EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0409

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013 tat- 3 ta’ Mejju 2013 dwar id-definizzjoni ta’ proġetti komuni, it-twaqqif ta’ governanza u l-identifikazzjoni ta’ inċentivi li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 123, 4.5.2013, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 026 P. 212 - 218

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 22/02/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/409/oj

4.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 409/2013

tat-3 ta’ Mejju 2013

dwar id-definizzjoni ta’ proġetti komuni, it-twaqqif ta’ governanza u l-identifikazzjoni ta’ inċentivi li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 15a tiegħu,

Billi:

(1)

Il-qafas regolatorju tal-Ajru Uniku Ewropew jinkludi l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

L-applikazzjoni tal-qafas regolatorju tal-Ajru Uniku Ewropew għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

(3)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2011 (3), il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ governanza u inċentivi għall-mobilizzazzjoni tas-SESAR (Riċerka u żvilupp tal-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew) ibbażati fuq l-Artikolu 15a tar-Regolament (KE) Nru 550/2004. Dawn il-mekkaniżmi jinkludu proġetti komuni, li għandhom jgħinu l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Pjan Regolatorju għall-ATM; gwida dwar proġetti komuni, li għandha tistabbilixxi qafas vinkolanti dwar kif il-proġetti komuni jistgħu jappoġġjaw tali implimentazzjoni; u mekkaniżmi ta’ governanza li għandhom jiżguraw mobilizzazzjoni f’waqtha, ikkoordinata u sinkronizzata billi jistabbilixxu allokazzjoni ċara ta’ responsabbiltajiet fost il-partijiet interessati.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 għandu l-għan li jgħin lill-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru jtejbu l-infrastruttura kollettiva tan-navigazzjoni tal-ajru, il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru u l-użu tal-ispazju tal-ajru billi jaħdmu flimkien fuq proġetti komuni. L-għan huwa wkoll li jitħaffef l-mobilizzazzjoni tal-proġett ta’ Riċerka u Żvilupp tal-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR).

(5)

SESAR huwa l-proġett stabbilit sabiex jimmodernizza s-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru Ewropew. Huwa l-pilastru teknoloġiku tal-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew.

(6)

SESAR jikkonsisti fi tliet fażijiet: il-fażi ta’ definizzjoni biex jiġi definit il-kontenut tal-ġenerazzjoni li tmiss ta’ sistemi tal-ATM; il-fażi ta’ żvilupp biex tiġi żviluppata u validata l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ sistemi teknoloġiċi, komponenti u proċeduri operattivi; u l-fażi tal-mobilizzazzjoni li tikkonsisti mill-industrijalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tas-sistemi l-ġodda ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.

(7)

Il-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-Pjan Regolatorju għall-ATM), li ġie prodott matul il-fażi ta’ definizzjoni tas-SESAR huwa l-pjan ta’ azzjoni miftiehem biex iwassal ir-riċerka u l-iżvilupp tal-ATM fil-fażi tal-mobilizzazzjoni.

(8)

Il-Pjan Regolatorju għall-ATM jiddeskrivi l-bidliet operattivi neċessarji li huma meħtieġa biex jgħinu jiksbu l-objettivi tal-prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (SES). Din hija għodda ewlenija għall-mobilizzazzjoni tas-SESAR u tipprovdi l-bażi għal użu f’waqtu, ikkoordinat u sinkronizzat tal-funzjonalitajiet il-ġodda tal-ATM.

(9)

L-objettivi u l-prijoritajiet tal-mobilizzazzjoni għandhom iqisu wkoll aspetti tal-operazzjonijiet tan-Netwerk definiti fil-Pjan Strateġiku għan-Netwerk, li jinkludi l-miri tal-prestazzjoni konsisteni mal-miri tal-prestazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea kollha u l-azzjonijiet ippjanati biex jilħqu dawn il-miri, u fil-pjan Operattiv tan-Netwerk definit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 (4).

(10)

Mobilizzazzjoni f’waqtha, ikkoordinata u sinkronizzata tas-Sesar hija neċessarja biex jinkisbu l-objettivi tal-prestazzjoni tas-SES u l-benefiċċji ekonomiċi globali mistennija mill-modernizzazzjoni tal-ATM.

