EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013L0058

Direttiva 2013/58/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Diċembru 2013 li temenda d-Direttiva 2009/138/KE (Solvenza II) rigward id-data tat-traspożizzjoni tagħha u d-data tal-applikazzjoni tagħha, u d-data tat-tħassir ta’ ċerti Direttivi (Solvenza I) Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 341, 18.12.2013, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/58/oj

18.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/1


DIRETTIVA 2013/58/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Diċembru 2013

li temenda d-Direttiva 2009/138/KE (Solvenza II) rigward id-data tat-traspożizzjoni tagħha u d-data tal-applikazzjoni tagħha, u d-data tat-tħassir ta’ ċerti Direttivi (Solvenza I)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 53(1) u 62 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tipprovdi sistema moderna bbażata fuq ir-riskju għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-impriżi Ewropej tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni tal-Unjoni. Dik is-sistema hija essenzjali sabiex jiġi żgurat settur tal-assigurazzjoni sikur u solidu li jista’ jipprovdi prodotti tal-assigurazzjoni sostenibbli u jappoġġa l-ekonomija reali permezz ta’ investimenti fit-tul u stabbiltà addizzjonali.

(2)

Id-Direttiva 2011/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tagħmel ċertu emenfi fl-Artikoli 212 sa 262 tad-Direttiva 2009/138/KE li għandhom isiru applikabbli mill-10 ta’ Ġunju 2013.

(3)

Id-Direttiva 2012/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) temenda d-Direttiva 2009/138/KE billi tipposponi d-data għat-traspożizzjoni mill-31 ta’ Ottubru 2012 għat-30 ta’ Ġunju 2013, id-data tal-applikazzjoni mill-1 ta’ Novembru 2012 għall-1 ta’ Jannar 2014 u d-data tat-tħassir tad-Direttivi ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni eżistenti (5) (imsejħa kollettivament “Solvenza I”) mill-1 ta’ Novembru 2012 sal-1 ta’ Jannar 2014

(4)

Fid-19 ta’ Jannar 2011 il-Kummissjoni adottat proposta (“il-proposta Omnibus II”) biex temenda, inter alia, id-Direttiva 2009/138/KE sabiex tieħu kont tal-arkitettura ta’ superviżjoni l-ġdida għall-assigurazzjoni u l-aktar it-twaqqif tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (EIOPA). Il-proposta Omnibus II tinkludi wkoll proviżjonijiet biex tipposponi d-data ta' transpożizzjoni u d-data ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE u d-data ta' tħassir ta' Solvenza I, u sservi wkoll bħala mezz biex id-Direttiva 2009/138/KE tiġi adattata għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi temenda d-dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni b’ dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni.

(5)

Minħabba l-kumplessità tal-proposta Omnibus II, hemm riskju li mhux se tkun daħlet fis-seħħ qabel id-data tat-trspożizzjoni u d-data ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE. Jekk dawk id-dati ma jinbidlux, id-Direttiva 2009/138/KE tiġi implimentata qabel id-dħul fis-seħħ tar-regoli tranżitorji u l-adattamenti rilevanti, inkluż aktar kjarifika ta’ għoti ta’ setgħat ta’ atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni, pprovduti mill-proposta Omnibus II.

(6)

Sabiex jiġu evitati obbligi leġislattivi ta’ piż żejjed għall-Istati Membri skont id-Direttiva 2009/138/KE u aktar tard skont l-arkitettura superviżorja l-ġdida prevista mill-proposta Omnibus II, huwa għalhekk xieraq li d-data għat-traspożzzjoni u d-data tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE jiġu posposti biex is-superviżuri u l-impriżi ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni jingħataw biżżejjed ħin biex jippreparaw għall-applikazzjoni ta’ dik l-arkitettura superviżorja l-ġdida.

(7)

Huwa evidenti mill-ordni kronoloġiku tal-ġrajjiet li d-dati posposti għat-traspożizzjoni u d-data tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE, għandhom japplikaw ukoll għall-emendi li sarulha mid-Direttiva 2011/89/KE.

(8)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, id-data tat-tħassir tas-Solvenza I għandha tiġi posposta skont dan.

