EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1079

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1079/2012 tas- 16 ta’ Novembru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti ta’ spazjar bejn il-kanali ta’ komunikazzjoni vokali għall-Ajru Uniku Ewropew Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 320, 17.11.2012, p. 14–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 026 P. 57 - 67

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 04/10/2023; Imħassar b' 32023R1770

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/1079/oj

17.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/14


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1079/2012

tas-16 ta’ Novembru 2012

li jistabbilixxi rekwiżiti ta’ spazjar bejn il-kanali ta’ komunikazzjoni vokali għall-Ajru Uniku Ewropew

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar l-interoperabilità tan-Netwerk Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ir-Regolament dwar l-interoperabilità) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni tat mandat lill-Eurocontrol, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (2), biex tiżviluppa rekwiżiti għall-introduzzjoni koordinata ta’ komunikazzjonijiet vokali mill-ajru għall-art ibbażati fuq spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz. Dan ir-Regolament jissejjes fuq ir-rapport tat-12 ta’ Lulju 2011 dwar il-mandat imsemmi.

(2)

L-ewwel fażi tal-mandat wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1265/2007 tas-26 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi rekwiżiti għal spazjar tal-kanali vokali mill-ajru għall-art għall-Ajru Uniku Ewropew (3) li kellu l-għan ta’ introduzzjoni koordinata ta’ komunikazzjonijiet vokali mill-ajru għall-art ibbażati fuq spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz fl-ispazju tal-ajru ogħla mil-livell tat-titjir (FL) 195.

(3)

Xi dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament (KE) Nru 1265/2007, l-aktar dwar proċeduri, kienu diġà applikabbli għall-ispazju tal-ajru ’l isfel minn FL 195.

(4)

Il-konverżjonijiet preċedenti għall-użu ta’ spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz fl-ispazju tal-ajru ’l fuq minn FL 195 naqqsu l-konġestjoni fil-frekwenzi, iżda ma eliminawhiex. Ħafna Stati Membri qed isibuha dejjem aktar diffiċli jissodisfaw id-domanda għall-assenjazzjoni ta’ frekwenzi ġodda fil-medda ta’ 117,975-137 MHz (minn hawn ‘il quddiem, il-medda VHF) tas-servizz tar-radjukomunikazzjoni mobbli ajrunawtika.

(5)

L-unika alternattiva realistika biex il-problema ta’ konġestjoni fil-medda VHF tissolva għal perjodu ta’ żmien medju jew twil, hi li titkompla l-introduzzjoni tal-komunikazzjonijiet vokali mill-ajru għall-art ibbażati fuq spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz.

(6)

Jekk id-domanda għall-assenjazzjoni ta’ frekwenzi fil-ġejjieni ma tkunx tista’ tiġi ssodisfata, it-titjib fiż-żieda ta’ kapaċità tal-ispazju tal-ajru idum aktar biex iseħħ jew ma jkunx jista’ jseħħ, u dan iwassal għal żieda fl-ittardjar, li jġib miegħu spejjeż sinifikanti.

(7)

Il-Maniġer tan-Netwerk stabbilit permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 tas-7 ta’ Lulju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 691/2010 (4) jikkoordina u jarmonizza l-proċessi u l-proċeduri biex tittejjeb l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-frekwenzi ajrunawtiċi. Barra minn hekk, jikkoordina l-identifikazzjoni bikrija tal-ħtiġijiet ta’ frekwenzi u is-soluzzjoni ta’ problemi relatati.

(8)

L-użu armonizzat tal-frekwenzi fl-ispazju tal-ajru Ewropew kollu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri fir-rigward ta’ applikazzjonijiet speċifiċi għandu jkompli jottimizza l-użu tar-riżorsi limitati tal-ispettru tar-radju. Għalhekk, fil-konverżjoni għal spazjar bejn il-kanali ta’ komunikazzjoni ta’ 8,33 kHz għandhom jitqiesu l-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu mill-Maniġer tan-Netwerk favur l-użu armonizzat tal-frekwenzi, l-aktar mill-avjazzjoni ġenerali, għall-iskop ta’ komunikazzjonijiet mill-ajru għall-ajru u għal applikazzjonijiet speċifiċi relatati mal-attivitajiet ta’ avjazzjoni ġenerali.

(9)

L-investiment li sar b’konsegwenza tar-Regolament (KE) Nru 1265/2007 naqqas b’mod sostanzjali l-ispejjeż tal-applikazzjoni tal-ispazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz fl-ispazju tal-ajru ’l isfel minn FL 195 għall-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u għall-operaturi li jtiru ’l fuq minn FL 195.

(10)

Ir-rekwiżit li l-inġenji tal-ajru tal-avjazzjoni ġenerali li jagħmlu titjiriet skont ir-regoli tat-titjir viżwali jridu jkunu mgħammra b’radjijiet li jkollhom il-kapaċità li jużaw l-spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz jimplika spejjeż konsiderevoli, filwaqt li l-benefiċċji operazzjonali tiegħu għal dawn l-inġenji tal-ajru huma limitati.

(11)

L-ispeċifikazzjoni ED-23B tal-Organizzazzjoni Ewropea għat-Tagħmir tal-Avjazzjoni Ċivili (Eurocae) għandha titqies bħala mezz suffiċjenti -ta’ konformità f’dak li jirrigwarda l-kapaċitajiet tat-tagħmir abbord l-inġenju tal-ajru.

(12)

It-tagħmir abbord l-inġenju tal-ajru li jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni ED-23B tal-Eurocae għandu karatteristiċi ta’ komunikazzjoni aqwa. Għalhekk, kull meta jkun possibbli din għandha titqies bħala l-alternattiva preferita, fuq l-ED-23B.

(13)

Id-dispożizzjonijiet relatati mal-inġenji tal-ajru ta’ Stat għandhom iqisu l-limitazzjonijiet speċifiċi tagħhom billi jipprevedu dati ta’ implimentazzjoni xierqa.

(14)

Dan ir-Regolament m’għandux ikopri l-operazzjonijiet u t-taħriġ militari b’konformità mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

(15)

L-Istati Membri li japplikaw ir-rekwiżiti kombinati ta’ frekwenzi tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (minn hawn ‘il quddiem, NATO) għandhom iżommu l-frekwenza ta’ 122,1 MHz bi spazjar bejn il-kanali ta’ 25 kHz biex jallokawha lil inġenji tal-ajru tal-Istat li ma jkunux mgħammra b’radjijiet li jkollhom il-kapaċità li jużaw spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz, sakemm tinstab soluzzjoni alternattiva xierqa.