(11)

Proġetti komuni previsti fl-Artikolu 15a tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 għandhom jgħinu jtejbu l-prestazzjoni tan-netwerk Ewropew tal-ATM (EATMN) u juru analiżi tal-kostijiet-benefiċċji globalment pożittiva, filwaqt li jkunu konxji ta’ kwalunkwe impatt negattiv potenzjali għal reġjuni speċifiċi jew partijiet interessati.

(12)

Sabiex jiġi żgurat li l-proġetti komuni jiġu implimentati u mmonitorjati b’mod f’waqtu, ikkoordinat u sinkronizzat, filwaqt li ssir l-aħjar mobilizzazzjoni tal-istrumenti u l-korpi identifikati fil-qafas regolatorju tal-Ajru Uniku Ewropew, għandha tiġi stabbilita governanza tal-użu tas-SESAR.

(13)

Sabiex il-mobilizzazzjoni tas-SESAR tiġi mmexxija b’mod effettiv u sabiex tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-proċess tal-mobilizzazzjoni, il-partijiet interessati operattivi responsabbli mill-prestazzjoni tas-sistema tal-ATM għandhom jiġu involuti fil-governanza tal-mobilizzazzjoni.

(14)

Il-partijiet interessati operattivi li jinvestu fil-mobilizzazzjoni tas-SESAR għandu jkollhom rwol ta’ tmexxija fil-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mobilizzazzjoni, preferibbilment permezz ta’ entità waħda, filwaq’ li jiġi evitat kull kunflitt ta’ interess.

(15)

L-industrija tal-manifattura għandu jkollha rwol ta’ konsulenza fil-mobilizzazzjoni tas-SESAR sabiex tiżgura konsistenza mal-industrijalizzazzjoni u d-disponibbiltà f’waqtha tat-tagħmir.

(16)

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-attivitajiet tal-mobilizzazzjoni u tiżgura li huma skont l-objettivi tas-SES u tissalvagwardja l-interess pubbliku, billi tistabbilixxi mekkaniżmi adegwati ta’ rappurtaġġ u ta’ monitoraġġ filwaqt li tagħmel l-aħjar użu mill-istrumenti eżistenti bħall-Implimentazzjoni Ewropea u Lokali tal-Ajru Uniku (Pjan u Rapport tal-ESSIP u dokumenti tal-LSSIP).

(17)

Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku kompletament infurmat dwar il-proċess għall-għażla tal-maniġment tal-mobilizzazzjoni, għall-approvazzjoni tal-programm tal-mobilizzazzjoni u għall-għażla tal-proġetti ta’ implimentazzjoni. Il-Kumitat dwar l-Ajru Uniku għandu jiġi kkonsultat dwar dawn il-kwistjonijiet mingħajr preġudizzju għar-regoli u l-proċeduri stabbiliti fil-programmi tal-finanzjament mill-Unjoni rilevanti.

(18)

L-Organizzazzjoni Ewropea għat-Tagħmir tal-Avjazzjoni Ċivili (Eurocae), li tipproduċi materjal tekniku u twettaq xogħol preliminarju u anċillari b’rabta mal-istandardizzazzjoni Ewropea, għandha tgħin lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ u fil-faċilitazzjoni tal-proċessi tal-istandardizzazzjoni u fil-promozzjoni tal-użu tal-istandards Ewropej.

(19)

Filwaqt li l-mobilizzazzjoni tal-proġetti tas-SESAR b’rabta mal-militar jibqa’ r-responsabbiltà tal-Istati kkonċernti, għandu jkun hemm koordinazzjoni mal-militar sabiex jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv fuq il-kapaċitajiet tad-difiża.

(20)

Biex jinkoraġġixxu investiment bikri mill-partijiet interessati u jtaffu l-aspetti tal-mobilizzazzjoni li għalihom l-analiżi tal-kostijiet-benefiċċji hija inqas pożittiva, il-proġetti tal-implimentazzjoni li għandhom l-għan li jiskjeraw proġetti komuni għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni u inċentivi oħrajn, skont ir-regoli u l-proċeduri tal-programmi ta’ finanzjament u skemi ta’ inċentivi tal-Unjoni.

(21)

Kemm jista’ jkun, għandhom jinstabu sinerġiji bejn il-mobilizzazzjoni tas-SESAR u l-Blokok ta’ Spazju tal-Ajru Funzjonali (FABs).

