġu permessi talbiet għat-tqabbil ta’ data ta’ marki tas-swaba’ mad-data tal-Eurodac għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati serji oħra u s-salvagwardji meħtieġa biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dritt fundamentali tar-rispett għall-ħajja privata tal-individwi li tiġi pproċessata d-data personali tagħhom fil-Eurodac. Ir-rigorożità ta’ dawk il-kondizzjonijiet tirrifletti l-fatt li l-bażi tad-data tal-Eurodac tirreġistra data ta’ marki tas-swaba’ ta’ persuni li ma jkunux preżunti li kkommettew reat serju jew reat marbut mat-terroriżmu.

(16)

Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali għall-applikanti kollha u għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, kif ukoll sabiex tiġi żgurata konsistenza mal-acquis attwali tal-UE dwar l-asil, b’mod partikolari mad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja (9), u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija u r-Regolament (UE) Nru 604/2013, huwa xieraq li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sabiex jinkludi applikanti għal protezzjoni sussidjarja u persuni li huma eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja.

(17)

Hemm bżonn ukoll li l-Istati Membri jkunu mitluba li jieħdu u jittrażmettu fil-pront id-data dwar il-marki tas-swaba’ ta' kull applikant għall-protezzjoni internazzjonali u ta' kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jinqabdu b'konnessjoni ma' qsim irregolari ta' fruntieri esterni ta' Stat Membru, jekk ikunu minn 14-il sena 'l fuq.

(18)

Hemm bżonn li jkunu preskritti regoli preċiżi għat-trażmissjoni ta' dik id-data dwar marki tas-swaba’ lis-Sistema Ċentrali, ir-reġistrar ta' dik id-data dwar marki tas-swaba’ u ta' informazzjoni rilevanti oħra fis-Sistema Ċentrali, il-ħażna tagħhom, it-tqabbil ma' data dwar marki tas-swaba’ oħra, it-trażmissjoni tar-riżultati ta' dak it-tqabbil u l-immarkar u t-tħassir tad-data rreġistrata. Dawn ir-regoli jistgħu jvarjaw skont is-sitwazzjoni ta' kategoriji differenti ta' ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni apolidi, u għandhom ikunu adattati speċifikament għaliha.

(19)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw it-trażmissjoni tad-data tal-marki tas-swaba’ fi kwalità xierqa għall-iskop ta’ tqabbil permezz tas-sistema kompjuterizzata ta’ rikonoxximent tal-marki tas-swaba’. L-awtoritajiet kollha bi dritt ta' aċċess għall-Eurodac għandhom jinvestu f'taħriġ adegwat u fit-tagħmir teknoloġiku meħtieġ. L-awtoritajiet bi dritt ta' aċċess għall-Eurodac għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà sigurtà u ġustizzja stabbilita bir- Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) (l-"Aġenzija") dwar diffikultajiet speċifiċi fir-rigward tal-kwalità tad-data, sabiex tinstab soluzzjoni għalihom.

(20)

Il-fatt li jkun temporanjament jew permanentement impossibbli li tittieħed u/jew tiġi trażmessa data tal-marki tas-swaba’ minħabba raġunijiet bħall-kwalità insuffiċjenti tad-data għal tqabbil xieraq, problemi tekniċi, raġunijiet marbuta mal-ħarsien tas-saħħa jew minħabba li s-suġġett tad-data ma jkunx f’qagħda jew ma jkollux il-ħila li jitteħdulu l-marki tas-swaba’ minħabba ċirkostanzi barra mill-kontroll tiegħu, ma għandhiex taffettwa b’mod negattiv l-eżami ta', jew id-deċiżjoni dwar, l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn dik il-persuna.

(21)

In-numru ta’ hits li nkisbu mill-Eurodac għandhom jiġu vverifikati minn espert imħarreġ fil-marki tas-swaba’ sabiex tiġi żgurata d-determinazzjoni preċiża tar- responsabbiltà taħt ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 u l-identifikazzjoni eżatta tal-persuna kriminali suspettata jew il-vittma tar-reat li d-data tagħha tista’ tiġi maħżuna fil-Eurodac.

(22)

Ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni apolidi li jkunu talbu protezzjoni internazzjonali f'wieħed mill-Istati Membri jista' jkollhom l-għażla li jitolbu protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor għal ħafna snin oħra. Għalhekk, il-perjodu massimu li matulu d-data dwar marki tas-swaba’ għandha tinżamm mis-Sistema Ċentrali għandu jkun ta' tul kunsiderevoli. Billi ħafna ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni apolidi li għexu fl-Unjoni għal bosta snin ikunu kisbu status definit jew anki kisbu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru wara dak il-perjodu, perjodu ta' għaxar snin għandu jkun ikkunsidrat bħala perjodu raġonevoli għall-ħżin ta' data dwar marki tas-swaba’.

(23)

Il-perjodu taż-żamma għandu jkun iqsar f'ċerti sitwazzjonijiet speċjali fejn ma jkunx hemm bżonn li tinżamm data dwar marki tas-swaba’ għal dak it-tul ta' żmien. Id-data dwar marki tas-swaba’ għandha titħassar immedjatament ladarba ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni apolidi jieħdu ċittadinanza ta' Stat Membru.

(24)

Huwa xieraq li tinħażen data relatata ma’ dawk is-suġġetti tad-data li l-marki tas-swaba’ tagħhom ikunu ġew irreġistrati inizjalment fil-Eurodac hekk kif ġew iddepożitati l-applikazzjonijiet tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali u li ngħataw protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru sabiex jippermettu li data rreġistrata hekk kif ġiet iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiġi mqabbla magħhom.

(25)

L-Aġenzija ġiet fdata bil-kompiti tal-Kummissjoni li jikkonċernaw it-tmexxija operattiva tal-Eurodac taħt dan ir-Regolament u b’ċerti kompiti li jikkonċernaw l-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni mid-data li fiha l-Aġenzija assumiet ir-responsabbiltajiet tagħha fl-1 ta’ Diċembru 2012. L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti fdati lilha taħt dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 għandhom jiġu emendati skont dan. Barra minn hekk, il-Europol għandu jkollu l-istatus ta’ osservatur fil-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija meta fuq l-aġenda jkun hemm kwistjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tal-Eurodac minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati serji oħra. Il-Europol għandu jkun jista’ jaħtar rappreżentant fil-Grupp Konsultattiv tal-Eurodac tal-Aġenzija.

(26)

Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali) u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Ħaddiema l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (‧Kondizzjonijiet tal-Impjieg‧), stabbiliti fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (11) (flimkien imsejħa r-‧Regolamenti tal-Persunal‧) għandhom japplikaw għall-persunal kollu li jaħdem fl-Aġenzija dwar kwistjonijiet relatati ma’ dan ir-Regolament.

(27)

Hemm bżonn li jkunu preskritti b'mod ċar ir-responsabilitajiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija f'dak li għandu x'jaqsam mas-Sistema Ċentrali u l-Infrastruttura ta’ Komuikazzjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar tad-data, is-sigurtà tad-data, l-aċċess għaliha u l-korrezzjoni tad-data reġistrata.

(28)

Huwa neċessarju li jinħatru awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif ukoll il-Punt ta' Aċċess Ċentrali Nazzjonali li permezz tiegħu jsiru t-talbiet għat-tqabbil mad-data tal-Eurodac u biex tinżamm lista ta' unitajiet operattivi fl-awtoritajiet maħtura li huma awtorizzati li jitolbu tqabbil bħal dan għall-finijiet speċifiċi tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi jew ta' reati kriminali serji oħra.

(29)

It-talbiet għat-tqabbil mad-data maħżuna fis-Sistema Ċentrali għandha ssir mill-unitajiet operattivi fl-awtoritajiet maħtura lill-Punt ta' Aċċess Nazzjonali, permezz tal-awtorità tal-verifika u għandhom ikunu mmotivati. L-unitajiet operattivi fl-awtoritajiet maħtura li huma awtorizzati jitolbu tqabbil mad-data tal-Eurodac ma għandhomx jaġixxu bħala awtorità tal-verifika. L-awtoritajiet tal-verifika għandhom ikunu indipendenti mill-awtoritajiet maħtura u responsabbli biex jiżguraw, b’manjiera indipendenti, il-konformità stretta mal-kondizzjonijiet għal aċċess kif stabbilit f'dan ir-Regolament. L-awtoritajiet tal-verifika għandhom imbagħad jippreżentaw it-talba, mingħajr ma jgħaddu l-motivazzjonijiet għaliha, għal tqabbil permezz tal-Punt ta' Aċċess Nazzjonali lis-Sistema Ċentrali wara verifika li l-kondizzjonijiet kollha għal aċċess ġew sodisfatti. F'każijiet eċċezzjonali ta’ urġenza fejn ikun meħtieġ aċċess bikri bi tweġiba għal theddida speċifika u attwali li tikkonċerna reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħrajn, l-awtorità ta' verifika għandha tipproċessa t-talba immedjatament u tagħmel il-verifika biss wara.

(30)

L-awtorità maħtura u l-awtorità ta' verifika jistgħu jkunu parti mill-istess organizzazzjoni jekk dan ikun permess taħt il-liġi nazzjonali, iżda l-awtorità ta' verifika għandha taġixxi b’mod indipendenti meta taqdi l-kompiti tagħha taħt dan ir-Regolament.

(31)

Għall-finijiet ta’ protezzjoni ta’ data personali, u biex jiġi eskluż tqabbil sistematiku li għandu jiġi pprojbit, l-ipproċessar ta’ data tal-Eurodac għandu jsir biss f’każijiet speċifiċi u meta jkun meħtieġ għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi jew reati serji oħra. Każ speċifiku jeżisti b'mod partikolari meta t-talba għat-tqabbil tkun relatata ma’ sitwazzjoni speċifika u konkreta jew ma’ periklu speċifiku u konkret assoċjat ma’ reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor, jew ma’ persuni speċifiċi li fil-konfront tagħhom ikun hemm raġunijiet serji għaliex wieħed jemmen li dawn ikunu se jwettqu jew wettqu reati terroristiċi jew reati serji oħra. Każ speċifiku jeżisti wkoll meta t-talba għal tqabbil tkun relatata ma’ persuna li tkun il-vittma ta’ reat terroristiku jew ta’ reat kriminali serju ieħor. Għaldaqstant, l-awtoritajiet maħtura u l-Europol għandhom jitolbu għal tqabbil mal-Eurodac meta jkollhom raġunijiet motivati biex jemmnu li tqabbil bħal dan ikun se jipprovdi informazzjoni li tgħinhom sostanzjalment fil-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta’ reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor.

(32)

Barra minn hekk, l-aċċess għandu jkun permess biss bil-kondizzjoni li t-tqabbil mal-bażijiet tad-data nazzjonali tal-marki tas-swaba tal-Istat Membru u mas-sistemi awtomatizzati ta' identifikazzjoni tal-marki tas-swaba' tal-Istati Membri kollha oħra taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (12) ma jwassalx sabiex tiġi stabbilita l-identità tas-suġġett tad-data. Dik il-kondizzjoni titlob li l-Istat Membru li jagħmel it-talba jagħmel tqabbil mas-sistemi awtomatizzati ta' identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’ tal-Istati Membri l-oħra kollha taħt id-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI li huma teknikament disponibbli, sakemm dak l-Istat Membru ma jkunx jista' jiġġustifika li jeżistu raġunijiet suffiċjenti li wieħed jemmen li dan ma jwassalx sabiex tiġi stabbiltà l-identità tas-suġġett tad-data. Tali raġunijiet raġonevoli jeżistu b’mod partikolari fejn il-każ speċifiku ma jippreżenta l-ebda rabta operattiva jew investigattiva ma’ Stat Membru. Dik il-kondizzjoni titlob l-implimentazzjoni legali u teknika minn qabel tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI mill-Istat Membru rikjedenti fil-qasam tad-data dwar il-marki tas-swaba’, billi ma għandux ikun permess li titmexxa verifika tal-Eurodac għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi fejn dawn il-passi ta’ hawn fuq ma jkunux ittieħdu l-ewwel.

(33)

Qabel ma jfittxu fil-Eurodac, l-awtoritajiet maħtura għandhom ukoll, sakemm il-kondizzjonijiet għal tali tqabbil ikunu ġew soddisfatti, jikkonsultaw is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta' Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati serji oħra (13).

(34)

Għall-fini ta' tqabbil u skambju effiċjenti ta' data personali, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw u jużaw bis-sħiħ il-ftehimiet internazzjonali eżistenti kif ukoll il-liġi tal-Unjoni rigward l-iskambju ta' data personali li diġà qiegħda fis-seħħ, b'mod partikolari d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

(35)

L-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu konsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta japplikaw dan ir-Regolament. Fejn l-Istat Membru jistabbilixxi li d-data tal-Eurodac tkun relatata ma’ minorenni, din id-data tista’ tintuża biss għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi mill-Istat Membru rikjedenti taħt il-liġijiet ta’ dak l-Istat applikabbli għal minorenni u skont l-obbligu li tingħata konsiderazzjoni primarja fl-aħjar interessi tat-tfal.

(36)

Filwaqt li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni b'konnessjoni mat-tħaddim tas-sistema tal-Eurodac għandha tkun regolata mid-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), huwa neċessarju li jkunu preskritti regoli speċifiċi għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istati Membri b'konnessjoni mat-tħaddim tas-sistema.

(37)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-ħolqien ta' sistema għat-tqabbil ta' data dwar marki tas-swaba’ sabiex tgħin l-implimentazzjoni tal-politika ta' asil tal-Unjoni, ma jistax, min-natura tiegħu stess, jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(38)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (14) tapplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-Istati Membri mwettaq fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sakemm tali pproċessar ma jsirx mill-awtoritajiet maħtura jew ta’ verifika tal-Istati Membri għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati serji oħra.

(39)

L-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati serji oħra taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal standard ta’ protezzjoni ta’ data personali taħt il-liġi nazzjonali li tkun f’konformità mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (15).