(16)

Bil-għan li jinżammu jew jissaħħu l-livelli eżistenti ta’ sikurezza tal-operazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati jagħmlu evalwazzjoni tas-sikurezza, li tinkludi l-identifikazzjoni tal-periklu, l-evalwazzjoni tar-riskji u l-proċessi biex jitnaqqsu. L-implimentazzjoni armonizzata ta’ dawn il-proċessi fis-sistemi koperti minn dan ir-Regolament teħtieġ li jiġu identifikati r-rekwiżiti speċifiċi tas-sikurezza fir-rigward tar-rekwiżiti kollha ta’ interoperabilità u prestazzjoni.

(17)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 552/2004, ir-regoli ta’ implimentazzjoni għall-interoperabilità għandhom jiddeskrivu l-proċeduri speċifiċi ta’ evalwazzjoni tal-konformità li jridu jintużaw fl-evalwazzjoni tal-konformità jew tal-idoneità biex jintużaw bħala komponenti kif ukoll għall-verifika tas-sistemi.

(18)

Il-livell ta’ maturità tas-suq għall-komponenti li għalihom japplika dan ir-Regolament huwa tali li l-konformità u l-idoneità tagħhom għall-użu jistgħu jiġu evalwati permezz tal-kontroll intern tal-produzzjoni, bl-użu ta’ proċeduri bbażati fuq il-Modulu A tal-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (5).

(19)

Għalhekk, għal skop ta’ ċarezza, ir-Regolament (KE) Nru 1265/2007 għandu jitħassar.

(20)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti għal introduzzjoni koordinata ta’ komunikazzjonijiet vokali mill-ajru għall-art ibbażati fuq spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għar-radjijiet kollha li jiffunzjonaw fil-medda ta’ 117,975-137 MHz (il-medda VHF) allokata għas-servizz ta’ radjukomunikazzjoni mobbli ajrunawtika, inklużi sistemi, il-komponenti tagħhom u l-proċeduri assoċjati magħhom.

2.   Dan ir-Regolament japplika għas-sistemi ta’ proċessar tad-dejta dwar it-titjiriet li jkunu għas-servizz tal-entitajiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru li jipprovdu servizzi lit-traffiku tal-ajru ġenerali, lill-komponenti tagħhom u lill-proċeduri assoċjati magħhom.

3.   Dan ir-Regolament japplika għat-titjiriet kollha li joperaw bħala traffiku tal-ajru ġenerali, fl-ispazju tal-ajru tar-reġjun EUR tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (“ICAO”) fejn l-Istati Membri huma responsabbli għall-forniment ta’ servizzi ta’ traffiku tal-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

4.   Ir-rekwiżiti tal-konverżjoni mhumiex applikabbli għall-assenjazzjoni ta’ frekwenzi:

(a)

li jkunu se jibqgħu fi spazjar bejn il-kanali ta’ 25 kHz f’dawn il-frekwenzi:

(i)

il-frekwenza ta’ emerġenza (121,5 MHz);

(ii)

il-frekwenza awżiljarja għall-operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ (123,1 MHz);

(iii)

il-frekwenzi tal-link diġitali VHF (VDL - VHF digital link) (136,725 MHz, 136,775 MHz, 136,825 MHz, 136,875 MHz, 136,925 MHz u 136,975 MHz);

(iv)

il-frekwenzi tas-sistema ACARS (Aircraft Communications Addressing and Reporting System) (131,525 MHz, 131,725 MHz u 131,825 MHz);

(b)

meta tintuża operazzjoni ta’ offset carrier fi spazjar bejn il-kanali ta’ 25 kHz.

5.   Ir-radjijiet maħsuba biex joperaw esklużivament f’assenjazzjoni waħda jew iktar ta’ frekwenzi li jibqgħu fi spazjar bejn il-kanali ta’ 25 kHz, mhux meħtieġ ikollhom il-kapaċità ta’ spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004. Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kanal” tfisser deżinjatur numeriku użat flimkien mas-sintonizzazzjoni ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni vokali, li jippermetti li ssir identifikazzjoni unika tal-frekwenza għal komunikazzjoni bir-radju applikabbli u tal-ispazjar bejn il-kanali assoċjat;

(2)

“spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz” tfisser spazjar bejn il-kanali fejn il-frekwenzi nominali ċentrali huma separati b’intervalli ta’ 8,33 kHz;

(3)

“radju” tfisser kwalunkwe apparat installat, portabbli jew li jinżamm fl-idejn maħsub biex jitrażmetti u/jew jirċievi trażmissjonijiet fil-medda VHF;

(4)

“reġistru ċentrali” tfisser reġistru fejn il-maniġer nazzjonali tal-frekwenzi jirreġistra d-dettalji operazzjonali, tekniċi u amministrattivi fir-rigward ta’ kull assenjazzjoni ta’ frekwenza, kif meħtieġ skont ir-Regolament (UE) Nru 677/2011;

(5)

“konverżjoni għal 8,33 kHz” tfisser is-sostituzzjoni ta’ assenjazzjoni ta’ frekwenzi rreġistrata fir-reġistru ċentrali li tuża spazjar bejn il-kanali ta’ 25 kHz bl-assenjazzjoni ta’ frekwenzi li tuża spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz;

(6)

“assenjazzjoni ta’ frekwenzi” tfisser l-awtorizzazzjoni li tingħata minn Stat Membru biex frekwenza tar-radju jew kanal ta’ frekwenzi tar-radju jintużaw skont kundizzjonijiet speċifiċi bl-iskop li jitħaddem tagħmir tar-radju;

(7)

“operatur” tfisser persuna, organizzazzjoni jew intrapriża involuta jew li toffri li tkun involuta fit-tħaddim ta’ inġenju tal-ajru;

(8)

“titjiriet skont ir-regoli tat-titjir viżwali” tfisser kwalunkwe titjira li ssir skont regoli tat-titjir viżwali kif hemm definit fl-Anness 2 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago tal-1944 dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”);

(9)

“inġenju tal-ajru tal-Istat” tfisser kwalunkwe inġenju tal-ajru li jintuża mis-servizzi militari, doganali jew tal-pulizija;

(10)

“operazzjoni ta’ offset carrier” tfisser sitwazzjoni fejn il-kopertura operazzjonali speċifikata ma tistax tiġi żgurata permezz ta’ tranżmiter wieħed fuq l-art u fejn, biex jiġu mminimizzati l-problemi ta’ interferenzi, is-sinjali minn żewġ trażmiters jew aktar fuq l-art jiġu kkumpensati (offset) bil-frekwenza nominali ċentrali tal-kanal;

(11)

“tagħmir tar-radju ta’ inġenju tal-ajru” tfisser radju wieħed jew aktar li jkunu abbord inġenju tal-ajru u li jintużaw minn membru tal-ekwipaġġ tat-titjira awtorizzat waqt it-titjira;

(12)

“aġġornament tar-radju” tfisser is-sostituzzjoni ta’ radju b’radju ta’ mudell differenti jew b’radju ta’ numru ta’ referenza differenti;

