Help Print this page 

Document 32013D1386

Title and reference
Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” Test b’relevanza għaż-ŻEE
  • In force
OJ L 354, 28.12.2013, p. 171–200 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/1386/oj
Languages, formats and link to OJ
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html HR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
PDF pdf BG pdf ES pdf CS pdf DA pdf DE pdf ET pdf EL pdf EN pdf FR pdf HR pdf IT pdf LV pdf LT pdf HU pdf MT pdf NL pdf PL pdf PT pdf RO pdf SK pdf SL pdf FI pdf SV
Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal
 To see if this document has been published in an e-OJ with legal value, click on the icon above (For OJs published before 1st July 2013, only the paper version has legal value).
Multilingual display
Text

28.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 354/171


DEĊIŻJONI Nru 1386/2013/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Novembru 2013

dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna”

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Atikolu 192(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1)

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-Unjoni stabbilixxiet għaliha stess l-għan li ssir ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklussiva sal-2020 b’sett ta’ politiki u azzjonijiet immirati biex issir ekonomija b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet tal-karbonju u effiċjenti fir-riżorsi (4).

(2)

Programmi ta’ azzjoni ambjentali suċċessivi pprovdew il-qafas għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent sa mill-1973.

(3)

Is-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Komunità (5) (is-sitt EAP) intemm f’Lulju tal-2012, iżda bosta miżuri u azzjonijiet imnedija fil-qafas tal-programm għadhom qed jiġu implimentati.

(4)

Il-valutazzjoni finali tas-Sitt EAP ikkonkludiet li l-programm wassal benefiċċji għall-ambjent u pprovda direzzjoni strateġika globali għall-politika ambjentali. Minkejja dawn il-kisbiet, xejriet insostenibbli għadhom jippersistu fl-erba’ oqsma prijoritarji identifikati fis-Sitt EAP: it-tibdil fil-klima, in-natura u il-bijodiversità, l-ambjent u s-saħħa u l-kwalita’ tal-ħajja, u riżorsi naturali u skart.

(5)

Il-valutazzjoni finali tas-Sitt EAP enfasizzat xi nuqqasijiet. Għaldaqstant, biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fis-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (“is-Seba’ EAP”) huma meħtieġa l-impenn sħiħ tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet relevanti tal-Unjoni u r-rieda li tittieħed responsabbiltà għat-twettiq tal-benefiċċji maħsuba tal-programm.

(6)

Skont ir-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bit-titolu “L-Ambjent Ewropew — il-qagħda u l-prospetti 2010” (“SOER 2010”) baqa’ numru ta’ sfidi ambjentali maġġuri, u se jkun hemm riperkussjonijiet serji jekk ma jsir xejn biex jiġu indirizzati.

(7)

Xejriet sistemiċi globali u l-isfidi relatati mad-dinamika tal-popolazzjoni, mal-urbanizzazzjoni, il-mard u l-pandemiji, il-bidla teknoloġika dejjem aktar mgħaġġla u t-tkabbir ekonomiku insostenibbli jżidu mal-kumplessità tal-indirizzar tal-isfidi ambjentali u l-kisba ta’ żvilupp sostenibbli fit-tul. L-iżgurar tal-prosperità fit-tul tal-Unjoni jesiġi li tittieħed aktar azzjoni sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.

(8)

Huwa essenzjali li l-għanijiet prijoritarji tal-Unjoni għall-2020 jiġu stabbiliti, skont il-viżjoni ċara fit-tul għall-2050. Dan jipprovdi wkoll ambjent stabbli għal investiment u tkabbir sostenibbli. Is-Seba’ EAP għandu jissejjes fuq inizjattivi ta’ politika fl-istrateġija Ewropa 2020 (6), inkluż il-pakkett dwar il-klima u l-enerġija tal-Unjoni (7), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan Direzzjonali lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju fl-2050 (8), l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 (9), il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi (10), l-Inizjattiva Ewlenija tal-Unjoni għall-Innovazzjoni (11) u l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għal Żvilupp Sostenibbli.

(9)

Is-Seba’ EAP għandu jgħin biex jintlaħqu l-miri ambjentali u dawk relattivi għat-tibdil fil-klima li dwarhom l-Unjoni diġà qablet kif ukoll biex jiġu identifikati l-lakuni fil-politika fejn jistgħu jkunu meħtieġa objettivi addizzjonali.

(10)

L-Unjon qablet li jinkiseb tnaqqis ta’ mill-inqas 20 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra (greenhouse gas - GHG) tagħha sal-2020 (30 %, bil-kundizzjoni li pajjiżi żviluppati oħrajn jimpenjaw ruħhom favur tnaqqis komparabbli tal-emissjonijiet u li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkontribwixxu b’mod xieraq skont ir-responsabbiltajiet tagħhom u l-kapaċitajiet rispettivi); jiġi żgurat li 20 % tal-konsum tal-enerġija jiġi minn enerġija rinnovabbli sal-2020; u jinkiseb tnaqqis ta’ 20 % fl-użu tal-enerġija primarja meta mqabbel mal-livelli pproġettati, permezz tat-titjib fl-effiċjenza enerġetika (12);

(11)

L-Unjoni qablet li jitrażżnu t-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema fl-Unjoni sal-2020, u, sa fejn huwa possibbli, jiġu restawrati filwaqt li jiżdied il-kontribut tal-Unjoni sabiex jiġi evitat it-telf tal-bijodiversità globali (13).

(12)

L-Unjoni tappoġġja l-għanijiet li jitwaqqaf it-telf globali tal-kopertura tal-foresti mhux aktar tard mill-2030 u li d-deforestazzjoni tropikali grossa titnaqqas b’mill-inqas 50 % sal-2020 meta mqabbel mal-livelli tal-2008 (14);

(13)

L-Unjoni qablet li jinkiseb status tajjeb għall-ilmijiet kollha tal-Unjoni, inkluż l-ilma ħelu (xmajjar u lagi, ilma ta’ taħt l-art), l-ilmijiet tranżizzjonali (estwarji/delti) u l-ilmijiet kostali f’distanza ta’ mil nawtiku mill-kosta sal-2015 (15).

(14)

L-Unjoni qablet li jinkiseb status ambjentali tajjeb fl-ilmijiet kollha tal-baħar tal-Unjoni sal-2020 (16).

(15)

L-Unjoni qablet li jinkisbu livelli ta’ kwalità tal-arja li ma jagħtux lok għal impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, u għal riskji għalihom (17);

(16)

L-Unjoni qablet li, sal-2020, tilħaq il-mira li s-sustanzi kimiċi jiġu prodotti u jintużaw f’modi li jwasslu għall-minimizzazzjoni tal-effetti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent (18).

(17)

L-Unjoni qablet li jiġu protetti l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem permezz tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-ġestjoni tal-iskart, u billi jitnaqqas l-impatt kumplessiv mill-użu tar-riżorsi filwaqt li tiġi mtejba l-effiċjenza ta’ tali użu, bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart li ġejja: prevenzjoni, tħejjija għall-użu mill-ġdid, riċiklar, irkupru ieħor u rimi (19).

(18)

L-Unjoni qablet li tistimola t-tranżizzjoni lejn ekonomija ħadra u tirsisti favur diżakkoppjar sħiħ tat-tkabbir ekonomiku u d-degradazzjoni ambjentali (20).

(19)

L-Unjoni qablet li tirsisti biex tinkiseb dinja li fiha d-degradazzjoni tal-art ma tibqax problema fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli (21).

(20)

Skont l-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandha l-objettiv li jkun hemm livell għoli ta’ protezzjoni meta titqies id-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Unjoni u hija bbażata fuq il-prinċipju prekawzjonali u fuq il-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni preventiva, li l-ħsara ambjentali għandha bħala prijorità tiġi rrettifikata fis-sors u li min iniġġes irid iħallas.

(21)

Għandha tittieħed azzjoni biex jitwettqu l-għanijiet prijoritarji tas-Seba’ EAP fil-livelli differenti ta’ governanza, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

(22)

L-involviment trasparenti ta’ atturi mhux governattivi huwa importanti biex jiżgura s-suċċess tas-Seba’ EAP u l-ksib tal-għanijiet prijoritarji tiegħu.

(23)

It-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistemi fl-Unjoni għandhom implikazzjonijiet importanti mhux biss għall-ambjent u l-benesseri tal-bnedmin, għandhom impatti wkoll fuq ġenerazzjonijiet futuri, kif ukoll huma ta’ spiża għas-soċjetà kollha, b’mod partikolari għall-atturi ekonomiċi f’setturi li jiddipendu direttament fuq is-servizzi tal-ekosistema.

(24)

Hemm lok sinifikanti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-GHG u tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi fl-Unjoni. Dan se jtaffi l-pressjoni fuq l-ambjent u jwassal għal iktar kompetittività u għal sorsi ġodda ta’ tkabbir u ta’ impjiegi permezz tal-iffrankar tal-ispejjeż minħabba effiċjenza mtejba, il-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjonijiet u l-ġestjoni aħjar tar-riżorsi tul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom. Sabiex jiġi realizzat dan il-potenzjal, politika tal-Unjoni aktar komprensiva dwar il-bidla fil-klima għandha tirrikonoxxi li s-setturi kollha tal-ekonomija jridu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra tibdil fil-klima.

(25)

Il-problemi u l-impatti ambjentali jkomplu joħolqu riskji sinifikanti għas-saħħa u l-benesseri tal-bniedem, filwaqt li miżuri li jtejbu l-istat tal-ambjent jistgħu jkunu ta’ benefiċċju.

(26)

L-implimentazzjoni sħiħa u uniformi tal-acquis ambjentali mal-Unjoni kollha hija investiment sod għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, kif ukoll għall-ekonomija.

(27)

Il-politika ambjentali tal-Unjoni għandha tkompli tissejjes fuq bażi soda ta’ konoxxenza u għandha tiżgura li l-evidenza li fuqha jissejjes it-tfassil tal-politika, inklużi każijiet meta l-prinċipju prekawzjonarju jkun ġie invokat, jista’ jiġi mifhum aħjar fil-livelli kollha.

(28)

L-għanijiet ambjentali u klimatiċi għandhom ikunu appoġġati minn investimenti xierqa, u l-fondi għandhom jintefqu b’mod aktar effettiv f’konformità ma’ dawk l-objettivi. Għandu jitħeġġeġ l-użu ta’ inizjattivi pubbliċi-privati.

(29)

L-integrazzjoni ambjentali fl-oqsma politiċi rilevanti kollha hija essenzjali biex tnaqqas il-pressjonijiet fuq l-ambjent li jirriżultaw minn politiki u attivitajiet ta’ setturi oħra u biex jintlaħqu l-miri relatati mal-ambjent u l-klima.

(30)

L-Unjoni għandha popolazzjoni b’densità għolja, u aktar minn 70 % taċ-ċittadini tagħha jgħixu f’żoni urbani u periurbani u jaffrontaw sfidi ambjentali speċifiċi u relatati mal-klima.

(31)

Ħafna mill-isfidi ambjentali huma fil-livell globali u jistgħu jiġu indirizzati bis-sħiħ biss permezz ta’ approċċ globali komprensiv, filwaqt li sfidi ambjentali oħrajn għandhom dimensjoni reġjonali qawwija. Dan jeħtieġ kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab, inkluż ma’ pajjiżi ġirien u pajjiżi u territorji extra-Ewropej.

(32)

Is-Seba’ EAP għandu jappoġġa l-implimentazzjoni, fl-Unjoni u fil-livell internazzjonali, tal-eżiti u l-impenji meħuda, fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2012 (Rio+20)„ bil-għan li jittrasformaw l-ekonomija globali f’ekonomija inklussiva u ekoloġika. fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar.

(33)

Permezz ta’ taħlita xierqa ta’ strumenti ta’ politika, in-negozji u l-konsumaturi jkunu jistgħu jtejbu l-fehim tagħhom tal-impatt tal-attivitajiet tagħhom fuq l-ambjent u jimmaniġġjaw dak l-impatt. Dawn l-istrumenti ta’ politika jinkludu inċentivi ekonomiċi, strumenti bbażati fuq is-suq, rekwiżiti ta’ informazzjoni kif ukoll għodod u miżuri volontarji li jikkomplementaw l-oqfsa leġiżlattivi u jinvolvu l-partijiet interessati f’livelli differenti.

(34)

Il-miżuri, l-azzjonijiet u l-miri kollha stabbiliti fis-Seba’ EAP għandhom jinżammu skont il-prinċipji tar-regolamentazzjoni intelliġenti (22) u, fejn xieraq, ikunu soġġetti għal stima komprensiva tal-impatt.

(35)

Il-progress lejn il-kisba tal-għanijiet tas-Seba’ EAP għandu jiġi mmonitorjat, ivvalutat u evalwat abbażi ta’ indikaturi miftiehma.

(36)

Skont l-Artikolu 192(3) tat-TFUE, l-għanijiet prijoritarji fir-rigward tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandhom jiġu stabbiliti fi programm ta’ azzjoni ġenerali.

(37)

Għall-għanijiet prijoritarji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, għadd ta’ miżuri u azzjonijiet huma identifikati fis-Seba’ EAP stabbilit fl-Anness, bil-għan li jinkisbu dawk l-għanijiet.

(38)

Ladarba l-għan ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-istabbiliment ta’ Programm Ġenerali ta’ Azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-Ambjent li jiffissa għanijiet prioritarji, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, saħansitra, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ dak il-programm ta’ azzjoni jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mall-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’dan huwa adottat programm ġenerali ta’ azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2020 (“is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali” jew “is-Seba’ EAP”), kif deskritt fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali għandu l-għanijiet prijoritarji li ġejjin:

(a)

li jipproteġi, jikkonserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni;

(b)

li l-Unjoni ssir ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva, b’livelli baxxi ta’ karbonju;

(c)

li jitħarsu ċ-ċittadini tal-Unjoni minn pressjonijiet relatati mal-ambjent u r-riskji għas-saħħa u l-benesseri;

(d)

li jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni billi titjieb l-implimentazzjoni;

(e)

li tittejjeb il-bażi ta’ konoxxenza u evidenza għall-politika ambjentali tal-Unjoni;

(f)

li jiġi assigurat l-investiment għall-politika ambjentali u dik dwar l-klima u jiġu indirizzati l-esternalitajiet ambjentali;

(g)

li titjieb l-integrazzjoni ambjentali u l-koerenza tal-politika;

(h)

li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-ibliet tal-Unjoni;

(i)

li tiżdied l-effettività tal-Unjoni fl-indirizzar tal-isfidi internazzjonali relatati mal-ambjent u l-klima.

2.   Is-Seba’ EAP għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju prekawzjonali, il-prinċipji tal-azzjoni preventiva u ta’ rettifika tat-tniġġis mis-sors u l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas.

3.   Is-Seba’ EAP għandu jikkontribwixxi għal-livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u għal titjib fil-kwalità ta’ ħajja u benesseri għaċ-ċittadini.

4.   Il-miżuri, l-azzjonijiet u l-miri kollha stabbiliti fis-Seba’ EAP ġenerali ġdid ta’ azzjoni ambjentali għandhom jiġu proposti u implimentati skont il-prinċipji tar-regolamentazzjoni intelliġenti u, fejn xieraq, soġġetti għal stima komprensiva tal-impatt.

Artikolu 3

1.   L-istituzzjonijiet relevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri huma responsabbli sabiex jieħdu l-azzjoni xierqa bil-għan li jitwettqu l-għanijiet prijoritarji stabbiliti fis-Seba’ EAP. L-azzjoni għandha tittieħed b’kunsiderazzjoni xierqa tal-prinċipji tal-konferiment, tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, skont l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

2.   L-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha għandhom jaħdmu man-negozji u l-imsieħba soċjali, mas-soċjetà ċivili u maċ-ċittadini individwali fl-implimentazzjoni tas-Seba’ EAP.

Artikolu 4

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-implimentazzjoni tal-elementi relevanti tas-Seba’ EAP tiġi mmonitorjata fil-kuntest tal-proċess ta’ monitoraġġ regolari tal-Istrateġija Ewropa 2020. Dan il-proċess għandu jkun infurmat permezz tal-indikaturi tal-Aġenzija Ambjentali Ewropea dwar l-istat tal-ambjent kif ukoll indikaturi użati biex jimmonitorjaw il-progress fit-twettiq ta’ leġiżlazzjoni u objettivi eżistenti relatati mal-ambjent u mal-klima bħalma huma l-miri tal-klima u l-enerġija, il-miri tal-bijodiversità u t-tragwardi dwar l-effiċjenza tar-riżorsi.

2.   Il-Kummissjoni għandha twettaq ukoll evalwazzjoni tas-Seba’ EAP. Dik l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata, fost l-oħrajn, fuq ir-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent dwar l-istat tal-ambjent u fuq konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ibbażat fuq din l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien debitu qabel it-tmiem tas-Seba’ EAP.

3.   Fid-dawl ta’ dik l-evalwazzjoni u żviluppi ta’ politika rilevanti oħrajn, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun il-każ, tippreżenta proposta għat-Tmien EAP fi żmien opportun, bil-għan li jiġi evitat distakk bejn is-Seba’ EAP u t-Tmien EAP.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Novembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 77.

(2)  ĠU C 218, 30.7.2013 p. 53.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ottubru 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2013.

(4)  COM(2010) 2020 u konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 (EUCO 13/10).

(5)  Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità Ambjentali (ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1).

(6)  COM(2010) 2020.

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO 2 minn vetturi ħfief (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1), id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16), id-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63), id-Direttiva 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva 98/70/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 93/12/KEE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 88), id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114), id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136).

(8)  COM(2011) 112. Il-Kunsill kien ħa nota tal-Pjan Direzzjonali fil-Konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Mejju 2011 u l-pjan kien ġie approvat mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2012 (P7-TA(2012) 86).

(9)  COM(2011) 244.

(10)  COM(2011) 571.

(11)  COM(2010) 546.

(12)  Il-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta’ Marzu 2007.

(13)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u tas-26 ta’ Marzu 2010 (EUCO 7/10); Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ambjent tal-15 ta’ Marzu 2010 (7536/10); COM(2011) 244.

(14)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ambjent tal-4 ta’ Diċembru 2008 (16852/08).

(15)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(16)  Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(17)  Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE; Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1).

(18)  Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE; Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni ta’ Johannesburg (WSSD 2002).

(19)  Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart (ĠU L 312. 22.11.2008, p. 3).

(20)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ambjent tal-11 ta’ Ġunju 2012 (11186/12); COM(2011) 571.

(21)  Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti A/Res/66/288 tas-27 ta’ Lulju 2012 dwar ir-riżultat tal-Konferenza Rio+20, intitolata “Il-Futur Li Rridu”.

(22)  COM(2010) 543.


ANNESS

IS-SEBA’ PROGRAMM TA’ AZZJONI AMBJENTALI SAL-2020 — “NGĦIXU TAJJEB, FIL-LIMITI TAL-PJANETA TAGĦNA”

1.

Il-viżjoni 2050 li ġejja hija maħsuba biex tgħin fil-gwida tal-azzjoni sal-2020 u wara:

Fl-2050, ngħixu tajjeb, u fil-limiti ekoloġiċi tal-pjaneta. Il-prosperità tagħna u ambjent b’saħħtu jirriżultaw minn ekonomija innovattiva, ċirkolari fejn ma jinħela xejn u fejn ir-riżorsi naturali huma mmaniġġjati b’mod sostenibbli, u l-bijodiversità hija mħarsa, apprezzata u rrestawrata f’modi li jsaħħu r-reżiljenza tas-soċjetà tagħna. It-tkabbir tagħna b’livelli baxxi ta’ karbonju ilu li ġie diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi, u b’hekk twittiet it-triq għal soċjetà globali sikura u sostenibbli.

PROGRAMM GĦALL-AZZJONI SAL-2020

2.

Matul l-aħħar 40 sena, ġiet stabbilita firxa wiesgħa ta’ leġiżlazzjoni ambjentali, li tammonta għall-iktar standards moderni u komprensivi fid-dinja. Din għenet fl-indirizzar ta’ wħud mill-aktar kwistjonijiet ambjentali ta’ tħassib għaċ-ċittadini u n-negozji fl-Unjoni.

3.

L-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija tnaqqsu b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, kif naqsu wkoll il-GHG f’dawn l-aħħar snin. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi ġiet modernizzata, u ġie ristrett l-użu ta’ ħafna sustanzi tossiċi jew perikolużi bħal ċomb, kadmju u merkurju fi prodotti li jinsabu fil-biċċa kbira tad-djar. Iċ-ċittadini tal-Unjoni jibbenefikaw minn livell ta’ kwalità ta’ ilma li huwa fost l-aqwa fid-dinja, u aktar minn 18 % tat-territorju tal-Unjoni u 4 % tal-ibħra tagħha ngħataw id-deżinjazzjoni ta’ żoni ta’ protezzjoni tan-natura.

4.

Il-politika ambjentali tal-Unjoni stimolat l-innovazzjoni u l-investiment fi prodotti u servizzi ambjentali, u b’hekk inħolqu l-opportunitajiet ta’ impjiegi u ta’ esportazzjoni (1). It-tkabbir suċċessiv wassal standards għoljin ta’ protezzjoni ambjentali lil parti kbira tal-kontinent Ewropew, u l-isforzi tal-Unjoni kkontribwixxew lejn impenn internazzjonali akbar għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità, u għal sforzi globali ta’ suċċess sabiex jiġi eliminati sustanzi li jnaqqsu l-ożonu u l-fjuwils biċ-ċomb.

5.

Sar ukoll progress konsiderevoli fl-integrazzjoni tal-għanijiet ambjentali f’politiki u attivitajiet oħra tal-Unjoni. Sa mill-2003, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) riformata rabtet il-ħlasijiet diretti ma’ rekwiżiti li bdiewa iżommu l-art f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba u jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti. Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima saret parti integrali tal-politika tal-enerġija u qed isir progress fl-integrazzjoni ta’ tħassib dwar l-effiċjenza fir-riżorsi, it-tibdil fil-klima u l-effiċjenza enerġetika f’setturi ewlenin oħra, bħat-trasport u l-bini.

6.