(40)

Il-prinċipji preskritti fid-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta' individwi, partikolarment id-dritt tagħhom għal privatezza, fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali għandha tkun miżjuda jew iċċarata, b'mod partikolari sa fejn ikunu konċernati ċerti setturi.

(41)

It-trasferimenti ta' data personali miksuba minn Stat Membru taħt dan ir-Regolament mis-Sistema Ċentrali lejn kwalunkwe pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jew entità privata stabbilita fl-Unjoni jew barra minnha għandha tkun ipprojbita, sabiex jiġi żgurat id-dritt għal asil u sabiex jiġu salvagwardjati l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali milli jkollhom id-data tagħhom żvelata lil xi pajjiż terz. Dan ifisser li l-Istati Membri ma għandhomx jittrasferixxu informazzjoni miksuba mis-Sistema Ċentrali fir-rigward ta': l-Istat Membru jew l-Istati Membri ta’ oriġini; il-post u d-data ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali; in-numru ta' referenza użat mill-Istat Membru ta' oriġini; id-data ta’ meta ttieħdu l-marki tas-swaba’ kif ukoll id-data ta’ meta l-Istat Membru ttrażmetta jew l-Istati Membri ttrażmettew id-data lill-Eurodac; il-user ID tal-operatur; u kwalunkwe informazzjoni marbuta ma’ kwalunkwe trasferiment tas-suġġett tad-data taħt ir-Regolament(UE) Nru 604/2013. Dik il-projbizzjoni għandha tkun bla ħsara għad-dritt tal-Istati Membri li jittrasferixxu data bħal din lil pajjiżi terzi li japplika għalihom ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi bħal dawn għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(42)

L-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali għandhom jikkontrollaw il-legalità tal-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri, u l-Awtorità ta’ Sorveljanza stabbilita mid-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI għandha tissorvelja l-legalità tal-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data mwettqa mill-Europol.

(43)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (16), u b’mod partikolari l-Artikoli 21 u 22 tiegħu li jirrigwardaw il-kunfidenzjalità u s-sigurtà tal-ipproċessar, japplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni mwettaq b’applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madanakollu, ċerti punti għandhom jiġu kjarifikati fir-rigward tar-responsabbiltà għall-ipproċessar ta’ data u tas-superviżjoni ta’ protezzjoni tad-data, billi wieħed iżomm f’moħħu li l-protezzjoni tad-data hija fattur ewlieni għas-suċċess fl-operat tal-Eurodac u li s-sigurtà tad-data, il-kwalità teknika għolja u l-legalità tal-konsultazzjonijiet huma essenzjali biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel u korrett tal-Eurodac kif ukoll biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013.

(44)

Is-suġġett tad-data għandu jiġi infurmat dwar l-iskop li għalih id-data tiegħu tkun se tiġi pproċessata fil-Eurodac, inkluża deskrizzjoni tal-għanijiet tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 u tal-użu li għalih l-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi jistgħu jiddedikaw id-data tiegħu.

(45)

Huwa xieraq li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali jikkontrollaw il-legalità tal-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri, filwaqt li l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 45/2001, għandu jikkontrolla l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali li jsir b'applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(46)

L-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali u Ewropej ikunu kapaċi jissorveljaw l-użu u l-aċċess għad-data tal-Eurodac b’mod adegwat.

(47)

Huwa xieraq li r-rendiment tal-Eurodac jiġi kkontrollat u evalwat f’intervalli regolari, anke f'termini ta' jekk l-aċċess tal-infurzar tal-liġi wassalx għal diskriminazzjoni indiretta kontra applikanti għall-protezzjoni internazzjonali kif ġie senjalat fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konformità ta' dan ir-Regolament mal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (‧il-Karta‧). L-Aġenzija għandha tissottometti rapport annwali dwar l-attivitajiet tas-Sistema Ċentrali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(48)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sistema ta' penali effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex ikun sanzjonat l-ipproċessar ta' data rreġistrata fis-Sistema Ċentrali kontra l-għan tal-Eurodac.

(49)

Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jiġu infurmati dwar l-istatus ta’ proċeduri partikolari tal-asil, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni adegwata tar-Regolament (UE) Nru 604/2013.

(50)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta. B'mod partikolari, dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura rispett sħiħ għall-protezzjoni tad-data personali u għad-dritt ta' rikors għall-protezzjoni internazzjonali, u li jippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 8 u 18 tal-Karta. Dan ir-Regolament għandu għaldaqstant ikun applikat b'dan il-għan.

(51)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(52)

Taħt l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-TUE u mat-TFUE, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(53)

Taħt l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-TUE u mat-TFUE, u bla ħsara għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(54)

Huwa xieraq li l-iskop territorjali ta' dan ir-Regolament ikun ristrett sabiex ikun allinjat mal-iskop territorjali tar-Regolament (KE) Nru 604/2013,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

L-għan tal-"Eurodac"

1.   B'dan hija stabbilita sistema magħrufa bħala "Eurodac", li l-għan tagħha għandu jkun li tgħin biex ikun determinat liema Stat Membru għandu jkun responsabbli konformement mar-Regolament (EU) Nru 604/2013 għall-eżami ta' applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali depożitata fi Stat Membru minn ċittadini ta' pajjiż terz jew persuna apolida, u inkella sabiex tiffaċilita l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri u l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) jistgħu jitolbu t-tqabbil tad-data dwar il-marki tas-swaba' ma' dawk maħżuna fis-Sistema Ċentrali għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-ipproċessar tad-data maħsuba għall-Eurodac mill-Istat Membru ta' oriġini f’bażijiet tad-data stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru, id-data dwar marki tas-swaba’ u data personali oħra jistgħu jkunu pproċessati fil-Eurodac għal skopijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament u l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

‘applikant għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkunu għamlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definita fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95/UE li fir-rigward tagħha deċiżjoni finali għada ma tteħditx;

(b)

‘Stat Membru ta’ oriġini’ tfisser:

(i)

f'dak li għandu x'jaqsam ma' persuna koperta bl-Artikolu 9(1), l-Istat Membru li jittrażmetti d-data personali lis-Sistema Ċentrali u jirċievi r-riżultati tat-tqabbil;

(ii)

f'dak li għandu x'jaqsam ma' persuna koperta bl-Artikolu 14(1), l-Istat Membru li jittrażmetti d-data personali lis-Sistema Ċentrali;

(iii)

f'dak li għandu x'jaqsam ma' persuna koperta bl-Artikolu 17(1), l-Istat Membru li jittrażmetti data personali lis-Sistema Ċentrali u li jirċievi r-riżultati tat-tqabbil;

(c)

‘benefiċjarju ta' protezzjoni internazzjonali’ tfisser ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida li ngħatat protezzjoni internazzjonali kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE;

(d)

‘hit’ tfisser l-eżistenza ta' tqabbila jew tqabbil stabbilit mis-Sistema Ċentrali permezz ta' tqabbil bejn informazzjoni dwar marki tas-swaba’ rreġistrata fil-bażi tad-data ċentrali kompjuterizzata u dawk trażmessi minn Stat Membru fir-rigward ta' persuna, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li Stati Membri jiċċekkjaw immedjatament ir-riżultati tat-tqabbil skont l-Artikolu 25(4);

(e)

‘Punt ta’ Aċċess Nazzjonali’ tfisser is-sistema nazzjonali stabbilita li tikkomunika mas-Sistema Ċentrali;

(f)

‘Aġenzija’ tfisser l-Aġenzija stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1077/2011;

(g)

‘Europol’ tfisser l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija kif stabbilit bid-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI;

(h)

‘data tal-Eurodac’ tfisser id-data kollha maħżuna fis-Sistema Ċentrali taħt l-Artikolu 11 u l-Artikolu 14(2);

(i)

‘infurzar tal-liġi’ tfisser il-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta reati terroristiċi jew ta' reati kriminali serji oħra;

(j)

“reati terroristiċi” tfisser ir-reati taħt il-liġi nazzjonali li jikkorrispondu jew huma ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikoli minn 1 sa 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI;

(k)

“reati kriminali serji” tfisser it-tipi ta' reati li jikkorrispondu jew huma ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI jekk huma punibbli taħt il-liġi nazzjonali b'sentenza ta' priġunerija jew ordni ta' detenzjoni għal perjodu massimu ta' mill-inqas tliet snin;

(l)

“data tal-marki tas-swaba’” tfisser id-data li tirrigwarda l-marki tas-swaba' tas-swaba' kollha jew għall-inqas tas-swaba' werrejja, u jekk dawn huma neqsin, il-marki tas-swaba' tas-swaba l-oħra kollha ta' persuna, jew ta' marka latenti tas-swaba';

2.   It-termini definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46/KE għandu jkollhom l-istess tifsira f’dan ir-Regolament sa fejn id-data personali tkun ipproċessata mill-awtoritajiet tal-Istati Membi għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament.

3.   Sakemm ma jkunx iddikjarat b'mod ieħor, it-termini definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 għandu jkollhom l-istess tifsira f'dan ir-Regolament.

4.   It-termini definiti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI għandu jkollhom l-istess tifsira f’dan ir-Regolament sa fejn id-data personali tkun ipproċessata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

L-arkitettura u l-prinċipji bażiċi tas-Sistema

1.   Il-Eurodac għandha tikkonsisti fi:

(a)

bażi tad-data kompjuterizzata ċentrali tal-marki tas-swaba’ ("Sistema Ċentrali") magħmula minn

(i)

Unità Ċentrali,

(ii)

Sistema u Pjan ta' Kontinwità tal-Attività;

(b)

infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali u l-Istati Membri li tipprovdi netwerk virtwali f'kodiċi ddedikat għad-data tal-Eurodac ("Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni").

2.   Kull Stat Membru għandu jkollu Punt ta’ Aċċess Nazzjonali wieħed.

3.   Data dwar persuni koperti bl-Artikoli 9(1), 14(1) u 17(1) li tiġi pproċessata fis-Sistema Ċentrali għandha tiġi pproċessata f'isem l-Istat Membru ta' oriġini taħt il-kondizzjonijiet preskritti f'dan ir-Regolament u separata b’mezzi tekniċi xierqa.

4.   Ir-regoli li jirregolaw il-Eurodac għandhom japplikaw ukoll għal operazzjonijiet magħmula mill-Istati Membri mit-trażmissjoni ta' data għas-Sistema Ċentrali sakemm isir użu mir-riżultati tat-tqabbil.

5.   Il-proċedura sabiex jittieħdu l-marki tas-swaba’ għandha tkun stabbilita u applikata f’konformità mal-prattika nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u f’konformità mal-salvagwardji preskritti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

Artikolu 4

Tmexxija operattiva

1.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għat-tmexxija operattiva tal-Eurodac.

It-tmexxija operattiva tal-Eurodac għandha tikkonsisti fil-kompiti kollha meħtieġa biex il-Eurodac tinżamm tiffunzjona 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa konformement ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-ħidma ta' manutenzjoni u l-iżviluppi tekniċi meħtieġa biex jiġi żgurat li s-sistema tiffunzjona f'livell sodisfaċenti ta' kwalità operattiva, b'mod partikolari fir-rigward taż-żmien meħtieġ għal interrogazzjoni tas-Sistema Ċentrali. Għandu jiġi żviluppat Pjan u Sistema ta’ Kontinwità tal-Attività b'kont meħud tal-bżonnijiet ta' manutenzjoni u l-perjodi ta’ inattività mhux mistennija fis-sistema, inkluż l-impatt tal-miżuri ta’ kontinwità tal-attività fuq il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data.

L-Aġenzija għandha tiżgura, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, li fil-mumenti kollha jintużaw l-aħjar teknoloġija u tekniki disponibbli u dawk l-aktar sikuri għas-Sistema Ċentrali, suġġett għal analiżi tal-ispiża vis-à-vis l-benefiċċju miksub.

2.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-kompiti li ġejjin marbutin mal-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni:

(a)

is-superviżjoni;

(b)

is-sigurtà;

(c)

il-koordinazzjoni ta' relazzjonijiet bejn l-Istati Membru u l-fornitur.

3.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għal kompiti kollha marbutin mal-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, b’mod partikolari:

(a)

l-implimentazzjoni tal-baġit;

(b)

akwiżizzjoni u tiġdid;

(c)

materji kuntrattwali.

4.   Bla ħsara għall-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Aġenzija għandha tapplika regoli xierqa ta' segretezza professjonali jew dmirijiet ekwivalenti oħra ta' kunfidenzjalità lill-persunal tagħha kollu li hu meħtieġ li jaħdem b'data tal-Eurodac. Dan l-obbligu għandu japplika wkoll wara li dan il-persunal ikun ħalla l-uffiċċju jew l-impjieg jew wara t-tmiem tad-dmirijiet tagħhom.

Artikolu 5

L-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi

1.   Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2), l-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet li jkunu awtorizzati li jitolbu tqabbil mad-data tal-Eurodac konformement ma' dan ir-Regolament. L-awtoritajiet maħtura għandhom ikunu awtoritajiet tal-Istati Membri li huma responsabbli għall-prevenzjoni, ir-rintraċċar u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati serji oħra. L-awtoritajiet maħtura m'għandhomx jinkludu aġenziji jew unitajiet esklużivament responsabbli għall-intelligenza b'rabta mas-sigurtà nazzjonali.

2.   Kull Stat Membru għandu jżomm elenku tal-awtoritajiet maħtura.

3.   Kull Stat Membru għandu jżomm elenku tal-unitajiet operattivi fl-awtoritajiet maħtura li huma awtorizzati jitolbu tqabbil mad-data tal-Eurodac permezz tal-Punt ta’ Aċċess Nazzjonali.

Artikolu 6

L-awtoritajiet ta’ verifika tal-Istati Membri għall-finijiet tal-infiurzar tal-liġi

1.   Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2), kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità waħda nazzjonali jew unità ta’ tali awtorità biex taġixxi bħala l-awtorità ta' verifika tagħha. L-awtorità ta’ verifika għandha tkun awtorità tal-Istat Membru responsabbli għall-prevenzjoni, ir-rintraċċar u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati serji oħra.