(13)

“kopertura operazzjonali speċifikata” tfisser il-volum ta’ spazju tal-ajru li fih jingħata servizz partikulari u li fih is-servizz jingħata protezzjoni tal-frekwenza;

(14)

“ċentru tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru” (“ċentru ta’ ATC”) tfisser ċentru tal-kontroll ta’ żona, ċentru tal-kontroll ta’ avviċinament jew torri tal-kontroll ta’ ajruport

(15)

“post tax-xogħol” tfisser l-għamara u t-tagħmir tekniku li bih membru tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru (“ATS” — Air Traffic Services) jwettaq ix-xogħol konness mar-responsabbiltajiet operazzjonali tiegħu;

(16)

“radju-telefonija” tfisser forma ta’ komunikazzjoni bir-radju primarjament maħsuba għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-forma ta’ diskors;

(17)

“ittra ta’ ftehim” tfisser ftehim bejn żewġ ċentri ta’ ATS biswit xulxin li jispeċifika kif ir-responsabbiltajiet ta’ ATS rispettivi tagħhom għandhom jiġu kkoordinati;

(18)

“Sistema Integrata tal-Ipproċessar Inizjali tal-Pjan tat-Titjira” (“IFPS”) tfisser sistema fin-Netwerk Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru li biha jingħata servizz ċentralizzat ta’ proċessar u distribuzzjoni ta’ pjanijiet tat-titjir, li jieħdu ħsieb ir-riċeviment, il-validazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ pjanijiet ta’ titjir, fl-ispazju tal-ajru kopert minn dan ir-Regolament;

(19)

“inġenju tal-ajru tal-Istat tat-tip użat għat-trasport” tfisser inġenju tal-ajru tal-Istat bil-ġwienaħ fissi li huwa ddisinjat biex fuqu jinġarru l-persuni u/jew il-merkanzija;

(20)

“operatur ta’ ajruport” tfisser il-korp responsabbli mill-ġestjoni ta’ ajruport kif ġie ddefinit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 (7);

(21)

“komunikazzjoni ta’ kontroll operazzjonali” tfisser il-komunikazzjonijiet li jsiru mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru, u li jaffettwaw ukoll is-sikurezza, ir-regolarità u l-effiċjenza tat-titjiriet.

Artikolu 4

Rekwiżiti ta’ interoperabilità u ta’ prestazzjoni tat-tagħmir tar-radju

1.   Min jimmanifattura radjijiet maħsuba biex jiffunzjonaw fil-medda VHF, jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom stabbiliti fl-Unjoni, iridu jiżguraw li, mis-17 ta’ Novembru 2013 ir-radjijiet kollha li jitqiegħdu fis-suq ikunu kapaċi jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, l-operaturi u l-utenti jew sidien oħrajn ta’ radjijiet għandhom jiżguraw li t-tagħmir tar-radju kollu li jintuża mis-17 ta’ Novembru 2013, ikollu l-kapaċità li jiffunzjona bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz.

3.   Jeħtieġ li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-inġenji tal-ajru li ċ-ċertifikati tal-ajrunavigabbiltà individwali tagħhom jew il-permessi ta’ titjir individwali tagħhom ikunu nħarġu għall-ewwel darba fl-Unjoni mis-17 ta’ Novembru 2013 u li jkollhom rekwiżit għall-ekwipaġġ tar-radju, ikunu mgħammra b’radjijiet li jkollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz.

4.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, l-operaturi u l-utenti jew sidien oħrajn ta’ radjijiet għandhom jiżguraw li mis-17 ta’ Novembru 2013, ir-radjijiet tagħhom ikollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz, kull meta jsirilhom aġġornament tar-radju.

5.   Jeħtieġ li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2017 ir-radjijiet kollha jkollħom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz, għajr fil-każ ta’ radjijiet fuq l-art li jiġu mħaddma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru.

6.   Minbarra li jkollu l-kapaċità li jiffunzjona bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz, it-tagħmir imsemmi fil-paragrafi 1 sa 5 għandu jkunu kapaċi wkoll li jiġi sintonizzat għal spazjar bejn il-kanali ta’ 25 kHz.

7.   L-utenti jew is-sidien ta’ radjijiet fuq l-art li jkollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz għandhom jiżguraw li l-prestazzjoni ta’ dawn ir-radjijiet u tal-komponent li jitrażmetti u jirċievi pożizzjonat fuq l-art tkun konformi mal-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punt 1 tal-Anness II.

8.   L-utenti jew is-sidien ta’ tagħmir tar-radju ta’ inġenju tal-ajru li jkollu l-kapaċità li jiffunzjona bi spazjar bejn tail-kanali ta’ 8,33 kHz iridu jiżguraw li l-prestazzjoni ta’ dawn ir-radjijiet tkun konformi mal-istandards tal-ICAO speċifikati fil-punt 2 tal-Anness II.

Artikolu 5

Obbligi tal-operaturi

1.   L-ebda operatur ma jista’ jtajjar inġenju tal-ajru f’livell ’il fuq minn FL 195, jekk it-tagħmir tar-radju tal-inġenju tal-ajru ma jkollux il-kapaċità li jiffunzjona bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz.

2.   Mill-1 ta’ Jannar 2014, l-ebda operatur ma jista’ jtajjar inġenju tal-ajru skont ir-regoli tat-titjir bl-istrumenti fil-klassijiet tal-ispazju tal-ajru A, B jew C tal-Istati Membri elenkati fl-Anness I, jekk it-tagħmir tar-radju tal-inġenju tal-ajru ma jkollux il-kapaċità li jiffunzjona bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz.

3.   Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ tagħmir abbord li jitlob li jkun hemm radju bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz identifikat fil-paragrafu 2, l-ebda operatur ma jista’ jtajjar inġenju tal-ajru skont ir-regoli tat-titjir viżwali f’żoni ta’ funzjonment bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz, jekk it-tagħmir tar-radju tal-inġenju tal-ajru ma jkollux il-kapaċità li jiffunzjona bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(5), mill-1 ta’ Jannar 2018, l-ebda operatur ma jista’ jtajjar inġenju tal-ajru fi spazju tal-ajru fejn hu meħtieġ li abbord ikun hemm tagħmir tar-radju, jekk it-tagħmir tar-radju tal-inġenju tal-ajru ma jkollux il-kapaċità li jiffunzjona bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz.

Artikolu 6

Rekwiżiti li jirrigwardaw il-konverżjoni għal 8,33 kHz

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fir-rigward tas-setturi li l-livell l-aktar baxx tagħhom ikun daqs jew ’il fuq minn FL195, l-assenjazzjonijiet kollha ta’ frekwenzi vokali jiġu konvertiti għall-ispazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz.