(22)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

IL-PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jiddefinixxi proġetti komuni, imsemmija fl-Artikolu 15a tar-Regolament (KE) Nru 550/2004, jispjega kif dawn għandhom jitmexxew u jidentifika inċentivi għall-mobilizzazzjoni tagħhom.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għan-Netwerk Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (EATMN).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 677/2011.

Barra minn hekk id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(1)

“Impriża Konġunta tas-SESAR” tfisser il-korp, stabbilit permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 (5), li jingħata l-kompitu li jiġġestixxi u jikkoordina l-fażi ta’ żvilupp tal-proġett tas-SESAR;

(2)

“skema ta’ tariffi” tfisser l-iskema stabbilita permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1794/2006 (6);

(3)

“funzjonalità tal-ATM” tfisser grupp ta’ funzjonijiet jew servizzi operattivi tal-ATM relatati mal-ġestjoni tat-trajettorja, tal-ispazju tal-ajru u tas-superfiċe jew mal-qsim tal-informazzjoni mal-ambjenti operattivi fir-rotta, tat-terminal, tal-ajruport jew dak tan-netwerk.

(4)

“Il-mobilizzazzjoni tas-SESAR” tfisser l-attivitajiet u l-proċessi relatati mal-industrijalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-funzjonalitajiet tal-ATM identifikati fil-Pjan Regolatorju għall-ATM;

(5)

“l-industrijalizzazzjoni” tal-funzjonalitijiet tal-ATM tfisser l-attivitajiet u l-proċessi, wara l-validazzjoni tagħhom li jinkludu l-istandardizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u l-produzzjoni mill-industrija tal-manifattura (manifatturi tat-tagħmir tal-art u tal-ajru);

(6)

“l-implimentazzjoni” tal-funzjonalitajiet tal-ATM tfisser l-akkwist, l-installazzjoni u l-użu ta’ tagħmir u sistemi, li jinkludu proċeduri operattivi relatati, imwettqa minn partijiet interessati operattivi;

(7)

“bidla operattiva neċessarja” tfisser bidla operattiva fil-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM) li tipprovdi titjib fil-prestazzjoni sinifikanti tan-netwerk lill-partijiet interessanti operattivi, kif imsemmi fil-Pjan Regolatorju għall-ATM;

(8)

“skema ta’ prestazzjoni” tfisser skema stabbilita permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 (7);

(9)

“Il-miri tal-prestazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea kollha” tfisser il-miri msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 691/2010;

(10)

“partijiet interessati operattivi” tfisser iċ-ċivil u l-militar: l-utenti tal-ispazju tal-ajru, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u l-operaturi tal-ajruporti.

Artikolu 3

Il-Pjan Regolatorju għall-ATM

1.   Il-Pjan Regolatorju għall-ATM huwa l-pjan ta’ azzjoni li jidderiġi l-modernizzazzjoni tas-sistema Ewropea tal-ATM u li jorbot ir-riċerka u l-iżvilupp tas-SESAR mal-mobilizzazzjoni. Dan għandu jkun strument ewlieni tas-SES għall-ħidma mingħajr xkiel tal-EATMN u l-mobilizzazzjoni f’waqtha, ikkoordinata u sinkronizzata tas-SESAR.

2.   L-aġġornamenti tal-Pjan Regolatorju għall-ATM għandhom jikkontribwixxu biex jinkisbu l-miri tal-prestazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea kollha u jżommu l-konsistenza bejn dawn il-miri, l-mobilizzazzjoni tas-SESAR u l-attivitajiet tas-SESAR dwar ir-riċerka, l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-validazzjoni. Għal dan il-għan, l-aġġornamenti tal-Pjan Regolatorju għall-ATM għandhom iqisu l-Pjan Strateġiku tan-Netwerk u l-Pjan Operattiv tan-Netwerk.

KAPITOLU II

PROĠETTI KOMUNI

Artikolu 4

Skop u kontenut

1.   Il-proġetti komuni għandu jkollhom l-għan li jiskjeraw b’mod f’waqtu, ikkoordinat u sinkronizzat il-funzjonalitajiet tal-ATM li jiksbu l-bidliet operattivi neċessarji.

2.   Il-proġetti komuni għandhom ikunu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea kollha u jikkontribwixxu għalihom.

3.   Il-proġetti komuni għandhom jidentifikaw funzjonalitajiet tal-ATM li:

(a)

wara li jkunu laħqu l-livell xieraq ta’ industrijalizzazzjoni, ikunu lesti biex jiġu implimentati;

(b)

jeħtieġu skjeramant sinkronizzat.