L-awtorità maħtura u l-awtorità ta' verifika jistgħu jkunu parti mill-istess organizzazzjoni jekk dan ikun permess taħt il-liġi nazzjonali, iżda l-awtorità ta' verifika għandha taġixxi b’mod indipendenti meta taqdi l-kompiti tagħha taħt dan ir-Regolament. L-awtorità ta’ verifika għandha tkun separata mill-unitajiet operattivi msemmija fl-Artikolu 5(3) u ma għandhiex tirċievi istruzzjonijiet minn għandhom fir-rigward tal-eżitu tal-verifika.

L-Istati Membri jistgħu jaħtru aktar minn awtorità ta’ verifika waħda biex jirriflettu l-istruttura organizzattiva u amministrattiva tagħhom, skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali jew legali tagħhom.

2.   L-awtorità ta' verifika għandha tiżgura li l-kondizzjonijiet għat-talba għat-tqabbil tal-marki tas-swaba' mad-data tal-Eurodac jiġu sodisfatti.

Huwa biss persunal tal-awtorità ta' verifika li jingħata s-setgħat meħtieġa li għandu jkun awtorizzat li jirċievi u jittrażmetti talba għal aċċess għall-Eurodac skont it-termini tal-Artikolu 19.

Hija biss l-awtorità ta' verifika li għandha tkun awtorizzata li tressaq talbiet għal tqabbil tal-marki tas-swaba' lill-Punt ta' Aċċess Nazzjonali.

Artikolu 7

Europol

1.   Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2), il-Europol għandu jaħtar unità speċjalizzata b'uffiċjali tal-Europol li huma debitament awtorizzati li jaġixxu bħala l-awtorità ta' verifika tiegħu, li għandha taġixxi b’mod indipendenti mill-awtorità maħtura msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu meta twettaq il-kompiti tagħha taħt dan ir-Regolament, u ma għandhiex tirċievi istruzzjonijiet mill-awtorità maħtura fir-rigward tal-eżitu tal-verifika. L-unità għandha tiżgura li l-kondizzjonijiet għat-talba għat-tqabbil tal-marki tas-swaba' mad-data tal-Eurodac ikunu sodisfatti. Il-Europol għandu jistabbilixxi, bi ftehim ma’ kwalunkwe Stat Membru, il-Punt ta' Aċċess Nazzjonali ta' dak l-Istat Membru li jikkomunika t-talbiet tagħha għal tqabbil tal-marki tas-swaba' mas-Sistema Ċentrali.

2.   Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2), il-Europol għandu jistabbilixxi unità operattiva li tkun awtorizzata titlob tqabbil mad-data tal-Eurodac permezz tal-Punt ta' Aċċess Nazzjonali stabbilit tagħha. L-awtorità maħtura għandha tkun unità operattiva tal-Europol li jkollha kompetenza tiġbor, taħżen, tipproċessa, tanalizza u tikkondividi informazzjoni biex tappoġġja u ssaħħaħ azzjoni mill-Istati Membri fil-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati serji oħra li jaqgħu fl-ambitu tal-mandat tal-Europol.

Artikolu 8

Statistika

1.   Kull trimestru, l-Aġenzija għandha tħejji statistiċi dwar ix-xogħol tas-Sistema Ċentrali, li jindikaw b'mod partikolari:

(a)

in-numru ta' settijiet ta' data trażmessi dwar persuni msemmija fl-Artikoli 9(1), 14(1) u 17(1);

(b)

in-numru ta' hits dwar applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li kienu ssottomettew applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor;

(c)

in-numru ta' hits dwar persuni msemmija fl-Artikolu 14(1) li sussegwentement kienu ssottomettew applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali;

(d)

in-numru ta' hits dwar persuni msemmija fl-Artikolu 17(1) li preċedentement kienu ssottomettew applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor;

(e)

l-ammont ta' data dwar marki tas-swaba’ li s-Sistema Ċentrali kellha titlob iktar minn darba mill-Istati Membri ta' oriġini minħabba li d-data dwar marki tas-swaba’ trażmessa oriġinarjament ma setgħetx twassal għal tqabbil bl-użu tas-sistema kompjuterizzata ta' għarfien ta' marki tas-swaba’;

(f)

in-numru ta’ settijiet ta' data immarkati, mhux immarkati, imblukkati u mhux imblukkati skont l-Artikolu 18(1) u (3).

(g)

in-numru ta' hits dwar persuni msemmija fl-Artikolu 18(1) li għalihom ġew irreġistrati hits taħt il-punti (b) u (d) ta’ dan l-Artikolu;

(h)

in-numru ta' talbiet u hits imsemmija fl-Artikolu 20(1);

(i)

in-numru ta' talbiet u hits imsemmija fl-Artikolu 21(1)

2.   Fl-aħħar ta' kull sena, id-data statistika għandha tiġi stabbilita fil-forma ta' kompilazzjoni tal-istatistiċi ta' kull trimestru għal dik is-sena, inkluża indikazzjoni tan-numru ta' persuni li dwarhom ikunu ġew reġistrati hits taħt il-paragrafu (1)(b), (c) u (d). L-istatistiċi għandu jkollhom analiżi dettaljata tad-data għal kull Stat Membru. Ir-riżultati għandhom isiru pubbliċi.

KAPITOLU II

APPLIKANTI GĦALL-PROTEZZJONI INTERNAZZJONALI

Artikolu 9

Ġbir, trażmissjoni u tqabbil ta' marki tas-swaba'

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu fil-pront il-marki tas-swaba' tas-swaba' kollha ta' kull applikant għall-protezzjoni internazzjonali li jkollu tal-inqas 14-il sena u għandu, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li tiġi ddepożitata l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali, kif iddefinit mill-Artikolu 20(2) tar-Regolament 604/2013, jittrażmettihom flimkien mad-data msemmija fl-Artikolu 11(b) sa (g) ta' dan ir-Regolament lis-Sistema Ċentrali.

In-nuqqas ta' konformità mal-limitu tal-ħin ta’ 72 siegħa ma għandux jeżonera lill-Istati Membri mill-obbligu li jieħdu u jitrażmettu l-marki tas-swaba’ lis-Sistema Ċentrali. Fejn il-kondizzjoni tat-truf tas-swaba’ ma tippermettix li jittieħdu marki tas-swaba’ fi kwalità li tiżgura tqabbil xieraq taħt l-Artikolu 25, l-Istat Membru ta’ oriġini għandu jerġa’ jieħu l-marki tas-swaba’ tal-applikant u jibgħathom mill-ġdid mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 48 siegħa wara li jkunu reġgħu ttieħdu b’suċċess.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, fejn mhux possibbli li jittieħdu l-marki tas-swaba’ ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali minħabba miżuri li ttieħdu sabiex tiġi żgurata s-saħħa tal-applikant jew il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, l-Istati Membri għandhom jieħdu u jibagħtu dawn il-marki mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 48 siegħa wara li dawn ir-raġunijiet ta’ saħħa ma jibqgħux validi.

Fil-każ ta’ problemi tekniċi serji, l-Istati Membri jistgħu jestendu ż-żmien ta’ skadenza ta’ 72-siegħa fil-paragrafu 1 b’massimu ta’ 48 siegħa oħra sabiex iwettqu l-pjanijiet ta’ kontinwità nazzjonali tagħhom.

3.   Id-data dwar il-marki tas-swaba’ fis-sens tal-Artikolu 11(a) trażmessa minn kwalunkwe Stat Membru, bl-eċċezzjoni ta’ dik trażmessa skont l-Artikolu 10(b), għandha tkun imqabbla awtomatikament mad-data dwar marki tas-swaba’ trażmessa minn Stati Membri oħra u diġà maħżuna fis-Sistema Ċentrali.

4.   Is-Sistema Ċentrali għandha tiżgura, fuq it-talba ta' Stat Membru, li t-tqabbil imsemmi fil-paragrafu 3 jkopri l-informazzjoni dwar marki tas-swaba’ trażmessa qabel minn dak l-Istat Membru, b'żieda għad-data minn Stati Membri oħra.

5.   Is-Sistema Ċentrali għandha tittrażmetti awtomatikament il-hit jew ir-riżultat negattiv tat-tqabbil lill-Istat Membru ta' oriġini. Fejn ikun hemm hit, għandha tittrażmetti għal kull sett ta' data li jikkorrispondi għall-hit, id-data msemmija fl-Artikolu 11(a) sa (k) flimkien ma’, fejn ikun xieraq, il-marka msemmija fl-Artikolu 18(1).

Artikolu 10

Informazzjoni dwar l-istatus tas-suġġett tad-data

L-informazzjoni li ġejja għandha tintbagħat lis-Sistema Ċentrali sabiex tiġi maħżuna f’konformità mal-Artikolu 12 għal finijiet ta’ trażmissjoni taħt l-Artikolu 9(5):

(a)

meta applikant għall-protezzjoni internazzjonali jew persuna oħra kif imsemmija fl-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 jasal fl-Istat Membru responsabbli wara trasferiment skont deċiżjoni li tilqa’ talba biex jittieħed lura kif imsemmi fl-Artikolu 25 tiegħu, l-Istat Membru responsabbli għandu jaġġorna s-sett tad-data tiegħu rreġistrat f’konformità mal-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament relatat mal-persuni kkonċernati billi jżid id-data tal-wasla tiegħu;

(b)

meta applikant għall-protezzjoni internazzjonali jasal fl-Istat Membru responsabbli wara trasferiment skont deċiżjoni li tilqa’ talba biex jittieħed ħsieb tiegħu taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, l-Istat Membru responsabbli għandu jibgħat sett tad-data f’konformità mal-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament relatat mal-persuna kkonċernata u għandu jinkludi d-data tal-wasla tagħha;

(c)

hekk kif l-Istat Membru ta’ oriġini jistabbilixxi li l-persuna kkonċernata li d-data tagħha ġiet irreġistrata fil-Eurodac taħt l-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament ħalliet it-territorju tal-Istati Membri, dan għandu jaġġorna s-sett tad-data tiegħu rreġistrat f’konformità mal-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament relatat mal-persuna kkonċernata billi jżid id-data meta dik il-persuna ħalliet it-territorju, sabiex jiffaċilita l-applikazzjoni tal-Artikoli 19(2) u 20(5) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013;

(d)

hekk kif l-Istat Membru ta’ oriġini jiżgura li l-persuna kkonċernata li d-data tagħha ġiet irreġistrata fil-Eurodac taħt l-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament ħalliet it-territorju tal-Istati Membri f’konformità ma’ deċiżjoni ta’ ritorn jew ordni ta’ tkeċċija li kien ħareġ wara l-irtirar jew ir-rifjut tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif provdut fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, dan għandu jaġġorna s-sett tad-data tiegħu rreġistrat f’konformità mal-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament relatat mal-persuna kkonċernata billi jżid id-data tat-tkeċċija tagħha jew meta hija ħalliet it-territorju;

(e)

l-Istat Membru li jsir responsabbli taħt l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 għandu jaġġorna s-sett tad-data rreġistrat f’konformità mal-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament relatat mal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali billi jżid id-data meta ttieħdet id-deċiżjoni li jeżamina l-applikazzjoni.

Artikolu 11

Reġistrazzjoni ta' data

L-informazzjoni li ġejja biss għandha tiġi reġistrata fis-Sistema Ċentrali:

(a)

id-data dwar il-marki tas-swaba’;

(b)

l-Istat Membru ta' oriġini, post u data tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali; fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10(b), id-data tal-applikazzjoni għandha tkun dik li tiddaħħal mill-Istat Membru li jkun ittrasferixxa lill-applikant;

(c)

is-sess;

(d)

in-numru ta’ referenza użat mill-Istat Membru ta’ oriġini;

(e)

id-data li fiha ttieħdu l-marki tas-swaba’;

(f)

id-data li fiha l-informazzjoni ġiet trażmessa lis-Sistema Ċentrali;

(g)

il-user ID tal-operatur;

(h)

fejn applikabbli skont l-Artikolu 10(a) jew (b), id-data tal-wasla tal-persuna kkonċernata wara trasferiment b’suċċess;

(i)

fejn applikabbli skont l-Artikolu 10(c), id-data li fiha l-persuna kkonċernata ħalliet it-territorju tal-Istati Membri;

(j)

fejn applikabbli skont l-Artikolu 10(d), id-data li fiha l-persuna kkonċernata ħalliet jew tkeċċiet mit-territorju tal-Istati Membri;

(k)

fejn applikabbli skont l-Artikolu 10(e), id-data li fiha tittieħdet id-deċiżjoni li tiġi eżaminata l-applikazzjoni.

Artikolu 12

Ħżin ta' data

1.   Kull sett ta' data, kif imsemmi fl-Artikolu 11, għandu jinżamm fis-Sistema Ċentrali għal għaxar snin mid-data li fiha jkunu ttieħdu l-marki tas-swaba’.

2.   Malli jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, is-Sistema Ċentrali għandha awtomatikament tħassar id-data mis-Sistema Ċentrali.

Artikolu 13

Tħassir ta' data antiċipata

1.   Data li għandha x'taqsam ma' persuna li tkun kisbet ċittadinanza ta’ kwalunkwe Stat Membru qabel ma jiskadi l-perjodu msemmi fl-Artikolu 12(1) għandha tiġi mħassra mis-Sistema Ċentrali, taħt l-Artikolu 27(4), malli l-Istat Membru ta' oriġini jinduna li dik il-persuna konċernata tkun kisbet tali ċittadinanza.

2.   Is-Sistema Ċentrali għandha, mill-aktar fis u mhux aktar tard minn 72 siegħa wara, tinforma lill-Istati Membri ta’ oriġini kollha dwar it-tħassir tad-data taħt il-paragrafu 1 minn Stat Membru ta’ oriġini ieħor li jkun kiseb hit b’data li jkunu ttrażmettew relatata mal-persuni msemmija fl-Artikolu 9(1) jew l-Artikolu 14(1).