2.   Fil-każ li f’ċirkostanzi eċċezzjonali, ma jkunx possibbli li jkun hemm konformità mal-paragrafu 1, l-Istati Membri jikkomunikaw ir-raġunijiet lill-Kummissjoni.

3.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014, l-Istati Membri elenkati fl-Anness I għandhom jimplimentaw għadd ta’ konverżjonijiet ġodda għall-ispazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz li jkun ekwivalenti għal mill-inqas 25 % tal-għadd totali ta’ assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi ta’ 25 kHz fir-reġistru ċentrali u allokati lil ċentru tal-kontroll speċifiku ta’ żona (“ACC” — Area Control Centre) fi Stat Membru. Dawn il-konverżjonijiet mhumiex limitati għall-assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi tal-ACC u ma jinkludux l-assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi għall-komunikazzjonijiet ta’ kontroll operazzjonali.

4.   L-għadd totali ta’ assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi ta’ 25 kHz mill-ACC tal-Istat, identifikat fil-paragrafu 3, ma jqis:

(a)

l-assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi meta tintuża operazzjoni ta’ offset carrier bi spazjar bejn il-kanali ta’ 25 kHz;

(b)

l-assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi li jibqgħu fi spazjar bejn tail-kanali ta’ 25 kHz minħabba rekwiżit ta’ sikurezza;

(c)

l-assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi ta’ 25 kHz li jintużaw biex jinqdew inġenji tal-ajru tal-Istat.

5.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013, l-Istati Membri elenkati fl-Anness I jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-għadd ta’ konverżjonijiet possibbli skont il-paragrafu 3.

6.   F’każ li l-objettiv ta’ 25 % identifikat fil-paragrafi 3 u 4 ma jkunx jista’ jintlaħaq, fil-komunikazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni l-Istat Membru għandu jagħti r-raġuni għalfejn ma jkunx irnexxielu jilħaq l-objettiv ta’ 25 % u jipproponi data ta’ skadenza alternattiva biex isiru dawk il-konverżjonijiet.

7.   Fil-komunikazzjoni lill-Kummissjoni għandhu jkun hemm identifikati wkoll l-assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi li l-konverżjoni tagħhom ma tkunx fattibbli, u tingħata r-raġuni għalfejn dik il-konverżjoni ma tkunx fattibbli.

8.   L-Istati Membri elenkati fl-Anness I għandhom jiżguraw li mill-1 ta’ Jannar 2015, il-frekwenzi kollha għall-komunikazzjonijiet ta’ kontroll operazzjonali fir-reġistru ċentrali jkunu assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi bi spazjar bejn tail-kanali ta’ 8,33 kHz.

9.   Meta, minħabba raġunijiet tekniċi, il-konformità mal-paragrafu 8 ma tkunx tista’ tiġi żgurata, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014, l-assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi għall-komunikazzjonijiet ta’ kontroll operazzjonali li ma jkunux se jiġu kkonvertiti u jagħtu r-raġuni għalfejn dawk il-konverżjonijiet ma jkunux se jsiru.

10.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2018, l-assenjazzjonijiet kollha ta’ frekwenzi jiġu kkonvertiti għal spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz, għajr għal:

(a)

l-assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi li jibqgħu fi spazjar bejn il-kanali ta’ 25 kHz minħabba rekwiżit ta’ sikurezza;

(b)

l-assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi li jibqgħu fi spazjar bejn il-kanali ta’ 25 kHz li jintużaw biex jinqdew inġenji tal-ajru tal-Istat.

Artikolu 7

Obbligi tal-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jiżguraw li s-sistemi tagħhom ta’ komunikazzjoni vokali bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz jippermettu li jkun hemm komunikazzjoni vokali li tkun aċċettabbli mil-lat operazzjonali bejn il-kontrolluri u l-piloti fil-kopertura operazzjonali speċifikata.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jimplimentaw il-proċessi ta’ notifikazzjoni u koordinazzjoni inizjali fis-sistemi ta’ proċessar tad-dejta tat-titjiriet tagħhom skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1032/2006 (8) kif ġej:

(a)

l-informazzjoni dwar il-kapaċità ta’ spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz ta’ titjira tiġi trażmessa bejn iċ-ċentri ta’ ATC;

(b)

l-informazzjoni dwar il-kapacità ta’ spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz ta’ titjira tkun disponibbli fil-post tax-xogħol xieraq;

(c)

il-kontrollur għandu jkollu l-mezzi biex jimmodifika l-informazzjoni dwar il-kapacità ta’ spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz ta’ titjira.

Artikolu 8

Proċeduri assoċjati

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, l-operaturi u utenti oħra ta’ radjijiet għandhom jiżguraw li jintużaw is-sitt ċifri kollha tad-deżinjazzjoni numerika biex jiġi identifikat il-kanal li jittrażmetti b’komunikazzjonijiet radju-telefoniċi, ħlief fil-każ fejn kemm il-ħames kif ukoll is-sitt ċifra jkunu żero, f’liema każ għandhom jintużaw l-ewwel erba’ ċifri biss.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, l-operaturi u utenti oħra ta’ radjijiet għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ komunikazzjoni vokali tagħhom mill-ajru għall-art ikunu skont id-dispożizzjonijiet tal-ICAO speċifikati fil-punt 3 tal-Anness II.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jiżguraw li l-proċeduri applikabbli għal inġenji tal-ajru mgħammra b’radjijiet li jkollhom il-kapacità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz u għal inġenji tal-ajru li m’humiex mgħammra b’dan it-tagħmir ikunu speċifikati fl-ittri ta’ ftehim bejn iċ-ċentri ta’ ATS.

4.   L-operaturi u l-aġenti kollha li jaġixxu f’isimhom għandhom jiżguraw li l-ittra Y tiddaħħal fil-punt 10 tal-pjan tat-titjira tal-inġenji tal-ajru mgħammra b’radjijiet li jkollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz.

5.   L-operaturi u l-aġenti li jaġixxu f’isimhom għandhom jiżguraw li fil-pjan tat-titjira li jkunu se jagħmlu fi spazju tal-ajru li jeħtieġ li jinġarr tagħmir tar-radju li jkollu l-kapaċità li jiffunzjona bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz, ikun hemm jidher l-indikatur xieraq fil-każ ta’ inġenju tal-ajru li ma jkollux dan it-tagħmir iżda li jkun ingħata eżenzjoni mill-obbligu li jġorr dan it-tagħmir.

6.   F’każ li l-kapaċità ta’ spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz ta’ titjira tinbidel, l-operaturi jew l-aġenti li jaġixxu f’isimhom għandhom jibagħtu messaġġ dwar il-modifika lill-IFPS bl-indikatur xieraq imdaħħal fil-punt rilevanti.