Madankollu, ħafna xejriet ambjentali fl-Unjoni jkomplu jkunu kawża ta’ tħassib, mhux l-inqas minħabba l-implimentazzjoni insuffiċjenti tal-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti tal-Unjoni. 17 % biss tal-ispeċijiet u l-ħabitats vvalutati taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitats (2) għandhom status tajjeb ta’ konservazzjoni, u d-degradazzjoni u telf tal-kapital naturali qed jipperikolaw l-isforzi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni għall-bijodiversità u għat-tibdil fil-klima. Tali status ta’ speċijiet u ta’ ħabitats kif ukoll id-degradazzjoni u t-telf ta’ kapital naturali għandhom spejjeż assoċjati għoljin li għadhom ma ġewx ivvalutati kif suppost fis-sistema ekonomika jew soċjali tagħna. Hemm 30 % tat-territorju tal-Unjoni li huwa fframmentat ħafna, u dan jaffettwa l-konnettività u s-saħħa tal-ekosistemi u l-abbiltà tagħhom li jipprovdu servizzi kif ukoll ħabitats vijabbli għall-ispeċijiet. Għalkemm diġà sar progress fl-Unjoni biex it-tkabbir jiġi diżakkoppjat mill-emissjonijiet tal-GHG, mill-użu tar-riżorsi u mill-impatti ambjentali, l-użu tar-riżorsi għadu fil-biċċa l-kbira insostenibbli u ineffiċjenti, u għad hemm ħafna xi jsir fir-rigward tal-ġestjoni tal-iskart. Bħala riżultat, in-negozji fl-Unjoni mhux qed jibbenefikaw mill-opportunitajiet sinifikanti li toffri l-effiċjenza fir-riżorsi mil-lat tal-kompetittività, tat-tnaqqis fl-ispejjeż, tal-produttività mtejba, u tas-sigurtà tal-provvista. Il-kwalità tal-ilma u l-livelli tat-tniġġis tal-arja għadhom problematiċi f’ħafna partijiet tal-Ewropa, u ċ-ċittadini tal-Unjoni għadhom esposti għal sustanzi perikolużi, li potenzjalment jipperikolaw saħħithom u l-benesseri tagħhom. L-użu insostenibbli tal-art qiegħed inaqqas il-ħamrija fertili, u d-degradazzjoni tal-ħamrija qiegħda tissokta, u dan jirriżulta f’impatti fuq is-sigurtà tal-ikel globali u fuq il-kisba tal-miri tal-bijodiversità.

7.

Bidla ambjentali u klimatika fl-Unjoni qed tirriżulta dejjem aktar mill-iżviluppi li jseħħu fil-livell globali, inklużi dawk fir-rigward tad-demografija, tax-xejriet tal-produzzjoni u tal-kummerċ, u progress teknoloġiku rapidu. Tali żviluppi jistgħu joffru opportunitajiet sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku u l-benesseri tas-soċjetà, iżda joħolqu sfidi u inċertezzi għall-ekonomija u s-soċjetà tal-Unjoni u qed jikkawżaw degradazzjoni ambjentali madwar id-dinja (3).

8.

Flimkien mas-sistemi ħalja attwali ta’ produzzjoni u ta’ konsum fl-ekonomija dinjija, id-domanda globali dejjem tikber għal oġġetti u servizzi u t-tnaqqis tar-riżorsi qed iżidu l-prezz tal-materja prima, tal-minerali u tal-enerġija essenzjali, u b’hekk jiġi ġġenerat aktar tniġġis u skart, jiżdiedu l-emissjonijiet globali ta’ GHG u tiżdied id-degradazzjoni tal-art, id-deforestazzjoni u t-telf tal-bijodiversità. Kważi żewġ terzi tal-ekosistemi tad-dinja qed jiddeterjoraw (4) u hemm evidenza li l-limiti planetarji għall-bijodiversità, it-tibdil fil-klima u ċ-ċiklu tan-nitroġenu diġà ġew issuperati (5). X’aktarx se jkun hemm defiċjenza globali ta’ 40 % fl-ilma sal-2030 sakemm ma jkunx hemm progress sinifikanti fit-titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi. Hemm ukoll ir-riskju li t-tibdil fil-klima se jkompli jkabbar tali problemi, u se jirriżulta fi spejjeż għolja (6). Fl-2011, id-diżastri dovuti parzjalment għat-tibdil fil-klima rriżultaw f’telf ekonomiku globali ta’ aktar minn EUR 300 biljun. L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) wissiet li bid-degradazzjoni u t-telf kontinwi tal-kapital naturali hemm ir-riskju li dawn iwasslu għal bidliet irriversibbli li jistgħu jipperikolaw żewġ sekli ta’ titjib fl-istandards ta’ għajxien u jinvolvu spejjeż sinifikanti (7).

9.

L-indirizzar ta’ wħud minn dawn il-kwistjonijiet kumplessi jesiġi li nisfruttaw il-potenzjal sħiħ tat-teknoloġija ambjentali eżistenti u jiġu żgurati l-iżvilupp u l-adozzjoni kontinwi, min-naħa tal-industrija, tal-aqwa tekniki disponibbli u tal-innovazzjonijiet emerġenti, kif ukoll użu akbar ta’ strumenti bbażati fuq is-suq. Avvanzi rapidi f’oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija li jippromettu huma wkoll meħtieġa. Dan għandu jkun possibbli permezz ta’ spinta fir-riċerka u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet li jwasslu għal investimenti relatati mar-riċerka privata. Fl-istess ħin, hemm bżonn ta’ fehim aħjar tar-riskji potenzjali għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem assoċjati mat-teknoloġiji ġodda, u ta’ valutazzjoni u maniġġjar aħjar ta’ tali teknoloġiji. Din hija prekundizzjoni għall-aċċettazzjoni pubblika ta’ teknoloġiji ġodda, kif ukoll għall-ħila tal-Unjoni li tiddentifika u tirreaġixxi għal riski potenzjali assoċjati ma’ żviluppi teknoloġiċi b’mod effettiv u f’waqthom. L-innovazzjonijiet teknoloġiċi kbar għandhom ikunu akkumpanjati bi djalogi pubbliċi u proċessi parteċipatorji.

10.

Biex ngħixu tajjeb fil-futur, għandha tittieħed azzjoni urġenti, ikkoordinata issa biex intejbu r-reżistenza ekoloġika u nimmassimizzaw il-benefiċċji li l-politika ambjentali tista’ tipprovdi għall-ekonomija u s-soċjetà, filwaqt li jiġu rispettati l-limiti ekoloġiċi tal-pjaneta. Is-Seba’ EAP jirrifletti l-impenn tal-Unjoni li tittrasforma ruħha f’ekonomija ekoloġika inklussiva li tiżgura t-tkabbir u l-iżvilupp, tħares is-saħħa u l-benesseri tal-bniedem, tipprovdi impjiegi diċenti, tnaqqas l-inugwaljanzi u tinvesti fil-bijodiversità, kif ukoll tippreservaha, anke fis-servizzi relatati mal-ekosistema li hija tipprovdi (kapital naturali), għall-valur intrinsiku tagħha u għall-kontribut essenzjali tagħha għall-benesseri tal-bniedem u għall-prosperità ekonomika.

11.

It-trasformazzjoni f’ekonomija ħadra inklussiva teħtieġ l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ambjentali f’politiki oħra, bħall-enerġija, it-trasport, l-agrikoltura, is-sajd, il-kummerċ, l-ekonomija u l-industrija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, ix-xogħol, l-iżvilupp, l-affarijiet barranin, is-sigurtà, l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll il-politika soċjali u tat-turiżmu, sabiex toħloq approċċ koerenti u kkoordinat. L-azzjoni fi ħdan l-Unjoni għandha tiġi kkomplementata wkoll minn azzjoni globali u kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi ġirien sabiex jiġu indirizzati sfidi komuni.

12.

L-Unjoni tat bidu għal din it-trasformazzjoni bi strateġiji integrati, fit-tul biex twaqqaf it-telf tal-bijodiversità (8), ittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi (9) u tħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livelli baxxi ta’ karbonju li tkun sikura u sostenibbli (10). Barra minn hekk il-Kummissjoni integrat it-tħassib u l-għanijiet ambjentali f’inizjattivi reċenti meħuda f’oqsma ta’ politika ewlenin oħra, inklużi l-enerġija (11) u t-trasport (12), u ppruvat iżid il-benefiċċji ambjentali permezz ta’ riformi tal-politiki tal-Unjoni għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, is-sajd u l-koeżjoni, billi bniet fuq is-suċċessi li kien hemm sa llum. F’dan ir-rigward, il-kundizzjonalità għandha importanza partikolari fil-kontribut għas-sostenibbiltà tal-agrikoltura, billi tippromwovi l-protezzjoni ta’ ekosistemi vulnerabbli, bħall-korpi tal-ilma, il-ħamrija u l-ħabitats għall-ispeċijiet.

13.

L-Unjoni hija firmatarja għal numru kbir ta’ impenji legalment vinkolanti skont il-ftehimiet ambjentali multilaterali kif ukoll għal impenji ambjentali politikament vinkolanti, inklużi dawk miftiehma fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (’Rio+20’) (13). Id-dokument finali Rio+20 jirrikonoxxi l-ekonomija ekoloġika u inklużiva bħala għodda importanti għall-kisba ta’ żvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar. Id-dokument jistabbilixxi qafas għal azzjoni li jkopri t-tliet dimensjonijiet kollha ta’ żvilupp sostenibbli (ambjentali, soċjali u ekonomiku), li ħafna minnhom huma riflessi fl-għanijiet prijoritarji tas-Seba’ EAP. F’Rio+20 sar ftehim ukoll li jiġu żviluppati għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli li jkunu koerenti u integrati fl-aġenda tal-iżvilupp tan-NU għal wara l-2015, bil-għan li jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali u tiġi żviluppata strateġija ta’ finanzjament għall-iżvilupp sostenibbli. F’Rio+20 ġie adottat ukoll Qafas għal 10 Snin ta’ Programmi dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha issa għandhom jiżguraw li dawk l-impenji jiġu implimentati fl-Unjoni u għandhom jippromwovu l-implimentazzjoni tagħhom fuq livell globali.

14.

Is-Seba’ EAP jikkomplementa dawk l-isforzi billi jiddefinixxi għanijiet prijoritarji biex l-Unjoni tiksibhom tul il-perjodu sal-2020. Is-Seba’ EAP għandu jappoġġja l-implimentazzjoni u jħeġġeġ l-azzjoni fil-livelli kollha u jippromwovi investiment ambjentali u relatat mal-klima, ukoll lil hinn mill-2020.

15.

F’ħafna każijiet, il-ħtieġa ta’ azzjoni sabiex jinkisbu l-għanijiet prijoritarji se tkun primarjament fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. F’każijiet oħrajn, se jkunu meħtieġa miżuri addizzjonali fil-livell tal-Unjoni u internazzjonali. Il-pubbliku għandu wkoll ikollu rwol attiv u jkun informat kif xieraq dwar il-politika ambjentali. Billi l-politika ambjentali hija qasam ta’ kompetenza kondiviża fl-Unjoni, wieħed mill-għanijiet tas-Seba’ EAP huwa li joħloq sjieda komuni ta’ miri u għanijiet kondiviżi u l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet indaqs għan-negozji u għall-awtoritajiet pubbliċi. Permezz ta’ miri u għanijiet ċari, dawk li jfasslu l-politika u partijiet interessati oħrajn, inklużi r-reġjuni u l-ibliet, in-negozji u l-imsieħba soċjali, u ċittadini individwali, jingħataw sens ta’ direzzjoni u qafas prevedibbli għal azzjoni.

16.

L-iżvilupp integrat u koerenti tal-politika ambjentali u tal-klima jistgħu jgħinu jiżguraw li l-ekonomija u s-soċjetà tal-Unjoni jkunu mħejjija sew biex jiffaċċjaw l-isfidi msemmija hawn fuq. Tali azzjoni teħtieġ li niffukaw fuq tliet objettivi tematiċi:

(a)

li jitħares, jiġi kkonservat u msaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni;

(b)

li l-Unjoni ssir ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva, b’livelli baxxi ta’ karbonju;

(c)

li ċ-ċittadini tal-Unjoni jitħarsu minn pressjonijiet relatati mal-ambjent u r-riskji għas-saħħa u l-benesseri.

Dawk it-tliet objettivi tematiċi huma interkonnessi u għandhom jiġu segwiti b’mod parallel. L-azzjoni meħuda taħt objettiv wieħed sikwiet se tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu objettivi oħrajn. Per eżempju, it-titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi se tnaqqas il-pressjoni fuq il-kapital naturali, filwaqt li t-titjib tar-reżiljenza tal-bażi tal-kapital naturali tal-Unjoni se jwassal għal benefiċċji għas-saħħa u l-benesseri tal-bniedem. L-azzjoni biex jittaffa t-tibdil fil-klima u biex isir adattament għalih se żżid ir-reżiljenza tal-ekonomija u s-soċjetà tal-Unjoni, filwaqt li tistimula l-innovazzjoni u tħares ir-riżorsi naturali tal-Unjoni.

PRIJORITAJIET TEMATIĊI

Għan prijoritarju 1:   Jiġi protett, ippreservat u msaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni

17.

Il-prosperità ekonomika u l-benesseri tal-Unjoni huma msejsa fuq il-kapital naturali tagħha, jiġifieri l-bijodiversità tagħha, inklużi l-ekosistemi li jipprovdu oġġetti u servizzi essenzjali, minn ħamrija fertili u foresti multifunzjonali sa art u ibħra produttivi, minn ilma ħelu ta’ kwalità tajba u arja nadifa sad-dakkir u r-regolazzjoni tal-klima u l-protezzjoni kontra d-diżastri naturali. Ġabra sostanzjali ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha l-għan li tipproteġi, tippreserva u ssaħħaħ il-kapital naturali, u tinkludi d-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma (14), id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marittima (15), id-Direttiva dwar l-Ilma Urban Mormi (16), id-Direttiva dwar in-Nitrati (17), id-Direttiva dwar l-Għargħar (18), id-Direttiva dwar is-Sustanzi ta’ Prijorità (19), id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja u dawk relatati (20) u d-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar (21). Il-leġiżlazzjoni li tindirizza t-tibdil fil-klima, is-sustanzi kimiċi, l-emissjonijiet industrijali u l-iskart tikkontribwixxi wkoll biex jittaffu l-pressjonijiet fuq il-ħamrija u l-bijodiversità, inklużi l-ekosistemi, l-ispeċijiet u l-ħabitats kif ukoll biex jitnaqqas ir-rilaxx ta’ nutrijenti.

18.

Madankollu, valutazzjonijiet reċenti juru li għadha qed tintilef il-bijodiversità fl-Unjoni u li l-biċċa l-kbira tal-ekosistemi huma serjament degradati (22) minħabba d-diversi pressjonijiet. Per eżempju, l-ispeċijiet aljeni invażivi joħolqu riskji akbar għas-saħħa tal-pjanti, tal-annimali u tal-bniedem, għall-ambjent u għall-ekonomija milli kien stmat qabel. L-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 tistabbilixxi miri u azzjonijiet meħtieġa biex ireġġgħu lura dawn ix-xejriet negattivi, biex iwaqqfu t-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi sal-2020 u biex dawn jiġu rrestawrati kemm jista’ jkun possibbli (23). Jeħtieġ li titħaffef l-implimentazzjoni ta’ dik l-Istrateġija u li jintlaħqu l-objettvi ffissati fiha biex l-Unjoni tkun tista’ tilħaq il-mira ewlenija tagħha għall-bijodiversità għall-2020. Billi l-Istrateġija tinkludi miżuri inkorporati biex itejbu l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, inkluż in-netwerk Natura 2000, biex tintlaħaq il-mira kumplessiva se tkun meħtieġa l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti kollha mmirata lejn il-protezzjoni tal-kapital naturali.

19.

Minkejja r-rekwiżit fid-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma li jitħarsu, jisaħħew u jiġu rrestawrati l-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art, u l-isforzi konsiderevoli li saru sal-lum, l-objettiv ta’ ’status ekoloġiku tajjeb’ sal-2015 x’aktarx li jintlaħaq biss għal 53 % tal-massa tal-ilma tal-wiċċ fl-Unjoni (24). Il-mira tad-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima li jinkiseb ’status ambjentali tajjeb’ sal-2020 tinsab ukoll taħt pressjonijiet qawwija, minħabba, inter alia, sajd żejjed kontinwu, tniġġis (inkluż l-istorbju taħt l-ilma u skart fil-baħar), kif ukoll l-effetti tat-tisħin globali bħall-aċidifikazzjoni, fl-ibħra tal-Ewropa. B’mod partikolari fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed, fejn il-maġġoranza tal-istati kostali mhumiex Stati Membri tal-Unjoni, il-kollaborazzjoni mill-qrib fl-Unjoni u mal-ġirien tagħha ser tkun essenzjali biex tali sfidi jiġu indirizzati b’mod effettiv. Filwaqt li l-politiki tal-Unjoni dwar l-arja u dwar l-emissjonijiet industrijali għenu biex inaqqsu ħafna forom ta’ tniġġis, l-ekosistemi għadhom ibatu minn depożiti eċċessivi ta’ nitroġenu u kubrit u minn tniġġis tal-ożonu assoċjati mal-emissjonijiet mit-trasport, mill-ġenerazzjoni tal-enerġija u minn prattiki agrikoli mhux sostenibbli.

20.

Il-protezzjoni, konservazzjoni, tisħiħ u apprezzament tal-kapital naturali tal-Unjoni għalhekk jesiġu wkoll indirizzar tal-problemi mis-sors permezz, inter alia, ta’ integrazzjoni aħjar tal-għanijiet għall-kapital naturali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki oħra, u l-iżgurar li l-politiki jkunu koerenti u li jiġu pprovduti benefiċċji reċiproċi. L-elementi relatati mal-ambjent stabbiliti fil-proposti ta’ riforma tal-Kummissjoni, b’ mod partikolari għall-politika tal-Unjoni dwar l-agrikoltura, is-sajd u l-koeżjoni, appoġġati mill-proposti għal approċċ aktar ekoloġiku għall-baġit tal-Unjoni skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 huma mfassla biex jappoġġaw dawk l- għanijiet. Billi l-agrikoltura u l-forestrija flimkien jirrappreżentaw 78 % tal-kopertura tal-art fl-Unjoni, huma għandhom rwol ewlieni fil-preservazzjoni tar-riżorsi naturali, speċjalment l-ilma u l-ħamrija ta’ kwalità tajba kif ukoll il-bijodiversità u l-pajsaġġi kulturali differenti. PAK iktar ekoloġika tippromwovi prattiki agrikoli u forestali ta’ benefiċċju għall-ambjent bħad-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’, il-protezzjoni ta’ bwar u mergħat permanenti, u l-agroforestrija sostenibbli u tippromwovi wkoll l-istabbiliment u ż-żamma ta’ żoni ta’ art għall-biedja u ta’ foresti ekoloġikament importanti, inkluż permezz ta’ prattiki estensivi u tradizzjonali. Hija sservi wkoll sabiex tiżdied il-kapaċità tas-settur tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija jassorbi l-karbonju. Element essenzjali f’din l-agrikoltura sostenibbli hu l-biedja b’sens ta’ responsabbiltà għall-ġenerazzjonijiet futuri, filwaqt li fl-istess ħin hija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u hi produttiva.

21.

L-Unjoni għandha l-akbar territorju marittimu fid-dinja u għaldaqstant għandha responsabbiltà sinifikanti li tiżgura l-ħarsien tal-ambjent tal-baħar. Fil-każ tal-ambjent tal-baħar, filwaqt li s-settur marittimu joffri opportunitajiet ekonomiċi, mill-oqsma tas-sajd, tat-tbaħħir u tal-akkwakultura sal-materja prima u l-enerġija lil hinn mill-kosta u l-bijoteknoloġija tal-baħar, għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġi żgurat li l-isfruttar tagħhom ikun kompatibbli mal-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta. Flimkien, l-ippjanar spazjali marittimu u ġestjoni kostali integrat fl-Istati Membri u bejniethom jista’ jkollhom rwol effettiv fil-koordinazzjoni tal-użu sostenibbli tal-ibħra u żoni kostali, meta l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema jiġi applikat għall-ġestjoni ta’ attivitajiet settorjali differenti f’dawk l-oqsma. L-ambjent tal-baħar mhuwiex protett kif jixraq parzjalment minħabba l-fatt li t-tlestija tan-netwerk Natura 2000 waqgħet lura, u dan jeħtieġ aktar sforzi mill-Istati Membri. L-inħawi protetti tal-baħar jeħtieġu wkoll li jkunu mmaniġġati b’mod aktar effiċjenti.

22.

Approċċi bbażati fuq l-ekosistema għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima li jibbenefikaw minnhom ukoll il-bijodiversità u l-forniment ta’ servizzi oħra tal-ekosistema għandhom jintużaw b’mod aktar estensiv bħala parti mill-politika tal-Unjoni dwar it-tibdil fil-klima, filwaqt li għanijiet ambjentali oħra bħall-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-protezzjoni tal-ħamrija u tal-ilma għandhom jitqiesu bis-sħiħ fid-deċiżjonijiet dwar l-enerġija rinnovabbli. Fl-aħħar nett, il-miżuri biex jindirizzaw it-tniġġis tal-arja u l-emissjonijiet tas-CO2 relatati mat-trasport jeħtieġ li jittieħdu (25).

23.

Id-degradazzjoni, il-frammentazzjoni u l-użu insostenibbli tal-art fl-Unjoni qed jipperikolaw il-provvista ta’ bosta servizzi ewlenin tal-ekosistema, jheddu l-bijodiversità u jżidu l-vulnerabbiltà tal-Ewropa għat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali. Dawn qegħdin jaggravaw ukoll id-degradazzjoni tal-ħamrija u d-deżertifikazzjoni. Aktar minn 25 % tat-territorju tal-Unjoni huwa affettwat mill-erożjoni tal-ħamrija permezz tal-ilma, li tista’ tipperikola l-funzjonijiet tal-ħamrija u taffettwa l-kwalità tal-ilma ħelu. Il-kontaminazzjoni u l-impermeabbiltà tal-ħamrija huma wkoll problemi persistenti. Huwa maħsub li aktar minn nofs miljun sit madwar l-Unjoni kollha huma kkontaminati u sa meta jiġu identifikati u vvalutati, dawn se jkomplu jirrappreżentaw riskji ambjentali, ekonomiċi, soċjali u sanitarji, potenzjalment serji. Kull sena jittieħdu aktar minn 1 000 km2 ta’ art għall-bini ta’ djar, għall-industrija, għat-trasport jew għal finijiet ta’ rikreazzjoni. Tali bidliet fit-tul huma diffiċli jew jiswew ħafna flus biex jitreġġgħu lura, u kważi dejjem jinvolvu kompromessi bejn id-diversi ħtiġijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali. Kunsiderazzjonijiet ambjentali, inkluż il-ħarsien tal-ilma u l-konservazzjoni tal-bijodiversità, għandhom jiġu integrati fid-deċiżjonijiet tal-ippjanar li huma relatati mal-użu tal-art sabiex dawn isiru aktar sostenibbli, bil-għan li jsir progress sabiex jintlaħaq l-objettiv li ma tittieħed l-ebda art netta sal-2050.

24.

Saru livelli diversi ta’ progress fuq livell ta’ Stat Membru biex jiżguraw il-protezzjoni tal-ħamrija, inkluż fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ sit ikkontaminat, is-sensibilizzazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ monitoraġġ. Madankollu, il-progress bi sforzi bbażati fuq riskju u sforzi rimedjali oħrajn mhuwiex regolari, u r-riżultati u r-rappurtar fil-livell tal-Unjoni huma limitati. Bi tweġiba għal tħassib bħall-impatti negattivi fuq l-ċiklu tal-ilma naturali, il-Kummissjoni żviluppat linji gwida dwar is-siġillar tal-ħamrija (26). Sforzi addizzjonali biex jissaħħaħ il-kuntest regolatorju, jiġu żviluppati n-netwerks, tkun kondiviża l-konoxxenza, jiġu prodotti linji gwida u identifikati eżempji tal-aħjar prattika jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal protezzjoni aħjar tal-ħamrija. Il-Kummissjoni ssottomettiet proposta għal Direttiva li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ħamrija u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (27).