(9)

Minħabba l-perjodu qasir ħafna ta’ żmien li fadal qabel id-dati rilevanti stabbiliti fid-Direttiva 2009/138/KE, din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien.

(10)

Konsegwentement, huwa wkoll iġġustifikat li tiġi applikata l-eċċezzjoni għal każijiet urġenti pprovduti fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea f’dan il-każ fir-rigward tat-trażmissjoni lill-parlamenti nazzjonali tal-proposta għal din id-Direttiva,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2009/138/KE hija emendata kif ġej:

1.

l-Artiklu 309(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel subparagrafu, id-data tat-“30 ta’ Ġunju 2013” tinbidel b’dik tal-“31 ta’ Marzu 2015”;

(b)

fit-tieni subparagrafu, id-data tal-“1 ta’ Jannar 2014” tinbidel b’dik tal-“1 ta’ Jannar 2016”.

2.

Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 310, id-data tal-“1 ta’ Jannar 2014” tinbidel b’dik tal-“1 ta’ Jannar 2016”.

3.

Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 311, id-data tal-“1 ta’ Jannar 2014” tinbidel b’dik tal-“1 ta’ Jannar 2016”.

Artikolu 2

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Novembru 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunisll tal-5 ta’ Diċembru 2013.

(2)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.)

(3)  Id-Direttiva 2011/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 li temenda d-Direttivi 98/78/KE, 2002/87/KE, 2006/48/KE u 2009/138/KE fir-rigward tas-superviżjoni supplimentari tal-entitajiet finanzjarji f’konglomerat finanzjarju (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 113).

(4)  Id-Direttiva 2012/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2012 li temenda d-Direttiva 2009/138/KE rigward id-data tat-traspożizzjoni tagħha u d-data tal-applikazzjoni tagħha, u d-data tat-tħassir ta’ ċerti Direttivi (ĠU L 249, 14.9.2012, p. 1).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 64/225/KEE tal-25 ta’ Frar 1964 dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jkunu pprovduti servizzi fir-rigward tar-riassigurazzjoni u tar-retroċessjoni (ĠU 56, 4.4.1964, p. 878/64); L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 228, 16.8.1973, p. 3); Id-Direttiva tal-Kunsill 73/240/KEE tal-24 ta’ Lulju 1973 li tabolixxi restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment fin-negozju ta’ assigurazzjoni diretta apparti minn assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 228, 16.8.1973, p. 20); Id-Direttiva tal-Kunsill 76/580/KEE tad-29 ta’ Ġunju 1976 li temenda d-Direttiva 73/239/KEE dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward il-bidu u t-twettiq tan-negozju ta’ assigurazzjoni diretta ta’ xort’ oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 189, 13.7.1976, p. 13); Id-Direttiva tal-Kunsill 78/473/KEE tat-30 ta’ Mejju 1978 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ ko-assigurazzjoni Komunitarja (ĠU L 151, 7.6.1978, p. 25); Id-Direttiva tal-Kunsill 84/641/KEE tal-10 ta’ Diċembru 1984 li temenda, b’mod partikolari fir-rigward ta’ assistenza turistika, l-Ewwel Direttiva (73/239/KEE) dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu mal-bidu u l-eżerċizzju tal-kummerċ ta’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 339, 27.12.1984, p. 21); Id-Direttiva tal-Kunsill 87/344/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1987 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali (ĠU L 185, 4.7.1987, p. 77); It-Tieni Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’assigurazzjoni diretta ta’ xort oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE (ĠU L 172, 4.7.1988, p. 1); Id-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja) (ĠU L 228, 11.8.1992, p. 1); Id-Direttiva 98/78/KE tal-Parlament Ewropew U tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 1998 dwar is-superviżjoni supplimentari ta’ intrapriżi tal-assigurazzjoni u ta’ grupp ta’ assugurazzjoni (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 1); Id-Direttiva 2001/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ impriżi tal-assigurazzjoni (ĠU L 110, 20.4.2001, p. 28); Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1); Id-Direttiva 2005/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2005 dwar ir-riassigurazzjoni (ĠU L 323, 9.12.2005, p. 1).


Top