KAPITOLU III

ĊITTADINI TA' PAJJIŻI TERZI JEW PERSUNI APOLIDI LI JINQABDU B'KONNESSJONI MAL-QSIM IRREGOLARI TA' FRUNTIERA ESTERNA

Artikolu 14

Ġbir u trażmissjoni ta' data dwar marki tas-swaba'

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu fil-pront il-marki tas-swaba’ tas-swaba’ kollha ta' kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkollhom tal-inqas 14-il sena, li jinqabdu mill-awtoritajiet ta' kontroll kompetenti b'konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera ta' dak l-Istat Membru wara li jkunu ġew minn pajjiż terz u li ma jintbagħtux lura fih jew li baqgħu fiżikament fit-territorju tal-Istati Membri u li ma nżammewx f’kustodja, reklużjoni jew detenzjoni waqt il-perjodu sħiħ bejn il-qbid u t-tneħħija fuq il-bażi tad-deċiżjoni li jintbagħtu lura.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 72 siegħa wara d-data tal-qbid, jittrażmetti lis-Sistema Ċentrali d-data li ġejja f'dak li għandu x'jaqsam ma' kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, kif imsemmi fil-paragrafu 1, li ma jkunux mibgħuta lura:

(a)

id-data dwar il-marki tas-swaba’;

(b)

l-Istat Membru ta’ oriġini, post u data tal-qbid;

(c)

is-sess;

(d)

in-numru ta’ referenza użat mill-Istat Membru ta’ oriġini;

(e)

id-data li fiha ttieħdu l-marki tas-swaba’;

(f)

id-data li fiha l-informazzjoni ġiet trażmessa lis-Sistema Ċentrali;

(g)

il-user ID tal-operatur.

3.   B'deroga mill-paragrafu 2, id-data speċifikata fil-paragrafu 2 dwar persuni maqbuda kif deskritt fil-paragrafu 1 li jibqgħu fiżikament fit-territorju tal-Istati Membri iżda li jibqgħu f'kustodja, reklużjoni jew detenzjoni hekk kif jinqabdu għal perjodu li jeċċedi it-72 siegħa għandha tkun trażmessa qabel ma jinħelsu mill-kustodja, mir-reklużjoni jew mid-detenzjoni.

4.   In-nuqqas ta’ konformità mal-limitu tal-ħin ta’ 72 siegħa msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ma għandux jeħles lill-Istati Membri mill-obbligu li jieħdu u jitrażmettu l-marki tas-swaba’ lis-Sistema Ċentrali. Fejn il-kondizzjoni tat-truf tas-swaba’ ma tippermettix li jittieħdu marki tas-swaba’ ta’ kwalità li tassigura tqabbil xieraq taħt l-Artikolu 25, l-Istat Membru ta’ oriġini għandu jerġa’ jieħu l-marki tas-swaba’ tal-persuni maqbudin kif deskritt fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u jibgħathom mill-ġdid mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 48 siegħa wara li jkunu ttieħdu b’suċċess.

5.   B'deroga mill-paragrafu 1, fejn mhux possibbli li jittieħdu l-marki tas-swaba’ tal-persuna maqbuda minħabba miżuri li ttieħdu sabiex tiġi żgurata s-saħħa tagħha jew il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu u jibgħat dawn il-marki tas-swaba’ mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 48 siegħa wara li dawk ir-raġunijiet ma jibqgħux iktar prevalenti.

Fil-każ ta’ problemi tekniċi serji, l-Istati Membri jistgħu jestendu ż-żmien ta’ skadenza ta’ 72 siegħa fil-paragrafu 2 b’massimu ta’ 48 siegħa oħra sabiex iwettqu l-pjanijiet ta’ kontinwità nazzjonali tagħhom.

Artikolu 15

Reġistrazzjoni ta' data

1.   Id-data msemmija fl-Artikolu 14(2) għandha tiġi rreġistrata fis-Sistema Ċentrali.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, id-data trażmessa lis-Sistema Ċentrali taħt l-Artikolu 14(2) għandha tiġi reġistrata biss għall-finijiet ta’ tqabbil ma' data dwar applikanti għall-protezzjoni internzzjonali trażmessa sussegwentement lis-Sistema Ċentrali u għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2).

Is-Sistema Ċentrali ma għandhiex tqabbel id-data trażmessa lilha taħt l-Artikolu 14(2) ma' kwalunkwe data rreġistrata qabel fis-Sistema Ċentrali, u lanqas ma' data trażmessa sussegwentement lis-Sistema Ċentrali taħt l-Artikolu 14(2).

2.   F'dak li għandu x'jaqsam mat-tqabbil ta' data dwar applikanti għall-protezzjoni internazzjonali trażmessa sussegwentement lis-Sistema Ċentrali mad-data msemmija fil-paragrafu 1, għandhom japplikaw il-proċeduri preskritti fl-Artikolu 9(3) u (5) u fl-Artikolu 25(4).

Artikolu 16

Ħżin ta' data

1.   Kull sett ta' data li jkollu x'jaqsam ma' ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida kif imsemmi fl-Artikolu 14(1), għandu jinħażen fis-Sistema Ċentrali għal 18-il xahar mid-data li fiha jkunu ttieħdu l-marki ta' swaba' tagħhom. Malli jiskadi dak il-perjodu, is-Sistema Ċentrali għandha awtomatikament tħassar tali data.

2.   Id-data li jkollha x'taqsam ma' ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida kif imsemmi fl-Artikolu 14(1) għandha titħassar mis-Sistema Ċentrali f’konformità mal-Artikolu 28(3) malli l-Istat Membru ta' oriġini jsir jaf b'waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin qabel ma jiskadi l-perjodu ta' 18-il xahar imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu:

(a)

iċ-ċittadin ta' pajjiż terz jew il-persuna apolida jkun ingħatalhom dokument ta’ residenza;

(b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jkunu telqu mit-territorju tal-Istati Membri;

(c)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jkunu akkwistaw iċ-ċittadinanza ta' kwalunkwe Stat Membru.

3.   Is-Sistema Ċentrali għandha, mill-iktar fis u sa mhux iktar tard minn 72 siegħa wara, tinforma lill-Istati Membri ta’ oriġini kollha dwar it-tħassir tad-data għar-raġuni speċifikata fil-paragrafu 2(a) jew (b) ta' dan l-Artikolu jew minn Stat Membru ta’ oriġini ieħor li jkun kiseb hit b’data li jkunu trażmettew relatata mal-persuni msemmija fl-Artikolu 14(1).

4.   Is-Sistema Ċentrali għandha, mill-iktar fis u sa mhux iktar tard minn 72 siegħa wara, tinforma lill-Istati Membri ta’ oriġini kollha dwar it-tħassir tad-data għar-raġuni speċifikata fil-paragrafu 2(c) ta' dan l-Artikolu minn Stat Membru ta’ oriġini ieħor li jkun kiseb hit b’data li jkunu trażmettew relatata ma’ persuni msemmija fl-Artikolu 9(1) jew l-Artikolu 14(1).

KAPITOLU IV

ĊITTADINI TA' PAJJIŻI TERZI JEW PERSUNI APOLIDI LI JINSTABU JOQOGĦDU B'MOD ILLEGALI FI STAT MEMBRU

Artikolu 17

Tqabbil ta' data dwar marki tas-swaba

1.   Sabiex jiġi ċċekkjat jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jinstabu joqogħdu b'mod illegali fit-territorju tiegħu jkunux issottomettew applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, Stat Membru jista' jittrażmetti lis-Sistema Ċentrali kull data dwar marki tas-swaba’ li jkollha x'taqsam ma' marki tas-swaba’ li l-Istat Membru seta’ kien ħa ta' kwalunkwe ċittadin terz jew persuna apolida ta’ mill-inqas 14-il sena flimkien man-numru ta' referenza użat minn dak l-Istat Membru.

Bħala regola ġenerali hemm bażi sabiex isiru kontrolli dwar jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jkunux issottomettew applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor fejn:

(a)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jiddikjaraw li kienu ssottomettew applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iżda mingħajr ma jkunu indikaw l-Istat Membru li fih huma kienu ssottomettew l-applikazzjoni;

(b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida ma jitolbux protezzjoni internazzjonali iżda ma jaċċettawx li jintbagħtu lura lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom billi jgħidu li huma jkunu fil-periklu, jew

(c)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jfittxu b'mod ieħor li ma jħallux li jitneħħew billi jirrifjutaw li jikkooperaw sabiex tiġi determinata l-identità tagħhom, b'mod partikolari billi ma jurux karti tal-identità jew juru karti tal-identità foloz.

2.   Fejn Stati Membri jipparteċipaw fil-proċedura msemmija fil-paragrafu 1, għandhom jittrażmettu lis-Sistema Ċentrali d-data dwar marki tas-swaba’ li jkollha x'taqsam mas-swaba’ kollha jew tal-inqas mas-swaba’ werrejja, u, jekk dawk ikunu neqsin, il-marki tas-swaba’ l-oħra kollha, ta' ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni apolidi kif imsemmi fil-paragrafu 1.

3.   Id-data dwar il-marki tas-swaba’ ta' ċittadin terz jew persuna apolida kif imfisser fil-paragrafu 1 għandha tiġi trażmessa lis-Sistema Ċentrali għall-għan waħdieni ta' tqabbil mad-data dwar marki tas-swaba’ ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali trażmessa minn Stati Membri oħra u diġà rreġistrata fis-Sistema Ċentrali.

Id-data dwar il-marki tas-swaba' ta' tali ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida ma għandhiex tkun irreġistrata fis-Sistema Ċentrali, u lanqas ma għandha tkun imqabbla ma' data trażmessa lis-Sistema Ċentrali taħt l-Artikolu 14(2).

4.   Ladarba r-riżultati tat-tqabbil ta' data dwar marki tas-swaba’jkunu ġew trażmessi lill-Istat Membru ta’ oriġini, ir-reġistrazzjoni tat-tfittxija għandha tinżamm mis-Sistema Ċentrali għall-finijiet tal-Artikolu 28 biss. Ħlief għal dawk l-iskopijiet, l-Istati Membri u s-Sistema Ċentrali ma jistgħu jaħżnu ebda reġistrazzjoni oħra tat-tfittxija.

5.   F'dak li għandu x'jaqsam mat-tqabbil ta' data dwar marki tas-swaba’ trażmessa taħt dan l-Artikolu mad-data dwar marki tas-swaba’ ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali trażmessa minn Stati Membri oħra li ġew diġà maħżuna fis-Sistema Ċentrali, għandhom japplikaw il-proċeduri preskritti fl-Artikolu 9(3) u (5) u fl-Artikolu 25(4).

KAPITOLU V

BENEFIĊJARJI TA' PROTEZZJONI INTERNAZZJONALI

Artikolu 18

Immarkar ta’ data

1.   Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1), l-Istat Membru ta’ oriġini li jkun ta protezzjoni internazzjonali lil applikant għall-protezzjoni internazzjonali li d-data dwaru kienet irreġistrata qabel fis-Sistema Ċentrali taħt l-Artikolu 11 għandu jimmarka d-data rilevanti f’konformità mar-rekwiżiti għall-komunikazzjoni elettronika mas-Sistema Ċentrali stabbilita mill-Aġenzija. Dik il-marka għandu jinħażen fis-Sistema Ċentrali konformement mal-Artikolu 12 għall-finijiet tat-trażmissjoni taħt l-Artikolu 9(5). Is-Sistema Ċentrali għandha tinforma lill-Istati Membri ta' oriġini kollha bl-immarkar ta' data minn Stat Membru ta' oriġini ieħor li jkun kiseb hit fil-każ ta' data li jkunu trażmettew li tkun marbuta ma' persuni msemmija fl-Artikolu 9(1) jew l-Artikolu 14(1). Dawk l-Istati Membri ta’ oriġini għandhom jimmarkaw ukoll is-settijiet tad-data korrispondenti.

2.   Id-data dwar benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali maħżuna fis-Sistema Ċentrali u mmarkata taħt il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha ssir disponibbli għat-tqabbil għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2) għal perjodu ta’ tliet snin wara d-data li fiha s-suġġett tad-data ngħata protezzjoni internazzjonali.

Fejn ikun hemm hit, is-sistema Ċentrali għandha tittrażmetti d-data msemmija fl-Artikolu 11(a) sa (k) għas-settijiet tad-data kollha korrispondenti għall-hit. Is-Sistema Ċentrali ma għandhiex tittrażmetti l-immarkar imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Malli jiskadi l-perjodu ta’ tliet snin, is-Sistema Ċentrali għandha awtomatikament tibblokka tali data milli tiġi trażmessa fil-każ ta’ talba għal tqabbil għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2), filwaqt li tħalli dik id-data disponibbli għat-tqabbil għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) sal-punt ta’ tħassir. Data mblukkata ma għandhiex tiġi trażmessa, u s-Sistema Ċentrali għandha tagħti riżultat negattiv lill-Istat Membru rikjedenti fil-każ ta' hit.

3.   L-Istat Membru ta’ oriġini għandu jneħħi l-marka fuq data jew jiżblokka data li tikkonċerna ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida li d-data tagħhom kienet ġiet preċedentement immarkata jew żblukkata taħt il-paragrafi 1 jew 2 ta' dan l-Artikolu jekk l-istatus tagħhom ġie revokat jew intemm jew it-tiġdid tal-istatus tagħhom ġie rifjutat taħt l-Artikolu 14 jew 19 tad-Direttiva 2011/95/KE.

KAPITOLU VI

PROĊEDURA GĦAT-TQABBIL U T-TRAŻMISSJONI TAD-DATA GĦALL-FINIJIET TAL-INFURZAR TAL-LIĠI

Artikolu 19

Proċedura għat-tqabbil ta' data dwar marki tas-swaba' ma' data tal-Eurodac

1.   Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2) l-awtoritajiet maħtura msemmija fl-Artikoli 5(1) u 7(2) jistgħu jippreżentaw talba elettronika motivata kif huwa previst fl-Artikolu 20(1) flimkien man-numru ta’ referenza użat minnhom, lill-awtorità ta' verifika għat-trażmissjoni għat-tqabbil tad-data dwar marki tas-swaba' lis-Sistema Ċentrali permezz tal-Punt ta' Aċċess Nazzjonali. Wara li tirċievi talba bħal din, l-awtorità ta' verifika għandha tivverifika jekk il-kondizzjonijiet għat-talba għal tqabbil imsemmi fl-Artikolu 20 jew fl-Artikolu 21, kif xieraq, ikunux sodisfatti.