25.

Sabiex jitnaqqsu l-pressjonijiet l-aktar sinifikanti kkawżati mill-bniedem fuq l-art, fuq il-ħamrija u fuq ekosistemi oħrajn fl-Ewropa, se tittieħed azzjoni li tiżgura li d-deċiżjonijiet relatati mal-użu tal-art fil-livelli rilevanti kollha jqisu b’mod xieraq kemm l-impatti ambjentali kif ukoll dawk ekonomiċi u soċjali. L-eżitu ta’ Rio+20, fejn ġie rikonoxxut is-sinifikat ekonomiku u soċjali tal-ġestjoni tajba tal-art, talab “dinja fejn id-degradazzjoni tal-art ma tibqax problema”. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jirriflettu fuq kif tali impenn jista’ jsir operazzjonali bl-aħjar mod fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom mill-aktar fis jirriflettu wkoll dwar kif jindirizzaw kwistjonijiet dwar il-kwalità tal-ħamrija bl-użu ta’ approċċ immirat u proporzjonat ibbażat fuq ir-riskju f’qafas legali vinkolanti. Għandhom ikunu stipulati wkoll miri għall-użu sostenibbli tal-art u tal-ħamrija.

26.

Għalkemm ir-rilaxxi tan-nitroġenu u tal-fosforu fl-ambjent tal-Unjoni naqsu b’mod konsiderevoli matul dawn l-aħħar 20 sena, rilaxxi eċċessivi ta’ nutrijenti għadhom jaffettwaw il-kwalità tal-arja u l-ilma u għadhom ikollhom impatt negattiv fuq l-ekosistemi, u b’hekk jikkawżaw problemi sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem. B’mod partikolari, ir-rilaxx tal-ammonju minħabba ġestjoni ineffiċjenti tal-fertilizzanti u trattament inadegwat tal-ilma mormi jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod urġenti biex jinkiseb tnaqqis aktar sinifikanti fir-rilaxxi ta’ nutrijenti. Huma meħtieġa wkoll sforzi ulterjuri biex jiġi mmaniġġat iċ-ċiklu tan-nutrijenti b’mod iktar kosteffettiv, sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi, u biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-fertilizzanti. Tali sforzi jeħtieġu investimenti fir-riċerka u titjib fil-koerenza u fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, li l-istandards isiru aktar stretti fejn meħtieġ u ċ-ċiklu tan-nutrijenti jiġi ttratat bħala parti minn approċċ aktar ħolistiku li jintegra u joħloq rabtiet bejn politiki eżistenti tal-Unjoni li għandhom rwol fit-trattament tal-ewtrofikazzjoni u ta’ rilaxxi eċċessivi ta’ nutrijenti, u li jevita sitwazzjoni li permezz tagħha l-emissjonijiet tan-nutrijenti jiġu spustjati bejn is-setturi ambjentali.

27.

Azzjoni skont l-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-UE biex jiġu restawrati tal-anqas 15 % tal-ekosistemi degradati fl-Unjoni u biex jiġi estiż l-użu ta’ Infrastruttura Ekoloġika (għodda li tipprovdi benefiċċji ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali permezz ta’ soluzzjonijiet naturali, li jinkorporaw l-ispazji ħodor, l-ekosistemi akwatiċi u karatteristiċi fiżiċi oħra fiż-żoni terrestri u tal-baħar) se tgħin biex tingħeleb il-frammentazzjoni tal-art. Tali azzjoni se ssaħħaħ, flimkien mal-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, appoġġata mill-Oqfsa ta’ Azzjoni ta’ prijorità, iktar il-kapital naturali u żżid ir-reżistenza tal-ekosistemi, u tista’ toffri alternattivi kosteffettivi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih kif ukoll il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri. Sadanittant, l-isforzi tal-Istati Membri biex ikunu mmappjati u vvalutati l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom se jtejbu d-disponibbiltà tad-dejta, u flimkien mal-inizjattiva ta’ “ebda telf nett” ippjanata għall-2015 se jikkontribwixxu għaż-żamma tal-istokk tal-kapital naturali fuq bosta livelli. L-integrazzjoni tal-valur ekonomiku tas-servizzi tal-ekosistema fis-sistemi tal-kontabbiltà u tar-rappurtar fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali sal-2020 se tirriżulta f’ġestjoni aħjar tal-kapital naturali tal-Unjoni.

28.

Sabiex jipproteġi, jippreserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni, is-Seba’ EAP għandu jiżgura li sal-2020:

(a)

jitrażżnu t-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi, inkluż id-dakkir, jinżammu u jissaħħu l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom u tal-anqas 15 % tal-ekosistemi degradati jkunu ġew restawrati;

(b)

jitnaqqas b’mod konsiderevoli l-impatt tal-pressjonijiet fuq l-ilmijiet tranżizzjonali, kostali u l-ilma ħelu (inklużi l-ilmijiet tal-wiċċ u ta’ taħt l-art) sabiex jinkiseb, jinżamm jew jissaħħaħ l-istatus tajjeb kif iddefinit fid-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma.

(c)

jitnaqqas l-impatt ta’ pressjonijiet fuq l-ilmijiet tal-baħar sabiex jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb kif meħtieġ mid-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima, u ż-żoni kostali jiġu mmaniġġati b’mod sostenibbli.

(d)

jitnaqqsu aktar it-tniġġis tal-arja u l-impatti tiegħu fuq l-ekosistemi u l-bijodiversità sabiex fuq perjodu twil ta’ żmien jintlaħaq l-objettiv li ma jinqabżux piżijiet u livelli kritiċi;

(e)

l-art tkun immaniġġata b’mod sostenibbli fl-Unjoni, il-ħamrija tkun protetta b’mod adegwat u r-rimedjar tas-siti kkontaminati jkun fi stadju avvanzat;

(f)

iċ-ċiklu tan-nutrijenti (nitroġenu u fosfru) ikun immaniġġat b’mod aktar sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi;

(g)

l-immaniġġar tal-foresti jkun sostenibbli, u jiġu protetti l-foresti, il-bijodiversità tagħhom u s-servizzi pprovduti minnhom u kemm jista’ jkun jissaħħu u r-reżiljenza tal-foresti għat-tibdil fil-klima, għan-nirien, għat-tempesti, għall-parassiti u għall-mard titjieb.

Dan jesiġi, b’mod partikolari:

(i)

it-tħaffif mingħajr dewmien tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità, sabiex jintlaħqu l-objettivi tagħha;

(ii)

l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan sabiex jiġu Salvagwardjati r-Riżorsi tal-Ilma (28), filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-Istati Membri, u jiġi żgurat li l-objettivi tal-kwalità tal-ilma jkunu appoġġati kif xieraq minn miżuri ta’ politika bbażati fuq is-sorsi;

(iii)

it-tisħiħ urġenti tal-isforzi, inter alia, sabiex jiġi żgurat li jinkisbu stokkijiet tajbin tal-ħut f’konformità mal-Politika Komuni tas-Sajd, id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima u obbligi internazzjonali; issir ġlieda kontra t-tniġġis u tiġi stabbilita mira prinċipali kwantitattiva ta’ tnaqqis madwar l-Unjoni kollha għall-iskart tal-baħar appoġġata minn miżuri bbażati fuq is-sorsi u filwaqt li jitqiesu l-istrateġiji stabbiliti mill-Istati Membri; It-tlestija tan-netwerk ta’ żoni tal-baħar protetti Natura 2000, u li jiġi żgurat li l-inħawi kostali jiġu mmaniġġati b’mod sostenibbli;

(iv)

li jsir ftehim dwar u tiġi implimentata strateġija tal-UE ta’ adattament għall-bidliet fil-klima (29), inkluża l-integrazzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima fl-inizjattivi ta’ politika u fis-setturi ewlenin tal-Unjoni;

(v)

Sforzi msaħħa sabiex tinkiseb konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kwalità tal-arja u biex jiġu ddefiniti miri u azzjonijiet strateġiċi għal wara l-2020;

(vi)

It-tisħiħ tal-isforzi sabiex tonqos l-erożjoni tal-ħamrija u tiżdied il-materja organika tal-ħamrija, jiġu rrimedjati s-siti kkontaminati u tissaħħaħ l-integrazzjoni ta’ aspetti tal-użu tal-art f’teħid tad-deċiżjonijiet ikkoordinat li jinvolvi l-livelli rilevanti kollha ta’ ggvernar, appoġġata minn l-adozzjoni ta’ miri dwar il-ħamrija u dwar l-art bħala riżorsa u ta’ għanijiet ta’ ppjanar għall-ħamrija u l-art;

(vii)

It-teħid ta’ passi ulterjuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tan-nitroġenu u tal-fosfru, inklużi dawk minn ilma tad-drenaġġ urban u industrijali u mill-użu ta’ fertilizzanti, fost l-oħrajn permezz ta’ kontroll imtejjeb tas-sors, u biex jiġi rkuprat l-iskart tal-fosfru;

(viii)

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ Strateġija mġedda tal-Unjoni dwar il-Foresti li tindirizza d-domandi u l-benefiċċji multipli relatati mal-foresti u tikkontribwixxi għal approċċ aktar strateġiku li jipproteġi u jsaħħaħ il-foresti, inkluż permezz tal-immaniġġar sostenibbli tal-foresti;

(ix)

It-tisħiħ tal-għoti ta’ informazzjoni pubblika, sensibilizzazzjoni u edukazzjoni fl-Unjoni fir-rigward tal-politika ambjentali.

Għan prijoritarju 2:   Biex l-Unjoni ssir ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva, b’livelli baxx ta’ karbonju

29.

L-Istrateġija Ewropa 2020 għandha l-għan li tippromwovi t-tkabbir sostenibbli billi tiżviluppa ekonomija b’użu baxx tal-karbonju li tuża r-riżorsi b’mod aktar effiċjenti u sostenibbli. L-Inizjattiva Ewlenija “Ewropa Effiċjenti fl-Użu tar-Riżorsi” tagħha għandha l-għan li tappoġġa l-bidla lejn ekonomija li hija effiċjenti fil-mod kif tuża r-riżorsi kollha, tnaqqas l-estrazzjoni tar-riżorsi u l-użu tagħhom b’mod ġenerali, ikollha diżakkoppjar sħiħ tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi u tal-enerġija u l-impatti ambjentali tiegħu, tnaqqas l-emissjonijiet ta’ GHG, ittejjeb il-kompetittività permezz tal-effiċjenza u l-innovazzjoni u tippromwovi iktar sigurtà tal-enerġija u tar-riżorsi, inkluż permezz tal-użu globali mnaqqas tar-riżorsi. Il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa Effiċjenti fl-Użu tar-Riżorsi u l-Pjan Direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (30) huma komponenti ewlenin tal-Inizjattiva Ewlenija, li jistabbilixxu l-qafas għal azzjonijiet futuri biex jinkisbu dawk l-għanijiet, u għandhom jiġu appoġġati bl-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, sħubija bejn l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-industrija, taħt il-politika industrijali integrata tal-Unjoni, tipprovdi mezz ta’ tisħiħ tal-investiment u l-innovazzjoni f’sitt swieq ta’ tkabbir relatati mal-ekonomija ħadra (31).

30.

L-innovazzjoni biex tittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi hija meħtieġa fl-ekonomija kollha biex b’hekk titjieb il-kompetittività fil-kuntest ta’ prezzijiet tar-riżorsi dejjem ogħla, ta’ skarsezza u ta’ limiti fil-provvista tal-materja prima, u d-dipendenza fuq l-importazzjoni. Is-settur tan-negozju huwa l-katalizzatur ewlieni tal-innovazzjoni, inkluża l-ekoinnovazzjoni. Madankollu, is-swieq waħedhom mhux se jipprovdu r-riżultati mixtieqa u sabiex itejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom, l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) b’mod partikulari jeħtieġu assistenza speċifika biex jadottaw teknoloġiji ġodda, inkluż permezz ta’ sħubijiet ta’ riċerka u innovazzjoni dwar l-iskart (32). Azzjoni fil-livell tal-gvern, dak tal-Unjoni u dak tal-Istati Membri, hija essenzjali biex tipprovdi l-aħjar kundizzjonijiet ta’ qafas għall-investimenti u għall-ekoinnovazzjoni, u b’hekk jiġi stimulat l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet sostenibbli teknoloġiċi jew tan-negozju għall-isfidi ambjentali u l-promozzjoni ta’ xejriet sostenibbli ta’ użu tar-riżorsi (33).

31.

Dan ir-rekwiżit ewlieni biex tiġi indirizzata l-isfida ambjentali għandu wkoll benefiċċji soċjoekonomiċi importanti u jista’ jistimola l-kompetittività. Tkabbir potenzjali fl-impjiegi li jirriżulta mit-trasformazzjoni għal ekonomija b’livelli baxxi ta’ karbonju, effiċjenti fir-riżorsi, sikura u sostenibbli, huwa ċentrali għall-ksib tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 għall-impjiegi (34). Matul dawn l-aħħar snin, l-impjieg fis-setturi ta’ teknoloġiji ambjentali u tas-servizzi fl-Unjoni kienu qed jikbru b’madwar 3 % fis-sena (35). Is-suq globali għall-ekoindustriji huwa stmat li jiswa mill-inqas triljun euro (36), u huwa mistenni li kważi jirdoppja matul l-10 snin li ġejjin. Kumpaniji Ewropej diġà qegħdin fuq quddiem fil-livell globali fir-riċiklaġġ u fl-effiċjenza enerġetika u għandhom jiġu mħeġġa li jibbenifikaw minn dan it-tkabbir fid-domanda globali, bl-appoġġ mill-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazjoni (37). Pereżempju, is-settur Ewropew tas-sorsi rinnovabbli waħdu huwa mistenni li jiġġenera iktar minn 400 000 impjieg ġdid sal-2020 (38). Bijoekonomija sostenibbli tista’ tikkontribwixxi wkoll għal tkabbir intelliġenti u aħdar fl-Ewropa, u fl-istess ħin tibbenefika minn effiċjenza mtejba fl-użu tar-riżorsi.

32.

L-implimentazzjoni sħiħa tal-Pakkett tal-Unjoni dwar il-Klima u l-Enerġija hija essenzjali sabiex jintlaħqu l-istadji ewlenin identifikati għall-2020 u biex sal-2050 tinbena ekonomija kompetittiva, sikura u sostenibbli, b’livelli baxxi ta’ karbonju. Billi bħalissal-Unjoni qed iżżomm ir-ritmu mixtieq biex sal-2020 tnaqqas l-emissjonijiet domestiċi tal-GHG b’20 % taħt il-livelli tal-1990, li tintlaħaq il-mira ta’ 20 % fl-effiċjenza enerġetika se tesiġi titjib ħafna aktar mgħaġġel fl-effiċjenza u bidla fl-imġiba. Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika (39) hija mistennija li tagħti kontribut sinifikanti f’dan ir-rigward, u tista’ tiġi kkomplimentata minn rekwiżiti ta’ effiċjenza għall-użu tal-enerġija tal-prodotti mqiegħda fis-suq tal-Unjoni. Fid-dawl ta’ domanda dejjem tikber għall-enerġija u tad-dibattitu kontinwu dwar il-kunflitt bejn l-użu tal-art għall-ikel u għall-bijoenerġija huwa wkoll importanti li ssir valutazzjoni komprensiva tad-disponibbiltà tal-provvista ta’ bijomassa sostenibbli. Huwa wkoll vitali li jiġi żgurat li l-bijomassa fil-forom kollha tagħha tkun prodotta u tintuża b’mod sostenibbli u effiċjenti matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħha, sabiex jitnaqqsu jew jiġu evitati l-impatti negattivi fuq l-ambjent u l-klima, u b’attenzjoni xierqa għall-kuntest ekonomiku tal-użi varji tal-biomassa bħala riżors. Dan jikkontribwixxi għal bini ta’ ekonomija b’użu baxx tal-karbonju.

33.

Jeħtieġ li s-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-GHG jekk l-Unjoni ser twettaq is-sehem ġust tagħha fl-isforzi globali. Jeħtieġ li l-Unjoni taqbel dwar il-passi li jmiss fir-rigward tal-qafas tagħha dwar il-klima u l-enerġija għal wara l-2020 sabiex tħejji ruħha għan-negozjati internazzjonali dwar ftehim legalment vinkolanti ġdid, iżda wkoll biex tipprovdi lill-Istati Membri, lill-industrija u lil setturi oħrajn qafas u objettiv(i) ċari u legalment vinkolanti biex jagħmlu l-investimenti meħtieġa fuq medda ta’ żmien medju u fit-tul, fit-tnaqqis tal-emissjonijiet, fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli. Għalhekk jeħtieġ li l-Unjoni tqis l-alternattivi ta’ politika biex twettaq il-qalba lejn ekonomija b’użu baxx tal-karbonju b’mod gradwali u kosteffettiv, filwaqt li tqis l-istadji indikattivi stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali għal Ekonomija b’Livelli Baxxi ta’ Karbonju sal-2050, li għandu jservi bħala bażi għal aktar ħidma. Il-Green Paper dwar qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 (40) tirrappreżenta pass importanti f’dan ir-rigward. Il-Pjan direzzjonali dwar l-Enerġija sal-2050 u l-White Paper dwar it-trasport jeħtieġ li jkunu msejsa fuq oqfsa ta’ politika b’saħħithom. Minbarra dan, jeħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw u jistabbilixxu strateġiji ta’ żvilupp fit-tul, kosteffettivi u b’livelli baxxi ta’ karbonju mmirati biex jiksbu l-għan tal-Unjoni li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ GHG bi 80 % sa 95 % sa nofs is-seklu, meta mqabbel mal-livelli tal-1990, bħala parti minn sforz biex tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura medja għal taħt iż-2 °C meta mqabbla ma’ livelli preindustrijali, u fil-kuntest tat-tnaqqis meħtieġ minn pajjiżi żviluppati bħala grupp, skont evidenza provduta mill-Panil Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (-IPCC). Is-Sistema tal-Unjoni tan-Negozjar tal-Emissjonijiet se tkompli tkun pilastru ċentrali tal-politika tal-Unjoni dwar il-klima għal wara l-2020 u għandha tiġi riformata strutturalment biex jiġi inċentivizzat l-investimenti f’teknoloġiji b’użu baxx ta’ karbonju. B’konsistenza mal-impenji internazzjonali, l-Unjoni, flimkien ma’ partijiet oħra għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC), għandha tappoġġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex irażżnu t-tibdil fil-klima permezz tal-bini tal-kapaċità, għajnuna finanzjarja u trasferiment tat-teknoloġija.

34.

L-adozzjoni, min-naħa tal-industrija, tal-’Aqwa Tekniki Disponibbli’ taħt id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (41) se twassal għal xejriet imtejba fl-użu tar-riżorsi u emissjonijiet imnaqqsa għal aktar minn 50 000 stallazzjoni industrijali ewlenija tal-Unjoni; b’hekk tkun qed tagħti kontribut sinifikanti biex jiġi stimulat l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi, ikun hemm approċċ aktar ekoloġiku lejn l-ekonomija u jitnaqqsu l-ispejjeż għall-industrija aktar fit-tul. Dan l-iżvilupp jista’ jiġi mħeġġeġ aktar permezz tal-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ ġestjoni ambjentali, bħall-EMAS (42), mill-industrija.

35.

Xi strumenti ta’ politika eżistenti rigward il-produzzjoni u l-konsum huma limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Hemm il-ħtieġa li jsir qafas li jagħti sinjali xierqa lill-produtturi u lill-konsumaturi biex jiġu promossi kemm l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u kemm l-ekonomija ċirkulari. Se jittieħdu miżuri biex titjieb aktar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u s-servizzi fis-suq tal-Unjoni matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom inklużi miżuri biex tiżdied il-provvista ta’ prodotti u ta’ servizzi sostenibbli mil-lat ambjentali u biex tiġi stimulata bidla sinifikanti fid-domanda tal-konsumatur għal tali prodotti. Dan se jinkiseb bl-użu ta’ taħlita bbilanċjata ta’ inċentivi għall-konsumaturi u għan-negozji (inklużi l-SMEs) ta’ strumenti bbażati fuq is-suq u ta’ regolamenti sabiex jitnaqqsu l-impatti ambjentali tal-operazzjonijiet u l-prodotti tagħhom. Il-konsumaturi għandhom jirċievu tagħrif preċiż, affidabbli u li faċilment jinftiehem dwar il-prodotti li huma jixtru, permezz ta’ tikketti ċari u koerenti, inkluż fir-rikward tad-dikjarazzjonijiet ambjentali. L-imballaġġ għandu jiġi ottimizzat biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatti ambjentali, filwaqt li għandhom jiġu appoġġati wkoll il-mudelli tan-negozju li jagħmlu użu effiċjenti tar-riżorsi, bħal ma huma s-sistemi tas-servizz dwar il-prodott, inkluż il-kiri ta’ prodotti. Il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-prodotti bħad-Direttivi dwar l-Ekodisinn u dwar it-Tikketta Enerġetika (43) u r-Regolament dwar l-Ekotikketta (44) se jiġu analizzati bl-għan li jitjiebu l-prestazzjoni ambjentali u l-effiċjenza fir-riżorsi tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, u jiġu indirizzati d-dispożizzjonijiet eżistenti permezz ta’ qafas politiku u leġiżlattiv aktar koerenti għall-produzzjoni u l-konsum sostenibbli fl-Unjoni (45). Dan il-qafas appoġġat mill-indikaturi taċ-ċiklu tal-ħajja għandu jindirizza l-frammentazzjoni u l-limitazzjonijet tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-acquis eżistenti dwar Produzzjoni u Konsum Sostenibbli (PKS), u jidentifika u fejn ikun meħtieġ jimla l-lakuni li hemm fil-politika, l-inċentivi u l-leġiżlazzjoni biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti minimi fir-rigward tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u s-servizzi huma fis-seħħ.

36.

Ladarba 80 % tal-impatti ambjentali kollha ta’ prodott matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu joriġinaw fil-fażi tad-disinn tiegħu, il-qafas tal-politika tal-Unjoni għandu jiżgura li l-prodotti prijoritarji mqiegħda fis-suq tal-Unjoni huma “ekodisinjati” bil-ħsieb li jottimizzaw l-effiċjenza fir-riżorsi u l-materjal, billi jindirizzaw, inter alia, id-durabbiltà, tal-prodott, il-kapaċità li jissewwa, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklabbiltà, il-kontenut riċiklat u t-tul tal-ħajja tal-prodott. Il-prodotti għandu jkollhom sors sostenibbli u jkunu ddisinjati għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ. Għandu jkun possibbli li dawn ir-rekwiżiti jiġu implimentati u li jkunu jistgħu jiġu infurzati. L-isforzi se jkunu intensifikati fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali biex jitneħħa x-xkiel għall-ekoinnovazzjoni (46) u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-ekoindustriji tal-Ewropa, u b’hekk jiġu ġġenerati benefiċċji għall-impjiegi ekoloġiċi u għat-tkabbir.