7.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jiżgura li l-IFPS tipproċessa u tiddistribwixxi l-informazzjoni dwar il-kapaċità ta’ funzjonament bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz li tkun waslet fil-pjanijiet tat-titjira.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet relatati mal-inġenji tal-ajru ta’ Stat

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-inġenji tal-ajru tal-Istat tat-tip użat għat-trasport li jwettqu titjiriet f’livell ’il fuq minn FL 195 ikunu mgħammra b’radjijiet li jkollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz.

2.   Meta ma jkunx jista’ jkun hemm konformità mal-paragrafu 1 minħabba limitazzjonijiet relatati mal-akkwisti pubbliċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-inġenji tal-ajru tal-Istat tat-tip użat għat-trasport li jwettqu titjiriet f’livell ’il fuq minn FL 195 ikunu mgħammra b’radjijiet li jkollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-inġenji tal-ajru tal-Istat li mhumiex tat-tip użat għat-trasport li jwettqu titjiriet f’livell ’il fuq minn FL 195 ikunu mgħammra b’radjijiet li jkollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz.

4.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li jkun hemm nuqqas ta’ konformità mal-paragrafu 3 minħabba:

(a)

limitazzjonijiet serji ta’ natura teknika jew baġitarja;

(b)

limitazzjonijiet relatati mal-akkwisti pubbliċi.

5.   Meta l-konformità mal-paragrafu 3 ma tkunx tista’ tinżamm minħabba limitazzjonijiet relatati mal-akkwisti pubbliċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-inġenji tal-ajru tal-Istat li mhumiex tat-tip użat għat-trasport li jwettqu titjiriet f’livell ’il fuq minn FL 195 ikunu mgħammra b’radjijiet li jkollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-inġenji tal-ajru tal-Istat ġodda li jibdew jintużaw mill-1 ta’ Jannar 2014 ikunu mgħammra b’radjijiet li jkollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-1 ta’ Jannar 2014, kull meta r-radjijiet installati abbord inġenju tal-ajru tal-Istat isirilhom aġġornament tar-radju, ir-radjijiet il-ġodda jkollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2018 l-inġenji tal-ajru tal-Istat kollha jkunu mgħammra b’radjijiet li jkollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz.

9.   Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri nazzjonali għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-inġenji tal-ajru tal-Istat, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2018, il-lista tal-inġenji tal-ajru tal-Istat li ma jistgħux jiġu mgħammra b’radjijiet li jkollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz skont il-paragrafu 8, minħabba:

(a)

limitazzjonijiet serji ta’ natura teknika jew baġitarja;

(b)

limitazzjonijiet relatati mal-akkwisti pubbliċi.

10.   Meta l-konformità mal-paragrafu 8 ma tkunx tista’ tinżamm minħabba limitazzjonijiet relatati mal-akkwisti pubbliċi, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2018, id-data ta’ skadenza meta l-inġenju tal-ajru kkonċernat ser ikunu mgħammar b’radjijiet li jkollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz. Din id-data m’għandiex tkun iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020.

11.   Il-paragrafu 8 ma japplikax għall-inġenji tal-ajru tal-Istat li sal-31 ta’ Diċembru 2025 se jkun ġew irtirati mis-servizz operazzjonali.

12.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jiżguraw li l-inġenji tal-ajru tal-Istat li ma jkunux mgħammra b’radjijiet li jkollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz jkunu jistgħu jitħaddmu sakemm ikunu jistgħu jiġu ttrattati b’sikurezza fil-limiti tal-kapaċità tas-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru b’assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi UHF jew ta’ frekwemzi bi spazjar bejn il-kanali ta’ 25 kHz.

13.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw il-proċeduri għall-ġestjoni tal-inġenji tal-ajru tal-Istat li ma jkunux mgħammra b’radjijiet li jkollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz fil-pubblikazzjonijiet nazzjonali ta’ informazzjoni ajrunawtika tagħhom.

14.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jikkomunikaw kull sena lill-Istat Membru li jkun ħatarhom, il-pjanijiet tagħhom għall-ġestjoni tal-inġenji tal-ajru tal-Istat mhux mgħammra b’radjijiet li jkollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz, waqt li jitqiesu l-limiti ta’ kapaċità assoċjati mal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 13.

Artikolu 10

Rekwiżiti tas-sikurezza

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li qabel ma ssir kwalunkwe bidla fis-sistemi eżistenti msemmija fl-Artikolu 2(1) jew jiġu introdotti sistemi ġodda, issir evalwazzjoni ta’ sikurezza mmexxija mill-partijiet interessati, li tinkludi l-identifikazzjoni tal-perikolu u l-evalwazzjoni u t-tnaqqis tar-riskju. Matul din l-evalwazzjoni tas-sikurezza, ir-rekwiżiti speċifikati fl-Anness III għandhom jitqiesu li huma rekwiżiti minimi.

Artikolu 11

Konformità jew idoneità għall-użu tal-komponenti

1.   Qabel ma joħorġu dikjarazzjoni tal-KE dwar il-konformità jew l-idoneità għall-użu skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004, il-fabbrikanti ta’ komponenti tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament għandhom jevalwaw il-konformità jew l-idoneità għall-użu ta’ dawk il-komponenti b’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness IV, Parti A, ta’ dan ir-Regolament.

2.   Meta fir-rigward tal-komponenti jkun applikabbli ċertifikat maħruġ skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), dan jitqies bħala dikjarazzjoni tal-KE dwar il-konformità jew l-idoneità għall-użu jekk ikun jinkludi parti li turi l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli tal-interoperabilità, tal-prestazzjoni u tas-sikurezza ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Verifika tas-sistemi

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru li jistgħu juru jew li wrew lill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza tagħhom li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness V għandhom iwettqu verifika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 2(1) b’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness IV, Parti C.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru li ma jkunux jistgħu juru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness V għandhom jgħaddu, permezz ta’ subkuntratt, il-verifika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 2(1) lil korp notifikat. Il-verifika titmexxa b’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness IV, Parti D.

3.   Meta ċertifikat maħruġ skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 jkun japplika għas-sistemi dan jitqies bħala dikjarazzjoni tal-KE dwar il-verifika jekk ikun juri li hemm konformità mar-rekwiżiti applikabbli tal-interoperabilità, tal-prestazzjoni u tas-sikurezza ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Rekwiżiti addizzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet interessati rilevanti kollha jkunu debitament konxji tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u li jiġu mħarrġa kif xieraq biex iwettqu l-funzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

2.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandhu jiżgura li l-membri tal-persunal li jħaddmu l-IFPS involut fl-ippjanar tat-titjiriet ikunu konxji kif xieraq tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u jiġu mħarrġa kif xieraq biex iwettqu l-funzjonijiet tax-xogħolhom.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom:

(a)

jiżviluppaw u jżommu manwali operattivi li jkun fihom l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni neċessarji li jippermettu lill-persunal rilevanti kollu tagħhom li japplika dan ir-Regolament;

(b)

jiżguraw li l-manwali msemmija fil-punt (a) jkunu aċċessibbli u aġġornati u jiżguraw li l-aġġornamenti u d-distribuzzjoni tagħhom ikunu soġġetti għal ġestjoni xierqa tal-kwalità u tad-dokumentazzjoni;

(c)

jiżguraw li l-metodi ta’ ħidma u l-proċeduri tal-operat ikun konformi ma’ dan ir-Regolament.