4.   Kemm il-funzjonalitajiet tal-ATM huma lesti għandu jintwera, fost l-oħrajn, abbażi tar-riżultati ta’ validazzjoni mwettqa mill-Impriża Konġunta tas-SESAR, l-istatus tal-proċessi ta’ standardizzazzjoni u ċertifikazzjoni u valutazzjoni tal-interoperabilità tagħhom, b’rabta wkoll mal-Pjan Globali ta’ Navigazzjoni tal-Ajru tal-ICAO u materjal rilevanti tal-ICAO.

5.   Il-bżonn għal mobilizzazzjoni sinkronizzata tal-funzjonalitajiet tal-ATM għandu jiġi vvalutat abbażi ta’:

(a)

definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-ippjanar ġeografiku tagħhom, inklużi d-dati fil-mira għall-mobilizzazzjoni;

(b)

identifikazzjoni tal-partijiet interessati operattivi meħtieġa li jiskjerawhom;

(c)

miżuri tranżitorji għall-mobilizzazzjoni progressiv tagħhom.

6.   Il-proġetti komuni għandhom ukoll:

(a)

juru mudell ta’ negozju pożittiv għall-EATMN, ibbażat fuq analiżi indipendenti tal-kostijiet-benefiċċji, u jidentifikaw kull impatt negattiv lokali jew reġjonali potenzjali għal kwalunkwe kategorija ta’ partijiet interessati operattivi;

(b)

jidentifikaw l-inċentivi għall-mobilizzazzjoni, imsemmi fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu III, b’mod partikolari sabiex inaqqsu l-impatti negattivi fuq żona ġeografika speċifika jew kategorija ta’ partijiet interessati operattivi;

(c)

jirreferu għar-regoli ta’ implimentazzjoni għall-interoperabilità u s-sikurezza skont ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). B’mod partikolari, għandha ssir referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tal-Komunità skont ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 u għal mezz aċċettabbli ta’ konformità u speċifikazzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008;

(d)

jidentifikaw kwalunkwe bżonn għal regoli ġodda ta’ implimentazzjoni għal interoperabilità u sikurezza, speċifikazzjonijiet tal-Komunità u standards ċivili biex jappoġġjaw il-mobilizzazzjoni u l-applikabbiltà tagħhom għall-militar filwaqt li titqies l-ekwivalenza tas-sistemi taċ-ċivil u tal-militar; kif ukoll

(e)

iqisu l-elementi rilevanti tal-mobilizzazzjoni speċifikati fil-Pjan Strateġiku tan-Netwerk u l-Pjan Operattiv tan-Netwerk tal-Maniġer tan-Netwerk.

Artikolu 5

L-istabbiliment, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi proposti għal proġetti komuni skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Maniġer tan-Netwerk, l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, il-Korp tar-Rieżami tal-Prestazzjoni fir-rwoli u bil-kompetenzi rispettivi tagħhom kif definit fil-qafas regolatorju tas-SES, u mill-impriża Konġunta tas-SESAR, il-Eurocontrol, l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, il-Eurocae u l-maniġment tal-mobilizzazzjoni. Dawn il-korpi għandhom jinvolvu lill-partijiet interessati operattivi u lill-industrija tal-manifattura.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-partijiet interessati skont l-Artikoli 6 u 10 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 inkluż permezz tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, fil-mandat tagħha li tiffaċilita l-koordinazzjoni ta’ fehmiet militari, u l-grupp konsultattiv ta’ esperti fuq id-dimensjoni soċjali tal-Ajru Uniku Ewropew dwar il-proposti tagħha għal proġetti komuni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-proposti għal proġetti komuni jkunu approvati mill-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-partijiet interessati operattivi fuq l-art li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ proġett komuni speċifiku. Għalhekk, l-utenti tal-ispazju tal-ajru għandhom jistabbilixxu grupp magħmul mir-rappreżentanti tagħhom.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta proġetti komuni u kwalunkwe emenda għalihom skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15a(3) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004.

6.   Il-proġetti komuni għandhom jiġu implimentati permezz ta’ proġetti ta’ implimentazzjoni u skont il-programm ta’ mobilizzazzjoni definit fil-Kapitolu III, Taqsima 2.