37.

Jiġi stabbilit qafas għal azzjoni li jtejjeb aspetti tal-effiċjenza fir-riżorsi li jmorru lil hinn mill-emissjonijiet tal-GHG u l-enerġija, jiġu stabbiliti miri biex jitnaqqas l-impatt ambjentali kumplessiv tal-konsum tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott, b’mod partikolari fis-setturi tal-ikel, tad-djar u tal-mobbiltà (47). Flimkien, dawk is-setturi jirrappreżentaw kważi 80 % tal-impatti ambjentali tal-konsum. L-indikaturi u l-objettivi għall-impatt fuq l-art, l-impatt fuq l-ilma, l-impatt fuq il-materjali u l-impatt tal-karbonju, kif ukoll ir-rwol tagħhom fis-Semestru Ewropew għandhom jiġu kkunsidrati wkoll f’dan ir-rigward. L-eżitu ta’ Rio+20 irrikonoxxa l-ħtieġa li jitnaqqas b’mod sinifikanti t-telf u l-ħela ta’ wara l-ħsad u oħrajn mill-ikel kif ukoll l-iskart tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tippreżenta strateġija komprensiva biex tiġi miġġielda l-ħela tal-ikel bla bżonn u twettaq ħidma mal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-ġenerazzjoni ta’ skart eċċessiv. Il-miżuri biex jiżdied l-ikkompostjar u d-diġestjoni anerobika tal-ikel mormi, kif xieraq, ikun utli f’dan ir-rigward.

38.

Minbarra r-rekwiżiti obbligatorji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku għal ċerti kategoriji ta’ prodotti (48), il-biċċa kbira tal-Istati Membri adottaw pjanijiet ta’ azzjoni volontarji u bosta ffissaw miri għal gruppi ta’ prodotti speċifiċi. Madankollu, hemm lok konsiderevoli għal amministrazzjonijiet fil-livelli kollha biex ikomplu jnaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom permezz tad-deċiżjonijiet ta’ xiri tagħhom. L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jieħdu passi ulterjuri biex jilħqu l-mira ta’ applikazzjoni tal-kriterji tal-akkwist ekoloġiku għal mill-inqas 50 % tal-offerti pubbliċi. Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tipproponi leġiżlazzjoni speċifika għas-setturi biex jiġu stabbiliti rekwiżiti obbligatorji għall-akkwist pubbliku ekoloġiku għal aktar kategoriji ta’ prodotti u l-kamp ta’ applikazzjoni għall-monitoraġġ perjodiku tal-progress tal-Istati Membri abbażi ta’ dejta adegwata mingħand l-Istati Membri, filwaqt li tikkunsidra l-ħtieġa li tnaqqas kemm jista’ jkun il-livell tal-piż amministrattiv. Għandhom jiġu żviluppati netwerks volontarji ta’ xerrejja ħodor.

39.

Hemm ukoll potenzjal konsiderevoli għal titjib fil-prevenzjoni u fil-ġestjoni tal-iskart fl-Unjoni sabiex ikun hemm użu aħjar tar-riżorsi, jinfetħu swieq ġodda, jinħolqu impjiegi ġodda u tonqos id-dipendenza fuq l-importazzjoni ta’ materja prima, filwaqt li jkun hemm inqas impatti fuq l-ambjent (49). Kull sena fl-Unjoni, huma prodotti 2,7 biljun tunnellati ta’ skart, li minnhom 98 miljun tunnellata (4 %) huma skart perikoluż. Fl-2011, il-medja tal-ġenerazzjoni per capita tal-iskart muniċipali kienet ta’ 503 kg madwar l-Unjoni, imma tvarja minn 298 kg sa 718 kg fl-Istati Membri individwali. Bħala medja, 40 % biss mill-iskart solidu jitħejja għall-użu mill-ġdid jew jiġi rriċiklat filwaqt li.xi Stati Membri jiksbu rata ta’ 70 %, li juri kif l-iskart jista’ jintuża bħala waħda mir-riżorsi ewlenin tal-Unjoni. Fl-istess ħin, ħafna Stati Membri jarmu fil-miżbliet aktar minn 75 % mill-iskart muniċipali tagħhom (50).

40.

It-trasformazzjoni tal-iskart f’riżorsa, kif mitlub fil-Pjan Direzzjonali għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, tesiġi l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart mal-Unjoni kollha kemm hi, fuq il-bażi tal-applikazzjoni stretta tal-ġerarkija tal-iskart u l-iżgurar li jkunu koperti t-tipi differenti ta’ skart (51). Sforzi addizzjonali huma meħtieġa biex: tonqos il-ġenerazzjoni per capita tal-iskart u l-ġenerazzjoni tal-iskart f’termini assoluti. Il-limitar tal-irkupru tal-enerġija għall-materjali mhux riċiklabbli (52), l-eliminazzjoni gradwali tar-rimi fil-miżbliet ta’ skart riċiklabbli jew li jista’ jiġi rkuprat (53), li jiġi żgurat riċiklaġġ ta’ kwalità għolja fejn l-użu ta’ materjal riċiklat ma jwassalx b’mod ġenerali għal impatti negattivi fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem, u li jiġu żviluppati swieq ta’ materja prima sekondarja huma wkoll meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-effiċjenza fir-riżorsi. Jeħtieġ li l-iskart perikoluż ikun immaniġġat b’mod li jitnaqqsu l-effetti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kif ġie miftiehem f’Rio+20. Biex jinkiseb dak il-għan, strumenti bbażati fuq is-suq u miżuri oħrajn li jiffavorixxu l-prevenzjoni, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid għandhom jiġu applikati ħafna iktar sistematikament madwar l-Unjoni, inkluża r-responsabbiltà estiża tal-produttur, filwaqt li għandu jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ ċikli ta’ materjali mhux tossiċi. Attivitajiet ta’ riċiklaġġ li jiffaċċjaw ostakli fis-suq intern tal-Unjoni għandhom jitneħħew u l-miri li jeżistu għall-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, l-irkupru u t-tneħħija tar-rimi fil-miżbliet, għandhom jiġu riveduti biex jersqu lejn “ekonomija ċirkolari” bbażata fuq iċ-ċiklu tal-ħajja, b’utilizzazzjoni f’kaskata ta’ riżorsi u bi kważi l-ebda skart residwu.

41.

L-effiċjenza fir-riżorsi fis-settur tal-ilma se tiġi indirizzata wkoll bħala prijorità sabiex tgħin fil-kisba ta’ status tajjeb tal-ilma. Minkejja li l-perjodi ta’ nixfa u l-iskarsezza tal-ilma jaffetwaw dejjem aktar partijiet tal-Ewropa, huwa stmat li 20–40 % tal-ilma disponibbli tal-Ewropa għadu qed jinħela, pereżempju, permezz ta’ tnixxijiet fis-sistema ta’ distribuzzjoni jew adozzjoni mhux adegwata tat-teknoloġiji tal-effiċjenza tal-ilma. Skont l-immudellar disponibbli, għad hemm lok konsiderevoli biex tiġi mtejba l-effiċjenza fl-ilma tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-domanda dejjem tikber u l-impatti tat-tibdil fil-klima huma mistennija li jżidu l-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma tal-Ewropa b’mod sinifikanti. F’dan l-isfond, sal-2020 l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal ilma nadif u li l-estrazzjoni tal-ilma tirrispetta l-limiti tar-riżorsi rinnovabbli tal-ilma disponibbli, bil-għan li jinżamm, jinkiseb jew jissaħħaħ l-istatus ta’ ilma tajjeb skont id-Direttiva Qafas tal-Ilma, inkluż billi titjieb l-effiċjenza fl-ilma permezz tal-użu ta’ mekkaniżmi tas-suq bħall-ipprezzar tal-ilma li jirrifletti l-valur reali tal-ilma, kif ukoll għodod oħrajn, bħall-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni (54). L-akbar setturi ta’ konsum, bħall-enerġija u l-agrikoltura, għandhom jitħeġġu biex tingħata prijorità għall-użu l-aktar effiċjenti tal-ilma. Il-progress se jiġi ffaċilitat billi jiġu aċċellerati l-wiri u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji, ta’ sistemi u ta’ mudelli tan-negozju innovattivi msejsa fuq il-Pjan Strateġiku ta’ Implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma.

42.

Qafas ta’ politika fit-tul u prevedibbli f’dawk l-oqsma kollha jgħin biex jistimola l-livell ta’ investimenti u l-azzjoni meħtieġa biex jiġu żviluppati bis-sħiħ swieq għal teknoloġiji aktar ekoloġiċi u jiġu promossi soluzzjonijiet kummerċjali sostenibbli. L-indikaturi u l-miri tal-effiċjenza fir-riżorsi, ibbażati fuq il-ġbir ta’ dejta b’saħħitha, jipprovdu l-gwida meħtieġa għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-oqsma pubbliċi u privati għat-trasformazzjoni tal-ekonomija. Ladarba jkun hemm qbil dwarhom fil-livell tal-Unjoni, tali indikaturi u miri se jsiru parti integrali tas-Seba’ EAP. Biex ikunu ta’ kontribut għal dan il-proċess, sal-2015 għandhom jiġu żviluppati metodoloġiji biex titkejjel l-effiċjenza tal-użu tal-ilma, tal-art, tal-materjali u tal-karbonju.

43.

Sabiex l-Unjoni ssir ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ekoloġika, kompetittiva u b’livelli baxxi ta’ karbonju, is-Seba’ EAP għandu jiżgura li sal-2020:

(a)

l-Unjoni tkun laħqet l-miri tagħha għall-2020 dwar il-klima u l-enerġija u tkun qed taħdem sabiex sal-2050 jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ GHG bi 80-95 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, bħala parti minn sforz globali li tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura medja għal taħt iż-2 °C mqabbla ma’ livelli preindustrijali, bil-ftehim dwar qafas għall-klima u l-enerġija għall-2030 bħala pass fundamentali f’dan il-proċess;

(b)

l-impatt ambjentali kumplessiv tas-setturi ewlenin kollha tal-ekonomija tal-Unjoni jitnaqqas b’mod konsiderevoli, tiżdied l-effiċjenza fir-riżorsi u li l-metodoloġiji ta’ benchmarking, kejl, inċentivi tas-suq u tal-politika li jrawmu investimenti tan-negozju fl-effiċjenza tar-riżorsi jkunu fis-seħħ, filwaqt li tkabbir ekoloġiku jkun stimulat permezz ta’ miżuri li jrawmu l-innovazzjoni;

(c)

tibdiliet strutturali fil-produzzjoni, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, kif ukoll fix-xejriet tal-konsum u fl-istili ta’ ħajja jkunu naqqsu l-impatt ambjentali kumplessiv tal-produzzjoni u l-konsum, b’mod partikolari fis-setturi tal-ikel, tad-djar u tal-mobbiltà;

(d)

l-iskart ikun immaniġġat b’mod sikur bħala riżorsa u sabiex tiġi evitata l-ħsara lis-saħħa u lill-ambjent, il-ġenerazzjoni tal-iskart f’termini assoluti u l-iskart iġġenerat per capita jkunu qed jonqsu, ir-rimi ta’ skart f’terraferma jkun limitat għall-iskart residwu (jiġifieri li ma jistax jiġi rkuprat jew riċiklat), filwaqt li jitqiesu l-posponimenti previsti fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (55), u l-irkupru tal-enerġija jkun limitat għal materjali mhux riċiklabbli, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (56);

(e)

l-istress fuq l-ilma fl-Unjoni jkun evitat jew imnaqqas b’mod sinifikanti.

Dan jesiġi, b’mod partikolari:

(i)

l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija u ftehim urġenti dwar il-qafas ta’ politika dwar il-klima u l-enerġija tal-Unjoni għall-2030, b’kunsiderazzjoni xierqa tar-rapport ta’ evalwazzjoni l-aktar riċenti tal-IPCC, u tal-istadji indikattivi ffissati fil-Pjan Direzzjonali dwar Ekonomija Kompetittiva b’Emissjonijiet Baxxi tal-Karbonju, kif ukoll l-iżviluppi fi ħdan l-UNFCCC u proċessi relevanti oħrajn;

(ii)

l-applikazzjoni ta’ “L-Aqwa Tekniki Disponibbli” issir ġeneralizzata fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali u li l-isforzi li jippromwovu l-adozzjoni ta’ teknoloġiji, proċessi u servizzi innovattivi u emerġenti jissaħħu.

(iii)

tingħata spinta lill-isforzi pubbliċi u privati meħtieġa fir-riċerka u l-innovazzjoni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji, sistemi u mudelli innovattivi li se jħaffu u jnaqqsu l-ispiża ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija b’livelli baxxi ta’ karbonju u effiċjenti fir-riżorsi, sikura u sostenibbli; l-iżvilupp ulterjuri tal-approċċ stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni, l-identifikazzjoni tal-prijoritajiet għall-innovazzjoni inkrementali kif ukoll bidliet fis-sistema, il-promozzjoni ta’ sehem tas-suq akbar ta’ teknoloġiji ħodor fl-Unjoni u t-tisħiħ tal-kompetittività tal-ekoindustrija Ewropea; l-iffissar ta’ indikaturi u ta’ objettivi realistiċi u li jinkisbu għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi;

(iv)

l-iżvilupp, sal-2015, ta’ metodoloġiji ta’ kejl u ta’ riferiment għall-effiċjenza tar-riżorsi fl-użu tal-art, tal-karbonju, tal-ilma u tal-materjali u l-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-inklużjoni ta’ indikatur u objettiv ewlieni fis-Semestru Ewropew;

(v)

l-istabbiliment ta’ qafas ta’ politika aktar koerenti għall-produzzjoni u l-konsum sostenibbli, inkluż, fejn xieraq, il-konsolidazzjoni tal-istrumenti eżistenti f’qafas legali koerenti. Ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti bl-għan li jitjiebu l-prestazzjoni ambjentali u l-effiċjenza fir-riżorsi tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; l-istimolazzjoni tad-domanda tal-konsumatur għall-prodotti u s-servizzi sostenibbli mill-aspett ambjentali permezz ta’ politiki li jippromwovu d-disponibbiltà tagħhom, l-aċċessibbiltà mill-aspett finanzjarju, il-funzjonalità u l-attrazzjoni tagħhom; l-iżvilupp ta’ indikaturi u miri realistiċi u realizzabbli għat-tnaqqis tal-impatt kumplessiv tal-konsum;

(vi)

l-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ immirati lejn impjiegi li jiffavorixxu l-ambjent;

(vii)

iż-żieda fl-isforzi biex jintlaħqu miri eżistenti u jiġu riveduti approċċi għall-akkwist pubbliku li jiffavorixxi l-ambjent, inkluż l-ambitu tiegħu, sabiex tiżdied l-effettività tiegħu; il-ħolqien ta’ netwerk ta’ xerrejja ekoloġiċi għall-impriżi tal-Unjoni;

(viii)

l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart. Tali implimentazzjoni se tinkludi l-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart f’konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u l-użu effettiv ta’ strumenti bbażati fuq is-suq u miżuri oħra biex jiżguraw li: (1) ir-rimi ta’ skart f’terraferma jkun limitat għal skart residwu (jiġifieri, skart mhux reċiklabbli u mhux rekuperabbli), filwaqt li jiġu kkunsidrati l-posponimenti pprovduti fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar ir-rimi tal-iskart f’terraferma; (2) l-irkupru tal-enerġija jkun limitat għal materjali mhux riċiklabbli, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart; (3) l-iskart riċiklat jintuża bħala sors ewlieni affidabbli ta’ materja prima għall-Unjoni, permezz tal-iżvilupp ta’ċikli ta’ materjal tossiku, (4) l-iskart perikoluż ikun immaniġġat b’mod sikur u l-ġenerazzjoni tiegħu titnaqqas; (5) il-ġarr illegali tal-iskart bil-baħar ikun eliminat bl-appoġġ ta’ monitoraġġ riġidu; u (6) l-iskart mill-ikel jonqos; isiru reviżjonijiet ta’ prodotti eżistenti u leġiżlazzjoni dwar l-iskart, inkluż reviżjoni tal-miri prinċipali tad-direttivi rilevanti dwar l-iskart, bl-informazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għal Ewropa tal-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, sabiex wieħed jersaq lejn ekonomija ċirkulari; u jitneħħew l-ostakli għas-suq intern fl-Unjoni għall-attivitajiet ta’ riċiklaġġ li jirrispettaw l-ambjent. Kampanji ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku huma meħtieġa biex tinbena kuxjenza dwar il-politika tal-iskart u l-politika tinftiehem aħjar, u sabiex jingħata stimolu lill-bidla fl-imġiba;

(ix)

it-titjib tal-effiċjenza fl-ilma billi jkunu ffissati u mmonitorjati miri fil-livell tal-baċini tax-xmajjar fuq il-bażi ta’ metodoloġija komuni sabiex jiġu żviluppati miri ta’ effiċjenza fl-ilma skont l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni, u bl-użu ta’ mekkaniżmi tas-suq, bħall-ipprezzar tal-ilma, kif jipprevedi l-Artikolu 9 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u, fejn xieraq, miżuri oħra tas-suq; l-iżvilupp ta’ approċċi biex jiġi ġestjonat l-użu tal-ilma mormi trattat.

Għan prijoritarju 3:   Jitħarsu ċ-ċittadini tal-Unjoni minn pressjonijiet relatati mal-ambjent u r-riskji għas-saħħa u l-benesseri.

44.

Il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni pprovdiet benefiċċji sinifikanti għas-saħħa u l-benesseri tal-pubbliku. Madankollu, it-tniġġis tal-ilma, it-tniġġis tal-arja u s-sostanzi kimiċi jibqgħu fost il-kwistjonijiet ambjentali ewlenin ta’ tħassib fost il-pubbliku ġenerali fl-Unjoni (57). Skont stima tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) aġenti li jikkawżaw stress ambjentali huma responsabbli għal bejn 15 u 20 % tal-imwiet kollha f’53 pajjiż Ewropew (58). Skont l-OECD, sal-2050 it-tniġġis tal-arja urbana qiegħed fil-proċess li jsir il-kawża ambjentali prinċipali ta’ mwiet madwar id-dinja.

45.

Parti sostanzjali mill-popolazzjoni tal-Unjoni tibqa’ esposta għal livelli ta’ tniġġis tal-arja, inkluż it-tniġġis tal-arja ta’ ġewwa, ogħla mill-istandards irrakkommandati mid-WHO (59). Pereżempju, it-tisħin lokali bil-faħam u l-magni u l-istallazzjonijiet ta’ kombustjoni huma sors sinifikanti ta’ idrokarburi poliaromatiċi mutaġeniċi u karċinoġeniċi (PAH) u emissjonijiet perikolużi ta’ materja partikulata (PM 10, PM 2,5 and PM 1). L-azzjoni hija speċjalment meħtieġa f’oqsma, bħal fl-ibliet, fejn in-nies, partikolarment gruppi tas-soċjetà sensittivi jew vulnerabbli, u l-ekosistemi huma esposti għal livelli għolja ta’ sustanzi li jniġġsu. Sabiex jiġi żgurat ambjent san għal kulħadd, il-miżuri ambjentali għandhom jiġu kkomplementati b’politika adegwata kemm fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni.

46.

L-aċċess għal ilma ta’ kwalità sodisfaċenti għadu problematiku f’għadd ta’ żoni rurali fl-Unjoni. Madankollu, l-iżgurar tal-kwalità tajba tal-ilmijiet għall-għawm tal-Ewropa jiffavorixxi kemm is-saħħa tal-bniedem kif ukoll l-industrija tat-turiżmu tal-Unjoni. Il-konsegwenzi negattivi tal-għargħar u n-nixfa għas-saħħa tal-bniedem u għall-attività ekonomika qed ikunu esperjenzati aktar ta’ spiss, parzjalment minħabba tibdil fiċ-ċiklu idroloġiku u fl-użu tal-art.

47.

In-nuqqas ta’ implimentazzjoni sħiħa tal-politika eżistenti qiegħed iżomm lill-Unjoni milli tikseb standards adegwati tal-kwalità tal-arja u tal-ilma. L-Unjoni se taġġorna l-miri skont l-aktar xjenza reċenti u se tipprova b’mod aktar attiv li tiżgura sinerġiji ma’ għanijiet oħra ta’ politika f’oqsma bħat-tibdil fil-klima, il-mobbiltà u t-trasport, il-bijodiversità u l-ambjent tal-baħar u tal-art. Pereżempju, it-tnaqqis ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu l-arja, inklużi s-sustanzi inkwinanti ta’ ħajja qasira, jista’ jagħti kontribut importanti għall-mitigazzjoni tal-klima. Aktar ħidma f’din id-direzzjoni se tiġi ggwidata permezz ta’ analiżi komprensiva tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kwalità tal-arja u permezz tal-implimentazzjoni tal-Pjan għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa.

48.

L-indirizzar tat-tniġġis mis-sors jibqa’ prijorità u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali se tkompli tnaqqas l-emissjonijiet minn setturi industrijali ewlenin. Il-kisba tal-miri stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport se twassal ukoll għal mobbiltà aktar sostenibbli fl-Unjoni, u b’hekk jiġi indirizzat sors ewlieni ta’ storbju u tat-tniġġis tal-arja lokali.

49.

Id-dejta disponibbli dwar il-medja fuq tul ta’ żmien turi li 65 % tal-Ewropej li jgħixu f’żoni urbani ewlenin huma esposti għal livelli għoljin ta’ storbju (60), u ’l fuq minn 20 % għal livelli tal-istorbju bil-lejl meta spiss jirriżultaw effetti negattivi fuq is-saħħa.

50.

Il-leġiżlazzjoni orizzontali dwar is-sustanzi kimiċi (REACH (61) u r-Regolamenti dwar il-Klassifikazzjoni, it-Tikkettar u l-Imballaġġ (62)) kif ukoll il-leġiżlazzjoni dwar prodotti bijoċidali (63) u prodotti li jipproteġu l-pjanti (64) tipprovdi protezzjoni referenzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, tiżgura stabbiltà u prevedibbiltà għall-operaturi ekonomiċi u tippromwovi l-adozzjoni ta’ metodi emerġenti li ma jinvolvux l-ittestjar fuq l-annimali. Madankollu, għad hemm inċertezza dwar l-impatti sħaħ, fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent, tal-effetti kkombinati ta’ sustanzi kimiċi differenti (taħlitiet), minn nanomaterjali, minn sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endrokrinali (ormoni) u sustanzi kimiċi fi prodotti. Ir-riċerka tindika li ċerti sustanzi kimiċi għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali u li jistgħu jikkawżaw effetti negattivi fuq is-saħħa u l-ambjent, inkluż fir-rigward tal-iżvilupp tat-tfal, potenzjalment anki b’dożi baxxi ħafna, u li tali effetti jesiġu l-kunsiderazzjoni ta’ azzjoni ta’ prekawzjoni.