4.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jiżgura li s-servizz ċentralizzat ta’ proċessar u distribuzzjoni ta’ pjanijiet ta’ titjir:

(a)

jiżviluppa u jżomm manwali operattivi li jkun fihom l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni neċessarji li jippermettu lill-persunal rilevanti kollu li japplika dan ir-Regolament;

(b)

jiżgura li l-manwali msemmija fil-punt (a) jkunu aċċessibbli u aġġornati u li l-aġġornamenti u d-distribuzzjoni tagħhom ikunu suġġetti għal ġestjoni xierqa tal-kwalità u tad-dokumentazzjoni;

(c)

jiżgura li l-metodi ta’ ħidma u l-proċeduri tal-operat tiegħu jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

5.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-persunal li jħaddem tagħmir tar-radju ikun konxju ta’ dan ir-Regolament, ikun mħarreġ kif xieraq biex juża dan it-tagħmir u li, kemm jista’ jkun, l-istruzzjonijiet ikunu disponibbli fil-kabina tal-piloti.

6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkun hemm konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluża l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti fil-pubblikazzjonijiet nazzjonali ta’ informazzjoni ajrunawtika.

Artikolu 14

Eżenzjonijiet

1.   Fil-qafas tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 730/2006 (10), l-Istati Membri jistgħu jagħtu derogi temporanji mill-obbligi dwar it-tagħmir abbord waqt it-titjira stabbiliti fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ titjiriet li jsiru skont regoli tat-titjir viżwali.

2.   L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri lokali li permezz tagħhom tingħata eżenzjoni mill-konformità mal-Artikoli 4(5), 5(4) u 6(10) f’każijiet li jkollhom impatt limitat fuq in-netwerk.

3.   L-Istati Membri li jieħdu l-miżuri lokali msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dettaljata li tiġġustifika l-ħtieġa għall-eżenzjonijiet, sa mhux aktar tard minn sena qabel id-dati identifikati fl-Artikolu 4(5), fl-Artikolu 5(4) u fl-Artikolu 6(10).

4.   Fi żmien 6 xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni dettaljata mingħand l-Istati Membri skont il-paragrafu 3 u wara konsultazzjoni mal-Maniġer tan-Netwerk, il-Kummissjoni tista’ tirrevedi kwalunkwe eżenzjoni mogħtija skont il-paragrafu 2 jekk l-impatt fuq in-netwerk ma jkunx limitat.

Artikolu 15

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 1265/2007 huwa revokat.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

(2)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 283, 27.10.2007, p. 25.

(4)  ĠU L 185, 15.7.2011, p. 1.

(5)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82.

(6)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(7)  ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1.

(8)  ĠU L 186, 7.7.2006, p. 27.

(9)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(10)  ĠU L 128, 16.5.2006, p. 3.


ANNESS I

Stati Membri msemmija fl-Artikoli 5 u 6

L-Istati Membri msemmija fl-Artikoli 5(2), 6(3), 6(5) u 6(8) huma dawn li ġejjin:

il-Ġermanja;

l-Irlanda;

Franza;

l-Italja;

il-Lussemburgu;

l-Ungerija;

il-Pajjiżi l-Baxxi;

l-Awstrija;

ir-Renju Unit.


ANNESS II

Dispożizzjonijiet tal-ICAO msemmija fl-Artikoli 4 u 8

1.

Kapitolu 2 “Aeronautical Mobile Service”, Taqsima 2.1 “Air-ground VHF communication system characteristics” u Taqsima 2.2 “System characteristics of the ground installations” tal-Anness 10 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, Volum III, Parti 2 (it-Tieni Edizzjoni — Lulju 2007 li tinkorpora l-Emenda Nru 85).

2.

Kapitolu 2 “Aeronautical Mobile Service”, Taqsima 2.1 “Air-ground VHF communication system characteristics”, Taqsima 2.3.1 “Transmitting function” u Taqsima 2.3.2 “Receiving function” bl-esklużjoni tas-sottotaqsima 2.3.2.8 “VDL — Interference Immunity Performance” tal-Anness 10 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, Volum III, Parti 2 (it-Tieni Edizzjoni — Lulju 2007 li tinkorpora l-Emenda Nru 85).

3.

Taqsima 12.3.1.4 “8,33 kHz channel spacing” tad-Dokument 4444 PANS-ATM tal-ICAO (il-15-il Edizzjoni — 2007 li tinkorpora l-Emenda Nru 2).


ANNESS III

Rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 10, li għandhom jitqiesu fl-evalwazzjoni tas-sikurezza

1.

Ir-rekwiżiti ta’ interoperabilità u ta’ prestazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 4(6), 4(7), 4(8), 7(1) u 7(2) għandhom jitqiesu fl-evalwazzjoni tas-sikurezza.

2.

Ir-rekwiżiti ta’ proċedura assoċjati stabbiliti fl-Artikolu 8 għandhom jitqiesu fl-evalwazzjoni tas-sikurezza.

3.

Id-dispożizzjonijeit dwar l-inġenji tal-ajru tal-Istat stabbiliti fl-Artikoli 9(13) u (14) għandhom jitqiesu fl-evalwazzjoni tas-sikurezza.

4.

Ir-rekwiżiti li jsostnu l-konformità stabbiliti fl-Artikoli 13(1), (2), (5) u (6) għandhom jitqiesu fl-evalwazzjoni tas-sikurezza.

5.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jkun meħtieġ li assenjazzjoni ta’ frekwenza tiġi kkonvertita għal spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz, l-assenjazzjoni l-ġdida ta’ frekwenza tiġi ttestjata għal perjodu ta’ prova ta’ tul xieraq; f’dan il-perjodu tiġi vverifikata s-sikurezza operattiva, qabel ma ssir ir-reġistrazzjoni fir-reġistru ċentrali.

6.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konverżjonijiet għal spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz isiru billi jitqiesu d-dokumenti ta’ gwida tal-ICAO dwar il-kriterji tal-ippjanar tal-frekwenzi deskritti fil-Parti II — ‘VHF Air-Ground Communications Frequency Assignment Planning Criteria’ tal-EUR Frequency Management Manual — ICAO EUR Doc 011.

7.

