EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0798

Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat- 23 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

OJ L 352, 24.12.2013, p. 51–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/11/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/798/oj

24.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/51


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/798/PESK

tat-23 ta’ Diċembru 2013

dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill esprima t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA).

(2)

Fil-5 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2127 (2013), li timponi embargo fuq l-armi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA).

(3)

Aktar azzjoni mill-Unjoni hija meħtieġa sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u spare parts għal dawn imsemmija hawn fuq lir-Repubblika Ċentru-Afrikana (“RĊA”) minn ċittadini ta’ Stati Membri jew li ġejjin minn territorji ta’ Stati Membri jew l-użu ta' bastimenti li jtajru l-bandiera jew l-ajruplani tagħhom għandhom ikunu pprojbiti kemm jekk joriġinaw kif ukoll jekk ma joriġinawx mit-territorji tagħhom.

2.   Għandu jkun pprojbit:

(a)

l-għoti ta' assistenza teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħra, inkluż il-forniment ta' persunal merċenarju armat, relatati ma’ attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' armi u ta' materjal relatat ta' kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u spare parts għal dawn imsemmija hawn fuq, direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-RĊA jew biex jintużaw fiha;

(b)

l-għoti ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' attivitajiet militari, inkluż b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat, jew għall-forniment ta' assistenza teknika relatata, servizzi ta' senserija u servizzi oħrajn, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-RĊA jew biex jintużaw fiha;

(c)

il-parteċipazzjoni, konsapevoli u intenzjonali, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jiġu evitati l-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) jew (b).

Artikolu 2

1.   L-Artikolu 1 ma għandux japplika għal:

(a)

il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u materjal relatat intenzjonat biss għall-appoġġ ta', jew l-użu mill-missjoni għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi fl-Afrika Ċentrali (MICOPAX), il-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ fir-RĊA taħt Tmexxija Afrikana (MISCA), l-Uffiċċju Integrat tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Bini tal-Paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (BINUCA) u l-unità ta' gwardja tiegħu, it-Task Force Reġjonali għall-Unjoni Afrikana (UA-RTF), u l-Forzi Franċiżi stazzjonati fir-RĊA;

(b)

il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ lbies protettiv, inklużi ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn ir-RĊA minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, persunal tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-mezzi tax-xandir u ħaddiema umanitarji u fil-qasam tal-iżvilupp u persunal assoċjat, għall-użu personali tagħhom biss;

(c)

il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi żgħar u materjal relatat intenzjonati biss biex jintużaw f'pattulji internazzjonali li jipprovdu sigurtà fiż-Żona Protetta nazzjonali bi tliet partijiet tax-Xmara Sangha għad-difiża kontra serq, kuntrabandu tal-ivorju u l-armi, u attivitajiet oħra li jmorru kontra l-liġijiet nazzjonali tar-RĊA jew l-obbligi legali internazzjonali tar-RĊA.

2.   L-Artikolu 1 ma għandux japplika għal:

(a)

il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir militari mhux letali intenzjonat biss għal użu umanitarju jew protettiv, u assistenza teknika relatata;

(b)

il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u tagħmir letali relatat ieħor lill-forzi tas-sigurtà tar-RĊA, intenzjonati biss għall-appoġġ jew l-użu fil-proċess tar-RĊA għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSS);

(c)

il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u materjal relatat ieħor, u assistenza teknika jew finanzjarja relatata, inkluż persunal;

kif approvat minn qabel mill-Kumitat stabbilit skont il-paragrafu 57 tal-KSNU 2127 (2013).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


Top