Fid-dawl ta’ dan, għandhom jissaħħu l-isforzi biex jiġi żgurat li sal-2020 is-sustanzi kollha relevanti ta’ tħassib kbir, inklużi s-sustanzi bi proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali, jitpoġġew fuq il-lista ta’ kandidati tar-REACH. Teżisti l-ħtieġa ta’ azzjoni biex jiġu indirizzati tali sfidi, speċjalment jekk l-Unjoni għandha tilħaq il-mira miftiehma fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar fl-2002, affermata mill-ġdid f’Rio+20, u aċċettata wkoll bħala l-objettiv tal-Approċċ Strateġiku għall-Ġestjoni Internazzjonali tas-Sustanzi Kimiċi, jiġifieri li tkun żgurata “il-minimizzazzjoi tal-effetti negattivi sinifikanti” ta’ sustanzi kimiċi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent sal-2020 u r-reazzjoni għal kwistjonijiet u sfidi ġodda u emerġenti b’mod effettiv, effiċjenti, koerenti u kkoordinat.

L-Unjoni se tiżviluppa u timplimenta aktar approċċi li jindirizzaw l-effetti kkombinati ta’ sustanzi kimiċi u kwistjonijiet ta’ tħassib dwar is-sikurezza relatati mas-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali fil-leġiżlazzjoni relevanti kollha tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-Unjoni se tiżviluppa kriterji armonizzati bbażati fuq il-periklu għall-identifikazzjoni ta’ sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali. L-Unjoni se tistabbilixxi wkoll approċċ komprensiv sabiex tkun minimizzata l-espożizzjoni għal sustanzi perikolużi, inklużi sustanzi kimiċi fil-prodotti. Is-sikurezza u l-ġestjoni sostenibbli ta’ nanomaterjali u materjali bi proprjetajiet simili se jkunu żgurati, bħala parti minn approċċ komprensiv li jinvolvi l-istima u l-ġestjoni tar-riskju, l-informazzjoni u l-monitoraġġ. Jeżisti wkoll tħassib dwar l-impatti potenzjali fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem ta’ materjali li fihom partiċelli ta’ daqs li jaqgħu barra mill-ambitu tad-definizzjoni ta’ nanomaterjali iżda li jista’ jkollhom proprjetajiet simili għal nanomaterjali. Tali tħassib għandu jiġi eżaminat ulterjorment fir-reviżjoni ppjanata tal-Kummissjoni tad-definizzjoni ta’ nanomaterjali fl-2014, fid-dawl tal-esperjenza u tal-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi. Flimkien, dawk l-approċċi se jżidu l-bażi tal-konoxxenza kimika u jipprovdu qafas prevedibbli li jixpruna l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet aktar sostenibbli.

51.

Sadanittant, is-suq dejjem jikber għal prodotti, sustanzi kimiċi u materjali b’bażi bijoloġika jistgħu joffru vantaġġi bħal inqas emissjonijiet tal-GHG u opportunitajiet ġodda tas-suq, iżda għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġi żgurat li ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja ta’ tali prodotti jkun sostenibbli u ma jżidx il-kompetizzjoni għall-art jew l-ilma u lanqas ma jżid il-livelli tal-emissjonijiet.

52.

It-tibdil fil-klima se jkompli jaggrava l-problemi ambjentali billi jikkawża perjodi twal ta’ nixfa u sħana kbira, għargħar, maltempati, nirien forestali, erożjoni tal-ħamrija u kostali, kif ukoll forom ġodda jew aktar virulenti ta’ mard tal-bnedmin, tal-annimali jew tal-pjanti. Għandha tittieħed azzjoni ddedikata sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun ippreparata b’mod adegwat biex taffronta l-pressjonijiet u l-bidliet li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima, u biex tissaħħaħ ir-reżistenza ambjentali, ekonomika u dik tas-soċjetà tagħha. Billi ħafna setturi huma u se jkunu dejjem aktar suġġetti għall-impatti tat-tibdil fil-klima, il-konsiderazzjonijiet ta’ adattament u ta’ ġestjoni tar-riskju tad-diżastru għandhom ikunu integrati aktar fil-politiki tal-Unjoni.

53.

Barra minn hekk, il-miżuri biex tissaħħaħ ir-reżistenza ekoloġika u dik għall-klima, bħar-restawr tal-ekosistemi u l-infrastruttura ekoloġika, jistgħu jkollhom benefiċċji soċjoekonomiċi importanti, inkluż dak għas-saħħa pubblika. Is-sinerġiji u l-kompromessi potenzjali bejn l-għanijiet relatati mal-klima u dawk ambjentali oħra, bħall-kwalità tal-arja, jesiġu li jkunu mmaniġġati b’mod adegwat. Pereżempju, tibdil lejn ċerti fjuwils b’emissjonijiet iktar baxxi ta’ karbonju b’reazzjoni għal kunsiderazzjonijiet relatati mal-klima jew dwar is-sigurtà tal-provvista jista’ jwassal għal żidiet sostanzjali fl-emissjonijiet ta’ materja partikulata u l-emissjonijiet perikolużi, speċjalment fl-assenza ta’ teknoloġiji li jnaqqsu l-intensità tal-enerġija.

54.

Sabiex jitħarsu iċ-ċittadini tal-Unjoni minn pressjonijiet u minn riskji għas-saħħa u l-benesseri relatati mal-ambjent, is-Seba’ EAP għandu jiżgura li sal-2020:

(a)

il-kwalità tal-arja ta’ barra fl-Unjoni tkun tjiebet b’mod konsiderevoli billi tersaq iktar qrib il-livelli rakkomandati mid-WHO, filwaqt li l-kwalità tal-arja ta’ ġewwa tkun tjiebet, bl-informazzjoni tal-linji gwida relevanti tad-WHO;

(b)

it-tniġġis mill-istorbju fl-Unjoni jkun naqas b’mod sinifikanti billi jersaq qrib il-livelli rakkomandati mid-WHO.

(c)

iċ-ċittadini madwar l-Unjoni jibbenefikaw minn standards għoljin għal ilma sikur għax-xorb u għall-għawm.

(d)

l-effetti kkombinati ta’ sustanzi kimiċi u kwistjonijiet ta’ tħassib dwar is-sikurezza relatati ma’ sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali jkunu indirizzati b’mod effettiv fil-leġiżlazzjoni kollha rilevanti tal-Unjoni, u r-riskji għall-ambjent u għas-saħħa, b’mod partikolari fir-rigward tat-tfal, assoċjati mal-użu ta’ sustanzi perikolużi, inklużi sustanzi kimiċi fi prodotti, ikunu vvalutati u minimizzati. Se jiġu identifikati azzjonijiet fit-tul bil-għan li jintlaħaq l-objettiv ta’ ambjent mhux tossiku;

(e)

l-użu ta’ prodotti ta’ protezzjoni għall-pjanti ma jkollu l-ebda effett dannuż fuq is-saħħa tal-bniedem u lanqas effett inaċċettabbli fuq l-ambjent, u tali prodotti jintużaw b’mod sostenibbli;

(f)

tħassib dwar is-sikurezza relatat man-nanomaterjali u l-materjali bi proprjetajiet simili jiġi effettivament indirizzat bħala parti minn approċċ koerenti fil-leġiżlazzjoni;

(g)

isir progress deċiżiv fl-adattament għall-impatt tat-tibdil fil-klima.

Dan jesiġi, b’mod partikolari:

(i)

l-implimentazzjoni ta’ politika aġġornata tal-Unjoni dwar il-kwalità tal-arja, allinjata mal-aħħar konoxxenza xjentifika, u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ miżuri kontra t-tniġġis tal-arja mis-sors filwaqt li jiġu kkunsidrati d-differenzi bejn is-sorsi tat-tniġġis ta’ arja ta’ ġewwa u ta’ barra;

(ii)

l-implimentazzjoni tal-politika aġġornata tal-Unjoni dwar l-istorbju allinjata mal-aħħar konoxxenza xjentifika, u ma’ miżuri biex jitnaqqas l-istorbju mis-sors, u bl-inklużjoni ta’ titjib fid-disinn tal-ibliet;

(iii)

spinta lill-isforzi biex tiġi implimentata d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm (65) u d-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb (66), partikolarment għall-fornituri ż-żgħar tal-ilma tax-xorb;

(iv)

it-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-REACH sabiex jiġi żgurat livell għoli għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ sustanzi kimiċi fi ħdan is-suq intern filwaqt li jissaħħu l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni, filwaqt li ma jintesewx il-ħtiġijiet tal-SMEs. L-iżvilupp sal-2018 ta’ Strateġija tal-Unjoni għal ambjent mhux tossiku li twassal għall-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ sostituti sostenibbli, inklużi soluzzjonijiet mhux kimiċi, li jibnu fuq miżuri orizzontali li għandhom jittieħdu sal-2015 biex jiżguraw: (1) is-sikurezza ta’ nanomaterjali manifatturati u materjali bi proprjetajiet simili;(2) il-minimizzazzjoni tal-espożizzjoni għal sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali; (3) approċċi regolatorji adegwati biex jindirizzaw l-effetti kombinati ta’ sustanzi kimiċi u (4) il-minimizzazzjoni tal-espożizzjoni għal sustanzi kimiċi fil-prodotti, inkluż fost l-oħrajn prodotti importati, bil-għan li jkunu promossi ċikli ta’ materjali mhux tossiċi u li titnaqqas l-espożizzjoni ġewwa l-binjiet għal sustanzi ta’ ħsara.

(v)

il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżazzjoni tal-Unjoni dwar l-użu sostenibbli ta’ prodotti bijoċidali u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u r-reviżjoni tagħha, fejn meħtieġ, biex tinżamm aġġornata ma’ konoxxenza xjentifika l-aktar reċenti;

(vi)

ftehim dwar u implimentazzjoni ta’ strateġija tal-UE dwar l-adattament għall-bidliet fil-klima, inkluża l-integrazzjoni ta’ konsiderazzjonijiet dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastru fl-inizjattivi ta’ politika u fis-setturi ewlenin tal-Unjoni.

QAFAS TA’ APPOĠĠ

55.

Biex jinkisbu l-għanijiet tematiċi prijoritarji msemmija hawn fuq jinħtieġ qafas ta’ appoġġ għal azzjoni effettiva. Se jittieħdu miżuri li jtejbu l-erba’ pilastri ewlenin ta’ dan il-qafas ta’ appoġġ: tijib fil-mod kif il-liġijiet ambjentali tal-Unjoni jkunu implimentati fl-oqsma kollha; tisħiħ tal-bażi ta’ konoxxenza u evidenza xjentifiċi għall-politika ambjentali; l-assigurazzjoni tal-investimenti u l-ħolqien ta’ inċentivi meħtieġa biex jiġi protett l-ambjent; u fl-aħħar, titjib tal-integrazzjoni ambjentali u l-koerenza tal-politika kemm fil-qasam tal-politika ambjentali u bejn il-politika ambjentali u politiki oħra. Dawk il-miżuri orizzontali se jiffavorixxu l-politika ambjentali tal-Unjoni lil hinn mill-ambitu u t-terminu ta’ żmien tas-Seba’ EAP.

Għan prijoritarju 4:   Jiġu massimizzati l-benefiċċji ta’ leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni billi tittejjeb l-implimentazzjoni

56.

Barra mill-vantaġġi sinifikanti għas-saħħa u l-ambjent, il-benefiċċji mill-fatt li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni tkun effettivement implimentata huma: il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet indaqs għall-atturi ekonomiċi li joperaw fis-Suq Intern, li tiġi stimolata l-innovazzjoni, u li jiġu promossi l-vantaġġi għall-kumpaniji Ewropej li jidħlu l-ewwel fis-suq f’bosta setturi. B’kuntrast ma’ dan, l-ispejjeż assoċjati man-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, huma għoljin u ġeneralment stmati għal madwar EUR 50 biljun fis-sena, inklużi spejjeż relatati ma’ każijiet ta’ ksur (67). Fl-2009 biss kien hemm 451 każ ta’ ksur relatati mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, b’299 oħra rappurtati fl-2011, flimkien ma’ 114-il proċedura li nbdew (68), biex l-acquis dwar l-ambjent sar il-qasam tal-liġi tal-Unjoni li l-iżjed jara proċedimenti ta’ ksur. Il-Kummissjoni tirċievi wkoll bosta lmenti direttament miċ-ċittadini tal-Unjoni, li ħafna minnhom jistgħu jiġu indirizzati aħjar fil-livell tal-Istati Membri jew fil-livell lokali.

57.

It-titjib tal-implimentazzjoni tal-acquis ambjentali tal-Unjoni fil-livell tal-Istati Membri għalhekk se jingħata l-ogħla prijorità fis-snin li ġejjin. Hemm differenzi sinifikanti fl-implimentazzjoni bejn u fi ħdan l-Istati Membri. Jeħtieġ li dawk involuti fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali fil-livell tal-Unjoni, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali jkollhom il-konoxxenza, l-għodod u l-ħila biex itejbu l-għoti tal-benefiċċji minn din il-leġiżlazzjoni, u jtejbu l-governanza tal-proċess ta’ infurzar.

58.

L-għadd kbir ta’ każijiet ta’ ksur, ilmenti u petizzjonijiet fil-qasam tal-ambjent juri l-ħtieġa ta’ sistema, effettiva u li taħdem, ta’ kontrolli u verifiki fil-livell nazzjonali biex jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ problemi ta’ implimentazzjoni u biex dawn jiġu solvuti, flimkien ma’ miżuri li jevitaw li dawn fil-fatt jinqalgħu, bħal konnessjoni bejn l-amministrazzjonijiet rilevanti responsabbli għall-implimentazzjoni u l-esperti matul il-fażi tal-iżvilupp tal-politika. F’dan ir-rigward, l-isforzi għall-perjodu sal-2020 se jiffukaw biex it-titjib jinkiseb f’erba’ oqsma ewlenin.

59.

L-ewwel nett, il-mod tal-ġbir u d-disseminazzjoni tal-konoxxenza dwar l-implimentazzjoni se jittejjeb biex jgħin lill-pubbliku ġenerali u l-professjonisti ambjentali jifhmu bis-sħiħ l-iskop u l-benefiċċju tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni u kif l-amministrazzjonijiet nazzjonali u lokali jdaħħlu fis-seħħ l-impenji tal-Unjoni (69). L-użu adegwat ta’ għodod disponibbli onlajn jista’ jikkontribwixxi għal dan il-għan. L-isfidi tal-implimentazzjoni speċifiċi għal Stat Membru individwali se jkunu identifikati għall-assistenza, b’mod simili għall-approċċ imfassal li ġie segwit fil-proċess tas-Semestru Ewropew. Pereżempju, il-ftehimiet ta’ sħubija għall-implimentazzjoni li jinvolvu l-Kummissjoni u l-Istati Membri individwali se jitfasslu, billi jiġu indirizzati kwistjonijiet bħal mnejn jista’ jinsab appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni u bħal sistemi ta’ informazzjoni aħjar biex il-progress jiġi segwit. Bil-ħsieb li tiġi massimizzata l-effettività ta’ dan l-approċċ, l-Istati Membri għandhom, kif inhu xieraq u f’konformità mal-arranġamenti amministrattivi tagħhom, jinkuraġġixxu parteċipazzjoni mill-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-Pjattaforma Teknika ta’ Kooperazzjoni dwar l-Ambjent stabbilita mill-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kummissjoni se tiffaċilita d-djalogu u l-iskambju tal-informazzjoni sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni f’livell lokali.

60.

It-tieni, l-Unjoni se testendi r-rekwiżiti relatati mal-ispezzjonijiet u s-sorveljanza għal ġabra usa’ ta’ liġi ambjentali tal-Unjoni, u tiżviluppa ulterjorment il-kapaċità ta’ appoġġ għall-ispezzjoni fil-livell tal-Unjoni, bl-użu ta’ strutturi eżistenti, inter alia bħala reazzjoni għal talbiet mill-Istati Membri għall-assistenza, biex tindirizza sitwazzjonijiet fejn hemm raġuni valida għal tħassib u tiffaċilita kooperazzjoni fl-Unjoni kollha. Evalwazzjoni msaħħa bejn il-pari u l-iskambju tal-aħjar prattiki, kif ukoll arranġamenti għal ispezzjonijiet konġunti fi ħdan l-Istati Membri fuq talba tagħhom, għandhom jiġu inkuraġġiti.

61.

It-tielet, se jittejjeb il-mod li bih l-ilmenti dwar l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-Unjoni ikunu mmaniġġati u rrimedjati fil-livell nazzjonali fejn meħtieġ.

62.

Ir-raba’, iċ-ċittadini tal-Unjoni se jkollhom aċċess effettiv għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali kif ukoll protezzjoni legali effettiva, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mal-iżviluppi li rriżultaw mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u mill-każistika reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Riżoluzzjoni mhux ġudizzjarja ta’ disputi se tkun promossa wkoll bħala alternattiva għal-litigazzjoni.

63.

L-istandard ġenerali ta’ governanza ambjentali fl-Unjoni kollha kemm hi se jittejjeb aktar permezz tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll fil-livell internazzjonali, bejn il-professjonisti li jaħdmu fil-protezzjoni ambjentali, inklużi l-avukati tal-gvern, prosekuturi, ombudsmen, imħallfin u spetturi, bħan-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL), u billi tali professjonisti jiġu mħeġġa jaqsmu l-prattiki tajbin.

64.

Minbarra li tgħin l-Istati Membri jtejbu l-konformità (70), il-Kummissjoni se tkompli tagħmel il-parti tagħha sabiex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tirrifletti l-aħħar xjenza, filwaqt li tikkunsidra l-esperjenzi fil-livell tal-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-impenji tal-Unjoni, u tkun koerenti u addattata biex tilħaq l-iskop tagħha. Bħala regola ġenerali, fejn l-obbligi legali li huma ċari u preċiżi biżżejjed u fejn applikazzjoni armonizzata fl-Istati Membri kollha titqies bħala l-mod l-aktar effettiv biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni, dawk l-obbligi legali se jiġu inkorporati fir-regolamenti, li għandhom effetti diretti u kalkolabbli u li jwasslu għal inqas inkonsistenzi fl-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni se żżid l-użu ta’ tabelli ta’ valutazzjoni u mezzi oħrajn ta’ traċċar pubbliku tal-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet speċifiċi.

65.

Sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni permezz ta’ implimentazzjoni aħjar, is-Seba EAP għandu jiżgura li sal-2020:

(a)

il-pubbliku jkollu aċċess għal tagħrif ċar li juri kif qed tiġi implimentata l-liġi ambjentali tal-Unjoni;

(b)

tiżdied il-konformità ma’ leġiżlazzjoni ambjentali speċifika;

(c)

il-liġi ambjentali tal-Unjoni tiġi infurzata fil-livelli amministrattivi kollha u jkunu ggarantiti kundizzjonijiet indaqs fis-suq intern;

(d)

tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fil-liġi ambjentali tal-Unjoni u fl-infurzar tagħha;

(e)

il-prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva għaċ-ċittadini u għall-organizzazzjonijiet tagħhom jiġi ffaċilitat.

Dan jesiġi, b’mod partikolari:

(i)

li jiġi żgurat li sistemi fil-livell nazzjonali attivament ixerrdu l-informazzjoni dwar kif qed tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, u tali informazzjoni tiġi komplementata minn ħarsa ġenerali fil-livell tal-Unjoni tal-prestazzjoni tal-Istati Membri individwali;

(ii)

li jitfasslu ftehimiet ta’ sħubija għall-implimentazzjoni fuq bażi volontarja bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, li jinvolvu l-parteċipazzjoni lokali u reġjonali, fejn ikun xieraq;

(iii)

li jiġu estiżi l-kriterji vinkolanti għall-ispezzjonijiet u għas-sorveljanza effettivi tal-Istati Membri għall-ġabra usa’ tal-liġi ambjentali tal-Unjoni, u li tiġi żviluppata ulterjorment il-kapaċità ta’ appoġġ għall-ispezzjoni fil-livell tal-Unjoni, abbażi ta’ strutturi eżistenti, sostnuta minn appoġġ lil netwerks ta’ professjonisti bħal IMPEL, u t-tisħiħ tal-evalwazzjoni bejn il-pari u skambju tal-aħjar prattiki, bil-ħsieb li jiżdiedu l-effiċjenza u l-effettività tal-ispezzjonijiet;

(iv)

li jiġu żgurati mekkaniżmi konsistenti u effettivi fil-livell nazzjonali biex jiġu ttrattati lmenti dwar l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-Unjoni.

(v)

li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-aċċess għall-ġustizzja jirriflettu l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Tkun promossa r-riżoluzzjoni mhux ġudizzjarja ta’ disputi bħala mezz biex jinstabu soluzzjonijiet amikevoli u effettivi għal kunflitti fil-qasam ambjentali.

Għan prijoritarju 5:   Tittejjeb il-bażi ta’ konoxxenza u evidenza għall-politika ambjentali tal-Unjoni

66.

Il-politika ambjentali tal-Unjoni hija bbażata fuq il-monitoraġġ, id-dejta, l-indikaturi u l-valutazzjonijiet ambjentali marbuta mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, kif ukoll mar-riċerka xjentifika formali u ma’ inizjattivi tax-“xjenza taċ-ċittadini”. Kien hemm progress konsiderevoli fit-tisħiħ ta’ din il-bażi ta’ konoxxenza, fis-sensibilizzazzjoni u fit-titjib tal-fiduċja ta’ dawk li jfasslu l-politika u tal-pubbliku fl-evidenza li tkun fil-bażi tal-politika, inklużi l-politiki fejn il-prinċipju ta’ prekawzjoni jkun ġie applikat. Dan iffaċilita fehim aħjar tal-isfidi kumplessi, ambjentali u tas-soċjetà.

67.

Jittieħdu passi fil-livell tal-Unjoni u dak internazzjonali biex tkompli tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn ix-xjenza u l-politika għall-ambjent kif ukoll l-involviment taċ-ċittadin, bħal permezz tal-ħatra ta’ Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin, kif diġà sar mill-Kummissjoni u minn xi Stati Membri, jew billi jsir użu aħjar tal-istituzzjonijiet u l-korpi li jispeċjalizzaw fl-adattament tal-konoxxenza xjentifika għall-politika pubblika, bħal aġenziji nazzjonali dwar l-ambjent u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, kif ukoll in-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u għall-Osservazzjoni tal-Ambjent (EIONET).

68.

Madankollu, il-pass tal-iżviluppi attwali u l-inċertezzi dwar ix-xejriet futuri probabbli jesiġu passi ulterjuri sabiex tinżamm u tissaħħaħ din il-bażi ta’ konoxxenza u evidenza sabiex tiżgura li l-politika fl-Unjoni tkompli tibbaża ruħha fuq fehim sod tal-istat tal-ambjent, l-alternattivi possibbli ta’ reazzjoni u l-konsegwenzi tagħhom.