2.   Fejn il-kondizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikoli 20 jew 21 għat-talba għal tqabbil ikunu sodisfatti, l-awtorità ta' verifika għandha tittrażmetti t-talba għal tqabbil lill-Punt ta' Aċċess Nazzjonali li jipproċessaha għas-Sistema Ċentrali skont l-Artikolu 9(3) u (5) għall-finijiet ta' tqabbil mad-data trażmessa lis-Sistema Ċentrali taħt l-Artikoli 9(1) u 14(2).

3.   F'każijiet eċċezzjonali ta' urġenza fejn ikun hemm il-ħtieġa li jiġi pprevenut riskju imminenti assoċjat ma' reat terroristiku jew ma' reat serju ieħor, l-awtorità ta' verifika tista' tittrażmetti d-data dwar il-marki tas-swaba' lill-Punt ta' Aċċess Nazzjonali għal tqabbil immedjatament kif tirċievi t-talba mill-awtorità maħtura u tivverifika ex post jekk il-kondizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikoli 20 jew fl-Artikoli 21 ikunux sodisfatti, inkluż jekk każ eċċezzjonali ta' urġenza kienx jeżisti fir-realtà. Il-verifika ex post għandha ssir mingħajr dewmien żejjed wara l-ipproċessar tat-talba.

4.   Fejn verifika ex post tiddetermina li l-aċċess għal data tal-Eurodac ma kienx ġustifikat, l-awtoritajiet kollha li jkunu aċċeddew għal tali data għandhom iħassru l-informazzjoni kkomunikata mill-Eurodac u għandhom jinfurmaw lill-awtorità ta’ verifika b'tali tħassir.

Artikolu 20

Kondizzjonijiet tal-aċċess għall-Eurodac mill-awtoritajiet maħtura

1.   Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2), l-awtoritajiet maħtura jistgħu jissottomettu talba elettronika motivata għat-tqabbil tad-data dwar marki tas-swaba' mad-data maħżuna fis-Sistema Ċentrali fl-ambitu tas-setgħat tagħhom biss jekk it-tqabbil mal-bażijiet tad-data li ġejjin ma jwasslux sabiex tiġi stabbilita l-identità tas-suġġett tad-data:

tad-data nazzjonali tal-marki tas-swaba';

is-sistemi awtomatizzati ta' identifikazzjoni tal-marki tas-swaba' tal-Istati Membri l-oħra kollha taħt id-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI fejn tqabbil huwa teknikament disponibbli, sakemm ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li t-tqabbil ma’ tali sistemi ma jwassalx sabiex tiġi stabbilita l-identità tas-suġġett tad-data. Tali raġunijiet raġonevoli għandhom jiġu inklużi fit-talba elettronika motivata għal tqabbil mad-data tal-Eurodac mibgħuta mill-awtorità maħtura lill-awtorità ta’ verifika; u

is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża sakemm il-kondizzjonijiet għal tali tqabbil stabbiliti fid-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI ikunu ġew sodisfatti;

u fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

it-tqabbil ikun meħtieġ għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi jew ta' reati kriminali serji oħra, li jfisser li jkun jeżisti tħassib prevalenti ta’ sigurtà pubblika li jirrendi proporzjonat it-tiftix fil-bażi tad-data;

(b)

it-tqabbil ikun meħtieġ f'każ speċifiku (i.e.tqabbil sistematiku ma jitwettaqx); u

(c)

ikun hemm motivazzjonijiet raġonevoli biex wieħed jikkunsidra li t-tqabbil jikkontribwixxi sostanzjalment għall-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta' kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali kkonċernati. Tali raġunijiet raġonevoli jeżistu b’mod partikolari fejn ikun hemm suspett sostanzjat li l-persuna suspettata, l-awtur jew il-vittma ta’ reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor jaqgħu fil-kategorija koperta b’dan ir-Regolament.

2.   It-talbiet għal tqabbil mad-data tal-Eurodac għandhom ikunu limitati għal tiftix bid-data tal-marki tas-swaba'.

Artikolu 21

Kondizzjonijiet għall-aċċess għal data tal-Eurodac mill-Europol

1.   Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2), l-awtorità maħtura tal-Europol tista’ tippreżenta talba elettronika motivata għat-tqabbil ta’ data dwar marki tas-swaba’ mad-data maħżuna fis-Sistema Ċentrali fil-limiti tal-mandat tal-Europol u fejn hu meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol biss jekk it-tqabbil ma’ data dwar marki tas-swaba’ maħżuna fi kwalunkwe sistema ta’ pproċessar ta’ informazzjoni li tkun teknikament u legalment aċċessibbli mill-Europol ma jkunx wassal sabiex tiġi stabbilita l-identità tas-suġġett tad-data u fejn jintlaħqu l-kondizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:.

(a)

It-tqabbil huwa neċessarju biex tiġi appoġġjata u msaħħa azzjoni mill-Istati Membri fil-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati serji oħra li jaqgħu fil-mandat tal-Europol, li jfisser li jkun jeżisti tħassib prevalenti ta’ sigurtà pubblika li jirrendi it-tiftix fil-bażi tad-data xi ħaġa proporzjonata;

(b)

it-tqabbil ikun meħtieġ f'każ speċifiku (jiġifieri tqabbil sistematiku ma jitwettaqx); kif ukoll

(c)

ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jikkunsidra li t-tqabbil jikkontribwixxi sostanzjalment għall-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta' kwalunkwe mir-reati kriminali kkonċernati. Tali motivazzjonijiet raġonevoli jeżistu b’mod partikolari fejn ikun hemm suspett sostanzjat li l-persuna suspettata, l-awtur jew il-vittma ta’ reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor jaqgħu fil-kategorija koperta b’dan ir-Regolament.

2.   It-talbiet għal tqabbil mad-data tal-Eurodac għandhom ikunu limitati għal tqabbil tad-data dwar marki tas-swaba'.

3.   L-ipproċessar tal-informazzjoni miksub mill-Europol mit-tqabbil mad-data tal-Eurodac għandu jkun suġġett għall-awtorizzazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini. Awtorizzazzjoni bħal din għandha tinkiseb permezz tal-unità nazzjonali tal-Europol ta' dak l-Istat Membru.

Artikolu 22

Komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet maħtura, l-awtoritajiet ta’ verifika u l-Punti ta' Aċċess Nazzjonali

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26, kull komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet maħtura, l-awtoritajiet ta’ verifika u l-Punti ta’ Aċċess Nazzjonali għandhom ikunu sikuri u jsiru elettronikament.

2.   Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2), il-marki tas-swaba' għandhom jiġu pproċessati diġitalment mill-Istati Membri u jiġu trażmessi fil-format ta' data msemmi fl-Anness I, sabiex jiġi żgurat li t-tqabbil ikun jista' jseħħ permezz ta' sistema kompjuterizzata ta’ għarfien tal-marki tas-swaba'.

KAPITOLU VII

IPPROĊESSAR TA' DATA, PROTEZZJONI TA' DATA U RESPONSABBILTÀ DWAR DATA

Artikolu 23

Responsabbiltà għall-ipproċessar ta' data

1.   L-Istat Membru ta’ oriġini għandu jkun responsabbli sabiex jiżgura li:

(a)

il-marki tas-swaba’ jittieħdu b'mod legali;

(b)

id-data dwar il-marki tas-swaba' u data oħra msemmija fl-Artikolu 11, l-Artikolu 14(2) u Artikolu 17(2) tkun trażmessa b'mod legali lis-Sistema Ċentrali;

(c)

id-data tkun preċiża u aġġornata meta tkun trażmessa lis-Sistema Ċentrali;

(d)

mingħajr preġudizzju għar-responsabilitajiet tal-Aġenzija, id-data fis-Sistema Ċentrali tkun irreġistrata, maħżuna, korretta u mħassra b'mod legali;

(e)

ir-riżultati ta' tqabbil ta' data dwar marki tas-swaba’ trażmessi mis-Sistema Ċentrali jiġu pproċessati b'mod legali.

2.   F’konformità mal-Artikolu 34, l-Istat Membru ta' oriġini għandu jiżgura s-sigurtà tad-data msemmija fil-paragrafu 1 qabel u matul it-trażmissjoni lis-Sistema Ċentrali kif ukoll is-sigurtà tad-data li jirċievi mis-Sistema Ċentrali.

3.   L-Istat Membru ta' oriġini għandu jkun responsabbli għall-identifikazzjoni finali tad-data taħt l-Artikolu 25(4).

4.   L-Aġenzija għandha tiżgura li s-Sistema Ċentrali tkun operata skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. B'mod partikolari, l-Aġenzija għandha:

(a)

tadotta miżuri li jiżguraw li persuni li jaħdmu mas-Sistema Ċentrali jipproċessaw id-data rreġistrata hemmhekk biss b'mod konformi mal-għanijiet tal-Eurodac kif stabbiliti fl-Artikolu 1;

(b)

tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura s-sigurtà tas-Sistema Ċentrali skont l-Artikolu 34;

(c)

tiżgura li persuni awtorizzati li jaħdmu mas-Sistema Ċentrali biss ikollhom aċċess għaliha, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

L-Aġenzija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kif ukoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data bil-miżuri li tieħu konformement mal-ewwel subparagrafu.

Artikolu 24

Trażmissjoni

1.   Il-marki tas-swaba' għandhom ikunu proċessati diġitalment u trażmessi fil-format tad-data msemmi fl-Anness I. Sa fejn ikun meħtieġ għall-operazzjoni effiċjenti tas-Sistema Ċentrali, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi l-ħtiġiet tekniċi għat-trażmissjoni tal-format tad-data mill-Istati Membri lis-Sistema Ċentrali u viċi versa. L-Aġenzija għandha tiżgura li d-data tal-marki tas-swaba' trażmessa mill-Istati Membri tista’ titqabbel mis-sistema kompjuterizzata tal-għarfien tal-marki tas-swaba'.

2.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu elettronikament id-data msemmija fl-Artikolu 11, l-Artikolu 14(2) u Artikolu 17(2). Id-data msemmija fl-Artikolu 11 u l-Artikolu 14(2) għandha tiġi rreġistrata awtomatikament fis-Sistema Ċentrali. Sa fejn ikun meħtieġ għall-operazzjoni effiċjenti tas-Sistema Ċentrali, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi l-ħtiġijiet tekniċi biex tiżgura li d-data tista’ tiġi trażmessa elettronikament mill-Istati Membri lis-Sistema Ċentrali u viċe versa.

3.   In-numru ta' referenza msemmi fl-Artikoli 11(d), 14(2)(d), 17(1) u 19(1) għandu jagħmilha possibbli li d-data tkun relatata mingħajr ambigwità ma' persuna waħda partikolari u mal-Istat Membru li qed jittrażmetti d-data. Minbarra dan, għandu jagħmilha possibbli li jkun magħruf jekk din id-data għandhiex x'taqsam ma' persuna msemmija fl-Artikolu 9(1), l-Artikolu 14(1)jew l-Artikolu 17(1).

4.   In-numru ta' referenza għandu jibda b'ittra jew ittri ta' identifikazzjoni li bihom, skont in-norma msemmija fl-Anness I, jiġi identifikat l-Istat Membru li jittrażmetti d-data. L-ittra jew ittri ta' identifikazzjoni għandhom ikunu segwiti bl-identifikazzjoni tal-kategorija tal-persuna jew tat-talba. "1" tirriferi għal data rigward persuni msemmija fl-Artikolu 9(1), "2" għall-persuni msemmija fl-Artikolu 14(1) u "3" għall-persuni msemmija fl-Artikolu 17(1), “4” għal talbiet imsemmija fl-Artikolu 20, “5” għal talbiet imsemmija fl-Artikolu “21” u “9” għal talbiet imsemmija fl-Artikolu 29.

5.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi l-proċeduri tekniċi meħtieġa għall-Istati Membri biex jiġi żgurat li s-Sistema Ċentrali tkun irċeviet data mingħajr ambigwità.

6   Is-Sistema Ċentrali għandha tikkonferma kemm jista' jkun malajr li tkun irċeviet id-data trażmessa. Għal dak l-iskop l-Aġenzija għandha tistabbilixxi l-ħtiġijiet tekniċi meħtieġa biex tiżgura li l-Istati Membri jirċievu konferma li d-data tkun ġiet irċevuta, jekk mitluba.

Artikolu 25

Tqabbil u trażmissjoni ta’ riżultati

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trażmissjoni ta' data tal-marki tas-swaba' tkun ta' kwalità xierqa għall-iskopijiet ta' tqabbil permezz ta' sistema kompjuterizzata ta' għarfien tal-marki tas-swaba'. Sa fejn ikun meħtieġ biex ikun żgurat li r-riżultati tat-tqabbil mis-Sistema Ċentrali jilħqu livell għoli ħafna ta' preċiżjoni, l-Aġenzija għandha tiddefinixxi l-kwalità xierqa ta' data tal-marki tas-swaba' trażmessa. Is-Sistema Ċentrali għandha, kemm jista' jkun malajr, tivverifika l-kwalità tad-data tal-marki tas-swaba' trażmessa. Jekk id-data tal-marki tas-swaba' ma tistax titqabbel bl-użu ta' sistema kompjuterizzata ta' għarfien tal-marki tas-swaba', is-Sistema Ċentrali għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat. Dak l-Istat Membru għandu konsegwentement jittrażmetti d-data tal-marki tas-swaba' ta' kwalità xierqa billi juża l-istess numru ta’ referenza tas-sett preċedenti ta' data ta' marki tas-swaba'.

2.   Is-Sistema Ċentrali għandha tagħmel it-tqabbil fl-ordni ta' kif jaslu t-talbiet. Kull talba għandha tinħadem f'24 siegħa. Stat Membru jista' għal raġunijiet li għandhom x'jaqsmu mal-liġi nazzjonali jeħtieġ tqabbil partikolarment urġenti biex isir f'siegħa. Meta dawn il-limiti ta' ħin ma jistgħux ikunu rispettati minħabba ċirkostanzi li huma 'il barra mir-responsabbiltà tal-Aġenzija, is-Sistema Ċentrali għandha tipproċessa t-talba bħala kwistjoni ta' prijorità hekk kif dawk iċ-ċirkostanzi ma jibqgħux aktar fis-seħħ. F'dawn il-każijiet, sa fejn ikun meħtieġ għall-operazzjoni effiċjenti tas-Sistema Ċentrali, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi kriterji biex ikun żgurat li t-talbiet jiġu trattati skont il-prijorità.