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jiżguraw li l-proċeduri għall-ġestjoni tal-inġenji tal-ajru li ma jkollhomx tagħmir ta’ 8,33 kHz u li jittajru fi spazju tal-ajru li jeħtieġ tagħmir ta’ radjijiet abbord li jkollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz jiġu ppubblikati u applikati kif xieraq.

8.

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u/jew l-operaturi tal-ajruporti għandhom jiżguraw li l-proċeduri għall-ġestjoni ta’ vetturi li ma jkollhomx tagħmir ta’ radjijiet b’kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz, f’partijiet tal-ajruport fejn jintuża spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz, jiġu ppubblikati u applikati kif xieraq.

9.

L-Istati Membri li jikkonvertu assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi għal spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz fi kwalunkwe parti tal-ispazju tal-ajru tagħhom għandhom:

(a)

jiżguraw li l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru li jittajru f’dak l-ispazju tal-ajru jkunu ġew mgħarrfa li dawk l-inġenji tal-ajru għandhom ikunu mgħammra b’radjijiet li jkollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz,

(b)

jiżguraw li jingħata taħriġ xieraq lill-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira li jużaw radjijiet ta’ 25 kHz fi spazju tal-ajru li jeħtieġ li abbord ikun hemm radjijiet li jkollhom il-kapaċità li jiffunzjonaw bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz, kif speċifikat fl-Artikolu 2(5).

(c)

qabel ma ssir il-konverżjoni jwettqu evalwazzjoni tas-sikurezza lokalment, fejn jitqiesu t-traffiku kollu li jkun mistenni jgħaddi minn dak l-ispazju tal-ajru u l-kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu minħabba s-sistema ta’ komunikazzjoni vokali li tkun qed tintuża fl-ispazju tal-ajru tal-madwar.


ANNESS IV

PARTI A

Rekwiżiti għall-evalwazzjoni tal-konformità jew tal-idoneità għall-użu tal-komponenti msemmija fl-Artikolu 11

1.

L-attivitajiet ta’ verifika għandhom juru li l-komponenti huma konformi jew huma adattati għall-użu tagħhom skont ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni ta’ dan ir-Regolament filwaqt li dawn il-komponenti jkunu qegħdin jintużaw fl-ambjent tal-ittestjar.

2.

L-applikazzjoni mill-manifattur tal-modulu deskritt fil-Parti B għandha titqies bħala proċedura xierqa ta’ evalwazzjoni tal-konformità biex tkun żgurata u tiġi ddikjarata l-konformità ta’ komponenti. Huma awtorizzati wkoll proċeduri ekwivalenti jew aktar stretti.

PARTI B

Modulu tal-kontroll intern tal-produzzjoni

1.

Dan il-modulu jiddeskrivi l-proċedura li permezz tagħha il-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fl-Unjoni li jwettaq l-obbligi stabbiliti fil-punt 2, jiżgura, u jiddikjara li l-komponenti kkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Il-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fl-Unjoni għandu jfassal dikjarazzjoni bil-miktub tal-konformità jew tal-idoneità għall-użu skont il-punt 3 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 552/2004.

2.

Il-manifattur għandu jħejji d-dokumentazzjoni teknika deskritta fil-punt 4. Hu, jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fl-Unjoni, għandu jżomm id-dokumentazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti ta’ sorveljanza għal skopijiet ta’ spezzjoni u għad-dispożizzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru li jintegraw dawn il-komponenti fis-sistemi tagħhom, għal perjodu ta’ żmien li jintemm mill-inqas 10 snin wara li jiġi mmanifatturat l-aħħar komponent. Il-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fl-Unjoni għandu jgħarraf lill-Istati Membri dwar fejn u kif tkun disponibbli d-dokumentazzjoni teknika msemmija hawn fuq.

3.

Meta l-manifattur ma jkunx stabbilit fl-Unjoni, għandu jaħtar persuna(i) li tqiegħed/jqiegħdu l-komponenti fis-suq tal-Unjoni. Din il-persuna/dawn il-persuni għandha/għandhom tgħarraf/jgħarrfu lill-Istati Membri dwar fejn u kif tkun disponibbli d-dokumentazzjoni teknika.

4.

Id-dokumentazzjoni teknika għandha turi li l-konformità tal-komponenti mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Għandha, sa fejn ikun rilevanti għall-evalwazzjoni, tkopri d-disinn, il-manifattura u l-operazzjoni tal-komponenti

5.

Il-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandhom iżomm kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità jew idoneità għall-użu mad-dokumentazzjoni teknika.

PARTI C

Rekwiżiti għall-verifika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 12(1)

1.

Il-verifika ta’ sistemi identifikati fl-Artikolu 2(1) għandha turi l-konformità ta’ dawk is-sistemi mar-rekwiżiti tal-interoperabilità, prestazzjoni u sikurezza ta’ dan ir-Regolament fil-kuntest ta’ evalwazzjoni li tirrifletti l-kuntest operazzjonali ta’ dawn is-sistemi. B’mod partikulari:

il-verifika tas-sistemi ta’ komunikazzjoni għandha turi li qed jintuża spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz għall-komunikazzjonijiet vokali skont l-Artikolu 4 u li l-prestazzjoni tas-sistemi ta’ komunikazzjoni vokali bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz tkun konformi mal-Artikolu 4(7),

il-verifika tas-sistemi ta’ proċessar tad-dejta dwar it-titjiriet għandha turi li l-funzjonalità deskritta fl-Artikolu 7(2) tkun implimentata tajjeb.

2.

Il-verifika tas-sistemi identifikati fl-Artikolu 2(1) għandha titmexxa skont prattiki ta’ ttestjar xierqa u rikonoxxuti.

3.

L-għodda ta’ ttestjar użata għall-verifika tas-sistemi identifikati fl-Artikolu 2(1) għandu jkollha funzjonalitajiet xierqa.

4.

Il-verifika tas-sistemi identifikati fl-Artikolu 2(1) għandha tipproduċi l-elementi tal-fajl tekniku previst fil-punt 3 tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 552/2004, inkluż l-elementi li ġejjin:

deskrizzjoni tal-implimentazzjoni,

ir-rapport tal-ispezzjonijiet u t-testijiet li jkunu saru qabel ma tkun inbdiet tintuża s-sistema.

5.