69.

Matul l-aħħar għexieren ta’ snin, kien hemm titjib fil-mod kif tinġabar u tintuża l-informazzjoni u l-istatistika ambjentali, fil-livell tal-Unjoni u fil-livell nazzjonali, fil-livell reġjonali u lokali, kif ukoll globalment. Madankollu, il-ġbir u l-kwalità tad-dejta jibqgħu varjabbli u l-multipliċita’ ta’ sorsi jistgħu jagħmlu l-aċċess għal tali dejta diffiċli. Huwa għalhekk meħtieġ investiment kontinwu sabiex ikun żgurat li dejta u indikaturi kredibbli, komparabbli u assigurati mil-lat tal-kwalità jkunu disponibbli u aċċessibbli għal dawk involuti fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika. Sistemi ta’ informazzjoni ambjentali jridu jkunu ddisinjati sabiex jippermettu li tkun inkorporata faċilment informazzjoni ġdida dwar temi emerġenti. Għandu jiġi żviluppat aktar skambju ta’ dejta elettronika fl-Unjoni kollha, bi flessibbiltà li tippermetti l-inklużjoni ta’ oqsma ġodda.

70.

L-implimentazzjoni ulterjuri tal-prinċipju tas-Sistema Komuni ta’ Informazzjoni Ambjentali (71) ta’ “ipproduċi darba, uża ta’ spiss” u l-approċċi u l-istandards komuni dwar l-akkwist u l-ġbir tal-informazzjoni spazjali bis-sistemi INSPIRE (72) u Copernicus (73), kif ukoll sistemi oħra ta’ informazzjoni ambjentali għall-Ewropa (bħalma huma s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Bijodiversita’ għall-Ewropa (BISE) u s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar l-Ilma għall-Ewropa (WISE)), se jgħinu biex tiġi evitata r-ripetizzjoni tal-isforzi u jiġi eliminat kwalunkwe piż amministrattiv mhux neċċessarju fuq l-awtoritajiet pubbliċi, kif se jagħmlu wkoll l-isforzi biex jiġu razzjonalizzati l-obbligi ta’ rapportar skont il-leġiżlazzjonijiet differenti rilevanti. Għandu jsir ukoll progress biex titjieb id-disponibbiltà u l-armonizzazzjoni ta’ dejta statistika, inkluż dwar l-iskart. L-informazzjoni miġbura biex jiġu vvalutati l-impatti ambjentali ta’ pjanijiet, programmi u proġetti strateġiċi (eż. permezz ta’ Stimi tal-Impatt Ambjentali jew Stimi Strateġiċi tal-Impatt) għandha tkun iktar aċċessibbli għall-pubbliku min-naħa tal-Istati Membri.

71.

Għad hemm lakuni sinifikanti fil-konoxxenza, uħud minnhom rilevanti għall-għanijiet prijoritarji ta-Seba’ EAP. L-investiment f’aktar ġbir tad-dejta u fir-riċerka biex jiġu indirizzati dawk il-lakuni huwa għalhekk essenzjali biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet pubbliċi u n-negozji jkollhom bażi soda li fuqha jittieħdu d-deċiżjonijiet li jirriflettu bis-sħiħ l-benefiċċji u l-prezz soċjali, ekonomiku u ambjentali. Ħames lakuni jixirqilhom attenzjoni partikolari:

(1)

lakuni fid-dejta u l-konoxxenza — riċerka avvanzata hija meħtieġa biex jiġu indirizzati dawn il-lakuni u għodod ta’ mmudellar adegwati huma meħtieġa biex jiġu mifhuma aktar kwistjonijiet kumplessi marbuta mat-tibdil ambjentali, bħall-impatti tat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali, l-implikazzjonijiet tat-telf tal-ispeċijiet għas-servizzi tal-ekosistemi, il-limiti ambjentali u punti ekoloġiċi kritiċi. Filwaqt li l-evidenza disponibbli tiġġustifika bis-sħiħ azzjoni ta’ prekawzjoni f’tali oqsma, aktar riċerka dwar il-limiti tal-pjaneta, riskji sistemiċi u l-ħila tas-soċjetà tagħna li taffrontahom se tappoġġa l-iżvilupp tal-aktar reazzjonijiet xierqa. Dan għandu jinkludi investiment fl-indirizzar ta’ lakuni fid-dejta u l-konoxxenza, fl-immappjar u l-valutazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi, fil-fehim tar-rwol tal-bijodiversità meta jkunu msejsa fuqhom tali servizzi kif ukoll fil-fehim dwar il-mod li bih il-bijodiversità tadatta għat-tibdil fil-klima u kif it-telf tal-bijodiversità jaffettwa s-saħħa tal-bniedem;

(2)

it-tranżizzjoni għal ekonomija ekoloġika inklussiva li tagħti kunsiderazzjoni xierqa lill-interazzjoni bejn fatturi soċjoekonomiċi u ambjentali. Titjib fil-fehim tagħna tax-xejriet sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni, ta’ kif l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ azzjoni jew l-ispejjeż ta’ nuqqas ta’ azzjoni jistgħu jitqiesu b’mod aktar preċiż, ta’ kif il-bidliet fl-imġiba tal-individwu u tas-soċjetà jikkontribwixxu għal eżiti ambjentali partikolari u ta’ kif l-ambjent tal-Ewropa huwa affettwat minn tendenzi kumplessivi globali jista’ jgħin biex l-inizjattivi ta’ politika jkunu indirizzati aktar lejn it-titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi u biex tittaffa l-pressjoni fuq l-ambjent;

(3)

għad hemm inċertezzi dwar l-implikazzjonijiet għas-saħħa tal-bniedem u dawk ambjentali ta’ sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, l-effetti kumbinati ta’ sustanzi kimiċi, ċerti sustanzi kimiċi fi prodotti u f’ċerti nanomaterjali. L-indirizzar ta’ dawn il-lakuni li fadal fil-konoxxenza jista’ jħaffef it-teħid tad-deċiżjonijiet u jippermetti żvilupp aktar tal-acquis dwar is-sustanzi kimiċi sabiex ikunu mmirati aħjar l-oqsma ta’ tħassib, u jgħin ukoll biex jkun stimolat approċċ aktar sostenibbli fl-użu ta’ sustanzi kimiċi. Għandha tiġi kkunsidrata bażi tad-dejta tal-Unjoni kollha, sabiex tiżdied it-trasparenza u l-kontroll regolatorju tan-nonomaterjali. Permezz ta’ fehim imtejjeb tal-fatturi ambjentali u tal-livelli ta’ espożizzjoni li jaffettwaw is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, ikun possibbli li jittieħdu azzjonijiet ta’ politika preventiva. Il-bijomonitoraġġ ambjentali mmirat, meta ġustifikat minn tħassib speċifiku, jista’ jipprovdi lill-awtoritajiet b’idea aktar komprensiva tal-espożizzjoni attwali tal-popolazzjoni għat-tniġġis, speċjalment ta’ gruppi sensittivi tal-popolazzjoni bħat-tfal, u jista’ jipprovdi evidenza aħjar biex jiggwida reazzjonijiet xierqa;

(4)

sabiex jiġi żviluppat approċċ komprensiv biex tiġi minimizzata l-espożizzjoni għal sustanzi perikolużi, b’mod partikolari għal gruppi vulnerabbli, inklużi tfal u nisa tqal, għandha tiġi stabbilita bażi ta’ konoxxenza dwar l-espożizzjoni u t-tossiċità tas-sustanzi kimiċi. Dan, flimkien mal-iżvilupp ta’ dokumentazzjoni gwida dwar metodi ta’ testijiet u ta’ metodoloġija ta’ stima tar-riskju, jaċċelera t-teħid ta’ deċiżjonijiet effiċjenti u xierqa, b’hekk iwassal għall-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ sostituti sostenibbli inklużi soluzzjonijiet li ma fihomx sustanzi kimiċi;

(5)

ikun żgurat li s-setturi kollha jikkontribwixxu għall-isforzi biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima jesiġi ħarsa ġenerali ċara tal-kejl, tal-monitoraġġ u tal-ġbir tad-dejta tal-GHG, li bħalissa mhijiex kompluta għal setturi ewlenin.

L-Orizzont 2020 se jipprovdi l-opportunità li jkunu ffukati l-isforzi ta’ riċerka u li jkun implimentat il-potenzjal tal-innovazzjoni tal-Ewropa billi jinġabru flimkien ir-riżorsi u l-konoxxenza fir-rigward tal-oqsma u d-dixxiplini differenti fi ħdan l-Unjoni kif ukoll internazzjonalment.

72.

Kwistjonijiet ġodda u emerġenti li jirriżultaw minn żviluppi teknoloġiċi aktar mgħaġġla minn dawk tal-politika, bħan-nanomaterjali u materjali bi proprjetajiet simili, sorsi mhux konvenzjonali tal-enerġija, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju u l-mewġ elettromanjetiku, joħolqu sfidi għall-ġestjoni tar-riskju u jistgħu jagħtu lok għal interessi, ħtiġijiet u aspettattivi kunfliġġenti. Dan imbagħad jista’ jwassal għal tħassib pubbliku akbar u ostilità lejn teknoloġiji ġodda. Għalhekk teżisti l-ħtieġa li jiġi żgurat dibattitu tas-soċjetà, espliċitu u usa’ dwar ir-riskji ambjentali u l-kompromessi possibbli li aħna lesti li naċċettaw fid-dawl ta’ informazzjoni li ġieli ma tkunx kompluta jew tkun inċerta, dwar riskji emerġenti u kif dawn għandhom jiġu indirizzati. Approċċ sistematiku għall-ġestjoni tar-riskju ambjentali se jtejjeb il-ħila tal-Unjoni li tiddentifika u taġixxi fuq l-iżviluppi teknoloġiċi f’waqthom, filwaqt li sserraħ ras il-pubbliku.

73.

Sabiex titjieb il-bażi ta’ konoxxenza u ta’ evidenza għall-politika ambjentali tal-Unjoni, is-Seba’ EAP għandu jiżgura li sal-2020:

(a)

dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet interessati jkollhom bażi aktar informata biex jiżviluppaw u jimplimentaw il-politiki ambjentali u dwar il-klima, inkluż li jifhmu l-impatti ambjentali tal-attivitajiet tal-bniedem u l-kejl tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-azzjoni u tal-ispejjeż tan-nuqqas ta’ azzjoni;

(b)

il-fehim ta’ riskji emerġenti għall-ambjent u għall-klima u l-kapaċità tagħna li nivvalutawhom u nimmaniġjawhom jitjiebu ferm;

(c)

ir-relazzjoni bejn il-politika ambjentali u x-xjenza tkun imsaħħa, inkluż bl-aċċessibbiltà ta’ dejta għaċ-ċittadini u l-kontribut taċ-ċittadini fir-riċerka xjentifika;

(d)

l-impatt tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fil-fora internazzjonali tal-politika tax-xjenza hi msaħħa sabiex ittejjeb il-bażi tal-konoxxenza dwar il-politika ambjentali internazzjonali.

Dan jesiġi, b’mod partikolari:

(i)

koordinazzjoni, kondiviżjoni u promozzjoni tal-isforzi ta’ riċerka fil-livelli tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tal-indirizzar ta’ lakuni ewlenin fil-konoxxenza ambjentali, inklużi li jinqabżu r-riskji ta’ punti irriversibbli mil-lat ambjentali u tal-limiti planetarji;

(ii)

adozzjoni ta’ approċċ sistematiku u integrat għall-ġestjoni tar-riskju, partikolarment fir-rigward tal-evalwazzjoni u l-ġestjoni ta’ oqsma ta’ politika ġodda u emerġenti u riskji relatati kif ukoll l-adegwatezza u l-koerenza tar-reazzjonijiet regolatorji. Dan jista jgħin biex tiġi stimulata aktar riċerka dwar il-perikli ta’ prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda;

(iii)

semplifikazzjoni, razzjonalizzazzjoni u mmodernizzar tal-ġbir, tal-ġestjoni u tal-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid tad-dejta u l-informazzjoni ambjentali u dwar it-tibdil fil-klima — inklużi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ Sistema Komuni ta’ Informazzjoni Ambjentali;

(iv)

l-iżvilupp ta’ bażi ta’ konoxxenza komprensiva dwar l-espożizzjoni għas-sustanzi kimiċi u t-tossiċità tagħhom li sserraħ fuq dejta ġenerata mingħajr testijiet fuq l-annimali fejn possibbli. It-tkomplija tal-approċċ koordinat tal-Unjoni għall-bijomonitoraġġ tal-bniedem u ambjentali inkluż, fejn xieraq, standardizzazzjoni tal-protokolli ta’ riċerka u tal-kriterji ta’ stima;

(v)

l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni fil-livelli internazzjonali, tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-relazzjoni bejn ix-xjenza u l-politika għall-ambjent.

Għan prijoritarju 6:   Jiġi assigurat l-investiment għall-politiki ambjentali u dwar l-klima u jiġu indirizzati l-esternalitajiet ambjentali

74.

L-isforzi meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet stipulati fis-Seba’ EAP se jeħtieġu investiment adegwat minn sorsi pubbliċi u privati. Fl-istess ħin, filwaqt li ħafna pajjiżi qed ibatu biex ilaħħqu mal-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-ħtieġa ta’ riformi ekonomiċi u ta’ tnaqqis tad-dejn pubbliku joffru opportunitajiet ġodda li jimxu malajr lejn ekonomija aktar effiċjenti fir-riżorsi, sikura u sostenibbli b’livelli baxxi tal-karbonju.

75.

Li jiġi attirat l-investiment f’ċerti oqsma attwalment huwa diffiċli partikolarment minħabba n-nuqqas ta’ sinjali tal-prezzijiet mis-suq, jew minħabba distorsjonijiet fis-sinjali tal-prezzijiet li jirriżultaw minn nuqqas ta’ kunsiderazzjoni xierqa tal-ispejjeż ambjentali jew minn sussidji pubbliċi għal attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

76.

L-Unjoni u l-Istati Membri se jkollhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet adatti biex jiżguraw li esternalitajiet ambjentali jkunu indirizzati b’mod xieraq, inkluż billi jiġi żgurat li s-sinjali tas-suq adatti jintbagħtu lis-settur privat, b’kunsiderazzjoni xierqa ta’ kwalunkwe impatt soċjali negattiv. Dan ikun jinvolvi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas b’mod aktar sistematiku, b’mod partikolari permezz tal-eliminazzjoni gradwali ta’ sussidji, fil-livell tal-Unjoni u tal-Istat Membru, iggwidata mill-Kummissjoni, bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq l-azzjoni, inter alia permezz tas-Semestru Ewropew, u li jikkunsidra miżuri fiskali li jappoġġaw l-użu sostenibbli tar-riżorsi bħat-trasferiment tat-tassazzjoni minn fuq ix-xogħol u għal fuq it-tniġġis. Minħabba li r-riżorsi naturali qed isiru dejjem aktar skarsi, ir-renta u l-profitti ekonomiċi assoċjati mas-sjieda tagħhom jew mal-użu esklussiv jistgħu jiżdiedu. L-intervent pubbliku biex jiżgura li tali renti ma jkunux eċċessivi u li jitiqesu l-esternalitajiet se jwassal għal użu aktar effiċjenti ta’ dawn ir-riżorsi u se jgħin biex jiġu evitati distorsjonijiet fis-suq, u jiġi ġġenerat ukoll dħul pubbliku. Il-prijoritajiet ambjentali u tal-klima se jkunu indirizzati fil-qafas tas-Semestru Ewropew, inkluż permezz ta’ indikaturi ewlenin fejn dawk il-prijoritajiet huma rilevanti għall-prospetti ta’ tkabbir sostenibbli ta’ Stati Membri individwali li għalihom huma indirizzati r-rakkomandazzjonijiet skont il-pajjiż. Strumenti oħra bbażati fuq is-suq, bħal ħlasijiet għal servizzi tal-ekosistemi, għandhom jintużaw b’mod aktar estensiv fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali biex jinċentivaw l-involviment tas-settur privat u l-ġestjoni sostenibbli tal-kapital naturali.

77.

Is-settur privat, partikolarment fir-rigward tal-SMEs, għandu jitħeġġeġ ukoll biex jaħtaf l-opportunitajiet offruti fil-qafas finanzjarju l-ġdid tal-Unjoni sabiex iżidu l-involviment tiegħu fl-isforzi għall-ksib tal-għanijiet ambjentali u tal-klima, speċjalment fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ ekoinnovazzjoni u tal-adozzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda,. L-inizjattivi pubbliċi-privati għall-ekoinnovazzjoni għandhom jiġu promossi bis-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni, bħas-Sħubija għall-innovazzjoni dwar l-Ilma (74). Permezz tal-qafas ġdid għall-Istrumenti Finanzjarji Innovattivi (75), l-aċċess mis-settur privat għal finanzjament ta’ investimenti fl-ambjent — partikolarment il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima — għandu jkun iffaċilitat. L-intrapriżi Ewropej għandhom jiġu mħeġġa aktar biex jippubblikaw informazzjoni ambjentali bħala parti mir-rapportar finanzjarju tagħhom, lil hinn mil-livell meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni (76).

78.

Fil-proposti tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 tal-Unjoni, il-Kummissjoni tjiebet l-integrazzjoni tal-għanijiet ambjentali u tal-klima fl-istrumenti ta’ finanzjament kollha tal-Unjoni sabiex jiġu pprovduti opportunitajiet lill-Istati Membri biex jiksbu l-għanijiet relatati. Ipproponiet ukoll li tiżdied in-nefqa relatata mal-klima għal mill-anqas 20 % tal-baġit kollu. F’oqsma ewlenin tal-politika bħall-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u l-politika ta’ koeżjoni, l-inċentivi għall-forniment ta’ prodotti u servizzi pubbliċi tajbin għall-ambjent għandhom jissaħħu, u l-fondi jkunu marbuta ma’ kundizzjonalitajiet ex-ante relatati mal-ambjent, inklużi miżuri ta’ appoġġ (“flanking measures”). Dan għandu jiżgura li l-fondi jintefqu b’mod aktar effettiv u bi qbil mal-objettivi relatati mal-ambjent u l-klima. Dawk il-proposti jipprevedu tqabbil tal-politiki tal-Unjoni b’riżorsi finanzjarji koerenti għall-implimentazzjoni, u fondi addizzjonali għall-ambjent u t-tibdil fil-klima, biex b’hekk dawn jwasslu benefiċċji konkreti u koerenti fil-post.

79.

Minbarra din l-integrazzjoni, il-Programm LIFE (77) se jippermetti li l-fondi jiġu kkombinati u allinjati aħjar mal-prijoritajiet tal-’ politika b’mod aktar strateġiku u kosteffettiv, bħala appoġġ għall-miżuri ambjentali u għal dawk relatati mal-klima, permezz tal-implimentazzjoni ta’ firxa ta’ proġetti, inklużi “proġetti integrati”.

80.

Il-kapital miżjud ipprovdut lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) bħala parti mill-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi tal-2012 jipprovdi sors addizzjonali ta’ investiment (78) li għandu jintefaq bi qbil mal-objettivi tal-Unjoni fl-oqsma tal-ambjent u tal-klima.

81.

L-esperjenza miksuba fil-perjodu ta’ pprogrammar tal-2007-2013 turi li għalkemm hemm fondi sinifikanti disponibbli għall-ambjent, l-utilizzazzjoni fil-livelli kollha fl-ewwel snin kienet żbilanċjata ħafna, bir-riskju potenzjali li tipperikola l-kisba tal-għanijiet u tal-miri miftiehma. Biex tiġi evitata ripetizzjoni ta’ din l-esperjenza, l-Istati Membri għandhom jintegraw l-għanijiet ambjentali u tal-klima fl-istrateġiji ta’ finanzjament tagħhom u fil-programmi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, għall-iżvilupp rurali u għall-politika marittima, għandhom jagħtu prijorità lill-utilizzazzjoni bikrija tal-finanzjament għall-ambjent u t-tibdil fil-klima u għandhom isaħħu l-kapaċità tal-korpi ta’ implimentazzjoni li jwasslu investimenti kosteffettivi u sostenibbli sabiex jiżguraw l-appoġġ finanzjarju adegwat u meħtieġ għal investimenti f’dawn l-oqsma.

82.

Barra minn hekk, kien diffiċli li tiġi ttraċċata n-nefqa relatata mal-bijodiversità u l-klima. Biex jiġi vvalutat il-progress lejn il-ksib ta’ dawk l-għanijiet, sistema ta’ traċċar u ta’ rapportar għandha tkun stabbilita fil-livell tal-Unjoni u tal-Istat Membru. L-istabbiliment ta’ tali sistema huwa importanti għall-isforz ġenerali tal-Unjoni relatat mal-ftehimiet multilaterali dwar it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità. F’dan il-kuntest, l-Unjoni se tikkontribwixxi għall-proċess intergovernattiv li ġie mniedi f’Rio+20 li jivvaluta l-ħtiġijiet ta’ finanzjament u jipproponi alternattivi għal strateġija effettiva ta’ finanzjament tal-iżvilupp sostenibbli.

83.

Għandha tkompli l-ħidma biex jiġu żviluppati indikaturi għal monitoraġġ tal-progress ekonomiku u li jikkomplementaw u jissuperaw il-prodott domestiku gross (PDG). Li jinkiseb investiment trasparenti u sostenibbli jiddipendi fuq valutazzjoni xierqa ta’ prodotti ambjentali. Sforzi ulterjuri biex jitkejjel il-valur tal-ekosistemi tagħna u l-prezz tal-qerda tagħhom, flimkien ma’ inċentivi korrispondenti, se jkunu meħtieġa biex jgħarrfu d-deċiżjonijiet ta’ politika u investiment. Il-ħidma biex tiġi żviluppata sistema ta’ kontijiet ambjentali, inklużi kontijiet fiżiċi u monetarji għall-kapital naturali u għas-servizzi tal-ekosistemi, se jeħtieġu li jiġu intensifikati. Dan jappoġġa l-eżitu ta’ Rio+20, li jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ miżuri usa’ ta’ progress biex jitkejlu l-benesseri u s-sostenibbiltà biex jikkomplementaw il-PDG.

84.

Sabiex jinkiseb investiment għall-politiki ambjentali u dwar il-klima, u biex jiġu indirizzati l-esternalitajiet ambjentali, is-Seba’ EAP għandu jiżgura li sal-2020:

(a)

l-għanijiet tal-politiki ambjentali u dwar il-klima jinkisbu b’mod kosteffettiv u jkunu appoġġati minn finanzjament adegwat;

(b)

jiżdied il-finanzjament tas-settur pubbliku u privat għal nefqa relatata mal-ambjent u l-klima;

(c)

il-valur tas-servizzi tal-kapital naturali u tal-ekosistema, kif ukoll l-ispejjeż tad-degradazzjoni tagħhom ikunu valutati sew u kkunsidrati fit-tfassil tal-politika u l-investimenti.