3.   Sa fejn ikun meħtieġ għall-operazzjoni effiċjenti tas-Sistema Ċentrali, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi l-proċeduri operattivi għall-ipproċessar tad-data riċevuta u għat-trażmissjoni tar-riżultat tat-tqabbil.

4.   Ir-riżultati tat-tqabbil għandhom jiġu minnufih iċċekkjati fl-Istat Membru li jirċevihom minn espert tal-marki tas-swaba’ kif definit f’konformità mar-regoli nazzjonali, imħarreġ speċifikament fit-tipi differenti ta’ tqabbil ta’ marki tas-swaba’ stipulati f’dan ir-Regolament. Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament, għandha ssir identifikazzjoni finali mill-Istat Membru ta' oriġini b'kooperazzjoni mal-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati, taħt l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013.

Informazzjoni li tiġi rċevuta mis-Sistema Ċentrali li jkollha x'taqsam ma' data oħra li tinstab li ma tkunx affidabbli għandha tiġi mħassra malli tiġi stabbilita l-inaffidabbiltà tad-data.

5.   Fejn l-identifikazzjoni finali skont il-paragrafu 4 turi li r-riżultat tat-tqabbil irċevut mis-Sistema Ċentrali ma jikkorrispondix mad-data tal-marki tas-swaba’ għat-tqabbil, l-Istati Membri għandhom immedjatament iħassru r-riżultat tat-tqabbil u jikkomunikaw dan il-fatt mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard minn tliet ġranet ta’ xogħol lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija.

Artikolu 26

Komunikazzjoni bejn l-Istati Membri u s-Sistema Ċentrali

Data trażmessa mill-Istati Membri lis-Sistema Ċentrali u viċe versa għandha tuża l-Infrastruttura ta’ KomunikazzjoniEurodac. Sa fejn ikun meħtieġ għall-operazzjoni effiċjenti tas-Sistema Ċentrali, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi l-proċeduri tekniċi meħtieġa għall-użu tal-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni.

Artikolu 27

Aċċess għal data rreġistrata fil-Eurodac u l-korrezzjoni u t-tħassir tagħha

1.   L-Istat Membru ta' oriġini għandu jkollu aċċess għal data li hu jkun ittrażmetta u li tkun irreġistrata fis-Sistema Ċentrali skont dan ir-Regolament.

L-ebda Stat Membru ma jista' jagħmel tfittxija fid-data trażmessa minn Stat Membru ieħor, lanqas ma jista' jirċievi dik id-data apparti minn data li tirriżulta mit-tqabbil imsemmi fl-Artikolu 9(5).

2.   L-awtoritajiet tal-Istati Membri li, bis-saħħa tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, ikollhom aċċess għal data rreġistrata fis-Sistema Ċentrali għandhom ikunu dawk maħtura minn kull Stat Membru għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1). Din il-ħatra għandha tispeċifika l-unità proprja responsabbli mit-twettiq tal-kompiti relatati mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Kull Stat Membru għandu jikkomunika lista ta’ dawk l-unitajiet u kwalunkwe emenda għaliha lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija mingħajr dewmien. L-Aġenzija għandha tippubblika l-lista kkonsolidata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fejn ikun hemm emendi, l-Aġenzija għandha tippubblika online lista kkonsolidata aġġornata darba fis-sena.

3.   L-Istat Membru ta' oriġini biss għandu jkollu d-dritt li jemenda d-data li jkun ittrażmetta lis-Sistema Ċentrali billi jikkorreġi jew iżid ma' dik id-data, jew iħassarha kollha, mingħajr preġudizzju għat-tħassir li jsir taħt l-Artikolu 12(2) jew l-Artikolu 16(1).

4.   Jekk Stat Membru jew l-Aġenzija jkollhom evidenza li tissuġġerixxi li data rreġistrata fis-Sistema Ċentrali tkun fil-fatt mhux eżatta, għandhom javżaw lill-Istat Membru ta' oriġini kemm jista' jkun malajr.

Jekk Stat Membru jkollu evidenza li tissuġġerixxi li tkun ġiet irreġistrata data fis-Sistema Ċentrali bi ksur ta' dan ir-Regolament, għandu javża lill-Aġenzija, lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru ta' oriġini kemm jista' jkun malajr. L-Istat Membru tal-oriġini għandu jiċċekkja d-data kkonċernata u, jekk ikun hemm bżonn, jemendaha jew iħassarha mingħajr dewmien.

5.   L-Aġenzija ma għandhiex tittrasferixxi jew tagħmel disponibbli lill-awtoritajiet ta' ebda pajjiż terz data rreġistrata fis-Sistema Ċentrali. Din il-projbizzjoni ma għandhiex tapplika għal trasferimenti ta’ tali data lil pajjiżi terzi li għaliha japplika r-Regolament (UE) Nru 604/2013.

Artikolu 28

Żamma tar-reġistri

1.   L-Aġenzija għandha żżomm reġistrazzjonijiet ta' kull operazzjoni ta' pproċessar ta' data fi ħdan is-Sistema Ċentrali. Dawn ir-reġistrazzjonijiet għandhom juru l-għan, id-data u l-ħin tal-aċċess, id-data trażmessa, id-data użata għal interrogazzjoni u l-isem kemm tal-unità li ddaħħal jew li tikseb id-data u l-persuni responsabbli.

2.   Ir-reġistrazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu jintużaw biss għall-kontroll dwar il-protezzjoni ta' data dwar l-ammissibbiltà tal-ipproċessar ta' data, kif ukoll sabiex jiżguraw is-sigurtà tad-data taħt l-Artikolu 34. Ir-reġistrazzjonijiet għandhom ikunu protetti b'miżuri xierqa kontra aċċess mhux awtorizzat u għandhom jiġu mħassra wara perjodu ta' sena wara li l-perjodu tal-ħżin imsemmi fl-Artikolu 12(1) u fl-Artikolu 16(1) ikun skada, jekk ma jkunux meħtieġa għal proċeduri ta' kontroll li jkunu diġà bdew.

3.   Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1), kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jilħaq l-għanijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu fir-rigward tas-sistema nazzjonali tiegħu. Minbarra dan, kull Stat Membru għandu jżomm reġistri tal-persunal debitament awtorizzat li jdaħħal u jikseb id-data.

Artikolu 29

Drittijiet tas-suġġett tad-data

1.   Persuna koperta bl-Artikolu 9(1), l-Artikolu 14(1) jew l-Artikolu 17(1) għandha tkun infurmata mill-Istat Membru ta’ oriġini bil-miktub, u fejn meħtieġ, oralment, b'lingwa li hija tifhem jew li hija raġonevolment preżunta li tifhem, dwar dan li ġej:

(a)

l-identità tal-kontrollur fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE u tar-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

(b)

l-għan li għalih id-data tal-persuna se tkun ipproċessata fil-Eurodac, inkluża deskrizzjoni tal-għanijiet tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, taħt l-Artikolu 4 tiegħu, u spjegazzjoni, f’forma komprensibbli, bl-użu ta’ lingwa ċara u sempliċi, tal-fatt li l-Eurodac jista' jsir aċċess għalih mill-Istati Membri u mill-Europol għal finijiet ta' infurzar tal-liġi,;

(c)

dawk li jirċievu d-data;

(d)

għal dak li għandu x'jaqsam ma' persuna koperta bl-Artikolu 9(1) jew bl-Artikolu 14(1), l-obbligu li jittieħdulha l-marki tas-swaba’;

(e)

id-dritt tal-aċċess għal data relatata magħha u d-dritt li persuna titlob li data mhux eżatta dwarha tiġi korretta jew li data proċessata illegalment dwarha titħassar, kif ukoll id-dritt li tirċievi informazzjoni dwar il-proċeduri għal eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet, inkluż id-dettalji ta’ kuntatt tal-kontrollur u tal-awtoritajiet tas-sorveljanza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 30(1).

2.   Għal dak li għandu x'jaqsam ma' persuna koperta bl-Artikolu 9(1) jew bl-Artikolu 14(1), l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi pprovduta fil-ħin meta jittieħdu l-marki tas-swaba’ tagħha.

Għal dak li għandu x'jaqsam ma' persuna koperta bl-Artikolu 17(1), l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tingħata mhux aktar tard mill-ħin meta d-data li jkollha x'taqsam ma' dik il-persuna tiġi trażmessa lis-Sistema Ċentrali. Dak l-obbligu m’għandux japplika fejn l-għoti ta' dik l-informazzjoni jirriżulta impossibbli jew ikun jinvolvi sforz sproporzjonat.

Fejn persuna koperta bl-Artikolu 9(1), l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 17(1) tkun minorenni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni b'mod adattat għall-età

3.   Fuljett komuni, li jiġbor fih tal-anqas l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu ta' dan l-Artikolu u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013. għandu jitfassal skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2) ta' dak ir-Regolament.

Il-fuljett għandu jkun ċar u sempliċi, abbozzat f’lingwa li l-persuna kkonċernata tifhem jew li hija raġonevolment preżunta li tifhem.

Il-fuljett għandu jiġi fformulat b'tali mod li jippermetti lill-Istati Membri jimlewh b'informazzjoni addizzjonali speċifika għall-Istat Membru. Din l-informazzjoni speċifika għall-Istat Membru għandha tinkludi għall-inqas id-drittijiet tas-suġġett tad-data, il-possibbiltà ta' assistenza mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali kif ukoll id-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċċju tal-kontrollur u tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali.

4.   Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament, f'kull Stat Membru kwalunkwe suġġett ta' data jista', taħt il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri ta' dak l-Istat, jeżerċita d-drittijiet previsti fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46/KE.

Mingħajr preġudizzju għall-obbligu li jagħti informazzjoni oħra skont l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46/KE, is-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jikseb komunikazzjoni tad-data li jkollha x'taqsam miegħu reġistrata fis-Sistema Ċentrali u tal-Istat Membru li ttrażmettiehom lis-Sistema Ċentrali. Tali aċċess għad-data jista' jingħata biss minn Stat Membru.

5.   Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1), f'kull Stati Membri, kwalunkwe persuna tista' titlob li data li tkun fattwalment mhux preċiża tiġi kkoreġuta jew li dik id-data li tkun ġiet reġistrata kontra l-liġi tiġi mħassra. Il-korrezzjoni u t-tħassir għandhom jitwettqu mingħajr dewmien eċċessiv mill-Istat Membru li ttrażmetta d-data, taħt il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri tiegħu.

6.   Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1), jekk id-drittijiet ta' korrezzjoni u tħassir jiġu eżerċitati fi Stat Membru li ma jkunx dak li, jew ma jkunux dawk li, ttrażmettew id-data, l-awtoritajiet ta' dak l-Istat Membru għandhom jikkomunikaw mal-awtoritajiet tal-Istat Membru jew Stati Membri li jkunu ttrażmettew id-data sabiex dan tal-aħħar ikun jista' jiċċekkja l-korrettezza tad-data u l-legalità tat-trażmissjoni u r-reġistrazzjoni tagħha fis-Sistema Ċentrali.

7.   Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1), jekk jinstab li data rreġistrata fis-Sistema Ċentrali tkun fil-fatt impreċiża jew tkun ġiet irreġistrata kontra l-liġi, l-Istat Membru li ttrażmettieha għandu jikkoreġi jew iħassar id-data taħt l-Artikolu 27(3). Dak l-Istat Membru għandu jikkonferma bil-miktub lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien eċċessiv li hu jkun ħa l-passi sabiex jikkoreġi jew iħassar id-data dwaru.

8.   Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1), jekk l-Istat Membru li ttrażmetta d-data ma jaqbilx li data rreġistrata fis-Sistema Ċentrali hija fattwalment impreċiża jew li ġiet irreġistrata kontra l-liġi, għandu jispjega bil-miktub lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien eċċessiv ir-raġuni għaliex mhuwiex lest li jikkoreġi jew iħassar id-data.

Dak l-Istat Membru għandu jipprovdi wkoll lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li tispjega liema passi jista' jieħu jekk hu ma jaċċettax l-ispjegazzjoni mogħtija. Din għandha tinkludi informazzjoni dwar kif tiġi istitwita kawża jew, jekk ikun xieraq, kif jitressaq ilment quddiem l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati ta' dak l-Istat Membru u kull għajnuna finanzjarja jew għajnuna oħra li tkun disponibbli taħt il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri ta' dak l-Istat Membru.

9.   Kwalunkwe talba skont il-paragrafi 4 u 5 għandu jkun fiha d-dettalji kollha neċessarji sabiex ikun identifikat is-suġġett tad-data, inklużi l-marki tas-swaba’. Tali informazzjoni għandha tintuża esklużivament sabiex tippermetti l-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 4 u 5 u għandha tiġi mħassra immedjatament wara.

10.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw b'mod attiv sabiex jinfurzaw fil-pront id-drittijiet stabbiliti fil-paragrafi 5, 6 u 7.

11.   Kull meta persuna titlob data marbuta magħha skont il-paragrafu 4, l-awtorità kompetenti għandha żżomm reġistru fil-forma ta’ dokument bil-miktub li saret din it-talba u kif din ġiet indirizzata, u għandha tagħmel dak id-dokument disponibbli lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali mingħajr dewmien.

12.   Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament, f'kull Stat Membru, l-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali għandha, abbażi tat-talba tiegħu jew tagħha, tassisti lis-suġġett tad-data skont l-Artikolu 28(4) tad-Direttiva 95/46/KE fl-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu.