Artikolu 6

Il-Monitoraġġ

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ proġetti komuni u l-impatt tagħhom fuq il-prestazzjoni tal-EATMN permezz ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ rappurtaġġ. Dawk ir-rekwiżiti għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni skont is-sħubija ta’ qafas imsemmija fl-Artikolu 9(5).

2.   Fil-monitoraġġ tal-effettività ta’ proġetti komuni fir-rigward tal-prestazzjoni tal-EATMN, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-aħjar użu tal-istrumenti eżistenti ta’ monitoraġġ u rappurtaġġ u għandha tiġi megħjuna, b’mod partikolari, mill-Maniġer tan-Netwerk u mill-Korp tar-Rieżami tal-Prestazzjoni skont ir-Regolamenti (UE) Nru 677/2011 u (UE) Nru 691/2010 u mill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni fir-rigward tal-aspetti tas-sikurezza.

3.   Il-Kumitat dwar l-Ajru Uniku għandu jiġi infurmat dwar l-implimentazzjoni ta’ proġetti komuni.

KAPITOLU III

GOVERNANZA U INĊENTIVI TAL-MOBILIZZAZZJONI

TAQSIMA 1

Il-governanza tal-Mobilizzazzjoni

Artikolu 7

Il-prinċipji ġenerali

1.   Il-governanza tal-mobilizzazzjoni għandha tiżgura l-implimentazzjoni f’waqtha, ikkoordinata u sinkronizzata ta’ proġetti komuni filwaqt li mobilizzazzjonitikkollabora mal-industrijalizzazzjoni u tiffaċilitaha.

2.   Il-governanza tal-mobilizzazzjoni i għandha tkun magħmula minn tliet livelli: livell ta’ politika; livell ta’ ġestjoni; u livell ta’ implimentazzjoni.

Artikolu 8

Livell ta’ Politika

1.   Il-livell ta’ politika għandu jkun responsabbli għas-sorveljanza tal-mobilizzazzjoni tas-SESAR, u għandu jiżgura li jkun konformi mal-qafas regolatorju tal-Ajru Uniku Ewropew u jissalvagwardja l-interess pubbliku.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għal-livell ta’ politika, b’mod partikolari:

(a)

għall-istabbiliment u l-adozzjoni ta’ proġetti komuni skont l-Artikolu 5;

(b)

għall-għażla tal-maniġment tal-mobilizzazzjoni, għall-approvazzjoni tal-programm tal-mobilizzazzjoni u l-għażla tal-proġetti ta’ implimentazzjoni;

(c)

għall-immaniġġjar tal-fondi tal-Unjoni li jappoġġjaw il-maniġment tal-mobilizzazzjoni u l-proġetti ta’ implimentazzjoni;

(d)

għall-identifikazzjoni ta’ inċentivi għall-mobilizzazzjoni tas-SESAR u l-infurzar tal-qafas tal-ftehim ta’ sħubija konkluż mal-maniġment tal-mobilizzazzjoni skont l-Artikolu 9(5) u kwalunkwe ftehim rilevanti għall-proġetti ta’ implimentazzjoni;

(e)

għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-persuni interessati fiċ-ċivili u fil-militar;

(f)

għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ma’ pajjiżi terzi;

(g)

għall-istabbiliment ta’ koordinazzjoni mal-organizzazzjonijiet u korpi tal-istandardizzazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-industrijalizzazzjoni u tiġi promossal-interoperabilità tal-funzjonalitajiet tal-ATM;

(h)

għall-monitoraġġ tal-mobilizzazzjoni ta’ proġetti komuni u tal-kontribut tagħhom għall-kisba tal-miri ta’ prestazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea kollha.;

(i)

għall-għoti ta’ rakkomandazzjonijiet lill-partijiet interessati operattivi u lill-Istati Membri.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku, il-Korp Konsultattiv tal-Industrija, il-grupp konsultattiv tal-esperti fuq id-dimensjoni soċjali tal-Ajru Uniku Ewropew, l-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Sorveljanza u l-Korp tar-Rieżami tal-Prestazzjoni, fir-rwoli u bil-kompetenzi rispettivi tagħhom kif definit fil-qafas regolatorju tal-Ajru Uniku Ewropew. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku fuq kull kwistjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