Dan jesiġi, b’mod partikolari:

(i)

l-eliminazzjoni ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent fil-livell tal-Unjoni u tal-Istat Membru mingħajr dewmien, u r-rappurtar tal-progress permezz tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma; jiżdied l-użu ta’ strumenti bbażati fuq is-suq, bħall-politiki tat-tassazzjoni tal-Istati Membri, l-ipprezzar u tariffi, u l-espansjoni tas-swieq għal prodotti u servizzi ambjentali, b’konsiderazzjoni xierqa ta’ kwalunkwe impatt soċjali negattiv, bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq l-azzjoni, appoġġat u sorveljat mill-Kummissjoni inter alia permezz tas-Semestru Ewropew;

(ii)

l-iffaċilitar tal-iżvilupp ta’ u l-aċċess għal strumenti finanzjarji innovattivi u l-finanzjament għall-ekoinnovazzjoni;

(iii)

riflessjoni xierqa tal-prijoritajiet ambjentali u għall-klima f’politiki u strateġiji ta’ finanzjament li jappoġġaw il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

(iv)

isiru sforzi ddedikati biex jiżguraw l-użu sħiħ u effiċjenti tal-finanzjament disponibbli tal-Unjoni għall-azzjoni ambjentali, inkluż billi jitjieb sostanzjalment l-utilizzazzjoni bikrija tiegħu fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-Unjoni għall-2014-2020 u jiġi allokat 20 % tal-baġit għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament permezz tal-integrazzjoni tal-azzjoni klimatika u dak il-finanzjament jiġi marbut ma’ benchmarking, iffissar tal-miri, monitoraġġ u rapportar ċari;

(v)

l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ rapportar u traċċar tan-nefqa relatata mal-ambjent fil-baġit tal-Unjoni, b’ mod partikolari n-nefqa fuq it-tibdil fil-klima u l-biodiversità, sal-2014;

(vi)

l-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet relatati mal-ambjent u l-klima fil-proċess tas-Semestru Ewropew, fejn din hija rilevanti għall-prospetti tal-Istati Membri għat-tkabbir sostenibbli u xierqa għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont il-pajjiż;

(vii)

l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ indikaturi alternattivi li jikkomplementaw u jmorru lil hinn mill-PDG għall-monitoraġġ tas-sostenibbiltà tal-progress u l-kontinwazzjoni tal-ħidma biex jiġu integrati indikaturi ekonomiċi ma’ indikaturi ambjentali u soċjali, inkluż permezz tal-kontabbiltà tal-kapital naturali;

(viii)

jiġu żviluppati u inkoraġġiti aktar skemi ta’ “pagamenti għall-i tas-servizzi tal-ekosistema”;

(ix)

isiru inċentivi u metodoloġiji li jistimulaw kumpaniji sabiex ikejlu l-ispejjeż ambjentali tan-negozji u l-profitti tagħhom li jirriżultaw mill-użu ta’ servizzi ambjentali u biex jiżvelaw informazzjoni ambjentali bħala parti mir-rappurtar annwali tagħhom. Jinkoraġġixxu kumpaniji jeżerċitaw id-diliġenza dovuta, ukoll tul il-katina kollha ta’ provvista tagħhom.

Għan prijoritarju 7:   Titjieb l-integrazzjoni ambjentali u l-koerenza politika

85.

Għalkemm l-integrazzjoni tat-tħassib dwar il-protezzjoni ambjentali f’politiki u attivitajiet oħrajn tal-Unjoni ilha rewiżit tat-Trattat sa mill-1997, l-istat ġenerali tal-ambjent tal-Ewropa jindika li l-progress sal-lum, filwaqt li, f’xi oqsma, huwa ta’ min ifaħħru, dan ma kienx biżżejjed biex jitreġġgħu lura x-xejriet negattivi kollha. Il-kisba ta’ bosta għanijiet prijoritarji tas-Seba’ EAP se tesiġi integrazzjoni saħansitra aktar effettiva tal-konsiderazzjonijiet relatati mal-ambjent u l-klima f’politiki oħra, kif ukoll approċċi aktar koerenti, konġunti li jwasslu għal benefiċċji multipli. Dan għandu jgħin biex jiġi żgurat li kompromessi diffiċli jkunu mmaniġġati fi stadju bikri, minflok fil-fażi tal-implimentazzjoni, u li l-impatti inevitabbli jkunu jistgħu jiġu mnaqssa b’mod aktar effettiv. Il-miżuri meħtieġa għandhom ikunu żviluppati fil-waqt xieraq sabiex jiżguraw li l-miri rilevanti jintlaħqu. Id-Direttiva dwar l-Istima Ambjentali Strateġika (79) u d-Direttiva dwar l-Istima tal-Impatt Ambjentali (80), meta jiġu applikati kif suppost, huma għodod effettivi biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali huma integrati fi pjanijiet u programmi kif ukoll fi proġetti.

86.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma ġeneralment responsabbli għal deċiżjonijiet dwar l-użu tal-art u taż-żoni tal-baħar, għandhom rwol partikolarment importanti fl-istima tal-impatti ambjentali u l-protezzjoni, il-perservazzjoni u t-tisħiħ tal-kapital naturali, b’kekk ukoll sabiex tinkiseb reżiljenza akbar għall-impatt tat-tibdil fil-klima u għad-diżastri naturali.

87.

L-espansjoni prevista tan-netwerks tat-trasport u tal-enerġija, inkluż l-infrastruttura lil hinn mill-kosta, se teħtieġ li tkun kompatibbli mal-protezzjoni tan-natura u l-ħtiġijiet u l-obbligi ta’ adattament għall-klima. L-inkorporazzjoni ta’ infrastruttura ekoloġika fi pjanijiet u programmi relatati jistgħu jgħinu biex tingħeleb il-frammentazzjoni tal-ħabitats u tiġi ppreservata jew restawrata l-konnettività ekoloġika, tissaħħaħ ir-reżistenza tal-ekosistemi u b’hekk jiġi żgurat forniment kontinwu tas-servizzi tal-ekosistemi, inkluż is-sekwestru tal-karbonju u l-adattament għall-klima, filwaqt li tipprovdi ambjenti aħjar u spazji ta’ rikreazzjoni għan-nies.

88.

Is-Seba’ EAP jinkludi għadd ta’ għanijiet prijoritarji mfassla biex itejbu l-integrazzjoni. Fil-proposti tagħha għall-Politika tal-Agrikola Komuni, il-Politika tas-Sajd Komuni, in-Netwerks Trans-Ewropej u r-riformi tal-politika ta’ Koeżjoni, il-Kummissjoni inkludiet miżuri li jappoġġaw aktar l-integrazzjoni u s-sostenibbiltà ambjentali. Sabiex is-Seba’ EAP jirnexxi, dawk il-politiki għandhom jikkontribwixxu aktar għall-ksib tal-miri u l-għanijiet relatati mal-ambjent. Bl-istess mod, l-isforzi primarjament maħsuba biex jinkiseb it-titjib ambjentali għandhom ikunu mfassla sabiex iwasslu għal benefiċċji wkoll għal politiki oħra kull meta jkun possibbli. Pereżempju, l-isforzi biex jiġu restawrati l-ekosistemi jistgħu jkunu mmirati biex jiffavorixxu l-ħabitats u l-ispeċijiet u biex jiġi sekwestrat id-dijossidu tal-karbonju, filwaqt li jittejjeb il-forniment ta’ servizzi tal-ekosistemi vitali għal ħafna setturi ekonomiċi, bħall-pollinazzjoni jew il-purifikazzjoni tal-ilma għall-agrikoltura, u jinħolqu impjiegi ekoloġiċi.

89.

Sabiex titjieb l-integrazzjoni ambjentali u l-koerenza tal-politika, is-Seba’ EAP għandu jiżgura li sal-2020:

(a)

Politiki settorjali fil-livell tal-Unjoni u tal-Istat Membru jkunu żviluppati u implimentati b’mod li jappoġġa l-miri u l-għanijiet rilevanti relatati mal-ambjent u l-klima.

Dan jesiġi, b’mod partikolari:

(i)

l-integrazzjoni ta’ kundizzjonalitajiet u inċentivi ambjentali u dawk relatati mal-klima f’inizjattivi ta’ politika, inklużi analiżi u riformi tal-politika eżistenti, kif ukoll inizjattivi ġodda, fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri;

(ii)

it-twettiq ta’ stimi ex-ante tal-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi ta’ inizjattivi ta’ politika fil-livell xieraq tal-Unjoni u tal-Istati Membri biex jiġu żgurati l-koerenza u l-effettività tagħhom;

(iii)

l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Istima Ambjentali Strateġika u d-Direttiva dwar l-Istima tal-Impatt Ambjentali;

(iv)

l-użu ta’ informazzjoni ta’ evalwazzjoni ex-post relatata mal-esperjenza fl-implimentazzjoni tal-acquis ambjentali sabiex jittejbu l-konsistenza u l-koerenza tiegħu;

(v)

l-indirizzar tal-kompromessi li jista’ jkun hemm fil-politiki kollha sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji u jiġu evitati, imnaqqsa u, jekk jista’ jkun, ikkoreġuti l-effetti negattivi mhux intenzjonati fuq l-ambjent.

NILĦQU L-ISFIDI LOKALI, REĠJONALI U GLOBALI

Għan prijoritarju 8:   Tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-ibliet tal-Unjoni

90.

L-Unjoni għandha densità għolja tal-popolazzjoni u sal-2020, 80 % tal-popolazzjoni tagħha x’aktarx se tgħix f’żoni urbani u periurbani. Il-kwalità tal-ħajja se tkun influwenzata direttament mill-istat tal-ambjent urban. L-impatti ambjentali tal-ibliet jinfirxu wkoll lil hinn ferm mil-limiti fiżiċi tagħhom, billi dawn jiddipendu ħafna fuq reġjuni periurbani u rurali biex jissodisfaw id-domanda għall-ikel, l-enerġija, l-ispazju u r-riżorsi, u biex jimmaniġġaw l-iskart.

91.

Il-biċċa l-kbira tal-ibliet jaffrontaw sett prinċipali komuni ta’ problemi ambjentali, inkluż tħassib dwar il-kwalità tal-arja, il-livelli għolja ta’ storbju, il-konġestjoni tat-traffiku, l-emissjonijiet tal-GHG, it-telfien u d-degradazzjoni tal-bijodiversità, l-iskarsezza tal-ilma, l-għargħar u l-maltempati, iż-żoni ħodor dejjem jonqsu, siti kontaminati, żoni industrijali abbandunati u l-ġestjoni mhux xierqa tal-iskart u tal-enerġija. Fl-istess ħin, l-ibliet tal-Unjoni huma dawk li jistabbilixxu l-istandards fis-sostenibbiltà urbana għall-oħrajn u ta’ spiss jintroduċu soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi ambjentali (81) inkluż rigward inizjattivi ta’ effiċjenza fir-riżorsi u ta’ ekonomija ekoloġika rilevanti għal Ewropa 2020. Għadd dejjem jiżdied ta’ bliet Ewropej qed ipoġġu s-sostenibbiltà ambjentali fil-qalba ta’ strateġiji ta’ żvilupp urban tagħhom.

92.

L-urbanizzazzjoni dejjem tikber tal-Unjoni qajmet kuxjenza dwar l-importanza tal-ambjent naturali f’żoni urbani. Il-konservazzjoni tal-bijodiversità permezz ta’ azzjonijiet bħar-riintroduzzjoni tan-natura fl-ambjent urban u l-landscaping urban hija dejjem aktar evidenti. Il-prestazzjoni tal-bijodiversità tal-ibliet Ewropej teħtieġ tiġi vvalutata u mtejba. Dik il-valutazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq indiċi tal-bijodiversità urban speċifiku, bħall-indiċi ta’ Singapore ippreżentat fil-Konferenza tan-NU dwar il-Bijodiversità li saret f’Nagoya fl-2010.

93.

Iċ-ċittadini tal-Unjoni, kemm jekk huma urbani u kif ukoll dawk rurali, jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta’ politiki u inizjattivi tal-Unjoni li jappoġġaw l-iżvilupp sostenibbli ta’ żoni urbani. Madankollu, tali żvilupp sostenibbli jeħtieġ koordinazzjoni effettiva u effiċjenti bejn il-livelli differenti tal-amministrazzjoni u bejn il-konfini amministrattivi kif ukoll l-involviment sistematiku tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-ippjanar, fil-formulazzjoni u fl-iżvilupp ta’ politiki li għandhom impatt fuq il-kwalità tal-ambjent urban. Il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni msaħħa fil-livelli nazzjonali u reġjonali proposti fil-Qafas Strateġiku Komuni għall-perjodu li jmiss ta’ finanzjament u l-ħolqien ta’ “Netwerk għall-Iżvilupp Urban” (82) jistgħu jgħinu sabiex dan jiġi żgurat, kif ukoll l-involviment ta’ aktar gruppi ta’ partijiet interessati u l-pubbliku ġenerali fid-deċiżjonijiet li jaffettwawhom. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jibbenefikaw ukoll minn żvilupp ulterjuri ta’ għodda biex jirrazzjonalizzaw il-ġbir u l-ġestjoni tad-dejta ambjentali, u biex jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki, kif ukoll sforzi sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali fil-livell tal-Unjoni, fil-livell nazzjonali, fil-livell reġjonali u fil-livell lokali (83). Dan huwa skont l-impenn meħud f’Rio+20 li jiġi promoss approċċ integrat għall-ippjanar, il-bini u l-ġestjoni ta’ bliet u żoni urbani sostenibbli. Approċċi integrati għall-ippjanar urban u tal-ispazju, li fihom jitqiesu bis-sħiħ il-kunsiderazzjonijiet ambjentali fit-tul flimkien mal-isfidi ekonomiċi, soċjali u territorjali, huma essenzjali biex jiġi żgurat li komunitajiet urbani jkunu sostenibbli, effiċjenti u tajbin għas-saħħa għal min jgħix u jaħdem fihom.

94.

L-Unjoni għandha tkompli tippromwovi u, fejn xieraq, tespandi l-inizjattivi eżistenti li jappoġġaw l-innovazzjoni u l-aħjar prattika fl-ibliet, fin-netwerking u l-iskambji u biex l-ibliet jitħeġġu biex juru l-livell avvanzat tagħhom fir-rigward tal-iżvilupp urban sostenibbli (84). L-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu l-utilizzazzjoni tal-finanzjament ta-politika ta’ koeżjoni u ta’ fondi oħra biex jiġu appoġġati l-ibliet fl-isforzi tagħhom li jsaħħu l-iżvilupp urban sostenibbli, joħolqu sensibilizzazzjoni u jinkoraġġixxu l-involviment tal-atturi lokali (85). L-iżvilupp ta’, u l-ftehim dwar, sett ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà għall-ibliet, ibbażat fuq konsultazzjoni mal-Istati Membri u partijiet interessati rilevanti oħra, jipprovdi bażi ta’ referenza għal inizjattivi bħal dawn u jippromwovi approċċ koerenti, integrat għall-iżvilupp urban sostenibbli (86).

95.

Sabiex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-ibliet tal-Unjoni, is-Seba’ EAP għandu jiżgura li sal-2020:

(a)

Maġġoranza ta’ bliet fl-Unjoni jkunu qed jimplimentaw politiki għall-ippjanar u d-disinn urban sostenibbli, inklużi approċċi innovattivi għat-trasport pubbliku urban u l-mobbiltà urbana, għal bini sostenibbli, għall-effiċjenza enerġetika u għall-konservazzjoni tal-bijodiversità urbana.

Dan jesiġi, b’mod partikolari:

(i)

ftehim dwar sett ta’ kriterji biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni ambjentali tal-ibliet, billi jitqiesu l-impatti ekonomiċi, soċjali u territorjali;

(ii)

l-iżgurar li l-ibliet ikollhom informazzjoni dwar il-finanzjament u aċċess aħjar għalih għal miżuri li jtejbu s-sostenibbiltà urbana;

(iii)

il-kondiviżjoni tal-aħjar prattika bejn l-ibliet fuq il-livell tal-Unjoni u dak internazzjonali fir-rigward tal-iżvilupp urban innovattiv u sostenibbli;

(iv)

fil-kuntest ta’ inizjattivi u netwerks tal-Unjoni attwali, l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ fehim komuni dwar kif jingħata kontribut għal ambjenti urbani mtejba permezz tal-enfasi fuq l-integrazzjoni tal-ippjanar urban ma’ objettivi relatati mal-effiċjenza fir-riżorsi, ekonomija b’użu baxx ta’ karbonju innovattiva, sikura u sostenibbli, użu tal-art urbana sostenibbli, mobbiltà urbana sostenibbli, il-ġestjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità urbana, ir-reżiljenza tal-ekosistema, il-ġestjoni tal-ilma, is-saħħa tal-bniedem, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni ambjentali.

Għan prijoritarju 9:   Tiżdied l-effettività tal-Unjoni fl-indirizzar ta’ sfidi ambjentali u relatati mal-klima fil-livell internazzjonali

96.

L-iżgurar tal-użu sostenibbli tar-riżorsi hu waħda mill-aktar sfidi urġenti li qed tħabbat wiċċha magħhom id-dinja tal-lum u hu ċentrali biex jinqered il-faqar u jiġi żgurat futur sostenibbli għad-dinja (87). F’Rio+20, il-mexxejja dinjija ġeddew l-impenn tagħhom favur l-iżvilupp sostenibbli u l-iżgurar tal-promozzjoni ta’ futur ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli għall-pjaneta, għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-futur. Huma rrikonoxxew ukoll li l-ekonomija ekoloġika inklussiva hija għodda importanti biex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli. Ġie spjegat f’Rio+20 li fid-dawl ta’ popolazzjoni dejjem tikber u f’dinja dejjem aktar urbanizzata, tali sfidi jeħtieġu li tittieħed azzjoni internazzjonali f’numru ta’ oqsma, bħall-ilma, l-oċeani, l-art u l-ekosistemi sostenibbli, l-effiċjenza fir-riżorsi (b’mod partikolari l-iskart), il-ġestjoni tajba ta’ sustanzi kimiċi, l-enerġija sostenibbli u t-tibdil fil-klima. L-eliminazzjoni gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, inklużi s-sussidji għall-fjuwils fossili wkoll teħtieġ azzjoni addizzjonali. Minbarra li tibdel dawn l-impenji f’azzjoni fil-livell lokali, nazzjonali u tal-Unjoni, l-Unjoni se tkun involuta wkoll b’mod proattiv fl-isforzi internazzjonali sabiex jiġu żviluppati s-soluzzjonijiet meħtieġa biex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli fil-livell globali.

97.

F’Rio+20 ġie deċiż li tinbidel il-Kummissjoni tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli b’Forum Politiku ta’ Livell Għoli, li se jsaħħaħ l-integrazzjoni tat-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli u jsegwi u jirrivedi l-progress fuq l-implimentazzjoni tal-eżiti ta’ Rio+20 u eżiti rilevanti ta’ summits u konferenzi oħra tan-NU, u b’hekk jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-objettivi ta’ żvilupp sostenibbli bħala parti mill-qafas ġenerali ta’ wara l-2015.

98.

Ħafna mill-għanijiet prijoritarji stabbiliti fis-Seba’ EAP jistgħu jinkisbu bis-sħiħ biss bħala parti minn approċċ globali u b’kooperazzjoni ma’ pajjiżi sħab, u ma’ pajjiżi u territorji extra-Ewropej. Huwa għalhekk li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom ikunu involuti fil-proċessi internazzjonali, reġjonali u bilaterali b’mod qawwi, iffukat, magħqud u koerenti. Għandha tingħata enfasi partikolari lir-reġjuni tal-Baħar l-Iswed u tal-Artiku, fejn hemm bżonn ta’ kooperazzjoni intensifikata u involviment akbar tal-Unjoni, inkluż permezz tas-sħubija fil-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed kontra t-Tniġġiż u bil-ksib ta’ status ta’ osservatur permanenti fil-Kunsill tal-Artiku, sabiex jiġu indirizzati sfidi ambjentali ġodda u kondiviżi. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu jippromwovu qafas effettiv ibbażat fuq ir-regoli għal politika ambjentali globali, ikkomplementat b’approċċ iktar effettiv, strateġiku li fih id-djalogi u l-kooperazzjoni bilaterali u reġjonali jkunu mfassla apposta għas-sħab strateġiċi tal-Unjoni, il-pajjiżi kandidati u tal-viċinat, u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, rispettivament, b’appoġġ minn finanzjament adegwat.

99.

Iż-żmien kopert mis-Seba’ EAP jikkorrispondi għall-fażijiet ewlenin fil-politika internazzjonali dwar il-klima, il-bijodiversità u s-sustanzi kimiċi. Biex nibqgħu fil-limitu ta’ 2 °C, l-emissjonijiet globali tal-GHG iridu jonqsu tal-anqas b’50 % tal-livelli tal-1990 sal-2050. Madankollu, il-wegħdiet li għamlu l-pajjiżi s’issa biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-GHG se jirriżultaw f’mhux aktar minn terz ta’ tnaqqis meħtieġ sal-2020 (88). Mingħajr azzjoni globali aktar riżoluta, it-tibdil fil-klima x’aktarx mhux se jiġi limitat. Saħansitra fl-aħjar xenarju, il-pajjiżi se jaffrontaw dejjem aktar impatti inevitabbli mill-bidliet fil-klima minħabba l-emissjonijiet storiċi tal-GHG u se jeħtieġu l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ adattament għall-klima. Skont il-Pjattaforma ta’ Durban għal Azzjoni Msaħħa, ftehim komprensiv u b’saħħtu applikabbli għal kulħadd għandu jiġi miftihem sal-2015 u implimentat mis-sena 2020. L-Unjoni se tibqa’ involuta b’mod proattiv f’dan il-proċess, inkluż f’diskussjonijiet dwar kif titnaqqas id-diskrepanza bejn l-impenji attwali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, u dwar l-azzjoni meħtieġa biex nibqgħu fuq perkors għall-emissjonijiet li jkun kompatibbli mal-għan ta’ 2 °C, ibbażata fuq l-aħħar konklużjonijiet mill-IPCC. L-implimentazzjoni tal-eżitu ta’ Rio+20 għandha tiżgura wkoll koerenza u komplementarjetà ma’ dan il-proċess sabiex huma jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Is-segwitu għal Rio+20 għandu jgħin ukoll biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ GHG, biex b’hekk tkun appoġġata l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. B’mod parallel, l-Unjoni għandha ssegwi u tintensifika aktar is-sħubijiet dwar it-tibdil fil-klima ma’ sħab strateġiċi u għandha tieħu azzjoni ulterjuri biex tintegra l-konsiderazzjonijiet ambjentali u dawk relatati mal-klima fil-politiki ta’ kummerċ u ta’ żvilupp tagħha, filwaqt li tqis l-impenji u l-benefiċċji reċiproċi.

100.