13.   Għall-finijiet stabbilti fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament, l-Awtorità ta’ Sorveljanza Nazzjonali tal-Istat Membru li ttrażmetta d-data u l-Awtorità ta’ Sorveljanza Nazzjonali tal-Istat Membru li fih is-suġġett is-suġġett tad-data jkun preżenti għandhom jassistu u, fejn mitlub, jagħtuh parir fl-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu sabiex tkun ikkoreġuta jew titħassar id-data. Iż-żewġ awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali għandhom jikkooperaw għal dan il-għan. Talbiet għal tali għajnuna jistgħu jkunu magħmula lill-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali tal-Istat Membru li fih is-suġġett tad-data jkun preżenti, li għandha tittrażmetti t-talbiet lill-awtorità tal-Istat Membru li ttrażmetta d-data.

14.   F'kull Stat Membru kwalunkwe persuna tista', taħt il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri ta' dak l-Istat, tieħu azzjoni jew, jekk ikun xieraq, tressaq ilment quddiem l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati ta' dak l-Istat jekk lilha jiġi rrifjutat id-dritt ta' aċċess preskritt fil-paragrafu 4.

15.   Kwalunkwe persuna tista', taħt il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri tal-Istat Membru li ttrażmetta d-data, tieħu azzjoni jew, jekk ikun xieraq, tressaq ilment quddiem l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati ta' dak l-Istat dwar id-data relatata magħha rreġistrata fis-Sistema Ċentrali, sabiex teżerċita d-drittijiet tagħha skont il-paragrafu 3. L-obbligu tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali sabiex jassistu u, fejn mitlub, jagħtu parir lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 13 jibqa' jeżisti matul il-proċedimenti.

Artikolu 30

Sorveljanza mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali

1.   Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu jipprovdi li l-awtorità jew awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali maħtura skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46/KE jissorveljaw b’mod indipendenti, taħt il-liġi nazzjonali rispettiva tagħha, il-legalità tal-ipproċessar, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, ta' data personali mill-Istat Membru inkwistjoni, inkluża t-trażmissjoni tagħha lis-Sistema Ċentrali.

2.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-Awtorità ta’ Sorveljanza Nazzjonali tiegħu jkollha aċċess għal parir minn persuni b'għarfien suffiċjenti dwar data dwar il-marki tas-swaba’.

Artikolu 31

Sorveljanza mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

1.   Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jiżgura li l-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data personali li jirrigwardaw lill-Eurodac, partikolarment mill-Aġenzija, jitwettqu skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ma' dan ir-Regolament.

2.   Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jiżgura li ssir verifika tal-attivitajiet ta' pproċessar ta' data personali tal-Aġenzija skont l-istandards internazzjonali ta' verifika mill-inqas kull tliet snin. Għandu jintbagħat rapport ta' tali verifika lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija, u lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali. L-Aġenzija għandha tingħata opportunità li tikkumenta qabel jiġi adottat ir-rapport.

Artikolu 32

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

1.   L-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom, filwaqt li kull wieħed minnhom jaġixxi fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tiegħu, jikkooperaw attivament fil-qafas tar-responsabbiltajiet tagħhom u għandhom jiżguraw sorveljanza kkoordinata tal-Eurodac.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull sena ssir verifika tal-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2) minn entità indipendenti, f’konformità mal-Artikolu 33(2), inkluża analiżi ta’ kampjun ta’ talbiet elettroniċi motivati.

Il-verifika għandha tiġi mehmuża mar-rapport annwali tal-Istati Membri msemmi fl-Artikolu 40(7).

3.   L-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom, filwaqt li jaġixxu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jagħmlu skambju ta' informazzjoni rilevanti, jassistu lil xulxin fit-twettiq ta' verifiki u ispezzjonijiet, jeżaminaw diffikultajiet ta' interpretazzjoni jew applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jistudjaw problemi fl-eżerċizzju ta' sorveljanza indipendenti jew fl-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, ifasslu proposti armonizzati għal soluzzjonijiet konġunti għal kull problema u jippromwovu kuxjenza dwar id-drittijiet ta' protezzjoni tad-data, skont il-ħtieġa.

4.   Għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafu 3,l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom jiltaqgħu mill-inqas darbtejn fis-sena. L-ispejjeż u s-servizzi ta' appoġġ ta' dawn il-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Għandhom jiġu adottati r-regoli ta' proċedura fl-ewwel laqgħa. Metodi ta' ħidma ulterjuri għandhom jiġu żviluppati b'mod konġunt skont il-bżonn. Rapport konġunt ta' attivitajiet għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija kull sentejn.

Artikolu 33

Il-protezzjoni ta’ data personali għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi

1.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi sabiex id-dispożizzjonijiet adottati taħt il-liġi nazzjonali li jimplimentaw id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI jkunu applikabbli wkoll għall-ipproċessar tad-data personali mill-aworitajiet nazzjonali tiegħu għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolamenti.

2.   Il-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data personali taħt dan ir-Regolament mill-Istati Membri għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolamenti, inkluża t-trażmissjoni tagħhom lil u mill-, għandu jsir mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali maħtura skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

3.   L-ipproċessar tad-data personali mill-Europol taħt dan ir-Regolament għandu jkun f'konformità mad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI u għandu jiġi ssorveljat minn superviżur estern indipendenti tal-protezzjoni tad-data. L-Artikoli 30, 31 u 32 ta' dik id-Deċiżjoni għandhom ikunu applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol konformement ma' dan ir-Regolament. Is-superviżur estern indipendenti tal-protezzjoni tad-data għandu jiżgura li d-drittijiet tal-individwu ma jinkisrux.

4.   Id-data personali miksuba skont dan ir-Regolament mill-Eurodac għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2) għandha tkun ipproċessata biss għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni tal-każ speċifiku li għalih id-data ġiet mitluba minn Stat Membru jew mill-Europol.

5.   Is-Sistema Ċentrali, l-awtoritajiet maħtura u ta' verifika u l-Europol għandhom iżommu rekords tat-tiftixiet sabiex l-awtoritajiet nazzjonali ta' protezzjoni tad-data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jkunu jistgħu jimmonitorjaw il-konformità tal-ipproċessar tad-data mar-regoli tal-Unjoni dwar l-ipproċessar tad-data, inkluż għall-fini li jinżammu rekords sabiex jiġu imħejjija r-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 40(7). Ħlief għal dawn il-finijiet, id-data personali, kif ukoll ir-reġistrazzjoni tat-tiftix, għandhom jitħassru mill-fajls kollha nazzjonali u tal-Europol wara perjodu ta' xahar, ħlief jekk id-data tkun meħtieġa għall-finijiet tal-investigazzjoni kriminali speċifika li tkun għaddejja u li għaliha tkun intalbet id-data minn xi Stat Membru jew mill-Europol.

Artikolu 34

Sigurtà tad-data

1.   L-Istat Membru ta’ oriġini għandu jiżgura s-sigurtà tad-data qabel u waqt it-trażmissjoni lis-Sistema Ċentrali.

2.   Kull Stat Membru għandu, relattivament għad-data kollha pproċessata mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu taħt dan ir-Regolament, jadotta l-miżuri neċessarji, inkluż pjan ta' sigurtà, sabiex:

(a)

jipproteġi b'mod fiżiku d-data, inkluż billi joħloq pjanijiet ta' kontinġenza għall-protezzjoni ta' infrastruttura kritika;

(b)

jiċħad l-aċċess għal persuni mhux awtorizzati għal installazzjonijiet nazzjonali li fihom l-Istat Membru jwettaq operazzjonijiet f’konformità mal-finijiet tal-Eurodac (kontrolli mad-dħul fl-installazzjoni);

(c)

jipprevjeni l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzati ta' midja tad-data (kontroll tal-midja tad-data);

(d)

jipprevjeni l-input mhux awtorizzat ta' data u l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta’ data personali maħżuna (kontroll tal-ħażna);

(e)

jipprevjeni l-ipproċessar mhux awtorizzat ta' data fil-Eurodac u kwalunkwe modifika jew tħassir mhux awtorizzati ta' data pproċessata fil-Eurodac (kontroll ta' input ta' data);

(f)

jiżgura li l-persuni awtorizzati għal aċċess għall-Eurodac ikollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni tal-aċċess tagħhom, permezz ta’ user IDs individwali u uniċi u modi ta' aċċess kunfidenzjali (kontroll tal-aċċess għad-data);

(g)

jiżgura li l-awtoritajiet kollha bi dritt ta’ aċċess għall-Eurodac joħolqu profili li jiddeskrivu l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-persuni li huma awtorizzati għal aċċess, input, aġġornament, tħassir u tiftix ta’ data u jagħmlu dawk il-profili u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li dawk l-awtoritajiet jistgħu jirrikjedu għal skopijiet ta' superviżjoni disponibbli għall-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE u fl-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI mingħajr telf ta’ żmien b'talba tagħhom (profili tal-persunal);

(h)

jiżgura li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit lil liema entitajiet tista' tiġi trażmessa data personali bl-użu ta' tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-komunikazzjoni);

(i)

jiżgura li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data ġiet ipproċessata fil-Eurodac, meta, minn min u għal liema skop (kontroll tar-reġistrazzjoni tad-data);

(j)

jipprevjeni l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzat ta' data personali matul it-trażmissjoni ta’ data personali lil jew mill-Eurodac jew waqt it-trasport ta' midja tad-data, b’mod partikolari permezz ta’ tekniki xierqa ta' kodifikazzjoni (kontroll tat-trasport).

(k)

jimmonitorja l-effettività tal-miżuri ta' sigurtà msemmija f'dan il-paragrafu u jieħu l-miżuri organizzattivi meħtieġa relatati mal-monitoraġġ intern sabiex jiżgura konformità ma' dan ir-Regolament (awto-verifika) u biex fi żmien 24 siegħa jidentifika awtomatikament kull każ relevanti fl-applikazzjoni ta’ miżuri elenkati fil-punti (b) sa (j) li jistgħu jindikaw is-seħħ ta' inċident ta' sigurtà.

3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija dwar inċidenti ta' sigurtà identifikati fis-sistemi tagħhom. L-Aġenzija għandha tinforma lill-Istati Membri, lill-Europol u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f'każ ta' inċidenti ta' sigurtà. L-Istati Membri kkonċernati, l-Aġenzija u l-Europol għandhom jikkollaboraw waqt inċident ta’ sigurtà.

4.   L-Aġenzija għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tilħaq l-għanijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 fir-rigward tal-operazzjoni tal-Eurodac, inkluża l-adozzjoni ta' pjan ta' sigurtà.

Artikolu 35

Projbizzjoni tat-trasferimenti tad-data lil pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali jew entitajiet privati

1.   Id-data personali miksuba minn Stat Membru jew il-Europol taħt dan ir-Regolament mis-Sistema Ċentrali m'għandhiex tiġi trasferita jew titpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ ebda pajjiż terz, organizzazzjoni internazzjonali jew entità privata stabbilita fl-Unjoni jew barra minnha. Din il-projbizzjoni għandha tapplika wkoll jekk din id-data tiġi pproċessata ulterjorment fil-livell nazzjonali jew bejn Stati Membri fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

2.   Data personali li tkun oriġinat fi Stat Membru u skambjata bejn Stati Membri konsegwentement għal hit miksuba għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2) ma għandhiex tiġi ttrasferita lil pajjiżi terzi jekk ikun hemm riskju serju li bħala riżultat ta’ tali trasferiment is-suġġett tad-data jista’ jiġi suġġett għal tortura, trattament jew kastig inuman u degradanti jew kwalunkwe ksur ta’ drittijiet fundamentali.

3.   Il-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jittrasferixxu tali data lil pajjiżi terzi li japplika għalihom ir-Regolament (UE) Nru 604/2013.

Artikolu 36

Reġistrazzjoni u dokumentazzjoni

1.   Kull Stat Membru u l-Europol għandhom jiżguraw li l-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data kollha li jirriżultaw minn talbiet għal tqabbil mad-data tal-Eurodac għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2) jiġu rreġistrati jew dokumentati għall-finijiet tal-verifika tal-ammissibbiltà tat-talba, u l-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data u l-integrità u s-sigurtà tad-data u għall-awto-monitoraġġ.

2.   Ir-reġistrazzjoni jew id-dokumentazzjoni għandhom juru fil-każi kollha:

(a)

l-iskop preċiż tat-talba għat-tqabbil, inkluża l-forma kkonċernata tar-reat terroristiku jew ta’ reat kriminali serju ieħor u, għall-Europol, l-iskop preċiż tat-talba għat-tqabbil;

(b)

ir-raġunijiet raġonevoli mogħtija biex ma jsirx tqabbil ma’ Stati Membri oħra taħt id-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, f’konformità mal-Artikolu 20(1) ta' dan ir-Regolament;

(c)

ir-referenza tal-fajl nazzjonali;

(d)

id-data u l-ħin preċiż tat-talba għat-tqabbil mill-Punt ta' Aċċess Nazzjonali lis-Sistema Ċentrali;

(e)

l-isem tal-awtorità li tkun talbet l-aċċess għat-tqabbil, u l-persuna responsabbli li tkun għamlet it-talba u li pproċessat id-data;

(f)

fejn ikun applikabbli l-użu ta' proċedura urġenti msemmija fl-Artikolu 19(3) u d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tal-verifika ex post;

(g)

id-data użata għat-tqabbil;

(h)

f’konformità mar-regoli nazzjonali jew mad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI, il-marka li tidentifika lill-uffiċjal li jkun għamel it-tiftix u l-uffiċjal li jkun ordna t-tiftix jew il-forniment ta’ data.

3.   Ir-reġistrazzjonijiet u d-dokumentazzjoni għandhom jintużaw biss għall-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data u sabiex ikunu żgurati l-integrità u s-sigurtà tad-data. Huma biss reġistrazzjonijiet ta' data mhux personali li jistgħu jintużaw għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 40. L-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali kompetenti responsabbli għall-verifika tal-ammissibbiltà tat-talba u l-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data u l-integrità u s-sigurtà tad-data għandu jkollhom aċċess għal dawn ir-reġistrazzjonijiet fuq talba tagħhom bl-iskop li jaqdu dmirijiethom.