4.   Il-Kummissjoni għandha tinvolvi wkoll, fir-rwoli u bil-kompetenzi rispettivi tagħhom:

(a)

lill-Eurocontrol, permezz ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejn il-Eurocontrol u l-Unjoni, sabiex tieħu vantaġġ sħiħ tal-għarfien espert tagħha u l-kompetenzi ċivili-militari u pan-Ewropej tagħha;

(b)

lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, biex tiffaċilita l-kordinazzjoni ta’ fehmiet militari minn Stati Membri u b’appoġġ lejhom u l-organizzazzjonijiet militari internazzjonali rilevanti dwar il-mobilizzazzjonitas-SESAR u tinforma l-mekkaniżmi tal-ippjanar militari bir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-mobilizzazzjonitas-SESAR;

(c)

lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, biex tiżgura li l-kwistjonijiet tas-sikurezza jkunu integrati fl-implimentazzjoni ta’ proġetti komuni, b’mod partikolari fl-iżvilupp tar-regoli tekniċi meħtieġa, bħal dawk relatati mad-disinn, produzzjoni u manutenzjoni tas-sistemi u kostitwenti għall-immaniġġar tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru, kif ukoll għall-persunal u l-organizzazzjonijiet involuti fihom;

(d)

lill-Impriża Konġunta tas-SESAR, biex tiżgura li jkun hemm rabta kontinwa bejn l-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp, innovazzjoni u validazzjoni tas-SESAR u l-mobilizzazzjoni tas-SESAR u biex tiżgura li l-proġetti komuni u l-programm ta’ mobilizzazzjon jkunu konformi mal-Pjan Regolatorju tal-ATM.

(e)

lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni u l-Eurocae, din tal-aħħar b’mod partikolari biex tiffaċilita u timmonitorja l-proċessi industrijali ta’ standardizzazzjoni u l-użu ta’ standards li jirriżultaw.

Artikolu 9

Livell ta’ ġestjoni

1.   Il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jkun responsabbli għal-livell ta’ ġestjoni.

2.   B’mod partikolari, ir-responsabbiltà tal-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandha tkun li:

(a)

jiżviluppa, jipproponi, iżomm u jimplimenta l-programm tal-mobilizzazzjoni, skont it-Taqsima 2;

(b)

jassoċja lill-partijiet interessati operattivi li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ proġetti komuni;

(c)

jistabbilixxi l-mekkaniżmi u l-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jiżguraw sinkronizzazzjoni effiċjenti u koordinazzjoni globali tal-proġetti ta’ implimentazzjoni u l-investiment relatat skont il-programm tal-mobilizzazzjoni;

(d)

jiżgura ġestjoni effettiva tar-riskji u l-kunflitt ta’ interess;

(e)

jagħti parir lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni ta’ proġetti komuni u mal-istabbiliment ta’ proġetti komuni ġodda;

(f)

jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u jiżgura u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom mil-livell ta’ implimentazzjoni;

(g)

jidentifika l-mekkaniżmi ta’ finanzjament l-aktar adegwati li jlaqqgħu flimkien finanzjament pubbliku u dak privat;

(h)

jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-programm tal-mobilizzazzjoni;

(i)

jirrapporta lill-Kummissjoni;

(j)

jiżgura l-koordinazzjoni adegwata mal-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Sorveljanza.

3.   Il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jkun magħmul minn gruppi ta’ partijiet interessati operattivi jew partijiet interessati operattivi individwali, inklużi dawk minn pajjiżi terzi, skont il-kondizzjonijiet definiti fil-programmi ta’ finanzjament mill-Unjoni rilevanti. Il-partijiet interessati operattivi jistgħu jipparteċipaw fil-maniġment tal-mobilizzazzjonipermezz ta’ strutturi ta’ FAB.

4.   Il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu juri, fost l-oħrajn, il-kapaċità tiegħu li:

(a)

jirrappreżenta lill-partijiet interessati operattivi li huma meħtieġa li jimplimentaw proġetti komuni;

(b)

jimmaniġġja programmi ta’ implimentazzjoni multinazzjonali;

(c)

jifhem il-mekkaniżmi ta’ finanzjament u l-ġestjoni tal-programm finanzjarju; kif ukoll

(d)

juża strutturi eżistenti li jinvolvu l-partijiet interessati operattivi kollha.