Il-miri għall-bijodiversità globali (89) stipulat fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) għandhom jintlaħqu sal-2020 abbażi tal-waqfien u fl-aħħar tal-inverżjoni tat-telf tal-bijodiversità madwar id-dinja. L-Unjoni se tikkontribwixxi s-sehem ġust tagħha għal dawn l-isforzi, inkluż fir-rigward ta-irduppjar tal-flussi ta’ riżorsi internazzjonali relatati mal-bijodiversità għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw sal-2015 u tal-anqas iżżomm dan il-livell sal-2020, kif stabbilit fost il-miri preliminari miftehmin fil-kuntest tal-istrateġija ta’ mobilizzazzjoni tar-riżorsi tas-CBD (90). Huwa importanti wkoll li l-Unjoni jkollha rwol attiv fil-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi (IPBES) ladarba ssir membru sħiħ, sabiex torbot flimkien il-livelli lokali, reġjonali u internazzjonali tal-governanza tal-bijodiversità. L-Unjoni se tkompli tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni (UNCCD), b’mod partikolari billi tirsisti biex tinkiseb dinja li fiha d-degradazzjoni tal-art ma tibqax problema, kif maqbul f’Rio+20. Se żżid ukoll l-isforzi tagħha biex tilħaq il-mira għall-2020 għall-ġestjoni tajba ta’ sustanzi kimiċi tul iċ-ċiklu sħiħ ta’ ħajjithom u tal-iskart perikoluż, kif imsaħħa f’Rio+20, u biex tappoġġa l-konvenzjonijiet relatati. L-Unjoni se tkompli jkollha rwol attiv u kostruttiv biex tgħin biex jinkisbu l-għanijiet ta’ tali proċessi.

101.

L-Unjoni diġà għandha prestazzjoni tajba fir-rigward ta’ sħubija fi ftehimiet ambjentali multilaterali (Multilateral Environmental Agreements — MEAs), għalkemm għadd ta’ Stati Membri għadhom ma rratifikawx ftehimiet ewlenin. Dan jipperikola l-kredibbiltà tal-Unjoni f’negozjati relatati. L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jiżguraw ir-ratifika u l-approvazzjoni, rispettivament, f’waqthom, tal-MEAs kollha li huma firmatarji għalihom.

102.

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jinvolvu ruħhom b’mod proattiv f’negozjati internazzjonali dwar kwistjonijiet ġodda u emerġenti, b’mod partikolari dwar Konvenzjonijiet, ftehimiet u valutazzjonijiet ġodda, u għaldaqstant, isostnu mill-ġdid id-determinazzjoni tagħhom li jkomplu l-isforzi tagħhom għat-tnedija, mill-aktar fis possibbli, tan-negozjati fil-qafas ta’ Assemblea Ġenerali tan-NU għal ftehim ta’ implimentazzjoni tal-UNCLOS (Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar) dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar f’Żoni Lil Hinn mill-Ġurisdizzjoni Nazzjonali u jappoġġaw it-tlestija tal-Ewwel “Valutazzjoni tal-Oċeani tad-Dinja”.

103.

L-Unjoni għandha tisfrutta wkoll il-pożizzjoni tagħha bħala wieħed mill-ikbar swieq tad-dinja biex tippromwovi politiki u approċċi li jnaqqsu l-pressjoni fuq il-bażi ta’ riżorsi naturali globali. Dan jista’ jsir billi jinbidlu x-xejriet tal-konsum u tal-produzzjoni, inkluż billi jittieħdu l-passi meħtieġa għall-promozzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi fil-livell internazzjonali u għall-implimentazzjoni tal-Qafas għal 10 Snin ta’ Programmi dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli, kif ukoll billi jiġi żgurat li l-politiki dwar il-kummerċ u s-suq intern jappoġġaw il-kisba tal-għanijiet ambjentali u dawk għall-klima u jipprovdu inċentivi lil pajjiżi oħra biex itejbu u jinfurzaw l-oqfsa regolatorji u l-istandards ambjentali tagħhom, bil-għan li jiġi evitat id-dumping ambjentali. L-Unjoni se tkompli tippromwovi żvilupp sostenibbli permezz tan-negozjar u l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali tagħha u l-ftehimiet ta’ sħubija volontarji bilaterali dwar l-infurzar tar-Regolamenti tal-Forestrija, il-Governanza u l-Kummerċ, li jiżguraw li l-injam li dieħel fis-suq tal-Unjoni minn pajjiżi sħab ikun dak biss li huwa maqtugħ legalment. F’dan il-kuntest, ir-Regolament dwar l-Injam tal-Unjoni Ewropea (91) jservi bħala bażi ġuridika għall-Unjoni biex tindirizza l-problema globali tal-qtugħ illegali ta’ siġar permezz tad-domanda tagħha għall-injam u prodotti tal-injam. Se jiġu esplorati wkoll alternattivi politiki oħra biex jitnaqqsu l-impatti tal-konsum tal-Unjoni fuq l-ambjent globali, inklużi d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti.

104.

L-Unjoni għandha wkoll tintensifika aktar il-kontribuzzjoni tagħha għal inizjattivi li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija inklużiva u ekoloġika fil-livell internazzjonali, bħall-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ abilitazzjoni xierqa, l-iżvilupp ta’ strumenti u indikaturi bbażati fuq is-suq lil hinn mill-PDG, li huma konsistenti mal-politiki interni tagħha.

105.

L-Unjoni għandha tkompli tippromwovi prattiki kummerċjali ambjentalment responsabbli. Obbligi ġodda skont l-Inizjattiva tan-Negozju Responsabbli tal-Unjoni (92) għal kumpaniji elenkati fil-Borża u għal kumpaniji kbar mhux elenkati fil-Borża li huma estrattivi fil-qasam ta’ qtugħ tas-siġar minn foresti primarji biex jirrapportaw pagamenti minn għandhom lill-gvernijiet se jwassal għal trasparenza u responsabbiltà akbar fil-mod kif inhuma sfruttati r-riżorsi naturali. Bħala fornitur ewlieni ta’ prodotti u servizzi ambjentali, l-Unjoni għandha tippromwovi standards ekoloġiċi globali, kummerċ ħieles fil-prodotti u s-servizzi ambjentali, l-adozzjoni ta’ aktar teknoloġiji favur l-ambjent u l-klima, il-protezzjoni tal-investiment u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-iskambju internazzjonali tal-aħjar prattika.

106.

Sabiex tiżdied l-effettività tal-Unjoni fl-indirizzar tal-isfidi ambjentali internazzjonali u relatati mal-klima, is-Seba’ EAP għandu jiżgura li sal-2020:

(a)

l-eżiti ta’ Rio+20 ikunu integrati bis-sħiħ fil-politiki interni u esterni tal-Unjoni u l-Unjoni tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-isforzi globali biex jiġu implimentati l-impenji miftiehma, inklużi dawk skont il-konvenzjonijiet ta’ Rio u għall-inizjattivi mmirati favur il-promozzjoni tat-tranżizzjoni globali lejn ekonomija inklużiva u ekoloġika fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar;

(b)

l-Unjoni tipprovdi appoġġ effettiv għall-isforzi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali u relatati mal-klima u biex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli.

(c)

l-impatt tal-konsum fl-Unjoni fuq l-ambjent lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni jitnaqqas.

Dan jesiġi, b’mod partikolari:

(i)

Ħidma bħala parti minn approċċ koerenti u komprensiv għal wara l-2015 għall-isfidi universali tal-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli, u permezz ta’ proċess inklużiv u ta’ kollaborazzjoni, favur l-adozzjoni tal-miri ta’ żvilupp sostenibbli li:

huma koerenti mal-objettivi u l-miri eżistenti maqbulin f’livell internazzjonali, fost l-oħrajn dwar il-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, l-inklużjoni soċjali u l-bażijiet ta’ protezzjoni soċjali,

jindirizzaw, fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, l-oqsma ta’ prijorità bħall-enerġija, l-ilma, is-sigurtà tal-ikel, l-oċeani u l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, ix-xogħol diċenti, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt,

huma universalment applikabbli, billi jkopru t-tliet dimensjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli,

huma vvalutati u akkumpanjati minn miri u indikaturi, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi nazzjonali, il-kapaċitajiet u l-livell ta’ żvilupp differenti, u

huma konsistenti ma’, u jappoġġaw, impenji internazzjonali oħra, bħal dawk dwar li jikkonċernaw it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità;

(ii)

ħidma favur struttura aktar effettiva tan-NU għall-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari d-dimensjoni ambjentali tagħha permezz ta’:

it-tisħiħ ulterjuri tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) skont l-eżitu ta’ Rio+20, li jibni fuq id-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU biex id-denominazzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-UNEP tinbidel għall-Assemblea Ambjentali tal-UNEP (93), filwaqt li jissokta l-isforz favur aġġornament tal-istatus tal-UNEP għal dak ta’ Aġenzija speċjalizzata,

appoġġ għall-isforzi biex jissaħħu s-sinerġiji bejn ftehimiet ambjentali multilaterali, b’mod partikolari fir-raggruppamenti tas-sustanzi kimiċi u tal-iskart u fir-raggruppamenti tal-bijodiversità, u

kontribut biex tiġi żgurata vuċi b’saħħitha u awtorevoli għall-ambjent fil-ħidma tal-Forum Politiku ta’ Livell Għoli;

(iii)

it-tisħiħ tal-impatt ta’ diversi sorsi ta’ finanzjament, inklużi t-tassazzjoni u l-mobilizzazzjoni domestika tar-riżorsi, l-investiment privat, sħubijiet ġodda u sorsi ta’ finanzjament innovattivi, u l-ħolqien ta’ alternattivi għall-użu tal-għajnuna għall-iżvilupp għall-ingranaġġ ta’ dawn is-sorsi oħra ta’ finanzjament bħala parti mill-istrateġija ta’ finanzjament, kif ukoll fil-politiki tal-Unjoni stess, inklużi l-impenji internazzjonali dwar il-finanzjament relatat mal-klima u l-bijodiversità;

(iv)

l-involviment tal-pajjiżi sħab b’mod aktar strateġiku, per eżempju permezz ta’ ffukar tal-kooperazzjoni ma’:

sħab strateġiċi dwar il-promozzjoni tal-aħjar prattiki fil-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali domestika u l-konverġenza f’negozjati ambjentali multilaterali,

pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat fuq l-approssimazzjoni gradwali mal-politika u l-leġiżlazzjoni ewlenin tal-Unjoni dwar l-ambjent u l-klima u fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali u relatati mal-klima reġjonali,

pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jappoġġaw l-isforzi tagħhom biex jipproteġu l-ambjent, jiġġieldu t-tibdil fil-klima u jnaqqsu d-diżastri naturali, u jiġu implimentati impenji ambjentali internazzjonali bħala kontribut għat-tnaqqis tal-faqar u għall-iżvilupp sostenibbli;

(v)

l-involviment fi proċessi ambjentali multilaterali u oħrajn rilevanti eżistenti u ġodda, b’mod aktar konsistenti, proattiv u effettiv, inkluż permezz ta’ kuntatt f’waqtu ma’ pajjiżi terzi u partijiet interessati oħra, bil-għan li jiġi żgurat li l-impenji għall-2020 jintlaħqu fil-livell tal-Unjoni u jiġu promossi fil-livell globali, u biex ikun hemm ftehim dwar azzjoni internazzjonali li għandha tittieħed wara l-2020, u jiġu ratifikati u mogħtija spinta l-isforzi biex jiġu implimentati l-ftehimiet ambjentali multilaterali ewlenin kollha ħafna qabel l-2020. L-Implimentazzjoni tal-Qafas għal 10 Snin ta’ Programmi dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli;

(vi)

l-istima tal-impatt ambjentali, f’kuntest globali, tal-konsum tal-Unjoni ta’ komoditajiet alimentari u dawk mhux alimentari u, jekk ikun xieraq, l-iżvilupp ta’ proposti ta’ politika biex jiġu indirizzati l-konklużjonijiet ta’ tali stimi, u l-kunsiderazzjoni tal-iżvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti;

(vii)

il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ skemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet madwar id-dinja u l-faċilitar tal-kollegamenti ta’ tali sistemi;

(viii)

l-iżgurar li l-progress ekonomiku u soċjali jinkiseb fil-limiti tal-kapaċità tad-Dinja, billi jiżdied il-fehim tal-limiti tal-pjanetà, fost l-oħrajn fl-iżvilupp tal-qafas għal wara l-2015 sabiex jiġu żgurati l-benesseri u l-ġid tal-bnedmin fit-tul.


(1)  The economic benefits of environmental policy (IES, Vrije Universiteit Amsterdam, 2009); COM(2012) 173); “L-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE għal Tkabbir Ekoloġiku”, (BIO Intelligence Service 2011).

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġi (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(3)  SEC(2011)1067; L-Ambjent Ewropew — l-istat u l-prospetti 2010: Valutazzjoni tal-Megatendenzi Globali (“SOER, 2010”).

(4)  Ir-rapport tal-Panel ta’ Livell Għoli dwar is-Sostenibbiltà Globali tan-Nazzjonijiet Uniti “Resilient People, Resilient Planet: A future worth choosing”, 2012.

(5)  Limiti assoċjati ma’ disa’ “limiti tal-pjaneta” ġew identifikati bħala li, ladarba jkunu ssuperati, jistgħu jwasslu għal bidliet irriversibbli b’konsegwenzi potenzjalment diżastrużi għall-bnedmin, inklużi: it-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, l-użu globali tal-ilma ħelu, l-aċidifikazzjoni tal-oċeani, iċ-ċikli tan-nitroġenu u l-fosforu u l-bidla fl-użu tal-art (Ecology and Society, Vol. 14, No 2, 2009).

(6)  Skont ir-Reviżjoni Stern dwar l-Ekonomija tat-Tibdil fil-Klima, jekk ma titteħidx azzjoni, il-kostijiet globali tat-tibdil fil-klima se jkunu ekwivalenti għat-telf ta’ 5 % tal-prodott domestiku gross globali (PDG) kull sena. Jekk wieħed jinkludi firxa usa’ ta’ riskji u impatti, din iċ-ċifra tista’ tiżdied għal 20 % tal-PDG.

(7)  Il-Previżjonijiet Ambjentali tal-OECD sal-2050: Il-Konsegwenzi tan-Nuqqas ta’ Azzjoni, rapport, 2012).

(8)  COM(2011) 244.

(9)  COM(2011) 571.

(10)  COM(2011) 112.

(11)  COM(2011) 885.

(12)  COM(2011) 144.

(13)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti A/Res/66/288.

(14)  Id-Direttiva 2000/60/KE.

(15)  Id-Direttiva 2008/56/KE.

(16)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma-skart urban (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40).

(17)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1).

(18)  Id-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġar tar-riskji tal-għargħar (ĠU L 288, 6.11.2007, p. 27)

(19)  Id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 82/176/KEE, 83/513/KEE, 84/156/KEE, 84/491/KEE, 86/280/KEE u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 84).

(20)  Id-Direttiva 2008/50/KE u d-Direttiva 2004/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali (ĠU L 23, 26.1.2005, p. 3).

(21)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7) u d-Direttiva 92/43/KEE.

(22)  Rapport Tekniku 12/2010 tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

(23)  Il-Paragrafu 14 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2010 (EUCO 7/10) jgħid: “Hemm ħtieġa urġenti biex jitreġġgħu lura x-xejriet kontinwi ta’ telf ta’ bijodiversità u degradazzjoni ta’ ekosistemi. Il-Kunsill Ewropew huwa impenjat għall-viżjoni fit-tul għall-2050 dwar il-bijodiversità u l-mira għall-2020 stabbilita fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2010.”.

(24)  COM(2012) 673.

(25)  COM(2011) 144.

(26)  SWD(2012) 101.

(27)  COM(2006) 232.

(28)  COM(2012) 673.

(29)  COM(2013) 216.

(30)  COM(2011) 112.

(31)  COM(2012) 582 intitolata “Industrija Ewropea Aktar b’Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku”.

(32)  Il-Prinċipju IX tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar jipproponi azzjonijiet sabiex l-SMEs ikunu jistgħu jbiddlu l-isfidi ambjentali f’opportunitajiet (COM(2008) 394).

(33)  Fostering Innovation for Green Growth (Trawwim tal-Innovazzjoni għal Tkabbir Ambjentali) (OECD 2011) u The Eco-Innovation Gap: An economic opportunity for business (Id-Diskrepanza Eko-Innovazzjoni: Opportunità Ekonomika għan-negozju) (EIO 2012).

(34)  COM(2012) 173.

(35)  Is-settur tal-ekoindustrija tal-UE ħaddem madwar 2,7 miljun ruħ fl-2008 u għall-2012 din iċ-ċifra tista’ tilħaq madwar 3,4 miljun. (Ecorys, 2012).

(36)  “In-numru ta’ impjiegi li jiddependu fuq l-Ambjent u t-titjib fl-Effiċjenza tar-Riżorsi” (ECORYS 2012).

(37)  COM(2011) 899.

(38)  L-impatt tal-politika tal-enerġija rinnovabbli fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-UE (Employ-RES 2009).

(39)  Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(40)  COM(2013) 169.

(41)  Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(42)  Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1).

(43)  Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10) u d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1).

(44)  Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1).

(45)  Leġiżlazzjoni dwar l-Ekodisinn, it-Tikketta Enerġetika, l-EMAS u Prassi Kummerċjali Inġusti għandhom ikunu riveduti qabel l-2015.

(46)  COM(2011) 899.

(47)  Il-ġenerazzjoni annwali tal-iskart tal-ikel fl-Unjoni hija ta’ madwar 89 miljun tunnellata, li tirrappreżenta 179 kg per capita (BIO Intelligence Service 2010). L-impatti aggregati tal-bini ta’ djar u l-infrastruttura jammontaw għal madwar 15-30 % tal-pressjonijiet ambjentali kollha relatati mal-konsum fl-Ewropa u jikkontribwixxu madwar 2,5 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 per capita kull sena (SEC(2011)1067).

(48)  Ir-Regolament (KE) Nru 106/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar programm Komunitarju ta’ tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 1); Id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (ĠU L 120, 15.5.2009, p. 5) u d-Direttiva ġdida dwar l-Effiċjenza Enerġetika.

(49)  Pereżempju, l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart għandha tiffranka EUR 72 biljun fis-sena, iżżid il-fatturat annwali tas-settur tal-ġestjoni u tar-riċiklaġġ tal-iskart tal-Unjoni b’EUR 42 biljun u toħloq iktar minn 400 000 impjieg sal-2020.

(50)  Eurostat Stat 13/33 Skart Muniċipali 2011.

(51)  Id-Direttiva 2008/98/KE.

(52)  Ir-“riċiklaġġ” huwa definit fil-punt 17 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE bħala “kwalunkwe operazzjoni ta’ rkupru li biha l-materjali tal-iskart jiġu pproċessati mill-ġdid fi prodotti, materjali jew sustanzi għall-użu oriġinali jew għal skopijiet oħra. Dan jinkludi il-proċessar mill-ġdid ta’ materjal organiku iżda ma jinkludix irkupru ta’ enerġija u l-ipproċessar mill-ġdid f’materjali li għandhom jintużaw bħala karburanti jew għal operazzjonijiet ta’ radam mill-ġdid;”.

(53)  L-“irkupru” huwa definit fil-punt 15 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE bħala “kwalunkwe operazzjoni li r-riżultat prinċipali tagħha jkun skart li jservi skop utli permezz tas-sostituzzjoni ta’ materjali oħra li inkella kienu jintużaw biex jissodisfaw funzjoni partikolari, jew skart li qed jiġi ppreparat b’mod li jissodisfa dik il-funzjoni, fl-impjant jew fl-ekonomija usa’. […];”.

(54)  COM(2012) 673.

(55)  Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April tal-1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1).

(56)  Direttiva 2008/98/KE.

(57)  Stħarriġ Ewrobarometru Speċjali 365 (2011).

(58)  SOER 2010.

(59)  SOER 2010.

(60)  “Il-livelli għoljin ta’ storbju” huma definiti bħala livelli ta’ storbju ’l fuq minn 55dB Lden u 50dB Lnight.

(61)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(62)  Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(63)  Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).

(64)  Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(65)  Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Frar 2006 dwar l-immaniġġar tal-kwalità tal-ilma għall-għawm u li tħassar id-Direttiva 76/160/KEE (ĠU L 64, 4.3.2006, p. 37).

(66)  Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32).

(67)  L-ispejjeż minħabba n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-acquis dwar l-ambjent (COWI, 2011).

(68)  Id-29 Rapport Annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (2011) (COM(2012) 714).

(69)  COM(2012) 95.

(70)  COM(2008) 773.

(71)  COM(2008) 46.

(72)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE), (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(73)  Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Settembru 2010 dwar il-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013) (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 1) u COM(2013) 312 dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u jħassar ir-Regolament (UE) Nru 911/2010.

(74)  COM(2012) 216.

(75)  COM(2011) 662.

(76)  COM(2011) 681.

(77)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Programm għall-Azzjoni dwar l-Ambjent u l-Klima (COM(2011) 874, 2011/0428(COD)).

(78)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta’ Ġunju 2012 (EUCO 76/12).

(79)  Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30).

(80)  Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1).

(81)  Ara, pereżempju, ir-rapport “L-Ibliet ta’ Għada” (il-Kummissjoni Ewropea, 2011) u SWD(2012) 101.

(82)  COM(2011) 615.

(83)  Pereżempju s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar l-Ilma għall-Ewropa (WISE), is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Bijodiversità għall-Ewropa (BISE) u l-Pjattaforma Ewropea ta’ Adattament għall-Klima (CLIMATE-ADAPT).

(84)  Eżempji jinkludu s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar Bliet u Komunitajiet Intelliġenti COM(2012)4701, il-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea u l-Inizjattiva ta’ Programmazzjoni Konġunta ta’ riċerka Ewropa Urbana.

(85)  Il-Kummissjoni pproponiet li jiġi allokat minimu ta’ 5 % tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) f’kull Stat Membru għall-finanzjament tal-iżvilupp urban sostenibbli integrat.

(86)  Dan l-approċċ għandu jislet minn inizjattivi eżistenti bħall-Aġenda Lokali 21 kif ukoll prattiki tajbin oħra

(87)  Human Development Report (Rapport dwar l-Iżvilupp Uman) (UNDP, 2011).

(88)  L-Emissions Gap Report 2012 (ir-Rapport dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet 2012), tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), jispjega li l-wegħdiet mhux kondizzjonati jammontaw għal tnaqqis ta’ madwar 4 GtCO2e, imqabbel ma’ stima mezzana ta’ 14 GtCO2e ta’ tnaqqis neċessarju biex nibqgħu taħt il-limitu ta’ 2 °C.

(89)  Pjan Strateġiku tas-CBD għall-Bijodiversità 2011-2020.

(90)  Deċiżjoni CBD XI/4.

(91)  Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23).

(92)  Proposti għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza COM(2011) 683, 2011/0307(COD) u tad-Direttivi dwar il-Kontabbilità COM(2011) 684, 2011/0308(COD).

(93)  Deċiżjoni meħuda mill-Assemblea Ġenerali tan-NU, A/67/784 tas-7 ta’ Marzu 2013, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-UNEP.


Top