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jiġġestixxi l-attivitajiet ta’ verifika u għandu b’mod partikolari:

jiddetermina l-kuntest xieraq tal-evalwazzjoni operazzjonali u teknika li jirrifletti l-ambjent operazzjonali,

jivverifika li l-pjan ta’ ttestjar jiddeskrivi l-integrazzjoni tas-sistemi identifikati fl-Artikolu 2(1) f’kuntest ta’ evalwazzjoni operazzjonali u teknika,

jivverifika li l-pjan ta’ ttestjar jipprovdi kopertura sħiħa tar-rekwiżiti ta’ interoperabilità, prestazzjoni u sigurtà applikabbli ta’ dan ir-Regolament,

jiżgura li d-dokumentazzjoni teknika u l-pjan ta’ ttestjar ikunu konsistenti u ta’ kwalità,

jippjana dak li jkun meħtieġ għall-organizzazzjoni, il-persunal, l-installazzjoni u l-konfigurazzjoni tat-test flimkien mal-pjattaforma għall-ittestjar,

iwettaq l-ispezzjonijiet u t-testijiet kif speċifikat fil-pjan ta’ ttestjar,

jikteb ir-rapport li jippreżenta r-riżultati tal-ispezzjonijiet u t-testijiet.

6.

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jiżgura li s-sistemi identifikati fl-Artikolu 2(1) mħaddmin f’kuntest ta’ evalwazzjoni operazzjonali jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-interoperabilità, prestazzjoni u sikurezza ta’ dan ir-Regolament.

7.

Wara li l-verifika tal-konformità tkun tlestiet b’mod sodisfaċenti, il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom iħejju d-dikjarazzjoni KE dwar il-verifika tas-sistema u jissottomettuha lill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza, flimkien mal-fajl tekniku, kif previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004.

PARTI D

Rekwiżiti għall-verifika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 12(2)

1.

Il-verifika ta’ sistemi identifikati fl-Artikolu 2(1) għandha turi l-konformità ta’ dawn is-sistemi mar-rekwiżiti tal-interoperabilità, prestazzjoni u sikurezza ta’ dan ir-Regolament fil-kuntest ta’ evalwazzjoni li tirrifletti l-kuntest operazzjonali ta’ dawk is-sistemi. B’mod partikulari:

il-verifika tas-sistemi ta’ komunikazzjoni għandha turi li qed jintuża spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz għall-komunikazzjonijiet vokali skont l-Artikolu 4 u li l-prestazzjoni tas-sistemi ta’ komunikazzjoni vokali bi spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz hija konformi mal-Artikolu 4(7),

il-verifika tas-sistemi ta’ proċessar tad-dejta dwar it-titjiriet għandha turi li l-funzjonalità deskritta fl-Artikolu 7(2) tkun implimentata tajjeb.

2.

Il-verifika tas-sistemi identifikati fl-Artikolu 2(1) għandha titmexxa skont prattiki ta’ ttestjar xierqa u rikonoxxuti.

3.

L-għodda ta’ ttestjar użata għall-verifika tas-sistemi identifikati fl-Artikolu 2(1) għandu jkollha funzjonalitajiet xierqa.

4.

Il-verifika tas-sistemi identifikati fl-Artikolu 2(1) għandha tipproduċi l-elementi tal-fajl tekniku previst fil-punt 3 tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 552/2004, inklużi l-elementi li ġejjin:

deskrizzjoni tal-implimentazzjoni,

ir-rapport tal-ispezzjonijiet u t-testijiet li jkunu saru qabel ma tkun inbdiet tintuża s-sistema.

5.

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jiddetermina l-kuntest xieraq tal-evalwazzjoni operazzjonali u teknika li jirrifletti l-ambjent operazzjonali u l-attivitajiet ta’ verifika għandhom jitwettqu minn korp notifikat.

6.

Il-korp notifikat għandu jiġġestixxi l-attivitajiet ta’ verifika u għandu b’mod partikolari:

jivverifika li l-pjan ta’ ttestjar jiddeskrivi l-integrazzjoni tas-sistemi identifikati fl-Artikolu 2(1) f’kuntest ta’ evalwazzjoni operazzjonali u teknika,

jivverifika li l-pjan ta’ ttestjar ikopri bis-sħiħa r-rekwiżiti ta’ interoperabilità, prestazzjoni u sigurtà applikabbli ta’ dan ir-Regolament,

jiżgura li d-dokumentazzjoni teknika u l-pjan ta’ ttestjar ikunu konsistenti u ta’ kwalità,

jippjana dak li jkun meħtieġ għall-organizzazzjoni, il-persunal, l-installazzjoni u l-konfigurazzjoni tat-test flimkien mal-pjattaforma għall-ittestjar,

iwettaq l-ispezzjonijiet u t-testijiet kif speċifikat fil-pjan ta’ ttestjar,

jikteb ir-rapport li jippreżenta r-riżultati tal-ispezzjonijiet u t-testijiet.

7.

Il-korp notifikat għandu jiżgura li s-sistemi identifikati fl-Artikolu 2(1) mħaddmin f’kuntest ta’ evalwazzjoni operazzjonali jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ interoperabilità, prestazzjoni u sigurtà ta’ dan ir-Regolament.

8.

Hekk kif il-kompiti ta’ verifika jkunu twettqu b’mod sodisfaċenti, il-korp notifikat għandu jħejji ċertifikat ta’ konformità relatat mal-kompiti mwettqa.

9.

Imbagħad, il-fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru iħejji d-dikjarazzjoni KE dwar il-verifika tas-sistema u jissottomettiha lill-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni flimkien mal-fajl tekniku, kif previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004.


ANNESS V

Kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12

1.

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jkollu fis-seħħ metodi ta’ rapportar stabbiliti fi ħdan l-organizzazzjoni li jiżguraw u juru l-imparzjalità u l-indipendenza ta’ ġudizzju fir-rigward tal-attivitajiet ta’ verifika.

2.

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jiżgura li l-impjegati involuti fil-proċessi ta’ verifika jwettqu l-verifiki bl-akbar integrità professjonali possibbli u bl-aqwa kompetenza teknika possibbli u jkunu ħielsa minn kull pressjoni u inċentiv, b’mod partikolari ta’ xorta finanzjarja, li jistgħu jaffettwaw il-konklużjonijiet jew ir-riżultati tal-verifiki tagħhom, b’mod partikolari minn persuni jew gruppi ta’ persuni milquta mir-riżultati tal-verifiki.

3.

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jiżgura li l-impjegati involuti fil-proċessi ta’ verifika jkollhom aċċess għat-tagħmir li jippermettilhom li jwettqu tajjeb il-kontrolli meħtieġa.

4.

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jiżgura li l-impjegati involuti fil-proċessi ta’ verifika jkunu rċevew taħriġ tekniku u vokazzjonali sod, ikollhom għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-verifiki li jkunu mistennija jwettqu, esperjenza adegwata ta’ operazzjonijiet bħal dawn u l-ħila meħtieġa biex iħejju dikjarazzjonijiet, rekords u rapporti li juru li l-verifiki jkunu twettqu.

5.

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jiżgura li l-impjegati involuti fil-proċessi tal-verifika jkunu kapaċi jwettqu t-testijiet b’imparzjalità. Ir-rimunerazzjoni tagħhom ma għandhiex tiddependi fuq l-għadd ta’ kontrolli mwettqa jew fuq ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli.


Top