Artikolu 37

Responsabbiltà

1.   Kwalunkwe persuna jew Stat Membru li jkunu sofrew ħsara minħabba operazzjoni ta' proċessar illegali jew minħabba kwalunkwe att inkompatibbli ma' dan ir-Regolament għandhom ikunu intitolati li jirċievu kumpens mill-Istat Membru responsabbli għall-ħsara li jkun sofrew. Dak l-Istat għandu jkun eżentat mir-responsabbiltà tiegħu, interament jew parzjalment, jekk jagħti prova li ma jkunx responsabbli għall-kwistjoni li tkun ikkawżat il-ħsara.

2.   Jekk in-nuqqas ta' Stat Membru milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu taħt dan ir-Regolament jikkawża ħsara lis-Sistema Ċentrali, dak l-Istat Membru għandu jinżamm responsabbli għal dik il-ħsara, sakemm u sa fejn l-Aġenzija jew Stat Membru ieħor ma jkunux naqsu milli jieħdu passi raġonevoli sabiex iżommu milli ssir ħsara jew sabiex jimminimizzaw l-impatt.

3.   Talbiet għal kumpens kontra Stat Membru għall-ħsara msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu regolati mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jrid jiddefendi ruħu.

KAPITOLU VIII

EMENDI GĦAR-REGOLAMENT (UE) Nru 1077/2011

Artikolu 38

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1077/2011

Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 5 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 5

Kompiti relatati mal-Eurodac

Fir-rigward tal-Eurodac, l-Aġenzija għandha twettaq:

(a)

il-kompiti konferiti fuqha bir-Regolament (UE) Nru 603/2013. [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 ta' Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-"Eurodac" għat-tqabbil ta' marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru [604/2013] [li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida] u fuq talbiet għat-tqabbil ma' data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi (*); u

(b)

il-kompiti relatati ma’ taħriġ dwar l-użu tekniku tal-Eurodac.

(*)  ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1.”;"

(2)

L-Artikolu 12(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (u) u (v) jinbidlu b'dan li ġej:

"(u)

jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tas-Sistema Ċentrali tal-Eurodac skont l-Artikolu 40(1) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013;

(v)

jagħmel kummenti dwar ir-rapporti tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-verifiki skont l-Artikolu 45(2) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006, l-Artikolu 42(2) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 u l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 603/2013 u jiżgura segwitu xieraq ta' dawk il-verifiki;";

(b)

il-punt (x) jinbidel b'dan li ġej:

"(x)

jiġbor statistiki dwar il-ħidma tas-Sistema Ċentrali tal-Eurodac skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru. 603/2013;";

(c)

il-punt (z) jinbidel b'dan li ġej:

"(z)

jiżgura l-pubblikazzjoni annwali tal-lista ta’ unitajiet skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013;";

(3)

L-Artikolu 15(4) jinbidel b'dan li ġej:

"4.   Il-Europol u l-Eurojust jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija bħala osservaturi meta fuq l-aġenda jkun hemm kwistjoni li tikkonċerna s-SIS II, fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI. Il-Europol jista’ jattendi wkoll il-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija bħala osservatur meta fuq l-aġenda jkun hemm kwistjoni li tikkonċerna l-VIS, fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI, jew meta jkun hemm kwistjoni li tikkonċerna lill-Eurodac, relattivament għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 603/2013, fuq l-aġenda.";

(4)

L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 5, il-punt (g) jinbidel b'dan li ġej:

"(g)

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali, jistabbilixxi rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità sabiex ikun konformi mal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006, l-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, l-Artikolu 26(9) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013;";

(b)

fil-paragrafu 6, il-punt (i) jinbidel b'dan li ġej:

"(i)

jirrapporta dwar il-funzjonament tekniku ta’ kull sistema tal-IT fuq skala kbira msemmija fl-Artikolu 12(1)(t) u r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tas-Sistema Ċentrali tal-Eurodac imsemmija fl-Artikolu 12(1)(u), abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.";

(5)

L-Artikolu 19(3) jinbidel b'dan li ġej:

"3.   Il-Europol u l-Eurojust jistgħu jaħtru rappreżentant kull wieħed għall-Grupp Konsultattiv tas-SIS II. Il-Europol jista’ jaħtar ukoll rappreżentant għall-Gruppi Konsultattivi tal-VIS u tal-Eurodac.".

KAPITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 39

Spejjeż

1.   L-ispejjeż li jirriżultaw b'konnessjoni mat-twaqqif u t-tħaddim tas-Sistema Ċentrali u l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni għandhom jinġarrbu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-ispejjeż li jsiru minn punti ta’ aċċess nazzjonali u l-ispejjeż għall-konnessjoni mas-Sistema Ċentrali għandhom jinġarrbu minn kull wieħed mill-Istati Membri.

3.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jżomm bi spejjeż tiegħu l-infrastruttura teknika meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u jkun responsabbli għall-ispejjeż li jirriżultaw mit-talbiet għal tqabbil mad-data tal-Eurodac għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 40

Rapport annwali: monitoraġġ u valutazzjoni

1.   L-Aġenzija għandha tissottometti rapport annwali dwar l-attivitajiet tas-Sistema Ċentrali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, inkluż dwar il-funzjonament u s-sigurtà tagħha. Ir-rapport annwali għandu jinkludi informazzjoni dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni tal-Eurodac skont indikaturi kwantitattivi definiti minn qabel għall-għanijiet imsemmijin fil-paragrafu 2.

2.   L-Aġenzija għandha tiżgura li jkunu stabbiliti proċeduri sabiex jimmonitorjaw il-funzjonament tas-Sistema Ċentrali skont l-għanijiet relatati mal-output, l-effettività fil-konfront tal-ispejjeż magħmula u l-kwalità ta' servizz.

3.   Għall-finijiet tal-manutenzjoni teknika, ir-rappurtar u l-istatistika, l-Aġenzija għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa relatata mal-operazzjonijiet tal-ipproċessar magħmula fis-Sistema Ċentrali.

4.   Sa 20 ta’ Lulju 2018 u kull erba’ snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippreżenta valutazzjoni ġenerali tal-Eurodac, billi teżamina r-riżultati miksuba meta mqabbla mal-għanijiet, u l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali, inkluż jekk l-aċċess għall-infurzar tal-liġi wassalx għal diskriminazzjoni indiretta kontra persuni koperti b'dan ir-Regolament, u tagħmel stima dwar il-validità kontinwata tar-raġunijiet bażiċi li għalihom ġie mwaqqaf, u kull implikazzjoni għal ħidmiet fil-futur, u għandha tagħmel kwalunkwe rakkomandazzjoni meħtieġa. Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex ifasslu r-rapport annwali msemmi fil-paragrafi 1.

6.   L-Aġenzija, l-Istati Membri u l-Europol għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex jitfasslu r-rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 5. Din l-informazzjoni ma għandhiex tippreġudika l-metodi ta' ħidma u lanqas tinkludi informazzjoni li tiżvela s-sorsi, il-membri tal-persunal jew investigazzjonijiet tal-awtoritajiet maħtura.

7.   Filwaqt li jirrispetta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni sensittiva, kull Stat Membru u l-Europol għandhom jippreparaw rapporti annwali dwar l-effettività tat-tqabbil tad-data tal-marki tas-swaba' mad-data tal-Eurodac għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, li jkun fihom informazzjoni u statistika dwar:

l-iskop preċiż tat-tqabbil, inkluż it-tip ta' reat terroristiku jew reat kriminali serju,

ir-raġunijiet raġjonevoli mogħtija biex ma jsirx tqabbil ma’ Stati Membri oħra taħt id-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, f’konformità mal-Artikolu 20(1) ta' dan ir-Regolament,

in-numru ta' talbiet għal tqabbil,

in-numru u t-tip ta' każijiet li rriżultaw f'identifikazzjonijiet pożittivi, u

il-ħtieġa u l-użu tal-każ eċċezzjonali ta’ urġenza, inklużi dawk il-każijiet fejn l-urġenza ma ġietx aċċettata mill-verifika ex post magħmula mill-awtorità ta’ verifika.

Ir-rapporti annwali tal-Istati Membri u tal-Europol għandhom jiġu trażmessi lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara.

8.   Abbażi tar-rapporti annwali tal-Istati Membri u tal-Europol previsti fil-paragrafu 8 u b’żieda mal-valutazzjoni ġenerali prevista fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport annwali dwar l-aċċess tal-infurzar tal-liġi għall-Eurodac u għandha tittrażmettiha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Artikolu 41

Pieni

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kwalunkwe pproċessar ta' data mdaħħla fis-Sistema Ċentrali li ma jaqbilx mal-għanijiet tal-Eurodac kif stabbilit fl-Artikolu 1 ikun punibbli b'penali, inkluż penali amministrattivi u/jew kriminali taħt il-liġi nazzjonali, li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 42

Ambitu territorjali

Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ma għandhom japplikaw għal ebda territorju li r-Regolament (UE) Nru 604/2013 ma' japplikax għalih.

Artikolu 43

Notifika tal-awtoritajiet maħturin u tal-awtoritajiet ta' verifika

1.   Sal-20 ta' Ottubru 2013 kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet maħtura tiegħu, bl-unitajiet operattivi msemmija fl-Artikolu 5(3) u bl-awtorità ta’ verifika tiegħu, u għandu jinnotifika mingħajr dewmien kwalunkwe emenda li ssirilhom.

2.   Sal-20 ta' Ottubru 2013 il-Europol għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-awtorità maħtura tiegħu, bl-awtorità ta’ verifika tiegħu u bil-Punt ta’ Aċċess Nazzjonali li jkun stabbilixxa, u għandu jinnotifika mingħajr dewmien kwalunkwe emenda li ssirilhom.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fuq bażi annwali u permezz ta’ pubblikazzjoni elettronika li tkun disponibbli online u aġġornata mingħajr dewmien.

Artikolu 44

Dispożizzjoni tranżizzjonali

Data mblukkata fis-Sistema Ċentrali taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 2725/2000 għandha tiġi żblukkata u mmarkata skont l-Artikolu 18(1) ta' dan ir-Regolament fl-20 ta' Lulju 2015.

Artikolu 45

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 2725/2000 u r-Regolament -(KE) Nru 407/2002 b'dan jitħassru b’effett mill-20 ta' Lulju 2015.

Ir-referenzi għar-Regolamenti mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 46

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-20 ta' Lulju 2015.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-Kummissjoni u l-Aġenzija malli jkunu għamlu l-arranġamenti tekniċi biex tiġi trażmessa d-data lis-Sistema Ċentrali, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-20 ta' Lulju 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A. SHATTER


(1)  ĠU C 92, 10.4.2010, p. 1.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Ġunju 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2013.

(3)  ĠU L 316, 15.12.2000, p. 1.

(4)  ĠU L 62, 5.3.2002, p. 1.

(5)  Ara paġna 31 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3.

(7)  ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

(8)  ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.

(9)  ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9.

(10)  ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1.

(11)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(12)  ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.

(13)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 129.

(14)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(15)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

(16)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS I

Formola għal format tad-data u marki tas-swaba'

Format tad-data għall-iskambju tad-data tal-marki tas-swaba’

Il-format li ġej huwa preskritt għall-iskambju tad-data dwar marki tas-swaba':

ANSI/NIST-ITL 1a-1997, Ver.3, Ġunju 2001 (INT-1) u kull żvilupp futur ta' dan l-istandard.

In-norma tal-ittri ta' identifikazzjoni tal-Istati Membri

Għandha tapplika n-norma ISO li ġejja: ISO 3166 – kodiċi b'2 ittri.

Image

ANNESS II

Regolamenti mħassra (imsemmija fl-artikolu 45)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000

(ĠU L 316, 15.12.2000, p. 1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 407/2002

(ĠU L 62, 5.3.2002, p. 1.)


ANNESS III

Tabella ta' korrelazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 2725/2000

Dan ir-Regolament

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(2), l-ewwel subparagrafu, punti (a) u (b)

Artikolu 3(1)(a)

Artikolu 1(2), l-ewwel subparagrafu, punt (c)

Artikolu 1(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 3(4)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(3)

Artikolu 2(1)(a)

Artikolu 2(1)(b) sa (e)

Artikolu 2(1)(a) sa (d)

Artikolu 2(1)(e) sa (j)

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(3)

Artikolu 3(3)(a) sa (e)

Artikolu 8(1)(a) sa (e)

Artikolu 8(1)(f) sa (i)

Artikolu 3(4)

Artikolu 4(1)

Artikolu 9(1) u l-Artikolu 3(5)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(3)

Artikolu 9(3)

Artikolu 4(4)

Artikolu 9(4)

Artikolu 4(5)

Artikolu 9(5)

Artikolu 4(6)

Artikolu 25(4)

Artikolu 5(1), punti (a) sa (f)

Artikolu 11, punti (a) sa (f)

Artikolu 11, punti (g) sa (k)

Artikolu 5(1), punti (g) u (h)

Artikolu 6

Artikolu 12

Artikolu 7

Artikolu 13

Artikolu 8

Artikolu 14

Artikolu 9

Artikolu 15

Artikolu 10

Artikolu 16

Artikolu 11(1) sa (3)

Artikolu 17(1) sa (3)

Artikolu 11(4)

Artikolu 17(5)

Artikolu 11(5)

Artikolu 17(4)

Artikolu 12

Artikolu 18

Artikolu 13

Artikolu 23

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 27

Artikolu 16

Artikolu 28(1) u (2)

Artikolu 28(3)

Artikolu 17

Artikolu 37

Artikolu 18

Artikolu 29(1), (2), (4) sa (10) u (12) sa (15)

Artikolu 29(3) u (11)

Artikolu 19

Artikolu 30

Artikoli 31 sa 36

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 39(1) u (2)

Artikolu 22

Artikolu 23

Artikolu 24(1) u (2)

Artikolu 40(1) u (2)

Artikolu 40(3) sa (8)

Artikolu 25

Artikolu 41

Artikolu 26

Artikolu 42

Artikoli 43 sa 45

Artikolu 27

Artikolu 46


Ir-Regolament 407/2002/KE

Dan ir-Regolament

Artikolu 2

Artikolu 24

Artikolu 3

Artikolu 25(1) sa (3)

Artikolu 25(4) u (5)

Artikolu 4

Artikolu 26

Artikolu 5(1)

Artikolu 3(3)

Anness I

Anness I

Anness II

 


Top