5.   L-għażla tal-membri tal-maniġment tal-mobilizzazzjoni mill-Kummissjoni għandha ssir permezz tal-għoti ta’ sħubija ta’ qafas wara sejħa għal proposti skont l-Artikolu 178 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (10) (Regoli ta’ Applikazzjoni). Is-sejħa għal proposti għandha tiddefinixxi l-objettivi, ir-rekwiżiti u l-kriterji għall-għażla tal-membri tal-maniġment tal-mobilizzazzjoni skont ir-Regoli ta’ Applikazzjoni. Il-Kumitat dwar l-Ajru Uniku għandu jiġi infurmat dwar il-proċess tal-għażla tal-maniġment tal-mobilizzazzjoni.

6.   Il-membri tal-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandhom iwettqu minn tal-inqas proġett ta’ implimentazzjoni wieħed jew parti minnu.

7.   Il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jagħmer arranġamenti kooperattivi adegwati mal-Maniġer tan-Netwerk, l-Impriża Konġunta tas-SESAR u l-militar. L-arranġamenti kooperattivi adegwati għandhom jitressqu lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. Il-kooperazzjoni għandha tkun kif ġej:

(a)

il-maniġment tal-mobilizzazzjoni u l-Maniġer tan-Netwerk għandhom jikkooperaw flimkien biex jiżguraw li l-kompiti tagħhom isiri mingħajr ebda forma ta’ duplikazzjoni jew kompetizzjoni, b’mod partikolari għall-aspetti tal-mobilizzazzjoni li għandhom impatt fuq l-infrastruttura tan-netwerk, l-organizzazzjoni tal-ispazju tal-ajru u l-prestazzjoni tiegħu kif ukoll il-koerenza mal-Pjan Strateġiku tan-Netwerk u l-Pjan Operattiv tan-Netwerk; il-Maniġer tan-Netwerk għandu jappoġġa wkoll, fil-mandat tiegħu, lill-membri tal-maniġment tal-mobilizzazzjoni skont l-Artikoli 4(1)(i) u 4(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 677/2011;

(b)

il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jikkoopera mal-Impriża Konġunta tas-SESAR biex jiżgura r-rabtiet meħtieġa bejn l-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp, innovazzjoni u validazzjoni tas-SESAR u l-mobilizzazzjoni tas-SESAR u għandu jikkonsulta mal-Impriża Konġunta tas-SESAR dwar il-prijoritajiet u l-progress li jkun sar matul il-fażi tal-iżvilupp fuq kwistjonijiet relatati mal-industrijalizzazzjoni u biex jiżgura konsistenza mal-Pjan Regolatorju tal-ATM;

(c)

il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jikkoordina mal-militar biex jevita kull impatt negattiv fuq il-kapaċitajiet tad-difiża kemm dawk nazzjonali kif ukoll dawk kollettivi.

8.   Il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jqis l-opinjoni tal-entitajiet imsemminja fil-Paragrafu 7 fid-deċiżjonijiet tiegħu li jista’ jkollhom impatt fuq l-attivitajiet ta’ dawn l-entitajiet.

9.   F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-maniġment tal-mobilizzazzjoni u l-entitajiet imsemmija fil-Paragrafu 7, il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jressaq il-kwistjoni quddiem il-Kummissjoni għal deċiżjoni. Il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

10.   Il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jfittex l-għajnuna tal-industrija tal-manifattura permezz ta’ arranġamenti kooperattivi, li għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni, biex jirċievi, fost l-oħrajn, informazzjoni fuq l-industrijalizzazzjoni tal-prodotti.

11.   Skont id-disponibbiltà tal-fondi u skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-Programm ta’ finanzjament mill-Unjoni rilevanti, il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-maniġment tal-mobilizzazzjoni fl-eżekuzzjoni tal-kompiti tiegħu msemmija fil-Paragrafu 2 biss.

Artikolu 10

Livell ta’ implimentazzjoni

1.   Il-livell ta’ implimentazzjoni jikkonsisti fil-proġetti tal-implimentazzjoni magħżula mill-Kummissjoni biex jiġu implimentati proġetti komuni skont il-programm tal-mobilizzazzjoni.

2.   Il-proġetti tal-implimentazzjoni għandhom jiġu magħżula mill-Kummissjoni permezz ta’ sejħiet għal proposti biex jiġi implimentat il-programm tal-mobilizzazzjoni u skont ir-regoli u l-proċeduri tal-programmi ta’ finanzjament mill-Unjoni rilevanti.

3.   Il-proposti għall-proġetti tal-implimentazzjoni għandhom iqusu l-maturità tal-proċessi tal-industrijalizzazzjoni għal dawn il-proċessi, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-industrija tal-manifattura, b’mod partikolari l-impatt tal-proġetti tal-implimentazzjoni fuq is-sistemi tal-ATM tal-passat, il-fattibbiltà teknika, l-istimi tal-kostijiet u l-pjanijiet ta’ azzjoni għal soluzzjonijiet tekniċi.

4.   Il-proġetti tal-implimentazzjoni u t-twettiq tagħhom għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet miftiehma mal-Kummissjoni.

TAQSIMA 2

Il-Programm tal-mobilizzazzjoni

Artikolu 11

Skop

1.   Il-programm tal-mobilizzazzjoni għandu jipprovdi pjan ta’ ħidma komprensiv u strutturat tal-attivitajiet neċessarji kollha għall-implimentazzjoni tat-teknoloġiji, il-proċeduri u l-aħjar prassi meħtieġa biex jiġu implimentati proġetti komuni. Hu għandu jorganizza dawn l-attivitajiet fi proġetti tal-implimentazzjoni li jidentifikaw ir-riskji assoċjati u l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni, il-kamp tal-applikazzjoni ġeografiku, il-perjodu ta’ żmien u l-partijiet interessati operattivi responsabbli għat-twettiq tal-proġetti tal-implimentazzjoni.

2.   Il-programm tal-mobilizzazzjoni għandu jikkostitwixxi r-referenza għall-ħidma tal-livelli ta’ Ġestjoni u Implimentazzjoni.

3.   Il-programm tal-mobilizzazzjoni għandu jkun parti mill-qafas tal-ftehim ta’ sħubija u għaldaqstant, il-membri tal-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandhom jintrabtu li jimplimentawh.

Artikolu 12

L-istabbiliment u l-implimentazzjoni

1.   Il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jressaq għall-approvazzjoni quddiem il-Kummissjoni l-proposta għall-programm tal-mobilizzazzjoni u kull proposta għall-emendi.

2.   Fit-tħejjija tal-proposta għall-programm tal-mobilizzazzjoni jew il-proposti biex jiġi emendat, il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jikkoordina mal-Maniġer tan-Netwerk, l-Impriża Konġunta tas-SESAR u l-militar skont l-Artikolu 9(7).

3.   Mal-adozzjoni ta’ kull proġett komuni, il-Kummissjoni għandha titlob lill-maniġment tal-mobilizzazzjoni biex jadatta l-programm tal-mobilizzazzjoni.

TAQSIMA 3

L-inċentivi

Artikolu 13

Il-Finanzjament mill-Unjoni

1.   Il-finanzjament mill-Unjoni għall-appoġġ tal-mobilizzazzjoni tas-SESAR għandu jiffoka fuq il-proġetti tal-implimentazzjoni fl-Artikolu 10, magħżula għall-finanzjament mill-Unjoni skont ir-regoli u l-proċeduri tal-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni rilevanti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel arranġament kuntrattwali li jkopru l-proġetti tal-implimentazzjoni magħżula biex jirċievu l-finanzjament mill-Unjoni. Dawn l-arranġamenti għandhom jiddefinixxu l-penali għal nuqqas ta’ twettiq tal-programm tal-mobilizzazzjoni u n-nuqqas ta’ twettiq tal-proġetti tal-implimentazzjoni.

Artikolu 14

Inċentivi Oħrajn

1.   L-inċentivi skont ir-Regolament (KE) Nru 1794/2006 u r-Regolament (UE) Nru 691/2010 għall-mobilizzazzjoni tas-SESAR jistgħu jiġu identifikati meta jiġu stabbiliti proġetti komuni.

2.   Il-finanzjament mill-Unjoni mogħti skont l-Artikolu 13 għandu jiġi kkunsidrat bħala “dħul ieħor” skont l-Artikolu 2(k) tar-Regolament (KE) Nru 1794/2006.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid l-implimentazzjoni tal-proġetti komuni sat-tmiem it-tieni perjodu ta’ referenza stabbilit mill-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 691/2010.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(2)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(3)  COM(2011) 923 finali.

(4)  ĠU L 185, 15.7.2011, p. 1.

(5)  ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1.

(6)  ĠU L 341, 7.12.2006, p. 3.

(7)  ĠU L 201, 3.8.2010, p. 1.

(8)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

(9)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(10)  ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1.


Top